02014R0795 — MT — 25.05.2021 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW (UE) Nru 795/2014

tat-3 ta' Lulju 2014

dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti

(BĊE/2014/28)

(ĠU L 217 23.7.2014, p. 16)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT (UE) 2017/2094 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tat-3 ta' Novembru 2017

  L 299

11

16.11.2017

►M2

REGOLAMENT (UE) 2021/728 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW tad-29 ta’ April 2021

  L 157

1

5.5.2021




▼B

REGOLAMENT TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW (UE) Nru 795/2014

tat-3 ta' Lulju 2014

dwar ir-rekwiżiti ta' sorveljanza għal sistemi ta' ħlas sistemikament importanti

(BĊE/2014/28)



Artikolu 1

Suġġett u ambitu

1.  
Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' superviżjoni għas-SIPS.

▼M2

2.  
Il-Kunsill Governattiv għandu jadotta deċiżjoni motivata li tidentifika s-sistemi ta’ ħlas li huma suġġetti għal dan ir-Regolament, l-operaturi rispettivi tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti. Din il-lista għandha tinżamm fuq is-sit elettroniku tal-BĊE u tiġi aġġornata wara kull bidla.

▼B

3.  

Sistema ta' ħlas għandha tiġi identfikata bħala SIPS jekk: (a) tkun eliġibbli li tiġi nnotifikata bħala sistema skont id-Direttiva 98/26/KE minn Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro jew jekk l-operatur tagħha jkun stabbilit fiż-żona tal-euro, inkluż stabbiliment permezz ta' fergħa, li permezz tagħha titħaddem is-sistema; u (b) tal-inqas tnejn minn dawn li ġejjin iseħħu matul sena kalendarja:

(i) 

il-valur medju totali ta' kuljum tal-ħlasijiet ipproċessati ddenominati f'euro jaqbez EUR 10 biljun;

▼M1

(ii) 

il-ħlasijiet totali ddenominati f'euro pproċessati jirrappreżentaw mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

— 
15 % tal-volum totali tal-ħlasijiet denominati f'euro fl-Unjoni,
— 
5 % tal-volum totali tal-ħlasijiet transkonfinali ddenominati f'euro fl-Unjoni,
— 
sehem fis-suq ta' 75 % tal-volum totali tal-ħlasijiet denominati f'euro fil-livell ta' Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro;

▼B

(iii) 

l-attività transkonfinali tiegħu (jiġifieri parteċipanti stabbiliti f'pajjiż li mhuwiex operatur ta' SIPS u/jew konnessjonijiet transkonfinali ma' sistemi ta' ħlas oħrajn) tkun tinvolvi ħames pajjiżi jew iktar u tiġġenera minimu ta' 33 % tal-volum totali tal-ħlasijiet iddenominati f'euro pproċessati minn dik is-SIPS;

(iv) 

huwa użat għas-saldu ta' IFM oħra.

▼M1

Eżerċizzju ta' identifikazzjoni għandu jsir fuq bażi annwali.

▼M2

3a.  

Minkejja l-paragrafu 3, il-Kunsill Governattiv, filwaqt li jeżerċita ġudizzju sod u motivat, jista’ jiddeċiedi wkoll skont il-paragrafu 2 li sistema ta’ ħlas għandha tiġi identifikata bħala SIPS f’xi wieħed mill-każijiet li ġejjin:

a) 

fejn tali deċiżjoni tkun xierqa meta jitqiesu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tas-sistema ta’ ħlas; in-natura u l-importanza tal-parteċipanti tagħha; is-sostitwibbiltà tas-sistema ta’ ħlas u d-disponibbiltà ta’ alternattivi għaliha; u r-relazzjoni, l-interdipendenzi, u interazzjonijiet oħra li s-sistema għandha mas-sistema finanzjarja usa’;

b) 

fejn sistema ta’ ħlas ma tissodisfax il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 unikament minħabba li l-kriterji stabbiliti fil-punt (b) tal-paragrafu 3 iseħħu fuq perjodu ta’ inqas minn sena kalendarja u jkun plawżibbli li s-sistema ta’ ħlas tibqa’ tissodisfa l-kriterji meta tiġi vvalutata fir-reviżjoni ta’ verifika li jkun imiss.

▼M2

3a.  

Deċiżjoni adottata taħt il-paragrafu 2 għandha tibqa’ fis-seħħ sakemm titħassar. Ir-reviżjonijiet tal-verifika ta’ sistemi ta’ ħlas li ġew identifikati bħala SIPSs għandhom isiru fuq bażi annwali sabiex jiġi vverifikat li s-sistemi ta’ ħlas ikomplu jissodisfaw il-kriterji biex jiġu identifikati bħala SIPSs. Deċiżjoni adottata skont il-paragrafu 2 għandha tiġi mħassra jekk:

(a) 

f’żewġ reviżjonijiet ta’ verifika konsekuttivi jiġi vverifikat li SIPS ma tkunx issodisfat il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 u/jew fil-paragrafu 3-a; jew

(b) 

f’reviżjoni ta’ verifika waħda jiġi vverifikat li SIPS ma tkunx issodisfat il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 3 u/jew fil-paragrafu 3-a u l-operatur tas-SIPS juri, għas-sodisfazzjon tal-Kunsill Governattiv, li s-SIPS x’aktarx li ma tkunx se tissodisfa dawk il-kriterji qabel ir-reviżjoni tal-verifika li jkun imiss.

▼M2

3b.  
L-operatur tas-sistema ta’ ħlas għandu jkollu d-dritt li jitlob reviżjoni mill-Kunsill Governattiv tad-deċiżjoni li tidentifika s-sistema ta’ ħlas ikkonċernata bħala SIPS fi żmien 30 jum minn meta jirċievi dik id-deċiżjoni. It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni kollha ta’ sostenn u għandha tiġi indirizzata bil-miktub lill-Kunsill Governattiv. Il-Kunsill Governattiv għandu jinnotifika deċiżjoni motivata bil-miktub bi tweġiba għal tali talba lill-operatur tas-sistema ta’ ħlas. L-avviż bil-miktub għandu jinforma lil dak l-operatur bid-dritt tiegħu għal stħarriġ ġudizzjarju f’konformità mat-Trattat. Jekk ma tkun ittieħdet l-ebda deċiżjoni mill-Kunsill Governattiv fi żmien xahrejn mit-talba, ir-reviżjoni għandha titqies miċħuda.

▼M1

4.  
L-operaturi SIPS għandhom jikkooperaw, fuq bażi kontinwa, mal-awtorità kompetenti u jiżguraw il-konformità tas-SIPS li huma joperaw mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 21, inkluż f'termini tal-effettività ġenerali tar-regoli, proċeduri, proċessi u oqfsa tagħhom. L-operaturi SIPS għandhom jikkooperaw ulterjorment mal-awtorità kompetenti sabiex jiffaċilitaw l-objettiv aktar wiesa' li jippromwovu l-operat mingħajr xkiel ta' sistemi ta' ħlas f'livell sistemiku.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' dan ir-Regolament:

(1) 

“sistema ta' ħlas” tfisser arranġament formali bejn tliet parteċipanti jew iktar, mingħajr ma jingħaddu banek possibbli tas-saldu, l-istabbilimenti ċentrali tar-rilaxx tal-kontropartijiet jew parteċipanti indiretti, b'regoli komuni u arranġamenti standardizzati għall-eżekuzzjoni ta' ordnijiet ta' trasferiment bejn il-parteċipanti;

(2) 

“ordni ta' trasferiment” għandha l-istess tifsira mogħtija fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 2(i) tad-Direttiva 98/26/KE;

(3) 

“riskju sistemiku” tfisser ir-riskju li jekk parteċipant jew operatur ta' SIPS ma jissodisfawx l-obbligi rispettivi tagħhom f'SIPS, dan iwassal biex parteċipanti oħrajn u/jew l-operatur ta' SIPS ma jkunux jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom meta dawn isiru dovuti, potenzjalment b'effetti konsegwenzjali li jheddu l-istabilità tas-sistema finanzjarja jew il-kunfidenza fiha;

(4) 

“operatur ta' SIPS” tfisser entità ġuridika li tkun responsabbli legalment biex tħaddem SIPS;

▼M2

(5) 

“awtorità kompetenti” tfisser:

(a) 

il-bank ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema b’responsabbiltà primarja ta’ sorveljanza hekk identifikat skont l-Artikolu 1(2); jew

(b) 

fir-rigward ta’ sistema ta’ ħlas li hija SIPS li tissodisfa l-kriterji fl-Artikolu 1(3)(iii) “awtorità kompetenti” tfisser jew:

(i) 

il-BĊE; jew

(ii) 

fejn bank ċentrali nazzjonali tal-Eurosistema kien fdat bir-responsabbiltà primarja ta’ sorveljanza għal perjodu ta’ ħames snin jew aktar immedjatament qabel ma tkun ittieħdet id-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 1(2), kemm il-BĊE kif ukoll dak il-bank ċentrali nazzjonali;

▼B

(6) 

“SIPS tal-Eurosistema” tfisser SIPS li hija l-proprjetà ta' u mħaddma minn bank ċentrali tal-Eurosistema;

(7) 

“riskju legali” tfisser riskju li jinħoloq mill-applikazzjoni ta' liġi jew regolament, li normalment jirriżulta f'telf;

(8) 

“riskju ta' kreditu” tfisser ir-riskju li kontroparti, kemm jekk parteċipant jew entità oħra, ma tkunx tista' jissodisfa kompletament l-obbligiobbligi finanzjarji tagħha meta jkunu dovuti jew f'xi żmien fil-futur;

(9) 

“riskju ta' likwidità” tfisser ir-riskju li kontroparti, kemm jekk parteċipant jew entità oħra, ma jkollhiex biżżejjed fondi biex tissodisfa l-obbligi finanzjarji tagħha meta dawn isiru dovuti, għalkemm jista' jkollha fondi suffiċjenti biex tagħmel dan fil-futur;

(10) 

“riskju operazzjonali” tfisser ir-riskju li d-defiċjenzi f'sistemi tal-informazzjoni jew proċessi interni, żbalji umani, nuqqasijiet ta' ġestjoni, jew interruzzjonijiet ikkawżati minn avvenimenti esterni jew servizzi esternalizzati ser jirriżultaw fit-tnaqqis, deterjorament jew falliment tas-servizzi pprovduti minn SIPS;

(11) 

“riskju ta' kustodja” tfisser ir-riskju li jiġġarrab telf fuq assi miżmuma f'kustodja f'każ ta' insolvenza tal-kustodju jew tas-subkustodju, negliġenża, frodi, amministrazzjoni ħażina jew żamma tar-rekords inadegwata;

