02015D0259 — MT — 26.02.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/259

tas-17 ta' Frar 2015

b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

(ĠU L 043 18.2.2015, p. 14)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2018/294 tas-26 ta' Frar 2018

  L 55

58

27.2.2018




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/259

tas-17 ta' Frar 2015

b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva



Artikolu 1

1.  Għall-fini li xi elementi tal-Istrateġija tal-UE jiġu applikati b'mod immedjat u prattiku, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW, bl-objettivi li ġejjin:

 it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt is-CWC,

 it-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta' attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi tossiċi u r-rispons għalihom,

 it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam ta' attivitajiet kimiċi,

 l-appoġġ għall-abbiltà tal-OCPW li tadatta għall-iżviluppi fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġija,

 il-promozzjoni tal-universalità billi Stati mhux Partijiet jiġu mħeġġa jingħaqdu mas-CWC.

2.  F'dan il-kuntest, l-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni tal-proġetti tal-OPCW, li jikkonformaw mal-miżuri tal-Istrateġija tal-UE, għandhom ikunu dawn li ġejjin:

Proġett I: Implimentazzjoni Nazzjonali, Verifika u Universalità

Attivitajiet:

 Kors ta' Taħriġ Reġjonali għall-Awtoritajiet Doganali tal-Istati Partijiet dwar l-Aspetti Tekniċi tar-Reġim ta' Trasferimenti tas-CWC

 Aġġornament tal-għodod ta' tagħlim elettroniku għall-awtoritajiet nazzjonali/partijiet ikkonċernati assoċjati

 Appoġġ għall-Iżvilupp ta' Pjani ta' “Appoġġ Attiv” għal sensibilizzazzjoni dwar l-implimentazzjoni nazzjonali tas-CWC

 Valutazzjoni tal-Kapaċità tal-Implimentazzjoni Nazzjonali għall-Awtoritajiet Nazzjonali

 Programm ta' Konsulenza (Mentorship)

 Sessjoni ta' ħidma legali għall-Istati Partijiet tal-Karibew u tal-Amerika Ċentrali

 Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Taħriġ għal spetturi u esperti tas-Segretarjat Tekniku tal-OPCW

 Modernizzazzjoni ta' Sistemi ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għad-Diviżjoni ta' Verifika tal-OPCW

 Żjarat tar-Rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv u l-Osservaturi tal-Istati Partijiet b'ekonomiji li qed jiżviluppaw fil-faċilitajiet għall-qerda tal-armi kimiċi

 Implimentazzjoni tat-tagħlimiet li jirriżultaw mill-missjoni tas-Sirja

Proġett II: Kooperazzjoni Internazzjonali

Attivitajiet:

 Kors għall-Iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi

 Attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għall-Industrija

 Sessjonijiet ta' ħidma dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza u s-Sigurtà Kimika

Proġett III: Xjenza u Teknoloġija

Attivitajiet:

 lnformatika kimika għall-iffaċilitar tal-kollaborazzjoni internazzjonali

 Valutazzjoni tal-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija

 Użi multipli tal-kimika: konoxxenza tal-aspetti ta' sigurtà tal-iżviluppi teknoloġiċi

 Appoġġ għal Gruppi ta' Ħidma Temporanji (TWGs) tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku (SAB) tal-OPCW

 Lejn l-iżvilupp ta' metodi analitiċi standardizzati għall-analiżi ta' tossini bijoloġiċi

Proġett IV: Tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta' attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi u r-rispons għalihom

Attivitajiet:

 Taħriġ Reġjonali ta' Assistenza u Protezzjoni — Asja Ċentrali

 Eżerċizzju ta' Koordinazzjoni Reġjonali dwar l-Għoti ta' Assistenza

 Sessjonijiet ta' Ħidma Reġjonali dwar l-Assistenza u Protezzjoni

 Eżerċizzji ta' Simulazzjoni

Proġett V: Universalità u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni

 Traduzzjoni u disseminazzjoni ta' għodod u materjal edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni

 Produzzjoni ta' wirja tal-OPCW

 Komunikazzjoni maż-żgħażagħ

 Faċilitazzjoni tal-universalità biex Stati li mhumiex Partijiet jingħaqdu mas-CWC

 Appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-NGOs f'attivitajiet tal-OPCW

 Appoġġ għall-iżvilupp u l-promozzjoni tas-sensiela ta' dokumentarji b'filmati “Nirien”

Proġett VI: Programm tal-Afrika

 Forum Reġjonali għall-Partijiet Ikkonċernati tal-Awtoritajiet Nazzjonali

 Kors ta' Taħriġ Reġjonali għall-Awtoritajiet Doganali tal-Istati Partijiet dwar l-Aspetti Tekniċi tar-Reġim ta' Trasferimenti tas-CWC

 Provvista ta' Materjal Akkademiku/Informattiv dwar is-CWC

 Sinerġiji u Sħubija għal implimentazzjoni effettiva

 Korsijiet għall-Iżvilupp ta' Kompetenzi Analitiċi

 Attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għall-Industrija

 Ġestjoni tas-Sikurezza u s-Sigurtà Kimika

Deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet appoġġati mill-Unjoni tal-OPCW imsemmija hawn fuq tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.  Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.  L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandha ssir mis-Segretarjat Tekniku tal-OPCW (is-“Segretarjat Tekniku”). Huwa għandu jwettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà u l-kontroll tar-RGħ. Għal dan il-fini, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mas-Segretarjat Tekniku.

Artikolu 3

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 2 528 069 .

2.  L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun amministrat skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

3.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-amministrazzjoni korretta tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għal dan il-fini, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mas-Segretarjat Tekniku. Il-ftehim għandu jistipula li s-Segretarjat Tekniku għandu jiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha u jispeċifika miżuri li jiffaċilitaw l-iżvilupp ta' sinerġiji u li jevitaw id-duplikazzjoni tal-attivitajiet.

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara is-17 ta' Frar 2015. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim.

Artikolu 4

Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjijin mis-Segretarjat Tekniku. Ir-rapporti tar-RGħ għandhom jifformaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

▼M1

2.  Hija għandha tiskadi 45 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3).

▼B




ANNESS

Appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-OPCW fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva

Proġett I — lmplimentazzjoni nazzjonali u Verifika

Objettivi:

 Jissaħħu l-kapaċitajiet tal-Istati Partijiet biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont is-CWC;

 Jingħata appoġġ għan-nonproliferazzjoni ta' armi kimiċi, permezz tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' verifika u ta' implimentazzjoni previsti fis-CWC;

 Tingħata spinta u tkun żgurata l-eliminazzjoni tal-ħażniet ta' armi kimiċi u l-faċilitajiet ta' produzzjoni soġġett għall-miżuri ta' verifika previsti is-CWC.

Finijiet:

Fini 1 (Implimentazzjoni nazzjonali)

 Tiġi msaħħa l-kapaċità tal-Istati Partijiet għal implimetazzjoni nazzjonali effettiva;

 Numru akbar ta' Stati Partijiet ikunu jistgħu iwettqu implimentazzjoni nazzjonali effettiva fil-livell kwantitattiv u kwalitattiv;

 L-Awtoritajiet Nazzjonali (NAs) isiru jifhmu aktar u u jkunu aktar sensibilizzati dwar kwistjonijiet relatati mas-CWC għal kooperazzjoni u appoġġ tajbin;

 Numru akbar ta' Stati Partijiet isiru kapaċi jipproċessaw u jabbozzaw leġislazzjoni għal approvazzjoni sussegwenti.

 Issir effettiva l-funzjoni tal-awtoritajiet doganali fil-kontroll u l-monitoraġġ tal-kummerċ tas-sustanzi kimiċi;

Fini 2 (Verifika)

 Tiżdied l-effikaċja u jiżdied kemm jista' jkun il-valur tal-korsijiet ta' taħriġ mogħtija lill-spetturi u l-esperti tal-OPCW;

 Isir titjib fil-proċessi ta' negozju u kwalità ta' informazzjoni tas-Sistema ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni tad-Diviżjoni ta' Verifika tal-OPCW, u l-abbiltà li jintużaw tekniki kontemporanji miksuba ta' analiżi tal-informazzjoni;

 L-Istati Partijiet ikunu jistgħu jissorveljaw il-progress li jsir fil-kisba tal-qerda kompleta tal-ħażniet ta' armi kimiċi u jkunu jistgħu jidentifikaw u jindirizzaw problemi biex il-qerda tinkiseb fi stadju bikri, u jkunu aktar fiduċjużi li d-detenturi tagħhom ikunu qed jieħdu passi tanġibbli u konkreti għall-qerda kompleta tal-ħażniet ta' armi kimiċi;

 Titjieb l-adattabbiltà tal-OPCW fil-konfront ta' sitwazzjonijiet simili għall-missjoni tas-Sirja fil-futur, isir titjib fir-reġim u fl-attivitajiet ta' verifika, isir titjib fir-relazzjonijiet ma' organizzazzjonijiet internazzjonali sħab.

