02019L0520 — MT — 24.03.2022 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA (UE) 2019/520 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 091 29.3.2019, p. 45)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2022/362 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-24 ta’ Frar 2022

  L 69

1

4.3.2022




▼B

DIRETTIVA (UE) 2019/520 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tad-19 ta' Marzu 2019

dwar l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ u l-faċilitazzjoni tal-iskambju transfruntier ta' informazzjoni dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.  

Din id-Direttiva tistipula l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-finijiet li ġejjin:

(a) 

li tiġi żgurata l-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ, fin-network kollu tat-toroq fl-Unjoni, fl-ibliet u bejn l-ibliet, l-awtostradi, toroq prinċipali u żgħar, u strutturi diversi, bħal mini jew pontijiet, u bastimenti tat-traġitt; u

(b) 

li jiġi faċilitat l-iskambju transfruntier tad-data dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi rigward il-vetturi u s-sidien jew id-detenturi tal-vetturi li għalihom kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffi tat-triq ta' kwalunkwe tip fl-Unjoni.

Sabiex jiġi rrispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà, din id-Direttiva għandha tapplika mingħajr preġudizzju għad-deċiżjonijiet meħuda minn Stati Membri li jimponu tariffi tat-triq fuq tipi ta' vetturi partikolari, u sabiex jiġi ddeterminat il-livell ta' dawk it-tariffi u l-għan li għalih jiġu imposti dawn it-tariffi.

2.  

L-Artikoli 3 sa 22 ma japplikawx għal:

(a) 

sistemi ta' pedaġġ li mhumiex elettroniċi fis-sens tal-punt 10 tal-Artikolu 2; u

(b) 

sistemi ta' pedaġġ żgħar, strettament lokali li għalihom l-ispejjeż biex ikunu konformi mal-ħtiġijiet tal-Artikoli 3 sa 22 ma jkunux fi proporzjon mal-benefiċċji;

3.  
Din id-Direttiva ma tapplikax għat-tariffi għall-parking.
4.  
L-għan tal-interoperabilità tas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fl-Unjoni, għandu jinkiseb permezz tas-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS) li għandu jikkumplimenta s-servizzi elettroniċi nazzjonali ta' pedaġġ tal-Istati Membri
5.  

Fejn il-liġi nazzjonali titlob notifika lill-utent tal-obbligu tiegħu li jħallas qabel ma jkun jista' jiġi stabbilit nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din id-Direttiva biex jidentifikaw is-sid jew id-detentur tal-vettura u l-vettura nnifisha għall-finijiet tan-notifika, biss jekk ikunu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

ma jkun hemm l-ebda mezz ieħor kif jiġi identifikat is-sid jew id-detentur tal-vettura; u

(b) 

in-notifika lill-utent jew id-detentur tal-vettura dwar l-obbligu ta' ħlas hi stadju obbligatorju tal-proċedura ta' ħlas tat-tariffa tat-triq skont il-liġi nazzjonali.

6.  
Fejn Stat Membru japplika l-paragrafu 5, huwa għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li kwalunkwe proċediment ta' segwitu b'rabta mal-obbligu ta' ħlas tat-tariffa tat-triq jitwettaq mill-awtoritajiet pubbliċi. Referenzi għan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq f'din id-Direttiva għandhom jinkludu fihom il-każijiet koperti mill-paragrafu 5 jekk l-Istat Membru fejn iseħħ in-nuqqas ta' ħlas, japplika dak il-paragrafu.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“servizz ta' pedaġġ” tfisser is-servizz li jippermetti li utenti jużaw vettura f'dominju wieħed jew aktar tal-EETS taħt kuntratt uniku u, fejn meħtieġ, b'biċċa waħda ta' tagħmir ta' abbord (OBE), u li jinkludi:

(a) 

fejn meħtieġ, l-għoti ta' OBE apposta lill-utenti u ż-żamma tal-funzjonalità tiegħu;

(b) 

garanzija li l-kollettur tal-pedaġġ jitħallas il-pedaġġ dovut mill-utent;

(c) 

il-forniment lill-utent tal-mezz li bih għandu jsir il-ħlas jew l-aċċettazzjoni ta' dak attwali;

(d) 

il-ġbir tal-pedaġġ mingħand l-utent;

(e) 

il-ġestjoni tar-relazzjonijiet mal-klijent mal-utent; u

(f) 

l-implimentazzjoni u l-konformità mal-politiki ta' sigurtà u privatezza għas-sistemi ta' pedaġġ tat-triq;

(2) 

“fornitur tas-servizz ta' pedaġġ” tfisser entità legali li tipprovdi servizzi ta' pedaġġ f'dominju tal-EETS jew aktar għal klassi waħda jew aktar ta' vetturi;

(3) 

“kollettur tal-pedaġġi” tfisser entità pubblika jew privata li tiġbor il-pedaġġi għaċ-ċirkolazzjoni ta' vetturi f'dominju tal-EETS;

(4) 

“kollettur tal-pedaġġi nominat” tfisser entità pubblika jew privata li nħatret biex tkun il-kollettur tal-pedaġġi f'dominju futur tal-EETS;

(5) 

“Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS)” tfisser is-servizz ta' pedaġġ mogħti b'kuntratt f'dominju wieħed jew aktar tal-EETS minn fornitur tal-EETS lil utent tal-EETS;

(6) 

“fornitur tal-EETS” tfisser entità li, taħt kuntratt separat, tagħti aċċess għall-EETS lil utent tal-EETS, tittrasferixxi l-pedaġġi lill-kollettur tal-pedaġġi rilevanti, u li hija rreġistrata mill-Istat Membru fejn tkun stabbilita;

(7) 

“utent tal-EETS” tfisser persuna (naturali jew ġuridika) li għandha kuntratt ma' fornitur tal-EETS sabiex ikollha aċċess għall-EETS;

(8) 

“dominju tal-EETS” tfisser triq, netwerk ta' toroq, struttura, bħal pont jew mina, jew bastiment tat-traġitt, fejn il-pedaġġi jinġabru bl-użu ta' sistema elettronika ta' pedaġġ;

(9) 

“Sistema konformi mal-EETS” tfisser is-sett ta' elementi ta' sistema elettronika ta' pedaġġ li huma meħtieġa b'mod speċifiku għall-integrazzjoni tal-fornituri tal-EETS fis-sistema u għat-tħaddim tal-EETS;

(10) 

“sistema elettronika ta' pedaġġ” tfisser sistema ta' ġbir ta' pedaġġ li fiha l-obbligu, għall-utent, li jħallas il-pedaġġ jiġi attivat mis-sejbien awtomatiku ta' jew marbut mal-preżenza tal-vettura f'ċertu post permezz ta' komunikazzjoni mill-bogħod ma' OBE fil-vettura jew rikonoxximent awtomatiku tal-pjanċi;

(11) 

“tagħmir ta' abbord” (OBE), tfisser is-sett sħiħ ta' komponenti tal-hardware u tas-software li għandhom jintużaw bħala parti mis-servizz ta' pedaġġ li huwa installat, jew jinġarr, abbord vettura sabiex jiġbor, jaħżen, jipproċessa u jirċievi/jittrażmetti mill-bogħod id-data, jew bħala apparat separat jew inkorporat fil-vettura;

(12) 

“fornitur ewlieni tas-servizz” tfisser fornitur tas-servizz ta' pedaġġ b'obbligi speċifiċi, bħall-obbligu li jiffirma kuntratti mal-utenti interessati kollha, jew drittijiet speċifiċi, bħal remunerazzjoni speċifika jew kuntratt garantit fit-tul, differenti mid-drittijiet u l-obbligi ta' fornituri oħra tas-servizz;

(13) 

“kostitwent tal-interoperabilità” tfisser kwalunkwe komponent elementari, grupp ta' komponenti, binja parzjali jew sħiħa ta' tagħmir inkorporat jew maħsub biex jiġi inkorporat fl-EETS li fuqu tiddependi direttament jew indirettament l-interoperabilità tas-servizz, inkluż kemm oġġetti tanġibbli jew oġġetti intanġibbli bħal software;

(14) 

“idoneità għall-użu” tfisser l-abbiltà ta' kostitwent li jikseb u jżomm prestazzjoni speċifikata meta jkun qed jintuża, integrata b'mod rappreżentattiv fl-EETS b'rabta ma' sistema ta' kollettur tal-pedaġġ;

(15) 

data dwar il-kuntest tal-pedaġġ” tfisser l-informazzjoni definita mill-kollettur tal-pedaġġ bħala meħtieġa biex jiġi stabbilit il-pedaġġ dovut għaċ-ċirkolazzjoni ta' vettura f'dominju partikolari ta' pedaġġ u konkluża t-tranżazzjoni tal-pedaġġ;

(16) 

“dikjarazzjoni tal-pedaġġ” tfisser stqarrija lil kollettur tal-pedaġġ li tikkonferma l-preżenza ta' vettura f'dominju tal-EETS f'format maqbul bejn il-fornitur tas-servizz ta' pedaġġ u l-kollettur tal-pedaġġ;

(17) 

“parametri ta' klassifikazzjoni tal-vettura” tfisser l-informazzjoni marbuta mal-vettura li skontha jiġu kkalkulati l-pedaġġi abbażi tad-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ;

(18) 

“back office” tfisser is-sistema elettronika ċentrali użata mill-kollettur tal-pedaġġ, grupp ta' kolletturi tal-pedaġġ li ħolqu ċentru ta' interoperabilità, jew mill-fornitur tal-EETS biex tinġabar, tiġi proċessata u tintbagħat informazzjoni fil-qafas ta' sistema elettronika ta' pedaġġ;

(19) 

“sistema modifikata sostanzjalment” tfisser sistema elettronika ta' pedaġġ eżistenti li għaddiet jew tgħaddi minn bidla li tirrikjedi li l-fornituri tal-EETS jagħmlu modifiki lill-kostitwenti tal-interoperabilità li qed jitħaddmu, bħar-riprogrammazzjoni jew l-adattament tal-interfaċċi tal-back office tagħhom, b'tali mod li tkun meħtieġa akkreditazzjoni mill-ġdid;

(20) 

“akkreditazzjoni” tfisser il-proċess definit u amministrat mill-kollettur tal-pedaġġi, li minnu jrid jgħaddi fornitur tal-EETS qabel ma jiġi awtorizzat li jipprovdi l-EETS f'dominju tal-EETS.