(12) 

“riskju tal-investiment” tfisser ir-riskju tat-telf li jiffaċċja operatur jew parteċipant ta' SIPS meta l-operatur ta' SIPS jinvesti r-riżorsi tiegħu stess jew dawk tal-parteċipanti tiegħu, eż. kollateral;

(13) 

“riskju tas-suq” tfisser ir-riskju ta' telf, f'pożizzjonijiet kemm fuq il-karta tal-bilanċ kif ukoll barra minnha, li jirriżultaw minn movimenti fil-prezzijiet tas-suq;

▼M1

(14) 

“sistema ta' saldu nett differita” (sistema DNS) tfisser sistema li fir-rigward tagħha s-saldu fi flus ta' bank ċentrali jseħħ fuq bażi netta fl-aħħar taċ-ċiklu ta' saldu predefinit, eż. fl-aħħar ta', jew matul, jum tax-xogħol;

▼B

(15) 

“kollateral transkonfinali” tfisser kollateral li minnu, mill-perspettiva tal-pajjiż fejn l-assi huma aċċettati bħala kollateral, mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin huwa barrani: (a) il-munita tad-denominazzjoni; (b) il-pajjiż fejn jinsabu l-assi; jew (c) il-pajjiż li fih l-emittent huwa stabbilit;

(16) 

“ħlas transkonfinali” tfisser ħlas bejn parteċipanti stabbiliti f'pajjiżi differenti;

(17) 

“infrastruttura tas-suq finanzjarju” (ISF) tfisser sistema multilaterali fost l-istituzzjonijiet parteċipanti, inkluż l-operatur tas-sistema, użata biex tiċċara, tissalda jew tirreġistra ħlasijiet, titoli, derivattivi, jew tranżazzjonijiet finanzjarji oħrajn;

▼M1

(18) 

“parteċipant dirett” tfisser entità legali li għandha relazzjoni kuntrattwali ma' operatur SIPS, hija marbuta bir-regoli ta' SIPS rilevanti, titħalla tibgħat ordnijiet ta' trasferiment lil dik is-sistema u hija kapaċi tirċievi ordnijiet mingħandha;

▼M1

(18a) 

“parteċipant indirett” tfisser entità legali li m'għandhiex aċċess dirett għas-servizzi ta' SIPS u tipikament mhijiex marbuta direttament bir-regoli ta' SIPS rilevanti, li l-ordnijiet ta' trasferiment tagħha huma kklerjati, imħallsa u rreġistrati mis-SIPS permezz ta' parteċipant dirett. Parteċipant indirett għandu relazzjoni kuntrattwali ma' parteċipant dirett. L-entitajiet legali relevanti huma llimitati għal:

(i) 

istituzzjonijiet ta' kreditu kif iddefiniti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ),

(ii) 

ditti ta' investiment kif iddefiniti fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 2 ),

(iii) 

kwalunkwe impriża li l-uffiċċju prinċipali tagħha jkun barra mill-Unjoni u li l-funzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għal dawk ta' istituzzjoni ta' kreditu jew ditta ta' investiment tal-Unjoni, kif fil-punti (i) u (ii),

(iv) 

l-awtoritajiet pubbliċi u impriżi ggarantiti pubblikament, u kontropartijiet ċentrali, aġenti ta' saldu, kmamar tal-ikklerjar u operaturi ta' sistemi kif iddefiniti fl-Artikolu 2(c), (d), (e) u (p) tad-Direttiva 98/26/KE,

(v) 

istituzzjonijiet ta' ħlas u istituzzjonijiet ta' flus elettroniċi kif iddefiniti fil-punt (4) fl-Artikolu 4 tad-Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u l-punt (1) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 );

▼B

(19) 

“il-Bord” tfisser bord amministrattiv jew superviżorju ta' operatur ta' SIPS, jew it-tnejn, skont il-liġi nazzjonali;

(20) 

“il-Maniġment” tfisser diretturi eżekuttivi, jiġifieri membri ta' bord unitarju li huma involuti fit-tmexxija ta' kuljum tal-operatur ta' SIPS u membri ta' bord maniġerjali tal-operatur ta' SIPS f'sistema b'żewġ bordijiet;

(21) 

“partijiet interessati relevanti” tfisser parteċipanti, ISF li għandhom impatt fuq ir-riskju f'SIPS, u fuq bażi ta' każ b'każ, atturi oħra tas-suq ikkonċernati;

(22) 

“skopertura tal-kreditu” tfisser ammont jew valur fir-riskju li parteċipant mhuwiex ser iħallas bil-valur sħiħ, la meta jkun dovut u lanqas f'xi ħin wara;

(23) 

“kollateral” tfisser attiv jew impenn ta' parti terza li jintuża minn fornitur ta' kollateral biex jiġi żgurat obbligu fil-konfront ta' prenditur tal-kollateral. Kollateral jinkludi kemm kollateral domestiku kif ukoll transkonfinali;

(24) 

“fornitur tal-likwidità” tfisser fornitur ta' flus kontanti taħt l-Artikoli 5(3), 6(5), 8(1), 8(9) u 8(11) jew attiv taħt l-Artikolu 8(4), inkluż parteċipant tas-SIPS jew parti esterna;

(25) 

“kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli” tfisser ġabra sħiħa ta' kundizzjonjiet storiċi u ipoteki, inklużi l-perjodi l-aktar volatili li jkunu esperjenzaw is-swieq li taqdi s-SIPS;

(26) 

“data maħsuba tas-saldu” tfisser id-data li tiddaħħal fis-SIPS bħala d-data tas-saldu minn min jibgħat ordni ta' trasferiment;

(27) 

“riskju ġenerali ta' negozju” tfisser indeboliment potenzjali tal-pożizzjoni finanzjarja tas-SIPS bħala negozju avvjat bħala konsegwenza ta' tnaqqis fid-dħul tiegħu jew żieda fl-ispejjeż tiegħu, billi l-ispejjeż jeċċedu d-dħul u jirriżultaw f'telf li jkollu jittieħed mill-kapital;

(28) 

“pjan ta' rkupru” tfisser pjan żviluppat minn operatur ta' SIPS biex jistabbilixxi mill-ġdid l-operat bla xkiel ta' SIPS;

(29) 

“pjan ta' stralċ ordnat” tfisser pjan żviluppat minn operatur ta' SIPS għall-għeluq ordnat ta' SIPS;

(30) 

“materjal” jikkwalifika riskju, dipendenza u/jew bidla li tista' taffettwa l-abbiltà ta' entità li twettaq jew tipprovdi servizzi kif mistenni;

(31) 

“awtoritajiet relevanti” tfisser awtoritajiet li għandhom interess leġittimu fl-aċċess għall-informazzjoni minn SIPS li jissodisfaw ir-rekwiżiti statutorji tagħhom, eż. awtoritajiet ta' riżoluzzjoni u superviżuri tal-parteċipanti ewlenin;

(32) 

“riskju prinċipali” tfisser ir-riskju li kontroparti titlef il-valur sħiħ involut fi tranżazzjoni, jiġifieri jew ir-riskju li bejjiegħ ta' attiv finanzjarju ser jikkonsenja l-attiv b'mod irrevokabbli, iżda ma jirċevix il-ħlas, jew ir-riskju illi xerrej ta' attiv finanzjarju ser għall-attiv b'mod irrevokabbli, iżda ma jirċeviehx;

(33) 

“bank kustodju” tfisser bank li jżomm u jissalvagwardja l-assi finanzjarji ta' partijiet terzi;

(34) 

“bank tas-saldu” tfisser bank li jżomm kontijiet fir-rigward ta' ħlasijiet, fejn iseħħ il-ħelsien mill-obbligi li jirriżultaw minn sistema ta' ħlas;

(35) 

“aġent nostro” tfisser bank użat minn parteċipanti f'SIPS għal saldu;

(36) 

“ħlas unilaterali” tfisser ħlas li jinvolvi trasferiment wieħed biss ta' fondi f'munita waħda;

(37) 

“ħlas bilaterali” tfisser ħlas li jinvolvi żewġ trasferimenti ta' fondi f'muniti differenti f'sistema ta' saldu ta' skambju għall-valur;

(38) 

“riskju ta' direzzjoni żbaljata” tfisser riskju li jirriżulta minn skopertura għal parteċipant jew emittent meta l-kollateral pprovdut minn dak il-parteċipant jew maħruġ minn dak l-emittent huwa korrelatat ħafna mar-riskju tal-kreditu tiegħu;

(39) 

“ġurnata ta' negozju” għandha l-istess tifsira mogħtija fl-Artikolu 2(n) tad-Direttiva 98/26/KE;

▼M1

(40) 

“direttur indipendenti” ifisser membru mhux eżekuttiv tal-Bord li ma għandux relazzjoni ta' negozju, familjari jew mod ieħor li jqajjem kunflitt ta' interess dwar l-operatur ta' SIPS jew is-SIPS, l-azzjonisti kontrollanti tagħhom, il-maniġment tagħhom jew il-parteċipanti tagħhom, u li ma kellu l-ebda tali relazzjoni matul is-sentejn qabel is-sħubija tagħhom fil-Bord;

(41) 

“affiljata” tfisser kumpannija li tikkontrolla lill-parteċipant, jew li hija kkontrollata minnu jew taħt il-kontroll tiegħu. Kontroll ta' kumpannija huwa ddefinit bħala (a) sjieda, kontroll jew parteċipazzjoni ta' 20 % jew iżjed ta' klassi ta' titoli ta' votazzjoni ta' kumpannija; jew (b) konsolidazzjoni tal-kumpannija għal finijiet ta' rappurtar finanzjarju;

(42) 

“sitwazzjoni ta' emerġenza” tfisser avveniment, okkorrenza jew ċirkustanza li hija kapaċi twassal għal telf jew ostakolar f'operazzjonijiet, servizzi, jew funzjonijiet tas-SIPS, inklużi ndħil ma' jew prevenzjoni ta' saldu finali;

(43) 

“obbligi finanzjarji” ifissru obbligi legali li jirriżultaw, fi ħdan is-SIPS, bejn il-parteċipanti jew bejn parteċipanti u l-operatur ta' SIPS, bħala konsegwenza ta' ordnijiet ta' trasferiment li jiddaħħlu f'dak is-SIPS;

(44) 

“miżura korrettiva” tfisser miżura jew azzjoni speċifika, irrispettivament mill-forma, it-tul jew il-gravità tagħha, li tkun imposta fuq operatur ta' SIPS minn awtorità kompetenti biex tirrimedja, jew tevita ripetizzjoni ta', nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti tal-Artikoli 3 sa 21.

