02014R0452 — MT — 11.04.2023 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 452/2014 tad-29 ta' April 2014 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta' pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 133 6.5.2014, p. 12) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/1158 tal-15 ta' Lulju 2016 |
L 192 |
21 |
16.7.2016 |
|
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/659 tat-2 ta’ Diċembru 2022 |
L 83 |
38 |
22.3.2023 |
|
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 452/2014
tad-29 ta' April 2014
li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet tal-ajru ta' pajjiżi terzi skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli dettaljati għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru ta’ pajjiżi terzi msemmija fl-Artikolu 2(1)(c) tar-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) li jkunu involuti f’operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru lejn it-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, kif ukoll fi ħdanu jew ’il barra minnu, inkluż il-kundizzjonijiet għall-ħruġ, għaż-żamma, għall-emendar, għal-limitazzjoni, għas-sospensjoni jew għar-revoka tal-awtorizzazzjonijiet tagħhom, tal-privileġġi u tar-responsabbiltajiet tad-detenturi tal-awtorizzazzjonijiet kif ukoll il-kundizzjonijiet li skonthom l-operazzjonijiet għandhom jiġu pprojbiti, limitati jew soġġetti għal ċerti kundizzjonijiet fl-interess tas-sikurezza.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
“titjira” tfisser tluq minn ajrudrom speċifikat lejn ajrudrom speċifikat ta’ destinazzjoni;
“operatur ta’ pajjiż terz” tfisser kwalunkwe operatur li fir-rigward tiegħu l-funzjonijiet u d-dmirijiet tal-Istat tal-operatur ma jitwettqux minn Stat Membru jew mill-Aġenzija.
Artikolu 3
Awtorizzazzjonijiet
L-operaturi ta’ pajjiżi terzi għandhom iwettqu biss operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru lejn territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, kif ukoll fi ħdanu jew ’il barra minnu, jekk jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-Anness 1 u jekk ikollhom awtorizzazzjoni maħruġa mill-Aġenzija f’konformità mal-Anness 2 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 4
Dħul fis-seħħ
Għandu jibda japplika mill-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Wara d-data, li fiha l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni għall-operatur ta' pajjiż terz rilevanti, jew wara perjodu massimu ta' 30 xahar wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, liema minnhom tiġi qabel, l-Istat Membru ma għandux jibqa' jwettaq valutazzjoni tas-sikurezza ta' dak l-operatur ta' pajjiż terz skont il-liġi nazzjonali tagħhom meta joħroġ permessi ta' operat.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS 1
PARTI-TCO
OPERATURI TA' PAJJIŻI TERZI
TAQSIMA I
Rekwiżiti ġenerali
TCO.100 Ambitu
Dan l-Anness (“Parti-TCO”) jistabbilixxi r-rekwiżiti li għandhom jiġu segwiti minn operatur ta’ pajjiż terz involut f’operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru lejn it-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, fi ħdanu jew ’il barra minnu.
▼M2 —————
TCO.115 Aċċess
(a) L-operatur ta' pajjiż terz għandu jiżgura li kwalunkwe persuna awtorizzata mill-Aġenzija jew l-Istat Membru li fih wieħed mill-inġenji tal-ajru tiegħu jkun wettaq inżul, tingħata permess biex titla' abbord inġenju tal-ajru bħal dan, fi kwalunkwe ħin, b'notifika minn qabel jew anki mingħajrha biex:
tispezzjona d-dokumenti u l-manwali li għandhom jinġarru abbord u twettaq spezzjonijiet biex tiżgura l-konformità mal-Parti-TCO; jew
twettaq spezzjoni tar-rampa kif imsemmi fl-Anness II tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 ( 2 ).
(b) L-operatur ta' pajjiż terz għandu jiżgura li kwalunkwe persuna awtorizzata mill-Aġenzija tingħata aċċess għal kwalunkwe waħda mill-faċilitajiet jew dokumenti relatati mal-attivitajiet tiegħu, inklużi attivitajiet sottokuntrattati, biex jistabbilixxi konformità mal-Parti-TCO.
TAQSIMA II
Operazzjonijiet bl-ajru
TCO.200 Rekwiżiti ġenerali
(a) L-operatur ta’ pajjiż terz għandu jikkonforma:
mal-istandards applikabbli fl-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, b’mod partikolari l-Annessi 1 (Liċenzjar tal-Persunal), 2 (Regoli tal-Ajru), 6 (Operazzjoni ta’ Inġenji tal-Ajru), kif applikabbli, 8 (Ajrunavigabbiltà tal-Inġenji tal-Ajru), 18 (Merkanzija Perikoluża), u 19 (Ġestjoni tas-Sikurezza);
mad-direttivi applikabbli dwar is-sikurezza maħruġa mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 76(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139;
mar-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-TCO; u
mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) Nru 923/2012 ( 3 ).
(b) L-operatur ta’ pajjiż terz għandu jiżgura li inġenju tal-ajru operat lejn it-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, fi ħdanu jew ’il barra minnu, jiġi operat f’konformità:
maċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru (AOC — Air Operator Certificate) u mal-ispeċifikazzjonijiet assoċjati tal-operati f’konformità mal-Anness 6 tal-ICAO; u
mal-awtorizzazzjoni ta’ TCO maħruġa f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-ambitu u l-privileġġi tiegħu.
