02013R0228 — MT — 14.12.2019 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
REGOLAMENT (UE) Nru 228/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-13 ta' Marzu 2013 (ĠU L 078 20.3.2013, p. 23) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
REGOLAMENT (UE) 2016/2031 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-26 ta' Ottubru 2016 |
L 317 |
4 |
23.11.2016 |
REGOLAMENT (UE) Nru 228/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tat-13 ta' Marzu 2013
li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006
KAPITOLU I
SUĠĠETT U OBJETTIVI
Artikolu 1
Suġġett
Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri speċifiċi dwar l-agrikoltura biex jitnaqqsu d-diffikultajiet maħluqa min-natura estremament remota, b’mod partikolari l-bgħid, l-isolazzjoni, iċ-ċokon tad-daqs kwadrat, it-terren, il-klima diffiċli u d-dipendenza ekonomika fuq numru limitat ta’ prodotti tar-reġjuni tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 349 tat-Trattat (“ir-reġjuni ultraperiferiċi”).
Artikolu 2
Objettivi
1. Il-miżuri speċifiċi msemmija fl-Artikolu 1 għandhom jgħinu sabiex jinkisbu l-objettivi li ġejjin:
(a) il-garanzija tal-provvista ta’ prodotti essenzjali lir-reġjuni ultraperiferiċi għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar bħala inputs agrikoli billi jittaffew l-ispejjeż żejda mġarrba minħabba n-natura estremament remota tagħhom, mingħajr ma ssir ħsara lill-produzzjonijiet lokali u t-tkabbir tagħhom;
(b) l-iżgurar tal-ġejjieni fit-tul u l-iżvilupp tas-setturi tal-“bhejjem” u tad-“diversifikazzjoni tal-uċuħ” fir-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ tal-prodotti lokali;
(c) il-manutenzjoni tal-iżvilupp u t-tisħiħ tal-kompetittività tal-attivitajiet agrikoli tradizzjonali fir-reġjuni ultraperiferiċi, inklużi l-produzzjoni, l-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-għelejjel u l-prodotti lokali.
2. L-objettivi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu implimentati permezz tal-miżuri indikati fil-Kapitoli III, IV u V.
KAPITOLU II
PROGRAMMI POSEI
Artikolu 3
Stabbiliment tal-programmi POSEI
1. Il-miżuri previsti fl-Artikolu 1 għandhom jiġu definiti għal kull reġjun ultraperiferiku permezz ta’ Programm ta’ Soluzzjonijiet Speċifikatament Relattivi għall-Bogħod u l-Insularità (“il-programm POSEI”), li jinkludi:
(a) arranġamenti speċifiċi ta’ provvista kif previst fil-Kapitolu III; u
(b) miżuri speċifiċi li jgħinu l-produzzjonijiet agrikoli lokali kif previsti fil-Kapitolu IV.
2. Il-programm POSEI għandu jkun stabbilit fil-livell ġeografiku meqjus l-aktar xieraq mill-Istat Membru kkonċernat. Dan għandu jitfassal mill-awtoritajiet kompetenti maħtura mill-Istat Membru li, wara li jikkonsulta mal-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet kompetenti fuq il-livell territorjali adegwat, għandu jressqu quddiem il-Kummissjoni għall-approvazzjoni skont l-Artikolu 6.
3. Programm POSEI wieħed biss għandu jitressaq minn Stat Membru għar-reġjuni ultraperiferiċi tiegħu.
Artikolu 4
Kompatibbiltà u konsistenza
1. Il-miżuri meħuda taħt il-programmi POSEI għandhom ikunu konformi mal-liġi tal-Unjoni. Dawn il-miżuri għandhom ikunu konsistenti ma’ kwalunkwe politika oħra tal-Unjoni u mal-miżuri meħuda taħt tali politika.
2. Għandha tkun żgurata l-konsistenza tal-miżuri meħuda skont il-programmi POSEI mal-miżuri implimentati skont strumenti oħra tal-politika agrikola komuni, u b’mod partikolari fl-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, l-iżvilupp rurali, il-kwalità tal-prodott, it-trattament xieraq tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent.
B’mod partikolari, l-ebda miżura taħt dan ir-Regolament m’għandha tkun iffinanzjata bħala:
(a) appoġġ addizzjonali għal sussidju jew skemi ta’ għajnuna taħt organizzazzjoni komuni tas-suq ħlief f’każi eċċezzjonali ġġustifikati minn kriterji oġġettivi;
(b) appoġġ għal proġetti ta’ riċerka, miżuri ta’ appoġġ għal proġetti ta’ riċerka jew miżuri eliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni taħt id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/470/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar in-nefqa fil-kamp veterinarju ( 1 );
(c) appoġġ għall-miżuri fl-ambitu tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
Artikolu 5
Il-kontenut tal-programmi POSEI
Programm POSEI għandu jinkludi:
(a) skeda għall-implimentazzjoni tal-miżuri u tabella finanzjarja ġenerali annwali indikattiva li turi r-riżorsi li għandhom jintużaw;
(b) prova tal-kompatibbiltà u l-konsistenza bejn il-miżuri differenti skont il-programmi u mal-kriterji u l-indikaturi kwantitattivi li għandhom jintużaw għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni;
(c) il-passi meħuda biex jiġi żgurat li l-programmi huma implimentati b’mod effettiv u adegwat, inklużi l-arranġamenti għall-pubbliċità, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni, u sett speċifiku ta’ indikaturi kwantifikati għall-użu fil-valutazzjoni tal-programmi;
(d) il-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti u korpi responsabbli mill-implimentazzjoni tal-programm u l-ħatra ta’ awtoritajiet jew ta’ korpi assoċjati u msieħba soċjoekonomiċi fil-livelli adegwati, u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet li jkunu saru.
Artikolu 6
L-approvazzjoni u l-emendamenti tal-programmi POSEI
1. Il-programmi POSEI huma stabbiliti bir-Regolament KE Nru 247/2006 u huma ffinanzjati fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3).
Kull programm jikkonsisti f’bilanċ previst tal-provvista li jindika l-prodotti, il-kwantitajiet tagħhom u l-ammont ta’ għajnuna għall-provvista mill-Unjoni, flimkien ma’ abbozz ta’ programm ta’ għajnuna għall-produzzjonijiet lokali.
