2012D0699 — MT — 01.12.2014 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/699/PESK

tat-13 ta’ Novembru 2012

dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

(ĠU L 314, 14.11.2012, p.27)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2014/861/PESK tal-1 ta' Diċembru 2014

  L 346

35

2.12.2014




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/699/PESK

tat-13 ta’ Novembru 2012

dwar l-appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) u l-Artikolu 31(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-12 ta' Diċembru 2003, il-Kunsill Ewropew adotta l-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva ("l-Istrateġija"), li l-Kapitolu III tagħha fih lista ta' miżuri li jeħtieġ li jittieħdu kemm fl-Unjoni kif ukoll f'pajjiżi terzi sabiex tiġi miġġielda tali proliferazzjoni.

(2)

L-Unjoni qed timplimenta b'mod attiv l-Istrateġija u qed tagħti effett lill-miżuri elenkati fil-Kapitolu III tagħha, b'mod partikolari billi jiġu rilaxxati riżorsi finanzjarji b'appoġġ għal proġetti speċifiċi mmexxija minn istituzzjonijiet multilaterali, bħas-Segretarjat Tekniku Proviżorju tal-Organizzazzjoni tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBTO).

(3)

Fis-17 ta' Novembru 2003, il-Kunsill adotta l-Pożizzjoni Komuni 2003/805/PESK fuq l-universalità u t-tisħiħ tal-ftehim multilaterali fil-qasam tal-kontroll tal-armi nukleari għad-distruzzjoni tal-massa u l-mod tat-trasport tagħhom ( 1 ). Dik il-Pożizzjoni Komuni tappella, fost l-oħrajn, għall-promozzjoni tal-iffirmar u r-ratifika tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT).

(4)

L-Istati Firmatarji tas-CTBT iddeċidew li jistabbilixxu Kummissjoni Preparatorja, li għandha kapaċità ġuridika, u li għandha pożizzjoni bħala organizzazzjoni internazzjonali, bil-għan li twettaq l-implimentazzjoni effettiva tas-CTBT, sakemm tiġi stabbilita s-CTBTO.

(5)

Id-dħul fis-seħħ bikri u l-universalizzazzjoni tas-CTBT u t-tisħiħ tas-sistema ta' monitoraġġ u 'verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO huma objettivi importanti tal-Istrateġija. F'dan il-kuntest, il-provi nukleari mwettqin mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea f'Ottubru 2006 u f'Mejju 2009 enfasizzaw aktar l-importanza tad-dħul fis-seħħ bikri tas-CTBT u l-ħtieġa li s-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBTO tinbena u tissaħħaħ b'rata aktar mgħaġġla.

(6)

Il-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO hija impenjata fl-identifikazzjoni tal-aħjar mod kif jista' jissaħħaħ ir-reġim ta' verifika tagħha, inkluż permezz tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' monitoraġġ ta' gass nobbli u sforzi bil-għan li jinvolvu bis-sħiħ l-Istati Firmatarji tas-CTBT fl-implimentazzjoni tar-reġim ta' verifika.

(7)

Fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija, il-Kunsill adotta tliet Azzjonijiet Konġunti u Deċiżjoni waħda li jappoġġaw l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO, jiġifieri l-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK ( 2 ) fil-qasam tat-taħriġ u tal-iżvilupp ta' kapaċitajiet għall-verifika, u l-Azzjoni Konġunta 2007/468/PESK ( 3 ), l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK ( 4 ) u d-Deċiżjoni 2010/461/PESK ( 5 ) sabiex jissaħħu l-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

(8)

Dak l-appoġġ tal-Unjoni għandu jitkompla.

(9)

L-implimentazzjoni teknika ta' din id-Deċiżjoni għandha tiġi fdata lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO li, abbażi tal-kompetenza esperta u l-kapaċitajiet uniċi tagħha bis-saħħa tan-netwerk tas-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ (li tinkludi aktar minn 280 faċilità f'85 pajjiż) u taċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data, hija l-unika organizzazzjoni internazzjonali li għandha l-kapaċità u l-leġittimità li timplimenta din id-Deċiżjoni. Il-proġetti kif appoġġati mill-Unjoni jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta' kontribuzzjoni extrabaġitarja lill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

1.  Għall-fini li tiġi żgurata l-implimentazzjoni kontinwa u prattika ta' ċerti elementi tal- Istrateġija, l-Unjoni għandha tappoġġa l-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sabiex isir aktar progress lejn l-objettivi li ġejjin:

(a) it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT, inkluż fil-qasam tar-rilevament radjunuklidu;

(b) it-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Istati Firmatarji tas-CTBT biex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet ta' verifika tagħhom skont is-CTBT u biex ikunu jistgħu jibbenefikaw bis-sħiħ mill-parteċipazzjoni fir-reġim tas-CTBT.

2.  Il-proġetti li għandhom jiġu appoġġati mill-Unjoni għandu jkollhom l-objettivi speċifiċi li ġejjin:

(a) li tingħata assistenza teknika lill-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, l-Amerika Latina u l-Karibew, l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed biex ikunu jistgħu jipparteċipaw u jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT;

(b) li tiġi appoġġata s-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ sabiex jitjieb r-rilevament tal-isplużjonijiet nukleari possibbli, b'mod speċifiku bl-appoġġ għall-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji magħżula u l-kejl u l-mitigazzjoni ta' sfond tar-radjukseno;

(c) li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' verifika tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO fl-oqsma tal-ispezzjonijiet fuq il-post, speċifikament billi jiġu appoġġati t-tħejjija u t-twettiq tal-Eżerċizzju Integrat fil-Post li jmiss;

(d) li tiġi appoġġata l-promozzjoni tas-CTBT u s-sostenibbiltà fit-tul tar-reġim ta' verifika tiegħu permezz tal-Inizjattiva għall-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet, li hija ffukata fuq programmi partikolari ta' taħriġ u edukazzjoni pprovduti mad-dinja kollha, inklużi programmi ospitati mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

Dawk il-proġetti għandhom jitwettqu għall-benefiċċju tal-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT.

Deskrizzjoni dettaljata tal-proġetti hija mniżżla fl-Anness.

Artikolu 2

1.  Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà ("ir-Rappreżentant Għoli) għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni ta" din id-Deċiżjoni.

