02013R1304 — MT — 02.08.2018 — 002.002
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT (UE) Nru 1304/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 470) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT (UE) 2015/779 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta' Mejju 2015 |
L 126 |
1 |
21.5.2015 |
|
|
REGOLAMENT (UE, Euratom) 2018/1046 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Lulju 2018 |
L 193 |
1 |
30.7.2018 |
|
Ikkoreġut bi:
REGOLAMENT (UE) Nru 1304/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-17 ta' Diċembru 2013
dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006
KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-missjonijiet tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), l-ambitu tal-appoġġ tiegħu, id-dispożizzjonijiet speċifiċi u t-tipi ta' nfiq eliġibbli għall-għajnuna.
Artikolu 2
Missjonijiet
1. L-FSE għandu jippromwovi livelli għoljin ta’ kwalità ta’ impjiegi u xogħol, itejjeb l-aċċess għas-suq tax-xogħol, jappoġġa l-mobbiltà ġeografika u okkupazzjonali tal-ħaddiema u jiffaċilita l-adattament tagħhom għall-bidla industrijali u għall-bidliet fis-sistemi tal-produzzjoni li jinħtieġu għal żviluppi sostenibbli, iħeġġeġ livell għoli ta’ edukazzjoni u taħriġ għal kulħadd u jappoġġa t-tranżizzjoni bejn l-edukazzjoni u l-impjieg għaż-żgħażagħ, jiġġieled kontra l-faqar, isaħħaħ l-inklużjoni soċjali, u jippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi, in-nondiskriminazzjoni u l-opportunitajiet indaqs, u b'hekk ikun qed jikkontribwixxi għall-prijoritajiet tal-Unjoni fir-rigward tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali.
2. L-FSE għandu jwettaq il-missjonijiet stipulati fil-paragrafu 1 billi jappoġġa lill-Istati Membri fil-ħidma għall-kisba tal-prijoritajiet u l-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (l-'istrateġija Ewropa 2020') u billi jippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw l-isfidi speċifiċi tagħhom fir-rigward tal-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020. L-FSE għandu jappoġġa t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet marbuta mal-missjonijiet tiegħu, filwaqt li jqis il-Linji Gwida Integrati rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż rilevanti adottati skont l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) TFUE u, fejn xieraq, fil-livell nazzjonali, il-programmi nazzjonali ta' riforma kif ukoll strateġiji u rapporti nazzjonali oħra rilevanti.
3. L-FSE għandu jkun ta' benefiċċju għall-persuni, inklużi persuni żvantaġġati bħal pereżempju n-nies li jkunu qiegħda fit-tul, in-nies b'diżabbiltajiet, il-migranti, il-minoranzi etniċi, il-komunitajiet marġinalizzati u n-nies ta’ kull età li qed jiffaċċjaw faqar u esklużjoni soċjali. L-FSE għandu wkoll jipprovdi appoġġ għall -ħaddiema, l-impriżi, inklużi atturi fl-ekonomija soċjali, u l intraprendituri, kif ukoll għal sistemi u istrutturi bl-għan li jiffaċilita l-adattament tagħhom għal sfidi ġodda, inkluż it-tnaqqis tal-iżbilanċi fil-ħiliet u l-promozzjoni ta' governanza tajba, progress soċjali, u l-implimentazzjoni ta' riformi, b'mod partikolari fl-oqsma tal-impjiegi, l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-politika soċjali.
Artikolu 3
L-ambitu tal-appoġġ
1. Skont l-objettivi tematiċi msemmijin fil-punti (8), (9), (10) u (11) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, li jikkorrispondu għall-punti (a), (b), (c) u (d) ta' dan il-paragrafu, u skont il-missjonijiet tiegħu, l-FSE għandu jappoġġa l-prijoritajiet ta' investiment li ġejjin:
(a) Għall-objettiv tematiku "il-promozzjoni ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità u l-appoġġ għall-mobbiltà fix-xogħol":
(i) Aċċess għall-impjiegi għal dawk li qed ifittxu xogħol u għall-persuni inattivi, inklużi l-persuni qieg.ħda fit-tul u dawk imbiegħda mis-suq tax-xogħol, kif ukoll permezz ta’ inizjattivi għall-impjiegi lokali u appoġġ għall-mobbiltà tax-xogħol;
(ii) Integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk barra mill-impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, inklużi żgħażagħ f'riskju ta' esklużjoni soċjali u żgħażagħ minn komunitajiet marġinalizzati, inkluż permezz tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;
(iii) Impjieg indipendenti, intraprenditorija u l-ħolqien ta' negozji, inklużi impriżi innovattivi mikro, żgħar u ta' daqs medju;
(iv) Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-oqsma kollha, inkluż l-aċċess għall-impjiegi, il-progressjoni fil-karriera, ir-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja privata u l-promozzjoni ta' paga ugwali għal xogħol ugwali;
(v) L-adattament tal-ħaddiema, l-impriżi u l-intraprendituri għall-bidla;
(vi) It-tixjiħ attiv u f'saħħtu;
(vii) L-immodernizzar tal-istituzzjonijiet tas-swieq tax-xogħol, bħas-servizzi tal-impjieg pubbliċi u privati, u t-titjib tal-allinjament tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż azzjonijiet li jtejbu l-mobilità tax-xogħol transnazzjonali kif ukoll permezz ta’ skemi ta’ mobbiltà u kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet u l-partijiet interessati rilevanti;
(b) Għall-objettiv tematiku "il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u d-kwalunkwe diskriminazzjoni":
(i) Inklużjoni attiva, inkluż bil-ħsieb li jiġu promossi opportunitajiet indaqs u parteċipazzjoni attiva u t-titjib tal-impjegabbiltà;
(ii) Integrazzjoni soċjoekonomika tal-komunitajiet marġinalizzati bħar-Roma;
(iii) Il-ġlieda kontra kull forma ta' diskriminazzjoni u l-promozzjoni ta' opportunitajiet indaqs;
(iv) It-tisħiħ tal-aċċess għal servizzi affordabbli, sostenibbli u ta' kwalità għolja, inkluża l-kura tas-saħħa u s-servizzi soċjali ta' interess ġenerali;
(v) Il-promozzjoni tal-intraprenditorija soċjali u tal-integrazzjoni professjonali fl-impriżi soċjali u l-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà sabiex tiffaċilita l-aċċess għall-impjieg;
(vi) Strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità;
(c) Għall-objettiv tematiku "l-investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ u fit-taħriġ vokazzjonali għal ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja":
(i) It-tnaqqis u l-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u l-promozzjoni ta’ aċċess ugwali għall-edukazzjoni tal-bidu tat-tfulija, primarja u sekondarja li tkun ta' kwalità tajba, inklużi opportunitajiet ta' tagħlim, formali, mhux formali u informali, li jippermettu l-integrazzjoni mill-ġdid fl-edukazzjoni u t-taħriġ;
(ii) It-titjib tal-kwalità, l-effiċjenza ta' u l-aċċess għall-edukazzjoni terzjarja u ekwivalenti bl-għan li jiżdiedu l-livelli ta' parteċipazzjoni u ta' kisba, speċjalment għall-gruppi żvantaġġati;
(iii) It-tisħiħ tal-aċċess ugwali għat-tagħlim tul il-ħajja għall-etajiet kollha f'ambjenti formali, mhux formali u informali, l-aġġornament tal-għarfien, tal-ħiliet u tal-kompetenzi tal-forza tax-xogħol, u l-promozzjoni ta' opportunatijiet flessibbli ta' tagħlim inkluż permezz ta' gwida tal-karriera u l-validazzjoni tal-kompetenzi miksuba;
(iv) It-titjib fir-rilevanza tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ għas-suq tax-xogħol, l-iffaċilitar tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni għax-xogħol, it-tisħiħ tal-edukazzjoni professjonali u s-sistemi tat-taħriġ u l-kwalità tagħhom, inkluż permezz ta' mekkaniżmi għall-antiċipazzjoni tal-ħiliet, l-adattament tal-kurrikuli u l-istabbiliment u l-iżvilupp ta' sistemi tat-tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol, inklużi sistemi ta' tagħlim doppju u skemi ta' apprendistat;
(d) Għall-objettiv tematiku "it-titjib tal-kapaċità istituzzjonali tal-awtoritajiet pubbliċi u tal-partijiet interessati u l-amministrazzjoni pubblika effiċjenti":
(i) Investiment fil-kapaċità istituzzjonali u fl-effiċjenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-servizzi pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali bl-għan li jkun hemm riformi, regolamentazzjoni aħjar u governanza tajba;
Din il-prijorità ta' investiment tapplika biss fl-Istati Membri li huma eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta’ Koeżjoni, jew fl-Istati Membri li jkollhomreġjun NUTS wieħed jew aktar tal-livell 2 kif imsemmi fl-Artikolu 90(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
(ii) Il-bini tal-kapaċitajiet għall-partijiet interessati kollha li jwasslu edukazzjoni, tagħlim tul il-ħajja, taħriġ u politika tal-impjiegi u politika soċjali, inkluż permezz ta' patti settorjali u territorjali għall-mobilizzazzjoni tar-riformi fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali.
