02016Y0312(02) — MT — 20.03.2019 — 006.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tal-15 ta’ Diċembru 2015

dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

(BERS/2015/2)

(ĠU C 097 12.3.2016, p. 9)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU tal-24 ta’ Marzu 2016 2016/C 153/01

  C 153

1

29.4.2016

 M2

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU tal-24 ta’ Ġunju 2016 2016/C 290/01

  C 290

1

10.8.2016

►M3

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU tal-20 ta’ Ottubru 2017 2017/C 431/01

  C 431

1

15.12.2017

 M4

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU tat-8 ta’ Jannar 2018 2018/C 41/01

  C 41

1

3.2.2018

 M5

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU tas-16 ta’ Lulju 2018 2018/C 338/01

  C 338

1

21.9.2018

 M6

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU tal-5 ta’ Diċembru 2018 2019/C 39/01

  C 39

1

1.2.2019

►M7

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU tal-15 ta’ Jannar 2019 2019/C 106/01

  C 106

1

20.3.2019




▼B

RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tal-15 ta’ Diċembru 2015

dwar il-valutazzjoni tal-effetti transkonfinali ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali u r-reċiproċità volontarja tagħhom

(BERS/2015/2)

2016/C 97/02



TAQSIMA 1

RAKKOMANDAZZJONIJIET

Rakkomandazzjoni A – Valutazzjoni tal-effetti transkonfinali tal-miżuri tal-politika makroprudenzjali tal-awtoritajiet relevanti stess

1. L-awtoritajiet attivanti relevanti huma rrakkomandati li jivvalutaw, qabel l-adozzjoni tagħhom, l-effetti transkonfinali tal-implimentazzjoni tal-miżuri tal-politika makroprudenzjali tagħhom stess. Ta’ mill-inqas, il-kanali ta’ effetti kollaterali li joperaw permezz ta’ aġġustament tar-riskju u arbitraġġ regolatorju għandhom jiġu vvalutati, bl-użu tal-metodoloġija stipulata fil-Kapitolu 11 tal-Manwal tal-BERS.

2. L-awtoritajiet attivanti relevanti huma rrakomandati li jivvalutaw:

(a) l-effetti transkonfinali possibbli (tixrid u arbitraġġ regolatorju) tal-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ politika makroprudenzjali fil-ġurisdizzjoni tagħhom; u

(b) effetti transkonfinali fuq Stati Membri oħrajn u fuq is-Suq Uniku ta’ kwalunkwe miżura ta’ politika makroprudenzjali.

3. L-awtoritajiet attivanti relevanti huma rrakkomandati li jimmonitorjaw ta’ mill-inqas darba fis-sena l-immaterjalizzar u l-evoluzzjoni tal-effetti transkonfinali tal-miżuri makroprudenzjali li huma introduċew.

Rakkomandazzjoni B – Notifika u talba għal reċiprokazzjoni fir-rigward tal- miżuri ta’ politika makroprudenzjali tal-awtoritajiet relevanti stess

1. L-awtoritajiet attivanti relevanti huma rrakomandati li jinnotifikaw lill-BERS dwar kwalunkwe miżura tal-politika makroprudenzjali malli jiġu adottati, u sa mhux aktar tard minn ġimgħatejn wara li jiġu adottati. In-notifiki għandhom jinkludu valutazzjoni tal-effetti transkonfinali u tan-neċessità għal reċiprokazzjoni minn awtoritajiet relevanti oħrajn. L-awtoritajiet relevanti attivanti huma mitluba li jipprovdu l-informazzjoni bl-Ingliż billi jużaw il-mudelli ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BERS.

▼M3

2. Jekk reċiprokazzjoni minn Stati Membri oħrajn titqies li hija meħtieġa sabiex jiġi żgurat it-tħaddim effettiv tal-miżuri relevanti, l-awtoritajiet attivanti relevanti huma rrakkomandati li jissottomettu talba għal reċiprokazzjoni lill-BERS, flimkien man-notifika tal-miżura. It-talba għandha tinkludi livell limitu ta’ materjalità propost.

▼B

3. Jekk miżuri ta’ politika makroprudenzjali jkunu ġew attivati qabel l-adozzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, jew jekk reċiprokazzjoni ma kinitx meqjusa li hija neċessarja meta kienu ġew introdotti l-miżuri għall-ewwel darba, iżda l-awtorità attivanti relevanti tkun iddeċidiet sussegwentement li dik ir-reċiprokazzjoni saret neċessarja, l-awtoritajiet attivanti relevanti huma rrakkomandati li jissottomettu talba għal reċiprokazzjoni lill-BERS.

