02013R0151 — MT — 27.10.2022 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 151/2013

tad-19 ta’ Diċembru 2012

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dejta li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-dejta

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 052 23.2.2013, p. 33)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/1800 tad-29 ta' Ġunju 2017

  L 259

14

7.10.2017

 M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/361 tat-13 ta' Diċembru 2018

  L 81

69

22.3.2019

►M3

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/1856 tal-10 ta’ Ġunju 2022

  L 262

34

7.10.2022




▼B

REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 151/2013

tad-19 ta’ Diċembru 2012

li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet fir-rigward ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dejta li trid tiġi ppubblikata u li għandha tkun disponibbli minn repożitorji tat-tranżazzjonijiet u standards operazzjonali biex tiġi aggregata, imqabbla u aċċessata d-dejta

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Pubblikazzjoni ta’ dejta aggregata

1.  

Ir-repożitorji tat-tranżazzjonijiet għandhom jippubblikaw id-dejta prevista fl-Artikolu 81(1) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inklużi mill-inqas:

(a) 

tqassim tal-pożizzjonijiet miftuħa aggregati għal kull klassi ta’ dervivattivi kif ġej:

(i) 

komoditajiet;

(ii) 

kreditu;

(iii) 

kambju tal-munita;

(iv) 

ekwità;

(v) 

rata tal-imgħax;

(vi) 

oħrajn.

(b) 

tqassim ta’ volumi ta’ tranżazzjonijiet aggregati għal kull klassi ta’ derivattivi kif ġej:

(i) 

komoditajiet;

(ii) 

kreditu;

(iii) 

kambju tal-munita;

(iv) 

ekwità;

(v) 

rata tal-imgħax;

(vi) 

oħrajn.

(c) 

tqassim ta’ valuri ta’ tranżazzjonijiet aggregati għal kull klassi ta’ derivattivi kif ġej:

(i) 

komoditajiet;

(ii) 

kreditu;

(iii) 

kambju tal-munita;

(iv) 

ekwità;

(v) 

rata tal-imgħax;

(vi) 

oħrajn.

2.  
Id-dejta tiġi ppubblikata fuq websajt jew portal onlajn li jkunu faċilment aċċessibbli mill-pubbliku u tiġi aġġornata għall-inqas darba fil-ġimgħa.

▼M3

Artikolu 2

Għoti ta’ aċċess għad-dettalji tad-derivattivi

1.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jagħmel id-dettalji tad-derivattivi disponibbli direttament u immedjatament, f’konformità mal-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament, għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, inkluż fejn jeżistu ftehimiet ta’ delega skont l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu juża l-format XML u l-mudell żviluppat skont il-metodoloġija ta’ ISO 20022.

2.  

Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jiżgura li d-dettalji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi li jkun għamel aċċessibbli għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 f’konformità ma’ dan l-Artikolu u skont l-iskeda taż-żmien stabbilita fl-Artikoli 4 u 5 ta’ dan ir-Regolament jinkludu d-data li ġejja:

(a) 

ir-rapporti tad-derivattivi rrapportati skont it-Tabelli 1, 2 u 3 tal-Anness tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1855 ( 1 ) , inkluża l-aktar data reċenti tat-tranżazzjonijiet tad-derivattivi pendenti msemmija fl-Artikolu 2(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1860 ( 2 ) ;

(b) 

id-dettalji rilevanti tar-rapporti dwar id-derivattivi, li jkunu ġew irrifjutati mir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet jew li dan tal-aħħar ikun wissa dwarhom matul il-jum tax-xogħol preċedenti u r-raġunijiet għar-rifjut tagħhom jew għat-twissija dwarhom kif speċifikat fir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1858 ( 3 );

(c) 

l-istatus tar-rikonċiljazzjoni tad-derivattivi rrapportati kollha li għalihom ir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet ikun wettaq il-proċedura għar-rikonċiljazzjoni f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament Delegat (UE) 2022/1855 .

