2013D0503 — MT — 19.02.2015 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI tal-11 ta’ Ottubru 2013 li tirrikonoxxi partijiet tal-Unjoni bħala ħielsa mill-varroażi fin-naħal u li tistabbilixxi garanziji addizzjonali mitluba fil-kummerċ fl-Unjoni u fl-importazzjonijiet biex titħares il-qagħda ħielsa mill-varroażi tagħhom (notifikata bid-dokument C(2013) 6599) (Test b’relevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 273, 15.10.2013, p.38) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
No |
page |
date |
||
DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/266 tas-16 ta' Frar 2015 |
L 45 |
16 |
19.2.2015 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI
tal-11 ta’ Ottubru 2013
li tirrikonoxxi partijiet tal-Unjoni bħala ħielsa mill-varroażi fin-naħal u li tistabbilixxi garanziji addizzjonali mitluba fil-kummerċ fl-Unjoni u fl-importazzjonijiet biex titħares il-qagħda ħielsa mill-varroażi tagħhom
(notifikata bid-dokument C(2013) 6599)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
(2013/503/UE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Direttiva 92/65/KEE tistabbilixxi r-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ u l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ annimali, semen, ova u embrijuni li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali stabbiliti fl-atti speċifiċi tal-Unjoni msemmija fl-Anness F tagħha. |
(2) |
Il-varroażi fin-naħal hi mniżżla fl-Anness B tad-Direttiva 92/65/KEE. Din jikkawżaha d-dud ektoparassita tal-ġeneru Varroa u ġiet rappurtata madwar id-dinja kollha. |
(3) |
L-Artikolu 15 tad-Direttiva 92/65/KEE jipprovdi li, meta Stat Membru jikkonsidra t-territorju tiegħu jew parti mit-territorju tiegħu ħieles minn waħda mill-mardiet imniżżla fl-Anness B tagħha, dan għandu jippreżenta lill-Kummissjoni dokumentazzjoni xierqa, li fuqha għandha tiġi adottata deċiżjoni. |
(4) |
Il-varroażi tinfirex biċ-ċaqliq tad-doqqajs tan-naħal u b’kuntatt dirett bejn in-naħal adult infestat. Dan tal-aħħar isir biss fil-medda safejn itir in-naħal. Għaldaqstant, bħala ħielsa mill-mard jistgħu jitqiesu biss it-territorji fejn iċ-ċaqliq tax-xehdiet u d-doqqajs tan-naħal jista’ jiġi kkontrollat u li huma ġeografikament iżolati biżżejjed biex tkun evitata l-migrazzjoni tan-naħal minn barra. Barra minn hekk, l-awtoritajiet kompetenti jridu jagħtu prova b’riżultati ta’ sorveljanza estiża li r-reġjun huwa tabilħaqq ħieles mill-varroażi u li, biex tinżamm il-qagħda, l-introduzzjoni ta’ naħal ħaj u doqqajs hu kkontrollat b’mod strett. |
(5) |
Il-Finlandja talbet lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-Gżejjer Åland bħala parti mit-territorju tagħha li hu ħieles mill-varroażi. L-Artikolu 355(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprovdi li d-dispożizzjonijiet tat-Trattati għandhom japplikaw għall-Gżejjer Åland skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Protokoll Nru 2 tal-Att dwar il-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja. |
(6) |
Il-Gżejjer Åland huma grupp ta’ gżejjer li jinsabu bejn tal-Golf tal-Bothnia u l-Baħar Baltiku u għalhekk huma ġeografikament separati biżżejjed minn żoni potenzjalment infettati mill-varroażi. |
(7) |
Il-varroażi hi marda notifikabbli fil-Gżejjer Åland u ebda doqqajs magħluq u naħal tal-għasel adult ħaj imfaqqas ma jista’ jiġi mċaqlaq mill-Finlandja kontinentali għall-Gżejjer Åland. Għal bosta snin, il-Finlandja osservat il-popolazzjoni tan-naħal fuq il-gżira. Skont dik is-sorveljanza, il-Finlandja issa tista’ tikkonferma li fuq il-Gżejjer Åland m’hemmx din il-marda. Minħabba f’hekk, dik il-parti tat-territorju Finlandiż tista’ titqies ħielsa minn dik il-marda. |
(8) |
Għalhekk il-garanziji addizzjonali meħtieġa fil-kummerċ għandhom jiġu definiti, filwaqt li jitqiesu l-miżuri li diġà implimentat il-Finlandja fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha. |
(9) |
Sabiex jiġu stabbiliti l-prekundizzjonijiet għall-mudell taċ-ċertifikati tas-saħħa għal movimenti fl-Unjoni stess ta’ naħal ħaj bejn it-territorji tal-Unjoni ħielsa mill-Varroa, għandha tiġi stabbilita ċertifikazzjoni addizzjonali fiċ-ċertifikat tas-saħħa stabbilit fil-Parti 2 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE. Barra minn hekk, l-unità veterinarja lokali taż-żona jew żoni ħielsa mill-varroażi għandha tiġi identifikata b’Kodiċi TRACES skont id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE ( 2 ). |
(10) |
L-introduzzjoni ta’ naħal ħaj fl-Unjoni hi awtorizzata biss skont il-kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 ( 3 ). Minbarra r-rekwiżiti stipulati f’dak ir-Regolament, sabiex titħares il-qagħda ħielsa mill-varroażi tat-territorji rikonoxxuti bħala tali, jixraq li tkun projbita l-introduzzjoni ta’ konsenji tan-naħal reġina u l-qaddejja tiegħu fl-Unjoni, meta destinazzjoni finali dikjarata tal-konsenji tkun it-territorju ħieles mill-varroażi. |
(11) |
Il-miżuri stipulati f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Istati Membri jew territorji tagħhom elenkati fit-tielet kolonna tat-tabella stabbilita fl-Anness huma rrikonoxxuti bħala ħielsa mill-varroażi.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri mniżżla fl-Anness għandhom jiżguraw li fit-territorji elenkati fit-tielet kolonna tat-Tabella stabbilita fl-Anness, ikun hemm konformità ma’ dawn il-kundizzjonijiet:
(a) il-varroażi tkun notifikabbli b’mod obbligatorju skont il-liġi nazzjonali;
(b) issir sorveljanza regolari biex tissostanzja li ma jkunx hemm id-dud ektoparassita tal-ġeneru Varroa.