Rakkomandazzjoni C – Reċiprokazzjoni tal-miżuri ta’ politika makroprudenzjali ta’ awtoritajiet relevanti oħrajn

▼M7

1. L-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżuri tal-politika makroprudenzjali adottati minn awtoritajiet rilevanti oħrajn u rrakkomandati għal reċiprokazzjoni mill-BERS. Huwa rrakkomandat li l-miżuri li ġejjin, kif deskritt aktar fl-Anness, jiġu rreċiprokati:

L-Estonja:

 rata tar-riżerva tar-riskju sistemiku ta’ 1 fil-mija applikata skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-iskoperturi domestiċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Estonja;

Il-Finlandja

 perċentwal minimu ta’ 15 fil-mija għall-piż tar-riskju medju fuq self ipotekarju residenzjali ggarantit minn ipoteka fuq unitajiet domestiċi fil-Finlandja applikata b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Finlandja, li jużaw l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (approċċ IRB) għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kapital regolatorju;

Il-Belġju:

 suppliment għall-piż tar-riskju għall-iskoperturi għall-konsumatur iggarantit minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, applikat b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju, li jużaw l-approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti tal-kapital regolatorju u kompost minn:

 

(a) suppliment għall-piż tar-riskju fiss ta’ 5 punti perċentwali; u

(b) suppliment għall-piż tar-riskju proporzjonat li jikkonsisti minn 33 fil-mija tal-medja ponderata skont l-iskopertura tal-piż tar-riskju applikat għall-portafoll ta’ skoperturi għall-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju;

Franza:

 tnaqqis tal-limitu ta’ skopertura kbira pprovdut fl-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, applikabbli għall-iskoperturi għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji b’dejn kbir li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza għal 5 fil-mija tal-kapital eliġibbli, applikat skont l-Artikolu 458(2)(d)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal istituzzjonijiet sistemikament importanti globali (G-SIIs) u istituzzjonijiet sistemikament importanti oħrajn (O-SIIs) fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom;

L-Iżvezja:

 perċentwal minimu speċifiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ 25 fil-mija għall-medja peżata għall-iskopertura tal-piżijiet tar-riskju applikati għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur lil debituri li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Iżvezja li jużaw l-Approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital regolatorju.

▼B

2. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet relevanti jirreċiprokaw il-miżuri tal-politika makroprudenzjali elenkati f’din ir-Rakkomandazzjoni billi jimplimentaw l-istess miżura tal-politika makroprudenzjali bħal dik li ġiet implimentata mill-awtorità attivanti. Jekk l-istess miżura tal-politika makroprudenzjali ma tkunx disponibbli fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-awtoritajiet relevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, billi jadottaw miżura tal-politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li jkollha l-aktar effett ekwivalenti għall-miżura attivata tal-politika makroprudenzjali.

3. Ħlief jekk tkun irrakkomandata skadenza speċifika b’rabta mar-reċiprokazzjoni ta’ miżura tal-politika makroprudenzjali, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet relevanti jadottaw miżuri reċiprokanti tal-politika makroprudenzjali sa mhux aktar tard minn tliet xhur, wara l-pubblikazzjoni tal-aħħar emenda ta’ din ir-Rakkomandazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-miżuri adottati u reċiprokanti għandu jkollhom l-istess data ta’ attivazzjoni safejn ikun possibbli.

Rakkomandazzjoni D – Notifika tar-reċiprokazzjoni tal-miżuri ta’ politika makroprudenzjali ta’ awtoritajiet relevanti oħrajn

Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet relevanti jinnotifikaw lill-BERS ir-reċiprokazzjoni tagħhom tal-miżuri tal-politika makroprudenzjali ta’ awtoritajiet relevanti oħrajn. In-notifiki għandhom jintbagħtu sa mhux aktar tard minn xahar wara li tkun ġiet adottata l-miżura reċiprokanti. L-awtoritajiet notifikanti huma mitluba li jipprovdu l-informazzjoni bl-Ingliż billi jużaw il-mudell ippubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BERS.

TAQSIMA 2

IMPLIMENTAZZJONI

1.    Interpretazzjoni

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “attivazzjoni” tfisser l-applikazzjoni ta’ miżura tal-politika makroprudenzjali fuq livell nazzjonali;

(b) “adozzjoni” tfisser deċiżjoni meħuda minn awtorità relevanti fir-rigward tal-introduzzjoni, ir-reċiprokazzjoni jew l-emendar ta’ miżura tal-politika makroprudenzjali;

(c) “servizz finanzjarju” tfisser kwalunkwe servizz ta’ natura bankarja, ta’ kreditu, ta’ assigurazzjoni, ta’ pensjoni personali, ta’ investiment jew ta’ ħlas;

(d) “miżura tal-politika makroprudenzjali” tfisser kwalunkwe miżura li tindirizza l-prevenzjoni u l-mitigazzjoni ta’ riskju sistemiku kif iddefinit fl-Artikolu 2(c) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 u li tkun adottata jew attivata minn awtorità relevanti soġġett għal-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali;

(e) “notifika” tfisser avviż bil-miktub bl-Ingliż lill-BERS mill-awtoritajiet relevanti, inkluż il-BĊE skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, rigward miżura tal-politika makroprudenzjali skont, iżda mhux biss, l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-Artikolu 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, u li tista’ tkun talba għal reċiprokazzjoni minn Stat Membru skont, iżda mhux biss, l-Artikolu 134(4) tad-Direttiva 2013/36/UE u l-Artikolu 458(8) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(f) “reċiproċità” tfisser arranġament, li permezz tiegħu l-awtorità relevanti f’ġurisdizzjoni waħda tapplika l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali, jew waħda ekwivalenti, kif stabbilit mill-awtorità attivanti relevanti f’ġuriżdizzjoni oħra, għal kwalunkwe istituzzjoni finanzjarja taħt il-ġurisdizzjoni tagħha, meta dawn ikunu esposti għall-istess riskju f’din l-aħħar ġurisdizzjoni;