2. Abbażi tal-valutazzjoni annwali tal-implimentazzjoni tal-miżuri inklużi fil-programmi POSEI, l-Istati Membri jistgħu, wara li jikkonsultaw l-imsieħba soċjoekonomiċi kkonċernati, jissottomettu lill-Kummissjoni proposti debitament sostanzjati għall-emendament ta’ dawk il-miżuri fil-qafas tal-allokazzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 30(2) u (3), sabiex jadattawhom aħjar għall-ħtiġijiet tar-reġjuni ultraperiferiċi u għall-istrateġija proposta. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw proċeduri għall-valutazzjoni tal-konformità tal-emendi proposti mal-liġi tal-Unjoni u biex jiġi deċiż jekk għandhomx jiġu approvati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
3. Il-proċeduri stipulati mill-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 jistgħu jieħdu kont tal-elementi li ġejjin: l-importanza tal-modifiki proposti mill-Istati Membri b’referenza għall-introduzzjoni ta’ miżuri ġodda, jekk il-bidliet fil-baġit allokat għall-miżuri humiex sostanzjali, bidliet fil-kwantitajiet u fil-livell ta’ għajnuna għall-prodotti fil-bilanċi previsti tal-provvista, u kwalunkwe emenda tal-kodiċijiet u tad-deskrizzjonijiet stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tariffarja u statistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ( 2 ).
4. L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jiddeterminaw ukoll, għal kull proċedura, il-frekwenza li biha għandhom isiru t-talbiet għal emendi, kif ukoll l-iskadenzi li fihom għandhom jiġu implimentati l-emendi approvati.
Artikolu 7
Emendi dwar l-allokazzjonijiet finanzjarji
Sa mit-22 ta’ April 2013, l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni l-abbozz ta’ emendi għall-programmi POSEI tagħhom biex jirriflettu l-bidliet introdotti mill-Artikolu 30(5).
Dawn l-emendi għandhom isiru applikabbli xahar wara t-tressiq tagħhom jekk matul dan il-perijodu l-Kummissjoni ma tqajjem l-ebda oġġezzjonijiet.
L-awtoritajiet kompetenti għandhom iħallsu l-għajnuna msemmija fl-Artikolu 30(5) mhux aktar tard mit-30 ta’ Ġunju 2013.
Artikolu 8
Monitoraġġ u segwitu
L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-verifiki permezz ta’ kontrolli amministrattivi u fuq il-post. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli li għandhom isiru mill-Istati Membri.
Il-Kummissjoni għandha tadotta wkoll atti ta’ implimentazzjoni dwar il-proċeduri u l-indikaturi fiżiċi u finanzjarji sabiex tassigura sorveljanza effikaċi tal-implimentazzjoni tal-programmi.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
KAPITOLU III
ARRANĠAMENTI SPEĊIFIĊI TA’ PROVVISTA
Artikolu 9
Bilanċ tal-provvista previst
1. Huma stabbiliti arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għall-prodotti agrikoli elenkati fl-Anness I tat-Trattat li huma essenzjali, fir-reġjuni ultraperiferiċi, għall-konsum tal-bniedem, għall-manifattura ta’ prodotti oħra jew bħala inputs agrikoli.
2. L-Istat Membru kkonċernat għandu jistabbilixxi, fil-livell ġeografiku li hu jqis l-aktar adegwat, il-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista b’dikjarazzjoni tal-ammont ta’ ħtiġijiet annwali ta’ kull reġjun ultraperiferiku ta’ provvista tal-prodotti elenkati fl-Anness I tat-Trattat.
Il-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista separata tista’ titħejja għall-ħtiġijiet tal-kumpaniji tal-ippakkjar u tal-ipproċessar ta’ prodotti maħsuba għas-suq lokali, għat-tqassim tradizzjonali fil-bqija tal-Unjoni jew għal esportazzjoni lejn pajjiżi terzi bħala parti mill-kummerċ reġjonali fis-sens tal-Artikolu 14(3), jew bħala parti minn kummerċ tradizzjonali.
Artikolu 10
Operazzjoni tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista
1. Fil-limitu tal-kwantitajiet determinati fil-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista, m’għandhomx japplikaw dazji għal importazzjonijiet diretti minn pajjiżi terzi fir-reġjuni ultraperiferiċi għall-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, prodotti li jkunu daħlu fit-territorju doganali tal-Unjoni taħt arranġamenti ta’ pproċessar attiv jew ta’ ħażna tad-dwana għandhom ikunu meqjusa bħala importazzjonijiet diretti minn pajjiżi terzi.
2. Biex jiġi żgurat li jkunu ssodisfati r-rekwiżiti stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 9(2) f’dawk li huma prezz u kwalità, filwaqt li fl-istess ħin jinżamm is-sehem tal-Unjoni fil-provvisti, għandha tingħata għajnuna biex ir-reġjuni ultraperiferiċi jiġu fornuti bi prodotti tal-Unjoni miżmuma f’imħażen għall-intervent pubbliku jew disponibbli fis-suq tal-Unjoni.
L-ammont ta’ din l-għajnuna għandu jkun iddeterminat għal kull tip ta’ prodott ikkonċernat billi tkun ikkunsidrata l-ispiża addizzjonali tat-trasport lejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-prezzijiet applikati għall-esportazzjonijiet lejn terzi pajjiżi, u fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-ipproċessar jew inputs agrikoli, l-ispejjeż addizzjonali minħabba n-natura estremament remota, b’mod partikolari l-insularità u ċ-ċokon tad-daqs kwadrat tagħhom.
3. M’għandha tingħata l-ebda għajnuna għall-provvista ta’ prodotti li jkunu diġà bbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista f’reġjun ultraperiferiku ieħor.
4. Il-prodotti ta’ kwalità tajba, ġusta u kummerċjabbli biss għandhom jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. Il-prodotti ġejjin minn pajjiżi terzi għandhom jagħtu livell ekwivalenti ta’ garanziji bħal dawk li huma prodotti taħt l-istandards veterinarji u fitosanitarji tal-Unjoni.
Artikolu 11
Implimentazzjoni
Fl-implimentazzjoni tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandu jittieħed kont partikolarment ta’ dan li ġej:
(a) il-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni ultraperiferiċi u, fil-każ ta’ prodotti maħsuba għall-ipproċessar u inputs agrikoli, il-kondizzjonijiet ta’ kwalità meħtieġa;
(b) il-flussi ta’ kummerċ mal-bqija tal-Unjoni;
(c) l-aspett ekonomiku tal-għajnuna proposta;
(d) il-ħtieġa li jiġi żgurat li l-produzzjoni lokali eżistenti la tiġi destabbilizzata, u lanqas tiġi ostakolata fl-iżvilupp tagħha.