(c) L-operatur ta’ pajjiż terz għandu jiżgura li inġenju tal-ajru operat lejn it-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, fi ħdanu jew ’il barra minnu, ikollu ċertifikat tal-ajrunavigabbilità (ĊtA) maħruġ jew ivvalidat f’konformità mal-Anness 8 tal-ICAO:
mill-Istat tar-reġistrazzjoni; jew
mill-Istat tal-operatur ta’ pajjiż terz, diment li l-Istat tal-operatur ta’ pajjiż terz u l-Istat tar-reġistrazzjoni jkunu daħlu fi ftehim skont l-Artikolu 83bis tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li jittrasferixxi r-responsabbiltà għall-ħruġ taċ-ĊtA.
(d) L-operatur ta' pajjiż terz għandu, mat-talba, jipprovdi lill-Aġenzija kwalunkwe informazzjoni rilevanti għall-verifika tal-konformità mal-Parti-TCO.
(e) Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ), l-operatur ta’ pajjiż terz għandu mingħajr dewmien jirrapporta lill-Aġenzija kwalunkwe aċċident kif definit fl-Anness 13 tal-ICAO, li jinvolvi inġenju tal-ajru użat skont l-AOC, inkluż dawk l-inġenji tal-ajru li mhumiex maħsuba biex jittajru fit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, fi ħdanu jew ’il barra minnu.
TCO.205 Tagħmir tan-navigazzjoni, tal-komunikazzjoni u tas-sorveljanza
Meta jwettaq operazzjonijiet fi ħdan l-ispazju tal-ajru fuq it-territorju li għalih japplikaw it-Trattati, l-operatur ta’ pajjiż terz għandu jgħammar u jopera l-inġenju tal-ajru tiegħu b’tali tagħmir tan-navigazzjoni, tal-komunikazzjoni u tas-sorveljanza kif meħtieġ f’dak l-ispazju tal-ajru.
TCO.210 Dokumenti, manwali u rekords li għandhom jinġarru
L-operatur ta' pajjiż terz għandu jiżgura li d-dokumenti, il-manwali u r-rekords kollha li huma meħtieġa li jinġarru abbord ikunu validi u aġġornati.
TCO.215 Produzzjoni ta’ dokumentazzjoni, manwali u rekords
Fuq talba minn persuna awtorizzata mill-Aġenzija jew mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn l-inġenju tal-ajru operat minn operatur ta’ pajjiż terz illandja, il-bdot fil-kmand ta’ dak l-inġenju tal-ajru għandu, mingħajr dewmien, jippreżenta kwalunkwe dokumentazzjoni, manwali jew rekords li jkunu meħtieġa li jinġarru abbord.
TAQSIMA III
Awtorizzazzjoni tal-operaturi ta' pajjiżi terzi
TCO.300 Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni
(a) Qabel il-bidu tal-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru skont din il-Parti, l-operatur ta' pajjiż terz għandu japplika għal awtorizzazzjoni mill-Aġenzija u jikbisbha.
(b) Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni għandha tiġi:
sottomessa mill-anqas 30 jum qabel id-data ta' bidu tal-operazzjoni ppjanata; kif ukoll
magħmula f'forma u manjiera stabbiliti mill-Aġenzija.
(c) Mingħajr preġudizzju għall-ftehmiet bilaterali applikabbli, l-applikant għandu jipprovdi lill-Aġenzija bi kwalunkwe informazzjoni meħtieġa biex tivvaluta jekk l-operazzjoni ppjanata hux se titwettaq skont ir-rekwiżiti applikabbli ta' TCO.200(a). Din l-informazzjoni għandha tinkludi:
l-applikazzjoni kompluta kif suppost;
l-isem uffiċjali, l-isem tan-negozju, l-indirizz, l-indirizz postali tal-applikant;
kopja taċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru tal-applikant u l-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet assoċjati, jew dokument ekwivalenti, li jiċċertifika l-kapaċità tad-detentur li jwettaq l-operazzjonijiet ippjanati, maħruġa mill-Istat tal-operatur;
iċ-ċertifikat attwali tal-applikant ta' inkorporazzjoni jew ta' reġistrazzjoni tan-negozju jew dokument simili maħruġ mir-Reġistratur tal-Kumpaniji fil-post prinċipali tan-negozju;
id-data ta' bidu proposta, it-tip u ż-żoni ġeografiċi tal-operat.
(d) Meta jkun meħtieġ, l-Aġenzija tista' titlob dokumentazzjoni, manwali jew approvazzjonijiet speċifiċi oħra maħruġa jew approvati mill-Istat tal-operatur jew mill-Istat tar-reġistrazzjoni.
(e) Għal dawk l-inġenji tal-ajru li mhumiex irreġistrati fl-Istat tal-operatur, l-Aġenzija tista' titlob:
dettalji dwar il-ftehim ta' kiri għal kull inġenju tal-ajru li jkun operat b'dan il-mod; kif ukoll
jekk ikun applikabbli, kopja tal-ftehim bejn l-Istat tal-operatur u l-Istat tar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 83bis tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali li tkopri l-inġenju tal-ajru.
TCO.305 Titjiriet ta’ notifika ta’ darba
B’deroga mill-punt TCO.300(a), operatur ta’ pajjiż terz jista’ jwettaq it-titjiriet li ġejjin fit-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, fi ħdanu jew ’il barra minnu, mingħajr ma l-ewwel jikseb awtorizzazzjoni:
titjiriet li jsiru fl-interess pubbliku, sabiex tiġi indirizzata ħtieġa urġenti, bħal missjonijiet umanitarji u operazzjonijiet ta’ għajnuna f’każ ta’ diżastru;
titjiriet ta’ ambulanza tal-ajru li jsiru għaċ-ċaqliq ta’ pazjenti morda jew midruba bejn il-faċilitajiet tal-kura tas-saħħa jew għall-għoti tal-kura medika lill-pazjenti.
