02013R0401 — MT — 13.08.2018 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 401/2013

tat-2 ta’ Mejju 2013

dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Mjanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008

(ĠU L 121 3.5.2013, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) 2018/647 tas-26 ta' April 2018

  L 108

1

27.4.2018

►M2

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/898 tal-25 ta' Ġunju 2018

  L 160I

1

25.6.2018

►M3

REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1117 tal-10 ta' Awwissu 2018

  L 204

9

13.8.2018




▼B

REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE) Nru 401/2013

tat-2 ta’ Mejju 2013

dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Mjanmar/Burma u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 194/2008



▼M1

Artikolu 1

Għall-finijiet ta' dan ir-Regolament, id-definizjonijiet li ġejjin japplikaw:

(a) “pretensjoni” tfisser kwalunkwe pretensjoni, kemm jekk iddikjarata bi proċedimenti legali kif ukoll jekk le, li ssir qabel jew wara d-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament, skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom, u tinkludi b'mod partikolari:

(i) pretensjoni għall-prestazzjoni ta' kwalunkwe obbligu li jirriżulta skont kuntratt jew tranżazzjoni, jew b'rabta magħhom;

(ii) pretensjoni għall-estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija finanzjarja jew indennizz ta' kwalunkwe forma;

(iii) pretensjoni għal kumpens fir-rigward ta' kuntratt jew tranżazzjoni;

(iv) kontropretensjoni;

(v) pretensjoni għar-rikonoxximent jew l-infurzar, inkluż permezz tal-proċedura ta' exequatur, ta' sentenza, deċiżjoni arbitrali jew deċiżjoni ekwivalenti, kull fejn issir jew tingħata;

(b) “kuntratt jew tranżazzjoni” tfisser kwalunkwe tranżazzjoni ta' kwalunkwe forma u tkun xi tkun il-liġi applikabbli, kemm jekk tinkludi kuntratt wieħed jew aktar jew obbligi simili li jkunu saru bejn l-istess partijiet jew partijiet differenti; għal dan il-għan, “kuntratt” tinkludi bond, garanzija jew indennizz, partikolarment garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, u kreditu, kemm jekk legalment indipendenti u kemm jekk le, kif ukoll kwalunkwe dispożizzjoni relatata li tirriżulta mit-tranżazzjoni, jew b'rabta magħha;

(c) “awtoritajiet kompetenti” tirreferi għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif identifikat fis-siti web elenkati fl-Anness II;

(d) “riżorsi ekonomiċi” tfisser assi ta' kwalunkwe tip, kemm jekk tanġibbli kif ukoll jekk intanġibbli, mobbli jew immobbli, li mhumiex fondi, iżda jistgħu jintużaw biex jinkisbu fondi, oġġetti jew servizzi;

(e) “iffriżar ta' riżorsi ekonomiċi” tfisser il-prevenzjoni tal-użu ta' riżorsi ekonomiċi biex jinġabru fondi, oġġetti jew servizzi bi kwalunkwe mod, inkluż b'bejgħ, kera jew ipotekar tagħhom, iżda mhux limitat għal dawn biss;

(f) “iffriżar ta' fondi” tfisser il-prevenzjoni ta' kwalunkwe ċaqliq, trasferiment, tibdil, użu, jew trattar ta' fondi bi kwalunkwe mod li jirriżulta fi kwalunkwe bidla fil-volum, ammont, post, sjieda, pussess, karattru, destinazzjoni tagħhom jew bdil ieħor li jippermetti li l-fondi jintużaw, inkluż ġestjoni ta' portafolli;

(g) “fondi” tfisser assi finanzjarji u benefiċċji ta' kull tip, inkluż, iżda mhux limitat għal:

(i) flus kontanti, ċekkijiet, pretensjonijiet fuq flus, kambjali, money orders u strumenti oħra ta' pagament;

(ii) depożiti ma' istituzzjonijiet finanzjarji jew entitajiet oħra, bilanċi fuq kontijiet, dejn u obbligi ta' dejn;

(iii) titoli u strumenti ta' dejn innegozjati pubblikament u privatament, inklużi stokks u ishma, ċertifikati li jirrappreżentaw titoli, bonds, noti, warrants, obbligazzjonijiet u kuntratti derivati;

(iv) mgħax, dividendi jew introjtu ieħor minn assi jew il-valur provenjenti jew iġġenerat minnhom;

(v) kreditu, dritt ta' tpaċija, garanziji, bonds ta' eżekuzzjoni jew impenji finanzjarji oħra;

(vi) ittri ta' kreditu, poloz ta' kargu, poloz ta' bejgħ; u

(vii) dokumenti li jagħtu prova ta' interess f'fondi jew f'riżorsi finanzjarji;

(h) “assistenza teknika” tfisser kwalunkwe appoġġ tekniku relatat mat-tiswija, l-iżvilupp, il-manifattura, l-assemblaġġ, l-ittestjar, il-manutenzjoni, jew kwalunkwe servizz tekniku ieħor, u tista' tieħu forom bħal struzzjoni, parir, trażmissjoni ta' tagħrif jew ħiliet prattiċi jew servizzi ta' konsulenza, inklużi forom verbali ta' assistenza;

(i) “servizzi ta' senserija” tfisser:

(i) in-negozjar jew l-arranġament ta' tranżazzjonijiet għax-xiri, bejgħ jew forniment ta' oġġetti u teknoloġija minn pajjiż terz għal kwalunkwe pajjiż terz ieħor, jew

(ii) il-bejgħ jew ix-xiri ta' oġġetti u teknoloġija li jkunu jinsabu f'pajjiżi terzi għat-trasferiment lejn pajjiż terz ieħor;

(j) “importazzjoni” tfisser kwalunkwe dħul ta' oġġetti fit-territorju doganali tal-Unjoni jew territorji oħrajn li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 349 u 355 tiegħu. Dan jinkludi, fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ) li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni, it-tqegħid f'żona ħielsa, it-tqegħid fi proċedura speċjali u r-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa, iżda jeskludi t-tranżitu u l-ħażna temporanja;