Artikolu 12
Ċertifikati
1. L-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni jew l-aċċess għall-għajnuna fil-qafas tal-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom jingħataw mal-preżentata ta’ ċertifikat.
Iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu biss lil dawk l-operaturi mdaħħla f’reġistru miżmum mill-awtoritajiet kompetenti.
Il-liċenzji u ċ-ċertifikati m’għandhomx ikunu trasferibbli.
2. Ma għandha tiġi rekwiżita l-ebda garanzija meta jsiru applikazzjonijiet għal liċenzji tal-importazzjoni, ċertifikati ta’ eżenzjoni jew ċertifikati għall-għajnuna. Madankollu, sa fejn ikun meħtieġ biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tista’ tirrikjedi li tiġi depożitata garanzija ugwali għall-ammont tal-vantaġġ msemmi fl-Artikolu 13. F’dawn il-każijiet għandu japplika l-Artikolu 34(1), (4), (5), (6), (7) u (8) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 376/2008 tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi regoli dettaljati komuni għall-applikazzjoni tas-sistema tal-liċenzji ta’ l-importazzjoni u ta’ l-esportazzjoni u ta’ ċertifikati ta’ iffissar bil-quddiem għal prodotti agrikoli ( 3 ).
Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, taħt l-Artikolu 33, li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet għar-reġistrazzjoni tal-operaturi fir-reġistru u li jipprovdu għall-eżerċizzju sħiħ mill-operaturi tad-drittijiet tagħhom li jieħdu sehem fl-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-miżuri meħtieġa sabiex tassigura l-applikazzjoni uniformi mill-Istati Membri ta’ dan l-Artikolu, speċifikament rigward l-introduzzjoni tal-iskema taċ-ċertifikati u l-impenn meħud mill-operaturi meta jkunu qed jirreġistraw. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
Artikolu 13
L-impatt tal-vantaġġ
1. Il-benefiċċju derivat mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li jirriżulta mill-eżenzjoni minn dazji fuq l-importazzjoni jew mill-għoti ta’ għajnuna għandu jkun soġġett għall-kondizzjoni li l-impatt tal-vantaġġ ekonomiku jingħadda lill-utent finali li, skont il-każ, jista’ jkun il-konsumatur fil-każ tal-prodotti maħsuba għall-konsum dirett, min jipproċessa jew jippakkja l-aħħar fil-każ tal-prodotti maħsuba għall-industrija tal-ipproċessar jew tal-ippakkjar, jew il-bidwi fil-każ tal-prodotti użati għall-għalf tal-annimali jew bħala inputs agrikoli.
Il-vantaġġ imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ugwali għall-ammont tal-eżenzjoni mid-dazju fuq l-importazzjoni jew daqs l-ammont tal-għajnuna.
2. Sabiex tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward l-applikazzjoni tar-regoli spjegati fil-paragrafu 1 u b’mod aktar speċifiku l-kondizzjonijiet għall-monitoraġġ mill-Istati Membri li l-vantaġġ ikun fil-fatt wasal sal-utent aħħari. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
Artikolu 14
L-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi u spedizzjoni lejn il-bqija tal-Unjoni
1. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi r-rekwiżiti li f’konformità magħhom jistgħu jiġu esportati lejn pajjiżi terzi jew mibgħuta lejn il-bqija tal-Unjoni l-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista, li għandhom jinkludu l-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni jew ir-rimbors tal-għajnuna li dak li jkun ikun irċieva, kif indikat fl-Artikolu 10. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista mhijiex soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.
L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-flussi ta’ kummerċ bejn id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej (DOM).
2. L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 ma għandux japplika għall-prodotti pproċessati fir-reġjuni ultraperiferiċi minn prodotti li jkunu bbenefikaw minn arranġamenti speċifiċi ta’ provvista li huma:
(a) esportati lejn pajjiżi terzi jew mibgħuta lejn il-bqija tal-Unjoni fil-limiti tal-kwantitajiet li jikkorrispondu għall-esportazzjonijiet tradizzjonali u għall-ispedizzjonijiet tradizzjonali. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni, biex tistabbilixxi dawk il-kwantitajiet abbażi taċ-ċifri medji tal-ispedizzjonijiet jew tal-esportazzjonijiet, billi jittieħdu bħala referenza ċ-ċifri medji verifikati tal-aħjar tliet snin bejn l-2005 u l-2012. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2);
(b) esportati lejn pajjiżi terzi bħala parti minn kummerċ reġjonali;
(c) mibgħuta bejn ir-reġjuni tal-Azores, ta’ Madeira u tal-Gżejjer Kanarji;
(d) mibgħuta bejn id-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej.
Ma għandu jingħata ebda rimbors għall-esportazzjoni ta’ prodotti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu.
L-esportazzjoni lejn il-pajjiżi terzi tal-prodotti msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, ma għandhiex tkun soġġetta għall-preżentazzjoni ta’ ċertifikat.
3. Għall-finijiet ta’ dan il-Kapitolu, “kummerċ reġjonali” għandu jinftiehem bħala kummerċ li jsir, għal kull reġjun ultraperiferiku, ma’ pajjiżi terzi li jagħmlu parti mill-istess żona ġeografika li fihom jinsabu r-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll ma’ pajjiżi li magħhom hemm rabtiet kummerċjali storiċi. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi lista ta’ dawk il-pajjiżi, b’kunsiderazzjoni għat-talbiet oġġettivi tal-Istati Membri wara konsultazzjoni mas-setturi kkonċernati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
4. Il-prodotti kkunsinjati fid-DOM, fl-Azores, fil-Madeira jew fil-Gżejjer Kanarji li jkunu koperti minn arranġamenti speċifiċi ta’ provvista u li jservu għall-provvista ta’ bastimenti u ajruplani huma kkunsidrati bħala kkonsmati lokalment.
5. B’deroga mill-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), il-kwantitajiet massimi li ġejjin ta’ zokkor (kodiċi NM 1701 ) jistgħu jintbagħtu kull sena mill-Azores lejn il-bqija tal-Unjoni matul il-ħames snin li ġejjin:
— |
fl-2011 : 3 000 tunnellata, |
— |
fl-2012 : 2 500 tunnellata, |
— |
fl-2013 : 2 000 tunnellata, |
— |
fl-2014 : 1 500 tunnellata, |
— |
fl-2015 : 1 000 tunnellata. |
6. L-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jistgħu jirriżultaw f’esportazzjonijiet kummerċjali tradizzjonali jew reġjonali jew spedizzjonijiet tradizzjonali għandhom jissodisfaw, mutatis mutandis, il-kondizzjonijiet ta’ pproċessar applikabbli skont l-arranġamenti ta’ pproċessar attiv u l-proċedura għall-ipproċessar taħt il-kontroll doganali previst fil-leġilazzjoni relevanti tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tas-suriet abitwali kollha ta’ trattament.
