02013R0098 — MT — 01.03.2017 — 001.002


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT (UE) Nru 98/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Jannar 2013

dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 039 9.2.2013, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/214 tat-30 ta' Novembru 2016

  L 34

1

9.2.2017

►M2

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/215 tat-30 ta' Novembru 2016

  L 34

3

9.2.2017

►M3

REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/216 tat-30 ta' Novembru 2016

  L 34

5

9.2.2017


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 315, 30.11.2017, p.  78 (98/2013)




▼B

REGOLAMENT (UE) Nru 98/2013 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-15 ta’ Jannar 2013

dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu ta’ prekursuri tal-isplussivi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett

Dan ir-Regolament jistabbilixxi regoli armonizzati li jikkonċernaw it-tqegħid għad-dispożizzjoni, l-introduzzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanzi jew taħlitiet li jistgħu jiġu użati skorrettament għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, sabiex jillimitaw id-disponibbiltà tagħhom għall-pubbliku ġenerali, u li jiżguraw rappurtaġġ adegwat ta’ transazzjonijiet suspettużi fil-katina tal-provvista kollha.

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn aktar stretti tal-liġi tal-Unjoni li jikkonċernaw is-sustanzi elenkati fl-Annessi.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.  Dan ir-Regolament japplika għas-sustanzi elenkati fl-Annessi u għal taħlitiet u sustanzi li fihom dawn is-sustanzi.

2.  Dan ir-Regolament ma japplikax għal:

(a) oġġetti kif definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(b) oġġetti pirotekniċi kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2007/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Mejju 2007 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ oġġetti pirotekniċi ( 1 ), oġġetti pirotekniċi maħsuba għall-użu mhux kummerċjali, skont il-liġi nazzjonali, mill-forzi armati, mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jew mid-dipartiment tat-tifi tan-nar, tagħmir pirotekniku li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE tal-20 ta’ Diċembru 1996 dwar it-tagħmir marittimu ( 2 ), oġġetti pirotekniċi maħsuba għall-użu fl-industrija ajruspazjali, jew kapsijiet tal-perkussjoni maħsuba għall-ġugarelli;

(c) prodotti mediċinali imqiegħda b’mod leċitu għad-dispożizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali abbażi ta’ preskrizzjoni medika skont il-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “sustanza” tfisser sustanza fis-sens tal-punt (1) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(2) “taħlita” tfisser taħlita fis-sens tal-punt (2) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(3) “oġġett” tfisser oġġett fis-sens tal-punt (3) tal-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1907/2006;

(4) “tqegħid għad-dispożizzjoni” tfisser kwalunkwe provvista, kemm jekk bi ħlas kif ukoll jekk mingħajr ħlas;

(5) “introduzzjoni” tfisser l-att li bih tinġieb sustanza fit-territorju ta’ Stat Membru kemm jekk minn Stat Membru ieħor kif ukoll jekk minn pajjiż terz;

(6) “użu” tfisser kwalunkwe pproċessar, formulazzjoni, ħażna, trattament jew taħlit, inkluż fil-produzzjoni ta’ xi oġġett, jew kwalunkwe użu ieħor;

(7) “membru tal-pubbliku ġenerali” tfisser kwalunkwe persuna fiżika li taġixxi għal finijiet mhux konnessi man-negozju, kummerċ jew professjoni tiegħu;

(8) “transazzjoni suspettuża” tfisser kwalunkwe transazzjoni li tikkonċerna s-sustanzi elenkati fl-Annessi, jew taħlitiet jew sustanzi li fihom dawn is-sustanzi, inklużi transazzjonijiet li jinvolvu utenti professjonali, fejn ikun hemm raġunijiet tajbin għas-suspett li s-sustanza jew taħlita tkun maħsuba għall-manifattura illeċita tal-isplussivi;

(9) “operatur ekonomiku” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika jew entità pubblika jew grupp ta’ dawn il-persuni u/jew entitajiet li jipprovdu prodotti jew servizzi fis-suq;

(10) “prekursur tal-isplussivi ristrett” tfisser sustanza elenkata fl-Anness I, f’konċentrazzjoni li teċċedi l-valur limitu stabbilit fih u tinkludi taħlita jew sustanza oħra li fiha tkun preżenti tali sustanza elenkata f’konċentrazzjoni li teċċedi l-valur limitu korrispondenti.

