2014R1361 — MT — 22.12.2014 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1361/2014

tat-18 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju Nri 3 u 13 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 40

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 365, 19.12.2014, p.120)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 015, 22.1.2015, p. 106 (1361/2014)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1361/2014

tat-18 ta' Diċembru 2014

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1126/2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-Istandard Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju Nri 3 u 13 u l-Istandard Internazzjonali tal-Kontabilità Nru 40

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali tal-kontabilità ( 1 ), u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1) tiegħu,

Billi:

(1)

Permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 ( 2 ) ġew adottati ċerti standards internazzjonali u interpretazzjonijiet li kienu fis-seħħ fil-15 ta' Ottubru 2008.

(2)

Fit-12 ta' Diċembru 2013, il-Bord tal-Istandards Internazzjonali tal-Kontabbiltà (IASB) ippubblika l-“Annual Improvements to International Reporting Standards 2011-2013 Cycle” (it-titjib annwali), fil-qafas tal-proċess ta' titjib regolari tiegħu li għandu l-għan li jirrazzjonalizza u jiċċara l-istandards. L-għan tat-titjib annwali huwa li jiġu indirizzati kwistjonijiet mhux urġenti, iżda neċessarji, diskussi mill-IASB waqt iċ-ċiklu tal-proġett li beda fl-2011 f'oqsma ta' inkonsistenza fl-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRSs) jew fejn tkun meħtieġa kjarifika tat-test. L-emendi fl-IFRS 3 u 13 huma kjarifiki jew korrezzjonijiet tal-istandards rispettivi. L-emendi fl-Istandards Internazzjonali tal-Kontabilità (IAS) nru 40 jinvolvu tibdiliet fir-rekwiżiti eżistenti jew gwida addizzjonali għall-implimentazzjoni ta' dawk ir-rekwiżiti.

(3)

Dawk l-emendi fl-istandards eżistenti fihom xi referenzi għall-IFRS 9, li fil-preżent ma jistax jiġi applikat peress li l-IFRS 9 għadu ma ġiex adottat mill-Unjoni. Għalhekk kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament għandha tinqra bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: rikonoxximent u kejl.

(4)

Il-konsultazzjoni mal-Grupp Tekniku ta' Esperti tal-Grupp Konsultattiv Ewropew dwar ir-Rapportar Finanzjarju tikkonferma li t-titjib jissodisfa l-kriterji tekniċi għall-adozzjoni stipulati fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1606/2002.

(5)

Ir-Regolament (KE) Nru 1126/2008 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

(6)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Regolatorju dwar il-Kontabilità,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

1.  L-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1126/2008 huwa emendat kif ġej:

(a) L-IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozji huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(b) L-IFRS 13 Kejl tal-Valur Ġust huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament;

(c) L-IAS 40 Proprjetà għall-Investiment huwa emendat kif stipulat fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

2.  Kwalunkwe referenza għall-IFRS 9 kif stabbilit fl-Anness ta' dan ir-Regolament tinqra bħala referenza għall-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: rikonoxximent u kejl.

▼C1

Artikolu 2

Kull kumpanija tapplika l-emendi msemmija fl-Artikolu 1(1), mhux aktar tard mid-data tal-bidu tal-ewwel sena finanzjarja tagħha li tibda fl-1 ta' Jannar 2015 jew wara.

▼B

Artikolu 3

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS

Titjib Annwali għall-IFRSs Ċiklu 2011-2013 ( 3 )

Emenda għal IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozju

Il-paragrafu 2 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu 64J.

KAMP TA' APPLIKAZZJONI

2 Dan l-IFRS japplika għal tranżazzjoni jew avveniment ieħor li jissodisfa d-definizzjoni ta' kombinament ta' negozji. Dan l-IFRS ma japplikax għal:

(a) il-kontijiet għall-formazzjoni ta' arranġament konġunt fl-istqarrijiet finanzjarji tal-arranġament konġunt innifsu.

(b) 

Data effettiva

64J  Iċ-Ċiklu tat-Titjib Annwali 2011–2013, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 2(a). Entità għandha tapplika dik l-emenda prospettivament għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Emenda għal IFRS 13 Kejl tal-valur ġust

Il-paragrafu 52 huwa emendat u jiżdied il-paragrafu C4.

Applikazzjoni għal assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji b'pożizzjonijiet ta' tpaċija f'riskji tas-suq jew riskju tal-kreditu tal-kontroparti

52 L-eċċezzjoni fil-paragrafu 48 tapplika biss għal assi finanzjarji, obbligazzjonijiet finanzjarji u kuntratti oħrajn fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IAS 39 Strumenti Finanzjarji: Rikonoxximent u Kejl jew IFRS 9 Strumenti Finanzjarji. Ir-referenzi għal assi finanzjarji u obbligazzjonijiet finanzjarji fil-paragrafi 48–51 u 53–56 għandhom jinftiehmu bħala li japplikaw għall-kuntratti kollha fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IAS jew IFRS 9 u meqjusa skonthom, irrispettivament minn jekk ikunux koperti jew le mid-definizzjoni ta' assi finanzjarji jew ta' obbligazzjonijiet finanzjarji fl-IAS 32 Strumenti Finanzjarji: Preżentazzjoni.

Appendiċi C

Data effettiva u tranżizzjoni

C4  Iċ-Ċiklu tat-Titjib Annwali 2011–2013, maħruġ f'Diċembru 2013, emenda l-paragrafu 52. Entità tapplika dik l-emenda għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Entità tapplika dik l-emenda prospettivament mill-bidu tal-perjodu annwali fejn ġie applikat inizjalment l-IFRS 13. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dik l-emenda għal perjodu aktar bikri, hija għandha tiddivulga dak il-fatt.

