02017D0253 — MT — 19.02.2026 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/253

tat-13 ta' Frar 2017

li tistabbilixxi l-proċeduri għan-notifika ta' twissijiet bħala parti tas-sistema ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni stabbilita b'rabta mat-theddid transkonfinali serju għas-saħħa u għall-iskambju ta' informazzjoni, ta' konsultazzjoni u ta' koordinazzjoni ta' reazzjonijiet għal theddid bħal dan skont id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 037 14.2.2017, p. 23)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/858 tas-27 ta’ Mejju 2021

  L 188

106

28.5.2021

►M2

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1212 tat-22 ta’ Lulju 2021

  L 263

32

23.7.2021

►M3

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2026/220 tad-29 ta’ Jannar 2026

  L 220

1

30.1.2026




▼B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/253

tat-13 ta' Frar 2017

li tistabbilixxi l-proċeduri għan-notifika ta' twissijiet bħala parti tas-sistema ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni stabbilita b'rabta mat-theddid transkonfinali serju għas-saħħa u għall-iskambju ta' informazzjoni, ta' konsultazzjoni u ta' koordinazzjoni ta' reazzjonijiet għal theddid bħal dan skont id-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

L-awtoritajiet kompetenti EWRS

1.  
Il-Kummissjoni għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS, innominati skont l-Artikolu 15(1)(b) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE, aċċess għas-sistema ta' twissija bikrija u ta' reazzjoni stabbilita skont l-Artikolu 8 tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiġu stabbiliti kanali ta' komunikazzjoni effettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS u kwalunkwe awtoritajiet kompetenti oħra rilevanti fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jiġi identifikat fil-pront theddid transkonfinali serju għas-saħħa li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) u (2) tad-Deċiżjoni Nru 1082/2013/UE.

▼M1

Artikolu 1a

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri” (“PLF”) tfisser formola mimlija fuq talba tal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika li tiġbor mill-inqas id-data speċifikata fl-Anness I u li tassisti lil dawk l-awtoritajiet fil-ġestjoni ta’ inċident tas-saħħa pubblika billi tippermettilhom jintraċċaw lill-passiġġieri li jaqsmu l-fruntieri li setgħu ġew esposti għal xi persuna infettata bis-SARS-CoV-2;

(b) 

data tal-formola tal-lokalizzazzjoni tal-passiġġieri” (“data tal-PLF”) tfisser id-data personali miġbura permezz ta’ PLF;

(c) 

“punt tad-dħul diġitali” tfisser lokalità diġitali unika li magħha l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jistgħu jqabbdu b’mod sigur is-sistemi tal-PLF diġitali nazzjonali tagħhom mal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(d) 

“vjaġġ” tfisser l-ivvjaġġar transfruntier minn persuna, permezz ta’ trasport kollettiv b’sits assenjati minn qabel, b’kunsiderazzjoni tal-post tat-tluq inizjali u tad-destinazzjoni finali ta’ dik il-persuna, b’taqsima waħda jew aktar.

(e) 

“taqsima” tfisser vjaġġ uniku transfruntier ta’ passiġġier mingħajr konnessjonijiet jew bidliet fit-titjira, fil-ferrovija, fil-bastiment jew fil-vettura;

(f) 

“passiġġier infettat” tfisser passiġġier li jissodisfa l-kriterju tal-laboratorju għall-infezzjoni bis-SARS-CoV-2;

(g) 

“persuna esposta” tfisser passiġġier jew persuna oħra li kienet f’kuntatt mill-qrib ma’ passiġġier infettat;

(h) 

“twissija” tfisser notifika permezz tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija u ta’ Reazzjoni (l-EWRS) skont l-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni 1082/2013/KE.

▼M3 —————

▼M1

Artikolu 2a

Pjattaforma għall-iskambju ta’ data tal-PLF

1.  
►M2  Pjattaforma għall-iskambju sigur tad-data tal-PLF ta’ passiġġieri infettati u ta’ persuni esposti għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2 ta’ persuni esposti mill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS (“il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF”) hija stabbilita skont l-EWRS bħala komplement tal-funzjonalità ta’ trażmissjoni selettiva tal-messaġġi li teżisti f’dik is-sistema. ◄

Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għandha tipprovdi punt tad-dħul diġitali għall-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS biex iqabbdu b’mod sigur is-sistemi tal-PLF diġitali nazzjonali tagħhom jew jaqbdu permezz tas-Sistema ta’ Formola tal-Lokalizzazzjoni tal-Passiġġieri diġitali komuni tal-Unjoni Ewropea (“EUdPLF”), sabiex jippermettu l-iskambju tad-data miġbura permezz tal-PLFs.

L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom ikunu jistgħu jużaw il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għall-iskambju ta’ data addizzjonali, jiġifieri data epidemjoloġika għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2 ta’ persuni esposti, f’konformità mal-Artikolu 2b(5).