Artikolu 4

Tqegħid għad-dispożizzjoni, introduzzjoni, pussess u użu

1.  Il-prekursuri tal-isplussivi ristretti m’għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew jiġu introdotti, pposseduti jew użati minn, membri tal-pubbliku ġenerali.

2.  Minkejja l-paragrafu 1, Stat Membru jista’ jżomm jew jistabbilixxi reġim ta’ reġistrazzjoni li jippermetti li prekursuri tal-isplussivi ristretti jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew ikunu pposseduti u użati minn membri tal-pubbliku ġenerali, sakemm il-membru tal-pubbliku ġenerali jikseb, u, jekk jintalab, jippreżenta liċenzja għall-akkwist, pussess jew użu tagħhom, maħruġa skont l-Artikolu 7 minn awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn dak il-prekursur tal-isplussivi ristrett ser jiġi akkwistat, possedut jew użat.

3.  Minkejja l-paragrafi 1 u 2, Stat Membru jista’ jżomm jew jistabbilixxi reġim ta’ reġistrazzjoni li jippermetti li l-prekursuri tal-isplussivi ristretti li ġejjin jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’, jew ikunu pposseduti jew użati minn membri tal-pubbliku ġenerali, jekk l-operatur ekonomiku li jqiegħdhom għad-dispożizzjoni jirreġistra kull transazzjoni f’konformità mal-arranġament dettaljati stabbiliti fl-Artikolu 8:

(a) perossidu tal-idroġenu (CAS RN 7722-84-1) f’konċentrazzjonijiet li jeċċedu l-valur limitu stabbilit fl-Anness I, iżda ma jeċċedux 35 % w/w;

(b) nitrometan (CAS RN 75-52-5) f’konċentrazzjonijiet li jeċċedu l-valur limitu stabbilit fl-Anness I, iżda ma jeċċedux 40 % w/w;

(c) aċidu nitriku (CAS RN 7697-37-2) f’konċentrazzjonijiet li jeċċedu l-valur limitu stabbilit fl-Anness I, iżda ma jeċċedux 10 % w/w.

4.  L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha li jieħdu sabiex jimplimentaw kwalunkwe wieħed mir-reġimi previsti fil-paragrafi 2 u 3. In-notifika għandha tindika l-prekursuri tal-isplussivi ristretti kollha li fir-rigward tagħhom l-Istat Membru jipprovdi għal eċċezzjoni.

5.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel pubblikament disponibbli lista ta’ miżuri nnotifikati mill-Istati Membri skont il-paragrafu 4.

6.  Fejn membru tal-pubbliku ġenerali jkollu l-intenzjoni li jintroduċi prekursur tal-isplussivi ristrett fit-territorju ta’ Stat Membru li dderoga mill-paragrafu 1 bl-applikazzjoni ta’ reġim ta’ liċenzjar skont il-paragrafu 2 u/jew reġim ta’ reġistrazzjoni skont il-paragrafu 3 jew l-Artikolu 17, dik il-persuna għandha tikseb, u, jekk tintalab, tippreżenta lill-awtorità kompetenti liċenzja maħruġa skont ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 7 u li tkun valida f’dak l-Istat Membru.

7.  Operatur ekonomiku li jqiegħed prekursur tal-isplussivi ristrett għad-disposizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali skont il-paragrafu 2a għandu, għal kull transazzjoni, ikun meħtieġ li jippreżenta liċenzja jew, jekk dan jitqiegħed għad-dispożizzjoni skont il-paragrafu 3, iżomm rekord tat-transazzjoni, f’konformità mar-reġim stabbilit mill-Istat Membru fejn il-prekursur tal-isplussivi ristrett jitqiegħed għad-dispożizzjoni.

Artikolu 5

Tikkettar

Operatur ekonomiku li jkollu l-intenzjoni li jqiegħed prekursuri tal-isplussivi ristretti għad-disposizzjoni ta’ membru tal-pubbliku ġenerali, għandu jiżgura, jew billi jwaħħal tikketta adatta jew billi jivverifika li twaħħlet tikketta adatta, li l-imballaġġ jindika b’mod ċar li l-akkwist, il-pussess jew l-użu ta’ dak il-prekursur tal-isplussivi ristrett minn membri tal-pubbliku ġenerali jkun soġġett għal restrizzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 4(1), (2) u (3).