Id-dispożizzjonijiet tal-punt (a) għandhom japplikaw biss jekk l-operatur ta’ pajjiż terz:
innotifika lill-Aġenzija qabel id-data maħsuba tal-ewwel titjira b’forma u b’mod stabbiliti mill-Aġenzija;
ma jkunx soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005;
ma jkunx soġġett għal sospensjoni jew revoka skont il-punt ART.235 tal-Anness 2;
ma jkunx ġie soġġett għal rifjut ta’ applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ta’ TCO skont il-punt ART.200(e)(1) tal-Anness 2; u
japplika għal awtorizzazzjoni skont il-punt TCO.300 fi żmien 14-il jum wara d-data ta’ notifika lill-Aġenzija skont il-punt (b)(1) ta’ hawn fuq.
It-titjira/titjiriet speċifikati fin-notifika preskritta/i fil-punt (a) tista’/jistgħu ssir/jsiru għall-perjodu mitlub mill-operatur ta’ pajjiż terz, iżda mhux itwal minn massimu ta’ 12-il ġimgħa konsekuttiva wara d-data tan-notifika jew sakemm l-Aġenzija tkun ħadet deċiżjoni dwar l-applikazzjoni f’konformità mal-punt ART.200 tal-Parti-ART, skont liema waħda tkun l-ewwel.
Notifika tista’ titressaq biss darba kull 24 xahar mill-operatur ta’ pajjiż terz.
TCO.310 Privileġġi ta’ detentur ta’ awtorizzazzjoni
Il-privileġġi tal-operatur ta’ pajjiż terz għandhom jiġu elenkati fl-awtorizzazzjoni u ma għandhomx jaqbżu l-privileġġi mogħtija mill-Istat tal-operatur ta’ pajjiż terz.
TCO.315 Bidliet
Kwalunkwe bidla, għajr dawk miftiehma skont il-punt ART.210(c) tal-Anness 2, li taffettwa t-termini ta’ awtorizzazzjoni għandha teħtieġ l-approvazzjoni minn qabel mill-Aġenzija.
L-operatur ta’ pajjiż terz għandu jippreżenta l-applikazzjoni għal approvazzjoni minn qabel mill-Aġenzija mill-inqas 30 jum qabel id-data tal-implimentazzjoni tal-bidla intenzjonata.
L-operatur ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi lill-Aġenzija bl-informazzjoni msemmija fil-punt TCO.300, ristretta sal-punt tal-bidla.
Wara preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal bidla, l-operatur ta’ pajjiż terz għandu jopera taħt il-kundizzjonijiet preskritti mill-Aġenzija skont il-punt ART.225(b) tal-Anness 2.
Il-bidliet kollha li ma jeħtiġux approvazzjoni minn qabel, kif miftiehem f’konformità mal-punt ART.210(c) tal-Anness 2, għandhom jiġu nnotifikati lill-Aġenzija qabel ma ssir il-bidla.
TCO.320 Validità kontinwata
(a) L-awtorizzazzjoni għandha tibqa' valida soġġetta għal:
l-operatur ta' pajjiż terz jibqa' konformi mar-rekwiżiti rilevanti tal-Parti-TCO. Id-dispożizzjonijiet relatati mal-immaniġġjar tas-sejbiet, kif speċfikat skont TCO.325, għandhom jitqiesu wkoll;
il-validità taċ-ċertifikat tal-operatur tal-ajru jew ta' dokument ekwivalenti maħruġ mill-Istat tal-operatur u l-ispeċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet relatati, jekk ikunu applikabbli;
l-Aġenzija li tkun qiegħda tingħata aċċess għall-operatur ta' pajjiż terz kif speċifikat f'TCO.115;
l-operatur ta' pajjiż terz li ma jkunx soġġett għal projbizzjoni ta' operar skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005;
li ma tkunx ġiet ċeduta, sospiża jew revokata l-awtorizzazzjoni;
l-operatur ta’ pajjiż terz ikun kapaċi jissostanzja, fuq talba mill-Aġenzija, l-intenzjoni tiegħu li jkompli jwettaq operati skont l-awtorizzazzjoni ta’ TCO tiegħu;
l-operatur ta’ pajjiż terz li jopera mill-inqas inġenju tal-ajru wieħed taħt l-awtorizzazzjoni ta’ TCO tiegħu.
(b) Jekk l-awtorizzazzjoni ma tkunx għadha valida, l-operatur ta’ pajjiż terz għandu jikseb awtorizzazzjoni ġdida mill-Aġenzija, qabel ma jerġa’ jibda bl-operati lejn it-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, fi ħdanu jew ’il barra minnu. L-operatur ta’ pajjiż terz għandu japplika għall-awtorizzazzjoni l-ġdida b’forma u b’mod stabbiliti mill-Aġenzija u għandu jipprovdi kwalunkwe dokument meħtieġ biex jiġi ddeterminat li r-raġunijiet biex l-awtorizzazzjoni ma tkunx għadha valida ma għadhomx preżenti, u li l-operatur ta’ pajjiż terz jikkonforma mar-rekwiżiti biex jikseb l-awtorizzazzjoni skont il-Parti-TCO.
TCO.325 Sejbiet
Wara l-wasla ta' notifika ta' sejbiet imqajma mill-Aġenzija skont ART.230, l-operatur ta' pajjiż terz għandu:
jidentifika l-kawża ewlenija tan-nuqqas ta' konformità;
jistabbilixxi pjan ta' azzjoni korrettiva biex jindirizza l-kawża ewlenija tan-nuqqas ta' konformità f'perjodu ta' żmien aċċettabbli u jissottomettih lill-Aġenzija;
juri implimentazzjoni ta' azzjoni korrettiva għas-sodisfazzjon tal-Aġenzija fil-perjodu miftiehem mal-Aġenzija kif iddefinit f'ART.230(e)(1).