(g) “awtorità attivanti relevanti” tfisser awtorità relevanti li tkun inkarigata mill-applikazzjoni ta’ miżura tal-politika makroprudenzjali f’livell nazzjonali;

(h) “awtorità relevanti” tfisser awtorità fdata bl-adozzjoni u/jew l-attivazzjoni ta’ miżuri tal-politika makroprudenzjali, inkluż iżda mhux biss:

(i) awtorità nnominata skont il-Kapitolu 4 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-Artikolu 458 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, awtorità kompetenti kif iddefinita fl-Artikolu 4(1)(40) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-BĊE skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013; jew

(ii) awtorità makroprudenzjali bl-objettivi, arranġamenti, setgħat, rekwiżiti ta’ kontabbiltà u karatteristiċi oħrajn stipulati fir-Rakkomandazzjoni BERS/2011/3 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku ( 1 );

▼M3

(i) “livell limitu ta’ materjalità” tfisser livell limitu kwantitattiv li taħtu l-iskopertura ta’ fornitur individwali ta’ servizz finanzjarju għar-riskju makroprudenzjali identifikat fil-ġurisdizzjoni fejn tiġi applikata l-miżura tal-politika makroprudenzjali mill-awtorità attivanti tista’ titqies bħala non-materjali.

▼B

2.    Eżenzjonijiet

▼M3

1. L-awtoritajiet relevanti jistgħu jeżentaw lil fornituri ta’ servizzi finanzjarji taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom milli japplikaw miżura reċiprokanti partikolari tal-politika makroprudenzjali, jekk dawn il-fornituri ta’ servizzi finanzjarji jkollhom skoperturi mhux materjali għar-riskju makroprudenzjali identifikat fil-ġuriżdizzjoni, fejn l-awtorità attivanti relevanti tkun qiegħda tapplika l-miżura tal-politika makroprudenzjali inkwistjoni (prinċipju de minimis). L-awtoritajiet relevanti huma mitluba li jirrapportaw lill-BERS dwar dawk l-eżenzjonijiet, bl-użu tal-mudell għan-notifika ta’ miżuri reċiprokanti ppubblikati fuq is-sit elettroniku tal-BERS.

Għall-iskop tal-applikazzjoni tal-prinċipju de minimis, il-BERS jirrakkomanda livell limitu ta’ materjalità bbażat fuq dak propost mill-awtorità attivanti relevanti skont it-Taqsima 1, subrakkomandazzjoni B(2). Il-kalibrazzjoni tal-livell limitu għandha ssegwi l-aqwa prattiki kif stabbiliti mill-BERS. Il-livell limitu tal-materjalità huwa livell limitu massimu rrakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu japplikaw il-livell limitu rakkomandat, japplikaw livell limitu aktar baxx għall-ġurisdizzjoni tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità. Meta japplikaw il-prinċipju de minimis, jenħtieġ li l-awtoritajiet jimmonitorjaw mill-qrib jekk jimmaterjalizzawx tixrid u arbitraġġ regolatorju u jagħlqu l-lakuna regolatorja jekk meħtieġ.

▼B

2. Jekk l-awtoritajiet relevanti jkunu diġà rreċiprokaw u żvelaw il-miżura qabel ma dik il-miżura tkun irrakkomandata għal reċiprokazzjoni f’din ir-Rakkomandazzjoni, il-miżura reċiprokanti ma teħtiġx li tkun emendata anki jekk tkun differenti minn dik implimentata mill-awtorità attivanti.

3.    Skeda ta’ żmien u rapportar

1. L-awtoritajiet relefvanti huma mitluba li jirrapportaw lill-BERS u lill-Kunsill dwar l-azzjonijiet li huma jieħdu b’risposta għal din ir-Rakkomandazzjoni, jew li jiġġustifikaw b’mod adegwat kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni. Ir-rapporti għandhom jintbagħtu kull sentejn, bl-ewwel rapport dovut sat-30 ta’ Ġunju 2017. Bħala minimu r-rapporti għandhom jinkludu:

(a) informazzjoni dwar is-sustanza u l-kronoloġija tal-azzjonijiet meħuda;

(b) evalwazzjoni tal-funzjonament tal-azzjonijiet meħuda, mill-perspettiva tal-għanijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni;

(c) ġustifikazzjoni dettaljata ta’ kwalunkwe eżenzjoni mogħtija skont il-prinċipju de minimis, flimkien ma’ kwalunkwe inazzjoni jew devjazzjoni minn din ir-Rakkomandazzjoni, inkluż kwalunkwe dewmien.

2. F’każ ta’ responsabbiltajiet kondiviżi, l-awtoritajiet relevanti għandhom jikkoordinaw ma’ xulxin sabiex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa fil-ħin.

3. L-awtoritajiet relevanti huma mħeġġa li jinfurmaw lill-BERS mal-ewwel opportunità dwar kwalunkwe miżura ta’ politika makroprudenzjali proposta.

4. Miżura reċiprokanti ta’ politika makroprudenzjali titqies li hija ekwivalenti jekk ikollha, safejn ikun possibbli:

(a) l-istess impatt ekonomiku;

(b) l-istess kamp ta’ applikazzjoni; u

(c) l-istess konsegwenzi (sanzjonijiet) għal nuqqas ta’ konformità.