Artikolu 15
Zokkor
1. Matul il-perijodu msemmi fl-Artikolu 204(2) u (3), tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-produzzjoni barra l-kwota msemmija fl-Artikolu 61 tal-istess Regolament hija eżentata mid-dazji ta’ importazzjoni, fil-limiti tal-previżjonital-bilanċ tal-provvista msemmija fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament:
(a) għaz-zokkor introdott biex ikun ikkonsmat fil-Madeira u fil-Gżejjer Kanarji fil-forma ta’ zokkor abjad li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 ;
(b) għaz-zokkor raffinat u kkonsmat fl-Azores fil-forma ta’ zokkor mhux ipproċessat li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1701 12 10 (zokkor mhux maħdum tal-pitravi).
2. Fl-Azores, għall-finijiet tal-ipproċessar, il-kwantitajiet imsemmija fil-paragrafu 1 jistgħu jkunu supplimentati, fil-limiti tal-previżjoni tal-bilanċ tal-provvista, permezz ta’ zokkor mhux ipproċessat li jaqa’ taħt il-kodiċi 1701 11 10 (zokkor mhux maħdum tal-kannamieli).
Meta jiġu determinati l-ħtiġijiet ta’ zokkor mhux ipproċessat fl-Azores, għandu jiġi kkunsidrat l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali tal-pitravi taz-zokkor. Il-kwantitajiet koperti mill-arranġamenti ta’ provvista għandhom ikunu determinati sabiex jiġi żgurat li t-total tal-volum taz-zokkor ipproċessat fl-Azores ma jaqbiżx l-10 000 tunnellata kull sena.
Artikolu 16
Trab tal-ħalib xkumat
B’deroga mill-Artikolu 9, il-Gżejjer Kanarji jistgħu jibqgħu jirċievu provvisti ta’ trab tal-ħalib xkumat li jaqa’ taħt il-kodiċi NM 1901 90 99 (trab tal-ħalib xkumat li fih xaħmijiet veġetali) maħsuba għall-ipproċessar industrijali sa 800 tunnellata kull sena. L-għajnuna mogħtija mill-Unjoni għall-provvista ta’ dan il-prodott ma tistax taqbeż il-EUR 210 għal kull tunnellata u għandha tkun inkluża fil-limitu stabbilit fl-Artikolu 30. Dan il-prodott għandu jintuża biss għall-konsum lokali.
Artikolu 17
Ross
Ma għandu jkun impost ebda dazju fid-dipartiment extra-Ewropew Franċiż ta’ Réunion fuq prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 1006 10 , 1006 20 u 1006 40 00 importati għall-konsum hemmhekk.
Artikolu 18
Kontrolli u penali
1. Il-prodotti koperti mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli amministrattivi meta jiġu importati jew introdotti fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll meta jiġu esportati jew mibgħuta minn dawn.
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-karatteristiċi minimi tal-kontrolli li għandhom isiru mill-Istati Membri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
2. Ħlief f’każijiet ta’ force majeure jew kondizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali, jekk operatur, kif imsemmi fl-Artikolu 12, jonqos milli jikkonforma mal-impenji li jkunu saru skont l-Artikolu 12, l-awtorità kompetenti, mingħajr ħsara għal kwalunkwe penali applikabbli skont il-liġi nazzjonali, għandha:
(a) tirkupra l-vantaġġ mogħti lill-operatur;
(b) temporanjament tissospendi jew tirrevoka r-reġistrazzjoni tal-operatur, skont il-gravità tan-nonkonformità.
3. Ħlief f’każijiet ta’ force majeure jew kondizzjonijiet klimatiċi eċċezzjonali, fejn operaturi, kif imsemmi fl-Artikolu 12, ma jwettqux l-importazzjoni jew id-dħul ppjanati, il-jedd tagħhom li japplikaw għal liċenzji jew ċertifikati għandu jiġi sospiż mill-awtorità kompetenti għal perijodu ta’ 60 jum wara l-iskadenza ta’ dik il-liċenzja jew ċertifikat. Wara l-perijodu tas-sospensjoni, il-ħruġ ta’ liċenzji jew ta’ ċertifikati sussegwenti għandu jkun soġġett għad-depożitu ta’ garanzija ugwali għall-ammont tal-vantaġġ li jkun se jingħata matul perijodu ta’ żmien li jrid jiġi stabbilit mill-awtorità kompetenti.
L-awtorità kompetenti għandha tadotta l-miżuri meħtieġa sabiex tintuża mill-ġdid kull kwantità ta’ prodotti magħmula disponibbi bħala riżultat tan-noneżekuzzjoni, l-eżekuzzjoni parzjali jew il-kanċellament tal-liċenzji u taċ-ċertifikati maħruġa jew l-irkupru tal-vantaġġ mogħti.
KAPITOLU IV
MIŻURI LI JGĦINU L-PRODOTTI AGRIKOLI LOKALI
Artikolu 19
Miżuri
1. Il-programmi POSEI għandhom jinkludu miżuri speċifiċi favur il-prodotti agrikoli lokali skont it-termini tat-Titolu III tal-Parti Tlieta tat-Trattat, meħtieġa għall-assigurazzjoni tal-kontinwità u l-iżvilupp tal-prodotti agrikoli lokali f’kull reġjun ultraperiferiku.
2. Il-partijiet tal-programm li jinkludu miżuri biex tiġi megħjuna l-produzzjoni agrikola lokali u li jikkorrispondu għall-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 2 għandhom jinkludu mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a) deskrizzjoni kwantifikata tas-sitwazzjoni attwali tal-produzzjoni agrikola li tqis ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet disponibbli, li turi d-differenzi, in-nuqqasijiet u l-potenzjal għall-iżvilupp, ir-riżorsi finanzjarji użati u r-riżultati ewlenin ta’ miżuri meħuda qabel;
(b) deskrizzjoni tal-istrateġija proposta, il-prijoritajiet magħżula u l-objettivi ġenerali u operattivi kwantifikati, u valutazzjoni li turi l-impatt ekonomiku, ambjentali u soċjali mistenni, inklużi l-effetti fuq l-impjiegi;
(c) deskrizzjoni tal-miżuri previsti, u b’mod partikolari l-iskemi ta’ għajnuna għall-implimentazzjoni tagħhom, u, fejn ikun meħtieġ, tagħrif dwar il-ħtiġijiet għal xi studji, proġetti dimostrattivi, taħriġ jew operazzjonijiet ta’ assistenza teknika marbuta mat-tħejjija, l-implimentazzjoni jew l-adozzjoni tal-miżuri kkonċernati;
(d) il-lista tal-għajnuniet li jikkostitwixxu ħlasijiet diretti fis-sens tal-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009;
(e) l-ammont ta’ għajnuna stabbilit għal kull miżura u l-ammont proviżorju għal kull azzjoni sabiex jinkiseb objettiv wieħed jew aktar tal-programm.