(21) 

“pedaġġ” jew “tariffa tat-triq” ifissru t-tariffa li trid titħallas minn utent tat-triq biex ikun jista' jiċċirkola fuq triq partikolari, netwerk ta' toroq, struttura, bħal pont jew mina jew bastiment tat-traġitt;

(22) 

“nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq” tfisser ir-reat li jikkonsisti min-nuqqas minn utent tat-triq milli jħallas tariffa tat-triq fi Stat Membru, definita mid-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti ta' dak l-Istat Membru;

(23) 

“Stat Membru tar-reġistrazzjoni” tfisser l-Istat Membri fejn hi rreġistrata l-vettura li hi soġġetta għall- ħlas tat-tariffa tat-triq;

(24) 

“punt ta' kuntatt nazzjonali” tfisser awtorità kompetenti ddeżinjata ta' Stat Membru għall-iskambju transfruntier ta' data dwar ir-reġistrazzjoni ta' vetturi;

(25) 

“tiftix awtomatizzat” tfisser proċedura ta' aċċess online għall-konsultazzjoni tal-bażijiet tad-data ta' Stat Membru wieħed, ta' diversi Stati Membri jew tal-Istati Membri kollha kemm huma;

(26) 

“vettura” tfisser vettura bil-mutur, jew kombinazzjoni artikolata ta' vetturi maħsuba jew użati biex iġorru fit-triq passiġġieri jew prodotti;

(27) 

“detentur tal-vettura” tfisser il-persuna li f'isimha tkun irreġistrata l-vettura, kif definit fil-liġi tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

(28) 

“vettura heavy duty” tfisser vettura li għandha massa massima permissibbli ta' aktar minn 3,5 tunnellati;

(29) 

“vettura light duty” tfisser vettura li għandha massa massima permissibbli li ma jaqbiżx it-3,5 tunnellati.

Artikolu 3

Soluzzjonijiet teknoloġiċi

1.  

Is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ ġodda kollha li jesiġu l-installazzjoni jew l-użu tal-OBE għandhom, biex jagħmlu tranżazzjonijiet elettroniċi ta' pedaġġ, jużaw waħda jew iżjed mit-teknoloġiji li ġejjin:

(a) 

pożizzjonament bis-satellita;

(b) 

komunikazzjoni mobbli;

(c) 

teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz.

Is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ eżistenti li jirrikjedu l-installazzjoni jew l-użu ta' OBE u li jużaw teknoloġiji oħra għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti spjegati fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu jekk jitwettqu progressi teknoloġiċi sostanzjali.

2.  
Il-Kummissjoni għandha titlob lill-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni, skont il-proċedura stipulata mid-Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), biex jadottaw malajr l-istandards applikabbli għas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ fir-rigward tat-teknoloġiji elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 u t-teknoloġija tal-ANPR, u biex jaġġornawhom fejn meħtieġ. Il-Kummissjoni għandha titlob li l-korpi ta' standardizzazzjoni jiżguraw il-kompatibilità kontinwa tal-kostitwenti tal-interoperabilità.
3.  
OBE li juża t-teknoloġija tal-pożizzjonament bis-satellita u li jiġi introdott fis-suq wara d-19 ta' Ottubru 2021 għandu jkun kompatibbli mas-servizzi ta' pożizzjonament provduti minn Galileo u s-Sistema Ewropea ta' Navigazzjoni b'Kopertura Ġeostazzjonarja (“EGNOS”).
4.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 6, il-fornituri tal-EETS għandhom jagħmlu OBE disponibbli lill-utenti tal-EETS li jkun xieraq għall-użu, interoperabbli u kapaċi jikkomunika mas-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ rilevanti operattivi fl-Istati Membri li jużaw it-teknoloġiji elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.
5.  
L-OBE jista' juża l-hardware u s-software tiegħu stess, juża elementi ta' hardware u software oħra preżenti fil-vettura, jew it-tnejn li huma. Għall-fini ta' komunikazzjoni ma' sistemi oħra ta' hardware preżenti fil-vettura, l-OBE jista' juża teknoloġiji oħrajn għajr dawk elenkati fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, dejjem sakemm ikunu żgurati s-sigurtà, il-kwalità tas-servizz u l-privatezza.

L-OBE tal-EETS titħalla tiffaċilita servizzi oħrajn barra l-pedaġġ, dejjem jekk it-tħaddim ta' tali servizzi ma jxekkilx is-servizzi ta' pedaġġ fi kwalunkwe dominju tal-EETS.

6.  
Mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu sistemi elettroniċi ta' pedaġġ għal vetturi light duty abbażi tal-pożizzjonament bis-satellita jew abbażi ta' komunikazzjonijiet mobbli, il-fornituri tal-EETS jistgħu, sal-31 ta' Diċembru 2027, jipprovdu lill-utenti ta' vetturi light duty OBE li jkun tajjeb għall-użu bit-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz biss, li għandu jintuża fid-dominji tal-EETS li ma jirrikjedux teknoloġiji ta' pożizzjonament bis-satellita jew ta' komunikazzjonijiet mobbli.



KAPITOLU II

PRINĊIPJI ĠENERALI TAL-EETS

Artikolu 4

Reġistrazzjoni tal-fornituri tal-EETS

Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi proċedura għar-reġistrazzjoni ta' fornituri tal-EETS. Għandu jagħti reġistrazzjoni lil entitajiet li huma stabbiliti fit-territorju tiegħu, li jitolbu reġistrazzjoni u li jistgħu juru li huma jissodisfaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

ikollhom ċertifikazzjoni EN ISO 9001 jew ekwivalenti;

(b) 

ikollhom it-tagħmir tekniku u d-dikjarazzjoni tal-KE jew iċ-ċertifikat li jiddikjara l-konformità tal-kostitwenti tal-interoperabilità mal-ispeċifikazzjonijiet;

(c) 

ikollhom kompetenza fl-għoti ta' servizzi elettroniċi ta' pedaġġ jew f'dominji rilevanti oħra;

(d) 

ikollhom riżorsi finanzjarji xierqa;

(e) 

iżommu ma' pjan globali ta' ġestjoni tar-riskju, li jiġi awditjat kull sentejn mill-inqas; u

(f) 

għandhom reputazzjoni tajba.

Artikolu 5

Drittijiet u obbligi tal-fornituri tal-EETS

1.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jikkonkludu kuntratti tal-EETS li jkopru d-dominji tal-EETS kollha fit-territorji ta' mill-inqas erba' Stati Membri fi żmien it-36 xahar wara r-reġistrazzjoni tagħhom skont l-Artikolu 4. Huma għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk il-fornituri tal-EETS jikkonkludu kuntratti li jkopru d-dominji kollha tal-EETS fi Stat Membru partikolari fi żmien l-24 xahar wara l-konklużjoni tal-ewwel kuntratt f'dak l-Istat Membru, ħlief għal dawk id-dominji tal-EETS li fihom il-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli ma jikkonformawx mal-Artikolu 6(3).
2.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jibqgħu f'kull ħin ikopru d-dominji kollha tal-EETS ladarba jkunu kkonkludew kuntratti għalihom. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn fornitur tal-EETS ma jkunx jista' jkompli jkopri dominju tal-EETS għax il-kollettur tal-pedaġġi ma jikkonformax ma' din id-Direttiva, jerġa' jibda jkopri d-dominju kkonċernat mill-aktar fis possibbli.
3.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw jippubblikaw informazzjoni dwar il-kopertura tad-dominji tal-EETS tagħhom u kwalunkwe bidla fiha kif ukoll, fi żmien xahar mir-reġistrazzjoni, pjanijiet dettaljati rigward kwalunkwe estensjoni tas-servizz tagħhom għal aktar dominji tal-EETS, b'aġġornamenti annwali.
4.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn meħtieġ, il-fornituri tal-EETS li huma jkunu rreġistraw, jew li jfornu l-EETS fit-territorju tagħhom, jipprovdu lill-utenti tal-EETS OBE li jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f'din id-Direttiva, kif ukoll fid-Direttivi 2014/53/UE ( 2 ) u 2014/30/UE ( 3 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Huma jistgħu jitolbu mill-fornituri tal-EETS ikkonċernati li dawk ir-rekwiżiti jiġu sodisfatti.
5.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS li jipprovdu l-EETS fit-territorju tagħhom iżommu listi ta' OBE invalidat marbuta mal-kuntratti tal-EETS tagħhom mal-utenti tal-EETS. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li dawn il-listi jinżammu f'konformità stretta mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali kif stipulat, fost l-oħrajn, fir-Regolament (UE) 2016/679 u d-Direttiva 2002/58/KE.
6.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li huma rreġistraw jagħmlu pubblika l-politika tagħhom ta' kkuntrattar mal-utenti tal-EETS.
7.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li jfornu l-EETS fit-territorju tagħhom jagħtu lill-kolletturi tal-pedaġġi l-informazzjoni li huma jeħtieġu biex jikkalkulaw u japplikaw il-pedaġġ fuq il-vetturi tal-utenti tal-EETS jew jagħtu lill-kolletturi tal-pedaġġi l-informazzjoni kollha meħtieġa biex dawn ikunu jistgħu jivverifikaw il-kalkolu tal-pedaġġ applikat fuq il-vetturi tal-utenti tal-EETS mill-fornituri tal-EETS.
8.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fornituri tal-EETS li jipprovdu l-EETS fit-territorju tagħhom jikkooperaw mal-kolletturi tal-pedaġġ fl-isforzi tagħhom biex jidentifikaw awturi suspettati ta' reati. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn ikun suspettat nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq, il-kollettur tal-pedaġġ ikun jista' jikseb mill-fornitur tal-EETS id-data marbuta mal-vettura involuta fin-nuqqas suspettat ta' ħlas ta' tariffa tat-triq u lis-sid jew lid-detentur ta' dik il-vettura li hu klijent tal-fornitur tal-EETS. Din id-data għandha tingħata minnufih mill-fornitur tal-EETS.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ma jiżvelax din id-data lil ebda fornitur ieħor tas-servizz ta' pedaġġ. Huma għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-kollettur tal-pedaġġ ikun integrat ma' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ f'entità waħda, id-data tintuża biss biex tidentifika awturi suspettati ta' reati, jew skont l-Artikolu 27(3).

