02014R0807 — MT — 01.01.2018 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 807/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 (ĠU L 227 31.7.2014, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT TA' DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1367 tal-4 ta' Ġunju 2015 |
L 211 |
7 |
8.8.2015 |
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/94 tat-30 ta' Ottubru 2018 |
L 19 |
5 |
22.1.2019 |
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 807/2014
tal-11 ta’ Marzu 2014
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jintroduċi dispożizzjonijiet tranżitorji
KAPITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
Kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi
(1) dispożizzjonijiet li jissupplimentaw ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fir-rigward ta’:
(a) il-bdiewa żgħażagħ,
(b) l-iskemi ta’ skambju u ż-żjarat fl-irziezet u l-foresti,
(c) L-iskemi tal-kwalità – promozzjoni,
(d) l-iżvilupp tal-irziezet u n-negozju,
(e) l-afforestazzjoni u l-ħolqien ta’ msaġar,
(f) l-agrikoltura-ambjent-klima,
(g) il-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija,
(h) l-esklużjoni tal-finanzjament doppju,
(i) il-benessri tal-annimali,
(j) il-kooperazzjoni,
(k) is-self kummerċjali għall-fondi mutwi,
(l) l-investimenti,
(m) il-konverżjoni jew l-aġġustament tal-impenji,
(n) l-impenji estiżi jew ġodda;
(2) regoli tranżitorji speċifiċi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom l-appoġġ approvat mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005, jew, fil-każ tal-Kroazja, skont ir-Regolament (KE) Nru 1085/2006, jista’ jiġi integrat fl-appoġġ ipprovdut skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, inkluż, fil-każ tal-Kroazja, għall-assistenza teknika.
KAPITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET LI JISSUPPLIMENTAW IR-REGOLI DWAR IL-MIŻURI GĦALL-IŻVILUPP RURALI
Artikolu 2
Bidwi żagħżugħ
1. Il-kundizzjonijiet għall-aċċess għall-appoġġ għal bidwi żagħżugħ, skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, l-istabbiliment f'azjenda agrikola bħala l-kap ta' dik l-azjenda b'mod konġunt ma' bdiewa oħrajn għandhom ikunu ekwivalenti għal dawk il-kundizzjonijiet meħtieġa għal bidwi żgħażugħ biex jistabbilixxi lilu nnfisu bħala l-kap uniku ta' azjenda agrikola. Fil-każijiet kollha, il-bdiewa żgħażagħ għandu jkollhom kontroll fuq l-ażjenda agrikola kif definit bid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru.
2. Meta l-applikazzjoni għall-appoġġ tikkonċerna azjenda agrikola li tkun proprjetà ta' persuna ġuridika, bidwi żagħżugħ skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1)(n) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu jeżerċita kontroll fuq il-persuna ġuridika kif definit bid-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Istat Membru. Meta diversi persuni fiżiċi, inkluża/i persuna/i li mhijiex bidwi żagħżugħ/li mhumiex bdiewa żgħażagħ, ikollhom sehem fil-kapital jew fil-ġestjoni tal-persuna ġuridika, il-bidwi żagħżugħ għandu jkun kapaċi jeżerċita dan il-kontroll b'mod individwali jew b'mod konġunt ma' bdiewa oħra.
Meta persuna ġuridika tkun ikkontrollata b'mod individwali jew b'mod konġunt minn persuna ġuridika oħra, ir-rekwiżiti stabbiliti fl-ewwel subparagrafu għandhom japplikaw għal kwalunkwe persuna fiżika li jkollha kontroll fuq dik il-persuna ġuridika l-oħra.
3. Madankollu, il-benefiċjarju jista' jingħata perijodu ta' konċessjoni li ma jaqbiżx 36 xahar mid-data tad-deċiżjoni individwali tal-għoti tal-appoġġ, sabiex ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet relatati mal-kisba tal-ħiliet okkupazzjonali speċifikati fil-programm għall-iżvilupp rurali.
Artikolu 3
L-iskemi ta’ skambju u ż-żjarat fl-irziezet u l-foresti
L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu d-durata u l-kontenut tal-iskemi ta’ skambju ta’ terminu qasir dwar il-ġestjoni tal-irziezet u l-foresti u ż-żjarat fl-irziezet u l-foresti kif imsemmija fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 fil-programmi tagħhom għall-iżvilupp rurali. Skemi u żjarat bħal dawn għandhom jiffukaw, b’mod partikolari, fuq metodi u/jew teknoloġiji sostenibbli għall-biedja u l-forestrija, id-diversifikazzjoni tal-irziezet, l-irziezet li jipparteċipaw fi ktajjen qosra tal-provvista, l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ġodda ta’ negozju u teknoloġiji ġodda, u fuq it-titjib tar-reżistenza tal-foresti.
Artikolu 4
L-iskemi tal-kwalità – promozzjoni
1. Gruppi ta’ produtturi li jirċievu appoġġ skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom ikunu entitajiet, irrispettivament mill-forma ġuridika tagħhom, li jiġbru flimkien operaturi li jipparteċipaw fi skema tal-kwalità għal prodotti agrikoli, qoton jew oġġetti tal-ikel kif imsemmija fl-Artikolu 16(1) ta’ dak ir-Regolament, għal prodott speċifiku kopert minn waħda minn dawk l-iskemi.