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward ir-rekwiżiti għall-provvediment tal-għajnuna deskritta fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
4. Il-programm jista’ jinkludi miżuri ta’ appoġġ għall-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli fir-reġjuni ultraperiferiċi.
Kull miżura tista’ tinkludi varjetà ta’ azzjonijiet. Għal kull azzjoni l-programm għandu jiddefinixxi mill-inqas l-elementi li ġejjin:
(a) il-benefiċjarji;
(b) il-kondizzjonijiet ta’ eliġibbiltà;
(c) l-ammont unitarju tal-għajnuna.
Biex jingħata appoġġ lill-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti barra minn reġjun ta’ produzzjoni tagħhom, il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f’ konformita’ mal-Artikolu 33 dwar il-kondizzjonijiet għall-istabbiliment tal-ammont tal-għajnuna mogħtija fir-rigward ta’ tali kummerċjalizzazzjoni u, fejn ikun il-każ, il-kondizzjonijiet biex jiġu stabbiliti l-kwantitajiet tal-prodotti li jaqgħu taħt din l-għajnuna.
Artikolu 20
Kontrolli u ħlasijiet mhux dovuti
1. Il-kontrolli tal-miżuri msemmija f’dan il-Kapitolu għandhom isiru permezz ta’ kontrolli amministrattivi u kontrolli fuq il-post.
2. F’każ ta’ ħlas mhux dovut, il-benefiċjarju kkonċernat għandu l-obbligu li jħallas lura l-ammonti inkwistjoni. L-Artikolu 80 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kondizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ (dirett) għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kondizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid ( 4 ), għandu japplika mutatis mutandis.
KAPITOLU V
MIŻURI TA’ AKKUMPANJAMENT
Artikolu 21
Logo
1. Għandu jiġi introdott logo bil-għan li jikbru l-għarfien u l-konsum ta’ prodotti agrikoli ta’ kwalità, kemm naturali kif ukoll ipproċessati, speċifiċi għar-reġjuni ultraperiferiċi.
2. Il-kondizzjonijiet għall-użu tal-logo previst fil-paragrafu 1 għandu jkun propost mill-organizzazzjonijiet tal-kummerċ ikkonċernati. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jgħaddu dawn il-proposti, bl-opinjoni tagħhom dwarhom, lill-Kummissjoni.
L-użu tal-logo għandu jkun sorveljat minn awtorità uffiċjali jew minn korp approvat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.
3. Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, taħt l-Artikolu 33, dwar il-kondizzjonijiet għall-eżerċizzju tad-dritt tal-użu tal-logo kif ukoll tar-riproduzzjoni u l-użu tiegħu. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom ikunu mmirati sabiex jikber l-għarfien dwar il-prodotti agrikoli ta’ kwalità għolja mir-reġjuni ultraperiferiċi u sabiex jikber il-konsum tagħhom, kemm jekk ikunu prodotti pproċessati kif ukoll jekk mhux ipproċessati.
4. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward ir-regoli dettaljati rigward l-użu tal-logo u l-karatteristiċi minimi għall-kontrolli u l-monitoraġġ li l-Istati Membri għandhom iwettqu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
Artikolu 22
Żvilupp rurali
1. Minkejja l-Artikolu 39(4) tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005, l-ammonti annwali massimi eliġibbli fl-ambitu għall-għajnuna tal-Unjoni Ewropea, kif spjegati fl-Anness I tal-imsemmi Regolament, jistgħu jiżdiedu sad-doppju f’dak li jirrigwarda l-miżura ta’ protezzjoni tal-lagi fl-Azores u l-miżura għall-preservazzjoni tal-pajsaġġ, tal-bijodiversità u tal-karatteristiċi tradizzjonali tal-artijiet agrikoli u l-konservazzjoni tal-ħitan tal-ġebel fir-reġjuni ultraperiferiċi.
2. Deskrizzjoni tal-miżuri ppjanifikati taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun inkluża, fejn xieraq, fil-programmi għal dawn ir-reġjuni msemmija fl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 1698/2005.
Artikolu 23
Għajnuna mill-Istat
1. Għall-prodotti agrikoli koperti mill-Anness I tat-Trattat, li għalihom japplikaw l-Artikoli 107, 108 u 109 tiegħu, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza għajnuna operattiva, f’konformità mal-Artikolu 108 tat-Trattat, fis-setturi tal-produzzjoni, tal-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ dawk il-prodotti, bl-għan li jittaffew ir-restrizzjonijiet speċifiċi fuq ir-reġjuni ultraperiferiċi li jirriżultaw mill-isolazzjoni, l-insularità u n-natura estremament remota tagħhom.
2. L-Istati Membri jistgħu jagħtu finanzjament addizzjonali għall-implimentazzjoni tal-programmi POSEI. F’dan il-każ, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat u l-Kummissjoni tista’ tapprovahom f’konformità ma’ dan ir-Regolament, bħala parti minn dawn il-programmi. Dawn l-għajnuniet notifikati għandhom jiġu kkunsidrati bħala notifikati skont it-termini tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 108(3) tat-Trattat.
3. Franza tista’ tagħti għajnuna sa EUR 90 miljun fis-settur taz-zokkor tar-reġjuni Franċiżi ultraperiferiċi, għal kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni.
Franza għandha tinforma lill-Kummissjoni fi żmien 30 jum minn tmiem kull sena ta’ kummerċjalizzazzjoni dwar l-ammont ta’ għajnuna li fil-fatt tkun tat.
4. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu u b’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 180 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 tal-24 ta’ Lulju 2006 li japplika ċerti regoli ta’ kompetizzjoni għall-produzzjoni ta’, u l-kummerċ fi, prodotti agrikoli ( 5 ), l-Artikoli 107, 108 u 109 tat-Trattat ma għandhomx japplikaw għall-ħlasijiet li jkunu saru mill-Istati Membri taħt dan ir-Regolament, b’applikazzjoni tal-Kapitolu IV ta’ dan ir-Regolament, il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u tal-Artikoli 24 u 28 ta’ dan ir-Regolament.