(k) “esportazzjoni” tfisser kwalunkwe tluq ta' oġġetti mit-territorju doganali tal-Unjoni jew territorji oħra li għalihom japplika t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 349 u 355 tiegħu. Dan jinkludi, fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, it-tluq ta' oġġetti li jeħtieġu dikjarazzjoni doganali u t-tluq ta' oġġetti wara l-ħażna tagħhom f'żona ħielsa jew wara t-tqegħid tagħhom fi proċedura speċjali, iżda jeskludi t-tranżitu jew il-ħażna temporanja;

(l) “esportatur” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li f'isimha ssir dikjarazzjoni ta' esportazzjoni, li tkun il-persuna li, fil-ħin meta d-dikjarazzjoni tiġi aċċettata, ikollha kuntratt mad-destinatarju fil-pajjiż terz u jkollha s-setgħa li tiddetermina l-esportazzjoni tal-oġġett 'il barra mit-territorju doganali tal-Unjoni jew territorji oħra li għalihom japplika t-Trattat;

(m) “territorju tal-Unjoni” tfisser it-territorji tal-Istati Membri li għalihom huwa applikabbli t-Trattat, skont il-kondizzjonijiet stipulati fit-Trattat, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħhom.

▼B



KAPITOLU 1

Artikolu 2

1.  Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, sew jekk joriġina fl-Unjoni jew le, lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma.

2.  Il-paragrafu 1 m’għandux japplika għall-ilbies protettiv, inklużi ġkieket tal-flak u elmi, esportati temporanjament lejn il-Mjanmar/Burma minn persunal tan-Nazzjonijiet Uniti, persunal tal-Unjoni Ewropea jew tal-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-medja u ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u l-persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

Artikolu 3

1.  Għandu jkun projbit:

(a) li tkun ipprovduta jew ittrasferita assistenza teknika relatata ma’ attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ armi u materjal relatat ta’ kull tip, inkluż armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet tal-bdil għal dawn imsemmija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

(b) li jingħataw finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma’ attivitajiet militari, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esprtazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta’ armi u materjal relatat, direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

2.  Għandu jkun projbit:

(a) l-għoti ta’ assistenza teknika relatata mat-tagħmir li jista’ jintuża għar-repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I, direttament jew indirettament lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

(b) l-għoti ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata mat-tagħmir elenkat fl-Anness I, inkluż b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esprtazzjoni, direttament jew indirettament lil kull persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma.

▼M1 —————

▼M1

Artikolu 3a

1.  Għandu jiġi pprojbit li jinbiegħu, jiġu fornuti, trasferiti jew esportati, direttament jew indirettament, oġġetti u teknoloġija b'użu doppju kif inkluż fl-Anness I għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 ( 2 ), kemm jekk joriġinaw fl-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma, jekk dawk l-oġġetti huma jew jistgħu jkunu intiżi, kompletament jew parzjalment, għal użu militari, għal utenti finali militari jew għall-Pulizija tal-Fruntiera.

Meta l-utent finali jkun il-militar tal-Myanmar/Burma, kwalunkwe oġġett u teknoloġija b'użu doppju akkwistat minnu għandu jitqies li jkun għall-użu militari.

2.  Meta jiddeċiedu dwar pretensjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 428/2009, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhom jagħtu awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet lil ebda persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma, jekk ikollhom raġunijiet validi biex jemmnu li l-utent finali jista' jkun utent finali militari, il-Pulizija tal-Fruntiera jew li l-oġġetti jista' jkollhom użu finali militari.

3.  L-esportaturi għandhom jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti bl-informazzjoni relevanti kollha meħtieġa għall-applikazzjoni tagħhom għal awtorizzazzjoni ta' esportazzjoni.

4.  Għandu jiġi pprojbit:

(a) li tingħata assistenza teknika, servizzi ta' senserija jew servizzi oħrajn relatati mal-oġġetti u t-teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1 u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' dawn l-oġġetti u t-teknoloġija, direttament jew indirettament lil kwalunkwe utent finali tal-militar, lill-Pulizija tal-Fruntiera jew għall-użu militari fil-Myanmar/Burma;

(b) li jingħata finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata ma' oġġetti u teknoloġija msemmija fil-paragrafu 1, inkluż b'mod partikolari l-għotjiet, is-self u l-assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, forniment, trasferiment jew esportazzjoni ta' dawn l-oġġetti u teknoloġija, jew għall-għoti ta' assistenza teknika relatata, servizi ta' senserija jew servizzi oħrajn, direttament jew indirettament lil kwalunkwe utent finali tal-militar, lill-Pulizija tal-Fruntiera jew għall-użu militari fil-Myanmar/Burma.

5.  Il-projbizzjonijiet fil-paragrafi 1 u 4 għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżekuzzjoni ta' kuntratti konklużi qabel is-27 ta' April 2018 jew kuntratti anċillari meħtieġa għall-eżekuzzjoni ta' tali kuntratti.

6.  Il-paragrafu 1 ma għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, temporanjament esportati lejn il-Myanmar/Burma mill-persunal tan-NU, mill-persunal tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-midja u ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

Artikolu 3b

1.  Għandu jkun ipprojbit il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni, direttament jew indirettament, ta' tagħmir, teknoloġija jew software identifikati fl-Anness III, kemm jekk joriġinaw mill-Unjoni kif ukoll jekk le, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma, sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel.

2.  L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma għandhom jagħtu ebda awtorizzazzjoni skont il-paragrafu 1 jekk dawn ikollhom raġunijiet validi biex jiddeterminaw li t-tagħmir, it-teknoloġija jew is-software inkwistjoni jkunu jintużaw għar-ripressjoni interna mill-gvern, il-korpi pubbliċi, il-korporazzjonijiet jew l-aġenziji tal-Myanmar/Burma jew kwalunkwe persuna jew entità li topera f'isimhom jew taħt id-direzzjoni tagħhom.

