2014R0224 — MT — 03.03.2015 — 003.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 224/2014

tal-10 ta’ Marzu 2014

dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana

(ĠU L 070, 11.3.2014, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

 M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 691/2014 tat-23 ta' Ġunju 2014

  L 183

6

24.6.2014

►M2

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1276/2014 tal-1 ta' Diċembru 2014

  L 346

19

2.12.2014

►M3

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2015/324 tat-2 ta' Marzu 2015

  L 58

39

3.3.2015


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 294, 10.10.2014, p. 63 (224/2014)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 224/2014

tal-10 ta’ Marzu 2014

dwar miżuri restrittivi minħabba s-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 215 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK tat-23 ta' Diċembru 2013 li tikkonċerna miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana ( 1 ),

Wara li kkunsidra l-proposta konġunta tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà u tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013) tal-5 ta’ Diċembru 2013 u l-UNSCR 2134 (2014) tat-28 ta’ Jannar 2014, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/798/PESK, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/125/PESK ( 2 ), tipprevedi embargo fuq l-armi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana u l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi ta' ċerti persuni li huma involuti f'atti jew jappoġġjaw atti li jdgħajfu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana.

(2)

Ċerti miżuri previsti fil-UNSCR 2127 (2013) u fil-UNSCR 2134 (2014) jaqgħu fil-kamp tal-applikazzjoni tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u, għalhekk, bil-għan, b'mod partikolari, li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tagħhom mill-operaturi ekonomiċi fl-Istati Membri kollha, hija meħtieġa azzjoni regolatorja fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu implimentati.

(3)

Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari d-drittijiet għal rimedju effettiv, għal smigħ ġust u għall-protezzjoni tad-data personali. Dan ir-Regolament jiġi applikat skont dawn id-drittijiet u l-prinċipji.

▼C1

(4)

Fid-dawl tat-theddida reali għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali fir-reġjun maħluqa mis-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-proċess tal-emendament u r-reviżjoni tal-Anness għad-Deċiżjoni 2014/125/PESK, jeħtieġ li s-setgħa tal-emendament tal-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament tiġi eżerċitata mill-Kunsill.

▼B

(5)

Il-proċedura għall-emendar tal-lista fl-Anness I għal dan ir-Regolament għandha tinkludi l-għoti lil persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ta' raġunijiet għall-elenkar tagħhom kif mibgħut mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti stabbilit skont il-paragrafu 57 tal-UNSCR 2127 (2013), sabiex tagħtihom opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet. Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet jew tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu fid-dawl ta' dawk l-osservazzjonijiet u jinforma lill-persuna, entità jew korp ikkonċernat skont dan.

(6)

Għall-implimentazzjoni ta' dan ir-Regolament, u sabiex tinħoloq ċertezza legali massima fl-Unjoni, l-ismijiet u data oħra rilevanti li jikkonċernaw persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi tagħhom iridu jiġu ffriżati f'konformità ma' dan ir-Regolamentgħandhom isiru pubbliċi. Kull ipproċessar ta’ data personali ta' persuni fiżiċi taħt dan ir-Regolament għandu jkun konformi mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 3 ) u mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

(7)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament ikunu effettivi, huwa għandu jidħol fis-seħħ immedjatament,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) “servizzi ta' senserija” tfisser:

(i) in-negozjar jew l-arranġament ta’ tranżazzjonijiet għax-xiri, il-bejgħ jew il-provvista ta’ beni u teknoloġija jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, minn pajjiż terz lil kull pajjiż terz ieħor; jew

(ii) il-bejgħ jew ix-xiri ta’ beni u teknoloġija, jew ta’ servizzi finanzjarji u tekniċi, li jkunu f’pajjiż terz biex jiġu ttrasferiti lejn xi pajjiż terz ieħor;

(b) “pretensjoni” tfisser kull talba, sew jekk asserita bi proċedimenti legali sew jekk le, magħmula qabel jew wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont il-kuntratt jew b'rabta miegħu jew ma' tranżazzjoni, inklużi b'mod partikolari:

(i) talba għat-twettiq ta' kull obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta ma' wieħed minnhom;

(ii) talba għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, ta' garanzija finanzjarja jew ta' indennizz ta' kull forma;

(iii) talba għal kumpens marbut ma' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv) kontrotalba;

(v) talba għall-għarfien jew l-infurzar, inkluż bil-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, ta' deċiżjoni bl-arbitraġġ jew ta' deċiżjoni ekwivalenti, irrispettivament minn fejn tittieħed jew tingħata;

(c) “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kull forma tranżazzjoni u tkun xi tkun il-liġi applikabbli għaliha, sew jekk tinkludi kuntratt wieħed jew aktar, jew obbligi simili magħmula bejn l-istess partijiet jew bejn partijiet differenti; għal dan l-iskop, “kuntratt” jinkludi bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, sew jekk legalment indipendenti jew mhux, kif ukoll kull provvediment relatat li joriġina mit-tranżazzjoni jew ikun marbut magħha;

(d) “awtoritajiet kompetenti” tfisser għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikati fuq il-websites elenkati fl-Anness II;

(e) “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kull xorta, kemm tanġibbli u kif ukoll intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi iżda li jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, beni jew servizzi;

(f) “l-iffriżar ta’ riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta’ riżorsi ekonomiċi għall-akkwist ta’ fondi, beni jew servizzi bi kull mod, inkluż, iżda mhux limitat għall-bejgħ, il-kiri jew l-użu tagħhom bħala ipoteka;

(g) “l-iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kull moviment, trasferiment, alterazzjoni, użu ta', aċċess għal, jew negozju b'fondi li b'kull mod jirriżulta fi xi bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fid-dritt tal-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom jew f'bidla oħra li tippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż l-immaniġġar ta' portafolji;

(h) “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta’ kull xorta, li jinkludu, iżda mhux limitati għal:

(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet ta' flus, kambjali, ordnijiet ta' flus u strumenti oħra ta' ħlas;

(ii) depożiti ma’ istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii) titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi l-istokks u l-ishma, iċ-ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti tad-derivattivi;

(iv) imgħax, dividends jew introjtu ieħor minn assi jew valur li jakkumula minnhom jew iġġenerat minnhom;

(v) kreditu, dritt ta’ tpaċija, garanziji, garanziji tal-eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi) ittri ta' kreditu, poloz tat-tagħbija, poloz ta' bejgħ; kif ukoll

(vii) dokumenti li jagħtu prova ta’ interess f’fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(i) “Il-Kumitat tas-Sanzjonijiet” tfisser il-Kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li ġie stabbilit skont il-paragrafu 57 tar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 2127 (2013);

(j) “assistenza teknika” tfisser kull appoġġ tekniku relatat ma’ tiswijiet, żvilupp, manifattura, immuntar, ittestjar, manutenzjoni, jew kull servizz tekniku ieħor, u tista’ tkun f'forma ta' struzzjoni, parir, taħriġ, trażmissjoni ta’ għarfien operazzjonali jew ħiliet jew servizzi ta’ konsulenza; inklużi forom verbali ta' assistenza;

(k) “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom;

Artikolu 2

1. Huwa pprojbit il-forniment, direttament jew indirettament, ta':

(a) għajnuna teknika jew ta' servizzi ta' senserija relatati mal-oġġetti u mat-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea ( 5 ) (“Lista Militari Komuni”) jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tal-oġġetti inklużi f’din il-lista, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(b) finanzjament jew għajnuna finanzjarja relatata mal-bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni tal-merkanzija u t-teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni fuq kreditu għall-esportazzjoni, kif ukoll assigurazzjoni u riassigurazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għal kwalunkwe forniment ta’ għajnuna teknika jew servizzi ta' senserija relatati lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(c) għajnuna teknika, finanzjament jew għajnuna finanzjarja, servizzi ta’ senserija jew servizzi ta’ trasport marbuta mal-forniment ta’ persunal merċenarju armat fir-Repubblika Ċentru-Afrikana jew għall-użu fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