2.  L-implimentazzjoni teknika tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandha titwettaq mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Hija għandha twettaq dan il-kompitu taħt il-kontroll tar-Rappreżentant Għoli. Għal dan il-għan, ir-Rappreżentant Għoli għandu jidħol fl-arranġamenti meħtieġa mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO.

Artikolu 3

1.  L-ammont ta' referenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2) għandu jkun ta' EUR 5 185 028 .

2.  In-nefqa ffinanzjata mill-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 għandha tkun amministrata skont il-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit tal-Unjoni.

3.  Il-Kummissjoni għandha tissorvelja l-ġestjoni adatta tal-ammont ta' referenza finanzjarja msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak l-għan, hija għandha tikkonkludi ftehim ta' finanzjament mal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Il-ftehim ta' finanzjament għandu jistipula li l-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO għandha tiżgura l-viżibbiltà tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, skont id-daqs tagħha.

4.  Il-Kummissjoni għandha tistinka biex tikkonkludi l-ftehim ta' finanzjament imsemmi fil-paragrafu 3 malajr kemm jista' jkun wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni. Hija għandha tinforma lill-Kunsill bi kwalunkwe diffikultajiet f'dak il-proċess u bid-data tal-konklużjoni tal-ftehim finanzjarju.

Artikolu 4

1.  Ir-Rappreżentant Għoli għandu jirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni abbażi ta' rapporti regolari mħejjijin mill-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO. Dawk ir-rapporti għandhom jiffurmaw il-bażi għall-evalwazzjoni mwettqa mill-Kunsill.

2.  Il-Kummissjoni għandha tipprovdi informazzjoni dwar l-aspetti finanzjarji tal-implimentazzjoni tal-proġetti msemmijin fl-Artikolu 1(2). Gkg589565f

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

▼M1

Hija għandha tiskadi 36 xahar wara d-data tal-konklużjoni tal-ftehim ta' finanzjament imsemmi fl-Artikolu 3(3).

▼B




ANNESS

Appoġġ tal-Unjoni għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO sabiex issaħħaħ il-kapaċitajiet ta' monitoraġġ u verifika tagħha, ittejjeb il-prospettiva ta' dħul fis-seħħ bikri u tappoġġa l-universalizzazzjoni tas-CTBT u fil-qafas tal-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva

1.   INTRODUZZJONI

L-iżvilupp ta' sistema ta' monitoraġġ u verifika li taħdem sewwa tal-Kummissjoni Preparatorja tas-CTBTO ("il-Kummissjoni Preparatorja") hija element kruċjali għat-tħejjija tal-implimentazzjoni tas-CTBT ladarba tkun daħlet fis-seħħ. L-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja fil-qasam tal-monitoraġġ tal-gass nobbli huwa għodda importanti biex jiġi vvalutat jekk splużjoni osservata hix test nukleari jew le. Barra minn hekk, l-operabbiltà u l-prestazzjoni tas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT tiddependi fuq il-kontribuzzjoni tal-Istati Firmatarji għas-CTBT. Għalhekk, huwa importanti li l-Istati Firmatarji tas-CTBT jitħallew jipparteċipaw fi u jikkontribwixxu bis-sħiħ għas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT. Il-ħidma li saret fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni ser tkun importanti wkoll għat-titjib tal-prospettiva ta' dħul fis-seħħ bikri u l-universalizzazzjoni tas-CTBT.

Il-proġetti deskritti f'din id-Deċiżjoni ser jikkontribwixxu b'mod sinifikanti sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva.

Għal dan il-għan, l-Unjoni ser tappoġġa s-sitt proġetti li ġejjin:

(1) tipprovdi assistenza teknika u tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-Istati Firmatarji tas-CTBT biex dawn ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fi u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tar-reġim ta' verifika tas-CTBT;

(2) tiżviluppa kapaċità għall-ġenerazzjonijiet futuri ta' Esperti tas-CTBT permezz tal-Inizjattiva għall-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet (CDI);

(3) ittejjeb il-Mudell tat-Trasport Atmosferiku (ATM);

(4) tikkaratterizza u ttaffi r-radjukseno;

(5) tappoġġa l-Eżerċizzju Integrat fil-Post tal-2014 (IFE14) permezz tal-iżvilupp ta' impjant multispettrali integrat;

(6) ittejjeb is-sostenn tal-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji tas-Sistema Internazzjonali ta' Monitoraġġ (IMS).

Il-prospetti tad-dħul fis-seħħ tas-CTBT tjiebu minħabba ambjent politiku aktar favorevoli, li jidher ukoll bil-firem ġodda reċenti u r-ratifiki tas-CTBT, inkluż mill-Indonesja, wieħed mill-pajjiżi elenkati fl-Anness 2 għas-CTBT. Minħabba din id-dinamika pożittiva, fis-snin li ġejjin jeħtieġ li jkun hemm fokus miżjud u urġenti kemm fuq it-tlestija tal-iżvilupp tas-sistema ta' verifika tas-CTBT kif ukoll fuq l-iżgurar tal-prontezza u l-kapaċità operattiva tagħha kif ukoll it-tkomplija tal-ħidma lejn id-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tas-CTBT. Il-provi nukleari mwettqin mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea f'Ottubru 2006 u f'Mejju 2009 mhux biss urew l-importanza ta' projbizzjoni universali tat-testijiet nukleari, iżda enfasizzaw ukoll il-ħtieġa għal sistema ta' verifika effettiva għall-monitoraġġ tal-konformità ma' tali projbizzjoni. Reġim ta' verifika tas-CTBT kompletament operattiv u kredibbli jipprovdi lill-komunità internazzjonali b'mezzi indipendenti u affidabbli biex jiġi żgurat li din il-projbizzjoni tiġi rrispettata.

Barra minn hekk, id-data tas-CTBTO għandha wkoll rwol kruċjali fit-twissija fil-ħin ta' tsunami u l-valutazzjoni tat-tixrid ta' emissjonijiet radjoattivi wara l-aċċident nukleari ta' Fukushima ta' Marzu 2011.

