2012R0284 — MT — 01.07.2012 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 284/2012

tad-29 ta’ Marzu 2012

li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 092, 30.3.2012, p.16)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 561/2012 tas-27 ta’ Ġunju 2012

  L 168

17

28.6.2012




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 284/2012

tad-29 ta’ Marzu 2012

li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima u li jħassar ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel ( 1 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza tal-Unjoni xierqa għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz biex titħares is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwalment.

(2)

Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli ta’ radjonuklidi f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun jaqbżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Tali kontaminazzjoni tista’ tikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 297/2011 tal-25 ta’ Marzu 2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima ( 2 ). Dan ir-Regolament aktar tard ġie sostitwit bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 961/2011 ( 3 ).

(3)

L-awtoritajiet Ġappuniżi pprovdew informazzjoni lill-Kummissjoni li fil-bosta kampjuni li ttieħdu tas-sake u xorb alkoħoliku ieħor (whiskey u shochu) ma nstabet l-ebda radjoattività fil-kampjuni kollha. Il-proċess tal-illustrar, il-fermentazzjoni u d-distillazzjoni jneħħi kważi kompletament ir-radjoattività mix-xorb alkoħoliku nnifsu. Il-kwistjoni se tiġi segwita mill-awtoritajiet Ġappuniżi fuq il-bażi tal-monitoraġġ kontinwu tas-sake, il-whiskey u x-shochu. Għalhekk huwa xieraq li jiġu esklużi s-sake, il-whiskey u x-shochu mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-awtoritajiet Ġappuniżi u għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li qed jimpurtaw.

(4)

Fl-24 ta’ Frar 2012, l-awtoritajiet Ġappuniżi adottaw livelli massimi ġodda għat-total taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137, biex jiġu applikati mill-1 ta’ April 2012, b’miżuri tranżitorji previsti għar-ross, iċ-ċanga u l-fażola tas-sojja u l-prodotti pproċessati minnhom, li huma aktar baxxi mil-livelli massimi stabbiliti mir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 3954/87 tat-22 ta’ Diċembru 1987, li jistabbilixxi livelli massimi permissibli ta’ kontaminazzjoni radjoattiva ta’ ikel u għalf wara aċċident nukleari jew f’kull każ ieħor ta’ emerġenza radjoloġika ( 4 ). Il-miżuri tranżitorji għaċ-ċanga ma għandhom l-ebda rilevanza għall-importazzjoni fl-Unjoni billi l-importazzjoni taċ-ċanga mill-Ġappun fl-Unjoni mhijiex permessa għal raġunijiet tas-saħħa tal-annimali u s-saħħa pubblika għajr ir-radjoattività. L-awtoritajiet Ġappuniżi għarrfu wkoll lill-Kummissjoni li l-prodotti li ma jitħallewx jitqiegħdu fis-suq Ġappuniż lanqas ma jitħallew li jiġu esportati. Għalhekk, għalkemm mhux meħtieġ għal raġunijiet ta’ sigurezza, sabiex ikun hemm konsistenza bejn il-kontrolli ta’ qabel l-esportazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Ġappuniżi u l-kontrolli fuq il-livell tar-radjonuklidi mwettqa fuq l-għalf u l-ikel li joriġinaw jew ġejjin mill-Ġappun fid-dħul tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġu applikati l-istess livelli massimi fl-Unjoni għar-radjonuklidi fl-għalf u fl-ikel mill-Ġappun bħal-livelli massimi applikabbli fil-Ġappun sakemm dawn ikunu aktar baxxi mill-valuri stabbiliti fir-Regolament (Euratom) Nru 3954/87.

(5)

Ftit wara l-aċċident nukleari, kienu meħtieġa kontrolli għall-preżenza tal-jodju-131 u t-total taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137 fl-għalf u l-ikel li joriġina mill-Ġappun, billi kien hemm evidenza li r-rilaxx tar-radjoattività fl-ambjent kien relatat l-aktar mal-jodju-131, iċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137, u kien hemm emissjoni limitata ħafna jew l-ebda emissjoni tar-radjonuklidi stronzju (Sr-90), plutonju (Pu-239) u ameriċju (Am-241). Il-jodju-131 għandu half-life qasira ta’ tmint ijiem u minħabba li ma kien hemm l-ebda rilaxx ta’ radjoattività fl-ambjent mill-impjant nukleari affettwat fix-xhur reċenti u r-reattur nukleari affettwat issa qiegħed f’sitwazzjoni stabbli u mhumiex mistennija aktar rilaxxi fl-ambjent, il-jodju-131 ma għadux preżenti fl-ambjent u għalhekk lanqas fl-għalf u l-ikel mill-Ġappun. Għalhekk il-kontroll tal-preżenza tal-jodju-131 ma kienx għadu meħtieġ mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1371/2011 tal-21 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 961/2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima ( 5 ). Għalhekk ma hemmx bżonn li jinżammu l-livelli massimi għall-jodju-131 f’dan ir-Regolament.