Artikolu 3

B’deroga mill-Artikolu 2, il-projbizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Artikolu ma għandhomx japplikaw għall-forniment ta’ assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja jew servizzi ta’ senserija maħsuba unikament għas-sostenn jew l-użu mill-Missjoni għall-Konsolidazzjoni tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MICOPAX), mill-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għall-Afrika fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (MISCA), mill-Uffiċċju Integrat tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Bini tal-Paċi fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (BINUCA) u l-unità ta' gwardja tiegħu, mit-Task Force Reġjonali għall-Unjoni Afrikana (UA-RTF), u mill-Forzi Franċiżi stazzjonati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana u mill-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea fir-Repubblika Ċentru-Afrikana (EUFOR RCA).

Artikolu 4

B’deroga mill-Artikolu 2, u dment li l-għoti ta’ din l-assistenza teknika jew dawn is-servizzi ta’ senserija, finanzjament jew assistenza finanzjarja jkunu ġew approvati minn qabel mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, il-projbizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu m’għandhomx japplikaw għall-forniment ta':

(a) assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati ma’ tagħmir militari mhux letali maħsub biss għal użu umanitarju jew bħala protezzjoni;

(b) assistenza teknika, finanzjament jew assistenza finanzjarja għall-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta’ oġġetti u teknoloġija elenkati fil-Lista Militari Komuni jew għal kull forniment ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati;

Artikolu 5

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu, li huma l-proprjetà, jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkat fl-Anness I jiġu ffriżati.

2.  L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom ikunu mqegħdin għad-disposizzjoni, direttament jew indirettament, jew għall-beneficċju ta' kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kif elenkati fl-Anness I.

3.  L-Anness I jinkludi persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet u korpi identifikati mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bħala:

(a) li jagħtu jew jipprovdu appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jheddu jew jiksru l-ftehimiet tranżitorji jew li jheddu jew jimpedixxu l-proċess ta’ tranżizzjoni politika, inkluża t-tranżizzjoni għal elezzjonijiet demokratiċi liberi u ġusti, jew li jistigaw il-vjolenza;

(b) li bl-aġir tagħhom jiksru l-embargo tal-armi stabbilit fil-paragrafu 54 tal-UNSCR 2127 (2013), jew li direttament jew indirettament ipprovdew, biegħu, jew ittrasferixxew lil gruppi armati jew netwerks kriminali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jew li kienu rċevew armi jew xi materjal relatat, jew xi parir tekniku, taħriġ, jew assistenza, inklużi il-finanzjament u l-assistenza finanzjarja, marbutin mal-attivitajiet vjolenti ta’ gruppi armati jew ta' netwerks kriminali fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(c) li huma involuti fl-ippjanar, fid-direzzjoni jew fit-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, kif applikabbli, jew li jikkostitwixxu abbużi fuq d-drittijiet tal-bniedem jew il-ksur tagħhom fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, inklużi atti li jinvolvu vjolenza sesswali, attakki fuq il-popolazzjoni ċivili, attakki ta' natura etnika jew reliġjuża, attakki fuq skejjel u sptarijiet, u l-ħtif u ċ-ċaqliq sfurzat;

(d) li jirreklutaw jew jużaw it-tfal f’kunflitti armati fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, bil-ksur tal-liġi internazzjonali applikabbli;

(e) li jipprovdu appoġġ lil gruppi armati jew lil netwerks kriminali permezz tal-isfruttar illegali tar-riżorsi naturali, inklużi d-djamanti kif ukoll l-annimali slavaġ u l-prodotti tagħhom, fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(f) li jostakolaw l-għoti ta' assistenza umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana, jew l-aċċess għaliha, jew id-distribuzzjoni tal-għajnuna umanitarja fir-Repubblika Ċentru-Afrikana;

(g) li jippjanaw, jidderieġu, jisponsorjaw, jew iwettqu attakki kontra l-missjonijiet tan-NU jew il-preżenza tas-sigurtà internazzjonali, inklużi BINUCA, MISCA, EUFOR RCA u l-forzi l-oħra li jappoġġjawhom;

(h) li jmexxu entità elenkata mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, li jkunu pprovdewha b'appoġġ, wettqu ħidma għaliha jew f'isimha jew taħt id-direzzjoni tagħha;

(i) li jaġixxu f’isem persuni, entitajiet jew korpi, jew entitajiet tagħhom jew ikkontrollati minnhom, elenkati fil-punti minn (a) sa (h), jew li jkunu taħt id-direzzjoni tagħhom.