Riżultati:

Riżultati 1 (Implimentazzjoni nazzjonali)

 L-Uffiċjali Doganali isiru jifhmu aktar il-kapaċità tagħhom għall-ġestjoni effettiva tad-dmirijiet rigward l-importazzjoni/l-esportazzjoni ta' sustanzi kimiċi skedati u l-koordinazzjoni mal-Awtoritajiet Nazzjonali;

 Il-persunal tal-Awtoritajiet Nazzjonali u l-partijiet ikkonċernati assoċjati jkollhom disponibbli informazzjoni korretta u aġġornata f'format elettroniku għal tagħlim effettiv;

 L-Awtoritajiet Nazzjonali għandhom l-għodod tal-ippjanar sistematiku għal implimentazzjoni effettiva tal-isforzi nazzjonali disponibbli;

 Tissaħħaħ il-kapaċità tal-Istati Partijiet mogħtija konsulenza (mentoring) fl-implimentazzjoni nazzjonali u biex jaħdmu f'koordinazzjoni mal-Istat Parti li jagħti l-konsulenza;

 L-Istati Partijiet isiru jifhmu aktar u tiżdied il-konoxxenza tagħhom dwar proċessi korretti dwar il-leġislazzjoni nazzjonali biex jintlaħqu l-obbligi nazzjonali skont is-CWC.

Riżultati 2 (Verifika)

 Il-livell ta' ħila esperta u għarfien tal-ispetturi u l-esperti tal-OPCW dwar l-ġestjoni tas-sustanzi kimiċi tal-iskeda 1 jinżamm fi standards korretti;

 Jinkisbu kapaċitajiet kontemporanji ta-Sistema ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni tad-Diviżjoni ta' Verifika tal-OPCW u s-sistemi ta' legat mhux konnessi jiġu diżattivati;

 L-Istati Partijiet isiru jifhmu aktar il-problemi u d-diffikultajiet tekniċi relatati mal-qerda ta' armi kimiċi, u tiżdied il-fiduċja tagħhom li jkunu qed jittieħdu passi tanġibbli u konkreti għall-qerda kompleta tal-ħażniet ta' armi kimiċi;

 L-OPCW tkun saret tifhem aktar il-missjoni fis-Sirja, ivvalutat l-implikazzjonijiet għar-reġim tas-CWC u inkorporat it-tagħlimiet miksuba fi proċeduri u prattiki operattivi interni.

Attivitajiet

1.   Kors ta' Taħriġ Reġjonali għall-Awtoritajiet Doganali tal-Istati Partijiet dwar l-Aspetti Tekniċi tar-Reġim ta' Trasferimenti tas-CWC

Ġie pprovdut appoġġ għall-uffiċjali doganali taħt l-Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK, id-Deċiżjoni 2009/569/PESK, u d-Deċiżjoni 2012/166/PESK. Abbażi ta' esperjenza miksuba, ser isiru attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni ma' uffiċjali doganali permezz ta' korsijiet ta' taħriġ bil-ħsieb li jittejbu l-ġbir u t-trasmissjoni ta' data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' sustanzi kimiċi skedati lill-awtoritajiet nazzjonali. It-taħriġ li jsir ser joffri wirjiet u eżerċizzji b'involviment dirett u prattiku, u ser jinkorpora element li jkopri “t-taħriġ ta' min iħarreġ”. ►M1  It-taħriġ ser isir mill-Fergħa ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tas-Segretarjat Tekniku, bil-ħila esperta teknika mill-Fergħa tad-Dikjarazzjonijiet, fir-reġjun tal-Afrika. ◄

2.   Aġġornament tal-għodod ta' tagħlim elettroniku għall-awtoritajiet nazzjonali/partijiet ikkonċernati assoċjati

Ġie pprovdut appoġġ, taħt id-Deċiżjoni 2012/166/PESK, għall-iżvilupp ta' għodda ta' tagħlim elettroniku għall-awtoritajiet nazzjonali/partijiet ikkonċernati assoċjati. L-Istati Partijiet ilhom jistgħu jaċċessaw u jagħmlu użu mill-moduli ta' tagħlim elettroniku mill-2013. Sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni u l-materjal jibqgħu rilevanti u utli, ser issir valutazzjoni tar-reazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-utenti, u l-konklużjonijiet ser jintużaw għall-aġġornament u t-titjib tal-għodda. Huwa mistenni li t-tagħlim elettroniku ser jintuża b'mod aktar mifrux mill-Istati Partijiet. Is-Segretarjat Tekniku qed jikkunsidra jekk it-tagħlim elettroniku għandux isir obbligatorju għal xi taħriġ ipprovdut mill-OPCW.

3.   Appoġġ għall-iżvilupp ta' pjani ta' “appoġġ attiv”

Diversi Awtoritajiet Nazzjonali infurmaw li kien diffiċli li jintlaħaq il-livell korrett ta' kooperazzjoni u appoġġ minn xi istituzzjonijiet ikkonċernati. Dan huwa prinċipalment minħabba n-nuqqas ta' konoxxenza u għarfien dwar is-CWC, l-obbligi u l-impenji tagħha imposti fuq l-Istati Partijiet. Dan in-nuqqas ta' ħiliet, konoxxenza u esperjenzi fl-“appoġġ attiv” ifisser li meta dan isir, spiss ma jkunx effettiv. Jeħtieġ li l-pjani eżistenti ta' appoġġ attiv jiġu żviluppati/imtejba biex isiru aktar prattiċi u utli. Il-pjani ta' appoġġ attiv ser jinkludu: attivitajiet edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni, il-produzzjoni ta' materjal ta' reklamar, kits ta' informazzjoni kif ukoll abbozz ta' pjani ta' azzjoni. Ser jiġu abbozzati linji gwida u strateġiji għal edukazzjoni u komunikazzjoni effettivi fil-livell nazzjonali u reġjonali u l-Istati pilota ser jużawhom bħala referenza fl-abbozzar ta' pjani ta' promozzjoni fl-Istati rispettivi tagħhom. Ser jiġu żviluppati proġetti pilota fir-reġjuni kollha: L-Asja, l-Amerika Latina u l-Karibew, l-Afrika u l-Ewropa tal-Lvant.

4.   Valutazzjoni tal-Kapaċità tal-Implimentazzjoni Nazzjonali

L-Awtoritajiet Nazzjonali għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw is-CWC b'mod effettiv. Xi Awtoritajiet Nazzjonali jeħtieġu għajnuna biex jiġi żgurat li dawn ikunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom b'mod effettiv. Hemm diversi fatturi li jistgħu jaffettwaw il-prestazzjoni tagħhom. Sabiex is-Segretarjat Tekniku jipprovdi appoġġ f'waqtu u effikaċi, huwa essenzjali li tiġi vvalutata l-kapaċità nazzjonali tagħhom biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom. Ser jiġu implimentati programmi ta' valutazzjoni fir-reġjuni kollha. B'mod speċifiku, il-valutazzjoni tal-kapaċità ser issir b'mod konġunt mis-Segretarjat Tekniku u l-Awtorità Nazzjonali rispettiva. Ser issir analiżi dokumentarja dwar is-sitwazzjoni ta' Stat rigward l-implimentazzjoni tas-CWC minn Diviżjonijiet rilevanti tas-Segretarjat Tekniku qabel ma ssir żjara fl-Istat għall-valutazzjoni proprja. Matul iż-żjara, it-tim ser jorganizza laqgħat u konsultazzjonijiet ma' aġenziji rilevanti. Kull żjara ser tirriżulta f'rapport, li jiddeskrivi l-iżviluppi fundamentali u pjan ta' azzjoni għas-segwitu għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet.