2. Permezz tal-prijoritajiet ta' investiment elenkati fil-paragrafu 1, l-FSE għandu wkoll jikkontribwixxi għall-objettivi tematiċi l-oħra elenkati fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, primarjament billi:
(a) Jappoġġa l-bidla lejn ekonomija baxxa fil-karbonju, reżistenti għat-tibdil fil-klima, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ambjentalment sostenibbli, permezz tat-titjib tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ meħtieġ għall-adattament tal-ħiliet u l-kwalifiki, it-titjib tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda f'setturi relatati mal-ambjent u l-enerġija;
(b) It-titjib tal-aċċessibbiltà tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-użu u l-kwalità tagħhom, permezz tal-iżvilupp tal-kompetenza diġitali u t-tagħlim elettroniku, u l-investiment fl-inklużjoni diġitali, il-ħiliet diġitali u l-ħiliet intraprenditorjali relatati;
(c) It-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni teknoliġiċi, permezz tal-iżvilupp tal-istudji postuniversitarji u l-ħiliet intraprenditorjali, it-taħriġ tar-riċerkaturi, l-attivitajiet ta' netwerking u s-sħubijiet bejn istituzzjonijiet ta' edukazzjoni għolja, iċ-ċentri tar-riċerka u tat-teknoloġija u l-impriżi;
(d) It-tisħiħ tal-kompetittività u tas-sostenibbiltà fit-tul tal-impriżi żgħar u u ta' daqs medju, permezz tal-promozzjoni tal-adattabbiltà tal-impriżi, tal-maniġers u tal-ħaddiema, aktar investiment fil-kapital uman, u l-appoġġ għall-korpi li jipprovdu taħriġ u edukazzjoni professjonali orjentati lejn il-prattika.
Artikolu 4
Konsistenza u konċentrazzjoni tematika
1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istrateġija u l-azzjonijiet stabbiliti fil-programmi operazzjonali tagħhom ikunu konsistenti u jindirizzaw l-isfidi identifikati fil-programmi nazzjonali ta' riforma tagħhom, kif ukoll, fejn rilevanti, fl-istrateġiji nazzjonali l-oħra tagħhom immirati lejn il-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-esklużjoni soċjali, u wkoll fir-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill adottati f'konformità mal-Artikolu 148(4) TFUE, sabiex jikkontribwixxu għall-kisba tal-miri ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar.
2. Mill-inqas 20 % tar-riżorsi totali tal-FSE f'kull Stat Membru għandhom jiġu allokati għall-objettiv tematiku "Il-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u kull forma ta' diskriminazzjoni" stabbilit fil-punt (9) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
3. L-Istati Membri għandhom ikomplu jwettqu l-konċentrazzjoni tematika skont il-modalitajiet li ġejjin:
(a) Għar-reġjuni aktar żviluppati, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw mill-inqas 80 % tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull programm operattiv fuq mhux aktar minn ħamsa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).
(b) Għar-reġjuni ta' tranżizzjoni, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw mill-inqas 70 % tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull programm operattiv fuq mhux aktar minn ħamsa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).
(c) Għar-reġjuni inqas żviluppati, l-Istati Membri għandhom jikkonċentraw mill-inqas 60 % tal-allokazzjoni tal-FSE għal kull programm operattiv fuq mhux aktar minn ħamsa mill-prijoritajiet ta' investiment stabbiliti fl-Artikolu 3(1).
4. L-assijiet ta' prijorità msemmijin fl-Artikolu 11(1) għandhom jiġu esklużi mill-kalkolu tal-perċentwali speċifikati fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu.
Artikolu 5
Indikaturi
1. ►C1 Għandhom jintużaw indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati, kif stabbilit fl-Anness I għal dan ir-Regolament, u, fejn rilevanti, indikaturi speċfiċi għal kull programm skont l-Artikolu 27(4) u l-Artikolu 96(2)(b)(ii) u (iv) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. L-indikaturi komuni kollha tal-output u tar-riżultati għandhom jiġu rappurtati għall-prijoritajiet ta' investiment kollha. ◄ L-indikaturi tar-riżultati stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament għandhom jiġu rapportati skont l-Artikolu 5(2a) ta' dan ir-Regolament. Fejn applikabbli, id-data għandha titqassam skont is-sess.
Għall-indikaturi tal-output komuni u dawk speċifiċi għal kull programm, il-valuri bażi għandhom jiġu stabbiliti fil-livell ta' żero. Fejn ikun rilevanti għax-xorta tal-operazzjonijiet appoġġjati, il-valuri ta' mira kwantifikati kumulattivi għal dawk l-indikaturi għandhom jiġu ffissati għall-2023. L-indikaturi tal-output għandhom jiġu espressi f'numri assoluti.
Għandhom jiġu ffissati linji ta' bażi li jużaw l-aħħar data disponibbli jew ta' sorsi ta' informazzjoni rilevanti oħra għal dawk l-indikaturi tal-produzzjoni komuni u dawk speċifiċi għal kull programm li għalihom ġie stabbilit valur ta’ mira kwantifikat kumulattiv għall-2023. L-indikaturi tar-riżultati speċifiċi għal kull programm u l-miri relatati jistgħu jiġu espressi f'termini kwantitattivi jew kwalitattivi.