▼M3

4.    Emendi għar-Rakkomandazzjoni

Il-Bord Ġenerali għandu jiddeċiedi meta jkun meħtieġ li din ir-Rakkomandazzjoni tiġi emendata. Dawk l-emendi jinkludu b’mod partikolari kwalunkwe miżura addizzjonali jew immodifikata tal-politika makroprudenzjali li jkollhom jiġu rreċiprokati kif stabiblit fir-Rakkomandazzjoni C u l-annessi relatati li jkun fihom informazzjoni speċifika għall-miżura, inkluż il-livell limitu tal-materjalità pprovdut mill-BERS. Il-Bord Ġenerali jista’ wkoll jestendi l-iskadenzi stipulati fil-paragrafi preċedenti meta jkunu meħtieġa inizjattivi leġiżlattivi għal konformità ma’ rakkomandazzjoni waħda jew aktar. B’mod partikolari, il-Bord Ġenerali jista’ jiddeċiedi li jemenda din ir-Rakkomandazzjoni skont ir-reviżjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-qafas ta’ rikonoxximent obbligatorju taħt il-liġi tal-Unjoni jew fuq il-bażi ta’ esperjenza miksuba fit-tħaddim tal-arranġament ta’ reċiproċità volontarja stabbilit b’din ir-Rakkomandazzjoni.

▼B

5.    Monitoraġġ u evalwazzjoni

1. Is-Segretarjat tal-BERS:

(a) jassisti lill-awtoritajiet relevanti billi jiffaċilita r-rapportaġġ ikkoordinat, jipprovdi mudelli relevanti u jippreċiża fejn ikun meħtieġ il-proċedura u l-kronoloġija għall-konformità;

(b) jivverifika l-konformità mill-awtoritajiet relevanti, inkluż billi jassistihom fuq talba tagħhom, u jissottometti rapporti ta’ konformità lill-Bord Ġenerali.

2. Il-Bord Ġenerali jivvaluta l-azzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet irrapportati mill-awtoritajiet relevanti u, fejn xieraq, jiddeċiedi jekk din ir-Rakkomandazzjoni ġietx segwita u jekk l-awtoritajiet relevanti naqsux milli jiġġustifikaw b’mod adegwat in-nuqqas ta’ azzjoni min-naħa tagħhom.

▼M7




Anness

L-Estonja

rata tar-riżerva tar-riskju sistemiku ta’ 1 fil-mija applikata skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-iskoperturi domestiċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Estonja

I.    Deskrizzjoni tal-miżura

1. Il-miżura Estonjana tikkostitwixxi rata tar-riżerva tar-riskju sistemiku ta’ 1 fil-mija applikata skont l-Artikolu 133 tad-Direttiva 2013/36/UE għall-iskoperturi domestiċi tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu kollha awtorizzati fl-Estonja.

II.    Reċiprokazzjoni

2. Meta l-Istati Membri jkunu implimentaw l-Artikolu 134 tad-Direttiva 2013/36/UE fil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet rilevanti huma rrakkomandati li jirreċiprokaw il-miżura Estonjana għal skoperturi li jinsabu fl-Estonja ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament skont l-Artikolu 134(1) tad-Direttiva 2013/36/UE. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

3. Meta l-Istati Membri ma jkunux implimentaw l-Artikolu 134 tad-Direttiva 2013/36/UE fil-liġi nazzjonali, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Estonjana għal skoperturi li jinsabu fl-Estonja ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament skont is-subrakkomandazzjoni C(2). Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti fi żmien sitt xhur.

III.    Livell limitu ta’ materjalità

4. Il-miżura hija kkomplementata minn livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 250 miljun speċifiku għall-istituzzjonijiet applikat għall-iskoperturi li jinsabu fl-Estonja sabiex jiggwida l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura.

5. B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lil istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament li għandhom skoperturi li jinsabu fl-Estonja li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 250 miljun. Meta japplikaw il-livell limitu tal-materjalità, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat li japplikaw il-miżura Estonjana għal istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament li qabel kienu eżentati meta jeċċedu l-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 250 miljun.

6. Fejn ma hemmx istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Istati Membri kkonċernati li għandhom skoperturi li jinsabu fl-Estonja ta’ EUR 250 miljun jew aktar, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Estonjana, kif stipulat fit-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkommandat lilhom li jirreċiprokaw il-miżura Estonjana meta istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata domestikament teċċedi l-livell limitu ta’ EUR 250 miljun.

7. B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 250 miljun huwa livell limitu massimu rakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk jistabbilixxu livell limitu aktar baxx minflok japplikaw il-livell limitu rakkomandat għall-ġurisdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.

Il-Finlandja

Livell minimu ta’ 15 % speċifiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-piż tar-riskju medju fuq self iggarantit minn ipoteka fuq unitajiet domestiċi fil-Finlandja applikabbli għal istituzzjonijiet ta’ kreditu li jużaw l-approċċ ibbażat fuq klassifikazzjonijiet interni (approċċ IRB) (minn hawn ’il quddiem “istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB”) bis-saħħa tal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

I.    Deskrizzjoni tal-miżura

1. Il-miżura Finlandiża, applikata b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, tikkonsisti minn livell minimu ta’ 15 % speċifikament għal istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-piż tar-riskju medju għal istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB, fil-livell ta’ portafoll, għal self ipotekarju residenzjali ggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja.