5.   Programm ta' Konsulenza (Mentorship)

Il-Programm ta' Konsulenza tal-Awtorità Nazzjonali huwa mfassal biex tinħoloq sħubija bejn Awtorità Nazzjonali li kellha aktar suċċess u kienet aktar effiċjenti fl-implimentazzjoni tal-obbligi tagħha taħt is-CWC u Awtorità Nazzjonali oħra f'livell aktar baxx ta' implimentazzjoni. Dan isaħħaħ il-funzjonament ta' din tal-aħħar. Il-programm ġie implimentat mill-OPCW għal numru ta' snin u wera li kien utli ħafna. Ser jiġu implimentati programmi ta' konsulenza fl-Afrika, l-Asja u l-Karibew u l-Amerika Latina.

6.   Sessjoni ta' ħidma legali għall-Istati Partijiet tal-Karibew u tal-Amerika Ċentrali

Dawn is-sessjonijiet ta' ħidma jiffurmaw parti mill-isforzi tas-Segretarjat Tekniku għall-promozzjoni ta' adozzjoni aktar rapida tal-leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali mill-Istati Partijiet fil-Karibew u fl-Amerika Ċentrali. L-għan ewlieni hu li tiġi provduta għajnuna prattika lill-Istati Partijiet parteċipanti dwar kwistjonijiet legali rigward l-implimentazzjoni nazzjonali tas-CWC. Dawn is-sessjonijiet ta' ħidma għandhom ukoll l-għan li jappoġġaw lill-Istati Partijiet li jkunu qegħdin jiffinalizzaw l-abbozzi rispettivi tagħhom, u jipprovdu opportunità biex l-Istati Partijiet mistiedna jikkonsultaw direttament ma' rappreżentanti tal-Fergħa ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tal-OPCW fir-rigward tal-abbozzar tal-leġislazzjoni implimentattiva nazzjonali kif ukoll l-għoti ta' kwalunkwe assistenza legali oħra, bħall-iżvilupp ta' regolamenti u regoli sussidjarji.

7.   Tisħiħ tal-Kapaċitajiet ta' Taħriġ għal spetturi u esperti tas-Segretarjat Tekniku

Il-korsijiet ta' taħriġ li jinvolvu l-ġestjoni ta' sustanzi kimiċi tal-iskeda 1 jirrappreżentaw wieħed mill-elementi kruċjali tal-isforz biex jinżamm il-livelli ta' ħila esperta u konoxxenza akkumulati tal-OPCW. L-osservanza ta' standards tekniċi stretti hija kruċjali għall-effiċjenza u s-servizzi ta' valur sħiħ tal-korsijiet ta' taħriġ għal spetturi u esperti tas-Segretarjat Tekniku. Fl-istess waqt din ser iżżid is-sikurezza kimika u bijoloġika u ser issaħħaħ l-istat ta' tħejjija għall-prevenzjoni u r-rispons għal attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi tossiċi. L-attività ser tinkludi l-akkwist ta' tagħmir, apparat domestiku u materjal meħtieġa, li jirriżultaw f'titjib fil-prestazzjoni tal-laboratorji involuti.

8.   Modernizzazzjoni ta' Sistemi ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għad-Diviżjoni ta' Verifika tal-OPCW

Id-Diviżjoni ta' Verifika tal-OPCW attwalment tuża diversi sistemi ta' informazzjoni ta' legat, li wħud minnhom huma ferm personalizzati. Dawn jimpedixxu l-ipproċessar effiċjenti u effettiv tal-informazzjoni.

Dawn jinkludu:

 Sistemi mhux konnessi

 Sistemi ta' legat li m'għandhomx kapaċitajiet kontemporanji

 Personalizzazzjoni qawwija tas-sistemi u nuqqas ta' kapaċità li jsir titjib f'waqtu u b'mod effiċjenti fl-użu tar-riżorsi

 Nuqqas ta' disponibbiltà ta' funzjonalità kontemporanja bħal kapaċitajiet ta' tiftix fit-test kollu u l-ipproċessar diġitali

 L-ebda possibbiltà ta' ġestjoni tal-proċess tal-fluss ta' xogħol stimulat mill-utenti

Din l-attività għandha l-għan li timmodernizza s-sistemi tal-ġestjoni tal-informazzjoni tad-Diviżjoni ta' Verifika tal-OPCW billi tissostitwixxi dawn is-sistemi personalizzati b'soluzzjoni ta' ġestjoni ta' dokumenti tal-intrapriża b'kapaċitajiet kontemporanji. Il-benefiċċji mistennija ser ikunu aktar effiċjenza fl-ipproċessar tal-informazzjoni, tnaqqis fl-isforz ta' xogħol manwali, titjib fil-kwalità tad-data u kapaċitajiet analitiċi estiżi.

9.   Żjarat tar-rappreżentanti tal-Kunsill Eżekuttiv u l-Osservaturi ta' Stati Partijiet b'ekonomiji li qed jiżviluppaw fil-faċilitajiet għall-qerda tal-armi kimiċi

Sal-lum, saru tmien żjarat — erbgħa fl-Istati Uniti tal-Amerika, tlieta fil-Federazzjoni Russa u waħda fiċ-Ċina (Faċilitajiet għall-Qerda ta' Armi Kimiċi Abbandunati), b'finanzjament ipprovdut taħt l-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK, id-Deċiżjoni 2009/569/PESK, u d-Deċiżjoni 2012/166/PESK. Iż-żjarat li saru s'issa wrew li kienu siewja bħala mezz biex jiġu indirizzati mistoqsijiet jew tħassib dwar il-programm ta' Stat Parti detentur fir-rigward tal-kisba tal-obbligi tiegħu b'rabta mal-qerda tal-armi kimiċi tiegħu. L-Istati Partijiet kollha ser jibbenefikaw minn dawn iż-żjarat li ser jgħinu fit-tisħiħ tat-trasparenza u l-bini ta' fiduċja rigward il-fatt li qed isir progress lejn il-qerda kompleta tal-armi kimiċi li fadal f'konformità mad-dispożizzjonijiet tas-CWC u skont il-verifika tas-Segretarjat Tekniku. Il-proġett għandu jinkoraġġixxi parteċipazzjoni usa' f'tali żjarat minn Stati Partijiet filwaqt li jittieħed kont tal-kriterji finanzjarji adatti u jittieħdu passi biex tiġi żgurata r-rotazzjoni adegwata tal-parteċipanti.

10.   Implimentazzjoni tat-tagħlimiet li jirriżultaw mill-missjoni tas-Sirja

Ma' tmiem il-programm antiċipat biex jiġi eliminat il-programm tal-armi kimiċi tas-Sirja, l-OPCW ser tagħmel analiżi tal-involviment tagħha f'din l-operazzjoni bla preċedent. Barra minn hekk, l-OPCW diġà qed tipparteċipa fl-eżerċizzju ibbażat fuq it-tagħlimiet meħudin li qed isir mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti (UN) għall-Affarijiet ta' Diżarm (UNODA) fil-qafas tal-investigazzjoni dwar l-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja fl-2013. Għalhekk, ħafna mit-tagħlimiet li jirriżultaw mill-investigazzjoni tan-NU u l-missjoni għall-qerda tal-armi kimiċi Sirjani għandhom jiġu identifikati matul l- 2014.

Ser ikun meħtieġ li t-tagħlimiet identifikati jiġu implimentati u inkorporati fi proċeduri u attivitajiet tal-OPCW. ►M1  Sabiex dan isir bl-aktar mod effettiv, qed jiġi propost li s-Segretarjat jorganizza sessjoni ta' ħidma interna biex jiġu eżaminati u analizzati t-tagħlimiet meħuda u biex dawn jiġu implimentati malajr kemm jista' jkun. Jeħtieġ li l-eżiti ta' din is-sessjoni ta' ħidma jinkludu l-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' taħriġ rilevanti kif ukoll ix-xiri tat-tagħmir rakkomandat kif identifikat fis-sessjoni ta' ħidma. ◄

Proġett II — Kooperazzjoni Internazzjonali

Objettivi

 Jissaħħaħ l-iżvilupp ekonomiku u teknoloġiku permezz ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tal-kimika għal attivitajiet li l-finijiet tagħhom mhumiex projbiti taħt is-CWC;

 Issir promozzjoni tal-missjoni tal-OPCW u l-objettivi tas-CWC permezz ta' impenn aktar b'saħħtu tal-Istati Partijiet f'inizjattivi ta' kooperazzjoni internazzjonali għall-użu paċifiku tal-kimika.

