02016D0016 — MT — 26.03.2020 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI (UE) 2016/948 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-1 ta' Ġunju 2016

dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16)

(ĠU L 157 15.6.2016, p. 28)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI (UE) 2017/103 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-11 ta' Jannar 2017

  L 16

57

20.1.2017

►M2

DEĊIŻJONI (UE) 2017/1359 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-18 ta' Mejju 2017

  L 190

20

21.7.2017

►M3

DEĊIŻJONI (UE) 2020/441 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW BĊE/2020/18 tal-24 ta’ Marzu 2020

  L 91

5

25.3.2020




▼B

DEĊIŻJONI (UE) 2016/948 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

tal-1 ta' Ġunju 2016

dwar l-implimentazzjoni tal-programm ta' xiri mis-settur korporattiv (BĊE/2016/16)



Artikolu 1

Stabbiliment u kamp ta' applikazzjoni tax-xiri b'mod definittiv ta' bonds korporattivi

Is-CSPP qiegħed jiġi stabbilit bil-preżenti. Taħt is-CSPP, banek ċentrali speċifikati tal-Eurosistema jistgħu jixtru bonds korporattivi eliġibbli mingħand kontropartijiet eliġibbli fis-swieq primarji u sekondarji, waqt li bonds korporattivi tas-settur pubbliku, kif iddefiniti fl-Artikolu 3(1), jistgħu jinxtraw biss fis-swieq sekondarji, taħt kundizzjonijiet speċifiċi.

Artikolu 2

Kriterji ta' eliġibbiltà għal bonds korporattivi

Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt is-CSPP, it-titoli ta' dejn negozjabbli għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà għal assi negozjabbli għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema skont il-Parti 4 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) ( 1 ) u r-rekwiżiti addizzjonali li ġejjin.

1. 

L-emittent tal-istrument ta' dejn negozjabbli:

(a) 

huwa inkorporat fi Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

(b) 

mhuwiex istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (14) tal-Artikolu 2 tal-Linja gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(c) 

m'għandux impriża parent kif iddefinita fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) li hija wkoll istituzzjoni ta' kreditu kif iddefinita fil-punt (14) tal-Artikolu 2 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(d) 

m'għandux impriża parent li hija soġġetta għal superviżjoni bankarja barra miż-żona tal-euro;

(e) 

mhuwiex entità taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (20) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) ( 3 ) jew membru ta' grupp taħt superviżjoni kif iddefinit fis-subpunt (b) tal-punt (21) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), f'kull każ, kif jinsab fil-lista ppubblikata mill-BĊE fuq il-websajt tiegħu skont l-Artikolu 49(1) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), u mhuwiex kumpanija sussidjarja, kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, ta' kwalunkwe waħda minn dawk l-entitajiet taħt superviżjoni jew gruppi taħt superviżjoni;

(f) 

mhuwiex ditta ta' investiment kif iddefinita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(g) 

ma jkunx ħareġ titolu ggarantit b'assi skont it-tifsira tal-punt (3) tal-Artikolu 2 tal-linja gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(h) 

ma jkunx ħareġ multi cédula fi ħdan it-tifsira tal-punt (62) tal-Artikolu 2 tal-Linja gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

(i) 

ma jkunx ħareġ bond kopert strutturat fi ħdan it-tifsira tal-punt (88) tal-Artikolu 2 tal-Linja gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60);

▼M2

(j) 

mhijiex entità, kemm jekk tkun proprjetà pubblika jew privata, li: (i) ikollha bħala l-iskop ewlieni tagħha l-iżvestiment gradwali tal-assi tagħha u l-waqfien tan-negozju tagħha; jew (ii) tkun entità għall-ġestjoni jew l-iżvestiment ta' assi stabbilita biex tappoġġa ristrutturar u/jew riżoluzzjoni tas-settur finanzjarju ( 5 ), inklużi vetturi tal-ġestjoni tal-assi li jirriżultaw minn azzjoni ta' riżoluzzjoni fil-forma tal-applikazzjoni ta' għodda għas-separazzjoni tal-assi skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) jew leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-Artikolu 42 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ); u

▼M2 —————

▼B

(l) 

mhuwiex emittent eliġibbli għall-PSPP.

▼M3

2. 

Jekk strument ta' dejn negozjabbli għandu maturità inizjali ta' 365/366 jum jew inqas, il-maturità rimanenti minima għandha tkun ta’ 28 jum fiż-żmien meta jinxtara mill-bank ċentrali relevanti tal-Eurosistema;

Jekk strument ta' dejn negozjabbli għandu maturità inizjali ta’ 367 jum jew iktar, il-maturità rimanenti minima għandha tkun ta' 30 sena u 364 jum fiż-żmien meta jinxtara mill-“bank” ċentrali relevanti tal-Eurosistema.

▼B

3. 

B'devjazzjoni mill-Artikolu 59(5) tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60), għall-finijiet tal-valutazzjoni tar-rekwiżiti tal-kwalità tal-kreditu tal-istrument ta' dejn negozjabbli, għandha titqies biss informazzjoni dwar il-valutazzjoni tal-kreditu li tkun ipprovduta minn istituzzjoni esterna tal-valutazzjoni tal-kreditu li tkun aċċettata fi ħdan il-qafas ta' valutazzjoni tal-kreditu tal-Eurosistema.

4. 

L-istrument ta' dejn negozjabbli huwa ddenominat f'euro.

▼M1

5. 

Huma permessi xirjiet ta' bonds korporattivi nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) ugwali għal jew 'il fuq mir-rata tal-faċilità ta' depożitu. Huma permessi sal-grad meħtieġ xirjiet ta' bonds korporattivi nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) taħt ir-rata tal-faċilità ta' depożitu.

