02016L2341 — MT — 09.01.2024 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA (UE) 2016/2341 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs)

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 354 23.12.2016, p. 37)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2023/2864 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-13 ta’ Diċembru 2023

  L 

1

20.12.2023




▼B

DIRETTIVA (UE) 2016/2341 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-14 ta' Diċembru 2016

dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs)

(riformulazzjoni)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



TITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tippreskrivi r-regoli għall-bidu u t-tkomplija ta' attivitajiet imwettqa minn istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs).

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  
Din id-Direttiva għandha tapplika għall-IORPs. Fejn, bi qbil mal-liġi nazzjonali, l-IORPs ma jkollhomx personalità ġuridika, l-Istati Membri għandhom japplikaw din id-Direttiva jew għal dawk l-IORPs jew, soġġetti għall-paragrafu 2, għal dawk l-entitajiet awtorizzati responsabbli biex joperawhom u li jaġixxu għan-nom tagħhom.
2.  

Din id-Direttiva m'għandhiex tapplika għal:

(a) 

istituzzjonijiet li joperaw skemi ta' sigurtà soċjali li huma koperti bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 ( 1 ) u (KE) Nru 987/2009 ( 2 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(b) 

istituzzjonijiet li huma koperti bid-Direttivi 2009/65/KE ( 3 ), 2009/138/KE, 2011/61/UE ( 4 ), 2013/36/UE ( 5 ) u 2014/65/UE ( 6 ) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

(c) 

istituzzjonijiet li joperaw fuq il-bażi ta' pay-as-you-go;

(d) 

istituzzjonijiet fejn impjegati tal-impriżi sponsor ma jkollhom ebda drittijiet legali għall-benefiċċji u fejn l-impriża sponsor tista' tifdi l-assi f'kull żmien u mhux neċessarjament tħares l-obbligi tagħha għall-ħlas ta' benefiċċji tal-irtirar;

(e) 

kumpaniji li jużaw skemi ta' riżerva tal-kotba bil-ħsieb li jħallsu benefiċċji ta' rtirar lill-impjegati tagħhom.

Artikolu 3

Applikazzjoni għal IORPs li joperaw skemi ta' sigurtà soċjali

L-IORPs li joperaw ukoll skemi ta' pensjoni obbligatorji relatati mal-impjieg li huma kkunsidrati skemi tas-sigurtà soċjali koperti bir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u (KE) Nru 987/2009 għandhom ikunu koperti b'din id-Direttiva fir-rigward tan-negozju tagħhom ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali mhux obbigatorju. F'dak il-każ, l-obbligazzjonijiet u l-assi korrispondenti għandhom ikunu ring-fenced u m'għandux ikun possibbli li jiġu trasferiti għall-iskemi obbligatorji ta' pensjoni li huma kkunsidrati skemi tas-sigurtà soċjali jew bil-maqlub.

Artikolu 4

Applikazzjoni mhux obbligatorja għal istituzzjonijiet koperti bid-Direttiva 2009/138/KE

L-Istati Membri ta' domiċilju jistgħu jagħżlu li japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 9 sa 14, l-Artikoli 19 sa 22, l-Artikolu 23(1) u (2), u l-Artikoli 24 sa 58 ta' din id-Direttiva għan-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali ta' impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja skont il-punti (a)(i) sa (iii) u l-punti (b)(ii) sa (iv) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE. F'dak il-każ, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha korrispondenti man-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali għandhom ikunu ring-fenced, immaniġġjati u organizzati separatament mill-attivitajiet l-oħra tal-impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja, mingħajr xi possibbiltà ta' trasferiment.

Fil-każ imsemmi fl-ewwel paragrafu ta' dan l-Artikolu, u biss sa fejn huwa kkonċernat in-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali, l-impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja m'għandhomx ikunu soġġetti għall-Artikoli 76 sa 86, l-Artikolu 132, l-Artikolu 134(2), l-Artikolu 173, l-Artikolu 185(5), l-Artikolu 185(7) u (8) u l-Artikolu 209 tad-Direttiva 2009/138/KE.

L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jiżgura li jew l-awtoritajiet kompetenti jew l-awtoritajiet responsabbli għas-superviżjoni tal-impriżi ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja koperti bid-Direttiva 2009/138/KE, bħala parti mix-xogħol tagħhom ta' superviżjoni, jivverifikaw is-separazzjoni stretta tan-negozju rilevanti ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali.

Artikolu 5

IORPs żgħar u skemi statutorji

Bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 32 sa 35, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li ma japplikawx din id-Direttiva, kollha kemm hi jew parti minnha, għal kwalunkwe IORP reġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorju tagħhom li topera skemi ta' pensjoni li flimkien għandhom total ta' anqas minn 100 membru. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 2(2), tali IORPs madankollu għandhom jingħataw id-dritt li japplikaw din id-Direttiva fuq bażi volontarja. L-Artikolu 11 jista' jiġi applikat biss jekk id-dispożizzjonijiet l-oħra kollha ta' din id-Direttiva japplikaw. L-Istati Membri għandhom japplikaw l-Artikolu 19(1) u l-Artikolu 21(1) u (2) għal kwalunkwe IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom li topera skemi ta' pensjoni li flimkien għandhom total ta' aktar minn 15-il membru.

L-Istati Membri jistgħu jagħżlu li japplikaw kwalunkwe wieħed mill-Artikoli 1 sa 8, l-Artikolu 19 u l-Artikoli 32 sa 35 għal istituzzjonijiet fejn il-provvista ta' rtirar okkupazzjonali ssir taħt statut, bis-saħħa tal-liġi nazzjonali, u hija garantita minn awtorità pubblika.

Artikolu 6

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(1) 

“istituzzjoni għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali”, jew “IORP”, tfisser istituzzjoni, irrispettivament mill-forma legali tagħha, li topera fuq bażi ffinanzjata, stabbilita separatament minn kull impriża sponsor jew negozju bil-għan li tipprovdi benefiċċji tal-irtirar fil-kuntest ta' attività okkupazzjonali fuq il-bażi ta' ftehim jew kuntratt miftiehem:

(a) 

individwalment jew kollettivament bejn l-impjegatur(i) u l-impjegat(i) jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom, jew

(b) 

ma' persuni li jaħdmu għal rashom, individwalment jew kollettivament, b'konformità mal-liġi tal-Istati Membri ta' domiċilju u l-Istati Membri ospitanti,

u li twettaq attivitajiet li jirriżultaw direttament minnhom;

(2) 

“skema ta' pensjoni” tfisser kuntratt, ftehim, kuntratt ta' fiduċja jew regoli li jistipulaw liema benefiċċji tal-irtirar jingħataw u taħt liema kondizzjonijiet;

(3) 

“impriża sponsor” tfisser kull impriża jew korp ieħor, irrispettivament minn jekk tinkludix jew tikkonsistix minn persuna waħda jew aktar fiżika jew ġuridika, li taġixxi bħala impjegatur jew f'kapaċità ta' persuna li taħdem għal rasha jew kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn u li toffri skema ta' pensjoni jew tħallas kontribuzzjoni lil IORP;

(4) 

“benefiċċji tal-irtirar” tfisser benefiċċji mħallsa b'referenza mal-ilħuq ta', jew l-istennija li jintlaħaq, l-irtirar jew, fejn huma supplimentari għal dawk il-benefiċċji u pprovduti fuq bażi anċillari, fil-forma ta' ħlasijiet mal-mewt, diżabbiltà, jew waqfien mill-impjieg jew fil-forma ta' pagamenti għall-manteniment jew servizzi fil-każ ta' mard, indiġenza jew mewt. Sabiex tiġi ffaċilitata is-sigurtà finanzjarja fl-irtirar, dawk il-benefiċċji jistgħu jieħdu l-forma ta' ħlasijiet għal matul il-ħajja, ħlasijiet magħmula għal perjodu temporanju, somma f'daqqa, jew kwalunkwe kombinazzjoni tagħhom;

(5) 

“membru” tfisser persuna, għajr benefiċjarju jew membru prospettiv, li l-attivitajiet okkupazzjonali passati jew attwali tagħha jintitolawha jew se jintitolawha għall-benefiċċji tal-irtirar skont id-dispożizzjonijiet ta' skema ta' pensjoni;

(6) 

“benefiċjarju” tfisser persuna li tirċievi benefiċċji tal-irtirar;

(7) 

“membru prospettiv” tfisser persuna li hija eliġibbli li tissieħeb fi skema ta' pensjoni;

(8) 

“awtorità kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali nnominata biex twettaq id-dmirijiet, hekk kif tipprevedi din id-Direttiva;

(9) 

“riskji bijometriċi” tfisser riskji marbuta ma' mewt, diżabbiltà u lonġevità;

(10) 

“Stat Membru ta' domiċilju” tfisser l-Istat Membru li fih l-IORP ġiet irreġistrata jew awtorizzata u li fih hija stabbilita l-amministrazzjoni ewlenija tagħha skont l-Artikolu 9;

(11) 

“Stat Membru ospitanti” tfisser l-Istat Membru li l-liġi tiegħu soċjali jew tax-xogħol rilevanti għall-qasam ta' skemi ta' pensjoni okkupazzjonali hija applikabbli għar-relazzjoni bejn l-impriża sponsor u l-membri jew il-benefiċjarji;

(12) 

“IORP trasferenti” tfisser IORP li tittrasferixxi l-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħra, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom, ta' skema ta' pensjoni, kollha kemm huma jew parti minnhom, lil IORP irreġistrata jew awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(13) 

“IORP riċeventi” tfisser IORP li tirċievi l-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħra, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom, ta' skema ta' pensjoni, kollha kemm huma jew parti minnhom, minn IORP reġistrata jew awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(14) 

“suq regolat” tfisser suq regolat kif definit fil-punt (21) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(15) 

“faċilità multilaterali tan-negozjar” jew “MTF” tfisser faċilità multilaterali tan-negozjar jew MTF kif definita fil-punt (22) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(16) 

“faċilità organizzata tan-negozjar” jew “OTF” tfisser faċilità organizzata tan-negozjar jew OTF kif definita fil-punt (23) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(17) 

“mezz li jservi fit-tul” tfisser strument li jippermetti lil membri jew lil benefiċjarji jaħżnu informazzjoni indirizzata personalment lil dawk il-membri jew il-benefiċjarji, b'tali mod li din tkun aċċessibbli għal perjodu ta' żmien adegwat u biex issir referenza għaliha fil-futur għall-finijiet ta' informazzjoni, u li jkun jippermetti li ssir riproduzzjoni mingħajr tibdil tal-informazzjoni maħżuna;

(18) 

“funzjoni ewlenija”, f'sistema ta' governanza, tfisser kapaċità li jitwettqu kompiti prattiċi li jinkludu l-funzjoni tal-immaniġġjar tar-riskji, il-funzjoni tal-awditu intern, u l-funzjoni attwarja.

(19) 

“attività transfruntiera” tfisser it-tħaddim ta' skema ta' pensjoni fejn ir-relazzjoni bejn l-impriża sponsor u l-membri u l-benefiċjarji kkonċernati tkun irregolata mil-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali ta' Stat Membru għajr l-Istat Membru ta' domiċilju.

Artikolu 7

Attivitajiet ta' IORP

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs irreġistrati jew awtorizzati li jinsabu fit-territorji tagħhom jillimitaw l-attivitajiet ta' operazzjonijiet relatati ma' benefiċċju tal-irtirar u attivitajiet li joħorġu minnhom.

Fejn, skont l-Artikolu 4, impriża ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja timmaniġġja n-negozju tagħha ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali permezz tar-ring-fencing tal-assi u l-obbligazzjonijiet, l-assi u l-obbligazzjonijiet ring-fenced għandhom jiġu ristretti għal operazzjonijiet relatati ma' benefiċċji tal-irtirar u attivitajiet li joħorġu direttament minnhom.

Bħala prinċipju ġenerali, l-IORPs għandhom, fejn ikun rilevanti, iqisu l-għan li jkollhom firxa ekwitabbli ta' riskji u benefiċċji bejn il-ġenerazzjonijiet fl-attivitajiet tagħhom.

Artikolu 8

Separazzjoni legali bejn impriżi sponsor u IORPs

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm separazzjoni legali bejn impriża sponsor u IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom sabiex l-assi tal-IORP jiġu salvagwardjati fl-interessi tal-membri u l-benefiċjarji fil-każ ta' falliment tal-impriża sponsor.

Artikolu 9

Reġistrazzjoni jew awtorizzazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' kull IORP li l-amministrazzjoni ewlenija tagħha tinsab fit-territorji tagħhom, jiżguraw li l-IORP tkun irreġistrata f'reġistru nazzjonali, jew awtorizzata, mill-awtorità kompetenti.

Il-post fejn tinsab l-amministrazzjoni ewlenija jirreferi għall-post fejn jittieħdu d-deċiżjonijiet strateġiċi ewlenin ta' IORP.

2.  
Fil-każ tal-attivitajiet transfruntieri mwettqa skont l-Artikolu 11, ir-reġistru għandu jindika wkoll l-Istati Membri li fihom l-IORP tkun topera.
3.  
L-informazzjoni mir-reġistru għandha tiġi kkomunikata lill-EIOPA li għandha tippubblikaha fuq il-websajt tagħha.

Artikolu 10

Rekwiżiti operattivi

1.  

Kull Stat Membru għandu, fir-rigward ta' kull IORP reġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom, jiżgura li:

(a) 

l-IORP implimentat regoli kkostitwiti b'mod xieraq fir-rigward tal-operat ta' kwalunkwe skema ta' pensjoni;

(b) 

fejn l-impriża sponsor tiggarantixxi l-ħlas tal-benefiċċji tal-irtirar, tkun impenjat ruħha favur iffinanzjar regolari.

2.  
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u waqt li jittieħed kont debitu tal-iskala tal-benefiċċji tal-pensjoni offruti mir-reġimi tas-sigurtà soċjali, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li benefiċċji addizzjonali bħall-għażla tal-kopertura tal-lonġevità u tad-diżabbiltà, il-provvediment għad-dipendenti superstiti u l-garanzija ta' ħlas lura ta' kontribuzzjonijiet jiġu offruti lill-membri bil-ftehim tal-impjegaturi u l-impjegati jew ir-rappreżentanti rispettivi tagħhom.

Artikolu 11

Attivitajiet u proċeduri transfruntieri

1.  
Mingħajr preġudizzju għal-liġi soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni ta' skemi ta' pensjoni, inklużi sħubija obbligatorja u r-riżultati ta' ftehimiet ta' negozjar kollettiv, l-Istati Membri għandhom jippermettu lil IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom twettaq attività transfruntiera. L-Istati Membri għandhom ukoll jippermettu lil impriżi li jinsabu fit-territorji tagħhom jisponsorjaw IORPs li jipproponu li jwettqu, jew li jwettqu attività transfruntiera.
2.  
IORP li tipproponi li twettaq attività transfruntiera u li taċċetta sponsorship minn impriża sponsor għandha tkun soġġetta għall-awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti rilevanti tal-Istat Membru ta' domiċilju tagħha.
3.  

IORP għandha tinnotifika l-intenzjoni tagħha li twettaq attività transfruntiera lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju. L-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-IORPs jipprovdu l-informazzjoni li ġejja meta jissottomettu n-notifika:

(a) 

l-isem tal-Istat(i) Membru/Membri ospitanti, li għandu/għandhom, meta jkun applikabbli, jiġi/jiġu identifikat(i) mill-impriża sponsor;

(b) 

l-isem u l-post tal-amministrazzjoni ewlenija tal-impriża sponsor;

(c) 

il-karatteristiċi prinċipali tal-iskema ta' pensjoni li għandha tiġi operata għall-impriża sponsor.

4.  
Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċiliju tiġi nnotifikata skont il-paragrafu 3, u sakemm ma tkunx ħarġet deċiżjoni motivata li l-istruttura amministrattiva jew is-sitwazzjoni finanzjarja tal-IORP jew ir-reputazzjoni tajba jew il-kwalifiki professjonali jew l-esperjenza tal-persuni li jmexxu l-IORP mhumiex kompatibbli mal-attività transfruntiera proposta, dik l-awtorità kompetenti għandha, fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3, tikkomunika dik l-informazzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti u tinforma lill-IORP kif xieraq.

Id-deċiżjoni motivata msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinħareġ fi żmien tliet xhur minn meta tasal l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 3.

5.  
Fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju ma tikkomunikax l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, għandha tagħti r-raġunijiet għal dan lill-IORP kkonċernata fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi dik l-informazzjoni kollha. Dik in-nonkomunikazzjoni tal-informazzjoni għandha tkun soġġetta għal dritt ta' appell lill-qrati fl-Istat Membru ta' domiċilju.
6.  
L-IORPs li jwettqu attività transfruntiera għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' informazzjoni msemmija fit-Titolu IV imposti mill-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-membri prospettivi, il-membri u l-benefiċjarji li dik l-attività transfruntiera tikkonċernahom.
7.  
Qabel ma l-IORP tibda twettaq attività transfruntiera, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha, fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3, tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, bir-rekwiżiti tal-liġi soċjali u dik tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali li taħthom l-iskema ta' pensjoni sponsorjata mill-impriża fl-Istat Membru ospitanti trid tkun operata u bir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membru ospitanti msemmija fit-Titolu IV li għandhom japplikaw għall-attività transfruntiera. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-IORP.
8.  
Malli tirċievi l-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 7, jew jekk ma tirċievi ebda komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju malli jiskadi l-perjodu previst fil-paragrafu 7, l-IORP tista' tibda twettaq attività transfruntiera skont ir-rekwiżiti tal-Istat Membru ospitanti tal-liġi soċjali u dik tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali u skont ir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membru ospitanti kif imsemmija fil-paragrafu 7.
9.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju b'kull bidla sinifikanti fir-rekwiżiti tal-liġi soċjali u tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti fil-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali li tista' taffettwa l-karatteristiċi tal-iskema ta' pensjoni sakemm tikkonċerna l-attività transfruntiera, u b'kull bidla sinifikanti fir-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membru ospitanti kif imsemmija fil-paragrafu 7. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tikkomunika dik l-informazzjoni lill-IORP.
10.  
L-IORP għandha tkun soġġetta għal superviżjoni kontinwa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti fir-rigward tal-konformità tal-attivitajiet tagħha mar-rekwiżiti tal-liġi soċjali u tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali u mar-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membri ospitanti kif imsemmija fil-paragrafu 7. Jekk din is-superviżjoni tikxef xi irregolaritajiet, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju immedjatament. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha, b'koordinazzjoni mal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li l-IORP twaqqaf il-ksur mikxuf.
11.  
Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, jew minħabba li miżuri xierqa jkunu nieqsa fl-Istat Membru ta' domiċilju, l-IORP tippersisti fil-ksur tad-dispożizzjonijiet applikabbli tar-rekwiżiti tal-Istat Membru ospitanti tal-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali, jew tar-rekwiżiti ta' informazzjoni tal-Istat Membru ospitanti kif imsemmija fil-paragrafu 7, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tista', wara li tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, tieħu miżuri xierqa biex tipprevjeni jew tippenalizza aktar irregolaritajiet, inkluż, sal-limitu li huwa strettament meħtieġ, biex tipprevjeni lill-IORP milli topera fl-Istat Membru ospitanti għall-impriża sponsor.

