2013R0153 — MT — 15.06.2016 — 001.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 153/2013 tad-19 ta' Diċembru 2012 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali (ĠU L 052 23.2.2013, p. 41) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/822 tal-21 ta' April 2016 |
L 137 |
1 |
26.5.2016 |
|
REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 153/2013
tad-19 ta' Diċembru 2012
li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji dwar rekwiżiti għall-kontropartijiet ċentrali
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
ĠENERALI
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
1. “riskju ta’ bażi“ tfisser ir-riskju li jirriżulta minn movimenti kkorrelati mhux perfettament bejn żewġ assi jew kuntratti jew aktar ikklerjati mill-kontroparti ċentrali (CCP);
2. “intervall ta’ kunfidenza” tfisser il-persentaġġ ta’ movimenti ta’ skoperturi għal kull strument finanzjarju kklerjat b’referenza għal perjodu retrospettiv speċifiku li CCP hija meħtieġa li tkopri tul ċertu perjodu ta’ likwidazzjoni;
3. “rendiment ta’ konvenjenza” tfisser il-benefiċċji minn sjieda diretta tal-komodità fiżika u huwa affettwat kemm mill-kundizzjonijiet tas-suq kif ukoll minn fatturi bħal spejjeż fiżiċi tal-ħżin;
4. “marġni” tfisser marġni kif imsemmija fl-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jistgħu jinkludu marġni inizjali u l-marġni ta’ varjazzjoni;
5. “marġni inizjali” tfisser marġni miġbura mis-CCP biex tkopri l-iskopertura futura potenzjali għal membri tal-ikklerjar li jipprovdu l-marġni u, fejn rilevanti, CCPs interoperabbli fl-intervall bejn l-aħħar ġbir tal-marġni u l-likwidazzjoni ta’ pożizzjonijiet wara l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar jew indampjenza ta’ CCP interoperabbli;
6. “marġni ta’ varjazzjoni” tfisser marġni miġbura jew imħallsa biex jirriflettu l-iskoperturi attwali li jirriżultaw minn tibdil attwali fil-prezz tas-suq;
7. “riskju ta’ inadempjenza mhux mistennija” tfisser ir-riskju li kontroparti jew emittent isiru inadempjenti f’daqqa qabel ma s-suq ikollu żmien biżżejjed biex iqis dan fir-riskju akbar ta’ inadempjenza tiegħu;
8. “perjodu ta’ likwidazzjoni”tfisser il-perjodu ta’ żmien użat għall-kalkolu tal-marġni li s-CCP tistma li huwa meħtieġ biex tiġi mmaniġġjata l-iskopertura tagħha għal membru inadempjenti u li matulu s-CCP tkun esposta għal riskju tas-suq relatat mal-ġestjoni tal-pożizzjonijiet tal-parti inadempjenti;
9. “perjodu retrospettiv” tfisser l-orizzont ta’ żmien għall-kalkolu tal-volatilità storika;
10. “eċċezzjoni mill-ittestjar” tfisser ir-riżultat ta’ test li juri li l-mudell ta’ CCP jew il-qafas ta’ ġestjoni ta’ riskju tal-likwidità ma rriżultawx fil-livell ta’ kopertura intenzjonat;
11. “riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli” tfisser ir-riskju li jirriżulta minn skopertura għal kontroparti jew emittent meta l-kollateral pprovdut minn dik il-kontroparti jew maħruġ minn dak l-emittent huwa ikkorrelatat ħafna mar-riskju tal-kreditu tiegħu.
KAPITOLU II
RIKONOXXIMENT TA’ CCPS TA’ PAJJIŻI TERZI
(l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 2
Informazzjoni li trid tiġi pprovduta lill-AETS għar-rikonoxximent ta’ CCP
Applikazzjoni għar-rikonoxximent sottomessa minn CCP stabbilita f’pajjiż terz tinkludi mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(a) l-isem sħiħ tal-entità legali;
(b) l-identitajiet tal-azzjonisti jew tal-membri b’parteċipazzjonijiet azzjonarji kwalifikanti;
(c) lista tal-Istati Membri li fihom tkun biħsiebha tipprovdi servizzi;
(d) klassijiet ta’ strumenti finanzjarji kklerjati;
(e) dettalji li għandhom jiġu inklużi fil-websajt tal-AETS skont l-Artikolu 88(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;
(f) dettalji dwar ir-riżorsi finanzjarji tagħha, l-għamla u l-metodi li bihom huma miżmuma u l-arranġamenti biex jiġu ggarantiti inklużi l-proċeduri tal-ġestjoni tal-inadempjenza;
(g) dettalji dwar il-metodoloġija tal-marġni u għall-kalkolu tal-fond tal-inadempjenza;
(h) lista tal-kollateral eliġibbli;
(i) tqassim tal-valuri, f’forma prospettiva jekk meħtieġa, ikklerjati mis-CCP applikanti skont kull munita tal-UE kklerjata;
(j) riżultati tat-testijiet tal-istress u t-testijiet retrospettivi mwettqa matul is-sena ta’ qabel id-data tal-applikazzjoni;
(k) ir-regoli u l-proċeduri interni tagħha bl-evidenzi tal-konformità sħiħa mar-rekwiżiti applikabbli f’dak il-pajjiż terz;
(l) dettalji ta’ kwalunkwe arranġament ta’ esternalizzazzjoni;
(m) dettalji dwar l-arranġamenti ta’ segregazzjoni u s-sodezza legali u l-infurzabbiltà rispettivi;
(n) dettalji dwar ir-rekwiżiti ta’ aċċess tas-CCP u t-termini għas-sospensjoni u t-tmiem ta’ sħubija;
(o) dettalji ta’ kull arranġament ta’ interoperabilità, inkluża l-informazzjoni pprovduta lill-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz għall-fini ta’ valutazzjoni tal-arranġament.
KAPITOLU III
REKWIŻITI ORGANIZZATTIVI
(l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 3
Arranġamenti ta’ governanza
1. Il-komponenti ewlenin tal-arranġamenti ta’ governanza tas-CCP li jiddefinixxu l-istruttura organizzattiva tagħha kif ukoll politiki, proċeduri u proċessi speċifikati b’mod ċar u ddokumentati tajjeb li bihom joperaw il-bord u l-maniġment superjuri tagħha jinkludu dan li ġej:
(a) il-kompożizzjoni, ir-rwol u r-responsabilitajiet tal-bord u kwalunkwe kumitat tal-bord;
(b) ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-maniġment;
(c) l-istruttura tal-maniġment superjuri;
(d) il-linji tar-rapportar bejn il-maniġment superjuri u l-bord;
(e) il-proċeduri għall-ħatra ta’ membri tal-bord u l-maniġment superjuri;
(f) it-tfassil tal-funzjonijiet tal-ġestjoni tar-riskju, tal-konformità u tal-kontroll intern;
(g) il-proċessi għall-iżgurar tar-responsabilità mal-partijiet interessati.
2. CCP jkollha persunal adegwat biex tissodisfa l-obbligi kollha li ġejjin minn dan ir-Regolament u mir-Regolament (UE) Nru 648/2012. CCP ma tikkondividix il-persunal tagħha ma’ entitajiet oħra tal-grupp, sakemm mhux taħt it-termini ta’ arranġament ta’ esternalizzazzjoni skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
3. CCP tistabbilixxi linji ta’ responsabbiltà li huma ċari, konsistenti u ddokumentati sew. CCP tiżgura li l-funzjonijiet tal-uffiċjal kap tar-riskji, tal-uffiċjal kap għall-konformità u tal-uffiċjal kap tat-teknoloġija jitwettqu minn individwi differenti, li jkunu impjegati tas-CCP fdati bir-responsabbiltà esklussiva li jwettqu dawn il-funzjonijiet.
4. CCP li tkun parti minn grupp tqis kwalunkwe implikazzjoni tal-grupp għall-arranġamenti ta’ governanza tagħha stess inkluż jekk għandhiex il-livell meħtieġ ta’ indipendenza biex tissodisfa l-obbligi regolatorji bħala persuna ġuridika distinta u jekk l-indipendenza tagħha tista’ tiġi pperikolata mill-istruttura tal-grupp jew minn kwalunkwe membru tal-bord li jkun membru ta’ bord ta’ entitajiet oħra tal-istess grupp. B’mod partikolari, tali CCP tikkunsidra proċeduri speċifiċi għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-kunflitti ta’ interess inkluż fir-rigward tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni.
5. Meta CCP żżomm sistema ta’ bord ta’ żewġ livelli, ir-rwol u r-responsabbiltajiet tal-bord kif stabbilit f’dan ir-Regolament u fir-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunu allokati lill-bord superviżorju u l-bord maniġerjali kif xieraq.
6. Il-politiki, il-proċeduri, is-sistemi u l-kontrolli tal-ġestjoni tar-riskju ikunu parti minn qafas ta’ governanza koerenti u konsistenti li jkun rivedut u aġġornat regolarment.
Artikolu 4
Ġestjoni tar-riskju u mekkaniżmi ta’ kontroll intern
1. CCP ikollha qafas sod għall-ġestjoni komprensiva tar-riskji materjali kollha li hija jew tista’ tkun esposta għalihom. CCP tistabbilixxi politiki, proċeduri u sistemi ddokumentati li jidentifikaw, ikejlu, jimmonitorjaw u jimmaniġjaw riskji bħal dawn. Fl-istabbiliment ta’ politiki, proċeduri u sistemi ta’ ġestjoni tar-riskju, CCP tistrutturahom b’tali mod li jiżguraw li l-membri tal-ikklerjar jimmaniġġjaw b’mod xieraq u jillimitaw ir-riskji li jistgħu joħolqu għas-CCP.
2. CCP tieħu ħarsa komprensiva u integrata tar-riskji rilevanti kollha. Dawn jinkludu r-riskji mill-membri tal-ikklerjar tagħha jew dawk li tista’ toħloq għalihom u, sa fejn ikun prattikabbli, għall-klijenti kif ukoll ir-riskji minn entitajiet oħrajn jew dawk li toħloq għalihom bħal, iżda mhux limitati għal CCPs interoperabbli, is-saldu tat-titoli u s-sistemi ta’ pagamenti, il-fornituri ta’ likwidità, id-depożitarji ċentrali tat-titoli, ċentri tan-negozjar servuti mis-CCP u fornituri ta’ servizzi kritiċi oħrajn.
3. CCP tiżviluppa għodod xierqa għall-ġestjoni tar-riskju biex tkun f’pożizzjoni li timmaniġġja u tirrapporta r-riskji rilevanti kollha. Dawn jinkludu l-identifikazzjoni u l-ġestjoni ta’ interdipendenzi tas-sistema, tas-suq jew oħrajn. Jekk CCP tipprovdi servizzi marbuta mal-ikklerjar li jippreżentaw profil tar-riskju distint mill-funzjonijiet tagħha u potenzjalment toħloq riskji addizzjonali sinifikanti għalih, is-CCP timmaniġja dawk ir-riskji addizzjonali b’mod adegwat. Dan jista’ jinkludi s-separazzjoni legali tas-servizzi addizzjonali pprovduti minn dik is-CCP mill-funzjonijiet prinċipali tagħha.
4. L-arranġamenti tal-governanza jiżguraw li l-bord ta’ CCP jassumi r-responsabbiltà finali u r-responsabbiltà għall-ġestjoni tar-riskji tas-CCP. Il-bord jiddefinixxi, jiddetermina u jiddokumenta livell xieraq ta’ tolleranza tar-riskju u l-kapaċità li jiġġarrab riskju mis-CCP. Il-bord u l-maniġment superjuri jiżguraw li l-politiki, il-proċeduri u l-kontrolli tas-CCP ikunu konsistenti mat-tolleranza tar-riskju tas-CCP u l-kapaċità li tiġġarrab riskju u li dawn jindirizzaw kif is-CCP tidentifika, tirrapporta, timmonitorja u timmaniġġja r-riskji.
5. CCP timpjega sistemi b’saħħithom ta’ informazzjoni u kontroll tar-riskju li jipprovdu s-CCP u, fejn xieraq, il-membri tal-ikklerjar tagħha u, sa fejn ikun possibbli, il-klijenti, il-kapaċità li tinkiseb informazzjoni f’waqtha u li jiġu applikati politiki u proċeduri ta’ ġestjoni tar-riskju b’mod xieraq. Dawn is-sistemi jiżguraw, mill-inqas li l-iskoperturi tal-kreditu u tal-likwidità huma mmonitorjati kontinwament fil-livell tas-CCP kif ukoll fil-livell tal-membru tal-ikklerjar u, sa fejn ikun prattikabbli, fil-livell tal-klijent.
6. CCP tiżgura li l-funzjoni tal-ġestjoni tar-riskju jkollha l-awtorità, ir-riżorsi, il-kompetenza u l-aċċess meħtieġa għall-informazzjoni rilevanti kollha u li hija biżżejjed indipendenti minn funzjonijiet oħrajn tas-CCP. L-uffiċjal kap tar-riskji tas-CCP jimplimenta l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju inklużi l-politiki u l-proċeduri stabbiliti mill-bord.
7. CCP jkollha mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll intern biex jassistu lill-bord fil-monitoraġġ u fil-valutazzjoni tal-adegwatezza u l-effettività tal-politiki, tal-proċeduri u tas-sistemi tal-ġestjoni tar-riskju tagħha. Tali mekkaniżmi għandhom jinkludu proċeduri amministrattivi u tal-kontabbiltà sodi, funzjoni b’saħħitha tal-konformità sod u uffiċċju indipendenti tal-awditjar intern u funzjoni ta’ validazzjoni jew reviżjoni.
8. Rapport finanzjarju ta’ CCP jitħejja fuq bażi annwali u jkun awditjat minn awdituri statutorji jew kumpaniji tal-awditjar skont it-tifsira tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament ewropew u tal-Kunsill ( 5 ).
Artikolu 5
Politika u proċeduri tal-konformità
1. CCP tistabbilixxi, timplimenta u żżomm politiki u proċeduri adegwati mfassla biex jindividwaw kwalunkwe riskju ta’ nuqqas mis-CCP u l-impjegati tagħha li jikkonformaw mal-obbligi tas-CCP taħt dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012, kif ukoll ir-riskji assoċjati, u tistabbilixxi miżuri u proċeduri adegwati mfassla biex jiġi mminimizzat dan ir-riskju u biex jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b’mod effettiv taħt dawn ir-Regolamenti.
2. CCP tiżgura li r-regoli, il-proċeduri u l-arranġamenti kuntrattwali tagħha jkunu ċari u komprensivi u li dawn jiżguraw konformità ma’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012 kif ukoll ir-rekwiżiti regolatorji u superviżorji applikabbli oħrajn.
Ir-regoli, il-proċeduri u l-arranġamenti kuntrattwali tas-CCP ikunu rreġistrati bil-miktub jew b’mezz ieħor li jservi fit-tul. Dawn ir-regoli, il-proċeduri, u l-arranġamenti kuntrattwali, flimkien ma’ kwalunkwe materjal ta’ akkumpanjament ikunu preċiżi, aġġornati u faċilment disponibbli għall-awtorità kompetenti, il-membri tal-ikklerjar u, fejn xieraq, il-klijenti.
CCP tidentifika u tanalizza s-sodezza tar-regoli, tal-proċeduri u tal-arranġamenti kuntrattwali tas-CCP. Jekk meħtieġ, jinkisbu opinjonijiet legali indipendenti għall-fini ta’ ta’ din l-analiżi. Is-CCP ikollha proċess biex tipproponi u timplimenta tibdiliet għar-regoli u l-proċeduri tagħha u biex qabel l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe bidla materjali tikkonsulta l-membri tal-ikklerjar kollha affettwati u tissottometti t-tibdiliet proposti lill-awtorità kompetenti.
3. Fl-iżvilupp tar-regoli, tal-proċeduri u tal-arranġamenti kuntrattwali tagħha, CCP tikkunsidra l-prinċipji regolatorji, l-istandards tal-industrija u l-protokolli tas-suq rilevanti u tindika b’mod ċar fejn tali prattiki jkunu ġew inkorporati fid-dokumentazzjoni li tirregola d-drittijiet u l-obbligi tas-CCP, il-membri tal-ikklerjar tagħha u l-partijiet terzi rilevanti oħra.
4. CCP tidentifika u tanalizza kunflitti potenzjali ta’ kwistjonijiet ġuridiċi u tiżviluppa regoli u proċeduri li jtaffu r-riskju legali li jirriżulta minn dawn il-kwistjonijiet. Jekk meħtieġ, is-CCP tikseb opinjonijiet ġuridiċi indipendenti għall-fini ta’ ta’ din l-analiżi.
Ir-regoli u l-proċeduri tas-CCP jindikaw biċ-ċar il-liġi li hija maħsuba għall-applikazzjoni għal kull aspett tal-attivitajiet u l-operazzjonijiet tas-CCP.
Artikolu 6
Funzjoni ta’ konformità
1. CCP tistabbilixxi u żżomm funzjoni ta’ konformità permanenti u effettiva li topera indipendentement mill-funzjonijiet l-oħra tas-CCP. Tiżgura li l-funzjoni ta’ konformità jkollha l-awtorità, ir-riżorsi, u l-kompetenza meħtieġa u l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni rilevanti kollha.
Meta tistabbilixxi l-funzjoni ta’ konformità tagħha, is-CCP tqis in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-operat tagħha, u n-natura u l-firxa tas-servizzi u l-attivitajiet imwettqa matul dak l-operat.
2. L-uffiċjal kap għall-konformità mill-inqas ikollu r-responsabbiltajiet li ġejjin:
(a) jimmonitorja u jivvaluta, fuq bażi regolari, l-adegwatezza u l-effettività tal-miżuri u l-proċeduri stabbiliti f’konformità mal-Artikolu 5(4), u l-azzjonijiet meħuda biex jiġi indirizzat kwalunkwe nuqqas fil-konformità tas-CCP mal-obbligi tagħha;
(b) jamministra l-politiki u l-proċeduri tal-konformità stabbiliti mill-maniġment superjuri u l-bord;
(c) jagħti pariri u jassisti lill-persuni responsabbli għat-twettiq tas-servizzi u l-attivitajiet tas-CCP biex tikkonforma mal-obbligi tas-CCP skont dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012 u rekwiżiti regolatorji oħra, fejn applikabbli;
(d) jirrapporta regolarment lill-bord dwar il-konformità mis-CCP u l-impjegati tagħha ma’ dan ir-Regolament, ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u r- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012;
(e) jistabbilixxi proċeduri għal rimedju effettiv ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità;
(f) jiżgura li l-persuni rilevanti involuti fil-funzjoni ta’ konformità ma jkunux involuti fit-twettiq tas-servizzi jew l-attivitajiet li jkunu qegħdin jimmonitorjaw u li kwalunkwe kunflitt ta’ interess ta’ persuni bħal dawn jiġi identifikat u eliminat kif suppost.