2.  
Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għandha titħaddem mill-ECDC.
3.  
Sabiex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 2 li jinnotifikaw theddid transfruntier serju għas-saħħa li jiġi identifikat fil-kuntest tal-ġbir tad-data tal-PLF, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri li jirrikjedu li timtela PLF għandhom jiskambjaw sett ta’ data tal-PLF, kif spjegat fid-dettall fl-Artikolu 2b, permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.
4.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jistgħu jkomplu jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont l-Artikolu 9(1) u 9(3) tad-Deċiżjoni 1082/2013/UE li jinnotifikaw it-theddid transfruntier serju għas-saħħa li jiġi identifikat fil-kuntest tal-ġbir tad-data tal-PLF permezz tal-kanali ta’ komunikazzjoni l-oħrajn li hemm, imsemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ din id-Deċiżjoni, fuq bażi temporanja u dment li dik l-għażla ma tikkompromettix l-iskop tat-traċċar tal-kuntatti.
5.  
Il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ma għandhiex taħżen il-PLF u d-data epidemjoloġika addizzjonali. Din għandha tippermetti biss lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS jirċievu data li tkun intbagħtet lilhom minn awtoritajiet kompetenti oħra tal-EWRS għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2. L-ECDC għandu jaċċessa biss id-data biex jiżgura l-funzjonament tajjeb tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.
6.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS ma għandhomx iżommu l-PLF u d-data epidemjoloġika li jirċievu permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għal żmien itwal minn dak tal-perjodu ta’ żamma li japplika fil-kuntest tal-attivitajiet nazzjonali tagħhom ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2.
7.  
Il-Kummissjoni għandha tikkoopera mal-ECDC fit-twettiq tal-kompiti fdati lilu skont din id-Deċiżjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ miżuri tekniċi u organizzattivi relatati mal-użu, l-implimentazzjoni, it-tħaddim, il-manutenzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.
8.  
L-ipproċessar ta’ data personali fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għall-iskop uniku ta’ traċċar tal-kuntatti tas-SARS-CoV-2 għandu jibqa’ jsir sal-31 ta’ Mejju 2022, jew sa meta d-Direttur Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa jkun iddikjara, f’konformità mar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa, li l-emerġenza tas-saħħa pubblika ta’ tħassib internazzjonali kkawżata mis-SARS-CoV-2 tkun intemmet, liema minnhom jiġi l-ewwel.

Artikolu 2b

Data li għandha tiġi skambjata

▼M2

1.  

Meta jinnotifikaw twissija fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru fejn jiġi identifikat il-passiġġier infettat għandhom jittrażmettu d-data tal-PLF li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru tat-tluq inizjali jew tar-residenza tal-passiġġier infettat, meta l-post ta’ residenza jkun differenti mill-post tat-tluq inizjali, jew lill-Istat Membru tal-aħħar tluq tal-passiġġier infettat, jekk l-Istat Membru jkun jeħtieġ biss il-mili ta’ PLF għall-aħħar taqsima ta’ vjaġġ:

▼M1

(a) 

l-isem;

(b) 

il-kunjom;

(c) 

id-data tat-twelid;

(d) 

in-numru tat-telefon (linja fissa u/jew mowbajl);

(e) 

l-indirizz tal-posta elettronika;

(f) 

l-indirizz tar-residenza.

▼M2

1a.  
Permezz tal-pjattaforma ta’ skambju għall-PLFs, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom jittrażmettu d-datatal-PLF, imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ persuni esposti, lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri tat-tluq inizjali jew tar-residenza ta’ dawk il-persuni, jew lill-Istat Membru tal-aħħar tluq tal-passiġġier infettat jekk l-Istat Membru jkun jeħtieġ biss il-mili ta’ PLF għall-aħħar taqsima tal-vjaġġ, dment li din id-data tkun inġabret fil-kuntest tal-miżuri tat-traċċar tal-kuntatti li twettqu wara l-identifikazzjoni ta’ passiġġier infettat għall-fini tat-traċċar tal-kuntatti.
1b.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS li jittrażmettu d-data msemmija fil-paragrafi 1 u 1a għandhom jindikaw jekk hux qed jirreferu għal passiġġier infettat jew għal persuna esposta.

▼M2

2.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru tat-tluq inizjali jew tal-aħħar tal-passiġġier infettat jew tal-persuna esposta jistgħu jittrażmettu d-data tal-PLF li jirċievu lil Stat Membru tat-tluq għajr dak iddikjarat fil-PLF bħala l-Istat Membru tat-tluq, meta jkollhom informazzjoni addizzjonali li tindika liema Stat Membru jenħtieġ li jwettaq it-traċċar tal-kuntatti.

▼M1

3.  