Artikolu 24
Programmi għas-saħħa tal-pjanti
1. L-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni programmi għall-kontroll ta’ organiżmi li jagħmlu ħsara lill-pjanti jew lill-prodotti tal-pjanti fir-reġjuni ultraperiferiċi. Il-programmi għandhom jispeċifikaw b’mod partikolari l-objettivi li għandhom jintlaħqu, il-miżuri li għandhom jitwettqu, id-durata u l-ispiża tagħhom.
Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-programmi mressqa. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tiddeċiedi jekk tapprovax dawk il-programmi. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
2. L-Unjoni għandha tikkontribwixxi għall-finanzjament tal-programmi previsti fil-paragrafu 1 fuq il-bażi ta’ analiżi teknika tas-sitwazzjonijiet reġjonali.
Tali kontribuzzjoni tista’ tkopri sa 75 % tan-nefqa eliġibbli. Il-ħlas għandu jsir abbażi tad-dokumentazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jiġu organizzati kontrolli mill-Kummissjoni u jsiru f’isimha minn esperti kif imsemmi fl-Artikolu 21 tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità ( 6 ).
Il-finanzjament mill-Unjoni tal-programmi għall-kontroll ta' pesti fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni għandu jiġi implimentat skont ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. ( 7 )
3. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni għal kull reġjun u programm, abbażi tal-kriterji ffissati fil-paragrafu 2 u l-programm ippreżentat skont il-paragrafu 1, biex tistabbilixxi:
(a) il-parteċipazzjoni finanzjarja tal-Unjoni, kif ukoll l-ammont tal-għajnuna;
(b) il-miżuri eliġibbli għal finanzjament mill-Unjoni.
Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
Artikolu 25
Inbid
1. Il-miżuri msemmija fl-Artikoli 103v, 103w, 103x u 182a tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandhomx japplikaw la għall-Azores u lanqas għall-Madeira.
2. Minkejja t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, l-għeneb li jkun ġej mill-varjetajiet tad-dwieli msemmija fil-punt (b) tas-subparagrafu msemmi, maħsuda fir-reġjuni tal-Azores u tal-Madeira, jista’ jintuża għall-produzzjoni ta’ inbid li għandu jibqa’ f’dawk ir-reġjuni.
Il-Portugall għandu gradwalment jelimina l-produzzjoni mill-għelieqi tad-dwieli msemmija fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 120a(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, bl-appoġġ, fejn xieraq, previst fl-Artikolu 103q ta’ dak ir-Regolament.
3. B’deroga mill-Artikolu 85f tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, ir-reġim transizzjonali tad-drittijiet ta’ tħawwil għandhom japplikaw għall-Gżejjer Kanarji sal-31 ta’ Diċembru 2012.
Artikolu 26
Ħalib
1. Għall-finijiet tat-tqassim ta’ dazju għaż-żejjed taħt l-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, huma biss il-produtturi fis-sens tal-Artikolu 65(c) ta’ dak ir-Regolament, stabbiliti u li jipproduċu fl-Azores, li jqiegħdu fis-suq kwantitajiet li jaqbżu l-kwota tagħhom, miżjuda bil-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu ta’ dan il-paragrafu li għandhom jitqiesu bħala li kkontribwixxew għall-produzzjoni żejda.
Id-dazju fuq iż-żejjed għandu jitħallas fuq kwantitajiet li jaqbżu l-kwota miżjuda mill-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu, wara allokazzjoni mill-ġdid, fost il-produtturi kollha fis-sens tal-Artikolu 65(c) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, stabbiliti u li jipproduċu fl-Azores, u proporzjonalment mal-kwota disponibbli għal kull produttur, tal-kwantitajiet mhux użati fil-marġni li tirriżulta minn din iż-żieda u li baqgħu ma ntużawx.
Il-perċentwal imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandu jkun ugwali għall-proporzjon bejn il-kwantità ta’ 23 000 tunnellata mis-sena ta’ kummerċjalizzazzjoni 2005/2006 ’il quddiem u t-total tal-kwantitajiet ta’ referenza disponibbli fuq kull azjenda fil-31 ta’ Marzu 2010. Hu għandu japplika biss għall-kwota disponibbli fuq l-azjenda fil-31 ta’ Marzu 2010.
2. Il-kwanitatijiet ta’ ħalib jew ekwivalenti tal-ħalib imqiegħda fis-suq li jaqbżu l-kwota, iżda li jaqblu mal-perċentwal imsemmi fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1, wara l-allokazzjoni mill-ġdid imsemmija fl-istess paragrafu, m’għandhomx jitqiesu waqt li tiġi stabbilita kwalunkwe produzzjoni akbar mill-kwota mill-Portugall kif ikkalkulata b’konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007.
3. L-iskema ta’ dazju fuq iż-żejjed applikabbli għall-produtturi tal-ħalib prevista fir-Regolament (KE) Nru 1234/2007 ma għandhiex tapplika għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej jew, fil-limitu tal-produzzjoni lokali ta’ 4 000 tunnellata ħalib, fil-Madeira.
4. Minkejja l-Artikolu 114(2) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007, il-produzzjoni ta’ ħalib UHT rikostitwit minn trab tal-ħalib li joriġina mill-Unjoni għandha tkun awtorizzata fil-Madeira u fid-dipartiment Franċiż extra-Ewropew ta’ Réunion, fil-limiti tal-ħtiġijiet ta’ konsum lokali, sakemm din il-miżura ma xxekkilx il-ħalib prodott lokalment milli jinġabar u jiġi dispost. Jekk Franza turi l-espedjenza ta’ tali miżura għad-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej ta’ Martinique u tal-Gwadalup u l-Gujana Franċiża, il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa, li tadotta atti delegati, fejn meħtieġ f’konformità mal-Artikolu 33, sabiex testendi din il-miżura għal dawk id-dipartimenti. Dan il-prodott għandu jintuża biss għall-konsum lokali.
Il-metodu kif jinkiseb il-ħalib UHT hekk rikostitwit għandu jkun indikat b’mod ċar fuq it-tikketta tal-bejgħ.
