02013R1419 — MT — 02.04.2018 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1419/2013 tas-17 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 353 28.12.2013, p. 43) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/390 tat-12 ta' Marzu 2018 |
L 69 |
44 |
13.3.2018 |
|
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1419/2013
tas-17 ta’ Diċembru 2013
dwar l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, l-estensjoni tar-regoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali u l-pubblikazzjoni ta’ prezzijiet skattaturi kif stipulat fir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(a) “organizzazzjonijiet tal-produtturi” tfisser l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-qasam tas-sajd u tal-akkwakultura u l-assoċjazzjonijiet tagħhom, stabbiliti skont l-Artikoli 6 u 9 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;
(b) “organizzazzjonijiet interprofessjonali” tfisser organizzazzjonijiet tal-operaturi stabbiliti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013.
Artikolu 2
Il-limiti taż-żmien, il-proċeduri u l-forma tal-applikazzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali
1. Fi żmien tliet xhur minn meta tasal applikazzjoni għall-għarfien skont l-Artikoli 14 u 16 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma bil-miktub lill-organizzazzjoni tal-produtturi jew lill-organizzazzjoni interprofessjonali bid-deċiżjoni tiegħu. F’każ li l-għarfien jiġi miċħud, l-Istat Membru għandu jagħti r-raġunijiet għaċ-ċaħda.
2. Il-forma tal-applikazzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali għandha tkun hekk kif stabbilit fl-Anness I.
Artikolu 3
Il-limiti taż-żmien u l-proċedura għall-irtirar tal-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali
Meta Stat Membru jkun beħsiebu jirtira l-għarfien ta’ organizzazzjoni tal-produtturi jew ta’ organizzazzjoni interprofessjonali skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, għandu jinnotifika dan lill-organizzazzjoni kkonċernata flimkien mar-raġunijiet għall-irtirar. L-Istat Membru għandu jippermetti lill-organizzazzjoni tal-produtturi jew lill-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata tissottometti l-osservazzjonijiet tagħha fi żmien xahrejn.
Artikolu 4
Il-format, il-limiti taż-żmien u l-proċeduri għall-komunikazzjoni tad-deċiżjonijiet għall-għoti jew l-irtirar tal-għarfien
1. Il-format tal-komunikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha bid-deċiżjonijiet tagħhom li jagħtu jew li jirtiraw l-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali skont l-Artikoli 14, 16 jew 18 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 għandu jkun hekk kif stabbilit fl-Anness II.
2. L-Istati Membri għandhom jittrażmettu l-komunikazzjoni ta’ deċiżjoni msemmija fl-ewwel paragrafu fi żmien xahrejn mid-data ta’ dik id-deċiżjoni.
3. Il-komunikazzjonijiet għandhom jiġu trażmessi fil-forma ta' fajl XML wieħed għal kull komunikazzjoni. Il-fajl XML għandu jintbagħat bħala dokument mehmuż fl-indirizz tal-posta elettronika pprovdut mill-Kummissjoni bis-suġġett: Komunikazzjoni dwar l-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew l-organizzazzjonijiet interprofessjonali.
Artikolu 5
Il-format u l-proċedura tan-notifika mill-Istati Membri tar-regoli li beħsiebhom idaħħlu bħala regoli li jorbtu għall-produtturi jew l-operaturi kollha.
1. Il-format tan-notifika li l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha dwar ir-regoli tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi jew tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali li beħsiebhom idaħħlu bħala regoli li jorbtu għall-produtturi jew l-operaturi kollha f’żona speċifika jew f’żoni speċifiċi, kif stipulat fl-Artikoli 22 u 23 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, għandu jkun kif stabbilit fl-Anness III.
2. L-Istati Membri għandhom jibagħtu notifika lill-Kummissjoni mill-inqas xahrejn qabel id-data prevista għad-dħul fis-seħħ tal-estensjoni tar-regoli.
3. Kull modifika prevista tar-regoli li ddaħħlu bħala regoli li jorbtu għall-produtturi jew l-operaturi kollha għandhom jiġu nnotifikati f’konformità mal-paragrafi 1 u 2.
Artikolu 6
Il-format tal-pubblikazzjoni tal-prezzijiet skattaturi
Il-format tal-pubblikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-prezzijiet skattaturi msemmija fl-Artikolu 31(4) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 għandu jkun kif stabbilit fl-Anness IV ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 7
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
FORMA TAL-APPLIKAZZJONIJIET GĦALL-GĦARFIEN
L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fl-applikazzjonijiet għall-għarfien tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi u tal-organizzazzjonijiet interprofessjonali:
(a) l-istatut tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-organizzazzjoni interprofessjonali;
(b) ir-regoli tal-funzjonament intern skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;
(c) l-ismijiet tal-persuni li għandhom is-setgħa jaġixxu għall-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-organizzazzjoni interprofessjonali jew f’isimha;
(d) evidenza li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-organizzazzjoni interprofessjonali tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 14(1) u 16(1) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013, rispettivament;
(e) dettalji dwar l-attivitajiet imwettqin mill-organizzazzjoni tal-produtturi jew mill-organizzazzjoni interprofessjonali, fosthom il-qasam ta’ attività u l-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura li għalihom qed jintalab l-għarfien.