3.  L-Anness III għandu jinkludi tagħmir, teknoloġija jew software maħsubin primarjament għall-użu fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni tal-komunikazzjonijiet bl-Internet jew bit-telefown.

4.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan l-Artikolu, fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 3c

1.  Sakemm l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru rilevanti, kif identifikata fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, ma tkunx tat awtorizzazzjoni minn qabel skont l-Artikolu 3b, għandu jiġi pprojbit:

(a) il-forniment, direttament jew indirettament, ta' assistenza teknika jew servizzi ta' senserija relatati mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software identifikati fl-Anness III, jew relatati mal-installazzjoni, il-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu tat-tagħmir u t-teknoloġija identifikati fl-Anness III jew mal-provvista, l-installazzjoni, l-operat jew l-aġġornar ta' kwalunkwe software identifikati fl-Anness III, lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma;

(b) il-forniment, direttament jew indirettament, ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatata mat-tagħmir, it-teknoloġija u s-software identifikati fl-Anness III lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fil-Myanmar/Burma jew għall-użu fil-Myanmar/Burma;

(c) il-forniment ta' kwalunkwe servizz ta' monitoraġġ jew ta' intereċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-Internet ta' kwalunkwe tip lil, jew għall-benefiċċju dirett jew indirett ta', il-Gvern tal-Myanmar/Burma, il-korpi pubbliċi, il-koporazzjonijiet u l-aġenziji jew kwalunkwe persuna jew entità li taġixxi f'isimhom jew taħt id-direzzzjoni tagħhom.

2.  Għall-finijiet tal-punt (c) tal-paragrafu 1, “servizz ta' monitoraġġ jew ta' interċettazzjoni tat-telekomunikazzjoni jew tal-Internet” tfisser dawk is-servizzi li jipprovdu, b'mod partikolari bl-użu ta' tagħmir, teknoloġija jew software kif identifikat fl-Anness III, aċċess għal u twassil tad-data assoċjata ma' telekomunikazzjonijiet jew telefonati deħlin jew ħerġin ta' suġġett għall-finijiet tal-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi jew il-ħżin tagħha, jew kwalunkwe attività relatata oħra.

▼B

Artikolu 4

▼M1

1.  B'deroga mill-Artikoli 2(1), 3(2) u 3 a(1), u soġġetti għall-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif indikat fis-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, skont il-kondizzjonijiet li jqisu xierqa:

(a) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għal repressjoni interna kif elenkat fl-Anness I jew oġġetti u teknoloġija b'użu doppju elenkati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009, maħsuba biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta' bini ta' istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea, jew għal operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u n-Nazzjonijiet Uniti ta' maniġġar ta' kriżijiet;

(b) il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija ta' mini u materjal għall-użu f'operazzjonijiet tat-tneħħija ta' mini; u

(c) l-għoti ta' finanzjamenti jew ta' assistenza finanzjarja u assistenza teknika relatata ma' tagħmir, materjal, programmi u operazzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b).

▼B

2.  B'deroga mill-Artikolu 3(1), u soġġett għall-Artikolu 5, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif imniżżel fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw, skond il-kondizzjonijiet li huma jikkunsidraw xierqa, l-għoti ta’ finanzjament u assistenza finanzjarja u assistenza teknika fir-rigward ta’:

(a) tagħmir militari mhux letali maħsub biss għall-użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi ta’ bini ta’ istituzzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Unjoni Ewropea;

(b) materjal maħsub għall-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea u tan-Nazzjonijiet Uniti ta’ maniġġar ta’ kriżijiet.

▼M1

Artikolu 4a

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu jew li huma l-proprjetà ta', jew li huma fil-pussess jew taħt il-kontroll ta' xi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Annessi IV u V għandhom jiġu ffriżati.

2.  L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandhom isiru disponibbli, direttament jew indirettament, lil jew għall-beneficċju ta' persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi elenkati fl-Anness IV.

3.  L-Anness IV għandu jinkludi:

(a) persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għall-abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem fil-Myanmar/Burma;

(b) persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tal-għoti ta' assistenza umanitarja għall-popolazzjoni ċivili fil-bżonn;

(c) persuni fiżiċi mill-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) u l-Pulizija tal-Fruntiera responsabbli għat-tfixkil tal-kondotta ta' investigazzjonijiet indipendenti dwar allegazzjonijiet ta' ksur jew abbużi seri tad-drittijiet tal-bniedem;

(d) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati mal-persuni fiżiċi msemmija fil-punti (a), (b) u (c).

4.  L-Annessi IV u V għandhom jinkludu r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi kkonċernati.

5.  L-Annessi IV u V għandhom jinkludu wkoll, fejn disponibbli, informazzjoni neċessarja għall-identifikazzjoni tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet jew il-korpi kkonċernati. Fir-rigward ta' persuni fiżiċi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post ta' twelid, iċ-ċittadinanza, in-numri tal-passaporti u tal-karti tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward ta' persuni ġuridiċi entitajiet u korpi, tali informazzjoni tista' tinkludi l-ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

Artikolu 4b

1.  B'deroga mill-Artikolu 4a, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew id-disponibbiltà ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, skont il-kondizzjonijiet li jqisu li jkunu xierqa, wara li jkunu ddeterminaw li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu:

(a) meħtieġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi elenkati fl-Anness IV, u tal-membri tal-familja dipendenti ta' dawn il-persuni fiżiċi, inklużi pagamenti għal oġġetti tal-ikel, kera jew ipoteki, mediċini u trattament mediku, taxxi, primjums tal-assigurazzjoni u spejjeż ta' servizzi pubbliċi;

(b) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi professjonali raġonevoli jew għar-rimborż ta' spejjeż marbutin mal-għoti ta' servizzi legali;

(c) maħsuba esklużivament għall-ħlas ta' tariffi jew imposti għal servizzi ta' kustodja jew ġestjoni normali ta' fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati;

(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, sakemm l-awtorità kompetenti relevanti tkun innotifikat ir-raġunijiet għaliex hi kkunsidrat li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mill-inqas ġimagħtejn qabel l-awtorizzazzjoni; jew

(e) ser jitħallsu f'kont jew minn kont ta' missjoni diplomatika jew konsulari jew ta' organizzazzjoni internazzjonali li tgawdi minn immunitajiet f'konformità mad-dritt internazzjonali, sakemm tali pagamenti jkunu maħsuba għall-iskopijiet uffiċjali tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali.