(6)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 ippreveda wkoll livelli massimi għall-istronzju, il-plutonju u l-ameriċju fil-każ li kien ikun hemm rilaxxi ġodda fl-ambjent ta’ radjoattività li tinkludi dawn ir-radjonuklidi. Minħabba li r-reattur nukleari affettwat issa qiegħed f’sitwazzjoni stabbli, il-possibbiltà ta’ rilaxxi ġodda ta’ radjoattività fl-ambjent hija eskluża jew hija minima ħafna u ma kien hemm l-ebda rilaxx sinifikanti fl-ambjent ta’ stronzju, plutonju u ameriċju wara l-aċċident tal-impjant nukleari, huwa evidenti li l-kontroll għall-preżenza ta’ dawn ir-radjonuklidi fl-ikel jew fl-għalf mill-Ġappun mhuwiex meħtieġ. Għalhekk ma hemmx bżonn li jinżammu l-livelli massimi għal dawn ir-radjonuklidi f’dan ir-Regolament.

(7)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 ġie emendat darbtejn sabiex iqis l-iżvilupp tas-sitwazzjoni. Minħabba li dan ir-Regolament jipprevedi għal aktar emendi li jeħtieġu bidliet f’ħafna dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament, huwa xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 jiġi sostitwit b’Regolament ġdid.

(8)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

Kamp ta’ Applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-għalf u l-ikel skont it-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (Euratom) Nru 3954/87 li joriġina jew li ġej mill-Ġappun, bl-esklużjoni ta’:

(a) il-prodotti li ħarġu mill-Ġappun qabel it-28 ta’ Marzu 2011;

(b) il-prodotti li nħasdu u/jew li ġew ipproċessati qabel il-11 ta’ Marzu 2011;

(c) is-sake li jaqa’ fil-kodiċijiet NM ex220600 39 (bil-gass), ex220600 59 (bla gass, f’kontenituri li jesgħu żewġ litri jew inqas) jew ex220600 89 (bla gass, f’kontenituri li jesgħu aktar minn żewġ litri);

(d) il-whiskey li jaqa’ fil-kodiċi NM 2208 30;

(e) ix-shochu li jaqa’ fil-kodiċi NM ex220890 56, ex220890 69, ex220890 77 jew ex220890 78.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, “miżuri tranżitorji previsti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża” tfisser il-miżuri tranżitorji adottati mill-awtoritajiet Ġappuniżi fl-24 ta’ Frar 2012 fir-rigward tal-livelli massimi għat-total taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137 kif stipulati fl-Anness III.

Artikolu 3

Importazzjoni fl-Unjoni

L-għalf u l-ikel (minn hawn ’il quddiem: “il-prodotti”) imsemmija fl-Artikolu 1 jistgħu biss jiġu impurtati fl-Unjoni Ewropea jekk jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 4

Livelli massimi taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137

1.  Il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1, għajr ir-ross, il-fażola tas-sojja u l-prodotti pproċessati minnhom, għandhom jikkonformaw mal-livell massimu għat-total taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137 kif stipulat fl-Anness II.

2.  Ir-ross u l-fażola tas-sojja u l-prodotti pproċessati minnhom għandhom jikkonformaw mal-livell massimu għat-total taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137 kif stipulat fl-Anness III.

Artikolu 5

Dikjarazzjoni

1.  Kull kunsinna ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata minn dikjarazzjoni valida mfassla u ffirmata skont l-Artikolu 6.

2.  Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a) tiċċertifika li l-prodotti jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Ġappun u

(b) tispeċifika jekk il-prodotti jaqawx jew le fil-miżuri tranżitorji previsti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża.

▼M1

3.  Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha wkoll tiċċertifika li:

(a) il-prodotti nħasdu u/jew ġew ipproċessati qabel il-11 ta’ Marzu 2011; jew

(b) il-prodotti joriġinaw u ġejjin minn prefettura oħra għajr dawk ta’ Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka u Iwate; jew

(c) il-prodotti ġejjin mill-prefetturi ta’ Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa, Shizuoka u Iwate, iżda ma joriġinawx minn waħda minn dawn il-prefetturi u ma ġewx esposti għar-radjoattività matul it-tranżitu; jew

(d) meta l-prodotti joriġinaw mill-prefetturi ta’ Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa, Shizuoka u Iwate, il-prodotti huma akkumpanjati minn rapport analitiku li jkun fih ir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi.

