02016L0680 — MT — 04.05.2016 — 000.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA (UE) 2016/680 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' April 2016

dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI

(ĠU L 119 4.5.2016, p. 89)


Ikkoreġuta bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 127, 23.5.2018, p.  6 (2016/680)




▼B

DIRETTIVA (UE) 2016/680 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-27 ta' April 2016

dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI



KAPITOLU I

Dispożizzjonijiet ġenerali

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi r-regoli rigward il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika.

2.  Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom:

(a) jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-persuni fiżiċi u b'mod partikolari d-dritt tagħhom għall-protezzjoni tad-data personali; u

(b) jiżguraw li l-iskambju tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti fi ħdan l-Unjoni, fejn tali skambju jkun meħtieġ mill-Unjoni jew il-liġi ta' Stat Membru, la ma jkun ristrett u lanqas ipprojbit għal raġunijiet konnessi mal-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali.

3.  Din id-Direttiva ma għandhiex tipprekludi lill-Istati Membri milli jipprovdu salvagwardji ogħla minn dawk stabbiliti f'din id-Direttiva għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti.

Artikolu 2

Kamp ta' applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

2.  Din id-Direttiva tapplika għall-ipproċessar tad-data personali kompletament jew parzjalment b'mezzi awtomatizzati, u għall-ipproċessar għajr b'mezzi awtomatizzati tad-data personali li tifforma parti minn sistema ta' arkivjar jew li tkun maħsuba biex tifforma parti minn sistema ta' arkivjar.

3.  Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ipproċessar tad-data personali:

(a) matul attività li taqa' barra l-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni;

(b) mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

(1) data personali” tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma' persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (“suġġett tad-data”); persuna fiżika identifikabbli hija persuna li tista' tiġi identifikata, direttament jew indirettament, b'mod partikolari b'referenza għal mezz ta' identifikazzjoni bħal isem, numru ta' identifikazzjoni, data ta' lokalizzazzjoni, identifikatur online jew għal fattur wieħed jew aktar speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, ġenetika, mentali, ekonomika, kulturali jew soċjali ta' dik il-persuna fiżika;

(2) “ipproċessar” tfisser kwalunkwe attività jew sett ta' attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta' data personali, sew jekk b'mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b'xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

(3) “restrizzjoni tal-ipproċessar” tfisser l-immarkar ta' data personali maħżuna bil-għan li jiġi limitat l-ipproċessar tagħha fil-ġejjieni;

(4) “tfassil tal-profil” tfisser kwalunkwe forma ta' pproċessar awtomatizzat ta' data personali li jikkonsisti fl-użu ta' data personali biex jiġu evalwati ċerti aspetti personali relatati ma' persuna fiżika, b'mod partikolari biex jiġu analizzati jew imbassra aspetti rigward il-prestazzjoni fuq ix-xogħol, is-sitwazzjoni ekonomika, is-saħħa, il-preferenzi personali, l-interessi, l-affidabbiltà, l-imġiba, il-lokalizzazzjoni jew il-movimenti ta' dik il-persuna fiżika;

(5) “psewdonimizzazzjoni” tfisser l-ipproċessar ta' data personali b'tali mod li d-data personali ma tkunx tista' tibqa' tiġi attribwita għal suġġett tad-data speċifiku mingħajr l-użu ta' informazzjoni addizzjonali, dment li tali informazzjoni addizzjonali tinżamm separatament u tkun soġġetta għal miżuri tekniċi u organizzattivi biex jiġi żgurat li d-data personali ma tiġix attribwita għal persuna fiżika identifikata jew identifikabbli;

(6) “sistema ta' arkivjar” tfisser kwalunkwe sett strutturat ta' data personali li tkun aċċessibbli skont kriterji speċifiċi, sew jekk ċentralizzat, deċentralizzat jew mifrux fuq bażi funzjonali jew ġeografika;

(7) “awtorità kompetenti” tfisser:

(a) kwalunkwe awtorità kompetenti pubblika għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika; jew

(b) kwalunkwe korp jew entità oħra fdata mil-liġi ta' Stat Membru li teżerċita awtorità pubblika u setgħat pubbliċi għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, inkluż is-salvagwardja kontra u l-prevenzjoni ta' theddid għas-sigurtà pubblika;

(8) “kontrollur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma' oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta' data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

(9) “proċessur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor li jipproċessa data personali f'isem il-kontrollur;

(10) “riċevitur” tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew korp ieħor, li lilha tiġi żvelata d-data personali, irrispettivament milli huwiex parti terza jew le. Madankollu, l-awtoritajiet pubbliċi li jistgħu jirċievu data personali fil-qafas ta' inkjesta partikolari f'konformità mal-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma għandhomx jitqiesu bħala riċevituri; l-ipproċessar ta' dik id-data minn dawk l-awtoritajiet pubbliċi għandu jkun f'konformità mar-regoli ta' protezzjoni tad-data applikabbli skont il-finijiet tal-ipproċessar;

(11) “ksur ta' data personali” tfisser ksur tas-sigurtà li jwassal għal qerda aċċidentali jew illegali, telf, bidliet, żvelar mhux awtorizzat ta', jew aċċess għal, data personali trażmessa, maħżuna jew ipproċessata b'xi mod ieħor;

(12) data ġenetika” tfisser id-data personali relatata mal-karatteristiċi ġenetiċi ta' persuna fiżika li jkunu ntirtu jew inkisbu li tagħti informazzjoni unika dwar il-fiżjoloġija jew is-saħħa ta' dik il-persuna fiżika, u li tirriżulta, b'mod partikolari, minn analiżi ta' kampjun bijoloġiku mill-persuna fiżika inkwistjoni;

(13) data bijometrika” tfisser data personali li tirriżulta mill-ipproċessar tekniku speċifiku relatat mal-karatteristiċi fiżiċi, fiżjoloġiċi jew tal-imġiba ta' persuna fiżika, li tippermetti jew tikkonferma l-identifikazzjoni unika ta' dik il-persuna fiżika, bħall-immaġnijiet tal-wiċċ jew id-data dattiloskopika;

(14) data dwar is-saħħa” tfisser data personali relatata mas-saħħa fiżika jew mentali ta' persuna fiżika, inkluża l-provvista ta' servizzi tal-kura tas-saħħa, li tiżvela informazzjoni rigward l-istat ta' saħħitha;

(15) “awtorità superviżorja” tfisser awtorità pubblika indipendenti li tiġi stabbilita minn Stat Membru skont l-Artikolu 41;

(16) “organizzazzjoni internazzjonali” tfisser organizzazzjoni u l-korpi subordinati tagħha rregolati mid-dritt internazzjonali pubbliku jew kwalunkwe korp ieħor li jiġi stabbilit bi ftehim bejn żewġ pajjiżi jew aktar, jew abbażi tiegħu.



KAPITOLU II

Prinċipji

Artikolu 4

Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta' data personali

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li d-data personali tkun:

(a) ipproċessata b'mod legali u ġust;

(b) miġbura għal finijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u mhux ipproċessata b'mod li ma jkunx kompatibbli ma' dawk il-finijiet;

(c) adegwata, rilevanti, u mhux eċċessiva għall-finijiet li għalih tiġi pproċessata;

(d) tkun preċiża u, fejn meħtieġ, tinżamm aġġornata; għandu jittieħed kull pass raġonevoli biex ikun żgurat li d-data personali impreċiża, b'kont meħud tal-għanijiet li għalihom tiġi pproċessata, titħassar jew tiġi rettifikata mingħajr dewmien;

(e) miżmuma b'mod li jippermetti l-identifikazzjoni tas-suġġetti tad-data għal mhux aktar milli jkun meħtieġ għall-finijiet li tiġi pproċessata;

(f) ipproċessata b'mod li tiżgura s-sigurtà xierqa tad-data personali, inkluż il-protezzjoni kontra proċessar mhux awtorizzat jew illegali u kontra t-telfien, il-qerda jew il-ħsara inċidentali, bl-użu ta' miżuri tekniċi jew organizzattivi xierqa.

2.  L-ipproċessar mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti għal kwalunkwe wieħed mill-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) minbarra dak li għalih tinġabar id-data personali għandu jkun permess sakemm:

(a) il-kontrollur ikun awtorizzat biex jipproċessa data personali bħal din għal dan il-fini skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru; u

(b) l-ipproċessar huwa meħtieġ u proporzjonat għal dak il-fini l-ieħor skont il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

3.  L-ipproċessar mill-istess kontrollur jew minn wieħed differenti jista' jinkludi l-arkivjar fl-interess tal-pubbliku, l-użu xjentifiku, statistiku jew storiku, għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1), soġġetti għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

4.  Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3, u għandu jkun jista' juriha.

Artikolu 5

Limiti ta' żmien għall-ħażna u għar-rieżami

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li jiġu stabbiliti limiti taż-żmien għat-tħassir ta' data personali jew għal reviżjoni perjodika tal-ħtieġa li tinħażen id-data personali. Miżuri proċedurali għandhom jiżguraw li dawk il-limiti ta' żmien jiġu osservati.

Artikolu 6

Distinzjoni bejn kategoriji differenti ta' suġġett tad-data

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, fejn applikabbli u safejn ikun possibbli, jagħmel distinzjoni ċara bejn data personali ta' kategoriji differenti ta' suġġetti tad-data, bħal:

(a) persuni li fir-rigward tagħhom ikun hemm raġunijiet serji biex wieħed jemmen li jkunu wettqu jew li jkunu ser iwettqu reat kriminali;

(b) persuni misjuba ħatja ta' reat kriminali;

(c) vittmi ta' reat kriminali jew persuni li ċerti fatti fir-rigward tagħhom jagħtu lok għal raġunijiet biex wieħed jemmen li huma jistgħu jkunu l-vittma ta' reat kriminali; u

(d) partijiet oħra għal reat kriminali, bħal persuni li jistgħu jissejħu biex jixhdu f'investigazzjonijiet b'rabta ma' reati kriminali jew proċeduri kriminali sussegwenti, persuni li jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar reati kriminali, jew kuntatti jew assoċjati ta' waħda mill-persuni msemmija fil-punti (a) u (b).

Artikolu 7

Distinzjoni bejn data personali u verifika tal-kwalità tad-data personali

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, kemm jista' jkun, issir distinzjoni bejn data personali bbażata fuq il-fatti u data personali bbażata fuq valutazzjonijiet personali.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex jiżguraw li data personali li ma tkunx preċiża, mhux kompluta jew li ma tkunx għadha aġġornata ma tiġix trażmessa jew issir disponibbli. Għal dak il-għan, kull awtorità kompetenti għandha, sa fejn ikun possibbli, tivverifika l-kwalità tad-data personali qabel ma din tiġi trażmessa jew issir disponibbli. Sa fejn ikun possibbli, fit-trażmissjonijiet kollha ta' data personali, għandha tiżdied l-informazzjoni meħtieġa li tippermetti lill-awtorità kompetenti li tirċeviha tevalwa l-grad ta' preċiżjoni, kompletezza, u affidabbiltà tad-data personali, u l-punt sa fejn huma aġġornati.