Artikolu 12

Trasferimenti transfruntieri

1.  
L-Istati Membri għandhom jippermettu IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorji tagħhom biex jittrasferixxu obbligazzjonijiet, provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħra, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom ta' skema ta' pensjoni, kollha kemm huma jew parti minnhom, lill-IORP riċeventi.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ispejjeż tat-trasferiment ma jiġux imġarrba mill-bqija tal-membri u l-benefiċjarji tal-IORP trasferenti jew mill-membri u l-benefiċjarji titulari tal-IORP riċeventi.
3.  

It-trasferiment għandu jkun soġġett għal approvazzjoni minn qabel minn:

(a) 

maġġoranza tal-membri u maġġoranza tal-benefiċjarji kkonċernati jew, fejn applikabbli, minn maġġoranza tar-rappreżentanti tagħhom. Il-maġġoranza għandha tiġi definita skont il-liġi nazzjonali. L-IORP trasferenti għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri u tal-benefiċjarji kkonċernati u, fejn applikabbli, tar-rappreżentanti tagħhom, l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tat-trasferiment b'mod f'waqtu qabel ma tiġi ppreżentata l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4; u

(b) 

l-impriża sponsor, fejn applikabbli.

4.  
It-trasferiment tal-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħrajn kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom, kollha kemm huma jew ta' parti minnhom, ta' skema ta' pensjoni, bejn l-IORPs trasferenti u dawk riċeventi għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi wara li jinkiseb il-kunsens minn qabel tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti. L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-trasferiment għandha tiġi ppreżentata mill-IORP riċeventi. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tagħti jew tirrifjuta l-awtorizzazzjoni u tikkomunika d-deċiżjoni tagħha lill-IORP riċeventi fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni.
5.  

L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tat-trasferiment imsemmija fil-paragrafu 4 għandha tinkludi l-informazzjoni segwenti:

(a) 

il-ftehim bil-miktub bejn l-IORPs trasferenti u dawk riċeventi, li jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tat-trasferiment;

(b) 

deskrizzjoni tal-karatteristiċi ewlenin tal-iskema ta' pensjoni;

(c) 

deskrizzjoni tal-obbligazzjonijiet jew il-provvedimenti tekniċi li jiġu ttrasferiti u obbligi u drittijiet oħrajn, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom;

(d) 

l-ismijiet u l-postijiet tal-amministrazzjonijiet prinċipali tal-IORPs trasferenti u dawk riċeventi u l-Istati Membri fejn kull IORP hija rreġistrata jew awtorizzata;

(e) 

il-post tal-amministrazzjoni ewlenija tal-impriża sponsor u l-isem tal-impriża sponsor;

(f) 

evidenza ta' approvazzjoni minn qabel f'konformità mal-paragrafu 3;

(g) 

fejn applikabbli, l-ismijiet tal-Istati Membri fejn il-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali hija applikabbli għall-iskema ta' pensjoni kkonċernata.

6.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tibgħat l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 4 lill-awtorità kompetenti tal-IORP trasferenti, mingħajr dewmien wara li tirċeviha.
7.  

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tivvaluta biss jekk:

(a) 

l-informazzjoni kollha msemmija fil-paragrafu 5 tkun ġiet ipprovduta mill-IORP riċeventi;

(b) 

l-istruttura amministrattiva, is-sitwazzjoni finanzjarja tal-IORP riċeventi u r-reputazzjoni tajba jew il-kwalifiki professjonali jew l-esperjenza tal-persuni li jkunu qegħdin imexxu l-IORP riċeventi jkunu kompatibbli mat-trasferiment propost;

(c) 

l-interessi fit-tul tal-membri u l-benefiċjarji tal-IORP riċeventi u l-parti ttrasferita mill-iskema jkunu protetti b'mod adegwat matul u wara t-trasferiment;

(d) 

il-provvedimenti tekniċi tal-IORP riċeventi jkunu ffinanzjati bis-sħiħ fid-data tat-trasferiment, fejn it-trasferiment jirriżulta f'attività transfruntiera; u

(e) 

l-assi li jiġu ttrasferiti jkunu suffiċjenti u xierqa biex ikopru l-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi u obbligi u drittijiet oħra li jiġu ttrasferiti, skont ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi.

8.  

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti għandha tivvaluta biss jekk:

(a) 

fil-każ ta' trasferiment parzjali tal-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi, u obbligi u drittijiet oħra, kif ukoll assi korrispondenti jew l-ekwivalenti fi flus kontanti tagħhom, tal-iskema ta' pensjoni, l-interessi fit-tul tal-membri u tal-benefiċjarji tal-parti li jibqa' tal-iskema jkunu protetti b'mod adegwat;

(b) 

l-intitolamenti individwali tal-membri u tal-benefiċjarji jkunu għall-inqas l-istess wara t-trasferiment;

(c) 

l-assi korrispondenti għall-iskema ta' pensjoni li għandha tiġi ttrasferita jkunu suffiċjenti u xierqa biex ikopru l-obbligazzjonijiet, il-provvedimenti tekniċi u obbligi u drittijiet oħra li jiġu ttrasferiti, skont ir-regoli applikabbli fl-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti.

9.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti fi żmien tmien ġimgħat minn meta taslilha l-applikazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 għandha tikkomunika r-riżultati tal-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 8 sabiex tippermetti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi tieħu deċiżjoni skont il-paragrafu 4.
10.  
Fejn l-awtorizzazzjoni tinċaħad, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tagħti r-raġunijiet għal tali rifjut fil-perijodu ta' tliet xhur imsemmi fil-paragrafu 4. Dik iċ-ċaħda, jew nuqqas ta' azzjoni min-naħa tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tkun soġġetta għal dritt ta' appell fil-qrati tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi.
11.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti dwar id-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 4, fi żmien ġimagħtejn minn meta tkun ħadet dik id-deċiżjoni.

Fejn it-trasferiment jirriżulta f'attività transfruntiera, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti għandha tinforma wkoll lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi dwar ir-rekwiżiti tal-liġi soċjali u tax-xogħol rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali tal-Istat Membru ospitanti, li taħthom trid tiġi operata l-iskema ta' pensjoni u tar-rekwiżiti ta' informazzjoni msemmija fit-Titolu IV li għandhom japplikaw għall-attività transfruntiera. Dan għandu jiġi kkomunikat fi żmien erba' ġimgħat ulterjuri.

L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi għandha tikkomunika din l-informazzjoni lill-IORP riċeventi fi żmien ġimgħa minn meta tirċeviha.

12.  
Hekk kif tirċievi deċiżjoni li tingħata awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, jew jekk ma taslilha l-ebda informazzjoni dwar id-deċiżjoni mingħand l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP riċeventi sal-iskadenza tal-perjodu msemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 11, l-IORP riċeventi tista' tibda topera l-iskema ta' pensjoni.
13.  
F'każ ta' nuqqas ta' qbil dwar il-proċedura jew il-kontenut ta' azzjoni jew nuqqas ta' azzjoni tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP trasferenti jew l-IORP riċeventi, inkluża deċiżjoni ta' awtorizzazzjoni jew ċaħda ta' trasferiment transfruntier, l-EIOPA tista' twettaq medjazzjoni mhux vinkolanti skont il-punt (c) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010, fuq talba ta' kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti jew fuq inizjattiva tagħha stess.
14.  
F'każ li l-IORP riċeventi twettaq attività transfruntiera, għandu japplika l-Artikolu 11(9), (10) u (11).

TITOLU II

REKWIŻITI KWANTITATTIVI

Artikolu 13

Provvedimenti tekniċi

1.  
L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jiżgura li l-IORPs li joperaw skemi ta' pensjonijiet okkupazzjonali jistabbilixxu f'kull żmien fir-rigward tal-firxa totali tal-iskemi tagħhom ta' pensjoni ammont adegwat ta' obbligazzjonijiet li jikkorrispondu mal-impenji finanzjarji li joħorġu mill-portafoll tagħhom ta' kuntratti eżistenti ta' pensjoni.
2.  
L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jiżgura li l-IORPs li joperaw skemi ta' pensjoni okkupazzjonali, fejn jipprovdu kopertura kontra riskji bijometriċi jew jiggarantixxu jew it-twettiq ta' investiment jew livell partikolari ta' benefiċċji, jistabbilixxu provvedimenti tekniċi suffiċjenti fir-rigward tal-firxa totali ta' tali skemi.
3.  
Il-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi għandu jseħħ kull sena. Madankollu, l-Istat Membru ta' domiċilju jista' jippermetti kalkolu darba kull tliet snin jekk l-IORP tipprovdi lill-membri jew lill-awtoritajiet kompetenti b'ċertifikazzjoni jew rapport ta' aġġustamenti għas-snin ta' bejniethom. Iċ-ċertifikazzjoni jew ir-rapport għandhom jirriflettu l-iżvilupp aġġustat tal-provvedimenti tekniċi u l-bidliet fir-riskji koperti.
4.  

Il-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi għandu jiġi eżegwit u ċċertifikat minn attwarju jew minn speċjalista ieħor f'dak il-qasam, inkluż awditur, fejn dan huwa permess mil-liġi nazzjonali, fuq il-bażi ta' metodi attwarji rikonoxxuti mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju, skont il-prinċipji li ġejjin:

(a) 

l-ammont minimu ta' provvedimenti tekniċi għandu jkun ikkalkolat permezz ta' valwazzjoni attwarja suffiċjentement prudenti, li tikkunsidra l-impenji kollha għall-benefiċċji u għall-kontribuzzjonijiet skont l-arranġamenti ta' pensjoni tal-IORP. Għandu jkun suffiċjenti għall-pensjonijiet u l-benefiċċji li diġà jkunu qed jitħallsu lill-benefiċjarji kemm li jkomplu jitħallsu, kif ukoll li jirriflettu l-impenji li joħorġu mid-drittijiet ta' pensjoni dovuti tal-membri. Is-suppożizzjonijiet ekonomiċi u attwarji magħżula għall-valwazzjoni tal-obbligazzjonijiet għandhom ukoll ikunu magħżula b'mod prudenti waqt li jiġi kkunsidrat, fejn japplika, marġini addattat ta' devjazzjoni sfavorevoli;

(b) 

ir-rati massimi ta' mgħax użati għandhom ikunu magħżula b'mod prudenti u stabbiliti skont kwalunkwe regola rilevanti tal-Istat Membru ta' domiċilju. Dawk ir-rati prudenti ta' mgħax għandhom ikunu stabbiliti billi jiġu kkunsidrati:

(i) 

ir-rendiment mill-assi korrispondenti miżmuma mill-IORP u r-redditu previst minn investimenti futuri;

(ii) 

ir-rendiment mis-suq ta' bonds ta' kwalità għolja, bonds tal-gvern, bonds tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, bonds tal-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew bonds tal-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja, jew;

(iii) 

taħlita tal-punti (i) u (ii);

(c) 

it-tabelli bijometriċi użati għall-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi għandhom ikunu bbażati fuq prinċipji prudenti, wara li jiġu kkunsidrati l-karatteristiċi prinċipali tal-grupp tal-membri u tal-iskemi tal-pensjoni, b'mod partikolari l-bidliet mistennija fir-riskji rilevanti;

(d) 

il-metodu u l-bażi tal-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi għandhom b'mod ġenerali jibqgħu kostanti minn sena finanzjarja għall-oħra. Iżda, diskontinwitajiet jistgħu jkunu ġġustifikati permezz ta' bidla taċ-ċirkostanzi legali, demografiċi jew ekonomiċi li jsostnu dawk is-suppożizzjonijiet.

5.  
L-Istat Membru ta' domiċilju jista' jagħmel il-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi suġġett għal rekwiżiti addizzjonali u aktar dettaljati, bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji jkunu adegwatament protetti.

Artikolu 14

Finanzjament ta' provvedimenti tekniċi

1.  
L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jeżiġi li kull IORP ikollha f'kull żmien assi suffiċjenti u addattati li jkopru l-provvedimenti tekniċi fir-rigward tal-firxa totali tal-iskemi ta' pensjoni operati.
2.  

L-Istat Membru ta' domiċilju jista' jippermetti li IORP, għal perjodu limitat ta' żmien, ma jkollhiex biżżejjed assi biex tkopri l-provvedimenti tekniċi. F'dan il-każ, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżiġu li l-IORP tadotta pjan ta' rkupru konkret u fattibbli bi skeda ta' żmien sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-paragrafu 1 jerġgħu jiġu ssodisfati. Il-pjan għandu jkun soġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-IORP għandha tistabbilixxi pjan konkret u fattibbli biex tistabbilixxi mill-ġdid l-ammont rikjest ta' assi biex tkopri bis-sħiħ il-provvedimenti tekniċi fi żmien debitu. Il-pjan għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri jew, fejn japplika, tar-rappreżentanti tagħhom u/jew għandu jkun soġġett għall-approvazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju;

(b) 

fit-tfassil ta' dan il-pjan, kont għandu jingħata tas-sitwazzjoni speċifika tal-IORP, b'mod partikolari l-istruttura tal-assi/obbligazzjonijiet, il-profil tar-riskju, il-pjan ta' likwidità, il-profil tal-età tal-membri intitolati li jirċievu benefiċċji tal-irtirar, skemi għall-fażi inizjali u skemi li jibdlu minn nonfinanzjament jew finanzjament parzjali għal finanzjament sħiħ;

(c) 

fil-każ ta' stralċ ta' skema ta' pensjoni matul il-perjodu msemmi fl-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu, l-IORP għandha tinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru ta' domiċilju. L-IORP għandha tistabbilixxi proċedura sabiex tittrasferixxi l-assi u l-obbligazzjonijiet korrispondenti ta' dik l-iskema għal IORP oħra, impriża ta' assigurazzjoni jew korp xieraq ieħor. Din il-proċedura għandha tkun iddivulgata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u abbozz ġenerali tal-proċedura għandu jitqiegħed għad-dispożizzjoni tal-membri jew, fejn japplika, tar-rappreżentanti tagħhom skont il-prinċipju tal-kunfidenzjalità.

3.  
Fil-każ ta' attività transfruntiera, il-provvedimenti tekniċi għandhom f'kull żmien ikunu ffinanzjati kollha kemm huma fir-rigward tal-firxa sħiħa tal-iskemi ta' pensjoni operati. Jekk din il-kundizzjoni ma tkunx imħarsa, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandha tintervjeni mill-aktar fis possibbli u teżiġi li l-IORP immedjatament tfassal miżuri xierqa u timplimentahom mingħajr dewmien b'mod li l-membri u l-benefiċjarji tagħhom ikunu adegwatament protetti.

Artikolu 15

Fondi proprji regolatorji

1.  
L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jiżgura li l-IORPs li joperaw skemi ta' pensjoni, fejn l-IORP nnifisha, u mhux l-impriża sponsor, tissottoskrivi l-obbligazzjoni biex tkopri kontra riskju bijometriku, jew tiggarantixxi t-twettiq ta' investiment partikolari jew livell partikolari ta' benefiċċji, iżommu fuq bażi permanenti assi addizzjonali 'l fuq mill-provvedimenti tekniċi biex iservu ta' buffer. L-ammont ta' dan għandu jirrifletti t-tip ta' riskju u l-portafoll tal-assi fir-rigward tal-firxa totali tal-iskemi operati. Dawk l-assi għandhom ikunu ħielsa minn kull obbligazzjoni prevedibbli u jservu bħala kapital ta' sigurtà biex jassorbu d-diskrepanzi bejn l-ispejjeż u l-profitti antiċipati u attwali.
2.  
Għall-finijiet ta' kalkolu tal-ammont minimu tal-assi addizzjonali, ir-regoli stabbiliti fl-Artikoli 16, 17 u 18 għandhom japplikaw.
3.  
Il-paragrafu 1, m'għandux iżda, jipprevjeni lill-Istati Membri milli jeżiġu li l-IORPs li jinsabu fit-territorju tagħhom iżommu fondi proprji regolatorji jew milli jippreskrivu regoli aktar dettaljati sakemm ikunu prudentement iġġustifikati.

Artikolu 16

Marġini ta' solvibbiltà disponibbli

1.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu minn kull IORP imsemmija fl-Artikolu 15(1) li hija reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom, li tagħti marġini ta' solvibbiltà disponibbli adegwat għal dak li għandu x'jaqsam man-negozju kollu tagħha f'kull ħin, liema marġini għandu jkun mill-anqas daqs ir-rekwiżiti f'din id-Direttiva sabiex tiġi garantita s-sostenibbiltà fit-tul tal-provvista ta' rtirar okkupazzjonali.
2.  