2. It-tipi ta’ azzjonijiet eliġibbli għall-appoġġ skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom ikollhom il-karatteristiċi li ġejjin:
(a) ikunu ddisinjati sabiex iħajru lill-konsumaturi jixtru l-prodotti koperti minn skema tal-kwalità għal prodotti agrikoli, qoton jew oġġetti tal-ikel kif imsemmija fl-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, li l-parteċipazzjoni fiha tirċievi appoġġ taħt il-programm għall-iżvilupp rurali; kif ukoll
(b) jiġbdu l-attenzjoni għall-karatteristiċi jew il-vantaġġi speċifiċi tal-prodotti kkonċernati, b’mod partikolari l-kwalità, il-metodi speċifiċi tal-produzzjoni, l-istandards għoljin tal-benessri tal-annimali u r-rispett għall-ambjent, marbuta mal-iskema tal-kwalità kkonċernata.
3. L-azzjonijiet eliġibbli ma għandhomx iġiegħlu lill-konsumaturi jixtru prodott minħabba l-oriġini partikolari tiegħu, ħlief għall-prodotti koperti mill-iskemi tal-kwalità introdotti mit-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), mill-Kapitolu III tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ), mill-Kapitolu III tar-Regolament (UE) Nru 251/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u mis-Sezzjoni 2 tal-Kapitolu I tat-Titolu II tat-Tieni Parti tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ) fir-rigward tal-inbid. L-oriġini tal-prodott tista’ tkun indikata, bil-kundizzjoni li r-referenza għall-oriġini tkun subordinata għall-messaġġ prinċipali.
4. Ma għandu jingħata l-ebda appoġġ skont l-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għal azzjonijiet ta’ informazzjoni u promozzjoni li jirrigwardaw ismijiet ta’ marki kummerċjali.
Artikolu 5
Żvilupp tal-irziezet u n-negozju
1. Il-pjan tan-negozju msemmi fl-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu mill-inqas jiddeskrivi:
(a) Fil-każ ta’ għajnuna tal-bidu lil bdiewa żgħażagħ:
(i) is-sitwazzjoni inizjali tal-azjenda agrikola,
(ii) l-għanijiet ewlenin u l-miri għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-azjenda agrikola,
(iii) dettalji tal-azzjonijiet meħtieġa, inklużi dawk marbuta mas-sostenibbiltà ambjentali u l-effiċjenza tar-riżorsi, għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-azjenda agrikola, bħal investimenti, taħriġ u konsulenza;
(b) Fil-każ ta’ għajnuna tal-bidu għal attivitajiet mhux agrikoli f’żoni rurali:
(i) is-sitwazzjoni ekonomika inizjali tal-persuna jew tal-intrapriża mikro jew żgħira li tapplika għall-appoġġ;
(ii) għanijiet ewlenin u miri għall-iżvilupp tal-attivitajiet il-ġodda tal-persuna jew tal-azjenda agrikola, jew tal-intrapriża mikro jew żgħira;
(iii) dettalji tal-azzjonijiet meħtieġa għall-iżvilupp tal-attivitajiet tal-persuna, tal-azjenda agrikola jew tal-intrapriża mikro jew żgħira, bħal dettalji tal-investimenti, tat-taħriġ jew tal-konsulenza;
(c) Fil-każ ta’ għajnuna tal-bidu għall-iżvilupp ta’ rziezet żgħar:
(i) is-sitwazzjoni inizjali tal-azjenda agrikola, u
(ii) dettalji tal-azzjonijiet meħtieġa, inklużi dawk marbuta mas-sostenibbiltà ambjentali u l-effiċjenza tar-riżorsi, li jistgħu jappoġġaw il-kisba tal-vijabilità ekonomika, bħal investimenti, taħriġ, kooperazzjoni.
2. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu l-limiti msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 f’termini tal-potenzjal ta’ produzzjoni tal-azjenda agrikola, imkejla bħala produzzjoni standard, kif definit fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 ( 5 ), jew ekwivalenti.
Artikolu 6
Afforestazzjoni u l-ħolqien ta’ żoni msaġġra
Ir-rekwiżiti ambjentali minimi li ġejjin għandhom japplikaw fil-kuntest tal-miżura dwar l-afforestazzjoni u l-ħolqien ta’ msaġar li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013:
(a) l-għażla tal-ispeċi li għandhom jitħawlu, taż-żoni u tal-metodi li għandhom jintużaw għandha tevita l-afforestazzjoni mhux xierqa ta’ ħabitats sensittivi bħall-artijiet mimlija pit u l-artijiet mistagħdra u l-effetti negattivi fuq żoni ta’ valur ekoloġiku għoli fosthom żoni fejn issir biedja b’valur naturali għoli. Fis-siti kklassifikati bħala Natura 2000 skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE ( 6 ) u d-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ) għandha tiġi permessa biss afforestazzjoni li tkun konsistenti mal-għanijiet ta’ ġestjoni tas-siti kkonċernati u li jkun sar ftehim dwarha mal-awtorità tal-Istat Membru li tkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta’ Natura 2000;