3.  Jekk jirriżulta li tkun ġiet trażmessa data personali żbaljata jew li d-data personali tkun ġiet trażmessa b'mod illegali, ir-riċevitur għandu jiġi nnotifikat mingħajr dewmien. F'dan il-każ, id-data personali għandha tiġi rettifikata jew imħassra jew l-ipproċessar għandu jkun ristrett f'konformità mal-Artikolu 16.

Artikolu 8

Legalità tal-ipproċessar

1.  L-Istati Membri għandhom jippreveduli l-ipproċessar ikun legali biss jekk u sakemm dak l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu li jsir minn awtorità kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) u li jkun ibbażat fuq il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

2.  Il-liġi tal-Istat Membru li tirregola l-ipproċessar fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva għandha tispeċifika tal-inqas l-objettivi tal-ipproċessar, id-data personali li għandha tiġi pproċessata u l-finijiet tal-ipproċessar.

Artikolu 9

Kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar

1.  Data personali miġbura minn awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) ma għandhiex tiġi pproċessata għal finijiet li mhumiex dawk stipulati fl-Artikolu 1(1) sakemm tali pproċessar ma jkunx awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru. Meta d-data personali tkun proċessata għal tali finijiet oħra, ir-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika dment li l-ipproċessar ma jsirx f'attività li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2.  Fejn l-awtoritajiet kompetenti jiġu inkarigati mil-liġi ta' Stat Membru bit-twettiq ta' kompiti oħra minbarra dawk imwettqa għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1), ir-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għall-ipproċessar għal finijiet bħal dawn, inkluż għal finijiet ta' arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta' riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta' statistika, sakemm l-ipproċessar ma jsirx f'attività li taqa' barra mill-kamp ta' applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom, fejn il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru applikabbli għall-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni tipprovdi kundizzjonijiet speċifiċi għall-ipproċessar, jipprevedu li l-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni tinforma lir-riċevitur ta' tali dati personali dwar dawk il-kundizzjonijiet u l-ħtieġa li jkun hemm konformità magħhom.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni ma tapplikax kundizzjonijiet skont il-paragrafu 3 għal riċevituri fi Stati Membri oħra jew għal aġenziji, uffiċċji u korpi stabbiliti skont il-Kapitoli 4 u 5 tat-Titlu V tat-TFUE li mhumiex dawk applikabbli għal trażmissjonijiet ta' data simili fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti ta' trażmissjoni.

Artikolu 10

Ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali

L-ipproċessar ta' data personali li tiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija ma' trade union, u l-ipproċessar ta' data ġenetika, ta' data bijometrika bil-għan li tiġi identifika unikament persuna fiżika, ta' data dwar is-saħħa jew ta' data li tikkonċerna l-ħajja sesswali jew orjentazzjoni sesswali ta' persuna fiżika għandu jiġi permess biss meta verament ikun meħtieġ, soġġett għal salvagwardji xierqa għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, u biss:

(a) fejn awtorizzat bil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru;

(b) biex jiġu protetti l-interessi importanti tas-suġġett tad-data jew ta' persuna fiżika oħra; jew

(c) fejn tali pproċessar ikun relatat ma' data li b'mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data.

Artikolu 11

Teħid ta' deċiżjonijiet individwali awtomatizzati

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li deċiżjoni bbażata biss fuq ipproċessar awtomatizzat, inkluż, it-tfassil tal-profil, li joħloq effett legali negattiv li jikkonċerna s-suġġett tad-data jew jaffettwah b'mod sinifikanti, tiġi pprojbita sakemm ma tkunx awtorizzata mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi tal-Istat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur u li tipprovdi salvagwardji adatti għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, mill-inqas id-dritt li jkun hemm intervent uman min-naħa tal-kontrollur.

2.  Id-deċiżjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu bbażati fuq kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 10, sakemm ma jkunux fis-seħħ miżuri xierqa biex jiġu salvagwardati d-drittijiet u l-libertajiet u l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data.

3.  It-tfassil ta' profil li jwassal għal diskriminazzjoni kontra persuni fiżiċi abbażi ta' kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 10 għandu jkun ipprojbit, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni.



KAPITOLU III

Drittijiet tas-suġġett tad-data

Artikolu 12

Komunikazzjoni u modalitajiet għall-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jipprovdi kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 u jagħmlu kwalunkwe komunikazzjoni fir-rigward tal-Artikoli 11, 14 sa 18 u 31 relatata mal-ipproċessar lis-suġġett tad-data f'forma konċiża, intelliġibbli u faċilment aċċessibbli, bl-użu ta' lingwaġġ ċar u sempliċi. L-informazzjoni għandha tiġi pprovduta b'kull mezz xieraq, inkluż b'mod elettroniku. Bħala regola ġenerali, il-kontrollur għandu jipprovdi l-informazzjoni fl-istess forma tat-talba.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont l-Artikoli 11 u 14 sa 18.

3.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar is-segwitu tat-talba tiegħu jew tagħha mingħajr dewmien bla bżonn.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-informazzjoni pprovduta taħt l-Artikolu 13 u kwalunkwe komunikazzjoni magħmula u azzjoni meħuda taħt l-Artikoli 11, 14 sa 18 u 31 jiġu pprovduti mingħajr ħlas. F'każ li r-rikjesti minn suġġett ta' data jkunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b'mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, il-kontrollur jista' jew:

(a) jimponi ħlas raġonevoli b'kont meħud tal-ispejjeż amministrattivi biex tingħata l-informazzjoni jew il-komunikazzjoni jew tat-teħid tal-azzjoni mitluba; jew

(b) jirrifjuta li jaġixxi fuq it-talba.

Il-kontrollur għandu jerfa' r-responsabbiltà li juri n-natura manifestament mingħajr bażi jew eċċessiva tat-talba.

5.  Meta l-kontrollur ikollu dubji raġonevoli dwar l-identità tal-persuna fiżika li tkun qed tagħmel it-talba msemmija fl-Artikoli 14 jew 16, il-kontrollur jista' jitlob li tiġi pprovduta informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex tiġi kkonfermata l-identità tas-suġġett tad-data.

Artikolu 13

Informazzjoni li għandha tkun disponibbli għal jew mogħtija lis-suġġett tad-data

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jagħmel tal-inqas l-informazzjoni li ġejja disponibbli għas-suġġett tad-data:

(a) l-identità u d-dettalji ta' kuntatt tal-kontrollur;

(b) id-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;

(c) il-finijiet tal-ipproċessar li għalih id-data personali tkun maħsuba;

(d) id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtorità superviżorja;

(e) l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand il-kontrollur l-aċċess għal u r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali u r-restrizzjoni tal-ipproċessar ta' data personali, dwar is-suġġett tad-data.

2.  Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jipprevedu bil-liġi li l-kontrollur jagħti lis-suġġett tad-data, f'każijiet speċifiċi, l-informazzjoni ulterjuri li ġejja biex ikun jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu:

(a) il-bażi legali għall-ipproċessar;

(b) il-perijodu li għalih ser tinħażen id-data personali, jew, fejn ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi determinat dak il-perijodu;

(c) fejn applikabbli, il-kategoriji tar-riċevituri tad-data personali, inkluż f'pajjiż terz jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d) fejn meħtieġ, informazzjoni ulterjuri, b'mod partikolari fejn id-data personali tinġabar mingħajr ma jkun jaf is-suġġett tad-data.

3.  L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jittardjaw, jirrestrinġu jew iħallu barra l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġett tad-data skont il-paragrafu 2 safejn, u sakemm tali miżura ma tikkostitwixxix miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika b'kont debitu tad-drittijiet fundamentali u l-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a) ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b) ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(c) tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d) tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e) jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

4.  L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jistabbilixxu kategoriji ta' pproċessar li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt kwalunque mill-punti elenkati fil-paragrafu 3.

Artikolu 14

Dritt ta' aċċess mis-suġġett tad-data

Soġġett għall-Artikolu 15, l-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur konferma dwar jekk id-data personali li tikkonċerna lilu hijiex qiegħda tiġi pproċessata, u, fejn dak hu l-każ, aċċess għal tali data personali u għall-informazzjoni li ġejja:

(a) il-finijiet u l-bażi legali għall-ipproċessar;

(b) il-kategoriji ta' data personali kkonċernata;

(c) ir-riċevituri jew il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata d-data personali, b'mod partikolari riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d) fejn possibbli, il-perijodu previst li għalih tkun ser tinħażen id-data personali, jew jekk dan ma jkunx possibbli, il-kriterji li jintużaw biex jiġi determinat dak il-perijodu;

(e) l-eżistenza tad-dritt li jintalbu mingħand il-kontrollur ir-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar ta' data personali dwar is-suġġett tad-data;

(f) id-dritt li jitressaq ilment quddiem l-awtorità superviżorja u d-dettalji ta' kuntatt tal-awtorità superviżorja;

(g) komunikazzjoni tad-data personali li tkun qed tiġi pproċessata u ta' kull informazzjoni disponibbli dwar l-oriġini tagħha.

Artikolu 15

Restrizzjonijiet fuq id-dritt ta' aċċess

1.  L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b'mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta' aċċess tas-suġġett tad-data sa fejn, u sakemm tali restrizzjoni sħiħa jew parzjali tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika, b'kont debitu tad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata, sabiex:

(a) ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b) ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(c) tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d) tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e) jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

2.  L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi sabiex jistabbilixxu kategoriji ta' pproċessar li jistgħu jaqgħu kompletament jew parzjalment taħt il-punti (a) sa (e) tal-paragrafu 1.

3.  Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data, mingħajr dewmien żejjed, bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut jew restrizzjoni ta' aċċess, u r-raġunijiet għar-rifjut jew għar-restrizzjoni. Tali informazzjoni tista' titħalla barra meta l-għoti tagħha jimmina fini stipulat fil-paragrafu 1. L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-kontrollur jiddokumenta r-raġunijiet fattwali jew legali li fuqhom tkun ibbażata d-deċiżjoni. Dik l-informazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtoritajiet superviżorji.

Artikolu 16

Dritt ta' rettifika jew tħassir ta' data personali u restrizzjoni fuq l-ipproċessar

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu d-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur mingħajr dewmien bla bżonn ir-rettifika ta' data personali dwaru li ma tkunx eżatta. Filwaqt li jikkunsidraw il-fini tal-ipproċessar, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li s-suġġett tad-data jkollu d-dritt li jikseb l-ikkompletar tad-data personali mhux kompluta, inkluż permezz tal-għoti ta' dikjarazzjoni supplimentari.

