02016D0042(01) — MT — 26.09.2021 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI (UE) 2017/935 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Novembru 2016

dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta' rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità (BĊE/2016/42)

(ĠU L 141 1.6.2017, p. 21)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI (UE) 2021/1438 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-3 ta’ Awwissu 2021

  L 314

3

6.9.2021




▼B

DEĊIŻJONI (UE) 2017/935 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tas-16 ta' Novembru 2016

dwar id-delegazzjoni tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet ta' kompetenza u idoneità u l-evalwazzjoni ta' rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità (BĊE/2016/42)



Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità” tfisser ir-rekwiżiti li l-membri tal-korp ta' ġestjoni ta' entità sinifikanti taħt superviżjoni għandhom jissodisfaw f'kull ħin skont l-Artikolu 91 tad-Direttiva 2013/36/UE u kull liġi applikabbli oħra;

▼M1

(2) 

“deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità” tfisser deċiżjoni tal-BĊE (i) li tiddikjara jekk individwu jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità, jew (ii) li tawtorizza membru ta’ korp maniġerjali biex ikollu kariga ta’ direttur mhux eżekuttiv addizzjonali skont l-Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2013/36/UE;

▼B

(3) 

“liġi applikabbli” tfisser il-liġi tal-Unjoni applikabbli fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u kull liġi nazzjonali li hija relevanti għall-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta' kompetenza u idoneità;

(4) 

“Stat Membru parteċipanti” tfisser Stat Membru parteċipanti kif iddefinit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(5) 

“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(6) 

“entità taħt superviżjoni” tfisser entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(7) 

“grupp sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17);

(8) 

“deċiżjoni ddelegata” tfisser deċiżjoni adottata fuq il-bażi ta' delegazzjoni ta' setgħa mill-Kunsill Governattiv skont id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40);

(9) 

“korp ta' ġestjoni” tfisser korp ta' ġestjoni kif iddefinit fil-punt (7) tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/36/UE, soġġett għall-Artikolu 3(2) tagħha;

▼M1

(10) 

“membru” tfisser waħda jew aktar minn dawn li ġejjin: (i) membru propost jew maħtur ta’ korp maniġerjali; (ii) fejn applikabbli, detentur ta’ funzjoni ewlenija propost jew maħtur kif definit skont il-liġi applikabbli; (iii) maniġer ta’ fergħa propost jew maħtur kif definit skont il-liġi applikabbli; u (iv) persuna li lilha l-korp maniġerjali jiddelega, parzjalment jew kompletament, il-funzjoni eżekuttiva, kemm jekk dik il-persuna tkun ġiet proposta jew maħtura bħala membru formali tal-korp jew korpi ta’ tmexxija tal-istituzzjoni skont il-liġi nazzjonali kif ukoll jekk le;

▼B

(11) 

“kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma” tfisser il-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma tal-BĊE li lilhom tiġi ddelegata s-setgħa li jadottaw konġuntament deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità;

(12) 

“awtorità nazzjonali kompetenti” tfisser awtorità nazzjonali kompetenti kif iddefinita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(13) 

“proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni” tfisser il-proċedura stipulata fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u li hija speċifikata ulterjorment fl-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2;

▼M1

(14) 

“gwida għal valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità” tfisser dokument b’dan it-titolu li jinkludi verżjonijiet futuri tiegħu u jinkludi kwalunkwe dokument ieħor li fih prinċipji ta’ gwida għal valutazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità li fil-futur jista’ jissostitwixxih jew jikkomplementah, adottati u emendati minn żmien għal żmien skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u ppubblikati fuq is-sit web tal-BĊE;

▼B

(15) 

“istituzzjoni ta' kreditu” tfisser istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill ( 1 );

▼M1

(16) 

“deċiżjoni negattiva” tfisser deċiżjoni li ma tagħtix, jew li ma tagħtix kompletament, l-awtorizzazzjoni kif mitlub mill-entità sinifikanti taħt superviżjoni jew mill-membru. Deċiżjoni b’dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet jew obbligi għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari (a) jiżguraw li l-entità sorveljata tissodisfa r-rekwiżiti tal-liġi rilevanti tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 4 u ġew miftiehma bil-miktub jew (b) sempliċiment tiddikjara mill-ġdid waħda jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-istituzzjoni trid tikkonforma magħha bis-saħħa tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 4 jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta’ waħda jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti;