2. Barra mill-paragrafu 1, l-indikaturi tar-riżultati kif stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament għandhom jintużaw għall-operazzjonijiet kollha appoġġati fil-qafas tal-prijorità ta’ investiment kif imsemmi fl-Artikolu 3(1)(a)(ii) għall-implimentazzjoni tal-YEI. L-indikaturi kollha stabbiliti fl-Anness II għal dan ir-Regolament għandhom jiġu marbuta ma’ valur ta’ mira kumulattiva kwantifikata għall-2023 u ma' valur bażi.
3. Flimkien mar-rapporti tal-implimentazzjoni annwali, kull awtorità ta' ġestjoni għandha tittrażmetti data strutturata b'mod elettroniku għal kull prijorità ta' investiment. ►C1 Id-data għandha titressaq għall-kategoriji ta' intervent imsemmija fl-Artikolu 96(2)(b)(vi) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u l-indikaturi tal-output u tar-riżultati. B'deroga mill-Artikolu 50(2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, id-data trażmessa għal indikaturi tal-output u tar-riżultati għandha tkun relatata ma' valuri għal operazzjonijiet implimentati parzjalment jew kompletament. ◄
KAPITOLU II
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-IPPROGRAMMAR U L-IMPLIMENTAZZJONI
Artikolu 6
Involviment tas-sħab
1. Il-parteċipazzjoni tas-sħab imsemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 1303/2013 fl-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali jistgħu jieħdu l-forma ta' għotjiet globali kif definiti fl-Artikolu 123(7) tar-Regolament (KE) Nru 1303/2013. F' każijiet tali, il-progamm operattiv għandu jidentifika l-parti tal-programm operazzjonali kkonċernat mill-għotja globali, inkluża allokazzjoni finanzjarja indikattiva minn kull assi prijoritarju lilu.
2. Sabiex titħeġġeġ parteċipazzjoni xierqa tas-sħab soċjali f'azzjonijiet appoġġati mill-FSE, l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programm operattiv f'reġjun definit fl-Artikolu 90(2)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew fi Stat Membru eliġibbli għall-appoġġ mill-Fond ta' Koeżjoni għandhom jiżguraw li, skont il-bżonnijiet, jiġi allokat ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE għall-attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet, fil-forma ta' taħriġ, miżuri ta' netwerking, u t-tisħiħ tad-djalogu soċjali, u għal attivitajiet li jitwettqu b'mod konġunt mis-sħab soċjali.
3. Sabiex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni adegwata ta', u l-aċċess minn, organizzazzjonijiet mhux governattivi f'azzjonijiet u għal azzjonijiet appoġġati mill-FSE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-inklużjoni soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, l-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' programm operattiv f'reġjun definit fl-Artikolu 90(2)(a) jew (b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 jew fi Stat Membru li jkun eliġibbli għall-appoġġ mill-fond ta' koeżjoni għandhom jiżguraw li ammont xieraq tar-riżorsi tal-FSE jiġi allokat għall-bini tal-kapaċitajiet għall-organizzazzjonijiet mhux governattivi.
Artikolu 7
Promozzjoni tal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa permezz tal-mainstreaming kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 matul it-tħejjija, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-programmi operazzjonali. Permezz tal-FSE l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jappoġġaw ukoll azzjonijiet b'mira speċifika fi ħdan kwalunkwe waħda mill-prijoritajiet ta' investiment imsemmijin fl-Artikolu 3, u, b'mod partikolari fl-Artikolu 3(1)(a)(iv) ta' dan ir-Regolament, bl-għan li tiżdied il-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa fl-impjiegi, biex b'hekk tiġi miġġielda l-femminizzazzjoni tal-faqar, titnaqqas is-segregazzjoni bbażata fuq is-sessi, jiġu miġġielda l-isterjotipi skont is-sessi fis-suq tax-xogħol u fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u jiġu promossi r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja personali għal kulħadd kif ukoll il-qsim ugwali tar-responsabbiltajiet tal-kura bejn in-nisa u l-irġiel.
Artikolu 8
Promozzjoni tal-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni
L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jippromwovu l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd, mingħajr diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, permezz tal-mainstreaming tal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Permezz tal-FSE, l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jappoġġaw ukoll azzjonijiet speċifiċi fi ħdan kwalunkwe waħda mill-prijoritajiet ta' investiment imsemmija fl-Artikolu 3, u b'mod partikolari l-Artikolu 3(1)(b)(iii) ta' dan ir-Regolament. Tali azzjonijiet għandhom jimmiraw li jiġġieldu kull forma ta' diskriminazzjoni kif ukoll itejbu l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltà, bil-ħsieb li tittejjeb l-integrazzjoni fl-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ, u b'hekk tissaħħaħ l-inklużjoni soċjali, jitnaqqsu l-inugwaljanzi f'termini ta' kisba edukattiva u l-istat tas-saħħa u tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni mill-kura istituzzjonali għal waħda mmexxija mill-komunità b'mod partikolari għal dawk li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla.
Artikolu 9
L-innovazzjoni soċjali
1. L-FSE għandu jippromwovi l-innovazzjoni soċjali fi ħdan l-oqsma kollha li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu, kif definit fl-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament, b'mod partikolari bl-għan li jiġu ttestjati, evalwati u mtejba s-soluzzjonijiet innovattivi, inkluż fil-livell lokali jew reġjonali, sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet soċjali fi sħubija mas-sħab rilevanti u, b'mod partikolari, s-sħab soċjali.
2. L-Istati Membri għandhom jidentifikaw, fil-programmi operazzjonali tagħhom jew fi stadju aktar tard matul l-implimentazzjoni, l-oqsma għall-innovazzjoni soċjali li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istati Membri.
3. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-bini tal-kapaċitajiet għall-innovazzjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ għat-tagħlim reċiproku, l-istabbiliment ta' netwerks, u t-tixrid u l-promozzjoni ta' prassi u metodoloġiji tajbin.
Artikolu 10
Kooperazzjoni transnazzjonali
1. L-Istati Membri għandhom jappoġġaw il-kooperazzjoni transnazzjonali bl-għan li jippromwovu t-tagħlim reċiproku, biex b'hekk iżidu l-effikaċja tal-linji politiċi appoġġati mill-FSE. Il-kooperazzjoni transnazzjonali għandha tinvolvi sħab minn mhux inqas minn żewġ Stati Membri.
2. B'deroga mill-paragrafu 1, l-Istati Membri bi programm operattiv wieħed appoġġat mill-FSE jew bi programm operattiv wieħed appoġġat minn diversi fondi jistgħu eċċezzjonalment jagħżlu li ma jappoġġawx azzjonijiet ta' kooperazzjoni transnazzjonali, f'każijiet ġustifikati kif jistħoqq u b'kunsiderazzjoni tal-prinċipju tal-proporzjonalità.
3. L-Istati Membri, fi sħubija mas-sħab rilevanti, jistgħu jagħżlu temi għal kooperazzjoni transnazzjonali minn lista ta' temi komuni proposta mill-Kummissjoni u approvata mill-Kumitat imsemmi fl-Artikolu 25 jew jagħżlu temi oħra li jikkorispondu għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.