L-appoġġ għal dawk il-proġetti jirrinforza l-objettivi tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni. L-implimentazzjoni ta' dawk il-proġetti kumplessi ser tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tat-tweġibiet multilaterali effettivi għall-isfidi attwali tas-sigurtà. B'mod partikolari, dawk il-proġetti ser jiffavorixxu l-objettivi tal-Istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni ta' Armi ta' Qerda Massiva, inkluż kemm biex tiġi universalizzata u jissaħħu aktar in-normi fis-CTBT kif ukoll is-sistema ta' verifika tagħha. Il-Kummissjoni Preparatorja qiegħda tibni IMS biex tiżgura li l-ebda splużjoni nukleari ma tibqa' mhux rilevata. Fuq il-bażi tal-kompetenza esperta unika tagħha permezz ta' netwerk dinji, li jinkludi aktar minn 280 faċilità f'85 pajjiż, u ċ-Ċentru Internazzjonali tad-Data (IDC), il-Kummissjoni Preparatorja hija l-unika organizzazzjoni bil-kapaċità li timplimenta dawk il-proġetti, li jistgħu jiġu ffinanzjati biss permezz ta' kontribuzzjoni extrabaġitarja lill-Kummissjoni Preparatorja.

Fl-Azzjoni Konġunta 2006/243/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2007/468/PESK, l-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK u d-Deċiżjoni 2010/461/PESK, l-Unjoni appoġġat is-segwenti: l-istabbiliment ta' programm ta' taħriġ fl-E-learning, l-Eżerċizzju Integrat fil-Post tal-2008 fir-rigward tal-Ispezzjonijiet Fuq il-Post (OSI), il-Valutazzjoni u l-Kejl tar-Radjukseno, l-assistenza teknika lill-Afrika u lill-Amerika Latina u l-Karibew, l-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji, it-tisħiħ tal-kooperazzjoni mal-komunità xjentifika u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-OSI bl-iżvilupp ta' sistema ta' rilevament tal-gass nobbli. Il-proġetti deskritti f'din id-Deċiżjoni jibnu fuq il-proġetti preċedenti ta' Azzjoni Konġunta u l-progress li sar permezz tal-implimentazzjoni tagħhom. Il-proġetti deskritti f'din id-Deċiżjoni kienu ġew elaborati b'tali mod li tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni potenzjali mad-Deċiżjoni 2010/461/PESK. Xi wħud minnhom fihom elementi li huma simili għall-attivitajiet li saru taħt l-Azzjonijiet Konġunti preċedenti, iżda li huma differenti fl-ambitu materjali jew huma mmirati għal pajjiżi jew reġjuni riċeventi differenti.

Is-sitt proġetti b'appoġġ għall-attivitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja msemmijin hawn fuq ser jiġu implimentati u ġestiti mis-Segretarjat Tekniku Proviżorju (PTS) tiegħu.

2.   DESKRIZZJONI TAL-PROĠETTI

2.1.    Proġett 1: Assistenza Teknika u Tisħiħ tal-Kapaċitajiet

2.1.1.    Sfond

Waħda mill-karatteristiċi uniċi tar-reġim ta' verifika tas-CTBT fis-sistema ta' nonproliferazzjoni u diżarm hija l-għoti f'ħin reali ta' informazzjoni rilevanti għall-konformità direttament lill-Istati Firmatarji tas-CTBT. Flimkien mal-għan primarju tal-verifika tas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT, it-teknoloġiji u d-data tal-IMS huma ta' użu konsiderevoli għall-aġenziji ċivili u tal-gvern fl-analiżi tagħhom ta' (pereżempju) terremoti, żbroffi ta' vulkani, splużjonijiet taħt l-ilma, tibdil fil-klima u tsunamis.

Filwaqt li l-interess fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istabbiliment ta' Ċentri Nazzjonali tad-Data (NDCs) kiber b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin — mill-2008 kien hemm żieda ta' madwar 36 abbonat għall-IDC — bosta pajjiżi li qed jiżviluppaw għad m'għandhomx aċċess sħiħ għas-sistema ta' monitoraġġ u verifika tas-CTBT.

Għalhekk, qed isiru sforzi addizzjonali mill-Kummissjoni Preparatorja biex jiżdied l-għadd ta' NDCs stabbiliti, l-għadd ta' Kontijiet Firmatarji Siguri u l-għadd ta' utenti awtorizzati. B'mod partikolari, it-62 Stat Firmatarju tas-CTBT li baqa' li għad m'għandhomx aċċess għad-Data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC huma mmirati (25 fl-Afrika, 9 fl-Amerika Latina, 6 fil-Lvant Nofsani u l-Asja tan-Nofsinhar, 12 fl-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed, 3 fl-Ewropa tal-Lvant u 7 fl-Amerika ta' Fuq u fl-Ewropa tal-Punent). Dawn l-isforzi huma diretti lejn dawk li jeħtieġu l-appoġġ tekniku sabiex jiżdied l-użu tagħhom ta' din id-data u dawn il-prodotti.

Biex jiġu sostnuti l-attivitajiet tal-NDCs, ir-riżorsi meħtieġa għall-operazzjoni tal-faċilità għandhom jiġu pprovduti mill-pajjiżi riċeventi. L-impenn tal-pajjiżi li jirċievu jitqies bħala prerekwiżit għas-suċċess ta' dan il-proġett.

Dan il-proġetti jikkonsisti minn erba' komponenti komplementari li ser itejbu l-ambitu u l-firxa tal-kapaċitajiet għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet eżistenti tal-Kummissjoni Preparatorja. Dan il-proġett jibni fuq il-qafas eżistenti tal-proviżjoni ta' taħriġ fit-tisħiħ tal-kapaċitajiet u ta' tagħmir lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bl-inklużjoni ta' pajjiżi u reġjuni li għadhom ma bbenefikawx minn tali appoġġ, u billi jitwessa' l-ambitu biex jinkludi wkoll it-taħriġ dwar il-monitoraġġ radjunuklidu u l-ATM. Ser jiġi żviluppat u promoss software biex tiġi pproċessata d-data fil-forma ta' mewġa mid-data sismika, idroakustika u infrasound f'ħin reali. Programm ġdid ta' boroż ta' studju ser irawwem l-iskambju tal-għarfien u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati, filwaqt li r-riċerka u l-kollaborazzjoni xjentifika ser tiġi appoġġata miċ-Ċentru ta' Sfruttament tad-Data Virtwali (vDEC).