Artikolu 6

B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont kundizzjonijiet li jitqiesu xierqa, dejjem jekk jintlaħqu dawn il-kundizzjonijiet:

(a) l-awtorità kompetenti kkonċernata ddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma:

(i) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta’ persuna fiżika jew ġuridikai, entità jew korp elenkati fl-Annessi I, u tal-membri dipendenti tal-familji ta’ dawn il-persuni fiżiċi, inklużi ħlasijiet għal oġġetti tal-ikel, għall-kera jew għall-garanziji ipotekarji, għall-mediċini u għat-trattament mediku, għat-taxxi, għall-primjums tal-assigurazzjoni, u għall-ispejjeż tas-servizzi pubbliċi;

(ii) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta’ spejjeż marbutin mal-forniment ta’ servizzi legali; jew

(iii) maħsuba esklussivament għall-ħlas ta’ tariffi jew imposti fuq servizz ta' rutina għaż-żamma jew il-manteniment ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; kif ukoll

(b) l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet bid-deċiżjoni msemmija fil-punt (a) u bl-intenzjoni tiegħu li jagħti l-awtorizzazzjoni, u li l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ma jkunx oġġezzjona għal din l-azzjoni fi żmien ħamest ijiem ta’ xogħol min-notifika;

Artikolu 7

B’deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi u riżorsi ekonomiċi ffriżati jew jagħmlu disponibbli ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu xierqa, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma meħtieġa minħabba spejjeż straordinarji, u dejjem jekk l-Istat Membru kkonċernat ikun innotifika lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet b'din id-deċiżjoni, u l-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun approvaha.

Artikolu 8

Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, fejn jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma s-suġġett ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 5 ikunu ġew elenkati fl-Anness I, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali mogħtija qabel din id-data;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi inkwistjoni se jintużaw esklussivament sabiex jissodisfaw pretensjonijiet assigurati b'tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f'tali sentenza, fil-limiti stabbiliti bil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet tal-persuni li jkollhom dawn il-pretensjonijiet;

(c) il-garanzija jew is-sentenza mhumiex għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(d) ir-rikonoxximent li l-garanzija jew is-sentenza ma tmurx kontra l-politika pubblika tal-Istat Membru kkonċernat; kif ukoll

(e) il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ikun ġie nnotifikat mill-Istat Membru bil-garanzija jew bis-sentenza.

Artikolu 9

1.B'deroga mill-Artikolu 5, u bil-kundizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew taħt obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp kienu nnominati mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kundizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti ikkonċernata tkun iddeterminat li:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness I;

(b) il-pagament mhuwiex bi ksur tal-Artikolu 5(2); u

(c) il-Kumitat tas-Sanzjonijiet ġie nnotifikat mill-Istat Membru relevanti dwar l-intenzjoni li jagħti awtorizzazzjoni, għaxart ijiem ta’ xogħol bil-quddiem.

Artikolu 10

1.  L-Artikolu 5(2) ma jwaqqafx l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn partijiet terzi fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, ta' entità jew ta' korp elenkati fl-Anness I, dejjem jekk kull żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta’ kreditu tinforma lill-awtoritajiet kompetenti relevanti dwar xi tranżazzjoni bħal din mingħajr dewmien.

2.  L-Artikolu 5(2) ma japplikax meta l-kontijiet iffriżati jiżdiedu permezz ta':

(a) imgħax jew qligħ ieħor dovut fuq dawn il-kontijiet;

(b) pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 5 kienu nklużi fl-Anness I; jew

(c) pagamenti dovuti taħt garanzija jew sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrali, kif imsemmi fl-Artikolu 8; u

dejjem jekk kull imgħax, qligħ u pagament ieħor bħal dan ikun iffriżat skont l-Artikolu 5(1).