ANNESS 2
PARTI-ART
REKWIŻITI TAL-AWTORITÀ RIGWARD L-AWTORIZZAZZJONI TA' OPERATURI TA' PAJJIŻI TERZI
TAQSIMA I
Ġenerali
ART.100 Kamp ta' applikazzjoni
Dan l-Anness (“Parti-ART”) jistabblixxi rekwiżiti amministrattivi li għandhom jiġu segwiti mill-Istati Membri u l-Aġenzija b'mod speċifiku fir-rigward:
il-ħruġ, iż-żamma, il-bidla, il-limitazzjoni, is-sospensjoni jew ir-revoka tal-awtorizzazzjonijiet tal-operaturi ta' pajjiżi terzi li jwettqu operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru; kif ukoll
il-monitoraġġ ta' dawn l-operaturi.
▼M2 —————
ART.110 Skambju ta' informazzjoni
(a) L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri meta:
tirrifjuta applikazzjoni għal awtorizzazzjoni;
timponi limitazzjoni minħabba tħassib marbut mas-sikurezza, tissospendi jew tirrevoka awtorizzazzjoni.
(b) L-Aġenzija għandha tinforma lill-Istati Membri dwar in-notifiki li rċeviet f’konformità mal-punt TCO.305 tal-Anness 1 mingħajr dewmien bla bżonn.
(c) L-Aġenzija għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri lista aġġornata li jkun fiha l-awtorizzazzjonijiet li tkun ħarġet, illimitat, bidlet, issospendiet jew irrevokat.
(d) L-Istati Membri għandhom jinformaw lill-Aġenzija meta jkunu beħsiebhom jieħdu miżura skont l-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.
ART.115 Żamma tar-rekords
(a) L-Aġenzija għandha tistabbilixxi sistema ta' żamma tar-rekords li tipprovdi ħażna xierqa, aċċessibbiltà u traċċabilità affidabbli ta':
taħriġ, kwalifiki u awtorizzazzjoni tal-persunal tagħha;
awtorizzazzjonijiet maħruġa minn operatur ta' pajjiż terz jew notifiki riċevuti;
proċessi ta' awtorizzazzjoni u sorveljanza kontinwa tal-operaturi ta' pajjiżi terzi awtorizzati;
sejbiet, azzjonijiet korrettivi miftiehma u d-data ta' għeluq tal-azzjoni;
miżuri ta’ infurzar meħuda, inkluż multi mitluba mill-Aġenzija f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139;
l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi meħuda mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 76(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139; u
l-użu ta’ dispożizzjonijiet dwar il-flessibbiltà f’konformità mal-Artikolu 71 tar-Regolament (UE) 2018/1139.
(b) Ir-rekords kollha għandhom jinżammu għal perjodu minimu ta' 5 snin, soġġett għal-liġi applikabbli dwar il-protezzjoni tad-dejta.
TAQSIMA II
Awtorizzazzjoni, monitoraġġ u infurzar
ART.200 Proċedura ta' evalwazzjoni inizjali — punti ġenerali
(a) Mal-wasla ta' applikazzjoni għal awtorizzazzjoni skont TCO.300, l-Aġenzija għandha tivvaluta l-konformità tal-operatur ta' pajjiż terz mar-rekwiżiti applikabbli.
(b) L-Aġenzija għandha tlesti l-valutazzjoni inizjali fi żmien 30 jum wara li tkun irċeviet id-dokumenti meħtieġa kollha skont il-punt TCO.300(c) u (d) tal-Anness 1.
Meta l-valutazzjoni inizjali tkun teħtieġ valutazzjoni ulterjuri jew awditu, il-perjodu tal-valutazzjoni għandu jiġi estiż għad-durata tal-valutazzjoni ulterjuri jew l-awditu, kif ikun xieraq.
(c) Il-valutazzjoni inizjali għandha tkun ibbażata fuq:
dokumentazzjoni u dejta pprovduta mill-operatur ta' pajjiż terz;
informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur ta' pajjiż terz, inkluż ir-rapport tal-ispezzjonijiet tar-rampa, l-informazzjoni rrappurtata skont ARO.RAMP.145(c), l-istandards tal-industrija rikonoxxuti, ir-rekords dwar l-aċċidenti u l-miżuri ta' infurzar meħuda minn pajjiż terz;
informazzjoni rilevanti dwar il-kapaċità ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur jew tal-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, inkluż l-eżitu tal-awditjar imwettaq skont il-konvenzjonijiet internazzjonali jew il-programmi ta' valutazzjoni tas-sikurezza tal-Istati; kif ukoll
deċiżjonijiet, investigazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jew konsultazzjonijiet konġunti skont ir-Regolament (KE) Nru 473/2006 ( 5 ).
(d) Meta l-operatur ta’ pajjiż terz ma jipprovdix l-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni f’konformità mal-punt TCO.300(c) u (d) tal-Anness 1 fiż-żmien stabbilit mill-Aġenzija, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tissospendi l-valutazzjoni tal-applikazzjoni sa meta tiġi pprovduta l-informazzjoni. F’dan il-każ, l-Aġenzija għandha tinforma lill-operatur ta’ pajjiż terz bid-deċiżjoni tagħha.
