02015R2365 — MT — 09.01.2024 — 004.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) 2015/2365 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2015

dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 337 23.12.2015, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/463 tat-30 ta' Jannar 2019

  L 80

16

22.3.2019

►M2

REGOLAMENT (UE) 2021/23 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tas-16 ta’ Diċembru 2020

  L 22

1

22.1.2021

►M3

REGOLAMENT (UE) 2023/2869 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL  tat-13 ta’ Diċembru 2023

  L 

1

20.12.2023




▼B

REGOLAMENT (UE) 2015/2365 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-25 ta’ Novembru 2015

dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli u l-użu mill-ġdid u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

SUĠĠETT, KAMP TA’ APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar it-trasparenza ta’ transazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli (SFTs) u tal-użu mill-ġdid.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  

Dan ir-Regolament japplika għal:

(a) 

kontroparti għal SFT li tkun stabbilita:

(i) 

fl-Unjoni, inklużi l-fergħat kollha tagħha irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu;

(ii) 

f’pajjiż terz, jekk l-SFT tkun konkluża matul l-operazzjonijiet ta’ fergħa fl-Unjoni ta’ dik il-kontroparti;

(b) 

kumpanniji tal-maniġment ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) u kumpanniji ta’ investiment tal-UCITS f’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE;

(c) 

maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) awtorizzati f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE;

(d) 

kontroparti involuta f’użu mill-ġdid li tkun stabbilita:

(i) 

fl-Unjoni, inklużi l-fergħat kollha tagħha irrispettivament minn fejn ikunu jinsabu;

(ii) 

f’pajjiż terz, fejn:

— 
l-użu mill-ġdid li jitwettaq matul l-operazzjonijiet ta’ fergħa fl-Unjoni ta’ dik il-kontroparti; jew
— 
l-użu mill-ġdid jikkonċerna l-istrumenti finanzjarji previsti skont arranġament kollaterali minn kontroparti stabbilita fl-Unjoni jew fergħa fl-Unjoni ta’ kontroparti stabbilita f’pajjiż terz.
2.  

L-Artikoli 4 u 15 ma japplikawx għal:

(a) 

membri tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), korpi oħra tal-Istati Membri li jwettqu funzjonijiet simili, u korpi pubbliċi oħra tal-Unjoni inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha;

(b) 

il-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali;

▼M1

(c) 

il-bank ċentrali u l-korpi oħra li jwettqu funzjonijiet simili u l-korpi pubbliċi l-oħra inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta' Fuq.

▼B

3.  
L-Artikolu 4 ma japplikax għal transazzjonijiet li membru tas-SEBĊ ikun kontroparti għalihom.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 30 biex temenda l-lista stipulata fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Għal dak il-għan u qabel ma tadotta dawk l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport li jevalwa t-trattament internazzjonali ta’ banek ċentrali u ta’ korpi pubbliċi inkarigati mill-amministrazzjoni tad-dejn pubbliku jew li jintervjenu fiha.

Dak ir-rapport għandu jinkludi analiżi komparattiva tat-trattament ta’ banek ċentrali u ta’ dawk il-korpi fil-qafas legali ta’ għadd ta’ pajjiżi terzi. Dment li r-rapport jikkonkludi, b’mod partikolari fir-rigward tal-analiżi komparattiva u l-effetti potenzjali, li tkun meħtieġa l-eżenzjoni mir-responsabbiltajiet monetarji ta’ dawk il-banek ċentrali u l-korpi ta’ pajjiżi terzi mill-Artikolu 15, il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat li jżidhom fil-lista li tinsab fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) 

“repożitorju tat-transazzjonijiet” tfisser persuna ġuridika li ċentralment tiġbor u żżomm ir-rekords tal-SFTs;

(2) 

“kontropartijiet” tfisser kontrapartijiet finanzjarji u kontropartijiet mhux finanzjarji;

(3) 

“kontroparti finanzjarja” tfisser:

(a) 

ditta ta’ investiment awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

(b) 

istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ) jew mar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(c) 

impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata jew impriża tar-riassigurazzjoni f’konformità mad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 );

(d) 

UCITS u, fejn rilevanti, il-kumpannija tal-maniġment tagħha, awtorizzata f’konformità mad-Direttiva 2009/65/KE;

(e) 

AIF ġestit minn AIFMs awtorizzati jew reġistrati f’konformità mad-Direttiva 2011/61/UE;

(f) 

istituzzjoni għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali awtorizzati jew reġistrati f’konformità mad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

(g) 

kontroparti ċentrali awtorizzata f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(h) 

depożitorju ċentrali tat-titoli awtorizzat f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 );

(i) 

entità ta’ pajjiż terz li tkun teħtieġ awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f’konformità mal-atti leġislattivi msemmija fil-punti (a) sa (h) jekk din tkun ġiet stabbilita fl-Unjoni;

(4) 

“kontroparti mhux finanzjarja” tfisser impriża stabbilita fl-Unjoni jew f’pajjiż terz minbarra l-entitajiet imsemmija fil- punt (3);

(5) 

“stabbilita” tfisser:

(a) 

jekk il-kontroparti tkun persuna fiżika, fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha hemmhekk;

(b) 

jekk il-kontroparti tkun persuna ġuridika, fejn ikollha l-uffiċċju reġistrat tagħha hemmhekk;

(c) 

jekk skont il-liġi nazzjonali tagħha, il-kontroparti ma jkollha l-ebda uffiċċju reġistrat, iżda fejn ikollha l-uffiċċju prinċipali tagħha hemmhekk;

(6) 

“fergħa” tfisser post tan-negozju li ma jkunx l-uffiċċju prinċipali li jkun parti minn kontroparti u li ma jkollu l-ebda personalità ġuridika;

(7) 

“self ta’ titoli jew ta’ komoditajiet” jew “teħid b’self ta’ titoli jew ta’ komoditajiet” tfisser kwalunkwe transazzjoni li permezz tagħha kontroparti tittrasferixxi titoli jew komoditajiet soġġett għal impenn li min jissellef irodd lura titoli jew komoditajiet ekwivalenti f’data fil-futur jew meta jiġi mitlub jagħmel hekk minn dak li jittrasferixxi, filwaqt li dik it-transazzjoni titqies bħala self ta’ titoli jew ta’ komoditajiet għall-kontroparti li tittrasferixxi t-titoli jew ta’ komoditajiet u filwaqt li titqies bħala teħid b’self ta’ titoli jew ta’ komoditajiet għall-kontroparti li lilha dawn ikunu ġew trasferiti;

(8) 

“transazzjoni ta’ akkwist bil-patt ta’ rivendità” jew “transazzjoni ta’ vendità bil-patt ta’ riakkwist” tfisser transazzjoni li biha kontroparti tixtri jew tbigħ titoli, komoditajiet jew drittijiet garantiti marbutin mat-titlu ta’ titoli, jew komoditajiet, li tkun taqbel, rispettivament, li tbigħ jew tixtri lura titoli, komoditajiet jew tali drittijiet garantiti tal-istess deskrizzjoni bi prezz speċifikat f’data fil-futur, b’dik it-transazzjoni tkun transazzjoni ta’ akkwist bil-patt ta’ rivendità għall-kontroparti li tixtri t-titoli, komoditajiet jew drittijiet garantiti u transazzjoni ta’ vendità bil-patt ta’ riakkwist għall-kontroparti li tbigħhom, filwaqt li tali transazzjoni ta’ akkwist bil-patt ta’ rivendità jew transazzjoni ta’ vendità bil-patt ta’ riakkwist ma jkunux irregolati bi ftehim ta’ riakkwist jew bi ftehim ta’ retroriakkwist, fis-sens tal-punt (9);

(9) 

“transazzjoni ta’ riakkwist” tfisser transazzjoni irregolata minn ftehim li permezz tiegħu kontroparti tittrasferixxi titoli, komoditajiet jew drittijiet garantiti relatati mat-titlu għal titoli (ta’ sigurtà) jew komoditajiet fejn dik il-garanzija tkun inħarġet minn borża rikonoxxuta li żżomm id-drittijiet għat-titoli jew il-komoditajiet u l-ftehim ma jippermettix li kontroparti tittrasferixxi jew tirhan titolu (ta’ sigurtà) jew komodità partikolari fi kwalunkwe ħin lil aktar minn kontroparti waħda, soġġett għal impenn li tixtrihom mill-ġdid, jew titoli jew komoditajiet sostitwiti tal-istess deskrizzjoni bi prezz speċifiku f’data futura speċifika, jew li ser ikun speċifikat, minn min jittrasferixxi, li jkun ftehim ta’ riakkwist għall-kontroparti li tbigħ it-titoli jew il-komoditajiet u operazzjoni ta’ retroriakkwist għall-kontroparti li tixtrihom;

(10) 

“transazzjoni ta’ self b’marġni” tfisser transazzjoni li fiha istituzzjoni testendi kreditu b’konnessjoni mal-akkwist, il-bejgħ, iż-żamma jew in-negozjar ta’ titoli, iżda ma jinkludux self ieħor li huwa ggarantit minn kollateral fil-forma ta’ titoli;

(11) 

“transazzjoni ta’ finanzjament tat-titoli” jew “SFT” tfisser:

(a) 

transazzjoni ta’ riakkwist;

(b) 

self ta’ titoli jew ta’ komoditajiet u teħid b’self ta’ titoli jew ta’ komoditajiet;

(c) 

transazzjoni ta’ akkwist bil-patt ta’ rivendità jew transazzjoni ta’ vendità bil-patt ta’ riakkwist;

(d) 

transazzjoni ta’ self b’marġni;

(12) 

“użu mill-ġdid” tfisser l-użu minn kontroparti li tirċievi, f’isimha stess u għan-nom tagħha stess jew għan-nom ta’ kontroparti oħra, inkluża kwalunkwe persuna fiżika, ta’ strumenti finanzjarji riċevuti skont ftehim kollaterali, tali użu jinkludi esklużivament trasferiment ta’ titolu jew l-eżerċizzju ta’ dritt ta’ użu f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/47/KE iżda ma jinkludix il-likwidazzjoni ta’ strument finanzjarju fl-eventwalità ta’ inadempjenza tal-kontroparti li tipprovdi;

(13) 

“arranġament kollaterali dwar trasferiment ta’ titolu” tfisser arranġament kollaterali finanzjarju dwar trasferiment ta’ titolu kif definit fil-punt (b) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE konkluż bejn il-kontropartijiet għall-assigurazzjoni ta’ xi obbligu;

(14) 

“arranġament kollaterali ta’ sigurtà” tfisser arranġament kollaterali finanzjarju ta’ sigurtà kif definit fil-punt (c) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE konkluż bejn il-kontropartijiet għall-assigurazzjoni ta’ xi obbligu;

(15) 

“arranġament kollaterali” tfisser arranġament kollaterali dwar trasferiment ta’ titolu u arranġament kollaterali ta’ sigurtà;

(16) 

“strument finanzjarju” tfisser strument finanzjarju kif definit fil-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;

(17) 

“komodità” tfisser komodità kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 ( 6 );

(18) 

“swap tar-redditu totali” tfisser kuntratt tad-derivattivi kif definit fil-punt (7) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fejn kontroparti tittrasferixxi l-prestazzjoni ekonomika totali, inkluż dħul minn imgħax u tariffi, qligħ jew telf minn moviment tal-prezzijiet, u telf ta’ kreditu, ta’ obbligu referenzjarju lil kontraparti oħra.

