02013R1352 — MT — 15.05.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1352/2013

tal-4 ta’ Diċembru 2013

li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali

(ĠU L 341 18.12.2013, p. 10)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2018/582 tat-12 ta' April 2018

  L 98

4

18.4.2018




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1352/2013

tal-4 ta’ Diċembru 2013

li jistabbilixxi l-formoli previsti fir-Regolament (UE) Nru 608/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-infurzar doganali tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali



Artikolu 1

1.  L-applikazzjoni li titlob li l-awtoritajiet doganali jieħdu azzjoni fir-rigward ta’ oġġetti suspettati bi ksur ta’ dritt ta’ proprjetà intellettwali (applikazzjoni) imsemmija fl-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 issir permezz tal-formola stabbilita fl-Anness I għal dan ir-Regolament.

2.  It-talba għal estensjoni tal-perjodu li matulu l-awtoritajiet doganali jridu jieħdu azzjoni (talba ta’ estensjoni) imsemmija fl-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013 issir permezz tal-formola li tinsab fl-Anness II għal dan ir-Regolament.

3.  Il-formoli stabbiliti fl-Annessi I u II jimtlew skont in-noti stabbiliti fl-Anness III.

Artikolu 2

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 5(6) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, il-formoli stabbiliti fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament jistgħu, fejn meħtieġ, ikunu leġibilment mimlija bl-id.

Dawn il-formoli ma għandu jkollhom l-ebda tħassir, kliem miktub fuq l-ieħor jew inkella alterazzjonijiet oħrajn u jkunu jikkonsistu f’żewġ kopji.

Il-formoli miktuba bl-id jimtlew bl-inka u b’ittri kapitali.

Artikolu 3

Ir-Regolament (KE) Nru 1891/2004 huwa rrevokat.

Artikolu 4

Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa jibda japplika mill-1 ta’ Jannar 2014.

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS I

image

image

image

image

image

image

image

image

image

image

▼B




ANNESS II

image

image

image

image




ANESS III

NOTI DWAR KIF TIMTELA L-FORMOLA

I.   L-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-KAXXI TAL-FORMOLA TAL-APPLIKAZZJONI GĦAL AZZJONI STABBILITI FL-ANNESS I LI JRIDU JIMTLEW MILL-APPLIKANT

Oqsma fil-formola mmarkati b’asterisk (*) huma oqsma obbligatorji u jridu jimtlew.

Fejn kaxxa waħda jew aktar huma mmarkati b’sinjal ta’ plus (+) jimtela mill-inqas wieħed minn dawn l-oqsma.

Ebda dejta ma tiddaħħal fil-kaxxi mmarkati “Għall-użu uffiċjali”.

Kaxxa 1:   Applikant

▼M1

Id-dettalji dwar l-applikant għandhom jiddaħħlu f'din il-kaxxa. Din għandha tinkludi tagħrif dwar l-isem u l-indirizz sħiħ tal-applikant, in-Numru ta' Identifikazzjoni tat-Taxxa tiegħu, kwalunkwe numru ta' reġistrazzjoni nazzjonali ieħor jew in-Numru ta' Reġistrazzjoni u Identifikazzjoni bħala Operatur Ekonomiku (Nru-EORI) tiegħu, li huwa numru uniku fl-Unjoni kollha, assenjat minn awtorità doganali fi Stat Membru lil operaturi ekonomiċi involuti f'attivitajiet doganali, in-numru tat-telefown, tat-telefown ċellulari jew tal-faks u l-indirizz elettroniku tiegħu. L-applikant jista' wkoll idaħħal, fejn xieraq, l-indirizz tas-sit web tiegħu.

▼B

Kaxxa 2:   Applikazzjoni tal-Unjoni/Nazzjonali

Tiġi mmarkata l-kaxxa xierqa biex tindika jekk l-applikazzjoni hijiex waħda Nazzjonali jew tal-Unjoni, kif imsemmi fil-punti (10) u (11) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013.