▼M2

Artikolu 2a

Avviż bil-miktub dwar il-bidu tal-proċess biex sistema ta’ ħlas tiġi identifikata bħala SIPS

Il-BĊE għandu jinnotifika lill-operatur tas-sistema ta’ ħlas bl-intenzjoni tiegħu li jibda proċess taħt l-Artikolu 1 bl-għan li jidentifika dik is-sistema ta’ ħlas bħala SIPS. L-avviż bil-miktub għandu jiddikjara l-fatti materjali u r-raġunijiet legali kollha rigward l-identifikazzjoni possibbli tas-sistema ta’ ħlas ikkonċernata bħala SIPS.

Artikolu 2b

Dritt ta’ aċċess għall-fajls matul il-proċess biex sistema ta’ ħlas tiġi identifikata bħala SIPS

Malli jirċievi l-avviż bil-miktub imsemmi fl-Artikolu 2a, l-operatur tas-sistema ta’ ħlas għandu jkun intitolat li jaċċessa l-fajls, id-dokumenti jew materjal ieħor tal-BĊE li jservu bħala bażi għall-identifikazzjoni ta’ dik is-sistema ta’ ħlas bħala SIPS. Dan id-dritt ma għandux jestendi għal informazzjoni meqjusa kunfidenzjali fir-rigward tal-BĊE, ta’ bank ċentrali nazzjonali, jew ta’ partijiet terzi oħra, inklużi istituzzjonijiet jew korpi oħra tal-Unjoni.

Artikolu 2c

Dritt li wieħed jinstema’ matul il-proċess biex sistema ta’ ħlas tiġi identifikata bħala SIPS

1.  
Fl-avviż bil-miktub mibgħut mill-BĊE f’konformità mal-Artikolu 2a, l-operatur tas-sistema ta’ ħlas għandu jingħata terminu fiss li fih jista’ jesprimi bil-miktub kwalunkwe oġġezzjoni, fehma u kumment rigward il-fatti u r-raġunijiet legali ppreżentati fl-avviż bil-miktub. Dan it-terminu ma għandux ikun inqas minn 30 jum ta’ xogħol li jibdew mill-jum li fih l-operatur tas-sistema ta’ ħlas jirċievi l-avviż bil-miktub.
2.  
Il-BĊE jista’ jagħti l-opportunità lill-operatur tas-sistema ta’ ħlas, fuq talba tiegħu, li jesprimi l-fehmiet tiegħu f’laqgħa orali. Għandhom jitħejjew minuti bil-miktub tal-laqgħa li mbagħad jiġu ffirmati mill-partijiet kollha. Il-partijiet kollha għandhom jingħataw kopja tal-minuti.
3.  
Minkejja l-paragrafu 2, il-BĊE jista’ joħroġ deċiżjoni li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS mingħajr ma jagħti lill-operatur tas-sistema ta’ ħlas l-opportunità li jesprimi l-fehmiet, l-oġġezzjonijiet jew il-kummenti tiegħu dwar il-fatti u r-raġunijiet legali ppreżentati fl-avviż bil-miktub mibgħut mill-BĊE, dment li dan jitqies meħtieġ biex tiġi evitata ħsara sinifikanti lis-sistema finanzjarja.

Artikolu 2d

Motivazzjoni tad-deċiżjoni li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS

1.  
Id-deċiżjoni tal-BĊE li tidentifika sistema ta’ ħlas bħala SIPS għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni. Id-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għandha tinkludi l-fatti materjali u r-raġunijiet legali li fuqhom il-BĊE jkun ibbaża d-deċiżjoni tiegħu.
2.  
Suġġett għall-paragrafu 3 tal-Artikolu 2c, il-BĊE għandu jibbaża d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu biss fuq fatti u raġunijiet legali li l-operatur tas-sistema ta’ ħlas seta’ jikkummenta dwarhom.

▼B

Artikolu 3

Sodizza legali

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jevalwa jekk il-liġi applikabbli fis-sistemi legali relevanti tipprovdix livell għoli ta' ċertezza għal u tappoġġjax kull aspett materjali tal-attivitajiet tas-SIPS tiegħu.
2.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi regoli u proċeduri tas-SIPS u jidħol f'kuntratti, li huma ċari u konsistenti mal-liġi applikabbli fis-sistemi legali relevanti kollha.
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jkun jista' jispeċifika l-liġi, regoli, proċeduri u kuntratti applikabbli għall-operat ta' SIPS lill-awtorità kompetenti, lill-parteċipanti, u, fejn relevanti, lill-klijenti tal-parteċipanti, b'mod ċar u li jinftiehem.
4.  
Operatur ta' SIPS għandu jieħu miżuri biex jiżgura li r-regoli, proċeduri, u kuntratti tiegħu ikunu jistgħu jiġu infurzati fis-sistemi legali relevanti kollha, u li l-azzjonijiet li jieħu taħt dawn ir-regoli, proċeduri u kuntratti ma jiġux invalidati, imreġġa' lura jew ikunu soġġetti għal sospensjonijiet.
5.  
Operatur ta' SIPS li jmexxi negozju f'iktar minn sistema legali waħda għandu jidentifika u jimmitiga r-riskji li jirriżultaw minn kwalunkwe kunflitt ta' liġijiet potenzjali.
6.  
Operatur ta' SIPS għandu juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jiżgura d-denominazzjoni tas-SIPS taħt id-Direttiva 98/26/KE.

Artikolu 4

Governanza

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jkollu objettivi ddokumentati objettivili jagħtu prijorità għolja lis-sikurezza u l-effiċjenza tas-SIPS. L-objettiviobjettivi għandhom jappoġġjaw b'mod espliċitu l-istabbiltà finanzjarja u konsiderazzjonijiet relevanti oħra ta' interess pubbliku, b'mod partikolari swieq finanzjarji miftuħa u effiċjenti.

▼M1

2.  
Operatur ta' SIPS għandu jkollu arranġamenti ta' governanza effettivi u dokumentati li jipprovdu linji ċari u diretti ta' responsabbiltà u kontabbiltà. Dawn l-arranġamenti għandhom ikunu disponibbli lill-awtorità kompetenti, lis-sidien u lill-parteċipanti. Operatur ta' SIPS għandu jagħmel verzjonijiet fil-qosor tagħhom disponibbli għall-pubbliku.

▼B

3.  

L-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-Bord għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar. L-irwoli u r-responsabbiltajiet tal-Bord għandhom jinkludu dawn kollha li ġejjin:

(a) 

l-istabbiliment ta' miri strateġiċi ċari għas-SIPS;

(b) 

l-istabbiliment ta' proċeduri ddokumentati għall-funzjonament tas-SIPS, inklużi proċeduri sabiex jiġu identifikati, indirizzati u mmaniġġjati kunflitti ta' interess tal-membri tiegħu;

(c) 

bl-eċċezzjoni tas-SIPS tal-Eurosistema, għandu jiżgura l-għażla effettiva, il-monitoraġġ, u, fejn xieraq, it-tneħħija tal-membri tal-Maniġment;

(d) 

bl-eċċezzjoni tas-SIPS tal-Eurosistema, għandu jistabbilixxi politiki ta' kumpens adegwati, konsistenti mal-aqwa prattiċi u bbażati fuq kisbiet fuq żmien twil.

4.  
Ħlief għas-SIPS tal-Eurosistema, il-Bord għandu jirrevedi kemm il-prestazzjoni ġenerali kif ukoll il-prestazzjoni tal-membri individwali tal-Bord ta' mill-inqas kull sena.

▼M1

5.  
Il-kompożizzjoni tal-Bord għandha tiżgura l-integrità u, ħlief għas-SIPS tal-Eurosistema, taħlita adattata ta' ħiliet tekniċi, għarfien u esperjenza kemm tas-SIPS kif ukoll tas-suq finanzjarju inġenerali, li tħalli lill-Bord iwettaq ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tiegħu. Il-kompożizzjoni għandha tqis ukoll l-allokazzjoni ta' kompetenzi skont id-dritt nazzjonali. Ħlief għas-SIPS tal-Eurosistema, u jekk permess mil-liġi nazzjonali, il-Bord għandu jinkludi membri tal-bord li mhumiex eżekuttivi, inkluż ta' mill-inqas direttur indipendenti wieħed.

▼B

6.  

Ir-rwol, ir-responsabbiltajiet u l-linji ta' rapportar għandhom jiġu ddefiniti b'mod ċar. Il-kompożizzjoni għandha tiżgura integrità u taħlita adattata ta' ħiliet tekniċi, għarfien u esperjenza kemm tas-SIPS kif ukoll tas-suq finanzjarju b'mod ġenerali, li tħalli lill-Maniġment iwettaq ir-responsabbiltajiet tiegħu għall-operat u l-ġestjoni tar-riskju tal-operatur ta' SIPS. Ir-responsabbiltajiet tal-maniġment għandhom jinkludu, taħt id-direzzjoni tal-Bord, li jiżgura dawn l-affarijiet kollha li ġejjin:

(a) 

li l-attivitajiet tal-operatur ta' SIPS ikunu konsistenti mal-objettivi, l-istrateġija u t-tolleranza tar-riskju tagħhom;

(b) 

li l-kontrolli interni u l-proċeduri relatati huma ddisinnjati, eżegwiti u ssorveljati kif xieraq sabiex jippromwovu l-objettivi tal-operatur ta' SIPS;

(c) 

li l-kontrolli interni u l-proċeduri relatati jkunu suġġetti għal reviżjoni u ttestjar regolari u l-ittestjar minn funzjonijiet ta' ġestjoni tar-riskju u ta' verifika interna b'persunal suffiċjenti li jkunu mħarrġa sew.

(d) 

involviment attiv fil-proċess tal-kontroll tar-riskju;

(e) 

li riżorsi suffiċjenti jiġu allokati lill-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tas-SIPS.

7.  

Il-Bord għandu jistabbilixxi u jissorvelja qafas ta' ġestjoni tar-riskju dokumentat, li għandu:

(a) 

jinkludi l-politika tat-tolleranza tar-riskju tal-operatur ta' SIPS;

(b) 

jassenja responsabbiltajiet u kontabbiltà għad-deċiżjonijiet ta' riskju;

(c) 

jindirizza t-teħid ta' deċiżjonijiet fi kriżijiet u emerġenzi;

(d) 

jindirizza funzjonijiet ta' kontroll intern.

▼M1

Il-Bord għandu jiżgura li jkun hemm tliet linji ta' difiża ċari u effettivi (operazzjonijiet, ġestjoni tar-riskju u awditu intern), li huma separati minn xulxin u għandhom biżżejjed awtorità, indipendenza, riżorsi u aċċess għall-Bord.

