02018R1860 — MT — 03.08.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2018/1860 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Novembru 2018

dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali

(ĠU L 312 7.12.2018, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2021/1152 TAL-PARLAMENT U TAL-KUNSILL tas-7 ta’ Lulju 2021

  L 249

15

14.7.2021




▼B

REGOLAMENT (UE) 2018/1860 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-28 ta' Novembru 2018

dwar l-użu tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi b'soġġorn illegali



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta' applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għad-dħul u l-ipproċessar ta' allerti fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjonijiet ta' ritorn maħruġa mill-Istati Membri fis-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen (SIS) stabbiliti bir-Regolament (UE) 2018/1861, kif ukoll għall-iskambju ta' informazzjoni supplimentari dwar tali allerti.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“ritorn” tfisser ritorn kif definit fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(2) 

“ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(3) 

“deċiżjoni ta' ritorn” tfisser deċiżjoni jew att amministrattiv jew ġudizzjarju, li jistipula jew jiddikjara li s-soġġorn ta' ċittadin ta' pajjiż terz huwa illegali u li jimponi jew jiddikjara obbligu ta' ritorn li jirrispetta d-Direttiva 2008/115/KE;

(4) 

“allert” tfisser allert kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(5) 

“informazzjoni supplimentari” tfisser informazzjoni supplimentari kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(6) 

“tneħħija” tfisser tneħħija kif definit fil-punt (5) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(7) 

“tluq volontarju” tfisser tluq volontarju kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115/KE;

(8) 

“Stat Membru emittenti” tfisser Stat Membru emittenti kif definit fil-punt (10) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(9) 

“Stat Membru tal-għoti” tfisser Stat Membru tal-għoti kif definit fil-punt (11) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(10) 

“Stat Membru ta' eżekuzzjoni” tfisser Stat Membru ta' eżekuzzjoni kif definit fil-punt (12) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(11) 

data personali” tfisser data personali kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(12) 

“CS-SIS” tfisser il-funzjoni ta' appoġġ tekniku tas-SIS Ċentrali kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(13) 

“permess ta' residenza” tfisser permess ta' residenza kif definit fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399;

(14) 

“viża għal soġġorn fit-tul” tfisser viża għal soġġorn fit-tul kif imsemmi fl-Artikolu 18(1) tal-Konvenzjoni tad-19 ta' Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta' kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom ( 1 );

(15) 

“hit” tfisser hit kif definit fil-punt (8) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(16) 

“theddida għas-saħħa pubblika” tfisser theddida għas-saħħa pubblika kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399;

(17) 

“fruntieri esterni” tfisser fruntieri esterni kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/399.

Artikolu 3

Dħul ta' allerti dwar ritorn fis-SIS

1.  
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-SIS allerti dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjoni ta' ritorn bil-fini li jiġi vverifikat li l-obbligu ta' ritorn ikun ġie rispettat u biex jiġi appoġġat l-infurzar tad-deċiżjonijiet ta' ritorn. Wara l-ħruġ ta' deċiżjoni ta' ritorn għandu jiddaħħal fis-SIS allert dwar ritorn mingħajr dewmien.
2.  
L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jdaħħlux allerti dwar ritorn meta d-deċiżjonijiet ta' ritorn jikkonċernaw ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu detenuti fl-istennija ta' tneħħija. Jekk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kkonċernati jinħelsu mid-detenzjoni mingħajr ma jitneħħew għandu jiddaħħal fis-SIS allert dwar ritorn mingħajr dewmien.
3.  
L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma jdaħħlux allerti dwar ritorn meta d-deċiżjoni ta' ritorn tinħareġ fil-fruntiera esterna ta' Stat Membru u tiġi eżegwita immedjatament.
4.  
Il-perijodu għal tluq volontarju mogħti f'konformità mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/115/KE għandu jiġi rreġistrat immedjatament fl-allert dwar ritorn. Kwalunkwe estensjoni ta' dak il-perijodu għandha tiġi rreġistrata fl-allert mingħajr dewmien.
5.  
Kwalunkwe sospensjoni jew posponiment tal-infurzar tad-deċiżjoni ta' ritorn, inkluż b'riżultat tal-preżentazzjoni ta' appell, għandhom jiġu rreġistrati immedjatament fl-allert dwar ritorn.