II.    Reċiprokazzjoni

2. B’konformità mal-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jirreċiprokaw il-miżura Finlandiża u japplikawha għall-portafolli tal-istituti ta’ kreditu IRB ta’ self ipotekarju għall-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja, maħruġ minn friegħi awtorizzati domestikament li jinsabu fil-Finlandja. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

3. Huwa rrakkomandat ukoll li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Finlandiża u japplikawha għall-portafolli tal-istituti ta’ kreditu IRB ta’ self ipotekarju għall-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja, maħruġ direttament b’mod transkonfinali minn istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fil-ġurisdizzjonijiet rispettivi tagħhom. Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, tapplika l-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

4. Skont is-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li jkollha l-effett l-aktar ekwivalenti għall-miżura rakkomandata għar-reċiprokazzjoni msemmija hawn fuq, inkluża l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stipulati fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti fi żmien erba’ xhur.

III.    Livell limitu ta’ materjalità

5. Il-miżura hija kkomplementata minn livell limitu ta’ materjalità ta’ skopertura ta’ EUR 1 biljun għas-suq ipotekarju Finlandiż biex tiggwida l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-Istati Membri reċiprokanti.

6. B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lil istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB individwali b’portafolli non-materjali ta’ self ipotekarju għall-konsumatur iggarantit minn unitajiet domestiċi fil-Finlandja li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 1 biljun. F’dan il-każ l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat lilhom li jirreċiprokaw fejn istituzzjoni ta’ kreditu IRB teċċedi l-livell limitu ta’ EUR 1 biljun.

7. Fejn ma hemmx istituzzjonijiet ta’ kreditu IRB awtorizzati fi Stati Membri oħrajn ikkonċernati bi friegħi li jinsabu fil-Finlandja jew li jipprovdu servizzi finanzjarji direttament fil-Finlandja, li għandhom skoperturi ta’ EUR 1 biljun jew aktar għas-suq ipotekarju Finlandiż, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx kif stipulat fit-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2. F’dan il-każ l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat lilhom li jirreċiprokaw fejn istituzzjoni ta’ kreditu IRB teċċedi l-livell limitu ta’ EUR 1 biljun.

Il-Belġju

Suppliment għall-piż tar-riskju għall-iskoperturi għall-konsumatur iggarantit minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, impost fuq l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju, li jużaw l-Approċċ IRB u applikat b’konformità mal-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. Is-suppliment huwa magħmul minn żewġ komponenti:

(a)  suppliment għall-piż tar-riskju fiss ta’ 5 punti perċentwali; u

(b)  suppliment għall-piż tar-riskju proporzjonat li jikkonsisti minn 33 fil-mija tal-medja ponderata skont l-iskopertura tal-piż tar-riskju applikat għall-portafoll ta’ skoperturi għall-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju;

I.    Deskrizzjoni tal-miżura

1. Il-miżura Belġjana, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u imposta fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fil-Belġju li jużaw l-Approċċ IRB, tikkonsisti f’suppliment għall-piż tar-riskju għall-iskoperturi għall-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju, li huwa magħmul minn żewġ komponenti:

(a) L-ewwel komponent jikkonsisti f’żieda ta’ 5 punti perċentwali għall-piż tar-riskju għall-iskoperturi għall-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju miksuba wara l-komputazzjoni tat-tieni parti tas-suppliment għall-piż tar-riskju skont il-punt (b).

(b) It-tieni komponent jikkonsisti f’żieda għall-piż tar-riskju ta’ 33 fil-mija tal-medja ponderata skont l-iskopertura tal-piż tar-riskju applikat għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju. Il-medja ponderata skont l-iskopertura hija l-medja tal-ponderazzjonijiet tar-riskju tas-self individwali kkalkulata skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ippeżata mill-valur tal-iskopertura rilevanti.

II.    Reċiprokazzjoni

2. Skont l-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jirreċiprokaw il-miżura Belġjana billi japplikawha għall-friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament li jinsabu fil-Belġju li jużaw l-Approċċ IRB fl-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

3. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Belġjana billi japplikawha għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament li jużaw l-Approċċ IRB li għandhom skoperturi għall-konsumatur diretti ggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali li tinsab fil-Belġju. Skont is-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw l-istess miżura bħal dik li ġiet implimentata fil-Belġju mill-awtorità attivanti fl-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

4. Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali mhijiex disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li għandha l-aktar effett ekwivalenti għall-miżura msemmija hawn fuq rakkomandata għar-reċiprokazzjoni, inkluż l-adozzjoni ta’ miżuri u setgħat superviżorji stipulati fit-Titolu VII, Kapitolu 2, Taqsima IV tad-Direttiva 2013/36/UE. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti fi żmien erba’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

III.    Livell limitu ta’ materjalità

5. Il-miżura hija kkomplementata minn livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun speċifiku għall-istituzzjonijiet sabiex jiggwida l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura.

