02016L0801 — MT — 17.11.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA (UE) 2016/801 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Mejju 2016

dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing

(riformulazzjoni)

(ĠU L 132 21.5.2016, p. 21)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2021/1883 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta’ Ottubru 2021

  L 382

1

28.10.2021




▼B

DIRETTIVA (UE) 2016/801 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-11 ta' Mejju 2016

dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' riċerka, studji, taħriġ, servizz volontarju, skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi u au pairing

(riformulazzjoni)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi:

(a) 

il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza għal perijodu ta' aktar minn 90 jum, fit-territorju tal-Istati Membri, u d-drittijiet, ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familji tagħhom, għall-fini ta' riċerka, studji, taħriġ jew servizz volontarju fis-Servizz Volontarju Ewropew, u fejn l-Istati Membri jiddeċiedu hekk, ta' skemi ta' skambju ta' skulari jew proġetti edukattivi, servizz volontarju għajr is-Servizz Volontarju Ewropew jew au pairing;

(b) 

il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza, u d-drittijiet, ta' riċerkaturi, u fejn applikabbli tal-membri tal-familja tagħhom, u studenti, imsemmija fil-punt (a), fi Stati Membri minbarra l-Istat Membru li jkun l-ewwel wieħed li jagħti awtorizzazzjoni liċ-ċittadin ta' pajjiż terz abbażi ta' din id-Direttiva.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  
Din id-Direttiva għandha tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw biex ikunu ammessi jew li ġew ammessi fit-territorju ta' Stat Membru għall-fini ta' riċerka, studji, taħriġ jew servizz volontarju fis-Servizz Volontarju Ewropew.L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi għall-fini ta' skema ta' skambju ta' skulari jew proġett edukattiv, servizz volontarju għajr is-Servizz Volontarju Ewropew jew au pairing.
2.  

Din id-Direttiva ma tapplikax għal ċittadini ta' pajjiżi terzi:

(a) 

li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali jew li huma benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali f'konformità mad-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), jew li huma benefiċjarji ta' protezzjoni temporanja f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE ( 2 ) fi Stat Membru;

(b) 

li t-tkeċċija tagħhom ġiet sospiża għal raġunijiet ta' fatt jew ta' liġi;

(c) 

li huma membri tal-familja ta' ċittadini tal-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu fl-Unjoni;

(d) 

li jgawdu minn status ta' resident għal perijodu fit-tul fi Stat Membru f'konformità mad-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE ( 3 );

(e) 

li jgawdu, flimkien mal-membri tal-familja tagħhom, u irrispettivament min-nazzjonalità tagħhom, drittijiet ta' moviment liberu ekwivalenti għal dawk ta' ċittadini tal-Unjoni taħt ftehimiet jew bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u pajjiżi terzi, jew bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi;

(f) 

li jiġu fl-Unjoni bħala trainees impjegati fil-kuntest ta' trasferiment intra-azjendali skont id-Direttiva 2014/66/UE;

▼M1

(g) 

li japplikaw biex jirrisjedu fi Stat Membru għall-fini ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin fis-sens tad-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

▼B

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva japplikaw dawn id-definizzjonijiet:

(1) 

“ċittadin ta' pajjiż terz” tfisser persuna li mhijiex ċittadin tal-Unjoni fis-sens tal-Artikolu 20(1) tat-TFUE;

(2) 

“riċerkatur” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li jkollu lawrja dottorali jew kwalifika ta' edukazzjoni għolja adegwata li tagħti lil dak iċ-ċittadin ta' pajjiż terz aċċess għal programmi ta' dottorat, li jiġi magħżul minn organizzazzjoni ta' riċerka u ammess fit-territorju ta' Stat Membru għat-twettiq ta' attività ta' riċerka li għaliha tkun normalment meħtieġa tali kwalifika;

(3) 

“student” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li ġie aċċettat minn istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja u jkun ammess fit-territorju ta' Stat Membru biex isegwi bħala attività prinċipali kors ta' studju full-time li jwassal għal kwalifika ta' edukazzjoni għolja rikonoxxuta minn dak l-Istat Membru, inklużi diplomi, ċertifikati u lawrji dottorali, f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja, fejn jista' jkopri kors preparatorju qabel it-tali edukazzjoni, skont il-liġi nazzjonali, jew taħriġ obbligatorju;

(4) 

“skular” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li jkun ammess fit-territorju ta' Stat Membru biex isegwi programm statali jew reġjonali rikonoxxut ta' edukazzjoni sekondarja ekwivalenti għal-livell 2 jew 3 tal-Klassifikazzjoni tal-Istandards Internazzjonali tal-Edukazzjoni fil-kuntest ta' skema ta' skambju ta' skulari jew proġett edukattiv operat minn istituzzjoni ta' edukazzjoni skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika amministrattiva;

(5) 

“trainee” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li għandu lawrja ta' edukazzjoni għolja jew li qed isegwi kors ta' studju f'pajjiż terz li jwassal għal lawrja ta' edukazzjoni għolja u li jkun ammess fit-territorju ta' Stat Membru għal programm ta' taħriġ għall-fini li jikseb għarfien, prattika u esperjenza f'ambjent professjonali;

(6) 

“voluntier” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li jkun ammess fit-territorju ta' Stat Membru biex jieħu sehem fi skema ta' servizz volontarju;

(7) 

“skema ta' servizz volontarju” tfisser programm ta' attivitajiet ta' solidarjetà prattika, ibbażat fuq skema rikonoxxuta bħala tali mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-Unjoni, li għandu l-objettivi ta' interess ġenerali għal kawża mingħajr skop ta' qligħ, li fiha l-attivitajiet huma bla remunerazzjoni, ħlief għar-rimborż tal-ispejjeż u/jew għal somom żgħar ta' flus;

(8) 

“au pair” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li jkun ammess fit-territorju ta' Stat Membru biex ikun temporanjament milqugħ f'familja sabiex itejjeb il-ħiliet lingwistiċi kif ukoll għarfien tiegħu tal-Istat Membru kkonċernat u li min-naħa tiegħu jagħmel xogħol tad-dar ħafif u li jieħu ħsieb it-tfal;

(9) 

“riċerka” tfisser xogħol kreattiv eżegwit fuq bażi sistematika sabiex jiżdied l-għarfien, inkluża l-konoxxenza dwar il-bniedem, il-kultura u s-soċjetà, u l-użu ta' dan l-għarfien sabiex jiġu żviluppati applikazzjonijiet ġodda;

(10) 

“organizzazzjoni ta' riċerka” tfisser kwalunkwe organizzazzjoni pubblika jew privata li twettaq riċerka;

(11) 

“istituzzjoni ta' edukazzjoni” tfisser istituzzjoni ta' edukazzjoni sekondarja pubblika jew privata rikonoxxuta mill-Istat Membru kkonċernat jew li l-korsijiet ta' studju tagħha huma rikonoxxuti skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika amministrattiva abbażi ta' kriterji trasparenti u li tipparteċipa fi skema ta' skambju ta' skulari jew proġett edukattiv għall-finijiet stabbiliti f'din id-Direttiva;

(12) 

“proġett edukattiv” ifisser sett ta' azzjonijiet edukattivi żviluppati mill-istituzzjoni ta' edukazzjoni ta' Stat Membru f'kooperazzjoni ma' stabbilimenti simili f'pajjiż terz, għall-finijiet tal-kondiviżjoni ta' kulturi u għarfien;

(13) 

“istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja” tfisser kwalunkwe tip ta' istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja rikonoxxuta jew ikkunsidrata bħala tali skont il-liġi nazzjonali li, f'konformità mal-liġi jew il-prattika nazzjonali, toffri lawrji ta' edukazzjoni għolja rikonoxxuti jew kwalifiki oħra f'livell terzjarju rikonoxxuti, ikun xi jkun jisimhom tali istituzzjonijiet, jew kwalunkwe istituzzjoni li, f'konformità mal-liġi jew prattika nazzjonali, toffri edukazzjoni jew taħriġ vokazzjonali f'livell terzjarju;

(14) 

“entità ospitanti” tfisser organizzazzjoni ta' riċerka, istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja, istituzzjoni ta' edukazzjoni, organizzazzjoni responsabbli għal skema ta' servizz volontarju, jew entità li tospita trainees li għalihom iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun assenjat għall-finijiet ta' din id-Direttiva u li jkun jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, irrispettivament mill-forma legali tiegħu, f'konformità mal-liġi nazzjonali;

(15) 

“familja ospitanti” tfisser il-familja li temporanjament tilqa' au pair u taqsam il-ħajja ta' kuljum tagħha miegħu fit-territorju ta' Stat Membru abbażi ta' ftehim konkluż bejn dik il-familja u l-au pair;

(16) 

“impjieg” tfisser l-eżerċizzju ta' attivitajiet li jkopru kwalunkwe forma ta' ħidma jew xogħol regolati bil-liġi nazzjonali jew ftehimiet kollettivi applikabbli jew f'konformità ma' prattika stabbilita għal jew taħt id-direzzjoni jew is-superviżjoni ta' impjegatur;

(17) 

“impjegatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew kwalunkwe entità legali, li għaliha jew taħt id-direzzjoni jew superviżjoni tagħha jitwettaq l-impjieg;

(18) 

“l-ewwel Stat Membru” tfisser l-Istat Membru li l-ewwel jagħti awtorizzazzjoni lil ċittadin ta' pajjiż terz abbażi ta' din id-Direttiva;

(19) 

“it-tieni Stat Membru” tfisser kwalunkwe Stat Membru minbarra l-ewwel Stat Membru

(20) 

“programmi tal-Unjoni jew multilaterali li jinkludu miżuri ta' mobilità” tfisser programmi ffinanzjati mill-Unjoni jew minn Stati Membri li jippromwovu l-mobilità ta' ċittadini ta' pajjiż terz fl-Unjoni jew fl-Istati Membri parteċipanti fil-programmi rispettivi;

(21) 

“awtorizzazzjoni” tfisser permess ta' residenza jew, jekk previst fil-liġi nazzjonali, viża għal permanenza twila maħruġa għall-finijiet ta' din id-Direttiva;

(22) 

“permess ta' residenza” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa bl-użu ta' format stabbilit fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 li jintitola lid-detentur tiegħu li jibqa' fit-territorju ta' Stat Membru;

(23) 

“viża għal permanenza twila” tfisser awtorizzazzjoni maħruġa minn Stat Membru kif hemm stipulat fl-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Schengen ( 5 ) jew maħruġa skont il-liġi nazzjonali tal-Istati Membri li ma japplikawx l-acquis ta' Schengen bis-sħiħ;

(24) 

“membri tal-familja” tfisser iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi kif definiti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2003/86/KE.

Artikolu 4

Dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.  

Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għal dispożizzjonijiet iktar favorevoli ta':

(a) 

ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn l-Unjoni jew l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha u pajjiż terz wieħed jew aktar; jew

(b) 

ftehimiet bilaterali jew multilaterali konklużi bejn Stat Membru wieħed jew aktar u pajjiż terz wieħed jew aktar.

2.  
Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għad-dritt tal-Istati Membri biex jadottaw jew iżommu dispożizzjonijiet li huma aktar favorevoli għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz li għalih din id-Direttiva tapplika fir-rigward tal-punt (a) tal-Artikolu 10(2) u l-Artikoli 18, 22, 23, 24, 25, 26, 34 u 35.



KAPITOLU II

AMMISSJONI

Artikolu 5

Prinċipji

1.  

L-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz taħt din id-Direttiva għandha tkun soġġetta għall-verifika ta' evidenza dokumentata li turi li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz jilħaq:

(a) 

il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7; u

(b) 

il-kundizzjoni speċifiċi rilevanti fl-Artikoli 8, 11, 12, 13, 14 jew 16.

2.  
L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikant jipprovdi l-evidenza dokumentata msemmija fil-paragrafu 1 b'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni determinata minn dak l-Istat Membru.
3.  
Fejn il-kundizzjonijiet ġenerali kollha u l-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti kollha għall-ammissjoni jintlaħqu, iċ-ċittadini ta' pajjiż terz għandhom ikunu intitolati għal awtorizzazzjoni.

Fejn Stat Membru joħroġ permessi ta' residenza biss fit-territorju tiegħu u jintlaħqu l-kundizzjonijiet kollha ta'ammissjoni stabbiliti f'din id-Direttiva, l-Istat Membru kkonċernat għandu joħroġ għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz il-viża meħtieġa.

Artikolu 6

Volumi ta' ammissjoni

Din id-Direttiva m'għandhiex taffettwa d-dritt ta' Stat Membru li jiddetermina, skont l-Artikolu 79(5) tat-TFUE, il-volumi ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiż terz imsemmija fl-Artikolu 2(1) ta' din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-istudenti, jekk l-Istat Membru kkonċernat iqis li dawn huma jew ser ikunu f'relazzjoni ta' impjieg. Abbażi ta' dan, applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tista' titqies inammissibbli jew tiġi rifjutata.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet ġenerali

1.  

Fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz taħt din id-Direttiva, l-applikant għandu:

(a) 

jippreżenta dokument tal-ivvjaġġar validu, kif iddeterminat mil-liġi nazzjonali, u, jekk mitlub, applikazzjoni għal viża u viża valida jew, fejn applikabbli, permess ta' residenza validu jew viża valida għal permanenza twila; l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-perijodu ta' validità tad-dokument ta' vjaġġar jkopri mill-inqas it-tul ta' żmien tal-permanenza ppjanata;

(b) 

jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun minorenni taħt il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, jippreżenta awtorizzazzjoni tal-ġenituri jew dokument ekwivalenti għall-permanenza ppjanata;

(c) 

jippreżenta evidenza li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz għandu jew, jekk previst fil-liġi nazzjonali, li applika għal assigurazzjoni medika għar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat; l-assigurazzjoni għandha tkun valida għal kemm iddum il-permanenza ppjanata;

(d) 

jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru hekk jitlob, li d-drittijiet imposti biex tiġi ttrattata l-applikazzjoni previsti fl-Artikolu 36 tħallsu;

(e) 

jipprovdi l-evidenza mitluba mill-Istat Membru kkonċernat li, matul il-permanenza ppjanata, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ser ikollu riżorsi biżżejjed biex ikopri l-ispejjeż ta' sussistenza mingħajr ma jkollu jirrikorri għas-sistema ta' assistenza soċjali tal-Istat Membru, u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura. Il-valutazzjoni tar-riżorsi suffiċjenti għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ u għandha tqis ir-riżorsi li jkunu ġejjin, fost l-oħrajn, minn għotja, borża ta' studju jew fellowship, kuntratt tax-xogħol validu jew offerta vinkolanti ta' impjieg jew impenn finanzjarju minn organizzazzjoni għal skema ta' skambju ta' skulari, entità li tospita t-trainees, organizzazzjoni għal skema ta' servizz volontarju, familja ospitanti jew organizzazzjoni li sservi ta' medjatur għall-au pairs.

2.  
L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikant jipprovdi l-indirizz taċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat fit-territorju tagħhom.

Fejn il-liġi nazzjonali ta' Stat Membru teħtieġ li indirizz jingħata meta ssir l-applikazzjoni u ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat għadu ma jafx l-indirizz futur tiegħu, l-Istati Membri għandhom jaċċettaw indirizz temporanju. F'tali każ, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz għandu jipprovdi l-indirizz permanenti tiegħu sa mhux aktar tard minn meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 17.

3.  
L-Istati Membri jistgħu jindikaw ammont ta' referenza li huma jqisu li jikkostitwixxi “riżorsi suffiċjenti” kif imsemmi taħt il-punt (e) tal-paragrafu (1). Il-valutazzjoni tar-riżorsi suffiċjenti għandha tkun ibbażata fuq eżami individwali tal-każ.
4.  
L-applikazzjoni għandha tiġi ppreżentata u eżaminata jew meta ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ikun qed jirrisjedi barra t-territorju tal-Istat Membru li fih iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jixtieq jidħol jew meta hu jkun diġà qed jirrisjedi f'dak l-Istat Membru bħala detentur ta' permess ta' residenza validu jew viża għal permanenza twila.

Permezz ta' deroga, Stat Membru jista' jaċċetta, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, applikazzjoni ppreżentata meta ċ-ċittadin ikkonċernat ta' pajjiż terz ma jkunx fil-pussess ta' permess ta' residenza validu jew viża valida għal permanenza twila iżda jkun legalment preżenti fit-territorju tiegħu.

5.  
L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jekk l-applikazzjonijiet għandhomx jiġu ppreżentati miċ-ċittadin ta' pajjiż terz, mill-entità ospitanti, jew minn kwalunkwe minnhom.
6.  
Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma kkunsidrati bħala theddida għall-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika m'għandhomx jiġu ammessi.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet speċifiċi għar-riċerkaturi

1.  
Barra mill-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7, fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz bil-għan ta' riċerka, l-applikant għandu jippreżenta ftehim ta' akkoljenza jew, jekk previst fil-liġi nazzjonali, kuntratt, skont l-Artikolu 10.
2.  
L-Istati Membri jistgħu jesiġu, skont il-liġi nazzjonali, impenn bil-miktub mill-organizzazzjoni ta' riċerka li, f'każijiet fejn riċerkatur jibqa' illegalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, dik l-organizzazzjoni ta' riċerka tkun responsabbli għar-rimborż tal-ispejjeż relatati mal-permanenza u r-ritorn li jkunu tħallsu mill-fondi pubbliċi. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-organizzazzjoni ta' riċerka għandha tintemm l-iktar tard sitt xhur wara li jintemm il-ftehim ta' akkoljenza.

Fejn id-dritt ta' residenza tar-riċerkatur tiġi estiża skont l-Artikolu 25, ir-responsabbiltà tal-organizzazzjoni ta' riċerka msemmija fl-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandha tkun limitata sad-data tal-bidu tal-permess ta' residenza għall-fini tat-tiftix ta' impjieg jew ta' intraprenditorija.

3.  
Stat Membru li jkun stabbilixxa proċedura ta' approvazzjoni għall-organizzazzjonijiet ta' riċerka skont l-Artikolu 9 għandu jeżenta applikanti milli jippreżentaw wieħed jew aktar mid-dokumenti jew waħda jew aktar mill-provi msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu jew fil-punti (c), (d) jew (e) jew fl-Artikolu 7(2), fejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu ser jiġu ospitati minn organizzazzjonijiet ta' riċerka approvati.

Artikolu 9

Approvazzjoni tal-organizzazzjonijiet ta' riċerka

1.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipprovdu għal proċedura ta' approvazzjoni għall-organizzazzjonijiet ta' riċerka pubbliċi u/jew privati li jixtiequ jospitaw riċerkatur taħt il-proċedura ta' ammissjoni stabbilita f'din id-Direttiva.
2.  
L-approvazzjoni ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka għandha tikkonforma mal-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali jew fil-prattika amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat. L-applikazzjonijiet għall-approvazzjoni li jsiru minn organizzazzjonijiet ta' riċerka għandhom isiru skont dawn il-proċeduri u għandhom ikunu bbażati fuq il-kompiti statutorji jew l-għanijiet korporattivi tagħhom, skont il-każ, u fuq evidenza li jwettqu riċerka.

L-approvazzjoni mogħtija lil organizzazzjoni ta' riċerka għandha tkun għal perjodu minimu ta' ħames snin. F'każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu jagħtu approvazzjoni għal perjodu iqsar.

3.  

Stat Membru jista', fost miżuri oħra, jirrifjuta li jġedded jew jiddeċiedi li jirtira l-approvazzjoni fejn:

(a) 

organizzazzjoni ta' riċerka ma tibqax tikkonforma mal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, l-Artikolu 8(2) jew l-Artikolu 10(7);

(b) 

l-approvazzjoni tkun inkisbet b'mod frodulenti; jew

(c) 

organizzazzjoni ta' riċerka tkun iffirmat ftehim ta' akkoljenza ma' ċittadin ta' pajjiż terz b'mod frodulenti jew b'negliġenza.

Fejn applikazzjoni għat-tiġdid tkun ġiet irrifjutata jew fejn l-approvazzjoni tkun ġiet irtirata, l-organizzazzjoni kkonċernata tista' tiġi pprojbita milli tapplika mill-ġdid għal approvazzjoni għal perijodu ta' mhux aktar minn ħames snin mid-data tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni dwar in-nuqqas ta' tiġdid jew l-irtirar.

Artikolu 10

Ftehim ta' akkoljenza

1.  
Organizzazzjoni ta' riċerka li tixtieq tospita ċittadin ta' pajjiż terz għall-finijiet ta' riċerka għandha tiffirma ftehim ta' akkoljenza ma' dan tal-aħħar. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kuntratti li jkun fihom l-elementi msemmija fil-paragrafu 2 u, fejn applikabbli, il-paragrafu 3, jitqiesu ekwivalenti għal ftehimiet ta' akkoljenza għall-finijiet ta' din id-Direttiva.
2.  

Il-ftehim ta' akkoljenza għandu jkun fih:

(a) 

it-titolu jew il-fini tal-attività ta' riċerka jew il-qasam ta' riċerka;

(b) 

impenn miċ-ċittadin ta' pajjiż terz biex jaħdem għat-tlestija tal-attività ta' riċerka;

(c) 

impenn mill-organizzazzjoni ta' riċerka biex tospita ċittadin ta' pajjiż terz bil-għan li jlesti l-attività ta' riċerka;

(d) 

id-data ta' meta tibda jew tintemm attività ta' riċerka jew id-dewmien stmat tagħha;

(e) 

informazzjoni dwar il-mobilità maħsuba fit-tieni Stat Membru wieħed jew aktar jekk il-mobilità hija magħrufa fil-ħin tal-applikazzjoni fl-ewwel Stat Membru.

3.  

L-Istati Membri jistgħu jitolbu wkoll li l-ftehim ta' akkoljenza jkun fih:

(a) 

informazzjoni dwar ir-relazzjoni legali bejn l-organizzazzjoni tar-riċerka u r-riċerkatur;

(b) 

informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol tar-riċerkatur.

4.  

L-organizzazzjonijiet ta' riċerka jistgħu jiffirmaw ftehimiet ta' akkoljenza biss jekk l-attività ta' riċerka tkun ġiet aċċettata mill-elementi rilevanti tal-organizzazzjoni, wara li ssir verifika ta' li ġej:

(a) 

l-għan u t-tul stmat tal-attività ta' riċerka, u d-disponibbiltà tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa sabiex din titwettaq;

(b) 

il-kwalifiki taċ-ċittadin ta' pajjiż terz fid-dawl tal-għanijiet tar-riċerka, kif iċċertifikati minn kopja awtentikata tal-kwalifiki;

5.  
Il-ftehim ta' akkoljenza għandu jiskadi awtomatikament jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ma jiġix ammess jew meta r-relazzjoni legali bejn ir-riċerkatur u l-organizzazzjoni ta' riċerka tintemm.
6.  
L-organizzazzjonijiet ta' riċerka għandhom minnufih jinfurmaw lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat bi kwalunkwe avveniment li x'aktarx jimpedixxi l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' akkoljenza.
7.  
L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li, fi żmien xahrejn mid-data ta' skadenza tal-ftehim ta' akkoljenza kkonċernat, l-organizzazzjoni ta' riċerka għandha tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti maħtura għal dak il-għan bil-konferma li twettqet l-attività ta' riċerka.
8.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw fil-liġijiet nazzjonali tagħhom il-konsegwenzi tal-irtirar tal-approvazzjoni jew ta' rifjut ta' tiġdid tal-approvazzjoni għall-ftehimiet ta' akkoljenza eżistenti, konklużi skont dan l-Artikolu, kif ukoll il-konsegwenzi għall-awtorizzazzjonijiet tar-riċerkaturi kkonċernati.

Artikolu 11

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-istudenti

1.  

Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 7, fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz għall-fini ta' studji, l-applikant għandu jipprovdi evidenza:

(a) 

li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ġie aċċettat minn istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja biex jagħmel kors ta' studju;

(b) 

jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li l-miżati mitluba mill-istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja tħallsu;

(c) 

jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li għandhom għarfien suffiċjenti tal-lingwa tal-kors li ser jiġi segwit;

(d) 

jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ser ikollu riżorsi suffiċjenti biex ikopri l-ispejjeż tal-istudji.

2.  
Iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li awtomatikament jikkwalifikaw għal assigurazzjoni medika għar-riskji kollha li normalment ikunu koperti għalihom iċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat bħala riżultat ta' reġistrazzjoni f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja għandhom jitqiesu li jilħqu l-kundizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1).
3.  
Stat Membru li jkun stabbilixxa proċedura ta' approvazzjoni għall-istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja skont l-Artikolu 15 għandu jeżenta applikanti milli jippreżentaw wieħed jew aktar mid-dokumenti jew evidenza msemmijin fil-punti (b), (c) jew (d) tal-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jew fil-punt (d) tal-Artikolu 7(1) jew fl-Artikolu 7(2), fejn iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jkunu ser jiġu ospitati minn istituzzjonijiet approvati ta' edukazzjoni għolja.

Artikolu 12

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-iskulari

1.  

Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7, fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz għall-fini ta' skema ta' skambju ta' skulari jew fi proġett edukattiv, l-applikant għandu jipprovdi evidenza:

(a) 

li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ma jkunx la taħt l-età minima jew il-grad minimu u lanqas jaqbeż l-età massima jew il-grad massimu stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat;

(b) 

li ġie aċċettat f'istituzzjoni ta' edukazzjoni;

(c) 

ta' parteċipazzjoni fi programm edukattiv rikonoxxut, statali jew reġjonali fil-kuntest ta' skema ta' skambju ta' skulari jew proġett edukattiv operat minn stabbiliment ta' edukazzjoni skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika amministrattiva;

(d) 

li l-istabbiliment ta' edukazzjoni, jew, safejn previst fil-liġi nazzjonali, parti terza, jaċċettaw ir-responsabbiltà għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz matul il-permanenza fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż tal-istudji;

(e) 

li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikollu akkomodazzjoni matul il-permanenza minn xi familja jew f'xi faċilità ta' akkomodazzjoni speċjali fl-istabbiliment ta' edukazzjoni jew, safejn ikun previst fil-liġi nazzjonali, fi kwalunkwe faċilità oħra li tilħaq il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat u magħżula skont ir-regoli tal-iskema ta' skambju ta' skulari jew tal-proġett edukattiv li jkun qed jipparteċipa fih iċ-ċittadin ta' pajjiż terz.