Artikolu 7
Struttura organizzattiva u s-separazzjoni tal-linji ta’ rapportar
1. CCP tiddefinixxi il-kompożizzjoni, ir-rwol u r-responsabilitajiet tal-bord u l-maniġment superjuri u kwalunkwe kumitat tal-bord. Dawn l-arranġamenti ikunu speċifikati b’mod ċar u ddokumentati sew. Il-bord jistabbilixxi, mill-inqas, kumitat tal-awditjar u kumitat għar-remunerazzjoni. Il-kumitat tar-riskju stabbilit skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikun kumitat konsultattiv għall-bord.
2. Il-bord jassumi mill-inqas il-kompiti li ġejjin:
(a) it-twaqqif ta’ għanijiet u strateġiji ċari għas-CCP;
(b) il-monitoraġġ effettiv tal-maniġment superjuri;
(c) l-istabbiliment ta’ politiki ta’ remunerazzjoni xierqa;
(d) it-twaqqif u s-sorveljanza tal-uffiċċju ta’ ġestjoni tar-riskju;
(e) is-sorveljanza tal-funzjoni ta’ konformità u l-funzjoni ta’ kontroll intern;
(f) is-sorveljanza tal-arranġamenti ta’ esternalizzazzjoni;
(g) is-sorveljanza tal-konformità mad-dispożizzjonijiet kollha ta’ dan ir-Regolament, tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, ir- Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1249/2012 u tar-rekwiżiti regolatorji u superviżorji l-oħra kollha;
(h) responsabbiltà fir-rigward tal-azzjonisti jew is-sidien u l-impjegati, il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħhom u partijiet interessati rilevanti oħra.
3. Il-maniġment superjuri jkollu mill-inqas ir-responsabbiltajiet li ġejjin:
(a) l-iżgurar tal-konsistenza tal-attivitajiet tas-CCP mal-għanijiet u l-istrateġija tas-CCP kif stabbilit mill-bord;
(b) it-tfassil u t-twaqqif ta’ proċeduri ta’ konformità u ta’ kontroll intern li jippromwovu l-għanijiet tas-CCP;
(c) li l-proċeduri ta’ kontroll intern ikunu soġġetti għal reviżjoni u ttestjar regolari;
(d) l-iżgurar li jkun hemm biżżejjed riżorsi allokati għall-ġestjoni tar-riskju u l-konformità;
(e) li jkun involut b’mod attiv fil-proċess tal-kontroll tar-riskju;
(f) l-iżgurar li r-riskji maħluqa għas-CCP mill-ikklerjar u l-attivitajiet tagħha marbuta mal-ikklerjar jiġu indirizzati kif suppost.
4. Fejn il-bord jiddelega kompiti lil kumitati jew sottokumitati, huwa jżomm l-approvazzjoni tad-deċiżjonijiet li jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq il-profil tar-riskju tas-CCP.
5. L-arranġamenti li bihom joperaw il-bord u l-maniġment superjuri jinkludu proċessi li jidentifikaw, jindirizzaw u jimmaniġġjaw il-kunflitti ta’ interess potenzjali tal-membri tal-bord u l-maniġment superjuri.
6. CCP jkollha linji tar-rapportar ċari u diretti bejn il-bord u l-maniġment superjuri tagħha sabiex jiġi żgurat li l-maniġment superjuri jkun responsabbli għall-prestazzjoni tiegħu. Il-linji tar-rapportar għall-ġestjoni tar-riskju, il-konformità u l-awditjar intern ikunu ċari u separati minn dawk għal operazzjonijiet oħra tas-CCP. L-uffiċjal kap tar-riskji jirrapporta lill-bord jew direttament jew permezz tal-president tal-kumitat tar-riskju. L-uffiċjal kap tal-konformità u l-uffiċċju tal-awditjar intern jirrapportaw direttament lill-bord.
Artikolu 8
Politika ta’ remunerazzjoni
1. Il-kumitat tar-remunerazzjoni jfassal u jiżviluppa ulterjorment il-politika ta’ remunerazzjoni, jissorvelja l-implimentazzjoni tagħha mill-maniġment superjuri u jirrevedi l-operazzjoni prattika tagħha fuq bażi regolari. Il-politika nnifisha tiġi dokumentata u riveduta mill-inqas darba fis-sena.
2. Il-politika ta’ remunerazzjoni titfassal biex tallinja l-livell u l-istruttura tar-remunerazzjoni mal-ġestjoni prudenti tar-riskju. Il-politika tqis riskji prospettivi kif ukoll ir-riskji eżistenti u l-eżiti tar-riskji. Skedi ta’ ħlas ikunu sensittivi għall-orizzonti ta’ żmien tar-riskji. B’mod partikolari fil-każ ta’ remunerazzjoni varjabbli il-politika tqis inkongruwenzi possibbli bejn il-prestazzjoni u perjodi tar-riskju u tiżgura li l-pagamenti jiġu ddifferiti kif suppost. Il-komponenti fissi u varjabbli tar-remunerazzjoni totali kunu bbilanċjati u jkunu konsistenti mal-allinjament tar-riskju.
3. Fil-politika ta’ remunerazzjoni tipprevedi li persunal ingaġġat fil-ġestjoni tar-riskju, fil-konformità u fl-uffiċċji tal-awditjar intern huma renumerati b’tali mod li huwa indipendenti mill-prestazzjoni tal-operat tas-CCP. Il-livell ta’ remunerazzjoni jkun adegwat f’termini ta’ responsabbiltà kif ukoll meta mqabbel mal-livell ta’ remunerazzjoni fl-oqsma kkonċernati.
4. Il-politika ta’ remunerazzjoni tkun soġġetta għal awditjar indipendenti, fuq bażi annwali. Ir-riżultati ta’ dan l-awditjar ikunu disponibbli għall-awtorità kompetenti.
Artikolu 9
Sistemi ta’ teknoloġija tal-informatika
1. CCP tfassal u tiżgura li s-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika tagħha huma affidabbli u siguri kif ukoll kapaċi jipproċessaw l-informazzjoni meħtieġa għas-CCP biex twettaq l-attivitajiet u l-operazzjonijiet tagħha b’mod sikur u effiċjenti.
L-arkitettura tat-teknoloġija tal-informatika tkun iddokumentata sew. Is-sistemi jitfasslu biex jittrattaw il-ħtiġijiet operazzjonali tas-CCP u r-riskji li taffronta s-CCP, ikunu reżistenti, inkluż f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress, u jkunu skalabbli, jekk meħtieġ, biex jipproċessaw informazzjoni addizzjonali. Is-CCP tipprovdi għal proċeduri u ppjanar tal-kapaċità kif ukoll għal kapaċità suffiċjenti mhux utilizzata li permezz tagħhom is-sistema tkun tista’ tipproċessa kull tranżazzjoni pendenti sal-aħħar tal-ġurnata f’ċirkostanzi fejn isseħħ interruzzjoni kbira. Is-CCP tipprovdi għal proċeduri għall-introduzzjoni ta’ teknoloġija ġdida inklużi pjani ċari ta’ riverżjoni.
2. Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sigurtà fl-ipproċessar tal-informazzjoni u biex tkun possibbli l-konnettività mal-membri tal-ikklerjar u l-klijenti tagħha kif ukoll ma’ fornituri tas-servizzi tagħha, CCP tibbaża s-sistemi ta’ teknoloġija tal-informatika tagħha fuq standards tekniċi rikonoxxuti internazzjonalment u l-aħjar prattiki tal-industrija. Is-CCP tissoġġetta s-sistemi tagħha għal ittestjar strett, billi tissimula kundizzjonijiet ta’ stress, qabel l-użu inizjali, wara li tkun għamlet tibdiliet sinifikanti u wara li tkun seħħet interruzzjoni kbira. Il-membri tal-ikklerjar u l-klijenti, is-CCPs interoperabbli u partijiet interessati oħra jkunu involuti b’mod xieraq fit-tfassil u t-twettiq ta’ dawn it-testijiet.
3. CCP iżżomm qafas tas-sigurtà tal-informazzjoni b’saħħtu li jimmaniġġja b’mod xieraq ir-riskju għas-sigurtà tal-informazzjoni tagħha. Il-qafas jinkludi mekkaniżmi, politiki u proċeduri xierqa li jipproteġu l-informazzjoni minn divulgazzjoni mhux awtorizzata, biex tiġi żgurata l-preċiżjoni u l-integrità tad-dejta u biex tiġi ggrantita d-disponibbiltà tas-servizzi tas-CCP.
4. Il-qafas tas-sigurtà tal-informazzjoni jinkludi tal-anqas dawn il-karatteristiċi:
(a) kontrolli ta’ aċċess għas-sistema;
(b) salvagwardji adegwati kontra l-intrużjonijiet u l-użu ħażin tad-dejta;
(c) apparati speċifiċi biex tiġi ppreservata l-awtentiċità u l-integrità tad-dejta, inklużi tekniki kriptografiċi;
(d) netwerks u proċeduri affidabbli għat-trażmissjoni preċiża u fil-pront mingħajr interruzzjonijiet kbar;
(e) rendikonti tal-entrati.
5. Is-sistemi tat-teknoloġija tal-informatika u l-qafas tas-sigurtà tal-informazzjoni jiġu riveduti tal-anqas fuq bażi annwali. Ikunu soġġetti għal valutazzjonijiet ta’ awditjar indipendenti. Ir-riżultati ta’ dawk il-valutazzjonijiet ikunu rrapportati lill-bord u jkunu disponibbli għall-awtorità kompetenti.
Artikolu 10
Divulgazzjoni
1. L-informazzjoni li ġejja tkun disponibbli, min-naħa tas-CCP, għall-pubbliku mingħajr ħlas:
(a) informazzjoni dwar l-arranġamenti ta’ governanza tagħha, inklużi dawn li ġejjin:
(i) l-istruttura organizzattiva tagħha kif ukoll l-għanijiet u l-istrateġiji ewlenin;
(ii) l-elementi ewlenin tal-politika ta’ remunerazzjoni;
(iii) informazzjoni finanzjarja ewlenija inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji tagħha awditjati l-aktar riċentament.
(b) informazzjoni dwar ir-regoli tagħha, inklużi dawn li ġejjin:
(i) proċeduri ta’ ġestjoni tal-inadempjenza, proċeduri u testi supplimentari;
(ii) informazzjoni rilevanti dwar il-kontinwità tal-operat;
(iii) informazzjoni dwar is-sistemi, tekniki u l-prestazzjoni ta’ ġestjoni tar-riskju f’konformità mal-Kapitolu XII;
(iv) l-informazzjoni rilevanti kollha dwar it-tfassil u l-operazzjonijiet tagħha kif ukoll dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-ikklerjar u l-klijenti, meħtieġa biex permezz tagħha jidentifikaw b’mod ċar u jifhmu bis-sħiħ ir-riskji u l-kostijiet assoċjati mal-użu tas-servizzi tas-CCP;
(v) is-servizzi attwali tal-ikklerjar tas-CCP, inkluża informazzjoni dettaljata dwar x’tipprovdi taħt kull servizz;
(vi) is-sistemi u t-tekniki tal-ġestjoni tar-riskju tas-CCP, u l-prestazzjoni tagħhom, inkluża informazzjoni dwar ir-riżorsi finanzjarji, il-politika ta’ investiment, is-sorsi tad-dejta dwar il-prezzijiet u l-mudelli użati fil-kalkoli tal-marġni;
(vii) il-liġi u r-regoli li jirregolaw:
(1) l-aċċess għas-CCP;
(2) il-kuntratti konklużi mis-CCP mal-membri tal-ikklerjar u, fejn prattikabbli, il-klijenti;
(3) il-kuntratti li s-CCP taċċetta għall-ikklerjar;
(4) kwalunkwe arranġamenti tal-interoperabilità;
(5) l-użu tal-kollateral u l-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza, inkluża l-likwidazzjoni ta’ pożizzjonijiet u kollateral u sa fejn il-kollateral huwa protett minn pretensjonijiet ta’ parti terza.
(c) informazzjoni dwar kollateral eliġibbli u telf impost applikabbli;
(d) lista tal-membri tal-ikklerjar attwali kollha, inklużi l-kriterji ta’ ammissjoni, sospensjoni u ħruġ tagħhom.
Fejn l-awtorità kompetenti tiftiehem mas-CCP li kwalunkwe informazzjoni taħt il-punt (b) jew (c) ta’ dan il-paragrafu tista’ tpoġġi f’riskju s-segretezza kummerċjali jew is-sikurezza u s-sodezza tas-CCP, is-CCP tista’ tiddeċiedi li tiddivulga dik l-informazzjoni b’tali mod li jipprevjeni jew inaqqas dawk ir-riskji, jew li ma jiddivulgax tali informazzjoni.
2. CCP tiddivulga lill-pubbliku, mingħajr ħlas, informazzjoni dwar kull bidla materjali fl-arranġamenti ta’ governanza, l-għanijiet, l-istrateġiji u politiki ewlenin tagħha kif ukoll ir-regoli u l-proċeduri applikabbli tagħha.
3. Informazzjoni li tiġi divulgata lill-pubbliku mis-CCP tkun aċċessibbli fuq is-sit elettroniku tagħha. L-informazzjoni tkun disponibbli mill-inqas f’lingwa konvenzjonali fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.
Artikolu 11
Awditjar intern
1. CCP tistabbilixxi u żżomm uffiċċju tal-awditjar intern li jkun separat u indipendenti mill-funzjonijiet u l-attivitajiet l-oħra tas-CCP u li jkollu l-kompiti li ġejjin:
(a) jistabbilixxi, jimplimenta u jżomm pjan tal-awditjar biex jiġu eżaminati u evalwati l-adegwatezza u l-effettività tas-sistemi, il-mekkaniżmi tal-kontroll intern u l-arranġamenti tas-CCP;
(b) joħroġ rakkomandazzjonijiet abbażi tar-riżultat tal-ħidma li tkun twettqet skont il-punt (a);
(c) jivverifika l-konformità ma’ dawk ir-rakkomandazzjonijiet;
(d) jirrapporta kwistjonijiet ta’ awditjar intern lill-bord.
2. L-uffiċċju tal-awditjar intern jkollu l-awtorità, ir-riżorsi, il-kompetenza meħtieġa u l-aċċess meħtieġ għad-dokumenti rilevanti kollha għat-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu. Ikun indipendenti biżżejjed mill-ġestjoni u jirrapporta direttament lill-bord.
3. Awditjar intern jivvaluta l-effettività tal-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskju u l-mekkaniżmi ta’ kontroll tas-CCP b’mod li huwa proporzjonat għar-riskji affrontati mil-linji differenti tal-operat u indipendenti mill-oqsma ta’ operat ivvalutati. L-uffiċċju tal-awditjar intern ikollu l-aċċess meħtieġ għall-informazzjoni sabiex jirrevedi l-attivitajiet u l-operazzjonijiet, il-proċessi u s-sistemi tas-CCP, inklużi attivitajiet esternalizzati.
4. Valutazzjonijiet tal-awditjar intern ikunu bbażati fuq pjan tal-awditjar komprensiv li jiġi rivedut u rrapportat lill-awtorità kompetenti mill-inqas darba fis-sena. Is-CCP tiżgura li jistgħu jitwettqu awditi speċjali fuq bażi xprunta minn event fi żmien qasir. L-ippjanar u r-reviżjoni tal-awditjar jiġu approvati mill-bord.
5. L-operazzjonijiet tal-ikklerjar, il-proċessi ta’ ġestjoni tar-riskji, il-mekkaniżmi interni ta’ kontroll u l-kontijiet ta’ CCP ikunu soġġetti għal awditu indipendenti. L-awditi indipendenti jitwettqu, tal-anqas, darba fis-sena.
KAPITOLU IV
ŻAMMA TAR-REKORDS
(l-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 12
Rekwiżiti ġenerali
1. CCP iżżomm ir-rekords b’mezz li jservi fit-tul li jippermetti li l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-awtoritajiet kompetenti, l-AETS u l-membri rilevanti tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali (ESCB), u f’tali forma u manjiera li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) kull stadju ewlieni tal-ipproċessar mis-CCP jista’ jiġi kostitwit mill-ġdid;
(b) il-kontenut oriġinali ta’ rekord qabel kwalunkwe korrezzjoni jew emendi oħra jistgħu jiġu rreġistrati, ittraċċati u rkuprati;
(c) ikunu stabbiliti miżuri li jipprevjenu tibdil mhux awtorizzat fir-rekords;
(d) ikunu żgurati s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tad-dejta rreġistrata permezz ta’ miżuri xierqa;
(e) ikun inkorporat mekkaniżmu għall-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta’ żbalji fis-sistema ta’ żamma tar-rekords;
(f) ikun żgurat l-irkupru fil-ħin tar-rekords fil-każ ta’ falliment tas-sistema fi ħdan is-sistema ta’ żamma ta’ rekords.
2. Meta r-rekords jew l-informazzjoni ilhom inqas minn sitt xhur, dawn jiġu pprovduti lill-awtoritajiet elenkati fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn tmiem il-jum ta’ operat li jmiss wara talba mill-awtorità rilevanti.
3. Meta r-rekords jew l-informazzjoni ilhom aktar minn sitt xhur, dawn jiġu pprovduti lill-awtoritajiet elenkati fil-paragrafu 1 mill-aktar fis possibbli u fi żmien ħamest ijiem ta’ operat wara talba mill-awtorità rilevanti.
4. Fejn ir-rekords ipproċessati mis-CCP jinkludu dejta personali, is-CCPs jikkunsidraw l-obbligi tagħhom skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 6 ) u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ).