9.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kollettur tal-pedaġġ responsabbli minn dominju tal-EETS fit-territorju tagħhom ikun jista' jikseb minn fornitur tal-EETS data marbuta mal-vetturi kollha li s-sid jew id-detenturi tagħhom ikunu klijenti tal-fornitur tal-EETS, li, f'perijodu partikolari ta' żmien, ikunu saqu fid-dominju tal-EETS li għalih ikun responsabbli l-kollettur tal-pedaġġ, kif ukoll id-data marbuta mas-sidien jew id-detenturi ta' dawn il-vetturi, dment li l-kollettur tad-data jkun jeħtieġ din id-data biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornitur tal-EETS jipprovdi d-data mitluba mhux aktar tard minn jumejn wara li jirċievi t-talba. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ma jiżvelax din id-data lil ebda fornitur ieħor tas-servizz ta' pedaġġ. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, fejn il-kollettur tad-data hu integrat ma' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ f'entità waħda, id-data tintuża biss għall-konformità mill-kollettur tal-pedaġġ mal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa.
10.  
Id-data mogħtija mill-fornituri tal-EETS lill-kolletturi tal-pedaġġi għandha tiġi pproċessata f'konformità mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali kif jinsabu spjegati fir-Regolament (UE) 2016/679, kif ukoll mal-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680.
11.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex ikomplu jiddefinixxu l-obbligi tal-fornituri tal-EETS dwar:

(a) 

il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-livell tas-servizz tagħhom, u kooperazzjoni mal-kolletturi tal-pedaġġ fil-verifika tal-awditi;

(b) 

kooperazzjoni mal-Kolletturi tal-Pedaġġ fil-prestazzjoni tat-testijiet tas-sistemi tal-kolletturi tal-pedaġġ;

(c) 

appoġġ tekniku u tas-servizz lil utenti tal-EETS u personalizzazzjoni ta' OBE;

(d) 

kontijiet mibgħuta lil utenti tal-EETS;

(e) 

l-informazzjoni li fornituri tal-EETS iridu jipprovdu lill-kolletturi tal-pedaġġi u li tissemma fil-paragrafu 7; u

(f) 

li utent tal-EETS jiġi mgħarraf b'sitwazzjoni identifikata ta' pedaġġ mhux iddikjarat;

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 6

Drittijiet u obbligi tal-kolletturi tal-pedaġġ

1.  
Fejn dominju tal-EETS ma jikkonformax mal-kondizzjonijiet ta' interoperabilità teknika u proċedurali tal-EETS ipprovduti f'din id-Direttiva, l-Istat Membru li t-territorju tiegħu jinsab fid-dominju tal-EETS jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ responsabbli jivvaluta l-problema mal-partijiet interessati kkonċernati u, jekk ikun jaqa' taħt ir-responsabbiltajiet tiegħu, jieħu azzjonijiet ta' rimedju bil-ħsieb li jiżgura l-interoperabilità tas-sistema ta' pedaġġ. Fejn meħtieġ, l-Istat Membru jeħtieġ li jaġġorna r-reġistru msemmi fil-punt (a) l-Artikolu 21(1) fir-rigward tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tiegħu.
2.  
Kull Stat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li kwalunkwe kollettur tal-pedaġġi responsabbli minn dominju tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jiżviluppa u jżomm dikjarazzjoni dwar id-dominju tal-EETS li tistipula l-kondizzjonijiet ġenerali biex il-fornituri tal-EETS jaċċessaw id-dominji tal-EETS tagħhom, skont l-atti ta' implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 9.

Fejn tinħoloq sistema elettronika ta' pedaġġ fit-territorju ta' Stat Membru dak l-Istat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ nominat responsabbli mis-sistema jippubblika d-dikjarazzjoni dwar id-dominju tal-EETS billi javża biżżejjed minn qabel biex tkun tista' ssir akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS interessati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema l-ġdida, filwaqt li jitqies kif dovut it-tul tal-proċess tal-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità msemmi fl-Artikolu 15(1).

Fejn sistema elettronika ta' pedaġġ fit-territorju ta' Stat Membru tiġi modifikata sostanzjalment, dak l-Istat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ responsabbli mis-sistema jippubblika d-dikjarazzjoni aġġornata dwar id-dominju tal-EETS biżżejjed minn qabel biex fornituri tal-EETS diġà akkreditati jkunu jistgħu jadattaw il-kostitwenti tal-interoperabilità tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda u jiksbu akkreditazzjoni mill-ġdid mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema modifikata, b'kunsiderazzjoni dovuta għat-tul tal-proċess tal-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità msemmija fl-Artikolu 15(1).

3.  
L-Istati Membri jeħtieġ li jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli minn dominji tal-EETS fit-territorju tagħhom jaċċettaw fuq bażi nondiskriminatorja kwalunkwe fornitur tal-EETS li jitlob li jipprovdi l-EETS fid-dominji tal-EETS imsemmija.

Aċċettazzjoni ta' fornitur tal-EETS f'dominju tal-EETS għandha tkun soġġetta għall-konformità tal-fornitur mal-obbligi u l-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġi ma jirrikjedux li l-fornituri tal-EETS jużaw soluzzjonijiet jew proċessi tekniċi speċifiċi li jxekklu l-interoperabilità tal-kostitwenti tal-interoperabilità ta' fornitur tal-EETS b'sistemi elettroniċi ta' pedaġġ f'dominji oħra tal-EETS.

Jekk kollettur tal-pedaġġ u fornitur tal-EETS ma jkunux jistgħu jilħqu qbil, il-kwistjoni tista' tiġi referuta lill-Korp Konċiljatorju responsabbli mid-dominju rilevanti tal-pedaġġ.

4.  
Kull Stat Membru jeħtieġ li jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kuntratti bejn il-kollettur tal-pedaġġi u l-fornitur tal-EETS dwar il-forniment tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru, jippermettu li l-kontijiet għall-pedaġġ jinħarġu lill-utent tal-EETS direttament mill-fornitur tal-EETS.

Il-kollettur tal-pedaġġi jista' jirrikjedi li l-fornitur tal-EETS joħroġ fatturi għall-utent f'isem u għan-nom tal-kollettur tal-pedaġġi, u l-fornitur tal-EETS għandu jikkonforma ma' dik it-talba.

5.  
Il-pedaġġ mitlub mill-kolletturi tal-pedaġġi lill-utenti tal-EETS ma għandux jaqbeż il-pedaġġ nazzjonali jew lokali korrispondenti. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jintroduċu ribassi jew skontijiet biex jippromwovu l-użu ta' pagamenti elettroniċi tal-pedaġġ. Ir-ribassi jew skontijiet kollha tal-utenti tal-OBE fuq il-pedaġġi offruti minn Stat Membru jew minn kollettur tal-pedaġġ għandhom ikunu trasparenti, imħabbra pubblikament u disponibbli bl-istess kondizzjonijiet lill-klijenti tal-fornituri tal-EETS.
6.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ jaċċettaw fuq id-dominji tal-EETS tagħhom kwalunkwe OBE operazzjonali minn fornituri tal-EETS li magħhom għandhom relazzjonijiet kuntrattwali li ġew iċċertifikati skont il-proċedura definita fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(7) u li ma jidhrux fuq lista ta' OBE invalidat imsemmi fl-Artikolu 5(5).
7.  
Fil-każ ta' ħsara fl-EETS attribwibbli għall-kollettur tal-pedaġġi, il-kollettur tal-pedaġġi għandu jforni mod ta' servizz imnaqqas li jippermetti lill-vetturi bit-tagħmir imsemmi fil-paragrafu 6 jiċċirkolaw fis-sikurezza b'dewmien minimu u mingħajr ma jiġu suspettati b'nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.
8.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kolletturi tal-pedaġġ jikkollaboraw b'mod nondiskriminatorju mal-fornituri tal-EETS jew il-manifatturi jew l-entitajiet notifikati bil-ħsieb li tiġi vvalutata l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità fid-dominji tal-EETS tagħhom.
9.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, li jistabbilixxu l-kontenut minimu tad-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS, inkluż:

(a) 

ir-rekwiżiti għall-fornituri tal-EETS;

(b) 

il-kondizzjonijiet proċedurali inklużi l-kondizzjonijiet kummerċjali;

(c) 

il-proċedura tal-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS; u

(d) 

id-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ.

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 7

Remunerazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-fornituri tal-EETS ikunu intitolati li jiġu remunerati mill-kollettur tal-pedaġġ.
2.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-metodoloġija għad-definizzjoni tar-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS tkun trasparenti, nondiskriminatorja u identika għall-fornituri kollha tal-EETS akkreditati għal dominju tal-EETS partikolari. Għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-metodoloġija tiġi ppubblikata bħala parti mill-kondizzjonijiet kummerċjali fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS.
3.  

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fid-dominji tal-EETS b'fornitur ewlieni tas-servizz, il-metodoloġija għall-kalkolu tar-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS issegwi l-istess struttura tar-remunerazzjoni ta' servizzi komparabbli pprovduti mill-fornitur ewlieni tas-servizz. L-ammont ta' remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS jista' jkun differenti mir-remunerazzjoni tal-fornitur ewlieni tas-servizz sakemm ikun ġustifikat minn:

(a) 

l-ispiża tar-rekwiżiti u l-obbligi speċifiċi tal-fornitur ewlieni tas-servizz u mhux tal-fornituri tal-EETS; u

(b) 

il-ħtieġa li jitnaqqsu, mir-remunerazzjoni tal-fornituri tal-EETS, il-ħlasijiet fissi imposti mill-kollettur tal-pedaġġ abbażi tal-ispejjeż, għall-kollettur tal-pedaġġ, li jipprovdi, jopera u jżomm sistema konformi mal-EETS fid-dominju tal-pedaġġ tiegħu, inklużi l-kostijiet tal-akkreditazzjoni, fejn dawn il-kostijiet mhumiex inklużi fil-pedaġġ.

