02018D0320 — MT — 02.12.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/320 tat-28 ta' Frar 2018 dwar ċerti miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa fil-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri u l-introduzzjoni ta' dawn l-annimali fl-Unjoni rigward il-fungus Batrachochytrium salamandrivorans (notifikata bid-dokument C(2018) 1208) (ĠU L 062 5.3.2018, p. 18) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 310 |
35 |
2.12.2019 |
||
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/320
tat-28 ta' Frar 2018
dwar ċerti miżuri għall-protezzjoni tas-saħħa fil-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri u l-introduzzjoni ta' dawn l-annimali fl-Unjoni rigward il-fungus Batrachochytrium salamandrivorans
(notifikata bid-dokument C(2018) 1208)
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-miżuri ta' protezzjoni tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ intra-Unjoni ta' konsenji ta' salamandri u għall-introduzzjoni ta' dawn il-konsenji fl-Unjoni.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“salamandri” huma l-amfibji kollha tal-ordni Caudata;
“Bsal” huwa l-fungus Batrachochytrium salamandrivorans (kingdom fungi, Phylum Chytridiomycota, ordni Rhizophydiales);
“unità epidemjoloġika” hija grupp ta' salamandri li għandhom l-istess possibbiltà li jkunu esposti għall-Bsal;
“kwarantina” hija ż-żamma tas-salamandri fl-iżolament mingħajr kuntatt dirett jew indirett ma' salamandri minn barra l-unità epidemjoloġika, bil-għan li jkun żgurat li ma jkunx hemm tixrid tal-Bsal waqt li l-annimali fl-iżolament ikunu qed jiġu osservati għal tul ta' żmien speċifikat u, jekk hemm bżonn, jiġu ttestjati u ttrattati;
“operatur” huwa kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tkun responsabbli mis-salamandri, anki jekk għal żmien limitat, iżda li ma tinkludix nies li jżommu s-salamandri bħala annimali ta' kumpanija;
“stabbiliment xieraq” huwa bini:
fejn is-salamandri jinżammu fil-kwarantina qabel ma jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor jew wara li jiddaħħlu fl-Unjoni; u
irreġistrat mill-awtorità kompetenti qabel id-data tal-bidu ta' kwalunkwe kwarantina;
“test dijanjostiku xieraq” huwa assaġġ ta' traskriptażi inversa u reazzjoni katina bil-polimerażi f'ħin reali li fih primers STerF u STerR speċifiċi skont l-ispeċi biex jamplifikaw framment ta' DNA tal-Bsal ta' 119-il nukleotida;
“dokument veterinarju komuni għad-dħul” jew “CVED” huwa d-dokument li jinnotifika l-wasla tal-annimali fl-Unjoni kif previst fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 282/2004 u li hu mfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness I tiegħu, u ġestit mis-sistema tal-Kontroll tal-Kummerċ u tal-Esperti veterinarji magħrufa bħala TRACES.
“każ ikkonfermat ta' Bsal” ifisser il-konferma tal-preżenza tal-Bsal jew tal-materjal ġenetiku tiegħu fuq it-tessut jew fit-tessut tas-salamandri mit-test dijanjostiku rilevanti;
Artikolu 3
Kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri
1. L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li jintbagħtu konsenji ta' salamandri lil Stat Membru ieħor ħlief meta dawn il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li ġejjin:
ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jikkonforma mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti A tal-Anness I;
jeħtieġ li s-salamandri ma jurux sinjali kliniċi ta' Bsal, b'mod partikolari ma għandux ikollhom selħiet jew ulċeri jidhru fuq il-ġilda meta jiġu eżaminati mill-veterinarju uffiċjali; dik l-eżaminazzjoni trid issir waqt l-aħħar 24 siegħa qabel il-ħin li tintbagħat il-konsenja lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni;
is-salamandri jridu jkunu ġejjin minn popolazzjoni li fiha ma kienx hemm mortalitajiet ikkawżati mill-Bsal, u li ma fihiex sinjali tal-Bsal, b'mod partikolari huwa importanti li l-operatur ma jkunx osserva selħiet u ulċeri fuq il-ġilda tal-annimali f'din il-popolazzjoni;
il-konsenja jenħtieġ li tkun tikkonsisti minn:
mill-inqas 62 salamandri li jkunu għaddew mill-kwarantina bħala unità epidemjoloġika waħda fi stabbiliment xieraq li jikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness II għal perjodu ta' mill-inqas sitt ġimgħat eżatt qabel id-data tal-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti A tal-Anness I, u l-kampjuni fuq tampuni, mill-ġilda tas-salamandri fil-konsenja jeħtieġ li jkunu ġew ittestjati bit-test dijanjostiku rilevanti u taw riżultati negattivi waqt il-ħames ġimgħa tal-perjodu tal-kwarantina, bi qbil mad-daqsijiet tal-kampjuni stabbiliti fil-punt 1(a) tal-Anness III; jew
is-salamandri li jkunu ngħataw trattament kontra l-Bsal li jissodisfa lill-awtorità kompetenti bi qbil mal-punt 1(b) tal-Anness III.