▼B

Artikolu 3

Limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni ta' xiri ta' bonds korporattivi tas-settur pubbliku

1.  Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, “bond korporattiv tas-settur pubbliku” tfisser bond korporattiv li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Artikolu 2 u jinħareġ minn impriża pubblika fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 ( 8 ).

2.  Sabiex tkun permessal-formazzjoni ta' prezz tas-suq għal bonds korporattivi eliġibbli tas-settur pubbliku, m'għandu jkun permess ebda xiri ta' bonds korporattivi tas-settur pubblika li jkunu nħarġu ġodda jew ittappjati, jew ta' bonds korporattivi tas-settur pubbliku maħruġa mill-istess entità jew mill-entitajiet fi ħdan il-grupp tal-emittent b'maturitajiet li jiskadu qrib fiż-żmien għal, jew kemmxejn qabel jew wara, il-maturità tal-istrumenti ta' dejn negozjabbli li għandhom jinħarġu jew jiġu ttappjati, fuq perijodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Kunsill Governattiv.

Artikolu 4

Limiti tax-xiri

1.  Limitu ta' ħruġ ta' ishma skont in-numru tal-identifikazzjoni ta' titoli internazzjonali (ISIN) għandu japplika taħt is-CSPP, wara li jiġu kkonsolidati l-investimenti fil-portafolli kollha tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Il-limitu tal-ħruġ ta' ishma għandu jkun ta' 70 % għal kull ISIN għall-bonds korporattivi kollha minbarra bonds korportattivi tas-settur pubbliku.

Limitu aktar baxx tal-ħruġ ta' ishma jista' japplika f'każijiet speċifiċi, inkluż għal bonds korporattivi tas-settur pubbliku jew għal raġunijiet tal-ġestjoni tar-riskju. Bonds korporattivi tas-settur pubbliku għandhom jiġu indirizzati b'mod konsistenti mat-trattament tagħhom taħt il-PSPP.

2.  L-Eurosistema għandha twettaq proċeduri xierqa tar-riskju tal-kreditu u tad-diliġenza dovuta fuq bonds korporattivi eliġibbli fuq bażi kontinwa.

3.  L-Eurosistema għandha tiddefinixxi limiti ta' xiri addizzjonali għal gruppi ta' emittenti bbażati fuq allokazzjoni ta' punt ta' riferiment relatat mal-kapitalizzazzjoni tas-suq tal-grupp tal-emittent sabiex tiġi gurata allokazzjoni diversifikata ta' xirjiet fuq medda ta' emittenti u gruppi ta' emittenti.

Artikolu 5

Banek ċentrali tal- Eurosistema li jixtru

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema li jixtru bonds korporattivi taħt is-CSPP għandhom ikunu speċifikati f'lista ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE. L-Eurosistema għandha tapplika skema ta' speċjalizzazzjoni għall-allokazzjoni ta' bonds korporattivi li għandhom jinxtraw taħt is-CSPP li tkun ibbażata fuq il-pajjiż ta' inkorporazzjoni tal-emittent. Il-Kunsill Governattiv għandu jippermetti devjazzjonijiet ad hoc mill-iskema ta' speċjalizzazzjoni jekk ikun hemm konsiderazzjonijiet oġġettivi li jostakolaw l-implimentazzjoni tal-iskema jew jekk dawk id-devjazzjonijiet ikunu rakkomandazzjoni sabiex jinkisbu l-objettivi tal-politika monetarja ġenerali tas-CSPP. B'mod partikolari, kull bank ċentrali speċifikat tal-Eurosistema għandu jixtri biss bonds korporattivi eliġibbli maħruġa minn emittenti inkorporati fi Stati Membri speċifikati fi ħdan iż-żona tal-euro. L-allokazzjoni ġeografika tal-pajjiżi ta' inkorporazzjoni tal-emittenti ta' bonds korporattivi eliġibbli b'rabta mal-banek ċentrali speċifikati tal-Eurosistema għandha tiġi stipulata f'lista ppubblikata fuq il-websajt tal-BĊE.

Artikolu 6

Kontropartijiet eliġibbli

Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontrpartijiet eliġibbli għas-CSPP, kemm għal transazzjonijiet definittivi kif ukoll għal transazzjonijiet ta' self ta' titoli li jinvolvu bonds iggarantiti miżmuma fil-portafolli CSPP tal-Eurosistema:

(a) 

entitajiet li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà biex jipparteċipaw f'operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema skont l-Artikolu 55 tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 (BĊE/2014/60); u

(b) 

kwalunkwe kontropartijiet oħra li jintużaw mill-banek ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta' investiment tagħhom iddenominati f'euro.

Artikolu 7

Transazzjonijiet ta' self ta' titoli

Il-banek ċentrali tal-Eurosistema li jixtru bonds korporattivi taħt is-CSPP għandhom jagħmlu disponibbli għas-self titoli mixtrijin taħt is-CSPP, inklużi repos, sabiex tiġi żgurata l-effettività tas-CSPP.

Artikolu 8

Dispożizzjonijiet finali

Din id-Deċizjoni għandha tidħol fis-seħħ fis-6 ta' Ġunju 2016.



( 1 ) Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

( 2 ) Ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament dwar il-Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

( 4 ) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( 5 ) Lista ta' ġestjoni tal-assi u entitajiet ta' żvestiment relevanti għas-CSPP hija ppubblikata fuq is-sit elettroniku tal-BĊE fuq www.ecb.europa.eu

( 6 ) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

( 7 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet ta' kreditu u ditti ta' investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

( 8 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104 B(1) tat-Trattat (ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1).