►M2  Jekk ikun meħtieġ biex jiġu identifikati persuni esposti, meta jinnotifikaw twissija fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru fejn jiġi identifikat il-passiġġier infettat għandhom jittrażmettu d-data tal-PLF li ġejja, fir-rigward ta’ kull taqsima tal-vjaġġ ta’ dak il-passiġġier, lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri kollha: ◄

▼M2

(a) 

il-post tat-tluq ta’ kull trasport ikkonċernat, dment li l-post ma jkunx jista’ jiġi identifikat permezz tal-informazzjoni skont il-punt (e);

(b) 

il-post tal-wasla ta’ kull trasport ikkonċernat, dment li l-post ma jkunx jista’ jiġi identifikat permezz tal-informazzjoni skont il-punt (e);

▼M1

(c) 

id-data tat-tluq ta’ kull trasport ikkonċernat;

(d) 

tip ta’ kull trasport ikkonċernat (eż. ajruplan, ferrovija, kowċ, vapur, bastiment);

(e) 

in-numru ta’ identifikazzjoni ta’ kull trasport ikkonċernat (eż. in-numru tat-titjira, in-numru tal-ferrovija, il-pjanċa tar-reġistrazzjoni tal-kowċ, isem il-vapur jew il-bastiment);

(f) 

in-numru tas-sit/tal-kabina f’kull mezz ta’ trasport ikkonċernat;

▼M2

(g) 

il-ħin tat-tluq ta’ kull trasport ikkonċernat, dment li l-ħin ma jkunx jista’ jiġi identifikat permezz tal-informazzjoni skont il-punt (e).

▼M1

4.  
Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru li jinnotifika t-twissija jkunu jistgħu jidentifikaw l-Istati Membri kkonċernati abbażi ta’ informazzjoni għad-dispożizzjoni tagħhom, dawn għandhom jittrażmettu d-data elenkata fil-paragrafu 3 biss lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS ta’ dawk l-Istati Membri.
5.  

L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom ikunu jistgħu jipprovdu d-data epidemjoloġika li ġejja, meta din tkun meħtieġa sabiex jitwettaq traċċar tal-kuntatti effikaċi:

(a) 

it-tip ta’ test imwettaq;

(b) 

varjant tal-virus SARS-CoV-2;

(c) 

data tal-kampjunar;

(d) 

data tal-bidu tas-sintomi.

▼M2

6.  
Fejn is-sistema nazzjonali tal-PLF ta’ Stat Membru tkun temporanjament indisponibbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istat Membru li ġabar id-data personali msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 5 mill-operaturi tat-trasport, mill-passiġġier infettat jew mill-persuna esposta abbażi tal-liġi nazzjonali, jistgħu jittrażmettu din id-data permezz tal-pjattaforma ta’ skambju għall-PLFs għall-finijiet ta’ traċċar tal-kuntatti, matul il-perjodu ta’ indisponibbiltà temporanja.

▼M1

Artikolu 2c

Ir-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS u tal-ECDC fl-ipproċessar tad-data tal-PLF

1.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS li jiskambjaw id-data tal-PLF u d-data fl-Artikolu 2b(5) għandhom ikunu kontrolluri konġunti għad-dħul u għat-trażmissjoni, sal-wasla, ta’ dik id-data permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri konġunti għandhom jiġu allokati f’konformità mal-Anness II. Kull Stat Membru li jkun jixtieq jipparteċipa fl-iskambju transfruntier tad-data tal-PLF permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għandu jinnotifika lill-ECDC, qabel ma jissieħeb, bl-intenzjoni tiegħu, u bl-awtorità kompetenti tal-EWRS tiegħu li tkun ġiet maħtura bħala l-kontrollur responsabbli.
2.  
L-ECDC għandu jkun il-proċessur tad-data skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Dan għandu jipprovdi l-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u jiżgura s-sigurtà tal-ipproċessar, inkluż tat-trażmissjoni, ta’ data skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, u għandu jikkonforma mal-obbligi ta’ proċessur stabbiliti fl-Anness III.
3.  
L-effikaċja tal-miżuri tekniċi u organizzattivi għall-iżgurar tas-sigurtà tal-ipproċessar ta’ data tal-PLF skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għandha tiġi ttestjata, ivvalutata u evalwata regolarment mill-ECDC u mill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS awtorizzati li jaċċessaw il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.
4.  
L-ECDC għandu jinvolvi lill-Kummissjoni bħala sottoproċessur u għandu jiżgura li l-istess obbligi ta’ protezzjoni tad-data stabbiliti f’din id-Deċiżjoni japplikaw għall-Kummissjoni.