2. Meta l-konsenji tas-salamandri jkunu ddaħħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz u jkunu diġà għaddew mill-kwarantina fi stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni, bi qbil mal-Artikolu 6, l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw li jintbagħtu fi Stat Membru ieħor biss meta dawn il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fil-paragrafu 1(a), (b) u (c);
is-salamandri jkunu nżammu fil-kwarantina fl-istabbiliment xieraq li jikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness II, bejn tmiem il-perjodu tal-kwarantina wara li jkunu ddaħħlu fl-Unjoni u l-ħruġ taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti A tal-Anness I.
Artikolu 4
Il-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni ta' konsenji ta' salamandri fl-Unjoni
L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu li jiddaħħlu konsenji ta' salamandri fl-Unjoni minn pajjiż terz ħlief meta dawn il-konsenji jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li li ġejjin:
ikunu ġejjin minn pajjiżi terzi elenkati f'wieħed minn dawn li ġejjin:
l-Anness I tad-Deċiżjoni 2004/211/KE,
il-Parti 2 tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2007/777/KE,
l-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 798/2008,
il-Parti 1 tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 119/2009,
il-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010,
jew
l-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 605/2010.
ikollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa tal-annimali li jikkonforma mal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali stabbilit fil-Parti B tal-Anness I;
jenħtieġ li s-salamandri ma jurux sinjali kliniċi ta' Bsal, b'mod partikolari ma għandux ikollhom selħiet jew ulċeri jidhru fuq il-ġilda meta jiġu eżaminati mill-veterinarju uffiċjali; u dik l-eżaminazzjoni trid tkun saret waqt l-aħħar 24 siegħa qabel il-ħin li tintbagħat il-konsenja lejn l-Unjoni;
qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat tas-saħħa msemmi fil-punt (b), l-unità epidemjoloġika tas-salamandri fil-konsenja jeħtieġ li tkun ġiet iżolata minn salamandri oħrajn mhux aktar tard mill-ħin tal-eżaminazzjoni biex jinħareġ iċ-ċertifikat, u minn dak iż-żmien ma jridux ikunu ġew f'kuntatt ma' salamandri oħrajn.
Artikolu 5
Attestazzjoni dwar l-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-postijiet ta' spezzjoni fil-fruntiera ma jaċċettawx li jiddaħħlu fl-Unjoni konsenji ta' salamandri mingħajr ma tingħata attestazzjoni bil-miktub mill-importaturi jew mill-aġenti tagħhom, miktuba b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru tal-post ta' spezzjoni fil-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni, li tkun iffirmata mill-persuna fiżika jew ġuridika responsabbli mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni, li tiddikjara:
l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni;
li l-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jikkonforma mal-kundizzjonijiet minimi stabbiliti fl-Anness II;
li l-konsenja tas-salamandri tkun aċċettata għall-kwarantina.
Artikolu 6
Ir-regoli tal-kwarantina għall-konsenji ta' salamandri li jiddaħħlu fl-Unjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
Il-veterinarju uffiċjali jew approvat responsabbli mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jirreġistra l-wasla tal-konsenja ta' salamandri li ddaħħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz fil-Kaxxa 45 tal-Parti 3 fil-verżjoni elettronika tad-dokument veterinarju komuni għad-dħul.