3.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet li jkollhom diversi responsabbiltajiet jew mandati skont l-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b’punt ta’ aċċess uniku għad-derivattivi koperti minn dawk ir-responsabbiltajiet u l-mandati.
4.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA – European Securities and Markets Authority) aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi biex teżerċita l-kompetenzi skont ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħha.
5.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol, lill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi.
6.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Awtorità għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi fejn is-sottostanti tkun l-enerġija jew il-kwoti tal-emissjonijiet.
7.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità li tagħmel is-superviżjoni taċ-ċentri tan-negozjar aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi eżegwiti f’dawk iċ-ċentri tan-negozjar.
8.  

Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità superviżorja maħtura skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2004/25/KE aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi fejn is-sottostanti jkun titolu maħruġ minn kumpanija li tissodisfa waħda jew aktar mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-kumpanija tkun ammessa għan-negozjar f’suq regolat stabbilit fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità u l-offerti ta’ xiri fuq it-titoli ta’ din il-kumpanija jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta’ dik l-awtorità;

(b) 

il-kumpanija jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha jew l-uffiċċju prinċipali tagħha fl-Istat Membru ta’ dik l-awtorità u l-offerti ta’ xiri fuq it-titoli ta’ din il-kumpanija jkunu jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta’ dik l-awtorità;

(c) 

il-kumpanija tkun offerent kif definit fl-Artikolu 2(1), il-punt (c), tad-Direttiva 2004/25/KE għall-kumpaniji kif imsemmi fil-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu u l-korrispettiv li toffri jkun jinkludi titoli.

9.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-awtorità msemmija fl-Artikolu 81(3), il-punt (j), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi għas-swieq, kuntratti, sottostanti, parametri referenzjarji u kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta’ dik l-awtorità.
10.  

Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) u lil membru tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali (SEBĊ), li l-munita tal-Istat Membru tiegħu tkun l-euro, aċċess għad-data li ġejja:

(a) 

id-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(i) 

fejn l-entità referenzjarja tad-derivattiv tkun stabbilita fi Stat Membru li jkollu l-euro bħala l-munita tiegħu u taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta’ dak il-membru tas-SEBĊ;

(ii) 

fejn l-obbligu referenzjarju jkun dejn sovran ta’ Stat Membru li jkollu l-euro bħala l-munita tiegħu;

(b) 

id-data dwar il-pożizzjonijiet għad-derivattivi f’euro.

11.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li timmonitorja r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro u li l-munita tal-Istat Membru tagħha tkun l-euro, inkluż il-BĊE, aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi konklużi f’ċentri tan-negozjar jew mill-kontropartijiet ċentrali (CCPs) u l-kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta’ dik l-awtorità meta tkun qiegħda twettaq monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro.
12.  

Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil membru tas-SEBĊ li l-munita tal-Istat Membru tiegħu ma tkunx l-euro aċċess għad-data li ġejja:

(a) 

id-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi f’wieħed mill-każijiet li ġejjin:

(i) 

fejn l-entità referenzjarja tad-derivattiv tkun stabbilita fl-Istat Membru ta’ dak il-membru tas-SEBĊ u fejn din l-entità taqa’ taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta’ dak il-membru tas-SEBĊ;

(ii) 

fejn l-obbligu referenzjarju jkun dejn sovran tal-Istat Membru ta’ dak il-membru tas-SEBĊ;

(b) 

id-data dwar il-pożizzjonijiet għad-derivattivi fil-munita maħruġa minn dak il-membru tas-SEBĊ.