6. B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lil istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament li jużaw l-Approċċ IRB li għandhom skoperturi non-materjali għall-konsumatur garantiti minn proprjetà immobbli residenzjali fil-Belġju li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun. Meta japplikaw il-livell limitu tal-materjalità, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat li japplikaw il-miżura Belġjana għal istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament li qabel kienu eżentati meta jeċċedu l-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun.

7. Fejn ma hemmx istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Istati Membri kkonċernati bi friegħi li jinsabu fil-Belġju jew li għandhom skoperturi diretti għall-konsumatur iggarantiti minn proprjetà immobbli residenzjali fil-Belġju, li jużaw l-Approċċ IRB u li għandhom skoperturi ta’ EUR 2 biljun jew aktar għas-suq Belġjan tal-proprjetà immobbli residenzjali, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu, skont it-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Belġjana. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkommandat lilhom li jirreċiprokaw il-miżura Belġjana meta istituzzjoni ta’ kreditu li tuża l-Approċċ IRB teċċedi l-livell limitu ta’ EUR 2 biljun.

8. B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, il-livell limitu ta’ materjalità ta’ EUR 2 biljun huwa livell limitu massimu rakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk jistabbilixxu livell limitu aktar baxx minflok japplikaw il-livell limitu rakkomandat għall-ġurisdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.

Franza

Tnaqqis tal-limitu ta’ skopertura kbira pprovdut fl-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, applikabbli għall-iskoperturi għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji b’dejn kbir li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza għal 5 fil-mija tal-kapital eliġibbli, applikat skont l-Artikolu 458(2)(d)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għal istituzzjonijiet sistemikament importanti globali (G-SIIs) u istituzzjonijiet sistemikament importanti oħrajn (O-SIIs) fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom.

I.    Deskrizzjoni tal-miżura

1. Il-miżura Franċiża, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(ii) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u imposta fuq il-G-SIIs u l-O-SIIs fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom (mhux f’livell subkonsolidat), tikkonsisti fi tnaqqis tal-limitu ta’ skopertura kbira għal 5 fil-mija tal-kapital eliġibbli tagħhom, applikabbli għal skoperturi għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji kbar b’dejn kbir li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza.

2. Korporazzjoni mhux finanzjarja hija definita bħala persuna fiżika jew ġuridika taħt id-dritt privat li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza, u li, fil-livell tagħha u fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni, tappartjeni għas-settur tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kif iddefinit fil-punt 2.45 tal-Anness A għar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).

3. Il-miżura tapplika għal skoperturi għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza u għal skoperturi għal gruppi ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi kif ġej:

(a) Għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji li huma parti minn grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi Franza, il-miżura tapplika għat-total tal-iskoperturi netti lejn il-grupp u l-entitajiet konnessi kollha tiegħu fit-tifsira tal-punt (39) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;

(b) Għall-korporazzjonijiet mhux finanzjarji li huma parti minn grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni barra Franza, il-miżura tapplika għat-total ta’:

(i) l-iskoperturi għal dawk il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza;

(ii) l-iskoperturi għall-entitajiet fi Franza jew barra mill-pajjiż li fuqhom il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji msemmija f’(i) għandhom kontroll dirett jew indirett skont it-tifsira tal-punt (39) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; u

(iii) l-iskoperturi għall-entitajiet fi Franza jew barra mill-pajjiż li huma ekonomikament dipendenti fuq il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji msemmija f’(i) skont it-tifsira tal-punt (39) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Għaldaqstant, korporazzjonijiet mhux finanzjarji li m’għandhomx l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza u li mhumiex sussidjarji jew entitajiet ekonomikament dipendenti fuq, u li mhumiex ikkontrollati direttament jew indirettament minn, korporazzjoni mhux finanzjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza, ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżura.

Skont l-Artikolu 395(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-miżura hija applikabbli wara li jiġi kkunsidrat l-effett tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u tal-eżenzjonijiet skont l-Artikoli 399 sa 403 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

4. G-SII jew O-SII għandha tikkunsidra korporazzjoni mhux finanzjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza bħala kbira jekk l-iskopertura oriġinali tagħha għall-korporazzjoni mhux finanzjarja, jew għall-grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi fit-tifsira tal-paragrafu 3, hija ta’ EUR 300 miljun jew aktar. Il-valur tal-iskopertura oriġinali huwa kkalkulat skont l-Artikoli 389 u 390 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 qabel tikkunsidra l-effett tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u tal-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikoli 399 sa 403 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif irrappurtat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 ( 3 ).

5. Korporazzjoni mhux finanzjarja titqies li għandha dejn kbir jekk ikollha proporzjon ta’ ingranaġġ li huwa akbar minn 100 fil-mija u proporzjon ta’ kopertura tal-imposti finanzjarji taħt tlieta, ikkalkulati fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-grupp kif ġej:

(a) Il-proporzjon ta’ lieva huwa l-proporzjon bejn id-dejn totali nett mill-kontanti u l-ekwità; u

(b) Il-proporzjon ta’ kopertura tal-imposti finanzjarji huwa l-proporzjon bejn, minn naħa, il-valur miżjud flimkien mas-sussidji operattivi nieqes: (i) il-pagi; (ii) it-taxxi u d-dazji operattivi; (iii) spejjeż operattivi ordinarji netti oħrajn minbarra l-imgħax nett u imposti simili; u (iv) id-deprezzament u l-amortizzazzjoni, u, min-naħa l-oħra, l-imgħax u imposti simili.

