02018D0906 — MT — 22.02.2021 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/906

tal-25 ta' Ġunju 2018

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel

(ĠU L 161 26.6.2018, p. 22)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2020/253 tal-25 ta’ Frar 2020

  L 54I

9

26.2.2020

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/283 tat-22 ta’ Frar 2021

  L 62

47

23.2.2021




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/906

tal-25 ta' Ġunju 2018

li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel



Artikolu 1

Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea

▼M1

1.  
►M2  Il-mandat tas-Sur Ángel LOSADA FERNÁNDEZ bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Saħel huwa estiż sat-30 ta' Ġunju 2021. Il-Kunsill jista' jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jintemm aktar kmieni, abbażi ta' valutazzjoni tal-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS) u ta' proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ). ◄

▼B

2.  
Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, is-Saħel huwa definit li jinkludi l-fokus primarju tal-Istrateġija tal-UE għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel (“l-Istrateġija”) u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali (“il-PAR”) tagħha, jiġifieri l-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer. Għal kwistjonijiet b'implikazzjonijiet reġjonali aktar estensivi, ir-RSUE għandu jfittex kuntatti mal-pajjiżi tal-Baċir tal-Lag Chad u pajjiżi oħrajn u entitajiet reġjonali jew internazzjonali lil hinn mis-Saħel, inkluż il-Magreb, l-Afrika tal-Punent u l-Golf tal-Guinea, kif adatt.

Artikolu 2

Objettivi tal-politika

1.  
Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettiv ta-politika tal-Unjoni rigward is-Saħel li jsir kontribut attiv għall-isforzi reġjonali u internazzjonali biex jinkisbu paċi, sigurtà u żvilupp dejjiema fir-reġjun. Barra minn hekk, ir-RSUE għandu jimmira li jsaħħaħ il-kwalità, l-intensità u l-impatt tal-involviment multidimensjonali tal-Unjoni fis-Saħel.
2.  
Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-isforzi kollha tal-Unjoni fir-reġjun, b'mod partikolari fil-qasam politiku, ta' sigurtà u ta' żvilupp, u għall-koordinazzjoni tal-istrumenti rilevanti kollha għall-azzjonijiet tal-Unjoni.
3.  
Għandha tingħata prijorità lill-istabbilizzazzjoni fit-tul tal-Mali u lis-sħubija mal-G5 tas-Saħel, f'koordinazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż Stati Membri, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).
4.  
L-objettivi tal-politika tal-Unjoni għandu jkollhom l-għan li, permezz tal-użu koordinat u effettiv tal-istrumenti kollha tagħha, jippromwovu r-ritorn tal-Mali u tal-poplu tiegħu lejn triq ta' paċi, rikonċiljazzjoni, sigurtà u żvilupp.
5.  
L-objettivi tal-politika tal-Unjoni għandhom jimmiraw ukoll lejn it-tisħiħ tar-rabta bejn kwistjonijiet ta' sigurtà u ta' żvilupp fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel.

Artikolu 3

Mandat

1.  

Sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni rigward is-Saħel, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:

(a) 

jikkontribwixxi b'mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u l-PAR tagħha u għall-koordinazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-approċċ integrat tal-Unjoni lejn il-kriżijiet reġjonali, bl-għan li jsaħħu l-koerenza u l-effettività globali tal-attivitajiet tal-Unjoni fis-Saħel;

(b) 

ifittex kuntatti mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-reġjun, il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet reġjonali, b'mod partikolari l-G5 Saħel u l-Forza Konġunta tiegħu li fir-rigward tagħha għandha tingħata attenzjoni, fost l-oħrajn, għall-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-elementi mhux militari tal-forza bħall-komponent tal-pulizija, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, inkluż mal-pajjiżi kollha tal-Magreb u l-Baċir tal-Lag Chad, bl-għan li jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni u jikkontribwixxi għal intendiment aħjar tar-rwol tal-Unjoni fis-Saħel;