▼B

4.  Il-punt (d) tal-paragrafu 3 għandu japplika wkoll għall-prodotti li nqabdu jew inħasdu mill-ibħra tal-kosta tal-prefetturi msemmija hemmhekk, irrispettivament minn fejn jaslu dawn il-prodotti.

Artikolu 6

Tfassil u ffirmar tad-dikjarazzjoni

1.  Id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 għandha titfassal skont il-mudell stipulat fl-Anness I.

2.  Għall-prodotti msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-Artikolu 5(3), id-dikjarazzjoni għandha tkun iffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità Ġappuniża kompetenti jew minn rappreżentant awtorizzat ta’ entità awtorizzata mill-awtorità Ġappuniża kompetenti taħt l-awtorità u s-sorveljanza tal-awtorità kompetenti Ġappuniża.

3.  Għall-prodotti msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 5(3), id-dikjarazzjoni għandha tiġi ffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompententi Ġappuniża u għandha tkun akkumpanjata minn rapport analitiku li jkun fih ir-riżultati tat-teħid tal-kampjuni u l-analiżi.

Artikolu 7

Identifikazzjoni

Kull kunsinna tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun identifikata permezz ta’ kodiċi li għandu jkun indikat fuq id-dikjarazzjoni msemmija fl-Artikolu 5(1), fuq ir-rapport analitiku msemmi fl-Artikolu 6(3), fuq iċ-ċertifikat sanitarju u fuq kwalunkwe dokumenti kummerċjali li jakkumpanjaw il-kunsinna.

Artikolu 8

Postijiet ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera u punt tad-dħul magħżul

Il-kunsinji tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 1, għajr dawk li jaqaw fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 97/78/KE ( 6 ), għandhom jiġu introdotti fl-Unjoni permezz ta’ punt tad-dħul magħżul skont it-tifsira tal-Artikolu 3(b) tar-Regoalament tal-Kummissjoni (KE) Nru 669/2009 ( 7 ) (minn hawn ’il quddiem “il-punt tad-dħul magħżul”).

Artikolu 9

Notifika minn qabel

L-operaturi tan-negozji tal-għalf u tal-ikel jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom jagħtu notifika minn qabel tal-wasla ta’ kull kunsinna ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1, minn tal-inqas jumejn ta’ xogħol qabel il-wasla fiżika tal-kunsinna, lill-awtoritajiet kompetenti fuq il-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew fuq il-punt tad-dħul magħżul.

Artikolu 10

Kontrolli uffiċjali

1.  L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew tal-punt tad-dħul magħżul għandhom iwettqu:

(a) kontrolli tad-dokumenti fuq il-kunsinni kollha ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1;

(b) kontrolli fiżiċi u tal-identità, inkluża analiżi tal-laboratorju għall-preżenza ta’ ċesju-134 u ċesju-137, fuq minn tal-anqas:

(i) 5 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 5(3)(d); and

(ii) 10 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 5(3)(b) u (c).

2.  Il-kunsinni għandhom jinżammu taħt kontroll uffiċjali, għal massimu ta’ ħamest ijiem ta’ xogħol, sakemm ikunu disponibbli r-riżultati tal-analiżi tal-laboratorju.

3.  Jekk ir-riżultat tal-analiżi tal-laboratorju jipprovdi evidenza li l-garanziji pprovduti fid-dikjarazzjoni huma foloz, id-dikjarazzjoni titqies bħala mhux valida u l-kunsinna tal-għalf u tal-ikel ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Spejjeż

L-ispejjeż kollha li jirriżultaw mill-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 10 u kwalunkwe miżura li tittieħed wara li jkun hemm nuqqas ta’ konformità, għandhom jitħallsu mill-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel.

Artikolu 12

Rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa

Il-kunsinni jistgħu jiġu rilaxxati għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa biss jekk l-operaturi tan-negozju tal-għalf u l-ikel jew ir-rappreżentant tagħhom iressqu dikjarazzjoni lill-awtoritajiet doganali, kif imsemmi fl-Artikolu 5(1), li:

(a) tkun ġiet approvata kif dovut mill-awtorità kompetenti fil-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew fil-punt tad-dħul magħżul; u

(b) tagħti evidenza li l-kontrolli uffiċjali msemmija fl-Artikolu 10 ikunu twettqu u li r-riżultati ta’ dawn il-kontrolli kienu favorevoli.