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4c

1.  B'deroga mill-Artikolu 4a, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, kif identifikati fuq is-siti web elenkati fl-Anness II, jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta' ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin jiġu ssodisfati:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi jkunu soġġetti għal deċiżjoni arbitrarja li tkun ittieħdet qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp imsemmija fl-Artikolu 4a ġew inklużi fl-Anness IV, jew ta' deċiżjoni ġudizzjarja jew amministrattiva fl-Unjoni, jew għal deċiżjoni ġudizzjarja eżegwibbli fl-Istat Membru kkonċernat, qabel din id-data, fiha jew warajha;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklużivament sabiex jiġu ssodisfati l-pretensjonijiet garantiti minn tali deċiżjoni jew rikonoxxuti bħala validi f'tali deċiżjoni, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta' persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) id-deċiżjoni ma tkunx għall-benefiċċju ta' persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV; u

(d) ir-rikonoxximent tad-deċiżjoni ma jmurx kontra l-ordni pubbliku fl-Istat Membru kkonċernat.

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

Artikolu 4d

1.  B'deroga mill-Artikolu 4a u bil-kondizzjoni li pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV ikun dovut skont kuntratt jew ftehim li ġie konkluż, jew skont obbligu li rriżulta għall-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp ikkonċernat, sa minn qabel id-data ta' meta dik il-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp iddaħħlu fl-Anness IV, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri, jistgħu jawtorizzaw, taħt dawk il-kondizzjonijiet li huma jqisu adattati, ir-rilaxx ta' ċerti fondi ffriżati jew ta' riżorsi ekonomiċi, dejjem jekk l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun iddeterminat li:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi għandhom jintużaw għal pagament minn persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp elenkati fl-Anness IV;

(b) il-pagament ma jiksirx l-Artikolu 4a(2).

2.  L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni li jagħti skont il-paragrafu 1 fi żmien erba' ġimgħat mill-awtorizzazzjoni.

3.  L-Artikolu 4a(2) ma għandux jipprevjeni l-ikkreditar ta' kontijiet iffriżati minn istituzzjonijiet finanzjarji jew ta' kreditu li jirċievu fondi ttrasferiti minn terzi persuni fil-kont ta' persuna fiżika jew ġuridika, ta' entità jew ta' korp elenkati, bil-kondizzjoni li kwalunkwe żieda f'dawn il-kontijiet tiġi ffriżata wkoll. L-istituzzjoni finanzjarja jew ta' kreditu għandha tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti b'kwalunkwe tali tranżazzjoni, mingħajr dewmien.

4.  Sakemm kwalunkwe imgħax, qligħ u pagamenti oħra jiġu ffriżati skont l-Artikolu 4a, l-Artikolu 4a(2) ma għandux japplika għaż-żieda mal-kontijiet iffriżati ta':

(a) imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet;

(b) pagamenti dovuti skont kuntratti, ftehimiet jew obbligi li jkunu ġew konklużi jew li nħolqu qabel id-data li fiha l-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp imsemmijin fl-Artikolu 4a jkunu ġew inklużi fl-Anness IV; jew

(c) pagamenti dovuti skont deċiżjonijiet ġudizzjarji, amministrattivi jew arbitrali meħuda fi Stat Membru jew infurzabbli fl-Istat Membru kkonċernat.

Artikolu 4e

1.  Mingħajr preġudizzju għar-regoli applikabbli dwar ir-rappurtar, il-kunfidenzjalità u s-segretezza professjonali, il-persuni fiżiċi u ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi għandhom:

(a) jipprovdu minnufih kwalunkwe informazzjoni li tiffaċilita l-konformità ma' dan ir-Regolament, bħall-informazzjoni fuq kontijiet u l-ammonti ffriżati f'konformità mal-Artikolu 4a, lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn ikunu residenti jew fejn jinsabu, u għandhom jittrażmettu din l-informazzjoni, direttament jew permezz tal-Istat Membru, lill-Kummissjoni; u

(b) jikkooperaw mal-awtorità kompetenti f'kwalunkwe verifika tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a).

2.  Kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li l-Kummissjoni tirċievi direttament għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

3.  Kwalunkwe informazzjoni pprovduta jew li tasal f'konformità ma' dan l-Artikolu għandha tintuża biss għall-għanijiet li għalihom tkun ngħatat jew waslet.

Artikolu 4f

1.  L-iffriżar ta' fondi u riżorsi ekonomiċi jew iċ-ċaħda li tali fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, imwettaq in bona fide fuq il-bażi tal-fatt li tali azzjoni tkun konformi ma' dan ir-Regolament, ma għandu joħloq responsabbiltà tal-ebda tip min-naħa tal-persuna fiżika jew ġuridika jew l-entità jew il-korp li jkunu qed jimplimentawh, jew tad-diretturi jew l-impjegati tagħhom, sakemm ma jiġix ippruvat li l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi ġew iffriżati jew miżmuma b'riżultat ta' negliġenza.

2.  Azzjonijiet minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ma għandhom joħolqu l-ebda tip ta' responsabbiltà min-naħa tagħhom jekk huma ma kinux jafu, u ma kellhom ebda raġuni valida li jissuspettaw, li l-azzjonijiet tagħhom jiksru l-miżuri stabbiliti f'dan ir-Regolament.

