02016R2286 — MT — 13.03.2019 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2286

tal-15 ta' Diċembru 2016

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 344 17.12.2016, p. 46)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/296 tal-20 ta' Frar 2019

  L 50

4

21.2.2019




▼B

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2286

tal-15 ta' Diċembru 2016

li jistabbilixxi regoli dettaljati dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust u dwar il-metodoloġija għall-valutazzjoni tas-sostenibbiltà tat-tneħħija tal-ħlasijiet supplimentari tar-roaming bl-imnut u dwar l-applikazzjoni li għandu jressaq fornitur tar-roaming għall-finijiet ta' dik il-valutazzjoni

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



TAQSIMA I

ID-DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta' applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati biex tkun żgurata l-implimentazzjoni konsistenti ta' politika tal-użu ġust li l-fornituri tar-roaming jaf japplikaw għall-konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut b'konformità mal-Artikolu 6b tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

2.  Dan jistabbilixxi wkoll regoli dettaljati dwar:

(a) l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-fornituri tar-roaming biex japplikaw ħlas supplimentari tar-roaming li jiġu ppreżentati skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom;

(b) il-metodoloġija li għandhom japplikaw l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jivvalutaw jekk il-fornitur tar-roaming ikunx stabbilixxa li ma jistax ikopri l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu.

Artikolu 2

Id-definizzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet fir-Regolament (UE) Nru 531/2012.

2.  Għandhom japplikaw ukoll dawn id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “rabtiet stabbli” ma' Stat Membru li tfisser il-preżenza fit-territorju tal-Istat Membru li tirriżulta minn relazzjoni ta' impjieg sostenibbli u full-time, inkluż dik tal-ħaddiema transfruntiera; minn relazzjonijiet kuntrattwali fit-tul li jinvolvu grad simili ta' preżenza fiżika ta' persuna li taħdem għal rasha; mill-parteċipazzjoni f'korsijiet ta' studju full-time rikorrenti; jew minn sitwazzjonijiet oħra, bħal dawk ta' ħaddiema ssekondati jew ta' persuni rtirati, kull meta dawn jinvolvu l-istess livell ta' preżenza territorjali;

(b) “servizzi bl-imnut mobbli” tfisser servizzi mobbli pubbliċi tal-komunikazzjoni pprovduti lill-utenti finali, li jinkludu s-servizzi bil-vuċi, bl-SMS u bid-dejta;

(c) “pakkett ta' dejta miftuħa” tfisser pjan tariffarju għall-provvista ta' servizz(i) bl-imnut mobbli li ma jillimitax il-volum ta' servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli inklużi mal-ħlas ta' spiża perjodika fissa jew li għalihom il-prezz domestiku għal kull unità tas-servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli, li jinkiseb billi l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali, eskluż il-VAT, għal servizzi mobbli li jikkorrispondu għall-perjodu ta' fatturazzjoni kollu jiġi diviż bil-volum totali tas-servizzi bl-imnut ta' dejta mobbli disponibbli domestikament, ikun inqas mill-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

(d) “pjan tariffarju mħallas minn qabel” tfisser pjan tariffarju li permezz tiegħu jiġu pprovduti s-servizzi bl-imnut mobbli fuq tnaqqis ta' kreditu disponibbli mill-klijent lill-fornitur abbażi ta' kull unità, qabel il-konsum, u li minnu l-konsumatur ikun jista' jirtira mingħajr penali f'każ ta' eżawriment jew ta' skadenza ta' kreditu;

(e) “Stat Membru miżjur” tfisser Stat Membru li mhux dak tal-fornitur domestiku tal-klijent tar-roaming;

(f) “marġni tas-servizzi mobbli” tfisser il-qligħ, qabel l-imgħax, it-taxxa, id-deprezzament u l-ammortizzament, mill-bejgħ tas-servizzi mobbli minbarra s-servizzi tar-roaming bl-imnut provduti fl-Unjoni, li għalhekk jeskludi l-ispejjeż u d-dħul mis-servizzi tar-roaming bl-imnut;

(g) “grupp” tfisser impriża prinċipali u kull impriża sussidjarja tagħha soġġetta għall-kontroll tal-impriża prinċipali skont it-tifsira tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 ( 1 ).