13.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li timmonitorja r-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja u li l-munita tal-Istat Membru tagħha ma tkunx l-euro, aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi konklużi f’ċentri tan-negozjar jew minn CCPs u kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta’ dik l-awtorità meta tkun qiegħda twettaq monitoraġġ tar-riskji sistemiċi għall-istabbiltà finanzjarja fi Stat Membru li l-munita tiegħu ma tkunx l-euro.
14.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-BĊE, meta dan tal-aħħar iwettaq il-kompiti tiegħu fl-ambitu tal-mekkaniżmu superviżorju uniku skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 ( 4 ), aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi konklużi minn kontropartijiet li, fl-ambitu tal-mekkaniżmu superviżorju uniku, ikunu soġġetti għas-superviżjoni tal-BĊE skont dak ir-Regolament.
15.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità kompetenti elenkata fl-Artikolu 81(3), il-punti (o) u (p), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi konklużi mill-kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati superviżorji ta’ dik l-awtorità.
16.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità ta’ riżoluzzjoni kif imsemmija fl-Artikolu 81(3), il-punt (m), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi konklużi mill-kontropartijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltajiet u l-mandati ta’ dik l-awtorità.
17.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB – Single Resolution Board) aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi konklużi minn kontropartijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 5 ).
18.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lil awtorità li twettaq superviżjoni ta’ kontroparti ċentrali (CCP), u lil membru rilevanti tas-SEBĊ li jissorvelja dik is-CCP, fejn applikabbli, aċċess għad-data kollha dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi kklerjati minn dik is-CCP.

▼B

Artikolu 3

Awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi

1.  
Fir-rigward ta’ awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz li jkun daħal fi ftehim internazzjonali mal-Unjoni kif imsemmi fl-Artikolu 75 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi aċċess għad-dejta, filwaqt li jitqiesu l-mandat u r-responsabbiltajiet tal-awtorità f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim internazzjonali rilevanti.
2.  
Fir-rigward ta’ awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz li jkun daħlal f’arranġament ta’ kooperazzjoni mal-AETS kif imsemmi fl-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, repożitorju tat-tranżazzjonijiet jipprovdi aċċess għad-dejta, filwaqt li jitqiesu l-mandat u r-responsabbiltajiet tal-awtorità f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-ftehim ta’ kooperazzjoni rilevanti.

▼M3

3.  
B’rabta ma’ awtorità rilevanti ta’ pajjiż terz li għalih il-Kummissjoni tkun adottat att ta’ implimentazzjoni li jiddetermina li l-qafas legali jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 76a(2) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jagħti aċċess għad-data, filwaqt li jqis il-mandat u r-responsabbiltajiet tal-awtorità tal-pajjiż terz.

▼M3

Artikolu 4

Issettjar tal-aċċess għad-dettalji tad-derivattivi

1.  

Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a) 

jinnomina persuna jew persuni responsabbli għall-kuntatt mal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012;

(b) 

jippubblika fuq is-sit web tiegħu l-istruzzjonijiet li għandhom jiġu segwiti mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex jintalab aċċess għad-dettalji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi;

(c) 

jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b’formola msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(d) 

jissettja l-aċċess għad-dettalji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 abbażi ta’ informazzjoni pprovduta fil-formola msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(e) 

jissettja l-arranġamenti tekniċi meħtieġa għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 biex jaċċessaw id-dettalji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet rigward id-derivattivi skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(f) 

jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 aċċess dirett u immedjat għad-dettalji tad-derivattivi fi żmien tletin jum kalendarju wara li dik l-entità tkun ressqet talba ta’ ssettjar ta’ tali aċċess.

2.  