Il-veterinarju uffiċjali jew approvat jiżgura li l-operatur iżomm il-konsenja ta' salamandri fil-kwarantina fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni bħala unità epidemjoloġika waħda.
Il-veterinarju uffiċjali jew approvat jispezzjona l-kundizzjonijiet tal-kwarantina għal kull konsenja ta' salamandri, u jeżamina r-rekords tal-mortalità u jagħmel spezzjoni klinika tas-salamandri fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni, u joqgħod attent b'mod partikolari għal selħiet jew ulċeri fuq il-ġilda.
Meta konsenja fiha 62 salamandra jew aktar, il-veterinarju uffiċjali jew approvat iwettaq il-proċeduri tal-eżaminazzjoni, tal-kampjunar, tal-ittestjar u tat-trattament tal-Bsal bi qbil mal-proċeduri msemmijin fil-punti 1 u 2 tal-Anness III, wara l-wasla tal-konsenja ta' salamandri fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni.
Meta l-konsenja jkun fiha inqas minn 62 salamandri, il-veterinarju uffiċjali jew approvat jiżgura li l-konsenja tiġi ttrattata kontra l-Bsal skont il-punt 3 tal-Anness III, b'mod li jissodisfa l-awtorità kompetenti.
Il-veterinarju uffiċjali jew approvat jirrilaxxa l-konsenja ta' salamandri mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni permezz ta' awtorizzazzjoni bil-miktub:
fil-każ tal-ittestjar kif imsemmi fil-punt 1(a) tal-Anness III, dejjem jekk ikunu għaddew mill-inqas sitt ġimgħat mid-data tal-bidu tal-perjodu ta' kwarantina u mhux qabel ma jaslu r-riżultati negattivi tat-testijiet, skont liema jiġi l-aħħar, jew
fil-każ tat-trattament kif imsemmi fil-punt 1(b) tal-Anness III, wara li t-trattament ikun tlesta b'mod sodisfaċenti.
Artikolu 7
Il-miżuri li jridu jittieħdu jekk ikun hemm każ ikkonfermat tal-Bsal fi stabbiliment xieraq tad-destinazzjoni
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk waqt il-kwarantina jiġi kkonfermat li jkun hemm mill-inqas salamandra waħda minn unità epidemjoloġika li tkun infettata bil-Bsal, jittieħdu l-miżuri li ġejjin mill-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni:
is-salamandri kollha fl-istess unità epidemjoloġika:
jew jingħataw trattament kontra l-Bsal li jissodisfa lill-awtorità kompetenti bi qbil mal-punt 3 tal-Anness III; inkella
jinqatlu u jiġu skartati bħala prodotti sekondarji tal-annimali bi qbil mal-Artikolu 12 tar-Regolament (KE) Nru 1069/2009.
wara li jitlestew il-miżuri msemmijin fil-punt (a), il-post fl-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni fejn tkun inżammet l-unità epidemjoloġika jitnaddaf u jiġi ddiżinfettat b'mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti.
2. L-awtorità kompetenti tista' teħtieġ l-ittestjar tas-salamandri ttrattati biex tiġi vverifikata l-effikaċja tat-trattament imsemmi fil-punt 1(a)(i) u tista' teħtieġ trattamenti ripetuti, skont il-bżonn, biex tipprevjenti t-tifrix tal-Bsal.
Artikolu 8
Spejjeż
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż kollha tal-kwarantina, tal-ittestjar, u fejn hemm bżonn, tal-miżuri ta' mitigazzjoni tar-riskju u tat-trattamenti jitħallsu mill-operatur jew mill-importatur.