(e) Meta l-Aġenzija ma tkunx tista' tistabbilixxi livell suffiċjenti ta' fiduċja fl-operatur ta' pajjiż terz u/jew fl-Istat tal-operatur matul il-valutazzjoni inizjali, hi għandha:
tirrifjuta l-applikazzjoni meta l-eżitu tal-valutazzjoni jindika li valutazzjoni ulterjuri mhix se tirriżulta fil-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni; jew
twettaq valutazzjonijiet ulterjuri sal-punt meħtieġ biex tistabbilixxi li l-operazzjoni ppjanata se titwettaq f'konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO.
(f) Meta preċedentement applikazzjoni minn operatur ta’ pajjiż terz tkun ġiet irrifjutata jew awtorizzazzjoni tkun ġiet irrevokata, l-Aġenzija tista’ tiddeċiedi li tistenna disa’ xhur mid-data tar-revoka jew tar-rifjut qabel ma tibda tipproċessa l-applikazzjoni l-ġdida.;”.
ART.205 Proċedura ta' evalwazzjoni inizjali — operaturi ta' pajjiżi terzi soġġetti għal projbizzjoni ta' operar
(a) Malli tirċievi applikazzjoni għal awtorizzazzjoni mingħand operatur ta’ pajjiż terz soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat jew restrizzjoni fuq l-operat skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005, l-Aġenzija għandha tqis l-ambitu tal-projbizzjoni sabiex tiddefinixxi l-proċedura ta’ valutazzjoni rilevanti, kif deskritt fil-punt ART.200. Meta l-operatur ta’ pajjiż terz ikun soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat li tkopri l-ambitu sħiħ tal-operat tiegħu, il-valutazzjoni għandha tinkludi awditu tal-operatur ta’ pajjiż terz.
(b) Meta l-operatur ikun soġġett għal projbizzjoni ta' operar minħabba li l-Istat tal-operatur ma jkunx wettaq sorveljanza xierqa, l-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni għal valutazzjoni ulterjuri tal-operatur u l-Istat tal-Operatur skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005.
(c) L-Aġenzija għandha twettaq awditu biss jekk:
l-operatur ta’ pajjiż terz jaqbel li jiġi awditjat;
l-eżitu tal-proċedura tal-evalwazzjoni inizjali msemmija fil-punt ART.200 jindika li hemm possibbiltà li l-awditu jkollu riżultat pożittiv; u
l-awditu jista’ jitwettaq fil-faċilitajiet tal-operatur ta’ pajjiż terz mingħajr ir-riskju li tiġi kompromessa s-sikurezza u s-sigurtà tal-persunal tal-Aġenzija.
(d) L-awditjar tal-operatur ta' pajjiż terz jista' jinkludi valutazzjoni tas-sorveljanza mwettqa mill-Istat tal-operatur meta jkun hemm evidenza ta' nuqqasijiet kbar fis-sorvejlanza tal-applikant.
(e) L-Aġenzija għandha tinforma lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati tal-awditjar.
ART.210 Ħruġ ta' awtorizzazzjoni
(a) ►M2 L-Aġenzija għandha toħroġ l-awtorizzazzjoni, meta: ◄
tkun sodisfatta li l-operatur ta' pajjiż terz għandu ċertifikat tal-operatur tal-ajru (AOC) validu jew dokument ekwivalenti u speċifikazzjonijiet tal-operazzjonijiet assoċjati maħruġa mill-Istat tal-operatur;
tkun sodisfatta li l-operatur ta' pajjiż terz huwa awtorizzat mill-Istat tal-operatur li jwettaq operazzjonijiet lejn l-UE;
tkun sodisfatta li l-operatur ta' pajjiż terz ikun stabbilixxa:
konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO;
komunikazzjoni trasparenti, xierqa u f'waqtha b'reazzjoni għal valutazzjoni ulterjuri u/jew awditjar tal-Aġenzija, jekk ikun applikabbli; kif ukoll
azzjoni korrettiva f'waqtha u b'suċċess ippreżentata b'reazzjoni għal nuqqas ta' konformità identifikat, jekk ikun hemm;
ma hemm l-ebda evidenza ta’ nuqqasijiet kbar fil-kapaċità tal-Istat tal-operatur ta’ pajjiż terz jew tal-Istat tar-reġistrazzjoni, kif applikabbli, li jiċċertifika u li jissorvelja lill-operatur ta’ pajjiż terz u/jew inġenju tal-ajru f’konformità mal-istandards applikabbli tal-ICAO;
l-applikant ma jkunx soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005; u
kwalunkwe sejba ta’ nuqqas ta’ konformità li toħroġ waqt il-valutazzjoni tkun ingħalqet.
(b) L-awtorizzazzjoni għandha tinħareġ għal durata mhux limitata.
L-Aġenzija għandha tispeċifika l-privileġġi u l-ambitu tal-attivitajiet li l-operatur ta’ pajjiż terz huwa awtorizzat li jwettaq.
(c) L-Aġenzija għandha taqbel mal-operatur ta’ pajjiż terz dwar l-ambitu tal-bidliet fl-obbligi tal-operatur ta’ pajjiż terz li ma jkunux jeħtieġu xi approvazzjoni minn qabel, filwaqt li jitqiesu d-daqs, it-tip u l-kumplessità tal-operat.
ART.215 Monitoraġġ
(a) L-Aġenzija għandha tivvaluta:
il-konformità kontinwata tal-operaturi ta' pajjiżi terzi li tkun awtorizzat bir-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO;
jekk applikabbli, l-implimentazzjoni tal-azzjonijiet korrettivi meħuda mill-Aġenzija f’konformità mal-Artikolu 76(6) tar-Regolament (UE) 2018/1139.