Il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli għandu jikkonsisti fl-assi ta' IORP li jkunu liberi minn kull obbligazzjoni prevedibbli, li minnhom jitneħħa dak li hu intanġibbli, inklużi:

(a) 

il-kapital azzjonarju mħallas jew, fil-każ ta' IORP li tieħu l-forma ta' impriża mutwa, il-fond inizjali effettiv flimkien mal-kontijiet kollha tal-membri tal-impriża mutwa li jissodisfaw il-kriterji segwenti:

(i) 

il-memorandum u statut ta' assoċjazzjoni għandhom jistipulaw li l-pagamenti jkunu jistgħu jsiru minn dawk il-kontijiet lill-membri tal-impriża mutwa biss jekk kemm-il darba dan ma jikkawżax li l-marġini tas-solvibbiltà disponibbli jaqa' taħt il-livell rikjest, jew, wara x-xoljiment tal-impriża, fejn id-djun l-oħrajn kollha tal-impriża jkunu ġew saldati;

(ii) 

il-memorandum u l-istatut ta' assoċjazzjoni għandhom jistipulaw fir-rigward ta' kwalunkwe pagamenti msemmijin fil-punt (i) għal raġunijiet oħra għajr it-terminazzjoni individwali tas-sħubija fl-impriża mutwa, li jeħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jkunu nnotifikati mill-anqas xahar bil-quddiem u jistgħu jipprojbixxu l-pagament f'dak il-perjodu; u

(iii) 

id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-memorandum u tal-istatut ta' assoċjazzjoni jistgħu jkunu emendati biss wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddikjaraw illi ma għandhom l-ebda objezzjoni għall-emenda, mingħajr preġudizzju għall-kriterji msemmijin fil-punti (i) u (ii);

(b) 

riżervi (statutorji u liberi) li ma jkunux jikkorrispondu għall-obbligazzjonijiet ta' sottoskrizzjoni;

(c) 

il-profitt jew it-telf miġjubin 'il quddiem wara t-tnaqqis tad-dividendi pagabbli; u

(d) 

sa fejn hemm l-awtorizzazzjoni skont il-liġi nazzjonali, ir-riżervi tal-profitt li jidhru fil-karta tal-bilanċ fejn jistgħu jintużaw biex ikopru xi telf li jista' jirriżulta u fejn ma kinux disponibbli għad-distribuzzjoni lill-membri u l-benefiċjarji.

Il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli għandu jitnaqqas bl-ammont tal-azzjonijiet proprji li jkunu miżmumin direttament mill-IORP.

3.  

L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jista' jinkludi wkoll:

(a) 

kapital azzjonarju preferenzjali kumulattiv u kapital subordinat ta' self sa 50 % tal-iżgħar bejn il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli u l-marġini ta' solvibbiltà meħtieġ, li mhux aktar minn 25 % minnu għandu jikkonsisti f'self subordinat b'maturazzjoni fissa, jew kapital azzjonarju preferenzjali kumulattiv b'terminu fiss, dment li jkunu jeżistu ftehimiet vinkolanti li skont it-termini tagħhom, fil-każ ta' falliment jew likwidazzjoni tal-IORP, il-kapital subordinat ta' self jew il-kapital azzjonarju preferenzjali jiġu kklassifikati wara l-pretensjonijiet tal-kredituri l-oħra kollha u ma jkollux jiġi ripagat sa ma d-djun l-oħra kollha li jkunu għadhom pendenti f'dak iż-żmien ma jkunux ġew saldati;

(b) 

titoli mingħajr ebda data ta' maturazzjoni speċifikata u strumenti oħrajn, inklużi l-ishma preferenzjali kumulattivi għajr dawk imsemmijin fil-punt (a), sa massimu ta' 50 % tal-marġini ta' solvibbiltà disponibbli, jew il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għat-total ta' tali titoli, skont liema huwa l-anqas, u l-kapital subordinat ta' self imsemmi fil-punt (a), sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet segwenti:

(i) 

ma jistgħux jiġu ripagati fuq l-inizjattiva tad-detentur jew mingħajr il-kunsens bil-quddiem tal-awtorità kompetenti;

(ii) 

il-kuntratt tal-ħruġ irid jippermetti lill-IORP tiddiferixxi l-pagament tal-imgħax fuq is-self;

(iii) 

il-pretensjonijiet tal-mutwant fuq l-IORP iridu jiġu kklassifikati għalkollox wara dawk tal-kredituri mhux subordinati;

(iv) 

id-dokumenti li jirregolaw il-ħruġ tat-titoli jridu jiddisponu għall-kapaċità tal-assorbiment tat-telf tad-dejn u l-imgħax mhux imħallas, filwaqt li jippermettu lill-IORP tissokta bin-negozju tagħha; u

(v) 

irid jittieħed kont biss tal-ammonti li jkunu kompletament imħallsin.

Għall-finijiet tal-punt (a), il-kapital subordinat ta' self għandu wkoll jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(i) 

għandu jittieħed kont biss tal-fondi li jkunu kompletament imħallsin;

(ii) 

għal self b'maturazzjoni fissa, il-maturazzjoni oriġinalia għandha tkun ta' mill-anqas ħames snin. Mhux aktar tard minn sena qabel id-data tar-ripagament, l-IORP għandha tissottometti lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan li juri kif il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli se jinżamm fil-livell rikjest fil-maturazzjoni, jew se jinġieb għall-istess livell, sakemm il-grad li fih is-self jiġi kklassifikat bħala komponent tal-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jitnaqqas gradwalment matul mill-anqas l-ewwel ħames snin qabel id-data tar-ripagament. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jawtorizzaw ir-ripagament kmieni ta' tali self sakemm l-applikazzjoni ssir mill-IORP emittenti u l-marġini ta' solvibbiltà disponibbli tagħha ma jaqax taħt il-livell rikjest;

(iii) 

is-self li l-maturazzjoni tiegħu mhijiex iffissata għandu jkun ripagabbli biss jekk ikun hemm preavviż ta' ħames snin sakemm is-self ma jkunx għadu kkunsidrat komponent tal-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jew sakemm il-kunsens minn qabel tal-awtoritajiet kompetenti ma jkunx rikjest speċifikament għal ripagament kmieni. Fil-każ tal-aħħar, l-IORP għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti mill-anqas sitt xhur qabel id-data tar-ripagament propost, waqt li tispeċifika l-marġini ta' solvibbiltà disponibbli u l-marġini ta' solvibbiltà rikjest kemm qabel kif ukoll wara r-ripagament. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jawtorizzaw ir-ripagament biss fejn il-marġini ta' solvenza disponibbli tal-IORPS ma jkunx se jaqa' taħt il-livell rikjest;

(iv) 

il-ftehim dwar is-self ma għandu jkun fih ebda klawsola li tiddisponi illi f'ċirkostanzi speċifikati, għajr l-istralċ tal-IORP, id-dejn isir ripagabbli qabel id-dati tar-ripagament miftiehma; u

(v) 

il-ftehim dwar is-self jista' jkun emendat biss wara li l-awtoritajiet kompetenti jkunu ddikjaraw illi ma għandhom l-ebda objezzjoni għall-emenda.

4.  

Meta ssir applikazzjoni, bil-provi korroboranti, mill-IORP lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju u bil-qbil tal-awtorità kompetenti, il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jista' jinkludi wkoll:

(a) 

fejn ma tiġix ipprattikata z-Zillmerizzazzjoni jew fejn, jekk inhi pprattikata, hija anqas mill-ponderazzjoni għall-ispejjeż tal-akkwist inklużi fil-primjum, id-differenza bejn il-provvediment matematiku mhux Zilmerizzat jew parzjalment Zillmerizzat u l-provvediment matematiku Zillmerizzat b'rata daqs il-ponderazzjoni għall-ispejjeż tal-akkwist inklużi fil-primjum;

(b) 

kull riżerva moħbija netta li toħroġ mill-valwazzjoni tal-assi, sakemm tali riżervi netti moħbija ma jkunux ta' natura eċċezzjonali;

(c) 

nofs il-kapital azzjonarju mhux imħallas jew il-fond inizjali, ladarba l-parti mħallsa tammonta għal 25 % ta' dak il-kapital azzjonarju jew fond, sa massimu ta' 50 % tal-iżgħar fost il-marġini ta' solvibbiltà disponibbli jew dak rikjest.

Iċ-ċifra msemmija fil-punt (a) ma tistax teċċedi t-3,5 % tas-somma tad-differenzi bejn is-somom kapitali rilevanti tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja u l-attivitajiet ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali u l-provvedimenti matematiċi tal-poloz kollha li għalihom iz-Zillmerizzazzjoni hija possibbli. Id-differenza għandha titnaqqas bl-ammont tal-ispejjeż tal-akkwist mhux deprezzati mdaħħla bħala assi.

Artikolu 17

Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest

1.  
Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun iddeterminat kif stabbilit fil-paragrafi 2 sa 6 skont l-obbligazzjonijiet sottoskritti.
2.  

Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs is-somma tar-riżultati segwenti:

(a) 

l-ewwel riżultat:

frazzjoni ta' 4 % tal-provvedimenti matematiċi marbutin man-negozju dirett u l-aċċettazzjonijiet tar-riassigurazzjoni mingħajr it-tnaqqis taċ-ċessjonijiet ta' riassigurazzjoni għandha tkun immultiplikata bil-proporzjon, li m'għandux ikun anqas minn 85 %, għas-sena finanzjarja preċedenti, tal-provvedimenti matematiċi netti taċ-ċessjonijiet ta' riassigurazzjoni tal-provvedimenti matematiċi totali gross;

(b) 

it-tieni riżultat:

għall-poloz li għalihom il-kapital b'riskju mhuwiex ċifra negattiva, frazzjoni ta' 0,3 % ta' tali kapital sottoskritt mill-IORP għandha tkun immultiplikata bil-proporzjon, li m'għandux ikun anqas minn 50 %, għas-sena finanzjarja preċedenti, tal-kapital totali b'riskju miżmum bħala l-obbligazzjonijiet tal-IORP wara ċ-ċessjonijiet tar-riassigurazzjoni u r-retroċessjonijiet għall-kapital totali b'riskju mingħajr it-tnaqqis tar-riassigurazzjoni.

Għall-assigurazzjonijiet temporanji fuq il-mewt, ta' durata massima ta' tliet snin, il-frazzjoni għandha tkun ta' 0,1 %. Għal tali assigurazzjoni għal durata ta' aktar minn tliet snin iżda anqas minn ħames snin, dik il-frazzjoni għandha tkun 0,15 %.

3.  
Għall-assigurazzjonijiet supplementari msemmija fil-punt (a)(iii) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għall-IORPs skont it-termini tal-Artikolu 18.
4.  
Għall-operazzjonijiet ta' għoti lura ta' kapital imsemmija fil-punt (b)(ii) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs frazzjoni ta' 4 % tal-provvedimenti matematiċi kkalkolati skont it-termini tal-paragrafu 2(a).
5.  
Għall-operazzjonijiet imsemmija fil-punt (b)(i) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs 1 % tal-assi tagħhom.
6.  

Għall-assigurazzjonijiet marbuta mal-fondi ta' investiment u koperti bil-punti (a)(i) u (ii) tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE u għall-operazzjonijiet imsemmijin fil-punti (b)(iii) sa (v) fl-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 2009/138/KE, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs is-somma tas-segwenti:

(a) 

sa fejn l-IORP iġġorr riskju ta' investiment, frazzjoni ta' 4 % tal-provvedimenti tekniċi, ikkalkolati skont it-termini tal-paragrafu 2(a);

(b) 

sa fejn l-IORP ma ġġorr ebda riskju ta' investiment iżda l-allokazzjoni biex tkopri l-ispejjeż tal-ġestjoni tiġi ffissata għal perjodu eċċedenti l-ħames snin, frazzjoni ta' 1 % tal-provvedimenti tekniċi, ikkalkolati skont it-termini tal-paragrafu 2(a);

(c) 

sa fejn l-IORP ma ġġorr ebda riskju ta' investiment u l-allokazzjoni biex tkopri l-ispejjeż tal-ġestjoni ma tkunx iffissata għal perjodu eċċedenti l-ħames snin, ammont ekwivalenti għal 25 % tal-ispejjeż amministrattivi netti tas-sena finanzjarja preċedenti relattivi għal tali assigurazzjonijiet u operazzjonijiet;

(d) 

sa fejn l-IORP tkopri riskju ta' mewt, frazzjoni ta' 0,3 % tal-kapital b'riskju, ikkalkolata f'konformità mal-paragrafu 2(b).

Artikolu 18

Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għall-iskop tal-Artikolu 17(3)

1.  
Il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun iddeterminat fuq il-bażi jew tal-ammont annwali ta' primjums jew kontribuzzjonijiet, jew tal-piż medju tal-klejms għall-aħħar tliet snin finanzjarji.
2.  
L-ammont tal-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun daqs l-akbar bejn iż-żewġ riżultati msemmijin fil-paragrafi 3 u 4.
3.  
Il-bażi tal-primjum għandha tkun ikkalkolata bl-użu tal-akbar bejn il-primjums assigurati grossi jew il-kontribuzzjonijiet ikkalkolati kif jingħad aktar 'l isfel, u l-primjums jew kontribuzzjonijiet grossi maqlugħin.

Il-primjums jew il-kontribuzzjonijiet (li jkunu jinkludu wkoll il-ħlasijiet anċillari għall-primjums jew kontribuzzjonijiet) dovuti għan-negozju dirett fis-sena finanzjarja preċedenti għandhom jiġu aggregati.

Ma' din is-somma għandu jiżdied l-ammont ta' primjums aċċettati għar-riassigurazzjonijiet kollha fis-sena finanzjarja preċedenti.

Minn dik is-somma għandu mbagħad jitnaqqas l-ammont totali tal-primjums jew kontribuzzjonijiet ikkanċellati fis-sena finanzjarja preċedenti, kif ukoll l-ammont totali ta' taxxi u sisi marbutin mal-premjums jew kontribuzzjonijiet li jidħlu fl-aggregat.

L-ammont hekk miksub għandu jinqasam f'żewġ porzjonijiet, l-ewwel porzjon jestendi sa EUR 50 000 000 , it-tieni jikkonsisti fl-eċċess; 18 % tal-ewwel porzjon u 16 % tat-tieni porzjon rispettivament għandhom jiġu magħduda flimkien.

Is-somma hekk miksuba għandha tiġi mmultiplikata bil-proporzjon eżistenti fir-rigward tas-somma tat-tliet snin finanzjarji preċedenti bejn l-ammont tal-klejms li jkun fadal x'jitħallsu mill-IORP wara t-tnaqqis tal-ammonti rekuperabbli bir-riassigurazzjoni u l-ammont gross tal-klejms. Dak il-proporzjon ma jista' fl-ebda każ ikun anqas minn 50 %.

4.  

Il-bażi tal-klejms għandha tkun ikkalkolata kif ġej:

L-ammonti tal-klejms imħallsin għan-negozju dirett (mingħajr ebda tnaqqis ta' klejms imħallsin mir-riassiguraturi u retroċessjonarji) fil-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1 għandhom ikunu aggregati.
Ma' dik is-somma għandu jingħadd l-ammont ta' klejms imħallsin għar-riassigurazzjonijiet jew ir-retroċessjonijiet aċċettati matul l-istess perjodi u l-ammont ta' provvedimenti għall-klejms li għadhom pendenti stabbiliti f'għeluq is-sena finanzjarja preċedenti, kemm għan-negozju dirett kif ukoll għall-aċċettazzjonijiet riassigurattivi.
Minn din is-somma għandu jitnaqqas l-ammont ta' rkupri magħmulin matul il-perjodi speċifikati fil-paragrafu 1.
Mis-somma rimanenti, għandu jitnaqqas l-ammont ta' provvedimenti għall-klejms pendenti stabbiliti fil-bidu tat-tieni sena finanzjarja ta' qabel l-aħħar sena li għaliha hemm il-kontijiet, kemm għan-negozju dirett kif ukoll għall-aċċettazzjonijiet riassigurattivi.
Terz tal-ammont hekk miksub għandu jinqasam f'żewġ porzjonijiet, l-ewwel porzjon jestendi sa EUR 35 000 000 , it-tieni jikkonsisti fl-eċċess; 26 % tal-ewwel porzjon u 23 % tat-tieni porzjon għandhom jiġi kkalkolati u magħdudin flimkien.
Is-somma hekk miksuba għandha tiġi mmultiplikata bil-proporzjon eżistenti fir-rigward tas-somma tat-tliet snin finanzjarji preċedenti bejn l-ammont tal-klejms li jkun fadal x'jitħallsu mill-IORP wara t-tnaqqis tal-ammonti rekuperabbli bir-riassigurazzjoni u l-ammont gross tal-klejms. Dak il-proporzjon ma jista' fl-ebda każ ikun anqas minn 50 %.
5.  
Fejn il-marġini ta' solvibbiltà rikjest kif ikkalkolat fil-paragrafi 2 sa 4 ikun iżgħar mill-marġini ta' solvibbiltà rikjest tas-sena preċedenti, il-marġini ta' solvibbiltà rikjest għandu jkun mill-anqas daqs il-marġini ta' solvibbiltà rikjest ta-sena preċedenti mmultiplikat bil-proporzjon tal-ammont tal-provvedimenti tekniċi għall-klejms pendenti f'għeluq is-sena finanzjarja preċedenti u l-ammont ta' provvedimenti tekniċi għall-klejms pendenti fil-bidu tas-sena finanzjarja preċedenti. F'dawn il-kalkoli, il-provvedimenti tekniċi għandhom ikunu kkalkolati netti mir-riassigurazzjoni iżda l-proporzjon ma għandux jkun ogħla minn 1.

Artikolu 19

Regoli ta' investiment

1.  

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorji tagħhom jinvestu skont ir-regola tal-“persuna prudenti” u b'mod partikolari skont ir-regoli li ġejjin:

(a) 

l-assi kollha għandhom ikunu investiti fl-aħjar interessi fit-tul tal-membri u tal-benefiċjarji kollha kemm huma. Fil-każ ta' kunflitt ta' interessi potenzjali, l-IORP, jew l-entità li timmaniġġja l-portafoll tagħha, għandha tiżgura li l-investiment isir fl-interess uniku tal-membri u l-benefiċjarji;

(b) 

skont ir-regola tal-persuna prudenti, l-Istati Membri għandhom jippermettu lill-IORPs iqisu l-impatt potenzjali fit-tul tad-deċiżjonijiet ta' investiment fuq il-fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza;

(c) 

l-assi għandhom ikunu investiti b'mod li jiġu żgurati s-sigurtà, il-kwalità, il-likwidità u l-profittabbiltà tal-portafoll kollu kemm hu;

(d) 

l-assi għandhom predominantement ikunu investiti fi swieq regolati. Investiment f'assi li mhumiex ammessi għan-negozju f'suq finanzjarju regolat għandu f'kull każ jinżamm f'livelli prudenti;

(e) 

investiment fi strumenti derivattivi għandu jkun possibbli sal-limitu li dawn l-istrumenti jikkontribwixxu għal tnaqqis tar-riskji ta' investiment jew jiffaċilita l-immaniġġjar effiċjenti tal-portafoll. Għandhom ikunu vvalutati fuq bażi prudenti, waqt li jiġu kkunsidrati l-assi sottostanti, u jiġu inklużi fil-valutazzjoni tal-assi ta' IORP. L-IORPs għandhom ukoll jevitaw li kontroparti waħda u l-operazzjonijiet oħra derivattivi jiġu esposti eċċessivament għar-riskji;

(f) 

l-assi għandhom ikunu ddiversifikati kif imiss b'tali mod li tiġi evitata dipendenza eċċessiva fuq xi assi partikolari, fuq l-emittent jew fuq grupp ta' impriżi u akkumulazzjonijiet ta' riskju fil-portafolli kollha kemm huma.

