02013D0034 — MT — 23.03.2020 — 006.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/34/PESK tas-17 ta’ Jannar 2013 (ĠU L 014 18.1.2013, p. 19) |
Emendata bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
L 332 |
18 |
11.12.2013 |
||
|
L 113 |
27 |
16.4.2014 |
||
|
L 78 |
74 |
24.3.2016 |
||
|
L 146 |
133 |
9.6.2017 |
||
|
L 120 |
8 |
16.5.2018 |
||
|
L 89 |
1 |
24.3.2020 |
||
Ikkoreġuta bi:
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2013/34/PESK
tas-17 ta’ Jannar 2013
dwar missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Mali (EUTM Mali)
Artikolu 1
Missjoni
1. L-Unjoni għandha twettaq missjoni ta’ taħriġ militari fil-Mali (EUTM Mali) sabiex tassisti lill-Forzi Armati tal-Mali (FAM) biex jirrestawraw il-kapaċità militari tagħhom bil-ħsieb li jkunu jistgħu jwettqu operazzjonijiet militari li jkollhom l-għan li jirrestawraw l-integrità territorjali tal-Mali u jnaqqsu t-theddida ta’ gruppi terroristiċi, u li jipprovdu assistenza militari lill-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel kif ukoll lill-forzi armati nazzjonali fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel. L-EUTM Mali ma għandhiex tkun involuta f’operazzjonijiet ta’ ġlied.
2. L-objettivi strateġiċi ta’ EUTM Mali għandhom ikunu li:
tikkontribwixxi għat-titjib tal-kapaċità operazzjonali tal-FAM taħt il-kontroll tal-awtoritajiet ċivili leġittimi tal-Mali;
tappoġġa lill-G5 tas-Saħel permezz tal-operazzjonalizzazzjoni tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel u tal-forzi armati nazzjonali fil-pajjiżi tal-G5 tas-Saħel.
3. Għall-fini tal-objettiv imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2, EUTM Mali għandha tipprovdi lill-FAM b’pariri militari, taħriġ, inkluż taħriġ qabel l-istazzjonar, edukazzjoni u mentoraġġ, permezz ta’ akkumpanjament mhux eżekuttiv sal-livell tattiku, sabiex EUTM Mali tkun tista’ ssegwi l-attivitajiet tal-FAM u tissorvelja l-prestazzjoni u l-imġiba tagħhom, inkluż fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali.
4. Għall-finijiet tal-objettiv imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2, EUTM Mali għandha tipprovdi lill-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel u lill-forzi armati nazzjonali b’pariri militari, taħriġ u mentoraġġ, permezz ta’ akkumpanjament mhux eżekuttiv sal-livell tattiku.
5. EUTM Mali għandha ssegwi approċċ gradwali u modulari għall-attivitajiet barra mill-Mali b’appoġġ għall-G5 tas-Saħel.
6. L-attivitajiet ta’ EUTM Mali għandhom jitwettqu b’koordinazzjoni u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, f’konformità mal-Approċċ Integrat tal-UE, u ma’ atturi oħra involuti fl-appoġġ lill-FAM, b’mod partikolari n-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-operazzjoni Barkhane u l-Komunità Ekonomika tal-Istati Afrikani tal-Punent (ECOWAS) biex tissaħħaħ il-koerenza tal-azzjonijiet, jiġi żgurat il-koordinament u r-riżorsi jiġu ottimizzati kif xieraq biex jinkiseb l-aħjar effett, b’rispett dovut għall-qafas istituzzjonali tal-Unjoni. Dawk l-attivitajiet għandhom jiġu appoġġati miċ-Ċellula ta’ Konsulenza u Koordinazzjoni Reġjonali (RACC) f’EUCAP Sahel Mali.