(b) fl-għażla tal-ispeċji, tal-varjetajiet, tal-ekotipi u tal-provenjenzi tas-siġar għandhom jitqiesu l-ħtieġa għal reżiljenza għat-tibdil fil-klima u għal diżastri naturali, kif ukoll il-qagħda bijotika, pedoloġika u idroloġika taż-żona kkonċernata. Fl-għażla għandu jitqies ukoll il-karattru potenzjalment invażiv tal-ispeċi f’kundizzjonijiet lokali kif definit mill-Istati Membri. Il-benefiċjarju għandu jkun meħtieġ jipproteġi u jieħu ħsieb il-foresta tal-anqas matul il-perjodu li għalih jitħallas il-primjum għall-introjtu agrikolu mitluf u l-manutenzjoni. Dan għandu jinkludi l-indukrar, it-tnaqqija u r-ragħa kif ikun xieraq, fl-interess tal-iżvilupp ġejjieni tal-foresta u r-regolazzjoni tal-kompetizzjoni ma’ veġetazzjoni erbaċja u l-evitar tal-akkumulazzjoni ta’ materjal li jikber minn taħt suxxettibbli għan-nar. Fir-rigward ta’ speċi li jikbru malajr, l-Istati Membri għandhom jiddefinixxu ż-żmien minimu u massimu ta’ qabel il-qtugħ. Iż-żmien minimu ma għandux ikun ta’ anqas minn 8 snin u ż-żmien massimu ma għandux jaqbeż l-20 sena;
(c) f’każijiet fejn, minħabba kundizzjonijiet ambjentali jew klimatiċi diffiċli, inkluża d-degradazzjoni ambjentali, it-tħawwil ta’ speċi msaġġra perenni ma jkunx jista’ jiġi mistenni li jwassal għall-istabbiliment ta’ kopertura forestali kif definita skont il-leġislazzjoni applikabbli, l-Istat Membru jista’ jippermetti lill-benefiċjarju li jistabbilixxi u jżomm kopertura msaġġra oħra ta’ veġetazzjoni. Il-benefiċjarju għandu jipprovdi l-istess livell ta’ kura u protezzjoni kif applikabbli għall-foresti;
(d) fil-każ ta’ operazzjonijiet ta’ afforestazzjoni li jwasslu għall-ħolqien ta’ foresti li jkollhom daqs li jaqbeż ċertu limitu, li għandu jiġi definit mill-Istati Membri, l-operazzjoni għandha tikkonsisti minn:
(i) it-tħawwil esklussiv ta’ speċi ekoloġikament addattati u/jew speċi reżistenti għat-tibdil fil-klima fiż-żona bijoġeografika kkonċernata, li ma jkunux instabu, permezz ta’ valutazzjoni tal-impatti, li jheddu l-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema, jew li jkollhom impatt negattiv fuq is-saħħa tal-bniedem; jew
(ii) taħlita ta’ speċi ta’ siġar li tinkludi:
— mill-anqas 10 % ta’ siġar bil-weraq wiesa’ skont iż-żona, jew
— minimu ta’ tliet speċijiet jew varjetajiet ta’ siġar, bl-anqas waħda abbundanti tifforma mill-anqas 10 % taż-żona.
Artikolu 7
Agroambjent - klima
1. L-impenji taħt il-miżura agroambjentali u tal-klima msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 biex tiġi estensifikata t-trobbija tal-bhejjem għandhom tal-anqas jikkonformaw mal-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) iż-żona kollha ta’ mergħa tal-azjenda għandha tiġi mmaniġġata u miżmuma sabiex tiġi evitata mergħa eċċessiva jew nieqsa;
(b) għandha tiġi definita d-densità tal-bhejjem billi jitqiesu l-bhejjem kollha li jirgħu fir-razzett jew, fil-każ ta’ impenn biex tiġi limitata l-lissija tan-nutrijenti, il-bhejjem kollha miżmuma fir-razzett li jkunu rilevanti għall-impenn inkwistjoni.
2. L-impenji taħt il-miżura agroambjentali u tal-klima msemmija fl-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 biex jitrabbew razez lokali fil-periklu li jintilfu għall-biedja jew biex jiġu ppreservati riżorsi ġenetiċi tal-pjanti taħt theddida ta’ erożjoni ġenetika għandhom jeħtieġu:
(a) it-trobbija ta’ annimali tal-irziezet ta’ razez lokali, addattati b’mod ġenetiku għal waħda jew aktar mis-sistemi tradizzjonali ta’ produzzjoni jew ambjenti fil-pajjiż, fil-periklu li jintilfu għall-biedja; jew
(b) għall-preservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti adattati għall-kundizzjonijiet lokali u reġjonali u li jinsabu mhedda bit-tgħawwir ġenetiku.
L-ispeċi ta’ annimali tal-irziezet li ġejjin għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ:
(a) baqar;
(b) nagħaġ;
(c) mogħoż;
(d) żwiemel;
(e) majjali;
(f) tjur.
3. Ir-razez lokali għandhom jitqiesu li huma fil-periklu li jintilfu għall-biedja jekk jintlaħqu l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-għadd, fuq livell nazzjonali, ta’ bhejjem nisa kkonċernati tat-tnissil ikun iddikjarat;
(b) dak l-għadd u l-istatus bħala fil-periklu, tar-razez elenkati, ikun iċċertifikat minn korp xjentifiku rilevanti debitament rikonoxxut;
(c) korp tekniku rilevanti debitament rikonoxxut jirreġistra u jżomm aġġornat il-ktieb tal-merħla għar-razza;
(d) il-korpi kkonċernati jkollhom il-ħiliet u l-għarfien neċessarji sabiex jidentifikaw l-annimali tar-razez fil-periklu.
L-informazzjoni dwar l-issodisfar ta’ dawk il-kundizzjonijiet għandha tiġi inkluża fil-programm għall-iżvilupp rurali.
4. Ir-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għandhom jitqiesu li qegħdin fil-periklu ta’ erożjoni ġenetika bil-kundizzjoni li fil-programm dwar l-iżvilupp rurali tiġi inkluża biżżejjed evidenza ta’ erożjoni ġenetika, ibbażata fuq riżultati xjentifiċi jew indikaturi għat-tnaqqis tar-razez lokali/varjetajiet lokali primittivi, id-diversità fil-popolazzjonijiet tagħhom u, fejn rilevanti, għat-tibdil fil-prattiċi agrikoli prevalenti fuq livell lokali.