Investimenti f'assi maħruġa mill-istess emittenti jew minn emittenti li jagħmlu parti mill-istess grupp m'għandhomx jesponu lill-IORP għal konċentrazzjoni eċċessiva ta' riskji;

(g) 

l-investiment fl-impriża sponsor m'għandux ikun aktar minn 5 % tal-portafoll kollu kemm hu u, fejn l-impriża sponsor tagħmel parti minn grupp, l-investiment fl-impriżi li jagħmlu parti mill-istess grupp bħal dak tal-impriża sponsor m'għandux ikun aktar minn 10 % tal-portafoll.

Fejn l-IORP tkun sponsorjata minn numru ta' impriżi, l-investiment f'dawk l-impriżi sponsor għandu jsir bi prudenza, waqt li jikkunsidra l-ħtieġa għal diversifikazzjoni kif imiss.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (f) u (g) għall-investiment f'bonds tal-gvern.

2.  
Filwaqt li jqisu d-daqs, in-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORPs taħt superviżjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw l-adegwatezza tal-proċessi ta' valutazzjoni tal-kreditu tal-IORPs, jivvalutaw l-użu ta' referenzi għall-klassifikazzjoni tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji li jikklassifikaw il-kreditu kif definiti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), fil-politiki ta' investiment tagħhom u, fejn ikun xieraq, jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tal-impatt ta' referenzi bħal dawn, bil-ħsieb li titnaqqas id-dipendenza esklużiva u mekkanistika fuq tali klassifikazzjonijiet tal-kreditu.
3.  
L-Istat Membru ta' domiċilju għandu jipprojbixxi lill-IORPs milli jissellfu jew jaġixxu bħala garanti għan-nom ta' partijiet terzi. Iżda l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-IORPs jissellfu biss għal raġunjiet ta' likwidità u fuq bażi temporanja.
4.  
L-Istati Membri ma għandhomx jirrikjedu lill-IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorju tagħhom jinvestu f'kategoriji partikolari ta' assi.
5.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 30, l-Istati Membri m'għandhomx jissoġġettaw id-deċiżjonijiet ta' investiment ta' IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorju tagħhom jew il-maniġer tagħha ta' investiment għal xi xorta ta' approvazzjoni minn qabel jew rekwiżiti ta' notifika sistematika.
6.  
Skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 1 sa 5, l-Istati Membri jistgħu, għall-IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorji tagħhom, jippreskrivu regoli aktar dettaljati, inklużi regoli kwantitattivi, sakemm dawn ikunu prudentement iġġustifikati, biex jirriflettu l-firxa totali tal-iskemi ta' pensjoni operati minn dawk l-IORPs.

Iżda l-Istati Membri m'għandhomx jipprevjenu IORPs milli:

(a) 

jinvestu s-70 % tal-assi li jkopru l-provvedimenti tekniċi jew tal-portafoll sħiħ għal skemi li fihom il-membri jġorru r-riskji ta' investiment f'ishma, titoli negozjabbli ttrattati bħala ishma u bonds korporattivi ammessi għan-negozju fi swieq regolati, jew permezz ta' MTFs jew OTFs, u jiddeċiedu dwar il-piż relattiv ta' dawk it-titoli fil-portafoll tagħhom ta' investiment. Madankollu, sakemm ikun prudentement iġġustifikat, l-Istati Membri jistgħu japplikaw limitu aktar baxx ta' mhux anqas minn 35 % għall-IORPs li joperaw skemi ta' pensjoni b'garanzija ta' rata ta' imgħax fit-tul, iġorru r-riskju tal-investiment u huma stess jipprevedu l-garanzija;

(b) 

jinvestu sa 30 % tal-assi li jkopru l-provvedimenti tekniċi f'assi denominati f'muniti għajr dawk li fihom huma espressi l-obbligazzjonijiet;

(c) 

jinvestu fi strumenti li għandhom orizzont tal-investiment fit-tul u li mhumiex innegozjati fi swieq regolati, f'MTFs jew f'OTFs;

(d) 

jinvestu fi strumenti maħruġa jew iggarantiti mill-BEI u previsti fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, il-Fondi Ewropej tal-Investiment fuq Terminu Twil, il-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej u l-Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju.

7.  
Il-paragrafu 6 m'għandux jipprekludi d-dritt li l-Istati Membri jeżiġu l-applikazzjoni għall-IORPs reġistrati jew awtorizzati fit-territorju tagħhom, ta' regoli aktar stretti ta' investiment ukoll fuq bażi individwali sakemm ikunu prudentement iġġustifikati, b'mod partikolari fid-dawl tal-obbligazzjonijiet li tidħol fihom l-IORP.
8.  
L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta' IORP li twettaq attività transfruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 11 ma għandhiex tistabbilixxi regoli tal-investiment apparti dawk stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 6 għall-parti tal-assi li tkopri l-provvedimenti tekniċi għall-attività transfruntiera.

TITOLU III

KUNDIZZJONIJIET LI JIRREGOLAW L-ATTIVITAJIET

KAPITOLU 1

Sistema ta' governanza

Taqsima 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 20

Responsabbiltà tal-korp maniġerjali jew superviżorju

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-korp maniġerjali jew superviżorju ta' IORP ikollu responsabbiltà aħħarija skont il-liġi nazzjonali għall-konformità, mill-IORP ikkonċernata, mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva.
2.  
Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għar-rwol tas-sħab soċjali fl-immaniġġjar tal-IORPs.

Artikolu 21

Rekwiżiti ġenerali ta' governanza

1.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu lill-IORPs kollha jadottaw sistema ta' governanza effikaċi li tipprevedi mmaniġġjar sod u prudenti tal-attivitajiet tagħhom. Din is-sistema għandha tinkludi struttura organizzattiva trasparenti u adegwata b'allokazzjoni ċara u segregazzjoni xierqa tar-responsabbiltajiet u b'sistema effikaċi li tiżgura t-trażmissjoni tal-informazzjoni. Is-sistema ta' governanza għandha tinkludi kunsiderazzjoni ta' fatturi ambjentali, soċjali u kif ukoll ta' governanza relatati ma' assi ta' investiment f'deċiżjonijiet ta' investiment, u għandha tkun soġġetta għal rieżami intern regolari.
2.  
Is-sistema ta' governanza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun proporzjonata għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.
3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li IORP tistabbilixxi u tapplika politiki bil-mitkub li jirrigwardaw l-immaniġġjar tar-riskji, l-awditu intern u, fejn rilevanti, l-attivitajiet attwarji u esternalizzati. Dawn il-politiki bil-miktub għandhom jiġu soġġetti għall-approvazzjoni minn qabel min-naħa tal-korp maniġerjali jew superviżorju tal-IORP u għandhom jiġu sottomessi għal rieżami mill-inqas kull tliet snin u adattati fid-dawl ta' kwalunkwe bidla sinifikanti fis-sistema jew fil-qasam ikkonċernat(a).
4.  
L-Istati Membri jiżguraw li l-IORPs jkollhom fis-seħħ sistema effikaċi ta' kontroll intern. Din is-sistema għandha tinkludi proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi, qafas ta' kontroll intern u arranġamenti xierqa ta' rapportar fil-livelli kollha tal-IORP.
5.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs jieħdu l-passi kollha raġonevoli biex jaċċertaw il-kontinwità u r-regolarità tal-prestazzjoni tal-attivitajiet tagħhom, inkluż l-iżvilupp ta' pjanijiet ta' kontinġenza. Għal dan il-għan, l-IORPs għandhom jużaw sistemi, riżorsi u proċeduri xierqa u proporzjonati.
6.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs ikollhom minn tal-inqas żewġ persuni li effettivament imexxu l-IORP. Abbażi ta' valutazzjoni motivata mwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li persuna waħda biss effettivament tmexxi l-istituzzjoni. Dik il-valutazzjoni għandha tqis ir-rwol tas-sħab soċjali fil-ġestjoni globali tal-IORP, kif ukoll id-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.

Artikolu 22

Rekwiżiti għal immaniġġjar kompetenti u idoneu

1.  

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jiżguraw li l-persuni li effettivament imexxu l-IORP jew persuni li jwettqu funzjonijiet ewlenin oħra u, fejn applikabbli, persuni jew entitajiet li lilhom tkun ġiet esternalizzata funzjoni ewlenija skont l-Artikolu 31, ikunu jissodisfaw ir-rekwiżiti segwenti meta jwettqu l-kompiti tagħhom:

(a) 

ir-rekwiżit li jkunu kompetenti:

(i) 

għal persuni li effettivament imexxu l-IORP, dan ifisser li l-kwalifiki, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom ikunu kollettivament adegwati biex jippermettulhom jiżguraw li l-IORP tiġi mmaniġġjata b'mod sod u prudenti;

(ii) 

għal persuni li jwettqu l-funzjonijiet ewlenin attwarji u ta' awditjar intern dan ifisser li l-kwalifiki, l-għarfien u l-esperjenza professjonali tagħhom huma xierqa biex iwettqu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom kif xieraq;

(iii) 

għal persuni li jwettqu funzjonijiet ewlenin oħra dan ifisser li l-kwalifiki, l-għarfien u l-esperjenza tagħhom huma xierqa biex iwettqu l-funzjonijiet ewlenin tagħhom kif xieraq; u

(b) 

ir-rekwiżit li jkunu idonei: ikollhom reputazzjoni tajba u jkunu ta' integrità.

2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu kapaċi jivvalutaw jekk il-persuni li effettivament imexxu l-IORP jew li jwettqu funzjonijiet ewlenin jissodisfawx ir-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 1.
3.  
Fejn Stat Membru ta' domiċilju jeżiġi prova ta' reputazzjoni tajba, prova li qatt ma fallew qabel, jew prova tat-tnejn, mill-persuni msemmija fil-paragrafu 1, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta bħala prova suffiċjenti fir-rigward ta' persuni nazzjonali ta' Stati Membri oħra, il-preżentazzjoni ta' silta mill-kondotta tal-Istat Membru l-ieħor jew, f'każ li ma jkunx hemm kondotta fl-Istat Membru l-ieħor, il-preżentazzjoni ta' dokument ekwivalenti, li juri li dawn ir-rekwiżiti ġew issodisfati, maħruġ minn awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva jew fl-Istat Membru li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadina jew fl-Istat Membru ta' domiċilju.
4.  
Fejn l-ebda awtorità kompetenti ġudizzjarja jew amministrattiva jew fl-Istat Membru ta' domiċilju li tiegħu l-persuna kkonċernata hija ċittadin jew fl-Istat Membru ta' domiċilju li joħroġ dokument ekwivalenti hekk kif imsemmi fil-paragrafu 3, dik il-persuna għandha titħalla tippreżenta dikjarazzjoni ġuramentata minfloku.

Madankollu, fl-Istati Membri ta' domiċilju fejn ma hemm l-ebda dispożizzjoni biex isiru dikjarazzjonijiet ġuramentati, iċ-ċittadini ta' Stati Membri oħrajn ikkonċernati, għandhom jitħallew jippreżentaw dikjarazzjoni solenni magħmula minnhom quddiem awtorità ġudizzjarja jew amministrattiva kompetenti fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom jew fl-Istat Membru li tiegħu ikun ċittadin jew quddiem nutar f'wieħed minn dawk l-Istati Membri. Tali awtorità jew nutar għandhom joħorġu ċertifikat li jattesta l-awtentiċità tad-dikjarazzjoni ġuramentata jew tad-dikjarazzjoni solenni.

5.  
Il-prova li tindika li persuna ma tkunx falliet qabel, kif imsemmi fil-paragrafu 3, tista' wkoll tiġi pprovduta f'forma ta' dikjarazzjoni magħmula miċ-ċittadini tal-Istat Membru l-ieħor ikkonċernat, quddiem korp ġudizzjarju, professjonali jew kummerċjali kompetenti f'dak l-Istat Membru l-ieħor.
6.  
Id-dokumenti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 għandhom jiġu ppreżentati fiż-żmien tliet xhur mid-data meta jinħarġu.
7.  
L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet u lill-korpi kompetenti sabiex joħorġu d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5, u għandhom jinformaw immedjatament lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bihom.

L-Istati Membri għandhom jinformaw ukoll lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bl-awtoritajiet jew bil-korpi li quddiemhom għandhom jiġu ppreżentati d-dokumenti msemmija fil-paragrafi 3, 4 u 5 b'sostenn għall-applikazzjoni għat-twettiq tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 11 fit-territorju ta' dak l-Istat Membru.

Artikolu 23

Politika ta' remunerazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jistabbilixxu u japplikaw politika ta' remunerazzjoni soda għal dawk il-persuni kollha li effettivament imexxu l-IORP, iwettqu funzjonijiet ewlenin u kategoriji oħra ta' persunal li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-IORP b'tali mod li jkun proporzjonat għad-daqs u għall-organizzazzjoni interna tagħhom, kif ukoll għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom.
2.  
Sakemm ma jkunx previst mod ieħor fir-Regolament (UE) 2016/679, l-IORPs għandhom jiddivulgaw regolarment informazzjoni rilevanti għall-pubbliku fir-rigward tal-politika ta' remunerazzjoni tagħhom.
3.  

Meta tiġi stabbilita u applikata l-politika ta' remunerazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-IORPs għandhom jikkonformaw mal-prinċipji segwenti:

(a) 

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tiġi stabbilita, implimentata u miżmuma f'konformità mal-attivitajiet, mal-profil tar-riskju, mal-objettivi, u mal-interessi fit-tul, l-istabbiltà finanzjarja u l-prestazzjoni tal-IORP kollha kemm hi, u għandha tapoġġja l-immaniġġjar sod, prudenti u effikaċi tal-IORPs;

(b) 

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tkun konformi mal-interessi fit-tul tal-membri u l-benefiċjarji tal-iskemi ta' pensjoni operati mill-IORP;

(c) 

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tinkludi miżuri li l-għan tagħhom huwa li jevitaw il-kunflitti ta' interess;

(d) 

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tkun konsistenti mal-immaniġġjar tar-riskji sod u effikaċi u ma għandhiex tinkoraġġixxi it-teħid ta' riskji li hu inkonsistenti mal-profili tar-riskju u r-regoli tal-IORP;

(e) 

il-politika ta' remunerazzjoni għandha tapplika għall-IORP u għall-fornituri ta' servizz imsemmija fl-Artikolu 31(1), dment li dawk il-fornituri ta' servizz ikunu koperti mid-Direttivi msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2);

(f) 

l-IORP għandha tistabbilixxi l-prinċipji ġenerali tal-politika ta' remunerazzjoni, għandha tirrivediha u taġġornaha tal-inqas kull tliet snin, u għandha tkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha;

(g) 

il-governanza fir-rigward tar-remunerazzjoni u s-sorveljanza tagħha għandha tkun ċara, trasparenti u effikaċi.

Taqsima 2

Funzjonijiet ewlenin

Artikolu 24

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs ikollhom il-funzjonijiet ewlenin li ġejjin: funzjoni ta' mmaniġġjar tar-riskji, funzjoni ta' awditu intern u, fejn applikabbli, funzjoni attwarja. L-IORPs għandhom jippermettu lid-detenturi tal-funzjonijiet ewlenin iwettqu dmirijiethom b'effikaċja, b'mod li jkun oġġettiv, ġust u indipendenti.
2.  
L-IORPs jistgħu jippermettu li persuna jew unità organizzattiva waħda twettaq aktar minn funzjoni ewlenija waħda, bl-eċċezzjoni tal-funzjoni ta' awditjar intern imsemmi fl-Artikolu 26, li għandha tkun indipendenti mill-funzjonijiet ewlenin l-oħrajn.
3.  
Il-persuna unika jew l-unità organizzattiva li twettaq funzjoni ewlenija għandha tkun differenti minn dik li twettaq funzjoni ewlenija simili fl-impriża sponsor. L-Istati Membri jistgħu, waqt li jqisu d-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP, jippermettu lill-IORP twettaq funzjonijiet ewlenin permezz tal-istess persuna jew unità organizzattiva bħal fl-impriża sponsor, sakemm l-IORP tispjega kif din tipprevjeni jew timmaniġġja kwalunkwe kunflitt ta' interess mal-impriża sponsor.
4.  
Id-detenturi ta' funzjoni ewlenija għandhom jirrapportaw kwalunkwe sejba materjali jew rakkomandazzjonifil-qasam ta' responsabbiltà tagħhom lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP li mbagħad għandu jiddetermina x'azzjonijiet għandhom jittieħdu fir-rigward.
5.  

Mingħajr preġudizzju għall-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni, id-detentur ta' funzjoni ewlenija għandu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-IORP jekk il-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP ma jiħux azzjoni ta' rimedju fil-każijiet li ġejjin:

(a) 

fejn il-persuna jew l-unità organizzattiva li twettaq il-funzjoni ewlenija tidentifika riskju sinifikanti li l-IORP mhux se tikkonforma ma' rekwiżit statutorju materjalment sinifikanti u tirrapportah lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP, u fejn din jista' jkollu impatt sinifikanti fuq l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji; jew

(b) 

fejn il-persuna jew l-unità organizzattiva li twettaq il-funzjoni ewlenija tosserva ksur materjali sinifikanti tal-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi applikabbli għall-IORP u l-attivitajiet tagħha fil-kuntest tal-funzjoni ewlenija ta' dik il-persuna jew unità organizzattiva u tirrapportah lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP.

6.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni legali tal-persuni li jinformaw lill-awtorità kompetenti f'konformità mal-paragrafu 5.