▼B

Artikolu 3

Sistemi oħra ta informazzjoni u twissija rapida tal-Unjoni

1.  
In-notifika ta' twissija msemmija fl-Artikolu 2(1) għandha tispeċifika jekk theddid identifikat ikunx ġie nnotifikat minn qabel permezz ta' sistemi ta' informazzjoni jew ta' twissija oħrajn fil-livell tal-Unjoni jew taħt it-Trattat Euratom.
2.  
Meta theddida transkonfinali serja għas-saħħa tkun ġiet ikkomunikata permezz ta' sistema waħda jew aktar ta' twissija jew ta' informazzjoni tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tindika, permezz tal-EWRS, is-sistema ewlenija għat-tip speċifiku ta' skambju ta' informazzjoni.
3.  
Għall-finijiet ta' dan l-Artikolu, sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni oħrajn fil-livell tal-Unjoni jew taħt it-Trattat Euratom għandhom jinkludu s-sistemi stabbiliti f ►M1  l-Anness IV ◄ .

▼M3 —————

▼B

Artikolu 7

It-tħassir tad-Deċiżjoni 2000/57/KE

1.  
Id-Deċiżjoni 2000/57/KE titħassar.
2.  
Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra għandhom jiġu mifhuma bħala referenzi għal din id-Deċiżjoni.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

▼M1




ANNESS I

SETT MINIMU TA’ DATA TAL-PLF LI GĦANDHA TINĠABAR PERMEZZ TAL-PLF NAZZJONALI

Il-PLF għandha tinkludi mill-inqas id-data tal-PLF li ġejja:

(1) 

l-isem;

(2) 

il-kunjom;

(3) 

id-data tat-twelid;

(4) 

in-numru tat-telefon (linja fissa u/jew mowbajl);

(5) 

l-indirizz tal-posta elettronika;

(6) 

l-indirizz tar-residenza;

▼M2 —————

▼M1

(8) 

►M2  l-informazzjoni li ġejja għal kull taqsima tal-vjaġġ li għaliha l-Istat Membru jeħtieġ li timtela PLF: ◄

▼M2

(a) 

il-post tat-tluq, dment li l-post ma jkunx jista’ jiġi identifikat permezz tal-informazzjoni skont is-subpunt (f);

(b) 

il-post tal-wasla, dment li l-post ma jkunx jista’ jiġi identifikat permezz tal-informazzjoni skont is-subpunt (f);

▼M1

(c) 

id-data tat-tluq;

(d) 

il-mezz ta’ trasport (eż. ajruplan, ferrovija, kowċ, vapur, bastiment);

▼M2

(e) 

il-ħin tat-tluq, dment li l-ħin ma jkunx jista’ jiġi identifikat permezz tal-informazzjoni skont is-subpunt (f);

▼M1

(f) 

in-numru ta’ identifikazzjoni tal-mezz tat-trasport (eż. in-numru tat-titjira, in-numru tal-ferrovija, in-numru tal-pjanċa tal-kowċ, isem il-vapur jew il-bastiment);

(g) 

numru tas-sit/tal-kabina.




ANNESS II

RESPONSABBILTAJIET TAL-ISTATI MEMBRI PARTEĊIPANTI BĦALA KONTROLLURI KONĠUNTI GĦALL-PJATTAFORMA TA’ SKAMBJU TAL-PLF

TAQSIMA 1

Qsim tar-responsabbiltajiet

(1) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tiżgura li l-ipproċessar tad-data tal-PLF u tad-data epidemjoloġika addizzjonali skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jitwettaq f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ). B’mod partikolari, għandha tiżgura li d-data li ddaħħal u tittrażmetti permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF tkun akkurata u limitata għad-data stipulata fl-Artikolu 2b ta’ din id-Deċiżjoni.

(2) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS tibqa’ l-uniku kontrollur għall-ġbir, l-użu, l-iżvelar u kwalunkwe proċessar ieħor tad-data tal-PLF u tad-data epidemjoloġika addizzjonali, imwettqa barra mill-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tiżgura li t-trażmissjoni tad-data ssir f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi stipulati għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

(3) L-istruzzjonijiet lill-proċessur għandhom jintbagħtu minn kwalunkwe punt ta’ kuntatt tal-kontrolluri konġunti, bi qbil mal-kontrolluri konġunti l-oħrajn.

(4) Persuni awtorizzati mill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS biss jistgħu jaċċessaw id-data tal-PLF u data epidemjoloġika addizzjonali skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

(5) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tistabbilixxi punt ta’ kuntatt b’kaxxa postali funzjonali li tintuża għall-komunikazzjoni bejn il-kontrolluri konġunti u bejn il-kontrolluri konġunti u l-proċessur. Il-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Kontrolluri Konġunti huwa regolat mill-Grupp ta’ Ħidma tal-Kumitat għas-Sigurtà tas-Saħħa tal-EWRS.

(6) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS ma għandhiex tibqa’ kontrollur konġunt mid-data tal-irtirar tal-parteċipazzjoni tagħha fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF. Madankollu, din għandha tibqa’ responsabbli għall-ġbir u għat-trażmissjoni ta’ data tal-PLF u data epidemjoloġika addizzjonali permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF li seħħew qabel l-irtirar tagħha.

(7) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha żżomm rekord tal-attivitajiet ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tagħha. Il-kontroll konġunt jista’ jiġi indikat fir-rekord.