Artikolu 6

Moviment liberu

Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 u għall-Artikolu 13, u sakemm ma jkunx previst mod ieħor f’dan ir-Regolament jew f’atti legali oħrajn tal-Unjoni, l-Istati Membri m’għandhomx, abbażi ta’ raġunijiet relatati mal-prevenzjoni tal-manifattura illeċita tal-isplussivi, jipprojbixxu, jirrestrinġu jew jimpedixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’:

(a) is-sustanzi elenkati fl-Anness I f’konċentrazzjonijiet li ma jeċċedux il-valuri limitu stabbiliti fih; jew

(b) is-sustanzi elenkati fl-Anness II.

Artikolu 7

Liċenzji

1.  Kull Stat Membru li joħroġ liċenzji lil membri tal-pubbliku ġenerali b’interess leġittimu li jakkwistaw, jintroduċu, jippossjedu jew jużaw prekursuri tal-isplussivi ristretti għandu jistabbilixxi regoli għall-għoti tal-liċenzja kif previst fl-Artikolu 4(2) u (6). Meta tqis jekk tagħtix liċenzja jew le, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tikkunsidra ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha u, b’mod partikolari, il-liċeità tal-użu maħsub tas-sustanza. Il-liċenzja għandha tiġi rifjutata jekk ikun hemm raġunijiet aċċettabbli sabiex wieħed jiddubita l-liċeità tal-użu maħsub jew l-intenzjonijiet tal-utent biex jużaha għal skop leċitu.

2.  L-awtorità kompetenti tista’ tagħżel kif tillimita l-validità tal-liċenzja, billi tippermetti l-użu uniku jew multiplu għal perjodu li ma jaqbiżx tliet snin. L-awtorità kompetenti tista’ tobbliga lid-detentur tal-liċenzja biex juri, sal-iskadenza indikata tal-liċenzja, li l-kondizzjonijiet li taħthom ingħatat il-liċenzja għadhom sodisfatti. Il-liċenzja għandha ssemmi l-prekursuri tal-isplussivi ristretti li fir-rigward tagħhom hija tinħareġ.

3.  L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu li l-applikanti jħallsu miżata mal-applikazzjoni għal liċenzja. Tali miżata m’għandhiex teċċedi l-ispiża tal-ipproċessar tal-applikazzjoni.

4.  Il-liċenzja tista’ tiġi sospiża jew revokata mill-awtorità kompetenti kull fejn ikun hemm bażi raġonevoli sabiex wieħed jemmen li l-kondizzjonijiet li taħthom ingħatat il-liċenzja m’għadhomx sodisfatti.

5.  L-appelli kontra kwalunkwe deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, u disputi li jikkonċernaw il-konformità mal-kondizzjonijiet tal-liċenzji, għandhom jinstemgħu minn entità adatta li tkun responsabbli taħt il-liġi nazzjonali.

6.  Il-liċenzji mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jkunu rikonoxxuti fi Stati Membri oħrajn. Il-Kummissjoni għandha, sat-2 ta' Settembru 2014, tfassal linji gwida, wara li tikkonsulta l-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri, dwar id-dettalji tekniċi tal-liċenzji sabiex ikun iffaċilitat ir-rikonoxximent reċiproku tagħhom. Dawk il-linji gwida għandhom jinkludu wkoll informazzjoni dwar liema data għandha tiġi inkluża fil-liċenzji li jkunu validi għall-introduzzjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti, inkluż abbozz ta’ format għal dawn il-liċenzji.

Artikolu 8

Reġistrazzjoni ta’ transazzjonijiet

1.  Għall-finijiet ta’ reġistrazzjoni taħt l-Artikolu 4(3), membri tal-pubbliku ġenerali għandhom jidentifikaw rwieħhom permezz ta’ dokument uffiċjali ta’ identifikazzjoni.