Artikolu 4

Kategoriji ta' data

1.  

Allert dwar ritorn imdaħħal fis-SIS skont l-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament għandu jkun fih biss id-data li ġejja:

(a) 

kunjomijiet;

(b) 

ismijiet;

(c) 

ismijiet u kunjomijiet mat-twelid;

(d) 

ismijiet u psewdonimi użati preċedentement;

(e) 

post tat-twelid;

(f) 

data tat-twelid;

(g) 

ġeneru;

(h) 

kwalunkwe nazzjonalità;

(i) 

jekk il-persuna kkonċernata:

(i) 

hijiex armata;

(ii) 

hijiex vjolenti;

(iii) 

tkunx evadiet il-ġurisdizzjoni tal-qorti jew ħarbet;

(iv) 

hijiex f'riskju ta' suwiċidju;

(v) 

hijiex ta' theddida għas-saħħa pubblika; jew

(vi) 

hijiex involuta f'attività msemmija fl-Artikoli 3 sa 14 tad-Direttiva (UE) 2017/541;

(j) 

ir-raġuni għall-allert;

(k) 

l-awtorità li ħolqot l-allert;

(l) 

referenza għad-deċiżjoni li wasslet għall-allert;

(m) 

l-azzjoni li għandha tittieħed f'każ ta' hit;

(n) 

rabtiet ma' allerti oħra maħruġa skont l-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(o) 

jekk id-deċiżjoni ta' ritorn inħarġitx b'rabta ma' ċittadin ta' pajjiż terz li huwa ta' theddida għall-ordni pubbliku, għas-sigurtà pubblika jew għas-sigurtà nazzjonali;

(p) 

it-tip ta' reat;

(q) 

il-kategorija tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(r) 

il-pajjiż li joħroġ id-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(s) 

in-numru(i) tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(t) 

id-data tal-ħruġ tad-dokumenti ta' identifikazzjoni tal-persuna;

(u) 

ritratti u immaġnijiet tal-wiċċ;

(v) 

data dattiloskopika;

(w) 

kopja tad-dokumenti ta' identifikazzjoni, bil-kulur kull fejn possibbli;

(x) 

l-aħħar data tal-perijodu għal tluq volontarju, jekk tingħata;

(y) 

jekk id-deċiżjoni ta' ritorn ġietx sospiża jew l-infurzar tad-deċiżjoni ġiex pospost, inkluż b'riżultat tal-preżentazzjoni ta' appell;

(z) 

jekk id-deċiżjoni ta' ritorn hijiex akkumpanjata minn projbizzjoni fuq id-dħul li tikkostitwixxi l-bażi għal allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn skont il-punt (b) tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861.

2.  
Is-sett minimu ta' data neċessarja biex jiddaħħal allert fis-SIS għandu jkun id-data msemmija fil-punti (a), (f), (j), (l), (m), (x) u (z) tal-paragrafu 1. Id-data l-oħra msemmija f'dak il-paragrafu għandha wkoll tiddaħħal fis-SIS, jekk tkun disponibbli.
3.  

Id-data dattiloskopika msemmija fil-punt (v) tal- paragrafu 1 tista' tikkonsisti minn:

(a) 

wieħed sa għaxar marki tas-swaba' ċatti u minn wieħed sa għaxar marki tas-swaba' rroljati taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat;

(b) 

sa żewġ marki tal-pala tal-id fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li l-marki tas-swaba' tagħhom ma jkunux jistgħu jittieħdu;

(c) 

sa żewġ marki tal-pala tal-id fir-rigward ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma soġġetti għal ritorn bħala sanzjoni tal-liġi kriminali jew li jkunu wettqu reat kriminali fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ id-deċiżjoni ta' ritorn.