5. L-attivitajiet koperti mit-tip ta’ impenji agroambjentali u tal-klima li hemm referenza għalihom fil-paragrafi 1 sa 4 ta’ dan l-Artikolu ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ skont l-Artikolu 28(9) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
Artikolu 8
Konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija
1. Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) ‘konservazzjoni in situ’ fl-agrikoltura tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ekosistemi u l-ħabitats naturali u ż-żamma u l-irkupru ta’ popolazzjoni vijabbli ta’ speċi jew razez selvaġġi fl-ambjent naturali tagħhom u, fil-każ ta’ razez tal-annimali ddomestikati jew speċi ta’ pjanti kkultivati, fl-ambjent tat-trobbija fejn ikunu żviluppaw il-proprjetajiet distinti tagħhom;
(b) ‘konservazzjoni in situ’ fil-forestrija tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku fl-ekosistemi u l-ħabitats naturali u ż-żamma u l-irkupru ta’ popolazzjoni vijabbli ta’ speċi fl-ambjent naturali tagħhom;
(c) ‘konservazzjoni fir-razzett jew f’azjenda fil-foresta’ tfisser il-konservazzjoni u l-iżvilupp fil-livell ta’ razzett jew ta’ azjenda fil-foresta;
(d) ‘konservazzjoni ex situ’ tfisser il-konservazzjoni ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew il-forestrija barra mill-ħabitat naturali tiegħu;
(e) ‘ġbir ex situ’ tfisser il-ġbir ta’ materjal ġenetiku għall-agrikoltura jew il-forestrija miżmum barra mill-ħabitat naturali tiegħu.
2. L-operazzjonijiet għall-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija li huma eliġibbli għall-appoġġ skont l-Artikoli 28(9) u 34(4) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom jinkludu dawn li ġejjin:
(a) azzjonijiet li jippromwovu l-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użu in situ u ex situ ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u fil-forestrija, inklużi inventarji bbażati fuq l-Internet ta’ riżorsi ġenetiċi attwalment ikkonservati in situ, inkluża l-konservazzjoni fir-razzett jew f’impriża fil-foresta, ta’ kollezzjonijiet u bażijiet tad-dejta ex situ;
(b) azzjonijiet li jippromwovu l-iskambju ta’ informazzjoni għall-konservazzjoni, il-karatterizzazzjoni, il-ġbir u l-użu ta’ riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura jew fil-forestrija tal-Unjoni, bejn organizzazzjonijiet kompetenti fl-Istati Membri;
(c) azzjonijiet ta’ informazzjoni, disseminazzjoni u konsulenza li jinvolvu organizzazzjonijiet mhux governattivi u partijiet interessati rilevanti oħra, korsijiet ta’ taħriġ u l-preparazzjoni ta’ rapporti tekniċi.
Artikolu 9
Esklużjoni tal-finanzjament doppju ta’ prattiċi agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima u l-ambjent u ta’ prattiċi ekwivalenti
1. Għall-finijiet tal-appoġġ skont l-Artikoli 28(6), 29(4) u 30(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, il-kalkolu ta’ dawn il-pagamenti għandu jikkunsidra biss il-kostijiet addizzjonali u/jew l-introjtu mitluf marbut mal-impenji li jmorru lil hinn mill-prattiki obbligatorji rilevanti skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
2. Meta impenn agroambjentali u tal-klima skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għal prattiki msemmija fil-punti 3 u 4 tat-Taqsima I u fil-punt 7 tat-Taqsima III tal-Anness IX tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, u għal prattiki oħra miżjuda ma’ dak l-Anness jiġi notifikat, skont ir-regoli tal-Artikolu 43(8) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, bħala ekwivalenti għal waħda jew aktar mill-prattiki stabbiliti skont l-Artikolu 43(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, il-pagament għall-impenn agroambjentali u tal-klima skont l-Artikolu 28(6) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu jitnaqqas b’somma f’daqqa li tikkorrispondi għal parti mill-pagament għall-ekoloġizzazzjoni fl-Istat Membru jew fir-reġjun għal kull prattika ta’ ekoloġizzazzjoni kif stabbilit skont l-Artikolu 43(12)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
Artikolu 10
Benessri tal-annimali
L-impenji dwar il-benessri tal-annimali li huma eliġibbli sabiex jirċievu appoġġ skont l-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom jipprovdu standards imtejba tal-metodi ta’ produzzjoni f’wieħed mill-oqsma li ġejjin:
(a) l-ilma, l-għalf u t-trattament tal-annimali skont il-ħtiġijiet naturali tat-trobbija tal-annimali;
(b) kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni bħal konċessjonijiet għal aktar spazju, għal superfiċji ta’ art interna akbar, għal aktar materjali ta’ arrikkiment, u għal aktar dawl naturali;
(c) aċċess għal barra;
(d) prattiki fejn jiġu evitati l-mutilazzjoni u/jew il-kastrazzjoni tal-annimali, jew f’każijiet speċifiċi meta l-mutilazzjoni jew il-kastrazzjoni tal-annimali ikunu neċessarji, għandhom jintużaw metodi ta’ anestesija u ta’ analġeżija, kif ukoll mediċini kontra l-infjammazzjoni jew metodi ta’ immunokastrazzjoni.