KAPITOLU II

TRASPARENZA TA’ SFTS

Artikolu 4

Obbligu ta’ rapportar u salvagwardja fir-rigward ta’ SFTs

1.  
Il-kontropartijiet għall-SFTs għandhom jirrapportaw id-dettalji ta’ kwalunkwe SFT li huma jkunu kkonkludew, flimkien ma’ kwalunkwe modifika jew terminazzjoni għalihom, lil repożitorju tat-transazzjonijiet irreġistrat skont l-Artikolu 5 jew rikonoxxut skont l-Artikolu 19. Dawk id-dettalji għandhom jiġu rrapportati mhux iżjed tard mill-jum ta’ xogħol ta’ wara l-konklużjoni, il-modifika jew it-terminazzjoni tat-transazzjoni.

L-obbligu ta’ rapportar stabbilit fl-ewwel subparagrafu għandu japplika għal SFTs li:

(a) 

jkunu ġew konklużi qabel id-data ta’ applikazzjoni rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 33(2) u li baqgħu pendenti f’dik id-data, jekk:

(i) 

il-maturità residwa ta’ dawk l-SFTs f’dik id-data taqbeż 180 jum; jew

(ii) 

dawk l-SFTs ikollhom maturità miftuħa u jibqgħu pendenti 180 jum wara dik id-data;

(b) 

jiġu konklużi fid-data jew wara d-data ta’ applikazzjoni rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 33(2).

L-SFTs imsemmija fil-punt (a) tat-tieni subparagrafu għandhom jiġu rrapportati fi żmien 190 jum mid-data tal-applikazzjoni rilevanti msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 33(2).

2.  
Kontroparti li tkun soġġetta għall-obbligu ta’ rapportar tista’ tiddelega r-rapportar tad-dettalji tal-SFTs.
3.  
Meta kontroparti finanzjarja tikkonkludi SFT ma’ kontroparti mhux finanzjarja li fid-dati tal-karti tal-bilanċ tagħha ma taqbiżx il-limiti tal-inqas tnejn mit-tliet kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), il-kontroparti finanzjarja għandha tkun responsabbli li tirrapporta f’isem iż-żewġ kontropartijiet.

Meta UCITS ġestita minn kumpannija tal-maniġment tkun kontroparti tal-SFTs, il-kumpanija tal-maniġment għandha tkun responsabbli mir-rapportar f’isem l-UCITS.

Meta AIF ikun kontroparti ta’ SFTs, l-AIFM tiegħu għandu jkun responsabbli mir-rappurtar f’isem l-AIF.

4.  
Il-kontropartijiet għandhom iżommu rekord ta’ kwalunkwe SFT li jkunu kkonkludew, immodifikaw jew itterminaw tal-inqas għal ħames snin wara t-terminazzjoni tat-transazzjoni.
5.  
Meta repożitorju tat-transazzjonijiet ma jkunx disponibbli biex jirreġistra d-dettalji ta’ SFT, il-kontropartijiet għandhom jiżguraw li dawk id-dettalji jiġu rrapportati lill-Awtorità Ewropea ta’ Superviżjoni (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (“ESMA”).

F’dawk il-każijiet, l-ESMA għandha tiżgura li l-entitajiet rilevanti kollha msemmija fl-Artikolu 12(2) ikollhom aċċess għad-dettalji kollha tal-SFTs li jkunu jeħtieġu biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom.

6.  
Fir-rigward ta’ informazzjoni riċevuta skont dan l-Artikolu, repożitorji tat-transazzjonijiet u l-ESMA għandhom jirrispettaw id-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tal-informazzjoni u għandhom jikkonformaw mal-obbligi stipulati partikolarment fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ir-referenzi fl-Artikolu 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għall-Artikolu 9 tiegħu u għal “kuntratti derivattivi” għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għal dan l-Artikolu u għal ‘SFTs’ rispettivament.
7.  
Kontroparti li tirrapporta d-dettalji ta’ SFT lil repożitorju tat-transazzjonijiet jew lill-ESMA, jew entità li tirrapporta tali dettalji f’isem kontroparti ma għandhiex titqies li qed tikser xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta mill-kuntratt jew minn kwalunkwe dispożizzjoni leġislattiva, regolatorja jew amministrattiva.
8.  
L-ebda responsabbiltà li tirriżulta minn dak l-iżvelar ma għandha taqa’ fuq l-entità li tirrapporta jew id-diretturi jew l-impjegati tagħha.
9.  

Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu u sabiex tiġi żgurata konsistenza mar-rapportar li jsir skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u standards maqbula f’livell internazzjonali, l-ESMA, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u filwaqt li tieħu kont tal-ħtiġijiet tagħha, għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji tar-rapporti msemmijin fil-paragrafi 1 u 5 ta’ dan l-Artikolu għat-tipi differenti ta’ SFTs li għandhom jinkludu tal-inqas:

(a) 

il-partijiet għall-SFT u, meta jkun differenti, il-benefiċjarju tad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw minnha;

(b) 

l-ammont prinċipali; il-munita; l-assi li jintużaw bħala kollateral u t-tip, il-kwalità u l-valur tagħhom; il-metodu użat għall-provvediment tal-kollateral; jekk il-kollateral huwiex disponibbli għall-użu mill-ġdid; f’każijiet fejn il-kollateral ikun distint minn assi oħrajn, jekk ikunx ġie użat mill-ġdid; kwalunkwe sostituzzjoni tal-kollateral; ir-rata ta’ ftehim ta’ riakkwist, il-ħlas ta’ self jew ir-rata ta’ self marġinali; kwalunkwe haircut; id-data tal-valur; id-data tal-maturità; l-ewwel data eżerċitabbli; u s-segment tas-suq.

(c) 

skont l-SFT, dettalji dwar dan li ġej:

(i) 

ir-riinvestiment tal-kollateral fi flus kontanti;

(ii) 

it-titoli jew il-komoditajiet li jkunu qed jingħataw jew jittieħdu b’self.

Fl-iżvilupp ta’ dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi, l-ESMA għandha tqis l-istandards tekniċi ta’ gruppi ta’ assi u għandhom jipprevedu l-possibbiltà li jiġi rrapportat il-livell tal-pożizzjoni tad-data kollaterali fejn ikun adatt.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Jannar 2017.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

10.  
Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi fl-applikazzjoni tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u, sa fejn huwa fattibbli, konsistenza mar-rapportar skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u armonizzazzjoni tal-formati bejn ir-repożitorji tat-transazzjonijiet, l-ESMA għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u filwaqt li tieħu kont tal-ħtiġijiet tagħha, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format u l-frekwenza tar-rapporti msemmija fil-paragrafi 1 u 5 ta’ dan l-Artikolu għat-tipi differenti ta’ SFTs.

Il-format għandu jinkludi, b’mod partikolari:

(a) 

identifikaturi globali tal-entitajiet ġuridiċi (LEIs), jew pre-LEIs sakemm tiġi implimentata b’mod sħiħ is-Sistema ta’ Identifikaturi Globali tal-Entitajiet Ġuridiċi;

(b) 

numri internazzjonali għall-identifikazzjoni tat-titoli (ISIN); u

(c) 

identifikaturi uniċi ta’ transazzjonijiet.

Hija u tiżviluppa dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi, l-ESMA għandha tqis l-iżviluppi u l-istandards internazzjonali maqbula fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell globali.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Jannar 2017.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU III

REĠISTRAZZJONI U SUPERVIŻJONI TA’ REPOŻITORJU TAT-TRANSAZZJONIJIET

Artikolu 5

Reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-transazzjonijiet

1.  
Repożitorju tat-transazzjonijiet għandu jirreġistra mal-ESMA għall-finijiet tal-Artikolu 4 skont il-kondizzjonijiet u l-proċedura stabbiliti f’dan l-Artikolu
2.  
Sabiex ikun eliġibbli biex jiġi rreġistrat skont dan l-Artikolu, repożitorju tat-transazzjonijiet għandu jkun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni, japplika proċeduri biex jivverifika l-kompletezza u l-korrettezza tad-dettalji rrapportati lilu skont l-Artikolu 4(1), u għandu jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 78, 79 u 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, ir-referenzi għall-Artikoli 78 u 80 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u għall-Artikolu 9 tiegħu għandhom jiġu interpretati bħala referenzi għall-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament.
3.  
Ir-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-transazzjonijiet għandha tkun effettiva għat-territorju kollu tal-Unjoni.
4.  
Repożitorju tat-transazzjonijiet irreġistrat għandu jikkonforma f’kull ħin mal-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni. Repożitorju tat-transazzjonijiet għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinnotifika lill-ESMA bi kwalunkwe bidla materjali għall-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni.
5.  

Repożitorju tat-transazzjonijiet għandu jippreżenta lill-ESMA waħda milli ġejjin:

(a) 

applikazzjoni għar-reġistrazzjoni;

(b) 

applikazzjoni għal estensjoni ta’ reġistrazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament fil-każ ta’ repożitorju tat-transazzjonijiet diġà reġistrat skont it-Titolu VI, Kapitolu 1 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

6.  
L-ESMA għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni tkunx kompluta fi żmien 20 jum ta’ xogħol mir-riċevuta tal-applikazzjoni.

Meta l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA għandha tistabbilixxi limitu taż-żmien sa meta r-repożitorju tat-transazzjonijiet għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Wara li tivvaluta applikazzjoni bħala kompluta, l-ESMA għandha tinnotifika lir-repożitorju tat-transazzjonijiet b’dan.

7.  

Sabiex tkun żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji ta’ dawn kollha li ġejjin:

(a) 

il-proċeduri imsemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u li għandhom jiġu applikati mir-repożitorji tat-transazzjonijiet sabiex jivverifikaw il-kompletezza u l-korrettezza tad-dettalji rrapportati lilhom skont l-Artikolu 4(1);

(b) 

l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5;

(c) 

applikazzjoni simplifikata għal estensjoni ta’ reġistrazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5 sabiex jiġu evitati rekwiżiti doppji.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Jannar 2017.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.  

Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-format tat-tnejn li ġejjin:

(a) 

l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 5;

(b) 

l-applikazzjoni għal estensjoni tar-reġistrazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 5.

Fir-rigward tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tiżviluppa format simplifikat biex tevita proċeduri doppji.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Jannar 2017.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 6

Notifika lill-awtoritajiet kompetenti u konsultazzjoni magħhom qabel ir-reġistrazzjoni jew l-estensjoni tar-reġistrazzjoni

1.  
Meta repożitorju tat-transazzjonijiet japplika għal reġistrazzjoni jew għal estensjoni tar-reġistrazzjoni u huwa entità awtorizzata jew irreġistrata minn awtorità kompetenti fl-Istat Membru fejn hija tkun stabbilita, l-ESMA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti u tikkonsultaha qabel ir-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-transazzjonijiet.
2.  
L-ESMA u l-awtorità kompetenti rilevanti għandhom jiskambjaw l-informazzjoni kollha li hija meħtieġa għar-reġistrazzjoni, jew għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni, tar-repożitorju tat-transazzjonijiet kif ukoll għas-superviżjoni tal-konformità tal-entità mal-kondizzjonijiet tar-reġistrazzjoni tagħha jew l-awtorizzazzjoni fl-Istat Membru fejn tkun stabbilita.