2.  Ir-reġistru għandu mill-inqas jinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a) l-isem, indirizz u, fejn applikabbli, jew in-numru ta’ identifikazzjoni tal-membru tal-pubbliku ġenerali jew it-tip u n-numru tad-dokument uffiċjali ta’ identifikazzjoni tiegħu;

(b) l-isem tas-sustanza jew tat-taħlita, inkluża l- konċentrazzjoni tagħha;

(c) l-ammont tas-sustanza jew tat-taħlita;

(d) l-użu maħsub tas-sustanza jew tat-taħlita kif iddikjarat mill-membru tal-pubbliku ġenerali;

(e) id-data u l-post tat-transazzjoni;

(f) il-firma tal-membru tal-pubbliku ġenerali.

3.  Ir-reġistru għandu jinżamm għal ħames snin mid-data tat-transazzjoni. Matul dak il-perjodu, ir-reġistru għandu jsir disponibbli għall-ispezzjoni fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti.

4.  Ir-reġistru għandu jinżamm fuq il-karta jew fuq mezz durevoli ieħor u għandu jkun disponibbli għall-ispezzjoni fi kwalunkwe waqt matul il-perijodu kollu previst fil-paragrafu 3. Kwalunkwe data ppreżervata elettronikament għandha:

(a) taqbel mal-format u l-kontenut tad-dokumenti korrispondenti fuq il-karta, u

(b) tkun immedjatament disponibbli fi kwalunkwe waqt matul il-perijodu kollu previst fil-paragrafu 3.

Artikolu 9

Rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq

1.  Transazzjonijiet suspettużi li jinvolvu s-sustanzi elenkati fl-Annessi, jew li jinvolvu taħlitiet jew sustanzi li fihom dawk is-sustanzi, għandhom jiġu rrappurtati immedjatament skont dan l-Artikolu.

2.  Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi punt ta’ kuntatt nazzjonali wieħed jew aktar b’numru tat-telefon u indirizz elettroniku identifikati b’mod ċar għar-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi.

3.  L-operaturi ekonomiċi jistgħu jirriżervaw id-dritt li jirrifjutaw it-transazzjoni suspettuża u għandhom jirrappurtaw, mingħajr dewmien żejjed, it-transazzjoni jew it-tentattiv ta’ transazzjoni, inkluża jekk possibbli l-identità tal-klijent, lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru fejn tkun ġiet konkluża jew tentata t-transazzjoni fil-każ li huma jkollhom raġunijiet aċċettabbli biex jemmnu li transazzjoni proposta li tinvolvi wieħed jew iktar minn wieħed mis-sustanzi elenkati fl-Annessi, jew t li tinvolvi aħlitiet jew sustanzi li fihom dawk is-sustanzi, hija transazzjoni suspettuża, b’kont meħud taċ-ċirkostanzi kollha u b’mod partikolari fejn il-klijent prospettiv:

(a) jidher mhux ċar dwar l-użu maħsub tas-sustanza jew tat-taħlita;

(b) jidher mhux familjari mal-użu maħsub tas-sustanza jew tat-taħlita jew ma jistax jispjegah b’mod plawżibbli;

(c) biħsiebu jixtri kwantitajiet, kombinazzjonijiet jew konċentrazzjonijiet li huma insoliti għall-użu privat;

(d) ma jridx jipprovdi prova ta’ identità jew post ta’ residenza; jew

(e) jinsisti li juża metodi insoliti ta’ pagament, inklużi ammonti kbar ta’ flus.

4.  L-operaturi ekonomiċi għandhom jirrappurtaw ukoll għajbien u serq sinifikanti tas-sustanzi elenkati fl-Annessi u ta’ taħlitiet jew sustanzi li fihom dawk is-sustanzi lill-punt ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istat Membru fejn sar l-għajbien jew is-serq.

5.  Sabiex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-operaturi ekonomiċi, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta l-Kumitat Permanenti dwar il-Prekursuri, tfassal, sat-2 ta' Settembru 2014, linji gwida biex jassistu l-katina tal-provvista kimika u, fejn rilevanti, l-awtoritajiet komptenti. Il-linji gwida għandhom, b’mod partikolari, jipprovdu:

(a) informazzjoni dwar kif tirrikonoxxi u tirrapporta transazzjonijiet suspettużi, b’mod partikolari fir-rigward tal-konċentrazzjonijiet u/jew kwantitajiet ta’ sustanzi elenkati fl-Anness II li normalment taħthom ma tkunx meħtieġa azzjoni;

(b) informazzjoni dwar kif tirrikonoxxi u tirrapporta għajbien u serq sinifikanti;

(c) informazzjoni oħra li tista’ tiġi kkunsidrata meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha taġġorna l-linji gwida regolarment.