TAQSIMA II

IL-POLITIKA TAL-UŻU ĠUST

Artikolu 3

Il-prinċipju bażiku

1.  Il-fornitur tar-roaming għandu jipprovdi servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku lill-klijenti tar-roaming tiegħu li normalment huma residenti fl-Istat Membru tiegħu jew li jkollhom rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali fl-Istat Membru tiegħu, meta dawn ikunu qed jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni.

2.  Kwalunkwe politika tal-użu ġust li japplikaw il-fornituri tar-roaming biex jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 u għandha tiżgura li l-klijenti kollha jkollhom aċċess għas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut bil-prezz domestiku waqt li jkunu qed jivvjaġġaw perjodikament fl-Unjoni bl-istess kundizzjonijiet daqslikieku dawn is-servizzi ġew ikkonsmati f'pajjiżhom.

Artikolu 4

L-użu ġust

1.  Għall-finijiet ta' kwalunkwe politika tal-użu ġust, il-fornitur tar-roaming jista' jitlob lill-klijenti tar-roaming tiegħu biex jipprovdu prova ta' residenza normali fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming jew ta' rabtiet stabbli ma' dak l-Istat Membru bi preżenza frekwenti u sostanzjali fit-territorju tiegħu.

2.  Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe limitu domestiku tal-volum, fil-każ ta' pakkett ta' dejta miftuħa, il-klijent tar-roaming għandu jkun jista' jikkonsma, waqt li jivvjaġġa perjodikament fl-Unjoni, volum ta' servizzi ta' roaming tad-dejta bl-imnut bil-prezz domestiku bl-imnut ekwivalenti għal mill-inqas id-doppju tal-volum miksub billi l-prezz bl-imnut domestiku ġenerali ta' dak il-pakkett ta' dejta miftuħa jiġi diviż, eskluż il-VAT, korrispondenti għall-perjodu kollu tal-kont, bil-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

Fil-każ tal-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli miġbura f'pakkett ma' servizzi jew terminali oħra, il-prezz bl-imnut domestiku ġenerali ta' dak il-pakkett ta' dejta għandu jiġi determinat, għall-finijiet tal-Artikolu 2(2)(c) u ta' dan il-paragrafu, billi jitqies il-prezz applikat għall-bejgħ separat tal-komponent tas-servizzi bl-imnut mobbli tal-pakkett, eskluż il-VAT, jekk disponibbli, jew il-prezz tal-bejgħ ta' dawn is-servizzi bl-istess karatteristiċi fuq bażi awtonoma.

3.  Fil-każ ta' pjanijiet ta' tariffi mħallsa minn qabel, bħala alternattiva għar-rekwiżit tal-politika tal-użu ġust imsemmi fil-paragrafu 1, il-fornitur tar-roaming jista' jillimita l-konsum ta' servizzi ta' roaming tad-dejta bl-imnut fl-Unjoni bil-prezz bl-imnut domestiku għal volumi ekwivalenti għal mill-inqas il-volum miksub billi l-ammont globali, eskluż il-VAT, ta' kreditu disponibbli li jifdal u diġà mħallsa mill-konsumatur lill-fornitur jiġi diviż, fil-waqt tal-bidu tar-roaming, bil-ħlas tar-roaming bl-ingrossa regolat massimu msemmi fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

4.  Fil-kuntest tal-ipproċessar tad-dejta dwar it-traffiku skont l-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/58/KE, biex jipprevjenu l-użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut, il-fornitur tar-roaming jista' japplika mekkaniżmi ta' kontroll ġusti, raġonevoli u proporzjonati bbażati fuq indikaturi oġġettivi marbuta mar-riskju ta' użu abbużiv jew anomalu lil hinn mill-ivvjaġġar perjodiku fl-Unjoni.

L-indikaturi oġġettivi jistgħu jinkludu miżuri biex jiġi stabbilit jekk il-klijenti jkollhomx il-konsum domestiku prevalenti fuq il-konsum tar-roaming jew jekk il-preżenza domestika tagħhom hijiex prevalenti fuq dik fi Stati Membri oħra tal-Unjoni.

