02013R1407 — MT — 25.10.2023 — 002.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1407/2013

tat-18 ta’ Diċembru 2013

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 352 24.12.2013, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/972 tat-2 ta’ Lulju 2020

  L 215

3

7.7.2020

►M2

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/2391 tal-4 ta’ Ottubru 2023

  L 

1

5.10.2023


Ikkoreġut bi:

►C1

Rettifika, ĠU L 410, 18.11.2021, p.  204 (Nru 1407/2013)




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1407/2013

tat-18 ta’ Diċembru 2013

dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  

Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija lill-impriżi fis-setturi kollha, ħlief għal:

▼M2

(a) 

l-għajnuna mogħtija lill-impriżi attivi fil-produzzjoni primarja tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura;

▼M2

(aa) 

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fis-settur tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, fejn l-ammont tal-għajnuna huwa ffissat abbażi tal-prezz jew tal-kwantità tal-prodotti mixtrija jew imqiegħda fis-suq;

▼B

(b) 

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fil-produzzjoni primarja ta’ prodotti agrikoli;

(c) 

għajnuna mogħtija lil impriżi attivi fis-settur tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli, fil-każijiet li ġejjin:

(i) 

meta l-ammont tal-għajnuna jkun stabbilit fuq il-bażi tal-prezz jew kwantità ta’ prodotti ta’ dak it-tip mixtrija minn produtturi primarji jew imqiegħda fis-suq mill-impriżi kkonċernati;

(ii) 

meta l-għajnuna tkun bil-kundizzjoni li parti minnha jew kollha kemm hi tingħata lill-produtturi primarji;

(d) 

għajnuna lill-attivitajiet relatati mal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi jew Stati Membri, l-aktar għajnuna marbuta direttament ma’ kwantitajiet esportati, mat-twaqqif u l-operazzjoni ta’ netwerk ta’ distribuzzjoni jew ma’ nefqa oħra kurrenti marbuta mal-attività tal-esportazzjoni;

(e) 

għajnuna li tiddependi mill-użu ta’ prodotti domestiċi bi preferenza fuq prodotti importati.

▼M2

2.  
Meta impriża tkun attiva fis-setturi msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (a), (aa), (b) jew (c), u tkun attiva wkoll f’settur wieħed jew iktar jew ikollha attivitajiet oħrajn li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dan ir-Regolament japplika għal għajnuna mogħtija fir-rigward tas-setturi jew tal-attivitajiet tal-aħħar, dment li l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw, b’mezzi xierqa bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew bid-distinzjoni tal-ispejjeż, li l-attivitjiet fis-setturi esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jibbenefikawx mill-għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1.  

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

▼M2

(a) 

“prodotti agrikoli” tfisser il-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat, bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura koperti bir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 );

▼B

(b) 

“ipproċessar ta’ prodotti agrikoli” tfisser kwalunkwe operazzjoni fuq prodott agrikolu li tirriżulta fi prodott li huwa wkoll prodott agrikolu, ħlief attivitajiet li jsiru f’razzett li huma neċessarji biex prodott minn annimal jew pjanta jiġi ppreparat għall-ewwel bejgħ;

(c) 

“il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli” tfisser li żżomm jew turi bl-għan li tbiegħ, li toffri għall-bejgħ, li tikkonsenja jew kwalunkwe mod ieħor ta’ tqegħid fis-suq, minbarra l-ewwel bejgħ minn produttur primarju lil min jerġa’ jbiegħ jew lil proċessuri u kwalunkwe attività li tipprepara prodott għal dak l-ewwel bejgħ. Bejgħ minn produttur primarju lill-konsumaturi finali għandu jkun ikkunsidrat bħala kummerċjalizzazzjoni jekk isir f’bini separat irriżervat għal dak il-għan;

▼M2

(d) 

“prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser il-prodotti definiti fl-Artikolu 5, il-punti (a) u (b) tar-Regolament (UE) Nru 1379/2013;

(e) 

“produzzjoni primarja ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser l-operazzjonijiet kollha relatati mas-sajd, it-trobbija jew il-kultivazzjoni ta’ organiżmi akkwatiċi, kif ukoll attivitajiet f’azjenda agrikola jew abbord meħtieġa għall-preparazzjoni tal-ewwel bejgħ ta’ prodott tal-annimali jew tal-ħxejjex, inkluż it-tqattigħ, l-iffilittjar jew l-iffriżar, u l-ewwel bejgħ lil rivendituri jew lil proċessuri;

(f) 

“l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura” tfisser l-operazzjonijiet kollha, inkluż l-immaniġġjar, it-trattament u t-trasformazzjoni, imwettqin wara l-ħin li fih jinżel l-art il-prodott jew jinħasad, li jirriżultaw fi prodott ipproċessat, kif ukoll id-distribuzzjoni tiegħu.