(b) Din il-valutazzjoni għandha:
tqis id-dokumentazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza u d-dejta pprovduti mill-operatur ta' pajjiż terz;
tqis l-informazzjoni rilevanti dwar il-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur ta' pajjiż terz, inkluż ir-rapporti tal-ispezzjoni tar-rampa, informazzjoni rrappurtata skont ARO.RAMP.145(c), standards tal-industrija rikonoxxuti, rekords tal-aċċidenti u miżuri ta' infurzar meħuda minn pajjiż terz;
tqis l-informazzjoni rilevanti dwar il-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur jew tal-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, inkluż l-eżitu tal-awditjar imwettaq skont il-konvenzjonijiet internazzjonali jew skont il-programmi ta' valutazzjoni tas-sikurezza tal-Istati;
tqis id-deċiżjonijiet u l-investigazzjonijiet skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005 jew il-konsultazzjonijiet konġunti skont ir-Regolament (KE) Nru 473/2006;
tqis il-valutazzjonijiet jew l-awditjar preċedenti, jekk jitwettqu; kif ukoll
tipprovdi lill-Aġenzija bl-evidenza meħtieġa f'każ li tkun meħtieġa azzjoni ulterjuri, inkluż il-miżuri mbassra minn ART.235.
(c) Il-kamp ta' applikazzjoni tal-monitoraġġ iddefinit f'(a) jew (b) għandu jiġi stabbilit abbażi tar-riżultati ta' awtorizzazzjonijiet u/jew tal-attivitajiet ta' monitoraġġ tal-passat.
(d) Meta, abbażi tal-informazzjoni disponibbli, ikun hemm suspett li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur ta’ pajjiż terz u/jew il-kapaċitajiet ta’ sorveljanza tal-Istat tal-operat jew tal-Istat tar-reġistrazzjoni naqqsu għal taħt il-livell tal-istandards applikabbli fl-Annessi tal-Konvenzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, l-Aġenzija għandha twettaq sorveljanza intensifikata tal-operatur ta’ pajjiż terz affettwat. L-Aġenzija għandha tieħu kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiżgura li l-operat intenzjonat tal-operatur ta’ pajjiż terz jitwettaq f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu:
awditu tal-operatur ta’ pajjiż terz f’konformità mal-punt ART.205(d);
rekwiżit għall-operatur ta’ pajjiż terz biex jippreżentaw rapporti jew informazzjoni teknika mfassla apposta lill-Aġenzija f’intervalli regolari;
limitazzjoni temporanja tal-operat għall-flotta attwali tal-operatur ta’ pajjiż terz u/jew tal-ambitu tal-operazzjonijiet tat-trasport kummerċjali bl-ajru, lejn it-territorju soġġett għad-dispożizzjonijiet tat-Trattati, fi ħdanu jew ’il barra minnu.
(e) L-Aġenzija għandha tiġbor u tipproċessa kull informazzjoni dwar is-sikurezza meqjusa rilevanti għall-monitoraġġ.
ART.220 Programm ta' monitoraġġ
(a) L-Aġenzija għandha tistabbilixxi u żżomm programm ta' monitoraġġ li jkopri l-attivitajiet meħtieġa minn ART.215 u, fejn ikun applikabbli mis-Subparti ARO.RAMP.
(b) Il-programm ta' monitoraġġ għandu jiġi żviluppat billi jqis ir-riżultati tal-attivitajiet ta' awtorizzazzjoni u/jew ta' monitoraġġ tal-passat.
(c) L-Aġenzija għandha twettaq reviżjoni tal-operaturi ta' pajjiżi terzi f'intervalli li ma jaqbżux l-24 xahar.
L-intervall jista' jitnaqqas jekk ikun hemm indikazzjonijiet li l-prestazzjoni tas-sikurezza tal-operatur ta' pajjiż terz u/jew il-kapaċitajiet ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur ikunu anqas mill-istandards applikabbli fl-Annessi tal-Konvenzjoni dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali.
L-Aġenzija tista' testendi l-intervall sa massimu ta' 48 xahar jekk tkun stabbilixxiet li, matul il-perjodu ta' monitoraġġ preċedenti:
ma jkunx hemm indikazzjonijiet li l-awtorità ta' sorveljanza tal-Istat tal-operatur tonqos milli twettaq sorveljanza effettiva tal-operaturi skont ir-responsabbiltà tagħha ta' sorveljanza;
l-operatur ta' pajjiż terz ikun irrapporta kontinwament u fil-ħin il-bidliet imsemmija f'TCO.315;
ma tkun inħarġet l-ebda sejba tal-livell 1, imsemmija f'ART.230(b); kif ukoll
l-azzjonijiet korrettivi kollha jkunu ġew implimentati fil-perjodu ta' żmien aċċettat jew estiż mill-Aġenzija kif iddefinit f'ART.230(e)(1).
(d) Il-programm ta' monitoraġġ għandu jinkludi r-rekords tad-dati tal-attivitajiet ta' monitoraġġ, inklużi l-laqgħat.
(e) Meta tiddetermina l-intervall tar-rieżami, l-Aġenzija għandha tqis id-daqs, it-tip u l-kumplessità tal-operat, l-informazzjoni disponibbli dwar l-għadd ta’ titjiriet imwettqa taħt l-awtorizzazzjoni ta’ TCO, u l-elementi rilevanti msemmija fil-punt ART.200(c).
ART.225 Bidliet
(a) Meta tirċievi applikazzjoni għal bidla li teħtieġ approvazzjoni minn qabel, l-Aġenzija għandha tapplika l-proċedura rilevanti kif deskritt f'ART.200, ristretta skont safejn tasal il-bidla.