▼M1

Meta l-applikazzjoni tiġi ppreżentata wara li jkun ġie sospiż ir-rilaxx tal-oġġetti jew l-oġġetti jkunu ġew issekwestrati skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, il-kaxxa “Applikazzjoni nazzjonali (ara l-Artikolu 5(3))” għandha tiġi mmarkata.

▼B

Kaxxa 3:   Status tal-applikant

Tiġi mmarkata l-kaxxa adattata biex tindika l-istatus tal-applikant skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013. L-applikazzjoni tkun tinkludi dokumenti li jipprovdu evidenza li tissodisfa d-dipartiment doganali kompetenti li l-applikant huwa intitolat biex jissottometti applikazzjoni.

Kaxxa 4:   Rappreżentant li jissottometti l-applikazzjoni f’isem l-applikant

Meta l-applikazzjoni tiġi ppreżentata mill-applikant permezz ta’ rappreżentant, id-dettalji dwar dak ir-rappreżentant jiddaħħlu f’din il-kaxxa. L-applikazzjoni għandha tinkludi evidenza tas-setgħat tiegħu biex jaġixxi bħala rappreżentant skont il-leġislazzjoni tal-Istat Membru li fih tiġi ppreżentata l-applikazzjoni u tiġi mmarkata l-kaxxa korrispondenti.

Kaxxa 5:   Tip ta’ dritt li tirreferi għalih l-applikazzjoni

It-tip(i) tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (DPI) li jridu jiġu nfurzati ikunu indikati billi tiġi mmarkata l-kaxxa adattata.

Kaxxa 6:   L-Istat Membru jew, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li fih/fihom jintalab l-intervent tal-awtoritajiet doganali

L-Istat Membru jew, fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, l-Istati Membri li fih/fihom jintalab l-intervent jiġi indikat billi tiġi mmarkata l-kaxxa adattata.

Kaxxa 7:   Rappreżentant għal kwistjonijiet legali

Id-dettalji ta’ rappreżentant nominat mill-applikant biex jieħu l-inkarigu ta’ kwistjonijiet legali jiġu indikati f’din il-kaxxa.

Kaxxa 8:   Rappreżentant għal kwistjonijiet tekniċi

Fil-każ li r-rappreżentant għal kwistjonijiet tekniċi huwa differenti mir-rappreżentant indikat fil-Kaxxa 7, id-dettalji tar-rappreżentant għal kwistjonijiet tekniċi jiġu indikati f’din il-kaxxa.

Kaxxa 9:   Dettalji ta’ rappreżentanti nominati għal kwistjonijiet legali u tekniċi fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni

Fil-każ ta’ applikazzjoni tal-Unjoni, id-dettalji tar-rappreżentant jew rappreżentanti nominati mill-applikant biex jieħdu l-inkarigu ta’ kwistjonijiet tekniċi u legali fl-Istati Membri indikati fil-kaxxa 6 jingħataw f’anness separat li jinkludi l-elementi ta’ informazzjoni mitluba fil-kaxxi 7 u 8. Fil-każ li rappreżentant jiġi nominat għal aktar minn Stat Membru wieħed, dan jiġi indikat b’mod ċar għal liema Stati Membri ġie nominat.

Kaxxa 10:   Proċedura għal kunsinni żgħar

▼M1

Meta l-applikant jixtieq jagħmel talba għall-użu tal-proċedura għall-qerda ta' oġġetti f'kunsinni żgħar stabbilita fl-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, għandu jimmarka l-kaxxa x-xierqa tal-Istat Membru, jew tal-Istati Membri fil-każ ta' applikazzjoni tal-Unjoni, fejn jesprimi x-xewqa li tiġi applikata l-proċedura.

▼B

Kaxxa 11:   Lista ta’ drittijiet li tirreferi għalihom l-applikazzjoni

Tagħrif fuq id-dritt jew id-drittijiet li għandhom jiġu infurzati jiddaħħlu f’din il-kaxxa.

Fil-kolonna “Le”, jiddaħħlu n-numri sekwenzjali tal-ordni għal kull wieħed mid-drittijiet tal-proprjetà intellettwali li għalihom tirreferi l-applikazzjoni.

