2014D0668 — MT — 29.09.2014 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tat-23 ta' Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VIItiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati (ĠU L 278, 20.9.2014, p.1) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
L 289 |
1 |
3.10.2014 |
||
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-23 ta' Ġunju 2014
dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VIItiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati
(2014/668/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 217, flimkien mal-Artikolu 218(5) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 218(8) tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 218(7) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:|
(1) |
Fit-22 ta' Jannar 2007, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati mal-Ukraina għall-konklużjoni ta' ftehim ġdid bejn l-Unjoni u l-Ukraina li jissostitwixxi l-Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni ( 1 ). |
|
(2) |
B'kont meħud tar-relazzjoni storikament stretta u r-rabtiet li progressivament isiru mill-qrib bejn il-Partijiet, kif ukoll ix-xewqa tagħhom li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b'mod ambizzjuż u innovattiv, in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) ġew konklużi b'suċċess bl-inizjalar tal-Ftehim fl-2012. |
|
(3) |
Il-Ftehim għandu jiġi ffirmat f'isem l-Unjoni u l-Att Finali mehmuż ma' din id-Deċiżjoni għandu jiġi approvat. Il-Ftehim għandu jiġi applikat parzjalment, fuq bażi proviżorja, skont l-Artikolu 486 tiegħu, sa meta jitlestew il-proċeduri għall-konklużjoni tiegħu. |
|
(4) |
L-applikazzjoni proviżorja ta' partijiet tal-Ftehim ma tippreġudikax l-allokazzjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha taħt it-Trattati. |
|
(5) |
Din id-Deċiżjoni ma tikkonċernax id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 17 tal-Ftehim, li fih obbligi speċifiċi li jirrigwardaw it-trattament ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra, u liema dispożizzjonijiet jaqgħu fl-ambitu tat-Titolu V tal-Parti Tlieta tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-għan u l-kontenut ta' dawk id-dispożizzjonijiet huma distinti u indipendenti mill-għan u l-kontenut tad-dispożizzjonijiet l-oħra tal-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Partijiet. Ser tiġi adottata deċiżjoni separata li tirrigwarda l-Artikolu 17 b'mod parallel għal din id-Deċiżjoni. |
|
(6) |
F'konformità mal-Artikolu 218(7) tat-TFUE, huwa xieraq li l-Kunsill jawtorizza lill-Kummissjoni biex tapprova modifiki fil-Ftehim li għandhom jiġu adottati mill-Kumitat ta' Assoċjazzjoni fil-konfigurazzjoni Kummerċjali tiegħu skont l-Artikolu 465(4) tal-Ftehim, kif propost mis-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikolu 211 tal-Ftehim. |
|
(7) |
Huwa xieraq li jiġu stabbiliti l-proċeduri rilevanti għall-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi li huma protetti skont il-Ftehim. |
|
(8) |
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati u t-tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri. |
|
(9) |
Wara l-iffirmar tal-Preambolu, l-Artikolu 1, u t-Titoli I, II u VII tal-Ftehim fis-Summit bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, li sar fi Brussell fil-21 ta' Marzu 2014, il-partijiet rimanenti tal-Ftehim għandhom jiġu ffirmati, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-iffirmar, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) fir-rigward tat-Titoli III (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 17), IV, V u VI tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati, huwa b'dan awtorizzat, soġġett għall-konklużjoni tal-Ftehim imsemmi u skont l-Att Finali ( 2 ).
Artikolu 2
1. Id-Dikjarazzjoni mehmuża mal-Ftehim għandha tiġi approvata f'isem l-Unjoni.
2. L-Att Finali mehmuż ma' din id-Deċiżjoni għandu jiġi approvat f'isem l-Unjoni.
Artikolu 3
Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim u l-Att Finali f'isem l-Unjoni.
Artikolu 4
Sakemm jidħol fis-seħħ, u skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim u soġġett għan-notifiki previsti fih, il-partijiet li ġejjin tal-Ftehim għandhom jiġu applikati fuq bażi proviżorja bejn l-Unjoni u l-Ukraina ( 3 ), iżda biss sa fejn dawn ikopru materji li jaqgħu fil-kompetenza tal-Unjoni:
— Titolu III: l-Artikoli 14 u 19;
— Titolu IV (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 158, sa fejn dak l-Artikolu jikkonċerna l-infurzar kriminali tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali; u bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 285 u 286 sa fejn dawk l-Artikoli japplikaw għal proċedimenti amministrattivi, reviżjoni u appell fil-livell ta' Stati Membri).