(b) L-Aġenzija għandha tippreskrivi l-kundizzjonijiet li skonthom jista' jaħdem l-operatur ta' pajjiż terz fil-limiti tal-kamp ta' applikazzjoni tal-awtorizzazzjoni tagħha matul il-bidla, sakemm l-Aġenzija ma tistabbilixxix li l-awtorizzazzjoni teħtieġ li tiġi sospiża.
(c) Għal bidliet li ma jeħtiġux awtorizzazzjoni minn qabel, l-Aġenzija għandha tivvaluta l-informazzjoni mogħtija fin-notifika mibgħuta mill-operatur ta' pajjiż terz skont TCO.315 biex tivverifika l-konformità mar-rekwiżiti applikabbli. F'każ ta' nuqqas ta' konformità, l-Aġenzija għandha:
tinnotifika lill-operatur ta' pajjiż terz dwar in-nuqqas ta' konformità u għandha titlob proposta riveduta biex tintlaħaq il-konformità; kif ukoll
f'każ ta' sejbiet tal-livell 1 jew tal-livell 2, taġixxi skont ART.230 u ART.235, kif ikun xieraq.
ART.230 Sejbiet u azzjonijiet korrettivi
(a) L-Aġenzija għandu jkollha sistema biex tanalizza s-sejbiet fir-rigward tas-sinifikat tas-sikurezza tagħhom.
(b) Sejba tal-livell 1 għandha tinħareġ mill-Aġenzija meta jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità sinifikanti mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-Parti-TCO, jew mat-termini tal-awtorizzazzjoni li jnaqqas is-sikurezza jew li jipperikola b’mod serju s-sikurezza tat-titjira.
Is-sejbiet tal-livell 1 għandhom jinkludu, iżda mhumiex limitati għal:
nuqqas ta’ għoti ta’ aċċess lill-Aġenzija għall-faċilitajiet tal-operatur ta’ pajjiż terz kif definit fil-punt TCO.115(b) tal-Anness 1 matul is-sigħat normali tal-operat u wara talba bil-miktub;
implimentazzjoni ta’ bidliet li jkunu jeħtieġu approvazzjoni minn qabel mingħajr ma tkun ingħatat approvazzjoni kif definit fil-punt ART.210;
ksib jew żamma tal-validità tal-awtorizzazzjoni permezz ta’ falsifikazzjoni ta’ evidenza dokumentarja;
evidenza ta’ malprassi jew użu frawdolenti tal-awtorizzazzjoni;
preżenza ta’ diversi sejbiet tal-livell 2 matul valutazzjoni, li tindika dgħufija sistemika li tnaqqas is-sikurezza jew li tipperikola b’mod serju s-sikurezza tat-titjira.
(c) Sejba tal-livell 2 għandha tinħareġ mill-Aġenzija meta jiġi identifikat kwalunkwe nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżiti applikabbli tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-Parti-TCO, jew mat-termini tal-awtorizzazzjoni li jista’ jnaqqas is-sikurezza jew li jipperikola b’mod serju s-sikurezza tat-titjira.
(d) Meta sejba tiġi identifikata waqt monitoraġġ, l-Aġenzija għandha, mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe azzjoni addizzjonali meħtieġa mir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni tiegħu, tikkomunika s-sejba lill-operatur ta’ pajjiż terz bil-miktub u titlob azzjoni korrettiva biex tiġi eliminata jew immitigata l-kawża ewlenija sabiex tipprevjeni r-rikorrenza tan-nuqqas(ijiet) ta’ konformità identifikata/i.
(e) Fil-każ ta' sejbiet tal-livell 2, l-Aġenzija għandha:
tagħti lill-operatur ta' pajjiż terz, perjodu ta' implimentazzjoni ta' azzjoni korrettiva xierqa għan-natura tas-sejba. Fi tmiem il-perjodu, u skont in-natura tas-sejba, l-Aġenzija tista' testendi l-perjodu soġġett għal pjan ta' azzjoni korrettiva sodisfaċenti li taqbel miegħu l-Aġenzija; kif ukoll
tivvaluta l-pjan ta’ azzjoni korrettiva u ta’ implimentazzjoni propost mill-operatur ta’ pajjiż terz. Jekk il-valutazzjoni tikkonkludi li fih analiżi tal-kawża/i ewlenija/ewlenin u azzjoni(jiet) biex b’mod effettiv tiġi/jiġu eliminata/i jew immitigata/i l-kawża/i ewlenija/ewlenin sabiex tipprevjeni r-rikorrenza tan-nuqqas(ijiet) ta’ konformità, il-pjan ta’ azzjoni korrettiva u ta’ implimentazzjoni għandu jiġi aċċettat.
Jekk l-operatur ta’ pajjiż terz jonqos milli jippreżenta pjan ta’ azzjoni korrettiva aċċettabbli, kif imsemmi f’(e)(1), jew milli jieħu l-azzjoni korrettiva fil-perjodu ta’ żmien aċċettat jew estiż mill-Aġenzija, is-sejba għandha togħla għal sejba tal-livell 1 u għandha tittieħed azzjoni kif stabbilit fil-punt ART.235(a).
Meta operatur ta' pajjiż terz jonqos milli jissottometti pjan ta' azzjoni korrettiva aċċettabbli msemmi f'ART.230(e)(1), jew iwettaq azzjoni korrettiva fil-limiti tal-perjodu ta' żmien aċċettat jew estiż mill-Aġenzija, is-sejba għandha tiġi elevata għal sejba tal-livell 1 u għandha tittieħed azzjoni kif stabbilit f'ART.235(a).