Finijiet

 Tissaħħaħ il-kapaċità tal-laboratorji ffinanzjati pubblikament fi Stati Partijiet b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni biex jimplimentaw is-CWC fil-qasam tal-użu paċifiku tal-kimika;

 Tingħata għajnuna lill-Istati Partijiet b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew li qegħdin fi transizzjoni biex isaħħu l-approċċi għall-ġestjoni tas-sikurezza u s-sigurtà kimika f'intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tal-industrija kimika.

Riżultati

 Jogħla l-livell ta' kompetenza teknika f'laboratorji ffinanzjati pubblikament fi Stati Partijiet b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew li qegħdin fi transizzjoni biex jiġu analizzati sustanzi kimiċi relatati mal-implimentazzjoni nazzjonali tas-CWC u fl-applikazzjoni paċifika tal-kimikapermezz tal-użu ta' metodi analitiċi moderni speċjalment il-kromatografija tal-gass (GC) u l-kromatografija tal-gass/spettrometrija ta' massa (GC-MS).

 Żieda fil-livelli ta' kompetenza u konoxxenza tal-persunal ta' intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, rappreżentanti ta' assoċjazzjonijiet industrijali u l-awtoritajiet nazzjonali/istituzzjonijiet governattivi ta' Stati Partijiet b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew li qegħdin fi transizzjoni rigward prattiki ta' ġestjoni tas-sikurezza u s-sigurtà tal-proċessi.

Attivitajiet:

1.   Korsijiet għall-iżvilupp ta' ħiliet analitiċi

Dawn il-korsijiet isiru fuq perijodu ta' ġimagħtejn, li matulhom il-parteċipanti jirċievu taħriġ teoretiku u esperjenza b'involviment dirett fil-GC u GC-MS. Is-suġġetti koperti jinkludu: hardware; validazzjoni u ottimizzazzjoni tas-sistemi; trouble-shooting; tħejjija ta' kampjuni ambjentali; u analiżi GC/GC-MS ta' tali kampjuni għal sustanzi kimiċi relatati mas-CWC. Il-parteċipanti ser jirċievu wkoll taħriġ intensiv b'involviment dirett fit-tħejjija ta' matriċijiet ta' kampjuni differenti li għandhom jiġu analizzati bil-GC b'detetturi selettivi skont l-element u b'GC-MS bil-modalità tal-jonizzazjoni kimika u l-jonizzazjoni b'impatt elettroniku. Fl-aħħar nett, il-parteċipanti ser issirilhom introduzzjoni għal firxa ta' proċeduri ta' estrazzjoni, tindif u derivatizzazzjoni. Il-korsijiet ser jiġu implimentati bl-appoġġ ta' VERIFIN, istituzzjoni ta' fama magħżula permezz ta' proċess trasparenti ta' akkwist ibbażat fuq sejħa għall-offerti, li magħha l-OPCW ikkonkludiet ftehim ta' ħames snin.

2.   Attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għall-Industrija — Sessjonijiet ta' Ħidma dwar il-Ġestjoni tas-Sikurezza u s-Sigurtà Kimika

Dawn is-sessjonijiet ta' ħidma jsiru matul jumejn u nofs. Huma jkopru, fost l-oħrajn, kwistjonijiet dwar is-sikurezza u s-sigurtà fl-industrija kimika, l-istrateġiji ta' ġestjoni kimika, il-ġestjoni tas-sikurezza tal-proċess kimiku, l-aħjar prattiki fl-industrija, u introduzzjoni għal Responsible Care®.

Fis-sessjoni tal-ftuħ tiġi ppreżentata wkoll ħarsa ġenerali lejn is-CWC u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali. Għandhom jiġi żgurati l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni ma' atturi oħra b'esperjenza f'dan il-qasam, kif adatt.

Waħda mis-sessjonijiet ta' ħidma ser tiġi indirizzata lis-sottoreġjuni tal-Afrika ta' Fuq, tal-Lvant Nofsani u tal-Golfu u ser issir bl-Għarbi.

Proġett III — Xjenza u Teknoloġija

Objettivi:

Biex id-Direttur Ġenerali tal-OPCW (“Direttur Ġenerali”) jkun jista' jagħti pariri u jagħmel rakkomandazzjonijiet lill-Konferenza tal-Istati Partijiet, lill-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW u l-Istati Partijiet dwar oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija li huma rilevanti għas-CWC.

Finijiet:

 L-istabbiliment tad-direzzjoni għal attivitajiet marbutin max-xjenza u t-teknoloġija fl-OPCW fil-perijodu interim bejn ir-Raba' u l-Ħames Konferenzi ta' Reviżjoni.

 Biex id-Direttur-Ġenerali jkun jista' jagħti pariri speċjali lill-organi li jfasslu l-politika tal-OPCW u lill-Istati Partijiet fl-oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għas-CWC;

 L-użu ta' grupp akbar ta' esperti xjentifiċi disponibbli għall-OPCW, u mekkaniżmi mtejba biex wieħed jibqa' konxju mill-iżviluppi fit-teknoloġiji ta' monitoraġġ kimiku u fl-għodod tal-informatika għall-analiżi ta' settijiet kumplessi ta' data li fihom informazzjoni kimika;

 Il-bini u ż-żamma ta' netwerk ta' partijiet ikkonċernati mhux tekniċi li jistgħu jikkomplementaw lill-esperti xjentifiċi disponibbli għall-OPCW fil-valutazzjoni tal-aspetti kollha tat-teknoloġija u x-xjenza ġdida biex jipprovdu pariri aktar sħaħ dwar ix-xjenza u t-teknoloġija u l-impatt tagħhom;

 Biex għadd ta' laboratorji li mhux qegħdin fil-post ikunu jistgħu janalizzaw it-tossini b'appoġġ għas-CWC.

Riżultati

 L-espansjoni ta' netwerk ta' esperti xjentifiċi disponibbli għall-OPCW li ser isaħħaħ l-isforzi li qed isiru ta' monitoraġġ tax-xjenza u t-teknoloġija u jżid il-preżenza u l-viżibbiltà tas-CWC fil-komunità xjentifika;

 Jinbnew u jinżammu relazzjonijiet ma' esperti xjentifiċi involuti fi żviluppi ġodda fix-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għas-CWC;

 Il-ħolqien ta' opportunitajiet biex partijiet ikkonċernati mhux tekniċi jiġu involuti f'diskussjonijiet produttivi dwar żviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija ma' esperti tekniċi għall-valutazzjoni tal-impatt u r-riskju fuq is-sigurtà;

 Pariri u rakkomandazzjonijiet dwar oqsma tax-xjenza u t-teknoloġija rilevanti għas-CWC mogħtija mill-Bord Konsultattiv Xjentifiku (SAB) tal-OPCW u riċevuti mill-Istati Partijiet;

 Jiżdied l-għarfien dwar il-ħtieġa għall-analiżi ta' tossini rilevanti għas-CWC.

Attivitajiet:

1.   Informatika kimika għall-iffaċilitar tal-kollaborazzjoni internazzjonali

Din l-attività għandha l-għan li toħloq grupp ta' ħidma ta' xjentisti biex b'mod kollaborattiv isibu, jiġbru u janalizzaw data b'firem kimiċi uniċi. Din tipprova tgħaqqad data miġbura minn firxa wiesgħa ta' attivitajiet ta' monitoraġġ kimiċi normali li fihom firem kimiċi (eż. data miġbura minn monitoraġġ atmosferiku, ġbir ta' kampjuni ambjentali, ittestjar ta' ilma, u aktar). Il-ħsieb huwa li jitlaqqgħu x-xjentisti kimiċi u tal-informatika minn reġjuni differenti tad-dinja biex jinħoloq ċentru li fih l-informazzjoni tkun tista' tinxtered mal-kollaboraturi għal viżwalizzazzjoni u analiżi informattiva ta' kimika globali u reġjonali. Dan ix-xogħol huwa maħsub biex jiffaċilita l-involviment tas-Segretarjat Tekniku mal-komunità xjentifika. Ir-riżultat ewlieni ser ikun ċentru ta' ġbir tad-data li jservi bħala ċentru għall-ġbir tad-data u biex din tinbidel f'forom kompatibbli mal-għodod analitiċi użati mir-riċerkaturi li jkunu qed jikkollaboraw. Iċ-ċentru, li jkun jinsab f'wieħed mill-universitajiet li jieħdu sehem, ser jappoġġa n-netwerk ta'xjentisti li qed jikkollaboraw u jibni l-kapaċità tiegħu li jespandi lil hinn mill-perijodu ta' implimentazzjoni.