5. Meta CCP żżomm rekords barra l-Unjoni, tiżgura li l-awtorità kompetenti, l-AETS u l-membri rilevanti tas-SEBĊ, ikunu jistgħu jaċċessaw ir-rekords sal-istess livell u fi ħdan l-istess perjodi bħallikieku kienu miżmuma fi ħdan l-Unjoni.
6. Kull CCP tinnomina l-persuni rilevanti li jistgħu jispjegaw, fiż-żmien stabbilit fil-paragrafi 2 u 3 għall-forniment tar-rekords rilevanti, il-kontenut tar-rekords tagħha lill-awtoritajiet kompetenti.
7. Ir-rekords kollha meħtieġa li jinżammu minn CCP taħt dan ir-Regolament għandhom ikunu miftuħa għal spezzjoni mill-awtorità kompetenti. CCP tipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti t-trażmissjoni diretta tad-dejta għar-rekords meħtieġa skont l-Artikoli 13 u 14, meta mitluba.
Artikolu 13
Rekords tat-tranżazzjonijiet
1. CCP iżżomm rekords tat-tranżazzjonijiet kollha fil-kuntratti kollha li tikklerja u tiżgura li r-rekords tagħha jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq rikostruzzjoni komprensiva u preċiża tal-proċess tal-ikklerjar għal kull kuntratt u li kull rekord dwar kull transazzjoni ikun identifikabbli b’mod uniku u li jista’ jitfittex tal-anqas permezz tal-oqsma kollha li jikkonċernaw is-CCP, is-CCP interoperabbli, il-membru tal-ikklerjar, il-klijent, jekk magħruf mis-CCP, u l-istrument finanzjarju.
2. Fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni li tasal għall-ikklerjar, CCP, immedjatament malli tirċievi l-informazzjoni rilevanti, tagħmel u żżomm aġġornat rekord tad-dettalji li ġejjin:
(a) il-prezz, ir-rata jew il-firxa u l-kwantità;
(b) il-kapaċità ta’ kklerjar, li tidentifika jekk it-tranżazzjoni kinitx waħda ta’ xiri jew ta’ bejgħ mill-perspettiva tar-rekordjar tas-CCP;
(c) l-identifikazzjoni tal-istrument;
(d) l-identifikazzjoni tal-membru tal-ikklerjar;
(e) l-identifikazzjoni tal-post fejn ġie konkluż il-kuntratt;
(f) id-data u l-ħin tal-interpożizzjoni tas-CCP;
(g) id-data u l-ħin tat-tmiem tal-kuntratt;
(h) it-termini u l-modalità tas-saldu;
(i) id-data u l-ħin tas-saldu jew ta’ tifdija tat-tranżazzjoni u, sa fejn huma applikabbli, d-dettalji li ġejjin:
(i) il-jum u l-ħin li fihom oriġinarjament ġie konkluż il-kuntratt;
(ii) it-termini u l-partijiet orġinali tal-kuntratt;
(iii) l-identifikazzjoni tas-CCP li tikklerja komponent wieħed tat-tranżazzjoni, fejn applikabbli;
(iv) l-identità tal-klijent, inkluż kwalunkwe klijent indirett, fejn magħruf lis-CCP, u fil-każ ta’ ċessjoni (give-up), l-identifikazzjoni tal-parti li ttrasferiet il-kuntratt.
Artikolu 14
Rekords tal-pożizzjoni
1. CCP iżżomm rekords ta’ pożizzjonijiet miżmuma minn kull membru tal-ikklerjar. Jinżammu rekords separati għal kull kont li jinżamm skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u s-CCP tiżgura li r-rekords tagħha jinkludu l-informazzjoni kollha meħtieġa biex titwettaq rikostruzzjoni komprensiva u preċiża tat-tranżazzjonijiet li stabbilixxew il-pożizzjoni u li kull rekord huwa identifikabbli u jista’ jitfittex mill-inqas permezz tal-oqsma kollha li jikkonċernaw is-CCP, is-CCP interoperabbli, il-membru tal-ikklerjar, il-kljient, jekk magħruf mis-CCP, u l-istrument finanzjarju.
2. Fi tmiem kull jum ta’ operat CCP tagħmel rekord fir-rigward ta’ kull pożizzjoni inklużi d-dettalji li ġejjin, sa fejn huma marbuta mal-pożizzjoni inkwistjoni:
(a) l-identifikazzjoni ta’ membru tal-ikklerjar, tal-klijent, jekk magħruf lis-CCP, u ta’ CCP interoperabbli li żżomm tali pożizzjoni, fejn applikabbli;
(b) is-sinjal tal-pożizzjoni;
(c) il-kalkolu ta’ kuljum tal-valur tal-pożizzjoni bir-rekords tal-prezzijiet li bihom huma valwati l-kuntratti, u ta’ kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra.
3. CCP tagħmel, u żżomm aġġornat, rekord tal-ammonti ta’ marġni, il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u r-riżorsi finanzjarji l-oħra msemmija fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, li tagħmel appell għall-manutenzjoni tagħhom u l-ammont korrispondenti attwalment sottomess minn membru tal-ikklerjar fl-aħħar tal-ġurnata u l-bidliet għal dak l-ammont li jistgħu matul l-istess ġurnata, fir-rigward ta’ kull membru uniku tal-ikklerjar u kont tal-klijent jekk magħruf lis-CCP.
Artikolu 15
Rekords tal-operat
1. CCP iżżomm rekords adegwati u b’mod ordinat tal-attivitajiet relatati mal-operat u l-organizzazzjoni interna tagħha.
2. Ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 1 isiru kull darba sseħħ bidla materjali fid-dokumenti rilevanti u jinkludu mill-inqas:
(a) l-organigrammi tal-bord u l-kumitati rilevanti, tal-unità ta’ kklerjar, l-unità ta’ ġestjoni tar-riskju, u l-unitajiet u d-diviżjonijiet rilevanti l-oħra kollha;
(b) l-identitajiet tal-azzjonisti jew il-membri, kemm jekk humiex persuni diretti jew indiretti, fiżiċi jew ġuridiċi, li jkollhom parteċipazzjonijiet kwalifikanti u l-ammonti ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet;
(c) id-dokumenti li jattestaw il-politiki, il-proċeduri u l-proċessi meħtieġa taħt il-Kapitolu III u l-Artikolu 29;
(d) il-minuti tal-laqgħat tal-bord u, jekk applikabbli, tal-laqgħat tas-sottokumitati tal-bord u tal-kumitati tal-maniġment superjuri;
(e) il-minuti tal-laqgħat tal-kumitat tar-riskju;
(f) il-minuti tal-gruppi ta’ konsultazzjoni ma’ membri tal-ikklerjar u l-klijenti, jekk ikun hemm;
(g) rapporti ta’ awditjar intern u estern, rapporti ta’ ġestjoni tar-riskju, rapporti tal-konformità, u rapporti minn kumpaniji ta’ konsultazzjoni, inklużi r-reazzjonijiet tal-maniġment;
(h) il-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru, meħtieġa skont l-Artikolu 17;
(i) il-pjan ta’ likwidità u r-rapporti ta’ kuljum dwar il-likwidità, meħtieġa skont l-Artikolu 32;
(j) rekords li jirriflettu l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u l-kontijiet kapitali kif meħtieġ skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;
(k) l-ilmenti li jkunu waslu, b’informazzjoni dwar l-isem, l-indirizz u n-numru tal-kont tal-ilmentatur; id-data meta wasal l-ilment; l-isem tal-persuni kollha identifikati fl-ilment; deskrizzjoni tan-natura tal-ilment; it-trattament tal-ilment, u d-data meta ġie solvut l-ilment;
(l) rekords ta’ kull interruzzjoni tas-servizzi jew disfunzjoni, inkluż rapport dettaljat dwar l-għażla taż-żmien, l-effetti u l-azzjonijiet ta’ rimedju;
(m) rekords tar-riżultati tat-testijiet retrospettivi u tal-istress imwettqa;
(n) komunikazzjonijiet bil-miktub ma’ awtoritajiet kompetenti, mal-AETS u l-membri rilevanti tas-SEBĊ;
(o) opinjonijiet ġuridiċi li jaslu skont il-Kapitolu III;
(p) fejn applikabbli, dokumentazzjoni dwar l-arranġamenti tal-interoperabilità ma’ CCPs oħra;
(q) l-informazzjoni taħt l-Artikolu 10(1)(b)(vii) u (1)(d);
(r) id-dokumenti rilevanti li jiddeskrivu l-iżvilupp ta’ inizjattivi kummerċjali ġodda.
Artikolu 16
Rekords tad-dejta rrapportata lil repożitorju tat-tranżazzjonijiet
CCP tidentifika u żżomm l-informazzjoni u d-dejta kollha meħtieġa li tiġi rrapportata skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, flimkien ma’ rekord tad-data u l-ħin meta t-tranżazzjoni ġiet irrapportata.
KAPITOLU V
KONTINWITÀ TAL-OPERAT
(l-Artikolu 34 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 17
Strateġija u politika
1. CCP ikollha politika tal-kontinwità tal-operat u pjan ta’ rkupru minn diżastru li jkunu approvati mill-Bord. Il-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru ikunu soġġetti għal reviżjonijiet indipendenti li jkunu rrapportati lill-bord.
2. Il-politika ta’ kontinwità tal-operat tidentifika l-funzjonijiet kummerċjali kritiċi kollha u s-sistemi relatati, u tinkludi l-istrateġija, il-politika, u l-għanijiet tas-CCP li jiżguraw il-kontinwità ta’ dawn il-funzjonijiet u sistemi.
3. Politika ta’ kontinwità tal-operat tqis ir-rabtiet esterni u l-interdipendenza fi ħdan l-infrastruttura finanzjarja inklużi ċentri tan-negozjar ikklerjati mis-CCP, sistemi ta’ saldu u ħlas tat-titoli u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu użati mis-CCP jew CCP marbuta. Tqis ukoll funzjonijiet jew servizzi kritiċi li ġew esternalizzati lil fornituri terzi.
4. Il-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru jkun fihom arranġamenti ddefiniti u ddokumentati b’mod ċar għall-użu fil-każ ta’ emerġenza, diżastru jew kriżi għall-kontinwità tal-operat li huma mfassla sabiex jiżguraw livell minimu tas-servizz tal-funzjonijiet kritiċi.
5. Il-pjan ta’ rkupru minn diżastru jidentifika u jinkludi għanijiet ta’ punt ta’ rkupru u għanijiet ta’ ħin tal-irkupru għal funzjonijiet kritiċi u jiddetermina l-istrateġija ta’ rkupru l-aktar xierqa għal kull waħda minn dawn il-funzjonijiet. Arranġamenti bħal dawn jitfasslu biex jiżguraw li f’xenarji estremi il-funzjonijiet kritiċi jitlestew fil-ħin u jiġu ssodisfati l-livelli ta’ servizz miftiehma.
6. Politika ta’ kontinwità tal-operat ta’ CCP tidentifika l-ammont ta’ ħin massimu aċċettabbli li matulu ma jkunux jistgħu jintużaw funzjonijiet u sistemi kritiċi. Il-ħin massimu ta’ rkupru għall-funzjonijiet kritiċi tas-CCP li għandu jiġi inkluż f’politika tal-kontinwità tal-operat ma għandux ikun iktar minn sagħtejn. Proċeduri u pagamenti tal-aħħar tal-ġurnata jitlestew fil-ħin u jum meħtieġa fi kwalunkwe ċirkostanza.
7. CCP għandha tqis l-impatt kumplessiv potenzjali fuq l-effiċjenza tas-suq meta tistabbilixxi l-ħinijiet ta’ rkuprar għal kull funzjoni.
Artikolu 18
Analiżi tal-impatt fuq l-operat
1. CCP twettaq analiżi tal-impatt fuq l-operat li tkun imfassla biex tidentifika il-funzjonijiet kummerċjali li huma kritiċi biex jiġu żgurati s-servizzi tas-CCP. L-importanza ta’ dawn il-funzjonijiet għal istituzzjonijiet u funzjonijiet oħrajn fl-infrastruttura finanzjarja tkun parti mill-analiżi.
2. CCP tuża analiżi tar-riskju bbażata fuq xenarju li tkun imfassla biex tidentifika kif diversi xenarji jaffettwaw ir-riskji għal funzjonijiet kummerċjali kritiċi tagħha.
3. Fil-valutazzjoni tar-riskji, CCP tqis id-dipendenzi fuq fornituri esterni, inklużi servizzi ta’ utilità pubblika. CCP tieħu azzjoni biex timmaniġġja dawn id-dipendenzi permezz ta’ arranġamenti kuntrattwali u organizzattivi xierqa.
4. Analiżi tal-impatt fuq l-operat u analiżi tax-xenarji jinżammu aġġornati, tal-anqas ikunu riveduti darba fis-sena u wara inċident jew bidliet organizzattivi sinifikanti. L-analiżi tqis l-iżviluppi rilevanti kollha, inklużi l-iżviluppi tas-suq u dawk teknoloġiċi.
Artikolu 19
Irkupru minn diżastru
1. CCP ikollha stabbiliti arranġamenti biex tiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi tagħha abbażi ta’ xenarji ta’ diżastri. Dawn l-arranġamenti mill-anqas jindirizzaw id-disponibbiltà ta’ riżorsi umani adegwati, il-perjodu massimu ta’ qtugħ ta’ funzjonijiet kritiċi, u l-kommutazzjoni awtomatika u l-irkuprar fuq sit sekondarju.
2. CCP iżżomm sit sekondarju tal-ipproċessar kapaċi jiżgura l-kontinwità tal-funzjonijiet kritiċi kollha tas-CCP li jkun identiku għas-sit primarju. Is-sit sekondarju jkollu profil tar-riskju ġeografiku li huwa distint minn dak tas-sit primarju.
3. CCP iżżomm jew ikollha aċċess immedjat għal sit sekondarju tal-operat, tal-anqas, sabiex il-persunal ikun jista’ jiżgura l-kontinwità tas-servizz jekk il-post primarju tal-operat ma jkunx disponibbli.
4. Min-naħa tas-CCP, titqies il-ħtieġa ta’ siti addizzjonali ta’ pproċessar, b’mod partikolari jekk id-diversità tal-profili tar-riskji tas-siti primarji u sekondarji ma jipprovdux biżżejjed kunfidenza li l-għanijiet ta’ kontinwità tal-operat tas-CCP se jintlaħqu fis-sitwazzjonijiet kollha.
Artikolu 20
Testjar u monitoraġġ
1. CCP tittestja u timmonitorja l-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru tagħha f’intervalli regolari u wara modifikazzjonijiet sinifikanti jew bidliet fis-sistemi jew funzjonijiet relatati biex ikun żgurat li l-politika ta’ kontinwità tal-operat qiegħda tilħaq l-għanijiet iddikjarati inkluż l-għan ta’ ħin massimu ta’ rkuprar ta’ sagħtejn. It-testijiet jiġu ppjanati u ddokumentati.
2. L-ittestjar tal-politika ta’ kontinwità tal-operat u tal-pjan ta’ rkupru minn diżastru jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) jinvolvi xenarji ta’ diżastri fuq skala kbira u trasferimenti awtomatiċi bejn siti primarji u sekondarji;
(b) jinkludi l-involviment tal-membri tal-ikklerjar, tal-fornituri esterni u l-istituzzjonijiet rilevanti tal-infrastruttura finanzjarja li magħhom ġew identifikati interdipendenzi fil-politika ta’ kontinwità tal-operat.
Artikolu 21
Manutenzjoni
1. CCP tirrevedi u taġġorna regolarment il-politika ta’ kontinwità ta’ operat tagħha biex tinkludi l-funzjonijiet kritiċi kollha u l-istrateġija ta’ rkupru l-aktar xierqa għalihom.
2. CCP regolarment tirrevedi u taġġorna l-pjan ta’ rkupru minn diżastru tagħha biex tinkludi l-istrateġija ta’ rkupru l-aktar xierqa għall-funzjonijiet kritiċi kollha.
3. L-aġġornamenti għall-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru jqisu r-riżultati tat-testijiet u r-rakkomandazzjonijiet ta’ analiżi indipendenti u analiżi oħra u ta’ awtoritajiet kompetenti. Is-CCPs jirrevedu l-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru tagħhom wara kull interruzzjoni sinifikanti, biex jidentifikaw l-kawżi u kwalunkwe titjib meħtieġ għall-operazzjonijiet, il-politika ta’ kontinwità tal-operat u l-pjan ta’ rkupru minn diżastru tas-CCP.
Artikolu 22
Ġestjoni ta’ kriżi
1. CCP ikollha funzjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi biex taġixxi f’każ ta’ emerġenza. Il-proċedura ta’ ġestjoni ta’ kriżi tkun ċara u ddokumentata bil-miktub. Il-bord jimmonitorja l-funzjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi u jirċievi u janalizza regolarment rapporti dwarha.
2. Il-funzjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi jkun fiha proċeduri ċari u strutturati sew biex timmaniġġja komunikazzjonijiet interni u esterni ta’ kriżi waqt każ ta’ kriżi.
3. Wara każ ta’ kriżi, is-CCP twettaq analiżi ta’ kif ittrattat il-kriżi. L-analiżi tinkorpora, fejn rilevanti, kontribuzzjonijiet minn membri tal-ikklerjar u l-partijiet interessati esterni oħra.
Artikolu 23
Komunikazzjoni
1. CCP ikollha pjan ta’ komunikazzjoni li jiddokumenta l-mod li bih il-maniġment superjuri, il-bord u l-partijiet interessati esterni rilevanti, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, il-membri tal-ikklerjar, klijenti, aġenti tas-saldu, sistemi ta’ saldu u pagament tat-titoli u ċentri tan-negozjar jibqgħu jiġu adegwatament infurmati matul kriżi.
2. Analiżi tax-xenarji, analiżi tar-riskju, analiżi u riżultati tal-monitoraġġ u t-testijiet ikunu rrapportati lill-bord.