2.1.2.    Ambitu tal-Proġett

Dan il-proġett jikkonsisti mill-erba' komponenti li ġejjin li ser jitwettqu b'mod integrat sabiex jirrinfurzaw lil xulxin:

1. Komponent 1:

L-integrazzjoni tal-Istati Firmatarji tas-CTBT fl-Ewropa tal-Lvant, l-Amerika Latina u l-Karibew, l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed, biex ikunu jistgħu jipparteċipaw fi u jikkontribwixxu bis-sħiħ għall-implimentazzjoni tar-reġim ta' verifika tas-CTBT u r-rispons ta' emerġenza, kif ukoll għall-iżvilupp xjentifiku relatat.

2. Komponent 2:

L-iżvilupp u l-promozzjoni tal-pakkett tas-software Seiscomp 3 (SC3) għall-NDCs biex jipproċessaw it-tipi kollha ta' data fil-forma ta' mewġa f'ħin reali.

3. Komponent 3:

L-iżvilupp u l-promozzjoni ta' programm ta' boroż ta' studju biex titwessa' l-bażi tal-għarfien u l-fehim tal-Kummissjoni Preparatorja bl-użu tal-għarfien u l-kompetenza esperta żviluppata mill-persunal fl-NDCs u l-Operaturi tal-Istazzjonijiet, u biex jgħinu fit-trawwim tal-iskambju tal-għarfien u l-kollaborazzjoni bejn l-Istati, fejn il-PTS jaġixxi bħala koordinatur.

4. Komponent 4:

L-appoġġ u l-promozzjoni tal-vDEC, li huwa pjattaforma għar-riċerka u l-kollaborazzjoni xjentifika bl-użu ta' data tal-IMS u prodotti tal-IDC.

Dan il-komponent huwa segwitu għall-programmi ta' assistenza teknika tal-Kummissjoni Preparatorja u ser jestendi l-assistenza teknika għal pajjiżi oħrajn fl-Amerika Latina u l-Karibew, u għal żewġ reġjuni oħrajn (l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed).

Il-PTS ser jidentifika u jipprovdi esperti tekniċi bħala konsulenti li ser jikkoordinaw l-attivitajiet kollha tagħhom f'konsultazzjoni mat-tmexxija tal-IDC, u bl-approvazzjoni tagħha. Dan il-komponent ser jinkludi t-tliet elementi li ġejjin:

Element 1: Evalwazzjoni komprensiva: Ser titwettaq evalwazzjoni fl-Istati riċeventi potenzjali bl-objettiv li tivvaluta s-sensibilizzazzjoni dwar u l-użu tad-data u l-prodotti tal-PTS. Dan ser jinvolvi evalwazzjoni tal-uffiċċju u, fejn meħtieġ, żjarat lill-pajjiżi riċeventi, sabiex wieħed jifhem il-ħtiġijiet u l-perċezzjonijiet attwali, u sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar id-data u l-prodotti tal-PTS, inkluż l-użu potenzjali tagħhom għal skopijiet ċivili u xjentifiċi. Barra minn hekk, ser jiġu stabbiliti kuntatti ma' istituzzjonijiet rilevanti oħrajn f'kull pajjiż li jista' jibbenefika mill-użu tad-data u l-prodotti tal-PTS. Ser jiġi ffaċilitat in-netwerking bejn l-Awtorità Nazzjonali u l-istituzzjonijiet rilevanti, fejn adatt. F'każijiet fejn hemm NDC, ser jiġi vvalutat l-istatus ta' kull NDC f'termini ta' persunal u infrastruttura (inkluża l-infrastruttura tal-kompjuters u tal-internet), sabiex jitfasslu attivitajiet prijoritarji. Sabiex jiġi ffaċilitat l-aħjar impatt tal-komponent 2, ser tingħata attenzjoni speċjali għall-firxa u l-użu attwali ta' SC3.

Fejn adatt, l-evalwazzjoni msemmija hawn fuq ser tkun ikkomplementata minn workshops reġjonali. Tali workshops ser jagħtu l-opportunità li jiġu spjegati r-rwol u l-funzjonijiet tal-NDCs fil-qafas tas-CTBT, u li jiġu vvalutati l-livell ta' għarfien u l-ħtiġijiet fil-pajjiżi parteċipanti.

Element 2: Taħriġ u appoġġ tekniku: Ser isiru sessjonijiet ta' taħriġ reġjonali, li ser jgħaqqdu flimkien parteċipanti mill-istituzzjonijiet identifikati fl-element 1. Dan it-taħriġ ser jipprovdi istruzzjoni teknika dwar id-data u l-prodotti tal-PTS. Matul dan it-taħriġ, il-parteċipanti ser jaħdmu b'software tal-PTS żviluppat għall-NDCs, li jista' jintuża għall-aċċess u l-analiżi tad-data u l-prodotti tal-PTS.

L-ambitu ser jitwessa' biex ikopri r-radjunuklidi u t-teknoloġiji rigward l-ATM. Barra minn hekk, xi pajjiżi ser jagħmlu parti mill-proġett pilota ta' SC3 (kif deskritt fil-komponent 2). Dan it-taħriġ ser jipprovdi wkoll opportunità biex titrawwem kooperazzjoni fost il-persunal tekniku f'istituzzjonijiet rilevanti fir-reġjun.

Sussegwentement, ser jingħata appoġġ tekniku estiż lil NDCs magħżulin biex jgħinu fl-applikazzjoni ta' lezzjonijiet misluta mit-taħriġ reġjonali għal NDCs speċifiċi. Dan l-appoġġ ser jiġi adattat apposta abbażi tal-ħtiġijiet tal-NDC, is-sett ta' ħiliet tal-persunal tal-NDC u b'kont meħud ta' speċifiċitajiet oħra (l-oqsma ta' applikazzjoni tad-data u l-prodotti, il-lingwi, eċċ.). Il-parteċipanti ser jinstallaw u jikkonfiguraw software tal-NDC bl-assistenza tal-espert tekniku u ser jistabbilixxu reġim ta' ksib, proċessar, analiżi u rappurtar tad-data fuq il-bażi ta' rutina skont il-ħtiġijiet tal-Awtorità Nazzjonali. Barra minn hekk, ċerti pajjiżi ser jingħataw tagħmir bażiku tal-NDC, inkluż hardware tal-kompjuters u periferali, skont il-ħtiġijiet ivvalutati tagħhom. Jekk jiġi pprovdut it-tagħmir, jiġu wkoll ipprovdut taħriġ mill-espert tekniku fuq l-installazzjoni, il-manutenzjoni u t-tħaddim ta' dak it-tagħmir.