L-entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 għandha titlob aċċess għad-dettalji tad-derivattivi billi tuża formola żviluppata u mqiegħda għad-disponibbiltà minn repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u tispeċifika minn tal-anqas l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

isem l-entità;

(b) 

il-persuna ta’ kuntatt fl-entità;

(c) 

ir-responsabbiltajiet ġuridiċi u l-mandati tal-entità;

(d) 

kredenzjali għal konnessjoni FTP SSH sigura;

(e) 

kwalunkwe informazzjoni teknika oħra rilevanti għall-aċċess għad-dettalji tad-derivattivi mill-entità;

(f) 

jekk l-entità hijiex kompetenti għall-kontropartijiet fl-Istat Membru tagħha, fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni;

(g) 

it-tip ta’ kontropartijiet li l-entità hija kompetenti għalihom skont il-klassifikazzjoni fit-Tabella 1 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1860;

(h) 

it-tipi ta’ sottostanti għad-derivattivi li l-entità hija kompetenti għalihom;

(i) 

iċ-ċentri tan-negozjar taħt superviżjoni mill-entità, jekk jeżistu;

(j) 

is-CCPs taħt superviżjoni jew issorveljati mill-entità, jekk jeżistu;

(k) 

il-munita maħruġa mill-entità, jekk teżisti;

(l) 

il-punti tal-konsenja u tal-interkonnessjoni;

(m) 

il-parametri referenzjarji użati fl-Unjoni, li l-amministratur tagħhom ikun taħt is-superviżjoni tal-entità;

(n) 

il-karatteristiċi tas-sottostanti taħt superviżjoni mill-entità;

(o) 

il-karatteristiċi tal-partijiet imsemmija fil-kampijiet tad-data 16 “Membru tal-ikklerjar”, 15 “Sensar” fit-Tabella 1 u l-kamp tad-data 142 “Entità referenzjarja” fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1860 li huma taħt superviżjoni mill-entità, jekk jeżistu

▼B

Artikolu 5

Standards operazzjonali għal aċċess għad-dejta

1.  
Repożitorju tat-tranżazzjonijiet jirreġistra informazzjoni dwar l-aċċess għad-dejta mogħtija lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.
2.  

L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tinkludi:

(a) 

l-ambitu tad-dejta aċċessata;

(b) 

referenza għad-dispożizzjonijiet legali li jagħtu aċċess għal tali dejta skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 u dan ir-Regolament.

▼M1

3.  
Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex jiffaċilita lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jikkonettjaw bl-użu ta' interfaċċa sikura minn magna għal magna sabiex jissottometti talbiet tad-dejta u jirċievi d-dejta.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża l-Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls SSH. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu juża messaġġi XML standardizzati żviluppati f'konformità mal-metodoloġija tal-ISO 20022 biex jikkomunika permezz ta' dik l-interfaċċa. Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet jista', addizzjonalment, wara ftehim mal-entità kkonċernata, jistabbilixxi konnessjoni bl-użu ta' protokoll ieħor li sar qbil reċiproku dwaru.

▼M3 —————

▼M3

5.  
Repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jżomm f’posthom l-arranġamenti tekniċi meħtieġa biex l-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 ikunu jistgħu jistabbilixxu talbiet perjodiċi predefiniti biex jaċċessaw id-dettalji ta’ derivattivi, kif iddeterminat fl-Artikoli 2 u 3 ta’ dan ir-Regolament, meħtieġa għal dawk l-entitajiet biex jonoraw ir-responsabbiltajiet u l-mandati tagħhom.

▼M1

6.  

Jekk jintalab, ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi lill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 b'aċċess għad-dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi skont kwalunkwe kombinazzjoni ta' dawn it-taqsimiet li ġejjin kif imsemmi fl-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012:

a) 

kronogramma tar-rappurtar;

b) 

ID tal-Kontroparti li tirrapporta;

c) 

ID tal-kontroparti l-oħra;

d) 

settur korporattiv tal-kontroparti li tirrapporta;

e) 

natura tal-kontroparti li tirrapporta;

f) 

ID tas-sensar;

g) 

ID tal-entità li qed tissottometti r-rapport;

h) 

ID tal-benefiċjarju;

i) 

klassi tal-assi;

j) 

klassifikazzjoni tal-prodott;

k) 

identifikazzjoni tal-prodott;

l) 

identifikazzjoni tas-sottostanti;

m) 

ċentru tal-eżekuzzjoni;

n) 

kronogramma tal-eżekuzzjoni;

o) 

data tal-maturità;

p) 

data tat-terminazzjoni;

q) 

CCP; u

r) 

tip ta' azzjoni.