Artikolu 5

Awtorità responsabbli mill-iskambju ta' informazzjoni supplimentari

L-Uffiċċju SIRENE appuntat taħt l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) 2018/1861 għandu jiżgura l-iskambju tal-informazzjoni supplimentari kollha dwar ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma soġġetti għal allert dwar ritorn, f'konformità mal-Artikoli 7 u 8 ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 6

Hits fuq il-fruntieri esterni mal-ħruġ — Konferma ta' ritorn

1.  

F'każ ta' hit rigward allert dwar ritorn ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jkun ħiereġ mit-territorju tal-Istati Membri mill-fruntiera esterna ta' Stat Membru, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari:

(a) 

li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun ġie identifikat;

(b) 

il-post u l-ħin tal-verifika;

(c) 

li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun telaq mit-territorju tal-Istati Membri;

(d) 

li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz kien soġġett għal tneħħija, jekk dan ikun il-każ.

Meta ċittadin ta' pajjiż terz li jkun is-suġġett ta' allert dwar ritorn joħroġ mit-territorju tal-Istati Membri mill-fruntiera esterna tal-Istat Membru emittenti, il-konferma tar-ritorn għandha tintbagħat lill-awtorità kompetenti ta' dak l-Istat Membru f'konformità mal-proċeduri nazzjonali.

2.  
L-Istat Membru emittenti għandu jħassar l-allert dwar ritorn mingħajr dewmien wara li jirċievi l-konferma ta' ritorn. Fejn applikabbli, l-allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn għandu jiddaħħal mingħajr dewmien skont il-punt (b) tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861
3.  
L-Istati Membri għandhom fuq bażi trimestrali jipprovdu statistika lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta' Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA) dwar l-għadd tar-ritorni kkonfermati u dwar l-għadd ta' dawk ir-ritorni kkonfermati fejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz kien suġġett għat-tneħħija. L-eu-LISA għandha tiġbor l-istatistika fuq bażi trimestrali fir-rapport annwali tal-istatistika msemmi fl-Artikolu 16 ta' dan ir-Regolament. L-istatistika ma għandux ikun fiha data personali.

Artikolu 7

Nonkonformità ma' deċiżjonijiet ta' ritorn

1.  
Mal-iskadenza tal-perijodu għal tluq volontarju, indikat f'allert dwar ritorn, inkluż kwalunkwe estensjoni possibbli, is-CS-SIS għandha tinnotifika awtomatikament lill-Istat Membru emittenti.
2.  
Mingħajr preġudizzju għall-proċedura msemmija fl-Artikoli 6(1), 8 u 12, f'każ ta' hit rigward allert dwar ritorn, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jikkuntattja immedjatament lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari sabiex jiġu ddeterminati l-miżuri li għandhom jittieħdu.

Artikolu 8

Hits fuq il-fruntieri esterni mad-dħul

F'każ ta' hit rigward allert dwar ritorn ta' ċittadin ta' pajjiż terz li jkun dieħel fit-territorju tal-Istati Membri mill-fruntieri esterni, għandu japplika s-segwenti:

(a) 

fejn id-deċiżjoni ta' ritorn tkun akkumpanjata minn projbizzjoni fuq id-dħul, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jinforma immedjatament lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari. L-Istat Membru emittenti għandu immedjatament iħassar l-allert dwar ritorn u jdaħħal allert għal rifjut ta' dħul u ta' soġġorn skont il-punt (b) tal-Artikolu 24(1) tar-Regolament (UE) 2018/1861;

(b) 

fejn id-deċiżjoni ta' ritorn ma tkunx akkumpanjata minn projbizzjoni fuq id-dħul, l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jinforma immedjatament lill-Istat Membru emittenti permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, sabiex l-Istat Membru emittenti jħassar l-allert dwar ritorn mingħajr dewmien.

Id-deċiżjoni dwar id-dħul taċ-ċittadin ta' pajjiż terz għandha tittieħed mill-Istat Membru ta' eżekuzzjoni f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/399.

Artikolu 9

Konsultazzjoni qabel ma jingħata jew jiġi estiż permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul

1.  

Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra l-għoti jew l-estensjoni ta' permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul lil ċittadin ta' pajjiż terz li jkun is-suġġett ta' allert dwar ritorn imdaħħal minn Stat Membru ieħor li jkun akkumpanjat minn projbizzjoni fuq id-dħul, l-Istati Membri involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin, permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, f'konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkonsulta lill-Istat Membru emittenti qabel ma jagħti jew jestendi l-permess ta' residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul;

(b) 

l-Istat Membru emittenti għandu jwieġeb it-talba għal konsultazzjoni fi żmien 10 ijiem kalendarji;

(c) 

in-nuqqas ta' tweġiba sal-iskadenza msemmija fil-punt (b) għandu jfisser li l-Istat Membru emittenti ma joġġezzjonax għall-għoti jew l-estensjoni tal-permess ta' residenza jew tal-viża għal soġġorn fit-tul;

(d) 

meta jieħu d-deċiżjoni rilevanti, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Istat Membru emittenti u għandu jikkunsidra, f'konformità mal-liġi nazzjonali, kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li tista' tinħoloq mill-preżenza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz inkwistjoni fit-territorju tal-Istati Membri;

(e) 

l-Istat Membru tal-għoti għandu jinnotifika lill-Istat Membru emittenti dwar id-deċiżjoni tiegħu; u

(f) 

fejn l-Istat Membru tal-għoti jinnotifika lill-Istat Membru emittenti li huwa biħsiebu jagħti jew jestendi l-permess ta' residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul jew li huwa jkun iddeċieda li jagħmel dan, l-Istat Membru emittenti għandu jħassar l-allert dwar ritorn.

Id-deċiżjoni finali dwar jekk jagħtix permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul lil ċittadin ta' pajjiż terz, għandha tittieħed mill-Istat Membru tal-għoti.

2.  
Fejn Stat Membru jkun qed jikkunsidra l-għoti jew l-estensjoni ta' permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul lil ċittadin ta' pajjiż terz li jkun is-suġġett ta' allert dwar ritorn imdaħħal minn Stat Membru ieħor li ma jkunx akkumpanjat minn projbizzjoni fuq id-dħul, l-Istat Membru tal-għoti għandu jinforma mingħajr dewmien lill-Istat Membru emittenti li huwa biħsiebu jagħti jew li huwa ta permess ta' residenza jew viża għal soġġorn fit-tul. L-Istat Membru emittenti għandu jħassar l-allert dwar ritorn mingħajr dewmien.

Artikolu 10

Konsultazzjoni qabel ma jiddaħħal allert dwar ritorn

Fejn Stat Membru jkun ħareġ deċiżjoni ta' ritorn f'konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE u jkun qed jikkunsidra għandux idaħħal allert dwar ritorn fir-rigward ta' ċittadin ta' pajjiż terz li huwa d-detentur ta' permess ta' residenza validu jew ta' viża valida għal soġġorn fit-tul mogħtija minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, skont ir-regoli li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ta' ritorn għandu jinforma lill-Istat Membru tal-għoti dwar id-deċiżjoni;

(b) 

l-informazzjoni skambjata taħt il-punt (a) għandha tinkludi biżżejjed dettall dwar ir-raġunijiet għad-deċiżjoni ta' ritorn;

(c) 

abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ta' ritorn, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra jekk hemmx raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta' residenza jew tal-viża għal soġġorn fit-tul;

(d) 

meta jieħu d-deċiżjoni rilevanti, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ta' ritorn u għandu jikkunsidra, f'konformità mal-liġi nazzjonali, kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li tista' tinħoloq mill-preżenza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz inkwistjoni fit-territorju tal-Istati Membri;

(e) 

fi żmien 14-il jum kalendarju mill-wasla tat-talba għall-konsultazzjoni l-Istat Membru tal-għoti għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ta' ritorn jew, fejn ma kienx possibbli li l-Istat Membru tal-għoti jieħu deċiżjoni f'dak il-perijodu, għandu jagħmel talba motivata biex b'mod eċċezzjonali jiġi estiż il-perijodu ta' żmien għat-tweġiba tiegħu għal mhux aktar minn 12-il jum kalendarju ieħor;

(f) 

fejn l-Istat Membru tal-għoti jinnotifika lill-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ta' ritorn li huwa ser iżomm il-permess ta' residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul, l-Istat Membru li jkun ħa d-deċiżjoni ta' ritorn ma għandux idaħħal l-allert dwar ritorn.