6.  L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li l-linji gwida previsti fil-paragrafu 5 jkunu disseminati regolarment b’mod li jkun meqjus bħala adegwat mill-awtoritajiet kompetenti skont l-għanijiet tal-linji gwida.

Artikolu 10

Protezzjoni ta’ data

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jikkonformamad-Direttiva 95/46/KE. B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali meħtieġa fir-rigward ta’ liċenzjar taħt l-Artikolu 4(2) u (6) u l-Artikolu 7 ta’ dan ir-Regolament jew għar-reġistrazzjoni ta’ transazzjonijiet taħt l-Artikolu 4(3) u l-Artikoli 8 u 17 ta’ dan ir-Regolament, u r-rappurtar ta’ transazzjonijiet suspettużi taħt l-Artikolu 9 ta’ dan ir-Regolament, jikkonformaw mad-Direttiva 95/46/KE.

Artikolu 11

Pieni

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli dwar pieni applikabbli għall-ksur ta’ dan ir-Regolament u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li jiġu implimentati. Il-pieni previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Artikolu 12

Emendament tal-Annessi

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 14 dwar il-bidliet tal-valuri limitu fl-Anness I sa fejn meħtieġ biex jiġu indirizzati l-iżviluppi fl-użu skorrett tas-sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi, jew abbażi tar-riċerka u l-ittestjar, kif ukoll dwar iż-żieda ta’ sustanzi mal-Anness II, fejn meħtieġ biex jiġu indirizzati l-iżviluppi fl-użu skorrett tas-sustanzi bħala prekursuri tal-isplussivi. Il-Kummissjoni għandha, bħala parti mit-tħejjija ta’ atti ddelegati, tagħmel ħilitha biex tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari l-industrija kimika u s-settur tal-bejgħ bl-imnut.

Fejn, fil-każ ta’ tibdil f’daqqa fl-istima tar-riskji sa fejn huwa kkonċernat l-użu skorrett ta’ sustanzi għall-iskop tal-manifattura illeċita ta’ splussivi, ikun meħtieġ minħabba raġunijiet imperattivi ta’ urġenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 15 għandha tapplika għall-atti ddelegati adottati skont dan l-Artikolu.

2.  Il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat separat fir-rigward ta’ kull bidla tal-valuri limiti fl-Anness I u kull sustanza ġdida li tiżdied fl-Anness II. Kull att iddelegat għandu jkun ibbażat fuq analiżi li turi li l-emenda x’aktarx ma twassalx għal piż sproporzjonat fuq operaturi ekonomiċi jew konsumaturi, b’kont debitament meħud tal-objettivi li għandhom jintlaħqu.

Artikolu 13

Klawżola ta’ salvagwardja

1.  Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet biex jemmen li sustanza speċifika mhux elenkata fl-Annessi tista’ tintuża għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, dan jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza, jew ta’ kwalunkwe taħlita jew sustanza li fiha dik is-sustanza, jew jista’ jipprovdi li s-sustanza tkun soġġetta għar-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi f’konformità mal-Artikolu 9.

2.  Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet aċċettabbli biex jemmen li sustanza speċifika mhux elenkata fl-Anness I tista’ tintuża għall-manifattura illeċita tal-isplussivi, f’konċentrazzjoni aktar baxxa mill-valur ta’ limitu stabbilit fl-Anness I, dan jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi aktar it-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza billi jimponi valur limitu ta’ konċentrazzjoni li jkun aktar baxx.

3.  Fejn Stat Membru jkollu raġunijiet aċċettabbli biex jistabbilixxi valur limitu ta’ konċentrazzjoni li meta jinqabeż minn sustanza elenkata fl-Anness II, din għandha tkun soġġetta għar-restrizzjonijiet li japplikaw għal prekursuri tal-isplussivi ristretti, dan jista’ jirrestrinġi jew jipprojbixxi t-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess u l-użu ta’ dik is-sustanza billi jimponi konċentrazzjoni permessa massima.

4.  Stat Membru li jirrestrinġi jew jipprojbixxi sustanzi f’konformità mal-paragrafu 1, 2 jew 3 għandu jinforma minnufih lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħrajn b’dan, u jagħti r-raġunijiet tiegħu għal dan.