KAPITOLU VI
MARĠNI
(l-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 24
Persentaġġ
1. CCP tikkalkula l-marġni inizjali biex ikopru l-iskoperturi li jirriżultaw minn movimenti fis-suq għal kull strument finanzjarju li jkun kollateralizzat abbażi ta’ prodott, matul il-perjodu ta’ żmien iddefinit fl-Artikolu 25 u billi jitqies orizzont ta’ żmien għal-likwidazzjoni tal-pożizzjoni kif iddefinit fl-Artikolu 26. Għall-kalkolu tal-marġni inizjali s-CCP mill-inqas jirrispettaw l-intervall ta’ kunfidenza li ġejjin:
(a) għal derivattivi OTC, 99,5 %;
(b) għal strumenti finanzjarji għajr derivattivi OTC, 99 %.
2. Biex jiġi stabbilit l-intervall ta’ kunfidenza adegwat għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji ikklerjati minnha, CCP tqis ukoll il-fatturi li ġejjin:
(a) il-kumplessitajiet u l-livell ta’ inċertezzi fl-ipprezzar tal-klassi ta’ strumenti finanzjarji li jistgħu jillimitaw il-validazzjoni tal-kalkolu tal-marġni inizjali u dik ta’ varjazzjoni;
(b) il-karatteristiċi tar-riskju tal-klassi ta’ strumenti finanzjarji, li jistgħu jinkludu, iżda mhumiex limitati għal, il-volatilità, it-tul ta’ żmien, il-likwidità, karatteristiċi mhux lineari tal-prezz, riskju ta’ inadempjenza mhux mistennija u riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli;
(c) il-livell sa fejn kontrolli tar-riskju oħra ma jillimitawx b’mod adegwat l-iskoperturi tal-kreditu;
(d) l-ingranaġġ inerenti tal-klassi ta’ strumenti finanzjarji, inkluż jekk il-klassi ta’ strument finanzjarju hijiex sostanzjalment volatili, ikkonċentrata ħafna bejn ftit protagonisti tas-suq jew tista’ tkun diffiċli li tingħalaq.
3. Is-CCP tinforma l-awtorità kompetenti tagħha u l-membri tal-ikklerjar tagħha dwar il-kriterji kkunsidrati sabiex jiġi ddeterminat il-persentaġġ applikat għall-kalkolu tal-marġni għal kull klassi ta’ strumenti finanzjarji.
4. Meta CCP tikklerja derivattivi OTC li jkollhom l-istess karatteristiċi ta’ riskju bħal derivattivi eżegwiti fi swieq regolati jew f’suq ekwivalenti ta’ pajjiż terz, abbażi ta’ valutazzjoni tal-fatturi ta’ riskju elenkati fil-paragrafu 2, is-CCP tista’ tuża intervall ta’ kunfidenza alternattiv ta’ mill-inqas 99 % għal dawk il-kuntratti jekk ir-riskji tal-kuntratti ta’ derivattivi OTC ikklerjati minnha jkunu adegwatament mitigati bl-użu ta’ tali intervall ta’ kunfidenza u jkunu rispettati l-kundizzjonijiet fil-paragrafu 2.
Artikolu 25
Orizzont ta’ żmien għall-kalkolu tal-volatilità storika
1. CCP tiżgura li skont il-mudell ta’ metodoloġija tagħha u l-proċess ta’ validazzjoni tagħha stabbiliti skont il-Kapitolu XII, marġni inizjali jkopru mill-inqas, bl-intervall ta’ kunfidenza ddefinit fl-Artikolu 24 u għall-perjodu ta’ likwidazzjoni ddefinit fl-Artikolu 26, l-iskoperturi li jirriżultaw minn volatilità storika kkalkulata abbażi ta’ dejta li tkopri mill-inqas l-aħħar 12-il xahar.
Is-CCP tiżgura li d-dejta użata għall-kalkolu tal-volatilità storika tkopri firxa sħiħa ta’ kundizzjonijiet tas-suq, inklużi perjodi ta’ stress.
2. CCP tista’ tuża kwalunkwe orizzont ta’ żmien ieħor għall-kalkolu tal-volatilità storika sakemm l-użu ta’ tali orizzonti ta’ żmien jirriżulta f’rekwiżiti tal-marġini li jkunu għolja tal-anqas daqs dawk miksuba maż-żmien bil-perjodu ta’ żmien iddefinit fil-paragrafu 1.
3. Parametri tal-marġini għal strumenti finanzjarji mingħajr perjodu ta’ osservazzjoni storika jkunu bbażati fuq suppożizzjonijiet konservattivi. CCP tadatta minnufih il-kalkolu tal-marġini meħtieġa abbażi ta’ analiżi tal-istorja tal-prezz tal-istrumenti finanzjarji ġodda.
Artikolu 26
Orizzonti ta’ żmien għall-perjodu ta’ likwidazzjoni
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 41 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, CCP għandha tiddetermina l-orizzonti ta' żmien xierqa għall-perjodu ta' likwidazzjoni u tqis il-karatteristiċi tal-istrument finanzjarju kklirjat, it-tip ta' kont li fih jinżamm l-istrument finanzjarju, tas-suq fejn l-istrument finanzjarju huwa nnegozjat, u dawn l-orizzonti ta' żmien minimi għall-perjodu ta' likwidazzjoni li ġejjin:
(a) ħamest ijiem ta' negozju għal derivattivi OTC;
(b) jumejn ta' negozju għal strumenti finanzjarji għajr derivattivi OTC miżmuma f'kontijiet li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stipulati fil-punt (c);
(c) jum ta' negozju għal strumenti finanzjarji għajr derivattivi OTC miżmuma f'kontijiet tal-klijenti omnibus kif ukoll kontijiet tal-klijenti individwali, bil-kundizzjoni li jiġu ssodisfati dawn il-kundizzjonijiet:
(i) is-CCP iżżomm reġistri separati tal-pożizzjonijiet ta' kull klijent mill-inqas fit-tmiem ta' kull jum, tikkalkula l-marġinijiet fir-rigward ta' kull klijent, u tiġbor is-somma tar-rekwiżiti tal-marġni applikabbli għal kull klijent fuq bażi gross;
(ii) l-identità tal-klijenti kollha tkun magħrufa lis-CCP;
(iii) il-pożizzjonijiet miżmuma fil-kont ma jkunux pożizzjonijiet proprjetarji ta' impriżi tal-istess grupp bħal tal-membru tal-ikklirjar;
(iv) is-CCP tkejjel l-iskoperturi u għal kull kont tikkalkula r-rekwiżiti tal-marġni inizjali u ta' varjazzjoni fuq bażi ta' kważi ħin reali, u mill-inqas kull siegħa matul il-ġurnata billi tuża l-pożizzjonijiet u l-prezzijiet aġġornati;
(v) meta s-CCP ma tallokax negozji ġodda għal kull klijent matul il-ġurnata, is-CCP tiġbor il-marġinijiet fi żmien siegħa metar-rekwiżiti tal-marġni kkalkulati skont il-punt (iv) ikunu ogħla minn 110 % tal-kollateral disponibbli aġġornat skont il-Kapitolu X, sakemm l-ammont tal-marġini tal-istess ġurnata li għandu jitħallas lis-CCP ma jkunx abbażi ta' ammont definit minn qabel mis-CCP u maqbul mill-awtorità kompetenti, u sal-punt li negozji allokati minn qabel lil klijenti jkunu marġinati separatament minn negozji li ma jkunux allokati matul il-jum.
2. Fil-każijiet kollha, sabiex jiġu determinati l-orizzonti ta' żmien xierqa għall-perjodu ta' likwidazzjoni, is-CCP għandha tevalwa u tgħodd flimkien mill-inqas:
(a) l-itwal perjodu possibbli li jista' jgħaddi mill-aħħar ġbir tal-marġinijiet sad-dikjarazzjoni ta' inadempjenza mis-CCP jew l-attivazzjoni tal-proċess tal-ġestjoni tal-inadempjenza mis-CCP;
(b) il-perjodu stmat meħtieġ biex tiġi mfassla u eżegwita l-istrateġija għall-ġestjoni tal-inadempjenza ta' membru tal-ikklirjar skont il-partikolaritajiet ta' kull klassi ta' strument finanzjarju, inkluż il-livell ta' likwidità tagħha u d-daqs u l-konċentrazzjoni tal-pożizzjonijiet, u s-swieq li s-CCP se tuża biex tagħlaq jew tiħħeġġja kompletament pożizzjoni tal-membru tal-ikklirjar;
(c) fejn rilevanti, il-perjodu meħtieġ biex jiġi kopert ir-riskju tal-kontraparti li tkun skoperta għalih is-CCP.
3. Fl-evalwazzjoni tal-perjodi ddefiniti fil-paragrafu 2, is-CCP tikkunsidra, mill-inqas, il-fatturi indikati fl-Artikolu 24(2) u l-perjodu ta’ żmien għall-kalkolu tal-volatilità storika kif iddefinit fl-Artikolu 25.
4. Meta CCP tikklerja derivattivi OTC li jkollhom l-istess karatteristiċi tar-riskju bħal derivattivi eżegwiti fi swieq regolati jew suq ekwivalenti ta’ pajjiż terz, tista’ tuża orizzont ta’ żmien għall-perjodu ta’ likwidazzjoni differenti minn dak speċifikat fil-paragrafu 1, sakemm tkun tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li:
(a) tali orizzont ta’ żmien ikun aktar xieraq minn dak speċifikat fil-paragrafu 1 fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tad-derivattivi OTC rilevanti;
(b) tali orizzont ta' żmien ikun mill-inqas jumejn ta' negozju, jew jum ta' negozju meta l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1(c) jkunu ssodisfati.
Artikolu 27
Proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll
1. CCP tista’ tippermetti kumpens jew tnaqqis fil-marġini meħtieġa fl-istrumenti finanzjarji li tikklerja jekk ir-riskji fil-prezz ta’ strument finanzjarju wieħed jew sett ta’ strumenti finanzjarji ikun ikkorrelatat b’mod sostanzjali u affidabbli, jew abbażi ta’ parametru statistiku ta’ dipendenza, mar-riskji fil-prezz ta’ strumenti finanzjarji oħra.
2. Is-CCP tiddokumenta l-approċċ tagħha fuq il-proviżjonament ta’ marġni tal-portafoll u tipprovdi tal-anqas li l-korrelazzjoni, jew parametru statistiku ekwivalenti ta’ dipendenza, bejn żewġ strumenti finanzjarji jew aktar ikklerjati, tintwera bħala li hija affidabbli tul il-perjodu retrospettiv ikkalkulat skont l-Artikolu 25 u turi reżistenza waqt xenarji storiċi jew ipotetiċi ta’ stress. Is-CCP turi l-eżistenza ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għar-relazzjoni tal-prezzijiet.
3. L-istrumenti finanzjarji kollha li għalihom jiġi applikat il-proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll ikunu koperti mill-istess fond tal-inadempjenza. Permezz ta’ deroga, jekk CCP tista’ turi bil-quddiem lill-awtorità kompetenti tagħha u lill-membri tal-ikklerjar tagħha kif telf potenzjali ikun allokat bejn il-fondi ta’ inadempjenza differenti u li tkun stabbilixxiet id-dispożizzjonijiet meħtieġa fir-regoli tagħha, il-proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll jista’ jiġi applikat għal strumenti finanzjarji koperti minn fondi ta’ inadempjenza differenti.
4. Fejn il-proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll ikopri diversi strumenti, l-ammont tat-tnaqqis fil-marġni ma għandux ikun akbar minn 80 % tad-differenza bejn is-somma tal-marġni għal kull prodott ikkalkulat fuq bażi individwali u l-marġni kkalkulat abbażi ta’ stima kombinata tal-iskopertura għall-portafoll ikkombinat. Meta s-CCP ma tkunx esposta għal ebda riskju potenzjali mit-tnaqqis fil-marġni, tista’ tapplika tnaqqis sa 100 % ta’ dik id-differenza.
5. It-tnaqqis fil-marġni relatat ma’ proviżjonament ta’ marġni tal-portafoll ikun soġġett għal programm sod ta’ testjar tal-istress skont il-Kapitolu XII.
Artikolu 28
Proċikliċità
1. CCP tiżgura li l-politika tagħha għall-għażla u r-reviżjoni tal-intervall ta’ kunfidenza, il-perjodu ta’ likwidazzjoni u l-perjodu retrospettiv iwasslu għal rekwiżiti tal-marġini li jħarsu ‘l quddiem, stabbli u prudenti li jillimitaw il-proċiklikalità sal-punt fejn is-sodezza u s-sigurtà finanzjarja tas-CCP ma jkunux affetwati b’mod negattiv. Dan jinkludi li jiġu evitati bidliet, meta possibbli, ta’ interruzzjoni jew kbar fir-rekwiżiti tal-marġini u li jiġu stabbiliti proċeduri trasparenti u prevedibbli għall-aġġustament tar-rekwiżiti tal-marġini b’reazzjoni għall-kundizzjonijiet tas-suq dejjem jinbidlu. Meta tagħmel dan, is-CCP tapplika mill-inqas waħda mill-alternattivi li ġejjin:
(a) jiġi applikat bafer tal-marġni ugwali mill-inqas għal 25 % tal-marġini kkalkulati li jippermetti li jiġu temporanjament eżawriti f’perjodi fejn rekwiżiti tal-marġni kkalkulati qed jiżdiedu b’mod sinifikanti;
(b) jiġi assenjat piż ta’ mill-inqas 25 % lil osservazzjonijiet ta’ stress fil-perjodu retrospettiv ikkalkulat skont l-Artikolu 26;
(c) jiġi żgurat li r-rekwiżiti tal-marġini tagħha ma jkunux inqas minn dawk li jiġu kkalkulati bl-użu tal-volatilità stmata tul perjodu retrospettiv storiku ta’ 10 snin.
2. Meta CCP tirrevedi l-parametri tal-mudell tal-marġni sabiex jirriflettu aħjar il-kundizzjonijiet attwali tas-suq, tqis kwalunkwe effett proċikliku potenzjali ta’ tali reviżjoni.
KAPITOLU VII
FOND TAL-INADEMPJENZA
(l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 29
Qafas u governanza
1. Biex jiġi ddeterminat id-daqs minimu ta’ fond tal-inadempjenza u l-ammont ta’ riżorsi finanzjarji oħra meħtieġa biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikoli 42 u 43 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, filwaqt li jitqiesu d-dipendenzi tal-grupp, CCP timplimenta qafas ta’ politika interna għad-definizzjoni tat-tipi ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli li jistgħu jesponuha għall-akbar riskju.
2. Il-qafas jinkludi dikjarazzjoni li tiddeskrivi kif is-CCP tiddefinixxi kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. Din tkun kompletament ddokumentata u miżmuma skont l-Artikolu 12.
3. Il-qafas jiġi diskuss mill-kumitat tar-riskju u approvat mill-bord. Is-saħħa tal-qafas u l-ħila tiegħu li jirrifletti ċ-ċaqliq fis-suq ikunu soġġetti tal-anqas għal reviżjoni annwali. L-analiżi tiġi diskussa mill-kumitat tar-riskju u approvat mill-bord.
Artikolu 30
Identifikazzjoni ta’ kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli
1. Il-qafas deskritt fl-Artikolu 29 jirrifletti l-profil tar-riskju tas-CCP, filwaqt li jitqiesu skoperturi transfruntiera u bejn il-muniti fejn rilevanti. Jidentifika r-riskji kollha tas-suq li CCP tkun esposta għalihom wara l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew aktar, inkluż ċaqliq sfavorevoli fil-prezzijiet tas-suq ta’ strumenti kklerjati, likwidità tas-suq imnaqqsa għal dawn l-istrumenti, u tnaqqis fil-valur ta’ likwidazzjoni ta’ kollateral. Il-qafas jirrefletti wkoll riskji addizzjonali għas-CCP li jirriżultaw minn falliment simultanju ta’ entitajiet fil-grupp tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti.
2. Il-qafas għandu jidentifika individwalment is-swieq kollha li CCP hija esposta għalihom f’xenarju ta’ membru tal-ikklerjar inadempjenti. Għal kull suq identifikat is-CCP tispeċifika l-kundizzjonijiet estremi iżda plawsibbli ibbażati, mill-anqas fuq:
(a) sensiela ta’ xenarji storiċi, inklużi perjodi ta’ movimenti estremi tas-suq osservati matul l-aħħar 30 sena, jew minn meta ilha disponibbli dejta affidabbli, li kieku tkun esponiet lis-CCP għall-akbar riskju finanzjarju. Jekk CCP tiddeċiedi li rikorrenza ta’ istanza storika ta’ movimenti kbar fil-prezzijiet mhijiex plawsibbli, tiġġustifika l-omissjoni tagħha fil-qafas lill-awtorità kompetenti;
(b) sensiela ta’ xenarji futuri potenzjali, msejsa fuq suppożizzjonijiet konsistenti dwar il-volatilità tas-suq u l-korrelazzjoni tal-prezzijiet fost is-swieq u l-istrumenti finanzjarji, ibbażati kemm fuq valutazzjonijiet kwantitattivi kif ukoll kwalitattivi tal-kundizzjonijiet tas-suq potenzjali.
3. Il-qafas iqis wkoll, kwantitattivament u kwalitattivament, sa fejn movimenti estremi fil-prezzijiet jistgħu jseħħu simultanjament fi swieq identifikati diversi. Il-qafas jirrikonoxxi li korrelazzjonijiet storiċi tal-prezzijiet jistgħu jinqasmu f’kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.
Artikolu 31
Analiżi ta’ xenarji estremi iżda plawsibbli
Il-proċeduri deskritti fl-Artikolu 30 jiġu riveduti mis-CCP fuq bażi regolari, filwaqt li jitqiesu l-iżviluppi rilevanti kollha fis-suq u l-iskala u l-konċentrazzjoni ta’ skoperturi ta’ membru tal-ikklerjar. Is-sett ta’ xenarji storiċi u ipotetiċi użati minn CCP biex tidentifika kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli jiġu riveduti mis-CCP, b’konsultazzjoni mal-kumitat tar-riskji, mill-anqas darba fis-sena u aktar spiss meta żviluppi tas-suq jew bidliet materjali għas-sett ta’ kuntratti ikklerjati mis-CCP jaffettwaw is-suppożizzjonijiet sottostanti għax-xenarji u jistgħu jesiġu aġġustament għax-xenarji. Bidliet materjali fil-qafas jiġu rappurtati lill-bord.