4. Il-Kummissjoni għandha tiffaċilita l-kooperazzjoni transnazzjonali dwar it-temi komuni tal-lista msemmija fil-paragrafu 3 u, fejn xieraq, temi oħra magħżula minn Stati Membri permezz tat-tagħlim reċiproku u l-azzjoni koordinata jew konġunta. B'mod partikolari, il-Kummissjoni għandha tħaddem pjattaforma fil-livell tal-UE biex tiffaċilita l-istabbiliment ta' sħubijiet transnazzjonali, l-iskambju ta' esperjenzi, il-bini tal-kapaċitajiet u n-netwerking u l-kapitalizzazzjoni fuq ir-riżultati rilevanti u t-tixrid tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha tiżviluppa qafas ta' implimentazzjoni koordinat, inklużi kriterji ta' eliġibbiltà komuni, tipi ta' azzjonijiet u ffissar taż-żmien għalihom, u approċċi metodoloġiċi komuni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, bl-għan li tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni transnazzjonali.
Artikolu 11
Dispożizzjonijiet speċifiċi għall-fond għal programmi operazzjonali
1. B'deroga mill-Artikolu 96(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-programmi operattivi jistgħu jistabbilixxu assijiet prijoritarji għall-implimentazzjoni tal-innovazzjoni soċjali u l-kooperazzjoni transnazzjonali kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament.
2. B'deroga mill-Artikolu 120(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ir-rata ta' kofinanzjament massima għal assi prijoritarju għandha tiżdied b'10 % għaxar punti perċentwali, iżda m'għandhiex tisboq il-100 %, meta assi prijoritarju sħiħ ikun dedikat għall-innovazzjoni soċjali jew għall-kooperazzjoni transnazzjonali, jew taħlita tat-tnejn.
3. Minbarra d-dispożizzjoni magħmula fl-Artikolu 96(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-programmi operazzjonali għandhom ukoll jistabbilixxu l-kontribut tal-azzjonijiet ippjanati appoġġati mill-FSE għal:
(a) l-objettivi tematiċi elenkati fil-punti (1) sa (7) tal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għal kull assi prijoritarju, kif xieraq;
(b) l-innovazzjoni soċjali u l-kooperazzjoni transnazzjonali, kif imsemmi fl-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament, meta ma jkunux koperti minn assi prijoritarju dedikat.
Artikolu 12
Disposizzjonijiet speċifiċi dwar it-trattament ta’ karatterisitiċi territorjali speċjali
1. L-FSE jista' jappoġġa strateġiji għall-iżvilupp lokali mmexxija mill-komunità f'żoni urbani u rurali, kif imsemmi fl-Artikolu 32, 33 u 34tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 patti territorajli u inizjattivi lokali għall-impjiegi, inkluż l-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u l-inklużjoni soċjali, kif ukoll investimenti territorjali Integrati (ITI) kif imsemmi fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
2. Bħala komplement għall-interventi tal-FEŻR kif imsemmi fl-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ), l-FSE jista' jappoġġa l-iżvilupp urban sostenibbli permezz ta' strateġiji li jistabbilixxu azzjonijiet integrati sabiex jindirizzaw l-isfidi ekonomiċi, ambjentali u soċjali li jaffettwaw iż-żoni urbani identifikati mill-Istati Membri abbażi tal-prinċipji stabbiliti fil-ftehimiet ta' sħubija rispettivi tagħhom.
KAPITOLU III
DISPOŻIZZJONIJIET SPEĊIFIĊI GĦALL-ĠESTJONI FINANZJARJA
Artikolu 13
Eliġġibbiltà tan-nefqa
1. L-FSE għandu jipprovdi appoġġ għan-nefqa eliġibbli li, kif imsemmi fl-Artikolu 120(2)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jista' jinkludi kwalunkwe riżorsa finanzjarja kollettivament kontribwita minn min iħaddem u mill-ħaddiema.
2. L-FSE jista' jipprovdi appoġġ għan-nefqa mħarrba għal operazzjonijiet li jsiru 'l barra miż-żona tal-programm, iżda fl-Unjoni, dment li jiġu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-operazzjoni tkun għall-benefiċċju taż-żona tal-programm;
(b) l-obbligi tal-awtoritajiet għall-programm operazzjonali relatati mal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar fir-rigward tal-operazzjoni jkunu ssodisfati mill-awtoritajiet responsabbli għall-programm operazzjonali li fil-qafas tiegħu tiġi appoġġata l-operazzjoni jew jidħlu fi ftehim mal-awtoritajiet fl-Istati Membri li fihom tkun implimentata l-operazzjoni dment f'dak l-Istat Membru jkunu ssodisfati l-obbligi relatati mal-ġestjoni, il-kontroll u l-awditjar fir-rigward tal-operazzjoni.
Fejn l-operazzjonijiet li jaqgħu taħt il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu jkollhom benefiċċju wkoll għaż-żona tal-programm fejn ikunu implimentati, in-nefqa għandha tiġi allokata lil dawk iż-żoni tal-programm fuq bażi pro rata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi.
3. Sa limitu ta' 3 % tal-baġit ta' programm operazzjonali ffinanzjat mill-FSE jew il-parti tal-FSE ta' programm operattiv iffinanzjat minn diversi fondi, in-nefqa imġarrba barra mill-Unjoni għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSE dment li din tikkonċerna l-objettivi tematiċi skont l-Artikolu 3(1)(a) jew l-Artikolu 3(1)(c) u dment li l-kumitat ta' monitoraġġ rilevanti jkun qabel mal-operazzjoni jew mat-tipi ta' operazzjonijiet ikkonċernati.
4. Minbarra n-nefqa msemmija fl-Artikolu 69(3) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ix-xiri tal-infrastruttura, l-art u l-proprjetà wkoll ma għandux ikun eliġibbli għal kontribut mill-FSE.
5. Il-kontribuzzjonijiet in natura fil-forma ta' għotjiet jew salarji żbursati minn parti terza għall-benefiċċju tal-parteċipanti f'operazzjoni jistgħu jkunu eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FSE dment li tali kontribuzzjonijiet in natura jkunu mġarrba skont ir-regoli nazzjonali, inklużi r-regoli tal-kontabbiltà, u ma jaqbżux l-ispiża mġarrba mill-parti terza.
Artikolu 14
Għażliet ta’ spejjeż simplifikati
1. Minbarra l-għażliet msemmija fl-Artikolu 67 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, il-Kummissjoni tista' tħallas lura n-nefqa mħallsa mill-Istati Membri fuq il-bażi tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa definiti mill-Kummissjoni. L-ammonti kkalkolati fuq din il-bażi għandhom jitqiesu bħala appoġġ pubbliku mħallas lill-benefiċjarji u bħala nefqa eliġibbli għall-iskop li jiġi applikat ir-Regolament (UE) 1303/2013.
Għall-iskop tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 24 dwar it-tip ta' operazzjonijiet koperti, id-definizzjonijiet tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa u l-ammonti massimi tagħhom, li jistgħu jiġu aġġustati skont il-metodi normalment miftiehma applikabbli, filwaqt li jitqiesu kif jistħoqq l-esperjenzi li jkunu saru bħala parti mill-perjodu preċedenti ta' programmar.
L-awditjar finanzjarju għandu jimmira esklużivament li jivverifika li l-kundizzjonijiet għall-ħlas lura mill-Kummissjoni abbażi tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa jkunu ġew issodisfati.