TAQSIMA 2

Responsabbiltajiet u rwoli għall-immaniġġjar ta’ talbiet ta’ u għall-infurmar tas-suġġetti tad-data

(1) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS li teħtieġ PLF għandha tipprovdi lill-passiġġieri transfruntieri (“is-suġġetti tad-data”) b’informazzjoni dwar iċ-ċirkostanzi tal-iskambju tal-PLF u tad-data epidemjoloġika tagħhom permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF għall-fini ta’ traċċar tal-kuntatti, f’konformità mal-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (UE) 2016/679.

(2) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha taġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt għas-suġġetti tad-data u għandha timmaniġġja t-talbiet relatati mal-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679, sottomessi minnhom jew mir-rappreżentanti tagħhom. Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tinnomina punt ta’ kuntatt speċifiku ddedikat għat-talb li jasal mis-suġġetti tad-data. Jekk awtorità kompetenti tal-EWRS tirċievi talba mingħand suġġett tad-data li ma tkunx fir-responsabbiltà tagħha, din għandha tibgħatha minnufih lill-awtorità kompetenti tal-EWRS responsabbli u għandha tinforma lill-ECDC. Jekk jiġi mitlub, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom jgħinu lil xulxin fl-immaniġġjar tat-talbiet tas-suġġetti tad-data rigward il-kontroll konġunt u għandhom iwieġbu lil xulxin mingħajr dewmien mhux dovut u mhux aktar tard minn 15-il ġurnata minn meta jirċievu talba għal għajnuna.

(3) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha tagħmel il-kontenut ta’ dan l-Anness inkluż l-arranġamenti stipulati fil-punti 1 u 2 disponibbli għas-suġġetti tad-data.

TAQSIMA 3

Ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali

(1) Bħala kontrolluri konġunti, l-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom jgħinu lil xulxin fl-identifikazzjoni u fl-immaniġġjar ta’ kull inċident ta’ sigurtà, inkluż il-ksur ta’ data personali, marbut mal-ipproċessar tal-PLF u mad-data epidemjoloġika skambjata permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

(2) B’mod partikolari, dawn għandhom jinnotifikaw lil xulxin u lill-ECDC dwar dan li ġej:

(a) 

kull riskju potenzjali jew reali għad-disponibbiltà, għall-kunfidenzjalità u/jew għall-integrità tal-PLF u tad-data epidemjoloġika li tkun qed tiġi pproċessata fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(b) 

kull ksur ta’ data personali, il-konsegwenzi probabbli tal-ksur ta’ data u l-valutazzjoni tar-riskju għad-drittijiet u għal-libertajiet ta’ persuni fiżiċi, u kull miżura li tittieħed biex jiġi indirizzat il-ksur ta’ data personali u biex jittaffa r-riskju għad-drittijiet u għal-libertajiet ta’ persuni fiżiċi;

(c) 

kull ksur tas-salvagwardji tekniċi u/jew organizzattivi tal-operazzjoni tal-ipproċessar fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

(3) L-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS għandhom jikkomunikaw kwalunkwe ksur tad-data fir-rigward tal-operazzjoni ta’ pproċessar fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF lill-ECDC, lill-awtoritajiet superviżorji kompetenti u, fejn meħtieġ, lis-suġġetti tad-data, f’konformità mal-Artikoli 33 u 34 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew wara li tinħareġ notifika mill-ECDC.

(4) Kull awtorità kompetenti tal-EWRS għandha timplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, imfassla biex:

(a) 

jiżguraw u jipproteġu s-sigurtà, l-integrità u l-kunfidenzjalità tad-data personali pproċessata b’mod konġunt;

(b) 

jipproteġu kontra kull aċċess, ipproċessar, telf, użu, żvelar jew akkwist mhux awtorizzati jew illegali ta’ xi data personali fil-pussess tagħha;

(c) 

jiżguraw li l-aċċess għad-data personali ma jiġi żvelat jew permess lil ħadd għajr ir-riċevituri jew il-proċessuri.

TAQSIMA 4

Valutazzjoni tal-Impatt fuq il-Protezzjoni tad-Data

Jekk kontrollur, sabiex jikkonforma mal-obbligi tiegħu speċifikati fl-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679, jeħtieġ informazzjoni minn kontrollur ieħor, dan għandu jibgħat talba speċifika lill-kaxxa postali funzjonali msemmija fis-Subtaqsima 1(5) tat-Taqsima 1. Dan tal-aħħar għandu jagħmel l-aħjar li jista’ sabiex jipprovdi tali informazzjoni.




ANNESS III

RESPONSABBILTAJIET TAL-ECDC BĦALA PROĊESSUR TAD-DATA GĦALL-PJATTAFORMA TA’ SKAMBJU TAL-PLF

(1) L-ECDC għandu jistabbilixxi u jiżgura infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura u affidabbli li tgħaqqad lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri li jkunu qed jipparteċipaw fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF.