Artikolu 9
Ir-rekwiżiti tar-rappurtar annwali
Mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju ta' kull sena, mill-2019 'il quddiem, dawk l-Istati Membri li kellhom konsenji ta' salamandri fis-sena preċedenti, għandhom jippreżentaw l-informazzjoni għas-sena preċedenti lill-Kummissjoni u jiddistingwu bejn l-informazzjoni marbuta mal-kummerċ intra-Unjoni u l-introduzzjoni ta' konsenji ta' salamandri fl-Unjoni:
l-għadd ta' unitajiet epidemjoloġiċi li kien fihom mill-inqas każ wieħed ta' Bsal ikkonfermat;
l-għadd ta' unitajiet epidemjoloġiċi ttrattati mingħajr ma kien fihom każ ikkonfermat;
kull informazzjoni oħra li jqisu li tkun rilevanti dwar l-ittestjar, it-trattament jew l-immaniġġjar tal-konsenji u dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 10
Miżuri tranżizzjonali
1. Għal perjodu tranżizzjonali sas-6 ta' Settembru 2018, l-Istati Membri tad-destinazzjoni jistgħu jaċċettaw fit-territorju tagħhom konsenji ta' salamandri minn Stati Membri oħra li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-Annimali stabbiliti fl-Artikolu 3, f'kundizzjonijiet xierqa tal-mitigazzjoni tar-riskju li jiġu ddeterminati mill-awtorità kompetenti wara konsultazzjoni mal-operaturi, u jekk ikun hemm bżonn, mal-Istat Membru tal-oriġini.
2. Għal perjodu tranżizzjonali sas-6 ta' Settembru 2018, daħħal id-data ta' 6 xhur wara l-pubblikazzjoni], l-Istati Membri tad-destinazzjoni jistgħu jaċċettaw fit-territorju tagħhom konsenji ta' salamandri li jiddaħħlu fl-Unjoni minn pajjiż terz li ma jikkonformawx mal-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-Artikolu 4, dejjem jekk jiġu ttrattati bi qbil mal-Artikoli 5 sa 7.
Artikolu 11
Applikabbiltà
Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sal-20 ta’ April 2021.
Artikolu 12
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
PARTI A
ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI
għall-kummerċ intra-Unjoni tas-salamandri
PARTI B
ĊERTIFIKAT TAS-SAĦĦA TAL-ANNIMALI
għall-introduzzjoni ta' konsenji ta' salamandri fl-Unjoni Ewropea
ANNESS II
KUNDIZZJONIJIET MINIMI GĦALL-ISTABBILIMENTI XIERQA TAD-DESTINAZZJONI
(1) L-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni:
għandu sistema li tiżgura s-sorveljanza adegwata tas-salamandri;
huwa taħt il-kontroll ta' veterinarju uffiċjali jew approvat;
tnaddaf u ġie ddiżinfettat skont l-istruzzjonijiet tal-awtorità kompetenti.
(2) L-operatur tal-istabbiliment xieraq jiżgura li:
isir tindif u diżinfezzjoni tal-akkwarji, taċ-ċestuni jew ta' oġġetti oħra li jistgħu jferrxu l-fungus li ntużaw għat-trasportazzjoni tas-salamandri, jekk dawn l-oġġetti ma jinqerdux, b'mod li jipprevjeni t-tifrix tal-Bsal.
il-materjal ta' skart u l-ilma skartat jinġabar b'mod regolari, jinħażen, imbagħad jiġi ttrattat b'mod li jipprevjeni t-tifrix tal-Bsal;
il-karkassi ta' salamandri fil-kwarantina jiġu eżaminati f'laboratorju li jkun indikat mill-awtorità kompetenti;
it-testijiet u t-trattamenti tas-salamandri meħtieġa jsiru b'konsultazzjoni mal-veterinarju uffiċjali jew approvat jew taħt il-kontroll tiegħu.
(3) L-operatur tal-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jinforma lill-veterinarju uffiċjali jew approvat dwar il-mard u l-imwiet tas-salamandri waqt il-kwarantina.
(4) L-operatur tal-istabbiliment xieraq tad-destinazzjoni jżomm rekord:
tad-data, tal-għadd u tal-ispeċijiet tas-salamandri li jidħlu u joħorġu f'kull konsenja;
tal-kopji taċ-ċertifikati tas-saħħa tal-annimali u tad-dokumenti veterinarji komuni għad-dħul li jakkumpanjaw il-konsenja ta' salamandri;
tal-każijiet ta' mard u tal-għadd ta' mwiet kuljum;
id-dati u r-riżultati tal-ittestjar;
tat-tipi ta' trattament u d-dati tagħhom, u tal-għadd ta' annimali li sar fuqhom.