2.  L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-kontrollur li jħassar data personali mingħajr dewmien bla bżonn u jipprovdu għad-dritt tas-suġġett tad-data li jikseb mingħand il-kontrollur it-tħassir ta' data personali dwaru mingħajr dewmien bla bżonn meta l-ipproċessar jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont l-Artikolu 4, 8 jew 10, jew meta d-data personali jkollha titħassar f'konformità ma' obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa soġġett.

3.  Minflok it-tħassir, il-kontrollur għandu jillimita l-ippproċessar meta:

(a) l-eżattezza tad-data personali tiġi kkontestata mis-suġġett tad-data u l-eżattezza jew l-ineżattezza ma tistax tkun aċċertata; jew

(b) id-data personali tkun trid tinżamm għal finijiet ta' evidenza.

Meta l-ipproċessar jkun ristrett skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-kontrollur għandu jinforma lis-suġġett tad-data qabel ineħħi r-restrizzjoni tal-ipproċessar.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data bil-miktub dwar kwalunkwe rifjut ta' rettifika jew tħassir ta' data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar, u r-raġunijiet għar-rifjut. L-Istati Membri jistgħu jadottaw miżuri leġiżlattivi li jirrestrinġu, b'mod sħiħ jew parzjali, l-obbligu li tingħata tali informazzjoni sa fejn tali restrizzjoni tikkostitwixxi miżura meħtieġa u proporzjonata f'soċjetà demokratika, b'kont debitu għad-drittijiet fundamentali u tal-interessi leġittimi tal-persuna fiżika kkonċernata sabiex:

(a) ikun evitat li jiġu mfixkla inkjesti, investigazzjonijiet jew proċeduri uffiċjali jew legali;

(b) ikun evitat preġudizzju għall-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew għall-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali;

(c) tiġi protetta s-sigurtà pubblika;

(d) tiġi protetta s-sigurtà nazzjonali;

(e) jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta' oħrajn.

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja jew li jitlob rimedju ġudizzjarju.

5.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jikkomunika r-rettifika ta' data personali ineżatta lill-awtorità kompetenti li mingħandha tkun oriġinat id-data personali ineżatta.

6.  L-Istati Membri għandhom, meta d-data personali tkun ġiet rettifkata jew imħassra jew l-ipproċessar ġie ristrett skont il-paragrafi 1, 2 u 3, jipprevedu li l-kontrollur jinnotifika lir-riċevituri u li r-riċevituri għandhom jirrettifikaw jew iħassru d-data personali jew jirrestrinġu l-ipproċessar tad-data personali taħt ir-responsabbiltà tagħhom.

Artikolu 17

Eżerċizzju tad-drittijiet mis-suġġett tad-data u verifika mill-awtorità superviżorja

1.  Fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3), l-Artikolu 15(3) u l-Artikolu 16(4) l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri li jipprevedu li d-drittijiet tas-suġġett tad-data jistgħu jiġu eżerċitati wkoll permezz tal-awtorità superviżorja kompetenti.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jeżerċita d-drittijiet tiegħu permezz tal-awtorità superviżorja skont il-paragrafu 1.

3.  Meta jiġi eżerċitat id-dritt imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità superviżorja għandha tinforma lis-suġġett tad-data tal-inqas li jkunu saru l-verifiki kollha meħtieġa jew rieżami mill-awtorità superviżorja. L-awtorità superviżorja għandha tinforma wkoll lis-suġġett tad-data dwar id-dritt tiegħu li jfittex rimedju ġudizzjarju.

Artikolu 18

Drittijiet tas-suġġett tad-data f'investigazzjonijiet u proċedimenti kriminali

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmi fl-Artikoli 13, 14 u 16 jitwettaq skont il-liġi tal-Istat Membju fejn id-data personali tkun miżmuma f'deċiżjoni jew reġistru ġudizzjarju jew fil-fajl tal-każ ipproċessat matul l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti kriminali.



KAPITOLU IV

Kontrollur u proċessur



Taqsima 1

Obbligi ġenerali

Artikolu 19

Obbligi tal-kontrollur

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, b'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskji ta' probabbiltà u gravità diversa għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiżgura u jkun jista' juri li pproċessar isir f'konformità ma' din id-Direttiva. Dawk il-miżuri għandhom jiġu rieżaminati u aġġornati, fejn meħtieġ.

2.  Meta dawn ikunu proporzjonati fir-rigward tal-attivitajiet ta' pproċessar, il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu l-implimentazzjoni ta' politiki adatti dwar il-protezzjoni tad-data mill-kontrollur.

Artikolu 20

Protezzjoni tad-data b'mod intenzjonat u b'mod awtomatiku

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur, b'kunsiderazzjoni xierqa tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispiża tal-implimentazzjoni u tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, kif ukoll il-riskji ta' probabbiltà u gravità diversa għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kkawżati mill-ipproċessar, kemm fiż-żmien tad-determinazzjoni tal-mezzi għall-ipproċessar kif ukoll fiż-żmien tal-ipproċessar innifsu, jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, bħall-psewdonimizzazzjoni, li huma maħsuba biex jimplimentaw il-prinċipji tal-protezzjoni tad-data, bħalma hija l-minimizzazzjoni tad-data, b'mod effettiv u biex jiġu integrati s-salvagwardji meħtieġa fl-ipproċessar, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u jiġu protetti d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jimplimenta miżuri tekniċi u organizzattivi adatti biex jiġi żgurat li, b'mod awtomatiku, tiġi pproċessata biss data personali li hi meħtieġa għal kull fini speċifiku tal-ipproċessar. Dak l-obbligu japplika għall-ammont ta' data personali miġbura, il-livell ta' pproċessar tagħha, il-perijodu tal-ħażna tagħha u l-aċċessibbiltà tagħha. B'mod partikolari, tali miżuri għandhom jiżguraw li b'mod awtomatiku d-data personali ma tkunx aċċessibbli mingħajr l-intervent tal-individwu għal għadd indefinit ta' persuni fiżiċi.

Artikolu 21

Kontrolluri konġunti

1.  L-Istati Membri għandhom, meta żewġ kontrolluri jew aktar jiddeterminaw flimkien il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, jipprevedu għalihom biex ikunu kontrolluri konġunti. Dawn għandhom, b'mod trasparenti, jistabbilixxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità ma' din id-Direttiva, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju tad-drittijiet tas-suġġett tad-data u l-kompiti rispettivi tagħhom biex jipprovdu l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 13 permezz ta' arranġament bejniethom, ħlief u sa fejn, ir-responsabbiltajiet rispettivi tal-kontrolluri jkunu stabbiliti bil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li jkunu soġġetti għaliha l-kontrolluri. L-arranġament għandu jaħtar punt ta' kuntatt għas-suġġetti tad-data. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu liema mill-kontrolluri jista' jaġixxi bħala punt ta' kuntatt uniku għas-suġġetti tad-data biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom.

2.  Irrispettivament mit-termini tal-arranġament imsemmija fil-paragrafu 1, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li s-suġġett tad-data jista' jeżerċita d-drittijiet tiegħu skont id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva fir-rigward ta' u kontra kull wieħed mill-kontrolluri.

Artikolu 22

Proċessur

1.  L-Istati Membri għandhom, fejn l-ipproċessar isir f'isem il-kontrollur, jipprevedu li l-kontrollur juża biss proċessuri li jagħtu garanziji biżżejjed biex jiġu implimentati miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa b'tali mod li l-ipproċessar jissodisfa r-rekwiżiti ta' din id-Direttiva u jiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-proċessur ma jingaġġax proċessur ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-miktub minn qabel speċifika jew ġenerali tal-kontrollur. Fil-każ ta' awtorizzazzjoni bil-miktub ġenerali, il-proċessur għandu jgħarraf lill-kontrollur bi kwalunkwe intenzjoni ta' tibdil rigward iż-żieda jew is-sostituzzjoni ta' proċessuri oħrajn, biex b'hekk jagħti l-opportunità lill-kontrollur li joġġezzjona għal tali bidliet.

3.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-ipproċessar minn proċessur ikun regolat minn kuntratt jew att legali ieħor taħt il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru, li hu vinkolanti għall-proċessur fir-rigward tal-kontrollur u li jistabbilixxi s-suġġett u t-tul tal-ipproċessar, in-natura u l-fini tal-ipproċessar, it-tip ta' data personali u l-kategoriji tas-suġġetti tad-data u l-obbligi u d-drittijiet tal-kontrollur. Dak il-kuntratt jew att legali għandu jistipula, b'mod partikolari, li l-proċessur:

(a) jaġixxi biss fuq struzzjonijiet mingħand il-kontrollur;

(b) jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jipproċessaw id-data personali jkunu impenjaw ruħhom li jżommu l-kunfidenzjalità jew ikunu taħt obbligu statutorju adatt ta' kunfidenzjalità;

(c) jassisti lill-kontrollur permezz ta' kwalunkwe mezz xieraq biex tiġi żgurata l-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tas-suġġett tad-data;

(d) fuq l-għażla tal-kontrollur, iħassar jew jirritorna d-data personali kollha lill-kontrollur wara li jintemm l-għoti ta' servizzi ta' pproċessar ta' data, u jħassar kopji eżistenti sakemm il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru ma tirrikjedix il-ħżin tad-data personali;

(e) jagħmel disponibbli għall-kontrollur kull informazzjoni meħtieġa biex tintwera l-konformità ma' dan l-Artikolu;

(f) jikkonforma mal-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 biex jingaġġa proċessur ieħor.

4.  Il-kuntratt jew l-att legali ieħor imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jkun bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

5.  Jekk proċessur jiddetermina, fi ksur ta' din id-Direttiva, il-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar, dak il-proċessur għandu jitqies bħala kontrollur fir-rigward ta' dak l-ipproċessar.

Artikolu 23

Ipproċessar taħt l-awtorità tal-kontrollur jew il-proċessur

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-proċessur u kull persuna li taġixxi taħt l-awtorità tal-kontrollur jew tal-proċessur, li jkollhom aċċess għal data personali, ma jipproċessawhiex ħlief fuq struzzjonijiet mingħand il-kontrollur, sakemm ma jkunux meħtieġa jagħmlu dan mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru.

Artikolu 24

Reġistri ta' attivitajiet ta' pproċessar

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrolluri jżommu reġistru tal-kategoriji kollha ta' attivitajiet ta' pproċessar taħt ir-responsabbiltà tagħhom. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:

(a) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kontrollur u fejn applikabbli, il-kontrollur konġunt u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(b) il-finijiet tal-ipproċessar;

(c) il-kategoriji ta' riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali, inklużi r-riċevituri f'pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;

(d) deskrizzjoni tal-kategoriji ta' suġġett tad-data u tal-kategoriji ta' data personali;

(e) fejn applikabbli, l-użu tat-tfassil tal-profil;

(f) fejn applikabbli, il-kategoriji tat-trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali;

(g) indikazzjoni tal-bażi legali tal-operazzjoni għall-ipproċessar, inklużi t-trasferimenti, li għaliha tkun maħsuba d-data personali;

(h) fejn ikun possibbli, il-limiti ta' żmien previsti għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta' data personali;

(i) fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 29(1).