— L-applikazzjoni proviżorja tal-Artikolu 279 ma taffettwax id-drittijiet sovrani tal-Istati Membri fuq ir-riżorsi idrokarburi f'konformità mad-dritt internazzjonali, inklużi d-drittijiet u l-obbligi tagħhom bħala Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1982 dwar id-Dritt tal-Baħar.
— L-applikazzjoni proviżorja tal-Artikolu 280(3) mill-Unjoni ma taffettwax id-delineazzjoni eżistenti tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha fir-rigward tal-għoti ta' awtorizzazzjonijiet għall-prospezzjoni, l-esplorazzjoni u l-produzzjoni tal-idrokarbonju;
— Titolu V: Kapitolu 1 (bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 338 (k), u l-Artikoli 339 u 342), Kapitolu 6 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 361, l-Artikolu 362(1)(c), l-Artikolu 364, u l-punti (a) u (c) tal-Artikolu 365), Kapitolu 7 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 368(3) u l-punti (a) u (d) tal-Artikolu 369 ( 4 )), Kapitoli 12 u 17 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 404(h)), Kapitolu 18 (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 410(b) u l-Artikolu 411), Kapitoli 20, 26 u 28, kif ukoll l-Artikoli 353 u 428;
— Titolu VI;
— Titolu VII (bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 479(1)), sa fejn id-dispożizzjonijiet ta' dak it-Titolu huma limitati għall-iskop li tkun żgurata l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim skont dan l-Artikolu;
— Annessi I sa XXVI, Anness XXVII (bl-eċċezzjoni tal-kwistjonijiet nukleari), Annessi XXVIII sa XXXVI (bl-eċċezzjoni tal-punt 3 fl-Anness XXXII),
— Annessi XXXVIII sa XLI, Annessi XLIII u XLIV kif ukoll Protokolli I sa III.
Rigward id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titoli III, V, VI u VII, u l-Annessi u l-Protokolli relatati, għandha ssir notifika skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim mingħajr dewmien b'mod li l-applikazzjoni proviżorja tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016.
Rigward id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Titolu IV, u l-Annessi u l-Protokolli relatati, għandha ssir notifika skont l-Artikolu 486 tal-Ftehim mingħajr dewmien b'mod li l-applikazzjoni proviżorja tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016.
Artikolu 5
Għall-finijiet tal-Artikolu 211 tal-Ftehim, il-modifiki lill-Ftehim permezz ta' deċiżjonijiet tas-Sottokumitat dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f'isem l-Unjoni. Fejn il-partijiet interessati ma jistgħux jilħqu qbil wara oġġezzjonijiet li jirrigwardaw xi indikazzjoni ġeografika, il-Kummissjoni għandha tadotta pożizzjoni fuq il-bażi tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 57(2) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel ( 5 ).
Artikolu 6
1. Isem protett taħt is-Subtaqsima 3 “Indikazzjonijiet Ġeografiċi” tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 9 tat-Titolu IV tal-Ftehim jista' jintuża minn kwalunkwe operatur li jikkummerċjalizza prodotti agrikoli, prodotti tal-ikel, inbejjed, inbejjed aromatizzati jew spirti li jikkonformaw mal-ispeċifikazzjoni korrispondenti.
2. F'konformità mal-Artikolu 207 tal-Ftehim, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom jinfurzaw il-protezzjoni prevista fl-Artikoli 204 sa 206 tat-Titolu IV tal-Ftehim, inkluż fuq it-talba ta' parti interessata.
Artikolu 7
Il-Ftehim ma għandux jiġi interpretat fis-sens li jagħti xi drittijiet jew jimponi xi obbligi li jistgħu jiġu invokati direttament quddiem il-qrati jew tribunali tal-Unjoni jew tal-Istati Membri.
Artikolu 8
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
( 1 ) Ftehim ta' Sħubija u Kooperazzjoni li jistabbilixxi sħubija bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra (ĠU L 49, 19.2.1998, p. 3).
( 2 ) It-test tal-Ftehim ġie ppubblikat flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/295/UE tas-17 ta' Marzu 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-Preambolu, Artikolu 1, u Titoli I, II, u VII tiegħu (ĠU L 161, 29.5.2014, p. 1).
( 3 ) Id-data minn meta l-Ftehim ser jiġi applikat b'mod proviżorju ser jiġi ppubblikat f'Il Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.
( 4 ) Ir-referenza fil-punt (c) tal-Artikolu 369 għal “l-iżvilupp ta' strateġiji ta' finanzjament li jiffukaw fuq il-manutenzjoni, il-limiti tal-kapaċità u tal-lakuna fl-infrastruttura” ma toħloq ebda obbligu ta' finanzjament għall-Istati Membri.
( 5 ) ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.