▼M1

7a.  
L-approvazzjoni tal-Bord għandha tkun meħtieġa għal deċiżjonijiet li għandhom impatt sinifikanti fuq il-profil ta' riskju tas-SIPS u għad-dokumenti ta' riskju ewlenin li jirregolaw l-operazzjonijiet SIPS. Bħala minimu, il-Bord għandu japprova u jirrivedi kull sena l-qafas tal-ġestjoni tar-riskju komprensiv msemmi fl-Artikolu 5(1), il-qafas tar-riskju operattiv u l-pjan ta' kontinwità tan-negozju assoċjat imsemmi fl-Artikoli 15(1) u 15(5) rispettivament, l-irkupru u l-pjan ta' stralċ ordnat u l-pjan kapitali msemmi fl-Artikoli 5(4) u 13(6) rispettivament, l-oqfsa dwar ir-riskju tal-kreditu u tal-likwidità msemmija fl-Artikoli 6(1) u 8(1) rispettivament, il-qafas kollaterali li jirregola l-ġestjoni tar-riskji msemmija fl-Artikolu 7, l-istrateġija ta' investiment ta' SIPS imsemmija fl-Artikolu 14(4), u l-qafas tar-reżiljenza ċibernetiku msemmi fl-Artikolu 15(4a).

▼B

8.  
Il-Bord għandu jiżgura li d-deċiżjonijiet prinċipali li jaffettwaw l-istruttura teknika u funzjonali tas-SIPS, ir-regoli u l-istrateġija ġenerali, b'mod partikolari, fir-rigward tal-għażla ta' arranġament tal-ikklerjar u saldu, l-istruttura operattiva, l-iskop tal-prodotti ikklerjati u ssaldati, u l-użu ta' teknoloġija u proċeduri, jirriflettu b'mod xieraq l-interessi leġittimi tal-partijiet interessati relevanti tas-SIPS. Il-partijiet interessati relevanti u, fejn xieraq, il-pubbliku għandhom jiġu kkonsultati b'mod raġonevoli bil-quddiem fuq tali deċiżjonijiet.

Artikolu 5

Qafas għall-ġestjoni komprensiva tar-riskji

1.  

Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi u jżomm qafas sod ta' ġestjoni tar-riskju biex jidentifika, ikejjel, jimmonitorja u jimmaniġġja b'mod komprensiv il-firxa ta' riskji li jirriżultaw fis-SIPS jew li jiġu mġarrba minnha. Għandu jeżamina l-qafas ta' ġestjoni tar-riskju mill-inqas darba fis-sena. Il-qafas ta' ġestjoni tar-riskju għandu:

(a) 

jinkludi l-politika tat-tolleranza tar-riskju tal-operatur ta' SIPS u għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskju;

(b) 

jassenja responsabbiltà u kontabbiltà għad-deċiżjonijiet tar-riskju;

(c) 

jindirizza t-teħid ta' deċiżjonijiet f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza relatati ma' SIPS, inklużi l-iżviluppi fis-swieq finanzjarji li potenzjalment ikollhom effett negattiv fuq il-likwidità tas-suq u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fi kwalunkwe Stat Membru li l-munita tagħhom hija l-euro fejn l-operatur ta' SIPS jew wieħed mill-parteċipanti jkunu stabbiliti.

2.  
Operatur ta' SIPS għandu jipprovdi inċentivi lill-parteċipanti u, fejn relevanti, il-klijenti tagħhom biex jiġġestixxu u jillimitaw ir-riskji li joħolqu għas-SIPS u li jġarrbu minn din tal-aħħar. Fir-rigward ta' parteċipanti, inċentivi bħal dawn għandhom jinkludu sistema ta' penali finanzjarji effettiva, proporzjonata u dissważiva jew arranġamenti ta' kondiviżjoni tat-telf, jew it-tnejn li huma.
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jirrevedi r-riskji materjali li s-SIPS iġarrab minħabba u jimponi fuq entitajiet oħra inklużi, fost oħrajn IFM, banek tas-saldu, fornituri ta' likwidità u fornituri ta' servizzi, bħala riżultat tal-interdipendenzi ta' mill-inqas darba fis-sena. L-operatur ta' SIPS għandu jiżviluppa għodod għall-ġestjoni tar-riskju li jkunu robusti u proporzjonati għal-livell tar-riskju identifikat.

▼M1

4.  
Operatur ta' SIPS għandu jiddefinixxi l-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi tas-SIPS. L-operatur ta' SIPS għandu jidentifika xenarji speċifiċi li jistgħu jwaqqfuh milli jkun jista' jipprovdi dawn l-operazzjonijiet kritiċi u servizzi bħala negozju avvjat u għandu jevalwa l-effettività tal-opzjonijiet kollha għall-irkupru jew, bl-eċċezzjoni tas-SIPS tal-Eurosistema, stralċ ordinat. Għandu jirrevedi l-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi mill-inqas kull sena. Abbażi ta' dinl-istima, operatur ta' SIPS għandu jħejji pjan vijabbli għall-irkupru tas-SIPS u, ħlief għas-SIPS tal-Eurosistema, stralċ ordinat. Il-pjan ta' stralċ ordinat u ta' rkupru għandu jikkonsisti, inter alia, f'taqsira sostantiva tal-istrateġiji ewlenin ta' rkupru u ta' stralċ ordinat, stqarrija mill-ġdid tal-operazzjonijiet u s-servizzi kritiċi tas-SIPS, u deskrizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jimplimentaw l-istrateġiji prinċipali. Operatur ta' SIPS għandu, fejn applikabbli, jipprovdi lill-awtoritajiet relevanti bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-ippjanar tar-riżoluzzjoni.

Artikolu 6

Riskju tal-kreditu

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi qafas b'saħħtu biex ikejjel, jimmonitorja u jimmaniġġja l-iskoperturi ta' kreditu tiegħu fost parteċipanti li jirriżultaw mill-ħlas tas-SIPS, u l-proċessi tal-ikklerjar u tas-saldu.
2.  
Operatur ta' SIPS għandu jidentifika s-sorsi kollha tar-riskju ta' kreditu. Il-kejl u l-monitoraġġ tal-iskoperturi ta' kreditu għandhom iseħħu matul il-jum, bl-użu ta' informazzjoni fil-ħin u għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskju.
2a.  

Operatur ta' SIPS li jopera sistema DNS għandu jiżgura li:

(a) 

obbligi finanzjari jkunu stabbiliti mhux iktar tard mill-mument meta l-ordni ta' trasferiment tkun inkluża fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet ta' saldu netti aċċessibbli għal kull parteċipant; u

(b) 

ikun hemm biżżejjed riżorsi biex ikopru l-iskoperturi ta' kreditu li jirriżultaw skont il-paragrafi 3 u 4 l-iktar tard fil-mument imsemmi fil-punt (a).

3.  
Operatur ta' SIPS, inkluż wieħed li jopera sistema DNS b'garanzija ta' saldu, li matul l-operazzjonijiet tas-SIPS iġarrab skopertura ta' kreditu fil-konfront tal-parteċipanti tiegħu, għandu jkopri l-iskopertura ta' kreditu għal kull parteċipant bl-użu ta' kollateral, fondi ta' garanzija, ekwità (wara tnaqqis tal-ammont iddedikat li jkopri riskju ta' negozju ġenerali) jew riżorsi finanzjarji ekwivalenti oħra.
4.  
Operatur ta' SIPS, inkluż wieħed li jopera sistema DNS mingħajr garanzija tas-saldu, imma fejn parteċipanti jiffaċċjaw skoperturi ta' kreditu li jinħolqu mill-ħlas tas-SIPS, proċessi tal-ikklerjar u tas-saldu, għandhom ikollhom fis-seħħ regoli jew arranġamenti kuntrattwali ma' dawk il-parteċipanti. Ir-regoli u l-arranġamenti kuntrattwali għandhom jiżguraw li l-parteċipanti jipprovdu riżorsi suffiċjenti, kif imsemmi fil-paragrafu 3, biex ikopru skoperturi ta' kreditu li jirriżultaw mill-ħlas tas-SIPS, il-proċessi tal-ikklerjar u tas-saldu fir-rigward taż-żewġ parteċipanti li, flimkien mal-affiljati tagħhom, għandhom l-ikbar skopertura ta' riskju aggregat.
5.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi regoli u proċeduri biex jindirizzaw telf li direttament jirriżulta minn inadempjenzi minn parteċipant jew parteċipanti fir-rigward tal-obbligi tagħhom lejn SIPS. Dawn ir-regoli u proċeduri għandhom jindirizzaw l-allokazzjoni ta' telf potenzjali li mhuwiex kopert, inkluż ir-rifużjoni ta' kwalunkwe fondi li operatur ta' SIPS jista' jissellef mingħand fornituri ta' likwidità. Għandhom jinkludu r-regoli u l-proċeduri tal-operatur ta' SIPS dwar il-forniment mill-ġdid ta' riżorsi finanzjarji użati mis-SIPS waqt avveniment ta' stress, sal-livell stipulat fil-paragrafi 3 u 4.

▼B

Artikolu 7

Kollateral

1.  

Operatur ta' SIPS għandu jaċċetta biss dawn l-assi li ġejjin bħala kollateral: (a) flus kontanti; u (b) assi b'riskji baxxi ta' kreditu, ta' likwidità u tas-suq, jiġifieri assi li għalihom l-operatur ta' SIPS jista' juri lill-awtorità kompetenti fuq il-bażi ta' valutazzjoni interna adegwata li dawn jissodisfaw il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(i) 

ikunu nħarġu minn emittent b'riskju ta' kreditu baxx;

(ii) 

ikunu trasferibbli liberament mingħajr ebda restrizzjoni legali jew talbiet ta' terzi;

(iii) 

ikunu ddenominati f'munita li r-riskju tagħha huwa ġestit mill-operatur ta' SIPS;

(iv) 

ikollhom dejta affidabbli dwar il-prezz ppubblikata fuq bażi regolari;

(v) 

ma jkunux b'xi mod ieħor suġġetti għal riskju sinifikanti f'direzzjoni żbaljata;

(vi) 

ma jinħarġux mill-parteċipant li jipprovdi l-kollateral jew entità li tkun parti mill-istess grupp bħal dak il-parteċipant, ħlief fil-każ ta' bond kopert u biss fejn l-assi fil-ġabra ta' kopertura jkunu ssegregati b'mod xieraq fi ħdan qafas legali robust u jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati fil-punti (i) sa (v).

Fit-twettiq tal-valutazzjoni interna tal-punti (i) sa (vi), l-operatur ta' SIPS għandu jiddefinixxi, jiddokumenta u japplika metodoloġija oġġettiva.

