02015D0010 — MT — 13.01.2017 — 004.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI (UE) 2015/774 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-4 ta' Marzu 2015 dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10) (ĠU L 121 14.5.2015, p. 20) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
DEĊIŻJONI (UE) 2015/2101 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-5 ta' Novembru 2015 |
L 303 |
106 |
20.11.2015 |
|
|
DEĊIŻJONI (UE) 2015/2464 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tas-16 ta' Diċembru 2015 |
L 344 |
1 |
30.12.2015 |
|
|
DEĊIŻJONI (UE) 2016/702 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-18 ta' April 2016 |
L 121 |
24 |
11.5.2016 |
|
|
DEĊIŻJONI (UE) 2017/100 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tal-11 ta' Jannar 2017 |
L 16 |
51 |
20.1.2017 |
|
DEĊIŻJONI (UE) 2015/774 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tal-4 ta' Marzu 2015
dwar programm ta' xiri ta' assi ta' swieq sekondarji mis-settur pubbliku (BĊE/2015/10)
Artikolu 1
Stabbiliment u kamp ta' applikazzjoni tal-PSPP
L-Eurosistema bil-preżenti qiegħda tistabblixxi l-PSPP li bis-saħħa tiegħu l-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom jixtru titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli, kif iddefinit fl-Artikolu 3, fi swieq sekondarji, minn kontropartijiet eliġibbli, kif iddefinit fl-Artikolu 7, taħt kundizzjonijiet speċifiċi.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet segwenti:
(1) “bank ċentrali tal-Eurosistema” tfisser il-BĊE u l-banek ċentrali nazzjonali tal-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro (iktar 'il quddiem il-“BĊNi”);
(2) “aġenzija rikonoxxuta” tfisser entità li l-Eurosistema kklassifikat bħala tali għall-finijiet tal-PSPP;
(3) “organizzazzjoni internazzjonali” tfisser entità fit-tifsira tal-Artikolu 118 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) u li l-Eurosistema kklassifikat bħala tali għall-finijiet tal-PSPP;
(4) “bank ta' żvilupp multilaterali” tfisser entità fit-tifsira tal-Artikolu 117(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u li l-Eurosistema kklassifikat bħala tali għall-finijiet tal-PSPP;
(5) “eżitu pożittiv ta' reviżjoni” jfisser dik li tiġi l-aktar tard miż-żewġ deċiżjonijiet: id-deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi tal-Mekkaniżmu Ewropew tal-Istabbiltà u, fil-każ li l-Fond Monetarju Internazzjonali jikkofinanzja l-programm ta' assistenza finanzjarja, il-Bord Eżekuttiv tal-Fond Monetarju Internazzjonali biex jiġi approvat il-ħlas li jmiss taħt dak il-programm, waqt li jkun mifhum li ż-żewġ deċiżjonijiet ikunu meħtieġa biex jitkompla x-xiri taħt il-PSPP.
Lista tal-entitajiet msemmijin fil-punti (2) sa (4) huma ppubblikati fuq il-websajt tal-BĊE.
Artikolu 3
Kriterji ta' eliġibbiltà għal titoli ta' dejn negozjabbli
1. Bla ħsara għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 3, titoli ta' dejn negozjabbli ddenominati f'euro maħruġin minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali ta' Stat Membru li l-valuta tagħhom hija l-euro, aġenziji rikonoxxuti li jinsabu fiż-żona tal-euro, organizzazzjonijiet internazzjonali li jinsabu fiż-żona tal-euro u banek multilaterali tal-iżvilupp li jinsabu fiż-żona tal-euro għandhom ikunu eliġibbli għal xiri mill-banek ċentrali tal-Eurosistema taħt il-PSPP. F'ċirkustanzi eċċezzjonali, fejn l-ammont ta' xiri previst ma jistax jintlaħaq, il-Kunsill Governattiv jista' jiddeċiedi li jixtri titoli ta' dejn negozjabbli maħruġin minn entitajiet oħrajn li jinsabu fiż-żona tal-euro, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4.
2. Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP, it-titoli ta' dejn negozjabbli għandhom jikkonformaw mal-kriterji ta' eliġibbiltà għal assi negozjabbli għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema skont il-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) ( 2 ), bla ħsara għar-rekwiżiti li ġejjin:
(a) l-emittent jew il-garanti tat-titoli ta' dejn negozjabbli għandu jkollu valutazzjoni tal-kwalità tal-kreditu tal-inqas tal-Livell 3 ta' Kwalità ta' Kreditu fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema espressa fil-forma ta' mill-inqas klassifikazzjoni waħda ta' kreditu pubbliku mogħtija minn istituzzjoni esterna ta' valutazzjoni tal-kreditu (ECAI) aċċettata fi ħdan il-qafas ta' valutazzjoni ta' kreditu tal-Eurosistema;
(b) jekk ikun hemm disponibbli diversi klassifikazzjonijiet tal-emittent minn ECAI jew klassifikazzjonijiet tal-garanti minn ECAI, għandha tapplika r-regola tal-ewwel l-aħjar, jiġifieri għandha tapplika l-aħjar klassifikazzjoni tal-emittent minn ECAI jew klassifikazzjoni tal-garanti minn ECAI disponibbli. Jekk l-issodisfar tar-rekwiżiti tal-kwalità ta' kreditu jiġi stabbilit abbażi ta' klassifikazzjoni tal-garanti minn ECAI, il-garanzija għandha tissodisfa l-karatteristiċi ta' garanzija aċċettabbli kif stipulat fl-Artikolu 87 u l-Artikoli 113 sa 115 tal-Linja Gwida (UE) 2015/30 (BĊE/2014/60);
(c) fin-nuqqas ta' klassifikazzjoni ta' emittent minn ECAI u klassifikazzjoni ta' garanti minn ECAI, titolu ta' dejn negozjabbli għandu jkollu ta' mill-inqas klassifikazzjoni ta' ħruġ waħda minn ECAI ta' mill-inqas tal-Livell 3 ta' Kwalità tal-Kreditu fl-iskala ta' klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema;
(d) jekk il-valutazzjoni ta' kreditu pprovduta minn ECAI aċċettat għall-emittent, il-garanti jew il-ħruġ ma tikkonformax ma' tal-inqas il-Livell 3 ta' Kwalità ta' Kreditu fl-iskala tal-klassifikazzjoni armonizzata tal-Eurosistema, it-titoli ta' dejn negozjabbli għandhom ikunu eliġibbli biss jekk jinħarġu jew ikunu ggarantiti għal kollox mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont programm ta' assistenza finanzjarja u li fir-rigward tiegħu l-applikazzjoni tal-limitu tal-kwalità ta' kreditu tal-Eurosistema jiġi sospiż mill-Kunsill Governattiv bis-saħħa tal-Artikolu 8 tal-Linja Gwida BĊE/2014/31 ( 3 );
(e) fil-każ ta' reviżjoni ta' programm ta' assistenza finanzjarja li jkun għaddej, l-eliġibbiltà għal xiri PSPP għandha tiġi sospiża u għandha tkompli biss fil-każ li jkun hemm eżitu pożittiv tar-reviżjoni.
3. Sabiex ikunu eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP, it-titoli ta' dejn, fit-tifsira tal-paragrafi 1 sa 2, għandu jkollhom maturità rimanenti minima ta' sena u maturità rimanenti massima ta' 30 sena meta jinxtraw mill-bank ċentrali tal-Eurosistema rilevanti. Sabiex tiġi ffaċilitata implimentazzjoni bla xkiel, strumenti ta' dejn negozjabbli b'maturità rimanenti ta' 30 sena u 364 jum għandhom ikunu eliġibbli taħt il-PSPP. Il-Banek ċentrali nazzjonali għandhom iwettqu wkoll xirjiet sostituti ta' titoli ta' dejn negozjabbli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp jekk l-ammonti previsti li għandhom jinxtraw f'titoli ta' dejn negozjabbli maħruġin minn gvern ċentrali u aġenziji rikonoxxuti ma jkunux jistgħu jintlaħqu.
4. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema jistgħu, f'ċirkustanzi eċċezzjonali, jipproponu lill-Kunsill Governattiv korporazzjonijiet pubbliċi mhux finanzjarji li jinsabu fil-ġurisdizzjoni tagħhom bħala emittenti ta' strumenti ta' dejn negozjabbli biex jinxtraw bħala sostituti fil-każ li l-ammonti previst li għandu jinxtara fi strumenti ta' dejn negozjabbli maħruġin mill-gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali u aġenziji rikonoxxuti li jinsabu fil-ġurisdizzjoni tagħhom ma jkunux jistgħu jintlaħqu.
Il-korporazzjonijiet pubbliċi mhux finanzjarji proposti għandhom jissodisfaw tal-inqas iż-żewġ kriterji li ġejjin:
— ikunu “korporazzjoni mhux finanzjarja” kif iddefinit fir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );
— ikunu entità tas-“settur pubbliku”, li jfisser entità fit-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 ( 5 ).
Wara l-approvazzjoni tal-Kunsill Governattiv, strumenti ta' dejn negozjabbli ddenominati f'euro maħruġin minn dawn il-korporazzjonijiet mhux finanzjarji pubbliċi li jinsabu fiż-żona tal-euro li jikkonformaw ma' (i) il-kriterji ta' eliġibbiltà għalr assi negozjabbli bħala kollateral għal operazzjonijiet ta' kreditu tal-Eurosistema, skont il-Parti Erbgħa tal-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) ( 6 ); u (ii) ir-rekwiżiti fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu eliġibbli bħala xirjiet sostituti taħt il-PSPP.