2.   Valutazzjoni tal-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija

Sensiela ta' sessjonijiet ta' ħidma fost l-esperti — li jinvolvu membri tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku tal-OPCW, esperti assoċjati mal-Unjoni Internazzjonali tal-Kimika Pura u Applikata, u esperti oħrajn — biex jivvalutaw l-impatt ta' żviluppi attwali u futuri potenzjali fix-xjenza u t-teknoloġija fuq l-implimentazzjoni tas-CWC.

Din il-ħidma ser tappoġġa s-SAB fl-iżvilupp tar-rapport tagħhom dwar l-iżviluppi fix-xjenza u t-teknoloġija għar-Raba' Konferenza ta' Reviżjoni tas-CWC.

Ser jiġu esplorati sħubijiet possibbli ma' Organizzazzjonijiet Internazzjonali oħrajn biex din l-attività tiġi implimentata.

3.   Użi multipli tal-kimika: konoxxenza tal-aspetti ta' sigurtà tal-iżviluppi teknoloġiċi

Sensiela ta' sessjonijiet ta' ħidma għal ċentri ta' eċċellenza reġjonali u dipartimenti universitarji li huma involuti fi kwistjonijiet ta' sigurtà marbutin mal-AQM. L-iskop huwa li dawk li huma mħassba dwar l-implikazzjonijiet tal-iżviluppi tat-teknoloġija jiġu megħjuna jifhmu l-proċess li bih it-teknoloġiji jiġu konċepiti, żviluppati, adattati, u jingħataw ħajja.

Dawk li jattendu s-sessjonijiet ta' ħidma ser jiksbu ħiliet u għarfien marbutin ma':

 Il-konverġenza tad-dixxiplini xjentifiċi (speċjalment, iżda mhux limitata għall-konverġenza bejn il-kimika u l-bijoloġija), li huma forza b'saħħitha li tippermetti li jkun hemm teknoloġiji ġodda u li jistgħu jixprunaw applikazzjonijiet u approċċi fl-iżvilupp ġenerali tat-teknoloġija,

 l-aħjar prattiki għall-monitoraġġ tat-teknoloġiji,

 kif jiġu vvalutati aħjar ir-riskji ta' teknoloġiji ġodda u dawk li qed jinbidlu, u

 kif wieħed jirrikonoxxi kif l-adattament ta' teknoloġiji ġodda huwa aspett kritiku ta' ġestjoni effettiva tas-sigurtà.

Din il-ħidma ser toħloq aktar għarfien dwar kif ix-xjenza u t-teknoloġija jappoġġaw l-implimentazzjoni effettiva ta' trattati multilaterali dwar is-sigurtà u l-AQM — billi s-CWC tintuża bħala eżempju.

4.   Gruppi ta' Ħidma Temporanji (TWGs) tas-SAB

Appoġġ għal-laqgħat tal-Gruppi ta' Ħidma Temporanji, li ser jippermetti lis-SAB jagħti pariri tekniċi speċjalizzati lid-Direttur Ġenerali dwar l-implimentazzjoni tas-CWC. Dan imbagħad ser jippermetti lid-Direttur Ġenerali jagħti pariri lill-Organi li Jfasslu l-Politika u lill-Istati Partijiet dwar kwistjonijiet ta' politika, appoġġati minn pariri xjentifiċi tajbin.

5.   Lejn l-iżvilupp ta' metodi analitiċi standardizzati għall-analiżi ta' tossini bijoloġiċi

It-tossini bijoloġiċi huma regolati mill-Konvenzjoni dwar l-Armi Bijoloġiċi (BWC). Żewġ tossini bijoloġiċi (ir-riċina u s-sassitossina) huma wkoll elenkati fis-CWC bħala armi kimiċi u huma strettament regolati. Tossini bijoloġiċi oħrajn ukoll jistgħu jaqgħu taħt il-kriterji ġenerali tas-CWC kontra l-użu ta' aġenti tossiċi fil-ġlied fil-gwerer.

Fil-BWC m'hemmx is-sistema robusta ta' verifika tas-CWC. Taħt is-CWC, l-ispetturi għandhom is-setgħa li jieħdu kampjuni u jwettqu analiżi fuq il-post (jekk possibbli; ta' spiss dan ma jkunx possibbli għal tossini bijoloġiċi) jew jibagħtuhom f'laboratorji lil hinn mill-post. Analiżi f'laboratorji lil hinn mis-sit teħtieġ tagħmir analitiku sofistikat kif ukoll metodi u jew materjal ta' referenza jew data.

Għal dan il-proġett, il-Laboratorju tal-OPCW u l-laboratorji sħab ser:

 Iħejju/jakkwistaw materjal ta' referenza

 Jagħmlu eżerċizzji ċirkolari (“round-robin”)

 Jiktbu u jivvalidaw proċeduri operattivi rrakkomandati (ROPs) għall-analiżi ta' tossini bijoloġiċi

 Jiġbru data ta' referenza minn laboratorji sħab

 Jikkondividu l-proċeduri operattivi rrakkomandati u d-data ta' referenza mal-laboratorji sħab u l-komunità xjentifika

 Jevalwaw proċeduri analitiċi/settijiet ta' għodod għas-sejbien li jistgħu jintużaw fuq il-post biex jiggwidaw deċiżjonijiet dwar l-analiżijiet li ma jsirux fil-post u bħala komponent protettiv għall-ispetturi fuq il-post.

Proġett IV — Tħejjija tal-Istati Partijiet għall-prevenzjoni ta' attakki li jinvolvu sustanzi kimiċi u r-rispons għalihom

Objettivi:

Kontribut għall-iżvilupp tal-kapaċità tal-Istati Partijiet fil-prevenzjoni ta' attakki terroristiċi bl-użu ta' armi kimiċi, it-tħejjija u r-rispons għalihom u għat-titjib tar-rispons tagħhom għal talbiet għall-assistenza fil-każ li jintużaw jew li jkun hemm theddida li jintużaw sustanzi kimiċi.

Finijiet

 Titjib tal-għarfien tal-Istati Partijiet dwar l-importanza li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati ma' finijiet protettivi;

 Kontribut ikbar tal-Istati Partijiet għat-tħejjija tal-OPCW biex tagħti rispons għat-talbiet għall-assistenza;

 Inkoraġġiment tal-Istati Partijiet biex irawmu l-ħolqien ta' netwerks reġjonali fir-reġjuni jew subreġjuni biex itejbu r-rispons koordinat tagħhom għal attakk b'armi kimiċi;

 Inkoraġġiment tal-Istati Partijiet biex jistabbilixxu koordinazzjoni u kooperazzjoni bejn is-subreġjuni fir-rispons għall-emerġenzi kimiċi;

 Il-bini tal-kapaċità tal-Istati Partijiet biex ikomplu jxerrdu l-għarfien u l-ħiliet miksuba matul il-korsijiet ta' taħriġ;

 Eżerċizzju u evalwazzjoni tal-prevenzjoni nazzjonali ta' inċidenti kimiċi, it-tħejjija u r-rispons għalihom u biex jiżdied l-għarfien dwar il-passi ulterjuri li għandhom jittieħdu biex jissaħħaħ il-livell ta' tħejjija;

 Eżerċizzju u evalwazzjoni tal-koordinazzjoni tal-komunità internazzjonali fil-prevenzjoni u r-rispons għal inċidenti kimiċi;

Riżultati

 Ħolqien ta' prekondizzjonijiet biex jiġi ffurmat netwerk reġjonali ta' persunal ta' rispons għall-emerġenzi;

 L-Istati Partijiet ikunu konxji mill-importanza li jippreżentaw dikjarazzjonijiet fil-ħin u kompleti dwar programmi nazzjonali relatati ma' finijiet protettivi;

 L-Istati Partijiet ikunu f'pożizzjoni aħjar biex joffru assistenza lill-OPCW fir-rispons għal talba għall-assistenza;

 Għarfien akbar tal-Istati Partijiet rigward il-ħtieġa li tiġi promossa l-kooperazzjoni fir-rigward tal-emerġenzi ta' armi kimiċi fil-każ ta' attakk;

 Grupp ta' istrutturi mill-Istati Partijiet tal-Asja Ċentrali li jkunu jistgħu jappoġġaw il-pjan ta' rispons għal emerġenza kimika permezz ta' taħriġ għal dawk li jagħtu l-ewwel rispons;

 Pjanijiet aħjar ta' rispons għall-emerġenzi għat-trattament ta' inċidenti li jinvolvu sustanzi kimiċi tossiċi tal-Istati Partijiet implikati permezz tal-inkorporazzjoni tat-trasferiment tal-għarfien u l-prattiki.