L-ipproċessar mill-ECDC tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jinvolvi dan li ġej:

(a) 

jiddefinixxi s-sett minimu ta’ rekwiżiti tekniċi li jippermettu on-boarding u off-boarding bla xkiel u sigur tal-bażijiet tad-data nazzjonali tal-PLF;

(b) 

jiżgura l-interoperabbiltà tal-bażijiet tad-data nazzjonali tal-PLF b’mod sigur u awtomatizzat.

(2) Biex jissodisfa l-obbligi tiegħu bħala proċessur tad-data tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, l-ECDC għandu jinvolvi lill-Kummissjoni bħala sottoproċessur u għandu jiżgura li l-istess obbligi ta’ protezzjoni tad-data, kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, japplikaw għall-Kummissjoni.

L-ECDC jista’ jawtorizza lill-Kummissjoni biex tinvolvi lil partijiet terzi bħala sottoproċessuri ulterjuri.

Jekk il-Kummissjoni tinvolvi sottoproċessuri, l-ECDC għandu:

(a) 

jiżgura li l-istess obbligi tal-protezzjoni tad-data, kif stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, japplikaw għal dawn is-sottoproċessuri;

(b) 

jinforma lill-kontrolluri dwar kwalunkwe bidla maħsuba li tikkonċerna ż-żieda jew is-sostituzzjoni ta’ sottoproċessuri oħra, u b’hekk jagħti lill-kontrolluri l-opportunità li joġġezzjonaw permezz ta’ maġġoranza sempliċi għal tali bidliet.

(3) L-ECDC għandu:

(a) 

jistabbilixxi u jiżgura infrastruttura ta’ komunikazzjoni sigura u affidabbli li tgħaqqad lill-awtoritajiet kompetenti tal-EWRS tal-Istati Membri li jipparteċipaw fil-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(b) 

jipproċessa l-PLF u d-data epidemjoloġika addizzjonali, skont l-istruzzjonijiet iddokumentati mill-kontrolluri biss, ħlief jekk ikun meħtieġ jagħmel dan skont id-dritt tal-Unjoni; f’tali każ, l-ECDC għandu jgħarraf lill-kontrolluri dwar dak ir-rekwiżit legali qabel l-ipproċessar, ħlief jekk dik il-liġi tipprojbixxi s-sottomissjoni ta’ tali informazzjoni minħabba raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku.

(c) 

idaħħal fis-seħħ pjan ta’ sigurtà, pjan tal-kontinwità tan-negozju u pjan ta’ rkupru minn diżastri.

(d) 

iwettaq il-miżuri meħtieġa biex jippreserva l-integrità tal-PLF u tad-data epidemjoloġika addizzjonali pproċessata;

(e) 

jieħu l-miżuri ta’ sigurtà organizzattivi, fiżiċi u elettroniċi kollha tal-ogħla livell ta’żvilupp tekniku biex imantni l-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF; għal dan il-għan, l-ECDC għandu:

(i) 

jinnomina entità responsabbli għall-ġestjoni tas-sigurtà fil-livell tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, jikkomunika l-informazzjoni ta’ kuntatt tagħha lill-kontrolluri u jiżgura d-disponibbiltà tagħha biex tirreaġixxi għal theddid għas-sigurtà;

(ii) 

jassumi r-responsabbiltà għas-sigurtà tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(iii) 

jiżgura li l-individwi kollha li jingħataw aċċess għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ikunu soġġetti għall-obbligu ta’ kunfidenzjalità kuntrattwali, professjonali jew statutorju;

(f) 

iwettaq il-miżuri ta’ sigurtà kollha meħtieġa biex jevita li jikkomprometti l-funzjonament operazzjonali bla xkiel tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF; għal dan il-għan, l-ECDC għandu jistabbilixxi proċeduri speċifiċi relatati mal-funzjonament tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u l-konnessjoni mis-servers backend għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF; dan jinkludi:

(i) 

proċedura ta’ valutazzjoni tar-riskju, sabiex jiġi identifikat u stmat it-theddid potenzjali għas-sistema;

(ii) 

proċedura ta’ awditjar u ta’ rieżami sabiex:

1) 

tiġi vverifikata l-korrispondenza bejn il-miżuri ta’ sigurtà implimentati u l-politika ta’ sigurtà applikabbli;

2) 

isir kontroll regolari tal-integrità tal-fajls tas-sistema, tal-parametri tas-sigurtà u tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija;

3) 

jiġu identifikati u ssorveljati kull ksur tas-sigurtà u intrużjoni;

4) 

jiġu implimentati bidliet biex jittaffew in-nuqqasijiet tas-sigurtà eżistenti;

5) 

jippermettu, inkluż fuq talba tal-kontrolluri, u jikkontribwixxu għat-twettiq ta’ awditi indipendenti, inkluż spezzjonijiet, u rieżamijiet tal-miżuri ta’ sigurtà, soġġett għall-kundizzjonijiet li jħarsu l-Protokoll (Nru 7) tat-TFUE dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (2);