Artikolu 4g

Għandha tkun ipprojbita l-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jevitaw il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament.

Artikolu 4h

1.  Ebda pretensjoni b'konnessjoni ma' xi kuntratt jew tranżazzjoni fejn il-prestazzjoni tagħhom tkun ġiet affettwata, direttament jew indirettament, totalment jew parzjalment, mill-miżuri imposti skont dan ir-Regolament, inklużi pretensjonijiet għal indennizz jew kwalunkwe pretensjoni oħra ta' dan it-tip, bħal pretensjoni għal kumpens jew pretensjoni taħt garanzija, b'mod partikolari pretensjoni għal estensjoni jew għall-ħlas ta' bond, garanzija jew indennizz, b'mod partikolari garanzija finanzjarja jew indennizz finanzjarju, ta' kwalunkwe għamla, ma għandha tiġi ssodisfata, jekk din issir minn:

(a) persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi ddeżinjati, elenkati fl-Anness IV;

(b) kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp li jaġixxu permezz ta' waħda mill-persuni, entitajiet jew korpi imsemmija fil-punt (a) jew f'isimhom.

2.  F'kwalunkwe proċediment għall-eżekuzzjoni ta' pretensjoni, l-obbligu ta' prova li l-issodisfar tal-pretensjoni mhux ipprojbit bil-paragrafu 1 għandu jkun fuq il-persuna fiżika jew ġuridika, l-entità jew il-korp li jkunu qed ifittxu l-eżekuzzjoni ta' dik il-pretensjoni.

3.  Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-persuni fiżiċi jew ġuridiċi, l-entitajiet u l-korpi msemmija fil-paragrafu 1 għal stħarriġ ġudizzjarju tal-legalità tan-nuqqas ta' eżekuzzjoni ta' obbligi kuntrattwali f'konformità ma' dan ir-Regolament.

Artikolu 4i

1.  Fejn il-Kunsill jiddeċiedi li jissottoponi persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp għall-miżuri msemmija fl-Artikolu 4a, hu għandu jemenda l-Anness IV skont dan.

2.  Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-inklużjoni fil-lista, lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp msemmijin fil-paragrafu 1, direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta' avviż, filwaqt li tali persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp jingħataw l-opportunità li jippreżentaw osservazzjonijiet.

3.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn tiġi ppreżentata evidenza sostanzjali ġdida, il-Kunsill għandu jirrivedi d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp skont dan.

4.  Il-lista li tinsab fl-Annessi IV għandha tiġi riveduta f'intervalli regolari u mill-inqas kull 12-il xahar.

▼B



KAPITOLU 2

Artikolu 5

L-awtorizzazzjonijiet msemmija fl-Artikolu 4 m’għandhomx jingħataw għal attivitajiet li diġà twettqu.

▼M1

Artikolu 6

1.  Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jinformaw lil xulxin bil-miżuri meħuda skont dan ir-Regolament u jikkondividu kwalunkwe informazzjoni oħra għad-dispożizzjoni tagħhom konnessa ma' dan ir-Regolament, b'mod partikolari informazzjoni dwar:

(a) fondi ffriżati skont l-Artikolu 4a u awtorizzazzjonijiet mogħtija skont l-Artikoli 3a, 3b, 3c, 4b, 4c u 4d;

(b) problemi ta' ksur u eżekuzzjoni u sentenzi mogħtija minn qrati nazzjonali.

2.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw minnufih lil xulxin u lill-Kummissjoni b'kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra għad-dispożizzjoni tagħhom li tista' taffettwa l-implimentazzjoni effettiva ta' dan ir-Regolament.

▼B

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li temenda l-Anness II abbażi ta’ informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri.

Artikolu 8

1.  L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad- dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha biex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

2.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawk ir-regoli mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinnotifikawha dwar kwalunkwe emenda sussegwenti.

Artikolu 9

1.  L-Istati Membri għandhom jaħtru lill-awtoritajiet kompetenti msemmija f’dan ir-Regolament u jidentifikawhom fi, jew permezz, tal-websajts elenkati fl-Anness II.

2.  L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti tagħhom mingħajr dewmien wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u għandhom jinfurmawha b’kull tibdil sussegwenti.

Artikolu 10

Dan ir-Regolament għandu japplika:

(a) fit-territorju tal-Unjoni, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha;

(b) abbord inġenji tal-ajru jew bastimenti li jaqgħu taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru;

(c) għal kwalunkwe persuna ġewwa jew barra t-territorju tal-Unjoni li tkun ċittadin ta' Stat Membru;

(d) għal kull persuna ġuridika, entità jew korp li huma inkorporati jew kostitwiti taħt il-liġi ta’ Stat Membru;

(e) għal kwalunkwe persuna ġuridika, entità jew korp fir-rigward ta’ kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, ġewwa l-Unjoni.

Artikolu 11

Ir-Regolament (KE) Nru 194/2008 huwa b’dan imħassar.