▼B

2.  

“Impriża waħda” tinkludi, għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, l-intrapriżi kollha li jkollhom bejniethom mill-inqas waħda mir-relazzjonijiet li ġejjin:

(a) 

intrapriża waħda li jkollha l-maġġoranza tad-drittijiet tal-vot tal-azzjonisti jew tal-membri f’intrapriża oħra;

(b) 

intrapriża waħda li jkollha d-dritt taħtar jew tneħħi maġġoranza mill-membri tal-korp amministrattiv, tal-ġestjoni jew dak ta’ sorveljanza ta’ intrapriża oħra;

(c) 

intrapriża waħda li jkollha d-dritt teżerċita influwenza dominanti fuq intrapriża oħra skont kuntratt ma’ dik l-intrapriża jew skont dispożizzjoni tal-memorandum jew tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tagħha;

(d) 

intrapriża waħda, illi tkun azzjonista fi jew membru ta’ intrapriża oħra, tikkontrolla waħedha, skont ftehim ma’ azzjonisti oħra fi jew membri ta’ dik l-intrapriża, maġġoranza tad-drittijiet tal-voti tal-azzjonisti jew tal-membri f’dik l-intrapriża.

L-intrapriżi li jkollhom waħda mir-relazzjonijiet imsemmijin fil-punti (a) sa (d) tal-ewwel subparagrafu permezz ta’ intrapriża waħda jew aktar għandhom wkoll jitqiesu bħala impriża waħda.

Artikolu 3

Għajnuna de minimis

1.  
Il-miżuri ta’ għajnuna jitqiesu li ma jissodisfawx il-kriterji tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għaldaqstant ikunu eżentati mill-ħtieġa tan-notifika fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati f’dan ir-Regolament.
2.  
L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil xi impriża waħda m’għandhiex tkun iktar minn EUR 200 000 fuq kwalunkwe perijodu ta’ tliet snin fiskali.

L-għajnuna totali de minimis mogħtija lil kull Stat Membru lil xi impriża waħda li twettaq trasport tal-merkanzija bit-triq b’kiri jew bi ħlas ma għandhiex tkun iktar minn EUR 100 000 fuq kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin fiskali. Din l-għajnuna de minimis ma għandhiex tintuża għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq.

3.  
Jekk impriża twettaq trasport tal-merkanzija bit-triq b’kiri jew bi ħlas kif ukoll attivitajiet oħrajn li għalihom japplika l-limitu massimu ta’ EUR 200 000 , il-limitu ta’ EUR 200 000 għandu japplika għall-impriża, sakemm l-Istati Membri kkonċernati jiżguraw b’mezzi xierqa, bħas-separazzjoni tal-attivitajiet jew id-distinzjoni bejn l-ispejjeż, li l-benefiċċju għall-attività tat-trasport tal-merkanzija bit-triq ma jkunx iktar minn EUR 100 000  u li l-ebda għajnuna de minimis ma tintuża għall-akkwist ta’ vetturi għat-trasport tal-merkanzija bit-triq.
4.  
L-għajnuna de minimis għandha titqies li tkun ingħatat fil-mument li l-impriża tingħata d-dritt legali li tirċievi dik l-għajnuna skont ir-reġim legali nazzjonali applikabbli indipendentement mid-data tal-ħlas tal-għajnuna de minimis lill-impriża.
5.  
Il-limiti stabbiliti fil-paragrafu 2 għandhom japplikaw indipendentement mit-tip ta’ għajnuna de minimis jew l-għan ta’ dik l-għajnuna u indipendentement minn jekk l-għajnuna mogħtija mill-Istat Membru hijiex finanzjata totalment jew parzjalment minn riżorsi li joriġinaw mill-Unjoni. Il-perjodu ta’ tliet snin fiskali għandu jiġi ddeterminat b’referenza għas-snin fiskali użati mill-impriża fl-Istat Membru kkonċernat.
6.  
Għall-iskopijiet tal-limiti stipulati fil-paragrafu 2, kull għajnuna għandha tkun espressa bħala għotja ta’ flus. Iċ-ċifri kollha użati għandhom ikunu grossi, jiġifieri, qabel kwalunkwe tnaqqis ta’ taxxa jew ta’ xi tariffi oħrajn. ►C1  Fejn għajnuna tingħata f’forma oħra differenti minn għotja, l-ammont ta’ għajnuna għandu jkun l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna. ◄

Għajnuna pagabbli f’għadd ta’ pagamenti għandha tiġi skontata għall-valur tagħha fil-mument li tingħata. Ir-rata tal-interessi li għandha tintuża għal skopijiet ta’ skont għandha tkun ir-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument li tingħata l-għajnuna.