2.  
L-Istati Membri jistgħu jillimitaw l-ammissjoni ta' skulari li jipparteċipaw fi skema ta' skambju ta' skulari jew fi proġett edukattiv għal ċittadini ta' pajjiż terz li joffru l-istess possibbiltà liċ-ċittadini tagħhom stess.

Artikolu 13

Kundizzjonijiet speċifiċi għat-trainees

1.  

Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7, fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz, għall-fini ta' taħriġ, l-applikant għandu:

(a) 

jippreżenta ftehim ta' taħriġ, li jipprevedi taħriġ teoretiku u prattiku, ma' entità ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li tali ftehim ta' taħriġ ikun approvat mill-awtorità kompetenti u li t-termini li fuqhom il-ftehim ikun ġie bbażat jilħqu r-rekwiżiti stabbiliti mil-liġi nazzjonali, ftehimiet kollettivi jew mill-prattiki tal-Istat Membru kkonċernat. Il-ftehim ta' taħriġ għandu jinkludi:

(i) 

deskrizzjoni tal-programm ta' taħriġ, inkluż l-għan edukattiv jew il-komponenti ta' tagħlim;

(ii) 

it-tul tat-traineeship;

(iii) 

il-kundizzjonijiet ta' kollokament u tas-superviżjoni tat-traineeship;

(iv) 

is-sigħat tat-traineeship; u

(v) 

ir-relazzjoni legali bejn it-trainee u l-entità ospitanti;

(b) 

jipprovdi evidenza li kiseb lawrja ta' edukazzjoni għolja fis-sentejn li jippreċedu d-data ta' applikazzjoni jew li qed isegwi kors ta' studju li jwassal għal lawrja ta' edukazzjoni għolja;

(c) 

jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li matul il-permanenza ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ser ikollu riżorsi suffiċjenti biex ikopri l-ispejjeż tat-taħriġ;

(d) 

jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz irċieva jew ser jirċievi taħriġ fil-lingwa sabiex jakkwista l-għarfien meħtieġ għall-fini tat-traineeship;

(e) 

jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li l-entità ospitanti taċċetta li tkun responsabbli għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz, matul il-permanenza kollha fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-ispejjeż ta' sussistenza u ta' akkomodazzjoni;

(f) 

jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jingħata akkomodazzjoni matul il-permanenza mill-entità ospitanti, l-akkomodazzjoni tkun tilħaq il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat.

2.  
L-Istati Membri jistgħu jesiġu li t-traineeship ikun fl-istess qasam u fl-istess livell ta' kwalifika daqs il-lawrja ta' edukazzjoni għolja jew il-kors ta' studju msemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1.
3.  
L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-entità ospitanti tissostanzja li t-traineeship ma jiħux il-post ta' impjieg.
4.  
L-Istati Membri jistgħu jesiġu, skont il-liġi nazzjonali, impenn bil-miktub mill-entità ospitanti li, f'każijiet fejn trainee jibqa' illegalment fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, dik l-entità ospitanti tkun responsabbli għar-rimborż tal-ispejjeż relatati mal-permanenza u r-ritorn li jkunu tħallsu mill-fondi pubbliċi. Ir-responsabbiltà finanzjarja tal-entità ospitanti għandha tintemm sa mhux aktar tard minn sitt xhur wara li jintemm il-ftehim ta' taħriġ.

Artikolu 14

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-voluntiera

1.  

Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7, fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz għall-fini ta' servizz volontarju, l-applikant għandu:

(a) 

jipprovdi ftehim mal-entità ospitanti jew, sa fejn hu previst mil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat, korp ieħor responsabbli fl-Istat Membru kkonċernat għall-iskema ta' servizz volontarju li fiha jkun qed jipparteċipa ċ-ċittadin ta' pajjiż terz. Il-ftehim għandu jinkludi:

(i) 

deskrizzjoni tal-iskema ta' servizz volontarju;

(ii) 

it-tul tas-servizz volontarju;

(iii) 

il-kundizzjonijiet ta' kollokament u tas-superviżjoni tas-servizz volontarju;

(iv) 

in-numru ta' sigħat ta' volontarjat;

(v) 

ir-riżorsi disponibbli biex ikopri l-ispejjeż ta' sussistenza u ta' akkomodazzjoni taċ-ċittadin ta' pajjiż terz u somma minima ta' flus bħala pocket money għal matul il-permanenza; u

(vi) 

fejn applikabbli, it-taħriġ li ser jirċievi ċ-ċittadin ta' pajjiż terz biex jgħinu jwettaq is-servizz ta' volontarjat;

(b) 

jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li, jekk iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jingħata akkomodazzjoni mill-entità ospitanti matul il-permanenza, l-akkomodazzjoni tkun tilħaq il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru kkonċernat;

(c) 

jipprovdi evidenza li l-entità ospitanti jew, sa fejn hu previst mil-liġi nazzjonali, korp ieħor responsabbli mill-iskema ta' servizz ta' volontarjat, għandhom polza ta' assigurazzjoni għall-partijiet terzi;

(d) 

jipprovdi evidenza, jekk l-Istat Membru jesiġi hekk, li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz irċieva jew ser jirċievi introduzzjoni bażika tal-lingwa, l-istorja, l-istrutturi politiċi u soċjali ta' dak l-Istat Membru.

2.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw limitu minimu u massimu tal-età għal ċittadini ta' pajjiż terz li japplikaw biex ikunu ammessi għal skema ta' servizz volontarju mingħajr preġudizzju għar-regoli taħt is-Servizz Volontarju Ewropew.
3.  
Il-voluntiera li jipparteċipaw fis-Servizz Volontarju Ewropew m'għandhomx ikunu mitluba jippreżentaw evidenza taħt il-punt (c) u, fejn applikabbli, il-punt (d) tal-paragrafu 1.

Artikolu 15

Approvazzjoni ta' istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, stabbilimenti ta' edukazzjoni, organizzazzjonijiet responsabbli għal skema ta' servizz volontarju jew entitajiet li jospitaw trainees

1.  
Għall-finijiet ta' din id-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jipprovdu għal proċedura ta' approvazzjoni għal istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, stabbilimenti ta' edukazzjoni, organizzazzjonijiet responsabbli minn skema ta' servizz volontarju jew entitajiet li jospitaw trainees.
2.  
L-approvazzjoni għandha tikkonforma mal-proċeduri stabbiliti fil-liġi nazzjonali jew tal-prattika amministrattiva tal-Istat Membru kkonċernat.
3.  
Fejn Stat Membru jiddeċiedi li jistabbilixxi proċedura ta' approvazzjoni skont il-paragrafi 1 u 2, huwa għandu jipprovdi informazzjoni ċara u trasparenti lill-entitajiet ospitanti kkonċernati dwar, fost l-oħrajn, il-kundizzjonijiet u l-kriterji għall-approvazzjoni, il-perijodu tagħha ta' validità, il-konsegwenzi tan-nonkonformità, inkluż il-possibbiltà ta' rtirar jew nuqqas ta' tiġdid, kif ukoll dwar kwalunkwe sanzjoni applikabbli.

Artikolu 16

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-au pairs

1.  

Minbarra l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7, fir-rigward tal-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz għall-fini ta' xogħol bħala au pair, iċ-ċittadin ta' pajjiż terz għandu:

(a) 

jipprovdi ftehim bejn iċ-ċittadin ta' pajjiż terz u l-familja ospitanti li jiddefinixxi d-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadin ta' pajjiż terz bħala au pair, inklużi speċifikazzjonijiet dwar il-pocket money li għandu jirċievi, arranġamenti adegwati li jippermettu lill-au pair jattendi korsijiet u l-massimu ta' sigħat ta' dmirijiet fil-familja;

(b) 

jkollu età ta' bejn 18-il sena u 30 sena. F'każijiet eċċezzjonali, l-Istati Membri jistgħu jippermettu l-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz, bħala au pair, li jkollu aktar mil-limitu ta' età massima;

(c) 

jipprovdi evidenza li l-familja ospitanti jew organizzazzjoni li tkun ta' medjatur għall-au pairs, sa fejn ikun previst mil-liġi nazzjonali, taċċetta r-responsabbiltà għaċ-ċittadin ta' pajjiż terz matul il-permanenza kollha fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat, b'mod partikolari fir-rigward tal-ispejjeż tal-għajxien, l-akkomodazzjoni u r-riskji ta' inċidenti.

2.  

L-Istati Membri jistgħu jesiġu li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz li japplika biex ikun ammess bħala au pair jipprovdi evidenza:

(a) 

ta' għarfien bażiku tal-lingwa tal-Istat Membru kkonċernat; jew

(b) 

li għandu edukazzjoni sekondarja, kwalifiki professjonali jew, fejn applikabbli, li jissodisfa l-kundizzjonijiet biex jeżerċita professjoni regolata, kif meħtieġ mil-liġi nazzjonali.

3.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw li l-kollokament tal-au pairs għandu jsir biss minn organizzazzjoni li sservi ta' medjatur għall-au pairs taħt il-kundizzjonijiet definiti fil-liġi nazzjonali.
4.  
L-Istati Membri jistgħu jitolbu li l-membri tal-familja ospitanti jkunu ta' nazzjonalità differenti minn dik taċ-ċittadin ta' pajjiż terz li japplika biex ikun ammess għall-finijiet ta' au pairing u li ma jkollhomx rabtiet familjari maċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat.
5.  
In-numru massimu ta' sigħat għad-dmirijiet tal-au pair kull ġimgħa ma jistgħux jaqbżu 25 siegħa. L-au pair għandu jkollu minn tal-anqas ġurnata waħda fil-ġimgħa mingħajr responsabbiltajiet ta' au pair.
6.  
L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu somma minima ta' flus bħala pocket money li għandha titħallas lill-au pair.



KAPITOLU III

L-AWTORIZZAZZJONIJIET U T-TUL TA' ŻMIEN TA' RESIDENZA

Artikolu 17

Awtorizzazzjonijiet

1.  
Meta l-awtorizzazzjoni tkun fil-forma ta' permess ta' residenza, l-Istati Membri għandhom jużaw il-format stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u għandhom idaħħlu t-termini “riċerkatur”, “student”, “skular”, “trainee”, “voluntier” jew “au pair” fuq dan il-permess ta' residenza.
2.  
Meta l-awtorizzazzjoni tkun fil-forma ta' viża għal permanenza twila, l-Istati Membri għandhom idaħħlu referenza li tiddikjara li din qed tinħareġ lil “riċerkatur”, “student”, “skular”, “trainee”, “voluntier” jew “au pair” taħt l-intestatura “rimarki” fuq l-istiker tal-viża.
3.  
Għal riċerkaturi u studenti li ġejjin fl-Unjoni fil-qafas ta' programm speċifiku tal-Unjoni jew multilaterali li jinkludi miżuri ta' mobilità, jew ftehim bejn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar, l-awtorizzazzjoni għandha tagħmel referenza għal dak il-programm jew ftehim speċifiku.
4.  
Meta l-awtorizzazzjoni għal mobilità fuq perijodu twil tinħareġ lil riċerkatur fil-forma ta' permess ta' residenza, l-Istati Membri għandhom jużaw il-format stipulat fir-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u jdaħħlu “mobilità-riċerkatur” fuq il-permess ta' residenza. Meta l-awtorizzazzjoni għall-mobilità għal perijodu twil tinħareġ lil riċerkatur fil-forma ta' viża għal permanenza twila, l-Istati Membri għandhom idaħħlu “mobilità-riċerkatur” taħt l-intestatura “rimarki” fuq l-istiker tal-viża.

Artikolu 18

Perijodu ta' awtorizzazzjoni

1.  
Il-perijodu ta' validità ta' awtorizzazzjoni għar-riċerkaturi għandu jkun mill-anqas sena, jew għat-tul tal-ftehim ta' akkoljenza fejn dan ikun iqsar. L-awtorizzazzjoni għandha tkun imġedda jekk l-Artikolu 21 ma jkunx japplika.

Il-perijodu ta' awtorizzazzjoni għar-riċerkaturi li huma koperti mill-Unjoni jew il-programmi multilaterali li jinkludu l-miżuri ta' mobilità għandu jkun minn tal-anqas sentejn, jew għat-tul tal-perijodu tal-ftehim ta' akkoljenza fejn dan ikun iqsar. Jekk il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7 ma jintlaħqux għas-sentejn jew għall-perijodu kollu tal-ftehim ta' akkoljenza, l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu japplika. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jivverifikaw li r-raġunijiet għall-irtirar stabbiliti fl-Artikolu 21 ma japplikawx.

2.  
Il-perijodu ta' validità ta' awtorizzazzjoni għall-istudenti għandu jkun mill-anqas sena, jew għat-tul tal-istudji fejn dan ikun iqsar. L-awtorizzazzjoni għandha tkun imġedda jekk l-Artikolu 21 ma japplikax.

Il-perijodu ta' awtorizzazzjoni għall-istudenti għandu jkun kopert mill-Unjoni jew minn programmi multilaterali li jinkludu miżuri ta' mobilità jew minn ftehim bejn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar għandu jkun mill-anqas sentejn, jew għat-tul tal-istudji tagħhom fejn dan ikun iqsar. Jekk il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7 ma jintlaħqux għas-sentejn jew għall-perijodu kollu ta' studju, l-ewwel subparagrafu ta' dan il-paragrafu għandu japplika. L-Istati Membri għandhom iżommu d-dritt li jivverifikaw li r-raġunijiet għall-irtirar stabbiliti fl-Artikolu 21 ma japplikawx.