Artikolu 2
Ħatra tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE
1. Id-Direttur tal-Kapaċità Militari tal-Ippjanar u t-Tmexxija (MPCC) għandu jkun il-kmandant tal-missjoni EUTM Mali.
2. Il-Brigadier Ġeneral Peter Devogelaere huwa b'dan maħtur Kmandant tal-Forza tal-Missjoni EUTM Mali.
Artikolu 3
Għażla tal-Kwartieri Ġenerali talMissjoni
1. L-MPCC għandha tkun l-istruttura statika ta' kmand u kontroll fil-livell strateġiku militari barra miż-Żona tal-Operazzjonijiet, li hija responsabbli għall-ippjanar u t-tmexxija operazzjonali ta' EUTM Mali.
2. Il-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni EUTM Mali għandhom ikunu fil-Mali u għandhom joperaw taħt il-kmand tal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE.
3 Fl-MPCC għandha tiġi inkluża ċellola ta' appoġġ, li tkun tinsab fi Brussell, tal-Kwartieri Ġenerali tal-Forza tal-Missjoni sakemm l-MPCC tilħaq kapaċità operazzjonali sħiħa.
Artikolu 3a
Ċellula ta' proġetti
1. EUTM Mali għandu jkollha ċellula ta' proġetti għall-identifikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-proġetti. Il-Missjoni għandha, kif inhu xieraq, tikkoordina, tiffaċilita u tipprovdi pariri dwar proġetti implimentati mill-Istati Membri u Stati terzi, taħt ir-responsabbiltà tagħhom, f'oqsma relatati mal-mandat tal-Missjoni u b'appoġġ tal-objettivi tagħha.
2. Soġġett għall-paragrafu 3, il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jkun awtorizzat li jfittex rikors għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri jew Stati terzi sabiex jiġu implimentati proġetti identifikati bħala li jissupplimentaw l-azzjonijiet l-oħra ta' EUTM Mali b'mod konsistenti. F'tali każ, il-Kmandant tal-Missjoni tal-UE għandu jikkonkludi arranġament ma' dawk l-Istati, li jkopri b'mod partikolari l-proċeduri speċifiċi biex jiġi ttrattat kwalunkwe ilment minn partijiet terzi rigward danni kkawżati bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE fl-użu tal-fondi pprovduti minn dawk l-Istati.
Taħt l-ebda ċirkostanza l-Unjoni jew ir-RGħ m'għandhom jinżammu responsabbli mill-Istati kontribwenti bħala riżultat ta' atti jew ommissjonijiet mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE fl-użu tal-fondi minn dawk l-Istati.
3. Il-KPS għandu jaqbel dwar l-aċċettazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja minn Stati terzi għaċ-ċellula ta' proġetti.
Artikolu 4
Ippjanar u tnedija tal-EUTM Mali
Id-Deċiżjoni dwar it-tnedija tal-EUTM Mali għandha tiġi adottata mill-Kunsill wara l-approvazzjoni tal-Pjan tal-Missjoni u tar-Regoli tal-Kumbattiment.
Artikolu 5
Kontroll politiku u direzzjoni strateġika
1. Taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill u tar-RGħ, il-KPS għandu jeżerċita l-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika tal-missjoni militari tal-EUTM Mali. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS sabiex jieħu d-deċiżjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 38 tat-TUE. Din l-awtorizzazzjoni għandha tinkludi s-setgħat biex jiġu emendati d-dokumenti tal-ippjanar, inkluż il-Pjan tal-Missjoni, u l-Linja tal-Kmand. Hija għandha tinkludi wkoll is-setgħat biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-ħatra tal- ►M4 Kmandanti tal-Forza tal-Missjoni tal-UE ◄ sussegwenti. Is-setgħat ta’ deċiżjoni rigward l-objettivi u t-tmiem tal-EUTM Mali għandhom jibqgħu f’idejn il-Kunsill.
2. Il-KPS għandu jirrapporta lill-Kunsill f’intervalli regolari.
3. Il-KPS għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-President tal-Kumitat Militari tal-UE (EUMC) rigward it-twettiq tal-EUTM Mali. Il-KPS jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE ►M4 u l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE ◄ għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.
Artikolu 6
Direzzjoni militari
1. L-EUMC għandu jissorvelja l-eżekuzzjoni korretta tal-EUTM Malimwettqa taħt ir-responsabbiltà tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.