7.  
Fejn il-limitu massimu rilevanti stabbilit fil-paragrafu 2 jinqabeż permezz tal-għotja ta’ għajnuna ġdida de minimis, l-ebda waħda mill-għajnuna l-ġdida ma tista’ tibbenefika minn dan ir-Regolament.
8.  
Fil-każ ta’ amalgamazzjonijiet jew akkwisti, l-għajnuna kollha de minimis mogħtija lil kull waħda mill-impriżi qabel l-amalgamazzjoni titqies meta jiġi ddeterminat jekk kwalunkwe għajnuna de minimis ġdida lill-impriża l-ġdida jew lill-impriża li takkwistaha taqbiżx il-limitu massimu rilevanti. Għajnuna de minimis li tkun ngħatat legalment qabel l-amalgamazzjoni jew l-akkwiżizzjoni għandha tibqa’ legali.
9.  
Jekk impriża waħda tinqasam f’żewġ impriżi separati jew iktar, l-għajnuna de minimis mogħtija qabel il-qsim għandha tkun allokata lill-impriża li bbenefikat minnha, li bi prinċipju hija l-impriża li tieħu ħsieb l-attivitajiet li għalihom tkun ġiet użata l-għajnuna de minimis. Jekk dik l-allokazzjoni ma tkunx possibbli, l-għajnuna de minimis tiġi allokata proporzjonalment fuq il-bażi tal-valur fil-kontabilità tal-kapital ta’ ismha tal-impriżi l-ġodda fid-data effettiva tal-qsim.

Artikolu 4

▼C1

Kalkolu tal-ekwivalenti tal-għotja gross

1.  
Dan ir-Regolament japplika biss għall-għajnuna li għaliha huwa possibbli li jiġi kkalkulat b’mod preċiż l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-għajnuna ex ante mingħajr il-ħtieġa ta’ valutazzjoni tar-riskju (“għajnuna trasparenti”).

▼B

2.  
Għajnuna li tikkonsisti f’għotjiet jew sussidji fuq ir-rata tal-interessi titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti.
3.  

Għajnuna li tikkonsisti f’self titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a) 

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, biex jinbdew proċeduri kollettivi ta’ stralċ fir-rigward tiegħu fuq talba tal-kredituri tiegħu. Fil-każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-; jew

▼C1

(b) 

is-self ikun assikurat b’garanzija li tkopri mill-inqas 50 % tas-self u s-self ikun ammont ta’ EUR 1 000 000 (jew EUR 500 000 fil-każ ta’ impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) fuq t-tul ta’ żmien ta’ ħames snin jew EUR 500 000 (jew EUR 250 000 fil-każ ta’ impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) fuq tul ta’ żmien ta’ għaxar snin; jekk l-ammont tas-self ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew jingħata għal tul ta’ żmien inqas minn ħames snin jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti tal-għotja gross ta’ dak is-self jiġi kkalkulat bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c) 

l-ekwivalenti tal-għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi tar-rata ta’ referenza applikabbli fil-mument tal-għotja.

▼B

4.  
Għajnuna fil-forma ta’ injezzjonijiet ta’ kapital titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti biss jekk l-ammont totali ta’ injezzjoni mill-fondi pubbliċi ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.

▼C1

5.  
Għajnuna li tikkonsisti f’miżuri ta’ finanzjament tar-riskju li tieħu l-forma ta’ investimenti f’ishma jew fi kważi-ishma, titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti biss jekk il-kapital ipprovdut għal impriża waħda ma jaqbiżx il-limitu massimu de minimis.

▼B

6.  