Meta jintuża finanzjament fuq il-bażi tal-iskali standard tal-ispejjeż unitarji u s-somom f'daqqa, skont l-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru jista' japplika l-prassi tal-kontabbiltà tiegħu għall-appoġġ tal-operazzjonijiet. Għall-iskop ta’ dan ir-Regolament u r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tali prassi tal-kontabbiltà u l-ammonti li jirriżultaw ma għandhomx ikunu soġġetti għall-awditjar mill-awtorità tal-awditjar jew mill-Kummissjoni.
-1. Ir-regoli ġenerali applikabbli għall-għażliet ta’ kostijiet issimplifikati taħt l-FSE huma stabbiliti fl-Artikoli 67, 68, 68a u 68b tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
▼M2 —————
Artikolu 15
Strumenti finanzjarji
Skont l-Artikolu 37 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-FSE jista' jappoġġa azzjonijiet u linji politiċi li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu permezz ta' strumenti finanzjarji, inklużi mikrokrediti u fondi ta' garanzija.
KAPITOLU IV
L-INIZJATTIVA FAVUR L-IMPJIEG TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ
Artikolu 16
L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ
Il- YEI għandha ssostni l-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fir-reġjuni eliġibbli tal-Unjoni, permezz tal-għoti ta’ appoġġ għal azzjonijiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 3(1)(a)(ii) ta' dan ir-Regolament. Din għandha timmira lejn iż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 25 sena li jkunu barra minn impjieg, edukazzjoni jew taħriġ, li jirrisjedu f'reġjuni eliġibbli, li jkunu inattivi jew qiegħda, inklużi dawk qiegħda fit-tul, u kemm jekk reġistrati bħala li qegħdin ifittxu x-xogħol, jew le. Fuq bażi volontarja, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jestendu l-grupp fil-mira biex jinkludi żgħażagħ taħt l-età ta' 30 sena.
Għall-fini tal-YEI għall-perjodu 2014-2015, "ir-reġjuni eliġibbli" huma dawk ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 li għandhom rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ minn 15 sa 24 sena ta' aktar minn 25 % fl-2012 u, għall-Istati Membri fejn ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ żdiedet b'aktar minn 30 % fl-2012, ir-reġjuni tal-livell NUTS 2 b'rati ta' qgħad fost iż-żgħażagħ ta' aktar minn 20 % fl-2012.
Ir-riżorsi għall-YEI jistgħu jiġu riveduti 'l fuq għas-snin 2016-2020 fil-qafas tal-proċedura baġitarja f'konformità mal-Artikolu 14 tar-Regolament (UE) Nru 1311/2013 Biex jiġu ddeterminati r-reġjuni eliġibbli għall-YEI għall-perjodu 2016-2020, ir-referenza għal data tal-2012 fit-tieni subparagrafu għandha tinftiehem bħala referenza għall-aħħar data annwali disponibbli. It-tqassim tar-riżorsi addizzjonali skont kull Stat Membru għandu jsegwi l-istess passi bħall-allokazzjoni inizjali skont l-Anness VIII għar-Regolament (UE) Nru 1303/2013
Bi ftehim mal-Kummissjoni, l-Istati Membri jistgħu’ jiddeċiedu li jallokaw ammont limitat li ma jaqbiżx l-10 % tal-fondi fil-qafas tal-YEI għal żgħażagħ residenti f’sottoreġjuni li jesperjenzaw livelli għolja ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ u li jkunu barra mir-reġjuni eliġibbli tal-livell NUTS 2.
Artikolu 17
Konċentrazzjoni tematika
L-allokazzjoni speċifika għall-YEI m’għandhiex tiġi kkunsidrata għall-iskop tal-kalkolu tal-konċentrazzjoni tematika msemmija fl-Artikolu 4.
Artikolu 18
Programmar
Il-YEI hija integrata fl-ipprogrammar tal-FSE skont l-Artikolu 96 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Fejn xieraq, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-arranġamenti tal-ipprogrammar għall-YEI fil-ftehim ta’ sħubija rispettiv tagħhom u fil-programmi operazzjonali tagħhom.
L-arranġamenti ta' pprogrammar jistgħu jieħdu waħda jew aktar mill-forom li ġejjin:
(a) programm operattiv dedikat
(b) assi ta’ prijorità dedikat fi ħdan programm operattiv;
(c) parti minn assi wieħed jew aktar ta' prijorità.
L-Artikoli 9 u 10 ta' dan ir-Regolament għandhom japplikaw ukoll għall-YEI.
Artikolu 19
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1. Flimkien mal-funzjonijiet tal-kumitat ta' monitoraġġ stipulati fl-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, mhux inqas minn darba fis-sena, il-kumitat ta’ monitoraġġ għandu jeżamina l-implimentazzjoni tal-YEI fil-kuntest tal-programm operazzjonali u tal-progress magħmul lejn il-kisba tal-objettivi tagħha.
2. Ir-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni u r-rapport finali kif imsemmija fl-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandu jinkludi informazzjoni addizzjonali dwar l-implimentazzjoni tal-YEI. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Parlament Ewropew ġabra fil-qosor ta' dawk ir-rapporti kif imsemmi fl-Artikolu 53(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
Il-Kummissjoni għandha tattendi d-dibattitu annwali tal-Parlament Ewropew dwar dawk ir-rapporti.
3. Minn April 2015 u għas-snin sussegwenti, u fl-istess waqt tar-rapporti annwali ta’ implimentazzjoni msemmijin fl-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, l-awtorità ta' ġestjoni għandha tittrażmetti elettronikament lill-Kummissjoni data strutturata għal kull assi prijoritarju jew għal kwalunkwe parti minnu li tappoġġa l-YEI. Id-data dwar l-indikaturi trażmessa għandha tkun relatata ma’ valuri għall-indikaturi stabbiliti fl-Annessi I u II għal dan ir-Regolament u, fejn applikabbli, ma’ indikaturi speċifiċi għal kull programm. Dawn għandhom ikunu relatati ma' operazzjonijiet implimentati parzjalment jew kompletament.
4. Ir-rapporti ta' implimentazzjoni annwali msemmija fl-Artikolu 50(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, jew, fejn applikabbli, ir-rapport ta' progress imsemmi fl-Artikolu 111(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-rapport annwali ta' implimentazzjoni mressaq sal-31 ta' Mejju 2016, għandhom jippreżentaw is-sejbiet ewlenin tal-evalwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 6 ta' dan l-Artikolu. Ir-rapporti għandhom ukoll jistabbilixxu u jivvalutaw il-kwalità tal-offerti ta' impjiegi li jkunu rċevew il-parteċipanti tal-YEI, inklużi żgħażagħ żvantaġġati, dawk minn komunitajiet marġinalizzati u dawk li jitilqu l-edukazzjoni mingħajr kwalifiki. Ir-rapporti għandhom ukoll jistabbilixxu u jivvalutaw il-progress tagħhom fl-edukazzjoni kontinwa, fis-sejbien ta' impjiegi sostenibbli u deċenti, jew fiċ-caqliq f'apprendistat jew traineeships ta' kwalità.
5. Ir-rapporti ta' progress imsemmijin fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom jinkludu informazzjoni addizzjonali dwar l-YEI u jivvalutaw l-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni għandha tittrażmetti lill-Parlament Ewropew ġabra fil-qosor ta' dawn ir-rapporti kif imsemmi fl-Artikolu 53(2) ta' dak ir-Regolament u għandha tattendi d-dibattitu tal-Parlament Ewropew dwar dawk ir-rapporti.
