02015R0847 — MT — 01.01.2020 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT (UE) 2015/847 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta' Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141 5.6.2015, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT (UE) 2019/2175 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Diċembru 2019 |
L 334 |
1 |
27.12.2019 |
|
REGOLAMENT (UE) 2015/847 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-20 ta' Mejju 2015
dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
SUĠĠETT, KAMP TA' APPLIKAZZJONI U DEFINIZZJONIJIET
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dwar l-informazzjoni dwar pagaturi u benefiċjarji, li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi, fi kwalunkwe munita, għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-individwazzjoni u l-investigazzjoni ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu, fejn tal-inqas wieħed mill-fornituri tas-servizzi ta' pagament involut fit-trasferiment ta' fondi jkun stabbilit fl-Unjoni.
Artikolu 2
Kamp ta' applikazzjoni
1. Dan ir-Regolament għandu japplika għal trasferimenti ta' fondi, fi kwalunkwe munita, li jintbagħtu jew li jiġu riċevuti minn fornitur tas-servizzi ta' pagament jew fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament stabbilit fl-Unjoni.
2. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għas-servizzi elenkati fil-punti (a) sa (m) u (o) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/64/KE.
3. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal trasferiment ta' fondi li jsir permezz ta' kard tal-ħlas, strument ta' flus elettroniċi jew telefon ċellulari, jew kwalunkwe apparat diġitali jew apparat tal-IT ieħor b'karatteristiċi simili li huwa mħallas minn qabel jew li jitħallas wara, fejn ikunu ġew sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
dik il-kard, l-istrument jew l-apparat jintuża esklużivament biex jitħallsu prodotti jew servizzi; u
in-numru ta' dik l-kard, l-istrument jew l-apparat jakkumpanja t-trasferimenti kollha li joħorġu minn din it-transazzjoni.
Madankollu, dan ir-Regolament għandu japplika fejn kard tal-ħlas, strument ta' flus elettroniċi jew telefon ċellulari, jew kwalunkwe apparat diġitali jew apparat tal-IT ieħor b'karatteristiċi simili li huwa mħallas minn qabel jew li jitħallas wara jintuża sabiex jiġi effettwat trasferiment ta' fondi minn persuna għal oħra.
4. Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal persuni li m'għandhom ebda attività għajr li jaqilbu dokumenti stampati f'data elettronika u li jagħmlu dan bis-saħħa ta' kuntratt ma' fornitur tas-servizzi ta' pagament, jew għal persuni li m'għandhom ebda attività għajr li jipprovdu lill-fornituri tas-servizzi ta' pagament messaġġi jew sistemi oħra ta' appoġġ għat-trażmissjoni ta' fondi jew sistemi ta' kklerjar u ta' saldu.
Dan ir-Regolament ma għandux japplika għal trasferimenti ta' fondi:
li jinvolvu li l-pagatur jiġbed flus mill-kont tal-pagamenti tal-pagatur stess;
fejn il-fondi huma ttrasferiti lil awtorità pubblika bħala pagament għal taxxi, multi jew imposti oħra fi Stat Membru;
fejn kemm il-pagatur kif ukoll il-benefiċjarju jkunu fornituri tas-servizzi ta' pagament li jaġixxu f'isimhom stess;
li jsiru permezz ta' skambji elettroniċi ta' immaġni diġitali ta' ċekkijiet, inklużi truncated cheques.
5. Stat Membru jista' jiddeċiedi li ma japplikax dan ir-Regolament għal trasferimenti ta' fondi fit-territorju tiegħu f'kont tal-pagamenti ta' benefiċjarju li jippermetti pagament esklużivament għall-provvista ta' prodotti jew servizzi fejn jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkun soġġett għad-Direttiva (UE) 2015/849;
il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkun jista' jittraċċa lura, permezz tal-benefiċjarju, bl-użu ta' identifikatur uniku tat-transazzjoni, it-trasferiment ta' fondi mill-persuna li jkollha ftehim mal-benefiċjarju għall-forniment ta' prodotti jew servizzi;
l-ammont tat-trasferiment ta' fondi ma jeċċedix EUR 1 000 .
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“finanzjament tat-terroriżmu” tfisser finanzjament tat-terroriżmu kif definit fl-Artikolu 1(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849;
“ħasil ta' flus” tfisser l-attivitajiet ta' ħasil ta' flus imsemmija fl-Artikolu 1(3) u (4) tad-Direttiva (UE) 2015/849;
“pagatur” tfisser persuna li jkollha kont tal-pagamenti u tippermetti trasferiment ta' flus minn dak il-kont tal-pagamenti, jew, fejn ma jkun hemm ebda kont tal-pagamenti, li tagħti ordni għat-trasferiment ta' fondi;
“benefiċjarju” tfisser persuna li tkun ir-riċevitur previst tat-trasferiment ta' fondi;
“fornitur tas-servizzi ta' pagament” tfisser il-kategoriji ta' fornitur tas-servizzi ta' pagament imsemmijin fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2007/64/KE, persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni msemmija fl-Artikolu 26 tagħha u persuni ġuridiċi li jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), li jipprovdu servizzi għat-trasferiment ta' fondi;
“fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament” tfisser fornitur tas-servizzi ta' pagament, li ma jkunx il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew tal-benefiċjarju u li jirċievi u jittrażmetti trasferiment ta' fondi f'isem il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew tal-benefiċjarju, jew ta' fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament ieħor;
“kont tal-pagamenti” tfisser kont tal-pagamenti kif definit fil-punt (14) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;
“fondi” tfisser fondi kif definiti fil-punt (15) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;
“trasferiment ta' fondi” tfisser kwalunkwe transazzjoni li tal-inqas ssir parzjalment b'mezzi elettroniċi f'isem pagatur permezz ta' fornitur tas-servizzi ta' pagament, bil-għan li l-fondi jkunu disponibbli għal benefiċjarju permezz ta' fornitur tas-servizzi ta' pagament, irrispettivament jekk il-pagatur u l-benefiċjarju humiex l-istess persuna u irrispettivament minn jekk il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur u dak tal-benefiċjarju humiex l-istess, inklużi:
trasferiment ta' kreditu kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012;
debitu dirett kif definit fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 260/2012;
ħlas ta' flus kif definit fil-punt (13) tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2007/64/KE;
trasferiment li jsir bl-użu ta' kard tal-ħlas, strument ta' flus elettroniċi, jew telefon ċellulari, jew kwalunkwe apparat diġitali jew apparat tal-IT ieħor b'karatteristiċi simili mħallas minn qabel jew li jitħallas wara;
“trasferiment ta' lott skedat” tfisser pakkett ta' diversi trasferimenti individwali ta' fondi li nġabru flimkien għal trażmissjoni;
“identifikatur uniku tat-transazzjoni” tfisser kumbinazzjoni ta' ittri, numri jew simboli stabbiliti mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament, f'konformità mal-protokolli tas-sistemi ta' pagament u saldu jew sistemi ta' messaġġi użati għat-trasferiment ta' fondi, li tippermetti t-traċċabbiltà tat-transazzjoni lura lill-pagatur u lill-benefiċjarju;
“trasferiment ta' fondi minn persuna għal oħra” tfisser transazzjoni bejn persuni fiżiċi li jaġixxu, bħala konsumaturi, għal skopijiet oħra għajr il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni.
KAPITOLU II
OBBLIGI TAL-FORNITURI TA' SERVIZZI TA' PAGAMENT
TAQSIMA 1
Obbligi tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-pagatur
Artikolu 4
Informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi
1. Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jiżgura li t-trasferimenti ta' fondi jkunu akkumpanjati mill-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur:
l-isem tal-pagatur;
in-numru tal-kont tal-pagamenti tal-pagatur; u
l-indirizz tal-pagatur, in-numru tad-dokument uffiċjali personali, in-numru ta' identifikazzjoni tiegħu bħala klijent jew id-data u l-post tat-twelid tiegħu.
2. Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jiżgura li t-trasferimenti ta' fondi jkunu akkumpanjati mill-informazzjoni li ġejja dwar il-benefiċjarju:
l-isem tal-benefiċjarju; u
in-numru tal-kont tal-pagamenti tal-benefiċjarju.
3. B'deroga mill-punt (b) tal-paragrafu 1 u mill-punt (b) tal-paragrafu 2, fil-każ ta' trasferiment mhux magħmul minn jew lil kont tal-pagamenti, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jiżgura li t-trasferiment ta' fondi jkun akkumpanjat minn identifikatur uniku tat-transazzjoni minflok in-numru/i tal-kont(ijiet) tal-pagamenti.
4. Qabel jittrasferixxi fondi, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 abbażi tad-dokumenti, tad-data u tal-informazzjoni miksuba minn sors affidabbli u indipendenti.
5. Il-verifika kif msemmija fil-paragrafu 4 għandha titqies li tkun saret fejn:
l-identità ta' pagatur tkun ġiet ivverifikata f'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-informazzjoni miksuba bis-saħħa ta' dik il-verifika tkun ġiet reġistrata f'konformità mal-Artikolu 40 ta' dik id-Direttiva; jew
l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 ikun japplika għall-pagatur.
6. Mingħajr preġudizzju għad-derogi previsti fl-Artikoli 5 u 6, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ma għandu jeżegwixxi ebda trasferiment ta' fondi qabel ma jiżgura konformità sħiħa ma' dan l-Artikolu.
Artikolu 5
Trasferimenti ta' fondi fl-Unjoni
1. B'deroga mill-Artikolu 4(1) u (2), fejn il-fornituri tas-servizzi ta' pagament kollha involuti fil-katina tal-pagamenti huma stabbiliti fl-Unjoni, it-trasferimenti ta' fondi għandhom ikunu akkumpanjati tal-inqas min-numru tal-kont tal-pagamenti kemm tal-pagatur kif ukoll tal-benefiċjarju jew, fejn ikun japplika l-Artikolu 4(3), mill-identifikatur uniku tat-transazzjoni, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti tal-informazzjoni stipulati fir-Regolament (UE) Nru 260/2012 fejn applikabbli.
2. Minkejja l-paragrafu 1, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur għandu, fi żmien tlett ijiem ta' xogħol minn meta jirċievi talba għall-informazzjoni mill-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jew il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament, jagħmel disponibbli dawnli ġejjin:
għal trasferimenti ta' fondi li jaqbżu l-EUR 1 000 , kemm jekk it-trasferimenti jsiru fi transazjoni waħda kif ukoll jekk isiru f'diversi transazzjonijiet li jkunu jidhru marbutin, l-informazzjoni dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju f'konformità mal-Artikolu 4;
għal trasferimenti ta' fondi li ma jaqbżux l-EUR 1 000 u li ma jidhrux li huma marbuta ma' trasferimenti oħra ta' fondi li, flimkien mat-trasferiment inkwistjoni, jaqbżu l-EUR 1 000 , tal-inqas
l-isem tal-pagatur u l-isem tal-benefiċjarju, u
in-numri tal-kont tal-pagamenti kemm tal-pagatur kif ukoll tal-benefiċjarju jew, fejn ikun japplika l-Artikolu 4(3), l-identifikatur uniku tat-transazzjoni.
3. B'deroga mill-Artikolu 4(4), fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi msemmija fil-paragrafu 2(b) ta' dan l-Artikolu, il-fornitur ta' servizzi ta' pagament ta' min iħallas mhuwiex meħtieġ li jivverifika l-informazzjoni dwar il-pagatur sakemm il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju:
ma jkunx irċieva l-fondi li għandhom jiġu trasferiti fi flus jew fi flus elettroniċi anonimi; jew
ma jkollux raġunijiet raġonevoli għal suspett ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.
Artikolu 6
Trasferimenti ta' fondi 'l barra mill-Unjoni
1. Fil-każ ta' trasferiment ta' lott skedat minn pagatur uniku fejn il-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarji jinsabu barra l-Unjoni, l-Artikolu 4(1) ma għandux japplika għat-trasferimenti individwali miġbura flimkien fih, sakemm il-lott skedat ikun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), (2) u (3), dik l-informazzjoni tkun ġiet ivverifikata f'konformità mal-Artikolu 4(4) u (5), u sakemm it-trasferimenti individwali jkollhom in-numru tal-kont tal-pagamenti tal-pagatur jew, fejn ikun japplika l-Artikolu 4(3), l-identifikatur uniku tat-transazzjoni.
2. B'deroga mill-Artikolu 4(1), u, fejn applikabbli, mingħajr preġudizzju għall-informazzjoni meħtieġa f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 260/2012, fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jkun stabbilit barra l-Unjoni, it-trasferimenti ta' fondi li ma jaqbżux l-EUR 1 000 li ma jidhrux li huma marbuta ma' trasferimenti oħra ta' fondi li, flimkien mat-trasferiment inkwistjoni, jaqbżu l-EUR 1 000 , għandhom ikunu akkumpanjati minn tal-anqas:
l-isem tal-pagatur u l-isem tal-benefiċjarju; u
in-numri tal-kont tal-pagamenti kemm tal-pagatur kif ukoll tal-benefiċjarju jew, fejn ikun japplika l-Artikolu 4(3), l-identifikatur uniku tat-transazzjoni.
B'deroga mill-Artikolu 4(4), mhuwiex meħtieġ li l-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju mhuwiex meħtieġ li jivverifika l-informazzjoni dwar il-pagatur imsemmija f'dan il-paragrafu, sakemm il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju:
ma jkunx irċieva l-fondi li għandhom jiġu trasferiti fi flus jew fi flus elettroniċi anonimi; jew
ma jkollux raġunijiet raġonevoli għal suspett ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.
TAQSIMA 2
Obbligi tal-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju
Artikolu 7
Individwazzjoni ta' informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju
1. Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jimplimenta proċeduri effettivi biex jindividwa jekk is-segmenti li jirrigwardaw l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju fis-sistema ta' messaġġi jew ta' pagamenti u saldu li tintuża sabiex isir it-trasferiment ta' fondi jkunux imtlew bl-użu tal-karattri jew inputs ammissibbli skont il-prattika ta' dik is-sistema.
2. Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jimplimenta proċeduri effettivi, inkluż, fejn adatt, monitoraġġ ex post jew monitoraġġ f'ħin reali, sabiex jindividwa jekk l-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju tkunx nieqsa:
għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun jinsab fl-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;
għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra l-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2);
għal trasferimenti ta' lottijiet skedati fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur ikun stabbilit barra l-Unjoni l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) fir-rigward ta' dak it-trasferiment ta' lott skedat.
3. Fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi li jaqbżu l-EUR 1 000 , kemm jekk dawk it-trasferimenti jsiru fi transazzjoni waħda kif ukoll jekk isiru f'diversi transazzjonijiet li jidhru marbutin, qabel ma jikkredita l-kont tal-pagamenti tal-benefiċjarju jew ma jagħmel il-fondi disponibbli għall-benefiċjarju, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarju msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu abbażi ta' dokumenti, data jew informazzjoni miksuba minn sors affidabbli u indipendenti, mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 69 u 70 tad-Direttiva 2007/64/KE.
4. Fil-każ ta' trasferimenti ta' fondi li jaqbżu l-EUR 1 000 li ma jidhrux li huma marbuta ma' trasferimenti oħra ta' fondi li, flimkien mat-trasferiment inkwistjoni, jaqbżu l-EUR 1 000 , mhuwiex meħtieġ li l-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju mhuwiex meħtieġ jivverifika l-eżattezza tal-informazzjoni dwar il-pagatur, sakemm il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju:
ma jħallasx l-fondi fi flus kontanti jew fi flus elettroniċi anonimi; jew
ma jkollux raġunijiet raġonevoli għal suspett ta' ħasil tal-flus jew ta' finanzjament tat-terroriżmu.
5. Il-verifika kif imsemmija fil-paragrafi 3 u 4 għandha titqies li tkun saret fejn:
l-identità ta' benefiċjarju tkun ġiet ivverifikata f'konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-informazzjoni miksuba bis-saħħa ta' din il-verifika tkun ġiet irreġistrata f'konformità mal-Artikolu 40 ta' dik id-Direttiva; jew
l-Artikolu 14(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 japplika għall-benefiċjarju.
Artikolu 8
Trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju
1. Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jimplimenta proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju, inkluż proċeduri bbażati fuq bażi ta' sensittività għar--riskji msemmija fl-Artikolu 13 tad-Direttiva (UE) 2015/849, biex jiġi determinat jekk għandux jiġi eżegwit, irrifjutat jew sospiż trasferiment ta' fondi li ma jkollux l-informazzjoni kompleta meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju u biex tittieħed l-azzjoni ta' segwitu adatta.
Fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju isir konxju, meta jirċievi trasferiment ta' fondi, li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) jew (2), l-Artikolu 5(1) jew l-Artikolu 6 hija nieqsa jew ma mtlietx bl-użu tal-karattri jew l-inputs ammissibbli skont il-prattika tas-sistema ta' messaġġi jew ta' pagamenti u saldu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1), il-fornitur ta' servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu, jew jirrifjuta t-trasferiment jew inkella jitlob informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju, qabel jew wara li jikkredita l-kont tal-pagamenti tal-benefiċjarju jew jagħmel disponibbli l-fondi lill-benefiċjarju, abbażi tal-perċezzjoni tar-riskju.
2. Fejn fornitur tas-servizzi ta' pagament jonqos ripetutament milli jipprovdi kwalunkwe element mill-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jieħu passi, li jistgħu jinkludu inizjalment l-għoti ta' twissijiet u l-istipular ta' skadenzi, qabel li jew jirrifjuta kwalunkwe trasferiment futur ta' fondi mingħand dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament, jew jirrestrinġi jew itemm ir-relazzjoni ta' negozju tiegħu ma' dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament.
Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jirrapporta dak in-nuqqas u l-passi meħudin, lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Artikolu 9
Valutazzjoni u rapportar
Il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jikkunsidra informazzjoni nieqsa jew mhux kompleta dwar il-pagatur u l-benefiċjarju bħala fattur fil-valutazzjoni ta' jekk it-trasferiment ta' fondi, jew kwalunkwe transazzjoni relatata, hijiex suspettuża, u jekk għandhiex tiġi rappurtata lill-Unità tal-Intelligence Finanzjarja (UIF) stabbilita skont id-Direttiva (UE) 2015/849.
TAQSIMA 3
L-obbligi ta' fornituri intermedjarji ta' servizzi ta' pagament
Artikolu 10
Żamma ta' informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju mat-trasferiment
Il-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament jiżguraw li l-informazzjoni kollha li jirċievu dwar il-pagatur li takkumpanja t-trasferimenti ta' fondi tinżamm mat-trasferiment.
Artikolu 11
Individwazzjoni ta' informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju
1. Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jimplimenta proċeduri effettivi biex jindividwa jekk is-segmenti li jirrigwardaw l-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju fis-sistema ta' messaġġi jew fis-sistema ta' pagament u saldu li tintuża sabiex isir it-trasferiment ta' fondi, ikunux imtlew bl-użu tal-karattri jew inputs ammissibbli skont il-konvenzjonijiet ta' dik is-sistema.
2. Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jimplimenta proċeduri effettivi, inkluż, fejn adatt, monitoraġġ ex post jew monitoraġġ f'ħin reali, sabiex jindividwa jekk l-informazzjoni li ġejja dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju tkunx nieqsa:
għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur u l-benefiċjarju jkunu jinsabu fl-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 5;
għal trasferimenti ta' fondi fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew il-benefiċjarju jkun stabbilit barra l-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2);
għal trasferimenti ta' lottijiet skedati fejn il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur jew tal-benefiċjarju jkun stabbilit barra l-Unjoni, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) u (2) rigward dak it-trasferiment ta' lott skedat.
Artikolu 12
Trasferimenti ta' fondi b'informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju
1. Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jistabbilixxi proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju li jiddeterminaw jekk jiġix eżegwit, irrifjutat jew sospiż trasferiment ta' fondi minħabba nuqqas ta' informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju u biex tittieħed l-azzjoni ta' segwitu adatta.
Fejn il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju jinduna, meta jirċievi trasferiment ta' fondi, li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1) jew (2), l-Artikolu 5(1) jew l-Artikolu 6 hija nieqsa jew li ma mtlietx bl-użu tal-karattri jew l-inputs ammissibbli skont il-prattika tas-sistema ta' messaġġi jew ta' pagamenti u saldu, kif imsemmi fl-Artikolu 7(1) dan għandu jirrifjuta t-trasferiment jew jitlob għall-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur u l-benefiċjarju qabel jew wara t-trażmissjoni tat-trasferiment tal-fondi, abbażi tas-sensittività għar-riskji.
2. Fejn fornitur tas-servizzi ta' pagament jonqos ripetutament milli jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju, il-fornitur tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jieħu passi, li għall-ewwel jistgħu jinkludu l-ħruġ ta' twissijiet u l-istabbiliment ta' skadenzi, qabel ma jirrifjuta kwalunkwe trasferimenti futuri ta' fondi mingħand dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew jirrestrinġi jew itemm ir-relazzjoni ta' negozju tiegħu ma' dak il-fornitur tas-servizzi ta' pagament jew le.
Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament tal-benefiċjarju għandu jirrapporta dak in-nuqqas u l-passi meħudin, lill-awtorità kompetenti responsabbli mill-monitoraġġ tal-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
Artikolu 13
Valutazzjoni u Rapportar
Il-fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament għandu jikkunsidra informazzjoni nieqsa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju bħala fattur meta jivvaluta jekk it-trasferiment ta' fondi, jew kwalunkwe transazzjoni relatata, huwiex suspettuż, u jekk dan għandux jiġi rappurtat lill-UIF skont id-Direttiva (UE) 2015/849.
KAPITOLU III
INFORMAZZJONI, PROTEZZJONI TAD-DATA U ŻAMMA TAR-REKORDS
Artikolu 14
Għoti ta' informazzjoni
Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jirrispondu b'mod sħiħ u mingħajr dewmien, inkluż permezz ta' punt ta' kuntatt ċentrali f'konformità mal-Artikolu 45(9) tad-Direttiva (UE) 2015/849, fejn ikun inħatar punt ta' kuntatt, u f'konformità mar-rekwiżiti proċedurali stipulati fil-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li jinsabu fih, esklużivament għall-mistoqsijiet mill-awtoritajiet responsabbli għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu ta' dak l-Istat Membru dwar l-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament.
Artikolu 15
Protezzjoni tad-data
1. L-ipproċessar ta’ data personali taħt dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ). Id-data personali li tiġi pproċessata skont dan ir-Regolament mill-Kummissjoni jew mill-EBA hija soġġetta għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ).
2. Id-data personali għandha tiġi pproċessata mill-fornituri tas-servizzi ta' pagament abbażi ta' dan ir-Regolament għall-finijiet biss tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b'mod li huwa inkompatibbli ma' dawk il-finijiet. L-ipproċessar tad-data personali abbażi ta' dan ir-Regolament għal finijiet kummerċjali għandu jkun ipprojbit.
3. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jipprovdu lill-klijenti l-ġodda bl-informazzjoni rikjesta skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva 95/46/KE qabel ma jistabbilixxu relazzjoni ta' negozju jew iwettqu transazzjoni okkażjonali. Din l-informazzjoni għandha, b'mod partikolari, tinkludi avviż ġenerali dwar l-obbligi legali tal-entitajiet obbligati skont din id-Direttiva meta jipproċessaw id-data personali għall-finijiet tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.
4. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li tiġi osservata l-kunfidenzjalità tad-data pproċessata.
Artikolu 16
Żamma ta' rekords
1. L-informazzjoni dwar il-pagatur u l-benefiċjarju m'għandhiex tinżamm għal aktar milli strettament meħtieġ. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament tal-pagatur u tal-benefiċjarju u l-fornituri intermedjarji tas-servizzi ta' pagament għandhom iżommu rekords tal-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 4 sa 7 għal perjodu ta' ħames snin.
2. Mal-iskadenza tal-perijodu ta' żamma msemmija fil-paragrafu 1, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament għandhom jiżguraw li d-data personali titħassar, sakemm il-liġi nazzjonali ma tipprevedix mod ieħor, li tiddetermina taħt liema ċirkostanzi l-fornituri tas-servizzi ta' pagament jistgħu jew għandhom iżommu ulterjorment id-data. L-Istati Membri jistgħu jippermettu jew jeħtieġu żamma ulterjuri biss wara li jkunu wettqu evalwazzjoni bir-reqqa tan-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali żamma ulterjuri, u fejn huma jikkunsidrawha ġustifikata bħala neċessarja għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni jew l-investigazzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. Dak il-perijodu ta' żamma ulterjuri ma għandux jaqbeż ħames snin.
3. Fejn, fil-25 ta' Ġunju 2015, il-proċedimenti legali marbuta mal-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' suspett ta' ħasil tal-flus u finanzjament tat-terroriżmu huma pendenti fi Stat Membru, u l-fornitur tas-servizzi ta' pagament iżomm informazzjoni jew dokumenti dwar dawn il-proċeduri pendenti, il-fornituri tas-servizzi ta' pagament jista' jżomm dik informazzjoni jew dawk id-dokumenti f'konformità mal-liġi nazzjonali għal perijodu ta' ħames snin mill-25 ta' Ġunju 2015. L-Istati Membri jistgħu, mingħajr preġudizzju għal-liġi kriminali dwar l-evidenza applikabbli għall-investigazzjonijiet kriminali u l-proċedimenti legali kurrenti, jippermettu jew jirrikjedu ż-żamma ta' tali informazzjoni jew dokumenti għal perijodu ulterjuri ta' ħames snin fejn in-neċessità u l-proporzjonalità ta' tali żamma ulterjuri tkun ġiet stabbilita għall-prevenzjoni, l-individwazzjoni, l-investigazzjoni jew il-prosekuzzjoni ta' ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu suspettati.
KAPITOLU IV
SANZJONIJIET U MONITORAĠĠ
Artikolu 17
Sanzjonijiet u miżuri amministrattivi
1. Mingħajr preġudizzju għad-dritt li jiġu previsti u imposti sanzjonijiet kriminali, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar sanzjonijiet u miżuri amministrattivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Is-sanzjonijiet u miżuri previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u għandhom ikunu konsistenti ma' dawk stabbiliti f'konformità mal-Kapitolu VI, Taqsima 4, tad-Direttiva (UE) 2015/849.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jistipulawx regoli dwar sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament li jkunu soġġetti għal-sanzjonijiet kriminali taħt il-liġi nazzjonali tagħhom. F'tali każ, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi kriminali.
2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-obbligi japplikaw għall-fornituri tas-servizzi ta' pagament, fil-każ ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, jistgħu jiġu applikati sanzjonijiet jew miżuri, soġġetti għal-liġi nazzjonali, għall-membri tal-korp maniġerjali u għal kwalunkwe persuna fiżika oħra li, skont il-liġi nazzjonali, tkun responsabbli għall-ksur.
3. Sas-26 ta’ Ġunju 2017, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ASE. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-EBA mingħajr dewmien bla bżonn dwar kwalunkwe emendi sussegwenti għalihom.
4. F'konformità mal-Artikolu 58(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849, l-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha meħtieġa għall-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.
5. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-persuni ġuridiċi jistgħu jinżammu responsabbli għal ksur imsemmija fl-Artikolu 18 imwettqa għall-benefiċċju tagħhom minn kwalunkwe persuna li taġixxi jew individwalment jew bħala parti minn organu tal-persuna ġuridika, u li jkollha pożizzjoni ta' tmexxija fi ħdan il-persuna ġuridika abbażi ta' kwalunkwe waħda minn dawn li ġejjin:
is-setgħa ta' rappreżentanza tal-persuna ġuridika;
awtorità li tieħu deċiżjonijiet f'isem il-persuna ġuridika; jew
awtorità li teżerċita kontroll fi ħdan il-persuna ġuridika.
6. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li persuni ġuridiċi jkunu jistgħu jinżammu responsabbli fejn in-nuqqas ta' sorveljanza jew ta' kontroll minn persuna msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu jkun għamel possibbli t-twettiq ta' xi ksur imsemmi fl-Artikoli 18 għall-benefiċċju ta' dik il-persuna ġuridika minn persuna taħt l-awtorità tagħha.
7. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi f'konformità ma' dan ir-Regolament, fi kwalunkwe wieħed minn dawn il-modi li ġejjin:
direttament;
f'kollaborazzjoni ma' awtoritajiet oħrajn;
taħt ir-responsabbiltà tagħhom b'delega lil tali awtoritajiet oħrajn;
permezz ta' applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.
Fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom li jimponu sanzjonijiet u miżuri amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw mill-qrib biex jiżguraw li dawk is-sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi jipproduċu r-riżultati mixtieqa u jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom meta jittrattaw każijiet transkonfinali.
Artikolu 18
Dispożizzjonijiet speċifiċi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-sanzjonijiet u l-miżuri amministrattivi tagħhom jinkludu tal-anqas dawk stipulati mill-Artikolu 59(2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/849 fil-każ tal-ksur li ġej ta' dan ir-Regolament:
nuqqas ripetittiv jew sistematiku minn fornitur tas-servizzi ta' pagament li jinkludi l-informazzjoni meħtieġa dwar il-pagatur jew il-benefiċjarju, bi ksur tal-Artikolu 4, 5 jew 6;
nuqqas ripetittiv, sistematiku jew serju minn fornitur tas-servizzi ta' pagament li jżommu rekords, bi ksur tal-Artikolu 16;
nuqqas minn fornitur tas-servizzi ta' pagament li jimplimenta proċeduri effettivi bbażati fuq ir-riskju, bi ksur tal-Artikoli 8 jew 12;
nuqqas serju minn fornitur intermedjarju tas-servizzi ta' pagament li jikkonforma mal-Artikolu 11 jew 12.
Artikolu 19
Pubblikazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri
F'konformità mal-Artikoli 60(1), (2) u (3) tad-Direttiva (UE) 2015/849, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jippubblikaw sanzjonijiet u miżuri amministrattivi imposti fil-każijiet imsemmija fl-Artikoli 17 u 18 ta' dan ir-Regolament mingħajr dewmien żejjed, inkluż informazzjoni dwar it-tip u n-natura tal-ksur u l-identità tal-persuni responsabbli għalih, jekk meħtieġ u proporzjonat wara valutazzjoni każ b'każ.
Artikolu 20
Applikazzjoni ta' sanzjonijiet u miżuri mill-awtoritajiet kompetenti
1. Meta jiddeterminaw it-tip ta' sanzjonijiet jew miżuri amministrattivi u l-livell ta' sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu kont taċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi dawk elenkati fl-Artikolu 60(4) tad-Direttiva (UE) 2015/849.
2. Fir-rigward ta' sanzjonijiet u miżuri amministrattivi imposti f'konformità ma' dan ir-Regolament, għandu japplika l-Artikolu 62 tad-Direttiva (UE) 2015/849.
Artikolu 21
Rapportar ta' ksur
1. L-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi effettivi sabiex jinkoraġġixxu r-rappurtar lill-awtoritajiet kompetenti ta' ksur ta' dan ir-Regolament.
Dawk il-mekkaniżmi għandhom jinkludu tal-anqas dawk imsemmija fl- Artikolu 61(2) tad-Direttiva (UE) 2015/849.
2. Il-fornituri tas-servizzi ta' pagament, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, għandhom jistabbilixxu proċeduri interni adatti għall-impjegati tagħhom jew persuni f'pożizzjoni komparabbli, biex jirrappurtaw ksur internament permezz ta' mezz sigur, indipendenti, speċifiku u anonimu, proporzjonati għan-natura u d-daqs tal-fornitur tas-servizzi ta' pagament ikkonċernat.
Artikolu 22
Monitoraġġ
1. L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti jimmonitorjaw b'mod effettiv, u jieħdu l-miżuri meħtieġa bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' dan ir-Regolament u, permezz ta' mekkaniżmi effettivi, jinkoraġġixxu r-rappurtar ta' ksur tad-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament lill-awtoritajiet kompetenti.
2. Wara notifika skont l-Artikolu 17(3), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Kapitolu IV, b’attenzjoni partikolari għal każijiet transfruntieri.
KAPITOLU V
SETGĦAT TAL-IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 23
Proċedura ta' Kumitat
1. Il-Kummissjoni tkun megħjuna mill-Kumitat dwar il-Prevenzjoni tal-Ħasil tal-Flus u tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (il-“Kumitat”). Il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
KAPITOLU VI
DEROGI
Artikolu 24
Ftehimiet ma' pajjiżi u territorji li ma jifformawx parti mit-territorju tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni tista' tawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex jikkonkludi ftehim ma' pajjiż jew ma' territorju li jinsab barra mill-ambitu territorjali tat-TUE u t-TFUE kif imsemmi fl-Artikolu 355 tat-TFUE (il-“pajjiż jew territorju kkonċernat”), li jinkludu derogi minn dan ir-Regolament, sabiex jippermettu li t-trasferimenti ta' fondi bejn dak il-pajjiż jew it-territorju u l-Istat Membru konċernat ikunu meqjusa bħala trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru.
Tali ftehimiet jistgħu jkunu awtorizzati biss fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet kollha li ġejjin:
il-pajjiż jew it-territorju konċernat jikkondividi unjoni monetarja mal-Istat Membru konċernat jew jifforma parti miż-żona monetarja ta' dak l-Istat Membru jew ikun iffirma konvenzjoni monetarja mal-Unjoni Ewropea rappreżentata minn Stat Membru;
il-fornituri tas-servizzi ta' pagament fil-pajjiż jew it-territorju konċernat jipparteċipaw direttament jew indirettament fis-sistemi ta' pagament u ta' saldu f'dak l-Istat Membru; u
il-pajjiż jew it-territorju konċernat jirrikjedi li l-fornituri tas-servizzi ta' pagament taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu japplikaw l-istess regoli bħal dawk stabbiliti taħt dan ir-Regolament.
2. Stat Membru li jixtieq jikkonkludi xi ftehim kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jippreżenta talba lill-Kummissjoni u jagħtiha l-informazzjoni kollha meħtieġa għall-evalwazzjoni tat-talba.
3. Hekk kif il-Kummissjoni tirċievi tali talba, it-trasferimenti ta' fondi bejn dak l-Istat Membru u l-pajjiż jew it-territorju konċernat ikunu proviżorjament trattati bħala trasferimenti ta' fondi f'dak l-Istat Membru, sakemm tittieħed deċiżjoni f'konformità ma' dan l-Artikolu.
4. Jekk, fi żmien xahrejn minn meta tirċievi t-talba, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma għandhiex l-informazzjoni kollha neċessarja għall-evalwazzjoni tat-talba, hija għandha tikkuntattja lill-Istat Membru konċernat u tispeċifika l-informazzjoni addizzjonali meħtieġa.
5. Fi żmien xahar mir-riċezzjoni tal-informazzjoni kollha li tikkunsidra meħtieġa għall-valutazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-Istat Membru kif meħtieġ u tittrażmetti kopji tat-talba lill-Istati Membri l-oħra.
6. Fi żmien tliet xhur min-notifika msemmija fil-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, f'konformità mal-Artikolu 23(2), jekk tawtorizzax lill-Istat Membru konċernat sabiex jikkonkludi l-ftehim li jkun is-suġġett tat-talba.
Il-Kummissjoni għandha, fi kwalunkwe każ, tadotta deċiżjoni kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu fi żmien 18-il xahar mir-riċezzjoni tat-talba.
7. Sas-26 ta' Marzu 2017, l-Istati Membri li jkunu ġew awtorizzati biex jikkonkludu ftehimiet ma' pajjiż jew territorju kkonċernat skont id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/43/UE ( 4 ), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/259/UE ( 5 ), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/853/KE ( 6 ) jew id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/982/KE ( 7 ) għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni aġġornata neċessarja għal evalwazzjoni taħt il-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1.
Fi żmien tliet xhur minn mir-riċezzjoni ta' tali informazzjoni, il-Kummissjoni għandha teżamina l-informazzjoni mogħtija sabiex tiżgura li l-pajjiż jew it-territorju konċernat jirrikjedi lill-fornituri tas-servizzi ta' pagament taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu biex japplikaw l-istess regoli bħal dawk stabbiliti skont dan ir-Regolament. Jekk, wara dan l-eżami, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-kondizzjoni stipulata fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għadhiex tintlaħaq, hija għandha tirrevoka d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni jew id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni rilevanti.
Artikolu 25
Linji Gwida
Sas-26 ta’ Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 7, 8, 11 u 12 tiegħu. Mill-1 ta’ Jannar 2020, l-EBA għandha, fejn adatt, toħroġ tali linji gwida.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 26
Tħassir tar-Regolament (KE) Nru 1781/2006
Ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 huwa mħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw f'konformità mat-tabella tal-korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 27
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Huwa għandu japplika mis-26 ta' Ġunju 2017.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
TABELLA TA' KORRELAZZJONI
|
Regolament (KE) Nru 1781/2006 |
Dan ir-Regolament |
|
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
|
Artikolu 2 |
Artikolu 3 |
|
Artikolu 3 |
Artikolu 2 |
|
Artikolu 4 |
Artikolu 4(1) |
|
Artikolu 5 |
Artikolu 4 |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 5 |
|
Artikolu 7 |
Artikolu 7 |
|
Artikolu 8 |
Artikolu 7 |
|
Artikolu 9 |
Artikolu 8 |
|
Artikolu 10 |
Artikolu 9 |
|
Artikolu 11 |
Artikolu 16 |
|
Artikolu 12 |
Artikolu 10 |
|
— |
Artikolu 11 |
|
— |
Artikolu 12 |
|
— |
Artikolu 13 |
|
Artikolu 13 |
— |
|
Artikolu 14 |
Artikolu 15 |
|
Artikolu 15 |
Artikoli 17 sa 22 |
|
Artikolu 16 |
Artikolu 23 |
|
Artikolu 17 |
Artikolu 24 |
|
Artikolu 18 |
— |
|
Artikolu 19 |
— |
|
— |
Artikolu 26 |
|
Artikolu 20 |
Artikolu 27 |
( 1 ) Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).
( 2 ) Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).
( 3 ) Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).
( 4 ) Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2012/43/UE tal-25 ta' Jannar 2012 li tawtorizza lir-Renju tad-Danimarka jikkonkludi ftehimiet mal-Groenlandja u l-Gżejjer Faeroe għat-trasferimenti ta' fondi bejn id-Danimarka u kull wieħed minn dawn it-territorji li għandhom jiġu ttrattati bħala trasferimenti ta' fondi fid-Danimarka, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 24, 27.1.2012, p. 12).
( 5 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/259/UE tal-4 ta' Mejju 2010 li tawtorizza r-Repubblika Franċiża tikkonkludi ftehim mal-Prinċipat ta' Monako dwar trasferimenti ta' fondi bejn ir-Repubblika Franċiża u l-Prinċipat ta' Monako sabiex jiġu meqjusa bħala trasferimenti fi ħdan ir-Repubblika Franċiża, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 112, 5.5.2010, p. 23).
( 6 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/853/KE tas-26 ta' Novembru 2009 li tawtorizza lil Franza biex tikkonkludi ftehim ma' Saint-Pierre-et-Miquelon, Mayotte, il-Kaledonja l-Ġdida, il-Polinesja Franċiża u Wallis u Futuna rispettivament għal trasferimenti ta' fondi bejn Franza u kull wieħed minn dawn it-territorji sabiex jitqiesu bħala trasferimenti ta' fondi fi ħdan Franza, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 312, 27.11.2009, p. 71).
( 7 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/982/KE tat-8 ta' Diċembru 2008 li tawtorizza lir-Renju Unit jikkonkludi ftehim mal-Bailiwick ta' Jersey, mal-Bailiwick ta' Guernsey u mal-Isle of Man sabiex it-trasferimenti ta' fondi bejn ir-Renju Unit u kull wieħed minn dawn it-territorji jitqiesu bħala trasferimenti ta' fondi fi ħdan ir-Renju Unit, skont ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 352, 31.12.2008, p. 34).