5.  Fid-dawl tal-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 4, il-Kummissjoni għandha teżamina minnufih jekk tħejjijx emendi għall-Annessi f’konformità mal-Artikolu 12(1) jew jekk tħejjijx proposta leġislattiva biex jiġu emendati l-Annessi. L-Istat Membru kkonċernat għandu, fejn ikun il-każ, jemenda jew iħassar il-miżuri nazzjonali tiegħu sabiex jieħu kont ta’ kwalunkwe emenda bħal din fl-Annessi.

6.  Sat-2 ta' Ġunju 2013, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe miżura nazzjonali eżistenti sabiex jirrestrinġu jew jipprojbixxu t-tqegħid għad-dispożizzjoni, il-pussess u l-użu ta’ sustanza jew ta’ kwalunkwe taħlita jew sustanza li fiha dik is-sustanza fuq il-bażi li din tista’ tintuża għall-manifattura illeċita tal-isplussivi.

Artikolu 14

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 12 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ ħames snin mill-1 ta' Marzu 2013 Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem ta’ dak il-perijodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu.

3.  Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 12 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att iddelegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att iddelegat adottat skont l-Artikolu 12 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta’ xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 15

Proċedura ta’ urġenza

1.  L-atti ddelegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressal-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att iddelegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att iddelegat skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 14(5). F’dan il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att mingħajr dewmien wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.

Artikolu 16

Dispożizzjoni transizzjonali

Il-pussess u l-użu minn membri tal-pubbliku ġenerali ta’ prekursuri tal-isplussivi ristretti għandhom ikunu permessi sat-2 ta' Marzu 2016

Artikolu 17

Reġimi eżistenti ta’ reġistrazzjoni

Stat Membru li fl-1 ta' Marzu 2013 jkollu reġim stabbilit li jeħtieġ li operaturi ekonomiċi jirreġistraw transazzjonijiet li jqiegħdu xi wieħed jew aktar prekursuri tal-isplussivi ristretti għad-dipożizzjoni ta’ membri tal-pubbliku ġenerali jistgħu jidderogaw mill-Artikolu 4(1) jew (2) bl-applikazzjoni ta’ dak ir-reġim ta’ reġistrazzjoni skont l-Artikolu 8 għal xi wħud mis-sustanzi jew għas-sustanzi kollha elenkati fl-Anness I. Ir-regoli stabbiliti fl-Artikolu 4(4) sa (7) għandhom japplikaw mutatis mutandis.

Artikolu 18

Reviżjoni

1.  Sat-2 ta' Settembru 2017, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u teżamina:

(a) kwalunkwe problema li rriżultat mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b) kemm ikunu kunsiljabbli u fattibbli aktar tisħiħ u armonizzazzjoni tas-sistema minħabba t-theddida għas-sigurtà pubblika kkawżata mit-terroriżmu u attivitajiet kriminali serji oħrajn, b’kont meħud tal-esperjenzi miksubin mill-Istati Membri skont dan ir-Regolament, inkluż kwalunkwe nuqqas ta’ sigurtà ttraċċat, b’kont meħud tal-ispejjeż u l-benefiċċji għall-Istati Membri, l-operaturi ekonomiċi u l-partijiet interessati rilevanti l-oħrajn;

(c) kemm tkun kunsiljabbli u fattibbli l-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex ikopri l-utenti professjonali, b’kont meħud tal-piż impost fuq l-operaturi ekonomiċi u fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-Regolament;

(d) kemm tkun kunsiljabbli u fattibbli l-inklużjoni ta’ prekursuri tal-isplussivi mhux skedati fid-dispożizzjonijiet dwar ir-rappurtaġġ ta’ transazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq.

2.  Sat-2 ta' Marzu 2015, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jeżamina l-possibbiltajiet għat-trasferiment tad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar in-nitrat tal-ammonju mir-Regolament (UE) Nru 1907/2006 għal dan ir-Regolament.

3.  Jekk ikun il-każ, fid-dawl tar-rapporti msemmijin fil-paragrafi 1 u 2, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta leġislattiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bil-ħsieb li temenda dan ir-Regolament kif meħtieġ.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mit-2 ta' Settembru 2014.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.




