2013D0726 — MT — 15.12.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/726/PESK

tad-9 ta' Diċembru 2013

b'appoġġ għal UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

(ĠU L 329, 10.12.2013, p.41)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/906/PESK tal-15 ta' Diċembru 2014

  L 359

151

16.12.2014




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/726/PESK

tad-9 ta' Diċembru 2013

b'appoġġ għal UNSCR 2118 (2013) u l-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW EC-M-33/Dec 1, fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fis 27 ta' Settembru 2013, il-Kunsill Eżekuttiv tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta' Armamenti Kimiċi (OPCW) adotta “Deċiżjoni dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani” matul is-sessjoni EC-M-33 tiegħu.

(2)

Fis-27 ta' Settembru 2013, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti adotta r-Riżoluzzjoni 2118 (2013), li approvat id-Deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW u esprima sens qawwi ta' offiża għall-użu ta' armi kimiċi fil-21 ta' Awwissu 2013 f'Rif Damasku, kif konkluż mir-rapport tal-Missjoni tan-NU, li jikkundanna l-qtil ta' persuni ċivili li rriżulta minn dan l-użu, filwaqt li jistqarr li l-użu ta' armi kimiċi jikkostitwixxi ksur serju tad-dritt internazzjonali, u jenfasizza li dawk responsabbli minn kwalunkwe użu ta' armi kimiċi għandhom jinżammu responsabbli; filwaqt li jenfasizza wkoll li l-unika soluzzjoni għall-kriżi attwali fir-Repubblika Għarbija tas-Sirja hija proċess politiku inklużiv u mmexxi mis-Sirjani bbażat fuq il-Communiqué ta' Ġinevra tat-30 ta' Ġunju 2012, u jenfasizza l-ħtieġa li titlaqqa' konferenza internazzjonali dwar is-Sirja malajr kemm jista' jkun.

(3)

Permezz ta' dikjarazzjoni, il-Gvern tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja rrikonoxxa l-eżistenza ta' programm ta' armi kimiċi fuq skala kbira u kwantitajiet konsiderevoli ta' armi kimiċi, inkluż komponenti kimiċi tossiċi perikolużi ta' tali armi, li joħolqu tħassib serju relatat man-nonproliferazzjoni, id-diżarm u s-sigurtà.

(4)

B'segwitu għall-adeżjoni tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja għall-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom (minn hawn 'il quddiem il-“Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi” jew “CWC”), b'effett mill-14 ta' Ottubru, l-OPCW hija responsabbli biex tivverifika l-konformità tas-Sirja mas-CWC u mat-termini ta' kwalunkwe Deċiżjoni rilevanti tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW, u, bħala parti tal-Missjoni Konġunta, biex tissorvelja l- konformità mat-termini ta' -kwalunkwe riżoluzzjoni rilevanti tal-KSNU.

(5)

Fis-16 ta' Ottubru 2013, id-Direttur Ġenerali tal-OPCW fakkar lill-Istati Partijiet għas-CWC (nota S/1132/2013) li fid-deċiżjoni tiegħu dwar il-“Qerda tal-Armi Kimiċi tas-Sirja” (EC-M-33/DEC.1), il-Kunsill Eżekuttiv iddeċieda, fost l-oħrajn, “li jikkunsidra, fuq bażi urġenti, il-mekkaniżmi ta' finanzjament għal attivitajiet imwettqa mis-Segretarjat fir-rigward tar-Repubblika Għarbija tas-Sirja, u biex jappella lill-Istati Parti kollha li jinsabu f'pożizzjoni li jipprovdu kontribuzzjonijiet volontarji għall-attivitajiet imwettqa fl-implimentazzjoni ta' din id-deċiżjoni, biex jagħmlu dan” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fl-istess nota, sar appell “biex l-Istati Parti kollha jikkunsidraw li jagħmlu l-kontribuzzjonijiet volontarji tagħhom stess, ikun xi jkun l-ammont, fil-Fond Fiduċjarju għas-Sirja biex jgħinu tiġi indirizzata dik li x'aktarx hija waħda mill-aktar sfidi ta' qtigħ il-qalb fl-istorja tal-Organizzazzjoni” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Il-Fond Fiduċjarju jista' jaċċetta wkoll kontribuzzjonijiet minn sorsi oħra, inkluż organizzazzjonijiet mhux governattivi, istituzzjonijiet jew donaturi privati.

(6)

Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-21 ta' Ottubru 2013, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea laqa' d-Deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW u UNSCR 2118, u tenna li l-Unjoni tinsab lesta li tikkunsidra li tagħti appoġġ.

(7)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (l-“Istrateġija”), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri li jeħtieġ jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi biex tiġi miġġielda proliferazzjoni bħal din.

(8)

L-Istrateġija tissottolinja r-rwol kruċjali tas-CWC u tal-OPCW biex tinħoloq dinja mingħajr armi kimiċi.

(9)

L-Unjoni qed timplimenta b'mod attiv l-Istrateġija u qed taħdem biex il-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha jsiru effettivi, b’mod partikolari billi tipprovdi riżorsi finanzjarji biex tappoġġa proġetti speċifiċi mwettqa minn istituzzjonijiet multilaterali, bħall-OPCW. Għaldaqstant, fit-23 ta' Marzu 2012, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2012/166/PESK ( 1 ) b'appoġġ għall-attivitajiet tal-OPCW.

(10)

Fil-21 ta' Novembru 2013, id-Direttur Ġenerali tal-OPCW talab lill-Unjoni għal kontribuzzjoni għall-Fond Fiduċjarju għas-Sirja.