Attivitajiet:

1.   Taħriġ ta' Assistenza u Protezzjoni Reġjonali

Pakkett ta' taħriġ ta' ċiklu sħiħ għall-Istati Partijiet mill-Asja Ċentrali biex jiġu inklużi korsijiet ta' taħriġ ta' livell Bażiku u Avvanzat fl-Assistenza u l-Protezzjoni. Il-korsijiet ikunu segwiti minn eżerċizzju ta' konferma fejn il-parteċipanti jużaw l-għarfien miksub f'xenarju prattiku ta' taħriġ fil-post. Dan iċ-ċiklu ta' taħriġ ser jirriżulta f'aktar reżiljenza kontra l-użu ħażin ta' sustanzi kimiċ tossiċi u kapaċità mtejba fuq livell nazzjonali u reġjonali biex twieġeb għal dan. Il-persuni li jagħtu l-ewwel rispons mir-reġjun li ser jibbenefikaw minn dan it-taħriġ ser jiġu sussegwentement ikkunsidrati għal korsijiet ta' taħriġ għal min iħarreġ iffinanzjati mill-OPCW biex jiġu megħjuna biex l-għarfien u l-ħiliet li jiksbu jinxterdu aktar.

2.   Eżerċizzju ta' Koordinazzjoni Reġjonali dwar l-Għoti ta' Assistenza

F'konformità mal-paragrafu 7 tal-Artikolu X tas-CWC, l-eżerċizzju propost huwa segwitu għas-sessjoni ta' ħidma dwar il-Koordinazzjoni tal-Assistenza li saret fl-Arġentina f'Ottubru 2013 u ser ikollu l-għan li jittestja l-mekkaniżmi ta' għoti ta' assistenza bejn żewġ jew tliet Stati Partijiet mir-reġjun tal-Amerika Latina li jikkondividu l-istess fruntiera, u ser jinkludi s-sehem, b'kompiti diversi, tal-bqija tal-Istati Partijiet mir-reġjun.

3.   Sessjonijiet ta' ħidma dwar l-Assistenza u Protezzjoni Reġjonali

L-appoġġ għal din l-attività ġie pprovdut taħt id-Deċiżjoni 2009/569/PESK u d-Deċiżjoni 2012/166/PESK. Din l-attività hija mfassla bħala forum għall-amministraturi u l-persuni responsabbli mill-ippjanar li huma involuti fil-protezzjoni tal-popolazzjonijiet ċivili tagħhom kontra l-armi kimiċi, jew li jkunu responsabbli għall-provvista ta' assistenza ta' emerġenza skont l-Artikolu X tas-CWC. Is-sessjonijiet ta' ħidma jagħtu tagħrif dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu X, il-proġetti nazzjonali u internazzjonali li qed isiru mill-OPCW, l-approċċi reġjonali għall-assistenza u l-protezzjoni, u sfidi u opportunitajiet ġodda fil-qasam tal-assistenza u l-protezzjoni kontra l-armi kimiċi u sustanzi kimiċi tossiċi oħrajn. Barra minn hekk, huma maħsubin biex irawmu diskussjoni u analiżi ta' diversi kwistjonijiet marbutin mal-assistenza u l-protezzjoni, b'attenzjoni speċjali fuq oqsma bħad-drittijiet u l-obbligi ta' Stati Partijiet taħt l-Artikolu X tas-CWC, il-preżentazzjonijiet ta' dikjarazzjonijiet ta' programmi protettivi, u l-analiżi ta' dgħufijiet u oqsma problematiċi. Huma jipprovdu wkoll ħarsa ġenerali lejn l-attivitajiet ta' assistenza u protezzjoni fir-reġjun ikkonċernat. Il-parteċipanti jagħtu preżentazzjonijiet sabiex jaqsmu l-esperjenzi, it-tagħlimiet meħuda, u ideat fil-qasam tal-assistenza u l-protezzjoni u r-rispons ta' emerġenza kontra theddid marbut mal-użu ħażin ta' sustanzi kimiċi tossiċi. Ir-reġjuni mmirati ser ikunu l-Amerika Latina u l-Asja.

4.   Eżerċizzji ta' Simulazzjoni

L-appoġġ għal din l-attività ġie pprovdut taħt id-Deċiżjoni 2009/569/PESK u d-Deċiżjoni 2012/166/PESK. Il-proġett Eżerċizzji ta' Simulazzjoni huwa segwitu għal u jibni fuq it-tagħlimiet meħuda mill-Eżerċizzju ta' Simulazzjoni (TTX) li sar f'Awwissu 2013 fl-Indoneżja (iffinanzjat taħt id-Deċiżjoni 2012/166/PESK). Wieħed mir-riżultati tal-eżerċizzju kien l-iżvilupp tal-modulu ta' eżerċizzju ta' simulazzjoni li jista' jintuża għal attivitajiet ta' bini ta' kapaċità f'reġjuni oħrajn. L-eżerċizzji ser jeżaminaw it-teħid ta' deċiżjonijiet intergovernattivi, u jippromwovu skambju ta' informazzjoni u għoti ta' assistenza bejn organizzazzjonijiet nazzjonali u internazzjonali rilevanti sabiex jittaffew ir-riskji u l-impatt ta' attakk b'sustanzi kimiċi tossiċi. Il-proġett jikkomplementa programmi oħrajn tal-OPCW, partikolarment dawk li jirrigwardaw l-assistenza u l-protezzjoni li jagħti mandat għalihom l-Artikolu X tas-CWC kif ukoll l-isforzi tal-OPCW biex tappoġġa l-Istati Partijiet fl-adozzjoni ta' miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali u l-proġett dwar “l-OPCW bħala pjattaforma għat-tisħiħ tas-sigurtà fl-impjanti kimiċi” (iffinanzjata taħt id-Deċiżjoni 2012/166/PESK). Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu X, l-Istati Partijiet jistgħu jirċievu pariri u assistenza esperti mill-OPCW dwar l-iżvilupp u t-titjib tal-kapaċità protettiva tagħhom kontra l-armi kimiċi.

Proġett V — Universalità u attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni

Objettivi:

 L-Istati mhux Partijiet għas-CWC jiġu inkoraġġiti jifhmu aħjar il-benefiċċji mill-adeżjoni mas-CWC u minn aktar involviment fl-attivitajiet tal-OPCW.

 Titqajjem aktar kuxjenza dwar l-OPCW u s-CWC, b'mod partikolari fost udjenza pubblika wiesgħa u ċerti gruppi mmirati fis-settur edukattiv, bħal studenti u għalliema tal-kimika u tal-inġinerija kimika fil-livell sekondarju u f'dak terzjarju.