ANNESS I

Sustanzi li m’għandhomx jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-membri tal-pubbliku ġenerali waħedhom, jew f’taħlitiet jew sustanzi li jinkluduhom, ħlief jekk il-konċentrazzjoni tkun ugwali għal jew aktar baxxa mill-valuri limitu stabbiliti hawn taħt



Isem tas-sustanza u n-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi

(CAS RN)

Valur limitu

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal kompost separat definit b’mod kimiku li jissodisfa r-rekwiżiti tan-Nota 1 tal-Kapitolu 28 jew 29 tan-NM, rispettivament (1)

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal taħlita mingħajr kostitwenti (p.eż. merkurju, metalli prezzjużi jew metalli rari jew sustanzi radjuattivi) li jiddeterminaw il-klassifika taħt kodiċi ieħor tan-NM (1)

Perossidu tal-idroġenu

(CAS RN 7722-84-1)

12 % w/w

2847 00 00

3824 90 97

Nitrometanu

(CAS RN 75-52-5)

30 % w/w

2904 20 00

3824 90 97

Aċidu nitriku

(CAS RN 7697-37-2)

3 % w/w

2808 00 00

3824 90 97

Klorat tal-potassju

(CAS RN 3811-04-9)

40 % w/w

2829 19 00

3824 90 97

Perklorat tal-potassju

(CAS RN 7778-74-7)

40 % w/w

2829 90 10

3824 90 97

Klorat tas-sodju

(CAS RN 7775-09-9)

40 % w/w

2829 11 00

3824 90 97

Perklorat tas-sodju

(CAS RN 7601-89-0)

40 % w/w

2829 90 10

3824 90 97

(1)   Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta' Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta' Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).

▼B




ANNESS II

Sustanzi waħedhom jew f’taħlitiet jew f’sustanzi li fir-rigward tagħhom għandhom jiġu rrapurtati transazzjonijiet suspettużi



Isem tas-sustanza u n-Numru tar-Reġistru tas-Servizz tat-Taqsiriet tas-Sustanzi Kimiċi

(CAS RN)

►M1  Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) (1)  ◄

Kodiċi tan-Nomenklatura Magħquda (NM) għal taħlitiet mingħajr kostitwenti (p.eż. merkurju, metalli prezzjużi jew metalli rari jew sustanzi radjoattivi) li jiddetermina l-klassifika taħt kodiċi ieħor tan-NM (1)

Hexamine

(CAS RN 100-97-0)

2921 29 00

3824 90 97

Aċidu sulfuriku

(CAS RN 7664-93-9)

2807 00 10

3824 90 97

Aċetun

(CAS RN 67-64-1)

2914 11 00

3824 90 97

Nitrat tal-potassju

(CAS RN 7757-79-1)

2834 21 00

3824 90 97

Nitrat tas-sodju

(CAS RN 7631-99-4)

3102 50 10 (naturali)

3824 90 97

3102 50 90 (mhux naturali)

3824 90 97

Nitrat tal-kalċju

(CAS RN 10124-37-5)

2834 29 80

3824 90 97

Nitrat tal-ammonju tal-kalċju

(CAS RN 15245-12-2)

3102 60 00

3824 90 97

Nitrat tal-ammonju

(CAS RN 6484-52-2) [f’konċentrazzjoni ta’ 16 % skont il-piż tan-nitroġenu fir-rigward tan-nitrat tal-ammonju jew ogħla]

3102 30 10 (f’soluzzjoni tal-ilma)

3824 90 97

3102 30 90 (ieħor)

▼M3

Manjeżju, trabijiet

(CAS RN 7439-95-4) (2) (3)

ex 8104 30 00

 

▼M2

Nitrat tal-manjeżju eżaidrat (CAS RN 13446-18-9)

2834 29 80

3824 90 96

▼M1

Aluminju, trabijiet

(CAS RN 7429-90-5) (2) (3)

ex 7603 10 00

ex 7603 20 00

 

(1)   Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87.

(2)   B'daqs tal-partiċella inqas minn 200 μm.

(3)   Bħala sustanza jew f'taħlitiet li jkun fihom 70 % jew iktar, skont il-piż, ta' aluminju u/jew manjeżju.



( 1 ) ĠU L 154, 14.6.2007, p. 1.

( 2 ) ĠU L 46, 17.2.1997, p. 25.