02018D1696 — MT — 11.07.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1696 tat-13 ta' Lulju 2018 (ĠU L 282 12.11.2018, p. 8) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1008 tad-9 ta’ Lulju 2020 |
L 221I |
1 |
10.7.2020 |
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1696
tat-13 ta' Lulju 2018
dwar ir-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”)
Artikolu 1
Ir-regoli ta' ħidma tal-bord tal-għażla previsti fl-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 huma stabbiliti fl-Anness għal din id-Deċiżjoni.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
ANNESS
REGOLI TA' ĦIDMA TAL-BORD TAL-GĦAŻLA
I. Missjoni
Il-bord tal-għażla għandu jfassal lista ristretta ta' kandidati kwalifikati għall-kariga ta' Kap Prosekutur Ewropew, f'konformità mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (UE) 2017/1939 ( 1 ), qabel il-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Huwa għandu wkoll jipprovdi opinjoni motivata dwar il-kwalifiki tal-kandidati nominati għall-kariga ta' Prosekutur Ewropew f'konformità mal-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-Kunsill għandu jaħtar il-Prosekuturi Ewropej wara li jkun irċieva l-opinjoni motivata.
II. Għamla u mandat
Il-bord tal-għażla għandu jikkonsisti minn 12-il persuna li, fil-mument tal-ħatra tagħhom, huma ex-membri tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti tal-Awdituri, ex-membri nazzjonali tal-Eurojust, membri tal-qrati supremi nazzjonali, prosekuturi ta' livell għoli u avukati ta' kompetenza rikonoxxuta. Il-membri kollha għandhom jissodisfaw minn tal-anqas kriterju wieħed minn dawk imsemmija hawn fuq fil-mument tal-ħatra tagħhom.
Il-membri tal-bord tal-għażla għandhom jinħatru mill-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, għal perijodu ta' erba' snin. Waħda mill-persuni magħżula għandha tkun proposta mill-Parlament Ewropew. Il-persuna li tkun ser tissostitwixxi membru qabel it-tmiem ta' dak il-perijodu għandha tinħatar għall-bqija tal-mandat tal-predeċessur tagħha permezz tal-istess proċedura, mill-aktar fis possibbli wara t-terminazzjoni tal-kariga bħala membru tal-predeċessur tagħha. Il-membri tal-bord tal-għażla jistgħu jerġgħu jinħatru darba.
III. Presidenza u segretarjat
Il-bord tal-għażla għandu jkun ippresedut minn wieħed mill-membri tiegħu, elett għal dak l-iskop mill-membri tal-bord tal-għażla permezz ta' vot ta' maġġoranza. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli mis-segretarjat tal-bord tal-għażla. Is-segretarjat għandu jipprovdi l-appoġġ amministrattiv neċessarju għall-ħidma tal-bord tal-għażla, inkluża t-traduzzjoni tad-dokumenti. Huwa għandu wkoll jittrasmetti l-lista ristretta tal-kandidati kwalifikati għall-kariga ta' Kap Prosekutur Ewropew lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, u, rispettivament, l-opinjonijiet motivati dwar il-kwalifiki tal-kandidati biex jaqdu d-doveri ta' Prosekuturi Ewropej lill-Kunsill.
IV. Deliberazzjonijiet u quorum
Id-deliberazzjonijiet tal-bord tal-għażla għandhom ikunu kunfidenzjali u għandhom isiru in camera. Il-laqgħat tal-bord tal-għażla għandhom ikunu validi biss jekk ikunu preżenti minn tal-anqas disa' membri.
Id-deċiżjonijiet tal-bord tal-għażla għandhom jittieħdu b'konsensus. Madankollu, jekk membru jitlob biex jittieħed vot, id-deċiżjoni għandha tittieħed permezz ta' maġġoranza sempliċi tal-membri preżenti. Fl-eventwalità li l-voti jkunu ndaqs, il-president għandu jkollu l-vot deċiżiv. L-istess regoli għandhom japplikaw ukoll għad-determinazzjoni tar-reġim lingwistiku kif stabbilit fir-Regola X.
V. Referenza lill-bord tal-għażla u talbiet għal informazzjoni addizzjonali
Mar-riċezzjoni tal-applikazzjonijiet għall-kariga ta' Kap Prosekutur Ewropew, is-segretarjat għandu jibgħathom lill-membri kollha tal-bord tal-għażla. L-istess japplika għan-nomini għall-kariga ta' Prosekutur Ewropew, inklużi d-dokumenti ta' akkumpanjament ippreżentati mill-Istati Membri.
Il-bord tal-għażla jista' jitlob lill-applikanti biex jipprovdu informazzjoni addizzjonali jew materjal ieħor li l-bord tal-għażla jqis meħtieġa għad-deliberazzjonijiet tiegħu, u, fil-każ ta' nomini għall-kariga ta' Prosekutur Ewropew, il-bord tal-għażla jista' jitlob lill-gvern tal-Istat Membru nominanti biex jipprovdi tali informazzjoni jew materjal.
VI. Analiżi u smigħ
1. Proċedura għall-ħatra tal-Kap Prosekutur Ewropew
Malli jirċievi l-applikazzjonijiet tal-kandidati, il-bord tal-għażla għandu janalizza l-applikazzjonijiet fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) 2017/1939, kif speċifikat ulterjorment fl-avviż ta' post battal. Il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta' eliġibbiltà għandhom jiġu esklużi mill-passi li jmiss tal-proċedura. Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati li jissodisfaw ir-rekwiżiti skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom, abbażi tad-dokumentazzjoni u l-informazzjoni provduti fl-applikazzjoni jew prodotti wara li ssir talba skont ir-Regola V. Il-bord tal-għażla għandu jisma' għadd suffiċjenti ta' kandidati minn fost l-ogħla klassifikati sabiex ikun jista' jistabbilixxi l-lista ristretta msemmija fir-Regola VII(1). Is-smigħ għandu jsir bil-preżenza fiżika.