6. Mhux inqas minn darbtejn waqt il-perjodu ta’ programmar, għandha ssir evalwazzjoni biex tivvaluta l-effikaċja, l-effiċjenza u l-impatt tal-appoġġ konġunt mill-FSE u l-allokazzjoni speċifika għall-YEI u l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.
L-ewwel evalwazzjoni għandha titlesta sal-31 ta' Diċembru 2015 u t-tieni evalwazzjoni sal-31 ta' Diċembru 2018.
Artikolu 20
Miżuri ta' informazzjoni u komunikazzjoni
1. Il-benefiċjarji għandhom jiżguraw li dawk li jieħdu sehem f’operazzjoni jkunu informati speċifikament dwar l-appoġġ tal-YEI pprovdut permezz ta' finanzjament mill-FSE u l-allokazzjoni speċifika tal-YEI.
2. Kull dokument rigward l-implimentazzjoni ta’ operazzjoni u li jinħareġ għall-pubbliku jew għall-parteċipanti, inklużi ċertifikati ta' attendenza jew ċertifikati oħra, għandu jinkludi stqarrija li turi li l-programm operattiv kien sostnut mill-YEI.
Artikolu 21
Assistenza teknika
L-allokazzjoni speċifika għall-YEI tista’ tiġi ikkunsidrata mill-Istati Membri fil-kalkolu tal-limitu fuq l-ammont totali tal-fondi allokati għal assistenza teknika għal kull Stat Membru.
Artikolu 22
Appoġġ finanzjarju
1. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tadotta programm operattiv għandha tiffissa l-ammont massimu ta’ appoġġ mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI u l-appoġġ korrispondenti mill-FSE, bħala ammont globali u wkoll skont il-kategorija tar-reġjuni, għal kull assi ta’ prijorità. L-appoġġ korrispondenti mill-FSE għandu tal-inqas jilħaq l-appoġġ mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għal kull assi ta’ prijorità.
2. Abbażi tal-ammonti msemmijin fil-paragrafu 1, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha wkoll tiffissa l-proporzjon bejn il-kategoriji tar-reġjuni għall-appoġġ mill-FSE għal kull assi ta' prijoritá.
3. Meta l-YEI tkun implimentata permezz ta' assi prijoritarju speċifiku li jkopri reġjuni eliġibbli minn aktar minn kategorija waħda, għandha tapplika l-ogħla rata ta' kofinanzjament fir-rigward tal-allokazzjoni tal-FSE.
L-allokazzjoni speċifika għall-YEI m'għandhiex tkun soġġetta għar-rekwiżit tal-kofinanzjament nazzjonali.
Ir-rata globali tal-kofinanzjament tal-assi ta' prijorità ffissata permezz tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi kkalkulata billi tiġi kkunsidrata r-rata ta' kofinanzjament tal-allokazzjoni tal-FSE flimkien mal-allokazzjoni speċjali għall-YEI.
Artikolu 22a
Ħlas ta' ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali għal programmi operazzjonali appoġġati mill-YEI
1. Minbarra l-ammont ta' prefinanzjament inizjali mħallas skont il-punt (b) tal-Artikolu 134(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għandu jitħallas fl-2015 għall-programmi operazzjonali kollha appoġġati mill-YEI, irrispettivament mill-għamla tal-arranġament ta' programmar f'konformità mal-Artikolu 18 ta' dan ir-Regolament, sabiex il-prefinanzjament inizjali mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI jiżdied għal 30 % (l-“ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali”).
2. Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali, l-ammonti mħallsa mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għall-programm operazzjonali f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 134(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għandhom jitnaqqsu.
3. Jekk, sat-23 ta' Mejju 2016, Stat Membru ma jressaqx applikazzjonijiet ta' ħlas interim fejn il-kontribuzzjoni tal-Unjoni mill-YEI tkun ugwali għal mill-inqas 50 % tal-ammont ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali, li l-Istati Membri għandhom jirrimborżaw lill-Kummissjoni l-ammont totali ta' prefinanzjament inizjali addizzjonali mħallas f'konformità mal-paragrafu 1. Il-kontribuzzjoni mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI għall-programm operazzjonali kkonċernat ma għandhiex tiġi affettwata minn kwalunkwe tali rimborż.
Artikolu 23
Ġestjoni finanzjarja
Minbarra dl-Artikolu 130 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013, meta l-Kummissjoni tirrimborża pagamenti interim u tħallas il-bilanċ finali għall-YEI skont l-assijiet prijoritarji, għandha talloka r-rimborż mill-baġit tal-Unjoni indaqs bejn l-FSE u l-allokazzjoni speċifika għall-YEI. Ladarba r-riżorsi kollha mill-allokazzjoni speċifika għall-YEI ikunu ġew rimborżati, il-Kummissjoni għandha talloka r-rimborżi li jkun għad baqa' mill-baġit tal-Unjoni lill-FSE.
Il-Kummissjoni għandha talloka r-rimborż mill-FSE bejn il-kategoriji tar-reġjuni skont il-proporzjon stabbilit fl-Artikolu 22(2).
KAPITOLU V
DELEGA TAS-SETGĦA U DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 24
Eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa sabiex jiġu adottati atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikolu 14(1) għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni minn 21 ta’ Diċembru 2013 sal-31 ta' Diċembru 2020.
3. Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 14(1) tista' tiġi rrevokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Europew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni biex issir revoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat diġà fis-seħħ.
4. Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. Att delegat adottat skont l-Artikolu 14(1) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun tqajmet l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jagħlaq dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhux ser joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 25
Kumitat skont l-Artikolu 163 TFUE
1. Il-Kummissjoni għandha tiġi assistita minn Kumitat (il-"Kumitat tal-FSE") imwaqqaf skont l-Artikolu 163 TFUE.
2. Il-membru tal-Kummissjoni responsabbli milli jippresjedi l-Kumitat tal-FSE jista’ jiddelega dik ir-responsabbiltà lil uffiċjal għoli tal-Kummissjoni. Is-Segretarjat tal-Kumitat tal-FSE għandu jiġi provdut mill-Kummissjoni.
3. Kull Stat Membru għandu jaħtar rappreżentant wieħed tal-gvern, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema, rappreżentant wieħed tal-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem u supplent wieħed għal kull membru għal perjodu massimu ta' seba' snin. Fin-nuqqas ta' xi membru, is-supplent għandu jkun intitolat awtomatikament li jieħu sehem fil-proċedimenti.
4 Il-Kumitat tal-FSE għandu jinkludi rappreżentant wieħed minn kull organizzazzjoni fil-livell tal-UE li tirrappreżenta lill-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u lill-organizzazzjonijiet ta' min iħaddem fil-livell tal-Unjoni.
5. Il-Kumitat tal-FSE jista' jistieden rappreżentanti mingħajr dritt għall-vot tal-Bank Ewropew għall-Investiment u tal-Fond Ewropew tal-Investiment kif ukoll rappreżentanti mingħajr dritt għall-vot tal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili għal-laqgħat tiegħu, jekk l-aġenda tal-laqgħa teħtieġ il-parteċipazzjoni tagħhom.