Finijiet

 Titqajjem kuxjenza u jiżdied l-għarfien tal-OPCW u tas-CWC fost l-istudenti u l-għalliema u gruppi oħra kif xieraq;

 Tiżdied il-viżibbiltà tal-OPCW u l-attivitajiet tagħha jiġu spjegati lil udjenza pubblika wiesgħa;

 Titjib tal-mezzi biex tintlaħaq l-akbar udjenza possibbli, speċjalment fost dawk li mhumiex tekniċi jew dawk li mhumiex speċjalisti;

 Titqajjem aktar kuxjenza dwar is-CWC u l-OPCW fost udjenza żagħżugħa fi Stati jew reġjuni magħżula;

 Stati mhux Partijiet isiru aktar involuti f'attivitajiet tal-OPCW u jsiru jifhmu aktar il-Konvenzjoni u l-benefiċċji tagħha;

 Żieda fl-involviment ma' partijiet ikkonċernati dwar kwistjonijiet sostantivi li tiffaċċja l-OPCW matul perijodu ta' transizzjoni istituzzjonali;

Riżultati

 Id-disseminazzjoni ta' materjal edukattiv prodott minn assoċjazzjonijiet nazzjonali, reġjonali u internazzjonali u l-użu tal-materjal edukattiv fl-iskejjel u l-universitajiet;

 Ikun hemm involviment ikbar tal-pubbliku mal-OPCW u s-CWC permezz tal-użu tal-wirja f'diversi avvenimenti madwar id-dinja;

 Issir aktar interazzjoni mal-OPCW minn udjenzi żgħażagħ fi Stati jew reġjuni magħżulin u jsir żvilupp tal-għodod tal-mezzi ta' komunikazzjoni soċjali u tal-użu tagħhom mis-sħab tal-OPCW;

 Jirriżulta numru akbar ta' Stati Partijiet ġodda;

 Jingħata kontribut akbar mis-soċjetà ċivili għall-proċess ta' tfassil ta' politika tal-OPCW, li jinkludi l-opportunità li l-membri tas-soċjetà jippreżentaw il-fehmiet tagħhom dwar kwistjonijiet sostantivi direttament quddiem delegati f'sessjonijiet plenarji speċjali tal-Konferenza tal-Istati Partijiet;

 Isir disponibbli materjal dokumentarju, inklużi filmati korporattivi tal-OPCW għal kull skop, għad-disseminazzjoni u s-sensibilizzazzjoni tal-udjenza ġenerali.

Attivitajiet

1.   Traduzzjoni u disseminazzjoni ta' għodod u materjal edukattivi u ta' sensibilizzazzjoni

Matul l-2013 u l-2014, is-Segretarjat Tekniku (appoġġat parzjalment mid-Deċiżjoni 2012/166/PESK) ipproduċa diversi għodod ta' edukazzjoni u sensibilizzazzjoni bl-Ingliż. Sabiex dan il-materjal jintuża kemm jista' jkun minn firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati u fl-akbar numru possibbli ta' Stati Partijiet, il-materjal jeħtieġ li jiġi tradott għall-ħames lingwi uffiċjali l-oħra tal-OPCW u għal lingwi oħrajn mitkellma minn ħafna nies. Ser ikun meħtieġ ukoll li l-materjal tradott jinxtered b'mod wiesa'.

2.   Produzzjoni ta' wirja tal-OPCW

►M1  Il-produzzjoni ta' wirja professjonali fiżika u online dwar l-OPCW u s-CWC biex tintuża f'laqgħat, konferenzi eċċ. rilevanti, f'kollaborazzjoni ma' mużewijiet tax-xjenza u tal-paċi. ◄ Diġà sar xi xogħol mill-OPCW flimkien maċ-Ċentru Nobel tal-Paċi, MUSEON fl-Aja u oħrajn iżda, taħt dan il-proġett, ser tiġi prodotta wirja maħsuba b'mod professjonali, biex tibqa' tintuża mill-OPCW kif meħtieġ.

3.   Komunikazzjoni maż-żgħażagħ

▼M1

Komunikazzjoni mmirata lejn udjenzi żgħażagħ (ta' età bejn 15 u 25 sena) kemm biex iqajmu kuxjenza dwar l-OPCW u s-CWC kif ukoll biex jinvolvu liż-żgħażagħ fl-esplorazzjoni ta' opportunitajiet għal karrieri futuri f'oqsma u setturi fil-livell internazzjonali. Dan ser jinvolvi komunikazzjoni permezz ta' vidjo blogging u l-iżvilupp ta' materjal ta' komunikazzjoni li jimmira udjenzi żgħażagħ.

▼B

4.   Faċilitazzjoni tal-universalità biex Stati li mhumiex Partijiet jingħaqdu mas-CWC

▼M1

Bi ftit Stati mhux Parti għas-CWC, u sabiex tkun promossa l-konformità mas-CWC bħala impenn ta' stat għad-diżarm u l-kooperazzjoni internazzjonali, is-Segretarjat Tekniku tal-OPCW ser jiffoka fuq laqgħat bilaterali u ta' komunikazzjoni ma' Stati li mhumiex Parti u l-isponsorjar ta' parteċipanti minn Stati li mhumiex Parti għas-CWC biex jieħdu sehem f'avvenimenti tal-OPCW.

▼B

5.   Appoġġ għall-parteċipazzjoni tal-NGOs f'attivitajiet tal-OPCW

L-għadd ta' NGOs li rreġistraw għal u attendew konferenzi tal-OPCW kiber b'rata kontinwa u b'mod sinifikanti mill-2008, u laħaq il-milja tiegħu bit-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni f'April 2013 meta ġie approvat li jattendu 70 NGO li jirrappreżentaw ir-reġjuni kollha. Barra minn hekk, għall-ewwel darba, l-NGOs ħadu sehem attiv f'konferenzi tal-OPCW billi indirizzaw lid-delegati f'sessjonijiet plenarji speċjali tat-Tielet Konferenza ta' Reviżjoni u t-18-il Konferenza tal-Istati Parti. ►M1  Din il-proposta ser tipprovdi appoġġ bażiku għall-ivvjaġġar u l-akkomodazzjoni biex rappreżentanti ta' NGOs minn Stati b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni jattendu kull waħda mill-Konferenzi tal-Istati Parti fl-2015, l-2016, l-2017 u l-2018. ◄

6.   Appoġġ għall-iżvilupp u l-promozzjoni tas-sensiela ta' dokumentarji b'filmati “Nirien”

Il-proġett Nirien ġie żviluppat mill-fergħa tal-Mezzi ta' Komunikazzjoni u Affarijiet Pubbliċi tal-OPCW. Huma pproduċew 4 episodji li jdumu minn 5 sa 20 minuta kull wieħed, inkluż l-episodju oriġinali Missjoni ta' Għalliem li ġie approvat b'mod qawwi mill-Grupp ta' Ħidma Temporanju tal-Bord Konsultattiv Xjentifiku dwar l-Edukazzjoni u l-Komunikazzjoni tal-OPCW bħala għodda effettiva ta' tagħlim. L-aktar episodju reċenti, Ich liebe Dich, iġġenera saħansitra aktar entużjażmu fost il-partijiet ikkonċernati għall-proġett, b'turija ta' appoġġ materjali u kollaborazzjoni fil-produzzjoni ta' episodji futuri minn diversi Stati Partijiet. Il-finanzjament mill-Unjoni ser jiżgura l-produzzjoni ta' tal-anqas 3 episodji oħrajn.

Proġett VI — Programm tal-Afrika

Objettiv:

It-tisħiħ tal-kapaċità tal-Istati Partijiet Afrikani li jħarsu l-obbligi tagħhom taħt is-CWC.

Finijiet:

Fini 1 (Implimentazzjoni nazzjonali):

 L-Istati Partijiet Afrikani isiru aktar kapaċi għal implimentazzjoni nazzjonali effettiva;

 Għadd akbar ta' Stati Partijiet Afrikani jkunu jistgħu iwettqu implimentazzjoni nazzjonali effettiva fil-livell kwantitattiv u kwalitattiv;

 L-Awtoritajiet Nazzjonali tal-Istati Partijiet Afrikani jifhmu aħjar u jkunu aktar konxji mill-kwistjonijiet marbutin mas-CWC għal kooperazzjoni u appoġġ tajbin;

 L-awtoritajiet doganali jaħdmu b'mod effettiv fil-kontroll u l-monitoraġġ tal-kummerċ tas-sustanzi kimiċi;

 Tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn l-aġenziji b'appoġġ għal implimentazzjoni nazzjonali effettiva tas-CWC taħt it-tmexxija tal-Awtorità Nazzjonali.

Fini 2 (Użu paċifiku tal-kimika):

 Tisħiħ tal-kapaċità tal-laboratorji li huma ffinanzjati pubblikament fl-Istati Partijiet Afrikani b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew qegħdin fi transizzjoni biex jimplimentaw is-CWC fil-qasam tal-użu paċifiku tal-kimika.