Artikolu 11

Konsultazzjoni a posteriori wara li jiddaħħal allert dwar ritorn

Fejn jirriżulta li Stat Membru jkun daħħal allert dwar ritorn dwar ċittadin ta' pajjiż terz li huwa d-detentur ta' permess ta' residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul mogħtija minn Stat Membru ieħor, l-Istat Membru emittenti jista' jiddeċiedi li jirtira d-deċiżjoni ta' ritorn. Fil-każ ta' tali rtirar, huwa għandu jħassar immedjatament l-allert dwar ritorn. Madankollu, fejn l-Istat Membru emittenti jiddeċiedi li jżomm id-deċiżjoni ta' ritorn maħruġa f'konformità mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2008/115/KE, l-Istati Membri involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, f'konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru emittenti għandu jinforma lill-Istat Membru tal-għoti dwar id-deċiżjoni ta' ritorn;

(b) 

l-informazzjoni skambjata taħt il-punt (a) għandha tinkludi biżżejjed dettall dwar ir-raġunijiet għall-allert dwar ritorn;

(c) 

abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istat Membru emittenti, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra jekk hemmx raġunijiet għall-irtirar tal-permess ta' residenza jew tal-viża għal soġġorn fit-tul;

(d) 

meta jieħu d-deċiżjoni tiegħu, l-Istat Membru tal-għoti għandu jikkunsidra r-raġunijiet għad-deċiżjoni tal-Istat Membru emittenti u għandu jikkunsidra, f'konformità mal-liġi nazzjonali, kwalunkwe theddida għall-ordni pubbliku jew għas-sigurtà pubblika li tista' tinħoloq mill-preżenza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz inkwistjoni fit-territorju tal-Istati Membri;

(e) 

fi żmien 14-il jum kalendarju mill-wasla tat-talba għall-konsultazzjoni l-Istat Membru tal-għoti għandu jinnotifika d-deċiżjoni tiegħu lill-Istat Membru emittenti jew, fejn ma kienx possibbli għall-Istat Membru tal-għoti li jieħu deċiżjoni f'dak il-perijodu, huwa għandu jagħmel talba motivata biex jiġi estiż b'mod eċċezzjonali l-perijodu ta' żmien għat-tweġiba tiegħu għal mhux aktar minn 12-il jum kalendarju ieħor;

(f) 

fejn l-Istat Membru tal-għoti jinnotifika lill-Istat Membru emittenti li huwa ser iħalli l-permess ta' residenza jew il-viża għal soġġorn fit-tul, l-Istat Membru emittenti għandu jħassar immedjatament l-allert dwar ritorn.

Artikolu 12

Konsultazzjoni f'każ ta' hit dwar ċittadin ta' pajjiż terz li jkollu permess ta' residenza validu jew viża valida għal soġġorn fit-tul

Fejn Stat Membru jiltaqa' ma' hit rigward allert dwar ritorn imdaħħal minn Stat Membru dwar ċittadin ta' pajjiż terz li huwa d-detentur ta' permess ta' residenza validu jew ta' viża valida għal soġġorn fit-tul mogħtija minn Stat Membru ieħor, l-Istati Membri involuti għandhom jikkonsultaw lil xulxin permezz tal-iskambju ta' informazzjoni supplimentari, f'konformità mar-regoli li ġejjin:

(a) 

l-Istat Membru ta' eżekuzzjoni għandu jinforma lill-Istat Membru emittenti dwar is-sitwazzjoni;

(b) 

l-Istat Membru emittenti għandu jagħti bidu għall-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11;

(c) 

l-Istat Membru emittenti għandu jinnotifika lill-Istat Membru ta' eżekuzzjoni dwar l-eżitu finali wara l-konsultazzjoni.