7.  

Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jistabbilixxi u jmantni l-kapaċità teknika li jipprovdi aċċess dirett u immedjat għal dettalji tal-kuntratti tad-derivattivi meħtieġa għall-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 sabiex jissodisfaw il-mandati u r-responsabbiltajiet tagħhom. Dan l-aċċess għandu jiġi pprovdut kif ġej:

a) 

fejn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 titlob aċċess għad-dettalji ta' kuntratti tad-derivattivi pendenti jew ta' kuntratti ta' derivattivi li mmaturaw jew li għalihom hemm rapporti bit-tipi ta' azzjoni “E”, “C”, “Z” or “P” kif imsemmi fil-parti 93 fit-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012 li saru mhux aktar minn sena qabel id-data li fiha ġiet sottomessa t-talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissodisfa dik it-talba mhux aktar tard minn 12:00 ħin universali koordinat fl-ewwel jum kalendarju wara l-jum li fih ġiet sottomessa t-talba għal aċċess.

b) 

fejn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 titlob aċċess għal dettaljit ta' kuntratti tad-derivattivi li mmaturaw jew li għalihom hemm rapporti bit-tipi ta' azzjoni “E”. “C”, “Z”, jew “P” kif imsemmi fil-parti 93 tat-Tabella 2 tal-Anness tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1247/2012 li saru aktar minn sena qabel id-data li fiha ġiet sottomessa t-talba, repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jissodisfa dik it-talba mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun ġiet sottomessa t-talba għal aċċess.

c) 

fejn talba għal dejta ta' aċċess minn entità elenkata fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tirrigwarda kuntratti tad-derivattivi li jaqgħu taħt iż-żewġ punti (a) u (b), ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jipprovdi d-dettalji ta' dawk il-kuntratti tad-derivattivi mhux aktar tard minn tlett ijiem tax-xogħol wara li tkun ġiet sottomessa dik it-talba għal aċċess.

8.  
Ir-repożitorju tat-tranżazzjonijiet għandu jikkonferma l-irċevuta u jivverifika l-korrettezza u l-kompletezza ta' kwalunkwe talba għal dejta tal-aċċess imressqa mill-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Huwa għandu jinnotifka lil dawn l-entitajiet dwar ir-riżultat tal-verifika mhux aktar tard minn sittin minuta wara s-sottomissjoni tat-talba.
9.  
Ir-repożitorju tad-dejta għandu juża firma elettronika u protokolli ta' kriptaġġ tad-dejta biex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità, l-integrità u l-protezzjoni tad-dejta li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-entitajiet elenkati fl-Artikolu 81(3) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

▼B

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1855 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-dettalji minimi tad-data li għandha tiġi rrapportata lir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u t-tip ta’ rapporti li għandhom jintużaw (ĠU L 262, 7.10.2022, p. 1).

( 2 ) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1860 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jistabbilixxi standards tekniċi ta’ implimentazzjoni għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards, il-formati, il-frekwenza u l-metodi u l-arranġamenti għar-rapportar (ĠU L 262, 7.10.2022, p. 68).

( 3 ) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2022/1858 tal-10 ta’ Ġunju 2022 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-istandards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw il-proċeduri għar-rikonċiljazzjoni tad-data bejn ir-repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u l-proċeduri li għandhom jiġu applikati mir-repożitorju tad-data dwar it-tranżazzjonijiet biex jivverifika l-konformità mill-kontroparti li tirrapporta jew mill-entità li tressaq ir-rapport mar-rekwiżiti tar-rapportar u biex jivverifika l-kompletezza u l-korrettezza tad-data rrapportata (ĠU L 262, 7.10.2022, p. 46).

( 4 ) Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63).

( 5 ) Ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1).