2. L-EUMC għandu jirċievi, f’intervalli regolari, rapporti mill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE. Huwa jista’ jistieden lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE ►M4 u l-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE ◄ għal-laqgħat tiegħu, kif adatt.
3. Il-President tal-EUMC għandu jaġixxi bħala l-punt ewlieni ta’ kuntatt mal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE.
Artikolu 7
Konsistenza fir-rispons u l-koordinazzjoni tal-Unjoni
1. Ir-RGħ għandu jiżgura l-implimetazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u jiżgura wkoll il-konsistenza tagħha mal-azzjoni esterna fl-intier tagħha tal-Unjoni, inkluż, il-programmi ta’ żvilupp tal-UE.
2. Mingħajr preġudizzju għal-linja ta' kmand, il-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE għandu jirċievi gwida politika lokali mir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel ikkoordinata mal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Unjoni f'Bamako.
3. L-EUTM Mali għandha tikkoordina mal-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni fin-Niġer (EUCAP SAHEL Niger) bil-għan li jiġu esplorati s-sinerġiji possibbli.
4. L-EUTM Mali għandha tikkoordina l-attivitajiet tagħha mal-attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri f’Mali, ma’ atturi internazzjonali oħra fir-reġjun, b’mod partikolari n-NU u l-Unjoni Afrikana (UA), ECOWAS u l-atturi bilaterali inklużi l-Istati Uniti u l-Kanada, u ma’ atturi reġjonali ewlenin.
Artikolu 8
Parteċipazzjoni ta’ Stati terzi
1. Mingħajr preġudizzju għall-awtonomija tat-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-Unjoni u għall-qafas istituzzjonali uniku tagħha, u skont il-linji gwida rilevanti tal-Kunsill Ewropew, Stati terzi jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fl-EUTM Mali.
2. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jistieden lil Stati terzi sabiex jipproponu kontribut u biex jieħu, fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Kmandant tal-Missjoni tal-UE ►M4 f'konsultazzjoni mal-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE, ◄ u l-EUMC, id-deċiżjonijiet adatti dwar l-aċċettazzjoni tal-kontributi proposti.
3. Arranġamenti dettaljati rigward il-parteċipazzjoni ta’ Stati terzi għandhom ikunu koperti minn ftehimiet konklużi skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE. Fejn l-Unjoni u Stat terz ikunu kkonkludew ftehim li jistabbilixxi qafas għall-parteċipazzjoni ta’ dan tal-aħħar f’missjonijiet ta’ maniġġar ta’ kriżi tal-Unjoni, id-dispożizzjonijiet ta’ tali ftehim għandhom japplikaw fil-kuntest tal-EUTM Mali.
4. L-Istati terzi li jagħmlu kontributi militari sinifikanti għall-EUTM Mali għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi fir-rigward tat-tmexxija ta’ kuljum tal-EUTM Mali bħall-Istati Membri li jieħdu sehem fl-EUTM Mali.
5. Il-Kunsill b’dan jawtorizza lill-KPS biex jieħu d-deċiżjonijiet adatti rigward l-istabbiliment ta’ Kumitat ta’ Kontributuri, fil-każ li xi Stati terzi jaħmlu kontributi militari sinifikanti.
Artikolu 9
Status tal-persunal immexxi mill-UE
L-istatus tal-unitajiet u l-persunal immexxija mill-UE, inklużi l-privileġġi, l-immunitajiet u l-garanziji ulterjuri meħtieġa għat-twettiq u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tagħhom jista jkun is-suġġett ta’ ftehim konkluż skont l-Artikolu 37 TUE u f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 218 TFUE.
Artikolu 10
Arranġamenti Finanzjarji
1. L-ispejjeż komuni tal-EUTM Mali għandhom jiġu amministrati skont id-Deċiżjoni 2011/871/PESK.
2. L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni tal-EUTM Mali għall-perijodu mid-19 ta' Mejju 2018 sat-18 ta' Mejju 2020 għandu jkun ta' EUR 59 743 047,00 . Il-perċentwal tal-ammont ta' referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 ( 1 ) għandu jkun ta' 0 %, u l-perċentwal għall-impenn imsemmi fl-Artikolu 34(3) ta' dik id-Deċiżjoni għandu jkun ta' 30 %.