L-għajnuna li tikkonsisti f’garanziji għandha titqies bħala għajnuna de minimis trasparenti jekk:

(a) 

il-benefiċjarju ma jkunx suġġett għal proċeduri kollettivi ta’ stralċ u lanqas ma jkun jissodisfa l-kriterji biex, skont il-liġi nazzjonali tiegħu, jinbdew kontrieh proċeduri kollettivi ta’ stralċ fuq talba tal-kredituri tiegħu. F’każ ta’ impriżi kbar, il-benefiċjarju jkun f’sitwazzjoni paragunabbli ma’ klassifikazzjoni ta’ kreditu ta’ mill-inqas B-.

▼C1

(b) 

il-garanzija ma tkunx iktar minn 80 % tas-self sottostanti u l-ammont iggarantit ikun EUR 1 500 000 (jew EUR 750 000 fil-każ ta’ impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) u t-tul ta’ żmien tal-garanzija jkun ħames snin jew l-ammont iggarantit ikun EUR 750 000 (jew EUR 375 000 fil-każ ta’ impriżi li jwettqu trasport tal-merkanzija bit-triq) u t-tul ta’ żmien tal-garanzija jkun għaxar snin; jekk l-ammont iggarantit ikun inqas minn dawk l-ammonti u/jew il-garanzija tkun għal tul ta’ żmien inqas minn ħames snin jew għaxar snin rispettivament, l-ekwivalenti tal-għotja gross ta’ dik il-garanzija jiġi kkalkulat bħala proporzjon ekwivalenti għal-limitu massimu stabbilit fl-Artikolu 3(2); jew

(c) 

l-ekwivalenti tal-għotja gross ikun ġie kkalkulat fuq il-bażi ta’ primjums eżentati stipulati f’avviż tal-Kummissjoni; jew

▼B

(d) 

qabel l-implimentazzjoni,

▼C1

(i) 

il-metodoloġija użata biex jiġi kkalkulat l-ekwivalenti tal-għotja gross tal-garanzija tkun ġiet innotifikata lill-Kummissjoni bis-saħħa ta’ Regolament tal-Kummissjoni ieħor fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat applikabbli f’dak iż-żmien u l-Kummissjoni tkun aċċettata bħala konformi mal-Avviż dwar il-Garanziji, jew ma’ kwalunkwe Avviż suċċessiv, u

▼B

(ii) 

dik il-metodoloġija tindirizza b’mod espliċitu t-tip ta’ garanziji u t-tip ta’ tranżazzjoni sottostanti trattati fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

7.  
L-għajnuna li tikkonsisti fi strumenti oħrajn titqies li tkun għajnuna de minimis trasparenti jekk l-istrument jipprovdi għal ammont massimu li jassigura li l-limitu massimu rilevanti applikabbli ma jinqabiżx.

Artikolu 5

Akkumulazzjoni

1.  
Għajnuna de minimis mogħtija skont dan ir-Regolament tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis mogħtija skont ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 ( 2 ) sal-limiti massimi stipulati f’dak ir-Regolament. Din tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna de minimis mogħtija skont regolamenti de minimis oħrajn sal-limitu massimu rilevanti stipulat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament.
2.  
L-għajnuna de minimis ma għandhiex tiġi akkumulata mal-għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-istess spejjeż eliġibbli jew mal-għajnuna mill-Istat għall-istess miżura ta’ finanzjament tar-riskju, jekk akkumulazzjoni bħal dik teċċedi l-ogħla intensità ta’ għajnuna rilevanti jew ammont ta’ għajnuna ffissat fiċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ kull każ permezz ta’ regolament għal eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni. L-għajnuna de minimis li ma tingħatax għal spejjeż eliġibbli speċifiċi jew li ma tkunx attribwibbli għal spejjeż ta’ dak it-tip, tista’ tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra mill-Istat mogħtija skont eżenzjoni ġenerali ta’ kategorija jew deċiżjoni adottata mill-Kummissjoni.