(17) 

“gwida tal-BĊE dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni” tfisser dokument b’dan it-titolu li jinkludi verżjonijiet futuri tiegħu u jinkludi kwalunkwe dokument ieħor li fih prinċipji ta’ gwida dwar opzjonijiet u diskrezzjonijiet disponibbli fid-dritt tal-Unjoni li fil-futur jista’ jissostitwixxih jew jikkomplementah, adottat u emendat minn żmien għal żmien skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u ppubblikat fuq is-sit web tal-BĊE;

(18) 

“sensittività” tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.

▼B

Artikolu 2

Delegazzjoni ta' deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità

1.  
Skont l-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv bil-preżenti jiddelega lill-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma nnominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar kompetenza u idoneità.
2.  
Il-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma għandhom jadottaw deċiżjonijiet iddelegati skont din id-Deċiżjoni u l-liġi applikabbli.

▼M1

3.  

Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:

(a) 

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji;

(b) 

l-adozzjoni mill-BĊE ta’ struzzjonijiet indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib.

▼M1

Artikolu 3

Kamp ta’ applikazzjoni tad-delega

1.  

Deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità m’għandhiex tiġi meħuda permezz ta’ deċiżjoni delegata meta xi wieħed mill-kriterji li ġejjin jiġi sodisfatt:

(a) 

l-entità rilevanti taħt superviżjoni hija waħda minn dawn li ġejjin:

(i) 

l-entità taħt superviżjoni fl-ogħla livell ta’ konsolidazzjoni fl-Istati Membri parteċipanti ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

(ii) 

l-istituzzjoni ta’ kreditu bl-akbar valur totali ta’ assi fi grupp sinifikanti taħt superviżjoni, jekk din l-entità tkun differenti minn dik imsemmija fil-punt (i);

(iii) 

entità sinifikanti taħt superviżjoni li mhijiex parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni;

(b) 

id-deċiżjoni hija deċiżjoni negattiva;

(c) 

kwalunkwe wieħed mill-fatti li ġejjin jiġi sottomess lill-BĊE:

(i) 

il-membru huwa attwalment soġġett għal proċedimenti kriminali quddiem qorti tal-ġustizzja jew ġie kkundannat għal reat kriminali fl-ewwel jew fl-aħħar istanza; jew

(ii) 

investigazzjoni twettqet jew qiegħda titwettaq bħalissa fir-rigward ta’, jew azzjoni ta’ infurzar jew sanzjoni amministrattiva hija pendenti kontra jew ġiet imposta fuq il-membru għal nuqqas ta’ konformità ma’ kwalunkwe leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji jew dispożizzjonijiet regolatorji;

sakemm il-fatt rilevanti ma jkollux impatt fuq ir-reputazzjoni tal-membru abbażi ta’ valutazzjoni skont il-kriterji speċifikati fil-Gwida għal evalwazzjoni ta’ kompetenza u idoneità, b’mod partikolari fir-rigward tan-natura tal-imputazzjoni jew l-akkuża, is-severità tal-penali, u ż-żmien li għadda (mill-inqas ħames snin wara l-impożizzjoni ta’ sanzjoni jew miżura);

(d) 

il-kumplessità tal-evalwazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni teħtieġ li d-deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.