Artikolu 11
Kooperazzjoni
1. L-appoġġ għall-istabbiliment u l-iżvilupp ta’ ktajjen qosra tal-provvista, kif imsemmija fl-Artikolu 35(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu jkopri biss ktajjen ta’ provvista li ma jinvolvux aktar minn intermedjarju wieħed bejn il-bidwi u l-konsumatur.
2. L-appoġġ għall-istabbiliment u l-iżvilupp tas-swieq lokali, kif imsemmija fl-Artikolu 35(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandu jkopri swieq li għalihom:
(a) il-programm għall-iżvilupp rurali jistabbilixxi raġġ kilometriku mir-razzett tal-oriġini tal-prodott, li fih iridu jitwettqu l-attivitajiet tal-ipproċessar u l-bejgħ lill-konsumatur finali; jew
(b) il-programm għall-iżvilupp rurali jistabbilixxi definizzjoni alternattiva konvinċenti.
3. Għall-finijiet tal-operazzjonijiet appoġġati skont l-Artikolu 35(2)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, ‘operatur żgħir’ għandu jfisser mikrointrapriża kif definita fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE ( 8 ), jew persuna fiżika li ma tkunx involuta f’attivitajiet ekonomiċi meta tapplika għall-appoġġ.
4. L-attivitajiet ta’ promozzjoni msemmija fl-Artikolu 35(2)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ fir-rigward biss tal-ktajjen qosra tal-provvista u s-swieq lokali li jissodisfaw l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.
Artikolu 12
Self kummerċjali għall-fondi mutwi
Meta s-sors tal-fondi għall-kumpens finanzjarju li jrid jitħallas mill-fondi mutwi msemmija fl-Artikoli 38, 39 u 39a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 ikun self kummerċjali, it-tul ta' żmien tas-self għandu jkun bejn sena u ħames snin.
Artikolu 13
Investimenti
Għall-finijiet tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, meta l-appoġġ jingħata fil-forma ta' għotjiet, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:
(a) fil-każ ta’ lokazzjoni, spejjeż oħra konnessi mal-kuntratt ta’ lokazzjoni, bħall-marġini tal-lokatur, il-kostijiet tar-rifinanzjament tal-imgħax, l-ispejjeż ġenerali u l-imposti tal-assigurazzjoni, ma għandhomx ikunu nefqa eliġibbli;
(b) fil-programmi għall-iżvilupp rurali tagħhom l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li bihom ix-xiri ta’ tagħmir użat jista’ jitqies bħala nefqa eliġibbli;
(c) l-Istati Membri għandhom jesiġu l-konformità mal-istandards minimi tal-effiċjenza enerġetika għall-investimenti appoġġati fl-infrastruttura tal-enerġija rinnovabbli, li jikkunsmaw jew jipproduċu l-enerġija, meta dawn l-istandards ikunu jeżistu fuq livell nazzjonali;
(d) l-investimenti f’installazzjonijiet, li l-għan primarju tagħhom tkun il-produzzjoni tal-elettriku mill-bijomassa, ma għandhomx ikunu eliġibbli għall-appoġġ sakemm ma jintużax perċentwal minimu ta’ enerġija mis-sħana, li għandu jiġi determinat mill-Istati Membri;
(e) L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu limiti għall-proporzjonijiet massimi ta’ ċereali u għelejjel oħra rikki fil-lamtu, zokkor u għelejjel taż-żejt li jintużaw għall-produzzjoni tal-bijoenerġija, għal tipi differenti ta’ installazzjonijiet. L-appoġġ għal proġetti tal-bijoenerġija għandu jkun limitat għal bijoenerġija li tissodisfa l-kriterji ta’ sostenibbiltà applikabbli stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, inkluż fl-Artikolu 17(2) sa (6) tad- Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ). F’dak il-kuntest, għandha tiġi inkluża valutazzjoni ġenerali fil-valutazzjoni ambjentali strateġika tal-programm għall-iżvilupp rurali.
Artikolu 14
Konverżjoni jew l-aġġustament tal-impenji
1. L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw li impenn skont l-Artikoli 28, 29, 33 jew 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġi konvertit f’impenn ieħor matul il-perjodu tal-operazzjoni tiegħu, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) il-konverżjoni tkun ta’ benefiċċju sinifikanti għall-ambjent jew għall-benessri tal-annimali;
(b) l-impenn eżistenti jkun imsaħħaħ biżżejjed;
(c) il-programm approvat għall-iżvilupp rurali jkun jinkludi l-impenji kkonċernati.
Impenn ġdid għandu jittieħed għall-perjodu sħiħ speċifikat fil-miżura rilevanti irrispettivament miż-żmien li għalih diġà jkun ġie implimentat l-impenn oriġinali.
2. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li impenji skont l-Artikoli 28, 29, 33 u 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jiġu aġġustati matul id-durata li għaliha japplikaw, bil-kundizzjoni li l-programm għall-iżvilupp rurali approvat jipprovdi l-possibbiltà għal tali aġġustament u li l-aġġustament ikun iġġustifikat kif għandu jkun fir-rigward tal-kisba tal-għanijiet tal-impenn oriġinali.
Il-benefiċjarju għandu jwettaq l-impenn aġġustat għall-kumplament tad-durata tal-impenn oriġinali.
L-aġġustamenti jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta’ estensjoni tad-durata tal-impenn.