5. Huma permessi xirjiet ta' strumenti ta' dejn negozjabbli nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) 'il fuq mir-rata tal-faċilità ta' depożitu. Huma permessi sal-grad meħtieġ xirjiet ta' strumenti ta' dejn negozjabbli nominali b'rendiment negattiv sal-maturità (jew rendiment għall-agħar) taħt ir-rata tal-faċilità ta' depożitu.
Artikolu 4
Limitazzjonijiet fuq l-eżekuzzjoni ta' xiri
1. Biex tiġi permessal-formazzjoni ta' prezz tas-suq għal titoli eliġibbli, ma għandux jiġi permess xiri f'titolu maħruġ ġdid jew maħruġ fuq medda ta' żmien bi prezz fiss (tap issue) kif ukoll l-istrumenti tad-dejn negozjabbli b'maturità li jifdal li huma qrib fiż-żmien, qabel jew wara, il-maturità tal-istrumenti ta' dejn negozjabbli li għandhom jinħarġu, matul perijodu li għandu jiġi ddeterminat mill-Kunsill Governattiv (“perijodu ta' black-out”). Għal sindakati, il-perijodu ta' black-out inkwistjoni għandu jiġi rrispettat fuq bażi tal-aħjar sforz qabel il-ħruġ.
2. Għal titoli ta' dejn maħruġin jew iggarantiti għal kollox mill-gvernijiet ċentrali tal-Istati Membri taż-żona tal-euro skont programm ta' assistenza finanzjarja, il-perijodu ta' xiri taħt il-PSPP wara eżitu pożittiv ta' kull reviżjoni ta' programm għandu, bħala regola, ikun limitat għal xahrejn, sakemm ma jkunx hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw sospensjoni ta' xiri qabel jew kontinwazzjoni ta' xiri wara dan il-perijodu u sakemm tibda r-reviżjoni li tmiss.
Artikolu 5
Limiti tax-xiri
1. Bla ħsara għall-Artikolu 3, limitu ta' ħruġ ta' ishma skont in-numru tal-identifikazzjoni ta' titoli internazzjonali (ISIN) għandu japplika taħt il-PSPP għal titoli ta' dejn negozjabbli li jissodisfaw il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3, wara li jiġu kkonsolidati l-investimenti fil-portafolli tal-banek ċentrali tal-Eurosistema. Il-limitu tal-ħruġ ta' ishma għandu jkun skont kif ġej:
(a) 50 % għal kull ISIN għal titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli maħruġa minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali ta' żvilupp;
(b) 33 % għal kull ISIN għal titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli oħrajn, bl-eċċezzjoni ta' 25 % għal kull ISIN għal dawk it-titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli li jkun fihom klawsola ta' azzjoni kollettiva (collective action clause — CAC) li tvarja mill-mudell għaż-żona tal-euro CAC elaborat mill-Kumitat Finanzjarju u Ekonomiku u implimentat mill-Istati Membri skont l-Artikolu 12(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Mekkaniżmu ta' Stabbiltà Ewropew, iżda ser jiżdied għal 33 %, soġġett għal verifika fuq il-bażi ta' każ b'każ li parteċipazzjoni ta' 33 % għal kull ISIN mhux ser twassal lill-banek ċentrali tal-Eurosistema biex jilħqu parteċipazzjonijiet minoritarji li jistgħu jimblukkaw proċeduri ta' ristrutturar ordnat ta' dejn.
2. Kull titolu ta' dejn negozjabbli eliġibbli għal xiri taħt il-PSPP u li jkollu l-maturitajiet rimanenti speċifikati fl-Artikolu 3 għandhom ikunui soġġetti għal limitu aggregat, wara l-konsolidazzjoni ta' parteċipazzjonijiet fil-portafolji kollha tal-banek ċentrali tal-EUrosistema, ta':
(a) 50 % tat-titoli pendenti ta' emittent li jkun organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli jew bank multilaterali ta' żvilupp; jew
(b) 33 % tat-titoli pendenti ta' emittent li ma jkunx organizzazzjoni internazzjonali eliġibbli jew bank multilaterali ta' żvilupp.
3. Fir-rigward tat-titoli ta' dejn imsemmijin fil-punt (d) tal-Artikolu 3(2), japplikaw limiti ta' ishma differenti għall-emittenti u l-ħruġ. Dawn il-limiti għandhom jiġu ffissati mill-Kunsill Governattiv waqt li jqis kif meħtieġ kunsiderazzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju tal-funzjonament tas-suq.