2. L-Istati Membri mniżżla fl-Anness għandhom jirrappurtaw ir-riżultati tas-sorveljanza msemmija fil-paragrafu 1(b) lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Mejju ta’ kull sena.
3. L-Istati Membri mniżżla fl-Anness għandhom jinnotifikaw bla dewmien lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra bl-individwazzjoni ta’ dud ektoparassita tal-ġeneru Varroa fit-territorji elenkati fit-tielet kolonna tat-Tabella stabbilita fl-Anness.
Artikolu 3
1. L-introduzzjoni ta’ konsenji tal-prodotti elenkati fil-ħames kolonna tat-Tabella stabbilita fl-Anness fit-territorji elenkati fit-tielet kolonna ta’ dik it-Tabella għandha tkun projbita.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, l-introduzzjoni tal-prodotti elenkati fil-ħames kolonna tat-Tabella fl-Anness fit-territorji elenkati fit-tielet kolonna ta’ dik it-Tabella għandha tkun awtorizzata meta tkun konformi ma’ dawn il-kundizzjonijiet:
(a) il-prodotti jkunu joriġinaw fi Stat Membru ieħor jew f’territorju tiegħu rikonoxxuti bħala ħielsa mill-varroażi skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 92/65/KEE;
(b) il-konsenji jkollhom magħhom ċertifikat tas-saħħa mfassal skont iċ-ċertifikat tas-saħħa stipulat fil-Parti 2 tal-Anness E tad-Direttiva 92/65/KEE, li fih din l-informazzjoni għandha tiżdied fil-Parti II.2:
“prodotti elenkati fil-ħames kolonna tat-Tabella stabbilita fl-Anness tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/503/UE li ġejjin mill-Istati Membri jew minn partijiet tagħhom rikonoxxuti bħala ħielsa mill-varroażi skont l-Artikolu 15(2) tad-Direttiva 92/65/KEE u li fihom ebda każ ta’ varroażi ma jkun ġie rappurtat tul l-aħħar 30 jum.”
(c) ittieħdet kull prekawzjoni biex waqt it-trasport tkun evitata l-kontaminazzjoni tal-konsenji bil-varroażi.
Artikolu 4
1. L-Istati Membri ma għandhomx jawtorizzaw l-introduzzjoni ta’ konsenji tan-naħal imsemmija fl-Artikolu 7(3)(a) tar-Regolament (KE) Nru 206/2010 fl-Unjoni, meta d-destinazzjoni finali tagħhom, kif juru r-referenzi kaxxa I.9, I.10 jew I.12 taċ-ċertifikat tas-saħħa li jakkumpanja l-konsenji, tkun territorju elenkat fit-tielet kolonna tat-Tabella stabbilita fl-Anness.
2. B’deroga mill-paragrafu 1 u soġġetti għar-rekwiżiti tas-saħħa għall-importazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 206/2010, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw l-introduzzjoni fl-Unjoni tal-konsenji msemmija fil-paragrafu 1, sakemm id-destinazzjoni finali tagħhom tinbidel għal territorju mhux elenkat fit-tielet kolonna tat-Tabella stabbilita fl-Anness.
Artikolu 5
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS
L-Istati Membri jew it-territorji tagħhom li huma rikonoxxuti bħala ħielsa mill-varroażi
1 |
2 |
3 |
4 |
5 |
Kodiċi ISO |
Stat Membru |
Territorju rikonoxxut bħala ħieles mill-varroażi |
Kodiċi TRACES Unità Veterinarja Lokali |
Prodotti li l-introduzzjoni tagħhom hi pprojbita fit-territorju elenkat fit-tielet kolonna |
FI |
Il-Finlandja |
Il-Gżejjer Åland |
FI00300 AHVENANMAAN VALTIONVIRASTO |
Doqqajs magħluq u naħal tal-għasel adult ħaj imfaqqas |
UK |
Ir-Renju Unit |
L-Isle of Man |
GB06301 L-ISLE OF MAN |
Naħal fi kwalunkwe stadju tal-ħajja, xehed u skeps użati, jew kull reċipjent li jkun intuża biex iżomm in-naħal |
( 1 ) ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.
( 2 ) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/821/KE tat-28 ta’ Settembru 2009 dwar it-tfassil ta’ lista approvata ta’ postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera, li tistabbilixxi ċerti regoli dwar l-ispezzjonijiet mwettqa mill-esperti veternarji tal-Kummissjoni u tistabbilixxi l-unitajiet veterinarji fi TRACES (ĠU L 296, 12.11.2009, p. 1).
( 3 ) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 206/2010 tat-12 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi listi ta’ pajjiżi terzi, territorji jew partijiet minnhom awtorizzati għall-introduzzjoni fl-Unjoni Ewropea ta annimali partikulari u laħam frisk u r-rekwiżiti relatati maċ-ċertifikazzjoni veterinarja (ĠU L 73, 20.3.2010, p. 1).