6. Il-Kumitat tal-FSE għandu:
(a) jiġi kkonsultat dwar abbozzi ta' deċiżjonijiet tal-Kummissjoni relatati mal- programmi operazzjonali u mal-ipprogrammar fil-każ ta' appoġġ mill-FSE;
(b) jiġi kkonsultat dwar l-użu ppjanat tal-assistenza teknika fil-każ ta' appoġġ mill-FSE, kif ukoll fuq kwistjonijiet oħra li jkollhom impatt fuq l-implimentazjoni tal-istrateġiji fil-livell tal-Unjoni li huma rilevanti għall-FSE;
(c) japprova l-lista tat-temi komuni għall-kooperazzjoni transnazzjonali prevista fl-Artikolu 10(3).
7. Il-Kumitat tal-FSE jista' jagħti opinjoni dwar:
(a) kwistjonijiet relatati mal-kontribut tal-FSE għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020;
(b) kwistjonijiet dwar ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 għall-FSE;
(c) kwistjonijiet relatati mal-FSE riferuti lilu mill-Kummissjoni, għajr dawk imsemmija fil-paragrafu 6.
8. L-opinjonijiet tal-Kumitat tal-FSE għandhom jiġu adottati b'maġġoranza assoluta tal-voti validi mitfugħa u għandhom jiġu kkomunikati lill-Parlament Ewropew għall-informazzjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Kumitat tal-FSE dwar kif tkun ħadet kont tal-opinjonijiet tiegħu.
Artikolu 26
Dispożizzjonijiet tranżitorji
1. Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa t-tkomplija jew il-modifika, inkluża l-kanċellazzjoni totali jew parzjali, ta' assistenza approvata mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1081/2006, jew ta' kwalunkwe leġiżlazzjoni oħra li tapplika għal dik l-assistenza fil-31 ta' Diċembru 2013. Dak ir-Regolament jew tali leġiżlazzjoni applikabbli oħra għandha konsegwentement tkompli tapplika wara l-31 ta' Diċembru 2013 għal dik l-assistenza jew l-operazzjonijiet ikkonċernati sal-għeluq tagħhom.
2. L-applikazzjonijiet biex wieħed jirċievi assistenza magħmulin jew approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 qabel l-1 ta' Jannar 2014 għandhom jibqgħu validi.
Artikolu 27
Tħassir
Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta' dan ir-Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006 huwa mħassar b'effett mill-1 ta' Jannar 2014.
Ir-referenzi għar-Regolament irrevokat għandhom jitqiesu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw skont it-tabella ta' korrelazzjoni kif stabbilta fl-Anness III.
Artikolu 28
Reviżjoni
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jirrevedu dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2020 skont ill-Artikolu 164 TFUE.
Artikolu 29
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati għall-investimenti tal-FSE
|
(1) |
Indikaturi komuni tal-output għall-parteċipanti “Parteċipanti” ( 2 ) tirreferi għal persuni li jibbenefikaw direttament minn intervent tal-FSE li jistgħu jiġu identifikati u jintalbu l-karatteristiċi tagħhom, u li għalihom tiġi allokata nefqa speċifika. Persuni oħrajn ma għandhomx jiġu kklassifikati bħala parteċipanti. Id-data kollha għandha tiġi diżaggregata skont is-sess. L-indikaturi komuni tal-output għall-parteċipanti huma: — persuni qiegħda, inkluż dawk qiegħda fit-tul*, — persuni qiegħda fit-tul*, — persuni inattivi*, — persuni inattivi, barra mill-edukazzjoni jew taħriġ*, — impjegati, inkluż dawk li jaħdmu għal rashom*, — persuni taħt l-età ta’ 25 sena* — persuni ’l fuq mill-età ta’ 54 sena*, — persuni ’l fuq mill-età ta’ 54 sena li jkunu qiegħda, inkluż dawk qiegħda fit-tul, jew inattivi u li jkunu barra mill-edukazzjoni jew taħriġ *, — persuni b’edukazzjoni primarja (ISCED 1) jew sekondarja baxxa (ISCED 2)*, — persuni b’edukazzjoni sekondarja għolja (ISCED 3) jew edukazzjoni postsekondarja (ISCED 4)*, — persuni b’edukazzjoni terzjarja (ISCED 5 sa 8)*, — migranti, persuni bi sfond barrani, minoranzi (inkluż il-komunitajiet emarġinati bħar-Rom)**, — persuni b’diżabbiltà**, — persuni żvantaġġati oħra**. L-għadd totali tal-parteċipanti ser jiġi kkalkolat awtomatikament abbażi tal-indikaturi tal-output. Din id-data dwar parteċipanti li jidħlu f’operazzjoni appoġġata mill-FSE għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 50(1) u (2) u l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Id-data li ġejja dwar parteċipanti se tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013: — persuni mingħajr dar jew milquta mill-esklużjoni tal-akkomodazzjoni*, — persuni minn żoni rurali* ( 3 ) Id-data ta’ dawk iż-żewġ indikaturi għandha tinġabar abbażi ta’ kampjun rappreżentattiv tal-parteċipanti fi ħdan kull prijorità ta’ investiment. Il-validità interna għandha tiġi żgurata b’tali mod li d-data tkun tista’ tiġi ġġeneralizzata fil-livell tal-prijorità ta’ investiment. |
|
(2) |
L-indikaturi tal-output komuni għall-entitajiet huma: — għadd ta' proġetti implimentati kompletament jew parzjalment mis-sħab soċjali jew organizzazzjonijiet mhux governattivi, — għadd ta' proġetti dedikati għall-parteċipazzjoni sostenibbli u l-progress tan-nisa fix-xogħol, — għadd ta’ proġetti mmirati lejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi jew is-servizzi pubbliċi fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali, — għadd ta' impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju appoġġati (inklużi impriżi kooperattivi u impriżi tal-ekonomija soċjali). Din id-data għandha tiġi pprovduta fir-rapporti tal-implimentazzjoni annwali kif speċifikat fl-Artikolu 50(1) u (2) u l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. |
|
(3) |
Indikaturi tar-riżultati komuni immedjati għall-parteċipanti huma: — parteċipanti inattivi li meta jitilqu jkunu bdew ifittxu impjieg*, — parteċipanti li meta jitilqu jkunu fl-edukazzjoni/taħriġ*, — parteċipanti li meta jitilqu jkunu kisbu kwalifika*, — parteċipanti li meta jitilqu jkunu sabu mpjieg, inkluż impjieg indipendenti*, — parteċipanti żvattaġġati li meta jitilqu jkunu bdew ifittxu impjieg, ikunu f'edukazzjoni/taħriġ, jkunu qed jiksbu xi kwalifiki, ikunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti**. Din id-data għandha tiġi pprovduta fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 50(1) u (2) u l-Artikolu 111(1) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Id-data kollha għandha titqassam skont is-sess. |
|
(4) |
Indikaturi tar-riżultati komuni fuq żmien itwal għall-parteċipanti huma: — parteċipanti f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*, — parteċipanti b'sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol imtejba fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*, — parteċipanti ta' età ta' aktar minn 54 sena li jkunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*, — parteċipanti żvantaġġati li jkunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, fi żmien sitt xhur wara li jitilqu**. Din id-data għandha tiġi pprovduta fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 50(5) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. Għandha tinġabar abbażi ta' kampjun rappreżentattiv ta' parteċipanti għal kull prijorità ta' investiment. Il-validità interna tal-kampjun għandha tiġi żgurata b'tali mod li d-data tista' tiġi ġeneralizzata fil-livell ta' prijorità ta' investiment. Id-data kollha għandha titqassam skont is-sess. |
ANNESS II
Indikaturi tar-riżultati għall- YEI
Din id-data għandha tiġi pprovduta fir-rapporti annwali ta' implimentazzjoni kif speċifikat fl-Artikolu 50(1) u (2) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013u fir-rapport li għandu jitressaq f'April tal-2015 kif speċifikat fl-Artikolu 19(3) ta' dan ir-Regolament. Id-data kollha għandha titqassam skont is-sess.