Artikolu 12

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Lista ta’ tagħmir li jista’ jintuża għal ripressjoni interna kif imsemmi fl-Artikoli 2, 3 u 4

1. Armi tan-nar, ammunizzjon u aċċessorji relatati għalhekk, kif ġej:

1.1. Armi tan-nar mhux ikkontrollati mill-ML 1 u l-ML 2 tal-Lista Militari Komuni tal-UE ( 3 );

1.2. Munizzjon iddiżinjat speċjalment għall-armi tan-nar elenkati f’1.1 u komponenti ddiżinjati speċjalment għalhekk;

1.3. Siti tal-armamenti (weapon-sights) mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE

2. Bombi u granati mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE

3. Vetturi kif ġej:

3.1. Vetturi mgħammra b’kanun tal-ilma, diżinjat jew modifikat speċjalment bl-iskop tal-kontroll ta’ rewwixta;

3.2. Vetturi ddiżinjati jew modifikati speċjalment biex ikunu elettrifikati biex jirripellaw barrieri;

3.3. Vetturi ddiżinjati jew modifikati speċjalment biex ineħħu barrikadi, inkluż tagħmir ta’ bini bi protezzjoni ballistika;

3.4. Vetturi ddiżinjati speċjalment għat-trasport u t-trasferiment ta’ priġunieri u/jew persuni arrestati;

3.5. Vetturi ddiżinjati speċjalment biex jiskjeraw barrieri mobbli;

3.6. Komponenti għall-vetturi speċifikati fi 3.1 sa 3.5 diżinjati speċjalment bl-iskop ta’ kontroll ta’ rewwixta.

Nota 1:  Dan il-punt ma jikkontrollax vetturi mfassla apposta għall-finijiet ta’ tifi tan-nar.

Nota 2:  Għall-finijiet tal-punt 3.5 it-terminu “vetturi” jinkludi l-karrijiet.

4. Sustanzi esplussivi u tagħmir relatat kif ġej:

4.1. Tagħmir u apparat mfassal apposta biex jagħti bidu lil splużjonijiet b’mezzi elettriċi jew mhux elettriċi inklużi settijiet tal-isparar, detonaturi, igniters, boosters u fil detonatur u komponenti mfasslin apposta għalihom; dawk mfasslin apposta għal użu kummerċjali speċifiku li jikkonsistu fl-attwazzjoni jew l-operat b’mezzi esplussivi ta’ tagħmir jew apparat ieħor li l-funzjoni tagħhom m’hijiex il-ħolqien ta’ splużjonijiet (per eżempju, neffieħa tal-air-bags tal-karozzi, apparat li jipprevjeni ż-żieda f’daqqa tal-elettriku ta’ attivaturi ta’ bexxiexa għat-tifi tan-nar);

4.2. Kargi splussivi tat-tip linear cutting mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE

4.3. Splussivi oħrajn mhux ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE u sostanzi relatati kif ġej:

(a) amatol;

(b) nitrocellulose (li fih aktar minn 12,5 % nitroġenu);

(c) nitroglycol;

(d) pentaerythritol tetranitrate (PETN);

(e) picryl chloride;

(f) 2,4,6-trinitrotoluene (TNT).

5. Tagħmir protettiv mhux ikkontrollat minn ML 13 tal-Lista Militari Komuni tal-UE kif ġej:

5.1. Korazzi tal-persuna li jipprovdi protezzjoni ballistika u/jew ta’ feriment;

5.2. Elmi li jipprovdu protezzjoni ballistika u/jew frammentarja, elmi għal kontra l-irvell, tarki għal kontra l-irvell u tarki ballistiċi.

Nota: Dan l-artiklu ma jikkontrollax:

 tagħmir imfassal apposta għal attivitajiet sportivi;

 tagħmir imfassal apposta għall-ħtiġijiet tas-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

6. Simulaturi, għajr dawk ikkontrollati minn ML 14 tal-Lista Militari Komuni tal-UE, għat-taħriġ tal-użu ta’ armi tan-nar, u software diżinjat speċjalment għalhekk.

7. Tagħmir ta’ viżjoni ta’ bil-lejl u tal-ħolqien ta’ immaġni termali u tubi tal-intensifikazzjoni tal-immaġni, minbarra dawk ikkontrollati mil-Lista Militari Komuni tal-UE.

8. Fildiferru tal-ingiegeż li jaqta'.

9. Skieken militari, skieken tal-ġlied u bajunetti b’xafra itwal minn 10 cm.

10. Tagħmir ta’ produzzjoni diżinjat speċjalment għall-oġġetti speċifikati f’din il-lista.

11. Teknoloġija speċifika għall-iżvilupp, il-produzzjoni u l-użu tal-oġġetti speċifikati f’din il-lista.




ANNESS II

Siti elettroniċi li jipprovdu tagħrif dwar l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 4, 7 u 9 u l-indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea

BELĠJU

http://www.diplomatie.be/eusanctions

BULGARIJA

http://www.mfa.bg/en/pages/135/index.html

REPUBBLIKA ĊEKA

http://www.mfcr.cz/mezinarodnisankce

DANIMARKA

http://um.dk/da/politik-og-diplomati/retsorden/sanktioner/

ĠERMANJA

http://www.bmwi.de/DE/Themen/Aussenwirtschaft/aussenwirtschaftsrecht,did=404888.html

ESTONJA

http://www.vm.ee/est/kat_622/

IRLANDA

http://www.dfa.ie/home/index.aspx?id=28519

GREĊJA

http://www.mfa.gr/en/foreign-policy/global-issues/international-sanctions.html

SPANJA

http://www.maec.es/es/MenuPpal/Asuntos/Sanciones%20Internacionales/Paginas/Sanciones_%20Internacionales.aspx

FRANZA

http://www.diplomatie.gouv.fr/autorites-sanctions/

ITALJA

http://www.esteri.it/MAE/IT/Politica_Europea/Deroghe.htm

ĊIPRU

http://www.mfa.gov.cy/sanctions

LATVJA

http://www.mfa.gov.lv/en/security/4539

LITWANJA

http://www.urm.lt/sanctions

LUSSEMBURGU

http://www.mae.lu/sanctions

UNGERIJA

http://www.kulugyminiszterium.hu/kum/hu/bal/Kulpolitikank/nemzetkozi_szankciok/

MALTA

http://www.doi.gov.mt/EN/bodies/boards/sanctions_monitoring.asp

PAJJIŻI L-BAXXI

http://www.rijksoverheid.nl/onderwerpen/internationale-vrede-en-veiligheid/sancties