Artikolu 27
Trobbija tal-ifrat
1. Sa meta l-kwantità lokali tal-ifrat irġiel żgħar tilħaq livell suffiċjenti biex tiżgura l-manutenzjoni u l-iżvilupp tal-produzzjoni lokali tal-laħam taċ-ċanga fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira, għandha tiddaħħal l-possibbiltà li jiġu importati annimali tal-ifrat minn pajjiżi terzi għas-simna u l-konsum fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira, mingħajr l-applikazzjoni tad-dazji fuq l-importazzjoni skont it-Tariffa Doganali Komuni. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ dan is-subparagrafu u b’mod aktar speċifiku l-mezzi għall-introduzzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward tal-ifrat irġiel żgħar li jiddaħħlu fid-dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej u fil-Madeira. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
L-Artikoli 13 u 14(1) għandhom japplikaw għall-annimali li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.
2. Il-kwantità ta’ annimali li jikkwalifikaw għall-eżenzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun determinata fil-programmi POSEI, meta l-ħtieġa għall-importazzjoni tkun iġġustifikata, minħabba l-iżviluppi fil-produzzjoni lokali. Għandha tingħata prijorità fir-rigward ta’ dawn l-annimali lill-produtturi li jżommu annimali għas-simna li minnhom mill-anqas 50 % huma ta’ oriġini lokali.
Il-Kummissjoni b’dan tingħata s-setgħa li tadotta dawk atti delegati, taħt l-Artikolu 33, li jistipulaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni. Dawk il-kondizzjonijiet għandhom jieħdu kont tal-karatteristiċi speċifiċi lokali tas-settur u l-industrija taċ-ċanga.
3. Fejn ikunu applikati l-Artikolu 52 u l-Artikolu 53(1), tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, il-Portugall jista’ jnaqqas il-komponent tal-limitu nazzjonali li jikkorrispondi għall-ħlas tad-drittijiet tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż u għad-drittijiet tal-primjum tal-baqar li jreddgħu. F’tali każ, il-Kummissjoni għandha taddotta att ta’ implimentazzjoni dwar l-ammont rilevanti li għandu jiġi trasferit mil-limiti stabbiliti skont l-Artikolu 52 u l-Artikolu 53(1) tar-Regolament (KE) Nru 73/2009 għar-riżorsi finanzjarji msemmija fit-tieni inċiż tal-Artikolu 30(2) ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
Artikolu 28
Għajnuna mill-Istat għall-produzzjoni tat-tabakk
Spanja hija awtorizzata tagħti għajnuna rigward il-produzzjoni tat-tabakk fil-Gżejjer Kanarji. L-għoti ta’ din l-għajnuna m’għandux iwassal għal diskriminazzjoni bejn il-produtturi fil-gżejjer.
L-ammont tal-għajnuna ma jistax jaqbeż is-somma ta’ EUR 2 980,62 għal kull tunnellata. L-għajnuna addizzjonali għandha titgħata għal massimu ta’ 10 tunnellati kull sena.
Artikolu 29
Eżenzjoni mid-dazju fuq it-tabakk
1. L-ebda dazju m’għandu jiġi applikat għal importazzjonijiet diretti fil-Gżejjer Kanarji ta’ tabakk mhux maħdum u nofsu maħdum li jaqa’, rispettivament, taħt:
(a) Kodiċi tan-NM 2401 ; kif ukoll
(b) is-subtitoli li ġejjin:
— 2401 10 Tabakk mhux maħdum mhux imqaxxar,
— 2401 20 Weraq tat-tabakk biz-zokk parzjalment maqtugħ jew maqtugħ kollu,
— ex 2401 20 Għata ta’ barra għas-sigarri ppreżentati fuq stends, f’rukkelli, maħsuba għall-manifattura tat-tabakk,
— 2401 30 Skart tat-tabakk,
— ex 2402 10 Sigarri mhux kompluti mingħajr kisja,
— ex 2403 10 Biċċiet ta’ tabakk (taħlit finalizzat ta’ tabakk għall-manifattura ta’ sigaretti, sigarri, sigarri ħoxnin miftuħin miż-żewġt itruf u sigarri żgħar),
— ex 2403 91 Tabakk omoġenizzat jew rikostitwit, kemm jekk imqiegħed f’forma ta’ folja jew fi strixxi,
— ex 2403 99 Tabakk imwessa’.
L-eżenzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu għandha tingħata permezz taċ-ċertifikati msemmija fl-Artikolu 12.
Din l-eżenzjoni għandha tapplika għall-prodotti msemmija fl-ewwel subparagrafu, maħsuba għall-ipproċessar fil-Ġejjer Kanarji biex isiru prodotti manifatturati lesti għat-tipjip, soġġett għal limitu annwali ta’ importazzjoni ta’ 20 000 tunnellata tal-ekwivalenti ta’ tabakk mhux maħdum imqaxxar.
2. Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni rigward il-miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-paragrafu 1 u b’mod aktar speċifiku l-miżuri biex tiddaħħal l-eżenzjoni mid-dazji fuq l-importazzjoni fir-rigward tat-tabakk fil-Gżejjer Kanarji. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
KAPITOLU VI
DISPOŻIZZJONIJIET FINANZJARJI
Artikolu 30
Riżorsi finanzjarji
1. Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom jikkostitwixxu intervent maħsub biex jistabbilizza s-swieq agrikoli fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni ( 8 ), bl-eċċezzjoni tal-miżuri previsti:
(a) fl-Artikolu 22; u
(b) fl-Artikolu 24, mid-data tal-applikazzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014–2020.
2. Għal kull sena finanzjarja l-Unjoni għandha tiffinanzja l-miżuri previsti fil-Kapitoli III u IV sa somma annwali massima ekwivalenti għal dan li ġej:
fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej |
: |
EUR 278,41 miljun |
Azores u Madeira |
: |
EUR 106,21 miljun |
Gżejjer Kanarji |
: |
EUR 268,42 miljun. |
3. L-ammonti allokati annwalment għal kull sena finanzjarja għall-finanzjament tal-miżuri previsti fil-Kapitolu III ma jistgħux ikunu akbar mill-ammonti li ġejjin:
fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej |
: |
EUR 26,9 miljun |
Azores u Madeira |
: |
EUR 21,2 miljun |
Gżejjer Kanarji |
: |
EUR 72,7 miljun. |
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi r-rekwiżiti li f’konformità magħhom l-Istati Membri jistgħu jemendaw l-allokazzjoni tar-riżorsi allokati kull sena għall-prodotti differenti li jibbenefikaw mill-arranġamenti speċifiċi ta’ provvista. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 34(2).
