2013D0184 — MT — 23.04.2016 — 003.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/184/PESK

tat-22 ta’ April 2013

dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK

(ĠU L 111 23.4.2013, p. 75)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

 M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/214/PESK tal-14 ta' April 2014

  L 111

84

15.4.2014

 M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2015/666 tat-28 ta' April 2015

  L 110

14

29.4.2015

►M3

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2016/627 tal-21 ta' April 2016

  L 106

23

22.4.2016




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/184/PESK

tat-22 ta’ April 2013

dwar il-miżuri restrittivi kontra l-Mjanmar/Burma u li tħassar id-Deċiżjoni 2010/232/PESK



Artikolu 1

1.  Għandhom jiġu pprojbiti l-bejgħ, il-provvista, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' armi u materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir u partijiet ta' rikambju paramilitari għal dawk imsemmija hawn qabel, kif ukoll tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, lill-Mjanmar/Burma miċ-ċittadini tal-Istati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew li jużaw il-bastimenti jew l-inġenji tal-ajru irreġistrati bil-bandiera tagħhom, sew jekk joriġinaw fit-territorji tagħhom u sew jekk le.

2.  Għandu jiġi pprojbit:

(a) il-forniment ta' assistenza teknika, servizzi ta' senserija u servizzi oħra relatati ma' attivitajiet militari u mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta' armi u ta' materjal relatat ta' kull tip, inklużi armi u munizzjon, vetturi u tagħmir militari, tagħmir paramilitari, u partijiet ta' rikambju għal dawn imsemmija hawn qabel, kif ukoll għal tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, direttament jew indirettament fuq kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

(b) il-forniment ta' finanzjament jew assistenza finanzjarja relatati ma' attivitajiet militari, inklużi b'mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta' kreditu għall-esportazzjoni għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' armi u materjal relatat, kif ukoll ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, jew għall-forniment ta' assistenza teknika, senserija u servizzi oħra relatati direttament jew indirettament lil kwalunkwe persuna, entità jew korp fi, jew għall-użu fil-Mjanmar/Burma;

(c) il-parteċipazzjoni, konxjament u intenzjonalment, f'attivitajiet li l-objettiv jew l-effett tagħhom ikun li jiġu evitati l-projbizzjonijiet imsemmija fil-punt (a) jew (b).

Artikolu 2

1.  L-Artikolu 1 m’għandux japplika għal:

(a) il-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir militari li mhux letali, jew ta' tagħmir li jista' jintuża għar-repressjoni interna, maħsub biss għal użu umanitarju jew protettiv, jew għal programmi tan-NU u tal-UE għall-bini ta’ istituzzjonijiet, jew ta’ materjal maħsub għal operazzjonijiet tal-UE u n-NU għall-maniġġar ta’ kriżijiet;

(b) il-bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta' tagħmir għat-tneħħija ta' mini u materjal għall-użu f'operazzonijiet tat-tneħħija ta' mini;

(c) il-forniment ta' finanzjament u assistenza finanzjarja relatata ma' tali tagħmir jew ma' tali programmi u operazzjonijiet;

(d) il-forniment ta' assistenza teknika konnessa ma' tali tagħmir, jew ma' tali programmi u operazzjonijiet,

bil-kondizzjoni li tali esportazzjonijiet ikunu ġew approvati minn qabel mill-awtorità kompetenti rilevanti.

2.  L-Artikolu 1 m'għandux japplika għal ilbies protettiv, inklużi ġkieket rinfurzati u elmi militari, esportati temporanjament lejn il-Mjanmar/Burma mill-persunal tan-NU, persunal tal-UE jew l-Istati Membri tagħha, rappreżentanti tal-medja u l-ħaddiema umanitarji u dawk għall-iżvilupp u persunal assoċjat għall-użu personali tagħhom biss.

▼M3

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-30 ta' April 2017. Għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif xieraq, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma jkunux intlaħqu.

▼B

Artikolu 4

Id-Deċiżjoni 2010/232/PESK hija b'dan imħassra.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 105, 27.4.2010, p. 22.