AWSTRIJA

http://www.bmeia.gv.at/view.php3?f_id=12750&LNG=en&version=

POLONJA

http://www.msz.gov.pl

PORTUGALL

http://www.min-nestrangeiros.pt

RUMANIJA

http://www.mae.ro/node/1548

SLOVENJA

http://www.mzz.gov.si/si/zunanja_politika_in_mednarodno_pravo/zunanja_politika/mednarodna_varnost/omejevalni_ukrepi/

SLOVAKKJA

http://www.mzv.sk/sk/europske_zalezitosti/sankcie_eu-sankcie_eu

FINLANDJA

http://formin.finland.fi/kvyhteistyo/pakotteet

SVEZJA

http://www.ud.se/sanktioner

RENJU UNIT

www.fco.gov.uk/competentauthorities

Indirizz għan-notifiki lill-Kummissjoni Ewropea:

European Commission

Service for Foreign Policy Instruments (FPI)

EEAS 02/309

B-1049 Brussels

Belgium

E-mail: relex-sanctions@ec.europa.eu

▼M1




ANNESS III

Tagħmir, teknoloġija u software imsemmija fl-Artikoli 3b u 3c

Nota Ġenerali

Minkejja l-kontenut ta' dan l-Anness, huwa ma għandux japplika għal:

(a) tagħmir, teknoloġija jew software li huma speċifikati fl-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 428/2009 jew il-Lista Militari Komuni; jew

(b) software maħsub għall-installazzjoni mill-utent mingħajr appoġġ sostanzjali ulterjuri mill-fornitur u li huwa ġeneralment disponibbli għall-pubbliku billi jinbiegħ mill-ħwienet, mingħajr restrizzjoni, permezz ta':

(i) tranżazzjonijiet fil-ħwienet;

(ii) tranżazzjonijiet ta' bejgħ bil-korrispondenza;

(iii) tranżazzjonijiet elettroniċi; jew

(iv) tranżazzjonijiet permezz ta' ordnijiet bit-telefown; jew

(c) software li huwa fid-dominju pubbliku.

It-taqsimiet A, B, C, D u E jirreferu għat-taqsimiet imsemmija fir-Regolament (KE) Nru 428/2009.

It-“tagħmir, teknoloġija u software” imsemmija fl-Artikoli 3b u 3c huwa:

A. Lista ta' tagħmir

 Tagħmir għall-ispezzjoni approfondita tal-pakketti

 Tagħmir ta' interċettar ta' netwerks inkluż tagħmir ta' ġestjoni tal-interċettar (Interception Management Equipment, IMS) u tagħmir ta' Data Retention Link Intelligence

 Tagħmir ta' monitoraġġ tal-frekwenzi tar-radju

 Tagħmir ta' disturbazzjoni ta' netwerks u satelliti

 Tagħmir ta' infettar telekomandat

 Tagħmir ta' għarfien/ipproċessar tal-kelliem

 Tagħmir ta' interċettar u monitoraġġ ta' IMSI ( 4 ), MSIDN ( 5 ), IMEI ( 6 ), TMSI ( 7 )

 Tagħmir tattiku ta' interċettar u monitoraġġ ta' SMS ( 8 )/GSM ( 9 )/GPS ( 10 )/GPRS ( 11 )/UMTS ( 12 )/CDMA ( 13 )/PSTN ( 14 )

 Tagħmir ta' interċettar u monitoraġġ tal-informazzjoni DHCP ( 15 )/SMTP ( 16 ), GTP ( 17 )

 Tagħmir ta' għarfien ta' xejriet u klassifikazzjoni ta' xejriet

 Tagħmir forensiku li jaħdem mill-bogħod

 Tagħmir ta' mutur għall-ipproċessar semantiku (semantic processing engine)

 Tagħmir ta' kriptanaliżi WEP u WPA

 Tagħmir ta' interċettar għall-protokolli proprjetarji u standard tal-VoIP

B. Mhux użati

C. Mhux użati

D. “Software” għall-“iżvilupp”, il-“produzzjoni” jew l-“użu” tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

E. “Teknoloġija” għall-“iżvilupp”, “il-produzzjoni” jew l-“użu” tat-tagħmir speċifikat f'A hawn fuq.

Tagħmir, teknoloġija u software li jaqgħu f'dawn it-taqsimiet huma fl-ambitu ta' dan l-Anness biss sal-punt li jaqgħu fid-deskrizzjoni ġenerali “sistemi ta' interċettar u monitoraġġ tal-komunikazzjonijiet bl-Internet, bit-telefown u bis-satellita”.

Għall-finijiet ta' dan l-Anness, il-“monitoraġġ” tfisser l-akkwist, l-estrazzjoni, id-dekodifikar, ir-reġistrar, l-ipproċessar, l-analiżi u l-arkivjar tal-kontenut tat-telefonati jew id-data tan-netwerk.




ANNESS IV

Lista ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi msemmija fl-Artikolu 4a.

▼M2



 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-inklużjoni fil-lista

▼M3

1.

Aung Kyaw Zaw

Data tat-twelid: 20 ta' Awwissu 1961

Numru tal-passaport: DM000826

Data tal-ħruġ: 22 ta' Novembru 2011

Data tal-iskadenza: 21 ta' Novembru 2021

Numru ta' identifikazzjoni militari: BC 17444

Il-Logutenent Ġeneral Aung Kyaw Zaw kien il-Kmandant tal-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali Nru 3 tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Awwissu 2015 sa tmiem l-2017. L-Uffiċċju tal-Operazzjonijiet Speċjali Nru 3 kellu f'idejh il-Kmand tal-Punent u, f'dak il-kuntest, il-Logutenent Ġeneral Aung Kyaw Zaw hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Kmand tal-Punent matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

▼M2

2.

Maung Maung Soe

Data tat-twelid: Marzu 1964

Numru ta' Identifikazzjoni Nazzjonali: Tatmadaw Kyee 19571

Il-Maġġur Ġeneral Maung Maung Soe kien il-Kmandant tal-Kmand tal-Punent tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) minn Ottubru 2016 sal-10 ta' Novembru 2017 u kellu f'idejh l-operazzjonijiet militari fl-Istat ta' Rakhine. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Kmand tal-Punent matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

▼M3

3.