Artikolu 8

Pedaġġi

1.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fejn, bil-għan li tiġi stabbilita t-tariffa tal-pedaġġ applikabbli għal vettura partikolari, ikun hemm diskrepanza bejn il-klassifikazzjoni tal-vettura użata mill-fornitur tal-EETS u l-kollettur tal-pedaġġ, il-klassifikazzjoni tal-kollettur tal-pedaġġ tipprevali, sakemm ma tingħatax prova ta' żball.
2.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-kollettur tal-pedaġġ ikun intitolat li jirrikjedi ħlas mingħand fornitur tal-EETS għal kwalunkwe dikjarazzjoni tal-pedaġġ sostanzjata u kwalunkwe nondikjarazzjoni tal-pedaġġ sostanzjata relatata ma' kwalunkwe kont ta' utent tal-EETS ġestit minn dak il-fornitur tal-EETS.
3.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li fejn fornitur tal-EETS ikun bagħat lil kollettur tal-pedaġġi lista ta' OBE invalidat imsemmi fl-Artikolu 5(5), il-fornitur tal-EETS ma għandux jinżamm responsabbli għal kwalunkwe pedaġġ ieħor imġarrab permezz tal-użu ta' tali OBE invalidat. L-għadd ta' entrati fil-lista tal-OBE invalidat, il-format tal-lista u l-frekwenza tal-aġġornament tagħha għandhom jiġu maqbula bejn il-kolletturi tal-pedaġġi u l-fornituri tal-EETS.
4.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li, f'sistemi tal-pedaġġ li jużaw il-microwave, il-kolletturi tal-pedaġġ jikkomunikaw lill-fornituri tal-EETS dikjarazzjonijiet tal-pedaġġ sostanzjati għal pedaġġi mġarrba mill-utenti tal-EETS rispettivi tagħhom.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi d-dettalji għall-klassifikazzjoni tal-vetturi bil-għan li jiġu stabbiliti l-iskemi tariffarji applikabbli, inkluża kwalunkwe proċedura meħtieġa biex jiġu stabbiliti tali skemi. Is-sett tal-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vetturi li għandu jiġi aċċettat mill-EETS ma għandux jirrestrinġi l-għażla tal-iskemi tariffarji mill-kolletturi tal-pedaġġ. Il-Kummissjoni għandha tiżgura biżżejjed flessibilità biex tippermetti li s-sett tal-parametri ta' klassifikazzjoni jkun aċċettat mill-EETS biex jevolvi skont il-ħtiġijiet futuri prevedibbli. Dawk l-atti għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-definizzjoni, fid-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), tal-parametri li skonthom għandhom ivarjaw il-pedaġġi.

Artikolu 9

Kontabilità

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-entitajiet legali li jipprovdu servizzi ta' pedaġġ iżommu rekords tal-kontabilità li jagħmlu distinzjoni ċara possibbli bejn l-ispejjeż u d-dħul relatati mal-forniment tas-servizz ta' pedaġġ u l-ispejjeż u d-dħul relatati ma' attivitajiet oħra. L-informazzjoni dwar l-ispejjeż u d-dħul relatati mal-forniment tas-servizz ta' pedaġġ għandha tiġi pprovduta, fuq talba, lill-Korp ta' Konċiljazzjoni jew il-korp ġudizzjarju rilevanti. L-Istati Membri għandhom ukoll jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-sussidji inkroċjati bejn l-attivitajiet imwettqa fir-rwol ta' fornitur tas-servizz ta' pedaġġ u attivitajiet oħra ma jkunux permessi.

Artikolu 10

Drittijiet u obbligi tal-utenti tal-EETS

1.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-utenti tal-EETS jabbonaw mal-EETS permezz ta' kwalunkwe fornitur tal-EETS, irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, l-Istat Membru ta' residenza jew l-Istat Membru li fih tkun irreġistrata l-vettura. Meta jkunu deħlin f'kuntratt, l-utenti tal-EETS għandhom jiġu infurmati kif xieraq dwar il-mezzi validi ta' ħlas, skont ir-Regolament (UE) 2016/679, dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u d-drittijiet li jirriżultaw mil-leġislazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data personali.
2.  
Il-ħlas ta' pedaġġ minn utent tal-EETS lill-fornitur tal-EETS tiegħu għandu jitqies li jissodisfa l-obbligi tal-ħlas li l-utent tal-EETS ikollu lejn il-kollettur tal-pedaġġ rilevanti.

Jekk jiġu installati jew jinġarru abbord vettura żewġ OBA jew aktar, hija r-responsabilità tal-utent tal-EETS li juża jew jattiva l-OBE rilevanti għad-dominju speċifiku tal-EETS.

3.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tkompli tiddefinixxi aktar l-obbligi tal-utenti tal-EETS rigward:

(a) 

il-forniment tad-data lill-fornitur tal-EETS; u

(b) 

l-użu u l-immaniġġjar tal-OBE.



KAPITOLU III

KORP TA' KONĊILJAZZJONI

Artikolu 11

Stabbiliment u funzjonijiet

1.  
Kull Stat Membru li jkollu minn tal-anqas dominju tal-EETS wieħed għandu jaħtar jew jistabbilixxi Korp ta' Konċiljazzjoni sabiex jiffaċilita l-medjazzjoni bejn il-kolletturi tal-pedaġġi b'dominju tal-EETS li jkun jinsab fit-territorju tiegħu u l-fornituri tal-EETS li jkollhom kuntratti jew ikunu jinsabu f'negozjati kuntrattwali ma' dawk il-kolletturi tal-pedaġġi.
2.  
Il-Korp ta' Konċiljazzjoni għandu jkollu s-setgħa li, b'mod partikolari, jivverifika li l-kondizzjonijiet kuntrattwali imposti minn kollettur tal-pedaġġ fuq il-fornituri tal-EETS ikunu nondiskriminatorji. Huwa għandu jkollu s-setgħa li jivverifika li l-fornituri tal-EETS jiġu remunerati f'konformità mal-prinċipji previsti fl-Artikolu 7.
3.  
L-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-Korp ta' Konċiljazzjoni tagħhom fl-istruttura organizzattiva u legali jkun indipendenti mill-interessi kummerċjali tal-kolletturi tal-pedaġġi u tal-fornituri tas-servizz tal-pedaġġ.

Artikolu 12

Proċedura ta' medjazzjoni

1.  
Kull Stat Membru b'minn tal-inqas dominju EETS wieħed għandu jistabbilixxi proċedura ta' medjazzjoni sabiex jippermetti lil kollettur tal-pedaġġ jew fornitur tal-EETS li jitlob lill-Korp ta' Konċiljazzjoni rilevanti biex jintervjeni fi kwalunkwe tilwim relatat mar-relazzjonijiet jew in-negozjati kuntrattwali tagħhom.
2.  
Il-proċedura ta' medjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrikjedi li l-Korp ta' Konċiljazzjoni jiddikjara, fi żmien xahar wara li jkun irċieva talba biex jintervjeni, jekk id-dokumenti kollha neċessarji għall-medjazzjoni humiex fil-pussess tiegħu.
3.  
Il-proċedura ta' medjazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrikjedi li l-Korp ta' Konċiljazzjoni joħroġ l-opinjoni tiegħu dwar tilwim mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jkun irċieva t-talba biex jintervjeni.
4.  
Sabiex jiffaċilitaw il-kompiti tiegħu, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Korp ta' Konċiljazzjoni s-setgħa biex jitlob informazzjoni rilevanti mingħand il-kolletturi tal-pedaġġ, il-fornituri tal-EETS u kwalunkwe parti terza attiva fil-forniment tal-EETS fl-Istat Membru kkonċernat.
5.  
L-Istati Membri b'minn tal-inqas dominju EETS wieħed u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-iskambju ta' informazzjoni bejn il-Korpi ta' Konċiljazzjoni rigward ix-xogħol, il-prinċipji ta' gwida u l-prattiki tagħhom.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET TEKNIĊI

Artikolu 13

Servizz uniku kontinwu

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-EETS jiġi fornut lill-utenti tal-EETS bħala servizz uniku kontinwu.

Dan ifisser li:

(a) 

ladarba l-parametri tal-klassifikazzjoni tal-vettura, inklużi dawk varjabbli, ikunu nħażnu jew ġew iddikjarati, jew it-tnejn, ma jkunx hemm bżonn ta' aktar intervent uman fil-vettura waqt vjaġġ sakemm ma jkunx hemm modifika fil-karatteristiċi tal-vettura; u

(b) 

l-interazzjoni umana ma' biċċa tagħmir partikolari ta' OBE tibqa' l-istess ikun xi jkun id-dominju tal-EETS.

Artikolu 14

Elementi addizzjonali rigward l-EETS

1.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-interazzjoni tal-utenti tal-EETS mal-kolletturi tal-pedaġġ bħala parti mill-EETS tkun limitata, fejn applikabbli, għall-proċess ta' fatturazzjoni skont l-Artikolu 6(4) u għall-proċessi ta' infurzar. L-interazzjonijiet bejn l-utenti tal-EETS u l-fornituri tal-EETS, jew l-OBE tagħhom, jistgħu jkunu speċifiċi għal kull fornitur tal-EETS, mingħajr ma jikkompromettu l-interoperabilità tal-EETS.
2.  
L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-fornituri tas-servizz tal-pedaġġ, inkluż il-fornituri tal-EETS, fuq it-talba tal-awtoritajiet tal-Istati Membri, jipprovdu data tat-traffiku fir-rigward tal-klijenti tagħhom, soġġett għal konformità mar-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data. Tali data għandha tintuża biss mill-Istati Membri għall-fini ta' politiki tat-traffiku u t-titjib tal-ġestjoni tat-traffiku u d-data ma tistax tintuża biex jiġu identifikati l-klijenti.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, atti ta' implimentazzjoni li jistabbilixxu l-ispeċifikazzjonijiet tal-interfaċċi elettroniċi bejn il-kostitwenti tal-interoperabilità tal-kolletturi tal-pedaġġi, il-fornituri tal-EETS u l-utenti tal-EETS, inkluż, fejn applikabbli, il-kontenut tal-messaġġi skambjati bejn l-atturi permezz ta' dawk l-interfaċċi. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Artikolu 15

Kostitwenti tal-interoperabilità

1.  
Fejn tinħoloq sistema elettronika ta' pedaġġ ġdida fit-territorju ta' Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġ nominat responsabbli għas-sistema jistabbilixxi u jippubblika fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS l-ippjanar dettaljat tal-proċess ta' valutazzjoni ta' konformità ma' speċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità, li jippermetti l-akkreditazzjoni tal-fornituri tal-EETS interessati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema l-ġdida.

Fejn sistema elettronika ta' pedaġġ ġdida fit-territorju ta' Stat Membru tkun modifikata sostanzjalment, dak l-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-kollettur tal-pedaġġi responsabbli għas-sistema jistabbilixxi u jippubblika fid-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS, flimkien mal-elementi msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ippjanar dettaljat tal-valutazzjoni mill-ġdid tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u tal-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità tal-fornituri tal-EETS diġà akkreditati fis-sistema qabel il-modifika sostanzjali tagħha. L-ippjanar għandu jippermetti akkreditazzjoni mill-ġdid tal-fornituri tal-EETS ikkonċernati mhux aktar tard minn xahar qabel il-varar operazzjonali tas-sistema modifikata.