KAPITOLU VIII
KONTROLLI TAR-RISKJU TAL-LIKWIDITÀ
(l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 32
Valutazzjoni tar-riskju tal-likwidità
1. CCP tistabilixxi qafas b’saħħtu għall-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità li jinkludi għodda operazzjonali u analitiċi biex jidentifikaw, ikejlu u jimmonitorjaw il-flussi ta’ saldu u finanzjament tagħha fuq bażi kontinwa u fil-ħin, inkluż l-użu tagħha ta’ likwidità ta’ matul l-istess jum. Is-CCPs jivvalutaw regolarment id-disinn u t-tħaddim tal-qafas ta’ ġestjoni tal-likwidità tagħhom, inkluż billi jitqiesu r-riżultati tat-testijiet tal-istress.
2. Qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità ta’ CCP ikun b’saħħtu biżżejjed biex jiżgura li s-CCP tista’ teżegwixxi obbligi ta’ pagament u saldu fil-muniti rilevanti kollha hekk kif isiru dovuti, inkluż fejn xieraq matul l-istess jum. Qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità ta’ CCP jinkludi wkoll il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet futuri potenzjali ta’ likwidità tagħha taħt sensiela wiesgħa ta’ xenarji potenzjali ta’ stress. Xenarju ta’ stress jinkludi l-inadempjenza ta’ membri tal-ikklerjar skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 mid-data ta’ inadempjenza sa tmiem il-perjodu ta’ likwidazzjoni u r-riskju tal-likwidità ġġenerat mill-politika u l-proċeduri ta’ investiment tas-CCP f ‘kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.
3. Il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità jinkludi pjan ta’ likwidità li huwa ddokumentat u miżmum skont l-Artikolu 12. Il-kontenut minimu tal-pjan ta’ likwdità jinkludi l-proċeduri tas-CCP għal:
(a) il-ġestjoni u monitoraġġ, mill-inqas darba kuljum, tal-ħtiġijiet ta’ likwidità tagħha f’sensiela ta’ xenarji tas-suq;
(b) iż-żamma ta’ biżżejjed riżorsi finanzjarji likwidi biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ likwidità tagħha u jiddistingwu bejn l-użu tat-tipi differenti ta’ riżorsi likwidi;
(c) il-valutazzjoni ta’ kuljum u l-valwazzjoni tal-assi likwidi disponibbli għas-CCP u l-ħtiġijiet ta’ likwidità tagħha;
(d) l-identifikazzjoni ta’ sorsi ta’ riskju tal-likwidità;
(e) il-valutazzjoni ta’ termini ta żmien li matulhom ikunu disponibbli r-riżorsi finanzjarji likwidi tas-CCP;
(f) il-kunsiderazzjoni tal-ħtiġijiet potenzjali ta’ likwdità li joħorġu mill-ħila tal-membri tal-ikklerjar l-kapaċità li jikkonvertu kollateral fi flus għal dak mhux fi flus;
(g) il-proċessi fil-każ ta’ diskrepanzi fil-likwidità;
(h) ir-riforniment ta’ kwalunkwe riżorsa finanzjarja li tista’ tuża waqt każ ta’ stress.
Il-bord tas-CCP japprova l-pjan wara konsultazzjoni mal-kumitat tar-riskju.
4. CCP tivvaluta r-riskju tal-likwidità li qed taffronta inkluż fejn is-CCP jew il-membri tal-ikklerjar tagħha ma jistgħux jissodisfaw l-obbligi ta’ pagament tagħhom meta dovut bħala parti minn proċess tal-ikklerjar jew tas-saldu, billi titqies ukoll l-attività ta’ investment tas-CCP. Il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju jindirizza l-ħtiġijiet ta’ likwidità li jirriżultaw mir-relazzjonijiet tas-CCP ma’ kwalunkwe entità li s-CCP ikollha skopertura tal-likwdità għaliha:
(a) banek ta’ saldu;
(b) sistemi ta’ pagamenti;
(c) sistemi ta’ saldu ta’ titoli;
(d) aġenti nostro;
(e) banek depożitarji;
(f) fornituri ta’ likwidità;
(g) CCPs interoperabbli;
(h) fornituri ta’ servizzi.
5. CCP tqis kwalunkwe interdipendenza bejn l-entitajiet elenkati fil-paragrafu 4 u relazzjonijiet multipli li entità elenkata fil-paragrafu 4 jista’ jkollha ma’ CCP fil-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha.
6. CCP tistabbilixxi rapport ta’ kuljum dwar il-ħtiġijiet u r-riżorsi taħt il-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 3 u rapport kull tliet xhur dwar il-pjan ta’ likwidità tagħha taħt punti (d) sa (h) tal-paragrafu 3. Ir-rapporti ikunu dokumentati u miżmuma skont il-Kapitolu IV.
Artikolu 33
Aċċess għal-likwidità
1. CCP iżżomm, f’kull munita rilevanti, riżorsi likwidi proporzjonati mar-rekwiżiti ta’ likwidità tagħha, iddefiniti skont l-Artikolu 44 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u l-Artikolu 32 ta’ dan ir-Regolament. Dawn ir-riżorsi likwidi ikunu limitati għal:
(a) flus iddepożitati fil-bank ċentrali ta’ emissjoni;
(b) flus iddepożitati f’istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont l-Artikolu 47;
(c) linji impenjati ta’ kreditu jew arranġamenti ekwivalenti ma’ membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti;
(d) ftehimiet impenjati ta’ riakkwist;
(e) strumenti finanzjarji kummerċjabbli ħafna li jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 45 u l-Artikolu 46 u li s-CCP tista’ turi li huma disponibbli minnufih u konvertibbli fi flus fuq bażi tal-istess jum bl-użu ta’ arranġamenti ta’ finanzjament prestabbiliti u affidabbli ħafna, inkluż f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress.
2. CCP tikkunsidra l-muniti li fihom huma denominati l-obbligazzjonijiet tagħha u tqis l-effett potenzjali ta’ kundizzjonijiet ta’ stress fuq il-ħila tagħha li taċċessa s-suq ta’ muniti barranin b’mod konsistenti ma’ ċikli ta’ saldu ta’ titoli ta’ sistemi ta’ kambju u saldu tat-titoli.
3. Linji impenjati ta’ kreditu kontra kollateral ipprovduti minn membri tal-ikklerjar ma jingħaddux darbtejn bħala riżorsi likwidi. CCP tieħu azzjoni biex timmonitorja u tikkontrolla l-konċentrazzjoni tal-iskoperturi tar-riskju tal-likwidità għal fornituri individwali ta’ likwidità.
4. CCP twettaq diliġenza dovuta rigoruża li l-fornituri ta’ likwidità tagħha jkollhom kapaċità biżżejjed biex jaġixxu skont l-arranġamenti tal-likwidità.
5. CCP tittestja perjodikament il-proċeduri tagħha biex taċċessa arranġamenti ta’ finanzjament prestabbiliti. Dan jista’ jinkludi l-estrazzjoni ta’ ammonti ta’ ttestjar tal-linji kummerċjali ta’ kreditu, biex tiġi vverifikata l-ħeffa ta’ aċċess għar-riżorsi u l-affidabbiltà tal-proċeduri.
6. CCP ikollha proċeduri dettaljati fi ħdan il-pjan ta’ likwidità tagħha għall-użu tar-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha biex tissodisfa l-obbligi ta’ pagament tagħha matul diskrepanza fil-likwidità. Il-proċeduri ta’ likwidità jiddikjaraw b’mod ċar meta jintużaw ċerti riżorsi. Il-proċeduri jiddeskrivu wkoll kif ikun hemm aċċess għal depożiti ta’ flus jew investimenti mil-lum għal għada ta’ depożiti ta’ flus, kif jiġu eżegwiti tranżazzjonijiet tas-suq fl-istess ġurnata, jew kif jistgħu jintużaw linji ta’ likwidità prestabbiliti. Dawn il-proċeduri jiġu ttestjati regolarment. CCP tistabbilixxi wkoll pjan adegwat għat-tiġdid ta’ arranġamenti ta’ finanzjament qabel l-iskadenzi tagħhom.
Artikolu 34
Riskju tal-konċentrazzjoni
1. CCP timmonitorja u tikkontrolla mill-qrib il-konċentrazzjoni tal-iskopertura tagħha għal riskju tal-likwidità, inklużi l-iskoperturi tagħha għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 32(4) u għal entitajiet fl-istess grupp.
2. Il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità ta’ CCP jinkludi l-applikazzjoni tal-limiti ta’ skopertura u konċentrazzjoni.
3. CCP tiddefinixxi proċessi u proċeduri għal ksur tal-limiti tal-konċentrazzjoni.
KAPITOLU IX
KASKATA TAL-INADEMPJENZA
(l-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 35
Kalkolu tal-ammont ta’ riżorsi proprji tas-CCP biex jintużaw fil-kaskata tal-inadempjenza
1. CCP iżżomm, u tindika separatament fil-karta tal-bilanċ tagħha, ammont ta’ riżorsi proprji apposta għall-fini stipulat fl-Artikolu 45(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
2. CCP tikkalkula l-ammont minimu msemmi fil-paragrafu 1 billi timmultiplika l-kapital minimu, inkluż il-qligħ miżmum u r-riżervi, miżmuma skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 u Regolament ta’ delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 152/2013 ( 8 ) b’25 %.
Is-CCP tirrevedi dak l-ammont minimu fuq bażi annwali.
3. Fejn is-CCP tkun stabbilixxiet iżjed minn fond tal-inadempjenza wieħed għall-klassijiet differenti ta’ strumenti finanzjarji ikklerjati minnha, it-total iddedikat ta’ riżorsi proprji kkalkolat skont il-paragrafu 1 jiġi allokat lil kull fond tal-inadempjenza b’mod proporzjonat għad-daqs ta’ kull fond tal-inadempjenza, biex jiġu indikati separatament fil-karta ta’ bilanċ tagħha u użati għall-inadempjenzi li jirriżultaw f’segmenti differenti tas-suq li l-fondi inadempjenza jirreferu għalihom.
4. L-ebda riżorsi oħra għajr il-kapital, inkluż il-qligħ miżmum u r-riżervi, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ma jistgħu jintużaw biex jikkonformaw mar-rekwiżit skont il-paragrafu 1.
Artikolu 36
Żamma tal-ammont ta’ riżorsi proprji tas-CCP biex jintużaw fil-kaskata tal-inadempjenza
1. CCP tinforma minnufih lill-awtorità kompetenti jekk l-ammont ta’ riżorsi proprji ddedikati miżmum jaqa’ taħt l-ammont meħtieġ mill-Artikolu 35, flimkien mar-raġunijiet għall-ksur u deskrizzjoni komprensiva bil-miktub tal-miżuri u l-iskeda għar-riforniment ta’ tali ammont.
2. Fejn inadempjenza sussegwenti ta’ membru tal-ikklerjar wieħed jew aktar isseħħ qabel ma CCP tkun introduċiet mill-ġdid ir-riżorsi proprji ddedikati, jintuża biss l-ammont residwu tar-riżorsi proprji ddedikati allokati għall-fini tal-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
3. CCP tintroduċi mill-ġdid ir-riżorsi proprji ddedikati mill-inqas fi żmien xahar min-notifika skont il-paragrafu 1.
KAPITOLU X
KOLLATERAL
(l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 37
Rekwiżiti ġenerali
CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri trasparenti u prevedibbli biex tivvaluta u timmonitorja kontinwament l-likwidità tal-assi aċċettati bħala kollateral u tieħu azzjoni ta’ rimedju fejn ikun xieraq.
CCP tirrevedi l-politiki u l-proċeduri tal-assi eliġibbli tagħha mill-inqas darba fis-sena. Din ir-reviżjoni għandha titwettaq ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP.
Artikolu 38
Kollataral fi flus
Għall-finijiet tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kollateral likwidu ħafna fil-forma ta’ flus ikun denominat f’waħda minn dawn li ġejjin:
(a) munita li għaliha s-CCP tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja adegwatament ir-riskju;
(b) munita li biha is-CCP tikklerja tranżazzjonijiet, fil-limitu tal-kollateral meħtieġ biex ikopri l-iskoperturi tas-CCP f’dik il-munita.
Artikolu 39
Strumenti finanzjarji
Għall-finijiet tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-istrumenti finanzjarji, il-garanziji bankarji u d-deheb li jissodisfaw il-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness I, jitqiesu bħala kollateral likwidu ħafna.
Artikolu 40
Valwazzjoni tal-kollateral
1. Għall-finijiet ta’ valwazzjoni ta’ kollateral likwidu ħafna kif iddefinit fl-Artikolu 37, CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri sabiex timmonitorja, fuq bażi ta’ kważi ħin reali, il-kwalità tal-kreditu, il-likwidità tas-suq u l-volatilità tal-prezz ta’ kull assi aċċettat bħala kollateral. CCP timmonitorja fuq bażi regolari, u mill-inqas darba fis-sena, l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri ta’ valwazzjoni tagħha. Din ir-reviżjoni titwettaq ukoll kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP.
2. CCP tagħmel valwazzjoni tal-kollateral tagħha skont is-suq fuq bażi ta’ kważi ħin reali u, fejn mhux possibbli, CCP tkun kapaċi li turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskji.
Artikolu 41
Telf impost
1. CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri sabiex tiddetermina telf impost prudenti li japplika għall-valur tal-kollateral.
2. Telf impost jirrikonoxxi li kollateral jista’ jeħtieġ li jkun likwidat f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress u jqis iż-żmien meħtieġ biex jillikwidah. Is-CCP turi lill-awtorità kompetenti li telf impost ikun ikkalkulat b’mod konservattiv li jillimita, sa fejn hu possibbli, l-effetti proċikliċi possibbli. Għal kull assi kollaterali, it-telf impost ikun iddeterminat billi jitqiesu l-kriterji rilevanti, inklużi:
(a) it-tip ta’ assi u l-livell tar-riskju tal-kreditu assoċjat mal-istrument finanzjarju abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;
(b) il-maturità tal-assi;
(c) il-volatilità storika u futura ipotetika fil-prezzijiet tal-assi f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress;
(d) il-likwidità tas-suq sottostanti, inklużi firxiet ta’ offerta/talba;
(e) ir-riskju tal-kambju, jekk ikun hemm;
(f) riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli.
3. CCP timmonitorja fuq bażi regolari l-adegwatezza tat-telf impost. CCP tirrevedi il-politiki u l-proċeduri tat-telf impost mill-inqas kull sena u kull meta sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP, iżda tevita kemm jista’ jkun bidliet ta’ interruzzjoni jew kbar li jistgħu jintroduċu proċiklikalità. il-politiki u l-proċeduri dwar it-telf impost ikunu vvalidati indipendentement mill-inqas kull sena.
Artikolu 42
Limiti tal-konċentrazzjoni
1. CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri biex tiżgura li l-kollateral jibqa’ ddiversifikat biżżejjed biex jippermetti l-likwidazzjoni tiegħu fi żmien iddefinit ta’ parteċipazzjoni mingħajr impatt sinifikanti fuq is-suq. Il-politiki u l-proċeduri jiddeterminaw il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju li jiġu applikati meta jinqabżu l-limiti tal-konċentrazzjoni speċifikati fil-paragrafu 2.
2. CCP tiddetermina l-limiti tal-konċentrazzjoni fil-livell ta’:
(a) emittenti individwali;
(b) tip ta’ emittent;
(c) tip ta’ assi;
(d) kull membru tal-ikklerjar;
(e) il-membri tal-ikklerjar kollha.
3. Il-limiti tal-konċentrazzjoni jiġu determinati b’mod konservattiv filwaqt li jitqiesu l-kriterji rilevanti kollha, inklużi:
(a) strumenti finanzjarji maħruġa minn emittenti tal-istess tip f’termini tas-settur ekonomiku, tal-attività, tar-reġjun ġeografiku;
(b) il-livell tar-riskju tal-kreditu tal-istrument finanzjarju jew tal-emittent abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;
(c) il-likwidità u l-volatilità tal-prezz tal-istrumenti finanzjarji.
4. CCP tiżgura li mhux iktar minn 10 % tal-kollateral tagħha huwa ggarantit minn istituzzjoni waħda ta’ kreditu, jew istituzzjoni finanzjarja ekwivalenti ta’ pajjiż terz, jew minn entità li tkun parti mill-istess grupp bħall-istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjoni finanzjarja tal-pajjiż terz. Fejn il-kollateral li jkun wasal mis-CCP fil-forma ta’ garanziji minn banek kummerċjali jkun ogħla minn 50 % tal-kollateral totali, dan il-limitu jista’ jiġi stabbilit għal 25 %.
5. Fil-kalkolu tal-limiti previsti fil-paragrafu 2, CCP tinkludi l-iskopertura totali ta’ CCP għal emittent, inkluż l-ammont tal-linji ta’ kreditu kumulattivi, ċertifikati ta’ depożitu, depożitu b’terminu ta’ żmien, kontijiet ta’ tfaddil, kontijiet ta’ depożitu, kontijiet kurrenti, strumenti tas-suq tal-flus, u faċilitajiet ta’ riakkwist invertit utilizzati mis-CCP. Dawn il-limiti ma japplikawx għal kollateral miżmum mis-CCP f’eċċess tar-rekwiżiti minimi għal marġni, fond tal-inadempjenza jew riżorsi finanzjarji oħra.
6. Meta tiddetermina l-limitu ta’ konċentrazzjoni għall-iskopertura ta’ CCP għal emittent individwali, CCP taggrega u titratta bħala riskju uniku l-iskopertura tagħha għall-istrumenti finanzjarji kollha maħruġa mill-emittent jew minn entità ta’ grupp, garantiti espliċitament mill-emittent jew minn entità ta’ grupp, u għal strumenti finanzjarji maħruġa minn impriżi li l-fini esklussiv tagħhom huwa li jkollhom mezzi ta’ produzzjoni li huma essenzjali għall-operat tal-emittent.
7. CCP timmonitorja fuq bażi regolari l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri tal-limitu ta’ konċentrazzjoni tagħha. CCP tirrevedi l-politika tagħha għal-limitu ta’ konċentrazzjoni mill-inqas kull sena u kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP.
8. CCP tinforma lill-awtorità kompetenti u l-membri tal-ikklerjar bil-limiti tal-konċentrazzjoni applikabbli u bi kwalunkwe emenda għal dawn il-limiti.