Element 3: Segwitu: Biex jikkonsolidaw il-ħiliet miksuba u/jew jagħlqu l-vojt li jifdal, ser isiru żjarat ta' segwitu lejn il-pajjiżi riċeventi biex jivvalutaw kif il-parteċipanti qed jużaw dak li tgħallmu fis-sessjonijiet tat-taħriġ fl-Element 2. L-objettiv ta' dawn iż-żjarat ta' segwitu hu li jiġi żgurat li l-persunal tekniku lokali jista' juża d-data u l-prodotti tal-PTS fuq bażi ta' rutina.

Dawn iż-żjarat ser ikunu adattati apposta abbażi tal-ħtiġijiet u l-ħiliet lokali, bil-ħsieb tas-sostenibbiltà, sabiex l-attivitajiet ikomplu anke wara li jintemm dan il-proġett. Rapport komprensiv konklużiv għal kull pajjiż riċeventi ser jifforma l-bażi biex l-attivitajiet ikomplu jiġu segwiti f'kull pajjiż.

Bħal fid-Deċiżjoni 2010/461/PESK, dan il-proġett ser jinvolvi l-għoti ta' taħriġ għall-gruppi reġjonali fl-ipproċessar tad-data tal-IMS u l-analiżi tal-prodotti tal-IDC, kif ukoll l-għoti ta' tagħmir bażiku fejn meħtieġ. Jekk fattibbli, ser jitfasslu taħriġ imfassal u attivitajiet ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet għall-pajjiżi riċeventi li fihom ġew identifikati u vvalutati ħtiġijiet partikolari fir-rigward tal-istabbiliment tal-NDC u l-Kontijiet Firmatarji Siguri, kif ukoll benefiċċji ċivili u xjentifiċi.

L-attivitajiet kollha fil-pajjiżi riċeventi ser jitwettqu f'kooperazzjoni mill-qrib ma', u b'appoġġ minn, il-PTS biex jiġu żgurati l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tat-taħriġ u sforzi oħrajn ta' tisħiħ tal-kapaċitajiet li saru f'dan il-proġett. Barra minn hekk, dan ser jiżgura armonizzazzjoni adegwata mal-attivitajiet li saru fid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill/l-Azzjonijiet Konġunti preċedenti u fil-qafas tal-mandat tal-Kummissjoni Preparatorja.

B'applikazzjoni tal-kriterji msemmija hawn fuq, il-PTS jipprevedi attivitajiet f'kemm jista' jkun mill-pajjiżi li ġejjin, soġġett għal valutazzjoni minn qabel mill-PTS tal-fattibbiltà meta jitqiesu l-kondizzjonijiet lokali li jipprevalu f'dak iż-żmien:

(i) fl-Amerika Latina u l-Karibew: L-Istati elenkati, iżda mhux magħżulin għad-Deċiżjoni 2010/461/PESK (Antigwa u Barbuda, il-Barbados, il-Baħamas, il-Beliże, il-Bolivja, il-Kosta Rika, ir-Repubblika Dominikana, l-Ekwador, El Salvador, Grenada, il-Gwatemala, il-Gujana, Ħaiti, il-Ħonduras, il-Ġamajka, il-Panama, il-Paragwaj, is-Surinam u l-Urugwaj); kif ukoll il-Brażil, iċ-Ċilì, il-Kolombja, Kuba, Dominika, il-Messiku, in-Nikaragwa, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, Trinidad u Tobago, u l-Venezwela;

(ii) fl-Ewropa tal-Lvant: l-Albanija, l-Armenja, l-Azerbajġan, il-Bjelorussja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Bulgarija, il-Kroazja, l-Estonja, il-Ġeorġja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Litwanja, il-Montenegro, il-Polonja, ir-Repubblika tal-Moldova, ir-Rumanija, is-Serbja, is-Slovakkja u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja;

(iii) fl-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed: il-Brunej Darussalam, il-Kambodja, il-Gżejjer Cook, il-Fiġi, il-Kiribati, ir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos, il-Gżejjer Marshall, l-Istati Federali tal-Mikroneżja, il-Mongolja, il-Mjanmar, Nauru, Nju, il-Palaw, il-Papwa Ginea Ġdida, il-Filippini, Samoa, Singapor, il-Gżejjer Solomon, it-Tajlandja, Timor Leste, Tonga, Tuvalu, il-Vanwatu u l-Vjetnam.

Dan il-komponent joffri pjattaforma faċli għall-utent, miftuħa u integrata li tuża SC3, software li diġà jintuża b'mod wiesa' fis-sismoloġija u t-twissija ta' tsunami għar-rispons għal diżastri u emerġenza flimkien ma' software speċifiku għall-ipproċessar tal-matriċi (PMCC, Fk) u għodod ta' analiżi interattivi (geotool, Jade). Dan is-software huwa adattat tajjeb għall-ħtiġijiet tal-NDCs f'termini ta' riċezzjoni u proċessar awtomatiċi tad-data fil-forma ta' mewġa, ipproċessar tal-matriċi, produzzjoni awtomatika tal-bulettini u analiżi interattiva tad-data.

Fir-rigward tal-iżvilupp tal-kapaċitajiet, diġà teżisti komunità wiesgħa ta' utenti ta' SC3 fost l-NDCs u istituzzjonijiet oħra. Meta tiġi implimentata b'mod wiesa', din il-pjattaforma integrata ser tiġbed lill-komunità ta' NDCs emerġenti u tħaffef l-iżvilupp tal-kapaċitajiet fosthom. SC3 jippermetti wkoll l-iskambju faċli tad-data bejn l-NDCs. Il-format jintuża b'mod wiesa' fil-komunità internazzjonali u l-użu tiegħu fost l-NDCs u l-IDC itejjeb u jissimplifika ferm l-iskambji ta' data, u f'ħin reali wkoll (li llum mhux inkluż mal-"NDC f'pakkett").