(iii) 

il-bdil tal-proċedura ta’ kontroll sabiex jiġi ddokumentat u jitkejjel l-impatt ta’ bidla qabel l-implimentazzjoni tagħha u sabiex il-kontrolluri jinżammu infurmati dwar kull bidla li tista’ taffettwa l-komunikazzjoni mal-infrastrutturi tagħhom u/jew is-sigurtà ta’ dawn l-infrastrutturi;

(iv) 

l-istabbiliment ta’ proċedura ta’ manutenzjoni u ta’ tiswija biex jiġu speċifikati r-regoli u l-kundizzjonijiet li għandhom jiġu segwiti meta jkun jenħtieġ li ssir manutenzjoni u/jew tiswija tat-tagħmir;

(v) 

l-istabbiliment ta’ proċedura għall-inċidenti tas-sigurtà biex tiġi ddefinita l-iskema ta’ rappurtar u ta’ eskalazzjoni, biex il-kontrolluri jiġu infurmati mingħajr dewmien ħalli jinnotifikaw lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali għall-protezzjoni tad-data b’kull ksur tad-data personali u biex jiġi ddefinit proċess dixxiplinari għat-trattament ta’ każijiet ta’ ksur ta’ sigurtà;

(g) 

iwettaq miżuri ta’ sigurtà fiżiċi u/jew elettroniċi tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għall-faċilitajiet li jospitaw it-tagħmir tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u għall-kontroll tal-aċċess tad-data u tas-sigurtà; għal dan il-għan, l-ECDC għandu:

(i) 

jiżgura s-sigurtà fiżika biex jistabbilixxi perimetri ta’ sigurtà distintivi u jippermetti l-identifikazzjoni ta’ ksur;

(ii) 

jikkontrolla l-aċċess għall-faċilitajiet u jżomm reġistru tal-viżitaturi għal skopijiet ta’ traċċar;

(iii) 

jiżgura li l-persuni esterni li jingħataw aċċess għall-bini jiġu akkumpanjati minn persunal awtorizzat kif dovut;

(iv) 

jiżgura li t-tagħmir ma jkunx jista’ jiġi miżjud, sostitwit jew imneħħi mingħajr awtorizzazzjoni minn qabel tal-korpi responsabbli nominati;

(v) 

jikkontrolla l-aċċess kemm mis-sistemi nazzjonali tal-PLF għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF kif ukoll mill-pjattaforma għas-sistemi nazzjonali;

(vi) 

jiżgura li l-individwi li jaċċessaw il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF jiġu identifikati u awtentikati;

(vii) 

iwettaq rieżami tad-drittijiet tal-awtorizzazzjoni marbuta mal-aċċess għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF f’każ ta’ ksur ta’ sigurtà li jaffettwa din l-infrastruttura;

(viii) 

jimplimenta miżuri ta’ sigurtà tekniċi u organizzattivi għall-prevenzjoni ta’ aċċess mhux awtorizzat għall-PLF u għad-data epidemjoloġika;

(ix) 

jimplimenta, kull fejn meħtieġ, miżuri li jimblukkaw l-aċċess mhux awtorizzat għall-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF mid-dominju tal-awtoritajiet nazzjonali (jiġifieri: jimblokka lokalità/indirizz IP);

(h) 

jieħu l-passi biex jipproteġi d-dominju tiegħu, inkluż billi jaqta’ l-konnessjonijiet, f’każ ta’ devjazzjoni sostanzjali mill-prinċipji u l-kunċetti ta’ kwalità jew ta’ sigurtà;

(i) 

iżomm pjan ta’ ġestjoni tar-riskju marbut mal-qasam ta’ responsabbiltà tiegħu;

(j) 

jimmonitorja – f’ħin reali – il-prestazzjoni tal-komponenti tas-servizz kollha tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, jipproduċi statistika regolari u jżomm ir-rekords;

(k) 

jiżgura li s-servizz ikun disponibbli s-sigħat kollha kull jum tal-ġimgħa, lejl u nhar, għajr meta jkun hemm qtugħ aċċettabbli għar-raġuni ta’ manutenzjoni;

(l) 

jipprovdi appoġġ għas-servizzi kollha tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF bl-Ingliż, permezz tat-telefon, tal-posta jew tal-Portal Web u jaċċetta telefonati mill-persuni awtorizzati: il-koordinaturi tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF u l-helpdesks rispettivi tagħhom, l-Uffiċjali tal-Proġetti u l-persuni nominati mill-ECDC;

(m) 

jgħin lill-kontrolluri permezz ta’miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sa fejn dan ikun possibbli, għat-twettiq tal-obbligu tal-kontrollur li jwieġeb għat-talbiet tal-eżerċitar tad-drittijiet tas-suġġett tad-data stipulati fil-Kapitolu III tar-Regolament (UE) 2016/679;