2.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi u jimplimenta politiki u proċeduri li jimmonitorjaw il-kwalità ta' kreditu, il-likwidità tas-suq u l-volatilità tal-prezz ta' kull assi aċċettat bħala kollateral. Operatur ta' SIPS għandu jimmonitorja fuq bażi regolari, u ta' mill-inqas darba fis-sena, l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri ta' valutazzjoni tiegħu. Din ir-reviżjoni għandha ssir ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-SIPS. Operatur ta' SIPS għandu jipprezza l-kollateral tiegħu skont is-suq ta' mill-inqas darba kuljum.
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi telf impost stabbli u konservattiv u jittestjahom ta' mill-inqas darba fis-sena u jieħu f'kunsiderazzjoni kundizzjonijiet estremi tas-suq. Proċeduri ta' telf impost għandhom jiġu vvalidati minn persunal apparti dawk li jkunu ħolqu u applikaw il-proċeduri ta' telf impost ta' mill-inqas darba fis-sena.
4.  
Operatur ta' SIPS għandu jieħu miżuri sabiex jiġu evitati investimenti kkonċentrati ta' ċerti assi meta dan jindebolixxi b'mod sinifikanti l-abbiltà li jillikwida dawn l-assi malajr mingħajr effetti negattivi sinifikanti fuq il-prezz.
5.  
Operatur ta' SIPS li jaċċetta kollateral transkonfinali għandu jidentifika u jnaqqas ir-riskji assoċjati mal-użu tiegħu u jiżgura li l-kollateral transkonfinali jista' jintuża f'waqtu.
6.  
Operatur ta' SIPS għandu juża sistema ta' ġestjoni tal-kollaterali li tkun effettiva u flessibbli mill-aspett operazzjonali.
7.  
Il-paragrafu 1 m'għandux japplika għas-SIPS tal-Eurosistema.

▼M1

Artikolu 8

Riskju ta' likwidità

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi qafas komprensiv biex jiġġestixxi riskji ta' likwidità maħluqa mill-parteċipanti tas-SIPS, banek tas-saldu, aġenti nostro, banek kustodji, fornituri ta' likwidità u entitajiet relevanti oħra. L-operatur ta' SIPS għandu jipprovdi lill-parteċipanti b'għodda adegwata biex il-likwidità tagħhom tiġi ġestita u għandu jimmonitorja u jiffaċilita l-fluss bla xkiel tal-likwidità fis-sistema.
2.  
Operatur ta' SIPS għandu jimplimenta għodod operattivi u analitiċi, li jippermettulu jidentifika, ikejjel u jimmonitorja saldu u flussi ta' finanzjament, inkluż l-użu tal-likwidità intraday (dakinhar stess), fuq bażi f'waqtha u kontinwa.
2a.  

Operatur ta' SIPS li jopera sistema DNS għandu jiżgura li

(a) 

obbligi finanzjarji jkunu stabbiliti mhux iktar tard mill-mument meta l-ordni ta' trasferiment tiġi inkluża fil-kalkolu tal-pożizzjonijiet netti ta' saldu aċċessibbli għal kull parteċipant; u

(b) 

hemm biżżejjed riżorsi likwidi miżmumin skont il-paragrafi 3 sa 6 l-iktar tard fil-mument imsemmi fil-punt (a).

3.  
Operatur ta' SIPS għandu jkollu, jew jiżgura li l-parteċipanti jkollhom f'kull ħin, riżorsi likwidi suffiċjenti mill-mument li jiġu stabbiliti obbligi finanzjarji, fil-muniti kollha li jopera bihom, biex jissalda l-obbligi finanzjarji fl-istess jum f'ambitu wiesa' ta' xenarji potenzjali ta' stress. Fejn xieraq, dan jinkludi saldu intraday jew multiday (fuq medda ta' bosta ġranet). Ix-xenarji ta' stress għandhom jinkludu: (a) inadempjenza tal-parteċipant, taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawżibbli li, flimkien mal-affiljati tiegħu, għandhom l-ikbar obbligu finanzjarju aggregat; u (b) xenarji oħra skont il-paragrafu 11.
4.  

Operatur ta' SIPS li jirregola ħlas unilaterali f'euro għandu jkollu, jew jiżgura li l-parteċipanti jkollhom, riżorsi likwidi suffiċjenti, skont il-paragrafu 3, biex jissalda fil-ħin l-obbligi finanzjarji f'każ ta' inadempjenza tal-parteċipant li, flimkien mal-affiljati tiegħu, għandu l-ikbar obbligu finanzjarju aggregat kif determinat mill-paragrafu 3(a) b'xi mod minn dawn li ġejjin:

(a) 

fi flus kontanti mal-Eurosistema; jew

(b) 

f'kollateral eliġibbli kif iddefinit fil-qafas kollaterali tal-Eurosistema stabbilit fil-Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/60) ( 5 ) u l-Linja Gwida BĊE/2014/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew ( 6 ) iżda l-operatur ta' SIPS għandu juri li dak il-kollateral huwa disponibbli faċilment u konvertibbli f'kontanti fuq bażi tal-istess jum bl-użu ta' arranġamenti ta' finanzjament irranġati minn qabel u affidabbli ħafna, inkluż f'kundizzjonijiet tas-suq ta' stress.

5.  

Operatur ta' SIPS li jirregola ħlas unilaterali f'euro għandu jkollu, jew jiżgura li l-parteċipanti jkollhom, riżorsi likwidi addizzjonali, skont il-paragrafu 3(b), bil-modi msemmija fil-paragrafu 4 jew ma' bank kummerċjali finanzjarjament affidabbli f'wieħed jew iktar minn dawn l-istrumenti li ġejjin:

(a) 

linji ta' kreditu impenjati;

(b) 

swaps impenjati ta' kambju barrani;

(c) 

repos impenjati;

(d) 

assi li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1), li huma miżmuma minn kustodju;

(e) 

investimenti.

Dawn l-istrumenti kollha għandhom jippermettu li l-flus kontanti jkunu disponibbli f'perijodu ta' żmien li jippermetti s-saldu fl-istess jum. B'mod partikolari, l-operatur ta' SIPS għandu jkun jista' juri li l-istrumenti mhux fi flus kontanti jkunu disponibbli faċilment u konvertibbli fi flus kontanti fuq bażi tal-istess jum bl-użu ta' finanzjamenti rranġati minn qabel u affidabbli ħafna, inkluż f'kundizzjonijiet tas-suq ta' stress.

L-operatur ta' SIPS għandu jkun dispost li juri lill-awtorità kompetenti, skont valutazzjoni interna adegwata, li l-bank kummerċjali huwa finanzjarjament affidabbli.

6.  
Operatur ta' SIPS li jirregola ħlasijiet bilaterali jew ħlasijiet unilaterali f'muniti barra mill-euro għandu jkollu, jew jiżgura li l-parteċipanti jkollhom, riżorsi likwidi suffiċjenti, skont il-paragrafu 3, fil-modi msemmija fil-paragrafu 5.
7.  
Fejn operatur ta' SIPS jissupplimenta r-riżorsi msemmija fil-paragrafu 3 b'assi oħrajn, dawn l-assi x'aktarx ikunu negozjabbli jew aċċettabbli bħala kollateral (pereżempju għal linji ta' kreditu, swaps, jew repos) fuq bażi ad hoc wara inadempjenza, anke jekk dan ma jistax ikun stabbilit minn qabel jew iggarantit b'mod affidabbli taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi imma plawżibbli. Meta parteċipant jissupplimenta r-riżorsi msemmija fil-paragrafu 3 ma' assi oħrajn, l-operatur ta' SIPS għandu jiżgura li dawk l-assi l-oħrajn jissodisfaw ir-rekwiżiti msemmija fl-ewwel sentenza ta' dan il-paragrafu. L-assi għandhom jiġu preżunti bħala probabbli li jkunu negozjabbli jew aċċettabbli bħala kollateral jekk l-operatur ta' SIPS ikun ħa inkunsiderazzjoni r-regoli u l-prattiki tal-bank ċentrali relevanti dwar l-eliġibbiltà tal-kollateral.
8.  
Operatur ta' SIPS m'għandux jassumi li kreditu ta' emerġenza tal-bank ċentrali se jkun disponibbli.
9.  
Operatur ta' SIPS għandu jwettaq diliġenza dovuta sabiex jivverifika li kull fornitur tar-riżorsi likwidi tas-SIPS, kif imsemmi fil-paragrafu 3: (a) ikollu informazzjoni suffiċjenti u aġġornata biex jifhem u jiġġestixxi r-riskji ta' likwidità assoċjati mal-forniment tal-flus kontanti jew assi; u (b) għandu l-kapaċità li jipprovdi flus kontanti jew assi kif meħtieġ. L-operatur ta' SIPS għandu jirrevedi l-konformità tiegħu mal-obbligu tad-diliġenza dovuta mill-inqas annwalment. Entitajiet b'aċċess ta' kreditu mill-bank ċentrali tal-ħruġ biss għandhom jiġu aċċettati bħala fornituri ta' likwidità. L-operatur ta' SIPS għandu jittestja regolarment il-proċeduri tas-SIPS biex jiġu aċċessati r-riżorsi likwidi tiegħu.
10.  
Operatur ta' SIPS b'aċċess għal kontijiet ta' bank ċentrali, servizzi ta' ħlas jew servizzi ta' titoli għandu juża dawn is-servizzi, fejn prattikabbli.
11.  
Operatur ta' SIPS għandu, permezz tal-ittestjar taħt stress rigoruż, jiddetermina l-ammont u jittestja regolarment is-suffiċjenza tar-riżorsi likwidi tiegħu sabiex jissodisfa r-rekwiżiti taħt il-paragrafi 3 u 4. Fit-twettiq tal-ittestjar taħt stress, l-operatur ta' SIPS għandu jikkunsidra firxa wiesgħa ta' xenarji rilevanti, inkluż inadempjenza jew inadempjenzi tal-parteċipant fl-istess jum u f'jumejn jew iktar sussegwenti.

Meta jiġu kkunsidrati dawn ix-xenarji, id-disinn u t-tħaddim tas-SIPS għandhom jiġu kkunsidrati u l-entitajiet kollha li jistgħu jkunu ta' riskju materjali għal-likwidità tas-SIPS għandhom jiġu eżaminati, inkluż banek tas-saldu, aġenti nostro, banek kustodji, fornituri ta' likwidità u IFM relatati. Meta jkun xieraq, ix-xenarji għandhom ikopru perijodu multiday.