Artikolu 6

Monitoraġġ

1.  
►C1  Meta Stat Membru jkollu l-intenzjoni li jagħti għajnuna de minimis skont dan ir-Regolament lil impriża, huwa jinforma lil dik l-impriża bil-miktub dwar l-ammont tal-għajnuna espress bħala ekwivalenti tal-għotja gross u dwar in-natura de minimis tagħha, billi ssir referenza diretta għal dan ir-Regolament, u billi jiġi kkwotat it-titolu tiegħu u r-referenza tal-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. ◄ Fejn l-għajnuna de minimis tingħata skont dan ir-Regolament lil impriżi differenti fuq il-bażi ta’ skema u jingħataw ammonti differenti ta’ għajnuna individwali lil dawk l-impriżi skont dik l-iskema, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jagħżel li jissodisfa dak l-obbligu billi jinforma lill-impriżi dwar is-somma fissa li tikkorrispondi mal-ammont massimu ta’ għajnuna li tkun se tingħata skont dik l-iskema. F’każ bħal dak, is-somma fissa tintuża biex jiġi determinat jekk ikunx intlaħaq il-limitu massimu rilevanti stipulat fl-Artikolu 3(2). Qabel jagħti l-għajnuna, l-Istat Membru jikseb mingħand l-impriża konċernata dikjarazzjoni, bil-miktub jew f’forma elettronika, dwar kwalunkwe għajnuna de minimis oħra li tkun ingħatatilha skont dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn matul is-sentejn fiskali ta’ qabel u fis-sena fiskali attwali.
2.  
Meta Stat Membru jkun ħejja reġistru ċentrali ta’ għajnuna de minimis li jkun fih informazzjoni kompluta dwar l-għajnuna kollha de minimis mogħtija minn kwalunkwe awtorità fi dak l-Istat Membru, il-paragrafu 1 ma jibqax japplika aktar mill-mument li r-reġistru jkun ikopri perjodu ta’ tliet snin fiskali.
3.  
Stat Membru għandu jagħti għajnuna de minimis ġdida skont dan ir-Regolament biss wara li jkun ivverifika li dan ma jżidx l-ammont totali tal-għajnuna de minimis mogħtija lill-impriża kkonċernata b’mod li jwassal għal livelli ogħla mil-limitu massimu rilevanti stipulat fl-Artikolu 3(2) u li l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament ikunu ġew imħarsa.
4.  
L-Istati Membri għandhom iżommu dokumenti li fihom jirrieġistraw u jiġbru l-informazzjoni kollha dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk id-dokumenti għandhom jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex jintwera li l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunu ġew imħarsa. Id-dokumenti bl-informazzjoni dwar l-għajnuna de minimis individwali jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-għajnuna. Id-dokumenti bl-informazzjoni dwar skema ta’ għajnuna de minimis jinżammu għal perjodu ta’ 10 snin fiskali mid-data li fiha tkun ingħatat l-aħħar għajnuna individwali skont dik l-iskema.
5.  
B’talba bil-miktub, l-Istat Membru kkonċernat għandu jipprovdi lill-Kummissjoni, f’perjodu ta’ 20 jum ta’ xogħol jew f’perjodu itwal li jista’ jiġi ffissat fit-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tqis meħtieġa biex tanalizza jekk il-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ikunux ġew rispettati, u b’mod partikolari l-ammont totali tal-għajnuna de minimis skont it-tifsira ta’ dan ir-Regolament jew skont regolamenti de minimis oħrajn li tkun irċeviet xi impriża.

Artikolu 7

Dispożizzjonijiet tranżitorji

1.  
Dan ir-Regolament japplika għal għajnuna li tkun ingħatat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament jekk l-għajnuna tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha stipulati f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe għanjnuna li ma tissodisfax dawk il-kundizzjonijiet tiġi evalwata mill-Kummissjoni skont l-oqfsa, il-linji gwida, il-komunikazzjonijiet u l-avviżi relevanti.
2.  
Kull għajnuna de minimis mogħtija bejn it-2 ta’ Frar 2001 u t-30 ta’ Ġunju 2007 u li tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 69/2001, titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika kif stipulat fl-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
3.  
Kull għajnuna de minimis mogħtija bejn l-1 ta’ Jannar 2007 u t-30 ta’ Ġunju 2014, li tkun tissodisfa l-kundizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 1998/2006, għandha titqies li ma tissodisfax il-kriterji kollha tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat u għandha għalhekk tkun eżentata mir-rekwiżit ta’ notifika tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
4.  
Fi tmiem il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament, kwalunkwe skema ta’ għajnuna de minimis li tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament tibqa’ koperta minn dan ir-Regolament għal perjodu ulterjuri ta’ sitt xhur.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-1 ta’ Jannar 2014.

▼M1

Għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2023.

▼B

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354 28.12.2013, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 360/2012 tal-25 ta’ April 2012 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal għajnuna de minimis mogħtija lil impriżi li jipprovdu servizzi ta’ interess ekonomiku ġenerali (ĠU L 114, 26.4.2012, p. 8).