Artikolu 15
Sitwazzjonijiet fejn ma jkun meħtieġ l-ebda rimborż
1. Meta benefiċjarju jżid l-erja tal-azjenda matul il-perjodu li matulu japplika l-impenn, mogħtija bħala kundizzjoni għall-għoti tal-appoġġ, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu sabiex l-impenn jiġi estiż sabiex ikopri l-erja addizzjonali għall-bqija tal-perjodu tal-impenn, jew sabiex l-impenn oriġinali jiġi sostitwit b’wieħed ġdid. L-istess għandu jgħodd f’każijiet fejn l-erja koperta mill-impenn fi ħdan azjenda tiġi miżjuda.
2. Impenn jista’ jiġi estiż biex ikopri erja addizzjonali kif imsemmija fil-paragrafu 1 biss bil-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) jaqdi l-istess għan ambjentali segwit mill-impenn;
(b) hija tkun ġustifikata f’termini tan-natura tal-impenn, it-tul tal-kumplament tal-perjodu u d-daqs taż-żona addizzjonali;
(c) ma jxekkilx l-effikaċja tal-kontrolli sabiex tiġi assigurata l-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-appoġġ.
Għandha tiġi rispettata d-durata oriġinali tal-impenn.
3. Jista’ jittieħed impenn ġdid sabiex jissostitwixxi dak eżistenti kif imsemmi fil-paragrafu 1 bil-kundizzjoni li jkopri l-erja sħiħa kkonċernata u li t-termini tiegħu ma jkunux inqas esiġenti minn dawk tal-impenn oriġinali.
Meta l-impenn oriġinali jiġi sostitwit b’wieħed ġdid, l-impenn il-ġdid għandu jittieħed għall-perjodu sħiħ speċifikat fil-miżura rilevanti, irrispettivament mill-perjodu li għalih diġà jkun ġie implimentat l-impenn oriġinali.
IL-KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI
Artikolu 16
Eliġibbiltà tan-nefqa
1. In-nefqa relatata ma’ impenji legali fil-konfront tal-benefiċjarji, imwettqa matul il-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013 taħt il-miżuri msemmija fl-Artikoli 52 u 63 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FAEŻR fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għall-pagamenti li jridu jsiru:
(a) bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2015, jekk l-allokazzjoni finanzjarja għall-miżura kkonċernata tal-programm rispettiv adottat skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 diġà tkun intużat;
(b) wara l-31 ta’ Diċembru 2015.
2. In-nefqa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FAEŻR fil-perijodu ta’ programmar bejn l-2014 u l-2020, soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) tali nefqa tkun prevista fil-programm għall-iżvilupp rurali rispettiv għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;
(b) għandha tapplika r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR tal-miżura korrispondenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, kif stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament;
(c) l-Istati Membri jiżguraw li l-operazzjonijiet tranżitorji rilevanti jkunu identifikati b’mod ċar permezz tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħhom.
Artikolu 17
Il-Kroazja
1. In-nefqa relatata ma’ impenji legali mill-Kroazja fil-konfront tal-benefiċjarji, imwettqa taħt il-programm tal-Istrument għal Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni għall-Iżvilupp Rurali (IPARD), għal operazzjonijiet skont il-miżuri msemmija fl-Artikolu 171(3)(b) u (4)(a) u (b) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 ( 10 ), għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FAEŻR fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 għall-pagamenti li jridu jsiru:
(a) bejn l-1 ta’ Jannar 2014 u l-31 ta’ Diċembru 2016, jekk l-allokazzjoni finanzjarja għall-miżura kkonċernata tal-programm rispettiv adottat skont ir-Regolament (KE) Nru 718/2007 diġà tkun intużat;
(b) wara l-31 ta’ Diċembru 2016.
2. In-nefqa msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FAEŻR fil-perijodu ta’ programmar bejn l-2014 u l-2020, soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) tali nefqa tkun prevista fil-programm għall-iżvilupp rurali rispettiv għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020;
(b) għandha tapplika r-rata ta’ kontribuzzjoni tal-FAEŻR tal-miżura korrispondenti skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013, kif stabbilita fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament;
(c) il-Kroazja tassigura li l-operazzjonijiet tranżitorji rilevanti jkunu identifikati b’mod ċar permezz tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll tagħha.
3. In-nefqa magħmula wara l-31 ta’ Diċembru 2013 b’rabta ma’ operazzjonijiet meħtieġa għall-għeluq tal-programm IPARD u l-evalwazzjoni ex post kif imsemmija fl-Artikolu 191 tar-Regolament (KE) Nru 718/2007 għandha tkun eliġibbli għall-appoġġ taħt il-FAEŻR skont il-komponent tal-assistenza teknika tal-programm fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, bil-kundizzjoni li l-programm ikun fih provvediment għal tali nefqa.
Artikolu 18
Evalwazzjoni ex post
1. Ir-rapport ta’ evalwazzjoni ex post imsemmi fl-Artikolu 86(5) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu jiġi ppreżentat lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2016.
2. Is-sommarju tal-evalwazzjonijiet ex post imsemmi fl-Artikolu 87 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005 għandu jitlesta sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2017.
KAPITOLU IV
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 19
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 1974/2006 huwa mħassar.
Għandu jkompli japplika għal operazzjonijiet implimentati skont programmi approvati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 qabel l-1 ta’ Jannar 2014.
Fir-rigward tat-trasferimenti bejn l-assi, il-limitu ta' 3 % stabbilit fl-Artikolu 9(2) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għandu jiżdied għal 5 %.