Issemma bosta drabi li hemm rabta qawwija bejn NDC attiv u stazzjonijiet li jaħdmu tajjeb. Għalhekk, l-iżvilupp tal-pakkett ta' software SC3 għandu jagħti għajnuna sinifikanti fl-appoġġ għall-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji. Fit-tul, l-implimentazzjoni ta' SC3 ser tippermetti lill-NDCs li qed jiżviluppaw biex jużaw b'mod effiċjenti d-data tal-istazzjon tagħhom u biex josservaw l-istatus operattiv fuq bażi permanenti.

Dan il-komponent jiffoka fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tas-software, inkluż l-istazzjonament u t-taħriġ.

Xi ftit pajjiżi piloti b'istituzzjonijiet li wrew kapaċità teknika suffiċjenti u interess li jipparteċipaw ser jintgħażlu għall-istazzjonament u t-taħriġ għall-bidu tal-proġett (pereżempju fl-Afrika, l-Ewropa tal-Lvant, l-Amerika Latina, u l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed).

L-għanijiet tal-program ta' boroż ta' studju huma li tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta' talent xjentifiku fil-qasam tal-monitoraġġ tal-isplużjonijiet nukleari, biex jingħata appoġġ għall-istabbilimenti nazzjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-riċerka xjentifika li huma vitali għat-titjib tal-kapaċitajiet u l-applikazzjonijiet ta' verifika attwali tas-CTBT fil-mitigazzjoni tad-diżastri u x-xjenza tad-dinja.

Fil-fażi inizjali tal-programm ta' boroż ta' studju, ser jiġu identifikati s-sħab potenzjali li ser jospitaw lill-akkademiċi mistiedna. Il-PTS ser jagħmel dan billi jħabbar il-programm ta' boroż ta' studju, u jitlob lill-NDCs, universitajiet, u sħab potenzjali oħrajn biex jidentifikaw l-oqsma ta' kompetenza li huma jistgħu joffru biex jospitaw lill-akkademiċi mistiedna. L-istituti li bbenefikaw preċedentement mill-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK u d-Deċiżjoni 2010/461/PESK kif ukoll attivitajiet oħrajn tal-IMS/IDC bħal laqgħat tekniċi, laqgħat tal-esperti u workshops, u li żviluppaw kompetenza esperta, ser jiġu inkoraġġuti japplikaw biex ikunu istituzzjonijiet ospitanti.

L-opportunitajiet għal boroż ta' studju ser jiġu reklamati mill-PTS, inklużi l-oqsma ta' kompetenza esperta appoġġati mill-istituzzjonijiet ospitanti. Il-kandidati ser jintalbu, fl-applikazzjonijiet tagħhom, biex jiddeskrivu l-proġett tagħhom, u kif jinterfaċċja mal-kompetenzi reklamati. Il-kandidati u l-proposti ser jiġu evalwati u magħżula mill-PTS, possibbilment b'modifiki skont il-ħtiġijiet tal-PTS. Kull akkademiku ser jipprovdi rapporti regolari lill-PTS rigward il-kisbiet u feedback. Ser jintużaw laqgħat tal-esperti, il-"Konferenza tas-CTBTO 2013 dwar ix-Xjenza, it-Teknoloġija u l-Innovazzjoni" u laqgħat simili biex jiġi promoss dan il-proġett, tintalab il-parteċipazzjoni, u jiġu pprovduti postijiet biex l-akkademiċi juru r-riżultati tagħhom. Dan il-proġett huwa mfassal biex jillieva l-kompetenza esperta esterna bħala multiplikatur tal-forzi, b'kont meħud tar-riżorsi tal-persunal disponibbli tal-PTS.

Il-pjattaforma ta' żvilupp tal-vDEC (hardware u software) tipprovdi pjattaforma għall-iskambju xjentifiku bl-għoti ta' aċċess għal arkivju kbir ta' data parametrika, fil-forma ta' mewġa u radjonuklida lir-riċerkaturi li jkunu qed jaħdmu fuq it-titjib tal-ipproċessar fl-IDC. Il-vDEC jipprovdi wkoll aċċess għas-sofware u aċċess għal verżjonijiet ta' ttestjar tal-pipelines tal-ipproċessar biex ikunu jistgħu jiddaħħlu u jiġu ttestjati moduli ta' sostituzzjoni.

B'mod partikolari, is-SC3 ser jiġi implimentat fil-vDEC matul il-fażi ta' żvilupp u ttestjar tiegħu. Il-vDEC jipprovdi wkoll pjattaforma għall-integrazzjoni ta' data addizzjonali mad-data tal-IMS biex jiġi investigat it-titjib li jirriżulta minn din iż-żieda. Ser issir enfasi speċjali sabiex il-vDEC ikun disponibbli għall-akkademiċi magħżulin taħt il-komponent 3, kif meħtieġ.

Ser jintuża finanzjament biex jiġu kuntrattati servizzi ta' esperti biex jipprovdu assistenza lir-riċerkaturi li jużaw il-vDEC, u biex jiżguraw li s-sistema qiegħda taħdem tajjeb.

2.1.3.    Benefiċċji u Eżitu

Aktar pajjiżi li qed jiżviluppaw ser ikunu jistgħu jilħqu r-responsabbiltajiet ta' verifika tagħhom taħt is-CTBT u jużaw id-data tal-IMS u l-prodotti tal-IDC. L-assistenza u t-taħriġ tekniċi ser jiġu estiżi għal aktar pajjiżi fl-Amerika Latina u l-Karibew, u għal żewġ reġjuni oħrajn (l-Ewropa tal-Lvant u l-Asja tax-Xlokk, il-Paċifiku u l-Lvant Imbiegħed).

L-ambitu tal-applikazzjonijiet tad-data għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ser jitwessa' bl-iżvilupp u l-promozzjoni ta' pjattaforma integrata ta' software fuq SC3. Dak is-software ser jiġi estiż għall-ipproċessar ta' data idroakustika u infrasound. Minħabba li s-SC3 diġà jintuża b'mod wiesa' u jiffaċilita l-iskambju faċli ta' data, dan ser ikun mezz li jilħaq ħafna aktar NDCs u stabbilimenti oħrajn minn qabel.