Fil-kolonna “Tip ta’ dritt”, jiġi indikat it-tip ta’ DPI bl-użu adattat ta’ abbrevjazzjonijiet li jidhru fil-kaxxa 5 fil-parentesi.

Fil-kolonna “lista ta’ prodotti li għalihom jirreferi d-dritt”, jiddaħħal it-tip ta’ prodotti li jkunu koperti permezz tad-DPI rilevanti u li fir-rigward tagħhom l-applikant jixtieq jitlob l-infurzar doganali.

Sub-kaxxa “trattament ristrett” fil-kaxxi 12-28

Fejn l-applikant ikun jixtieq jitlob li dik l-informazzjoni pprovduta minnu fil-kaxxi 12-28 tkun is-suġġett ta’ trattament ristrett skont l-Artikolu 31(5) tar-Regolament (UE) Nru 608/2013, din is-sub-kaxxa tiġi immarkata b’salib.

Paġna 2:    Informazzjoni dwar prodotti awtentiċi fil-kaxxi 12-19

Fil-kaxxi 12-19 l-applikant idaħħal, kif xieraq, dejta speċifika u teknika dwar il-prodotti awtentiċi, informazzjoni meħtieġa biex tagħmilha possibbli għall-awtoritajiet doganali li jidentifikaw minnufih il-prodotti suspettati bi ksur tad-DPI u informazzjoni relevanti għall-analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet doganali rigward ir-riskju ta’ ksur tad-DPI konċernat(i).

Kaxxa 12:   Deskrizzjoni dettaljata dwar il-prodotti

Il-kaxxa 12 għandha tinkludi deskrizzjoni tal-prodotti awtentiċi, inklużi simboli grafiċi u ta’ muntatura, il-kodiċi tan-Nomenklatura Maqgħuda tagħhom u l-valur tagħhom fis-suq intern tal-UE. L-applikant, fejn xieraq, jipprovdi stampi ta’ dawk il-prodotti. It-tagħrif jiġi organizzat għal kull tip differenti ta’ prodotti jew diversi tipi ta’ prodotti differenti.

Kaxxa 13:   Karatteristiċi distintivi tal-prodotti

Kaxxa 13 għandha tinkludi tagħrif dwar il-karatteristiċi tipiċi tal-prodotti awtentiċi, bħal marki, tikketti, ħjut tas-sigurta’, ologrammi, buttuni, hangtags u bar-coding, li jindika l-pożizzjoni eżatta tal-karatteristiċi fuq il-prodotti u kif jidhru.

Kaxxa 14:   Post tal-produzzjoni,

Kaxxa 14 għandha tinkludi tagħrif dwar il-post tal-produzzjoni tal-prodotti awtentiċi.

Kaxxa 15:   Kumpaniji involuti

Kaxxa 15 għandha tinkludi tagħrif dwar l-importaturi awtorizzati, il-fornituri, il-manifatturi, it-trasportaturi, il-kunsinnatarji jew l-esportaturi. It-tagħrif jiġi organizzat għat-tipi differenti ta’ prodotti.

Kaxxa 16:   Kummerċjanti

Il-kaxxa 16 għandha tinkludi tagħrif dwar il-persuni jew entitajiet awtorizzati biex jikkummerċjaw fi prodotti li jinvolvu l-użu tad-DPI li għalihom qed jintalab l-infurzar. It-tagħrif għandu tirreferi għall-isem, l-indirizz u n-numri ta’ reġistrazzjoni, bħan-numru EORI, ta’ dawk il-persuni jew entitajiet. Bl-istess mod, it-tagħrif għandu jinkludi informazzjoni dwar kif id-detenturi tal-liċenzja jistgħu juru l-awtorizzazzjoni tagħhom biex jużaw id-DPI in kwistjoni.