Fir-rigward tad-data ta' skadenza għan-notifika tal-bidliet fil-programm lill-Kummissjoni, id-data ta' skadenza tal-31 ta' Awwissu 2015 stabbilita fl-Artikolu 9(3) tar Regolament (KE) Nru 1974/2006 għanda tiġi estiża sat-30 ta' Settembru 2015.
Fir-rigward tad-data ta' skadenza tal-Kummissjoni għall-valutazzjoni tat-tibdiliet mitluba, il-perjodu ta' erba' xhur stabbilit fl-Artikolu 9(6) tar-Regolament (KE) Nru 1974/2006 għandu jiġi mnaqqas għal perjodu ta' tliet xhur.
Artikolu 20
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Tabella ta’ korrelazzjoni għall-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 u r-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jew fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013
Miżuri skont ir-Regolament (KE) Nru 1698/2005 |
Kodiċijiet fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2007 sal-2013 |
Miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jew ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
Kodiċijiet fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014 sal-2020 |
L-Artikolu 20(a)(i) u l-Artikolu 21: Taħriġ u informazzjoni |
111 |
L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
1 |
L-Artikolu 20(a)(ii) u l-Artikolu 22: Stabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ |
112 |
L-Artikolu 19(1)(a)(i) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
6 |
L-Artikolu 20(a)(iii) u l-Artikolu 23: Irtirar kmieni |
113 |
/ |
/ |
L-Artikolu 20(a)(iv) u l-Artikolu 24: Użu ta’ servizzi ta’ konsulenza |
114 |
L-Artikolu 15(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
2 |
L-Artikolu 20 (a)(v) u l-Artikolu 25: Stabbiliment ta’ servizzi ta’ ġestjoni tar-razzett, u ta’ servizzi ta’ għajnuna u ta’ konsulenza |
115 |
L-Artikolu 15(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. |
2 |
L-Artikolu 20(b)(i) u l-Artikolu 26: Modernizzazzjoni tal-impriżi agrikoli |
121 |
L-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
4 |
L-Artikolu 20(b)(ii) u l-Artikolu 27: Titjib tal-valur ekonomiku tal-foresti |
122 |
L-Artikoli 21(1)(d) u 21(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
8 |
L-Artikolu 20(b)(iii) u l-Artikolu 28: żieda fil-valur tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija |
123 |
L-Artikoli 17(1)(b) u 21(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
4 8 |
L-Artikolu 20(b)(iv) u l-Artikolu 29: Kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ prodotti, proċessi u teknoloġiji ġodda |
124 |
L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
16 |
L-Artikolu 20(b)(v) u l-Artikolu 30: Infrastruttura marbuta mal-iżvilupp u l-adattament tal-agrikoltura u l-forestrija |
125 |
L-Artikolu 17(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
4 |
L-Artikolu 20(b)(vi): Azzjonijiet ta’ restawr u ta’ prevenzjoni |
126 |
L-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
5 |
L-Artikolu 20(c)(i) u l-Artikolu 31: Ilħuq tal-istandards |
131 |
/ |
/ |
L-Artikolu 20(c)(ii) u l-Artikolu 32: Skemi ta’ kwalità tal-ikel |
132 |
L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
3 |
L-Artikolu 20(c)(iii) u l-Artikolu 33: Informazzjoni u promozzjoni għal prodotti skont l-iskemi tal-kwalità tal-ikel |
133 |
L-Artikolu 16(2) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
3 |
L-Artikolu 20(d)(i) u l-Artikolu 34: Biedja taħt semisussistenza |
141 |
L-Artikolu 19(1)(a)(iii) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
6 |
L-Artikolu 20(d)(ii) u l-Artikolu 35: Gruppi tal-produtturi |
142 |
L-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
9 |
L-Artikolu 36(a)(i): Pagamenti ta’ diżabbiltà naturali f’żoni muntanjużi |
211 |
L-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
13 |
L-Artikolu 36(a)(ii): Pagamenti ta’ diżabbiltà naturali f’żoni għajr żoni muntanjużi |
212 |
L-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
13 |
L-Artikolu 36(a)(iii) u l-Artikolu 38: Natura 2000 u pagamenti marbuta mad-Direttiva 2000/60/KE |
213 |
L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
12 |
L-Artikolu 36(a)(iv) u l-Artikolu 39: Pagamenti agroambjentali |
214 |
L-Artikoli 28 u 29 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
10 11 |
L-Artikolu 36(a)(v) u l-Artikolu 40: Pagamenti tal-benessri tal-annimali |
215 |
L-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
14 |
L-Artikolu 36(a)(vi) u l-Artikolu 41: Investimenti mhux produttivi |
216 |
L-Artikolu 17(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
4 |
L-Artikolu 36(b)(i) u l-Artikolu 43: L-ewwel afforestazzjoni ta’ art agrikola |
221 |
L-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
8 |
L-Artikolu 36(b)(ii) u l-Artikolu 44: L-ewwel stabbiliment ta’ sistemi agroforestrarji fuq art agrikola |
222 |
L-Artikolu 21(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. |
8 |
L-Artikolu 36(b)(iii) u l-Artikolu 45: L-ewwel afforestazzjoni ta’ art mhux agrikola |
223 |
L-Artikolu 21(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
8 |
L-Artikolu 36(b)(iv) u l-Artikolu 46: Pagamenti Natura 2000 |
224 |
L-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
12 |
L-Artikolu 36(b)(v) u l-Artikolu 47: Pagamenti għall-foresti u l-ambjent |
225 |
L-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
15 |
L-Artikolu 36(b)(vi) u l-Artikolu 48: Ir-restawr tal-potenzjal tal-forestrija u l-introduzzjoni ta’ azzjonijiet ta’ prevenzjoni |
226 |
L-Artikolu 21(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
8 |
L-Artikolu 36(b)(vii) u l-Artikolu 49: Investimenti mhux produttivi |
227 |
L-Artikolu 21(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
8 |