Ser jinbeda programm ta' boroż ta' studju għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' talent xjentifiku fil-monitoraġġ tal-isplużjonijiet nukleari biex jiġu appoġġati l-istabbilimenti nazzjonali tagħhom u fl-istess ħin jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-riċerka xjentifika li huma vitali għall-verifika tas-CTBT kif ukoll l-applikazzjonijiet ċivili u xjentifiċi.

Il-pjattaforma vDEC li tipprovdi pjattaforma għall-iskambju xjentifiku ser tinżamm u titwessa' biex tinkludi l-pjattaforma SC3.

2.2.    Proġett 2: Żvilupp tal-Kapaċitajiet għall-Ġenerazzjonijiet Futuri ta' Esperti tas-CTBT - l-Inizjattiva Żvilupp tal-Kapaċitajiet (CDI)

2.2.1.    Sfond

Is-CDI, stabbilita fl-2010, tagħmel parti ewlenija mill-attivitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni tal-Kummissjoni Preparatorja bil-għan li tibni u żżomm il-kapaċità meħtieġa fl-aspetti tekniċi, xjentifiċi, legali u politiċi tas-CTBT u r-reġim ta' verifika tiegħu. Din hija bbażata fuq ir-rikonoxxment li d-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tas-CTBT u t-tisħiħ tar-reġim ta' verifika huwa dipendenti fuq l-involviment attiv u infurmat tal-ġenerazzjonijiet futuri ta' esperti tal-politika, legali u tekniċi, b'mod partikolari mid-dinja li qed tiżviluppa.

2.2.2.    Ambitu tal-Proġett

Bil-ħsieb tad-dewmien kontinwu tad-dħul fis-seħħtas-CTBT, huwa ta' importanza vitali li jinżammu kemm l-appoġġ politiku għal, kif ukoll il-kompetenza esperta teknika, fl-aspetti kollha tas-CTBT. Bl-espansjoni tar-riżerva ta' kompetenza esperta lil hinn mill-partijiet interessati tradizzjonali, is-CDI ser itejjeb l-opportunitajiet biex il-komunità usa' tipparteċipa fit-tisħiħ u timplimenta b'mod effettiv ir-reġim ta' verifika tas-CTBT stabbilit multilateralment.

Il-proġett jikkonsisti minn tliet komponenti:

1. Komponent 1:

Parteċipazzjoni fis-Seminars "Ħarreġ lill-Ħarrieġa" fl-2013 u l-2014.

2. Komponent 2:

Parteċipazzjoni tal-Esperti minn Pajjiżi li Qed Jiżviluppaw fil-Korsijiet ta' Taħriġ tas-CDI u Appoġġ għall-Proġetti ta' Riċerka Konġunta.

3. Komponent 3:

Titjib tal-Pjattaforma e-learning tas-CDI u Għodod Multimedia Edukattivi.

Permezz tas-seminars "Ħarreġ lill-Ħarrieġa", il-Kummissjoni Preparatorja ser tipprovdi gwida metodoloġika għall-akkademiċi u l-istituzzjonijiet tar-riċerka involuti fil-oqsma relatati tas-CTBT, u b'hekk jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim tas-CTBT fil-komunità akkademika u fost il-professjonisti tal-politika. Il-finanzjament ipprovdut ser jikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti mill-akkademji u l-istituzzjonijiet tar-riċerka - b'enfasi fuq l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka fl-Ewropa u d-dinja li qed tiżviluppa - li ser jagħtu korsijiet u joffru programmi ta' taħriġ dwar is-CTBT, b'mod partikolari dwar l-aspetti xjentifiċi u tekniċi tiegħu.

Is-seminars, li għandhom isiru fl-2013 u l-2014, ser jilqgħu professuri u riċerkaturi min-naħat kollha tad-dinja, inklużi dawk mill-Istati elenkati fl-Anness 2 għas-CTBT, li ser jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar it-tagħlim ta' kwistjonijiet relatati mas-CTBT u jirċievu taħriġ dwar kif il-materjali tal-kors tas-CDI jiġu integrati fil-kurrikuli tagħhom. Is-seminars ser jesploraw ukoll modalitajiet biex jiżdied l-ammont ta' proġetti ta' riċerka relatati mas-CTBT fl-universitajiet fil-mira, u jinkoraġġixxu lill-parteċipanti biex jinnominaw studenti biex jipparteċipaw fil-korsijiet tas-CDI.

—   Parteċipazzjoni fil-Korsijiet ta' Taħriġ tas-CDI

F'konformità mas-suċċess bla paragun tal-Kors tax-Xjenza Avvanzata tal-2011, li ħarreġ mijiet ta' individwi fosthom Operaturi tal-Istazzjonijiet, analisti tal-NDC, diplomatiċi, studenti u membri tas-soċjetà ċivili, il-Kummissjoni Preparatorja ser tkompli toffri korsijiet annwali tas-CTBT ibbażati fuq ix-xjenza. Il-Kummissjoni Preparatorja ser tlaqqa' kors intensiv ta' ġimagħtejn ibbażat fuq ix-xjenza u t-teknoloġija matul Novembru 2012 u kors simili fl-aħħar tal-2013. Dawn il-korsijiet ser jiġu offruti fi Vjenna u jużaw ambjent ta' tagħlim online imfassal apposta, inklużi lekċers b'live streaming għal dawk li jipparteċipaw minn madwar id-dinja kollha.

Il-finanzjament ipprovdut ser jikkontribwixxi għall-parteċipazzjoni ta' bejn wieħed u ieħor 15-il espert fis-sena - b'enfasi fuq in-nisa u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw - fil-korsijiet ta' taħriġ xjentifiċi u tekniċi tas-CDI.

—   Proġetti ta' Riċerka Konġunta

Il-finanzjament ser jikkontribwixxi għall-appoġġ tal-proġetti ta' riċerka konġunta dwar ir-reġim ta' verifika tas-CTBT, permezz ta' boroż ta' studju tar-riċerka bbażati fuq il-mertu għall-kandidati għal PhD u ta' wara d-dottorat mill-Ewropa u pajjiżi li qed jiżviluppaw. Din ir-riċerka ser tkun assoċjata mal-proġetti eżistenti tal-Kummissjoni Preparatorja.