12.  
Operatur ta' SIPS għandu jiddokumenta r-raġunijiet tiegħu għall-investiment, u għandu jkollu arranġamenti xierqa ta' governanza relatati mal-flus kontanti u assi oħra miżmuma minnu jew mill-parteċipanti. Għandu jistabbilixxi proċeduri ċari għar-rappurtar tar-riżultati tat-testijiet taħt stress tiegħu lill-Bord u għandu juża dawn ir-riżultati għall-evalwazzjoni tal-adegwatezza u jagħmel aġġustamenti fil-qafas tal-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tiegħu.
13.  

Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi regoli u proċeduri ċari li jippermettu lis-SIPS li jimplimenta s-saldu tal-obbligi finanzjarji dakinhar u, fejn xieraq, intraday u multiday f'waqtu wara l-inadempjenza ta' wieħed jew iktar mill-parteċipanti tiegħu. Dawn ir-regoli u l-proċeduri għandhom:

(a) 

jindirizzaw nuqqasijiet ta' likwidità mhux previsti u potenzjalment mhux koperti;

(b) 

ikollhom l-għan li jiġi evitat li l-obbligi finanzjarji għas-saldu fl-istess jum jiġu xolti, revokati jew imdewma;

(c) 

jindikaw kif ifornu mill-ġdid il-flus kontanti u assi oħra użati mis-SIPS matul avveniment ta' stress, sa fejn hu meħtieġ skont il-paragrafi 3 sa 5.

▼B

Artikolu 9

Saldu finali

Operatur ta' SIPS gġandu jistabbilixxi regoli u proċeduri li jippermettu li s-saldu finali jseħħ mhux iktar tard mit-tmiem tad-data tas-saldu maħsuba.

Artikolu 10

Saldu ta' flus

▼M1

1.  
Operatur ta' SIPS li jirregola ħlas unilaterali f'euro għandu jiżgura li s-saldu finali jseħħ fi flus ta' bank ċentrali. Operatur ta' SIPS li jirregola ħlasijiet għal SIPS oħrajn għandu jipprova li jippermetti lil SIPS oħrajn li jagħmlu saldu f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza.

▼B

2.  
Operatur ta' SIPS li jagħmel saldu ta' ħlasijiet bilaterali jew unilaterali f'muniti li mhumiex l-euro għandu jiżgura li saldu finali jseħħ fi flus ta' bank ċentrali fejn prattikabbli u disponibbli.
3.  
Jekk ma jintużawx il-flus ta' bank ċentrali, operatur ta' SIPS għandu jiżgura li s-saldu tal-flus iseħħ bl-użu ta' assi ta' saldu bi ftit jew bl-ebda riskju ta' kreditu u likwidità.
4.  
Jekk isir saldu fi flus ta' bank kummerċjali, l-operatur ta' SIPS għandu jimmonitorja, jiġġestixxi, u jillimita r-riskji ta' kreditu u ta' likwidità li jinħolqu mill-banek ta' saldu kummerċjali. B'mod partikolari, l-operatur ta' SIPS għandu jistabilixxi u jimmonitorja konformità mal-kriterji stretti għall-banek tas-saldu tiegħu li jqisu, inter alia, ir-regolazzjoni u s-superviżjoni tagħhom, l-affidabbiltà kreditizja, il-kapitalizzazzjoni, l-aċċess għal-likwidità, u l-affidabbiltà operazzjonali. L-operatur ta' SIPS għandu jimmonitorja u jiġġestixxi wkoll il-konċentrazzjoni tal-iskoperturi ta' kreditu u likwidità għall-banek tas-saldu kummerċjali tas-SIPS.
5.  
Jekk operatur ta' SIPS iwettaq saldu ta' flus fuq il-kotba tiegħu stess, huwa għandu jimminimizza u jikkontrolla strettament ir-riskji tiegħu ta' kreditu u likwidità.
6.  

Jekk is-saldu jseħħ fi flus ta' bank kummerċjali, il-ftehim legali tal-operatur ta' SIPS ma' kwalunkwe bank tas-saldu kummerċjali għandhom jiddikjaraw b'mod ċar:

(a) 

meta t-trasferimenti fuq il-kotba tal-banek tas-saldu individwali huma mistennija li jseħħu;

(b) 

li t-trasferimenti għandhom ikunu finali meta jiġu eżegwiti;

(c) 

li l-fondi riċevuti għandhom ikunu trasferibbli kemm jista' jkun malajr, ta' mill-inqas sal-aħħar tal-jum.

Artikolu 11

Ħlas kontra ħlas

Operatur ta' SIPS li juża mekkaniżmu ta' ħlas kontra ħlas għandu jelimina r-riskju prinċipali billi jiżgura li s-saldu finali ta' obbligu wieħed iseħħ jekk u biss jekk is-saldu finali tal-obbligu marbut iseħħ ukoll. Din ir-regola tiġi segwita irrispettivament minn jekk is-saldu jseħħx fuq bażi gross jew netta u meta sseħħ il-finalità.

Artikolu 12

Regoli u proċeduri tal-inadempjenza tal-parteċipant

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabilixxi definizzjoni ta' inadempjenza tal-parteċipant fir-regoli u l-proċeduri tas-SIPS, li għandhom jinkludu, bħala minimu, in-nuqqas tal-parteċipant li jissodisfa l-obbligi finanzjarji tiegħu meta jkunu dovuti, bħala riżultat, inter alia, ta' raġunijiet operazzjonali, ksur ta' ftehim, jew il-bidu ta' proċeduri ta' insolvenza kontra dak il-parteċipant. Operatur ta' SIPS għandu jiddistingwi bejn inadempjenza awtomatika u diskrezzjonali. Fil-każ ta' inadempjenza diskrezzjonali, l-operatur ta' SIPS għandu jispeċifika liema entità għandha teżerċita dik id-diskrezzjoni. Huwa għandu jirrevedi din id-definizzjoni ta' mill-inqas darba fis-sena.
2.  

Operatur ta' SIPS għandu jkollu regoli u proċeduri dwar inadempjenza li jippermettulu li jkompli jissodisfa l-obbligi tiegħu f'każ ta' inadempjenza ta' parteċipant, li jindirizzaw r-riforniment tar-riżorsi wara inadempjenza. Ir-regoli u l-proċeduri għandhom jiddefinixxu, bħala minimu, il-punti kollha li ġejjin:

(a) 

l-azzjonijiet li operatur ta' SIPS jista' jieħu meta sseħħ inadempjenza;

(b) 

jekk it-teħid ta' dawn l-azzjonijiet huwiex awtomatiku jew diskrezzjonali u l-mezzi li permezz tagħhom tiġi eżerċitata dik id-diskrezzjoni;

(c) 

bidliet potenzjali għall-prattiċi tas-saldu normali tal-operatur ta' SIPS li jiżguraw saldu f'waqtu;

(d) 

il-ġestjoni tal-ħlasijiet fi stadji differenti tal-ipproċessar;

(e) 

is-sekwenza probabbli tal-azzjonijiet;

(f) 

l-irwoli, l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-partijiet relevanti, inkluż il-parteċipanti li mhumiex inadempjenti;

(g) 

mekkaniżmi oħra li għandhom jiġu attivati biex jillimitaw l-impatt ta' inadempjenza.

3.  
Operatur ta' SIPS għandu jkun ippreparat li jimplimenta ir-regoli u l-proċeduri tiegħu dwar l-inadempjenza, inklużi kwalunkwe proċeduri diskrezzjonali xierqa stabbiliti fir-regoli tiegħu. Operatur ta' SIPS għandu jiżgura, inter alia, illi: (a) ikollu l-kapaċità operazzjonali, inkluż persunal suffiċjenti imħarreġ tajjeb, biex jimplimenta l-proċeduri elenkati fil-paragrafu 2 fil-ħin; u (b) ir-regoli u l-proċeduri tas-SIPS jindirizzaw dokumentazzjoni, informazzjoni u bżonnijiet ta' komunikazzjoni, u koordinazzjoni meta jkunu involuti IFM jew awtorità jew diversi minnhom.
4.  

Operatur ta' SIPS għandu jiżvela pubblikament l-aspetti ewlenin tar-regoli u l-proċeduri elenkati fil-paragrafu 2, inklużi, bħala minimu, dawn kollha li ġejjin:

(a) 

iċ-ċirkostanzi li fihom għandha tittieħed azzjoni;

(b) 

min għandu jieħu dawk l-azzjonijiet;

(c) 

l-ambitu tal-azzjonijiet li għandhom jittieħdu;

(d) 

il-mekkaniżmi li jindirizzaw l-obbligi tal-operatur ta' SIPS lejn parteċipanti li mhumiex inadempjenti.

5.  
Operatur ta' SIPS għandu jittestja u jirrevedi r-regoli u l-proċeduri tas-SIPS elenkati fil-paragrafu 2 ta' mill-inqas darba fis-sena jew wara xi tibdiliet materjali lis-SIPS li jaffettwaw dawk ir-regoli u l-proċeduri. Operatur ta' SIPS għandu jinvolvi lill-parteċipanti tas-SIPS u partijiet interessati relevanti f'dan l-ittestjar u r-reviżjoni.

▼M1

Artikolu 13

Riskju ġenerali ta' negozju

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi ġestjoni robusta u sistemi ta' kontroll biex jidentifika, jimmonitorja, u jiġġestixxi riskji ġenerali ta' negozju, inkluż telf li jirriżulta minn eżekuzzjoni ta' livell baxx ta' strateġija tan-negozju, flussi negattivi ta' flus kontanti, jew spejjeż mhux mistennija u eċċessivament kbar.
2.  
Operatur ta' SIPS għandu jżomm irkupru vijabbli u, ħlief għas-SIPS tal-Eurosistema, pjan ta' stralċ ordinat kif meħtieġ skont l-Artikolu 5(4).
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jiddetermina, abbażi tal-profil tar-riskju tan-negozju ġenerali u ż-żmien meħtieġ biex jirnexxi rkupru u/jew stralċ ordnat tal-operazzjonijiet u servizzi kritiċi tiegħu, l-ammont ta' assi meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-pjan imsemmi fil-paragrafu 2. Dan l-ammont m'għandux ikun inqas minn dak irrappreżentat minn sitt xhur ta' spejjeż operattivi kurrenti.
4.  
Sabiex jiġi kopert l-ammont imsemmi fil-paragrafu 3, operatur ta' SIPS għandu jkollu assi netti likwidi ffinanzjati mill-ekwità, pereżempju stokk komuni, riżervi żvelati jew qligħ ieħor miżmum, sabiex ikun jista' jkompli l-operazzjonijiet u s-servizzi bħala negozju avvjat. Dawn l-assi għandhom jiżdiedu mar-riżorsi miżmuma biex ikopru l-inadempjenza tal-parteċipant jew riskji oħrajn koperti taħt l-Artikoli 6 u 8. L-ekwità miżmuma taħt standards internazzjonali tal-kapital ibbażati fuq ir-riskju jistgħu jiġu inklużi biex jiġu evitati rekwiżiti tal-kapital doppji.
5.  
Assi msemmija fil-paragrafu 4 miżmuma biex ikopru riskju ġenerali tan-negozju għandhom ikunu ta' likwidità suffiċjenti u ta' kwalità għolja sabiex ikunu disponibbli fil-ħin meħtieġ, u għandhom ikunu ssegregati mill-assi tal-operatur ta' SIPS użati għall-operazzjonijiet użati għal operazzjonijiet ta' kuljum. L-operatur ta' SIPS għandu jkun jista' jirrealizza dawn l-assi miżmuma biex ikopru r-riskju tan-negozju ġenerali bi ftit effett negattiv, jekk ikun hemm, sabiex ikun jista' jkompli b'operazzjonijiet u servizzi bħala negozju avvjat jekk ikollu telf tan-negozju ġenerali.
6.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi pjan kapitali vijabbli sabiex iżid ekwità addizzjonali jekk l-ekwità tiegħu taqa' viċin jew taħt l-ammont imsemmi fil-paragrafu 3.
7.  
Il-paragrafi 3 sa 6 m'għandhomx japplikaw għas-SIPS tal-Eurosistema.