Artikolu 11

1.  Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) ifornu minnufih kull informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati skont l-Artikolu 5 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u jittrażmettu kwalinkwe tali informazzjoni, jew direttament jew permezz l-Istat Membru lill-Kummissjoni; u

(b) jikkooperaw mal-awtorità kompetenti biex tali informazzjoni tiġi vverifikata b'kull mod.

2.  Kull informazzjoni addizzjonali riċevuta direttament mill-Kummissjoni tkun disponibbli għall-Istati Membri.

3.  Kull informazzjoni li tingħata jew li tiġi riċevuta skont dan l-Artikolu tintuża biss għall-finijiet li għalihom tkun ġiet pprovduta jew riċevuta.

Artikolu 12

Il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri imsemmija fl-Artikli 2 u 5 hija pprojbita.

Artikolu 13

1.  L-iffriżar ta’ fondi u riżorsi ekonomiċi jew ir-rifjut li dawn il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettqin bona fede abbażi li dawn l-azzjonijiet ikunu konformi ma’ dan ir-Regolament, ma joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà fuq il-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawhom, la għad-diretturi u lanqas għall-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma minħabba negliġenza.

2.  Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi bl-ebda mod ma jkunu responsabbli għalihom jekk dawn ma kinux jafu, u ma kellhom l-ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-projbizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.

Artikolu 14

1.  L-ebda pretensjoni b’konnessjoni ma’ xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn l-eżekuzzjoni tagħhom ġiet milquta, direttament jew indirettament, b’mod sħiħ jew parzjalment, mill-miżuri imposti taħt dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta’ dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b’mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew ħlas ta’ bond, garanzija jew indennizz, b’mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta’ kwalunkwe għamla, ma tiġix issodisfata, jekk din issir minn:

(a) il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi nnominati, elenkati fl-Anness I;

(b) kull persuna, entità jew korp li jaġixxu permezz ta’ waħda mill-persuni, l-entitajiet jew il-korpi jew li jaġixxu f’isimhom, msemmija fil-punt (a).

2.  Fi kwalunkwe proċedura għall-infurzar ta’ pretensjoni, l-obbligu biex ikun ippruvat li l-issodisfar tat-talba mhux ipprojbit bil-paragrafu 1, jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-infurzar ta’ din il-pretensjoni.

3.  Dan l-Artikolu huwa bla ħsara għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal rieżami ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' prestazzjoni ta' obbligi kuntrattwali skont dan ir-Regolament.

Artikolu 15

1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jinfurmaw lil xulxin dwar il-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom marbuta ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni dwar:

(a) il-fondi ffriżati skont l-Artikolu 5 u l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 6, 7 u 8;

(b) il-ksur, il-problemi ta' infurzar u s-sentenzi mogħtija mill-qrati nazzjonali.

2.  L-Istati Membri jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni dwar kull informazzjoni oħra relevanti li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom li tista' taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Il-Kummissjoni jkollha s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi tal-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 17

1.  Fejn il-Kunsill ta' Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti jew il-Kumitat tas-Sanzjonijiet jelenka persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp u jkun ipprovda dikjarazzjoni tar-raġunijiet għall-elenakar, il-Kunsill għandu jinkludi lil dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fl-Anness I. Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu u d-dikjarazzjoni ta' raġunijiet lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp ikkonċernat, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, fejn dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

2.  Meta jitressqu osservazzjonijiet jew meta tiġi ppreżentata evidenza ġdida sostanzjali, il-Kunsill għandu jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna, l-entità jew l-korp skont dan.

3.  Fejn in-Nazzjonijiet Uniti jiddeċiedu li jneħħu mil-lista persuna, entità jew korp, jew li jemendaw id-data ta' identifikazzjoni ta' persuna, entità jew korp elenkat, il-Kunsill għandu jemenda l-Anness I skont dan.