Il-kandidati li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-eliġibbiltà jew li ma jkunux mistiedna għal smigħ mill-bord tal-għażla għandhom ikunu mgħarrfa bir-raġunijiet. Kandidat jista' jirreaġixxi għal din id-deċiżjoni billi jiddikjara r-raġunijiet għaliex ma jaqbilx mal-valutazzjoni tal-bord tal-għażla. Sussegwentement, il-bord jerġa' jivvaluta l-applikazzjoni tal-kandidat u jgħarrfu bil-konklużjoni tiegħu bil-miktub. Il-kandidati esklużi mill-proċedura tal-għażla jistgħu jressqu lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 ( 2 ) (ir-“Regolamenti tal-Persunal”) lill-Kunsill.
2. Proċedura għall-ħatra ta' Prosekuturi Ewropej
Malli jirċievi n-nomini, il-bord tal-għażla għandu janalizzahom fir-rigward tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-bord tal-għażla għandu jisma' lill-kandidati nominati. Is-smigħ għandu jsiru bil-preżenza fiżika.
Fl-eventwalità li kandidat nominat jirtira n-nomina tiegħu qabel ma jseħħ is-smigħ, il-bord tal-għażla għandu, permezz tas-segretarjat tiegħu, jitlob li l-Istat Membru kkonċernat jinnomina kandidat ġdid.
VII. Konklużjonijiet u dikjarazzjoni tar-raġunijiet
1. Kap Prosekutur Ewropew
Abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu matul l-analiżi u s-smigħ, il-bord tal-għażla għandu jfassal lista ristretta ta' bejn tlieta sa ħames kandidati li għandha tiġi ppreżentata lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Huwa għandu jipprovdi raġunijiet għaliex ikun għażel lill-kandidati fuq il-lista ristretta. Il-kandidati li ma jkunux tqiegħdu fuq il-lista ristretta għandhom jiġu mgħarrfa bir-raġunijiet.
Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Il-klassifikazzjoni għandha tindika l-ordni ta' preferenza tal-bord tal-għażla u ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Parlament Ewropew u l-Kunsill. Il-kandidati li ma jkunux tqiegħdu fuq il-lista ristretta ta' kandidati kwalifikati mfassla mill-bord tal-għażla jistgħu jressqu lment fis-sens tal-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal lill-Kunsill.
2. Prosekuturi Ewropej
Il-bord tal-għażla, abbażi tal-konklużjonijiet tiegħu matul l-analiżi u s-smigħ, għandu jifformula opinjoni dwar il-kwalifiki tal-kandidati biex jaqdu d-dmirijiet ta' Prosekuturi Ewropej u għandu jiddikjara espressament jekk kandidat jissodisfax jew le l-kondizzjonijiet fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939. Il-bord tal-għażla għandu jipprovdi raġunijiet għall-opinjoni tiegħu.
Fl-eventwalità li l-kandidati nominati ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2017/1939, il-bord tal-għażla għandu, permezz tas-segretarjat tiegħu, jitlob li l-Istat Membru kkonċernat jinnomina għadd korrispondenti ta' kandidati ġodda.
Il-bord tal-għażla għandu jikklassifika lill-kandidati skont il-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom. Il-klassifikazzjoni għandha tindika l-ordni ta' preferenza tal-bord tal-għażla u ma għandhiex tkun vinkolanti fuq il-Kunsill.
B’eċċezzjoni għat-tieni paragrafu ta’ dan il-punt u t-tieni paragrafu tar-Rgola VI.2, fejn ikun stabbilit b’mod suffiċjenti li jkun oġġettivament impossibbli għal Stat Membru, minħabba fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali f’dak l-Istat Membru, li jsib it-tielet kandidat eliġibbli fi żmien raġonevoli, minkejja li jkun għamel l-isforzi kollha meħtieġa biex jagħmel hekk, il-bord tal-għażla jista’, wara li jikkonsulta lill-Istat Membru kkonċernat u billi jagħti raġunijiet suffiċjenti, jipprovdi l-opinjoni motivata tiegħu lill-Kunsill dwar żewġ kandidati eliġibbli biss.
VIII. Dispożizzjonijiet finanzjarji
Il-membri tal-bord tal-għażla li jkunu meħtieġa jivvjaġġaw lil hinn mill-post tar-residenza tagħhom sabiex jaqdu d-doveri tagħhom għandhom ikunu intitolati għal rimborż tal-ispejjeż tagħhom u għal gratifika f'konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 ( 3 ).
L-ispiża korrispondenti għandha titħallas mill-Kunsill.
IX. Data personali
L-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tal-ħidma tal-bord tal-għażla għandu jsir taħt ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ). Ir-regoli applikabbli għas-sigurtà tal-informazzjoni proċessata fil-kuntest tal-ħidma tal-bord tal-għażla, u għall-aċċess għaliha, għandhom ikunu dawk applikabbli għall-Kummissjoni.
X. Reġim lingwistiku
Fuq il-proposta tal-president tiegħu, il-bord tal-għażla għandu jiddetermina l-lingwa jew lingwi ta' ħidma tal-bord tal-għażla fid-dawl tal-lingwi komuni mitkellma mill-membri tiegħu.
( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta' Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).
( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta' Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kondizzjonijiet ta' Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistitwixxi miżuri speċjali temporanjament applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).
( 3 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta' Frar 2016 li jiddetermina l-emolumenti ta' persuni f'karigi pubbliċi għolja tal-UE (ĠU L 58, 4.3.2016, p. 1).
( 4 ) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).