L-Artikolu 52(a)(i) u l-Artikolu 53: Diversifikazzjoni f’attivitajiet mhux agrikoli |
311 |
L-Artikoli 19(1)(a)(ii) u 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. |
6 |
L-Artikolu 52(a)(ii) u l-Artikolu 54: Appoġġ għall-ħolqien u l-iżvilupp tan-negozju |
312 |
L-Artikoli 19(1)(a)(ii) u 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013. |
6 |
L-Artikolu 52(a)(iii) u l-Artikolu 55: Inkoraġġiment tal-attivitajiet turistiċi |
313 |
L-Artikoli 19(1)(a)(ii), 19(1)(b), 20 u 35 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
6 6 7 16 |
L-Artikolu 52(b)(i) u l-Artikolu 56: Servizzi bażiċi għall-ekonomija u l-popolazzjoni rurali |
321 |
L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
7 |
L-Artikolu 52(b)(ii): Tiġdid u żvilupp tal-irħula |
322 |
L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
7 |
L-Artikolu 53(b)(iii) u l-Artikolu 57: Il-konservazzjoni u t-titjib tal-wirt rurali |
323 |
L-Artikolu 20 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
7 |
L-Artikolu 52(c) u l-Artikolu 58: Taħriġ u informazzjoni |
331 |
L-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
1 |
L-Artikolu 52(d) u l-Artikolu 59: Akkwiżizzjoni ta’ ħiliet, animazzjoni u implimentazzjoni |
341 |
/ |
/ |
L-Artikolu 63(a): Strateġiji ta’ żvilupp lokali |
41 (411, 412, 413) |
L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
19 |
L-Artikolu 63(b): L-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni |
421 |
L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
19 |
L-Artikolu 63(c): It-tmexxija tal-grupp ta’ azzjoni lokali, akkwiżizzjoni ta’ ħiliet u animazzjoni tat-territorju |
431 |
L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
19 |
Il-Kapitolu II tat-Titolu IV: Assistenza teknika |
511 |
L-Artikoli 51 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013: Assistenza teknika u netwerking |
20 |
L-Artikolu 19(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013: Pagamenti annwali lil bdiewa li jipparteċipaw fl-iskema tal-bdiewa żgħar |
6 |
||
L-Artikolu 36(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013: Assigurazzjoni fuq l-uċuħ tar-raba’, l-annimali u l-pjanti |
17 |
||
L-Artikolu 36(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013: Fondi mutwi għal avvenimenti klimatiċi avversi, mard tal-annimali u tal-pjanti, infestazzjonijiet tal-pesti u inċidenti ambjentali |
17 |
||
L-Artikolu 36(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013: Għodda għall-istabilizzazzjoni tad-dħul |
17 |
ANNESS II
Tabella ta’ korrelazzjoni għall-miżuri previsti fir-Regolament (KE) Nru 718/2007 u r-Regolament (UE) Nru 1305/2013, jew fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013
Miżuri skont ir-Regolament (KE) Nru 718/2007 |
Kodiċijiet fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2007 sal-2013 |
Miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jew ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
Kodiċijiet fil-perjodu ta’ programmazzjoni tal-2014 sal-2020 |
L-Artikolu 171(2)(a) u l-Artikolu 174: Investimenti f’azjendi agrikoli għar-ristrutturar u t-titjib skont standards Komunitarji |
101 |
L-Artikolu 17(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
4 |
L-Artikolu 171(2)(c) u l-Artikolu 176: Investimenti fl-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tal-agrikoltura u tas-sajd sabiex jiġu rristrutturati dawk l-attivitajiet u jiġu mtejba għal standards Komunitarji |
103 |
L-Artikolu 17(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
4 |
L-Artikolu 171(3)(b) u l-Artikolu 178: Preparazzjoni u implimentazzjoni tal-istrateġiji lokali tal-iżvilupp rurali |
202 |
L-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 |
19 |
L-Artikolu 171(4)(a) u l-Artikolu 179: It-titjib u l-iżvilupp tal-infrastruttura rurali |
301 |
L-Artikolu 20(1)(b) u (d) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
7 |
L-Artikolu 171(4)(b) u l-Artikolu 180: Id-diversifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ attivitajiet ekonomiċi rurali |
302 |
L-Artikoli 19(1)(a)(ii) u 19(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 |
6 |
L-Artikolu 182: Assistenza teknika |
501 |
L-Artikoli 51 sa 54 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013: Assistenza teknika u netwerking |
20 |
( 1 ) Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel (ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1).
( 2 ) Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).
( 3 ) Ir-Regolament (UE) Nru 251/2014 tas-26 ta’ Frar 2014 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għal prodotti tal-inbid aromatizzat (ĠU L 84, 20.3.2014, p. 14).
( 4 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347.20.12.2013, p. 671)
( 5 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1242/2008 tat-8 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi tipoloġija Komunitarja għal azjendi agrikoli (ĠU L 335, 13.12.2008, p. 3).
( 6 ) Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7.
( 7 ) Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi, ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7.
( 8 ) Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tirrigwarda d-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju (ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36).
( 9 ) Id-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE, ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.
( 10 ) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 718/2007 tat-12 ta’ Ġunju 2007 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1085/2006 li jistabbilixxi strument għall-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni (IPA) (ĠU L 170, 29.6.2007, p. 1).