Artikolu 13

Statistika dwar l-iskambju ta' informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jipprovdu statistika lill-eu-LISA fuq bażi annwali dwar l-iskambji ta' informazzjoni mwettqa f'konformità mal-Artikoli 8 sa 12 u dwar il-każijiet fejn l-iskadenzi previsti f'dawk l-Artikoli ma kinux ġew irrispettati.

Artikolu 14

Tħassir tal-allerti

1.  
Apparti l-Artikoli 6 u 8 sa 12, l-allerti dwar ritorn għandhom jitħassru meta d-deċiżjoni li abbażi tagħha kien iddaħħal l-allert tkun ġiet irtirata jew annullata mill-awtorità kompetenti. L-allerti dwar ritorn għandhom jitħassru wkoll meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ikun jista' juri li telaq mit-territorju tal-Istat Membru f'konformità mad-deċiżjoni ta' ritorn rispettiva.
2.  
L-allerti dwar ritorn dwar persuna li tkun kisbet iċ-ċittadinanza ta' Stat Membru jew ta' kwalunkwe Stat li ċ-ċittadini tiegħu huma benefiċjarji tad-dritt ta' moviment liberu skont il-liġi tal-Unjoni, għandhom jitħassru hekk kif l-Istat Membru emittenti jsir konxju, jew jiġi infurmat skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (EU) 2018/1861 li l-persuna inkwistjoni kisbet tali ċittadinanza.

Artikolu 15

Trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi għall-fini ta' ritorn

1.  
B'deroga mill-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) 2018/1861, id-data msemmija fil-punti (a), (b), (c), (d), (e), (f), (g), (h), (q), (r), (s), (t), (u), (v) u (w) tal-Artikolu 4(1) ta' dan ir-Regolament u l-informazzjoni supplimentari relatata jistgħu jiġu trasferiti jew isiru disponibbli lil pajjiż terz bi qbil mal-Istat Membru emittenti.
2.  
It-trasferiment tad-data lil pajjiż terz għandu jitwettaq f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data personali, inkluż il-Kapitolu V tar-Regolament (UE) 2016/679, ma' ftehimiet ta' riammissjoni fejn applikabbli, u mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jittrasferixxi d-data.
3.  

It-trasferimenti ta' data lil pajjiż terz għandhom jitwettqu biss meta jkunu ntlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

id-data tiġi trasferita jew issir disponibbli biss għall-fini tal-identifikazzjoni ta', u l-ħruġ ta' dokument ta' identifikazzjoni jew tal-ivvjaġġar lil, ċittadin ta' pajjiż terz b'soġġorn illegali bil-ħsieb tar-ritorn tiegħu;

(b) 

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ikun ġie infurmat li d-data personali u l-informazzjoni supplimentari tiegħu jistgħu jiġu kondiviżi mal-awtoritajiet ta' pajjiż terz.

4.  
It-trasferimenti ta' data personali lil pajjiżi terzi skont dan l-Artikolu ma għandhomx jippreġudikaw id-drittijiet tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali u l-benefiċjarji tagħha, b'mod partikolari fir-rigward tan-non-refoulement, u l-projbizzjoni fuq l-iżvelar jew il-kisba ta' informazzjoni stipulata fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).
5.  
Id-data pproċessata fis-SIS u l-informazzjoni supplimentari relatata skambjata skont dan ir-Regolament ma għandhomx jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta' pajjiż terz meta l-infurzar tad-deċiżjoni ta' ritorn ikun ġie sospiż jew pospost, inkluż b'riżultat tal-preżentazzjoni ta' appell għar-raġuni li tali ritorn jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta' non-refoulement.
6.  
L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679, inkluż fir-rigward tat-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi skont dan l-Artikolu, u b'mod partikolari l-użu, il-proporzjonalità u n-neċessità ta' trasferimenti abbażi tal-punt (d) tal-Artikolu 49(1) ta' dak ir-Regolament, għandha tkun soġġetta għal monitoraġġ mill-awtoritajiet superviżorja indipendenti msemmija fl-Artikolu 51(1) ta' dak ir-Regolament.