Artikolu 18

L-Anness I għandu jinkludi, fejn disponibbli, informazzjoni pprovduta mill-Kunsill ta' Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet neċessarja biex jiġu identifikati l-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward tal-persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, inklużi psewdonomi, data u post tat-twelid, ċittadinanza, numru tal-passaport u numru tal-identità, sess, indirizz, jekk magħruf, u funzjoni jew professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi tali informazzjoni tista' tinkludi ismijiet, post u data ta' reġistrazzjoni, numru ta' reġistrazzjoni u post ta' negozju. L-Anness I għandu jinkludi wkoll id-data ta' elenkar mill-Kunsill ta' Sigurtà jew mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet.

Artikolu 19

1.  L-Istati Membri jistabbilixxu r-regoli dwar il-penalitajiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penalitajiet previsti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti għalihom.

Artikolu 20

1.  L-Istati Membri għandhom jinnominaw lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fuq il-websites elenkati fl-Anness II. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni b'kull tibdil fl-indirizzi tal-websites tagħhom elenkati fl-Anness II.

2.  L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom, inklużi d-dettalji ta' kuntatt ta' dawn l-awtoritajiet kompetenti, mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, u jinnotifikawha b'kull emenda sussegwenti.

3.  Meta dan ir-Regolament jippreżenta l-obbligu li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata jew infurmata, jew li għandha ssir xi komunikazzjoni magħha, l-indirizz u d-dettalji l-oħra tal-kuntatt li għandhom jintużaw għal din il-komunikazzjoni jkunu dawk indikati fl-Anness II.

Artikolu 21

Dan ir-Regolament japplika:

(a) fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord kull inġenju tal-ajru jew kull bastiment fil-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c) għal kull persuna fit-territorju tal-Unjoni jew barra minnu li tkun ċittadin ta’ Stat Membru;

(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, ġewwa jew barra mit-territorju tal-Unjoni, li jkunu inkorporati jew kostitwiti skont il-liġi ta’ Stat Membru;

(e) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kull negozju li jsir kompletament jew parzjalment fl-Unjoni.

Artikolu 22

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M2




ANNESS I

LISTA TA' PERSUNI U ENTITAJIET IMSEMMIJA FL-ARTIKOLU 5

A.   Persuni

1.   François Yangouvonda BOZIZÉ (magħruf ukoll bħala: a) Bozize Yangouvonda )

Data tat-twelid: 14 ta' Ottubru 1946.

Post tat-twelid: Mouila, il-Gabon.

Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Indirizz: L-Uganda.

Informazzjoni oħra: Ommu jisimha Martine Kofio.

Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014.

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Bozize ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA.”

Informazzjoni addizzjonali

Bil-kollaborazzjoni tas-sostenituri tiegħu, Bozize ħeġġeġ l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 fuq Bangui. Minn dakinhar, kompla jipprova jmexxi operazzjonijiet ta' destabilizzazzjoni sabiex jinżammu t-tensjonijiet fil-kapitali tar-RĊA. Ġie rappurtat li Bozize ħoloq il-grupp tal-milizzja anti-Balaka qabel ma ħarab mir-RĊA fl-24 ta' Marzu 2013. F'komunikat, Bozize ħeġġeġ lill-milizzja tiegħu biex tkompli bl-atroċitajiet kontra r-reġim attwali u l-Iżlamisti. Ġie rappurtat li Bozize pprovda appoġġ finanzjarju u materjali lill-ġellieda tal-milizzja li qed jaħdmu biex jiddestabilizzaw it-tranżizzjoni attwali u biex Bozize jerġa jkun fil-poter. Il-parti l-kbira tal-anti-Balaka huma mill-Forzi Armati Ċentru-Afrikani li tferrxu fil-kampanja wara l-kolp ta' stat u sussegwentement ġew organizzati mill-ġdid minn Bozize. Bozize u s-sostenituri tiegħu jikkontrollaw aktar minn nofs l-unitajiet anti-Balaka.