Artikolu 13

Prodotti li mhumiex konformi

Il-prodotti li mhumiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jitqiegħdu fis-suq. Tali prodotti għandhom jintremew b’mod sigur jew jintbagħtu lura lejn il-pajjiż ta’ oriġini.

Artikolu 14

Rapporti

L-Istati Membri għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni kull xahar permezz tas-Sistema ta’ Twissija Bikrija għall-Għalf u l-Ikel (RASFF) bir-riżultati analitiċi kollha miksuba.

Artikolu 15

Revoka

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 huwa revokat.

Ir-referenzi għar-Regolament revokat għandhom jittieħdu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 16

Miżura tranżitorja

B’deroga mill-Artikolu 3, il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1 jistgħu jiġu impurtati fl-Unjoni jekk jikkonformaw mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011, fejn:

(a) il-prodotti jkunu telqu mill-Ġappun qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, jew

(b) il-prodotti jkunu akkumpanjati minn dikjarazzjoni b’mod konformi ma’ dak ir-Regolament li tkun inħarġet qabel l-1 ta’ April 2012 u l-prodotti jkunu telqu mill-Ġappun qabel il-15 ta’ April 2012

Artikolu 17

Dħul fis-seħħ u perjodu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ sal-31 ta’ Ottubru 2012. Ir-Regolament se jiġi rivedut b’mod regolari sabiex iqis l-iżvilupp tas-sitwazzjoni ta’ kontaminazzjoni.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

▼M1




ANNESS I

Dikjarazzjoni għall-importazzjoni fl-Unjoni ta'… (Prodott u pajjiż tal-oriġini)Kodiċi ta' identifikazzjoni tal-Lott …Numru tad-Dikjarazzjoni …Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 284/2012 li jimponi kundizzjonijiet speċjali li jirregolaw l-importazzjoni tal-għalf u l-ikel li joriġina jew li ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima… (ir-rappreżentant awtorizzat imsemmi fl-Artikolu 6(2) u (3))JIDDIKJARA li …… (il-prodotti msemmija fl-Artikolu 1)ta' din il-kunsinna magħmula minn: …… (deskrizzjoni tal-kunsinna, il-prodott, in-numru u t-tip tal-pakketti, il-piż gross jew nett)imbarkata fi … (il-post ta’ imbarkazzjoni)fil- … (data tal-imbarkazzjoni)minn … (identifikazzjoni tat-trasportatur)sejra lejn … (il-post u l-pajjiż tad-destinazzjoni)li ġejja mill-istabbiliment …… (l-isem u l-indirizz tal-istabbiliment)hija konformi mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-Ġappun fir-rigward tal-livelli massimi għas-somma ta' ċesju-134 u ċesju-137.JIDDIKJARA li l-kunsinna tikkonċerna l-għalf jew l-ikelli ma jaqax taħt il-miżuri ta' tranżizzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża (ara l-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 284/2012) fir-rigward tal-livell massimu għas-somma ta' ċesju-134 u ċesju-137li jaqa’ taħt il-miżuri ta' tranżizzjoni previsti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża (ara l-Anness III tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 284/2012) fir-rigward tal-livell massimu għas-somma ta' ċesju-134 u ċesju-137JIDDIKJARA li l-kunsinna tikkonċerna l-għalf jew l-ikel liinħasad u/jew ġie pproċessat qabel il-11 ta’ Marzu 2011.joriġina fi prefettura oħra jew ġej minn prefettura oħra għajr dawk ta’ Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa, Shizuoka u Iwate.ġej mill-prefetturi ta’ Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa, Shizuoka u Iwate, iżda ma joriġinax f'waħda minn dawn il-prefetturi u ma ġiex espost għar-radjoattività matul it-tranżitu.joriġina mill-prefetturi ta' Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa, Shizuoka u Iwate u tteħidlu kampjun fil- … (data), saritlu analiżi tal-laboratorju fil- … (data) fi … (isem tal-laboratorju), biex jiġi identifikat il-livell ta' radjonuklidi, ċesju-134 u ċesju-137. Ir-rapport analitiku huwa mehmuż.Magħmul fi … fil- …It-timbru u l-firma tar-rappreżentant awtorizzat imsemmi fl-Artikolu 6(2) u (3)