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu għal kull proċessur biex iżomm reġistru tal-kategoriji kollha ta' attivitajiet ta' pproċessar imwettqa f'isem il-kontrollur, li jkun fih:

(a) l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-proċessur jew proċessuri, ta' kull kontrollur li l-proċessur qed jaġixxi f'ismu u, fejn applikabbli, l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;

(b) il-kategoriji tal-ipproċessar imwettaq f'isem kull kontrollur;

(c) fejn applikabbli, it-trasferimenti ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali fejn għandu struzzjonijiet espliċiti mill-kontrollur biex jagħmel dan, inkluża l-identifikazzjoni ta' dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali;

(d) fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta' sigurtà msemmija fl-Artikolu 29(1).

3.  Ir-reġistri msemmija fil-paragrafi 1 u 2 għandhom ikunu bil-miktub, inkluż f'forma elettronika.

Jekk mitluba, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jagħmlu dawk ir-reġistri disponibbli għall-awtorità superviżorja.

Artikolu 25

Reġistrar

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li r-reġistrazzjonijiet jinżammu tal-inqas għall-operazzjonijiet ta' pproċessar li ġejjin f'sistemi ta' pproċessar awtomatizzat: il-ġbir, il-bdil, il-konsultazzjoni, l-iżvelar inklużi trasferimenti, il-kombinament u t-tħassir. Ir-reġistrazzjonijiet tal-konsultazzjoni u l-iżvelar għandhom jagħmluha possibbli li jiġu stabbiliti l-ġustifikazzjoni, id-data u l-ħin ta' kull waħda minn dawn l-operazzjonijiet u, sa fejn possibbli, l-identifikazzjoni tal-persuna li tkun ikkonsultat jew żvelat id-data personali, u l-identità tar-riċevituri ta' tali data personali.

2.  Ir-reġistrazzjonijiet għandhom jintużaw biss għall-verifika tal-legalità tal-ipproċessar, l-awtomonitoraġġ, sabiex tiġi żgurata l-integrità u s-sigurtà tad-data personali u għal proċedimenti kriminali.

3.  Jekk mitluba, il-kontrollur u l-proċessur għandhom jagħmlu r-reġistrazzjonijiet disponibbli għall-awtorità superviżorja.

Artikolu 26

Kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur u l-proċessur jikkooperaw, fuq talba, mal-awtorità superviżorja fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

Artikolu 27

Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data

1.  Fejn tip ta' pproċessar, partikolarment bl-użu ta' teknoloġiji ġodda, u b'kont meħud tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar li x'aktarx jirriżultaw f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur iwettaq, qabel l-ipproċessar, valutazzjoni tal-impatt tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali.

2.  Il-valutazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi mill-inqas deskrizzjoni ġenerali tal-operazzjonijiet ta' pproċessar previsti, valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, il-miżuri previsti sabiex jindirizzaw dawk ir-riskji, salvagwardji, miżuri u mekkaniżmi ta' sigurtà li jiżguraw il-protezzjoni ta' data personali u li juru l-konformità ma' din id-Direttiva, b'kont meħud tad-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.

Artikolu 28

Konsultazzjoni minn qabel mal-awtorità superviżorja

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jew il-proċessur jikkonsulta lill-awtorità superviżorja qabel l-ipproċessar ta' data personali li tkun ser tifforma parti minn sistema ġdida ta' arkivjar li tkun ser tinħoloq, fejn:

(a) valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data kif previst fl-Artikolu 27 tindika li l-ipproċessar jirriżulta f'riskju għoli fin-nuqqas ta' miżuri meħuda mill-kontrollur biex jittaffa r-riskju; jew

(b) it-tip ta' pproċessar, b'mod partikolari, meta jkunu qed jintużaw teknoloġiji, mekkaniżmi jew proċeduri ġodda, jinvolvi riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità superviżorja tiġi ikkonsultata matul it-tħejjija ta' proposta għal miżura leġiżlattiva li għandha tiġi adottata minn Parlament nazzjonali jew ta' miżura regolatorja bbażata fuq tali miżura leġiżlattiva, li hija relatata ma' pproċessar.

3.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità superviżorja tista' tistabbilixxi lista tal-operazzjonijiet ta' pproċessar li huma soġġetti għal konsultazzjoni minn qabel skont il-paragrafu 1.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur għandu jipprovdi lill-awtorità superviżorja b'valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 27 u, fuq talba, kwalunkwe informazzjoni oħra li tippermetti lill-awtorità superviżorja tivvaluta l-konformità tal-ipproċessar u b'mod partikolari r-riskji għall-protezzjoni tad-data personali tas-suġġett tad-data u tas-salvagwardji relatati.

5.  L-Istati Membri għandhom, meta l-awtorità superviżorja tkun tal-opinjoni li l-ipproċessar previst imsemmi fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, b'mod partikolari meta l-kontrollur ma jkunx identifika jew naqqas ir-riskju biżżejjed, jipprevedu li l-awtorità superviżorja tipprovdi, fi żmien sitt ġimgħat minn meta tirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, parir bil-miktub lill-kontrollur u, fejn applikabbli, lill-proċessur, u tista' tuża kwalunkwe waħda mis-setgħat tagħha msemmija fl-Artikolu 47. Dak il-perijodu jista' jiġi estiż b' xahar, b'kont meħud tal-kumplessità tal-ipproċessar intenzjonat. L-awtorità superviżorja għandha tinforma lill-kontrollur u, fejn applikabbli, il-proċessur b'tali estenzjoni fi żmien xahar minn meta jirċievi t-talba għall-konsultazzjoni, flimkien mar-raġunijiet għad-dewmien.



Taqsima 2

Sigurtà tad-data personali

Artikolu 29

Sigurtà tal-ipproċessar

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur u l-proċessur, b'kunsiderazzjoni tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku, l-ispejjeż tal-implimentazzjoni u n-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar kif ukoll ir-riskju ta' probabbiltà u gravità diversa għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, jimplimentaw miżuri tekniċi u organizzattivi xierqa, sabiex jiżguraw livell ta' sigurtà xieraq għar-riskju, b'mod partikolari fir-rigward tal-ipproċessar ta' kategoriji speċjali ta' data personali msemmija fl-Artikolu 10.

2.  Fir-rigward tal-ipproċessar awtomatizzat, kull Stat Membru għandu jipprevedi li l-kontrollur jew il-proċessur, wara evalwazzjoni tar-riskji, jimplimenta miżuri mfasslin sabiex:

(a) jiċħad l-aċċess minn persuni mhux awtorizzati għat-tagħmir li jipproċessa użat għall-ipproċessar (“kontroll tal-aċċess għat-tagħmir”);

(b) jipprevjeni l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tneħħija mhux awtorizzati tal-mezzi tad-data (“kontroll tal-mezzi tad-data”);

(c) jipprevjeni d-dħul mhux awtorizzat ta' data personali u l-ispezzjoni, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta' data personali kkonservata (“kontroll tal-konservazzjoni”);

(d) jipprevjeni l-użu ta' sistemi awtomatizzati ta' pproċessar minn persuni mhux awtorizzati bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (“kontroll tal-utent”);

(e) jiżgura li l-persuni awtorizzati biex jużaw sistema awtomatizzata ta' pproċessar jkollhom aċċess biss għad-data personali koperta mill-awtorizzazzjoni għall-aċċess tagħhom (“kontroll tal-aċċess għad-data”);

(f) jiżgura li jkun possibbli li jiġu vverifikati u stabbiliti l-korpi li lilhom tkun intbagħtet jew saret disponibbli jew tista' tintbagħat jew issir disponibbli data personali bl-użu ta' tagħmir għall-komunikazzjoni tad-data (“kontroll tal-komunikazzjoni”);

(g) jiżgura li jkun sussegwentement possibbli li jiġi vverifikat u stabbilit liema data personali ddaħħlet f'sistemi awtomatizzati ta' pproċessar u meta u minn min iddaħħlet id-data personali (“kontroll tad-dħul”);

(h) jipprevjeni l-qari, l-ikkupjar, il-modifika jew it-tħassir mhux awtorizzati ta' data personali waqt it-trasferiment tad-data personali jew waqt it-trasportazzjoni tal-mezzi tad-data (“kontroll tat-trasport”);

(i) jiżgura li s-sistemi installati jistgħu, fil-każ ta' interruzzjoni, jiġu rkuprati (“irkupru”);

(j) jiżgura li l-funzjonijiet tas-sistema jaħdmu, li s-sejbien ta' żbalji fil-funzjonijiet jiġi rrapportat (affidabbiltà) u li d-data personali kkonservata ma tistax tiġi korrotta permezz ta' funzjonament ħażin tas-sistema (“integrità”).

Artikolu 30

Notifika ta' ksur ta' data personali lill-awtorità superviżorja

1.  L-Istati Membri għandhom, f'każ ta' ksur tad-data personali, jipprevedu li l-kontrollur jinnotifika mingħajr dewmien bla bżonn u, fejn fattibbli, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li jkun sar jaf bih, il-ksur tad-data personali lill-awtorità superviżorja, sakemm il-ksur ta' data personali x'aktarx ma jirriżultax f'riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi. Fejn in-notifika lill-awtorità superviżorja ma ssirx xi żmien 72 siegħa, din għandha tkun akkumpanjata minn raġunijiet għad-dewmien.

2.  Il-proċessur għandu jinnotifika lill-kontrollur mingħajr dewmien bla bżonn wara li jsir jaf bi ksur ta' data personali.

3.  In-notifika msemmija fil-paragrafu 1 għandha mill-anqas:

(a) tiddeskrivi n-natura tal-ksur tad-data personali inklużi, fejn hu possibbli, il-kategoriji u l-għadd approssimattiv tas-suġġetti tad-data kkonċernati u l-kategoriji u l-għadd approssimattiv ta' reġistri tad-data personali kkonċernati;

(b) tikkomunika l-isem u d-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jew ta' punt ta' kuntatt ieħor fejn tista' tinkiseb aktar informazzjoni;

(c) tiddeskrivi l-konsegwenzi probabbli tal-ksur ta' data personali;

(d) tiddeskrivi l-miżuri li ttieħdu jew proposti biex jittieħdu mill-kontrollur sabiex jindirizza l-ksur ta' data personali, inklużi, fejn xieraq, miżuri biex jiġu mitigati l-effetti negattivi possibbli tiegħu.

4.  Meta, u sa fejn, mhuwiex possibbli li tiġi pprovduta l-informazzjoni fl-istess ħin, l-informazzjoni tista' tiġi pprovduta f'fażijiet mingħajr aktar dewmien indebitu.