 Tisħiħ tal-approċċi għall-ġestjoni tas-sikurezza kimika fl-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju tal-industrija kimika fl-Istati Partijiet Afrikani b'ekonomiji li qed jiżviluppaw jew ekonomiji fi transizzjoni

Riżultati:

Riżultati 1 (Implimentazzjoni nazzjonali)

 Il-partijiet ikkonċernati rilevanti jifhmu aħjar u jkunu aktar konxji mis-CWC u jsaħħu r-rwol u l-involviment tagħhom fl-isforzi nazzjonali ta' implimentazzjoni;

 Uffiċjali tad-dwana minn Stati Partijiet Afrikani jtejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom fir-rigward tal-qadi effettiv tad-dmirijiet li jirrigwardaw l-importazzjoni u l-esportazzjoni tas-sustanzi kimiċi skedati u l-koordinazzjoni mal-Awtoritajiet Nazzjonali;

 Il-partijiet ikkonċernati rilevanti jkollhom disponibbli informazzjoni korretta u aġġornata għal tagħlim effettiv;

 Aġenziji/korpi ikkonċernati potenzjali fl-appoġġ tal-implimentazzjoni tas-CWC jaqblu dwar aġenda fuq perijodu qasir biex joħolqu sinerġiji fosthom.

Riżultati 2 (Użu paċifiku tal-kimika):

 Il-laboratorji ffinanzjati pubblikament fi Stati Partijiet Afrikani jkollhom livell ogħla ta' kompetenza teknika biex jiġu analizzati sustanzi kimiċi relatati mal-implimentazzjoni tas-CWC u fl-applikazzjoni paċifika ta' kimika li tuża metodi analitiċi moderni speċjalment GC u GC-MS;

 Il-persunal tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, ir-rappreżentanti tal-assoċjazzjonijiet tal-industrija u l-awtoritajiet nazzjonali/l-istituzzjonijiet governattivi tal-Istati Partijiet Afrikani jtejbu l-livelli ta' kompetenza u konoxxenza fir-rigward tal-prattiki għall-ġestjoni tas-sikurezza tal-proċessi.

Attivitajiet:

1.   Forum Reġjonali għall-Partijiet Ikkonċernati tal-Awtoritajiet Nazzjonali

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom rwoli u responsabbiltajiet speċifiċi u importanti għall-implimentazzjoni effettiva. Huma għandhom jiżviluppaw u jżommu kooperazzjoni ferm mill-qrib u tajba ma' partijiet ikkonċernati oħrajn fil-livell tal-Istat ikkonċernat. Il-kooperazzjoni mhijiex dejjem effettiva minħabba li għad hemm lakuni u nuqqas ta' ftehim veru fosthom. Il-Forum tal-Partijiet Ikkonċernati Reġjonali propost għandu l-għan li jlaqqa' lill-partijiet ikkonċernati ewlenin u r-rappreżentanti tal-Awtoritajiet Nazzjonali biex jaraw, isiru jafu u jifhmu lil xulxin aħjar. Ser jipprovdi wkoll opportunità tajba biex jiġu kondiviżi esperjenzi u skambjati fehmiet u tħassib dwar kooperazzjoni effettiva. Dan huwa propost bħala proġett pilota għar-reġjun Afrikan.

2.   Kors ta' Taħriġ Reġjonali għall-Awtoritajiet Doganali tal-Istati Partijiet dwar l-Aspetti Tekniċi tar-Reġim ta' Trasferimenti tas-CWC

Ġie pprovdut appoġġ għall-uffiċjali doganali taħt l-Azzjoni Konġunta 2005/913/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2007/185/PESK, id-Deċiżjoni 2009/569/PESK, u d-Deċiżjoni 2012/166/PESK. Abbażi ta' esperjenza miksuba, ser issir komunikazzjoni ma' uffiċjali tad-dwana permezz ta' korsijiet ta' taħriġ bil-ħsieb li jittejbu l-ġbir u t-trasmissjoni ta' data dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta' sustanzi kimiċi skedati lill-awtoritajiet nazzjonali. It-taħriġ li ser isir ser joffri dimostrazzjonijiet u eżerċizzji b'involviment dirett u ser jinkorpora element li jkopri ta' taħriġ għal min iħarreġ. It-taħriġ ser isir mill-Fergħa ta' Appoġġ għall-Implimentazzjoni tas-Segretarjat Tekniku bil-ħila esperta teknika mill-Fergħa tad-Dikjarazzjonijiet fir-reġjun Afrikan.

3.   Provvista ta' Materjal Akkademiku/Informattiv dwar is-CWC

It-trawwim ta' għarfien u kuxjenza dwar is-CWC fi Stati Parti Afrikani, ser jitħejja materjal informattiv u dan ser jiġi pprovdut lil-librerija tad-dipartimenti tal-kimika tal-universitajiet permezz tal-Awtoritajiet Nazzjonali rilevanti. Fl-ewwel fażi tagħha, l-attività ser ikollha l-għan li tagħti tagħrif, iżda t-tieni fażi ser twassal għall-introduzzjoni tas-CWC fil-kurrikulu tat-taħriġ/tagħlim tal-universitajiet. Dan huwa propost bħala proġett pilota fir-reġjun Afrikan.

4.   Sinerġiji u Sħubija għal implimentazzjoni effettiva

▼M1

L-attività għandha l-għan li ssaħħaħ il-ħila tal-Awtoritajiet Nazzjonali tas-CWC li jintlaħqu l-partijiet interessati nazzjonali, u tippromwovi l-impenn tal-aġenziji/korpi tal-partijiet interessati fl-appoġġ għall-implimentazzjoni tas-CWC. Dawn huma assoċjazzjonijiet nazzjonali tal-industrija, organizzazzjonijiet reġjonali/subreġjonali, istituzzjonijiet doganali ta' taħriġ, laboratorji u istituzzjonijiet akkademiċi. L-attività ser tiffaċilita l-kondiviżjoni ta' prattiki fost l-Istati Partiijiet mir-reġjun tal-Afrika u tħeġġeġ l-appoġġ bejn Stat u ieħor. Il-parteċipanti mill-Istati Partijiet Afrikani ser jiġu sponsorjati biex jieħdu sehem f'laqgħa tal-Awtoritajiet Nazzjonali fil-Kwartieri Ġenerali tal-OPCW f'The Hague.

▼B

5.   Korsijiet għall-iżvilupp ta' kompetenzi analitiċi

Dawn il-korsijiet isiru fuq perijodu ta' ġimagħtejn, li matulhom il-parteċipanti ser jirċievu taħriġ teoretiku u esperjenza b'involviment dirett fil-GC u GC-MS. Is-suġġetti koperti jinkludu: hardware; validazzjoni u ottimizzazzjoni tas-sistemi; trouble-shooting; tħejjija ta' kampjuni ambjentali; u l-analiżi GC /GC-MS ta' tali kampjuni għas-sustanzi kimiċi relatati mas-CWC. Il-parteċipanti jirċievu wkoll taħriġ intensiv b'involviment dirett fit-tħejjija ta' matriċijiet ta' kampjuni differenti li għandhom jiġu analizzati bil-GC b'detetturi selettivi skont l-element u b'GC-MS bil-modalità tal-jonizzazjoni kimika u l-jonizzazjoni b'impatt elettroniku. Finalment, il-parteċipanti ssirilhom introduzzjoni għal firxa ta' proċeduri ta' estrazzjoni, tindif u derivatizzazzjoni. ►M1  Il-korsijiet jiġu implimentati bl-appoġġ ta' Verifin, istituzzjoni magħrufa li ġiet magħżula permezz ta' proċess trasparenti ta' akkwist, li magħha l-OPCW daħlet fi ftehim ta' ħames snin, u bl-appoġġ tal-Istitut Nazzjonali għar-Riċerka u l-Analiżi Fiżika u Kimika (INRAP) tat-Tuneżija. ◄

6.   Attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għall-Industrija — Workshop dwar is-CWC u s-Sikurezza tal-Proċess Kimiku

Dawn is-sessjonijiet ta' ħidma isiru fuq jumejn u nofs. Dawn ikopru, fost l-oħrajn, kwistjonijiet ta' sigurtà u sikurezza fl-industrija kimika; strateġiji ta' ġestjoni kimika; il-ġestjoni tas-sikurezza tal-proċess kimiku; l-aħjar prattiki fl-industrija; u l-introduzzjoni għal Responsible Care®.

Fil-laqgħħa tal-bidu tiġi ppreżentata wkoll ħarsa ġenerali lejn is-CWC u l-programmi ta' kooperazzjoni internazzjonali.