ANNESS II
FORMAT TAL-KOMUNIKAZZJONI TAD-DEĊIŻJONIJIET GĦALL-GĦOTI JEW L-IRTIRAR TAL-GĦARFIEN
L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fil-komunikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha bid-deċiżjonijiet tagħhom li jagħtu jew li jirtiraw l-għarfien:
|
Isem iż-żona |
Isem l-element (1) |
Numru massimu ta’ karattri |
Definizzjoni u kummenti |
|
Stat Membru |
SM |
3 |
L-Istat Membru li qiegħed jikkomunika d-deċiżjoni li jagħti jew li jirtira l-għafien (il-kodiċi alfa-3 tal-ISO tiegħu) |
|
Tip ta’ organizzazzjoni |
TO |
3 |
PO: organizzazzjoni tal-produtturi; APO: assoċjazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi; IBO: organizzazzjoni interprofessjonali |
|
Numru ta’ reġistrazzjoni |
RN |
— |
In-numru li bih ġiet irreġistrata l-organizzazzjoni |
|
Isem l-organizzazzjoni |
NO |
— |
Isem il-PO, l-APO jew l-IBO li bih ġiet irreġistrata l-organizzazzjoni |
|
Kuntatt |
CO |
100 |
Test liberu. L-indirizz għandu jkun ċar biżżejjed biex l-organizzazzjoni tkun tista’ tiġi kkuntattjata: indirizz postali, numru tat-telefown u tal-faks, indirizz tal-posta elettronika, sit tal-Internet. |
|
Il-qasam ta’ attività |
AA |
— |
N tfisser nazzjonali T tfisser transnazzjonali (indika l-Istati Membri l-oħra kkonċernati bil-kodiċi alfa-3 tal-ISO tagħhom) |
|
Qasam ta’ kompetenza |
AC |
100 |
Ippreċiża qasam wieħed jew iktar minn fost dawk li ġejjin: għall-POs l-akkwakultura marina, l-akkwakultura tal-ilma ħelu, is-sajd mal-kosta inkluż is-sajd fuq skala żgħira, is-sajd fl-ibħra miftuħa u s-sajd fuq distanzi twal, qasam ieħor (speċifika); għall-IBOs: il-produzzjoni (tas-sajd jew l-akkwakultura), l-ipproċessar, il-kummerċjalizzazzjoni, qasam ieħor (speċifika) |
|
Data tal-għarfien |
DR |
10 |
ssss-xx-jj |
|
Data tal-irtirar tal-għarfien |
DW |
10 |
ssss-xx-jj fejn rilevanti |
|
(1) Dawn l-elementi għandhom jitqiegħdu ġol-element tal-għerq imsejjaħ “ORG”. L-ispazju tal-isem għandu jkun: urn:xeu:mare:grant-withdrawal-recognition-organisation:v1 |
|||
ANNESS III
FORMAT TAN-NOTIFIKA TAL-ESTENSJONI TAR-REGOLI
L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fin-notifika li l-Istati Membri jridu jibagħtu lill-Kummissjoni biex jgħarrfuha dwar ir-regoli li beħsiebhom jestendu:
(a) l-isem u l-indirizz postali tal-organizzazzjoni tal-produtturi jew tal-organizzazzjoni interprofessjonali kkonċernata;
(b) l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-organizzazzjoni tal-produtturi jew l-organizzazzjoni interprofessjonali hija rappreżentattiva skont l-Artikoli 22(2), 22(3) u 23(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013 rispettivament;
(c) ir-regoli li għandhom jiġu estiżi;
(d) il-ġustifikazzjoni għall-estensjoni tar-regoli, appoġġata minn dejta xierqa u minn informazzjoni rilevanti oħra;
(e) il-qasam jew l-oqsma li fihom hemm il-ħsieb li r-regoli jiddaħħlu bħala regoli li jorbtu;
(f) il-perjodu tal-applikazzjoni tal-estensjoni tar-regoli;
(g) id-data tad-dħul fis-seħħ.
ANNESS IV
FORMAT TAL-PUBBLIKAZZJONI TAL-PREZZIJIET SKATTATURI
L-informazzjoni li għandha tiddaħħal fil-pubblikazzjoni, min-naħa tal-Istati Membri, tal-prezzijiet skattaturi li għandhom jiġu applikati fit-territorji tagħhom:
(a) il-perjodu tal-applikazzjoni tal-prezzijiet skattaturi;
(b) l-Istat Membru kkonċernat;
(c) fejn xieraq, l-isem tar-reġjun jew tar-reġjuni fejn japplikaw il-prezzijiet skattaturi, segwit mill-kodiċi tan-NUTS tagħhom f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );
(d) isem il-prodotti tas-sajd li huma soġġetti għall-iffissar tal-prezzijiet skattaturi, flimkien mal-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi;
(e) għal kull speċi, il-prezz skattatur li japplika skont il-piż;
(f) il-munita użata.
( 1 ) Ir-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).