(c) 

jirrappreżenta u jippromwovi l-interessi u l-viżibbiltà tal-Unjoni f'fora reġjonali u internazzjonali rilevanti, inkluż il-parteċipazzjoni fil-Comité de Suivi tal-Ftehim ta' Paċi tal-Mali, u jiffaċilita azzjoni tal-Unjoni komprensiva u kkoordinata bis-sħiħ fir-reġjun permezz tal-istrumenti rilevanti kollha, inkluż il-kooperazzjoni għall-iżvilupp bħall-Alleanza tas-Saħel, l-attivitajiet tal-Istati Membru u l-appoġġ mill-Unjoni għall-immaniġġar tal-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-konflitti permezz tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati tal-Mali (EUTM Mali), il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali), il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger), u azzjoni ta' stabbilizzazzjoni skont l-Artikolu 28 tat-Trattat;

(d) 

iżomm kooperazzjoni mill-qrib man-NU, b'mod partikolari mar-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afrika tal-Punent u s-Saħel, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-NU għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali, l-Unjoni Afrikana (UA), b'mod partikolari r-Rappreżentant Għoli tal-UA għall-Mali u għas-Saħel, il-G5 tas-Saħel, b'mod partikolari il-Presidenza tal-G5 u s-Segretarju Permanenti tagħha, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, il-Kummissjoni tal-Baċir tal-Lag Chad u partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra, inkluż Mibgħuta Speċjali oħrajn għas-Saħel, kif ukoll mal-awtoritajiet rilevanti fiż-żona tal-Magreb u tal-Lvant Nofsani;

(e) 

isegwi mill-qrib id-dimensjoni reġjonali u dik transfruntiera tal-isfidi li jiffaċċja r-reġjun, inkluż it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-kuntrabandu tal-armi, it-traffikar u l-faċilitazzjoni tad-dħul klandestin tal-bnedmin, it-traffikar tad-drogi, il-flussi tar-refuġjati u tal-migrazzjoni u flussi finanzjarji relatati; f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu;

(f) 

isegwi mill-qrib il-konsegwenzi umanitarji, politiċi, ta' sigurtà u ta' żvilupp ta' flussi ta' refuġjati u migrazzjoni fuq skala kbira u tal-flussi finanzjarji illeċiti relatati madwar ir-reġjun; fuq talba, jidħol fi djalogu dwar il-migrazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jikkontribwixxi b'mod aktar ġenerali għall-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati rigward ir-reġjun, f'konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sabiex iżid il-kooperazzjoni inkluż dwar ir-ritorn u r-riammissjoni; jaħdem mal-pajjiżi tas-Saħel biex isegwi l-azzjoni maqbula fis-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru 2015, inkluż il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-istabbiltà u li jindirizza l-għeruq ta' dak li jikkawża l-migrazzjoni irregolari u l-ispostament tal-persuni fl-Afrika u b'rabta mal-Oqfsa ta' Sħubija.

(g) 

iżomm kuntatti politiċi ta' livell għoli fuq bażi regolari mal-pajjiżi fir-reġjun milquta mit-terroriżmu u mill-kriminalità internazzjonali u biex ikun żgurat ir-rwol ewlieni tal-Unjoni fl-isforzi internazzjonali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali. Dan jinkludi l-isforzi tal-Unjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għas-settur tas-sigurtà permezz tar-reġjonalizzazzjoni tal-missjonijiet tal-PSDK u appoġġ attiv għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet reġjonali speċjalment lill-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel, il-koordinazzjoni tagħha ma' atturi internazzjonali bħal MINUSMA, u r-relazzjoni tagħha mal-popolazzjoni lokali, f'konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR) 2359 (2017) u UNSCR 2391 (2017), u biex tiżgura li l-għeruq ta' dak li jikkawża t-terroriżmu u l-kriminalità internazzjonali fis-Saħel jiġu indirizzati b'mod adegwat;

(h) 

isegwi mill-qrib il-konsegwenzi politiċi, ta' sigurtà u ta' żvilupp tal-kriżijiet umanitarji fir-reġjun;