Artikolu 25

L-immaniġġjar tar-riskji

1.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs, b'mod proporzjonat għad-daqs u l-organizzazzjoni interna tagħhom kif ukoll għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, jadottaw funzjoni effikaċi tal-immaniġġjar tar-riskji. Dik il-funzjoni għandha tkun strutturata b'tali mod li tiffaċilita l-funzjonament ta' sistema ta' mmaniġġjar tar-riskju li għaliha l-IORPs għandhom jadottaw l-istrateġiji, il-proċessi u l-proċeduri ta' rapportar meħtieġa għall-identifikazzjoni, il-kejl, il-monitoraġġ, l-immaniġġjar u r-rapportar tar-riskji regolari lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP f'livell individwali u f'dak aggregat, li għalih l-IORPs u l-iskemi ta' pensjoni operati minnhom ikunu esposti għalihom jew jistgħu jkunu esposti għalihom, u l-interdipendenzi tagħhom.

Is-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tkun effikaċi u integrata tajjeb fl-istruttura organizzazzjonali u fil-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-IORP.

2.  

Is-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tkopri, b'mod li jkun proporzjonat għad-daqs u għall-organizzazzjoni interna tal-IORPs, kif ukoll għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, ir-riskji li jista' jkun hemm fl-IORPs jew fl-impriżi li għandhom ikunu ġew esternalizzati xi kompiti jew attivitajiet ta' IORP, tal-inqas fl-oqsma li ġejjin, fejn applikabbli:

(a) 

is-sottoskrizzjoni u r-riżervar;

(b) 

l-immaniġġjar tal-assi u tal-obbligazzjonijiet;

(c) 

l-investiment, partikolarment id-derivattivi, it-titolizzazzjonijiet u impenji simili;

(d) 

l-immaniġġjar tar-riskji ta' likwidità u ta' konċentrazzjoni;

(e) 

l-immaniġġjar tar-riskji operattivi;

(f) 

l-assigurazzjoni u tekniki oħra għall-mitigazzjoni tar-riskji;

(g) 

ir-riskji ambjentali, soċjali u ta' governanza relatati mal-portafoll tal-investiment u l-ġestjoni tiegħu.

3.  
Fejn, f'konformità mal-kundizzjonijiet tal-iskema ta' pensjoni, il-membri u l-benefiċjarji jġorru r-riskji huma, is-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji għandha tqis ukoll dawn ir-riskji mill-perspettiva tal-membri u tal-benefiċjarji.

Artikolu 26

Il-funzjoni tal-awditu intern

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jipprevedu, b'mod li jkun proporzjonat għad-daqs u għall-organizzazzjoni interna tagħhom, kif ukoll għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, funzjoni ta' awditu intern effikaċi. Il-funzjoni ta' awditu intern għandha tinkludi valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistema ta' kontroll intern u elementi oħra tas-sistema ta' governanza, inklużi, fejn ikun applikabbli, l-attivitajiet esternalizzati.

Artikolu 27

Il-funzjoni attwarja

1.  

Fejn IORP innifisha tipprevedi kopertura kontra r-riskji bijometriċi jew tiggarantixxi jew prestazzjoni tal-investiment jew livell partikolari ta' benefiċċji, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORP tipprovdi għal funzjoni attwarja effikaċi biex:

(a) 

jikkoordinaw u jissorveljaw il-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi;

(b) 

jivvalutaw l-adegwatezza tal-metodoloġiji u tal-mudelli sottostanti użati fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi u s-suppożizzjonijiet magħmula għal dan l-iskop;

(c) 

jivvalutaw is-suffiċjenza u l-kwalità tad-dejta użata fil-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi;

(d) 

iqabblu is-suppożizzjonijiet sottostanti għall-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi mal-esperjenza miksuba;

(e) 

jinformaw lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP bl-affidabbiltà u l-adegwatezza tal-kalkolu tal-provvedimenti tekniċi;

(f) 

jesprimu opinjoni dwar il-politika globali ta' sottoskrizzjoni, f'każ li l-IORP ikollha politika ta' dan it-tip;

(g) 

jesprimu opinjoni dwar l-adegwatezza tal-arranġamenti ta' assigurazzjoni, f'każ li l-IORP ikollha tali arranġamenti; u

(h) 

jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni effikaċi tas-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji.

2.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jinnominaw tal-inqas persuna waħda indipendenti, fl-IORP jew barra minnha, li tkun responsabbli mill-funzjoni attwarja.

Taqsima 3

Dokumenti li jirrigwardaw il-governanza

Artikolu 28

Valutazzjoni tar-riskju proprju

1.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs, b'mod li jkun proporzjonat għad-daqs u l-organizzazzjoni interna tagħhom, kif ukoll id-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom, iwettqu u jiddokumentaw il-valutazzjoni tar-riskju tagħhom stess.

Dik il-valutazzjoni tar-riskju għandha sseħħ tal-anqas kull tliet snin jew mingħajr dewmien wara li ssir kwalunkwe bidla sinifikanti fil-profil tar-riskju tal-IORP jew tal-iskemi ta' pensjoni operati mill-IORP. Meta jkun hemm bidla sinifikanti fil-profil tar-riskju ta' skema ta' pensjoni speċifika, il-valutazzjoni tar-riskju tista' tkun limitata għal dik l-iskema ta' pensjoni.

2.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valutazzjoni tar-riskju msemmija fil-paragrafu 1, wara li tikkunsidra d-daqs u l-organizzazzjoni interna tal-IORP, kif ukoll id-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP, tinkludi dan li ġej:

(a) 

deskrizzjoni ta' kif il-valutazzjoni tar-riskju proprju hi integrata fil-proċess ta' mmaniġġjar u fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-IORP;

(b) 

valutazzjoni tal-effikaċja tas-sistema tal-immaniġġjar tar-riskji;

(c) 

deskrizzjoni ta' kif l-IORP tipprevjeni kunflitti ta' interess mal-impriża sponsor, fejn l-IORP testernalizza funzjonijiet ewlenin lill-impriża sponsor f'konformità mal-Artikolu 24(3);

(d) 

valutazzjoni tal-ħtiġijiet kumplessivi ta' finanzjament tal-IORP, inkluża deskrizzjoni tal-pjan ta' rkupru, fejn applikabbli;

(e) 

valutazzjoni dwar ir-riskji għall-membri u l-benefiċjarji dwar il-ħlas tal-benefiċċji ta' rtirar tagħhom u l-effikaċja ta' kwalunkwe azzjoni ta' rimedju li tqis, fejn applikabbli:

(i) 

mekkaniżmi ta' indiċizzar;

(ii) 

mekkaniżmi li jnaqqsu l-benefiċċji, inkluż il-limiti sa fejn il-benefiċċji ta' pensjoni dovuti jistgħu jitnaqqsu, u taħt liema kundizzjonijiet u minn min;

(f) 

valutazzjoni kwalitattiva tal-mekkaniżmi li jipproteġu l-benefiċċji tal-irtirar, inklużi, kif applikabbli, garanziji, ftehimiet jew kwalunkwe tip ieħor ta' appoġġ finanzjarju mill-impriża sponsor, minn impriża tal-assigurazzjoni jew ir-riassigurazzjoni koperti mid-Direttiva 2009/138/KE jew kopertura minn skema ta' protezzjoni tal-pensjoni, favur l-IORP jew il-membri u l-benefiċjarji;

(g) 

valutazzjoni kwalitattiva tar-riskji operattivi;

(h) 

fejn fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza huma kkunsidrati f'deċiżjonijiet ta' investiment, valutazzjoni tar-riskji ġodda jew emerġenti, inklużi riskji relatati mat-tibdil fil-klima, l-użu tar-riżorsi u l-ambjent, riskji soċjali u riskji relatati mad-deprezzament tal-assi kkawżat minn tibdil regolatorju.

3.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 2, l-IORPs għandhom jadottaw metodi biex jidentifikaw u jivvalutaw ir-riskji li huma jew li jistgħu jkunu esposti għalihom fuq terminu qasir u fuq terminu twil u li jista' jkollhom impatt fuq il-kapaċità tal-IORP li tissodisfa l-obbligi tagħha. Dawn il-metodi għandhom ikunu proporzjonati għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti għall-attivitajiet tagħhom. Il-metodi għandhom jiġu deskritti fil-valutazzjoni tar-riskju proprju.
4.  
Il-valutazzjoni tar-riskju proprju għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet strateġiċi tal-IORP.

Artikolu 29

Kontijiet annwali u rapporti annwali

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li kull IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom tħejji u tiddivulga pubblikament kontijiet annwali u rapporti annwali li jqisu kull skema ta' pensjoni operata mill-IORP u, fejn japplika, il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali għal kull skema ta' pensjoni. Il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali għandhom jagħtu stampa reali u ġusta tal-assi, tal-obbligazzjonijiet u tal-pożizzjoni finanzjarja tal-IORP u jinkludu d-divulgazzjoni ta' impriżi ta' investiment sinifikanti. Il-kontijiet annwali u l-informazzjoni fir-rapporti għandhom ikunu konsistenti, komprensivi, ippreżentati b'mod ġust u debitament approvati minn persuni awtorizzati, f'konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 30

Dikjarazzjoni tal-prinċipji tal-politika ta' investiment

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull IORP reġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom tipprepara u, tal-anqas darba kull tliet snin, teżamina mill-ġdid dikjarazzjoni bil-miktub tal-prinċipji tal-politika ta' investiment. Din id-dikjarazzjoni għandha tkun riveduta mingħajr dewmien wara kull bidla sinifikanti fil-politika ta' investiment. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li din id-dikjarazzjoni jkun fiha, tal-anqas, kwistjonijiet bħalma huma l-metodi tal-kejl tar-riskju ta' investiment, il-proċessi implimentati tal-immaniġġjar tar-riskji u l-allokazzjoni strateġika tal-assi fir-rigward tan-natura u t-tul ta' żmien tal-obbligazzjonijiet tal-pensjoni u kif il-politika ta' investiment tqis fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza. Id-dikjarazzjoni għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku.

KAPITOLU 2

Esternalizzazzjoni u mmaniġġjar tal-investiment

Artikolu 31

Esternalizzazzjoni

1.  
L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeżiġu lill-IORPs irreġistrati jew awtorizzati fit-territorji tagħhom biex jafdaw kwalunkwe attività, inklużi l-funzjonijiet ewlenin u l-immaniġġjar ta' dawn l-IORPs, kollha kemm huma jew parti minnhom, lil fornituri ta' servizz li joperaw għan-nom ta' dawn l-IORPs.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs jibqgħu kompletament responsabbli għall-konformità mal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva meta jesternalizzaw funzjonijiet ewlenin jew kwalunkwe attività oħra.
3.  

L-esternalizzazzjoni ta' funzjonijiet ewlenin jew ta' kwalunkwe attività oħra m'għandhiex issir b'tali mod li tista' twassal għal xi waħda minn dawn il-konsegwenzi li ġejjin:

(a) 

tiddanneġġa l-kwalità tas-sistema ta' governanza tal-IORP ikkonċernata;

(b) 

iżżid ir-riskju operattiv bla bżonn;

(c) 

tiddanneġġa l-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw il-konformità tal-IORP mal-obbligi tagħha;

(d) 

iddgħajjef is-servizz kontinwu u sodisfaċenti maħsub għall-membri u għall-benefiċjarji.

4.  
L-IORPs għandhom jiżguraw il-funzjonament xieraq tal-attivitajiet esternalizzati permezz tal-proċess tal-għażla ta' fornitur ta' servizz u tal-monitoraġġ kontinwu tal-attivitajiet ta' dak il-fornitur ta' servizz.
5.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs li jesternalizzaw funzjonijiet ewlenin, l-immaniġġjar ta' dawk l-IORPs, jew attivitajiet oħra koperti minn din id-Direttiva jidħlu fi ftehim bil-miktub mal-fornitur ta' servizz. Ftehim ta' dan it-tip għandu jkun legalment eżegwibbli u għandu jiddefinixxi b'mod ċar id-drittijiet u l-obbligi tal-IORP u tal-fornitur ta' servizz.
6.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti fiż-żmien opportun dwar kwalunkwe esternalizzazzjoni tal-attivitajiet koperti minn din id-Direttiva. Meta l-esternalizzazzjoni tikkonċerna l-funzjonijiet ewlenin jew l-immaniġġjar tal-IORPs, din għandha tiġi nnotifikata lill-awtoritajiet kompetenti qabel ma jidħol fis-seħħ il-ftehim dwar kwalunkwe esternalizzazzjoni ta' dan it-tip. L-Istati Membri għandhom ukoll jiżguraw li l-IORPs jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwalunkwe żvilupp importanti sussegwenti fir-rigward ta' kwalunkwe attività esternalizzata.
7.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa biex, fi kwalunkwe ħin, jitolbu l-informazzjoni mingħand l-IORPs u l-fornituri ta' servizz dwar il-funzjonijiet ewlenin jew kwalunkwe attività oħra li jkunu ġew esternalizzati.

Artikolu 32

L-immaniġġjar tal-investiment

L-Istati Membri m'għandhomx jirrestrinġu lill-IORPs milli jaħtru, għall-immaniġġjar tal-portafoll tal-investiment, maniġers ta' investiment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u debitament awtorizzati għal din l-attività, f'konformità mad-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE u 2014/65/UE, kif ukoll l-entitajiet awtorizzati msemmija fl-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva.

KAPITOLU 3

Depożitarju

Artikolu 33

Ħatra tad-depożitarju

1.  
Fil-każ ta' skema ta' pensjoni okkupazzjonali fejn il-membri u l-benefiċjarji jġorru r-riskju tal-investiment kollu huma, l-Istat Membru ta' domiċilju jista' jeżiġi li l-IORP taħtar depożitarju wieħed jew aktar għall-kustodja tal-assi u għal dmirijiet ta' sorveljanza f'konformità mal-Artikoli 34 u 35. L-Istat Membru ospitanti jista' jeżiġi li tali IORPs jaħtru depożitarju wieħed jew aktar għall-kustodja tal-assi u għal dmirijiet ta' sorveljanza f'konformità mal-Artikoli 34 u 35 meta jwettqu attività transfruntiera f'konformità mal-Artikolu 11, dment li l-ħatra ta' depożitarju tkun rikjesta skont il-liġi nazzjonali tiegħu.
2.  
Għall-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali li fihom il-membri u l-benefiċjarji ma jġorrux ir-riskju tal-investiment kollu huma, l-Istat Membru ta' domiċilju jista' jeżiġi li l-IORP taħtar depożitarju wieħed jew aktar għall-kustodja tal-assi jew għall-kustodja tal-assi u għal dmirijiet ta' sorveljanza f'konformità mal-Artikoli 34 u 35.
3.  
L-Istati Membri m'għandhomx jirrestrinġu lill-IORPs milli jaħtru depożitarji stabbiliti fi Stat Membru ieħor u debitament awtorizzati skont id-Direttiva 2013/36/UE jew id-Direttiva 2014/65/UE jew aċċettati bħala depożitarji għall-għanijiet tad-Direttiva 2009/65/KE jew id-Direttiva 2011/61/UE.
4.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu, skont il-liġi nazzjonali tagħhom, jipprojbixxu, f'konformità mal-Artikolu 48, id-disponiment bla ħlas tal-assi miżmuma minn depożitarju jew kustodju li jinsabu fit-territorju tagħhom fuq it-talba tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP.
5.  
Id-depożitarju għandu jinħatar permezz ta' kuntratt bil-miktub. Il-kuntratt għandu jistipula t-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa biex id-depożitarju jkun jista' jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif stabbilit f'din id-Direttiva u f'liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti oħra.
6.  
Meta jwettqu l-kompiti stipulati fl-Artikoli 34 u 35, l-IORP u d-depożitarju għandhom jaġixxu b'mod onest, ġust, professjonali, indipendenti u fl-interess tal-membri u tal-benefiċjarji tal-iskema.
7.  
Depożitarju m'għandux iwettaq attivitajiet fir-rigward tal-IORP li jistgħu joħolqu kunflitti ta' interess bejn l-IORP, il-membri u l-benefiċjarji tal-iskema u d-depożitarju nnifsu, sakemm id-depożitarju ma jkunx funzjonalment u ġerarkikament issepara l-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu bħala depożitarju mill-kompiti l-oħra tiegħu li potenzjalment joħolqu kunflitt, u sakemm il-kunflitti ta' interess potenzjali jkunu ġew identifikati, immaniġġjati, immonitorjati u ddivulgati kif xieraq lill-membri u lill-benefiċjarji tal-iskema u lill-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju tal-IORP.
8.  
Fejn ma jinħatar l-ebda depożitarju, l-IORPs għandhom jagħmlu arranġamenti biex jipprevjenu u jsolvu kwalunkwe kunflitt ta' interess li jinqala' matul il-kompiti li normalment jitwettqu minn depożitarju jew minn maniġer tal-assi.

Artikolu 34

Kustodja tal-assi u r-reponsabbiltà tad-depożitarju

1.  
Fejn l-assi ta' IORP relatati ma' skema ta' pensjoni li tikkonsisti fi strumenti finanzjarji li jistgħu jinżammu f'kustodja, jiġu fdati lil depożitarju għall-kustodja tagħhom, id-depożitarju għandu jżomm f'kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jkunu rreġistrati f'kont tal-istrumenti finanzjarji li jkun infetaħ fil-kotba tad-depożitarju u l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu fiżikament jintbagħtu lid-depożitarju.

Għal dawk il-finijiet, id-depożitarju għandu jiżgura li l-istrumenti finanzjarji li jistgħu jiġu rreġistrati f'kont tal-istrumenti finanzjarji li jkun infetaħ fil-kotba tad-depożitarju, jiġu rreġistrati fil-kotba tad-depożitarju f'kontijiet segregati, f'konformità mar-regoli stipulati fid-Direttiva 2014/65/UE u jinfetħu f'isem l-IORP, sabiex f'kull ħin, ikunu jistgħu jiġu faċilment identifikati bħala li jappartjenu lill-IORP jew lill-membri u l-benefiċjarji tal-iskema ta' pensjoni.