(11)

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni għandha tkun fdata lill-OPCW. Il-proġetti kif appoġġati mill-Unjoni jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta' kontribuzzjonijiet volontarji fil-Fond Fiduċjarju tal-OPCW. Kontribuzzjonijiet bħal dawn li għandhom jiġu pprovduti mill-Unjoni ser ikunu strumentali biex l-OPCWtkun tista' twettaq il-kompiti tagħha kif indikat fid-Deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW tas-27 ta' Settembru u tal-15 ta' Novembru 2013, u fil-UNSCR 2118 tas-27 ta' Settembru 2013.

(12)

Is-superviżjoni tal-implimentazzjoni korretta tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun fdata lill-Kummissjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

1.  L-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-OPCW billi tikkontribwixxi għall-ispejjeż assoċjati mal-ispezzjoni u l-verifika tal-qerda ta' armi kimiċi Sirjani, kif ukoll għall-ispejjeż assoċjati mal-attivitajiet komplementari għall-kompiti prinċipali assenjati b'appoġġ għall-UNSCR 2118 (2013) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW tat-28 ta' Settembru 2013 dwar il-qerda tal-armi kimiċi Sirjani u deċiżjonijiet u riżoluzzjonijiet sussegwenti u relatati.

2.  Il-proġett appoġġat permezz ta' din id-Deċiżjoni huwa l-forniment ta' prodotti ta' konsapevolezza tas-sitwazzjoni relatati mas-sigurtà tal-Missjoni Konġunta NU-OPCW permezz tal-provvista lill-OPCW ta' immaġni bis-satellita u prodotti ta' informazzjoni relatati taċ-Centru Satellitari tal-UE (ĊENSAT UE).

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġett tinsab fl-Anness.

Artikolu 2

1.  Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (ir-“RGħ”) għandu jkun responsabbli mill-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.

2.  L-implimentazzjoni teknika tal-attivitajiet imsemmija fl-Artikolu 1(2) għandha tkun fdata lill-OPCW. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt ir-responsabbiltà tar-RGħ. Għal dan il-għan, ir-RGħ għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-OPCW.

Artikolu 3

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmija fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 2 311 842 .

2.  L-infiq iffinanzjat mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkun immaniġġat f'konformità mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-immaniġġar adatt tal-infiq imsemmi fil-paragrafu 1. Għalhekk, hija għandha tikkonkludi ftehim ta’ finanzjament mal-OPCW. Il-ftehim ta’ finanzjament għandu jistipula li l-OPCW għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, b’mod adatt skont id-daqs tagħha.

4.  Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tikkonkludi l-ftehim ta’ finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista’ jkun wara d-dħul fis-seħħ ta’ din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultà f’dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta’ finanzjament.

Artikolu 4

1.  Ir-RGħ għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni abbażi ta’ rapporti regolari mħejjija mill-OPCW. Dawk ir-rapporti għandhom ikunu l-bażi għall-evalwazzjoni mill-Kunsill.

2.  Il-Kummissjoni għandha tirrapporta dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġett imsemmi fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 5

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

▼M1

2.  Hija għandha tiskadi fit-30 ta' Settembru 2015.

▼B




ANNESS

APPOĠĠ TAL-UNJONI EWROPEA GĦALL-UNSCR 2118 (2013) U L-KUNSILL EŻEKUTTIV TAL-OPCW EC-M-33/DEC 1, FIL-QAFAS TAL-IMPLIMENTAZZJONI TAL-ISTRATEĠIJA TAL-UE KONTRA L-PROLIFERAZZJONI TAL-ARMI TA' QERDA MASSIVA

Proġett:    L-għoti ta' appoġġ permezz ta' immaġni bis-satellita lill-OPCW fil-Missjoni Konġunta NU-OPCW

Objettiv:

Li jappoġġa lill-OPCW fil-Missjoni Konġunta NU-OPCW fil-kompiti tagħha taħtt l-UNSCR u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Eżekuttiv tal-OPCW rilevanti, kif ukoll it-termini tal-Konvenzjoni dwar l-Armi Kimiċi.

Riżultati:

Valutazzjoni tal-istatus tan-netwerk tat-toroq, b'mod partikolari l-identifikazzjoni ta' żoni ta' kontroll (road blocks) u żoni ta' diffikultà ta' moviment fit-toroq u; tisħiħ tal-konsapevolezza tas-sitwazzjoni fil-qasam relatat mas-sigurtà tal-Missjoni Konġunta NU-OPCW stazzjonata fis-Sirja u fir-rigward tal-postijiet fejn għandhom isiru żjarat/spezzjonijiet.

Attivitajiet:

▼M1

L-appoġġ lill-OPCW ser jiġi pprovdut permezz tal-provvista ta' massimu ta' 5 prodotti ta' immaġni bis-satellita taċ-Centru Satellitari tal-UE (ĊENSAT UE) kull ġimgħa għal perijodu totali li jibda mill-iffirmar tal-kuntratt sat-30 ta' Settembru 2015.

▼B

In-NU u l-OPCW ser jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom f'kooperazzjoni mal-imsieħba rilevanti, inkluż organizzazzjonijiet u aġenziji internazzjonali, sabiex jiġu żgurati sinerġiji effettivi u tiġi evitata duplikazzjoni.



( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/166/PESK tat- 23 ta’ Marzu 2012 b’appoġġ għall-attivitajiet tal-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW) fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta’ Armi ta’ Qerda Massiva (ĠU L 87, 24.3.2012, p. 49).