Il-proporzjonijiet huma kkalkulati abbażi ta’ aggregati tal-kontabilità ddefiniti skont l-istandards applikabbli, kif ippreżentati fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-korporazzjoni mhux finanzjarja, iċċertifikati fejn xieraq minn kontabilista bil-liċenzja.

II.    Reċiprokazzjoni

6. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Franċiża billi japplikawha għall-G-SIIs u l-O-SIIs awtorizzati domestikament fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fil-ġurisdizzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom.

7. Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali mhijiex disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, f’konformità mas-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li għandha l-aktar effett ekwivalenti għall-miżura msemmija hawn fuq rakkomandata għar-reċiprokazzjoni. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti mhux aktar tard minn sitt xhur wara l-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

III.    Livell limitu ta’ materjalità

8. Il-miżura hija kkomplementata minn livell limitu ta’ materjalità kombinat sabiex jiggwida l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura, li hija komposta minn:

(a) Livell limitu ta’ EUR 2 biljun għall-iskoperturi oriġinali totali ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju għas-settur Franċiż ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji;

(b) Livell limitu ta’ EUR 300 miljun applikabbli għal G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament li huwa ugwali għal jew jaqbeż il-livell limitu msemmi f’(a) għal:

(i) skopertura oriġinali waħda għal korporazzjoni mhux finanzjarja li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Franza;

(ii) it-total ta’ espożizzjonijiet oriġinali għal grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji, li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fi Franza, ikkalkulat skont il-paragrafu 3(a);

(iii) it-total tal-espożizzjonijiet oriġinali għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza li huma parti minn grupp ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji konnessi li għandu l-uffiċċju rreġistrat tiegħu fi Franza kif irrappurtat fil-mudelli C 28.00 u C 29.00 tal-Anness VIII għar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 680/2014;

(c) Livell limitu ta’ 5 fil-mija tal-kapital eliġibbli tal-G-SII jew tal-O-SII fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni, għal skoperturi identifikati f’(b) wara li jiġi kkunsidrat l-effett tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u l-eżenzjonijiet skont l-Artikoli 399 sa 403 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013.

Il-livelli limiti msemmija fil-paragrafi (b) u (c) għandhom ikunu applikati irrispettivament minn jekk l-entità rilevanti jew il-korporazzjoni mhux finanzjarja għandhiex dejn kbir jew le.

Il-valur tal-iskopertura oriġinali msemmi fil-paragrafi (a) u (b) għandu jiġi kkalkulat skont l-Artikoli 389 u 390 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 qabel jitqies l-effett tat-tekniki ta’ mitigazzjoni tar-riskji ta’ kreditu u l-eżenzjonijiet stipulati fl-Artikoli 399 sa 403 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, kif irrappurtat skont l-Artikolu 9 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014.

9. B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lill-G-SIIs jew l-O-SIIs awtorizzati domestikament fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju li ma jiksrux il-livell limitu ta’ materjalità kkombinat imsemmi fil-paragrafu 8. Meta japplikaw il-livell limitu ta’ materjalità, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament għas-settur Franċiż tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji kif ukoll il-konċentrazzjoni ta’ skopertura ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji kbar li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza, u huwa rrakkomandat li japplikaw il-miżura Franċiża għal G-SIIs jew O-SIIs awtorizzati domestikament eżentati qabel fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom meta l-livell limitu ta’ materjalità kkombinat imsemmi fil-paragrafu 8 jinkiser. L-awtoritajiet rilevanti huma mħeġġa wkoll jissenjalaw ir-riskji sistemiċi assoċjati mal-lieva miżjuda ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza lil parteċipanti tas-suq oħrajn fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

10. Fejn ma jkunx hemm G-SIIs jew O-SIIs fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħhom awtorizzati fl-Istati Membri kkonċernati u li għandhom skoperturi għas-settur Franċiż tal-korporazzjonijiet mhux finanzjarji ogħla mil-livell limitu ta’ materjalità msemmi fil-paragrafu 8, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu, skont it-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Franċiża. F’dan il-każ l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskopertura ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament għas-settur Franċiż ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji kif ukoll il-konċentrazzjoni tal-iskopertura ta’ G-SIIs u O-SIIs awtorizzati domestikament għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza, u huwa rrakkomandat li jirreċiprokaw il-miżura Franċiża meta G-SII jew O-SII fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni tal-perimetru prudenzjali bankarju tagħha teċċedi l-livell limitu ta’ materjalità kkombinat imsemmi fil-paragrafu 8. L-awtoritajiet rilevanti huma mħeġġa wkoll jissenjalaw ir-riskji sistemiċi assoċjati mal-lieva miżjuda ta’ korporazzjonijiet mhux finanzjarji li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Franza lil parteċipanti tas-suq oħrajn fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

11. F’konformità mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, il-livell limitu ta’ materjalità kombinat imsemmi fil-paragrafu 8 huwa livell limitu massimu rakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk jistabbilixxu livell limitu aktar baxx minflok japplikaw il-livell limitu rakkomandat għall-ġurisdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.