5.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jiddokumenta kwalunkwe ksur ta' data personali msemmi fil-paragrafu 1, fosthom il-fatti relatati mal-ksur tad-data personali, l-effetti tiegħu u l-azzjoni ta' rimedju meħuda. Dik id-dokumentazzjoni għandha tippermetti lill-awtorità superviżorja li tivverifika l-konformità ma' dan l-Artikolu.

6.  L-Istati Membri għandhom, fejn il-ksur tad-data personali jinvolvi data personali li ġiet trażmessa minn jew lill-kontrollur ta' Stat Membru ieħor, jipprevedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 tiġi kkomunikata lill-kontrollur ta' dak l-Istat Membru mingħajr dewmien żejjed.

Artikolu 31

Komunikazzjoni ta' ksur ta' data personali lis-suġġett tad-data

1.  L-Istati Membri għandhom, fejn il-ksur ta' data personali x'aktarx jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet ta' persuni fiżiċi, li l-kontrollur jikkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn.

2.  Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu għandha tiddeskrivi b'lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur ta' data personali u għandha tinkludi tal-inqas l-informazzjoni u miżuri msemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 30(3).

3.  Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) il-kontrollur ikun implimenta miżuri ta' protezzjoni teknoloġika u organizzattiva xierqa, u li dawk il-miżuri ġew applikati għad-data personali affettwata mill-ksur ta' data personali, b'mod partikolari dawk li jagħmlu d-data personali ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata biex taċċessaha, bħall-kriptaġġ;

(b) il-kontrollur ħa miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1 mhux probabbli li jimmaterjalizza;

(c) tkun tinvolvi sforz sproporzjonat. F'każ bħal dan, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili fejn is-suġġetti tad-data jiġu infurmati b'mod għaldaqstant effettiv.

4.  Jekk il-kontrollur ma jkunx diġà kkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data, l-awtorità superviżorja, wara li tkun ikkunsidrat il-probabbiltà li l-ksur tad-data personali jirriżulta f'riskju għoli, tista' tirrikjedi minnu li jagħmel dan, jew tista' tiddeċiedi li kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 huma ssodisfati.

5.  Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu tista' tiġi ttardjata, ristretta jew titħalla barra soġġetta għall-kundizzjonijiet u abbażi tar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 13(3).



Taqsima 3

Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

Artikolu 32

Ħatra tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jaħtar uffiċjal tal-protezzjoni tad-data. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw minn dak l-obbligu lil qrati u lil awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti oħra meta jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.

2.  L-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data għandu jinħatar abbażi ta' kwalitajiet professjonali tiegħu u, b'mod partikolari, l-għarfien espert tiegħu tal-liġi u tal-prattiki dwar il-protezzjoni tad-data u l-ħila li jwettaq il-kompiti msemmija fl-Artikolu 34.

3.  Uffiċjal tal-protezzjoni tad-data uniku jista' jinħatar għal diversi awtoritajiet kompetenti, b'kont meħud tal-istruttura organizzattiva u d-daqs tagħhom.

4.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jippubblika d-dettalji ta' kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data u jikkomunikahom lill-awtorità superviżorja.

Artikolu 33

Pożizzjoni tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jiżgura li l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data jkun involut kif xieraq u f'waqtu fil-kwistjonijiet kollha li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-data personali.

2.  Il-kontrollur għandu jappoġġa lill-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data fit-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 34 billi jipprovdi r-riżorsi meħtieġa biex jitwettqu dawk il-kompiti u aċċess għad-data personali u l-operazzjonijiet ta' pproċessar, u biex iżomm l-għarfien espert tiegħu.

Artikolu 34

Kompiti tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-kontrollur jafda lill-uffiċjal tal-protezzjoni tal-data tal-anqas bil-kompiti li ġejjin:

(a) jinforma u jagħti pariri lill-kontrollur u l-impjegati li jwettqu l-ipproċessar tal-obbligi tagħhom skont din id-Direttiva u skont dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew ta' Stat Membru dwar il-protezzjoni tad-data;

(b) jissorvelja l-konformità ma' din id-Direttiva, ma' dispożizzjonijiet oħra tal-Unjoni jew ta' Stati Membri dwar il-protezzjoni tad-data u mal-politiki tal-kontrollur fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali, inklużi l-assenjazzjoni tar-responsabbiltajiet, is-sensibilizzazzjoni u t-taħriġ tal-persunal involut f' attivitajiet ta' pproċessar, u l-verifiki relatati;

(c) jagħti parir meta mitlub fir-rigward tal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data u jissorvelja l-prestazzjoni tagħha skont l-Artikolu 27;

(d) jikkoopera mal-awtorità superviżorja;

(e) jaġixxi bħala l-punt ta' kuntatt għall-awtorità superviżorja dwar kwistjonijiet relatati mal-ipproċessar, inkluż il-konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 28, u li jiġi kkonsultat, kif adatt, fir-rigward ta' kwalunkwe suġġett ieħor.



KAPITOLU V

Trasferimenti tad-data personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali

Artikolu 35

Prinċipji ġenerali għat-trasferimenti tad-data personali

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull trasferiment minn awtoritajiet kompetenti ta' data personali li tkun qed tiġi pproċessata jew li tkun maħsuba biex tiġi pproċessata wara t-trasferiment lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali, inkluż għal trasferimenti ulterjuri lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali jseħħ, soġġett għal konformità mad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont dispożizzjonijiet oħra ta' din id-Direttiva, dment li jkunu jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f'dan il-Kapitolu, jiġifieri:

(a) it-trasferiment huwa neċessarju għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1);

(b) id-data personali hija ttrasferita lil kontrollur f'pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li jkun awtorità kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1);

(c) f'każ li d-data personali tiġi trażmessa jew issir disponibbli minn Stat Membru ieħor, dak l-Istat Membru ikun ta l-awtorizzazzjoni tiegħu minn qabel għat-trasferiment f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu;

(d) il-Kummissjoni adottat deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36, jew fin-nuqqas ta' tali deċiżjoni ġew previsti jew diġà jeżistu salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 37, jew, fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36 u ta' salvagwardji xierqa f'konformità mal-Artikolu 37, japplikaw derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi skont l-Artikolu 38; u

(e) fil-każ ta' trasferiment ulterjuri lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali oħra, l-awtorità kompetenti li tkun wettqet it-trasferiment oriġinali jew awtorità kompetenti oħra tal-istess Stat Membru tawtorizza t-trasferiment ulterjuri, wara li jittieħed kont debitu tal-fatturi rilevanti kollha, inkluża s-serjetà tar-reat kriminali, il-fini li għalih id-data personali kienet oriġinarjament trasferita u l-livell ta' protezzjoni tad-data personali fil-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali li lilha tiġi trasferita ulterjorment id-data personali.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li t-trasferimenti mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel minn Stat Membru ieħor f'konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 1 ikun permess biss jekk it-trasferiment tad-data personali ikun meħtieġ għall-prevenzjoni ta' theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew pajjiż terz jew għall-interessi essenzjali ta' Stat Membru u l-awtorizzazzjoni minn qabel ma tkunx tista' tinkiseb fi żmien debitu. L-awtorità responsabbli għall-għoti ta' awtorizzazzjoni minn qabel għandha tkun infurmata mingħajr dewmien.

3.  Id-dispożizzjonijiet kollha f'dan il-Kapitolu għandhom jiġu applikati sabiex jiġi żgurat li l-livell ta' protezzjoni tal-persuni fiżiċi żgurat permezz ta' din id-Direttiva ma jiddgħajjifx.

Artikolu 36

Trasferimenti abbażi ta' deċiżjoni ta' adegwatezza

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment ta' data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jseħħ jekk il-Kummissjoni tkun iddeċidiet li l-pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'dak il-pajjiż terz, jew l-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni. Tali trasferiment ma għandu jkun jeħtieġ l-ebda awtorizzazzjoni speċifika.

2.  Meta tivvaluta l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni, il-Kummissjoni għandha, b'mod partikolari, tieħu kont tal-elementi li ġejjin:

(a) l-istat tad-dritt, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali, il-leġiżlazzjoni rilevanti, kemm ġenerali kif ukoll settorjali, inkluż rigward is-sigurtà pubblika, id-difiża, is-sigurtà nazzjonali u l-liġi kriminali u l-aċċess minn awtoritajiet pubbliċi għad-data personali kif ukoll l-implimentazzjoni ta' tali leġiżlazzjoni, regoli dwar il-protezzjoni tad-data, regoli professjonali u miżuri ta' sigurtà, inklużi regoli għat-trasferiment ulterjuri ta' data personali lejn pajjiż terz ieħor jew organizzazzjoni internazzjonali oħra, li jkunu konformi ma' dak il-pajjiż jew dik l-organizzazzjoni internazzjonali; il-ġurisprudenza, kif ukoll drittijiet effettivi u eżegwibbli tas-soġġetti tad-data u rimedju amministrattiv u ġudizzjarju effettiv għas-soġġetti tad-data li d-data personali tagħhom tkun trasferita;

(b) l-eżistenza u l-funzjonament effettiv ta' awtorità superviżorja indipendenti waħda jew aktar fil-pajjiż terz jew li għaliha organizzazzjoni internazzjonali tkun soġġetta, bir-responsabbiltà għall-assigurazzjoni u l-infurzar tal-konformità ma' regoli dwar il-protezzjoni tad-data inklużi, setgħat adegwati ta' infurzar, għall-assistenza u l-għoti ta' pariri lis-soġġetti tad-data fl-eżerċizzju tad-drittijiet tagħhom u għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri; u

(c) l-impenji internazzjonali li jkunu daħlu għalihom il-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernati, jew obbligi oħra li jirriżultaw minn konvenzjonijiet jew strumenti legalment vinkolanti kif ukoll mill-parteċipazzjoni tagħhom f'sistemi multilaterali jew reġjonali, b'mod partikolari fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

3.  Il-Kummissjoni, wara li tkun ivvalutat l-adegwatezza tal-livell tal-protezzjoni, tista' tiddeċiedi, permezz ta' att ta' implimentazzjoni, li pajjiż terz, territorju jew settur wieħed jew aktar speċifikat f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali jassiguraw livell adegwat ta' protezzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jipprevedi mekkaniżmu għal rieżami perjodiku, tal-anqas kull erba' snin, li għandu jqis l-iżviluppi rilevanti kollha fil-pajjiż terz jew fl-organizzazzjoni internazzjonali. L-att ta' implimentazzjoni għandu jispeċifika l-applikazzjoni ġeografika u settorjali tiegħu, u, fejn applikabbli, jidentifika l-awtorità jew awtoritajiet superviżorji msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu. L-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

4.  Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi kontinwa, timmonitorja żviluppi f'pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament tad-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 3.

5.  Il-Kummissjoni għandha, meta l-informazzjoni disponibbli turi, b'mod partikolari wara r-rieżami msemmi fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu, li pajjiż terz, territorju jew settur speċifikat wieħed jew aktar f'pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali ma għadhomx jassiguraw livell adegwat ta' protezzjoni fit-tifsira tal-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, sa fejn ikun meħtieġ, tirrevoka, temenda jew tissospendi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu permezz ta' atti ta' implimentazzjoni mingħajr effett retroattiv. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f'konformità mal-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Għal raġunijiet debitament ġustifikati imperattivi ta' urġenza, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta' implimentazzjoni immedjatament skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 58(3).