(i) 

fir-rigward tal-Mali, jikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni tal-pajjiż, b'mod partikolari għar-ritorn sħiħ tan-normalità kostituzzjonali u l-governanza fit-territorju kollu u għal djalogu nazzjonali inklużiv u kredibbli fil-qafas ġenerali tal-Ftehim ta' Paċi tal-Mali. Dan jinkludi wkoll il-promozzjoni tal-bini tal-istituzzjonijiet, ir-riforma tas-settur tas-sigurtà, f'konformità ma' UNSCR 2364 (2017), u l-konsolidazzjoni tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni fit-tul u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-impunità fil-Mali, kif ukoll il-faċilitazzjoni ta' sforzi tal-Unjoni attivi u kkoordinati bis-sħiħ biex jiġi implimentat malajr il-Ftehim ta' Paċi tal-Mali;

(j) 

jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun f'kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, inkluż il-Linji Gwida tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-UE dwar it-Tfal u l-Konflitti Armati, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, u jippromwovi l-inklużività u l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-proċess tal-bini tal-istat, f'konformità ma' UNSCR 1325 (2000) u riżoluzzjonijiet sussegwenti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż UNSCR 2242 (2015). Il-kontribut ser jinkludi l-monitoraġġ u r-rapportar tal-iżviluppi, kif ukoll il-formulazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet f'dan ir-rigward u ż-żamma ta' kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti fil-Mali u fir-reġjun, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-difensuri u l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun;

(k) 

isegwi u jirrapporta dwar il-konformità mal-UNSCRs rilevanti, b'mod partikolari UNSCRs 2056 (2012), 2071 (2012), 2085 (2012), 2100 (2013), 2295 (2016), 2364 (2017) u 2374 (2017), 2359 (2017), 2391 (2017).

2.  

Għall-finijiet tat-twettiq tal-mandat tar-RSUE, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:

(a) 

jagħti pariri u jirrapporta dwar il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f'fora reġjonali u internazzjonali, kif meħtieġ, sabiex jippromovi u jsaħħaħ proattivament l-approċċ komprensiv tal-Unjoni lejn il-kriżi fis-Saħel;

(b) 

iżomm viżjoni globali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jikkoopera mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni.

Artikolu 4

Implimentazzjoni tal-mandat

1.  
Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, taħt l-awtorità tar-RGħ.
2.  
Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta' kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi gwida strateġika u direzzjoni politika lir-RSUE fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltajiet tar-RGħ.
3.  
Ir-RSUE għandu jaħdem f'koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u d-dipartimenti rilevanti tiegħu.

Artikolu 5

Finanzjament

1.  
L-ammont ta' referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2018 sad-29 ta' Frar 2020 għandu jkun ta' EUR 2 400 000 .

▼M1

L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-28 ta’ Frar 2021 għandu jkun ta’ EUR 1 600 000 .

▼B

2.  
In-nefqa għandha tiġi amministrata f'konformità mal-proċeduri u r-regoli li japplikaw għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3.  
L-amministrazzjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jagħti rendikont lill-Kummissjoni għal kull nefqa.

Artikolu 6

Formazzjoni u kompożizzjoni tat-tim

1.  
Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta' tim. It-tim għandu jinkludi l-kompetenza esperta dwar kwistjonijiet speċifiċi ta' politika u ta' sigurtà kif meħtieġ mill-mandat, inkluż id-dimensjoni tal-ġeneru. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u l-Kummissjoni infurmati fil-pront bil-kompożizzjoni tat-tim.
2.  
L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u s-SEAE jistgħu jipproponu l-issekondar ta' persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta' tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni li tibagħtu jew mis-SEAE rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati lir-RSUE. Il-persunal internazzjonali b'kuntratt għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta' Stat Membru.
3.  
Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa' taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jissekonda, tal-istituzzjoni tal-Unjoni li tissekonda jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
4.  
Il-persunal tar-RSUE għandu jitqiegħed fl-istess post li fih jinsabu d-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.