▼B

Artikolu 14

Riskji ta' investiment u ta' kustodja

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jżomm l-assi tiegħu stess u dawk tal-parteċipanti ma' entitajiet sorveljati u rregolati (minn hawn 'il quddiem il-“kustodji”), li għandhom prattiki tal-kontabbiltà, proċeduri ta' kustodja u kontrolli interni li jipproteġu b'mod sħiħ dawn l-assi kontra r-riskju ta' telf f'każ ta' insolvenza tal-kustodju jew tas-subkustodju, negliġenza, frodi, amministrazzjoni ħażina jew żamma tar-rekords inadegwata.
2.  
Operatur ta' SIPS għandu jkollu aċċess f'waqtu għall-assi tiegħu u l-assi pprovduti mill-parteċipanti.
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jevalwa u jifhem l-iskoperturi tiegħu lejn il-banek kustodji, billi jikkunsidra l-ambitu sħiħ tar-relazzjonijiet tiegħu ma' kull wieħed minnhom.
4.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi l-istrateġija ta' investiment tiegħu, li tkun konsistenti mal-istrateġija globali tiegħu tal-ġestjoni tar-riskju u li tiġi żvelata bis-sħiħ lill-parteċipanti. Huwa għandu jirrevedi l-istrateġija tal-investiment ta' mill-inqas darba fis-sena.
5.  
L-investimenti ta' operatur ta' SIPS taħt l-istrateġija tal-investiment tiegħu għandhom ikunu ggarantiti minn, jew bi klejms kontra, obbliganti ta' kwalità għolja. Operatur ta' SIPS għandu jiddefinixxi l-kriterji għall-obbligaturi ta' kwalità għolja. L-investimenti għandhom ikunu fi strumenti b'riskji minimi ta' kreditu, tas-suq u tal-likwidità.
6.  
Il-paragrafi 3 sa 5 m'għandhomx japplikaw għas-SIPS tal-Eurosistema.

Artikolu 15

Riskju operazzjonali

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi qafas robust b'sistemi, politiki, proċeduri u kontrolli adegwati sabiex jidentifika, jimmonitorja u jiġġestixxi ir-riskju operazzjonali.

▼M1

1a.  
Operatur ta' SIPS għandu jirrevedi, jawditja, u jittestja sistemi, politiki, proċeduri u kontrolli operattivi u wara tibdil sinifikanti.

▼B

2.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi objettivi u politivi dwar il-livell ta' servizz u l-affidabbiltà operattiva iddisinnjati biex jinkisbu dawk l-objettivi. Għandu jirrevedi l-objettivi u l-politiki ta' mill-inqas darba fis-sena.
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jiżgura li SIPS, f'kull ħin, ikollha kapaċità li tista' tadatta għal żidiet fil-volumi ta' ħlas li jseħħu minħabba każijiet ta' stress, u li jista' jikseb l-objettivi tiegħu tal-livell tas-servizz.
4.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi politiki komprensivi ta' sigurtà fiżika u relata mal-informazzjoni li jidentifikaw, jevalwaw u jiġġestixxu b'mod adegwat il-vulnerabbiltajiet u t-theddid potenzjali kollha. Għandu jirrevedi l-politiki ta' mill-inqas darba fis-sena.

▼M1

4a.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi qafas ċibernetiku ta' reżiljenza effettiv b'miżuri ta' governanza xierqa fis-seħħ għall-ġestjoni tar-riskju ċibernetiku. L-operatur ta' SIPS għandu jidentifika l-operazzjonijiet kritiċi tiegħu u l-assi tal-appoġġ, u jimplimenta miżuri xierqa sabiex jipproteġihom minn attakki ċibernetiċi, u sabiex jiskopri dawn tal-aħħar, jirrispondi għalihom u jirkupra minnhom. Dawn il-miżuri għandhom jiġu ttestjati regolarment. L-operatur ta' SIPS għandu jiżgura li għandu għarfien sod ta' x'qed jiġri fir-rigward tat-theddid ċibernetiku. L-operatur ta' SIPS għandu jiżgura li hemm proċess ta' tagħlim kontinwu u li qed jevolvi sabiex ikun jista' jadatta l-qafas ta' reżiljenza ċibernetika tiegħu għan-natura dinamika tar-riskji ċibernetiċi, f'mod tempestiv, kull meta jkun meħtieġ.

▼B

5.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi pjan ta' kontinwità tan-negozju li jindirizza każijiet li joħolqu riskju sinifikanti li jfixklu l-operazzjonijiet tas-SIPS. Il-pjan għandu jinkludi l-użu ta' sit sekondarju u jkun iddisinjat biex jiżgura li sistemi ta' teknoloġija ta' informazzjoni kritika jistgħu jissoktaw bl-operat fi żmien sagħtejn wara dawk l-avvenimenti. Il-pjan għandu jiġi ddisinjat b'mod li s-SIPS dejjem ikun jista' jagħmel saldu tal-ħlasijiet kollha dovuti sal-aħħar tal-jum ta' negozju meta jseħħ it-tfixkil. L-operatur ta' SIPS għandu jittestja l-pjan u jirrevedih ta' mill-inqas darba fis-sena.
6.  
Operatur ta' SIPS għandu jidentifika parteċipanti kritiċi fuq il-bażi, b'mod partikolari, ta' volumi u valuri ta' ħlas u l-impatt potenzjali tagħhom fuq parteċipanti oħra u s-SIPS bħala ħaġa waħda, f'każ li dawn il-parteċipanti jesperjenzaw problema operazzjonali sinifikanti.
7.  
Operatur ta' SIPS għandu jidentifika, jimmonitorja, u jiġġestixxi r-riskji li l-parteċipanti kritiċi, IFM oħrajn, u fornituri ta' servizzi ta' utilità jistgħu joħolqu għall-operat tas-SIPS.

▼M1

Artikolu 16

Kriterji ta' aċċess u parteċipazzjoni

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi u jiżvela pubblikament kriterji ta' aċċess u parteċipazzjoni li mhumiex diskriminatorji lis-servizzi tas-SIPS għal parteċipanti diretti, u, fejn relevanti, parteċipanti indiretti u għal IFM oħrajn. Għandu jirrevedi l-kriterji mill-inqas b'mod annwali.
2.  
Il-kriterji ta' aċċess u parteċipazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu ġġustifikati f'termini ta' sigurtà u effiċjenza tas-SIPS u tas-swieq li jservu, u jkunu mfassla għal u proporzjonati mar-riskji speċifiċi tas-SIPS. F'konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, operatur ta' SIPS għandu jistabbilixxi rekwiżiti li jirrestrinġu aċċess bl-inqas mod possibbli. Jekk operatur ta' SIPS jiċħad aċċess għal entità li tapplika, għandu jagħti r-raġunijiet bil-miktub għal dan, ibbażat fuq analiżi komprensiva tar-riskju.
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jimmonitorja l-konformità tal-parteċipanti mal-kriterji ta' aċċess u parteċipazzjoni tas-SIPS fuq bażi kontinwa. Għandu jistabbilixxi proċeduri li mhumiex diskriminatorji li jiffaċilitaw is-sospensjoni u t-terminazzjoni ordinata tad-drittijiet tal-parteċipant fejn il-parteċipant jonqos milli jikkonforma mal-kriterji u għandu jiżvela pubblikament aspetti ewlenin rilevanti ta' dawn il-proċeduri. Għandu jirrevedi l-proċeduri mill-inqas annwalment.

▼B

Artikolu 17

Arranġamenti ta' parteċipazzjoni mtarrġa

▼M1

1.  

Għall-finijiet tal-ġestjoni tar-riskju, operatur ta' SIPS għandu jiżgura li r-regoli, il-proċeduri u l-arranġamenti kuntrattwali tas-SIPS jippermettulu jiġbor informazzjoni dwar parteċipazzjoni indiretta sabiex jidentifika, jimmonitorja u jiġġestixxi kwalunkwe riskju materjali għas-SIPS li jinħoloq minn parteċipazzjoni. Din l-informazzjoni għandha, bħala minimu, tkopri dawn li ġejjin:

(a) 

l-attività li parteċipanti diretti jwettqu f'isimhom u f'isem il-parteċipanti indiretti fi proporzjon mal-attività fil-livell tas-sistema;

(b) 

in-numru ta' parteċipanti indiretti li jagħmlu saldu permezz ta' parteċipanti individwali diretti;

(c) 

il-volumi u l-valuri ta' ħlasijiet fis-SIPS li joriġinaw minn kull parteċipant indirett;

(d) 

il-volumi u l-valuri ta' ħlasijiet taħt il-punt (c) fi proporzjoni ma' dawk ta' parteċipant dirett li permezz tiegħu l-parteċipant indirett ikollu aċċess għas-SIPS.

2.  
Operatur ta' SIPS għandu jidentifika dipendenzi materjali bejn parteċipanti diretti u indiretti li jistgħu jaffettwaw is-SIPS, wara li tittieħed inkunsiderazzjoni l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

▼B

3.  
Operatur ta' SIPS għandu jidentifika parteċipanti indiretti li joħolqu riskji materjali għas-SIPS u l-parteċipanti diretti li permezz tagħhom jaċċessaw is-SIPS bil-ħsieb li jiġġestixxi dawn ir-riskji.
4.  
Operatur ta' SIPS għandu jirrevedi r-riskji li jinħolqu minn arranġamenti ta' parteċipazzjoni mtarrġa ta' mill-inqas darba fis-sena. Huwa għandu jieħu azzjoni ta' mitigazzjoni meta din tkun meħtieġa biex jiżgura li r-riskji jkunu ġestiti kif suppost.