2.  
Fejn l-assi ta' IORP relatati ma' skema ta' pensjoni jikkonsistu f'assi oħra għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 1, id-depożitarju għandu jivverifika li l-IORP tkun is-sid tal-assi u għandu jżomm rekord ta' dawk l-assi. Il-verifika għandha titwettaq abbażi tal-informazzjoni jew tad-dokumenti pprovduti mill-IORP u, meta tkun disponibbli, abbażi ta' evidenza esterna. Id-depożitarju għandu jżomm ir-rekord tiegħu aġġornat.
3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li depożitarju jkun responsabbli fil-konfront tal-IORP u tal-membri u l-benefiċjarji, għal kwalunkwe telf li dawn ikunu ġarrbu minħabba nuqqas inġustifikabbli min-naħa tiegħu li jwettaq l-obbligi tiegħu jew minħabba li jkun wettaqhom b'mod mhux xieraq.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-responsabbiltà tad-depożitarju, kif imsemmi fil-paragrafu 3, m'għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li dan ikun feda l-assi kollha li jkunu fil-kustodja tiegħu, jew xi uħud minnhom, lil xi parti terza.
5.  

Fejn ma jinħatar l-ebda depożitarju għall-kustodja tal-assi, l-IORPs għandhom tal-anqas ikunu rikjesti:

(a) 

jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji jkunu soġġetti għall-attenzjoni u l-protezzjoni dovuta;

(b) 

iżommu rekords li jippermettu lill-IORPs jidentifikaw l-assi kollha f'kull ħin u mingħajr dewmien;

(c) 

jieħdu l-miżuri neċessarji biex jevitaw li jkun hemm kunflitti ta' interess fir-rigward tal-kustodja tal-assi;

(d) 

jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti, fuq talba, dwar kif ikunu qed jinżammu l-assi.

Artikolu 35

Dmirijiet ta' sorveljanza

1.  

Apparti l-kompiti msemmija fl-Artikolu 34(1) u (2), id-depożitarju maħtur għal dmirijiet ta' sorveljanza għandu:

(a) 

iwettaq l-istruzzjonijiet tal-IORP, sakemm dawn ma joħolqux kunflitt mal-liġi nazzjonali jew mar-regoli tal-IORP;

(b) 

jiżgura li, fit-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi ta' IORP relatati ma' skema ta' pensjoni, kwalunkwe korrispettiv jintbagħat lill-IORP fil-limiti taż-żmien tas-soltu; u

(c) 

jiżgura li l-introjtu prodott mill-assi jiġi applikat f'konformità mar-regoli tal-IORP.

2.  
Minkejja l-paragrafu 1, l-Istat Membru ta' domiċilju tal-IORP jista' jistabbilixxi dmirijiet ta' sorveljanza oħrajn li għandhom jitwettqu mid-depożitarju.
3.  
Fejn ma jinħatar l-ebda depożitarju għad-dmirijiet ta' sorveljanza, l-IORP għandha timplimenta proċeduri li jiżguraw li l-kompiti, li normalment ikunu soġġetti għas-sorveljanza mid-depożitarji, ikunu qed jitwettqu kif xieraq fl-IORP.

TITOLU IV

INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA LILL-MEMBRI PROSPETTIVI, LILL-MEMBRI U LILL-BENEFIĊJARJI

KAPITOLU 1

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 36

Prinċipji

1.  

B'kunsiderazzjoni tan-natura tal-iskema ta' pensjoni stabbilita, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull IORP irreġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom tipprovdi:

(a) 

lill-membri prospettivi: tal-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Artikolu 41;

(b) 

lill-membri: tal-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Artikoli 37 sa 40, 42 u 44; u

(c) 

lill-benefiċjarji: tal-anqas l-informazzjoni stipulata fl-Artikoli 37, 43 u 44.

2.  

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a) 

tiġi aġġornata fuq bażi regolari;

(b) 

tinkiteb b'mod ċar, billi jintuża lingwaġġ ċar, konċiż u li jinftiehem u billi jiġi evitat l-użu ta' termini tekniċi fejn minflokhom jista' jintuża kliem ordinarju ta' kuljum;

(c) 

ma tiżvijax lil dak li jkun, u għandha tinżamm konsistenza fil-vokabularju u fil-kontenut tagħha;

(d) 

tiġi ppreżentata b'tali mod li tkun faċli biex tinqara;

(e) 

tkun disponibbli b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru li l-liġi soċjali u tax-xogħol tiegħu rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali tkun applikabbli għall-iskema ta' pensjoni kkonċernata; u

(f) 

ssir disponibbli għall-membri prospettivi, il-membri u l-benefiċjarji mingħajr ħlas permezz ta' mezzi elettroniċi, inkluż mezz dewwiemi jew sit elettroniku, jew f'forma stampata.

3.  
L-Istati Membri jistgħu jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet ulterjuri dwar l-informazzjoni li għandha tingħata lill-membri prospettivi, lill-membri u lill-benefiċjarji.

Artikolu 37

Informazzjoni ġenerali dwar l-iskema ta' pensjoni

1.  

L-Istati Membri għandhom, fir-rigward ta' kull IORP irreġistrata jew awtorizzata fit-territorji tagħhom, jiżguraw li l-membri u l-benefiċjarji jkunu suffiċjentement infurmati dwar l-iskema ta' pensjoni rispettiva operata mill-IORP, b'mod partikolari dwar:

(a) 

l-isem tal-IORP, l-Istat Membru fejn l-IORP hija rreġistrata jew awtorizzata u l-isem tal-awtorità kompetenti tiegħu;

(b) 

id-drittijiet u l-obbligi tal-partijiet involuti fl-iskema ta' pensjoni;

(c) 

l-informazzjoni dwar il-profil tal-investiment;

(d) 

in-natura tar-riskji finanzjarji mġarrba mill-membri u l-benefiċjarji;

(e) 

il-kundizzjonijiet dwar il-garanziji sħaħ jew parzjali taħt l-iskema ta' pensjoni jew ta' livell speċifikat ta' benefiċċji jew, fejn l-ebda garanzija ma tiġi pprovduta taħt l-iskema ta' pensjoni, dikjarazzjoni f'dan is-sens;

(f) 

il-mekkaniżmi li jipproteġu l-intitolamenti dovuti jew il-mekkaniżmi li jnaqqsu l-benefiċċji, jekk ikun hemm;

(g) 

fejn il-membri jġorru r-riskju ta' investiment jew jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-passat ta' investimenti relatati mal-iskema ta' pensjoni għal mhux inqas minn ħames snin, jew għas-snin kollha li l-iskema tkun ilha topera meta t-tul ta' żmien ikun inqas minn ħames snin;

(h) 

l-istruttura tal-ispejjeż imġarrba mill-membri u l-benefiċjarji, għall-iskemi li ma jipprevedux livell partikolari ta' benefiċċji;

(i) 

l-għażliet disponibbli għall-membri u l-benefiċjarji biex jirċievu l-benefiċċji tal-irtirar tagħhom;

(j) 

fil-każ li membru jkollu d-dritt li jittrasferixxi d-drittijiet tal-pensjoni, informazzjoni ulterjuri dwar l-arranġamenti rigward tali trasferiment.

2.  
Fir-rigward tal-iskemi li fihom il-membri jġorru riskju ta' investiment u li jipprevedu aktar minn opzjoni waħda bi profili tal-investiment differenti, il-membri għandhom jiġu informati bil-kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firxa ta' opzjonijiet ta' investiment disponibbli, u fejn ikun applikabbli, l-opzjoni ta' investiment awtomatika u, r-regola tal-iskema ta' pensjoni li membru partikolari jiġi allokat għal opzjoni ta' investiment.
3.  
Il-membri u l-benefiċjarji jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jirċievu fi żmien raġonevoli, kull informazzjoni rilevanti fir-rigward ta' bidliet għar-regoli tal-iskema ta' pensjoni. Barra minn hekk, l-IORPs għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħhom spjegazzjoni tal-impatt fuq il-membri u l-benefiċjarji tal-bidliet sinifikanti għall-provvedimenti tekniċi.
4.  
L-IORPs għandhom jagħmlu disponibbli l-informazzjoni ġenerali dwar l-iskema ta' pensjoni stipulata f'dan l-Artikolu.

KAPITOLU 2

Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni u informazzjoni supplimentari

Artikolu 38

Dispożizzjonijiet ġenerali

1.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs ifasslu dokument konċiż li jkun fih l-informazzjoni ewlenija għal kull membru b'kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tas-sistemi nazzjonali ta' pensjoni u l-liġi soċjali, tax-xogħol u fiskali nazzjonali rilevanti (“Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni”). It-titolu tad-dokument għandu jkun fih il-kliem “Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni”.
2.  
Id-data eżatta li għaliha tirreferi l-informazzjoni mniżżla fir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni għandha tiġi ddikjarata b'mod prominenti.
3.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-informazzjoni inkluża fir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni tkun preċiża, aġġornata u titqiegħed għad-dispożizzjoni ta' kull membru mingħajr ħlas permezz ta' mezzi elettroniċi, inkluż mezz dewwiemi jew sit elettroniku, jew f'forma stampata, għall-anqas darba fis-sena. Kopja stampata għandha tiġi pprovduta lill-membri, fuq talba, flimkien ma' kwalunkwe informazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi.
4.  
Kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni inkluża fir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni meta mqabbla ma' dik tas-sena preċedenti, għandha tiġi indikata b'mod ċar.
5.  
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli biex jiddeterminaw is-suppożizzjonijiet tal-previżjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 39(1). Dawk ir-regoli għandhom jiġu applikati mill-IORPs sabiex jiddeterminaw, fejn relevanti, ir-rata annwali tar-redditi nominali tal-investiment, ir-rata annwali tal-inflazzjoni u x-xejra tas-salarji futuri.

Artikolu 39

Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni

1.  

Ir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni għandu jinkludi mill-anqas, din l-informazzjoni essenzjali li ġejja għall-membri:

(a) 

id-dettalji personali tal-membru, inkluża indikazzjoni ċara tal-età statutorja tal-irtirar, l-età tal-irtirar stabbilita fl-iskema ta' pensjoni jew stmata mill-IORP jew l-età tal-irtirar stabbilita mill-membru, kif applikabbli;

(b) 

l-isem tal-IORP u l-indirizz ta' kuntatt tagħha u l-identifikazzjoni tal-iskema ta' pensjoni tal-membru;

(c) 

fejn ikun applikabbli, informazzjoni dwar garanziji sħaħ jew parzjali skont l-iskema ta' pensjoni u jekk rilevanti, fejn tista' tinstab aktar informazzjoni;

(d) 

informazzjoni dwar il-previżjonijiet tal-benefiċċji tal-pensjoni bbażati fuq l-età tal-irtirar kif speċifikat fil-punt (a), u dikjarazzjoni ta' ċaħda ta' responsabbiltà li dawk il-previżjonijiet jistgħu jvarjaw mill-valur finali tal-benefiċċji rċevuti. Jekk il-previżjonijiet tal-benefiċċji tal-pensjoni jkunu bbażati fuq xenarji ekonomiċi, dik l-informazzjoni għandha tinkludi wkoll xenarju tal-aħjar stima u xenarju mhux favorevoli, filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-iskema ta' pensjoni;

(e) 

informazzjoni dwar l-intitolamenti dovuti jew il-kapital akkumulat, filwaqt li titqies in-natura speċifika tal-iskema ta' pensjoni;

(f) 

informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-impriża sponsor u mill-membru fl-iskema ta' pensjoni, għall-anqas matul l-aħħar tnax-il xahar, b'kunsiderazzjoni tan-natura speċifika tal-iskema ta' pensjoni;

(g) 

analiżi tal-ispejjeż imnaqqsa mill-IORP għall-anqas matul l-aħħar tnax-il xahar;

(h) 

informazzjoni dwar il-livell ta' finanzjament tal-iskema ta' pensjoni kollha kemm hi.

2.  
F'konformità mal-Artikolu 60, l-Istati Membri għandhom jiskambjaw l-aħjar prattiki fir-rigward tal-format u l-kontenut tar-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni.

Artikolu 40

Informazzjoni supplimentari

1.  

Ir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni għandu jispeċifika fejn u kif tista' tinkiseb l-informazzjoni supplimentari, inklużi:

(a) 

informazzjoni prattika ulterjuri dwar l-opzjonijiet tal-membru pprovduti skont l-iskema ta' pensjoni;

(b) 

l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 29 u 30;

(c) 

fejn applikabbli, informazzjoni dwar is-suppożizzjonijiet użati għall-ammonti espressi f'renti, b'mod partikolari fir-rigward tar-rata tar-renta, it-tip ta' fornitur u d-durata tar-renta;

(d) 

informazzjoni dwar il-livell tal-benefiċċji f'każ li jintemm l-impjieg.

2.  
Fir-rigward tal-iskemi ta' pensjoni li fihom il-membri jġorru riskju tal-investiment u fejn tiġi imposta fuqhom opzjoni ta' investiment b'regola partikolari speċifikata fl-iskema ta' pensjoni, ir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni għandu jindika fejn hija disponibbli informazzjoni addizzjonali.

KAPITOLU 3

Informazzjoni oħra u d-dokumenti li għandhom jingħataw

Artikolu 41

Informazzjoni li għandha tingħata lill-membri prospettivi

1.  

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jiżguraw li l-membri prospettivi li ma jkunux awtomatikament irreġistrati fi skema ta' pensjoni jkunu infurmati, qabel ma jissieħbu ma' dik l-iskema ta' pensjoni, dwar:

(a) 

kwalunkwe opzjoni rilevanti disponibbli għalihom inklużi l-opzjonijiet ta' investiment;

(b) 

il-karatteristiċi rilevanti tal-iskema ta' pensjoni, inkluż it-tip ta' benefiċċji;

(c) 

informazzjoni dwar jekk u kif jitqiesu l-fatturi ambjentali, klimatiċi, soċjali u tal-governanza korporattiva fl-approċċ tal-investiment; u

(d) 

fejn hija disponibbli informazzjoni ulterjuri.

2.  
Fejn il-membri jġorru riskju ta' investiment jew jistgħu jieħdu deċiżjonijiet ta' investiment, membri prospettivi għandhom jingħataw l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni tal-passat ta' investimenti relatati mal-iskema ta' pensjoni għal mhux inqas minn ħames snin, jew għas-snin kollha li l-iskema tkun ilha topera meta t-tul ta' żmien ikun inqas minn ħames snin u informazzjoni dwar l-istruttura tal-ispejjeż imġarrba mill-membri u mill-benefiċjarji.
3.  

L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs jiżguraw li l-membri prospettivi li huma awtomatikament rreġistrati fi skema ta' pensjoni jkunu, wara r-reġistrazzjoni tagħhom, immedjatament informati dwar:

(a) 

kwalunkwe opzjoni disponibbli għalihom, inklużi l-opzjonijiet ta' investiment;

(b) 

il-karatteristiċi rilevanti tal-iskema ta' pensjoni, inkluż it-tip ta' benefiċċji;

(c) 

informazzjoni dwar jekk u kif jitqiesu l-fatturi ambjentali, klimatiċi, soċjali u ta' governanza korporattiva fl-approċċ ta' investiment; u

(d) 

fejn hija disponibbli informazzjoni ulterjuri:

Artikolu 42

Informazzjoni li għandha tingħata lill-Membri matul il-fażi ta' qabel l-irtirar

Minbarra r-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni, l-IORPs għandhom jipprovdu lil kull membru, fi żmien xieraq qabel l-età tal-irtirar kif speċifikat fil-punt (a) tal-Artikolu 39(1), jew fuq it-talba tal-membru, bl-informazzjoni dwar l-opzjonijiet ta' ħlas tal-benefiċċji disponibbli meta jieħdu l-benefiċċji tal-irtirar tagħhom.

Artikolu 43

Informazzjoni li għandha tingħata lill-benefiċjarji fil-fażi tal-ħlas

1.  
L-Istati Membri għandhom jeżiġu li l-IORPs perjodikament jipprovdu lill-benefiċjarji b'informazzjoni dwar il-benefiċċji dovuti lilhom u l-opzjonijiet ta' ħlas korrispondenti.
2.  
L-IORPs għandhom jinfurmaw lill-benefiċjarji mingħajr dewmien wara li tkun ittieħdet deċiżjoni finali li tirriżulta fi tnaqqis fil-livell tal-benefiċċji dovuti, u tliet xhur qabel ma tiġi implimentata dik id-deċiżjoni.
3.  
Meta livell sinifikanti tar-riskju tal-investiment jinġarr mill-benefiċjarji fil-fażi tal-ħlas, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-benefiċjarji jirċievu l-informazzjoni adegwata b'mod regolari.

Artikolu 44

Informazzjoni addizzjonali li għandha tingħata lill-membri u lill-benefiċjarji fuq talba

Fuq it-talba ta' membru, ta' benefiċjarju jew tar-rappreżentanti tagħhom, l-IORP għandha tipprovdi din l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a) 

il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali msemmija fl-Artikolu 29, jew meta IORP tkun responsabbli għal aktar minn skema waħda, dawk il-kontijiet u r-rapporti li jirrigwardaw l-iskema ta' pensjoni partikolari tagħhom;

(b) 

id-dikjarazzjoni tal-prinċipji tal-politika ta' investiment, imsemmija fl-Artikolu 30;

(c) 

kull informazzjoni addizzjonali dwar is-suppożizzjonijiet użati biex jiġu ġġenerati l-previżjonijiet imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 39(1);

TITOLU V

SUPERVIŻJONI PRUDENZJALI

KAPITOLU 1

Regoli ġenerali dwar is-superviżjoni prudenzjali

Artikolu 45

Objettiv ewlieni tas-superviżjoni prudenzjali

1.  
L-objettiv ewlieni tas-superviżjoni prudenzjali huwa li tipproteġi d-drittijiet tal-membri u tal-benefiċjarji u tiżgura l-istabbiltà u s-sodezza tal-IORPs.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkunu pprovduti bil-mezzi neċessarji, u jkollhom l-esperjenza, il-kapaċità, u l-mandat rilevanti biex jiksbu l-objettiv ewlieni tas-superviżjoni msemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 46

Kamp ta' applikazzjoni tas-superviżjoni prudenzjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs ikunu soġġetti għas-superviżjoni prudenzjali, inkluża s-superviżjoni ta' dawn li ġejjin, meta jkun applikabbli:

(a) 

il-kundizzjonijiet tal-operazzjonijiet;

(b) 

il-provvedimenti tekniċi;

(c) 

il-finanzjament tal-provvedimenti tekniċi;

(d) 

il-fondi proprji regolatorji;

(e) 

il-marġini ta' solvenza disponibbli;

(f) 

il-marġini ta' solvenza rikjest;

(g) 

ir-regoli ta' investiment;

(h) 

l-immaniġġjar tal-investiment;

(i) 

is-sistema ta' governanza; u

(j) 

l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-membri u lill-benefiċjarji.