6.  Il-Kummissjoni għandha tidħol f'konsultazzjonijiet mal-pajjiż terz jew l-organizzazzjoni internazzjonali bil-ħsieb li tirrimedja s-sitwazzjoni li tirriżulta fid-deċiżjoni meħuda skont il-paragrafu 5.

7.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li deċiżjoni skont il-paragrafu 5 tkun mingħajr preġudizzju għat-trasferimenti tad-data personali lill-pajjiż terz, lit-territorju jew wieħed jew aktar setturi speċifikati f'dak il-pajjiż terz, jew lill-organizzazzjoni internazzjonali inkwistjoni skont l-Artikoli 37 u 38.

8.  Il-Kummissjoni għandha tippubblika f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u fuq is-sit web tagħha lista tal-pajjiżi terzi, territorji u setturi speċifikati fi ħdan pajjiż terz u organizzazzjonijiet internazzjonali li dwarhom tkun iddeċidiet li huwa żgurat jew m'għadux żgurat livell adegwat ta' protezzjoni.

Artikolu 37

Trasferimenti soġġetti għal salvagwardji xierqa

1.  Fin-nuqqas ta' deċiżjoni skont l-Artikolu 36(3), l-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment ta' data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali jista' jsir fejn:

(a) salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali huma previsti fi strument legalment vinkolanti; jew

(b) il-kontrollur ikun ivvaluta ċ-ċirkostanzi kollha li jkollhom x'jaqsmu mat-trasferiment tad-data personali u jikkonkludi li jeżistu salvagwardji xierqa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali.

2.  Il-kontrollur għandu jinforma lill-awtorità superviżorja dwar kategoriji ta' trasferimenti taħt il-punt (b) tal-paragrafu 1.

3.  Meta trasferiment ikun ibbażat fuq punt (b) tal-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtorità superviżorja meta titlobha, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċeviha, il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u d-data personali trasferita.

Artikolu 38

Derogi għal sitwazzjonijiet speċifiċi

1.  Fin-nuqqas ta' deċiżjoni ta' adegwatezza skont l-Artikolu 36, jew ta' salvagwardji xierqa skont l-Artikolu 37, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li trasferiment jew kategorija ta' trasferimenti tad-data personali lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali tista' ssir biss bil-kondizzjoni li t-trasferiment ikun meħtieġ:

(a) għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta' persuna oħra;

(b) biex jiġu salvagwardjati l-interessi leġittimi tas-suġġett tad-data, fejn il-liġi tal-Istat Membru li jkun qiegħed jittrasferixxi d-data personali tipprevedi dan;

(c) għall-prevenzjoni ta' theddida immedjata u serja għas-sigurtà pubblika ta' Stat Membru jew ta' pajjiż terz;

(d) f'każijiet individwali għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1); jew

(e) f'każ individwali għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża tat-talbiet legali relatati mal-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1).

2.  Id-data personali ma għandhiex tiġi ttrasferita jekk l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tiddetermina li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat jieħdu preċedenza fuq l-interess tal-pubbliku fit-trasferiment stipulat fil-punti (d) u (e) tal-paragrafu 1.

3.  Fejn trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat u d-dokumentazzjoni għandha ssir disponibbli għall-awtorità superviżorja meta titlobha, inklużi d-data u l-ħin tat-trasferiment, l-informazzjoni dwar l-awtorità kompetenti li tirċeviha, il-ġustifikazzjoni għat-trasferiment u d-data personali trasferita.

Artikolu 39

Trasferimenti tad-data personali lil riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi

1.  Permezz ta' deroga mill-punt (b) fl-Artikolu 35(1) u mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru tista' tipprevedi li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punt (7)(a) tal-Artikolu 3, f'każijiet individwali u speċifiċi, jittrasferixxu d-data personali direttament lir-riċevituri stabbiliti f'pajjiżi terzi biss jekk ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet l-oħra ta' din id-Direttiva u jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) it-trasferiment ikun strettament meħtieġ għat-twettiq ta' kompitu tal-awtorità kompetenti li tittrasferixxi kif previst mil-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1);

(b) l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tiddetermina li l-ebda dritt u libertà fundamentali tas-suġġett tad-data kkonċernat ma jieħdu preċedenza fuq l-interess pubbliku li jkun jeħtieġ it-trasferiment fil-każ partikolari;

(c) l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tqis li t-trasferiment lil awtorità li hija kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) f'pajjiż terz huwa ineffikaċi jew mhux xieraq, b'mod partikolari minħabba li t-trasferiment ma jistax isir fi żmien xieraq;

(d) l-awtorità li hija kompetenti għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 1(1) fil-pajjiż terz hija informata mingħajr dewmien bla bżonn, sakemm dan ma jkunx ineffettiv jew mhux xieraq;

(e) l-awtorità kompetenti li tittrasferixxi tinforma lir-riċevitur dwar il-fini jew finijiet speċifikati li għalihom id-data personali għandha biss tiġi pproċessata minn dan tal-aħħar dment li dan l-ipproċessar huwa neċessarju.

2.  Ftehim internazzjonali msemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun kwalunkwe ftehim bilaterali jew multilaterali internazzjonali fis-seħħ bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija.

3.  L-awtorità kompetenti li tittrasferixxi għandha tinforma lill-awtorità superviżorja dwar it-trasferimenti skont dan l-Artikolu.

4.  Meta trasferiment ikun ibbażat fuq il-paragrafu 1, tali trasferiment għandu jkun dokumentat.

Artikolu 40

Kooperazzjoni internazzjonali għall-protezzjoni tad-data personali

Fir-rigward ta' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jieħdu passi xierqa biex:

(a) jiżviluppaw mekkaniżmi ta' kooperazzjoni internazzjonali li jiffaċilitaw l-infurzar effettiv tal-leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali;

(b) jipprovdu assistenza reċiproka internazzjonali fl-infurzar ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali, inkluż permezz ta' notifika, riferiment tal-ilmenti, assistenza investigattiva u skambju ta' informazzjoni, soġġetti għal salvagwardji xierqa għall-protezzjoni ta' data personali u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra;

(c) jinvolvu lill-partijiet interessati rilevanti f'diskussjoni u attivitajiet immirati lejn aktar kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar ta' leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta' data personali;

(d) jippromwovu l-iskambju u d-dokumentazzjoni ta' leġiżlazzjoni u prattiki dwar il-protezzjoni ta' data personali, inkluż dwar konflitti ġurisdizzjonali ma' pajjiżi terzi.



KAPITOLU VI

Awtoritajiet superviżorji indipendenti



Taqsima 1

Status indipendenti

Artikolu 41

Awtorità superviżorja

1.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għas-sorveljanza tal-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta' data personali fl-Unjoni (“awtorità superviżorja”).

2.  Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva madwar l-Unjoni. Għal dak il-fini, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma' xulxin u mal-Kummissjoni f'konformità mal-Kapitolu VII.

3.  L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal awtorità superviżorja stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2016/679 biex tkun l-awtorità superviżorja msemmija f'din id-Direttiva u biex tassumi r-responsabbiltà għall-kompiti tal-awtoritajiet superviżorji li għandhom jiġu stabbiliti skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.  Meta jkun hemm aktar minn awtorità superviżorja waħda stabbilita fi Stat Membru, dak l-Istat Membru għandu jaħtar l-awtorità superviżorja li għandha tirrappreżenta lil dawk l-awtoritajiet fil-Bord imsemmi fl-Artikolu 51.

Artikolu 42

Indipendenza

1.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja taġixxi b'indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f'konformità ma' din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-membru jew membri tal-awtoritajiet superviżorji tagħhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom f'konformità ma' din id-Direttiva, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna sew jekk tkun diretta jew indiretta, u li la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mingħand xi ħadd.

3.  Il-membri tal-awtoritajiet superviżorji tal-Istati Membri għandhom joqogħdu lura minn xi azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom u ma għandhomx, matul il-mandat tagħhom, jagħmlu xi xogħol inkompatibbli ieħor, kemm jekk bi qligħ kif ukoll jekk le.

4.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji adegwati, il-bini u l-infrastruttura neċessarja għat-twettiq effettiv tal-kompiti u għall-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, inklużi dawk li jridu jitwettqu fil-kuntest ta' assistenza reċiproka, kooperazzjoni u parteċipazzjoni fil-Bord.

5.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tagħżel u jkollha l-persunal tagħha stess li għandu jkun soġġett għad-direzzjoni esklużiva tal-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja kkonċernata.

6.  Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tkun soġġetta għal kontroll finanzjarju li ma jaffettwax l-indipendenza tagħha u li jkollha baġits annwali separati, pubbliċi li jistgħu jkunu parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.

Artikolu 43

Kondizzjonijiet ġenerali għall-membri tal-awtorità superviżorja

1.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull membru tal-awtoritajiet superviżorji jinħatar permezz ta' proċedura trasparenti:

 mill-Parlament tagħhom;

 mill-gvern tagħhom;

 mill-kap ta' Stat tagħhom; jew

 minn korp indipendenti fdat bil-ħatra taħt il-liġi tal-Istat Membru.

2.  Kull membru għandu jkollhom il-kwalifiki, l-esperjenza u l-ħiliet, partikolarment fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali, meħtieġa biex jaqdu dmirijiethom u biex jeżerċitaw is-setgħat tagħhom.

3.  Id-dmirijiet ta' membru għandhom jintemmu fil-każ li jiskadi l-mandat, fil-każ ta' riżenja jew ta' irtirar obbligatorju, skont il-liġi tal-Istat Membru kkonċernat.

4.  Membru jista' jitkeċċa biss f'każijiet ta' mġiba ħażina serja jew jekk il-membru ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għat-twettiq tad-dmirijiet.

Artikolu 44

Regoli dwar l-istabbiliment tal-awtorità superviżorja

1.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi għal dawn kollha li ġejjin:

(a) it-twaqqif ta' kull awtorità superviżorja;

(b) il-kwalifiki u l-kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà meħtieġa għall-ħatra bħala membru ta' kull awtorità superviżorja;

(c) ir-regoli u l-proċeduri tal-ħatra tal-membru jew tal-membri ta' kull awtorità superviżorja;

(d) it-tul tal-mandat tal-membru jew membri ta' kull awtorità superviżorjata' mhux inqas minn erba' snin, ħlief għall-ewwel ħatra wara s-6 ta' Mejju 2016, li parti minnha jista' jseħħ għal perijodu iqsar fejn dak ikun neċessarju għall-ħarsien tal-indipendenza tal-awtorità superviżorja permezz ta' proċedura ta' ħatra mqassma;

(e) jekk u, jekk ikun il-każ, għal kemm il-mandat, il-membru jew membri ta' kull awtorità superviżorja għandhom ikunu eliġibbli għall-ħatra mill-ġdid;

(f) il-kondizzjonijiet li jirregolaw l-obbligi tal-membru jew membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja, il-projbizzjonijiet ta' azzjonijiet, okkupazzjonijiet u benefiċċji inkompatibbli ma' dawn matul u wara l-mandat u r-regoli li jirregolaw it-tmiem tal-impjieg.