Artikolu 18

Effiċjenza u effettività

1.  

Operatur ta' SIPS għandu jkollu proċess biex jidentifika u jilħaq il-bżonnijiet tas-swieq li s-SIPS taqdi, b'mod partikolari, fir-rigward ta':

(a) 

l-għażla ta' arranġament tal-ikklerjar u tas-saldu;

(b) 

struttura operattiva;

(c) 

l-ambitu tal-prodotti kklerjati jew saldati;

(d) 

l-użu ta' teknoloġija u proċeduri.

2.  
Operatur ta' SIPS għandu jkollu miri u objettivi ddefiniti b'mod ċar li jkunu jistgħu jitkejlu u jinkisbu, bħal fl-oqsma ta' livelli ta' servizz minimi, aspettattivi ta' ġestjoni tar-riskju u prijoritajiet tan-negozju.
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jkollu mekkaniżmi stabbiliti għar-reviżjoni regolari, ta' mill-inqas annwali, tar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2.

Artikolu 19

Standards u proċeduri tal-komunikazzjoni

Operatur ta' SIPS għandu juża jew jakkomoda proċeduri u standards ta' komunikazzjoni relevanti li huma aċċettati fuq livell internazzjonali sabiex jiġu ffaċilitati l-ħlas, l-ikklerjar, is-saldu u r-reġistrazzjoni effiċjenti.

Artikolu 20

Żvelar tar-regoli, proċeduri ewlenin u dejta tas-suq

1.  
Operatur ta' SIPS għandu jadotta regoli u proċeduri ċari u komprensivi li huma żvelati b'mod sħiħ lill-parteċipanti. Ir-regoli u l-proċeduri ewlenin relevanti għandhom jiġu żvelati pubblikament ukoll.
2.  
Operatur ta' SIPS għandu jiżvela deskrizzjonijiet ċari tad-disinn u l-operazzjonijiet tas-sistema, kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-operatur ta' SIPS, sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jevalwaw ir-riskji li jġarrbu billi jipparteċipaw fis-SIPS.
3.  
Operatur ta' SIPS għandu jipprovdi d-dokumentazzjoni u t-taħriġ meħtieġa u xierqa sabiex il-parteċipanti jkunu jistgħu jifhmu aħjar ir-regoli u l-proċeduri tas-SIPS u r-riskji li jiffaċċjaw billi jipparteċipaw fis-SIPS.
4.  
Operatur ta' SIPS għandu jiżvela pubblikament it-tariffi tas-SIPS fil-livell tas-servizzi individwali li toffri kif ukoll fil-politiki ta' skont tiegħu. L-operatur ta' SIPS għandu jipprovdi deskrizzjonijiet ċari tas-servizzi ipprezzati għall-finijiet ta' komparabbiltà.
5.  
Operatur ta' SIPS għandu jlesti u jiżvela pubblikament ir-risposti għall-qafas tal-Iżvelar tas-CPSS-IOSCO għall-infrastrutturi tas-suq finanzjarju. Għandu jaġġorna r-risposti tiegħu wara bidliet materjali fis-sistema jew fl-ambjent tagħha, iżda ta' mill-inqas kull sentejn. Operatur ta' SIPS għandu wkoll, bħala minimu, jiżvela d-dejta bażika dwar il-volumi u l-valuri tat-tranżazzjonijiet.

▼M1

Artikolu 21

Setgħat ta' awtorità kompetenti

1.  

Awtorità kompetenti għandu jkollha s-setgħa li:

(a) 

tikseb, fi kwalunkwe ħin, minn operatur ta' SIPS l-informazzjoni u d-dokumenti kollha meħtieġa għall-valutazzjoni tal-konformità mar-rekwiżiti taħt dan ir-Regolament jew li tippromwovi l-operat bla xkiel ta' sistemi ta' ħlas f'livell sistemiku. L-operatur ta' SIPS għandu jirrapporta l-informazzjoni rilevanti lill-awtorità kompetenti mingħajr dewmien żejjed;

(b) 

teħtieġ li operatur ta' SIPS jaħtar espert indipendenti biex jagħmel investigazzjoni jew reviżjoni indipendenti dwar l-operazzjoni tas-SIPS. L-awtorità kompetenti tista' timponi rekwiżiti dwar it-tip ta' espert li għandu jinħatar, il-kontenut u l-ambitu tar-rapport li għandu jiġi prodott, it-trattament tar-rapport, inklużi l-iżvelar u l-pubblikazzjoni ta' ċerti elementi, u l-waqt għall-produzzjoni tar-rapport. Operatur ta' SIPS għandu jinforma lill-awtorità kompetenti kif ir-rekwiżiti imposti ġew issodisfati;

(c) 

jagħmel spezzjoni fil-post jew jiddelega t-twettiq ta' spezzjonijiet fil-post. Meta jkun meħtieġ għall-finijiet tal-aġir xieraq u l-effiċjenza ta' spezzjoni, l-awtorità kompetenti tista' tagħmilha mingħajr preavviż.

▼M2

2.  
Il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni dwar il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-eżerċitar tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 1. Id-deċiżjoni għandha tiddikjara b’mod ċar kif dawn is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati u l-aspetti proċedurali li għandhom jiġu osservati meta l-awtorità kompetenti tkun kemm il-BĊE kif ukoll bank ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 2(5)(b)(ii).

▼M1

Artikolu 21a

Organizzazzjoni ta' attivitajiet ta' sorveljanza

Awtorità kompetenti tista' twettaq attivitajiet ta' sorveljanza kontinwi u/jew ad hoc biex tevalwa l-konformità minn operatur ta' SIPS mar-rekwiżiti stipulati fl-Artikoli 3 sa 21 jew biex tippromwovi l-operat bla xkiel ta' sistemi ta' ħlas f'livell sistemiku.

Artikolu 21b

Kunfidenzjalità

Informazzjoni kondiviża minn operatur ta' SIPS ma' awtorità kompetenti fuq bażi kunfidenzjali tista' tiġi kondiviża mas-Sistema Ewropew ta' Banek Ċentrali (SEBĊ). Dik l-informazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali mill-membri tas-SEBĊ, skont id-dmir ta' segretezza stabbilit fl-Artikolu 37.1 tal-Istatut tas-SEBĊ.

▼M1

Artikolu 22

Miżuri korrettivi

1.  

Meta operatur ta' SIPS ma jkunx ikkonforma ma' dan ir-Regolament jew meta jkun hemm bażi raġonevoli biex jiġi ssuspettat li operatur ta' SIPS ma kkonformax ma' dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti għandha:

(a) 

tagħti avviż bil-miktub lill-operatur ta' SIPS dwar in-natura tan-nuqqas ta' konformità jew nuqqas ta' konformità ssuspettata; u

(b) 

tipprovdi lill-operatur ta' SIPS bl-opportunità li jinstema' u jipprovdi spjegazzjonijiet.

2.  
Abbażi tal-informazzjoni pprovduta minn operatur ta' SIPS, l-awtorità kompetenti tista' timponi miżuri korrettivi fuq l-operatur tas-SIPS sabiex jirrimedja n-nuqqas ta' konformità u/jew jevita li jirrepetih.
3.  
L-awtorità kompetenti tista' timponi miżuri korrettivi immedjatament kif tidentifika li n-nuqqas ta' konformità huwa serju biżżejjed li jirrikjedi azzjoni immedjata. Għandha tipprovdi raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.
4.  
Awtorità kompetenti li ma tkunx il-BĊE għandha tinforma lill-BĊE bl-intenzjoni tagħha li timponi miżuri korrettivi fuq operatur ta' SIPS mingħajr dewmien bla bżonn.
5.  
Miżuri korrettivi jistgħu jiġu imposti indipendentement jew b'mod parallel mas-sanzjonijiet imposti taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 ( 7 ).

▼M2

6.  
Il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni fuq il-proċedura li għandha tiġi segwita jekk ikunu se jiġu imposti miżuri korrettivi. Id-Deċiżjoni għandha tiddikjara b’mod ċar kif għandha tiġi osservata din il-proċedura meta l-awtorità kompetenti tkun kemm il-BĊE kif ukoll bank ċentrali nazzjonali skont l-Artikolu 2(5)(b)(ii).

▼M1

Artikolu 23

Sanzjonijiet

F'każ ta' ksur ta' dan ir-Regolament, il-BĊE jista' jimponi sanzjonijiet. Dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2157/99 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/1999/4) ( 8 ). Il-BĊE għandu jippubblika avviż dwar il-metodoloġija għall-kalkolu tal-ammont tas-sanzjonijiet.

Artikolu 24

Reviżjoni

Il-Kunsill Governattiv għandu jirrevedi l-applikazzjoni ġenerali ta' dan ir-Regolament sa mhux iktar tard minn sentejn mid-data meta jidħol fis-seħħ, u sussegwentement kull tliet snin, u jivvaluta jekk għandux jiġi emendat.

▼B

Artikolu 25

Dispożizzjonijiet finali

1.  
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.  
L-operaturi ta' SIPS għandu jkollhom sena mid-data meta tkun notifikata lilhom d-deċiżjoni tal-Kunsill Governattiv skont l-Artikolu 1(2) sabiex jikkonformaw mar-rekwiżiti stipulati f'dan ir-Regolament.
3.  
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri b'konformità mat-Trattati.



( 1 ) Regolament (UE) 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1).

( 2 ) Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE (ĠU L 145, 30.4.2004, p. 1).

( 3 ) Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar is-servizzi ta' pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35).

( 4 ) Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7).

( 5 ) Linja Gwida (UE) 2015/510 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta' Diċembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-qafas tal-politika monetarja tal-Eurosistema (BĊE/2014/60) (ĠU L 91, 2.4.2015, p. 3).

( 6 ) Linja Gwida BĊE/2014/31 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-9 ta' Lulju 2014 dwar miżuri temporanji addizzjonali fir-rigward ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament tal-Eurosistema u l-eliġibbiltà tal-kollateral u li temenda l-Linja Gwida BĊE/2007/9 (ĠU L 240, 13.8.2014, p. 28).

( 7 ) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta' Novembru 1998, dwar il-poter tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p.19).

( 8 ) Regolament (KE) Nru 2157/99 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta' Settembru 1999 dwar is-setgħat tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol.3, p.139).