ANNESS III
IL-PROĊEDURI TAL-EŻAMINAZZJONI, TAL-KAMPJUNAR, TAL-ITTESTJAR U TAT-TRATTAMENT GĦALL-BSAL
(1) Waqt il-kwarantina s-salamandri jiġu soġġetti għall-proċeduri li ġejjin:
Jekk id-daqs tal-unità epidemjoloġika huwa ta' 62 jew iżjed, il-kampjuni meħudin b'tampun minn fuq il-ġilda tas-salamandri fil-kwarantina jridu jiġu eżaminati bit-test dijanjostiku rilevanti taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali jew approvat waqt il-ħames ġimgħa ta' wara d-dħul tagħhom fl-istabbiliment xieraq, skont id-daqsijiet tal-kampjuni stipulati fit-tabella ta' referenza, dejjem jekk l-operatur ma jagħżilx li jsegwi t-trattament skont il-punt (b).
Tabella ta' Referenza (1):
|
Id-daqs tal-unità epidemjoloġika |
62 |
186 |
200 |
250 |
300 |
350 |
400 |
450 |
|
Id-daqs tal-kampjun |
62 |
96 |
98 |
102 |
106 |
108 |
110 |
111 |
|
(1) B'assunzjoni ta' prevalenza tal-Bsal ta' 3 % fl-unità epidemjoloġika, u bi żgurar ta'rata ta' affidabbiltà ta' 95 % u s-sensittività tat-test dijanjostiku rilevanti kkalkolata li hi 80 %. |
||||||||
Jekk l-operatur jagħżel wieħed mit-trattamenti elenkati fil-punt (3) jew f'kull każ meta d-daqs tal-unità epidemjoloġika tkun inqas minn 62, jenħtieġ li s-salamandri kollha fil-konsenja jiġu ttrattati kontra l-Bsal mill-operatur taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali jew approvat, b'mod li jissodisfa lill-awtorità kompetenti.
Fil-każijiet imsemmijin fil-punt (b) il-veterinarju uffiċjali jew approvat jista' jitlob l-ittestjar rappreżentattiv tal-unità epidemjoloġika bit-test dijanjostiku rilevanti qabel ma jsir it-trattament, biex jissorvelja għall-preżenza tal-Bsal, jew, wara t-trattament, biex jivverifika li m'hemmx Bsal.
Il-kampjuni meħudin b'tampun minn fuq il-ġilda tas-salamandri l-mejtin kollha jew dawk kollha li huma morda klinikament, b'mod partikolari dawk li għandhom selħiet fuq il-ġilda, jenħtieġ li jiġu eżaminati taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali jew approvat, bit-test dijanjostiku rilevanti fil-ħin li jidhru s-selħiet fil-ġilda jew xi sinjali kliniċi oħra, jew fil-ħin li jmutu s-salamandri, liema minn dawn jiġri l-ewwel.
Is-salamandri kollha li jmutu fl-istabbiliment xieraq iridu jiġu soġġetti għal eżaminazzjoni post-mortem taħt il-kontroll tal-veterinarju uffiċjali jew approvat, b'mod partikolari għall-ittestjar għas-sinjali tal-Bsal, jew biex sa fejn hu possibbli, il-Bsal jiġi kkonfermat bħala l-kawża tal-mewt jew jiġi eskluż.
(2) L-ittestjar kollu tal-kampjuni u l-eżaminazzjoni post-mortem li jsiru waqt il-kwarantina jridu jsiru fil-laboratorji indikati mill-veterinarju uffiċjali jew approvat.
(3) It-trattamenti li ġejjin huma meqjusa li huma sodisfaċenti:
is-salamandri jinżammu f'temperatura ta' mill-inqas 25 °C għal mill-inqas 12-il jum;
is-salamandri jinżammu f'temperatura ta' mill-inqas 20 °C għal mill-inqas 10 ijiem flimkien ma' trattament f'banjijiet ta' sommersjoni fil-polimajżin E (2 000 IU/ml) darbtejn kuljum għal 10 minuti u wara jiġu sprejjati bil-vorikonażol (12,5 μg/ml);
kwalunkwe trattament ieħor li jkun irrappurtat f'artiklu evalwat bejn il-pari u ppubblikat f'ġurnal xjentifiku li jagħti riżultati kumparabbli ta' eliminazzjoni tal-Bsal.