Artikolu 47

Prinċipji ġenerali tas-superviżjoni prudenzjali

1.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju għandhom ikunu responsabbli għas-superviżjoni prudenzjali tal-IORPs.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-superviżjoni tissejjes fuq approċċ li jħares 'il quddiem u bbażat fuq ir-riskju.
3.  
Is-superviżjoni tal-IORPs għandha tinkludi abbinament xieraq ta' attivitajiet mhux fuq il-post u ta' spezzjonijiet fuq il-post.
4.  
Is-setgħat superviżorji għandhom jiġu applikati b'mod li jkun opportun u proporzjonat għad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.
5.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw b'mod xieraq l-impatt potenzjali tal-azzjonijiet tagħhom fuq l-istabbiltà tas-sistemi finanzjarji fl-Unjoni, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

Artikolu 48

Setgħat ta' intervent u dmirijiet tal-awtoritajiet kompetenti

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżiġu li kull IORP irreġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom ikollha proċeduri amministrattivi u kontabilistiċi sodi u mekkaniżmi adegwati ta' kontroll intern.
2.  
Mingħajr preġudizzju għas-setgħat superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur kollu tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet amministrattivi u l-miżuri l-oħra tagħhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
3.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi skont din id-Direttiva għal ksur li huwa soġġett għal sanzjonijiet kriminali skont il-liġi nazzjonali tagħhom. F'dak il-każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt kriminali.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kwalunkwe sanzjoni amministrattiva jew miżura oħra li tkun ġiet imposta għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw ta' din id-Direttiva, u kontra liema ma jkun sar l-ebda appell fil-ħin, inkluża informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur, kif ukoll l-identità tal-persuni responsabbli għalih. Madankollu, fejn il-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuni ġuridiċi, jew l-identità jew id-dejta personali tal-persuni fiżiċi, titqies bħala sproporzjonata mill-awtorità kompetenti wara li ssir valutazzjoni ta' kull każ individwali dwar il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta' tali dejta, jew fejn il-pubblikazzjoni tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni li tkun għaddejja, l-awtorità kompetenti tista' tiddeċiedi li tipposponi l-pubblikazzjoni, li ma tippubblikax, jew li tippubblika s-sanzjonijiet b'mod anonimu.
5.  
Kwalunkwe deċiżjoni li tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-attivitajiet ta' IORP għandu jkun fiha raġunijiet dettaljati u tkun notifikata lill-IORP ikkonċernata. Dik id-deċiżjoni għandha tkun notifikata wkoll lill-EIOPA, li għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti kollha fil-każ ta' attività transfruntiera kif imsemmi fl-Artikolu 11.
6.  

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu wkoll jirrestrinġu jew jipprojbixxu d-disponiment bla ħlas tal-assi tal-IORP meta, b'mod partikolari:

(a) 

l-IORP tkun naqset li tistabbilixxi provvedimenti tekniċi suffiċjenti fir-rigward tan-negozju kollu kemm hu jew ma jkollhiex biżżejjed assi biex tkopri l-provvedimenti tekniċi;

(b) 

l-IORP tkun naqset milli żżomm il-fondi proprji regolatorji.

7.  
Sabiex jissalvagwardjaw l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jittrasferixxu s-setgħat li l-persuni li jmexxu l-IORP irreġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom ikollhom skont il-liġi tal-Istat Membru ta' domiċilju, kollha kemm huma jew parti minnhom, lil rappreżentanti speċjali li jkunu kapaċi jeżerċitaw dawk is-setgħat.
8.  

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprojbixxu jew jirrestrinġu l-attivitajiet ta' IORP irreġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom b'mod partikolari jekk:

(a) 

l-IORP tonqos milli tipproteġi b'mod adegwat l-interessi tal-membri u l-benefiċjarji tal-iskema;

(b) 

l-IORP ma tissodisfax aktar il-kundizzjonijiet ta' operazzjoni;

(c) 

l-IORP tonqos serjament fl-obbligi tagħha taħt ir-regoli li għalihom tkun soġġetta;

(d) 

fil-każ ta' attività transfruntiera, l-IORP ma tirrispettax ir-rekwiżiti tal-liġi soċjali u tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti, rilevanti fil-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali.

9.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li deċiżjonijiet meħuda fir-rigward ta' IORP taħt liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva jkunu soġġetti għal dritt ta' appell quddiem il-qrati.

Artikolu 49

Proċess ta' rieżami superviżorju

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat meħtieġa biex jirrieżaminaw l-istrateġiji, il-proċessi u l-proċeduri ta' rappurtar li jkunu stabbiliti mill-IORPs biex jikkonformaw mal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati skont din id-Direttiva, b'kunsiderazzjoni tad-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP.

Dak ir-rieżami għandu jikkunsidra ċ-ċirkostanzi li fihom l-IORPs ikunu qed joperaw u, fejn rilevanti, il-partijiet li jwettqu l-funzjonijiet ewlenin esternalizzati jew attivitajiet oħrajn għalihom. Ir-rieżami għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

(a) 

valutazzjoni tar-rekwiżiti kwalitattivi li jirrigwardaw is-sistema ta' governanza;

(b) 

valutazzjoni tar-riskji li tħabbat wiċċha magħhom l-IORP;

(c) 

valutazzjoni tal-kapaċità tal-IORP li tivvaluta u timmaniġġja dawn ir-riskji.

2.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom l-għodod ta' monitoraġġ, inklużi t-testijiet tal-istress, li jippermettulhom jidentifikaw id-deterjorament tal-kundizzjonijiet finanzjarji f'IORP u jimmonitorjaw kif jiġi rimedjat tali deterjorament.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat meħtieġa biex jeżiġu li l-IORPs jirrimedjaw id-dgħufijiet u n-nuqqasijiet identifikati fil-proċess ta' rieżami superviżorju.
4.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu l-frekwenza minima u l-kamp ta' applikazzjoni tar-rieżami stipulat fil-paragrafu 1 filwaqt li jikkunsidraw id-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-IORP ikkonċernata.

Artikolu 50

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward ta' kwalunkwe IORP irreġistrata jew awtorizzata li tinsab fit-territorji tagħhom, ikollhom is-setgħat u l-mezzi meħtieġa sabiex:

(a) 

jeżiġu li l-IORP, il-bord amministrattiv, tal-immaniġġjar jew superviżorju tal-IORP jew il-persuni li effettivament imexxu l-IORP jew li jwettqu funzjonijiet ewlenin jipprovdu f'kull ħin informazzjoni dwar il-kwistjonijiet kollha tan-negozju jew jibagħtu d-dokumenti kollha tan-negozju;

(b) 

jissorveljaw ir-relazzjonijiet bejn l-IORP u kumpaniji oħra jew bejn l-IORPs, meta l-IORPs jesternalizzaw funzjonijiet ewlenin jew kwalunkwe attività oħra lil dawk il-kumpaniji jew l-IORPs u kull riesternalizzazzjoni sussegwenti, li jinfluwenzaw is-sitwazzjoni finanzjarja tal-IORP jew li jkunu b'xi mod materjalment rilevanti għas-superviżjoni effettiva;

(c) 

jiksbu dawn id-dokumenti li ġejjin: il-valutazzjoni tar-riskji proprja, id-dikjarazzjoni tal-prinċipji tal-politika ta' investiment, il-kontijiet annwali u r-rapporti annwali, u d-dokumenti kollha l-oħra meħtieġa għall-għanijiet tas-superviżjoni;

(d) 

jistipulaw liema dokumenti huma meħtieġa għall-finijiet tas-superviżjoni, inklużi:

(i) 

rapporti interni interim;

(ii) 

valwazzjonijiet attwarji u suppożizzjonijiet dettaljati;

(iii) 

studji tal-assi u tal-obbligazzjonijiet;

(iv) 

evidenza ta' konsistenza mal-prinċipji tal-politika ta' investiment;

(v) 

evidenza li l-kontribuzzjonijiet ikunu tħallsu kif ippjanat;

(vi) 

rapporti mill-persuni responsabbli għall-awditjar tal-kontijiet annwali msemmija fl-Artikolu 29;

(e) 

iwettqu spezzjonijiet fuq il-post fil-bini tal-IORPs u, fejn xieraq, fuq l-attivitajiet esternalizzati u l-attivitajiet kollha sussegwentement riesternalizzati biex jivverifikaw jekk l-attivitajiet humiex jitwettqu skont ir-regoli ta' superviżjoni.

(f) 

meta jridu, jitolbu li jingħataw informazzjoni mingħand l-IORPs dwar l-attivitajiet esternalizzati u l-attivitajiet kollha sussegwentement riesternalizzati.

Artikolu 51

Trasparenza u responsabbiltà

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu l-kompiti stipulati f'din id-Direttiva b'mod trasparenti, indipendenti u responsabbli, filwaqt li jirrispettaw kif mistħoqq il-protezzjoni tal-informazzjoni kunfidenzjali.
2.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din l-informazzjoni li ġejja tiġi ddivulgata lill-pubbliku:

(a) 

it-testi tal-liġijiet, tar-regolamenti, tar-regoli amministrattivi u tal-gwida ġenerali fil-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali, u l-informazzjoni dwar jekk l-Istat Membru jagħżilx li japplika din id-Direttiva f'konformità mal-Artikoli 4 u 5;

(b) 

l-informazzjoni dwar il-proċess tar-rieżami superviżorju, kif stabbilit fl-Artikolu 49;

(c) 

id-dejta statistika aggregata dwar aspetti ewlenin tal-applikazzjoni tal-qafas prudenzjali;

(d) 

l-objettiv ewlieni tas-superviżjoni prudenzjali u l-informazzjoni dwar il-funzjonijiet u l-attivitajiet ewlenin tal-awtoritajiet kompetenti;

(e) 

ir-regoli dwar is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri oħra applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva.

3.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jadottaw u japplikaw proċeduri trasparenti fir-rigward tal-ħatra u s-sensja tal-membri tal-korpi governattivi u maniġerjali tal-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

KAPITOLU 2

Segretezza professjonali u skambju ta' informazzjoni

Artikolu 52

Segretezza professjonali

1.  
L-Istati Membri għandhom jistipulaw regoli biex jiżguraw li l-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll l-awdituri u l-esperti li jaġixxu f'isem dawn l-awtoritajiet, ikunu marbutin bl-obbligu tas-segretezza professjonali. Mingħajr preġudizzju għall-każijiet koperti mid-dritt kriminali, dawn il-persuni m'għandhomx jiddivulgaw informazzjoni kunfidenzjali li jkunu rċevew matul il-qadi ta' dmirijiethom lil kwalunkwe persuna jew awtorità, ħlief f'forma sommarja jew aggregata, b'hekk l-IORPs individwali ma jkunux jistgħu jiġu identifikati.
2.  
B'deroga mill-paragrafu 1, meta jkun qed isir l-istralċ ta' skema ta' pensjoni l-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-informazzjoni kunfidenzjali tiġi ddivulgata matul proċedimenti ċivili jew kummerċjali.

Artikolu 53

Użu ta' informazzjoni kunfidenzjali

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont din id-Direttiva, jużawha biss matul il-qadi ta' dmirijiethom u għal dawn l-iskopijiet li ġejjin:

(a) 

biex jivverifikaw li l-kundizzjonjiet għall-eżerċizzju ta' negozju fil-qasam tal-provvista tal-irtirar okkupazzjonali jkunu ssodisfati mill-IORPs qabel ma jibdew bl-attivitajiet tagħhom;

(b) 

biex jiffaċilitaw il-monitoraġġ tal-attivitajiet tal-IORPs, inklużi l-monitoraġġ tal-provvedimenti tekniċi, is-solvenza, is-sistema ta' governanza, u l-informazzjoni pprovduta lill-membri u lill-benefiċjarji;

(c) 

biex jimponu miżuri korrettivi, inklużi sanzjonijiet amministrattivi;

(d) 

fejn huwa permess mil-liġi nazzjonali, biex jippubblikaw, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-IORPs individwali kollha, li jistgħu jgħinu lill-membri u lill-benefiċjarji jieħdu deċiżjonijiet finanzjarji fir-rigward tal-pensjonijiet tagħhom;

(e) 

f'appelli kontra deċiżjonijiet tal-awtoritajiet kompetenti meħuda f'konformità mad-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva;

(f) 

fil-proċedimenti tal-qorti li jirrigwardaw id-dispożizzjonijiet li jittrasponu din id-Direttiva.

Artikolu 54

Id-dritt ta' inkjesta tal-Parlament Ewropew

L-Artikoli 52 u 53 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' inkjestamogħti lill-Parlament Ewropew mill-Artikolu 226 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 55

Skambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet

1.  

L-Artikoli 52 u 53 m'għandhom jipprekludu l-ebda element minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-istess Stat Membru, fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom;

(b) 

l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fi Stati Membri differenti, fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom;

(c) 

l-iskambju ta' informazzjoni, bejn l-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom, u kwalunkwe waħda minn dawn il-partijiet litkun tinsab fl-istess Stat Membru:

(i) 

l-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni ta' entitajiet tas-settur finanzjarju u ta' organizzazzjonijiet finanzjarji oħrajn u l-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni tas-swieq finanzjarji;

(ii) 

l-awtoritajiet jew il-korpi inkarigati bir-responsabbiltà taż-żamma tal-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Istati Membri permezz tal-użu tar-regoli makroprudenzjali;

(iii) 

il-korpi involuti fl-istralċ ta' skema ta' pensjoni u fi proċeduri oħrajn simili;

(iv) 

il-korpi jew l-awtoritajiet ta' riorganizzazzjoni li jkollhom l-għan li jipproteġu l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja;

(v) 

il-persuni responsabbli mit-twettiq ta' awditi statutorji tal-kontijiet ta' IORPs, impriżi ta' assigurazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn.

(d) 

id-divulgazzjoni, lill-korpi li jamministraw l-istralċ ta' skema ta' pensjoni, tal-informazzjoni meħtieġa għat-twettiq ta' dmirijiethom.

2.  
L-informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet, il-korpi u l-persuni msemmija fil-paragrafu 1, għandha tkun soġġetta għar-regoli dwar is-segretezza professjonali stipulati fl-Artikolu 52.
3.  

L-Artikoli 52 u 53 m'għandhomx jipprekludu lill-Istati Membri milli jawtorizzaw skambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-awtoritajiet responsabbli mis-sorveljanza tal-korpi involuti fl-istralċ ta' skemi ta' pensjoni u fi proċeduri oħrajn simili;

(b) 

l-awtoritajiet responsabbli mis-sorveljanza ta' persuni inkarigati mit-twettiq ta' awditi statutorji tal-kontijiet tal-IORPs, tal-impriżi ta' assigurazzjoni u ta' istituzzjonijiet finanzjarji oħrajn;

(c) 

attwarji independenti ta' IORPs li jwettqu superviżjoni ta' dawn l-IORPs u l-korpi responsabbli mis-sorveljanza ta' dawn l-attwarji.

Artikolu 56

Trażmissjoni ta' informazzjoni lill-banek ċentrali, l-awtoritajiet monetarji, l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku

1.  

L-Artikoli 52 u 53 m'għandhomx jipprevjenu lil xi awtorità kompetenti milli tittrażmetti informazzjoni lil dawn l-entitajiet għall-finijiet tal-eżerċitar tal-kompiti rispettivi tagħhom:

(a) 

il-banek ċentrali u korpi oħrajn b'funzjoni simili fil-kapaċità tagħhom bħala awtoritajiet monetarji;

(b) 

awtoritajiet pubbliċi oħrajn responsabbli mis-sorveljanza tas-sistemi ta' pagament, fejn xieraq;

(c) 

il-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, l-EIOPA, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità Bankarja Ewropea) stabbiliti permezz tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ).

2.  
L-Artikoli 55 sa 58 m'għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet jew lill-korpi msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu milli jikkomunikaw lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiġu bżonn, għall-finijiet tal-Artikolu 53.
3.  
L-informazzjoni rċevuta skont il-paragrafi 1 u 2, għandha tkun soġġetta għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali li tal-anqas ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva.

Artikolu 57

Divulgazzjoni ta' informazzjoni lill-amministrazzjonijiet tal-gvern responsabbli mil-leġiżlazzjoni finanzjarja

1.  
L-Artikoli 52(1), 53 u 58(1) m'għandhomx jipprekludu lill-Istati Membri milli jawtorizzaw id-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali bejn l-awtoritajiet kompetenti u dipartimenti oħrajn tal-amministrazzjonijiet tal-gvern ċentrali tagħhom responsabbli mill-infurzar tal-leġiżlazzjoni dwar is-superviżjoni tal-IORPs, l-istituzzjonijiet ta' kreditu, l-istituzzjonijiet finanzjarji, is-servizzi ta' investiment u l-impriżi ta' assigurazzjoni, jew lil spetturi li jaġixxu f'isem dawk id-dipartimenti.

Dik id-divulgazzjoni għandha ssir biss meta jkun meħtieġ għal raġunijiet ta' kontroll prudenzjali, u għall-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni ta' IORPs li jkunu qed ifallu. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 2 ta' dan l-artikolu, il-persuni li jkollhom aċċess għall-informazzjoni għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali li tal-anqas ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri għandhom jipprovdu l-informazzjoni rċevuta skont l-Artikolu 55, u l-informazzjoni miksuba permezz ta' verifika fuq il-post, jistgħu jiġu ddivulgati biss bil-kunsens espress tal-awtorità kompetenti li minnha tkun oriġinat l-informazzjoni jew tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun saret il-verifika fuq il-post.

2.  