9. Jekk is-CCP materjalment tikser limitu ta’ konċentrazzjoni stabbilit fil-politiki u l-proċeduri tagħha, tinforma lill-awtorità kompetenti minnufih. Is-CCP tirrettifika l-ksur mill-aktar fis possibbli.
KAPITOLU XI
POLITIKA TA’ INVESTIMENT
(l-Artikolu 47 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
Artikolu 43
Strumenti finanzjarji likwidi ħafna
Għall-finijiet tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, strumenti ta’ dejn jistgħu jitqiesu bħala likwidi ħafna, li jkollhom riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq jekk jissodisfaw kull waħda mill-kundizzjonijiet stipulati fl-Anness II.
Artikolu 44
Arranġamenti b’sigurtà għolja għad-depożitu ta’ strumenti finanzjarji
1. Jekk CCP ma tistax tiddepożita l-istrumenti finanzjarji msemmija fl-Artikolu 45 jew dawk mibgħuta lilha bħala marġini, kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza jew kontribuzzjonijiet lil riżorsi finanzjarji oħra, kemm permezz ta’ trasferiment ta’ titolu u garanzija reali, bl-operatur tas-sistema tas-saldu tat-titoli li jiżgura l-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti imbagħad tali strumenti finanzjarji jiġu ddepożitati fi kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:
(a) bank ċentrali li jiżgura l-protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti u li jippermetti lis-CCP li jkollha aċċess fil-pront għall-istrumenti finanzjarji meta meħtieġ;
(b) istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata kif iddefinita skont id-Direttiva 2006/48/KE li tiżgura segregazzjoni u protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti, tippermetti lis-CCP li jkollha aċċess fil-pront għall-istrumenti finanzjarji meta dan ikun meħtieġ u li s-CCP tkun tista’ turi li riskju baxx tal-kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;
(c) istituzzjoni finanzjarja ta’ pajjiż terz li hija soġġetta għal u tikkonforma ma’ regoli prudenzjali meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti li huma mill-inqas stretti bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/48/KE u li għandha prattiki tal-kontabbiltà, proċeduri ta’ kustodja, u kontrolli interni b’saħħithom u li tiżgura segregazzjoni u protezzjoni sħiħa ta’ dawk l-istrumenti, tippermetti lis-CCP li jkollha aċċess fil-pront għall-istrumenti finanzjarji meta dan ikun meħtieġ u li s-CCP tkun tista’ turi li għandha riskju baxx tal-kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari.
2. Fejn l-istrumenti finanzjarji huma depożitati skont l-ittra (b) jew (c) tal-paragrafu 1, dawn ikunu miżmuma taħt arranġamenti li jipprevjenu kwalunkwe telf għas-CCP dovut għall-inadempjenza jew l-insolvenza tal-istituzzjoni finanzjarja awtorizzata.
3. Arranġamenti ta’ sigurtà għolja għad-depożitu ta’ strumenti finanzjarji sottomessi bħala marġni, il-kontribuzzjonijiet lill-fond tal-inadempjenza jew kontribuzzjonijiet lil riżorsi finanzjarji oħra jippermettu biss lis-CCP li tuża mill-ġdid dawn l-istrumenti finanzjarji meta l-kundizzjonijiet fl-Artikolu 39(8) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 huma ssodisfati u fejn il-fini tal-użu mill-ġdid huwa li jsiru pagamenti, tiġi mmaniġġjata l-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar jew fl-eżekuzzjoni ta’ arranġament interoperabbli.
Artikolu 45
Arranġamenti b’sigurtà għolja li jżommu flus
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 47(4) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, meta l-flus ikunu ddepożitati għajr ma’ bank ċentrali mela tali depożitu jissodisfa kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) id-depożitu huwa f’wieħed mill-muniti li ġejjin:
(i) munita li għaliha s-CCP tista’ turi b’livell għoli ta’ kunfidenza lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskji;
(ii) munita li biha is-CCP tikklerja tranżazzjonijiet, fil-limitu tal-kollateral li jasal f’dik il-munita.
(b) id-depożitu jitqiegħed ma’ waħda mill-entitajiet li ġejjin:
(i) istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata kif iddefinita skont id-Direttiva 2006/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 9 ) li s-CCP tista’ turi li għandha rata baxxa ta’ riskju tal-kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;
(ii) istituzzjoni finanzjarja ta’ pajjiż terz li hija soġġetta għal u tikkonforma ma’ regoli prudenzjali meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti li huma mill-inqas stretti bħal dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/48/KE u li għandha prattiki tal-kontabbiltà, proċeduri ta’ kustodja, u kontrolli interni b’saħħithom u li s-CCP tkun tista’ turi li għandha riskju baxx tal-kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;
2. Fejn il-flus jinżammu mil-lum għal għada skont il-paragrafu 1, mela mhux inqas minn 95 % ta’ dawn il-flus, ikkalkulati għal perjodu medju ta’ xahar kalendarju wieħed, għandhom jiġu depożitati permezz ta’ arranġamenti li jiżguraw kollateralizzazzjoni tal-flus bi strumenti finanzjarji likwidi ħafna li jissodisfaw ir-rekwiżiti skont l-Artikolu 45, għajr ir-rekwiżit fil-paragrafu 1(c) ta’ dak l-Artikolu.
Artikolu 45
Limiti tal-konċentrazzjoni
1. CCP tistabbilixxi u timplimenta politiki u proċeduri sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji li fihom huma investiti r-riżorsi finanzjarji tagħha jibqgħu diversifikati biżżejjed.
2. CCP tiddetermina il-limiti tal-konċentrazzjoni u timmonitorja l-konċentrazzjoni tar-riżorsi finanzjarji fil-livell ta’:
(a) strumenti finanzjarji individwali;
(b) tipi ta’strumenti finanzjarji;
(c) emittenti individwali;
(d) tipi ta’ emittenti;
(e) kontropartijiet li magħhom huma stabbiliti arranġamenti kif previst fil-punti (b) u (c) tal-Artikolu 44(1) jew fl-Artikolu 45(2).
3. Meta jitqiesu tipi ta’ emittenti CCP tqis dan li ġej:
(a) distribuzzjoni ġeografika;
(b) interdipendenzi u relazzjonijiet multipli li entità jista’ jkollha ma’ CCP;
(c) il-livell tar-riskju tal-kreditu;
(d) skoperturi li s-CCP għandha għall-emittent permezz tal-prodotti kklerjati mis-CCP.
4. Il-politiki u l-proċeduri jiddeterminaw il-miżuri għall-mitigazzjoni tar-riskju li għandhom jiġu applikati meta jinqabżu l-limiti tal-konċentrazzjoni.
5. Meta tiddetermina l-limitu ta’ konċentrazzjoni għall-iskopertura ta’ CCP għal emittent jew kustodju individwali, CCP taggrega u titratta bħala riskju uniku, l-iskopertura għall-istrumenti finanzjarji kollha maħruġa minn, jew espliċitament ggarantiti minn, l-emittent u r-riżorsi finanzjarji kollha depożitati mal-kustodju.
6. CCP timmonitorja fuq bażi regolari l-adegwatezza tal-politiki u l-proċeduri tal-limitu ta’ konċentrazzjoni tagħha. Barra minn hekk, CCP tirrevedi l-politika tagħha għal-limitu ta’ konċentrazzjoni mill-inqas kull sena u kull darba li sseħħ xi bidla materjali li taffettwa l-iskopertura għar-riskju tas-CCP.
7. Jekk is-CCP tikser limitu ta’ konċentrazzjoni stabbilit fil-politiki u l-proċeduri tagħha, tinforma lill-awtorità kompetenti minnufih. Is-CCP tirrettifika l-ksur mill-aktar fis possibbli.
Artikolu 46
Kollateral mhux fi flus
Fejn il-kollateral jasal fl-għamla ta’ strumenti finanzjarji skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu X, japplikaw biss l-Artikoli 44 u 45.
KAPITOLU XII
REVIŻJONI TAL-MUDELLI, TAL-ITTESTJAR TAL-ISTRESS U L-ITTESTJAR RETROSPETTIV
(l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012)
TAQSIMA 1
Mudelli u programmi
Artikolu 47
Validazzjoni tal-Mudell
1. CCP twettaq validazzjoni komprensiva tal-mudelli tagħha, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ likwidazzjoni użati biex jikkwantifikaw, jaggregaw, u jimmaniġġjaw ir-riskji tagħha. Kwalunkwe reviżjoni jew aġġustament materjal għall-mudelli tiegħu, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità kunu soġġetti għal governanza xierqa, inkluż billi jinkiseb parir mingħand il-kumitat tar-riskju, u vvalidati minn parti kkwalifikata u indipendenti qabel l-applikazzjoni
2. Il-proċess tal-validazzjoni ta’ CCP ikun iddokumentat u jispeċifika mill-inqas il-politiki użati biex tiġi ttestjatati il-metodoloġiji tas-CCP għall-kalkolu tal-marġni, tal-fond tal-inadempjenza u riżorsi finanzjarji oħra u l-qafas għall-kalkolu tar-riżorsi finanzjarji likwidi. Kwalunkwe reviżjoni jew aġġustament materjali għal dawn il-politiki ikunu soġġettai għal governanza xierqa, inkluż billi jinkiseb parir mingħand il-kumitat tar-riskju, u vvalidati minn parti kwalifkata u indipendenti qabel l-applikazzjoni.
3. Validazzjoni komprensiva, tal-anqas, tinkludi dawn li ġejjin:
(a) evalwazzjoni tas-sodezza kunċettwali tal-mudelli u l-qafas, inkluża evidenza li ssostni l-iżvilipp tagħhom;
(b) analiżi tal-proċeduri ta’ monitoraġġ kontinwi, inkluża l-verifika tal-proċessi u valutazzjoni skont parametri referenzjarji;
(c) analiżi tal-parametri u suppożizzjonijiet li saru fl-iżvilupp tal-mudelli tagħha, u l-metodoloġiji u l-qafas tagħhom;
(d) analiżi tal-adegwatezza u l-idoneità tal-mudelli, il-metodoloġiji u l-qafas tagħhom adottati fir-rigward tat-tip ta’ kuntratti li japplikaw għalihom;
(e) analiżi tal-idoneità tax-xenarji ta’ testjar retrospettiv tagħha skont il-Kapitolu VII u l-Artikolu 52;
(f) analiżi tal-eżiti tar-riżultati tal-ittestjar.
4. CCP tistabbilixxi l-kriterji li bihom tivvaluta jekk l-mudelli tagħha, il-metodoloġiji u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħhom jistgħux jiġu vvalidati b’suċċess. Il-kriterji jinkludu riżultati tal-ittestjar pożittivi.
5. Fejn id-dejta dwar l-ipprezzar ma tkunx faċilment disponibbli jew affidabbli, CCP tindirizza tali limitazzjonijiet fl-ipprezzar u, mill-inqas, tadotta suppożizzjoni konservattiva bbażata fuq swieq korrelatati jew relatati osservati u l-imġiba attwali tas-suq.
6. Fejn id-dejta dwar l-ipprezzar ma tkunx faċilment disponibbli jew affidabbli, is-sistemi u l-mudelli ta’ valwazzjoni użati għal dan l-għan ikunu soġġetti għal governanza xierqa, inkluż billi jinkiseb parir mingħand il-kumitat tar-riskju, u validazzjoni u testjar. CCP ikollha l-mudelli ta’ valwazzjoni tagħha vvalidati skont varjetà ta’ xenarji tas-suq minn parti kwalifikata u indipendenti biex jiġi żgurat li l-mudelli tagħha jipproduċu b’mod preċiż prezzijiet xierqa, u fejn xieraq, taġġusta l-kalkolu tagħha tal-marġini inizjali biex tirrifletti kwalunkwe riskju tal-mudell identifikat.
7. CCP twettaq regolarment valutazzjoni tal-proprejatajiet teoretiċi u empiriċi tal-mudell tal-marġni tagħha għall-istrumenti finanzjarji kollha li kklerjati minnha.
Artikolu 48
Programmi ta’ ttestjar
1. CCP ikollha politiki u proċeduri fis-seħħ li jiddeskrivu fid-dettall il-programmi ta’ ttestjar tal-istress u dawk retrospettivi li twettqu biex ikunu vvalutati l-adegwatezza, il-preċiżjoni, l-affidabilità u r-reżistenza tal-mudelli u l-metodoloġiji tagħhom użati biex jiġu kkalkulati l-mekkaniżmi ta’ kontroll tar-riskju tagħha, inklużi l-marġni, il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza, u riżorsi finanzjarji oħra f’firxa wiesgħa ta’ kundizzjonijiet tas-suq.
2. Il-politiki u l-proċeduri ta’ CCP jiddeskrivu wkoll fid-dettall il-programm ta’ ttestjar tal-istress li twettaq biex jivvaluta l-adegwatezza, il-preċiżjoni, l-affidabilità u r-reżistenza tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità.
3. Il-politiki u l-proċeduri jinkludu mill-inqas il-metodoloġiji għall-inklużjoni tal-għażla u l-iżvilupp tal-ittestjar xieraq, inkluża l-għażla tad-dejta tal-portafoll u tas-suq, ir-regolarità tat-testijiet, il-karatteristiċi speċifiċi ta’ riskju tal-istrumenti finanzjarji kklerjati, l-analiżi tar-riżultati tal-ittestjar u l-eċċezzjonijiet u l-miżuri korrettivi meħtieġa.
4. CCP tinkludi kwalunkwe pożizzjoni tal-klijenti meta twettaq it-testijiet kollha.
TAQSIMA 2
Ittestjar retrospettiv
Artikolu 49
Proċedura ta’ ttestjar retrospettiv
1. CCP tivvaluta l-kopertura tal-marġini tagħha billi twettaq paragun ex-post tal-eżiti osservati mal-eżiti mistennija derivati mill-użu tal-mudelli tal-marġni. Tali ttestjar retrospettiv jitwettaq kuljum sabiex jevalwa jekk hemmx xi eċċezzjonijiet mill-ittestjar għall-kopertura tal-marġini. Il-kopertura tkun evalwata fuq pożizzjonijiet attwali għal strumenti finanzjarji, il-membri tal-ikklerjar u tqis l-effetti possibbli minn proviżjonament ta’ marġni ta’ portafoll u, fejn xieraq, CCPs interoperabbli.
2. CCP tikkunsidra l-orizzonti ta’ żmien xierqa għall-programm ta’ ittestjar retrospettiv tagħha biex tiżgura li l-perjodu ta’ osservazzjoni huwa biżżejjed biex jiġi mitigat kwalunkwe effett detrimentali fuq is-sinifikat statistiku.
3. Fil-programm ta’ ttestjar retrospettiv tagħha CCP tikkunsidra, mill-inqas, testijiet statistiċi ċari u kriterji tal-prestazzjoni li jiġu ddefiniti minn CCPs għall-valutazzjoni tar-riżultati tal-ittestjar retrospettiv.
4. CCP perjodikament tirrapporta r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar retrospettiv, f’forma li ma tiksirx il-kunfidenzjalità, lill-kumitat tar-riskju sabiex tfittex il-parir tiegħu fl-analiżi tal-mudell tal-marġni tagħha.
5. Riżultati u analiżi tal-ittestjar retrospettiv ikunu disponibbli għall-membri tal-ikklerjar kollha u, fejn magħruf għas-CCP, għall-klijenti. Għall-klijenti l-oħra kollha r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar retrospettiv ikunu disponibbli mill-membri tal-ikklerjar rilevanti meta mitluba. Tali informazzjoni tiġi aggregata, f’forma li ma tkunx qed tikser il-kunfidenzjalità, u l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti ikollhom aċċess biss għal riżultati u analiżi dettaljati tal-ittestjar retrospettiv għall-portafolji tagħhom stess.
6. CCP tiddefinixxi l-proċeduri li jiddeskrivu fid-dettall l-azzjonijiet li tkun tista’ tieħu minħabba r-riżultati tal-analiżi tal-ittestjar retrospettiv.
TAQSIMA 3
Ittestjar u analiżi tas-sensittività
Artikolu 50
Proċedura ta’ ttestjar u analiżi tas-sensittività
1. CCP twettaq testijiet u analiżi tas-sensittività biex tivvaluta l-kopertura tal-mudell tal-marġni tagħha taħt kundizzjonijiet varji tas-suq bl-użu ta’ dejta storika minn kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress u dejta ipotetika għal kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress mhux realizzati.
2. CCP tuża firxa wiesgħa ta’ parametri u suppożizzjonijiet biex taqbad varjetà ta’ kundizzjonijiet storiċi u ipotetiċi, inklużi l-perjodi l-aktar volatili li jkunu ġew esperjenzati mis-swieq li din isservi u bidliet estremi fil-korrelazzjonijiet bejn il-prezzijiet tal-kuntratti kklerjati mis-CCP, sabiex tifhem kif il-livell tal-kopertura tal-marġni jista’ jkun affettwat minn kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress għoli u bidliet f’parametri importanti tal-mudelli.
3. Analiżi tas-sensittività titwettaq fuq għadd ta’ portafolji ta’ membri tal-ikklerjar attwali u rappreżentattivi. Il-portafolji rappreżentattivi jintgħażlu skont is-sensittività tagħhom għall-fatturi ta’ riskju u l-korrelazzjonijiet sinifikanti li tkun esposta għalihom is-CCP. Tali ttestjar u analiżi tas-sensittività jitfasslu biex jittestjaw il-parametri u s-suppożizzjonijiet ewlenin tal-mudell tal-marġni inizjali f’għadd ta’ intervalli ta’ kunfidenza sabiex tiġi ddeterminata s-sensittività tas-sistema għal żbalji fl-ikkalibrar ta’ dawn il-parametri u s-suppożizzjonijiet. Tingħata kunsiderazzjoni xierqa lill-istruttura tat-terminu tal-fatturi ta’ riskju, u l-korrelazzjoni preżunta bejn il-fatturi ta’ riskju.
4. CCP tevalwa t-telf potenzjali fil-pożizzjonijiet tal-membri tal-ikklerjar.
5. CCP, fejn applikabbli, tqis parametri li jirriflettu l-inadempjenza simultanja ta’ membri tal-ikklerjar li joħorġu strumenti finanzjarji ikklerjati mis-CCP jew is-sottostanti ta’ derivattivi kklerjati mis-CCP. Fejn applikabbli, jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti tal-inadempjenza ta’ klijent li joħroġ strumenti finanzjarji kklerjati mis-CCP jew is-sottostanti ta’ derivattivi kklerjati mis-CCP.