Artikolu 7

Eżami tal-applikazzjoni

1.  
L-ESMA għandha, fi żmien 40 jum ta’ xogħol min-notifika msemmija fl-Artikolu 5(6) teżamina l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jew l-estensjoni għar-reġistrazzjoni, abbażi tal-konformità tar-repożitorju tat-transazzjonijiet ma’ dan il-Kapitolu u għandha tadotta deċiżjoni motivata b’mod sħiħ li taċċetta jew tirrifjuta r-reġistrazzjoni jew l-estensjoni tar-reġistrazzjoni.
2.  
Deċiżjoni maħruġa mill-ESMA skont il-paragrafu 1 għandha ssir effettiva fil-ħames jum ta’ xogħol wara l-adozzjoni tagħha.

Artikolu 8

Notifika tad-deċiżjonijiet tal-ESMA relatati mar-reġistrazzjoni jew l-estensjoni tar-reġistrazzjoni

1.  
Meta l-ESMA tadotta deċiżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) jew tirtira r-reġistrazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10(1), hija għandha tinnotifika r-repożitorju tat-transazzjonijiet fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol bi spjegazzjoni motivata b’mod sħiħ għad-deċiżjoni tagħha.

L-ESMA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti msemmija fl-Artikolu 6(1) bid-deċiżjoni tagħha.

2.  
L-ESMA għandha tikkomunika lill-Kummissjoni kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed f’konformità mal-paragrafu 1.
3.  
L-ESMA għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha lista tar-repożitorji tat-transazzjonijiet irreġistrati skont dan ir-Regolament. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol mill-adozzjoni ta’ deċiżjoni skont il-paragrafu 1.

Artikolu 9

Setgħat tal-ESMA

1.  
Is-setgħat mogħtija lill-ESMA f’konformità mal-Artikoli 61 sa 68, 73 u 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, flimkien mal-Annessi I u II għalih, għandhom jiġu eżerċitati wkoll fir-rigward ta’ dan ir-Regolament. Referenzi għall-Artikolu 81(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 fl-Anness I għal dak ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-Artikolu 12(1) u (2) ta’ dan ir-Regolament rispettivament.
2.  
Is-setgħat mogħtija lill-ESMA jew xi uffiċjal jew persuna oħra awtorizzata mill-ESMA mill-Artikoli 61, 62 u 63 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma għandhomx jintużaw biex jesiġu l-iżvelar ta’ informazzjoni jew dokumenti li huma soġġetti għall-privileġġ legali.

Artikolu 10

Irtirar tar-reġistrazzjoni

1.  

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 73 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-ESMA għandha tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-transazzjonijiet fejn ir-repożitorju tat-transazzjonijiet:

(a) 

jirrinunzja b’mod espliċitu r-reġistrazzjoni jew ma jkun ipprovda l-ebda servizz fis-sitt xhur ta’ qabel;

(b) 

ikun kiseb ir-reġistrazzjoni billi għamel dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ xi mezz irregolari ieħor;

(c) 

ma jkunx għadu jissodisfa l-kondizzjonijiet li skonthom kien ġie rreġistrat.

2.  
L-ESMA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinnotifika lill-awtorità kompetenti rilevanti msemmija fl-Artikolu 6(1) bid-deċiżjoni li tirtira r-reġistrazzjoni ta’ repożitorju tat-transazzjonijiet.
3.  
L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru li fih ir-repożitorju tat-transazzjonijiet iwettaq is-servizzi u l-attivitajiet tiegħu u li tqis li waħda mill-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 tkun ġiet sodisfatta, tista’ titlob lill-ESMA teżamina jekk il-kondizzjonijiet għall-irtirar tar-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-transazzjonijiet ikkonċernat humiex sodisfatti. Meta l-ESMA tiddeċiedi li ma tirtirax ir-reġistrazzjoni tar-repożitorju tat-transazzjonijiet ikkonċernat, għandha tipprovdi raġunijiet sħaħ għad-deċiżjoni tagħha.
4.  
L-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun l-awtorità magħżula skont il-punti (a) u (b) tal-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Tariffi għas-superviżjoni

1.  
L-ESMA għandha timponi tariffi għar-repożitorji tat-transazzjonijiet f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk it-tariffi għandhom ikunu proporzjonati għall-fatturat tar-repożitorju tat-transazzjonijiet ikkonċernat u jkopru għal kollox l-infiq tal-ESMA meħtieġ għar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-transazzjonijiet kif ukoll ir-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li jistgħu jġarrbu l-awtoritajiet kompetenti bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament. Sakemm l-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-Regolament isemmi l-Artikolu 74 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ir-referenzi għall-Artikolu 72(3) ta’ dak ir-Regolament għandhom jitqiesu bħala referenzi għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Meta repożitorju tat-transazzjonijiet ikun diġà ġie rreġistrat skont it-Titolu VI, Kapitolu 1, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, it-tariffi msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandhom jiġu aġġustati biss biex jirriflettu l-infiq u l-ispejjeż addizzjonali meħtieġa relatati mar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-transazzjonijiet skont dan ir-Regolament.

2.  
Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 30 biex tispeċifika aktar it-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom ikunu dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-metodu li bih għandhom jitħallsu.

Artikolu 12

Trasparenza u disponibbiltà tad-data miżmuma f’repożitorju tat-transazzjonijiet

1.  
Ir-repożitorju tat-transazzjonijiet għandu, regolarment u b’mod faċilment aċċessibbli, jippubblika pożizzjonijiet aggregati skont it-tip ta’ SFTs irrapportati lilu.
2.  

Ir-repożitorju tat-transazzjoniijet għandu jiġbor u jżomm id-dettalji tal-SFTs u għandu jiżgura li l-entitajiet li ġejjin ikollhom aċċess dirett u immedjat għal dawn id-dettalji sabiex dawn ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom:

(a) 

l-ESMA;

(b) 

l-Awtorità Ewropea ta’ Superviżjoni (l-Awtorità Bankarja Ewropea) (“EBA”);

(c) 

l-Awtorità Ewropea ta’ Superviżjoni (l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (“EIOPA”);

(d) 

il-BERS;

(e) 

l-awtorità kompetenti li twettaq superviżjoni tal-postijiet tat-transazzjonijiet rrapportati;

(f) 

il-membri rilevanti tas-SEBĊ, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) fit-twettiq tal-kompiti tiegħu fi ħdan mekkaniżmu superviżorju uniku skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(g) 

l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz li fir-rigward tiegħu jkun ġie adottat att ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 19(1);

(h) 

l-awtoritajiet superviżjorji maħtura skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 8 );

(i) 

l-awtoritajiet rilevanti tat-titoli u s-swieq tal-Unjoni li r-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji rispettivi tagħhom ikopru t-transazzjonijiet, is-swieq, il-parteċipanti u l-assi li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(j) 

l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 );

(k) 

l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni maħtura skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 );

(l) 

il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 );

(m) 

l-awtoritajiet imsemmija fl-Artikolu 16(1);

▼M2

(n) 

l-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni maħtura skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ).

▼B

3.  

Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-ESMA għandha, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-SEBĊ u filwaqt li tqis il-ħtiġijiet tal-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a) 

il-frekwenza u d-dettalji tal-pożizzjonijiet aggregati msemmija fil-paragrafu 1 u d-dettalji tal-SFTs imsemmija fil-paragrafu 2;

(b) 

l-istandards operazzjonali meħtieġa, b’mod f’waqtu, strutturat u komprensiv; għal:

(i) 

ġbir ta’ data mir-repożitorji tat-transazzjonijiet;

(ii) 

aggregazzjoni u tqabbil ta’ data bejn repożitorju u ieħor;

(c) 

id-dettalji tal-informazzjoni li għaliha jkollhom aċċess l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2, b’kont meħud tal-mandat tagħhom u l-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

(d) 

it-termini skont liema u l-kondizzjonijiet li bihom l-entitajiet imsemmija fil-paragrafu 2 għandu jkollhom aċċess dirett u immedjat għal data miżmuma f’repożitorji tat-transazzjonijiet.

Dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għandhom jiżguraw li l-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1 ma tippermettix l-identifikazzjoni ta’ parti għal ebda SFT.

L-ESMA għandha tippreżenta dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Jannar 2017.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU IV

TRASPARENZA FIL-KONFRONT TAL-INVESTITURI

Artikolu 13

Trasparenza ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fir-rapporti perjodiċi

1.  

Il-kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS, il-kumpanniji ta’ investiment tal-UCITS, u l-AIFMs għandhom jinfurmaw lill-investituri dwar l-użu li jagħmlu minn SFTs u swaps tar-redditu totali kif ġej:

(a) 

għall-kumpanniji tal-maniġment jew il-kumpanniji ta’ investiment tal-UCITS fir-rapporti ta’ kull sitt xhur u dawk annwali msemmija fl-Artikolu 68 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b) 

għall-AIFMs fir-rapport annwali msemmi fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2011/61/UE.

2.  
L-informazzjoni dwar SFTs u swaps tar-redditu totali għandha tinkludi d-data prevista fit-Taqsima A tal-Anness.
3.  
Sabiex tiżgura żvelar uniformi tad-data iżda wkoll li tieħu kont tal-ispeċifiċitajiet tat-tipi differenti ta’ SFTs u ta’ swaps ta’ redditu totali, l-ESMA tista’, b’kont meħud tar-rekwiżiti stipulati fid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE kif ukoll il-prattiki tas-suq li qed jevolvu, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar il-kontenut tat-Taqsima A tal-Anness.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 14

Trasparenza ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv fid-dokumenti prekuntrattwali

1.  
Il-prospett tal-UCITS imsemmi fl-Artikolu 69 tad-Direttiva 2009/65/KE, u l-iżvelar mill-AIFMs lill-investituri msemmi fl-Artikolu 23(1) u (3) tad-Direttiva 2011/61/UE għandhom jispeċifikaw l-SFT u s-swaps tar-redditu totali li l-kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS jew il-kumpanniji ta’ investiment tal-UCITS, u l-AIFMs rispettivament, huma awtorizzati li jużaw u jinkludu dikjarazzjoni ċara li jintużaw dawk it-transazzjonijiet u strumenti.
2.  
Il-prospett u l-iżvelar lill-investituri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu d-data prevista fit-Taqsima B tal-Anness.
3.  
Sabiex tirrifletti l-prattiki tas-suq li qed jevolvu jew biex tiżgura żvelar uniformi tad-data, l-ESMA tista’, b’kont meħud tar-rekwiżiti stipulati fid-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE, tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw aktar il-kontenut tat-Taqsima B tal-Anness.

Fit-tħejjija tal-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tieħu kont tal-bżonn li jitħalla biżżejjed żmien qabel l-applikazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU V

TRASPARENZA FL-UŻU MILL-ĠDID

Artikolu 15

Użu mill-ġdid ta’ strumenti finanzjarji riċevuti taħt arranġament kollaterali

1.  