(f) L-Aġenzija għandha tirreġistra u tinnotifika lill-Istat tal-operatur jew lill-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, dwar kull sejba li tkun qajmet.
ART.235 Limitazzjoni, sospensjoni u revoka tal-awtorizzazzjonijiet
(a) Mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe miżura ta' infurzar addizzjonali, l-Aġenzija għandha tieħu azzjoni biex tillimita jew tissospendi l-awtorizzazzjoni f'każ ta':
sejba tal-livell 1;
evidenza verifikabbli li l-Istat tal-operatur jew l-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli, ma jkunx jista' jiċċertifika u jissorvelja l-operatur u/jew l-inġenji tal-ajru skont l-istandard tal-ICAO applikabbli; jew
l-operatur ta' pajjiż terz li jkun soġġett għal miżura skont il-paragrafi (1) u (2) tal-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005.
(b) Il-limitazzjoni jew is-sospensjoni għandha titneħħa meta l-Aġenzija tkun issodisfata li tkun ittieħdet azzjoni korrettiva ta’ suċċess mill-operatur ta’ pajjiż terz u/jew mill-Istat tal-operatur jew mill-Istat tar-reġistrazzjoni, kif ikun applikabbli.
(c) Meta tqis it-tneħħija ta’ sospensjoni, l-Aġenzija għandha tqis li twettaq awditu tal-operatur ta’ pajjiż terz meta l-kundizzjonijiet fil-punt ART.205(c) ikunu ssodisfati. F’każ li s-sospensjoni tkun dovuta għal nuqqasijiet kbar fis-sorveljanza tal-applikant mill-Istat tal-operatur jew mill-Istat tar-reġistrazzjoni, kif applikabbli, l-awditu jista’ jinkludi valutazzjoni bl-għan li jiġi vverifikat jekk dawn in-nuqqasijiet fis-sorveljanza ġewx ikkoreġuti.
(d) L-Aġenzija tista’ tirrevoka l-awtorizzazzjoni meta, wara sospensjoni, l-operatur ta’ pajjiż terz u/jew l-Istat tal-operatur jew l-Istat tar-reġistrazzjoni, kif applikabbli, ma jkunux ħadu azzjoni korrettiva ta’ suċċess fi żmien perjodu massimu ta’ 12-il xahar.
(e) L-Aġenzija għandha tirrevoka l-awtorizzazzjoni meta l-operatur ta’ pajjiż terz jiġi soġġett għal projbizzjoni fuq l-operat skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005.
(f) Jekk wara limitazzjoni msemmija f'(a), tiġi imposta restrizzjoni operattiva fuq l-operatur ta' pajjiż terz skont ir-Regolament (KE) Nru 2111/2005, l-Aġenzija għandha żżomm din il-limitazzjoni sakemm ir-restrizzjoni operattiva tkun ġiet irtirata.
ART.240 Validità tal-awtorizzazzjoni
Meta detentur ta’ awtorizzazzjoni ta’ TCO ma jikkonformax iktar mar-rekwiżiti għal validità kontinwa tal-punt TCO.320 tal-Anness 1, l-Aġenzija għandha tinforma lill-operatur ta’ pajjiż terz u lill-Istati Membri li l-awtorizzazzjoni ta’ TCO tilfet il-validità tagħha.
Malli tirċievi applikazzjoni għal awtorizzazzjoni ġdida wara li l-awtorizzazzjoni preċedenti tkun saret mhux valida, l-Aġenzija għandha twettaq valutazzjoni kif meħtieġ biex tiżgura li l-operat intenzjonat jitwettaq f’konformità mar-rekwiżiti applikabbli tal-Parti-TCO.
ART.245 Titjiriet ta’ notifika ta’ darba
Malli tirċievi notifika mill-operatur ta’ pajjiż terz skont il-punt TCO.305 tal-Anness 1, l-Aġenzija għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tivvaluta jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt TCO.305 tal-Anness 1 ġewx issodisfati.
Meta l-Aġenzija ssib li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt TCO.305 tal-Anness 1 ma ġewx issodisfati, l-Aġenzija għandha tinforma lill-operatur ta’ pajjiż terz u lill-Istat(i) Membru/i affettwat(i) b’dan.
▼M1 —————
( 1 ) Ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1).
( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 965/2012 tal- 5 ta' Ottubru 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 296, 25.10.2012, p. 1).
( 3 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 923/2012 tas-26 ta’ Settembru 2012 li jistabbilixxi regoli komuni tal-ajru u dispożizzjonijiet operattivi dwar is-servizzi u l-proċeduri fin-navigazzjoni bl-ajru u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1035/2011 u r-Regolamenti (KE) Nru 1265/2007, (KE) Nru 1794/2006, (KE) Nru 730/2006, (KE) Nru 1033/2006 u (UE) Nru 255/2010 (ĠU L 281, 13.10.2012, p. 1)
( 4 ) Ir-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar l-investigazzjoni u l-prevenzjoni ta’ aċċidenti u inċidenti fis-settur tal-avjazzjoni ċivili u li jħassar id-Direttiva 94/56/KE (ĠU L 295, 12.11.2010, p. 35).
( 5 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 473/2006 tat-22 ta' Marzu 2006 li jistabbilixxi r-regoli implimentattivi għal-lista tal-Komunità ta' kumpaniji tal-ajru li huma suġġetti għal projbizzjoni ta' operar fil-Komunità, li hemm referenza għalihom fil-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru 2111/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 84, 23.3.2006, p. 8).