3.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw li l-perijodu totali ta' residenza għall-istudji ma għandux jaqbeż it-tul ta' żmien massimu, kif iddefinit fil-liġi nazzjonali.
4.  
Il-perijodu ta' validità ta' awtorizzazzjoni għall-iskulari għandu jkun għat-tul tal-iskema ta' skambju ta' skulari jew tal-proġett edukattiv fejn dan ikun iqsar minn sena, jew għal massimu ta' sena. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu darba t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-perijodu meħtieġ biex jitlestew l-iskema ta' skambju ta' skulari jew il-proġett edukattiv jekk l-Artikolu 21 ma japplikax.
5.  
Il-perijodu ta' validità ta' awtorizzazzjoni għall-au pairs għandu jkun għat-tul tal-ftehim ta' bejn l-au pair u l-familja ospitanti fejn dan ikun anqas minn sena, jew għal perijodu massimu ta' sena. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu darba t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għal perijodu massimu ta' sitt xhur, wara talba ġġustifikata mill-familja ospitanti, jekk l-Artikolu 21 ma japplikax.
6.  
Il-perijodu ta' validità għal awtorizzazzjoni għat-trainees għandu jkun għat-tul tal-ftehim ta' taħriġ fejn dan ikun iqsar minn sitt xhur, jew għal massimu ta' sitt xhur. Jekk il-perijodu tal-ftehim ikun ta' aktar minn sitt xhur, it-tul tal-validità tal-awtorizzazzjoni jista' jikkorrispondi għall-perijodu kkonċernat skont il-liġi nazzjonali.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jippermettu darba t-tiġdid tal-awtorizzazzjoni għall-perijodu meħtieġ biex jitlesta t-traineeship, jekk l-Artikolu 21 ma japplikax.

7.  
Il-perijodu ta' validità ta' awtorizzazzjoni għall-voluntiera għandu jkun għat-tul tal-ftehim imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1) fejn dan ikun iqsar minn sena, jew għal perijodu massimu ta' sena. Jekk il-perijodu tal-ftehim ikun ta' aktar minn sena, it-tul tal-validità tal-awtorizzazzjoni jista' jikkorrispondi għall-perijodu kkonċernat skont il-liġi nazzjonali.
8.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeterminaw li, fil-każ li l-validità tad-dokument ta' vjaġġar tal-ċittadin ta' pajjiż terz ikkonċernat ikun inqas minn sena jew inqas minn sentejn fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-perijodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni m'għandhiex taqbeż il-perijodu ta' validità tad-dokument ta' vjaġġar.
9.  
Fejn l-Istati Membri jippermettu d-dħul u r-residenza matul l-ewwel sena abbażi ta' viża għal permanenza twila, għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni għal permess ta' residenza qabel l-iskadenza tal-viża għal permanenza twila. Il-permess ta' residenza għandu jinħareġ jekk l-Artikolu 21 ma japplikax.

Artikolu 19

Informazzjoni addizzjonali

1.  
L-Istati Membri jistgħu jindikaw informazzjoni addizzjonali f'format stampat jew jaħżnu tali informazzjoni f'format elettroniku, kif imsemmi fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002 u punt (a) 16 tal-Anness għalih. Din l-informazzjoni tista' tkun dwar ir-residenza u, f'każijiet koperti mill-Artikolu 24 ta' din id-Direttiva, l-attivitajiet ekonomiċi tal-istudent u tinkludi b'mod partikolari l-lista sħiħa tal-Istati Membri li fihom ir-riċerkatur jew student beħsiebu jmur fil-qafas tal-mobilità jew l-informazzjoni rilevanti dwar programm tal-Unjoni jew multilaterali li jinkludi miżuri ta' mobilità jew ftehim bejn żewġ istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja jew aktar.
2.  
L-Istati Membri jistgħu wkoll jistipulaw li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tkun indikata fuq il-viża għal permanenza twila, kif imsemmi fil-punt 12 tal-Anness għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 ( 6 ).



KAPITOLU IV

RAĠUNIJIET GĦAL RIFJUT, IRTIRAR JEW GĦAL NUQQAS TA' TIĠDID TAL-AWTORIZZAZZJONIJIET

Artikolu 20

Raġunijiet għal rifjut

1.  

L-Istati Membri għandhom jirrifjutaw applikazzjoni fejn:

(a) 

il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7 u l-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti stipulati fl-Artikoli 8, 11, 12, 13, 14 jew 16 ma jintlaħqux;

(b) 

id-dokumenti ppreżentati jkunu ġew akkwistati b'mod frodulenti, jew iffalsifikati, jew imbagħbsa;

(c) 

l-Istat Membru kkonċernat jippermetti biss l-ammissjoni permezz ta' entità ospitanti approvata u l-entità ospitanti ma tkunx approvata.

2.  

L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni fejn:

(a) 

l-entità ospitanti, korp ieħor kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1), parti terza kif imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 12(1), il-familja ospitanti jew l-organizzazzjoni li sservi ta' medjatur bejn l-au pairs ikunu fallew milli jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom fir-rigward ta' sigurtà soċjali, tassazzjoni, drittijiet tax-xogħol jew kundizzjonijiet tax-xogħol;

(b) 

fejn applikabbli, it-termini ta' impjieg kif previsti fil-liġi nazzjonali jew fi ftehimiet kollettivi jew fil-prattiki tal-Istat Membru kkonċernat ma jintlaħqux mill-entità ospitanti jew il-familja ospitanti li ser timpjega ċ-ċittadin ta' pajjiż terz;

(c) 

l-entità ospitanti, korp ieħor kif imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1), parti terza kif imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 12(1), il-familja ospitanti jew l-organizzazzjoni li sservi ta' medjatur bejn l-au pairs ikunu ġew sanzjonati f'konformità mal-liġi nazzjonali minħabba xogħol mhux iddikjarat jew impjieg illegali;

(d) 

l-entità ospitanti ġiet stabbilita jew topera bil-għan ewlieni li tiffaċilita d-dħul ta' ċittadini ta' pajjiż terz li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva;

(e) 

fejn applikabbli, in-negozju tal-entità ospitanti qiegħed stralċjat jew ġie stralċjat taħt il-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jew jekk ma tkunx qed issir attività ekonomika;

(f) 

l-Istat Membru jkollu evidenza jew raġunijiet serji u oġġettivi biex ikun stabbilit li ċ-ċittadin ta' pajjiż terz ikun ser jirrisjedi għal raġunijiet differenti minn dawk li applika għalihom biex ikun ammess.

3.  
Fejn ċittadin ta' pajjiż terz japplika biex ikun ammess f'relazzjoni ta' impjieg tax-xogħol fi Stat Membru, dak l-Istat Membru jista' jivverifika jekk il-post inkwistjoni jistax jimtela' minn ċittadini ta' dak l-Istat Membru jew minn ċittadini oħra tal-Unjoni, jew minn ċittadini ta' pajjiż terz li qed jirrisjedu legalment f'dak l-Istat Membru, f'liema każ ikun jista' jirrifjuta l-applikazzjoni. Dan il-paragrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-preferenza għal ċittadini tal-Unjoni kif espress fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti ta' Adeżjoni rilevanti.
4.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe deċiżjoni li tiġi rifjutata applikazzjoni għandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità.

Artikolu 21

Raġunijiet għall-irtirar jew għar-rifjut ta' tiġdid ta' awtorizzazzjoni

1.  

L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew, fejn applikabbli, jirrifjutaw li jġeddu awtorizzazzjoni fejn:

(a) 

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 7, ħlief għall-Artikolu 7(6), jew il-kundizzjonijiet speċifiċi rilevanti stipulati fl-Artikoli 8, 11, 12, 13, 14, 16 jew il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 18;

(b) 

l-awtorizzazzjoni jew id-dokumenti ppreżentati jkunu ġew akkwistati b'mod frodulenti, jew iffalsifikati, jew imbagħbsa;

(c) 

l-Istat Membru kkonċernat jippermetti biss l-ammissjoni permezz ta' entità ospitanti approvata u l-entità ospitanti ma tkunx approvata;

(d) 

iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jirrisjedi għal finijiet differenti minn dawk li għalihom iċ-ċittadin ta' pajjiż terz ġie awtorizzat jirrisjedi.

2.  

L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu awtorizzazzjoni fejn:

(a) 

l-entità ospitanti jew korp ieħor imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1), parti terza kif imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 12(1), il-familja ospitanti jew l-organizzazzjoni li tkun qed isservi ta' medjatur bejn l-au pairs ikunu naqsu milli jissodisfaw l-obbligi legali tagħhom fir-rigward ta' sigurtà soċjali, tassazzjoni, drittijiet tax-xogħol jew kundizzjonijiet tax-xogħol;

(b) 

fejn applikabbli, it-termini ta' impjieg kif previsti fil-liġi nazzjonali jew fi ftehimiet kollettivi jew fil-prattiki fl-Istat Membru kkonċernat ma jintlaħqux mill-entità ospitanti jew il-familja ospitanti li timpjega ċ-ċittadin ta' pajjiż terz;

(c) 

l-entità ospitanti, korp ieħor imsemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 14(1), parti terza kif imsemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 12(1), il-familja ospitanti jew l-organizzazzjoni li sservi ta' medjatur bejn l-au pairs ikunu ġew sanzjonati f'konformità mal-liġi nazzjonali minħabba xogħol mhux iddikjarat jew impjiegi illegali;

(d) 

l-entità ospitanti ġiet stabbilita jew topera bil-għan ewlieni li tiffaċilita d-dħul ta' ċittadini ta' pajjiż terz li jaqgħu taħt il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva;

(e) 

fejn applikabbli, in-negozju tal-entità ospitanti qiegħed jiġi stralċjat jew ġie stralċjat taħt il-liġijiet nazzjonali dwar l-insolvenza jew ma tkunx qed issir attività ekonomika;

(f) 

fir-rigward ta' studenti, il-limiti ta' żmien imposti fuq l-aċċess għall-attivitajiet ekonomiċi skont l-Artikolu 24 ma jiġux rispettati jew student ma jagħmilx progress suffiċjenti fl-istudji rilevanti skont il-liġi nazzjonali jew il-prattika amministrattiva.

3.  
Fil-każ ta' rtirar, meta jkun qed jivvaluta n-nuqqas ta' progress fl-istudji rilevanti, kif imsemmi fil-punt (f) tal-paragrafu 2, Stat Membru jista' jikkonsulta mal-entità ospitanti.
4.  
L-Istati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu awtorizzazzjoni għal raġunijiet ta' ordni pubbliku, jew ta' sigurtà pubblika jew ta' saħħa pubblika.
5.  
Fejn ċittadin ta' pajjiż terz japplika għat-tiġdid tal-awtorizzazzjoni biex jidħol f'relazzjonijiet ta' impjieg jew biex ikompli jkun fihom fi Stat Membru, bl-eċċezzjoni ta' riċerkatur li jkompli r-relazzjoni ta' impjieg mal-istess entità ospitanti, dak l-Istat Membru jista' jivverifika jekk il-post inkwistjoni jistax jimtela' minn ċittadini ta' dak l-Istat Membru jew minn ċittadini oħra tal-Unjoni, jew minn ċittadini ta' pajjiż terz li ilhom residenti f'dak l-Istat Membru għal żmien twil, f'liema każ jista' jirrifjuta li jġedded l-awtorizzazzjoni. Dan il-paragrafu għandu japplika mingħajr preġudizzju għall-prinċipju tal-preferenza għal ċittadini tal-Unjoni kif espress fid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Atti ta' Adeżjoni rilevanti.
6.  
Fejn Stat Membru jkollu l-ħsieb li jirtira jew ma jġeddidx l-awtorizzazzjoni ta' student skont il-punti (a), (c), (d) jew (e) tal-paragrafu 2, l-istudent għandu jitħalla jippreżenta applikazzjoni biex ikun ospitat minn istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja differenti għal kors ta' studju ekwivalenti sabiex ikunu jistgħu jitlestew l-istudji. L-istudent għandu jitħalla jibqa' fit-territorju tal-Istat Membri sakemm l-awtorità kompetenti jkunu ħadu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni.
7.  
Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, kwalunkwe deċiżjoni li tiġi rtirata awtorizzazzjoni jew li jiġi rifjutat it-tiġdid ta' awtorizzazzjoni għandha tieħu kont taċ-ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u tirrispetta l-prinċipju ta' proporzjonalità.



KAPITOLU V

DRITTIJIET

Artikolu 22

Trattament indaqs

1.  
Ir-riċerkaturi għandhom ikunu intitolati għal trattament indaqs bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat kif previst fl-Artikolu 12(1) u (4) tad-Direttiva 2011/98/UE.
2.  