Kwalunkwe dritt tal-kontropartijiet biex jużaw mill-ġdid l-istrumenti finanzjarji riċevuti bħala kollateral għandu jkunu soġġett għal mill-inqas iż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-kontroparti li tipprovdi ġiet debitament infurmata bil-miktub mill-kontroparti li tirċievi bir-riskji u l-konsegwenzi li jistgħu jkunu involuti f’xi wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(i) 

fl-għoti ta’ kunsens għal dritt ta’ użu ta’ kollateral previst minn arranġament kollaterali ta’ titolu f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/47/KE;

(ii) 

fil-konklużjoni ta’ arranġament kollaterali ta’ trasferiment ta’ titolu;

(b) 

il-kontroparti li tipprovdi tkun tat il-kunsens espliċitu tagħha, kif evidenzjat b’firma, bil-miktub jew b’mod legalment ekwivalenti, tal-kontroparti li tipprovdi għal arranġament kollaterali ta’ titolu, li t-termini tiegħu jipprevedu dritt ta’ użu f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2002/47/KE, jew tkun qablet b’mod espliċitu li tipprovdi kollateral permezz ta’ arranġament kollaterali ta’ trasferiment ta’ titolu.

Fir-rigward tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, il-kontroparti li tipprovdi għandha mill-inqas tkun infurmata bil-miktub bir-riskji u l-konsegwenzi li jistgħu jinqalgħu fil-każ tal-inadempjenza tal-kontroparti li tirċievi.

2.  

Kwalunkwe eżerċitar mill-kontropartijiet tad-dritt tagħhom għall-użu mill-ġdid għandu jkun soġġett għal mill-inqas fiż-żewġ kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-użu mill-ġdid jitwettaq skont it-termini speċifikati fl-arranġament kollaterali imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1;

(b) 

l-istrumenti finanzjarji riċevuti taħt arranġament kollaterali jiġu trasferiti mill-kont tal-kontroparti li tipprovdi.

Permezz ta’ deroga mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, fejn kontroparti għal arranġament kollaterali tkun stabbilita f’pajjiż terz u l-kont tal-kontroparti li tipprovdi l-kollateral jinżamm u jkun soġġett għal-liġi ta’ pajjiż terz, l-użu mill-ġdid għandu jiġi evidenzjat jew bi trasferiment mill-kont tal-kontroparti li tipprovdi jew b’mezzi adatti oħra.

3.  
Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għal leġislazzjoni settorjali aktar stretta, b’mod partikolari għad-Direttivi 2009/65/KE u 2014/65/UE, u għal liġi nazzjonali li għandhom l-għan li jiżguraw livell ogħla ta’ protezzjoni għall-kontropartijiet li jipprovdu.
4.  
Dan l-Artikolu ma għandux jaffettwa l-liġi nazzjonali fir-rigward tal-validità jew l-effett ta’ transazzjoni.

KAPITOLU VI

SUPERVIŻJONI U AWTORITAJIET KOMPETENTI

Artikolu 16

Deżinjazzjoni u setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.  

Għall-fini ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

(a) 

għal kontropartijiet finanzjarji, awtoritajiet kompetenti jew awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont it-tifsira tar-Regolamenti (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 1024/2013 u (UE) Nru 909/2014 u tad-Direttivi 2003/41/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE u 2014/65/UE, u l-awtoritajiet superviżorji skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/138/KE;

(b) 

għall-kontropartijiet mhux finanzjarji, l-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati skont l-Artikolu 10(5) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(c) 

għall-fini tal-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament, f’dak li jirrigwarda l-kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS u l-kumpanniji ta’ investiment tal-UCITS, l-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati skont l-Artikolu 97 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(d) 

għall-fini tal-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-AIFMs, l-awtoritajiet kompetenti ddeżinjati skont l-Artikolu 44 tad-Direttiva 2011/61/UE.

2.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat mogħtija lilhom mid-dispożizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1 u għandhom jissorveljaw il-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom iwettqu monitoraġġ tal-kumpanniji tal-maniġment tal-UCITS, il-kumpanniji ta’ investiment tal-UCITS u l-AIFMs stabbiliti fit-territorji tagħhom biex jivverifikaw li dawn ma jużawx SFTs u swaps tar-redditu totali, dment li dawn ma jikkonformawx mal-Artikoli 13 u 14.

Artikolu 17

Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti

1.  
L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 16 u l-ESMA għandhom jikkooperaw mill-qrib ma’ xulxin u jiskambjaw informazzjoni bl-iskop li jwettqu dmirijiethom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari sabiex jidentifikaw u jirrimedjaw ksur ta’ dan ir-Regolament.
2.  

L-awtorità kompetenti tista’ tirrifjuta li taġixxi fuq talba għall-kooperazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 f’waħda miċ-ċirkustanzi eċċezzjonali li ġejjin biss:

(a) 

fejn ikunu diġà nbdew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u kontra l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tilqa’ t-talba, jew

(b) 

fejn tkun diġà ngħatat sentenza finali fir-rigward ta’ tali persuni għall-istess azzjonijiet fl-Istat Membru tal-awtorità kompetenti li tilqa’ t-talba,

Fil-każ ta’ rifjut bħal dan, l-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-awtorità rikjedenti u lill-ESMA kif meħtieġ, filwaqt li tipprovdi informazzjoni kemm jista’ jkun iddettaljata.

3.  
L-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2) u l-membri rilevanti tas-SEBĊ għandhom jikkooperaw mill-qrib skont il-kondizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu:

Tali kooperazzjoni għandha tkun kunfidenzjali u tiddependi minn talba ġġustifikata mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti, u għandha ssir biss biex dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom.

Minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, il-membri tas-SEBĊ jistgħu jirrifjutaw li jipprovdu informazzjoni fejn huma jkunu daħlu fit-transazzjonijiet fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom bħala awtoritajiet monetarji.

Fil-każ ta’ rifjut kif imsemmi fit-tielet subparagrafu, il-membru rilevanti tas-SEBĊ għandu jinnotifika lill-awtorità rikjedenti dwar dak ir-rifjut flimkien mal-ġustifikazzjoni għalih.

Artikolu 18

Segretezza professjonali

1.  
Kwalunkwe informazzjoni kunfidenzjali riċevuta, skambjata jew trasmessa skont dan ir-Regolament għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet ta’ segretezza professjonali stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3.
2.  
L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2) u l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 16 għall-ESMA, l-EBA u l-EIOPA, jew għall-awdituri u l-esperti mogħtija l-istruzzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti jew l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA. L-ebda informazzjoni kunfidenzjali li dawn il-persuni jirċievu fil-qadi ta’ dmirijiethom ma għandha tiġi żvelata lil ebda persuna jew awtorità, ħlief f’forma sommarja jew aggregata b’mod li kontroparti, repożitorju tat-transazzjonijiet jew kwalunkwe persuna oħra individwali ma tkunx tista’ tiġi identifikata, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali jew fiskali nazzjonali jew għal dan ir-Regolament.
3.  
Mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali jew fiskali nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti, l-ESMA, l-EBA, l-EIOPA, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi għajr l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali skont dan ir-Regolament jistgħu jużawha biss fit-twettiq ta’ dmirijiethom u għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom, fil-każ tal-awtoritajiet kompetenti, fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament jew, fil-każ ta’ awtoritajiet, korpi jew persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra, għall-iskop li għalih din l-informazzjoni tkun ġiet ipprovduta lilhom jew fil-kuntest ta’ proċeduri amministrattivi jew ġudizzjarji relatati speċifikament mat-twettiq ta’ dawn il-funzjonijiet, jew it-tnejn. Meta l-ESMA, l-EBA u l-EIOPA, l-awtorità kompetenti jew xi awtorità, korp jew persuna oħra li tikkomunika l-informazzjoni tagħti l-kunsens tagħha għal dan, l-awtorità li tirċievi l-informazzjoni tista’ tużaha għal skopijiet mhux kummerċjali.
4.  
Il-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx jimpedixxu lill-ESMA, l-EBA u l-EIOPA, l-awtoritajiet kompetenti jew il-banek ċentrali rilevanti milli jiskambjaw jew jittrasmettu informazzjoni kunfidenzjali f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-leġislazzjoni l-oħra applikabbli għad-ditti ta’ investiment, l-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-fondi tal-pensjonijiet, l-intermedjarji ta’ assigurazzjoni u ta’ riassigurazzjoni, l-impriżi tal-assigurazzjoni, is-swieq regolati jew l-operaturi tas-suq jew inkella bil-kunsens tal-awtorità kompetenti jew awtorità jew korp jew persuna fiżika jew ġuridika oħra li tkun ikkomunikat din l-informazzjoni.
5.  
Il-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx jimpedixxu lill-awtoritajiet kompetenti milli jiskambjaw jew jittrasmettu informazzjoni kunfidenzjali, f’konformità mal-liġi nazzjonali, li ma tkunx waslet għand awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor.

KAPITOLU VII

RELAZZJONIJIET MA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 19

Ekwivalenza u rikonoxximent tar-repożitorji tat-transazzjonijiet

1.  

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz jiżguraw li:

(a) 

ir-repożitorji tat-transazzjonijiet awtorizzati f’dak il-pajjiż terz jikkonformaw mar-rekwiżiti li huma legalment vinkolanti u li huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(b) 

is-superviżjoni effettiva tar-repożitorji tat-transazzjonijiet u l-infurzar effettiv tal-obbligi tagħhom f’dak il-pajjiż terz isiru fuq bażi kontinwa;

(c) 

jeżistu garanziji ta’ segretezza professjonali, inkluża l-protezzjoni ta’ sigrieti tan-negozju li l-awtoritajiet jikkondividu ma’ pajjiżi terzi, u dawk il-garanziji li huma mill-inqas ekwivalenti għal dawk stipulati f’dan ir-Regolament; u

(d) 

ir-repożitorji tat-transazzjonijiet awtorizzati f’dak il-pajjiż terz huma soġġetti għal obbligu legalment vinkolanti u infurzabbli biex jingħata aċċess dirett u immedjat għad-data lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2).

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jispeċifika wkoll l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz li huma intitolati li jkollhom aċċess għad-data dwar l-SFTs miżmuma f’repożitorji tat-transazzjonijiet stabbiliti fl-Unjoni.

L-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

2.  
Fejn repożitorji tat-transazzjonijiet awtorizzati f’dak il-pajjiż terz mhumiex soġġetti għal obbligu legalment vinkolanti u infurzabbli taħt il-liġi ta’ dak il-pajjiż terz biex jagħtu aċċess dirett u immedjat għad-data lill-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill għan-negozjar ta’ ftehimiet internazzjonali ma’ dak il-pajjiż terz rigward l-aċċess reċiproku għal, u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar, SFTs miżmuma f’repożitorji tat-transazzjonijiet li huma stabbiliti f’dak il-pajjiż terz, sabiex jiġi żgurat li l-entitajiet kollha msemmija fl-Artikolu 12(2) ikollhom aċċess dirett u immedjat għall-informazzjoni kollha meħtieġa għall-eżerċizzju ta’ dmirijiethom.
3.  
Repożitorju tat-transazzjonijiet stabbilit f’pajjiż terz jista’ jipprovdi s-servizzi u l-attivitajiet tiegħu lil entitajiet stabbiliti fl-Unjoni għall-finijiet tal-Artikolu 4 biss wara r-rikonoxximent tiegħu mill-ESMA f’konformità mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu.
4.  