Il-kollettur tal-pedaġġi għandu jirrispetta dak l-ippjanar.

2.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li kull kollettur tal-pedaġġi responsabbli għal dominju tal-EETS fit-territorju ta' dak l-Istat Membru jistabbilixxi ambjent ta' test li fih il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tiegħu jistgħu jivverifikaw li l-OBE tiegħu huwa adattat għall-użu fid-dominju tal-EETS tal-kollettur tal-pedaġġi u jikseb ċertifikazzjoni tat-tlestija b'suċċess tat-testijiet rispettivi. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-kolletturi tal-pedaġġi jistabbilixxu ambjent ta' test uniku għal aktar minn dominju tal-EETS wieħed, u biex jippermettu lil rappreżentant awtorizzat wieħed jivverifika jekk huwiex adattat l-użu ta' tip wieħed ta' OBE f'isem aktar minn fornitur tal-EETS wieħed.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jippermettu lill-kolletturi tal-pedaġġi jitolbu lill-fornituri tal-EETS jew lir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom biex ikopru l-ispiża tat-testijiet rispettivi.

3.  
L-Istati Membri ma għandhomx jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jostakolaw it-tqegħid fis-suq ta' kostitwenti tal-interoperabilità għall-użu fl-EETS meta dawn ikollhom il-marka KE jew inkella dikjarazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew dikjarazzjoni tal-idoneità għall-użu, jew it-tnejn. Partikolarment, l-Istati Membri ma għandhomx jitolbu verifiki li diġà jkunu twettqu bħala parti mill-proċedura għall-verifika tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu, jew it-tnejn.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti għall-kostitwenti tal-interoperabilità rigward is-sikurezza u s-saħħa, l-affidabilità u d-disponibilità, il-protezzjoni ambjentali, il-kompatibilità teknika, is-sigurtà u l-privatezza u l-operat u l-ġestjoni.
5.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti ġenerali għall-infrastruttura rigward:

(a) 

l-eżattezza tad-data tad-dikjarazzjoni tal-pedaġġ bil-ħsieb li tiggarantixxi trattament ugwali bejn l-utenti tal-EETS fir-rigward tal-pedaġġi u l-ħlasijiet;

(b) 

l-identifikazzjoni, permezz tal-OBE tal-fornitur tal-EETS responsabbli;

(c) 

l-użu ta' standards miftuħa għall-kostitwenti tal-interoperabilità tat-tagħmir tal-EETS;

(d) 

l-integrazzjoni tal-OBE fil-vettura; u

(e) 

is-sinjalazzjoni lis-sewwieq tar-rekwiżit li titħallas tariffa tat-triq.

6.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi għall-infrastruttura li ġejjin:

(a) 

rekwiżiti dwar protokolli komuni ta' komunikazzjoni bejn it-tagħmir tal-Kolletturi tal-Pedaġġi u t-tagħmir tal-fornituri tal-EETS;

(b) 

rekwiżiti dwar mekkaniżmi biex il-kolletturi tal-pedaġġi jidentifikaw jekk vettura li qed tiċċirkola fid-dominju tal-EETS tagħhom tkunx mgħammra b'OBE validu u li jiffunzjona;

(c) 

rekwiżiti dwar l-interfaċċa bejn il-bniedem u l-magna fl-OBE;

(d) 

rekwiżiti li japplikaw speċifikament għall-kostitwenti tal-interoperabilità fis-sistemi ta' pedaġġ ibbażati fuq teknoloġiji tal-microwave; u

(e) 

rekwiżiti li japplikaw b'mod speċifiku f'sistemi ta' pedaġġ ibbażati fuq Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS).

Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

7.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, sabiex tistabbilixxi l-proċedura li għandha tiġi applikata mill-Istati Membri għall-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet u l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità, inklużi l-kontenut u l-format tad-dikjarazzjonijiet tal-KE. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).



KAPITOLU V

KLAWSOLI TA' SALVAGWARDJA

Artikolu 16

Proċedura ta' salvagwardja

1.  

Meta Stat Membru jkollu raġuni biex jemmen li kostitwenti tal-interoperabilità li jkollhom il-marka KE u li tqiegħdu fis-suq x'aktarx li meta jintużaw kif suppost ma jissodisfawx ir-rekwiżiti rilevanti, huwa għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jirrestrinġi l-kamp ta' applikazzjoni tagħhom, jipprojbixxi l-użu tagħhom jew jirtirahom mis-suq. L-Istat Membru għandu immedjatament jinforma lill-Kummissjoni dwar il-miżuri meħuda u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu, u jiddikjara partikolarment jekk in-nuqqas fil-konformità huwiex dovut għal:

(a) 

applikazzjoni mhux korretta tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jew

(b) 

inadegwatezza tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi.

2.  
Il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat, il-manifattur, il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom stabbiliti fl-Unjoni kemm jista' jkun malajr. Fejn, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li il-miżura hija ġustifikata, hija għandha immedjatament tinforma lill-Istat Membru kkonċernat kif ukoll lill-Istati Membri l-oħra. Madankollu, fejn, wara dik il-konsultazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi li l-miżura mhix ġustifikata, hija għandha immedjatament tinforma lill-Istat Membru kkonċernat, kif ukoll lill-manifattur jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni u lill-Istati Membri l-oħra.
3.  
Fejn kostitwenti tal-interoperabilità li jkollhom il-marka KE ma jikkonformawx mar-rekwiżiti tal-interoperabilità, l-Istat Membru kompetenti għandu jitlob lill-manifattur jew lir-rappreżentat awtorizzat tiegħu stabbilit fl-Unjoni sabiex jistabbilixxi mill-ġdid il-kostitwenti tal-interoperabilità għal stat ta' konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu, jew it-tnejn, skont il-kondizzjonijiet stabbiliti minn dak l-Istat Membru u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-Istat Membri l-oħra dwar dan.

Artikolu 17

Trasparenza tal-valutazzjonijiet

Kwalunkwe deċiżjoni meħuda minn Stat Membru jew kollettur tal-pedaġġi dwar il-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu tal-kostitwenti tal-interoperabilità u kwalunkwe deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 16 għandha tistabbilixxi fid-dettall ir-raġunijiet li fuqhom tkun ibbażata. Din għandha tkun innotifikata kemm jista' jkun malajr lill-manifattur, il-fornitur tal-EETS jew ir-rappreżentanti awtorizzati tagħhom li jkunu kkonċernati, flimkien ma' indikazzjoni tar-rimedji disponibbli skont il-liġijiet fis-seħħ fl-Istat Membru kkonċernat u tal-limiti ta' żmien permessi għall-eżerċizzju ta' tali rimedji.



KAPITOLU VI

ARRANĠAMENTI AMMINISTRATTIVI

Artikolu 18

Uffiċċju ta' kuntatt uniku

Kull Stat Membru b'mill-inqas żewġ dominji tal-EETS fit-territorju tiegħu għandu jinnomina uffiċċju ta' kuntatt uniku għall-fornituri tal-EETS. L-Istat Membru għandu jagħmel pubbliċi d-dettalji ta' kuntatt ta' dak l-uffiċċju, u jipprovdihom, fuq talba, lill-fornituri interessati tal-EETS. L-Istat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li, fuq talba tal-fornitur tal-EETS, l-uffiċċju ta' kuntatt jiffaċilita u jikkoordina kuntatti amministrattivi bikrija bejn il-fornitur tal-EETS u l-kolletturi tal-pedaġġ responsabbli għad-dominji tal-EETS fit-territorju tal-Istat Membru. L-uffiċċju ta' kuntatt jista' jkun persuna fiżika jew korp pubbliku jew privat.

Artikolu 19

Korpi nnotifikati

1.  
L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar kull korp intitolat biex iwettaq jew jissorvelja l-proċedura għall-valutazzjoni tal-konformità mal-ispeċifikazzjonijiet jew l-idoneità għall-użu msemmija fl-atti ta' implimentazzjoni msemmija fl-Artikolu 15(7), filwaqt li jindikaw il-qasam tal-kompetenza ta' kull entità, u n-numri tal-identifikazzjoni miksuba minn qabel mingħand il-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea l-lista tal-korpi, in-numru tal-identifikazzjoni u l-oqsma tal-kompetenza tagħhom, u għandha żżomm il-lista aġġornata
2.  
L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu għall-valutazzjoni tal-korpi li għandhom jiġu notifikati. Il-korpi li jissodisfaw il-kriterji tal-valutazzjoni previsti fl-istandards rilevanti Ewropej għandhom jitqiesu li jissodisfaw il-kriterji msemmija.
3.  
Stat Membru għandu jirtira l-approvazzjoni minn korp li ma jibqax jissodisfa l-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu. Huwa għandu jinforma immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra b'dan.
4.  
Jekk Stat Membru jew il-Kummissjoni jidhrilhom li korp notifikat minn Stat Membru ieħor ma jissodisfax il-kriterji previsti fl-atti delegati msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-kwistjoni għandha titressaq quddiem il-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku msemmi fl-Artikolu 31(1), li għandu jagħti l-opinjoni tiegħu fi żmien tliet xhur. Fid-dawl tal-opinjoni ta' dak il-Kumitat, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istat Membru li nnotifika lill-korp inkwistjoni bi kwalunkwe tibdila meħtieġa biex il-korp notifikat ikun jista' jżomm l-istatus li jkun ingħatalu.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 30, sa mhux aktar tard mid-19 ta' Ottubru 2019, biex tistabbilixxi l-kriterji minimi ta' eliġibbiltà għall-korpi notifikati.

Artikolu 20

Grupp ta' Koordinazzjoni

Grupp ta' Koordinazzjoni tal-korpi notifikati skont l-Artikolu 19(1) (il-“Grupp ta' Koordinazzjoni”) għandu jiġi stabbilit bħala grupp ta' ħidma tal-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku msemmi fl-Artikolu 31(1), skont ir-Regoli ta' Proċedura ta' dak il-Kumitat.

Artikolu 21

Reġistri

1.  