L-Iżvezja:

Perċentwal minimu speċifiku għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu ta’ 25 fil-mija għall-medja peżata għall-iskopertura tal-piżijiet tar-riskju applikati għall-portafoll ta’ skoperturi fil-livell tal-konsumatur lil debituri li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Iżvezja li jużaw l-Approċċ IRB għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta’ kapital regolatorju.

I.    Deskrizzjoni tal-miżura

1. Il-miżura Żvediża, applikata skont l-Artikolu 458(2)(d)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u imposta fuq istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Iżvezja li jużaw l-Approċċ IRB, tikkonsisti f’perċentwal minimu speċifiku għall-istituzzjonijiet ta’ 25 fil-mija għall-medja ponderata skont l-iskopertura tal-piż tar-riskju applikat għall-portafoll ta’ skoperturi għall-konsumatur għad-debituri li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli.

2. Il-medja ponderata skont l-iskopertura hija l-medja tal-ponderazzjonijiet tar-riskju tal-iskoperturi individwali kkalkulata skont l-Artikolu 154 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ippeżata mill-valur tal-iskopertura rilevanti.

II.    Reċiprokazzjoni

3. Skont l-Artikolu 458(5) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jirreċiprokaw il-miżura Żvediża billi japplikawha għall-friegħi ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament li jinsabu fl-Iżvezja li jużaw l-Approċċ IRB fl-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

4. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jirreċiprokaw il-miżura Żvediża billi japplikawha għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati domestikament li jużaw l-Approċċ IRB li għandhom skoperturi għall-konsumatur diretti għal debituri li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli. Skont is-subrakkomandazzjoni C(2), huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw l-istess miżura bħal dik li ġiet implimentata fl-Iżvezja mill-awtorità attivanti fl-iskadenza speċifikata fis-subrakkomandazzjoni C(3).

5. Jekk l-istess miżura ta’ politika makroprudenzjali mhijiex disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti japplikaw, wara konsultazzjoni mal-BERS, miżura ta’ politika makroprudenzjali disponibbli fil-ġurisdizzjoni tagħhom li għandha l-aktar effett ekwivalenti għall-miżura msemmija hawn fuq rakkomandata għar-reċiprokazzjoni. Huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet rilevanti jadottaw il-miżura ekwivalenti fi żmien erba’ xhur mill-pubblikazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

III.    Livell limitu ta’ materjalità

6. Il-miżura hija kkomplementata minn livell limitu ta’ materjalità ta’ SEK 5 biljun speċifiku għall-istituzzjonijiet sabiex jiggwida l-applikazzjoni potenzjali tal-prinċipju de minimis mill-awtoritajiet rilevanti li jirreċiprokaw il-miżura.

7. B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jeżentaw lil istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament li jużaw l-Approċċ IRB li għandhom skoperturi non-materjali għall-konsumatur għal debituri li jirrisjedu fl-Iżvezja ggarantiti minn proprjetà immobbli li huma taħt il-livell limitu ta’ materjalità ta’ SEK 5 biljun. Meta japplikaw il-livell limitu tal-materjalità, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkomandat li japplikaw il-miżura Żvediża għal istituzzjonijiet ta’ kreditu individwali awtorizzati domestikament li qabel kienu eżentati meta jeċċedu l-livell limitu ta’ materjalità ta’ SEK 5 biljun.

8. Fejn ma hemmx istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati fl-Istati Membri kkonċernati b’fergħat li jinsabu fl-Iżvezja jew li għandhom skoperturi diretti għall-konsumatur għal debituri li jirrisjedu fl-Iżvezja, garantiti minn proprjetà immobbli, li jużaw l-Approċċ IRB u li għandhom skoperturi għall-konsumatur ta’ SEK 5 biljun jew aktar għal debituri li jirrisjedu fl-Iżvezja, iggarantiti minn proprjetà immobbli, l-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri kkonċernati jistgħu, skont it-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, jiddeċiedu li ma jirreċiprokawx il-miżura Żvediża. F’dan il-każ, l-awtoritajiet rilevanti għandhom jimmonitorjaw il-materjalità tal-iskoperturi u huwa rrakkommandat lilhom li jirreċiprokaw il-miżura Żvediża meta istituzzjoni ta’ kreditu li tuża l-Approċċ IRB teċċedi l-livell limitu ta’ SEK 5 biljun.

9. B’mod konformi mat-Taqsima 2.2.1 tar-Rakkomandazzjoni BERS/2015/2, il-livell limitu ta’ materjalità ta’ SEK 5 biljun huwa livell limitu massimu rakkomandat. L-awtoritajiet rilevanti reċiprokanti jistgħu għalhekk jistabbilixxu livell limitu aktar baxx minflok japplikaw il-livell limitu rakkomandat għall-ġurisdizzjonijiet tagħhom fejn xieraq, jew jirreċiprokaw il-miżura mingħajr ebda livell limitu ta’ materjalità.



( 1 ) Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tat-22 ta’ Diċembru 2011 dwar il-mandat makroprudenzjali tal-awtoritajiet nazzjonali (BERS/2011/3) (ĠU C 41, 14.2.2012, p. 1).

( 2 ) Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).

( 3 ) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 680/2014 tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tar-rappurtar superviżorju ta’ istituzzjonijiet skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 191, 28.6.2014, p. 1).