4. Il-Kummissjoni b’dan tinghata s-setgħa li tadotta att delegati, taħt l-Artikolu 33, dwar il-kondizzjonijiet biex jiġi determinat l-ammont massimu annwali li jista’ jiġi allokat għall-miżuri ta’ finanzjament ta’ studji, proġetti dimostrattivi, taħriġ u għajnuna teknika, sakemm tali allokazzjoni tkun raġonevoli u proporzjonata.
5. Għas-sena finanzjarja 2013, l-Unjoni għandha tagħti finanzjament addizzjonali għas-settur tal-banana tar-reġjuni ultraperiferiċi sal-ammonti massimi li ġejjin:
fid-Dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej |
: |
EUR 18,52 miljun |
Azores u Madeira |
: |
EUR 1,24 miljun |
Gżejjer Kanarji |
: |
EUR 20,24 miljun. |
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI U FINALI
Artikolu 31
Miżuri nazzjonali
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontrolli u sanzjonijiet amministrattivi, u għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni b’dan.
Artikolu 32
Komunikazzjonijiet u rapporti
1. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Frar ta’ kull sena dwar l-approprjazzjonijiet li jkunu saru disponibbli għalihom li jkunu bi ħsiebhom jonfqu matul is-sena ta’ wara għall-implimentazzjoni tal-bilanċ provviżorju tal-provvista u għal kull miżura favur il-produzzjoni agrikola lokali inkluża fil-programmi POSEI.
2. L-Istati Membri għandhom iressqu quddiem il-Kummissjoni, sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Settembru ta’ kull sena, rapport dwar l-implimentazzjoni fis-sena preċedenti tal-miżuri previsti f’dan ir-Regolament.
3. Sat-30 ta’ Ġunju 2015, u wara kull ħames snin, il-Kummissjoni għandha tissottometti rapport ġenerali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li juri l-impatt tal-azzjonijiet meħuda taħt dan ir-Regolament, inkluż fis-setturi tal-banana u tal-ħalib, flimkien ma’ proposti xierqa, fejn applikabbli.
4. Il-Kummissjoni għandha tinkludi kapitolu speċifiku fl-analiżijiet, l-istudji u l-valutazzjonijiet li twettaq fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali u tal-politika agrikola komuni fejn ikun involut qasam li jkun ta’ interess partikolari għar-reġjuni ultraperiferiċi.
Artikolu 33
L-eżerċizzju tad-delega
1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(4), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 30(4) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-21 ta' Marzu 2013. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.
3. Id-delega ta’ setgħa msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(4), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 30(4) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.
4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
5. L-atti delegati adottati skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 12(2), it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(3), l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 26(4), it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 27(2) u l-Artikolu 30(4) għandhom jidħlu fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’ xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Artikolu 34
Proċedura ta’ kumitat
1. Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat ta’ Ġestjoni tal-Pagamenti Diretti stabbilit permezz tal-Artikolu 141 tar-Regolament (KE) Nru 73/2009, ħlief għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 24 ta’ dan ir-Regolament, li għalih il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti stabbilit permezz tad-Deċijoni tal-Kunsill 76/894/KEE ( 9 ). Dawk il-Kumitati għandhom ikuni kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
2. Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 35
Reviżjoni
Il-Kummissjoni għandha tirrivedi dawn l-arranġamenti qabel tmiem l-2013, fid-dawl tal-effikaċja ġenerali tagħhom u l-qafas ta’ politika l-ġdid tal-PAK, u jekk ikun meħtieġ għandha tressaq proposti xierqa għal skema riveduta tal-POSEI.
Artikolu 36
Tħassir
Ir-Regolament (KE) Nru 247/2006 huwa b’dan imħassar.
Ir-referenzi għar-Regolament imħassar għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament u għandhom jinqraw b’konformità mat-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness.
Artikolu 37
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS
Tabella ta’ korrelazzjoni
Regolament (KE) Nru 247/2006 |
Dan ir-Regolament |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikolu 2 |
Artikolu 9 |
Artikolu 3(1) u (2) |
Artikolu 10(1) u (2) |
— |
Artikolu 10(3) |
— |
Artikolu 10(4) |
Artikolu 3(3) |
Artikolu 11 |
Artikolu 3(4) |
Artikolu 13 |
Artikolu 4(1) u (2) |
Artikolu 14(1) u (2) |
— |
Artikolu 14(3) |
— |
Artikolu 14(4) |
Artikolu 4(3) |
Artikolu 14(5) |
Artikolu 5 |
Artikolu 15 |
Artikolu 6 |
Artikolu 16 |
Artikolu 7 |
Artikolu 17 |
Artikolu 8 l-aħħar sentenza |
Artikolu 12(3) |
Artikolu 9(1) u Artikolu 10 |
Artikolu 19(1) |
Artikolu 9(2) u (3) |
Artikolu 3 |
Artikolu 11 |
Artikolu 4 |
Artikolu 12(a), (b) u (c) |
Artikolu 19(2)(a), (b) u (c) |
Artikolu 12(d), (e), (f), (g) |
Artikolu 5 |
Artikolu 13 |
Artikolu 8 tieni paragrafu |
Artikolu 14 |
Artikolu 21 |
Artikolu 15 |
Artikolu 22 |
Artikolu 16 |
Artikolu 23 |
Artikolu 17 |
Artikolu 24 |
Artikolu 18 |
Artikolu 25 |
Artikolu 19 |
Artikolu 26 |
Artikolu 20 |
Artikolu 27 |
Artikolu 21 |
Artikolu 28 |
Artikolu 22 |
Artikolu 29 |
Artikolu 23 |
Artikolu 30 |
Artikolu 24 |
Artikolu 6 |
Artikolu 27 |
Artikolu 31 |
Artikolu 28 |
Artikolu 32 |
Artikolu 29 |
Artikolu 36 |
Artikolu 33 |
Artikolu 37 |
( 1 ) ĠU L 155, 18.6.2009, p. 30.
( 2 ) ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1.
( 3 ) ĠU L 114, 26.4.2008, p. 3.
( 4 ) ĠU L 316, 2.12.2009, p. 65.
( 5 ) ĠU L 214, 4.8.2006, p. 7.
( 6 ) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Volum 29, p. 258.
( 7 ) Ir-Regolament (UE) Nru 652/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 98/56/KE, 2000/29/KE u 2008/90/KE, ir- Regolamenti (KE) Nru 178/2002, (KE) Nru 882/2004 u (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 66/399/KEE, 76/894/KEE u 2009/470/KE (ĠU L 189, 27.6.2014, p. 1).
( 8 ) ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.
( 9 ) ĠU L 340, 9.12.1976, p. 25, Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Volum 3, p. 60.