L-Istati Membri jistgħu jirrestrinġu t-trattament indaqs fir-rigward tar-riċerkaturi:

(a) 

taħt il-punt (c) tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/98/UE, billi jeskludu għotjiet u self għall-istudju u l-manteniment jew għotjiet u self oħra;

(b) 

taħt il-punt (e) tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/98/UE, billi ma jagħtux benefiċċji għall-familja lir-riċerkaturi li ġew awtorizzati li jirrisjedu fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat għal perijodu li ma jeċċedix is-sitt xhur;

(c) 

taħt il-punt (f) tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/98/UE, billi jillimitaw l-applikazzjoni tiegħu għal każijiet fejn il-post ta' residenza rreġistrat jew tas-soltu tal-membri tal-familja tar-riċerkatur, li għalihom jitlob il-benefiċċji, jinsab fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat;

(d) 

taħt il-punt (g) tal-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2011/98/UE, billi jirrestrinġu l-aċċess għall-akkomodazzjoni.

3.  
It-trainees, il-voluntiera u l-au pairs, meta jitqiesu li huma f'relazzjoni ta' impjieg fl-Istat Membru kkonċernat, u l-istudenti għandhom ikunu intitolati għal trattament indaqs bħaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat kif previst fl-Artikolu 12(1) u (4) tad-Direttiva 2011/98/UE soġġett għar-restrizzjonijiet previsti fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu.
4.  
It-trainees, il-voluntiera, u l-au pairs, meta ma jitqisux li huma f'relazzjoni ta' impjieg fl-Istat Membru kkonċernat, u l-iskulari għandhom ikunu intitolati għal trattament indaqs rigward l-aċċess għal oġġetti u servizzi kif ukoll rigward il-forniment ta' oġġetti u servizzi li jkunu disponibbli għall-pubbliku, kif previst mil-liġi nazzjonali, kif ukoll, fejn applikabbli, rigward ir-rikonoxximent ta' diplomi, ċertifikati u kwalifiki professjonali oħra f'konformità mal-proċeduri nazzjonali rilevanti.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jagħtuhomx trattament indaqs rigward il-proċeduri għall-ksib ta' akkomodazzjoni u jew/servizzi previsti mill-uffiċċji pubbliċi għall-impjieg f'konformità mal-liġi nazzjonali.

Artikolu 23

Tagħlim minn riċerkaturi

Ir-riċerkaturi jistgħu, flimkien ma' attivitajiet ta' riċerka, jgħallmu skont il-liġi nazzjonali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu għadd massimu ta' sigħat jew ta' jiem għall-attività tat-tagħlim.

Artikolu 24

Attivitajiet ekonomiċi minn studenti

1.  
L-istudenti, barra mill-ħin ta' studju tagħhom u soġġett għar-regoli u l-kundizzjonijiet applikabbli għall-attività rilevanti fl-Istat Membru kkonċernat, għandhom ikunu intitolati li jiġu impjegati u jistgħu jkunu intitolati jeżerċitaw attività ekonomika bħala persuni li jaħdmu għal rashom, soġġett għal-limitazzjonijiet previsti fil-paragrafu 3.
2.  
Fejn jeħtieġ, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-istudenti u/jew lill-impjegaturi awtorizzazzjoni minn qabel skont il-liġi nazzjonali.
3.  
Kull Stat Membru għandu jiddetermina l-akbar għadd ta' sigħat fil-ġimgħa jew jiem jew xhur fis-sena permessi għal din l-attività, li ma għandhiex tkun inqas minn 15-il siegħa fil-ġimgħa, jew l-ekwivalenti f'jiem jew xhur fis-sena. Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru kkonċernat tista' tittieħed inkonsiderazzjoni.

Artikolu 25

Permanenza għall-fini ta' tfittix ta' impjieg jew intraprenditorija għal riċerkaturi u studenti

1.  
Wara t-tlestija tar-riċerka jew l-studji, ir-riċerkaturi u l-istudenti għandu jkollhom il-possibbiltà li jibqgħu fit-territorju tal-Istat Membru li ħareġ awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 17, abbażi tal-permess ta' residenza msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, għal perijodu ta' mill-inqas disa' xhur sabiex ifittxu impjieg jew jibdew negozju.
2.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jistabbilixxu livell minimu ta' titlu akkademiku li l-istudenti għandhom ikunu laħqu sabiex jibbenefikaw mill-applikazzjoni ta' dan l-Artikolu. Dak il-livell ma għandux ikun ogħla mil-livell 7 tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki ( 7 ).
3.  
Għall-finijiet tal-permanenza msemmija fil-paragrafu 1, meta ssir applikazzjoni mir-riċerkatur jew l-istudent, l-Istati Membri għandhom joħorġu permess ta' residenza lil dak iċ-ċittadin tal-pajjiż terz f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 1030/2002, fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-punti (a), (c), (d) u (e) tal-Artikolu 7(1), l-Artikolu 7(6) u, fejn applikabbli, fl-Artikolu 7(2) ta' din id-Direttiva għadhom sodisfatti. L-Istati Membri għandhom jesiġu, għar-riċerkaturi, konferma mill-organizzazzjoni ta' riċerka tat-tlestija tal-attività ta' riċerka jew, għall-istudenti, evidenza li kisbu diploma jew ċertifikat ta' edukazzjoni għolja jew evidenza oħra ta' kwalifiki formali. Fejn applikabbli, u jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 26 għadhom sodisfatti, il-permess ta' residenza previst f'dak l-Artikolu għandu jiġġedded kif meħtieġ.
4.  

L-Istati Membri jistgħu jirrifjutaw applikazzjoni taħt dan l-Artikolu fejn:

(a) 

il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 u, fejn applikabbli, fil-paragrafi 2 u 5 ma jiġux sodisfatti,

(b) 

id-dokumenti ppreżentati jkunu nkisbu b'mod frodulenti, jew ġew iffalsifikati, jew imbagħbsa.

5.  
L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-applikazzjoni taħt dan l-Artikolu tar-riċerkatur jew tal-istudent u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja tar-riċerkatur, tiġi ppreżentata mill-inqas 30 jum qabel l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni maħruġa taħt l-Artikoli 17 jew 26.
6.  
Jekk l-evidenza tal-ksib ta' diploma jew ċertifikat ta' edukazzjoni għolja jew evidenza oħra ta' kwalifiki formali jew il-konferma mill-organizzazzjoni ta' riċerka tat-tlestija tal-attività ta' riċerka ma jkunux disponibbli qabel l-iskadenza tal-awtorizzazzjoni maħruġa taħt l-Artikolu 17, u l-kundizzjonijiet l-oħra kollha jkunu sodisfatti, l-Istati Membri għandhom jippermettu liċ-ċittadin ta' pajjiż terz jibqa' fit-territorju tagħhom sabiex jippreżenta tali evidenza fi żmien raġonevoli f'konformità mal-liġi nazzjonali.
7.  
Wara minimu ta' tliet xhur mill-ħruġ tal-permess ta' residenza taħt dan l-Artikolu mill-Istat Membru kkonċernat, dan tal-aħħar jista' jitlob li ċ-ċittadini ta' pajjiż terz jagħtu prova li huma għandhom ċans ġenwin li jiġu ingaġġati jew li jibdew negozju.

L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-impjieg li qiegħed ifittex iċ-ċittadin ta' pajjiż terz jew in-negozju li qiegħed fil-proċess li jibda jikkorrispondi għal-livell ta' riċerka jew ta' studji li tlestew.

8.  
Jekk il-kundizzjonijiet previsti fil-paragrafu 3 jew 7 ma għadhomx sodisfatti, l-Istati Membri jistgħu jirtiraw il-permess ta' residenza taċ-ċittadin ta' pajjiż terz u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja tiegħu skont il-liġi nazzjonali.
9.  
It-tieni Stati Membri jistgħu japplikaw dan l-Artikolu għar-riċerkaturi u, fejn applikabbli, għall-membri tal-familja tar-riċerkatur jew għall-istudenti li jirrisjedu jew irrisjedew fit-tieni Stat Membru kkonċernat f'konformità mal-Artikoli 28, 29, 30 jew 31.

Artikolu 26

Membri tal-familja ta' riċerkaturi

1.  
Bil-għan li jippermettu lill-membri tal-familja ta' riċerkaturi jingħaqdu mar-riċerkatur fl-ewwel Stat Membru jew, fil-każ ta' mobilità għal perijodu twil, fit-tieni Stati Membri, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/86/KE bid-derogi stipulati f'dan l-Artikolu.
2.  
B'deroga mill-Artikolu 3(1) u mill-Artikolu 8 tad-Direttiva 2003/86/KE, l-għoti ta' permess ta' residenza lill-membri tal-familja ma għandux jiddependi mir-rekwiżit li r-riċerkatur ikollu prospetti raġonevoli li jikseb id-dritt ta' residenza permanenti u jkollu perijodu minimu ta' residenza.
3.  
B'deroga mill-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 4(1) u mill-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2003/86/KE, il-kundizzjonijiet u l-miżuri ta' integrazzjoni msemmija fihom jistgħu japplikaw biss wara li l-persuni kkonċernati jkunu ngħataw permess ta' residenza.
4.  
B'deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 5(4) tad-Direttiva 2003/86/KE, il-permessi ta' residenza għall-membri tal-familja għandhom jingħataw minn Stat Membru, jekk il-kundizzjonijiet għar-riunifikazzjoni tal-familja jiġu sodisfatti, fi żmien 90 jum mid-data li fiha tkun ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kompluta. L-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tipproċessa l-applikazzjoni għall-membri tal-familja fl-istess ħin mal-applikazzjoni għall-ammissjoni jew għall-mobilità għal perijodu twil tar-riċerkatur, f'każ li l-applikazzjoni għall-membri tal-familja tiġi ppreżentata fl-istess ħin. Il-permess ta' residenza għall-membri tal-familja għandu jingħata biss jekk għar-riċerkatur tinħareġ awtorizzazzjoni taħt l-Artikolu 17.
5.  
B'deroga mill-Artikoli 13(2) u (3) tad-Direttiva 2003/86/KE, it-tul tal-validità tal-permess ta' residenza tal-membri tal-familja għandu, bħala regola ġenerali, jintemm fid-data ta' skadenza tal-awtorizzazzjoni tar-riċerkatur. Dan jinkludi, fejn applikabbli, awtorizzazzjonijiet maħruġa lir-riċerkatur għall-finijiet ta' tfittix ta' impjieg jew intraprenditorija f'konformità mal-Artikolu 25. L-Istati Membri jistgħu jesiġu li l-perijodu ta' validità tad-dokumenti tal-ivvjaġġar tal-membri tal-familja jkopru mill-inqas it-tul ta' żmien tal-permanenza ppjanata.
6.  
B'deroga mit-tieni sentenza tal-Artikolu 14(2) tad-Direttiva 2003/86/KE, l-ewwel Stat Membru jew, fil-każ ta' mobilità għal perijodu twil, it-tieni Stati Membri ma għandhom japplikaw l-ebda limitu ta' żmien fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol għall-membri tal-familja, ħlief f'ċirkostanzi eċċezzjonali bħal livelli partikolarment għolja ta' qgħad.



KAPITOLU VI

MOBILITÀ BEJN L-ISTATI MEMBRI

Artikolu 27

Mobilità fi ħdan l-UE

1.  
Ċittadin ta' pajjiż terz li għandu awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru għall-finijiet ta' studji fil-qafas ta' programm tal-Unjoni jew programm multilaterali li jinkludi miżuri ta' mobilità jew fil-qafas ta' qbil bejn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar, jew għall-finijiet ta' riċerka jista' jidħol u jibqa' sabiex iwettaq parti mill-istudji jew mir-riċerka f'wieħed mit-tieni Stati Membri jew f'diversi minnhom abbażi ta' dik l-awtorizzazzjoni u dokument tal-ivvjaġġar validu skont il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 28, 29 u 31 u soġġett għall-Artikolu 32.
2.  
Matul il-mobilità msemmija fil-paragrafu 1, ir-riċerkaturi jistgħu, flimkien ma' attivitajiet ta' riċerka, jgħallmu u l-istudenti jistgħu, flimkien mal-istudji tagħhom, jaħdmu, f'wieħed mit-tieni Stati Membri jew f'diversi minnhom f'konformità mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 23 u 24 rispettivament.
3.  
Meta riċerkatur imur jgħix f'tieni Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 28 jew 29, il-membri tal-familja li jkollhom permess ta' residenza maħruġ f'konformità mal-Artikolu 26 għandhom ikunu awtorizzati jakkumpanjaw lir-riċerkatur fil-qafas tal-mobilità tar-riċerkatur taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 30.

Artikolu 28

Mobilità għal perijodu qasir tar-riċerkaturi

1.  
Ir-riċerkatur li għandhom awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru għandhom ikunu intitolati li jibqgħu sabiex iwettqu parti mir-riċerka tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni ta' riċerka f'wieħed mit-tieni Stati Membri jew f'diversi minnhom għal perijodu ta' mhux aktar minn 180 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 360 jum għal kull Stat Membru, soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f'dan l-Artikolu.
2.  
It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li r-riċerkatur, l-organizzazzjoni ta' riċerka fl-ewwel Stat Membru jew l-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru u t-tieni Stat Membru dwar l-intenzjoni tar-riċerkatur li jwettaq parti mir-riċerka fl-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru.

F'tali każijiet, it-tieni Stat Membru għandu jippermetti li n-notifika ssir jew:

(a) 

meta ssir l-applikazzjoni fl-ewwel Stat Membru, fejn il-mobilità lejn it-tieni Stat Membru tkun diġà prevista f'dak l-istadju; jew

(b) 

wara li r-riċerkatur ikun ġie ammess fl-ewwel Stat Membru, hekk kif tkun magħrufa l-mobilità maħsuba lejn it-tieni Stati Membru.