Biex jiġi żgurat li l-klijenti tar-roaming impenjati fi vjaġġar perjodiku ma jiġux soġġetti għal twissijiet bla bżonn jew eċċessivi skont l-Artikolu 5(4), il-fornituri tar-roaming li japplikaw dawn il-miżuri biex jistabbilixxu xi riskju ta' użu abbużiv jew anomalu ta' servizzi roaming għandhom josservaw dawn l-indikaturi ta' preżenza u ta' konsum b'mod kumulattiv u għal perjodu ta' żmien ta' mill-inqas erba' xhur.

Il-fornitur tar-roaming għandu jispeċifika, fil-kuntratti mal-klijenti tar-roaming, is-servizz(i) bl-imnut mobbli li l-indikatur tal-konsum jirreferi għalih(om) u d-durata minima tal-perjodu ta' osservazzjoni.

Il-konsum domestiku prevalenti jew il-preżenza domestika prevalenti tal-klijent tar-roaming waqt il-perjodu ta' osservazzjoni definit għandhom jitqiesu bħala prova ta' użu mhux abbużiv u mhux anomalu ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut.

Għall-iskop tat-tieni, it-tielet u l-ħames subparagrafu, kull jum li fih klijent tar-roaming ikun illoggja fuq in-netwerk domestiku għandu jingħadd bħala jum ta' preżenza fiżika ta' dak il-klijent.

Indikaturi oġġettivi oħra marbuta mar-riskju ta' użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut jistgħu jinkludu biss:

(a) inattività fit-tul ta' SIMcard partikolari li tkun assoċjata li tintuża l-aktar, jekk mhux biss, għar-roaming;

(b) l-abbonament u l-użu sekwenzjali ta' diversi SIMcards mill-istess klijent waqt ir-roaming.

5.  Meta l-fornitur tar-roaming jistabbilixxi, b'evidenza oġġettiva u sostanzjata, li xi SIMcards reġgħu nbigħu b'mod organizzat lil persuni li effettivament mhumiex residenti fl-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut jew lil persuni li ma għandhomx rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali mal-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut biex ikun jista' jsir konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija bil-prezz domestiku applikabbli fil-livell tal-bejgħ bl-imnut minbarra għall-iskop tal-ivvjaġġar perjodiku, il-fornitur tar-roaming jista' jieħu miżuri proporzjonati minnufih biex jiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt sottostanti.

6.  Meta jaġixxi skont din it-taqsima, il-fornitur tar-roaming għandu jikkonforma mad-Direttivi 2002/58/KE u 95/46/KE u mal-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali tagħhom, u mar-Regolament (UE) 2016/679.

7.  Dan ir-Regolament ma japplikax għall-politiki tal-użu ġust definiti fit-termini kuntrattwali ta' tariffi tar-roaming alternattivi previsti skont l-Artikolu 6e(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

Artikolu 5

It-trasparenza u s-superviżjoni tal-politiki tal-użu ġust

1.  Meta fornitur tar-roaming japplika politika tal-użu ġust, fil-kuntratti mal-klijenti tar-roaming, dan għandu jinkludi t-termini u l-kundizzjonijiet kollha relatati ma' din il-politika, inkluż kull mekkaniżmu ta' kontroll applikat skont l-Artikolu 4(4). Bħala parti mill-politika tal-użu ġust, il-fornitur tar-roaming għandu jistabbilixxi proċeduri trasparenti, sempliċi u effiċjenti biex jindirizza l-ilmenti tal-klijenti dwar l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust. Dan hu mingħajr preġudizzju għad-drittijiet tal-klijenti tar-roaming, b'konformità mal-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, li jirrikorru għall-proċeduri sempliċi, trasparenti, ġusti u pronti għar-riżoluzzjoni tat-tilwim barra mill-qorti stabbiliti fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming b'konformità mal-Artikolu 34 tad-Direttiva 2002/22/KE. Tali mekkaniżmu għall-ilmenti u proċeduri għar-riżoluzzjoni tat-tilwim għandhom jippermettu lill-klijent tar-roaming jipprovdi evidenza li mhux juża s-servizzi regolati ta' roaming bl-imnut għal finijiet oħra minbarra l-ivvjaġġar perjodiku, b'rispons għal twissija skont il-paragrafu (3), l-ewwel subparagrafu.

2.  Il-politiki tal-użu ġust b'konformità ma' dan ir-Regolament għandhom jiġu notifikati mill-fornitur tar-roaming lill-awtorità regolatorja nazzjonali.