Il-forzi leali lejn Bozize kienu armati b'azzarini tal-assalt, artiljerija tal-murtali u rocket-launchers u qed jieħdu sehem dejjem aktar f'attakki ta' tpattija kontra l-popolazzjoni Musulmana tar-RĊA. Is-sitwazzjoni fir-RĊA marret malajr għall-agħar wara l-attakk tal-5 ta' Diċembru 2013 f'Bangui mill-forzi anti-Balaka meta nqatlu aktar minn 700 persuna.

2.   Nourredine ADAM (magħruf ukoll bħala: a) Nureldine Adam; b) Nourreldine Adam; c) Nourreddine Adam; d) Mahamat Nouradine Adam)

Deżinjazzjoni: a) Ġeneral; b) Ministru għas-Sigurtà; c) Direttur Ġenerali tal-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi”.

Data tat-twelid: a) 1970 b) 1969 c) 1971 d) 1 ta' Jannar 1970.

Post tat-twelid: Ndele, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Ċittadinanza: Ir-Repubblika Ċentru-Afrikana. Nru tal-passaport: D 00001184

Indirizz: Birao, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana.

Data tal-indikazzjoni min-NU: 9 ta' Mejju 2014

Informazzjoni mit-taqsira narrattiva tar-raġunijiet għall-elenkar fil-lista pprovduta mill-Kumitat tas-Sanzjonijiet:

Nourredine ġie elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 36 tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ħa sehem fi jew ipprovda appoġġ għal atti li jheddu l-paċi, l-istabbiltà jew is-sigurtà tar-RĊA.”

Informazzjoni addizzjonali

Noureddine hu wieħed mill-mexxejja oriġinali tas-Seleka. Ġie identifikat kemm bħala Ġeneral kif ukoll bħala l-President ta' wieħed mill-gruppi ribelli armati tas-Seleka, il-PJCC Ċentrali, grupp formalment magħruf bħala l-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi u li l-akronimu tiegħu hu magħruf ukoll bħala CPJP. Bħala kap preċedenti tal-grupp “Fundamental” li nqata' mill-Konvenzjoni ta' Patrijotti għall-Ġustizzja u l-Paċi (CPJP/F), kien il-koordinatur militari tal-ex Séléka waqt l-attakki fir-ribelljoni preċedenti fir-Repubblika Ċentru-Afrikana bejn il-bidu ta' Diċembru 2012 u Marzu 2013. Mingħajr l-għajnuna u r-relazzjoni mill-qrib ta' Noureddine mal-Forzi Speċjali taċ-Ċad, x'aktarx li s-Seleka ma kienx jirnexxielhom jaħtfu l-poter mill-ex President tar-RĊA Francois Bozize.

Sa mill-ħatra, bħala president interim, ta' Catherine Samba-Panza fl-20 ta' Jannar 2014, huwa kien wieħed mill-awturi ewlenin tal-irtirar tattiku tal-ex-Séléka f'Sibut bil-għan li jiġi implimentat il-pjan tiegħu li joħloq fortizza Musulmana fit-Tramuntana tal-pajjiż. Huwa kien ħeġġeġ biċ-ċar lill-forzi tiegħu biex jirreżistu l-ordnijiet tal-gvern transitorju u tal-mexxejja militari tal-Missjoni Internazzjonali ta' Appoġġ għar-Repubblika Ċentru-Afrikana taħt tmexxija Afrikana (MISCA). Noureddine jidderieġi attivament lill-ex-Seleka, il-forzi preċedenti tas-Seleka li ntqal li ġew xolti minn Djotodia f'Settembru 2013, u jidderieġi operazzjonijiet kontra distretti Kristjani u jkompli jipprovdi appoġġ u direzzjoni sinifikanti lill-ex-Seleka li jaħdmu fir-RĊA.

Nourredine kien elenkat ukoll fid-9ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(b) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala “involut fl-ippjanar, id-direzzjoni jew it-twettiq ta' atti li jiksru l-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem jew il-liġi umanitarja internazzjonali, skont il-każ.”