2.  
Minkejja l-paragrafu 1, deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità għandha tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk tikkonċerna l-ħatra mill-ġdid tal-istess persuna għall-istess pożizzjoni fl-istess entità taħt superviżjoni, il-BĊE ma jkunx oġġezzjona għall-ħatra preċedenti, u ma jkun seħħ l-ebda fatt materjali ġdid mill-aħħar evalwazzjoni li jaffettwa wieħed jew aktar mill-kriterji ta’ evalwazzjoni.
3.  
Fejn, bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 2, deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità ma tistax tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata, għandha tiġi adottata skont il-liġi applikabbli u l-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.
4.  
Il-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma għandhom jippreżentaw deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati stabbiliti f’dan l-Artikolu lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jekk l-evalwazzjoni superviżorja ta’ dik id-deċiżjoni ta’ kompetenza u idoneità jkollha impatt dirett fuq l-evalwazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni.
5.  
Minkejja l-paragrafu 4, jekk l-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità tikkonċerna aktar minn membru wieħed ta’ korp maniġerjali u bis-saħħa tal-paragrafi 1 u 2 deċiżjoni ma tistax tiġi adottata permezz ta’ deċiżjoni ddelegata fir-rigward ta’ wieħed jew aktar minnhom, l-evalwazzjoni għandha tirriżulta f’żewġ deċiżjonijiet ta’ kompetenza u idoneità. Deċiżjoni waħda għandha tiġi adottata permezz tal-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni u l-oħra permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.

▼B

Artikolu 4

Evalwazzjoni tal-kompetenza u l-idoneità

▼M1

1.  

L-evalwazzjoni tar-rekwiżiti ta’ kompetenza u idoneità għal membri għandha titwettaq f’konformità mal-liġi applikabbli filwaqt li titqies il-Gwida għal evalwazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità (kapitoli dwar kriterji ta’ evalwazzjoni u dwar awtorizzazzjonijiet relatati ta’ kompetenza u idoneità) li jkopru, fejn applikabbli, il-kriterji li ġejjin:

▼B

(a) 

L-esperjenza. Il-membru għandu jkollu biżżejed għarfien, ħiliet u esperjenza biex iwettaq il-funzjonijiet tiegħu.

(b) 

Ir-reputazzjoni. Il-membru għandu f'kull ħin ikollu reputazzjoni tajba biżżejjed biex jiżgura ġestjoni soda u prudenti tal-entità taħt superviżjoni. Il-prinċipju tal-proporzjonalità m'għandux japplika għall-evalwazzjoni tar-reputazzjoni tajba.

(c) 

Kunflitti ta' interess potenzjali u indipendenza mentali. Il-membru għandu jkollu l-kapaċità li jaġixxi b'mod indipendenti. L-evalwazzjoni ta' kwalunkwe kunflitt ta' interess potenzjali għandha tinkludi evalwazzjoni tal-arranġamenti ta' governanza tal-entità taħt superviżjoni għall-iżvelar, il-mitigazzjoni, il-ġestjoni jew il-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interessi.

(d) 

L-impenn ta' ħin. Il-membru għandu jkun kapaċi jiddedika biżżejjed ħin għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu fi ħdan l-entità taħt superviżjoni. L-evalwazzjoni tista' tkun affettwata minn bosta fatturi, bħan-numru ta' direttorati li jkollu kull membru, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-entità taħt superviżjoni, u impenji relevanti oħrajn.

(e) 

Idoneità kollettiva. Il-membru jiġi evalwat fir-rigward tar-rekwiżit tal-idoneità kollettiva fil-mument tal-evalwazzjoni tal-kompetenza u l-idoneità kollettiva, waqt li titqies is-superviżjoni kontinwa tal-governanza tal-entità taħt superviżjoni, kif ukoll l-awtoevalwazzjoni tal-korp ta' ġestjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-kompoizzjoni tiegħu u l-ħtiġijiet ta' idoneità kollettivi.

▼M1

2.  
L-evalwazzjoni tal-awtorizzazzjoni lil membru tal-korp maniġerjali biex ikollu kariga ta’ direttur mhux eżekuttiv addizzjonali għandha titwettaq skont il-liġi applikabbli li timplimenta l-Artikolu 91(6) tad-Direttiva 2013/36/UE u filwaqt li titqies il-Gwida għal evalwazzjonijiet ta’ kompetenza u idoneità (taqsima dwar l-impenn ta’ ħin) u l-kriterji fil-Gwida tal-BĊE dwar l-opzjonijiet u d-diskrezzjonijiet disponibbli fil-liġi tal-Unjoni.

▼B

Artikolu 5

Dispożizzjoni tranżitorja

Din id-deċiżjoni m'għandhiex tapplika għal proposti għal deċiżjoni kompetenti u idonea sottomessa minn awtorità nazzjonali kompetenti lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).