3.  
Fejn in-notifika tkun saret f'konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 2, u fejn it-tieni Stat Membru ma jkun qajjem l-ebda oġġezzjoni mal-ewwel Stat Membru f'konformità mal-paragrafu 7, il-mobilità tar-riċerkatur lejn it-tieni Stat Membru tista' sseħħ fi kwalunkwe mument fi ħdan il-perijodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni.
4.  
Fejn in-notifika tkun saret f'konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 2, il-mobilità tista' tinbeda immedjatament wara n-notifika lit-tieni Stat Membru jew fi kwalunkwe mument wara dan fi ħdan il-perijodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni.
5.  
In-notifika għandha tinkludi d-dokument tal-ivvjaġġar validu, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1) u l-awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru li tkopri l-perijodu tal-mobilità.
6.  

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li n-notifika tinkludi t-trażmissjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin:

(a) 

il-ftehim ta' akkoljenza fl-ewwel Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 10 jew, jekk it-tieni Stat Membru jitlob hekk, ftehim ta' akkoljenza konkluż mal-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru;

(b) 

fejn mhux speċifikat fil-ftehim ta' akkoljenza, it-tul ta' żmien u d-dati ppjanati tal-mobilità;

(c) 

evidenza li r-riċerkatur għandu assigurazzjoni medika għar-riskji kollha li normalment jiġu koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat kif previst fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1);

(d) 

evidenza li waqt il-permanenza r-riċerkatur ser ikollu biżżejjed riżorsi biex ikopri l-ispejjeż ta' sussistenza mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' assistenza soċjali tal-Istat Membru, kif previst fil-punt (e) tal-Artikolu 7(1), kif ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn l-ewwel Stat membru fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 32(4);

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li n-notifikatur jipprovdi, qabel il-bidu tal-mobilità, l-indirizz tar-riċerkatur ikkonċernat fit-territorju tat-tieni Stat Membru.

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li n-notifikatur jippreżenta d-dokumenti f'lingwa uffiċjali tal-Istat Membru kkonċernat jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni ddeterminata minn dak l-Istat Membru.

7.  

Abbażi tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, it-tieni Stat Membru jista' joġġezzjona għall-mobilità tar-riċerkatur lejn it-territorju tiegħu fi żmien 30 jum minn meta tiġi riċevuta n-notifika kompluta, fejn:

(a) 

ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 5 jew, fejn applikabbli, fil-paragrafu 6;

(b) 

tapplika waħda mir-raġunijiet għal rifjut stipulati fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 20(1) jew fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu;

(c) 

ikun intlaħaq il-perijodu massimu ta' permanenza msemmi fil-paragrafu 1.

8.  
Ir-riċerkaturi li jitqiesu ta' theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika ma għandhomx jitħallew jidħlu jew jibqgħu fit-territorju tat-tieni Stat Membru.
9.  
L-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru għandhom jinformaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru u lin-notifikatur bil-miktub dwar l-oġġezzjoni tagħhom għall-mobilità. Fejn it-tieni Stat Membru joġġezzjona għall-mobilità f'konformità mal-paragrafu 7 u l-mobilità tkun għadha ma seħħitx, ir-riċerkatur ma għandux jitħalla jwettaq parti mir-riċerka fl-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru. Fejn il-mobilità tkun diġà seħħet, għandu japplika l-Artikolu 32(4).
10.  
Wara li jiskadi l-perijodu ta' oġġezzjoni, it-tieni Stat Membru jista' joħroġ dokument għar-riċerkatur li jattesta li dan huwa intitolat jibqa' fit-territorju tiegħu u jgawdi mid-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

Artikolu 29

Mobilità għal perijodu twil tar-riċerkaturi

1.  

B'rabta mar-riċerkaturi li għandhom awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru u li għandhom l-intenzjoni li jibqgħu sabiex iwettqu parti mir-riċerka tagħhom fi kwalunkwe organizzazzjoni ta' riċerka f'wieħed mit-tieni Stati Membri jew f'diversi minnhom għal perijodu ta' aktar minn 180 jum għal kull Stat Membru, it-tieni Stat Membru għandu jew:

(a) 

japplika l-Artikolu 28 u jippermetti lir-riċerkatur jibqa' fit-territorju abbażi ta' u matul il-perijodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni maħruġa mill-ewwel Stat Membru; jew

(b) 

japplika l-proċedura prevista fil-paragrafi minn 2 sa 7.

It-tieni Stat Membru jista' jiddefinixxi perijodu massimu tal-mobilità għal perijodu twil ta' riċerkatur li ma għandhiex tkun inqas minn 360 jum.

2.  

Meta tiġi ppreżentata applikazzjoni għal mobilità għal perijodu twil:

(a) 

it-tieni Stat Membru jista' jesiġi li r-riċerkatur, l-organizzazzjoni ta' riċerka fl-ewwel Stat Membru jew l-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru jibagħtu d-dokumenti li ġejjin:

(i) 

dokument tal-ivvjaġġar validu, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1) u awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru;

(ii) 

evidenza li r-riċerkatur għandu assigurazzjoni medika għar-riskji kollha li normalment jiġu koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat kif previst fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1);

(iii) 

evidenza li waqt il-permanenza r-riċerkatur ser ikollu biżżejjed riżorsi biex ikopri l-ispejjeż ta' sussistenza mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' assistenza soċjali tal-Istat Membru, kif previst fil-punt(e) tal-Artikolu 7(1), kif ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn l-ewwel Stat Membru fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 32(4);

(iv) 

il-ftehim ta' akkoljenza fl-ewwel Stat Membru kif imsemmi fl-Artikolu 10 jew, jekk it-tieni Stat Membru jitlob hekk, ftehim ta' akkoljenza konkluż mal-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru;

(v) 

fejn ma jkunu speċifikati fl-ebda dokument ippreżentat mill-applikant, it-tul ta' żmien u d-dati ppjanati tal-mobilità.

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li l-applikant jipprovdi l-indirizz tar-riċerkatur ikkonċernat fit-territorju tiegħu. Fejn il-liġi nazzjonali tat-tieni Stat Membru teħtieġ li jingħata indirizz meta ssir l-applikazzjoni u r-riċerkatur ikkonċernat għadu ma jafx l-indirizz futur tiegħu, dak l-Istat Membru għandu jaċċetta indirizz temporanju. F'tali każ, ir-riċerkatur għandu jipprovdi l-indirizz permanenti tiegħu mhux aktar tard minn meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni għall-mobilità għal perijodu twil.

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li l-applikant jippreżenta d-dokumenti f'lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat Membru jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni ddeterminata minn dak l-Istat Membru.

(b) 

it-tieni Stat Membru għandu jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għall-mobilità għal perijodu twil u jinnotifika d-deċiżjoni bil-miktub lill-applikant mill-aktar fis possibbli, iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kompluta lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru;

(c) 

ir-riċerkatur ma għandux ikun mitlub jitlaq mit-territorji tal-Istati Membri sabiex jippreżenta l-applikazzjoni u ma għandux ikun soġġett għal rekwiżit ta' viża;

(d) 

ir-riċerkatur għandu jitħalla jwettaq parti mir-riċerka tiegħu fl-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru sakemm tittieħed deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal mobilità għal perijodu twil mill-awtoritajiet kompetenti, dment li:

(i) 

la l-perijodu msemmi fl-Artikolu 28(1) u lanqas il-perijodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni maħruġa mill-ewwel Stat Membru ma jkunu skadew; u

(ii) 

jekk it-tieni Stat Membru jesiġi hekk, l-applikazzjoni kompluta tkun ġiet ippreżentata lit-tieni Stat Membru mill-inqas 30 jum qabel ma tibda l-mobilità għal perijodu twil tar-riċerkatur;

(e) 

applikazzjoni għal mobilità għal perijodu twil ma tistax tintbagħat fl-istess ħin bħal notifika għal mobilità għal perijodu qasir. Fejn ikun hemm bżonn ta' mobilità għal perijodu twil wara li tkun bdiet il-mobilità għal perijodu qasir tar-riċerkatur, it-tieni Stat Membru jista' jitlob li l-applikazzjoni għal mobilità għal perijodu twil tiġi ppreżentata mill-inqas 30 jum qabel it-tmiem tal-mobilità għal perijodu qasir.

3.  

It-tieni Stat Membru jista' jirrifjuta applikazzjoni għal mobilità għal perijodu twil fejn:

(a) 

ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a) tal-paragrafu 2;

(b) 

tapplika waħda mir-raġunijiet għal rifjut stipulati fl-Artikolu 20, bl-eċċezzjoni tal-punt (a) tal-paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu;

(c) 

l-awtorizzazzjoni tar-riċerkatur fl-ewwel Stat Membru tiskadi matul il-proċedura; jew

(d) 

fejn applikabbli, jintlaħaq il-perijodu massimu ta' permanenza msemmi fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.

4.  
Ir-riċerkaturi li jitqiesu ta' theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika ma għandhomx jitħallew jidħlu jew jibqgħu fit-territorju tat-tieni Stat Membru.
5.  
Fejn it-tieni Stat Membru jieħu deċiżjoni pożittiva dwar l-applikazzjoni għal mobilità għal perijodu twil kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, għar-riċerkatur għandha tinħareġ awtorizzazzjoni f'konformità mal-Artikolu 17(4). It-tieni Stat Membru għandu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru meta tinħareġ awtorizzazzjoni għal mobilità għal perijodu twil.
6.  

It-tieni Stat Membru jista' jirtira l-awtorizzazzjoni għal mobilità għal perijodu twil fejn:

(a) 

ma jiġux jew ma għadhomx jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (a) tal-paragrafu 2 jew fil-paragrafu 4; jew

(b) 

tapplika waħda mir-raġunijiet għall-irtirar ta' awtorizzazzjoni, kif stipulat fl-Artikolu 21, bl-eċċezzjoni tal-punt (a) tal-paragrafu 1, il-punt (f) tal-paragrafu 2, u l-paragrafi 3, 5 u 6 ta' dak l-Artikolu.

7.  
Meta Stat Membru jieħu deċiżjoni dwar mobilità għal perijodu twil, il-paragrafi 2 sa 5 tal-Artikolu 34 għandhom japplikaw kif meħtieġ.

Artikolu 30

Mobilità tal-membri tal-familja tar-riċerkaturi

1.  
Il-membri tal-familja ta' riċerkatur li għandhom permess ta' residenza validu maħruġ mill-ewwel Stat Membru għandhom ikunu intitolati jidħlu, u jibqgħu, fit-tieni Stat Membru jew f'diversi tieni Stati Membri sabiex jakkumpanjaw lir-riċerkatur.
2.  

Meta t-tieni Stat Membru japplika l-proċedura ta' notifika msemmija fl-Artikolu 28(2), huwa għandu jitlob it-trażmissjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin:

(a) 

id-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa skont il-paragrafu 5 u l-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 28 relatati mal-membri tal-familja li jakkumpanjaw lir-riċerkatur;

(b) 

evidenza li l-membru tal-familja rrisjeda bħala membru tal-familja tar-riċerkatur fl-ewwel Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 26.

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li n-notifikant jippreżenta d-dokumenti f'lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat Membru jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni ddeterminata minn dak l-Istat Membru.

It-tieni Stat Membru jista' joġġezzjona għall-mobilità tal-membru tal-familja lejn it-territorju tiegħu fejn il-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu ma jiġux sodisfatti. Il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 7 u l-paragrafu 9 tal-Artikolu 28 għandhom japplikaw għal dawk il-membri tal-familja kif meħtieġ.

3.  

Meta t-tieni Stat Membru japplika l-proċedura msemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 29(1), għandha tiġi ppreżentata applikazzjoni mir-riċerkatur jew mill-membri tal-familja tar-riċerkatur lill-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru. It-tieni Stat Membru għandu jesiġi li l-applikant jibgħat id-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin relatati mal-membri tal-familja:

(a) 

id-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa skont il-punti (i), (ii), (iii) u (v) tal-punt (a) tal-Artikolu 29(2) relatati mal-membri tal-familja li jakkumpanjaw lir-riċerkatur;

(b) 

evidenza li l-membru tal-familja rrisjeda bħala membru tal-familja tar-riċerkatur fl-ewwel Stat Membru f'konformità mal-Artikolu 26.

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li l-applikant jippreżenta d-dokumenti f'lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat Membru jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni ddeterminata minn dak l-Istat Membru.

It-tieni Stat Membru jista' ma jilqax l-applikazzjoni għall-mobilità fit-tul tal-membru tal-familja lejn it-territorju tiegħu fejn il-kundizzjonijiet stipulati fl-ewwel subparagrafu ma jiġux sodisfatti. Il-punti (b) u (c) tal-paragrafu 2, il-punti (b), (c) u (d) tal-paragrafu 3, il-paragrafu 5, il-punt (b) tal-paragrafu 6 u l-paragrafu 7 tal-Artikolu 29 għandhom japplikaw għal dawk il-membri tal-familja kif meħtieġ.

Il-validità tal-awtorizzazzjoni għall-mobilità fit-tul tal-membri tal-familja għandha, bħala regola ġenerali, tintemm fid-data ta' skadenza tal-awtorizzazzjoni tar-riċerkatur maħruġa mit-tieni Stat Membru.