Artikolu 7

Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tiegħu

Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament regolari tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftiehma mal-pajjiżi ospitanti, kif adatt. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ meħtieġ kollu għal dan il-għan.

Artikolu 8

Sigurtà tal-informazzjoni klassifikata tal-UE

Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi tas-sigurtà stabbiliti bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE ( 1 ).

Artikolu 9

Aċċess għal informazzjoni u appoġġ loġistiku

1.  
L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li r-RSUE jingħata aċċess għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2.  
Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, kif xieraq, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun.

Artikolu 10

Sigurtà

F'konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà tal-persunal stazzjonat barra l-Unjoni f'kapaċità operattiva skont it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, skont il-mandat tiegħu u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta' responsabbiltà ġeografika, għas-sigurtà tal-persunal kollu li jaqa' taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b'mod partikolari billi:

(a) 

jistabbilixxi pjan ta' sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta' sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment sigur tal-persunal lejn iż-żona ta' responsabbiltà u ġewwa fiha, kif ukoll il-ġestjoni ta' inċidenti ta' sigurtà u li jipprevedu pjan ta' kontinġenza u ta' evakwazzjoni;

(b) 

jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b'assigurazzjoni ta' riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta' responsabbiltà;

(c) 

jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li ser jiġu stazzjonat barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta' responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE;

(d) 

jiżgura li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet miftiehma kollha li jsiru b'segwitu għal valutazzjonijiet regolari tas-sigurtà u jipprovdi lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapporti bil-miktub dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta' sigurtà fil-qafas tar-rapport ta' progress u r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-mandat.

Artikolu 11

Rappurtar

Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti lir-RGħ u lill-KPS, inkluż rapport interim dwar il-mandat fir-rebbiegħa 2019. Ir-RSUE għandu jippreżenta wkoll rapport lill-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill, skont il-ħtieġa. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-netwerk COREU. Ir-RSUE jista' jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F'konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista' jkun involut fl-għoti ta' informazzjoni lill-Parlament Ewropew.

Artikolu 12

Koordinazzjoni ma' atturi oħra tal-Unjoni

1.  
Fil-qafas tal-Istrateġija u l-PAR, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni politika u diplomatika tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiżgura konsistenza fl-użu tal-istrumenti kollha tal-Unjoni u tal-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri, biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni. Għandhom jintalbu kuntatti mal-Istati Membri fejn xieraq.
2.  
L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma' dawk tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u tal-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta' RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi lill-missjonijiet tal-Istati Membri u lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun b'aġġornamenti regolari ta' informazzjoni.
3.  
Fuq il-post, għandu jinżamm kollegament mill-qrib mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-Istati Membri u tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni rilevanti. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f'koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi lill-Kapijiet tal-Missjoni ta' EUCAP Sahel Niger u ta' EUCAP Sahel Mali u lill-Kmandant tal-Missjoni ta' EUTM Mali bi gwida politika lokali. Ir-RSUE, il-Kmandant tal-Missjoni ta' EUTM Mali u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili ta' EUCAP Sahel Niger u ta' EUCAP Sahel Mali għandhom jikkonsultaw lil xulxin kif meħtieġ.

Artikolu 13

Assistenza rigward pretensjonijiet

Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta' elementi b'rispons għal kwalunkwe talba u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għas-Saħel, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal tali finijiet.

Artikolu 14

Reviżjoni

L-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma' kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jinżammu taħt reviżjoni regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lill-Kunsill, lir-RGħ u lill-Kummissjoni rapport ta' progress sal-31 ta' Ottubru 2018 u rapport komprensiv dwar l-implementazzjoni tal-mandat sat-30 ta' Novembru 2019.

▼M2

Ir-rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat tar-RSUE għandu jiġi ppreżentat sat-30 ta' April 2021.

▼B

Artikolu 15

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.



( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1)