3.  Meta jkun hemm evidenza oġġettiva u sostanzjata, ibbażata fuq l-indikaturi oġġettivi msemmija fl-Artikolu 4(4), li tindika riskju ta' użu abbużiv jew anomalu ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut fl-Unjoni bil-prezz bl-imnut domestiku minn klijent partikolari, il-fornitur tar-roaming għandu jwissi l-konsumatur dwar skoperti ta' mġieba li jindikaw riskju bħal dan qabel ma japplikaxi ħlas supplimentari skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012.

Fil-każijiet meta tali riskju jirriżulta min-nuqqas ta' rispett tal-kriterji tal-prevalenza ta' konsum domestiku u tal-prevalenza ta' preżenza domestika matul il-perjodu ta' osservazzjoni definit, imsemmi fil-ħames subparagrafu tal-Artikolu 4(4), l-indikazzjonijiet addizzjonali ta' riskju li jirriżultaw mill-preżenza jew użu mhux domestiċi ġenerali tal-klijent tar-roaming għandhom jitqiesu għall-finijiet tar-riżoluzzjoni ta' kwalunkwe lment sussegwenti kif previst fil-paragrafu (1) jew tal-proċedura għar-riżoluzzjoni tat-tilwim skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, rigward l-applikabbiltà ta' ħlas supplimentari.

Dan il-paragrafu għandu japplika irrispettivament mill-preżentazzjoni, min-naħa tal-klijent tar-roaming, ta' evidenza dokumentarja ta' residenza jew ta' rabtiet stabbli oħra bi preżenza frekwenti u sostanzjali fl-Istat Membru tal-fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 4(1).

4.  Meta l-fornitur tar-roaming jagħti twissija lill-klijent tar-roaming skont il-paragrafu 3, il-fornitur għandu jinforma lill-klijent li, fin-nuqqas ta' bidla fix-xejra tal-użu f'perjodu li ma jistax ikun iqsar minn ġimagħtejn, li turi konsum jew preżenza domestiċi reali, jista' jiġi applikat ħlas supplimentari skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għal kwalunkwe użu ulterjuri ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut bis-SIMcard inkwistjoni wara d-data ta' tali twissija.

5.  Il-fornitur tar-roaming għandu jieqaf japplika l-ħlas supplimentari malli l-użu tal-klijent ma jibqax jindika riskju ta' użu abbużiv jew anomalu tas-servizzi regolati ta' roaming bl-imnut abbażi tal-indikaturi oġġettivi msemmija fl-Artikolu 4(4).

6.  Meta fornitur tar-roaming jistabbilixxi li xi SIM cards reġgħu nbigħu b'mod organizzat lil persuni li normalment mhumiex residenti fl-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut jew lil persuni li ma għandhomx rabtiet stabbli bi preżenza frekwenti u sostanzjali mal-Istat Membru ta' dak il-fornitur tar-roaming bl-imnut biex ikun jista' jsir konsum tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut minbarra għall-iskop tal-ivvjaġġar perjodiku 'l barra minn dak l-Istat Membru skont l-Artikolu 4(3), l-operatur għandu jgħarraf lill-awtorità regolatorja nazzjonali bl-evidenza li toħroġ mill-abbuż sistematiku inkwistjoni u bil-miżura meħuda biex jiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet kollha tal-kuntratt sottostanti għallinqas fl-istess ħin meta tittieħed miżura bħal din.



TAQSIMA III

L-APPLIKAZZJONI U L-METODOLOĠIJA GĦALL-VALUTAZZJONI TAS-SOSTENIBBILTÀ TAT-TNEĦĦIJA TAL-ĦLASIJIET TAR-ROAMING BL-IMNUT

Artikolu 6

Id-dejta li tappoġġa l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu

1.  L-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiku tagħhom (“l-applikazzjoni”), għandhom jiġu vvalutati abbażi tad-dejta dwar il-volumi ġenerali tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut mogħtija, mill-fornitur tar-roaming li qed japplika, projettati fuq perjodu ta' 12-il xahar li jibda mhux qabel il-15 ta' Ġunju 2017. Għall-ewwel applikazzjoni, dawn il-projezzjonijiet ta' volum għandhom jiġu stmati bl-użu ta' waħda minn dawn l-alternattivi jew ta' kombinazzjoni tagħhom:

(a) il-volumi attwali ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut mogħtija mill-applikant bil-prezzijiet regolati tar-roaming bl-imnut applikabbli qabel il-15 ta' Ġunju 2017;

(b) il-volumi projettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut wara l-15 ta' Ġunju 2017, fejn il-volumi pprojettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut matul il-perjodu inkwistjoni jkunu stmati abbażi tal-konsum domestiku bl-imnut attwali tas-servizzi mobbli u l-ħin li l-klijenti tar-roaming tal-applikant jgħaddu fl-Unjoni, barra minn pajjiżhom;

(c) il-volumi projettati ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut wara l-15 ta' Ġunju 2017, fejn volumi ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut jiġu stmati abbażi tal-bidla proporzjonali fil-volumi ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut esperjenzati fil-pjanijiet tariffarji tal-applikant li jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-bażi tal-klijenti li fuqhom l-applikant stabbilixxa l-prezzijiet ta' servizzi regolati ta' roaming bl-imnut fil-livell domestiku għal perjodu ta' mill-inqas 30 jum, skont il-metodoloġija stipulata fl-Anness I.

Jekk tiġi aġġornata l-applikazzjoni mressqa skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, il-volumi ġenerali projettati tas-servizzi tar-roaming regolati għandhom jiġu aġġornati abbażi tax-xejra medja attwali tal-konsum tas-servizzi mobbli domestiċi mmultiplikati bl-għadd osservat ta' klijenti tar-roaming u l-ħin li jkunu għaddew fl-Istati Membri miżjura fit-12-il xahar ta' qabel.

2.  Kwalunkwe dejta dwar l-ispejjeż u d-dħul tal-applikant għandha tkun ibbażata fuq il-kontijiet finanzjarji, li għandhom ikunu disponibbli għall-awtorità regolatorja nazzjonali, u jistgħu jiġu aġġustati skont l-istimi tal-volumi b'konformità mal-paragrafu 1. Meta jiġu projettati l-ispejjeż, id-devjazzjoni miċ-ċifri li joħorġu mill-kontijiet finanzjarji passati għandhom jitqiesu biss jekk ikollhom l-appoġġ ta' evidenza ta' impenji finanzjarji għall-perjodu kopert mill-projezzjonijiet.

3.  L-applikant għandu jipprovdi d-dejta kollha meħtieġa li tintuża għall-kalkolu tal-marġni tas-servizzi mobbli u tal-ispejjeż u d-dħul attwali u projettati ġenerali tal-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming matul il-perjodu rilevanti.

Artikolu 7

Id-determinazzjoni ta' spejjeż speċifiċi għar-roaming għall-forniment ta' servizzi regolati tar-roaming bl-imnut

1.  Sabiex jiġi stabbilit li l-applikant ma jistax jirkupra l-ispejjeż tiegħu, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, għandhom jitqiesu biss dawn l-ispejjeż speċifiċi għar-roaming, jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming:

(a) l-ispejjeż biex jinxtara l-aċċess tar-roaming bl-ingrossa;

(b) l-ispejjeż bl-imnut speċifiċi għar-roaming.

2.  Fir-rigward tal-ispejjeż imġarrba biex jinxtraw is-servizzi regolati tar-roaming bl-ingrossa, għandu jitqies biss l-ammont b'kemm il-ħlasijiet ġenerali tal-applikant lil kumpaniji oħra li jipprovdu servizzi bħal dawn fl-Unjoni jaqbżu s-somom totali ġenerali dovuti lilu għall-forniment tal-istess servizzi lil fornituri oħra tar-roaming fl-Unjoni. Fir-rigward tas-somom dovuti lill-fornitur tar-roaming għall-forniment ta' servizzi regolati tar-roaming bl-ingrossa, il-fornitur tar-roaming għandu jassumi volumi projettati ta' dawn is-servizzi tar-roaming bl-ingrossa li jkunu konsistenti mas-suppożizzjoni li fuqha huma bbażati l-volumi projettati tiegħu fl-Artikolu 6(1).