Kaxxa 17:   Tagħrif dwar id-dettalji tal-approvazzjoni u d-distribuzzjoni tal-prodotti

Il-kaxxa 17 għandha tinkludi tagħrif dwar kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti awtentiċi, bħal informazzjoni dwar imħażen ċentrali, dipartimenti tad-dispaċċ, mezzi ta’ trasport, rotot tat-trasport u ta’ konsenja, u dwar proċeduri doganali u uffiċċji fejn titwettaq l-approvazzjoni tal-prodotti awtentiċi.

Kaxxa 18:   Pakketti

Din il-kaxxa għandha tinkludi tagħrif dwar l-imballaġġ tal-prodotti awtentiċi, bħal informazzjoni dwar dan li ġej:

(a) it-tip ta’ pakketti, indikat bl-użu tal-kodiċi relevanti kif mogħtija fl-Anness 38 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 ( 1 );

(b) il-karatteristiċi speċifiċi tal-pakketti (pereżempju, marki, tikketti, ħjut tas-sigurtà, ologrammi, buttuni, hangtags u bar-coding), inkluża l-pożizzjoni eżatta tal-karatteristiċi fil-pakkett;

(c) disinji speċjali tal-pakkett (kulur, forma);

(d) fejn xieraq, stampi ta’ dawk il-prodotti.

Kaxxa 19:   Dokumenti allegati

Il-kaxxa 19 għandha tinkludi tagħrif dwar id-dokumenti allegati mal-prodotti awtentiċi, bħal fuljetti, struzzjonijiet ta’ tħaddim, dokumenti ta’ garanzija jew prodotti oħra simili.

Paġna 3:    Tagħrif dwar prodotti foloz fil-kaxxi 20-27

L-applikant għandu jdaħħal fil-kaxxi 20-27, kif xieraq, tagħrif relevanti għall-analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet doganali rigward ir-riskju ta’ ksur tad-DPI konċernat(i).

Kaxxa 20:   Deskrizzjoni dettaljata dwar il-prodotti

Il-kaxxa 20 għandha tinkludi deskrizzjoni ta’ prodotti suspettati li jkunu jiksru d-dritt ta’ proprjetà intellettwali (prodotti foloz), inklużi simboli rigward il-muntatura u simboli grafiċi. L-applikant, fejn xieraq, jipprovdi stampi ta’ dawk il-prodotti. It-tagħrif jiġi organizzat għal kull tip differenti ta’ prodotti jew diversi tipi ta’ prodotti differenti.

Kaxxa 21:   Karatteristiċi distintivi tal-prodotti

Il-kaxxa 21 għandha tinkludi tagħrif dwar il-karatteristiċi distintivi tal-prodotti suspettati bi ksur, bħal marki, tikketti, ħjut tas-sigurtà, ologrammi, buttuni, hangtags u bar-coding, li jindika l-pożizzjoni eżatta tal-karatteristiċi fuq il-merkanzija u l-apparenza tagħhom.

Kaxxa 22:   Post tal-produzzjoni,

Il-kaxxa 22 għandha tinkludi tagħrif dwar il-post tal-oriġini sew jekk magħruf jew suspettati, il-provenjenza u l-post ta’ konsenja tal-prodotti foloz.

Kaxxa 23:   Kumpaniji involuti

Il-kaxxa 23 għandha tinkludi tagħrif fuq l-importaturi, il-fornituri, il-manifatturi, it-trasportaturi, id-destinatarji jew l-esportaturi li jkunu suspettati li jkunu involuti fi ksur tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali relevanti.

Kaxxa 24:   Kummerċjanti

Il-kaxxa 24 għandha tinkludi tagħrif dwar il-persuni jew entitajiet li mhumiex awtorizzati jikkummerċjaw fi prodotti li jinvolvu l-użu tad-DPI li għalihom qed jintalab l-infurzar u li kienu qed jinnegozjaw il-prodotti fl-Unjoni fil-passat.

Kaxxa 25:   Tagħrif dwar id-distribuzzjoni tal-prodotti

Il-kaxxa 25 għandha tinkludi tagħrif dwar il-kanali ta’ distribuzzjoni tal-prodotti foloz, bħal informazzjoni relatata lill-imħażen, dipartimenti ta’ dispaċċ, mezzi ta’ trasport, rotot tat-trasport u l-postijiet ta’ konsenja, u dwar proċeduri doganali u uffiċċji fejn titwettaq l-approvazzjoni tal-prodotti foloz.