Artikolu 6
Allokazzjoni tal-portafolli
1. Mill-valur nominali totali ta' xierjiet ta' titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli taħt il-PSPP, 10 % għandhom jinxtraw f'titoli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali eliġibbli u banek multilaterali tal-iżvilupp, u 90 % ta' dak il-valur nominali għandhom jinxtraw f'titoli maħruġin minn gvernijiet ċentrali, reġjonali jew lokali eliġibbli u aġenziji rikonoxxuti jew, fejn applikabbli skont l-Artikolu 3(4) ta' din id-Deċiżjoni, f'titoli maħruġa minn korporazzjonijiet pubbliċi eliġibbli mhux finanzjarji. Din l-allokazzjoni hija suġġetta għal reviżjoni mill-Kunsill Governattiv. Xirjiet ta' titoli ta' dejn maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp u gvernijiet reġjonali u lokali eliġibbli għandhom isiru biss mill-BĊNi.
2. Is-sehem tal-BĊNi tal-valur nominali totali ta' xierjiet ta' titoli ta' dejn negozjabbli eliġibbli taħt il-PSPP għandu jkun ta' 90 %, u l-10 % li jifdal għandhom jinxtraw mill-BĊE. It-tqassim tax-xirjiet bejn il-ġurisdizzjonijiet għandu jkun skont l-iskema għas-sottoskrizzjoni tal-kapital tal-BĊE kif imsemmi fl-Artikolu 29 tal-Istatut tas-SEBĊ.
3. Il-banek ċentrali tal-Eurosistema għandhom japplikaw skema ta' speċjalizzazzjoni għall-allokazzjoni ta' titoli ta' dejn negozjabbli li għandhom jinxtraw taħt il-PSPP. Il-Kunsill Governattiv għandu jippermetti għal devjazzjonijiet ad hoc mill-iskema ta' speċjalizzazzjoni jekk kunsiderazzjonijiet oġġettivi jostakolaw li din l-iskema tintlaħaq jew altrimenti dawk id-devjazzjonijiet isiru rakkomandabbli fl-interess li jintlaħqu l-għanijiet tal-politika monetarja inġenerali tal-PSPP. B'mod partikolari, kull BĊN għandu jixtri titoli eliġibbli tal-emittenti tal-ġurisdizzjoni tiegħu stess. Titoli maħruġin minn organizzazzjonijiet internazzjonali u banek multilaterali tal-iżvilupp eliġibbli jistgħu jinxtraw mill-BĊNi kollha. Il-BĊE għandu jixtri titoli maħruġin minn gvernijiet ċentrali u aġenziji rikonoxxuti tal-ġurisdizzjonijiet kollha.
Artikolu 7
Kontropartijiet eliġibbli
Dawn li ġejjin għandhom ikunu kontropartijiet eliġibbli għall-PSPP:
(a) entitajiet li jissodisfaw il-kriterji ta' eliġibbiltà biex jipparteċipaw fl-operazzjonijiet tal-politika monetarja tal-Eurosistema bis-saħħa tal-Artikolu 2.1 tal-Anness I tal-Linja Gwida BĊE/2011/14; u
(b) kwalunkwe kontropartijiet oħra li jintużaw mill-banek ċentrali tal-Eurosistema għall-investiment tal-portafolli ta' investiment tagħhom iddenominati f'euro.
Artikolu 8
Trasparenza
1. L-Eurosistema għandha tippubblika fuq bażi ta' kull ġimgħa l-valur kontabbli aggregat tat-titoli miżmumin taħt il-PSPP fil-kummentarju dwar ir-rapport finanzjarju konsolidat tagħha ta' kull ġimgħa.
2. L-Eurosistema għandha tippubblika fuq bażi ta' kull xahar il-maturità reżidwa medja ppeżata skont ir-residenza ta' emittent, billi jiġu sseparati l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-banek multilaterali tal-iżvilupp minn emittenti oħrajn, tal-investimenti PSPP tagħha.
3. Il-valur kontabbli ta' titoli miżmumin taħt il-PSPP għandu jiġi ppubblikat fuq il-websajt tal-BĊE fit-taqsima dwar l-operazzjonijiet tas-suq miftuħ fuq bażi ta' kull ġimgħa.
Artikolu 9
Self ta' titoli
L-Eurosistema għandha tagħmel disponibbli għas-self titoli mixtrijin taħt il-PSPP, inklużi repos, sabiex tiġi żgurata l-effettività tal-PSPP.
Artikolu 10
Dispożizzjoni finali
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni tagħha fuq il-websajt tal-BĊE. Għandha tapplika mid-9 ta' Marzu 2015.
( 1 ) Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).
( 2 ) Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).
( 3 ) Linja Gwida BĊE/2014/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).
( 4 ) Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea ta' kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1).
( 5 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 Diċembru 1993 li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b (1) tat-Trattat (ĠU L 332, 31.12.1993, p. 1).
( 6 ) Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).