3.  Fir-rigward tal-ispejjeż bl-imnut speċifiċi għar-roaming, għandhom jitqiesu dawn l-ispejjeż li ġejjin, jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni:

(a) l-ispejjeż tal-operat u l-ġestjoni tal-attivitajiet tar-roaming, inkluż is-sistemi u s-softwer għall-informazzjoni tan-negozju maħsuba apposta għall-operat u l-ġestjoni tar-roaming;

(b) l-ispejjeż għall-ikklirjar tad-dejta u tal-pagamenti, inkluż l-ikklirjar tad-dejta u l-ispejjeż tal-ikklirjar finanzjarju;

(c) l-ispejjeż tan-negozjati u tal-ftehim, inkluż l-ispejjeż ta' tariffi esterni u l-użu ta' riżorsi interni;

(d) l-ispejjeż imġarrba għall-konformità mar-rekwiżiti għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut stabbiliti bl-Artikoli 14 u 15 tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, filwaqt li titqies il-politika tal-użu ġust applikabbli li jadotta l-fornitur tar-roaming.

4.  L-ispejjeż imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut tal-applikant mat-traffiku ġenerali bl-imnut 'il barra u bl-ingrossa 'l ġewwa tas-servizzi tar-roaming tiegħu, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (2), u b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-ammont ġenerali tat-traffiku tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (3).

5.  L-ispejjeż imsemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni, b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (3).

Artikolu 8

L-allokazzjoni ta' spejjeż komuni u konġunti tal-imnut għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut

1.  Minbarra l-ispejjeż determinati skont l-Artikolu 7, fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming jista' jiddaħħal proporzjon tal-ispejjeż konġunti u komuni mġarrba għall-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli b'mod ġenerali. Jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni, għandhom jitqiesu biss dawn l-ispejjeż li ġejjin:

(a) l-ispejjeż tal-fatturazzjoni u l-ġbir, inkluż kull spiża marbuta mal-ipproċessar, il-kalkolu, il-produzzjoni u n-notifika tal-kont attwali tal-klijent;

(b) l-ispejjeż għall-bejgħ u d-distribuzzjoni, inkluż l-ispejjeż għall-operat tal-ħwienet u mezzi oħra tad-distribuzzjoni għall-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli;

(c) l-ispejjeż għall-assistenza tal-klijenti, inkluż l-ispiża għat-tħaddim ta' kull servizz ta' assistenza tal-klijenti disponibbli għall-utent finali;

(d) l-ispejjeż għall-ġestjoni tad-dejn mitluf, inkluż l-ispejjeż imġarrba bit-tħassir tad-dejn li ma jistax jinġabar u għall-ġbir tad-dejn mitluf;

(e) l-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni, inkluż l-ispejjeż kollha għar-reklamar tas-servizzi mobbli.

2.  Jekk jiġu ssostanzjati fl-applikazzjoni, l-ispejjeż imsemmija fil-paragrafu 1 għandhom jitqiesu biss b'mod proporzjonat mal-proporzjon tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku bl-imnut ġenerali tas-servizzi bl-imnut mobbli kollha, miksub bħala medja ponderata ta' dak il-proporzjon għal kull servizz mobbli, b'piżijiet li jirriflettu l-medja tal-prezzijiet rispettivi tar-roaming bl-ingrossa mħallsa mill-applikant b'konformità mal-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (4).

Artikolu 9

Id-determinazzjoni tad-dħul mill-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut

1.  Għall-finijiet biex jiġi stabbilit li l-applikant ma jistax jirkupra l-ispejjeż tiegħu, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tas-sistema tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, għandu jitqies biss dan id-dħul u jiddaħħal fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming:

(a) id-dħul li joħroġ direttament mit-traffiku tas-servizzi bl-imnut mobbli li joriġinaw fi Stat Membru miżjur;

(b) proporzjon tad-dħul ġenerali mill-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli bbażat fuq ħlasijiet perjodiċi fissi.

2.  Id-dħul imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għandu jinkludi:

(a) kwalunkwe ħlas bl-imnut impost skont l-Artikolu 6e tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 għat-traffiku li jaqbeż kull politika tal-użu ġust li japplika l-fornitur tar-roaming;

(b) kwalunkwe dħul minn servizzi regolati tar-roaming alternattivi skont l-Artikolu 6e(3) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

(c) kwalunkwe prezz bl-imnut domestiku fatturat abbażi ta' kull unità jew b'eċċess ta' ħlasijiet perjodiċi fissi għall-forniment tas-servizzi bl-imnut mobbli u kkawżat bl-użu tas-servizzi bl-imnut mobbli fi Stat Membru miżjur.