Kaxxa 26:   Pakketti

Din il-kaxxa għandha tinkludi tagħrif dwar l-imballaġġ tal-prodotti suspettati bi ksur, bħal informazzjoni dwar dan li ġej:

(a) it-tip ta’ pakketti, indikati bl-użu tal-kodiċijiet relevanti kif mogħtija fl-Anness 38 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93;

(b) il-karatteristiċi tipiċi tal-pakketti (pereżempju, marki, tikketti, ologrammi, buttuni, hangtags u bar-coding), inkluża l-pożizzjoni eżatta tal-karatteristiċi fil-pakkett;

(c) disinji speċjali tal-pakkett (kulur, forma);

(d) fejn xieraq, stampi ta’ dawk il-prodotti.

Kaxxa 27:   Dokumenti ta’ akkumpanjament

Kaxxa 27 għandha tinkludi tagħrif dwar dokumenti li jakkumpanjaw il-prodotti suspettati bi ksur, bħal fuljetti, struzzjonijiet ta’ tħaddim, dokumenti ta’ garanzija jew prodotti oħra simili.

Kaxxa 28:   Informazzjoni addizzjonali

L-applikant jista’ jipprovdi f’kaxxa 28 kwalunkwe tagħrif addizzjonali rilevanti għal analiżi u l-valutazzjoni tal-awtoritajiet doganali tar-riskju ta’ ksur tad-DPI konċernat(i) bħal informazzjoni speċifika li tikkonċerna konsenji ppjanati ta’ prodotti suspettati bi ksur, inkluża informazzjoni speċifika u dettaljata dwar il-mezzi ta’ trasport, il-kontenituri u l-persuni involuti.

Kaxxa 29:   Garanziji

Tagħmilx tibdiliet fil-kliem, u ddaħħalx dejta f’din il-kaxxa.

Kaxxa 30:   Firma

Fil-kaxxa 30, l-applikant jew ir-rappreżentant tal-applikant indikat fil-kaxxa 4 iniżżel il-post u d-data tat-tlestija tal-applikazzjoni u jiffirma. Isem il-firmatarju jitniżżel b’ittri kbar.

II.   SPEĊIFIKAZZJONIJIET TAL-KAXXI TAL-FORMOLA TAT-TALBA GĦAL ESTENSJONI STIPULATI FL-ANNESS II BIEX JIMTLEW MID-DETENTUR TAD-DEĊIŻJONI

Oqsma fil-formola mmarkati b’asterisk (*) huma oqsma obbligatorji u jridu jimtlew.

Fil-kaxxi fejn hemm oqsma mmarkati b’sinjal ta’ plus (+) jimtela mill-inqas wieħed minn dawn l-oqsma.

Iddaħħalx dejta fil-kaxxi mmarkati “għal użu uffiċjali”.

Kaxxa 1:   Dettalji dwar id-detentur tad-deċiżjoni

Id-dettalji dwar id-detentur tad-deċiżjoni jiddaħħlu f’din il-kaxxa.

Kaxxa 2:   Talba ta’ estensjoni

F’din il-kaxxa jiddaħħal in-numru tar-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni inklużi l-ewwel żewġ ċifri li jirrappreżentaw il-kodiċi iso/alpha-2 tal-Istat Membru li jkun ikkonċeda l-applikazzjoni. Id-detentur tad-deċiżjoni jindika jekk ikunx qiegħed jitlob modifiki għat-tagħrif inkluż fl-applikazzjoni billi jimmarka l-kaxxa adattata.

Kaxxa 3:   Firma

Fil-Kaxxa 3, id-detentur tad-deċiżjoni jew ir-rappreżentant tad-detentur tad-deċiżjoni jdaħħal il-post u d-data tat-tlestija tat-talba u jiffirma. Isem il-firmatarju jitniżżel b’ittri kbar.



( 1 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1).