L-awtorizzazzjoni għall-mobilità fit-tul tal-membri tal-familja tista' tiġi rtirata jew it-tiġdid tagħha jista' jiġi rrifjutat jekk l-awtorizzazzjoni għall-mobilità fit-tul tar-riċerkatur li qegħdin jakkumpanjaw tiġi rtirata jew it-tiġdid tagħha jiġi rrifjutat u huma ma jgawdu minn l-ebda dritt awtonomu ta' residenza.

4.  
Il-membri tal-familja li jitqiesu ta' theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika ma għandhomx jitħallew jidħlu jew jibqgħu fit-territorju tat-tieni Stat Membru.

Artikolu 31

Mobilità ta' studenti

1.  
Studenti li għandhom awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru, u li huma koperti minn programm tal-Unjoni jew programm multilaterali li jinkludi miżuri ta' mobilità jew minn qbil bejn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar għandhom ikunu intitolati jidħlu u jibqgħu sabiex iwettqu parti mill-istudji tagħhom f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja f'wieħed mit-tieni Stati Membri jew f'diversi minnhom għal perijodu ta' mhux aktar minn 360 jum għal kull Stat Membru, soġġetti għall-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi minn 2 sa 10.

Student li mhuwiex kopert minn programm tal-Unjoni jew programm multilaterali li jinkludu miżuri ta' mobilità jew minn qbil bejn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar, għandu jippreżenta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jidħol u jibqa' fit-tieni Stat Membru sabiex iwettaq parti mill-istudji f'istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja f'konformità mal-Artikoli 7 u 11.

2.  
It-tieni Stat Membru jista' jitlob lill-istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja fl-ewwel Stat Membru, lill-istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja fit-tieni Stat Membru jew lill-istudent biex jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel u tat-tieni Stati Membri dwar l-intenzjoni tal-istudent li jwettaq parti mill-istudji fl-istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja fit-tieni Stat Membru.

F'każijiet bħal dawn, it-tieni Stat Membru għandu jippermetti li n-notifika ssir jew:

(a) 

meta ssir l-applikazzjoni fl-ewwel Stat Membru, fejn il-mobilità lejn it-tieni Stat Membru tkun diġà prevista f'dak l-istadju; jew

(b) 

wara li l-istudent jiġi ammess fl-ewwel Stat Membru, hekk kif tkun magħrufa l-mobilità maħsuba lejn it-tieni Stati Membru.

3.  
Fejn in-notifika tkun saret f'konformità mal-punt (a) tal-paragrafu 2, u fejn it-tieni Stat Membru ma jkun qajjem l-ebda oġġezzjoni mal-ewwel Stat Membru f'konformità mal-paragrafu 7, il-mobilità tal-istudent lejn it-tieni Stat Membru tista' sseħħ fi kwalunkwe mument fi ħdan il-perijodu ta' validità tal-awtorizzazzjoni.
4.  
Fejn in-notifika saret f'konformità mal-punt (b) tal-paragrafu 2 u fejn it-tieni Stat Membru ma jkun qajjem l-ebda oġġezzjoni bil-miktub għall-mobilità tal-istudent, f'konformità mal-paragrafu 7 u 9, il-mobilità għandha titqies bħala approvata u tista' sseħħ fit-tieni Stat Membru.
5.  
In-notifika għandha tinkludi d-dokument tal-ivvjaġġar validu, kif previst fil-punt (a) tal-Artikolu 7(1), u l-awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru li tkopri l-perijodu kollu tal-mobilità.
6.  

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li n-notifika tinkludi t-trażmissjoni tad-dokumenti u l-informazzjoni li ġejjin:

(a) 

evidenza li l-istudent iwettaq parti mill-istudji fit-tieni Stat Membru fil-qafas ta' programm tal-Unjoni jew programm multilaterali li jinkludi miżuri ta' mobilità jew ta' qbil bejn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar u evidenza li l-istudent ġie aċċettat minn istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja fit-tieni Stat Membru;

(b) 

fejn mhux speċifikat taħt il-punt (a), it-tul ta' żmien u d-dati ppjanati tal-mobilità;

(c) 

evidenza li l-istudent għandu assigurazzjoni medika għar-riskji kollha li normalment jiġu koperti għaċ-ċittadini tal-Istat Membru kkonċernat kif previst fil-punt (c) tal-Artikolu 7(1);

(d) 

evidenza li waqt il-permanenza l-istudent ser ikollu biżżejjed riżorsi biex ikopri l-ispejjeż ta' sussistenza mingħajr ma jirrikorri għas-sistema ta' assistenza soċjali tal-Istat Membru kif previst fil-punt (e) tal-Artikolu 7(1), spejjeż tal-istudji, kif ukoll l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn l-ewwel Stat Membru fil-każijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 32(4);

(e) 

evidenza li l-miżati imposti mill-istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja tħallsu, fejn applikabbli.

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li n-notifikatur jipprovdi, qabel il-bidu tal-mobilità, l-indirizz tal-istudent ikkonċernat fit-territorju tat-tieni Stat Membru.

It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li n-notifikatur jippreżenta d-dokumenti f'lingwa uffiċjali ta' dak l-Istat Membru jew fi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni ddeterminata minn dak l-Istat Membru.

7.  

Abbażi tan-notifika msemmija fil-paragrafu 2, it-tieni Stat Membru jista' joġġezzjona għall-mobilità tal-istudent fit-territorju tiegħu fi żmien 30 jum minn meta tiġi riċevuta n-notifika kompluta, jekk:

(a) 

ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 5 jew 6;

(b) 

tapplika waħda mir-raġunijiet għal rifjut stipulati fil-punti (b) jew (c) tal-Artikolu 20(1) jew fil-paragrafu 2 ta' dak l-Artikolu;

(c) 

jintlaħaq il-perijodu massimu ta' permanenza msemmi fil-paragrafu 1.

8.  
L-istudenti li jitqiesu ta' theddida għall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika jew is-saħħa pubblika ma għandhomx ikunu permessi jidħlu jew jibqgħu fit-territorju tat-tieni Stat Membru.
9.  
L-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru għandhom, mingħajr dewmien, jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru u lin-notifikatur bil-miktub dwar l-oġġezzjoni tagħhom għall-mobilità. Fejn it-tieni Stat Membru joġġezzjona għall-mobilità f'konformità mal-paragrafu 7, l-istudent ma għandux jitħalla jwettaq parti mill-istudji fl-istituzzjoni ta' edukazzjoni għolja fit-tieni Stat Membru.
10.  
Wara li jiskadi l-perijodu ta' oġġezzjoni, it-tieni Stat Membru jista' joħroġ dokument għall-istudent li jattesta li dan huwa intitolat jibqa' fit-territorju tiegħu u jgawdi mid-drittijiet previsti f'din id-Direttiva.

Artikolu 32

Salvagwardji u sanzjonijiet f'każijiet ta' mobilità

1.  

Fejn l-awtorizzazzjoni għall-finijiet ta' riċerka jew studji tinħareġ mill-awtoritajiet kompetenti ta' Stat Membru li ma japplikax l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ u r-riċerkatur jew l-istudent jaqsam fruntiera esterna biex jidħol fit-tieni Stat Membru fil-qafas ta' mobilità, l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru għandhom ikunu intitolati li bħala evidenza tal-mobilità jitolbu l-awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru u:

(a) 

kopja tan-notifika f'konformità mal-Artikolu 28(2) jew l-Artikolu 31(2), jew

(b) 

fejn it-tieni Stat Membru jippermetti mobilità mingħajr notifika, evidenza li l-istudent iwettaq parti mill-istudji fit-tieni Stat Membru fil-qafas ta' programm tal-Unjoni jew programm multilaterali li jinkludi miżuri ta' mobilità jew ta' qbil bejn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar, jew għar-riċerkaturi, jew kopja tal-ftehim ta' akkoljenza li jispeċifika d-dettalji tal-mobilità tar-riċerkatur jew, fejn id-dettalji tal-mobilità mhumiex speċifikati fil-ftehim ta' akkoljenza, ittra mill-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru li tispeċifika mill-inqas it-tul ta' żmien tal-mobilità fi ħdan l-UE u l-post tal-organizzazzjoni ta' riċerka fit-tieni Stat Membru.

Fil-każ tal-membri tal-familja tar-riċerkatur, l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru għandhom ikunu intitolati jeħtieġu bħala evidenza tal-mobilità l-awtorizzazzjoni valida maħruġa mill-ewwel Stat Membru u kopja tan-notifika f'konformità mal-Artikolu 30(2) jew evidenza li qegħdin jakkumpanjaw lir-riċerkatur.

2.  
Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-ewwel Stat Membru jirtiraw l-awtorizzazzjoni, huma għandhom jinfurmaw mill-ewwel l-awtoritajiet tat-tieni Stat Membru, fejn applikabbli.
3.  
It-tieni Stat Membru jista' jesiġi li jiġi infurmat mill-entità ospitanti tat-tieni Stat Membru jew mir-riċerkatur jew mill-istudent dwar kwalunkwe modifika li taffettwa l-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom il-mobilità tħalliet isseħħ.
4.  

Fejn ir-riċerkatur jew, fejn applikabbli, il-membri tal-familja tiegħu, jew l-istudent ma jissodisfawx jew ma għadhomx jissodisfaw il-kundizzjonijiet għall-mobilità:

(a) 

it-tieni Stat Membru jista' jitlob li r-riċerkatur u, fejn applikabbli, il-membri tal-familja tiegħu, jew l-istudent jieqfu immedjatament minn kull attività u jitilqu mit-territorju tiegħu;

(b) 

l-ewwel Stat Membru għandu, fuq it-talba tat-tieni Stat Membru, jippermetti d-dħul mill-ġdid tar-riċerkatur u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja tiegħu jew tal-istudent mingħajr formalitajiet u mingħajr dewmien. Dan għandu japplika wkoll jekk l-awtorizzazzjoni maħruġa mill-ewwel Stat Membru skadiet jew ġiet irtirata matul il-perijodu tal-mobilità fit-tieni Stat Membru.

5.  
Fejn ir-riċerkatur jew il-membri tal-familja tiegħu jew l-istudent jaqsmu l-fruntiera esterna ta' Stat Membru li japplika l-acquis ta' Schengen b'mod sħiħ, dak l-Istat Membru għandu jikkonsulta s-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen. Dak l-Istat Membru għandu jirrifjuta d-dħul jew joġġezzjona għall-mobilità ta' persuni li għalihom tkun inħarġet twissija fis-sistema ta' informazzjoni ta' Schengen biex jiġu rrifjutati d-dħul u l-permanenza.



KAPITOLU VII

PROĊEDURA U TRASPARENZA

Artikolu 33

Sanzjonijiet kontra entitajiet ospitanti

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal sanzjonijiet kontra entitajiet ospitanti jew, f'każijiet koperti mill-Artikolu 24, kontra impjegaturi li ma ssodisfawx l-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 34

Garanziji ta' proċedura u trasparenza

1.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandhom jadottaw deċiżjoni dwar l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni jew għat-tiġdid tagħha u jinnotifikaw lill-applikant bil-miktub bid-deċiżjoni, f'konformità mal-proċeduri ta' notifika skont il-liġi nazzjonali, mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 90 jum mid-data li fiha ġiet ippreżentata l-applikazzjoni kompluta.
2.  
B'deroga mill-paragrafu 1 ta' dan fl-Artikolu, fil-każ li l-proċedura ta' ammissjoni hija relatata ma' entità ospitanti approvata kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 15, id-deċiżjoni dwar l-applikazzjoni kompluta għandha tittieħed mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 60 jum.
3.  
Fejn l-informazzjoni jew id-dokumentazzjoni pprovduta b'appoġġ għall-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-applikant f'perijodu raġonevoli dwar l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa u jistabbilixxu skadenza raġonevoli biex din tiġi pprovduta. Il-perijodu msemmi fil-paragrafi 1 jew 2 għandu jiġi sospiż sakemm l-awtoritajiet kompetenti jkunu rċevew l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa. Jekk l-informazzjoni jew id-dokumenti addizzjonali ma jkunux ġew ipprovduti fi żmien l-iskadenza, l-applikazzjoni tista' ma tintlaqax.
4.  
Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li ma tilqax applikazzjoni jew li tirrifjuta t-tiġdid għandhom jingħataw lill-applikant bil-miktub. Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tirtira awtorizzazzjoni għandhom jingħataw bil-miktub liċ-ċittadin ta' pajjiż terz. Ir-raġunijiet għal deċiżjoni li tirtira awtorizzazzjoni jistgħu jingħataw bil-miktub ukoll lill-entità ospitanti.
5.  
Kwalunkwe deċiżjoni li tiddikjara inammissibbli jew li ma tilqax applikazzjoni, li tirrifjuta t-tiġdid, jew li tirtira awtorizzazzjoni għandha tkun miftuħa għal kontestazzjoni legali fl-Istat Membru kkonċernat, f'konformità mal-liġi nazzjonali. In-notifika bil-miktub għandha tispeċifika l-qorti jew l-awtorità amministrattiva li quddiemha jista' jitressaq l-appell u l-limitu ta' żmien għat-tressiq tal-appell.