(1) Indikaturi tar-riżultati komuni immedjati għall-parteċipanti
"Parteċipanti" ( 4 ) tirreferi għal persuni li jibbenefikaw direttament minn intervent tal-YEI u li jistgħu jiġu identifikati u jintalbu l-karatteristiċi tagħhom, u li għalihom tiġi mwarrba nefqa speċifika.
L-indikaturi tar-riżultati immedjati huma:
— Parteċipanti mhux impjegati li jlestu l-intervent appoġġat mill-YEI*,
— Parteċipanti qiegħda li jirċievu offerta ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship meta jitilqu *;,
— Parteċipanti qiegħda li jkunu f'edukazzjoni/taħriġ, jew li jiksbu xi kwalifika, jew li jkunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, meta jitilqu*,
— Parteċipanti qiegħda fit-tul li jlestu l-intervent appoġġat mill-YEI,
— Parteċipanti qiegħda fit-tul li jirċievu offerta ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship meta jitilqu *,
— Parteċipanti qiegħda fit-tul li jkunu f'edukazzjoni/taħriġ, jew li jiksbu xi kwalifika, jew li jkunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, meta jitilqu*;
— Parteċipanti inattivi barra mill-edukazzjoni jew taħriġ li jlestu l-intervent appoġġat mill-YEI**,
— Parteċipanti inattivi li jkunu barra mill-edukazzjoni u li jirċievu offerta ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship meta jitilqu *;
— Parteċipanti inattivi li jkunu barra mill-edukazzjoni jew taħriġ u li jkunu qegħdin jiksbu xi kwalifika, jew ikunu f'impjieg, inkluż impjieg indipendenti, meta jitilqu*.
(2) Indikaturi tar-riżultati komuni għall-parteċipanti fuq żmien itwal
L-indikaturi tar-riżultati fuq żmien itwal huma:
— Parteċipanti f’edukazzjoni kontinwa, programmi ta’ taħriġ li jwasslu għal kwalifika, apprendistat jew traineeship fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*.,
— Parteċipanti li jkunu f'impjieg fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*,
— Parteċipanti li jkunu f'impjieg indipendenti fi żmien sitt xhur wara li jitilqu*.
Id-data għal indikatuti tar-riżultati fuq żmien itwal għandha tinġabar abbażi ta' kampjun rappreżentattiv tal-parteċipanti għal kull prijorità ta' investiment. Il-validità interna tal-kampjun għandha tiġi żgurata b'tali mod li d-data tista' tiġi ġeneralizzata fil-livell tal-prijorità ta' investiment.
ANNESS III
Tabella ta' korrelazzjoni
|
Regulament (KE) Nru 1081/2006 Tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill |
Dan ir-Regolament |
|
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
|
Artikolu 2 |
Artikolu 2 |
|
Artikolu 3 |
Artikolu 3 |
|
Artikolu 4 |
Artikolu 4 |
|
|
Artikolu 5 |
|
Artikolu 5 |
Artikolu 6 |
|
Artikolu 6 |
Artikolu 7 |
|
|
Artikolu 8 |
|
Artikolu 7 |
Artikolu 9 |
|
Artikolu 8 |
Artikolu 10 |
|
Artikolu 9 |
— |
|
Artikolu 10 |
— |
|
|
Artikolu 11 |
|
|
Artikolu 12 |
|
Artikolu 11 |
Artikolu 13 |
|
|
Artikolu 14 |
|
|
Artikolu 15 |
|
|
Artikoli 16 sa 23 |
|
|
Artikolu 24 |
|
|
Artikolu 25 |
|
Artikolu 12 |
Artikolu 26 |
|
Artikolu 13 |
Artikolu 27 |
|
Artikolu 14 |
Artikolu 28 |
|
Artikolu 15 |
Artikolu 29 |
( 1 ) Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta' 17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-mira tal-Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1080/2006 (Ara paġna 289 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali).
( 2 )
(+) L-awtoritajiet ta’ ġestjoni għandhom jistabbilixxu sistema li żżomm rekord u taħżen id-data dwar il-parteċipanti individwali f’forma kompjuterizzata kif stipulat fl-Artikolu 125(2)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013. L-arranġamenti ta’ pproċessar tad-data implimentati mill-Istati Membri għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31), b’mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha.
Data rrapportata bl-indikaturi mmarkati b’* hija data personali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE. L-ipproċessar tagħha jkun meħtieġ għall-konformità mal-obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur (l-Artikolu 7(c) tad-Direttiva 95/46/KE). Għad-definizzjoni ta’ kontrollur, ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.
Data rrapportata bl-indikaturi mmarkati b’** taqa’ f’kategorija speċjali ta’ data skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE. Soġġetti għall-provvista ta’ salvagwardji adatti, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żieda ma’ dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/46/KE, jew permezz tal-liġi nazzjonali jew inkella b’deċiżjoni tal-awtorità superviżorja (l-Artikolu 8(4) tad-Direttiva 95/46/KE).
( 3 )
(++) Id-data għandha tinġabar fil-livell ta’ unitajiet amministrattivi iżgħar (unitajiet amministrattivi lokali 2), f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Mejju 2003 dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS) (ĠU L 154, 21.6.2003, p. 1).
( 4 ) L-awtoritajiet ta' ġestjoni għandhom jistabbilixxu sistema li tirreġistra u taħżen id-data tal-parteċipanti individwali f'forma kompjuterizzata kif stabbilit fl-Artikolu 125(2)(d) tar-Regolament 1303/2013 L-arranġamenti tal-ipproċessar tad-data stabbiliti mill-Istati Membri jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 95/46/KE, b'mod partikolari l-Artikoli 7 u 8 tagħha.
Id-data rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'* hija data personali skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva 95/46/KE. L-ipproċessar tagħha jkun meħtieġ għall-konformità mal-obbligu legali li għaliha l-kontrollur huwa soġġett (Artikolu 7(c) tad-Direttiva 95/46/KE). Għad-definizzjoni ta' kontrollur, ara l-Artikolu 2 tad-Direttiva 95/46/KE.
Id-data rrapurtata skont l-indikaturi mmarkati b'** hija data ta' kategorija speċjali skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva 95/46/KE. Soġġetti għall-provvista ta’ salvagwardji xierqa, l-Istati Membri jistgħu, għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, jistabbilixxu eżenzjonijiet b’żieda ma dawk stabbiliti fl-Artikolu 8(2) tad-Direttiva 95/46/KE, jew permezz tal-liġi nazzjonali jew inkella b’deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni (Artikolu 8(4) tad-Direttiva 95/46/KE).