Ir-repożitorju tat-transazzjonijiet imsemmi fil-paragrafu 3 għandu jissottometti lill-ESMA waħda milli ġejjin:

(a) 

applikazzjoni għar-rikonoxximent;

(b) 

applikazzjoni għall-estensjoni tar-reġistrazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-Regolament fil-każ ta’ repożitorju tat-transazzjonijiet diġà rikonoxxut skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

5.  

Applikazzjoni kif jingħad fil-paragrafu 4 għandha tkun akkumpanjata mill-informazzjoni kollha meħtieġa, inkluż mill-inqas l-informazzjoni meħtieġa biex jiġi vverifikat li r-repożitorju tat-transazzjonijiet huwa awtorizzat u huwa soġġett għal superviżjoni effettiva f’pajjiż terz li jissodisfa l-kriterji kollha li ġejjin:

(a) 

il-Kummissjoni iddeterminat, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni skont il-paragrafu 1, li l-pajjiż terz għandu qafas regolatorju u superviżorju li huwa ekwivalenti u infurzabbli;

(b) 

l-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiż terz ikunu daħlu f’arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-ESMA li jispeċifikaw mill-inqas:

(i) 

mekkaniżmu għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-ESMA u kwalunkwe awtorità oħra tal-Unjoni li teżerċita responsabbiltajiet bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 9(1), minn naħa, u l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-pajjiż terz ikkonċernat, min-naħa l-oħra; u

(ii) 

proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji.

L-ESMA għandha tapplika r-Regolament (KE) Nru 45/2001 fir-rigward tat-trasferiment ta’ data personali lil pajjiż terz.

6.  
Fi żmien 30 jum ta’ xogħol minn meta tasal l-applikazzjoni, l-ESMA għandha tanalizza jekk l-applikazzjoni hijiex kompluta. Jekk l-ESMA tiddetermina li l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, hija għandha tistabbilixxi skadenza sa meta r-repożitorju tat-transazzjonijiet applikant għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.
7.  
Fi żmien 180 jum ta’ xogħol mis-sottomissjoni ta’ applikazzjoni kompluta, l-ESMA għandha tinforma lir-repożitorju tat-transazzjonijiet applikant bil-miktub bi spjegazzjoni kompletament motivata dwar jekk ir-rikonoxximent ikunx ingħata jew ikunx ġie rrifjutat.
8.  
L-ESMA għandha tippubblika, fuq is-sit elettroniku tagħha, lista tar-repożitorji tat-transazzjonijiet rikonoxxuti f’konformità ma’ dan l-Artikolu.

Artikolu 20

Aċċess indirett għad-data bejn l-awtoritajiet

L-ESMA tista’ tikkonkludi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġ li jwettqu r-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom fir-rigward tal-iskambju reċiproku ta’ informazzjoni dwar l-SFTs imqiegħda għad-disponibbiltà tal-ESMA minn repożitorji tat-transazzjonijiet tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 12(2) u d-data tal-SFTs miġbura u miżmuma mill-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, dment li jeżistu garanziji ta’ segretezza professjonali, inkluża fir-rigward tal-protezzjoni ta’ sigrieti tan-negozju kondiviżi mill-awtoritajiet ma’ pajjiżi terzi.

Artikolu 21

Ekwivalenza tar-rapportar

1.  

Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw li l-arranġamenti legali, superviżorji u ta’ infurzar ta’ pajjiż terz:

(a) 

ikunu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti skont l-Artikolu 4;

(b) 

jiżguraw il-protezzjoni tas-segretezza professjonali li tkun ekwivalenti għal dik stipulata f’dan ir-Regolament;

(c) 

qed jiġu applikati u infurzati b’mod effettiv, ekwu u mhux distorżiv sabiex ikunu żgurati superviżjoni u infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz; u

(d) 

jiżguraw li l-entitajiet imsemmija fl-Artikolu 12(2) ikollhom aċċess dirett għad-dettalji dwar id-data ta’ SFTs skont l-Artikolu 19(1) jew inkella aċċess indirett għad-dettalji dwar SFTs skont l-Artikolu 20.

2.  
Fejn il-Kommissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza fir-rigward ta’ pajjiż terz, kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-kontropartijiet li jidħlu fi transazzjoni soġġetta għal dan ir-Regolament għandhom jitqiesu li jkunu onoraw ir-rekwiżiti li jinsabu fl-Artikolu 4 fejn mill-inqas waħda mill-kontropartijiet tkun stabbilita f’dak il-pajjiż terz u l-kontropartijiet ikunu kkonformaw mal-obbligi rilevanti ta’ dak il-pajjiż terz fir-rigward ta’ dik it-transazzjoni.

Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 31(2).

Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mal-ESMA, twettaq monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva minn pajjiżi terzi li għalihom ikun ġie adottat att ta’ implimentazzjoni dwar l-ekwivalenza tar-rekwiżiti ekwivalenti għal dawk stabbiliti fl-Artikolu 4 u tirrapporta regolarment lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Meta r-rapport jiżvela applikazzjoni insuffiċjenti jew inkonsistenti tar-rekwiżiti ekwivalenti minn awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra, fi żmien 30 jum kalendarju mill-preżentazzjoni tar-rapport, jekk tirtirax ir-rikonoxximent bħala ekwivalenti għall-qafas legali tal-pajjiż terz ikkonċernat.

KAPITOLU VIII

SANZJONIJIET AMMINISTRATTIVI U MIŻURI AMMINISTRATTIVI OĦRA

Artikolu 22

Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

1.  
Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 28 u d-dritt tal-Istati Membri li jipprevedu u jimponu sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħa li jimponu sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra mill-inqas fir-rigward tal-ksur tal-Artikoli 4 u 15.

Fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu japplikaw għal persuni ġuridiċi, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti s-setgħa, f’ każ ta’ ksur, li japplikaw sanzjonijiet, soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fil-liġi nazzjonali, lill-membri tal-korp tal-maniġment, u lil individwi oħra li skont il-liġi nazzjonali jkunu responsabbli għall-ksur.

2.  
Is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra meħuda għall-fini tal-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.
3.  
Fejn l-Istati Membri jkunu għażlu, f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dak il-paragrafu, huma għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat kollha meħtieġa biex jikkollaboraw mal-awtoritajiet ġudizzjarji, tal-prosekuzzjoni jew tal-ġustizzja kriminali fi ħdan il-ġurisdizzjoni tagħhom biex jirċievu informazzjoni speċifika relatata ma’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdija għal ksur possibbli tal-Artikoli 4 u 15, u li jipprevedu tali informazzjoni għal awtoritajiet kompetenti oħra u l-ESMA biex jonoraw l-obbligu tagħhom li jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn rilevanti, mal-ESMA għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkooperaw ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra u ma’ awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiżi terzi fir-rigward tal-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkooperaw ukoll ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra fir-rigward tal-faċilitazzjoni tal-irkupru ta’ sanzjonijiet monetarji.

4.  

L-Istati Membri għandhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, jagħtu s-setgħa lill-awtoritajiet kompetenti biex japplikaw mill-inqas is-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra li ġejjin fil-każ ta’ ksur imsemmi fil-paragrafu 1:

(a) 

ordni li tirrikjedi lill-persuna responsabbli għall-ksur sabiex twaqqaf l-imġiba tagħha u sabiex ma tirrepetix dik l-imġiba;

(b) 

dikjarazzjoni pubblika li tindika l-persuna responsabbli u n-natura tal-ksur f’konformità mal-Artikolu 26;

(c) 

irtirar jew sospensjoni tal-awtorizzazzjoni;

(d) 

projbizzjoni temporanja ta’ kwalunkwe persuna li twettaq responsabbiltajiet maniġerjali jew kwalunkwe persuna fiżika li tinżamm responsabbli għal tali ksur, milli teżerċita funzjonijiet ta’ maniġment;

(e) 

sanzjonijiet amministrattivi monetarji massimi mill-inqas sa tliet darbiet l-ammont tal-profitti miksuba jew it-telf evitat bis-saħħa tal-ksur, meta dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati mill-awtorità rilevanti, anke jekk dawk is-sanzjonijiet jaqbżu l-ammonti msemmija fil-punti (f) u (g);

(f) 

fir-rigward ta’ persuna fiżika, sanzjonijiet amministrattivi monetarji massimi ta’ mhux inqas minn EUR 5 000 000 jew, fl-Istati Membri fejn il-munita mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-12 ta’ Jannar 2016;

(g) 

fir-rigward ta’ persuni ġuridiċi, sanzjonijiet amministrattivi monetarji massimi ta’ mhux inqas minn:

(i) 

EUR 5 000 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valuir korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-12 ta’ Jannar 2016, jew sa 10 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp tal-maniġment għall-ksur tal-Artikolu 4;

(ii) 

EUR 15 000 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-12 ta’ Jannar 2016, jew sa 10 % tal-fatturat annwali totali tal-persuna ġuridika skont l-aħħar kontijiet disponibbli approvati mill-korp tal-maniġment għall-ksur tal-Artikolu 15.

Għall-finijiet tal-punt (g)(i) u (ii) tal-ewwel subparagrafu, fejn il-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarja tal-impriża prinċipali li għandha tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ dħul skont ir-reġim tal-kontabilità rilevanti skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp tal-maniġment tal-impriża prinċipali finali.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom setgħat minbarra dawk imsemmija f’dan il-paragrafu. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu wkoll aktar lok għal sanzjonijiet u livelli ogħla ta’ sanzjonijiet minn dawk previsti f’dan il-paragrafu.

5.  
Ksur tal-Artikolu 4 ma għandux jaffettwa l-validità tat-termini ta’ SFT jew il-possibbiltà li l-partijiet jinfurzaw it-termini ta’ SFT. Ksur tal-Artikolu 4 ma għandux iwassal għal drittijiet għal kumpens minn parti lil SFT.
6.  
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra kif imsemmi fil-paragrafu 1 fejn il-ksur imsemmi f’dak il-paragrafu jkun diġà soġġett għal sanzjonijiet kriminali fil-liġi nazzjonali tagħhom qabel it-13 ta’ Jannar 2018. Fejn jiddeċiedu li ma jistabbilixxux regoli għal sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw, fid-dettall, lill-Kummissjoni u lill-ESMA, il-partijiet rilevanti tal-liġi kriminali tagħhom.
7.  
Sat-13 ta’ Lulju 2017 l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli fir-rigward tal-paragrafi 1, 3 u 4 lill-Kummissjoni u lill-ESMA. Huma għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-ESMA mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li ssir fihom.

Artikolu 23

Determinazzjoni ta’ sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inkluż, fejn xieraq:

(a) 

il-gravità u d-dewmien tal-ksur;

(b) 

il-livell ta’ responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(c) 

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, billi jitqiesu fatturi bħall-fatturat totali fil-każ ta’ persuna ġuridika jew id-dħul annwali fil-każ ta’ persuna fiżika;

(d) 

l-importanza tal-profitti miksuba jew it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur, sa fejn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;

(e) 

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-awtorità kompetenti, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(f) 

ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jieħdu kont ta’ fatturi addizzjonali apparti dawk imsemmijin fl-ewwel paragrafu meta jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħra.