Għall-finijiet tal-implimentazzjoni ta' din d-Direttiva, kull Stat Membru għandu jżomm reġistru elettroniku nazzjonali ta' dan li ġej:

(a) 

id-dominji tal-EETS fit-territorju tiegħu, inkluż informazzjoni li tirrigwarda:

(i) 

il-kolletturi tal-pedaġġ korrispondenti;

(ii) 

it-teknoloġiji tal-pedaġġ użati;

(iii) 

id-data dwar il-kuntest tal-pedaġġ;

(iv) 

id-dikjarazzjoni tad-dominju tal-EETS; u

(v) 

il-fornituri tal-EETS li għandhom kuntratti tal-EETS mal-kolletturi tal-pedaġġ attivi fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

(b) 

il-fornituri tal-EETS li lilhom ikun ippermetta r-reġistrazzjoni f'konformità mal-Artikolu 4; u

(c) 

id-dettalji ta' uffiċċju ta' kuntatt uniku msemmi fl-Artikolu 18 għall-EETS, inkluż l-indirizz tal-posta elettronika ta' kuntatt u n-numru tat-telefon.

Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, l-Istati Membri għandhom jivverifikaw tal-inqas darba fis-sena li r-rekwiżiti stabbiliti f'punti (a), (d), (e) u (f) tal-Artikolu 4 jkunu għadhom sodisfatti, u għandhom jaġġornaw ir-reġistri kif xieraq. Ir-reġistru għandu jkun fih ukoll il-konklużjonijiet tal-awditu previst fil-punt (e) tal-Artikolu 4. Stat Membru ma għandux jinżamm responsabbli għall-azzjonijiet tal-Fornituri tal-EETS msemmija fir-reġistru tiegħu.

2.  
Stati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li d-data kollha li tinsab fir-reġistru elettroniku nazzjonali tinżamm aġġornata u hija preċiża.
3.  
Ir-reġistri għandhom ikunu elettronikament aċċessibbli għall-pubbliku.
4.  
Dawn ir-reġistri għandhom ikunu disponibbli mid-19 ta' Ottubru 2021.
5.  
Fit-tmiem kull sena kalendarja, l-awtoritajiet tal-Istati Membri responsabbli mir-reġistri għandhom jikkomunikaw, lill-Kummissjoni, b'mezzi elettroniċi, ir-reġistri tad-dominji tal-EETS u tal-fornituri tal-EETS. Il-Kummissjoni għandha tqiegħed l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri oħra. Għandha tinġibed l-attenzjoni tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni u tal-Kummissjoni dwar kwalunkwe inkonsistenza fis-sitwazzjoni fi Stat Membru.



KAPITOLU VII

SISTEMI PILOTA

Artikolu 22

Sistemi pilota tal-pedaġġ

1.  
Sabiex jippermettu l-iżvilupp tekniku tal-EETS, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw b'mod temporanju, f'partijiet limitati tad-dominju tal-pedaġġ tagħhom u b'mod parallel mas-sistema tal-ilmenti tal-EETS, sistemi tal-pedaġġ pilota li jinkorporaw teknoloġiji jew kunċetti ġodda li ma jikkonformawx ma' dispożizzjoni waħda jew aktar ta' din id-Direttiva.
2.  
Il-fornituri tal-EETS ma għandhomx ikunu obbligati jipparteċipaw f'sistemi tal-pedaġġ pilota.
3.  
Qabel ma tibda sistema pilota ta' pedaġġ, l-Istat Membru kkonċernat għandu jitlob l-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha toħroġ l-awtorizzazzjoni jew tirrifjutaha, f'forma ta' Deċiżjoni, fi żmien sitt xhur mill-mument li tkun irċeviet it-talba. Il-Kummissjoni tista' tirrifjuta l-awtorizzazzjoni jekk is-sistema pilota ta' pedaġġ tista' tippreġudika l-funzjonament korrett tas-sistema elettronika ta' pedaġġ regolari jew tal-EETS. Il-perijodu inizjali ta' dawn l-awtorizzazzjonijiet ma għandux jaqbeż it-tliet snin.



KAPITOLU VIII

SKAMBJU TA' INFORMAZZJONI DWAR IN-NUQQAS TA' ĦLAS TA' TARIFFI TAT-TRIQ

Artikolu 23

Proċedura għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri

1.  

Sabiex ikunu jistgħu jiġu identifikati l-vettura u s-sid jew id-detentur ta' dik il-vettura, li għaliha ġie stabbilit li ma sarx il-ħlas ta' tariffa tat-triq, kull Stat Membru għandu jagħti aċċess biss lill-punti ta' kuntatt nazzjonali ta' Stati Membri oħra għad-data nazzjonali li ġejja dwar ir-reġistrazzjoni tal-vetturi, bis-setgħa li jwettqu tiftix awtomatizzat dwarhom:

(a) 

data relatata mal-vetturi; u

(b) 

data relatata mas-sidien jew mad-detenturi tal-vettura.

L-elementi tad-data msemmija fil-punti (a) u (b) u li huma meħtieġa biex isir tiftix awtomattizat għandhom jikkonformaw mal-Anness I.

2.  
Għall-finijiet tal-iskambju ta' data msemmi fil-paragrafu 1, kull Stat Membru għandu jaħtar punt ta' kuntatt nazzjonali. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri jsir biss bejn il-punti ta' kuntatt nazzjonali. Is-setgħat tal-punti ta' kuntatt nazzjonali għandhom ikunu rregolati bil-liġi applikabbli tal-Istat Membru kkonċernat. F'dak il-proċess ta' skambju ta' data, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-protezzjoni xierqa tad-data personali.
3.  
Meta jsir tiftix awtomatizzat fil-forma ta' talba maħruġa, il-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu juża n-numru ta' reġistrazzjoni kollu kemm hu.

Dan it-tiftix awtomatizzat għandu jsir f'konformità mal-proċeduri msemmija fil-punti 2 u 3 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI ( 5 ) u mar-rekwiżiti tal-Anness I ta' din id-Direttiva.

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas tal-ħlas ta' tariffa tat-triq għandu juża d-data miksuba sabiex jiġi stabbilit min hu responsabbli għan-nuqqas ta' ħlas ta' din it-tariffa.

4.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li l-iskambju ta' informazzjoni jsir bl-użu tal-applikazzjoni tas-software tas-Sistema ta' Informazzjoni Ewropea tal-Liċenzji tal-Vetturi u tas-Sewqan (Eucaris) u l-verżjonijiet emendati ta' dan is-software, f'konformità mal-Anness I ta' din id-Direttiva u mal-punti 2 u 3 tal-Kapitolu 3 tal-Anness tad-Deċiżjoni 2008/616/ĠAI.
5.  
Kull Stat Membru għandu jħallas l-ispejjeż tiegħu stess li jirriżultaw mill-amministrazzjoni, l-użu u l-manutenzjoni tal-applikazzjonijiet tas-software imsemmija fil-paragrafu 4.

Artikolu 24

Ittra ta' informazzjoni dwar nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

1.  
L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq għandu jiddeċiedi jekk għandux jibda proċedimenti ta' segwitu f'dak li jirrigwarda n-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq.

F'każ li l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq jiddeċiedi li jibda tali proċedimenti, f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jinforma lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew alternattivament lill-persuna identifikata ssuspettata li naqset milli tħallas it-tariffa tat-triq.

Din l-informazzjoni għandha, skont kif ikun applikabbli taħt il-liġi nazzjonali, tinkludi l-konsegwenzi legali tagħhom fit-territorju tal-Istat Membru fejn kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq skont il-liġi ta' dak l-Istat Membru.

2.  
Meta jkun qed jibgħat l-ittra ta' informazzjoni lis-sid, lid-detentur tal-vettura jew alternattivament lill-persuna identifikata ssuspettata li naqset milli tħallas it-tariffa tat-triq, l-Istat Membru fejn seħħ in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinkludi kwalunkwe informazzjoni rilevanti, partikolarment dwar in-natura ta' dan in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, il-post, id-data u l-ħin tan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, it-titolu tat-testi tal-liġi nazzjonali miksura, id-dritt għall-appell u ta' aċċess għall-informazzjoni, u s-sanzjoni u, fejn xieraq, id-data li tikkonċerna t-tagħmir li ntuża biex jiġi identifikat in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq. Għal dak l-għan, l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq għandu jibbaża l-ittra ta' informazzjoni fuq il-mudell stabbilit fl-Anness II.
3.  
F'każ li l-Istat Membru fejn li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq jiddeċiedi li jibda proċedimenti ta' segwitu fir-rigward tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq, dan għandu, bil-għan li jiżgura li d-drittijiet fundamentali jiġu rispettati, jibgħat l-ittra ta' informazzjoni bil-lingwa tad-dokument ta' reġistrazzjoni tal-vettura, fejn disponibbli, jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni.

Artikolu 25

Il-proċedimenti ta' segwitu mill-entitajiet tal-ġbir

1.  

L-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq jista' jipprovdi lill-entità responsabbli mill-ġbir tat-tariffa tat-triq id-data miksuba permezz tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23(1) biss jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

id-data trasferita tkun limitata għal dak li jkun meħtieġ minn dik l-entità biex tikseb it-tariffa tat-triq dovuta;

(b) 

il-proċedura biex tinkiseb it-tariffa tat-triq dovuta tkun konformi mal-proċedura prevista fl-Artikolu 24;

(c) 

l-entità kkonċernata tkun responsabbli għat-twettiq ta' din il-proċedura; u

(d) 

il-konformità mal-ordni ta' ħlas maħruġa mill-entità li tirċievi d-data ġġib fi tmiemu n-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data pprovduta lill-entità responsabbli tintuża biss għall-għan li tinkiseb it-tariffa tat-triq dovuta u titħassar immedjatament ladarba t-tariffa tat-triq titħallas jew, jekk in-nuqqas ta' ħlas jippersisti, fi żmien raġonevoli wara t-trasferiment tad-data, li għandu jiġi stabbilit mill-Istat Membru.

Artikolu 26

Rappurtar mill-Istati Membri lill-Kummissjoni

Kull Stat Membru għandu jibgħat rapport komprensiv lill-Kummissjoni sad-19 ta' April 2023 u sussegwentement kull tliet snin.

Ir-rapport komprensiv għandu jindika n-numru ta' każijiet ta' tiftix awtomatizzat li jkunu saru mill-Istat Membru li fih seħħ nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq indirizzat lill-punt ta' kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru tar-reġistrazzjoni, wara l-każijiet ta' nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq li jkunu seħħew fit-territorju tiegħu, flimkien ma' n-numru ta' talbiet li ma rnexxewx.

Ir-rapport komprensiv għandu jinkludi wkoll deskrizzjoni tas-sitwazzjoni fil-livell nazzjonali b'rabta mas-segwitu li jikkonċerna nuqqasijiet ta' ħlas tat-tariffi tat-triq, abbażi tal-proporzjon ta' tali nuqqasijiet ta' ħlas tat-tariffi tat-triq li ngħataw segwitu b'ittri ta' informazzjoni.