(n) 

jappoġġa lill-kontrolluri billi jipprovdi l-informazzjoni dwar il-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF, sabiex jimplimenta l-obbligi skont l-Artikoli 32, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2016/679;

(o) 

jiżgura li d-data tal-PLF u epidemjoloġika trażmessa permezz tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ma jkunux jistgħu jinftiehmu minn ebda persuna li ma tkunx awtorizzata taċċessaha, b’mod partikolari billi japplika kriptaġġ qawwi;

(p) 

iwettaq il-miżuri rilevanti kollha biex jipprevjeni li l-operaturi tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF ikollhom aċċess mhux awtorizzat għad-data tal-PLF u epidemjoloġika trażmessa;

(q) 

iwettaq il-miżuri biex jiffaċilita l-interoperabbiltà u l-komunikazzjoni bejn il-kontrolluri maħturin tal-pjattaforma ta’ skambju tal-PLF;

(r) 

iżomm rekord tal-attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f’isem il-kontrolluri f’konformità mal-Artikolu 31(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.




▼M1

ANNESS IV

▼B

Lista mhux eżawrjenti ta' sistemi ta' twissija u ta' informazzjoni fil-livell tal-Unjoni li għandha tiġi marbuta b'mod progressiv mal-EWRS

Dan l-Anness jelenka sistemi ta' twissija rapida u ta' informazzjoni li huma attwalment fis-seħħ fil-livell tal-Unjoni jew taħt it-Trattat Euratom u li jistgħu jkunu rilevanti biex jirċievu twissijiet u informazzjoni dwar avvenimenti li huma jew jistgħu jkunu ta' theddida transkonfinali serja għas-saħħa:

— 
Is-Sistema ta' Notifika tal-Mard tal-Annimali (ADNS), li tirreġistra u tiddokumenta s-sitwazzjoni ta' mard infettiv importanti tal-annimali;
— 
Is-sistema ta' twissija f'waqtha transettorjali tal-Kummissjoni (ARGUS), Sistema ta' Twissija Rapida interna tal-Kummissjoni li tippermetti lid-Direttorati Ġenerali kollha tal-Kummissjoni li jaqsmu informazzjoni fl-eventwalità ta' emerġenza/kriżi u biex jippermettu koordinazzjoni interna;
— 
Is-Sistema Komuni ta' Komunikazzjoni u Informazzjoni ta' Emerġenza (CECIS), għall-protezzjoni ċivili u għall-aċċidenti tat-tniġġis tal-baħar;
— 
Is-Sistema Komunitarja ta' Skambju ta' Informazzjoni Radjoloġika Urġenti (ECURIE), biex tinnotifika kontromiżuri għall-protezzjoni kontra l-effetti ta' aċċident radjoloġiku jew nukleari;
— 
Is-Sistema ta' Rappurtar ta' Inċidenti Maġġuri (EMARS), sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju tat-tagħlimiet meħuda minn aċċidenti u kważi aċċidenti li jinvolvu sustanzi perikolużi sabiex jitjiebu l-prevenzjoni u t-taffija ta' inċidenti kimiċi tal-konsegwenzi potenzjali;
— 
Is-Sistema Ewropea ta' Notifika dwar Interċettazzjonijiet tas-Saħħa tal-Pjanti (EUROPHYT), li tittratta interċettazzjonijiet ta' konsenji għal raġunijiet ta' saħħa tal-pjanti u ta' prodotti pjanti importati fl-Unjoni jew li qed jiġu nnegozjati fi ħdan l-Unjoni;
— 
It-Twissija Rapida għad-Demm u l-Komponenti tad-Demm (RAB), għall-iskambju ta' informazzjoni għall-prevenzjoni jew għall-kontroll ta' aċċidenti transkonfinali marbuta ma' trasfużjonijiet tad-demm;
— 
Is-Sistema ta' Twissija Rapida għal Prodotti Perikolużi Mhux tal-Ikel (RAPEX), għall-iskambju ta' informazzjoni dwar prodotti li joħolqu riskju għas-saħħa u għas-sikurezza tal-konsumaturi;
— 
Il-pjattaforma għas-Sistema ta' Twissija Rapida għall-Ikel u l-Għalf (RASFF), għan-notifika ta' riskji għas-saħħa umana li jirriżultaw mill-ikel jew mill-għalf;
— 
Il-pjattaforma ta' Twissija Rapida għat-Tessuti u għaċ-Ċelluli (RATC) għall-iskambju ta' informazzjoni u miżuri relatati mat-tessuti jew maċ-ċelluli umani li jintbagħtu minn pajjiż għal ieħor għall-pazjenti;
— 
In-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni dwar id-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (REITOX),biex tinġabar u tiġi rrapurtata l-informazzjoni dwar il-fenomenu tad-droga madwar l-Ewropa.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).