3.  Sabiex jiġi stabbilit id-dħul imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1, fil-każ tal-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli miġbura f'pakkett ma' servizzi jew terminali oħra, għandu jitqies biss id-dħul marbut mal-bejgħ tas-servizzi bl-imnut mobbli. Dak id-dħul għandu jiġi determinat b'referenza għall-prezzijiet applikati għall-bejgħ b'mod separat ta' kull komponent tal-pakkett, jekk ikunu disponibbli, jew għall-bejgħ ta' dawn is-servizzi bl-istess karatteristiċi fuq bażi awtonoma.

4.  Sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon tad-dħul ġenerali mill-bejgħ ta' servizzi bl-imnut mobbli marbuta mal-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, għandha tiġi applikata l-metodoloġija stabbilita fl-Anness II, il-punti (1) u (5).

Artikolu 10

Il-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari għar-roaming li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom

1.  Meta jkunu qed jivvalutaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jippreżenta fornitur tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, l-awtorità regolatorja nazzjonali tista' tikkonkludi li l-applikant ma jistax ikopri l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut, bil-konsegwenza li tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tiegħu, biss meta l-marġni nett negattiv tar-roaming bl-imnut tal-applikant ikun ekwivalenti għal 3 % tal-marġni tas-servizzi mobbli jew iżjed.

Il-marġni nett tar-roaming bl-imnut għandu jkun l-ammont li jifdal meta l-ispejjeż għall-forniment tas-servizzi regolati tar-roaming bl-imnut jitnaqqsu mid-dħul mill-forniment ta' dawn is-servizzi, kif stabbilit b'konformità ma' dan ir-Regolament. Biex tistabbilixxi dan, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tagħmel rieżami tad-dejta mogħtija fl-applikazzjoni biex tiżgura l-konformità mal-metodoloġija għad-determinazzjoni tad-dħul u tal-ispejjeż, kif stabbilit fl-Artikoli 7, 8 u 9.

2.  Meta l-valur assolut tal-marġni nett tar-roaming bl-imnut tal-applikant ikun ekwivalenti għal 3 % tal-marġni tas-servizzi mobbli jew iżjed, l-awtorità regolatorja nazzjonali xorta għandha tirrifjuta l-ħlas supplimentari meta tkun tista' tistabbilixxi li aktarx, minħabba ċ-ċirkustanzi speċifiċi, se tiddgħajjef is-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi. Dawn iċ-ċirkustanzi jinkludu sitwazzjonijiet meta:

(a) l-applikant huwa parti minn grupp u jkun hemm evidenza ta' trasferiment intern tal-prezzijiet favur il-kumpaniji sussidjarji l-oħra tal-grupp fl-Unjoni, b'mod partikolari fid-dawl ta' żbilanċ sostanzjali fil-ħlasijiet tar-roaming bl-ingrossa applikati fi ħdan il-grupp;

(b) il-grad tal-kompetizzjoni fis-swieq domestiċi juri li hemm kapaċità biex jiġu assorbiti l-marġnijiet imnaqqsa;

(c) l-applikazzjoni ta' politika tal-użu ġust aktar restrittiva, mill-ġdid b'konformità mal-Artikoli 3 u 4, tnaqqas il-marġni nett tar-roaming bl-imnut għal proporzjon inqas minn 3 %.

3.  Fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali fejn operatur ikollu marġni negattiv tas-servizzi mobbli u marġini nett negattiv tar-roaming bl-imnut, l-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tawtorizza l-applikazzjoni ta' ħlas supplimentari fuq is-servizzi regolati tar-roaming.

4.  Meta tawtorizza l-ħlas supplimentari għas-servizzi regolati tar-roaming, id-deċiżjoni finali tal-awtorità regolatorja nazzjonali għandha tidentifika l-ammont tal-marġni negattiv determinat tar-roaming bl-imnut li jista' jiġi rkuprat bl-applikazzjoni ta' ħlas supplimentari bl-imnut fuq is-servizzi tar-roaming mogħtija fl-Unjoni. Il-ħlas supplimentari għandu jkun konsistenti mas-suppożizzjonijiet tat-traffiku tar-roaming li fuqhom tissejjes il-valutazzjoni tal-applikazzjoni u jiġi stabbilit b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ).