Informazzjoni addizzjonali

Wara li s-Séléka ħadet il-kontroll ta' Bangui fl-24 ta' Marzu 2013, Nourredine Adam inħatar Ministru tas-Sigurtà, imbagħad Direttur Ġenerali tal-“Kumitat Straordinarju għad-Difiża tal-Kisbiet Demokratiċi” (Comité extraordinaire de défense des acquis démocratiquesCEDAD, servizz ta' intelligence tar-RĊA li ma għadux jeżisti). Nourredine Adam uża s-CEDAD bħala l-pulizija politika personali tiegħu, li permezz tagħha wettaq bosta arresti arbitrarji, atti ta' tortura u eżekuzzjonijiet sommarji. Barra minn dan, Noureddine kien wieħed mill-figuri ċentrali wara l-operazzjoni mdemmija f'Boy Rabe. F'Awwissu 2013, il-forzi tas-Seleka attakkaw Boy Rabe, distrett tar-RĊA meqjus bħala fortizza tas-sostenituri ta' Francois Bozize u l-grupp etniku tiegħu. Bl-iskuża li jfittxu armi moħbija, ġie rrappurtat li t-truppi tas-Seleka qatlu għexieren ta' ċittadini ċivili u nfexxew jisirqu kull ma sabu. Meta dawn l-attakki nfirxu għal żoni oħra, eluf ta' residenti invadew l-ajruport internazzjonali, li kien meqjus bħala post sigur minħabba l-preżenza ta' truppi Franċiżi, u okkupaw ir-runway tiegħu.

Nourredine kien ukoll elenkat fid-9 ta' Mejju 2014 skont il-paragrafu 37(d) tar-Riżoluzzjoni 2134 (2014) bħala li “ipprovda appoġġ lil gruppi armati jew netwerks kriminali permezz tal-isfruttament illegali ta' riżorsi naturali”.

Informazzjoni addizzjonali

Lejn il-bidu tal-2013, Nourredine Adam qeda rwol importanti fin-netwerks ta' finanzjament tal-ex-Séléka. Ivvjaġġa fl-Arabja Sawdija, il-Qatar u l-Emirati Għarab Magħquda biex jiġbor fondi għar-ribelljoni preċedenti. Ħadem ukoll bħala faċilitatur għal ċirku Ċadjan ta' traffikanti ta' djamanti li jopera bejn ir-Repubblika Ċentru-Afrikana u ċ-Ċad.

▼M3 —————

▼M2

B.   Entitajiet

▼B




ANNESS II

Websites għall-informazzjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti u l-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea għan-notifiki

IL-BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

IL-BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

IR-REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

ID-DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

IL-ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

L-ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

L-IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

IL-GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.exteriores.gob.es/Portal/es/PoliticaExteriorCooperacion/GlobalizacionOportunidadesRiesgos/Documents/ORGANISMOS%20COMPETENTES%20SANCIONES%20INTERNACIONALES.pdf

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

IL-KROAZJA

http://www.mvep.hr/sankcije

L-ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

IL-LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

IL-LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

IL-LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

L-UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

IL-PAJJIŻI L-BAXXI

www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

L-AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

IL-POLONJA

http://www.msz.gov.pl

IL-PORTUGALL

http://www.portugal.gov.pt/pt/os-ministerios/ministerio-dos-negocios-estrangeiros/quero-saber-mais/sobre-o-ministerio/medidas-restritivas/medidas-restritivas.aspx

IR-RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

IS-SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

IS-SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/europske_politiky-sankcie_eu

IL-FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

L-ISVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

IR-RENJU UNIT

https://www.gov.uk/sanctions-embargoes-and-restrictions

L-indirizz tal-Kummissjoni Ewropea għan-notifiki

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

Posta elettronika: relex-sanctions@ec.europa.eu



( 1 ) ĠU L 352, 24.12.2013, p. 51.

( 2 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/125/PESK ta' 10 ta’ Marzu 2014 2014 li temenda d-Deċiżjoni 2013/798/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Ċentru-Afrikana (Ara paġna 22 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.).

( 3 ) Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

( 4 ) Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).

( 5 ) ĠU C 69, 18.3.2010, p. 19.