Artikolu 24

Rapportar ta’ ksur

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi biex ikun jista’ jiġi rrapportat, lill-awtoritajiet kompetenti oħra, ksur li jkun qed isir jew ksur potenzjali tal-Artikoli 4 u 15.
2.  

Il-mekkaniżmi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu mill-inqas:

(a) 

proċeduri speċifiċi għar-riċevuta ta’ rapporti ta’ ksur tal-Artikoli 4 jew 15 u s-segwitu tagħhom, inkluż l-istabbiliment ta’ mezzi ta’ komunikazzjoni siguri għal rapporti bħal dawn;

(b) 

protezzjoni xierqa għall-persuni li jaħdmu b’kuntratt ta’ impjieg li jirrapportaw ksur tal-Artikoli 4 jew 15 jew li jiġu akkużati bi ksur ta’ dawk l-Artikoli, kontra ritaljazzjoni, diskriminazzjoni u tipi oħra ta’ trattament inġust;

(c) 

protezzjoni tad-data personali kemm tal-persuna li tirrapporta l-ksur tal-Artikoli 4 jew 15 u tal-persuna fiżika li allegatament wettqet il-ksur, inkluża l-protezzjoni fir-rigward taż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-identità tagħhom, fl-istadji kollha tal-proċedura mingħajr preġudizzju għar-rekwiżit tal-iżvelar ta’ informazzjoni mil-liġi nazzjonali fil-kuntest ta’ investigazzjonijiet jew proċeduri ġudizzjarji sussegwenti.

3.  
Il-kontropartijiet għandu jkollhom fis-seħħ proċeduri interni xierqa għall-impjegati tagħhom biex jirrapportaw ksur tal-Artikoli 4 u 15.

Artikolu 25

Skambju ta’ informazzjoni mal-ESMA

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-ESMA, kull sena, b’informazzjoni aggregata u granulari dwar is-sanzjonijiet amministrattivi kollha u miżuri amministrattivi oħra imposti minnhom f’konformità mal-Artikolu 22. L-ESMA għandha tippubblika informazzjoni aggregata f’rapport annwali.
2.  
Fejn l-Istati Membri jkunu għażlu li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għal ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22, l-awtoritajiet kompetenti tagħhom għandhom jipprovdu lill-ESMA, kull sena, data anonimizzata u aggregata dwar l-investigazzjonijiet kriminali kollha mwettqa u s-sanzjonijiet kriminali imposti. L-ESMA għandha tippubblika f’rapport annwali, data dwar is-sanzjonijiet kriminali imposti.
3.  
Fejn l-awtorità kompetenti tkun żvelat sanzjoni amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra jew sanzjoni kriminali lill-pubbliku, hija għandha fl-istess ħin, tirrapporta dik l-informazzjoni lill-ESMA.
4.  
L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-proċeduri u l-forom għall-iskambju ta’ informazzjoni kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sat-13 ta’ Jannar 2017.

Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 26

Pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet

1.  
Soġġett għall-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jippubblikaw kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjoni amministrattiva jew miżura amministrattiva oħra b’rabta ma’ ksur tal-Artikolu 4 jew 15 fuq is-sit elettroniku tagħhom eżatt wara li l-persuna soġġetta għal dik id-deċiżjoni tkun ġiet infurmata b’dik id-deċiżjoni.
2.  
L-informazzjoni ppubblikata skont il-paragrafu 1 għandha tispeċifika mill-inqas it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuna soġġetta għad-deċiżjoni.
3.  
Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal deċiżjonijiet li jimponu miżuri li huma ta’ natura investigattiva.

Fejn awtorità kompetenti tqis, wara valutazzjoni każ b’każ, li l-pubblikazzjoni tal-identità tal-persuna ġuridika soġġetta għad-deċiżjoni, jew id-data personali ta’ persuna fiżika, tkun sproporzjonata, jew fejn pubblikazzjoni bħal din tista’ tippreġudika investigazzjoni li tkun għaddejja jew l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji, għandha tagħmel waħda minn dawn li ġejjin:

(a) 

tiddifferixxi l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni sakemm ir-raġunijiet għal dan id-differiment ma jibqgħux jeżistu;

(b) 

tippubblika d-deċiżjoni fuq bażi anonima f’konformità mal-liġi nazzjonali meta din il-pubblikazzjoni tiżgura protezzjoni effettiva tad-data personali kkonċernata u, fejn xieraq, tipposponi l-pubblikazzjoni tad-data rilevanti għal perijodu ta’ żmien raġonevoli fejn huwa prevedibbli li r-raġunijiet għall-pubblikazzjoni anonima mhux ser jibqgħu jeżistu matul dak il-perijodu;

(c) 

ma tippubblikax id-deċiżjoni fil-każ li l-awtorità kompetenti tkun tal-opinjoni li l-pubblikazzjoni f’konformità mal-punt (a) jew (b) ser tkun biżżejjed biex tiżgura:

(i) 

li l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji ma tiġix ippreġudikata; jew

(ii) 

il-proporzjonalità tal-pubblikazzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet fir-rigward ta’ miżuri titqies ta’ natura minuri.

4.  
Meta d-deċiżjoni tkun soġġetta għal appell quddiem awtorità nazzjonali, ġudizzjarja, amministrattiva jew awtorità oħra, l-awtoritajiet kompetenti xorta għandhom jippubblikaw, immedjatament, fuq is-sit elettroniku tagħhom din l-informazzjoni u kwalunkwe informazzjoni sussegwenti dwar ir-riżultat ta’ tali appell. Kwalunkwe deċiżjoni li tħassar deċiżjoni soġġetta għal appell għandha tiġi ppubblikata wkoll.
5.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-ESMA dwar is-sanzjonijiet amministrattivi kollha u miżuri amministrattivi oħra imposti imma mhux ippubblikati, f’konformità mal-punt (c) tal-paragrafu 3, inkluż kwalunkwe appell fir-rigward tagħhom u l-eżitu tiegħu. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jirċievu l-informazzjoni u s-sentenza finali fir-rigward ta’ kwalunkwe sanzjoni kriminali imposta u jippreżentawhom lill-ESMA. L-ESMA għandha żżomm database ċentrali tas-sanzjonijiet amministrattivi, miżuri amministrattivi oħra u sanzjonijiet kriminali kkomunikati lilha unikament għall-finijiet tal-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti. Dik il-bażi tad-data għandha tkun aċċessibbli għall-awtoritajiet kompetenti biss u għandha tiġi aġġornata abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti.
6.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li, kwalunkwe deċiżjoni ppubblikata f’konformità ma’ dan l-Artikolu tibqa’ aċċessibbli fis-sit elettroniku tagħhom mill-inqas għal perijodu ta’ ħames snin wara l-pubblikazzjoni tagħha. Data personali li tkun tinsab f’dawk id-deċiżjonijiet għandha tinżamm fuq is-sit elettroniku tal-awtorità kompetenti għall-perijodu meħtieġ skont ir-regoli applikabbli dwar il-protezzjoni tad-data.

Artikolu 27

Dritt ta’ appell

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-deċiżjonijiet u l-miżuri meħudin f’konformità ma’ dan ir-Regolament huma motivati tajjeb u soġġetti għad-dritt ta’ appell quddiem tribunal. Id-dritt ta’ appell quddiem tribunal għandu japplika wkoll meta fir-rigward ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur minn meta tiġi ppreżentata.

Artikolu 28

Sanzjonijiet u miżuri oħra għall-fini tal-Artikoli 13 u 14

Sanzjonijiet u miżuri oħra stabbiliti f’konformità mad-Direttivi 2009/65/KE u 2011/61/UE għandhom ikunu applikabbli għal ksur tal-Artikoli 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament.

KAPITOLU IX

RIEŻAMI

Artikolu 29

Rapporti u rieżami

1.  
Fi żmien 36 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(9), il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-ESMA, tippreżenta rapport dwar l-effettività, l-effiċjenza u l-proporzjonalità tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, flimkien ma’ kwalunkwe proposta xierqa. Dak ir-rapport għandu jinkludi, b’mod partikolari, deskrizzjoni ġenerali tal-obbligi ta’ rapportar simili stipulati f’pajjiżi terzi, filwaqt li jieħu kont tal-ħidma fil-livell internazzjonali. Huwa għandu jiffoka wkoll fuq ir-rapportar ta’ kwalunkwe transazzjoni rilevanti li ma tkunx inkluża fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, filwaqt li jieħu kont ta’ kwalunkwe żvilupp sinifikanti fil-prattiki tas-suq, kif ukoll jiffoka fuq l-impatt possibbli fil-livell tat-trasparenza ta’ operazzjonijiet ta’ finanzjament tat-titoli.

Għall-finijiet tar-rapport msemmi fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha, fi żmien 24 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(9) u kull tliet snin minn hemm ‘il quddiem, jew iktar frekwenti fejn iseħħu żviluppi sinifikanti fil-prattiki tas-suq, għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-effiċjenza tar-rapportar, filwaqt li jittieħed kont tal-adegwatezza ta’ rapportar minn naħa waħda, b’mod partikolari f’termini ta’ kopertura u kwalità tar-rapportar kif ukoll it-tnaqqis fir-rapporti għar-repożitorji tat-transazzjonijiet, u dwar żviluppi sinifikanti fil-prattiki tas-suq b’enfasi fuq transazzjonijiet li għandhom objettiv jew effett ekwivalenti għal SFT.

2.  
Wara t-tlestija tal-ħidma fil-livell internazzjonali u filwaqt li jittieħed kont tagħha, ir-rapporti msemmija fil-paragrafu1 għandhom wkoll jidentifikaw ir-riskji materjali relatati mal-użu ta’ SFTs minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u kumpanniji elenkati u janalizzaw jekk ikunx xieraq li jiġi previst żvelar addizzjonali minn dawk l-entitajiet fir-rapporti perjodiċi tagħhom.
3.  
Sat-13 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-isforzi internazzjonali biex jitnaqqsu r-riskji assoċjati ma’ STFs, inkluż ir-rakkomandazzjonijiet tal-FSB dwar haircuts fuq SFTs ikklerjati mhux ċentralment, u dwar jekk dawk ir-rakkomandazzjonijiet humiex xierqa għas-swieq tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għandha tissottometti dak ir-rapport flimkien ma kwalunkwe proposta xierqa.

Għal dak il-għan, l-ESMA għandha, sat-13 ta’ Ottubru 2016, b’kooperazzjoni mal-EBA u l-BERS u filwaqt li jittieħed kont tal-isforzi internazzjonali, tippreżenta rapport lill-Kummisjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jivvaluta:

(a) 

jekk l-użu ta’ SFTs iwassalx għall-akkumulazzjoni ta’ ingranaġġ sinifikanti li mhuwiex indirizzat minn regolamentazzjoni eżistenti;

(b) 

fejn xieraq, l-opzjonijiet disponibbli biex tiġi indirizzata tali akkumulazzjoni;

(c) 

jekk humiex meħtieġa aktar miżuri biex titnaqqas il-proċikliċità ta’ dak l-ingranaġġ.

Ir-rapport tal-ESMA għandu jqis ukoll l-impatt kwantitattiv fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-FSB.

4.  
Fi żmien 39 xahar mid-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(9) u fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni tar-rapporti aġġornati tal-ESMA kif imsemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-ESMA, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 11 b’mod partikolari dwar jekk it-tariffi li għandhom jiġu imposti fuq ir-repożitorji tat-transazzjonijiet ikunux proporzjonati mal-fatturat tar-repożitorju tat-transazzjonijiet ikkonċernat u jkoprux b’mod sħiħ l-infiq meħtieġ tal-ESMA b’rabta mar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-transazzjonijiet kif ukoll ir-rimborż ta’ kwalunkwe spiża li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta’ ħidma skont dan ir-Regolament b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti skont l-Artikolu 9(1).

Għall-finijiet tar-rapporti tal-Kummissjoni msemmija fl-ewwel subparagrafufi żmien 33 xahar mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(9), u kull tliet snin minn dakinhar ‘il quddiem, jew iktar frekwenti jekk ikunu ġew introdotti bidliet materjali fit-tariffi, l-ESMA għandha tippreżenta rapport lill-Kummissjoni dwar it-tariffi imposti fuq ir-repożitorji tat-transazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Dawk ir-rapporti għandhom mill-inqas jiddeskrivu l-infiq meħtieġ tal-ESMA fir-rigward tar-reġistrazzjoni, ir-rikonoxximent u s-superviżjoni tar-repożitorji tat-transazzjonijiet, l-ispejjeż imġarrba mill-awtoritajiet kompetenti fit-twettiq ta’ ħidma skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari, bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti, kif ukoll it-tariffi imposti fuq ir-repożitorji tat-transazzjonijiet u l-proporzjonalità tagħhom għall-fatturat tar-repożitorji tat-transazzjonijiet.

5.  
Wara li tikkonsulta lill-BERS, l-ESMA għandha tippubblika rapport annwali dwar il-volumi ta’ SFTs aggregati skont it-tip ta’ kontroparti u ta’ transazzjoni abbażi ta’ data rapportata f’konformità mal-Artikolu 4.

KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 30

Eżerċizzju ta’ setgħat delegati

1.  
Is-setgħa tal-adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 2(4) u Artikolu 11(2) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ żmien indeterminat mit-12 ta’ Jannar 2016.
3.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 2(4) u Artikolu 11(2), tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Hi għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data sussegwenti li tkun speċifikata fiha. Din ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.
4.  
Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5.  
Att delegat adottat skont l-Artikolu 2(4) jew l-Artikolu 11(2), għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressal-ebda oġġezzjoni għalih mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi nnotifikat lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn li huma jkunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex ser joġġezzjonaw għalih. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 31

Proċedura ta’ kumitat

1.  
Il-Kummissjoni għandha tiġi megħjuna mill-Kumitat Ewropew tat-Titoli stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE ( 13 ). Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ).
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 32

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 648/2012

Ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 huwa emendat kif ġej:

(1) 

Fl-Artikolu 2, il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(7) 

‘derivattiv OTC’ jew ‘kuntratt tad-derivattiv OTC’ tfisser kuntratt tad-derivattiv li l-eżekuzzjoni tiegħu ma sseħħx f’suq regolat skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE jew f’suq ta’ pajjiż terz ikkunsidrat bħala ekwivalenti għal suq regolat f’konformità mal-Artikolu 2a ta’ dan ir-Regolament;”.

(2) 

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 2a

Deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza għall-finijiet tad-definizzjoni ta’ derivattivi OTC

1.  
Għall-finijiet tal-Artikolu 2(7) ta’ dan ir-Regolament, suq ta’ pajjiż terz għandu jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għal suq regolat fis-sens tal-Artikolu 4(1)(14) tad-Direttiva 2004/39/KE fejn jikkonforma ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III ta’ dik id-Direttiva u jkun soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa, kif determinat mill-Kummissjoni f’konformità mal-proċedura msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.
2.  
Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jiddeterminaw li suq ta’ pajjiż terz jikkonforma ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fit-Titolu III tad-Direttiva 2004/39/KE u jkun soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi f’dak il-pajjiż terz fuq bażi kontinwa għall-finijiet tal-paragrafu 1.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 86(2) ta’ dan ir-Regolament.

3.  
Il-Kummissjoni u l-ESMA għandhom jippubblikaw fis-siti elettroniċi tagħhom lista ta’ dawk is-swieq li għandhom jiġu kkunsidrati bħala ekwivalenti f’konformità mal-att ta’ implimentazzjoni msemmi fil-paragrafu 2. Dik il-lista għandha tiġi aġġornata perjodikament.”.
(3) 

Fl-Artikolu 81, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.  

Ir-repożitorju tat-transazzjonijiet għandu jagħmel disponibbli l-informazzjoni meħtieġa lill-entitajiet li ġejjin biex ikunu jistgħu jwettqu r-responsabbiltajiet u l-mandati rispettivi tagħhom:

(a) 

l-ESMA;

(b) 

l-EBA;

(c) 

l-EIOPA;

(d) 

il-BERS;

(e) 

l-awtorità kompetenti li tissorvelja l-kontropartijiet ċentrali (CCPs) li jkollhom aċċess għar-repożitorju tat-transazzjonijiet;

(f) 

l-awtorità kompetenti li tissorvelja ċ-ċentri tan-negozjar tal-kuntratti rrapportati;

(g) 

il-membri rilevanti tas-SEBĊ, inkluż il-BĊE fit-twettiq tal-kompiti tagħha fi ħdan mekkaniżmu superviżorju uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 ( *1 );

(h) 

l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz li jkunu daħlu fi ftehim internazzjonali mal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 75;

(i) 

l-awtoritajiet superviżorji deżinjati skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *2 );

(j) 

l-awtoritajiet rilevanti tat-titoli u s-swieq tal-Unjoni li r-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji rispettivi tagħhom jkopru l-kuntratti, is-swieq, il-parteċipanti u l-istrumenti sottostanti li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(k) 

l-awtoritajiet rilevanti ta’ pajjiż terz li jkunu daħlu f’arranġament ta’ kooperazzjoni mal-ESMA, kif imsemmi fl-Artikolu 76;

(l) 

l-Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija stabbilita bir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *3 );

(m) 

l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni maħtura skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( *4 );

(n) 

il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014;

(o) 

awtoritajiet kompetenti u awtoritajiet nazzjonali kompetenti skont it-tifsira tar-Regolamenti (UE) Nru 1024/2013 u (UE) Nru 909/2014 u tad-Direttivi 2003/41/KE, 2009/65/KE, 2011/61/UE, 2013/36/UE, u 2014/65/UE, u awtoritajiet superviżorji skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/138/KE;

(p) 

l-awtoritajiet kompetenti maħtura f’konformità mal-Artikolu 10(5) ta’ dan ir-Regolament.

▼M3

Artikolu 32a

Aċċessibbiltà tal-informazzjoni dwar il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew

1.  
Mill-10 ta’ Jannar 2030, meta jippubblikaw kwalunkwe informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament, ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandhom jissottomettu dik l-informazzjoni fl-istess ħin lill-korp ta’ ġbir rilevanti msemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għall-fini li ssir aċċessibbli fuq il-punt ta’ aċċess uniku Ewropew (ESAP) stabbilit skont ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 15 ).

Dik l-informazzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

tiġi sottomessa f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2023/2859 jew, meta jkun meħtieġ mid-dritt tal-Unjoni, f’format li jinqara mill-magni, kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (4), ta’ dak ir-Regolament;

(b) 

tkun akkumpanjata mill-metadata li ġejja:

(i) 

l-ismijiet kollha tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li miegħu hija relatata l-informazzjoni;

(ii) 

l-identifikatur ta’ entità ġuridika tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iii) 

id-daqs tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet skont il-kategorija, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (d), ta’ dak ir-Regolament;

(iv) 

it-tip ta’ informazzjoni, kif klassifikata skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament;

(v) 

indikazzjoni dwar jekk l-informazzjoni tkunx fiha data personali.

2.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-punt (b)(ii), ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandhom jiksbu identifikatur ta’ entità ġuridika.
3.  
Għall-finijiet li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ssir aċċessibbli fuq l-ESAP, il-korp ta’ ġbir kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859 għandu jkun l-ESMA.
4.  
Mill-10 ta’ Jannar 2030, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 22(4), il-punt (b), l-Artikolu 25(3) u l-Artikolu 26(1) u (4) ta’ dan ir-Regolament għandha ssir aċċessibbli fuq l-ESAP. Għal dak il-fini, il-korp ta’ ġbir kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2) tar-Regolament (UE) 2023/2859 għandu jkun l-awtorità kompetenti.

Dik l-informazzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

tiġi sottomessa f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(b) 

tkun akkumpanjata mill-metadata li ġejja:

(i) 

l-ismijiet kollha tal-persuna li miegħu hija relatata l-informazzjoni;

(ii) 

meta jkun disponibbli, l-identifikatur ta’ entità ġuridika tal-persuna, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iii) 

it-tip ta’ informazzjoni, kif klassifikata skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament;

(iv) 

indikazzjoni dwar jekk l-informazzjoni tkunx fiha data personali.

5.  
Mill-10 ta’ Jannar 2030, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 8(3), l-Artikolu 19(8), l-Artikolu 25(1), it-tieni sentenza, u l-Artikolu 25(2), it-tieni sentenza, ta’ dan ir-Regolament għandha ssir aċċessibbli fuq l-ESAP. Għal dak il-fini, il-korp ta’ ġbir kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (2), tar-Regolament (UE) 2023/2859 għandu jkun l-ESMA.

Dik l-informazzjoni għandha tikkonforma mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a) 

tiġi sottomessa f’format li minnu tista’ tiġi estratta d-data kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (3), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(b) 

tkun akkumpanjata mill-metadata li ġejja:

(i) 

l-ismijiet kollha tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet li miegħu hija relatata l-informazzjoni;

(ii) 

meta jkun disponibbli, l-identifikatur tar-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, kif speċifikat skont l-Artikolu 7(4), il-punt (b), tar-Regolament (UE) 2023/2859;

(iii) 

it-tip ta’ informazzjoni, kif klassifikata skont l-Artikolu 7(4), il-punt (c), ta’ dak ir-Regolament;

(iv) 

indikazzjoni dwar jekk l-informazzjoni tkunx fiha data personali.

6.  

Għall-fini li jiġu żgurati l-ġbir u l-amministrazzjoni effiċjenti tal-informazzjoni sottomessa f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tispeċifika:

(a) 

kwalunkwe metadata oħra li għandha takkumpanja l-informazzjoni;

(b) 

l-istruttura tad-data fl-informazzjoni;

(c) 

għal liema informazzjoni huwa meħtieġ format li jinqara mill-magni u, f’tali każijiet, liema format li jinqara mill-magni għandu jintuża.

Għall-finijiet tal-punt (c), l-ESMA għandha tivvaluta l-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ formati differenti li jinqraw mill-magni u twettaq testijiet xierqa fuq il-post għal dak il-fini.

L-ESMA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni.

Is-setgħa ta’ adozzjoni tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu hija mogħtija lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.  
Meta jkun meħtieġ, l-ESMA għandha tadotta linji gwida biex tiżgura li l-metadata sottomessa f’konformità mal-paragrafu 6, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), hija korretta.

▼B

Artikolu 33

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.  
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.  

Dan ir-Regolament għandu japplika mit-12 ta’ Jannar 2016, bl-eċċezzjoni ta’:

(a) 

l-Artikolu 4(1), li għandu japplika:

(i) 

12-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(9) għall-kontropartijiet finanzjarji kif imsemmi fil-punti (3)(a) u (b) tal-Artikolu 3 u l-entitajiet ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-punt (3)(i) tal-Artikolu 3 li jirrikjedi awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f’konformità mal-leġislazzjoni msemmija fil-punti (3)(a) u (b) tal-Artikolu 3 jekk ikunu stabbiliti fl-Unjoni;

(ii) 

15-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(9) għall-kontropartijiet finanzjarji kif imsemmi fil-punti (3)(g) u (h) tal-Artikolu 3 u l-entitajiet ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-punt (3)(i) tal-Artikolu 3 li jirrikjedi awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f’konformità mal-leġislazzjoni msemmija fil-punti (3)(g) u (h) tal-Artikolu 3 jekk ikunu stabbiliti fl-Unjoni;

(iii) 

18-il xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(9) għall-kontropartijiet finanzjarji kif imsemmi fil-punti (3)(c) sa (f) tal-Artikolu 3 u l-entitajiet ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-punt (3)(i) tal-Artikolu 3 li jirrikjedi awtorizzazzjoni jew reġistrazzjoni f’konformità mal-leġislazzjoni msemmija fil-punti (3)(c) sa (f) tal-Artikolu 3 jekk ikunu stabbiliti fl-Unjoni;

(iv) 

21 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-att delegat adottat mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(9) għall-kontropartijiet mhux finanzjarji;

(b) 

l-Artikolu 13, li għandu japplika mit-13 ta’ Jannar 2017;

(c) 

l-Artikolu 14, li għandu japplika mit-13 ta’ Lulju 2017 fil-każ ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv soġġetti għad-Direttiva 2009/65/KE jew id-Direttiva 2011/61/UE li ġew ikkostitwiti qabel it-12 ta’ Jannar 2016;

(d) 

l-Artikolu 15, li għandu japplika mit-13 ta’ Lulju 2016, li jinkludi għall-arranġamenti kollaterali li jkunu jeżistu f’dik id-data.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Taqsima A —    Informazzjoni li għandha tingħata fir-rapporti ta’ kull sitt xhur u f’dawk annwali tal-UCITS u r-rapport annwali tal-AIF

Data globali:

— 
L-ammont ta’ titoli u komoditajiet b’self bħala proporzjon tat-total tal-assi li jissellfu ddefinit bħala li ma jinkludux flus kontanti u ekwivalenti ta’ flus kontanti;
— 
L-ammont ta’ assi involuti f’kull tip ta’ SFT u swaps tar-redditu totali espressi bħala ammont assolut (fil-munita tal-impriża ta’ investiment kollettiv) u bħala proporzjon tal-assi tal-impriża ta’ investiment kollettiv mmaniġġjati (AUM)

Data ta’ konċentrazzjoni:

— 
L-għaxar l-akbar emittenti tal-kollateral fl-SFTs u s-swaps tar-redditu totali kollha (disaggregazzjoni ta’ volumi tat-titoli kollaterali u komoditajiet riċevuti skont l-isem tal-emittent)
— 
L-ewwel 10 kontropartijiet ta’ kull tip ta’ SFTs u swaps tar-redditu totali separatament (Isem tal-kontroparti u l-volum gross ta’ transazzjonijiet pendenti)

Data ta’ transazzjoni aggregata għal kull tip ta’ SFT u swaps tar-redditu totali b’mod separat li għandha tiġi disaggregata skont il-kategoriji ta’ hawn taħt:

— 
Tip u kwalità ta’ kollateral;
— 
Perijodu ta’ maturità tal-kollateral disaggregat fil-meded ta’ maturità li ġejjin: anqas minn jum, minn jum sa ġimgħa, minn ġimgħa sa xahar, minn xahar sa tliet xhur, minn tliet xhur sa sena, aktar minn sena, maturità bla limitu;
— 
Munita tal-kollateral;
— 
Perijodu ta’ maturità tal-SFTs u s-swaps tar-redditu totali disaggregat fil-meded ta’ maturità li ġejjin: anqas minn jum, minn jum sa ġimgħa, minn ġimgħa sa xahar, minn xahar sa tliet xhur, minn tliet xhur sa sena, aktar minn sena, transazzjonijiet bla żmien;
— 
Pajjiż li fih ikunu stabbiliti l-kontropartijiet;
— 
Riżoluzzjoni u kklerjar, (eż., tliet partijiet, Kontroparti Ċentrali, bilaterali).

Data dwar l-użu mill-ġdid ta’ kollateral:

— 
Proporzjon ta’ kollateral riċevut li jintuża mill-ġdid, imqabbel mal-ammont massimu speċifikat fil-prospett jew fl-iżvelar lil investituri;
— 
Ir-redditu fuq l-investiment mill-ġdid tal-kollateral fi flus kontanti għall-impriża ta’ investiment kollettiv.

Salvagwardja ta’ kollateral riċevut mill-impriża ta’ investiment kollettiv bħala parti mill-SFTs u s-swaps tar-redditu totali:

Numru u ismijiet ta’ kustodji u l-ammont ta’ assi kollaterali salvagwardati minn kull wieħed mill-kustodji

Salvagwardja ta’ kollateral mogħti mill-impriża ta’ investiment kollettiv bħala parti mill-SFTs u s-swaps tar-redditu totali:

Il-proporzjon ta’ kollateral miżmum f’kontijiet segregati jew f’kontijiet akkomunati, jew fi kwalunkwe kont ieħor

Data dwar ir-redditu u l-ispiża għal kull tip ta’ SFTs u swaps tar-redditu totali diżaggregati bejn l-impriża ta’ investiment kollettiv, il-maniġer ta’ impriża ta’ investiment kollettiv u partijiet terzi (eż. aġent mutwanti) f’termini assoluti u bħala perċentwali tar-redditi ġenerali ġġenerati minn dak it-tip ta’ SFTs u swaps tar-redditu totali

Taqsima B –    Informazzjoni li għandha tiġi inkluża fi prospett tal-UCITS u l-iżvelar lill-investituri tal-AIF:

— 
Deskrizzjoni ġenerali tal-SFTs u s-swaps tar-redditu totali użati mill-impriża ta’ investiment kollettiv u r-raġuni għall-użu tagħhom.
— 
Data ġenerali li għandha tiġi rrappurtata għal kull tip ta’ SFTs u swaps tar-redditu totali
— 
Tipi ta’ assi li jistgħu jkunu soġġetti għalihom
— 
Proporzjon massimu ta’ AUM li jistgħu jkunu soġġetti għalihom
— 
Proporzjon mistenni ta’ AUM li ser ikun soġġett għal kull wieħed minnhom.
— 
Kriterji użati biex jintgħażlu l-kontropartijiet (inkluż l-istatus legali, il-pajjiż ta’ oriġini, il-klassifikazzjoni minima tal-kreditu).
— 
Kollateral aċċettabbli: deskrizzjoni ta’ kollateral aċċettabbli fir-rigward tat-tipi ta’ assi, l-emittent, il-maturità, il-likwidità kif ukoll id-diversifikazzjoni tal-kollateral u l-politiki ta’ korrelazzjoni.
— 
Valutazzjoni tal-kollateral: deskrizzjoni tal-metodoloġija ta’ valutazzjoni tal-kollateral użata u r-raġuni għaliha, u jekk jintużawx rivalutazzjoni ta’ kuljum u marġni ta’ varjazzjoni ta’ kuljum.
— 
Immaniġġjar tar-riskju: deskrizzjoni tar-riskji marbuta mal-SFTs u s-swaps tar-redditu totali, kif ukoll ir-riskji marbuta mal-immaniġġar tal-kollateral, bħal riskji operazzjonali, riskji tal-likwidità, tal-kontroparti, ta’ kustodja u riskji legali kif ukoll, fejn applikabbli, ir-riskji li jirriżultaw mill-użu mill-ġdid.
— 
Speċifikazzjoni ta’ kif l-assi soġġetti għall-SFTs u s-swaps tar-redditu totali u l-kollateral riċevut jiġu salvagwardati (eż. għand kustodju tal-fondi).
— 
Speċifikazzjoni ta’ kwalunkwe restrizzjoni (regolatorja jew awtoimposta) fuq l-użu mill-ġdid tal-kollateral.
— 
Politika dwar il-kondiviżjoni tar-redditu mill-SFTs u s-swaps tar-redditu totali: deskrizzjoni tal-proporzjonijiet tal-introjtu ġġenerat mill-SFTs u s-swaps tar-redditu totali li jerġa’ jmur lura fl-impriża ta’ investiment kollettiv, u tal-ispejjeż u t-tariffi assenjati lill-maniġer jew partijiet terzi (eż. aġent mutwanti). Il-prospett jew l-iżvelar lill-investituri għandu jindika wkoll jekk dawn il-partijiet humiex relatati mal-maniġer.



( 1 ) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( 2 ) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

( 3 ) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

( 4 ) Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l- attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).

( 5 ) Regolament (UE) Nru 909/2014 tal-Parlament Ewropew tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar titjib fis-saldu tat-titoli fl-Unjoni Ewropea u dwar depożitorji ċentrali tat-titoli u li jemenda d-Direttivi 98/26/KE u 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 236/2012 (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 1).

( 6 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1287/2006 tal-10 ta’ Awwissu 2006 li jimplimenta d-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-obbligi tad-ditti ta’ investiment li jżommu r-reġistri, ir-rapportaġġ tat-transazzjonijiet, it-trasparenza tas-suq, l-ammissjoni tal-istrumenti finanzjarji għan-negozjar, u t-termini ddefiniti għall-finijiet ta’ dik id-Direttiva (ĠU L 241, 2.9.2006, p. 1).

( 7 ) Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

( 8 ) Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).

( 9 ) Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

( 10 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).

( 11 ) Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).

( 12 ) Ir-Regolament (EU) 2021/23 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 648/2012, (UE) Nru 600/2014, (UE) Nru 806/2014 u (UE) 2015/2365 u d-Direttivi 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2007/36/KE, 2014/59/UE u (UE) 2017/1132 (ĠU L 022, 22.1.2021, p. 1).

( 13 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE tas-6 ta’ Ġunju 2001 li tistabbilixxi l-Kumitat tat-Titoli Ewropej (ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45).

( 14 ) Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

( *1 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

( *2 ) Id-Direttiva 2004/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 fuq offerti ta’ xiri (ĠU L 142, 30.4.2004, p. 12).

( *3 ) Ir-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Koperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1).

( *4 ) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).”

( 15 ) Ir-Regolament (UE) 2023/2859 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2023 li jistabbilixxi punt ta’ aċċess uniku Ewropew li jipprovdi aċċess ċentralizzat għall-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku ta’ rilevanza għas-servizzi finanzjarji, għas-swieq kapitali u għas-sostenibbiltà (ĠU L, 2023/2859, 20.12.2023, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2023/2859/oj).