Artikolu 16

Statistika

L-eu-LISA għandha tipproduċi statistika kuljum, kull xahar u kull sena, kemm għal kull Stat Membru kif ukoll bħala numru aggregat, dwar in-numru ta' allerti dwar ritorn imdaħħla fis-SIS. L-istatistika għandha, tinkludi d-data msemmija fil-punt (y) tal-Artikolu 4(1), in-numru ta' notifiki msemmija fl-Artikolu 7(1) u n-numru ta' allerti dwar ritorn li jkunu tħassru. L-eu-LISA għandha tipproduċi statistika dwar id-data pprovduta mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 13. L-istatistika ma għandu jkun fiha l-ebda data personali.

Dik l-istatistika għandha tiddaħħal fir-rapport annwali tal-istatistika previst fl-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) 2018/1861.

Artikolu 17

Awtoritajiet kompetenti li għandhom dritt ta' aċċess għal data fis-SIS

1.  
L-aċċess għal data fis-SIS u d-dritt għal tiftix f'din id-data għandhom ikunu riżervati għall-awtoritajiet kompetenti nazzjonali msemmija fl-Artikolu 34(1), (2) u (3) tar-Regolament (UE) 2018/1861.
2.  
L-Europol għandha, fi ħdan il-mandat tagħha, ikollha d-dritt ta' aċċess għal u tiftix ta' data fis-SIS f'konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1861 bl-għan li tappoġġa u ssaħħaħ l-azzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-kooperazzjoni reċiproka tagħhom fil-prevenzjoni tad-dħul klandestin ta' migranti u l-iffaċilitar tal-migrazzjoni irregolari u l-ġlieda kontrihom.
3.  
Il-membri tat-timijiet imsemmija fil-punti (8) u (9) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) 2016/1624 għandu jkollhom fil-mandat tagħhom id-dritt ta' aċċess għal u tiftix fid-data mdaħħla fis-SIS f'konformità mal-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2018/1861 bl-għan li jwettqu verifiki fuq il-fruntieri, sorveljanza fuq il-fruntieri u operazzjonijiet ta' ritorn permezz tal-interfaċċa teknika stabbilita u miżmuma mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta.

Artikolu 18

Evalwazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament fi żmien sentejn mid-data tal-bidu tal-applikazzjoni tiegħu. Din l-evalwazzjoni għandha tinkludi valutazzjoni tas-sinerġiji possibbli bejn dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).

▼M1

Artikolu 19

Applikabbiltà tar-Regolament (UE) 2018/1861

Dment li ma jkunux stabbiliti f’dan ir-Regolament, id-dħul, l-ipproċessar u l-aġġornament ta’ allerti, id-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri u ta’ eu-LISA, il-kondizzjonijiet li jikkonċernaw l-aċċess għall-allerti u l-perjodu ta’ rieżami tagħhom, l-ipproċessar tad-data, il-protezzjoni tad-data, ir-responsabbiltà u l-monitoraġġ u l-istatistika, kif stipulat fl-Artikoli 6 sa 19, l-Artikolu 20(3) u (4), l-Artikoli 21, 23, 32 u 33, l-Artikolu 34(5) u l-Artikoli 36a, 36b, 36c u 38 sa 60 tar-Regolament (UE) 2018/1861, għandhom japplikaw għal data mdaħħla u pproċessata fis-SIS skont dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 20

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mid-data stabbilita mill-Kummissjoni f'konformità mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (UE) 2018/1861.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.



( 1 ) ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19.

( 2 ) Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) 2017/2226 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2017 li jistabbilixxi Sistema ta' Dħul/Ħruġ (EES) biex tiġi rreġistrata data dwar id-dħul u l-ħruġ u data dwar iċ-ċaħda tad-dħul ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri u li jiddetermina l-kondizzjonijiet għall-aċċess għall-EES għal raġunijiet ta' infurzar tal-liġi, u li jemenda l-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen u r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008 u (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 327, 9.12.2017, p. 20).