2.  Il-membru jew membri u l-persunal ta' kull awtorità superviżorja għandhom, f'konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, ikunu soġġetti għad-dmir tas-segretezza professjonali kemm waqt il-mandat tagħhom kif ukoll wara, fir-rigward ta' kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali li jkunu saru jafu biha fil-kors tal-qadi tal-kompiti tagħhom jew l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom. Matul il-mandat tagħhom, dak id-dmir li tinżamm is-segretezza professjonali għandu japplika b'mod partikolari għar-rappurtar minn persuni fiżiċi ta' ksur ta' din id-Direttiva.



Taqsima 2

Kompetenza, kompiti u setgħat

Artikolu 45

Kompetenza

1.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja tkun kompetenti għat-twettiq tal-kompiti assenjati lilha u għall-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha skont din id-Direttiva fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.

2.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja ma tkunx kompetenti għas-sorveljanza ta' operazzjonijiet ta' pproċessar tal-qrati meta jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom. Stati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtorità superviżorja tagħhom ma tkunx kompetenti li tissorvelja l-operazzjonijiet ta' pproċessar ta' awtoritajiet ġudizzjarji indipendenti oħra meta jkunu qegħdin jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom.

Artikolu 46

Kompiti

1.  Kull Stat Membru għandu jipprovdi, fuq it-territorju tiegħu, li kull awtorità superviżorja:

(a) tissorvelja u tinforza l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħha;

(b) tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b'rabta mal-ipproċessar;

(c) tagħti pariri, skont il-liġi tal-Istat Membru, lill-Parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħrajn dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbutin mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar;

(d) tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri tal-obbligi tagħhom taħt din id-Direttiva;

(e) fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt din id-Direttiva u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan;

(f) tindirizza l-ilmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f'konformità mal-Artikolu 55, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni fi żmien raġonevoli, b'mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma' xi awtorità superviżorja oħra;

(g) tiċċekkja l-legalità tal-ipproċessar skont l-Artikolu 17, u tinforma lis-suġġett tad-data fi żmien raġonevoli dwar l-eżitu tal-iċċekkjar skont il-paragrafu 3 ta' dak l-Artikolu jew dwar ir-raġunijiet għaliex l-iċċekkjar ma jkunx sar;

(h) tikkoopera, inkluż billi tikkondividi l-informazzjoni u tipprovdi assistenza reċiproka, ma' awtoritajiet superviżorji oħra, bil-għan li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' din id-Direttiva;

(i) twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva, inkluż abbażi ta' informazzjoni li taslilha mingħand awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra;

(j) tissorvelja żviluppi rilevanti, sa fejn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b'mod partikolari l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

(k) tipprovdi parir dwar l-operazzjonijiet ta' pproċessar imsemmija fl-Artikolu 28; u

(l) tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord.

2.  Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita t-tressiq ta' lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, permezz ta' miżuri bħal li tiġi pprovduta formola għat-tressiq ta' lment, li tista' timtela wkoll b'mod elettroniku, mingħajr ma jkunu esklużi mezzi oħrajn ta' komunikazzjoni.

3.  It-twettiq tal-kompiti ta' kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u għall-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data.

4.  Meta talba tkun manifestament bla bażi jew eċċessiva, b'mod partikolari tkun ripetittiva, l-awtorità superviżorja tista' timponi ħlas raġonevoli bbażat fuq spejjeż amministrattivi, jew tista' tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa' r-responsabbiltà li turi li t-talba hi manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.

Artikolu 47

Setgħat

1.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja tiegħu jkollha setgħat investigattivi effettivi. Dawk is-setgħat għandhom jinkludu, tal-inqas is-setgħa li tikseb mill-kontrollur u l-proċessur aċċess għad-data personali kollha li qegħdin jiġu pproċessati u għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-qadi tal-kompiti tagħha.

2.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja tiegħu jkollha s-setgħat korrettivi effettivi bħal, pereżempju:

(a) li toħroġ twissijiet lill-kontrollur jew lill-proċessur li l-attivitajiet ta' pproċessar maħsubin x'aktarx jiksru d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva;

(b) li tordna lill-kontrollur jew proċessur biex iġib l-operazzjonijiet ta' pproċessar f'konformità mad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva, fejn hu xieraq, b'mod speċifikat u fi żmien perijodu speċifikat, b'mod partikolari billi jordna r-rettifika jew it-tħassir ta' data personali jew ir-restrizzjoni tal-ipproċessar skont l-Artikolu 16;

(c) li timponi limitazzjoni temporanja jew definittiva, inkluża projbizzjoni, fuq l-ipproċessar.

3.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja jkollha setgħat konsultattivi effettivi li tagħti pariri lill-kontrollur skont il-proċedura ta' konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 28 u li tagħti, fuq l-inizjattiva tagħha stess jew fuq talba, opinjonijiet lill-Parlament nazzjonali tiegħu u lill-gvern tiegħu jew, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, lil istituzzjonijiet u korpi oħrajn kif ukoll lill-pubbliku dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mal-protezzjoni tad-data personali.

4.  L-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lill-awtorità superviżorja skont dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għas-salvagwardji xierqa, inkluż rimedju ġudizzjarju effettiv u proċess ġust, kif stipulati fid-dritt tal-Unjoni u tal-Istati Membri skont il-Karta.

5.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li kull awtorità superviżorja jkollha s-setgħa li tressaq ksur ta' dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji u, fejn ikun xieraq, tibda jew b'mod ieħor tidħol fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

Artikolu 48

Rappurtar ta' ksur

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu mekkaniżmi effikaċi biex jinkoraġġixxu rappurtar kunfidenzjali tal-ksur ta' din id-Direttiva.

Artikolu 49

Rapporti tal-attività

Kull awtorità superviżorja għandha tfassal rapport annwali dwar l-attivitajiet tagħha, li jista' jinkludi lista tat-tipi ta' ksur innotifikat u t-tipi ta' pieni imposti. Dawk ir-rapporti għandhom jintbagħtu lill-Parlament nazzjonali, lill-gvern u lill-awtoritajiet l-oħra kif maħtura mil-liġi tal-Istat Membru. Għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku, għall-Kummissjoni u għall-Bord.



KAPITOLU VII

Kooperazzjoni

Artikolu 50

Assistenza reċiproka

1.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi li l-awtoritajiet superviżorji tagħhom jipprovdu lil xulxin b'informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka biex jimplimentaw u japplikaw din id-Direttiva b'mod konsistenti, u li jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma' xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b'mod partikolari, ir-rikjesti għall-informazzjoni u l-miżuri ta' sorveljanza, bħal talbiet biex jitwettqu konsultazzjonijiet, spezzjonijiet u investigazzjonijiet.

2.  Kull Stat Membru għandu jipprevedi li kull awtorità superviżorja tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex twieġeb għal talba ta' awtorità superviżorja oħra mingħajr dewmien bla bżonn u sa mhux aktar tard minn xahar wara li tkun irċeviet it-talba. Tali miżuri jistgħu jinkludu, b'mod partikolari, it-trażmissjoni ta' informazzjoni rilevanti dwar it-twettiq ta' investigazzjoni.

3.  Talbiet għall-assistenza għandha tinkludi l-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż il-fini u r-raġunijiet għat-talba. L-informazzjoni skambjata għandha tintuża biss għall-fini li għalih intalbet.

4.  L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba ma għandhiex tirrifjuta li tikkonforma mat-talba sakemm:

(a) ma tkunx kompetenti għas-suġġett tat-talba jew għall-miżuri li hija mitluba teżegwixxi; jew

(b) il-konformità mat-talba tikser din id-Direttiva jew il-liġi tal-Unjoni jew ta' Stat Membru li tkun soġġetta għalihom l-awtorità superviżorja riċeventi.

5.  L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tinforma lill-awtorità superviżorja li tagħmel it-talba dwar ir-riżultati jew, skont kif ikun il-każ, dwar il-progress jew il-miżuri meħuda sabiex iwieġbu għat-talba. L-awtorità superviżorja li ssirilha t-talba għandha tipprovdi raġunijiet għal kwalunkwe rifjut biex tkun konformi ma' talba skont il-paragrafu 4.

6.  L-awtoritajiet superviżorji li ssirilhom it-talba għandhom, bħala regola, jipprovdu l-informazzjoni mitluba minn awtoritajiet superviżorji oħrajn b'mezzi elettroniċi, bl-użu ta' format standardizzat.

7.  L-awtoritajiet superviżorji li ssirilhom it-talba ma għandhomx jitolbu ħlas għal kwalunkwe azzjoni meħuda minnhom wara talba għal assistenza reċiproka. L-awtoritajiet superviżorji jistgħu jaqblu dwar regoli biex jindennizzaw lil xulxin għal nefqa speċifika li tiġi mill-għoti ta' assistenza reċiproka f'ċirkostanzi eċċezzjonali.

8.  Il-Kummissjoni tista', permezz tal-atti ta' implimentazzjoni, tispeċifika l-format u l-proċeduri għal assistenza reċiproka msemmija f'dan l-Artikolu u l-arranġamenti għall-iskambju ta' informazzjoni b'mezzi elettroniċi bejn l-awtoritajiet superviżorji, u bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-Bord. Dawk l-atti ta' implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta' eżami msemmija fl-Artikolu 58(2).