6. CCP perjodikament tirrapporta r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar tas-sensittività, f’forma li ma tiksirx il-kunfidenzjalità, lill-kumitat tar-riskju sabiex tfittex il-parir tiegħu fir-reviżjoni tal-mudell tal-marġini tagħha.
7. CCP tiddefinixxi l-proċeduri li jiddeskrivu fid-dettall l-azzjonijiet li tkun tista’ tieħu minħabba r-riżultati tal-analiżi tas-sensittività.
TAQSIMA 4
Ittestjar tal-istress
Artikolu 51
Proċedura ta’ ttestjar tal-istress
1. It-testijiet tal-istress ta’ CCP japplikaw parametri, suppożizzjonijiet, u xenarji ta’ stress għall-mudelli użati għal stima ta’ skoperturi għar-riskju biex jiżguraw li r-riżorsi finanzjarji tagħha huma biżżejjed biex ikopru dawk l-iskoperturi taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.
2. Programm ta’ ttestjar tal-istress ta’ CCP jesiġi li s-CCP twettaq sensiela ta’ testijiet tal-istress fuq bażi regolari li jikkunsidraw it-taħlita ta’ prodotti ta’ CCP tagħha u l-elementi kollha tal-mudelli tagħha u l-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha.
3. Programm ta’ ttestjar tal-istress ta’ CCP jippreskrivi li jitwettqu testijiet tal-istress, bl-użu ta’ xenarji tal-ittestjar tal-istress iddefiniti, kemm fuq kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli passati kif ukoll dawk ipotetiċi skont il-Kapitolu VII. Kundizzjonijiet passati li għandhom jintużaw jiġu riveduti u aġġustati, fejn xieraq. CCP tikkunsidra wkoll forom oħra ta’ xenarji ta’ ttestjar tal-istress xierqa li jinkludu, iżda mhux limitati għal, il-falliment tekniku jew finanzjarju tal-banek ta’ saldu tagħha, aġenti nostro, banek ta’ kustodja, fornituri ta’ likwidità, jew CCPs interoperabbli.
4. CCP ikollha l-kapaċità li tadatta malajr it-testijiet tal-istress tagħha biex tinkorpora riskji ġodda jew emerġenti.
5. CCP tqis it-telf potenzjali li jirriżulta mill-inadempjenza ta’ klijent, fejn magħruf, li tikklerja permezz ta’ diversi membri tal-ikklerjar.
6. CCP perjodikament tirrapporta r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar tal-istress, f’forma li ma tiksirx il-kunfidenzjalità, lill-kumitat tar-riskju sabiex tfittex il-parir tiegħu fir-reviżjoni tal-mudelli, il-metodoloġiji u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha.
7. Riżultati u analiżi tal-ittestjar tal-istress ikunu disponibbli għall-membri tal-ikklerjar kollha u, fejn magħruf għas-CCP, għall-klijenti. Għall-klijenti l-oħra kollha r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar retrospettiv ikunu disponibbli mill-membri tal-ikklerjar rilevanti meta mitluba. Tali informazzjoni tiġi aggregata f’forma, li ma tkunx qed tikser il-kunfidenzjalità, u l-membri tal-ikklerjar u l-klijenti jkollhom aċċess biss għal riżultati u analiżi dettaljati tal-ittestjar tal-istress għall-portafolji tagħhom stess.
8. CCP tiddefinixxi l-proċeduri li jiddeskrivu fid-dettall l-azzjonijiet li tista’ tieħu minħabba r-riżultati tal-analiżi tal-ittestjar tal-istress.
Artikolu 52
Fatturi ta’ riskju li għandu jsir ittestjar tal-istress għalihom
1. CCP tidentifika l-fatturi ta’ riskju rilevanti speċifiċi għall-kuntratti li tikklerja li jistgħu jaffettwaw it-telf tagħha u jkollha metodu xieraq għall-kejl tagħhom. Testijiet tal-istress ta’ CCP, mill-inqas, iqisu l-fatturi ta’ riskju speċifikati għal dawn it-tipi ta’ strumenti finanzjarji, fejn applikabbli:
(a) kuntratti relatati mar-rata tal-imgħax: fatturi ta’ riskju li jikkorrispondu għal rati tal-imgħax f’kull munita li biha s-CCP tikklerja strumenti finanzjarji. L-immudellar tal-kurva tar-rendiment jiġi maqsum f’diversi segmenti ta’ maturità sabiex jaqbdu l-varjazzjoni fil-volatilità tar-rati tul il-kurva ta’ rendiment. L-għadd ta’ fatturi ta’ riskju relatati jiddependu fuq il-kumplessità tal-kuntratti tar-rata tal-imgħax ikklerjati mis-CCP. Riskju ta’ bażi, li jirriżulta minn movimenti mhux ikkorrelatati perfettament bejn rati ta’ imgħax tal-gvern u oħrajn fuq introjtu fiss, jinqabad separatament.
(b) kuntratti relatati mar-rata ta’ kambju fatturi ta’ riskju li jikkorrispondu għal kull munita barranija li biha s-CCP tikklerja strumenti finanzjarji u għar-rata tal-kambju bejn il-munita li biha jsiru l-appelli għall-manutenzjoni tal-marġni u l-munita li biha s-CCP tikklerja l-istrumenti finanzjarji.
(c) kuntratti relatati mal-ekwità: fatturi ta’ riskju li jikkorrispondu għall-volatilità ta’ kwistjonijiet individwali ta’ ekwità għal kull wieħed mis-swieq ikklerjati mis-CCP u għall-volatilità ta’ diversi setturi tas-suq globali tal-ekwità. Is-sofistikazzjoni u n-natura tat-teknika ta’ mmudellar ta’ suq partikolari jikkorrispondu għall-iskopertura tas-CCP għas-suq kumplessiv kif ukoll il-konċentrazzjoni tagħha fi kwistjonijiet individwali ta’ ekwità f’dak is-suq.
(d) kuntratti ta’ komodità: fatturi tar-riskju li jqisu l-kategoriji u sottokategoriji differenti tal-kuntratti ta’ komodità u derivattivi relatati ikklerjati mis-CCP, inkluż, fejn xieraq, il-varjazzjonijiet fir-rendiment ta’ konvenjenza bejn il-pożizzjonijiet tad-derivattivi u l-pożizzjonijiet tal-flus fil-komodità.
(e) kuntratti relatati mal-kreditu: fatturi ta’ riskju li jikkunsidraw riskju ta’ inadempjenza mhux mistennija, inkluż ir-riskju kumulattiv li jirriżulta minn inadempjenzi multipli, mir-riskju ta’ bażi u mill-volatilità tar-rata ta’ rkupru.
2. Fit-testijiet tal-istress tagħha, CCP, mill-inqas, tqis ukoll b’mod xieraq dawn li ġejjin:
(a) korrelazzjonijiet, inklużi dawk bejn fatturi ta’ riskju identifikati u kuntratti simili ikklerjati mis-CCP;
(b) fatturi li jikkorrispondu għall-volatilità implikata u storika tal-kuntratt li qed jiġi kklerjat;
(c) karatteristiċi speċifiċi ta’ kwalunkwe kuntratt ġdid li jiġi kklerjat mis-CCP;
(d) konċentrazzjoni tar-riskju, inkluż fir-rigward ta’ membru tal-ikklerjar, u entitajiet ta’ gruppi ta’ membri tal-ikklerjar;
(e) interdipendenzi u relazzjonijiet multipli;
(f) riskji rilevanti inkluż ir-riskju tal-kambju tal-munita;
(g) limiti ta’ skopertura stabbiliti;
(h) riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli.
Artikolu 53
Ittestjar tal-istress għar-riżorsi finanzjarji totali
1. Programm ta’ ittestjar tal-istress ta’ CCP jiżgura li l-kombinazzjoni tal-marġni, il-kontribuzzjonijiet għall-fond tal-inadempjenza u r-riżorsi finanzjarji oħra tagħha huma suffiċjenti biex ikopru l-inadempjenza ta’ mill-inqas żewġ membri tal-ikklerjar li jkollha l-ikbar skoperturi għalihom taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli. Il-programmi ta’ ttestjar tal-istress jeżaminaw ukoll telf potenzjali li jirriżulta mill-inadempjenza tal-entitajiet fl-istess grupp taż-żewġ membri tal-ikklerjar li jkollha l-akbar skoperturi għalihom taħt kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli.
2. Programm ta’ ttestjar tal-istress ta’ CCP jiżgura li l-marġni u l-fond tal-inadempjenza tagħha huma biżżejjed biex ikopru mill-inqas l-inadempjenza tal-membru tal-ikklerjar li jkollha l-akbar skoperturi għalih jew tat-tieni u t-tielet l-akbar membri tal-ikklerjar, jekk is-somma tal-iskoperturi tagħhom hija ikbar skont l-Artikolu 42 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
3. Is-CCP tagħmel analiżi komprensiva tat-telf potenzjali li tista’ ssoffri u tevalwa t-telf potenzjali fil-pożizzjonijiet tal-membri tal-ikklerjar, inkluż ir-riskju li l-likwidazzjoni ta’ tali pożizzjonijiet jista’ jkollha impatt fuq is-suq u l-livell ta’ kopertura tal-marġni tas-CCP.
4. Fit-testijiet tal-istress tagħha, CCP tikkunsidra, fejn applikabbli, l-effetti tal-inadempjenza ta’ membru tal-ikklerjar li joħroġ strumenti finanzjarji kklerjati mis-CCP jew is-sottostanti ta’ derivattivi ikklerjati mis-CCP. Fejn applikabbli, jiġu kkunsidrati wkoll l-effetti tal-inadempjenza ta’ klijent li joħroġ strumenti finanzjarji kklerjati mis-CCP jew is-sottostanti ta’ derivattivi kklerjati mis-CCP.
5. Testijiet tal-istress ta’ CCP jikkunsidraw il-perjodu ta’ likwidazzjoni kif previst fl-Artikolu 26.
Artikolu 54
Ittestjar tal-istress għar-riżorsi finanzjarji likwidi
1. Programm ta’ ttestjar tal-istress tar-riżorsi finanzjarji likwidi tagħhom jiżgura li huma suffiċjenti skont ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Kapitolu VIII.
2. CCP jkollha regoli u proċeduri ċari u trasparenti sabiex tindirizza riżorsi finanzjarji likwidi insuffiċjenti enfasizzati mit-testijiet tal-istress tagħha biex tiżgura s-saldu tal-obbligi ta’ pagament.
CCP ikollha wkoll proċeduri ċari għall-użu tar-riżultati u l-analiżi tat-testijiet tal-istress tagħha biex tevalwa u taġġusta l-adegwatezza tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità u l-fornituri ta’ likwidità tagħha.
3. Ix-xenarji tat-testijiet tal-istress użati fl-ittestjar tal-istress ta’ riżorsi finanzjarji likwidi iqisu d-disinn u l-operat tas-CCP, u jinkludu l-entitajiet kollha li jistgħu jippreżentaw riskju materjali tal-likwidità għaliha. Tali testijiet tal-istress jikkunsidraw ukoll kwalunkwe rabtiet b’saħħithom jew skoperturi simili bejn il-membri tal-ikklerjar tagħha, inkluż entitajiet oħra li huma parti mill-istess grupp, u jivvalutaw il-probabbiltà ta’ inadempjenzi multipli u l-effett ta’ kontaġju fost il-membri tal-ikklerjar tagħha li inadempjenzi bħal dawn jistgħu jikkawżaw.
TAQSIMA 5
Kopertura u Użu tar-riżultati tat-test
Artikolu 55
Żamma ta’ kopertura suffiċjenti
1. CCP tistabbilixxi u żżomm proċeduri sabiex tirrikonoxxi l-bidliet fil-kundizzjonijiet tas-suq, inklużi l-volatilità akbar jew tnaqqis fil-likwidità tal-istrumenti finanzjarji li tikklerja, sabiex tadatta minnufih il-kalkolu tar-rekwiżit tal-marġni tagħha biex tqis b’mod xieraq kundizzjonijiet ġodda tas-suq.
2. CCP twettaq testijiet fuq it-telf impost tagħha sabiex tiżgura kollateral li jista’ jiġi likwidat tal-anqas għal valur ta’ telf impost tagħha f’ kundizzjonijiet tas-suq estremi u osservati iżda plawsibbli.
3. Jekk CCP tiġbor marġini f’livell ta’ portafoll minflok dak ta’ prodott, hija tirrevedi u tittestja kontinwament kif il-prodotti jikkumpensaw lil xulxin. CCP tibbaża tali kumpensi fuq metodoloġija prudenti u ekonomikament rilevanti li tirrifletti l-livell ta’ dipendenza fuq il-prezz bejn il-prodotti. B’mod partikolari, CCP tittestja l-prestazzjonjijiet ta’ korrelazzjonijiet matul perjodi ta’ kundizzjonijiet tas-suq severi attwali u ipotetiċi.
Artikolu 56
Reviżjoni tal-mudelli bl-użu tar-riżultati tat-testijiet
1. CCP ikollha proċeduri ċari biex jiġi determinat l-ammont ta’ marġini addizzjonali li tista’ tkun meħtieġa li tiġbor, inkluż fuq bażi ta’ matul l-istess jum, u biex tikkalibra mill-ġdid il-mudell tal-marġni tagħha fejn l-ittestjar retrospettiv jindika li l-mudell ma kellux il-prestazzjoni mistennija bir-riżultat li ma jidentifikax l-ammont xieraq ta’ marġni inizjali meħtieġa biex jintlaħaq il-livell maħsub ta’ kunfidenza. Meta CCP tkun iddeterminat li huwa neċessarju li titlob marġni addizzjonali tagħmel dan sal-proviżjonament ta’ marġni li jmiss.
2. CCP tevalwa s-sors tal-eċċezzjonijiet mill-ittestjar enfasizzati mit-testijiet retrospettivi tagħha. Skont is-sors tal-eċċezzjonijiet, is-CCP tiddetermina jekk bidla fundamentali għall-mudell tal-marġni, jew għall-mudelli li jagħtu input lejh, hijiex meħtieġa u jekk l-ikkalibrar mill-ġdid tal-parametri attwali huwiex neċessarju.
3. CCP tevalwa s-sors tal-eċċezzjonijiet mill-ittestjar enfasizzati mit-testijiet tal-istress tagħha. Is-CCP tiddetermina jekk bidla fundamentali għall-mudelli tagħha, il-metodoloġiji tagħhom jew tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha humiex meħtieġa jew jekk l-ikkalibrar mill-ġdid tal-parametri jew suppożizzjonijiet attwali huwiex meħtieġ, abbażi tas-sorsi tal-eċċezzjonijiet.
4. Fejn ir-riżultati tat-testijiet juru kopertura insuffiċjenti tal-marġni, tal-fond tal-inadempjenza jew ta’ riżorsi finanzjarji oħra, CCP żżid il-kopertura kumplessiva tar-riżorsi finanzjarji tagħha għal livell aċċettabbli sal-proviżjonament ta’ marġni li jmiss. Fejn ir-riżultati tat-testijiet juru riżorsi finanzjarji likwidi insuffiċjenti, is-CCP iżżid ir-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha għal livell aċċettabbli malli jkun prattikabbli li jsir dan.
5. Fir-reviżjoni tal-mudelli tagħha, il-metodoloġiji tagħhom u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, CCP timmonitorja l-frekwenza ta’ eċċezzjonijiet tal-ittestjar rikorrenti biex tidentifika u ssolvi kwistjonijiet b’mod xieraq u mingħajr dewmien żejjed.
TAQSIMA 6
Testijiet invertiti tal-istress
Artikolu 57
Testijiet invertiti tal-istress
1. CCP twettaq testijiet invertiti tal-istress imfassla biex jidentifikaw taħt liema kundizzjonijiet tas-suq il-kombinazzjoni tal-marġini, tal-fond tal-inadempjenza u riżorsi finanzjarji oħra tagħha tista’ tipprovdi kopertura insuffiċjenti tal-iskoperturi ta’ kreditu u li għalihom ir-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha jistgħu ma jkunux biżżejjed. Meta twettaq dawn it-testijiet, CCP timmudella kundizzjonijiet tas-suq estremi li jmorru lil hinn dawk li huma kkunsidrati kundizzjonijiet tas-suq plawsibbli sabiex jgħinu biex jiġu determinati l-limiti tal-mudelli tagħha, il-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha, ir-riżorsi finanzjarji tagħha u r-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha.
2. CCP tiżviluppa testijiet invertiti tal-istress adattati għar-riskji speċifiċi tas-swieq u tal-kuntratti li tipprovdi servizzi ta’ kklerjar għalihom.
3. CCP tuża l-kundizzjonijiet identifikati fil-paragrafu 1 u r-riżultati u l-analiżi tat-testijiet invertiti tal-istress tagħha biex jgħinu fl-identifikazzjoni ta’ xenarji estremi iżda plawsibbli skont il-Kapitolu VII.
4. CCP perjodikament tirrapporta r-riżultati u l-analiżi tal-ittestjar tal-istress invertit, f’forma li tiksirx il-kunfidenzjalità, lill-kumitat tar-riskju sabiex tfittex il-parir tiegħu fir-reviżjoni tagħha.
TAQSIMA 7
Proċeduri ta’ inadempjenza
Artikolu 58
L-ittestjar ta’ proċeduri ta’ inadempjenza
1. CCP tittestja u tirrevedi l-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha biex tiżgura li huma kemm prattiċi kif ukoll effettivi. CCP twettaq eżerċizzji ta’ simulazzjoni bħala parti mill-ittestjar tal-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha.
2. CCP, wara ttestjar tal-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha, tidentifika kwalunkwe inċertezza u tadatta b’mod xieraq il-proċeduri tagħha biex tnaqqas tali inċertezza.
3. CCP tivverifika, permezz tat-twettiq ta’ eżerċizzji ta’ simulazzjoni, li l-membri tal-ikklerjar kollha, fejn xieraq, il-klijenti u partijiet rilevanti oħra inklużi CCPs interoperabbli u kwalunkwe fornitur ta’ servizz relatati, huma infurmati kif xieraq u jafu l-proċeduri involuti f’xenarju ta’inadempjenza.