Artikolu 35

Trasparenza u aċċess għall-informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli faċilment għall-applikanti l-informazzjoni dwar il-evidenza dokumentarja kollha meħtieġa għal applikazzjoni u l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza, inklużi d-drittijiet, l-obbligi u s-salvagwardji proċedurali, taċ-ċittadini ta' pajjiż terz li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva u, fejn applikabbli, tal-membri tal-familja tagħhom. Dan għandu jinkludi, fejn applikabbli, il-livell tar-riżorsi suffiċjenti fix-xahar, inklużi r-riżorsi suffiċjenti meħtieġa biex jiġu koperti l-ispejjeż tal-istudji jew l-ispejjeż tat-taħriġ, mingħajr preġudizzju għal eżami individwali ta' kull każ, u d-drittijiet imposti applikabbli.

L-awtoritajiet kompetenti f'kull Stat Membru għandhom jippubblikaw il-listi tal-entitajiet ospitanti approvati għall-finijiet ta' din id-Direttiva. Il-verżjonijiet aġġornati ta' dawn il-listi għandhom jiġu ppubblikati mill-aktar fis possibbli wara kwalunkwe modifika li ssirilhom.

Artikolu 36

Drittijiet imposti

L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li ċittadini ta' pajjiż terz inklużi, fejn applikabbli, membri tal-familja, jew entitajiet ospitanti jħallsu drittijiet għat-trattament ta' notifiki u applikazzjonijiet f'konformità ma' din id-Direttiva. Il-livell ta' tali drittijiet ma għandux ikun sproporzjonat jew eċċessiv.



KAPITOLU VIII

DISPOSIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 37

Kooperazzjoni bejn il-punti ta' kuntatt

1.  
L-Istati Membri għandhom jaħtru punti ta' kuntatt li għandhom jikkooperaw b'mod effettiv u jkunu responsabbli biex jirċievu u jibagħtu l-informazzjoni meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-Artikoli minn 28 sa 32. L-Istati Membri għandhom jagħtu preferenza lill-iskambju ta' informazzjoni permezz ta' mezzi elettroniċi.
2.  

Kull Stat Membru għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħra, permezz tal-punti ta' kuntatt nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1:

(a) 

dwar il-proċeduri applikati għall-mobilità msemmija fl-Artikoli 28 sa 31;

(b) 

jekk dak l-Istat Membru jippermetti biss l-ammissjoni ta' studenti jew riċerkaturi permezz ta' organizzazzjonijiet ta' riċerka jew istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja approvati;

(c) 

dwar programmi multilaterali għal studenti u riċerkaturi li jinkludu miżuri ta' mobilità u qbil bejn żewġ istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja jew aktar.

Artikolu 38

Statistika

1.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni statistika dwar l-għadd ta' awtorizzazzjonijiet maħruġa għall-finijiet ta' din id-Direttiva u ta' notifiki riċevuti skont l-Artikolu 28(2) jew l-Artikolu 31(2) u, safejn jista' jkun possibbli, dwar l-għadd ta' ċittadini ta' pajjiż terz li l-awtorizzazzjonijiet tagħhom ġew imġedda jew irtirati. L-istatistika dwar il-membri tal-familja ammessi tar-riċerkaturi għandha tiġi kkomunikata bl-istess mod. Dik l-istatistika għandha tkun disaggregata skont iċ-ċittadinanza u, safejn jista' jkun possibbli skont il-perijodu tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet.
2.  
L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tirrigwarda l-perijodi ta' referenza ta' sena kalendarja waħda u għandha tiġi kkomunikata lill-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mit-tmiem tas-sena ta' referenza. L-ewwel sena ta' referenza għandha tkun l-2019.
3.  
L-istatistika msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkomunikata f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 ).

Artikolu 39

Rappurtar

Perjodikament, u għall-ewwel darba sat-23 ta' Mejju 2023, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u tipproponi emendi jekk ikun xieraq.

Artikolu 40

Traspożizzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva sa mhux aktar tard mit-23 ta' Mejju 2018. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta' dawk il-miżuri lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom jirreferu għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment. Huma għandhom jinkludu wkoll dikjarazzjoni li referenzi fil-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi eżistenti dwar id-direttivi mħassra minn din id-Direttiva għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif tali referenza għandha ssir u kif dik id-dikjarazzjoni għandha titfassal.

2.  
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 41

Tħassir

Id-Direttivi 2004/114/KE u 2005/71/KE jitħassru għall-Istati Membri marbutin b'din id-Direttiva b'effett mill-24 ta' Mejju 2018, mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri fir-rigward tal-limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali ta' dawk id-Direttivi stipulati fil-Parti B tal-Anness I ta' din id-Direttiva.

Għall-Istati Membri marbutin b'din id-Direttiva, ir-referenzi għad-Direttivi mħassrin għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabelli ta' korrelazzjoni fl-Anness II.

Artikolu 42

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 43

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri skont it-Trattati.




ANNESS I

Parti A

Id-Direttivi mħassra

(imsemmijin fl-Artikolu 41)



Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE

(ĠU L 375, 23.12.2004, p. 12.)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2005/71/KE

(ĠU L 289, 3.11.2005, p. 15.)

Parti B

Skadenzi għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u d-dati ta' applikazzjoni

(imsemmijin fl-Artikolu 41)



Direttiva

Limitu ta' żmien għat-traspożizzjoni

Data ta' applikazzjoni

2004/114/KE

12.1.2007

 

2005/71/KE

12.10.2007

 




ANNESS II

Tabelli ta' Korrelazzjoni



Id-Direttiva 2004/114/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1(a)

Artikolu 1(a)

Artikolu 1(b)

Artikolu 1(b)

Artikolu 2, frażi introduttorja

Artikolu 3, frażi introduttorja

Artikolu 2(a)

Artikolu 3(1)

Artikolu 2(b)

Artikolu 3(3)

Artikolu 2(c)

Artikolu 3(4)

Artikolu 2(d)

Artikolu 3(5)

Artikolu 3(6)

Artikolu 2(e)

Artikolu 3(11) u (13)

Artikolu 2(f)

Artikolu 3(7)

Artikolu 2(g)

Artikolu 3(22)

Artikolu 3(8)

Artikolu 3(12)

Artikolu 3(14) sa (21)

Artikolu 3(23) u (24)

Artikolu 3(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 3(2)(a) sa (d)

Artikolu 2(2)(a) sa (d)

Artikolu 3(2)(e)

Artikolu 2(2)(e) sa (g)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5

Artikolu 5(1)

Artikolu 5(2) u (3)

Artikolu 6

Artikolu 6(1)(a) sa (c) u (e)

Artikolu 7(1)(a) sa (d)

Artikolu 6(1)(d)

Artikolu 7(6)

Artikolu 6(2)

Artikolu 7(2) u (3)

Artikolu 7(1), frażi introduttorja

Artikolu 11(1), frażi introduttorja

Artikolu 7(1)(a)

Artikolu 11(1)(a)

Artikolu 7(1)(b)

Artikoli 7(1)(e) u 11(1)(d)

Artikolu 7(1)(c)

Artikolu 11(1)(c)

Artikolu 7(1)(d)

Artikolu 11(1)(b)

Artikolu 7(2)

Artikolu 11(2)

Artikolu 11(3)

Artikolu 8

Artikolu 31

Artikolu 9(1) u (2)

Artikolu 12(1) u (2)

Artikolu 10, frażi introduttorja

Artikolu 13(1), frażi introduttorja

Artikolu 10(a)

Artikolu 13(1)(a)

Artikolu 13(1)(b)

Artikolu 10(b)

Artikoli 7(1)(e) u 13(1)(c)

Artikolu 10(c)

Artikolu 13(1)(d)

Artikolu 13(1)(e) u (f)

Artikolu 13(2) sa (4)

Artikolu 11, frażi introduttorja

Artikolu 14(1), frażi introduttorja

Artikolu 11(a)

Artikolu 14(2)

Artikolu 11(b)

Artikolu 14(1)(a)

Artikolu 14(1)(b)

Artikolu 11(c)

Artikolu 14(1)(c)

Artikolu 11(d)

Artikolu 14(1)(d)

Artikolu 12(1)

Artikolu 18(2)

Artikolu 12(2)

Artikolu 21(2)(f)

Artikolu 13

Artikolu 18(4)

Artikolu 14

Artikolu 18(6)

Artikolu 15

Artikolu 18(7)

Artikolu 18(3), (5), (8) u (9)

Artikoli 16, 17 u 19

Artikolu 16(1)

Artikolu 21(1)(a) u (b)

Artikolu 21(1)(c) u (d)

Artikolu 16(2)

Artikolu 21(4)

Artikolu 21(2)(a) sa (e)

Artikolu 21(3)

Artikolu 21(5) sa (7)

Artikolu 22(3) u (4)

Artikolu 17(1), l-ewwel subparagrafu, l-ewwel sentenza

Artikolu 24(1)

Artikolu 17(1), l-ewwel subparagrafu, it-tieni sentenza

Artikolu 24(3)

Artikolu 17(1), it-tieni subparagrafu

Artikolu 24(2)

Artikolu 17(2)

Artikolu 24(3)

Artikolu 17(3) u (4)

Artikolu 24

Artikolu 27

Artikolu 30

Artikoli 32 u 33

Artikolu 18(1)

Artikolu 34(1)

Artikolu 34(2)

Artikolu 18(2), (3) u (4)

Artikolu 34(3), (4) u (5)

Artikolu 19

Artikolu 35, l-ewwel paragrafu

Artikolu 20

Artikolu 36

Artikoli 37 u 38

Artikolu 21

Artikolu 39

Artikoli 22 sa 25

Artikoli 40 sa 42

Artikolu 26

Artikolu 43

Annessi I u II



Id-Direttiva 2005/71/KE

Din id-Direttiva

Artikolu 1

Artikolu 1(a)

Artikolu 2, frażi introduttorja

Artikolu 3, frażi introduttorja

Artikolu 2(a)

Artikolu 3(1)

Artikolu 2(b)

Artikolu 3(9)

Artikolu 2(c)

Artikolu 3(10)

Artikolu 2(d)

Artikolu 3(2)

Artikolu 2(e)

Artikolu 3(22)

Artikoli 3(1)

Artikolu 2(1)

Artikolu 3(2)(a)

Artikolu 2(2)(a)

Artikolu 3(2)(b)

Artikolu 3(2)(c)

Artikolu 2(2)(b)

Artikolu 3(2)(d)

Artikolu 4

Artikolu 4

Artikolu 5(1)

Artikolu 9(1)

Artikolu 5(2)

Artikolu 9(2)

Artikolu 5(3)

Artikolu 8(2)

Artikolu 5(4)

Artikolu 10(7)

Artikolu 5(5)

Artikolu 35, it-tieni paragrafu

Artikolu 5(6)

Artikolu 9(3)

Artikolu 5(7)

Artikolu 10(8)

Artikolu 6(1)

Artikolu 10(1)

Artikolu 10(2)

Artikolu 6(2)(a)

Artikolu 10(4)

Artikolu 6(2)(b)

Artikolu 7(1)(e)

Artikolu 6(2)(c)

Artikolu 7(1)(c)

Artikolu 6(2)(d)

Artikolu 10(3)

Artikolu 6(3)

Artikolu 6(4) u (5)

Artikolu 10(5) u (6)

Artikolu 7(1)(a)

Artikolu 7(1)(a)

Artikolu 7(1)(b)

Artikolu 8(1)

Artikolu 7(1)(c)

Artikolu 8(2)

Artikolu 7(1)(d)

Artikolu 7(6)

Artikolu 7(1), l-aħħar subparagrafu

Artikolu 7(2)

Artikolu 7(3)

Artikolu 5(3)

Artikolu 8

Artikolu 18(1)

Artikolu 9

Artikolu 26

Artikolu 10(1)

Artikolu 21(1)(a), (b) u (d)

Artikolu 10(2)

Artikolu 21(4)

Artikolu 11(1) u (2)

Artikolu 23

Artikolu 12

Artikolu 22(1) u (2)

Artikolu 13

Artikoli 28 u 29

Artikolu 14(1)

Artikolu 7(5)

Artikolu 14(2) u (3)

Artikolu 7(4)

Artikolu 14(4)

Artikolu 5(3)

Artikolu 15(1)

Artikolu 34(1)

Artikolu 34(2)

Artikolu 15(2)

Artikolu 34(3)

Artikolu 15(3)

Artikolu 34(4)

Artikolu 15(4)

Artikolu 34(5)

Artikolu 16

Artikolu 39

Artikolu 17 sa 20

Artikolu 21

Artikolu 43



( 1 ) Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-refuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).

( 2 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalita' ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).

( 3 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu residenti għat-tul (ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44).

( 4 ) Id-Direttiva (UE) 2021/1883 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2021 dwar il-kondizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-fini ta’ impjieg bi kwalifiki għoljin, u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE (ĠU L 382, 28.10.2021, p. 1).

( 5 ) Il-Konvenzjoni li timplimenta l-Ftehim ta' Schengen tal-14 ta' Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar l-abolizzjoni gradwali ta' kontrolli fuq il-fruntieri komuni tagħhom (ĠU L 239, 22.9.2000, p. 19).

( 6 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

( 7 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment tal-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1).

( 8 ) Ir-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 311/76 dwar il-kumpilazzjoni ta' statistika dwar ħaddiema barranin (ĠU L 199, 31.7.2007, p. 23).