Artikolu 51

Kompiti tal-Bord

1.  Il-Bord li ġie stabbilit bir-Regolament (UE) 2016/679 għandu jwettaq il-kompiti kollha li ġejjin b'rabta ma' pproċessar fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva:

(a) jagħti parir lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-protezzjoni ta' data personali fl-Unjoni, inkluż dwar kwalunkwe emenda proposta għal din id-Direttiva;

(b) jeżamina, fuq inizjattiva tiegħu stess, fuq talba ta' wieħed mill-membri tiegħu jew fuq talba tal-Kummissjoni, kwalunkwe kwistjoni li tkopri l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva u joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki sabiex jinkoraġġixxi l-applikazzjoni konsistenti ta' din id-Direttiva;

(c) ifassal linji gwida għall-awtoritajiet superviżorji dwar l-applikazzjoni ta' miżuri msemmija fl-Artikolu 47(1) u (3);

(d) joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (b) ta' dan is-subparagrafu biex jiġi stabbiliti ksur tad-data personali u determinat id-dewmien bla bżonn imsemmija tal-Artikolu 30(1) u (2) u għaċ-ċirkostanzi partikolari li fihom kontrollur jew proċessur ikun meħtieġ jinnotifika l-ksur tad-data personali;

(e) joħroġ linji gwida, rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki f'konformità mal-punt (b) ta' dan is-subparagrafu rigward iċ-ċirkostanzi li fihom ksur ta' data personali x'aktarx li jirriżulta f'riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi kif imsemmi fl-Artikolu 31(1);

▼C1

(f) jirrieżamina l-applikazzjoni prattika tal-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki;

▼B

(g) jipprovdi lill-Kummissjoni b'opinjoni biex tiġi vvalutata l-adegwatezza tal-livell ta' protezzjoni f'pajjiż terz, territorju jew settur tal-ipproċessar fi ħdan pajjiż terz, jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluż biex jiġi vvalutat jekk tali pajjiż terz, territorju, settur speċifikat jew organizzazzjoni internazzjonali ma jkunux għadhom jiżguraw livell ta' protezzjoni adegwat;

(h) jippromwovi l-kooperazzjoni u l-iskambju bilaterali u multilaterali effettiv ta' informazzjoni u l-aqwa prattiki bejn l-awtoritajiet superviżorji;

(i) jippromwovi programmi ta' taħriġ komuni u jiffaċilita l-iskambji ta' persunal bejn l-awtoritajiet superviżorji, u, fejn adatt, mal-awtoritajiet superviżorji ta' pajjiżi terzi jew ma' organizzazzjonijiet internazzjonali;

(j) jippromwovi l-iskambju ta' għarfien u dokumentazzjoni dwar il-liġi u l-prattika dwar il-protezzjoni tad-data ma' awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data fid-dinja kollha.

Fir-rigward tal-punt (g) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Bord bid-dokumentazzjoni kollha neċessarji, inkluż korrispondenza mal-gvern tal-pajjiż terz, mat-territorju jew settur speċifikat fi ħdan dak il-pajjiż terz, jew mal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.  Fejn il-Kummissjoni titlob parir mingħand il-Bord, hija tista' tindika limitu ta' żmien, billi tiġi kkunsidrata l-urġenza tal-kwistjoni.

3.  Il-Bord għandu jippreżenta l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, u l-aħjar prattiki tiegħu lill-Kummissjoni u lill-kumitat imsemmi fl-Artikolu 58(1) u jagħmilhom pubbliċi.

4.  Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Bord bl-azzjoni li hija tkun ħadet wara l-opinjonijiet, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki maħruġa mill-Bord.



KAPITOLU VIII

Rimedji, responsabbiltà u pieni

Artikolu 52

Dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja

1.  Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprevedu li kull suġġett tad-data jkollu d-dritt li jressaq ilment quddiem awtorità superviżorja unika, jekk is-suġġett tad-data jqis li l-ipproċessar ta' data personali marbuta miegħu jew magħha jikser id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità superviżorja li quddiemha jkun sar l-ilment għandha tgħaddih lill-awtorità superviżorja kompetenti, mingħajr dewmien bla bżonn, jekk l-ilment ma jkunx sar quddiem l-awtorità superviżorja li hija kompetenti skont l-Artikolu 45(1). Is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat dwar it-trażmissjoni.

3.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-awtorità superviżorja li magħha jkun sar l-ilment tipprovdi aktar assistenza malli ssir talba mis-suġġett tad-data.

4.  Is-suġġett tad-data għandu jiġi infurmat mill-awtorità superviżorja kompetenti dwar il-progress u l-eżitu tal-ilment, inkluż dwar il-possibbiltà ta' rimedju ġudizzjarju skont l-Artikolu 53.

Artikolu 53

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra awtorità superviżorja

1.  Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, l-Istati Membri għandhom jipprovdu d-dritt ta' persuna fiżika jew ġuridika għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra deċiżjoni legalment vinkolanti ta' awtorità superviżorja li tikkonċernahom.

2.  Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju ieħor, kull suġġett tad-data għandu jkollu dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn l-awtorità superviżorja li tkun kompetenti skont l-Artikolu 45(1) ma tittrattax ilment jew ma tinformax lis-suġġett tad-data fi żmien tliet xhur dwar il-progress jew l-eżitu ta' lment imressaq skont l-Artikolu 52.

3.  L-Istati Membri għandhom jipprevedu li l-proċeduri kontra awtorità superviżorja jitressqu quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn tkun stabbilita l-awtorità superviżorja.

Artikolu 54

Dritt għal rimedju ġudizzjarju effettiv kontra kontrollur jew proċessur

Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe rimedju amministrattiv jew mhux ġudizzjarju disponibbli, inkluż id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja skont l-Artikolu 52, l-Istati Membri għandhom jipprevedu għad-dritt tas-suġġett tad-data għal rimedju ġudizzjarju effettiv fejn huwa jqis li d-drittijiet tiegħu stipulati f'dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva inkissru bħala riżultat tal-ipproċessar tad-data personali tiegħu b'nuqqas ta' konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet..

Artikolu 55

Rappreżentazzjoni tas-suġġetti tad-data

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li, f'konformità mal-liġi proċedurali tal-Istat Membru, is-suġġett tad-data jkollu d-dritt jagħti mandat lil korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni mhux bi skop ta' qligħ li jkunu ġew ikkostitwiti kif xieraq skont il-liġi ta' Stat Membru, li ma jkunux bi skop ta' qligħ, li l-għanijiet statutorji tagħhom huma fl-interess pubbliku u li huma attivi fil-qasam tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali tagħhom biex iressqu l-ilment f'ismu jew f'isimha u li jeżerċitaw id-drittijiet imsemmija fl-Artikoli 52, 53 u 54 f'ismu jew isimha.

Artikolu 56

Dritt ta' kumpens

L-Istati Membri għandhom jipprevedu li kwalunkwe persuna li tkun sofriet dannu materjali jew mhux materjali b'riżultat ta' operazzjoni ta' pproċessar illegali jew ta' kwalunkwe att li jikser id-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva jkollha dritt tirċievi kumpens għad-dannu mġarrab mill-kontrollur jew awtorità kompetenti oħra skont il-liġi tal-Istat Membru.

Artikolu 57

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-pieni applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.



KAPITOLU IX

Atti ta' implimentazzjoni

Artikolu 58

Proċedura ta' kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita mill-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 93 tar-Regolament (UE) 2016/679. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3.  Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.



KAPITOLU X

Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 59

Tħassir tad-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI

1.  Id-Deċiżjoni Qafas 2008/977/ĠAI hija b'dan imħassra b'effett mis-6 ta' Mejju 2018.

2.  Ir-referenzi għad-Deċiżjoni mħassra li saret referenza għaliha fil-paragrafu 1 għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva.

Artikolu 60

Atti tal-Unjoni diġà fis-seħħ

Id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-protezzjoni tad-data personali fl-atti legali tal-Unjoni li daħlu fis-seħħ fi jew qabel is-6 ta' Mejju 2016 fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija, li jirregolaw l-ipproċessar bejn l-Istati Membri u l-aċċess ta' awtoritajiet maħtura tal-Istati Membri għas-sistemi ta' informazzjoni stabbiliti skont it-Trattati fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva, ma għandhomx jiġu affettwati.

Artikolu 61

Relazzjoni ma' ftehimiet internazzjonali konklużi qabel fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija

Ftehimiet internazzjonali li jinvolvu t-trasferiment tad-data personali lil pajjiżi terzi jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali li kienu ġew konklużi minn Stati Membri qabel is-6 ta' Mejju 2016 u li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni kif applikabbli qabel dik id-data għandhom jibqgħu fis-seħħ sakemm jiġu emendati, sostitwiti jew revokati.

Artikolu 62

Rapporti tal-Kummissjoni

1.  Sas-6 ta' Mejju 2022, u kull erba' snin minn dakinhar, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Ir-rapporti għandhom isiru pubbliċi.

2.  Fil-kuntest ta' dawn l-evalwazzjonijiet u rieżamijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha teżamina, b'mod partikolari, l-applikazzjoni u l-funzjonament tal-Kapitolu V dwar it-trasferiment ta' data personali lil pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali b'mod partikolari fir-rigward ta' deċiżjonijiet adottati skont l-Artikolu 36(3) u l-Artikolu 39.

3.  Għall-finijiet tal-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni tista' titlob informazzjoni mill-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji.

4.  Fit-twettiq tal-valutazzjonijiet u tar-rieżamijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra l-pożizzjonijiet u s-sejbiet tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u ta' entitajiet jew sorsi rilevanti oħra.

5.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta, jekk ikun meħtieġ, proposti xierqa bil-ħsieb li tkun emendata din id-Direttiva, b'mod partikolari filwaqt li tqis l-iżviluppi fit-teknoloġiji tal-informatika u fid-dawl tal-istat ta' progress fis-soċjetà tal-informazzjoni.

6.  Sas-6 ta' Mejju 2019, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina atti legali oħra adottati mill-Unjoni li jirregolaw l-ipproċessar mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet stipulati fl-Artikolu 1(1) inkluż dawk imsemmija fl-Artikolu 60, sabiex tevalwa l-ħtieġa li tallinjahom ma' din id-Direttiva u tagħmel, fejn adatt, il-proposti meħtieġa sabiex temenda dawk l-atti biex tiżgura approċċ konsistenti għall-protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni ta' din id-Direttiva.

Artikolu 63

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sas-6 ta' Mejju 2018, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex ikunu konformi ma' din id-Direttiva. Huma għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta' dawn id-dispożizzjonijiet. Huma għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mis-6 ta' Mejju 2018.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeċiedu kif issir din ir-referenza.

2.  B'deroga mill-paragrafu 1, Stat Membru jista' jipprovdi, b'mod eċċezzjonali, fejn dan ikun jinvolvi sforz sproporzjonat, għas-sistemi ta' pproċessar awtomatizzat stabbiliti qabel is-6 ta' Mejju 2016 biex jinġiebu f'konformità mal-Artikolu 25(1) sas-6 ta' Mejju 2023.

3.  B'deroga mill-paragrafi 1 u 2 ta' dan l-Artikolu, Stat Membru jista', f'ċirkostanzi eċċezzjonali, jġib sistema ta' pproċessar awtomatizzat kif imsemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu f'konformità mal-Artikolu 25(1) f'perijodu speċifikat wara l-perijodu msemmi fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, jekk inkella din tikkawża diffikultajiet serji għat-tħaddim ta' dik is-sistema partikolari ta' pproċessar awtomatizzat. L-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni bir-raġunijiet għal dawk id-diffikultajiet serji u r-raġunijiet għall-perijodu speċifikat li fih sistema partikolari ta' pproċessar awtomatizzat għandha tinġieb f'konformità mal-Artikolu 25(1). Il-perijodu speċifikat f'kull każ ma għandux ikun aktar tard mis-6 ta' Mejju 2026.

4.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 64

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjal tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 65

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.