TAQSIMA 8
Validazzjoni u frekwenza tal-ittestjar
Artikolu 59
Frekwenza
1. CCP twettaq validazzjoni komprensiva tal-mudell tagħha u l-metodoloġiji tagħhom tal-anqas darba fis-sena.
2. CCP twettaq validazzjoni komprensiva tal-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwdità tal-anqas darba fis-sena.
3. CCP twettaq il-validazzjoni sħiħa tal-mudelli ta’ valwazzjoni tagħha tal-anqas darba fis-sena.
4. CCP tirrivedi l-idoneita tal-politiki speċifikati fl-Artikolu 51 tal-anqas darba fis-sena.
5. CCP tanalizza u timmonitorja l-prestazzjoni tal-mudell u l-kopertura tar-riżorsi finanzjarji tagħha fil-każ ta’ inadempjenzi permezz ta’ ttestjar retrospettiv tal-kopertura tal-marġni u billi twettaq ittestjar tal-istress tal-anqas kuljum bl-użu ta’ parametri u suppożizzjonijiet standard u determinati minn qabel.
6. CCP tanalizza u timmonitorja l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tagħha billi twettaq testijiet tal-istress, mill-inqas darba kuljum, tar-riżorsi finanzjarji likwidi tagħha.
7. CCP twettaq analiżi dettaljata bir-reqqa tar-riżultati tal-ittestjar mill-inqas darba fix-xahar sabiex tiżgura li x-xenarji tal-ittestjar tal-istress, il-mudelli u l-qafas ta’ ġestjoni tar-riskju tal-likwidità, il-parametri u s-suppożizzjonijiet sottostanti huma korretti. Din l-analiżi titwettaq aktar ta’ spiss f’kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress, inkluż meta l-istrumenti finanzjarji kklerjati jew swieq servuti b’mod ġenerali juru volatilità għolja, isiru inqas likwidi, jew meta d-daqs jew konċentrazzjonijiet tal-pożizzjonijiet miżmuma mill-membri tal-ikklerjar tagħha jiżdied b’mod sinifikanti jew fejn ikun mistenni li CCP se tiltaqa’ ma’ kundizzjonijiet tas-suq ta’ stress.
8. Analiżi tas-sensittività titwettaq mill-inqas darba fix-xahar, billi jintużaw ir-riżultati ta’ testijiet tas-sensittività. Din l-analiżi titwettaq aktar ta’ spiss meta s-swieq huma volatili b’mod mhux tas-soltu jew inqas likwidi jew meta d-daqs jew konċentrazzjonijiet ta’ pożizzjonijiet miżmuma mill-membri tal-ikklerjar tagħha jiżdiedu b’mod sinifikanti.
9. CCP tittestja, mill-inqas darba fis-sena, kumpensi bejn l-istrumenti finanzjarji u l-prestazzjoni tal-korrelazzjonijiet waqt perjodi ta’ kundizzjonijiet tas-suq severi.
10. It-telf impost ta’ CCP jiġi ttestjat mill-inqas darba fix-xahar.
11. CCP twettaq testijiet invertiti tal-istress mill-inqas kull tliet xhur.
12. CCP tittestja u tirrevedi l-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha mill-inqas kull tliet xhur u twettaq eżerċizzji ta’ simulazzjoni mill-inqas kull sena, skont l-Artikolu 61. CCP twettaq wkoll eżerċizzji ta’ simulazzjoni wara kwalunkwe bidla materjali għall-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha.
TAQSIMA 9
Orizzonti ta’ żmien użati għat-twettiq tat-testijiet
Artikolu 60
Orizzonti ta’ żmien
1. L-orizzonti ta’ żmien użati għal testijiet tal-istress jiġu ddefiniti skont il-Kapitolu VII u jinkludu kundizzjonijiet tas-suq estremi iżda plawsibbli li jħarsu ‘l quddiem.
2. L-orizzonti ta’ żmien storiċi użati għall-ittestjar retrospettiv jinkludu dejta tal-anqas mill-aktar sena riċenti jew skont kemm CCP tkun ilha tikklerja l-istrument finanzjarju rilevanti jekk dan ikun inqas minn sena.
TAQSIMA 10
Divulgazzjoni pubblika
Artikolu 61
Informazzjoni li għandha tiġi divulgata pubblikament
1. CCP pubblikament tiddivulga l-prinċipji ġenerali sottostanti għall-mudelli tagħha u l-metodoloġiji tagħhom, in-natura tat-testijiet imwettqa, b’sommarju ta’ livell għoli tar-riżultati ta’ testijiet u kwalunkwe azzjoni korrettiva meħuda.
2. CCP għandha tagħmel disponibbli għall-pubbliku l-aspetti ewlenin tal-proċeduri ta’ inadempjenza tagħha, inklużi:
(a) iċ-ċirkostanzi li fihom tista’ tittieħed azzjoni;
(b) min jista’ jieħu dawn l-azzjonijiet;
(c) l-għan tal-azzjonijiet li jistgħu jittieħdu, inkluż it-trattament ta’ kemm il-pożizzjonijiet, fondi u assi proprjetarji kif ukoll dawk tal-klijent;
(d) il-mekkaniżmi biex jiġu indirizzati l-obbligi tas-CCP lejn il-membri tal-ikklerjar mhux inadempjenti;
(e) il-mekkaniżmi biex jgħinu fl-indirizzar tal-obbligi tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti lejn il-klijenti tiegħu.
Artikolu 62
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-punt (h), Taqsima 2 tal-Anness I japplika minn tliet snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet fuq derivattivi, kif imsemmi fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament (UE) Nru 1227/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 10 ).
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
ANNESS I
Kundizzjonijiet applikabbli għall-istrumenti finanzjarji, il-garanziji bankarji u d-deheb meqjusa bħala kollateral likwidu ħafna
TAQSIMA 1
Strumenti finanzjarji
Għall-finijiet tal-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kollateral likwidu ħafna fil-forma ta’ strumenti finanzjarji jkun strumenti finanzjarji li jissodisfaw il-kundizzjonijiet previsti fil-punt 1 tal-Anness II ta’ dan ir-Regolament jew titoli trasferibbli u strumenti tas-suq tal-flus li jissodisfaw kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) is-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li l-istrumenti finanzjarji nħarġu minn emittent li għandu riskju baxx ta’ kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;
(b) is-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li l-istrumenti finanzjarji għandhom livell baxx ta’ riskju tas-suq abbażi ta’ valutazzjoni interna adegwata mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li ma tiddependix għalkollox fuq opinjonijiet esterni;
(c) dawn huma denominati f’waħda mill-muniti li ġejjin:
(i) munita li s-CCP tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskju tagħha;
(ii) munita li biha s-CCP tikklerja kuntratti, fil-limitu tal-kollateral meħtieġ biex ikopri l-iskoperturi tas-CCP f’dik il-munita.
(d) dawn ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja jew legali jew pretensjonijiet ta’ parti terza li xxekkel il-likwidazzjoni;
(e) dawn ikollhom suq attiv ta’ bejgħ dirett jew ta’ ftehim ta’ riakkwist, bi grupp divers ta’ xerrejja u bejjiegħa, li għalihom is-CCP tista’ turi aċċess affidabbli, inkluż f’kundizzjonijiet ta’ stress;
(f) ikollhom dejta affidabbli dwar il-prezzijiet ppubblikata fuq bażi regolari;
(g) dawn mhumiex maħruġa minn:
(i) il-membru tal-ikklerjar li jipprovdi l-kollateral, jew entità li tkun parti mill-istess grupp bħala membru tal-ikklerjar, għajr fil-każ ta’ bond kopert u f’każ biss meta l-assi li jsostnu dak il-bond ikunu segregati b’mod xieraq f’qafas legali b’saħħtu u jissodisfaw ir-rekwiżiti stipulati f’din it-taqsima;
(ii) CCP jew entità li tkun parti mill-istess grupp bħal CCP;
(iii) entità li l-operat tagħha tinvolvi li l-forniment ta’ servizzi kritiċi għall-funzjonament tas-CCP, sakemm dik l-entità mhijiex bank ċentrali taż-ŻEE jew bank ċentrali ta’ emissjoni ta’ munita li s-CCP ikollha skoperturi fiha;
(h) dawn mhumiex b’xi mod ieħor soġġetti għal riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli sinifikanti.
TAQSIMA 2
Garanziji bankarji
1. Garanzija ta’ bank kummerċjali, soġġetta għal limiti miftiehma mal-awtorità kompetenti, tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin biex tiġi aċċettata bħala kollateral skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:
(a) tinħareġ biex tiggarantixxi membru tal-ikklerjar mhux finanzjarju;
(b) tkun inħarġet minn emittent li s-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li għandu riskju baxx ta’ kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;
(c) hija denominata f’waħda mill-muniti li ġejjin:
(i) munita li CCP tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskju tagħha;
(ii) munita li biha is-CCP tikklerja kuntratti, fil-limitu tal-kollateral meħtieġ biex ikopri l-iskoperturi tas-CCP f’dik il-munita;
(d) hija irrevokabbli, mhix ikkondizzjonata u l-emittent ma jistax jinvoka ebda eżenzjoni jew difiża ġuridika jew kuntrattwali li topponi l-pagament tal-garanzija;
(e) tista’ tiġi onorata, meta mitluba, fi ħdan il-perjodu ta’ likwidazzjoni tal-portafoll tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti li jipprovdiha mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja, ġuridika jew operazzjonali;
(f) mhijiex maħruġa minn:
(i) entità li tkun parti mill-istess grupp bħal dak tal-membru tal-ikklerjar mhux finanzjarju kopert mill-garanzija;
(ii) entità li l-operat tagħha tinvolvi li l-forniment ta’ servizzi kritiċi għall-funzjonament tas-CCP, sakemm dik l-entità mhijiex bank ċentrali taż-ŻEE jew bank ċentrali ta’ emissjoni ta’ munita li s-CCP ikollha skoperturi fiha;
(g) mhijiex b’xi mod ieħor soġġetta għal riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli sinifikanti;
(h) hija sostnuta bis-sħiħ b’kollateral li jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(i) mhuwiex soġġett għal riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli bbażat fuq korrelazzjoni mal-affidabbiltà kreditizja tal-garanti jew tal-membru tal-ikklerjar mhux finanzjarju, sakemm dak ir-riskju ta’ korrelazzjoni mhux favorevoli ikun ġie mitigat b’mod adegwat bit-telf impost tal-kollateral;
(ii) is-CCP jkollha aċċess fil-pront għalih u jkun protett f’każ ta’ inadempjenza simultanja tal-membru tal-ikklerjar u tal-garanti;
(i) l-idoneità tal-garanti tkun ġiet irratifikata mill-bord tas-CCP wara valutazzjoni sħiħa tal-emittent u tal-qafas ġuridiku, kuntrattwali u operazzjonali tal-garanzija sabiex ikun hemm livell għoli ta’ sikurezza dwar l-effettività tal-garanzija, u tkun innotifikata lill-awtorità kompetenti.
2. Garanzija bankarja maħruġa minn bank ċentrali tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex tiġi aċċettata bħala kollateral skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:
(a) tinħareġ minn bank ċentrali taż-ŻEE jew bank ċentrali ta’ emissjoni ta’ munita li s-CCP ikollha skoperturi fiha;
(b) hija denominata f’waħda mill-muniti li ġejjin:
(i) munita li CCP tista’ turi lill-awtoritajiet kompetenti li hija kapaċi timmaniġġja r-riskju tagħha;
(ii) munita li biha is-CCP tikklerja tranżazzjonijiet, fil-limitu tal-kollateral meħtieġ biex ikopri l-iskoperturi tas-CCP f’dik il-munita;
(c) hija irrevokabbli, mhix ikkondizzjonata u l-emittent ma jistax jinvoka ebda eżenzjoni jew difiża ġuridika jew kuntrattwali li topponi l-pagament tal-garanzija;
(d) tista’ tiġi onorata fi ħdan il-perjodu ta’ likwidazzjoni tal-portafoll tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti li jipprovdiha mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja, ġuridika jew operazzjonali jew mingħajr pretensjoni ta’ parti terza għaliha.
TAQSIMA 3
Deheb
Id-deheb ikun allokat bħala ingotti ta’ deheb pur, ta’ konsenja tajba rikonoxxuta, u jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin sabiex jiġi aċċettat bħala kollateral skont l-Artikolu 46(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012:
(a) ikun miżmum direttament mis-CCP;
(b) ikun ddepożitat għand bank ċentrali taż-ŻEE jew bank ċentrali ta’ emissjoni ta’ munita li fiha s-CCP għandha skoperturi li jkollhom arranġamenti adegwati sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tas-sjieda tad-deheb ta’ membru tal-ikklerjar jew tal-klijenti u li jippermettu aċċess fil-pront għad-deheb meta jkun meħtieġ;
(c) ikun iddepożitat ma’ istituzzjoni tal-kreditu awtorizzata kif iddefinita skont id-Direttiva 2006/48/KE li jkollha arranġamenti adegwati sabiex jissalvagwardjaw id-drittijiet tas-sjieda tad-deheb ta’ membru tal-ikklerjar jew tal-klijenti u li jippermettu aċċess fil-pront għad-deheb meta jkun meħtieġ u s-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li għandha riskju baxx ta’ kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’pajjiż partikolari;
(d) ikun ddepożitat f’istituzzjoni ta’ kreditu ta’ pajjiż terz li hija soġġetta għal u tikkonforma ma’ regoli prudenzjali meqjusa mill-awtoritajiet kompetenti bħala li huma stretti tal-anqas daqs dawk stabbiliti fid-Direttiva 2006/48/KE u li jkollha prattiki tal-kontabbiltà, proċeduri ta’ kustodja u kontrolli interni b’saħħithom u li jkollha arranġamenti adegwati sabiex tissalvagwarja id-drittijiet ta’ sjieda tad-deheb ta’ membru tal-ikklerjar jew tal-klijenti, tippermetti lis-CCP li jkollha aċċess fil-pront għad-deheb meta meħtieġ u s-CCP tista’ turi lill-awtorità kompetenti li għandha riskju baxx ta’ kreditu abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-istituzzjoni ta’ kreditu f’pajjiż partikolari.
ANNESS II
Kundizzjonijiet applikabbli għal strumenti finanzjarji likwidi ħafna
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, strumenti finanzjari jistgħu jitqiesu bħala strumenti finanzjarji likwidi ħafna, li jkollhom riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq jekk jissodisfaw kull waħda minn dawn il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) jinħarġu jew huma espliċitament iggarantiti minn:
(i) gvern;
(ii) bank ċentrali;
(iii) banek ta’ żvilupp multilaterali, kif elenkati taħt it-Taqsima 4.2 tal-Parti 1 tal-Anness VI tad-Direttiva 2006/48/KE;
(iv) il-Faċilità Ewropea ta’ Stabbiltà Finanzjarja u l-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà fejn applikabbli;
(b) is-CCP tista’ turi li għandhom riskju baxx ta’ kreditu u tas-suq abbażi ta’ valutazzjoni interna mis-CCP. Fit-twettiq ta’ tali valutazzjoni, is-CCP tapplika metodoloġija ddefinita u oġġettiva li mhux se tiddependi għalkollox fuq l-opinjonijiet esterni u li tqis ir-riskju li jirriżulta mill-istabbiliment tal-emittent f’pajjiż partikolari;
(c) iż-żmien medju sal-maturità tal-portafoll tas-CCP ma jaqbiżx sentejn;
(d) dawn huma denominati f’waħda mill-muniti li ġejjin:
(i) munita li s-CCP tista’ turi li hija kapaċi timmaniġġja r-riskji tagħha; jew
(ii) munita li biha s-CCP tikklerja tranżazzjonijiet, fil-limitu tal-kollateral li jasal f’dik il-munita.
(e) ikunu trasferibbli liberament u mingħajr ebda restrizzjoni regolatorja jew pretensjonijiet ta’ parti terza li xxekkel il-likwidazzjoni;
(f) ikollhom suq attiv ta’ bejgħ dirett jew ta’ ftehim ta’ riakkwist, bi grupp divers ta’ xerrejja u bejjiegħa, inkluż f’kundizzjonijiet ta’ stress u li s-CCP tista’ turi aċċess affidabbli għalihom;
(g) dejta affidabbli dwar il-prezzijiet ta’ dawn l-istrumenti tkun ippubblikata fuq bażi regolari.
2. Għall-finijiet tal-Artikolu 47(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, kuntratti ta’ derivattivi jistgħu jitqiesu wkoll bħala strumenti finanzjarji likwidi ħafna, li jkollhom riskju minimu ta’ kreditu u tas-suq jekk huma konklużi għall-fini ta’:
(a) iħħeġġjar tal-portafoll tal-membru tal-ikklerjar inadempjenti bħala parti mill-proċedura ta’ ġestjoni tal-inadempjenza tas-CCP; jew
(b) iħħeġġjar tar-riskju tal-kambju mill-qafas ta’ ġestjoni tal-likwidità tiegħu stabbilit skont il-Kapitolu VIII.
Fejn jintużaw kuntratti ta’ derivattivi f’tali ċirkostanzi, l-użu tagħhom ikun limitat għal kuntratti ta’ derivattivi li għalihom hija ppubblikata dejta affidabbli dwar il-prezzijiet fuq bażi regolari u għall-perjodu ta’ żmien meħtieġ sabiex jitnaqqas ir-riskju tal-kreditu u tas-suq li s-CCP tkun esposta għalihom.
Il-politika tas-CCP għall-użu ta’ kuntratti ta’ derivattivi tiġi approvata mill-bord wara konsultazzjoni mal-kumitat tar-riskju.
( 1 ) Għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali
( 2 ) ĠU L 201. 27.7.2012, p. 1.
( 3 ) ĠU L 352, 21.12.2012, p. 32.
( 4 ) ĠU L 331, 15.12.2010 p. 84.
( 5 ) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.
( 6 ) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
( 7 ) ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.
( 8 ) Ara paġna 37 ta' dan il-Ġurnal Uffiċjali.
( 9 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 1.
( 10 ) ĠU L 326, 8.12.2011, p. 1.