Din il-parti għandha timtela mill-awtorità kompetenti fil-post ta' spezzjoni fuq il-fruntiera (BIP) jew fil-punt tad-dħul magħżul (DPE)Il-kunsinna ġiet aċċettata biex tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-UnjoniIl-kunsinna MA ĠIETX aċċettata biex tiġi ppreżentata lill-awtoritajiet doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa fl-Unjoni(l-Awtorità kompetenti, l-Istat Membru)DataTimbruFirma

▼B




ANNESS II



Livelli massimi għall-ikel (1) (Bq/kg) kif previsti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża

 

Ikel għat-trabi u t-tfal żgħar

Ħalib u prodotti tal-ħalib

Ikel ieħor, għajr

— l-ilma minerali u xorb simili

— it-te magħmul minn weraq mhux fermentati

— il-fażola tas-sojja u l-prodotti tal-fażola tas-sojja (4)

Ilma minerali u xorb simili u t-te magħmul minn weraq mhux fermentati

Total taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137

50 (2)

50 (2)

100 (2)(3)

10 (2)

(1)   Għall-prodotti mnixxfa li huma maħsuba għall-konsum fi stat rikostitwit, japplika l-livell massimu għall-prodott rikostitwit bħala prodott lest għall-konsum.

(2)   Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-livelli massimi li bħalissa huma applikati fil-Ġappun, dawn il-valuri jissostitwixxu fuq bażi provviżorja, il-valuri stabbiliti fir-Regolament (Euratom) 3954/87.

(3)   Għar-ross u l-prodotti tar-ross, il-livell massimu japplika mill-1 ta’ Ottubru 2012. Qabel din id-data japplika l-livell massimu ta’ 500 Bq/kg.

(4)   Għall-fażola tas-sojja u l-prodotti tal-fażola tas-sojja japplika l-livell massimu ta’ 500 Bq/kg.



Livelli massimi għall-għalf (1) (Bq/kg) kif previsti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża

 

Għalf maħsub għall-baqar u ż-żwiemel

Għalf maħsub għall-ħnieżer

Għalf maħsub għat-tjur

Għalf għall-ħut (3)

Total taċ-ċesju-134 u ċ-ċesju-137

100 (2)

80 (2)

160 (2)

40 (2)

(1)   Il-livell massimu huwa relattiv għall-għalf li għandu kontenut ta’ umdità ta’ 12 %.

(2)   Sabiex tiġi żgurata konsistenza mal-livelli massimi li bħalissa huma applikati fil-Ġappun, dan il-valur jissostitwixxi fuq bażi provviżorja, il-valur stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (Euratom) Nru 770/90 (ĠU L 83, 30.3.1990, p. 78).

(3)   Bl-eżenzjoni tal-għalf għall-ħut tat-tiżjin.




ANNESS III

Miżuri tranżitorji previsti fil-leġiżlazzjoni Ġappuniża u ta’ applikazzjoni għal dan ir-Regolament

(a) Il-ħalib u l-prodotti tal-ħalib, l-ilma minerali u xorb simili li huma manifatturati u/jew ipproċessati qabel il-31 ta’ Marzu 2012 ma għandux ikun fihom aktar minn 200 Bq/kg ta’ ċesju radjoattiv. Ikel ieħor, għajr ir-ross, il-fażola tas-sojja u l-prodotti pproċessati minnhom li huma manifatturati u/jew ipproċessati qabel il-31 ta’ Marzu 2012 ma għandux ikun fihom aktar minn 500 Bq/kg ta’ ċesju radjoattiv.

(b) Ir-ross maħsud qabel it-30 ta’ Settembru 2012 ma għandux ikun fih aktar minn 500 Bq/kg ta’ ċesju radjoattiv.

(c) Il-prodotti magħmula mir-ross li huma manifatturati u/jew ipproċessati qabel it-30 ta’ Settembru 2012 ma għandux ikun fihom aktar minn 500 Bq/kg ta’ ċesju radjoattiv.

(d) Il-fażola tas-sojja ma għandux ikun fiha aktar minn 500 Bq/kg ta’ ċesju radjoattiv.

(e) Il-prodotti magħmula mill-fażola tas-sojja ma għandux ikun fihom aktar minn 500 Bq/kg ta’ ċesju radjoattiv.



( 1 ) ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

( 2 ) ĠU L 80, 26.3.2011, p. 5.

( 3 ) ĠU L 252, 28.9.2011, p. 10.

( 4 ) ĠU L 371, 30.12.1987, p. 11.

( 5 ) ĠU L 341, 22.12.2011, p. 41.

( 6 ) ĠU L 24, 30.1.1998, p. 9.

( 7 ) ĠU L 194, 25.7.2009, p. 11.