Emenda għal IAS 40 Proprjetà ta' Investiment

Tiżdied intestatura qabel il-paragrafu 6. Jiżdied il-paragrafu 14A. Wara l-paragrafu 84 jiżdiedu intestatura u l-paragrafi 84A u 85D.

Klassifikazzjoni tal-proprjetà bħala proprjetà ta' investiment jew proprjetà okkupata minn sidha

6   Interess fi proprjetà li tkun miżmuma mill-kerrej taħt kiri operattiv jista' jiġi kklassifikat u meqjus bħala proprjetà għall-investiment jekk, u biss jekk, kieku kellu jkun mod ieħor il-proprjetà taqa' taħt id-definizzjoni ta' proprjetà għall-investiment u l-kerrej juża l-mudell tal-valur ġust li jinsab fil-paragrafi 33–55 għall-assi rikonoxxut. Din l-alternattiva ta' klassifikazzjoni hi disponibbli fuq il-merti individwali ta' kull proprjetà. Madanakollu, ġaladarba din l-alternattiva ta' klassifikazzjoni tintgħażel għal tali interess fi proprjetà waħda miżmuma taħt kiri operattiv, il-proprjetà kollha kklassifikata bħala proprjetà ta' investiment għandha titqies permezz tal-mudell tal-valur ġust. Meta tintgħażel din l-alternattiva ta' klassifikazzjoni, kull interess ikklassifikat b'dan il-mod ikun inkluż fid-divulgazzjonijiet meħtieġa mill-paragrafi 74–78.

14 Huwa meħtieġ ġudizzju biex jiġi ddeterminat jekk proprjetà tikkwalifikax bħala proprjetà għall-investiment. Entità tiżviluppa kriterji biex tkun tista' teżerċita dak il-ġudizzju b'mod konsistenti u skont id-definizzjoni ta' proprjetà ta' investiment u bid-direzzjoni relatata fil-paragrafi 7–13. Il-paragrafu 75(c) jeħtieġ li entità tiżvela dawn il-kriterji meta l-klassifikazzjoni tkun diffiċli.

14A Hemm bżonn ukoll ta' ġudizzju li jiddetermina jekk l-akkwist ta' proprjetà ta' investiment huwiex l-akkwist ta' assi jew grupp ta' assi jew kombinament ta' negozju fil-kamp ta' applikazzjoni tal-IFRS 3 Kombinamenti ta' Negozju. Trid issir referenza għall-IFRS 3 biex ikun iddeterminat jekk hux kombinament ta' negozju. Id-diskussjoni fil-paragrafi 7–14 ta' dan l-Istandard tirrigwarda jekk proprjetà tkunx okkupata minn sidha jew proprjetà ta' investiment u mhux biex jiġi ddeterminat jekk l-akkwist ta' proprjetà hux kombinament ta' negozju kif definit fl-IFRS 3. Id-determinazzjoni ta' jekk tranżazzjoni speċifika hix koperta mid-definizzjoni ta' kombinament ta' negozju kif definit fl-IFRS 3 u tinkludix proprjetà ta' investiment kif definita f'dan l-Istandard titlob l-applikazzjoni separata taż-żewġ Standards.

Dispożizzjonijiet tranżitorji

Mudell tal-kost

Kombinamenti ta' Negozji

84A   Iċ-Ċiklu tat-Titjib Annwali 2011–2013, maħruġ f'Diċembru 2013, żied paragrafu 14A u intestatura qabel il-paragrafu 6. Entità tapplika dik l-emenda prospettivament għall-akkwisti fi proprjetà ta' investiment mill-bidu tal-ewwel perjodu li qed tiġi adottata l-emenda għaliha. Għaldaqstant, akkwisti fi proprjetà ta' investiment li tqiesu f'perjodi preċedenti ma jiġux aġġustati. Madankollu, entità tista' tagħżel li tapplika l-emenda għal akkwisti ta' proprjetà ta' investiment li ġraw qabel il-bidu tal-ewwel perjodu annwali li jiġru dakinhar tad-data effettiva jew wara jekk, u biss jekk, l-informazzjoni meħtieġa biex tapplika l-emenda għal dawk it-tranżazzjonijiet preċedenti tkun disponibbli għall-entità.

DATA EFFETTIVA

85D  Iċ-Ċiklu tat-Titjib Annwali 2011–2013, maħruġ f'Diċembru 2013, żied intestaturi qabel il-paragrafu 6 u wara l-paragrafu 84 u żied il-paragrafi 14A u 84A. Entità tapplika dawk l-emendi għal perjodi annwali li jibdew fl-1 ta' Lulju 2014 jew wara. Hija permessa applikazzjoni iktar bikrija. Jekk entità tapplika dawk l-emendi għal perjodu aktar kmieni, hija għandha tiżvela dak il-fatt.



( 1 ) ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1126/2008 tat-3 ta' Novembru 2008 li jadotta ċerti standards internazzjonali tal-kontabilità skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 320, 29.11.2008, p. 1)

( 3 ) “Riproduzzjoni awtorizzata fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Id-drittijiet kollha eżistenti huma riżervati barra miż-ŻEE, bl-eċċezzjoni tad-dritt ta' riproduzzjoni għall-użu personali jew għal skopijiet oħra ta' kummerċ ġust. Aktar tagħrif jista' jinkiseb mill-IASB mis-sit http://www.ifrs.org”