Than Oo

Data tat-twelid: 12 ta' Ottubru 1973

Numru ta' identifikazzjoni militari: BC 25723

Il-Brigadier Ġeneral Than Oo hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 99 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 99 tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

4.

Aung Aung

Numru ta' identifikazzjoni militari: BC 23750

Il-Brigadier Ġeneral Aung Aung hu l-Kmandant tad-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw). F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mid-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

5.

Khin Maung Soe

 

Il-Brigadier Ġenerali Khin Maung Soe hu l-Kmandant tal-Kmand Operattiv Militari 15, kultant magħruf ukoll bħala l-15-il Diviżjoni tal-Infanterija Ħafifa, tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw), li taħtha hemm il-Battaljun Nru 564 tal-Infanterija. F'dak il-kuntest, huwa responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mill-Kmand Operattiv Militari 15, b'mod partikolari l-Battaljun Nru 564 tal-Infanterija. Dawn jinkludu qtil illegali, vjolenza sesswali u l-ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

▼M2

6.

Thura San Lwin

Data tat-twelid: 1957

Il-Brigadier Ġenerali Thura San Lwin kien il-Kmandant tal-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera minn Ottubru 2016 sal-bidu ta' Ottubru 2017. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine mill-Pulizija tal-Gwardja tal-Fruntiera matul dak il-perijodu. Dawn jinkludu qtil illegali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya.

25.6.2018

7.

Thant Zin Oo

 

Thant Zin Oo hu l-Kmandant tat-Tmien Battaljun tal-Pulizija tas-Sigurtà. F'dak il-kuntest, hu responsabbli għall-atroċitajiet u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa kontra l-popolazzjoni Rohingya fl-Istat ta' Rakhine fit-tieni nofs tal-2017 mit-Tmien Battaljun tal-Pulizija tas-Sigurtà. Il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jinkludi qtil illegali u ħruq sistematiku ta' djar u bini tar-Rohingya. Dak il-ksur twettaq flimkien ma', u bħala appoġġ dirett għal, id-Diviżjoni 33 tal-Infanterija Ħafifa tal-Forzi Armati tal-Myanmar (Tatmadaw) immexxija mill-Brigadier Ġeneral Aung Aung. Thant Zin Oo hu għaldaqstant assoċjat mal-persuna elenkata, il-Brigadier Ġeneral Aung Aung.

25.6.2018



( 1 ) Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 428/2009 tal-5 ta' Mejju 2009 li jistabbilixxi reġim Komunitarju għall-kontroll tal-esportazzjonijiet, it-trasferiment, is-senserija u t-transitu ta' oġġetti b'użu doppju (ĠU L 134, 29.5.2009, p. 1).

( 3 ) Lista Militari Komuni tal-Unjoni Ewropea (adottata mill-Kunsill fil-11 ta' Mazu 2013) (ĠU C 30,27.3.2013, p.1).

( 4 ) IMSI tfisser International Mobile Subscriber Identity (identità internazzjonali tal-abbonati tal-mowbajl). Dan huwa kodiċi ta' identifikazzjoni uniku għal kull biċċa apparat ta' telefonija mobbli, integrata fil-karta SIM u li tippermetti l-identifikazzjoni ta' tali SIM permezz tan-netwerks GSM u UMTS.

( 5 ) MSISDN tfisser Mobile Subscriber Integrated Services Digital Network Number (numru tas-servizzi integrati tan-netwerk diġitali għall-abbonat ta' telefonija mobbli). Dan huwa numru uniku li jidentifika s-sottoskrizzjoni f'netwerk tal-mowbajls GSM jew UMTS. Fi kliem sempliċi, huwa n-numru tat-telefown għall-karta SIM f'mowbajl, u għaldaqstant jidentifika abbonat tal-mowbajl kif ukoll IMSI, iżda biex jittrażmetti t-telefonati permezz tiegħu.

( 6 ) IMEI tfisser International Mobile Equipment Identity (identità internazzjonali tal-apparat tal-mowbajl). Dan huwa numru, normalment uniku, biex jidentifika l-mowbajls GSM, WCDMA u IDEN kif ukoll xi telefowns satellitari. Normalment issibu stampat fil-kompartiment tal-batterija tal-mowbajl. L-interċettazzjoni telefonika tista' tiġi speċifikata permezz tan-numru IMEI kif ukoll l-IMSI u l-MSISDN tiegħu.

( 7 ) TMSI tfisser Temporary Mobile Subscriber Identity (identità temporanja tal-abbonat tal-mowbajl). Din hia l-identità li tintbagħat l-aktar komunement bejn il-mowbajl u n-netwerk.

( 8 ) SMS tfisser Short Message System (sistema ta' messaġġi qosra).

( 9 ) GSM tfisser Global System for Mobile Communications (sistema globali għall-komunikazzjoni mobbli).

( 10 ) GPS tfisser Global Positioning System (sistema ta' pożizzjonament globali).

( 11 ) GPRS tfisser General Package Radio Service (servizz ġenerali tar-radju f'pakketti).

( 12 ) UMTS tfisser Universal Mobile Telecommunication System (sistema universali ta' komunikazzjoni mobbli).

( 13 ) CDMA tfisser Code Division Multiple Access (aċċess multiplu b'diviżjoni tal-kodiċi).

( 14 ) PSTN tfisser Public Switch Telephone Network (netwerk telefoniku pubbliku bl-iswiċċ).

( 15 ) DHCP tfisser Dynamic Host Configuration Protocol (protokoll ta' konfigurazzjoni dinamika tal-host).

( 16 ) SMTP tfisser Simple Mail Transfer Protocol (protokoll ta' trasferiment sempliċi tal-posta).

( 17 ) GTP tfisser GPRS Tunneling Protocol.