3. L-ammont ta’ referenza finanzjarja għall-ispejjeż komuni ta’ EUTM Mali għall-perijodu mid-19 ta’ Mejju 2020 sat-18 ta’ Mejju 2024 għandu jkun ta’ EUR 133 711 059 . Il-perċentwal tal-ammont ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 25(1) tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/528 għandu jkun ta’ 15 % għall-impenji u 0 % għall-pagamenti.
Artikolu 11
Rilaxx ta’ Informazzjoni
1. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lil Stati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni, kif adatt u f’konformità mal-bżonnijiet tal-EUTM Mali, informazzjoni klassifikata tal-UE ġġenerata għall-finijiet tal-EUTM Mali, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE tal-31 ta’ Marzu 2011 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE ( 2 ):
sal-livell previst mill-ftehimiet applikabbli dwar is-sigurtà tal-informazzjoni konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istat terz ikkonċernat; jew
sal-livell “CONFIDENTIEL UE/EU CONFIDENTIAL” f’każijiet oħra.
2. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat ukoll jirrilaxxa lin-NU u lill-ECOWAS f’konformità mal-bżonnijiet operattivi tal-EUTM Mali, informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” iġġenerata għall-finijiet tal-EUTM Mali, f’konformità mad-Deċiżjoni 2011/292/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan il-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tan-NU u l-ECOWAS.
3. Fil-każ ta’ bżonn operattiv speċifiku u immedjat, ir-RGħ għandu jkun awtorizzat ukoll jirrilaxxa lill-Istat ospitanti kwalunkwe informazzjoni klassifikata tal-UE sal-livell “RESTREINT UE/EU RESTRICTED” iġġenerata għall-finijiet tal-EUTM Mali, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/292/UE. Għandhom jitfasslu arranġamenti għal dan l-għan bejn ir-RGħ u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat ospitanti.
4. Ir-RGħ għandu jkun awtorizzat jirrilaxxa lill-Istati terzi assoċjati ma’ din id-Deċiżjoni kwalunkwe dokument mhux klassifikat tal-UE marbut mad-deliberazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-EUTM Mali u li jkun kopert mill-obbligu ta’ segretezza professjonali f’konformità mal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill ( 3 ).
5. Ir-RGħ jista’ jiddelega tali setgħat imsemmija fil-paragrafi 1 sa 4, kif ukoll l-kapċità li jiġu konklużi l-arranġamenti msemmija fil-paragrafi 2 u 3 lill-persunal tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u/jew lill-Kmandant tal-Missjoni tal-UE ►M4 u/jew lill-Kmandant tal-Forza tal-Missjoni tal-UE ◄ .
Artikolu 12
Dħul fis-seħħ u terminazzjoni
1. Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
2. Il-mandat ta’ EUTM Mali għandu jasal fi tmiemu fit-18 ta’ Mejju 2024.
3. Din id-Deċiżjoni għandha tiġi mħassra mid-data tal-għeluq tal-Kwartieri Ġenerali tal-Missjonif’konformità mal-pjani approvati għat-tmiem tal-EUTM Mali, u mingħajr preġudizzju għall-proċeduri li jirrigwardaw il-verifika u l-preżentazzjoni tal-kontijiet tal-EUTM Mali, stabbiliti fid-Deċiżjoni 2011/871/PESK.
( 1 ) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/528 tas-27 ta' Marzu 2015 li tistabbilixxi mekkaniżmu sabiex jiġi amministrat il-finanzjament tal-ispejjeż komuni tal-operazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea li jkollhom implikazzjonijiet militari jew ta' difiża (Athena) u li tħassar id-Deċiżjoni 2011/871/PESK (ĠU L 84, 28.3.2015, p. 39).
( 2 ) ĠU L 141, 27.5.2011, p. 17.
( 3 ) Id-Deċizjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li tadotta r-Regoli ta’ Proċedura tal-Kunsill (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35).