L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw id-divulgazzjoni ta' informazzjoni kunfidenzjali relatata mas-superviżjoni prudenzjali tal-IORPs lill-kumitati ta' inkjesta parlamentari jew lill-qrati tal-awdituri fl-Istat Membru tagħhom jew lil entitajiet oħrajn inkarigati mill-inkjesti fl-Istat Membru tagħhom, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

l-entitajiet ikollhom il-kompetenza skont il-liġi nazzjonali biex jinvestigaw jew jgħaddu minn skrutinju l-azzjonijiet tal-awtoritajiet responsabbli mis-superviżjoni tal-IORPs jew mil-liġijiet dwar tali superviżjoni;

(b) 

l-informazzjoni tkun strettament neċessarja biex tiġi ssodisfata l-kompetenza msemmija fil-punt (a);

(c) 

il-persuni b'aċċess għall-informazzjoni jkunu soġġetti għar-rekwiżiti ta' segretezza professjonali skont il-liġi nazzjonali, li tal-anqas ikunu ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'din id-Direttiva;

(d) 

jekk l-informazzjoni toriġina minn Stat Membru ieħor, dik l-informazzjoni tiġi ddivulgata bil-ftehim espliċitu tal-awtoritajiet kompetenti ta' oriġini u għall-finijiet biss li magħhom ikunu qablu dawn l-awtoritajiet.

Artikolu 58

Kundizzjonijiet għall-iskambju ta' informazzjoni

1.  

Għall-iskambji ta' informazzjoni skont l-Artikolu 55, it-trażmissjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 56 u d-divulgazzjoni tal-informazzjoni skont l-Artikolu 57, l-Istati Membri għandhom jeżiġu li tal-anqas jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:

(a) 

l-informazzjoni għandha tiġi skambjata, trażmessa jew iddivulgata bl-iskop li titwettaq is-sorveljanza jew is-superviżjoni;

(b) 

l-informazzjoni rċevuta għandha tkun soġġetta għall-obbligu tas-segretezza professjonali stipulat fl-Artikolu 52;

(c) 

fejn l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, m'għandhiex tiġi ddivulgata mingħajr il-ftehim espress tal-awtorità kompetenti minn fejn toriġina u, fejn xieraq, għall-finijiet biss li magħhom tkun qablet dik l-awtorità.

2.  
L-Artikolu 53 m'għandux jipprekludi l-Istati Membri milli jawtorizzaw, bil-għan li jissaħħu l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-awtoritajiet jew il-korpi responsabbli mill-iskoperta u mill-investigazzjoni ta' ksur tal-liġi dwar il-kumpaniji, applikabbli għall-impriżi sponsor.

L-Istati Membri li japplikaw l-ewwel subparagrafu għandhom jeżiġu li tal-anqas jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-informazzjoni trid tkun maħsuba għall-finijiet tal-iskoperta, u l-investigazzjoni u l-iskrutinju kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 57(2);

(b) 

l-informazzjoni rċevuta trid tkun soġġetta għall-obbligu tas-segretezza professjonali stipulat fl-Artikolu 52;

(c) 

meta l-informazzjoni toriġina fi Stat Membru ieħor, m'għandhiex tiġi ddivulgata mingħajr il-ftehim espress tal-awtorità kompetenti minn fejn toriġina u, fejn xieraq, għall-finijiet biss li magħhom tkun qablet dik l-awtorità.

3.  
Fejn, fi Stat Membru, l-awtoritajiet jew il-korpi msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 iwettqu l-kompitu tagħhom ta' skoperta jew ta' investigazzjoni bil-għajnuna ta' persuni li jinħatru, minħabba l-kompetenza speċifika tagħhom, għal dak l-iskop u li ma jkunux impjegati fis-settur pubbliku, għandha tapplika l-possibbiltà ta' skambjar ta' informazzjoni, kif jipprevedi l-Artikolu 57(2).

Artikolu 59

Dispożizzjonijiet nazzjonali ta' natura prudenzjali

1.  
L-Istati Membri għandhom jirrapportaw lill-EIOPA d-dispożizzjonijiet nazzjonali tagħhom ta' natura prudenzjali rilevanti għall-qasam tal-iskemi ta' pensjoni okkupazzjonali, li mhumiex koperti mil-liġi nazzjonali soċjali u tax-xogħol dwar l-organizzazzjoni tas-sistemi ta' pensjoni kif imsemmija fl-Artikolu 11(1).
2.  
L-Istati Membri għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni fuq bażi regolari u mill-inqas kull sentejn u l-EIOPA għandha tagħmel dik l-informazzjoni disponibbli fuq is-sit elettroniku tagħha.

TITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 60

Kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-EIOPA

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw, b'mod xieraq, l-applikazzjoni uniformi ta' din id-Direttiva permezz ta' skambji regolari ta' informazzjoni u esperjenza bil-ħsieb li jiżviluppaw l-aħjar prattiki f'din l-isfera u kooperazzjoni eqreb u fejn ikun applikabbli bl-involviment tas-sħab soċjali, u permezz ta' hekk, jipprevjenu distorsjonijiet fil-kompetizzjoni u joħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal sħubija transfruntiera mingħajr problemi.
2.  
Il-Kummissjoni u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkollaboraw fil-qrib bil-ħsieb li jiffaċilitaw is-superviżjoni tal-operazzjonijiet tal-IORPs.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw mal-EIOPA għall-finijiet ta' din id-Direttiva, skont ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u għandhom mingħajr dewmien, jipprovdu lill-EIOPA l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex hi twettaq dmirijietha skont din id-Direttiva u skont ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010, skont l-Artikolu 35 ta' dak ir-Regolament.
4.  
Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-EIOPA bi kwalunkwe diffikultajiet kbar li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' din id-Direttiva. Il-Kummissjoni, l-EIOPA u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kkonċernati għandhom jeżaminaw dawk id-diffikultajiet kemm jista' jkun malajr sabiex tinstab soluzzjoni adattata.

Artikolu 61

Ipproċessar ta' dejta personali

Fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali fil-qafas ta' din id-Direttiva, l-IORPs u l-awtoritajiet kompetenti għandhom iwettqu l-kompiti tagħhom għall-finijiet ta' din id-Direttiva, f'konformità mar-Regolament (UE) 2016/679. Fir-rigward tal-ipproċessar ta' dejta personali mill-EIOPA fil-qafas ta' din id-Direttiva, l-EIOPA għandha tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.

Artikolu 62

Evalwazzjoni u rieżami

1.  
Sat-13 ta' Jannar 2023, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina din id-Direttiva u tirrapporta dwar l-implimentazzjoni u l-effettività tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
2.  

Ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1 għandu b'mod partikolari jqis:

(a) 

l-adegwatezza ta' din id-Direttiva mil-lat prudenzjali u ta' governanza,

(b) 

l-attività transfruntiera;

(c) 

l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u l-impatt tagħha fuq l-istabbiltà tal-IORPs,

(d) 

ir-Rapport tal-Benefiċċji tal-Pensjoni.

Artikolu 63

Emenda tad-Direttiva 2009/138/KE

Id-Direttiva 2009/138/KE hija emendata kif ġej:

(1) 

fl-Artikolu 13, il-punt (7) huwa sostitwit b'dan li ġej:

“(7) ‘riassigurazzjoni’ tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

l-attività li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni ta' riskji ċeduti minn impriża ta' assigurazzjoni jew impriża ta' assigurazzjoni minn pajjiż terz jew minn impriża oħra ta' rijassigurazzjoni jew impriża ta' riassigurazzjoni minn pajjiż terz;

(b) 

fil-każ tal-assoċjazzjoni ta' underwriters magħrufa bħala Lloyd's, l-attività li tikkonsisti fl-aċċettazzjoni ta' riskji ċeduti minn kwalunkwe membru ta' Lloyd's, minn impriża ta' assigurazzjoni jew ta' riassigurazzjoni minbarra l-assoċjazzjoni ta' underwriters magħrufa bħala Lloyd's; jew

(c) 

il-provvista ta' kopertura minn impriża ta' riassigurazzjoni lil istituzzjoni li taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *1 );

(2) 

fl-Artikolu 308b, il-paragrafu 15 huwa sostitwit b'dan li ġej:

“15.  
Fejn, mad-dħul fis-seħħ ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri tad-domiċilju applikaw id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2341, dawk l-Istati Membri tad-domiċilju jistgħu jkomplu japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu ġew adottati minnhom, bil-ħsieb li jikkonformaw mal-Artikoli 1 sa 19, l-Artikoli 27 sa 30, l-Artikoli 32 sa 35 u l-Artikoli 37 sa 67 tad-Direttiva 2002/83/KE hekk kif tkun fis-seħħ fil-31 ta' Diċembru 2015, għal perjodu tranżitorju li jiskadi fil-31 ta' Diċembru 2022.

Fejn Stat Membru tad-domiċilju jkompli japplika dawn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi, l-impriżi ta' assigurazzjoni f'dak l-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jikkalkulaw ir-rekwiżit kapitali tas-solvenza tagħhom bħala s-somma ta' dan li ġej:

(a) 

rekwiżit kapitali tas-solvenza nozzjonali fir-rigward tal-attività tagħhom fil-qasam tal-assigurazzjoni, ikkalkolat mingħajr in-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2016/2341,

(b) 

il-marġini ta' solvenza fir-rigward tan-negozju ta' provvista ta' rtirar okkupazzjonali, ikkalkolat skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi li jkunu ġew adottati biex ikun hemm konformità mal-Artikolu 28 tad-Direttiva 2002/83/KE.

Sal-31 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar jekk il-perjodu msemmi fl-ewwel subparagrafu għandux jiġi estiż, filwaqt li tikkunsidra l-bidliet fil-liġi tal-Unjoni jew f'dik nazzjonali li jirriżultaw minn din id-Direttiva.”.

▼M1

Artikolu 63a

Aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew

1.  
Mill-10 ta’ Jannar 2030, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jippubblikaw kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 23(2), l-Artikolu 29 u l-Artikolu 30 ta’ din id-Direttiva, l-IORPs jissottomettu dik l-informazzjoni fl-istess ħin lill-korp tal-ġbir rilevanti msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għall-fini li jagħmluha aċċessibbli fil-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP) stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ).

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

tiġi sottomessa f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2023/2859 jew, fejn meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, f’format li jinqara mill-magni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), ta’ dak ir-Regolament;

(b) 

tkun akkumpanjata mill-metadata li ġejja:

(i) 

l-ismijiet kollha tal-IORP li magħha hija relatata l-informazzjoni;

(ii) 

l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-IORP, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iii) 

id-daqs tal-IORP skont il-kategorija, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament;

(iv) 

it-tip ta’ informazzjoni kif klassifikata skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament;

(v) 

indikazzjoni dwar jekk l-informazzjoni tkunx fiha data personali.

2.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b)(ii), l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-IORPs jiksbu identifikatur ta’ entità ġuridika.
3.  
Sad-9 ta’ Jannar 2030, għall-fini li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, l-Istati Membri għandhom jaħtru mill-inqas korp tal-ġbir wieħed kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859 u jinnotifikaw lill-ESMA dwar dan.
4.  
Mill-10 ta’ Jannar 2030, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 48(4) ta’ din id-Direttiva ssir aċċessibbli fuq l-ESAP. Għal dak l-iskop, il-korp tal-ġbir kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859 għandu jkun l-awtorità kompetenti.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

titħejja f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(b) 

tkun akkumpanjata mill-metadata li ġejja:

(i) 

l-ismijiet kollha tal-persuni li fuqhom ġiet imposta s-sanzjoni amministrattiva jew miżura oħra li magħhom hi relata l-informazzjoni;

(ii) 

fejn disponibbli, l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-persuni li fuqhom ġiet imposta s-sanzjoni amministrattiva jew miżura oħra, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iii) 

it-tip ta’ informazzjoni kif klassifikata skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament;

(iv) 

indikazzjoni dwar jekk l-informazzjoni tkunx fiha data personali.

5.  

Għall-fini li jiġu żgurati l-ġbir u l-ġestjoni effiċjenti tal-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1, l-EIOPA għandha tiżviluppa standards tekniċi ta’ implimentazzjoni abbozzati sabiex tispeċifika dan li ġej:

(a) 

kwalunkwe metadata oħra li għandha takkumpanja l-informazzjoni;

(b) 

l-istrutturar tad-data fl-informazzjoni;

(c) 

għal liema informazzjoni huwa meħtieġ format li jinqara mill-magni u, f’tali każijiet, liema format li jinqara mill-magni għandu jintuża.

Għall-finijiet tal-punt (c), l-EIOPA għandha tivvaluta l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ formati differenti li jinqraw mill-magni u twettaq testijiet xierqa fuq il-post.

L-EIOPA għandha tissottometti dawk l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni abbozzati lill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.  
Fejn meħtieġ, l-EIOPA għandha tadotta linji gwida biex tiżgura li l-metadata sottomessa f’konformità mal-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), hija korretta.

▼B

Artikolu 64

Traspożizzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikun hemm konformità ma' din id-Direttiva sat-13 ta' Jannar 2019. Huma għandhom immedjatament jikkomunikaw it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Huma għandhom jinkludu wkoll stqarrija li r-referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti għad-Direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom ikunu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza u kif għandha tiġi fformulata din l-istqarrija.

2.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 65

Tħassir

Id-Direttiva 2003/41/KE, kif emendata mid-Direttivi elenkati fl-Anness I, Parti A, titħassar b'effett mit-13 ta' Jannar 2019 mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati tal-applikazzjoni tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.

Ir-referenzi għad-Direttiva 2003/41/KE mħassra għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal din id-Direttiva u jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 66

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 67

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

PARTI A

Id-Direttiva mħassra u l-lista tal-emendi suċċessivi

(imsemmija fl-Artikolu 65)



Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10)

 

Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1)

L-Artikolu 303 biss

Id-Direttiva 2010/78/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 331, 15.12.2010, p. 120)

L-Artikolu 4 biss

Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1)

L-Artikolu 62 biss

Id-Direttiva 2013/14/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(ĠU L 145, 31.5.2013, p. 1)

L-Artikolu 1 biss

PARTI B

Lista tal-limiti ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni

(imsemmija fl-Artikolu 65)



Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

Data tal-applikazzjoni

2003/41/KE

23.9.2005

23.9.2005

2009/138/KE

31.3.2015

1.1.2016

2010/78/UE

31.12.2011

31.12.2011

2011/61/UE

22.7.2013

22.7.2013

2013/14/UE

21.12.2014

21.12.2014




ANNESS II

Tabella ta' Korrelazzjoni



Direttiva 2003/41/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1

Artikolu 2

Artikolu 2

Artikolu 3

Artikolu 3

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5

Artikolu 6(a)

Artikolu 6(1)

Artikolu 6(b)

Artikolu 6(2)

Artikolu 6(c)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(d)

Artikolu 6(4)

Artikolu 6(e)

Artikolu 6(5)

Artikolu 6(f)

Artikolu 6(6)

Artikolu 6(7)

Artikolu 6(g)

Artikolu 6(8)

Artikolu 6(h)

Artikolu 6(9)

Artikolu 6(i)

Artikolu 6(10)

Artikolu 6(j)

Artikolu 6(11)

Artikolu 6(12) sa (19)

Artikolu 7

Artikolu 7

Artikolu 8

Artikolu 8

Artikolu 9(1)(a)

Artikolu 9

Artikolu 9(1)(c)

Artikolu 10(1)(a)

Artikolu 9(1)(e)

Artikolu 10(1)(b)

Artikolu 9(2)

Artikolu 10(2)

Artikoli 20, 9(5)

Artikolu 11

Artikolu 12

Artikolu 15(1) sa (5)

Artikolu 13(1) sa (5)

Artikolu 15 (6)

 

Artikolu 16

Artikolu 14

Artikolu 17

Artikolu 15

Artikolu 17a(1) sa (4)

Artikolu 16(1) sa (4)

Artikolu 17a(5)

 

Artikolu 17b

Artikolu 17

Artikolu 17c

 

Artikolu 17d

Artikolu 18

Artikolu 18

Artikolu 19

Artikolu 20

Artikolu 21

Artikolu 9(1)(b)

Artikolu 22(1)

Artikolu 22(2) sa (7)

Artikolu 23

Artikolu 24

Artikolu 25

Artikolu 26

Artikolu 27

Artikolu 28

Artikolu 10

Artikolu 29

Artikolu 12

Artikolu 30

Artikolu 9(4)

Artikolu 31(1)

Artikolu 31(2) sa (7)

Artikolu 19(1)

Artikolu 32

Artikolu 19(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 33(1)

Artikolu 33(2)

Artikolu 19(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 33(3)

Artikolu 19(3)

Artikolu 33(4)

Artikolu 33(5) sa (8)

Artikolu 34

Artikolu 35

Artikolu 36

Artikolu 9(1)(f)

Artikolu 37(1)

Artikolu 11(4)(c)

Artikolu 37(2)

Artikolu 11(2)(b)

Artikolu 37(3)

Artikolu 37(4)

Artikolu 38

Artikolu 39

Artikolu 40(1)(a) sa (c)

Artikolu 11(4)(b)

Artikolu 40(1)(d)

Artikolu 40(2)

Artikolu 41

Artikolu 42

Artikolu 11(5)

Artikolu 43

Artikolu 11(2)(a)

Artikolu 44(a)

Artikolu 11(3)

Artikolu 44(b)

Artikolu 44(c)

Artikolu 45

Artikolu 46

Artikolu 47

Artikolu 14(1)

Artikolu 48(1)

Artikolu 14(2), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 48(2)

Artikolu 48(3) sa (5)

Artikolu 14(2), it-tieni subparagrafu

Artikolu 48(6)

Artikolu 14(3) sa (5)

Artikolu 48(7) sa (9)

Artikolu 49

Artikolu 13(1)

Artikolu 50

Artikolu 13(2)

 

 

Artikolu 51

Artikolu 52

Artikolu 53

Artikolu 54

Artikolu 55

Artikolu 56

Artikolu 57

Artikolu 58

Artikolu 20(11), l-ewwel subparagrafu

Artikolu 59(1)

Artikolu 20(11), it-tieni subparagrafu

Artikolu 59(2)

Artikolu 20(11), it-tielet u r-raba' subparagrafi

 

Artikolu 21

Artikolu 60

Artikolu 61

Artikolu 62

Artikolu 63

Artikolu 22

Artikolu 64

Artikolu 65

Artikolu 66

Artikolu 67



( 1 ) Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1; ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 72).

( 2 ) Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).

( 3 ) Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta' liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta' investiment kollettiv f'titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

( 4 ) Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar Maniġers ta' Fondi ta' Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

( 5 ) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

( 6 ) Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( 7 ) Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1).

( 8 ) Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Novembru 2010,li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

( 9 ) Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta' Novembru 2010, li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

( *1 ) Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta' istituzzjonijiet għall-provvista ta' rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37)”;

( 10 ) Ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għal informazzjoni disponibbli pubblikament ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, finanzjarji, għas-swieq kapitali u għas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj).