2015D1289 — MT — 28.07.2015 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL(UE) 2015/1289

tat-13 ta' Lulju 2015

li timponi multa fuq Spanja għall-manipulazzjoni tad-data dwar id-defiċit fil-Komunità Awtonoma ta' Valencia

(ĠU L 198 28.7.2015, p. 19)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 291, 7.11.2015, p.  10 (2015/1289)




▼B

▼C1

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL(UE) 2015/1289

▼B

tat-13 ta' Lulju 2015

li timponi multa fuq Spanja għall-manipulazzjoni tad-data dwar id-defiċit fil-Komunità Awtonoma ta' Valencia



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 8(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Delega tal-Kummissjoni 2012/678/UE tad-29 ta' Ġunju 2012 dwar l-investigazzjonijiet u l-multi marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika kif imsemmi fir- Regolament (UE) Nru 1173/2011 ( 2 ),

Wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fi Spanja kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011 adottat fis-7 ta' Mejju 2015,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 126(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċits eċċessivi tal-gvern. Id-data dwar id-dejn u d-defiċit tal-gvern rilevanti għall-applikazzjoni tal-Artikoli 121 u 126 tat-TFUE, jew għall-applikazzjoni tal-Protokoll Nru 12 dwar il-proċedura tad-defiċit eċċessiv anness mat-Trattati, huma element essenzjali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-Unjoni.

(2)

Sabiex jissaħħaħ l-infurzar tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro, u tiġi evitata r-rappreżentanza ħażina, kemm intenzjonali kif ukoll minħabba negliġenza serja, tad-data dwar id-dejn u d-defiċit u tal-gvern, il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, jista' jiddeċiedi li jimponi multa fuq l-Istat Membru responsabbli.

(3)

Fil-11 ta' Lulju 2014, il-Kummissjoni nediet investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fi Spanja kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011. Is-sejbiet preliminari tal-investigazzjoni ntbagħtu lil Spanja għall-osservazzjonijiet tagħha fid-19 ta' Frar 2015, kif meħtieġ skont id-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE. Spanja pprovdiet l-osservazzjonijiet tagħha bil-miktub dwar is-sejbiet preliminari fil-ħin.

(4)

Fis-7 ta' Mejju 2015, il-Kummissjoni adottat rapport dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fi Spanja kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011, fejn qieset l-osservazzjonijiet ta' Spanja.

(5)

Fir-rapport tagħha, il-Kummissjoni kkonkludiet li entità fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika ta' Spanja, l-Uffiċċju Reġjonali tal-Awditjar tal-Komunità Awtonoma ta' Valencia (IGGV), kienet serjament negliġenti dwar in-nuqqas ta' reġistrazzjoni tan-nefqa fuq is-saħħa u n-nuqqas ta' rispett tal-prinċipju tad-dovuti fil-kontijiet nazzjonali, u dan wassal biex f'Marzu 2012 Spanja rrapputat lill-Kummissjoni (Eurostat) data żbaljata dwar id-defiċit tal-gvern. Fuq il-bażi tas-sejbiet tal-Kummissjoni, hu xieraq li wieħed jikkonkludi li rappreżentazzjoni ħażina tad-data dwar id-defiċit minħabba negliġenza serja seħħet meta Spanja rrappurtat iċ-ċifri żbaljati lill-Eurostat f'Marzu 2012. Dawn l-elementi jiġġustifikaw l-impożizzjoni ta' multa.

(6)

L-ammont tal-multa rrakkomandata ma għandux jaqbeż iż-0,2 % tal-prodott domestiku gross ta' Spanja fl-2014.

(7)

L-ammont ta' referenza tal-multa li trid tiġi imposta jrid ikun daqs 5 % tal-impatt akbar tar-rappreżentazzjoni ħażina tad-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika ta' Spanja għas-snin rilevanti koperti bin-notifika fil-kuntest tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP). Ir-reviżjoni tan-nefqa rrappurtata minn a' Spanja għan-notifika tal-EDP ta' April 2012 kienet tammonta għal EUR 1 893 biljun. Għalhekk, l-ammont ta' referenza għandu jkun stabbilit għal EUR 94,65 miljun.

(8)

B'kunsiderazzjoni tal-kriterji stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha kkonkludiet li r-rappreżentazzjoni ħażina tad-data ma kellha l-ebda impatt sinifikanti fuq il-funzjonament tal-governanza ekonomika msaħħa tal-Unjoni, minħabba l-impatt limitat fuq id-defiċit ta' Spanja kollu kemm hu. Barra minn hekk, dan jikkonkludi li r-rappurtar taċ-ċifri korretti li sar ftit wara l-pubblikazzjoni tad-data żbaljata dwar id-defiċit ta' Spanja f'April 2012, li permezz tiegħu r-reviżjoni tad-data dwar id-defiċit ta' Spanja setgħet issir xorta waħda fl-2012. Dawn l-elementi jiġġustifikaw li jitnaqqas l-ammont tal-multa.

(9)

Meta jitqiesu l-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha kkonkludiet li r-rappreżentazzjoni ħażina kienet ir-riżultat ta' negliġenza serja. Ma għandha tiġi applikata l-ebda modulazzjoni għall-ammont tal-multa f'dan ir-rigward.

(10)

Meta jitqiesu l-kriterji stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha kkonkludiet li r-rappreżentazzjoni ħażina tad-data twettqet essenzjalment minn entità waħda fi ħdan l-amministrazzjoni pubblika ta' Spanja. Dawn l-elementi jiġġustifikaw li jitnaqqas l-ammont tal-multa.

(11)

Meta jqis il-kriterji stabbiliti fil-punt (d) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha kkonkludiet li l-azzjonijiet rilevanti tal-Istat Membru li fuqhom tista tiġi bbażata multa, huma dawk li seħħew fil-perjodu mit-13 ta' Diċembru 2011, meta daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 1173/2011, sakemm tnediet l-investigazzjoni, jiġifieri, fil-11 ta' Lulju 2014. Ikkonkludiet ukoll li d-data dwar id-defiċit irrappurtata ħażin ġiet korretta b'rabta mar-reviżjoni tan-notifika tal-EDP ta' Ottubru 2012. Ma għandha tiġi applikata l-ebda modulazzjoni għall-ammont tal-multa minħabba t-tul ta' żmien tar-rappreżentanza ħażina.

(12)

Meta jqis il-kriterji stabbiliti fil-punt (e) tal-Artikolu 14(3) tad-Deċiżjoni ta' Delega 2012/678/UE, il-Kummissjoni fir-rapport tagħha kkonkludiet li l-aworitajiet tal-istatistika Spanjoli u l-entitajiet kollha kkonċernati wrew livell għoli ta' kooperazzjoni matul l-investigazzjoni. Dawn l-elementi jiġġustifikaw li jitnaqqas l-ammont tal-multa.

(13)

Fid-dawl ta' dawn iċ-ċirkustanzi, il-multa li trid tiġi imposta fuq Spanja għandha tiġi stabbilita għal EUR 18,93 miljun,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

Ġiet imposta multa ta' EUR 18,93 miljun fuq Spanja għar-rappreżentazzjoni ħażina, minħabba negliġenza serja, tad-data dwar id-defiċit tal-gvern, kif stabbilit fir-rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-investigazzjoni marbuta mal-manipulazzjoni tal-istatistika fi Spanja kif imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 1173/2011.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju ta' Spanja.



( 1 ) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.

( 2 ) ĠU L 306, 6.11.2012, p. 21.