Artikolu 27

Protezzjoni tad-data

1.  
Ir-Regolament (UE) 2016/679 u l-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jittrasponu d-Direttivi 2002/58/KE u (UE) 2016/680 għandhom japplikaw għad-data personali pproċessata skont din id-Direttiva.
2.  

L-Istati Membri għandhom, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data, jieħdu l-miżuri meħtieġa, sabiex jiżguraw li:

(a) 

l-ipproċessar tad-data personali għall-finijiet tal-Artikoli 23, 24 u 25 ikun limitat għat-tipi ta' data elenkati fl-Anness I għal din id-Direttiva;

(b) 

id-data personali tkun preċiża, tinżamm aġġornata u li t-talbiet għar-rettifika jew għat-tħassir jiġu ttrattati mingħajr dewmien żejjed; u

(c) 

jiġi stabbilit limitu ta' żmien għall-ħżin tad-data personali.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li d-data personali proċessata taħt din id-Direttiva tintuża biss għall-finijiet ta':

(a) 

identifikazzjoni ta' awturi suspettati ta' reati fid-dawl tal-obbligu li jitħallsu t-tariffi tat-triq fl-ambitu tal-Artikolu 5(8);

(b) 

żgurar tal-konformità tal-kollettur tal-pedaġġi fir-rigward tal-obbligi tiegħu lejn l-awtoritajiet tat-taxxa fl-ambitu tal-Artikolu 5(9); u

(c) 

identifikazzjoni tal-vettura u s-sid jew id-detentur tal-vettura li għaliha ġie stabbilit nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq fl-ambitu tal-Artikoli 23 u 24.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li s-suġġetti tad-data jkollhom l-istess drittijiet ta' informazzjoni, aċċess, rettifika, tħassir u restrizzjoni tal-ipproċessar u li jressqu lment quddiem awtorità superviżorja tal-protezzjoni tad-data, kumpens u rimedju ġudizzjarju effettiv kif previst fir-Regolament (UE) 2016/679 jew, fejn applikabbli, id-Direttiva (UE) 2016/680.

3.  
Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-possibilità li l-Istati Membri jirrestrinġu l-ambitu tal-obbligi u d-drittijiet previsti f'ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 skont l-Artikolu 23 ta' dak ir-Regolament għall-finijiet elenkati fl-ewwel paragrafu ta' dak l-Artikolu.
4.  
Kwalunkwe persuna kkonċernata għandu jkollha d-dritt li tikseb, mingħajr dewmien mhux dovut, informazzjoni dwar liema data personali rreġistrata fl-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tkun ġiet trażmessa lill-Istat Membru fejn kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq, inkluża d-data tat-talba u l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fih sar nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.



KAPITOLU IX

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 28

Rapport

1.  
Sad-19 ta' April 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni u l-effetti ta' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-avvanzi u l-użu tal-EETS u l-effikaċja u l-effiċjenza tal-mekkaniżmu għall-iskambju tad-data fil-qafas tal-investigazzjoni ta' każijiet ta' nuqqas ta' ħlas tat-tariffi tat-triq.

Ir-rapport għandu janalizza b'mod partikolari dan li ġej:

(a) 

l-effett tal-Artikolu 5(1) u (2) fuq l-użu tal-EETS, b'attenzjoni partikolari għad-disponibilità tas-servizz f'dominji żgħar jew periferiċi tal-EETS;

(b) 

l-effettività tal-Artikoli 23, 24 u 25 dwar it-tnaqqis fin-numru ta' nuqqasijiet ta' ħlas ta' tariffi tat-triq fl-Unjoni; u

(c) 

il-progress li jkun sar fir-rigward tal-aspetti tal-interoperabilità bejn is-sistemi elettroniċi ta' pedaġġ li jużaw il-pożizzjonament bis-satellita u t-teknoloġija tal-microwave b'5,8 GHz.

2.  

Ir-rapport għandu jiġi akkumpanjat, jekk ikun xieraq, minn proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex din id-Direttiva tkompli tiġi riveduta, partikolarment b'rabta mal-elementi li ġejjin:

(a) 

miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat li l-EETS ikun disponibbli fid-dominji kollha tal-EETS, inkluż dawk żgħar u periferiċi.

(b) 

miżuri biex ikompli jiġi ffaċilitat l-infurzar transfruntier tal-obbligu tal-ħlas tat-tariffi tat-triq fl-Unjoni, inklużi l-arranġamenti ta' assistenza reċiproka; u

(c) 

l-estensjoni tad-dispożizzjonijiet li jiffaċilitaw l-infurzar transfruntier għal żoni b'emissjonijiet baxxi, għal żoni ta' aċċess ristrett jew għal skemi ta' regolamentazzjoni tal-aċċess urban għall-vetturi.

Artikolu 29

Atti delegati

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 30, li jaġġornaw l-Anness I biex titqies kwalunkwe emenda rilevanti li għandhom isiru lid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2008/615/ĠAI ( 6 ) u 2008/616/ĠAI jew fejn dan ikun rikjest minn xi att legali rilevanti ieħor tal-Unjoni.

Artikolu 30

Eżerċitar tad-delega

1.  
Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta' ħames snin mit-18 ta' April 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux aktar tard minn disa' xhur qabel tmiem il-perjodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perjodu.
3.  
Id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Id-deċiżjoni ta' revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4.  
Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta l-esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.
5.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
6.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 8(5), l-Artikolu 10(3), l-Artikolu 15(4) u (5), l-Artikolu 19(5) u l-Artikolu 29 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun saret l-ebda oġġezzjoni jew mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Proċedura ta' kumitat

1.  
Il-Kummissjoni ser tiġi assistita mill-Kumitat tal-Pedaġġ Elettroniku.

Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  
Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. Meta l-kumitat ma jagħti l-ebda opinjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tadotta l-abbozz tal-att ta' implimentazzjoni u għandu japplika t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 32

Traspożizzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sad-19 ta' Ottubru 2021, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi mal-Artikoli 1 sa 27 u l-Annessi I u II. Għandhom mill-ewwel jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Huma għandhom japplikaw dawk il-miżuri mid-19 ta' Ottubru 2021.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn din ir-referenza fil-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti, u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttiva mħassra b'din id-Direttiva għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif din ir-referenza għandha ssir u kif it-tali dikjarazzjoni għandha tiġi mfassla.

2.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 33

Tħassir

Id-Direttiva 2004/52/KE hija mħassra bis-seħħ mill-20 ta' Ottubru 2021, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri marbuta mal-limitu -ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva mniżżla fl-Anness III, Parti B.

Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni li tinsab fl-Anness IV.

Artikolu 34

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 35

Destinatarji

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

Elementi tad-data meħtieġa biex iseħħ it-tiftix awtomatizzat imsemmi fl-Artikolu 23(1)



Entrata

M/F (1)

Rimarki

Data relatata mal-vettura

M

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni

M

 

Numru tar-reġistrazzjoni

M

(A (2))

Data relatata man-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq

M

 

Stat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

M

 

Data ta' referenza tal-każ

M

 

Ħin ta' referenza tal-każ

M

 

(1)   

M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(2)   

Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva tal-Kunsill 1999/37/KE tad-29 ta' April 1999 dwar id-dokumenti ta' reġistrazzjoni għall-vetturi (ĠU L 138, 1.6.1999, p. 57).

Elementi tad-data pprovduti bħala riżultat tat-tiftix awtomatizzat magħmul skont l-artikolu 23(1)

▼M1

Parti I.   Data relatata mal-vetturi



Punt

M/O (1)

Rimarki

Numru tar-reġistrazzjoni

M

 

Numru tax-Chassis/Numru ta’ identifikazzjoni tal-vettura (VIN)

M

 

Stat Membru tar-reġistrazzjoni

M

 

Għamla

M

(D.1 (2)) eż. Ford, Opel, Renault

Deskrizzjoni kummerċjali tal-vettura

M

(D.3) eż. Focus, Astra, Megane

Kodiċi ta’ Kategorija tal-UE

M

(J) eż. motorini, muturi, karozzi

Klassi tal-emissjonijiet Euro

M

eż. Euro 4, Euro 6

Klassi ta’ emissjonijiet ta’ CO2

O

applikabbli għal vetturi tqal

Data tar-riklassifikazzjoni

O

applikabbli għal vetturi tqal

CO2 f’g/tkm

O

applikabbli għal vetturi tqal

Massa massima mgħobbija teknikament permissibbli tal-vettura

M

 

(1)   

M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, O = fakultattiv.

(2)   

Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva1999/37/KE.’.

▼B

Parti II.    Data relatata mas-sidien jew detenturi tal-vetturi



Entrata

M/F (1)

Rimarki

Data relatata mad-detenturi tal-vettura

 

(C.1 2 (2))

Id-data tirreferi għad-detentur taċ-ċertifikat speċifiku tar-reġistrazzjoni.

Isem id-detenturi (il-kumpanija) tar-reġistrazzjoni

M

(C.1.1)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-kunjom, l-infissi, it-titli, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-isem f'format li jista' jiġi stampat.

Isem

M

(C.1.2)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għall-ewwel isem (ismijiet) u l-inizjali, u għandu jiġi komunikat l-isem f'format li jista' jiġi stampat.

Indirizz

M

(C.1.3)

Għandhom jintużaw taqsimiet separati għat-Triq, in-Numru tad-dar u l-Anness, il-Kodiċi postali, il-Post ta' residenza, il-Pajjiż ta' residenza, eċċ., u għandu jiġi komunikat l-indirizz f'format li jista' jiġi stampat.

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

 

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpanija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

 

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b'mod uniku lill-persuna jew lill-kumpanija.

Data relatata mas-sidien tal-vettura

 

(C.2) Id-data tirreferi għas-sid tal-vettura.

L-isem tas-sid (tal-kumpanija)

M

(C.2.1)

Isem

M

(C.2.2)

Indirizz

M

(C.2.3)

Sess

F

Raġel, mara

Data tat-twelid

M

 

Entità legali

M

Individwu, assoċjazzjoni, kumpanija, ditta, eċċ.

Post tat-twelid

F

 

Numru tal-karta tal-identità

F

Identifikatur li jidentifika b'mod uniku lill-persuna jew lill-kumpanija.

 

 

Fil-każ ta' vetturi għall-iskrapp, vetturi jew pjanċi tar-reġistrazzjoni misruqin, jew numru tar-reġistrazzjoni tal-karozza skadut, ma għandu jiġi pprovdut l-ebda tagħrif dwar is-sid jew id-detentur. Minflok, għandu jintbagħat lura l-messaġġ “Tagħrif mhux żvelat”.