TAQSIMA IV

ID-DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 11

Il-monitoraġġ tal-politika tal-użu ġust u l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari li jippreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom

Biex isir monitoraġġ tal-applikazzjoni konsistenti tal-Artikoli 6b u 6c tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u ta' dan ir-Regolament, u bil-għan li l-Kummissjoni tkun infurmata kull sena bl-applikazzjonijiet skont l-Artikolu 6d(5) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012, b'mod regolari l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali għandhom jiġbru l-informazzjoni dwar:

(a) kwalunkwe azzjoni li jieħdu biex jissorveljaw l-applikazzjoni tal-Artikolu 6b tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 u r-regoli dettaljati stabbiliti f'dan ir-Regolament;

(b) l-għadd ta' applikazzjonijiet biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li jiġu ppreżentati, awtorizzati u mġedda matul is-sena skont l-Artikolu 6c(2) u (4) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012;

(c) kemm huma l-marġnijiet netti negattivi tar-roaming bl-imnut rikonoxxuti fid-deċiżjonijiet tagħhom biex jawtorizzaw ħlas supplimentari għar-roaming u l-arranġamenti li jikkonċernaw ħlas supplimentari li ġie ddikjarat fl-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni biex jiġi applikat ħlas supplimentari tar-roaming li ppreżentaw il-fornituri tar-roaming skont l-Artikolu 6c(2) tar-Regolament (UE) Nru 531/2012 biex tkun żgurata s-sostenibbiltà tal-mudell tal-ħlasijiet domestiċi tagħhom.

Artikolu 12

Ir-rieżami

Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li twettaq rieżami aktar kmieni fid-dawl ta' esperjenza ta' implimentazzjoni inizjali u ta' kwalunkwe tibdil sinifikanti fil-fatturi msemmija fl-Artikolu 6d(2) tar-Regolament Nru 531/2012, il-Kummissjoni għandha tagħmel rieżami ta' dan l-att ta' implimentazzjoni sa mhux aktar tard minn Ġunju 2019, wara li tikkonsulta lill-BEREC.

Artikolu 13

Id-dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Bidla proporzjonali fil-volumi attwali tas-servizzi regolati tar-roaming skont “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek” meta mqabblin mal-istess perjodu fis-sena ta' qabel:

image

Fejn:

k = servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta);

n hija l-għadd ta' jiem tal-applikazzjoni ta' “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek” (n≥ 30); u

t hija s-sena tal-ewwel applikazzjoni ta' “uża r-roaming qisek qiegħed f'pajjiżek”.

Dan il-persentaġġ għandu jintuża biex tiġi stmata l-bidla fil-volumi matul il-perjodu projettat ta' 12-il xahar billi jiġi mmultiplikat bil-volumi tas-sena ta' qabel.




ANNESS II

(1) Il-piżijiet wi tas-servizzi bl-imnut mobbli:

image

Fejn:

k = servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta);

il-“prezz medju tar-roaming bl-ingrossa li jħallas l-operatur” tirreferi għall-prezz medju ta' kull unità għat-traffiku żbilanċjat imħallas mill-operatur għal kull servizz, fejn l-unità għal kull servizz hija ċenteżmi tal-euro kull (i) minuta, għal servizz bil-vuċi, (ii) SMS, għal SMS u (iii) MB, għal servizz tad-dejta).

(2) Il-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant mat-traffiku ġenerali bl-imnut 'il barra u bl-ingrossa 'l ġewwa tas-servizzi tar-roaming tiegħu:

image

Fejn:

k

=

servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta)

(3) Il-proporzjon tal-volum tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tiegħu fl-Unjoni u 'l barra mill-Unjoni:

image

Fejn:

k

=

servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta).

(4) Il-proporzjon tat-traffiku ġenerali tas-servizzi tar-roaming bl-imnut tal-applikant fl-Unjoni mat-traffiku bl-imnut ġenerali tas-servizzi bl-imnut mobbli kollha:

image

fejn

k

=

servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta)

(5) Id-dħul bl-imnut tar-roaming fl-UE:

image

Fejn:

k

=

servizz (1 = bil-vuċi, 2 = SMS, 3 = tad-dejta).



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjoni bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1).

( 2 ) Id-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-netwerks ta' komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Kwadru) (ĠU L 108, 24.4.2002, p. 33)