(1)   

M = mandatorju meta jkun disponibbli fir-reġistru nazzjonali, F = fakultattiv.

(2)   

Kodiċi armonizzat tal-Unjoni, ara d-Direttiva 1999/37/KE.




ANNESS II

MUDELL GĦALL-ITTRA TA' INFORMAZZJONI

imsemmija fl-Artikolu 24

[Paġna ta' quddiem]

[Isem, indirizz u numru tat-telefon ta' min qed jibgħat l-ittra]

[Isem u indirizz tad-destinatarju]

ITTRA TA' INFORMAZZJONI

rigward in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq li seħħ fi …

[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq]

Paġna 2

Fil-… nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq bil-vettura bin-numru tar-reġistrazzjoni

[data]

numru …marka …mudell …

ġie osservat minn …

[isem l-entità responsabbli]

[Għażla 1] (1)

Inti rreġistrat/a bħala d-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura msemmija hawn fuq.

[Għażla 2] (1)

Id-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni tal-vettura msemmija hawn fuq indika li int kont qed issuq dik il-vettura meta seħħ in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq.

Id-dettalji rilevanti tan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq huma deskritti fil-paġna 3 hawn taħt.

L-ammont tal-penali finanzjarja dovut għan-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq huwa ta'… EUR/munita nazzjonali. (1)

L-ammont tat-tariffa tat-triq li jrid jitħallas hu ta' …EUR/munita nazzjonali. (1)

L-iskadenza għall-ħlas hi …

Jekk ma tħallasx din il-penali finanzjarja (1)/tariffa tat-triq, int imħeġġeġ timla' l-formola tat-tweġiba mehmuża (paġna 4) u tibgħatha fl-indirizz indikat. (1).

Din l-ittra għandha tiġi pproċessata skont il-liġi nazzjonali ta' …

[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq].

Paġna 3:

Dettalji rilevanti dwar in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq

(a) 

Data dwar il-vettura li ntużat meta seħħ in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

Numru tar-reġistrazzjoni: …
Stat Membru tar-reġistrazzjoni: ….
Marka u mudell: …
(b) 

Data dwar in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:

Il-post, id-data u l-ħin fejn seħħ in-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:
In-natura u l-klassifikazzjoni ġuridika tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq:
Deskrizzjoni dettaljata tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq
Referenza għad-dispożizzjoni jew id-dispożizzjonijiet legali rilevanti:
Deskrizzjoni ta' jew referenza għall-evidenza dwar in-nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq:
(c) 

Data dwar l-apparat li ntuża għall-identifikazzjoni tan-nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq (2):

Speċifikazzjoni tat-tagħmir:
Numru tal-identifikazzjoni tat-tagħmir:
Skadenza tal-aħħar kalibrazzjoni tat-tagħmir:

(1) Ħassar jekk mhux applikabbli.

(2) Mhux applikabbli jekk ma jkun intuża l-ebda tagħmir.

Paġna 4

Formola tar-risposta

(jekk jogħġbok imla l-formola b'ittri kapitali)

A. Identità tas-sewwieq:

— 
Isem sħiħ:
— 
Post u data tat-twelid:
— 
Numru tal-liċenzja tas-sewqan: … mogħtija (data): …u fi (post): …
— 
Indirizz …

B. Lista ta' mistoqsijiet:

1. 

Il-vettura, tal-marka …, numru ta' reġistrazzjoni …, hija rreġistrata f'ismek? … iva/le (1)

Jekk le, id-detentur taċ-ċertifikat tar-reġistrazzjoni huwa/hija: …

(kunjom, isem, indirizz)

2. 

Tammetti li ma ħallastx tariffa tat-triq? iva/le (1)

3. 

Jekk dan ma tammettihx, jekk jogħġbok agħti r-raġunijiet tiegħek:

Jekk jogħġbok, il-formola li mlejt ibagħtha fi żmien 60 jum mid-data ta' din l-ittra ta' informazzjoni lill-awtorità jew entità li ġejja: …

fl-indirizz li ġej: …

INFORMAZZJONI

(Fejn l-ittra ta' informazzjoni tintbagħat mill-entità responsabbli li tiġbor it-tariffi tat-triq skont l-Artikolu 25):

Jekk it-tariffa tat-triq dovuta ma titħallasx sad-data ta' skadenza stipulata f'din l-ittra ta' informazzjoni, dan il-każ jiġi mgħoddi lill-awtorità kompetenti ta' …
[isem tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq] u eżaminat minn din l-istess awtorità kompetenti.
Jekk ma jingħatax segwitu għal dan il-każ, int tiġi infurmat/a fi żmien 60 jum mid-data tar-riċezzjoni tal-formola tat-tweġiba jew tal-prova tal-ħlas. (1)

/

(Fejn l-ittra ta' informazzjoni tintbagħat mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru):

Dan il-każ ser jiġi eżaminat mill-awtorità kompetenti ta'…
[isem l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas tat-tariffa tat-triq].
Jekk ma jingħatax segwitu għal dan il-każ, int tiġi infurmat/a fi żmien 60 jum mid-data tar-riċezzjoni tal-formola ta' tweġiba jew tal-prova tal-ħlas. (1)

(1) Ħassar jekk mhux applikabbli.

Jekk jingħata segwitu għal dan il-każ, tapplika l-proċedura li ġejja:

[għandha timtela mill-Istat Membru li fit-territorju tiegħu kien hemm nuqqas ta' ħlas ta' tariffa tat-triq — x'se tkun il-proċedura ulterjuri, inklużi d-dettalji dwar il-possibilità u l-proċedura ta' appell kontra d-deċiżjoni li jiġi segwit il-każ. F'kull każ, dawn id-dettalji għandhom jinkludu: l-isem u l-indirizz tal-awtorità jew tal-entità inkarigata li ssegwi l-każ; l-iskadenza għall-ħlas; l-isem u l-indirizz tal-organu ta' appell ikkonċernat; l-iskadenza għall-appell].

Din l-ittra bħala tali ma twassalx għal konsegwenzi legali.

Ċaħda ta' responsabilità dwar il-protezzjoni tad-data:

[Fejn huwa applikabbli r-Regolament (UE) 2016/679:
Skont ir-Regolament (UE) 2016/679, inti għandek id-dritt li titlob aċċess għad-data personali, u r-rettifika jew it-tħassir tagħha jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek jew li toġġezzjona għall-ipproċessar, kif ukoll id-dritt għall-portabilità tad-data; Inti għandek ukoll id-dritt li tressaq ilment quddiem [isem u indirizz tal-awtorità superviżorja rilevanti].
[Fejn hija applikabbli d-Direttiva (UE) 2016/680:
Skont [isem il-liġi nazzjonali li tapplika d-Direttiva (UE) 2016/680], inti għandek id-dritt li titlob mingħand il-kontrollur l-aċċess għad-data personali u r-rettifika jew it-tħassir tagħha u r-restrizzjoni tal-ipproċessar tad-data personali tiegħek. Inti għandek ukoll id-dritt li tressaq ilment quddiem [isem u indirizz tal-awtorità superviżorja rilevanti].]




ANNESS III

PARTI A

Direttiva mħassra flimkien mal-emenda tagħha

(imsemmija fl-Artikolu 33)



Id-Direttiva 2004/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 166, 30.4.2004, p. 124

Regolament (KE) Nru 219/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

ĠU L 87, 31.3.2009, p. 109

PARTI B

Skadenza għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali

(imsemmija fl-Artikolu 33)



Direttiva

Il-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

Direttiva 2004/52/KE:

fl-20 ta' Novembru 2005.




ANNESS IV

Tabella ta' Korrelazzjoni



Direttiva 2004/52/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(1)

L-ewwel subparagrafu (a) tal-Artikolu 1(1)

L-ewwel subparagrafu (b) tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 3(2), l-ewwel sentenza

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 1(2), il-kliem introduttorju

Artikolu 1(2), il-kliem introduttorju

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(a)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 1(2)(c)

Artikolu 1(2)(b)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(3)

Artikolu 1(4)

Artikolu 1(5)

Artikolu 1(6)

Artikolu 2

Artikolu 2(1)

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 3(1)

Artiklu 2(2), l-ewwel sentenza

–Artikolu 4(7)

Artikolu 3(2)

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(2), it-tieni u t-tielet sentenzi

Artikolu 3(4)

Artikolu 2(2), ir-raba' sentenza

Artikolu 3(5)

Artikolu 3(6)

Artikolu 2(3)

Artikolu 2(4)

Artikolu 2(5)

Artikolu 2(6)

Artikolu 2(7)

Artikolu 27

Artikolu 3(1)

Artiklu 3(2), l-ewwel sentenza

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 1(1)

Artikolu 3(2), it-tieni sentenza

Artikolu 3(2), it-tielet sentenza

 

Artikolu 3(3)

 

Artikolu 3(4)

Artikolu 4(1)

 

Artikolu 4(2)

Artikolu 4(3)

 

Artikolu 4(4)

Artikolu 4(5)

Artikolu 4(7)

Artikolu 3(2)

Artikolu 4(8)

Artikolu 5(4)

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 26

Artikolu 2(7)

Artikolu 27

Artikolu 28

Artikolu 29

Artikolu 30

Artikolu 5

Artikolu 31

Artikolu 6

Artikolu 32(1)

Artikolu 32(2)

Artikolu 33

Artikolu 7

Artikolu 34

Artikolu 8

Artikolu 35

Anness

Anness I

Anness II

Anness III

Anness IV



( 1 ) Direttiva (UE) 2015/1535 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta' informazzjoni fil-qasam tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informatika (ĠU L 241, 17.9.2015, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta' tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

( 3 ) Direttiva 2014/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri relatati mal-kompatibilità elettromanjetika (ĠU L 96, 29.3.2014, p. 79).

( 4 ) Id-Direttiva 1999/62/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 1999 dwar il-ħlas li jrid isir minn vetturi ta' merkanzija tqila għall-użu ta' ċerti infrastrutturi (ĠU L 187, 20.7.1999, p. 42).

( 5 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/616/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar l-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2008/615/ĠAI dwar it-titjib tal-koperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 12).

( 6 ) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/615/ĠAI tat-23 ta' Ġunju 2008 dwar it-titjib tal-kooperazzjoni transkonfinali, b'mod partikolari fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità transkonfinali (ĠU L 210, 6.8.2008, p. 1).