—   Żvilupp Tekniku tal-Pjattaforma e-learning

Il-finanzjament ser jikkontribwixxi għal aktar titjib tal-Pjattaforma e-learning, kif ukoll id-disinn u l-iżvilupp ta' għodod multimedia addizzjonali li ser jassistu fl-objettivi tas-CDI - inkluża l-implimentazzjoni ta' strateġiji biex tiżdied id-disponibbiltà tar-riżorsi tas-CDI fid-dinja li qed tiżviluppa. B'mod partikolari, il-konsulent ser jesplora opportunitajiet biex ikomplu jittejbu r-riżorsi tas-CDI għall-pjattaformi mobbli ta' tagħlim, u għodod multimedia edukattivi addizzjonali oħrajn u materjali promozzjonali.

—   Ħolqien ta' Kontenut għar-Riżorsi tas-CDI

Il-finanzjament ser jikontribwixxi għall-iżvilupp tal-kontenut edukattiv u ta' taħriġ tas-CDI li ser jintuża biex tiġi popolata l-pjattaforma e-learning, u għall-ħolqien ta' għodod multimedia tas-CDI oħrajn. Dan l-approċċ ser jiffoka wkoll fuq l-integrazzjoni tal-materjali tas-CDI f'media ġodda u l-użu ta' netwerks soċjali tal-massa għall-promozzjoni tas-CTBT u r-reġim ta' verifika tiegħu.

2.2.3.    Benefiċċji u Eżitu

L-esperjenza tas-CDI uriet li b'investiment relattivament minimu, akkoppjat ma' viżjoni strateġika, jistgħu jintlaħqu redditi massimi għall-Unjoni. B'infrastruttura tas-CDI diġà fis-seħħ u l-approċċ istituzzjonalizzat fil-ħidma tal-Kummissjoni Preparatorja, finanzjament addizzjonali ser jippermetti lill-Kummissjoni Preparatorja biex tkompli ttejjeb il-proġetti kontinwi u tiżviluppa modi aktar innovattivi għall-għoti ta' taħriġ u edukazzjoni f'oqsma relatati mas-CTBT għall-usa' grupp fil-mira possibbli.

Din l-inizjattiva tkompli wkoll l-azzjonijiet deskritti fl-istrateġija tal-UE kontra l-Proliferazzjoni tal-Armi ta' Qerda Massiva (AQM). B'mod speċifiku, il-korsijiet u l-attivitajiet ta' taħriġ tas-CDI jsaħħu l-isforzi għall-iżvilupp u s-sostenn tal-multilateraliżmu bħala l-pedament għal strateġija effettiva ta' nonproliferazzjoni tal-AQM, bl-iżvilupp tal-kapaċità fl-oqsma legali, politiċi, xjentifiċi u tekniċi. Barra minn hekk, l-involviment ma' komunità usa' ta' partijiet interessati fil-komunità internazzjonali dwar kwistjonijiet relatati mas-CTBT iqajjem kuxjenza dwar is-CTBT u jsaħħaħ l-isforzi biex jintlaħqu l-universalità u d-dħul fis-seħħ tiegħu.

2.3.    Proġett 3: Titjib tal-Mudell tat-Trasport Atmosferiku (ATM)

2.3.1.    Sfond

L- ATM stazzjonat u użat mill-Kummissjoni Preparatorja wera l-utilità konsiderevoli tiegħu għal applikazzjonijiet ċivili, pereżempju bl-għoti ta' tbassir tat-tixrid ta' radjonuklidi emessi mill-impjant nukleari Dai-ichi fl-2011.

Is-sistema ATM attwali issa laħqet ċerta maturità, u kwalunkwe titjib ulterjuri jeħtieġ investiment f'termini ta' riżorsi komputazzjonali u għarfien espert. Għalhekk, ġie nnutat b'interess kbir il-kontribuzzjoni volontarja tal-Ġappun biex jappoġġa l-akkwist ta' hardware ġdid tal-ATM li għandu jospita s-sistema futura tal-ATM. Sabiex jassisti lill-Kummissjoni Preparatorja fl-aċċellerazzjoni tal-proċess ta' teħid tal-benefiċċji minn din il-qawwa komputazzjonali addizzjonali, dan il-proġett ser jippermetti lill-Kummissjoni Preparatorja tikkuntratta servizzi esperti tal-ATM biex jissupplimentaw il-persunal limitat tal-iskwadra tal-ATM fl-IDC ("l-espert tal-ATM").

2.3.2.    Ambitu tal-Proġett

L-espert tal-ATM għandu jiffoka fuq it-titjib tal-kapaċitajiet tal-ATM. Il-kompiti assenjati lill-espert tal-ATM ser jiffukaw fuq li jsir l-aktar użu effettiv mill-qawwa komputazzjonali addizzjonali ffinanzjata mill-kontribuzzjoni Ġappuniża, biex jiġi żgurat l-aktar immudellar preċiż possibbli ta' tixrid tar-radjonuklidi f'każijiet speċjali. Dawn il-kompiti għandhom jiġu allinjati mal-missjoni tal-Kummissjoni Preparatorja.

Il-kompiti għandhom jinkludu iżda mhumiex limitati għal:

(a) akkwist tal-oqsma meteoroloġiċi ta' kwalità għolja b'riżoluzzjoni għolja f'kollaborazzjoni mal-Organizzazzjoni Meteoroloġika Dinjija (WMO) u l-istituti speċjalizzati tal-Istati Membri tagħha;

(b) titjib tal-moduli rilevanti għar-radjonuklidi u speċifikazzjoni ta' konfigurazzjoni ottimali ta' mudell(i) ta' trasport atmosferiku;

(c) identifikazzjoni tal-ħtiġijiet f'termini tal-appoġġ tal-ATM għall-applikazzjonijiet ċivili permezz ta' interazzjonijiet mal-esperti esterni, inkluża kollaborazzjoni mal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika (IAEA);

(d) inkorporazzjoni ta' dawn l-iżviluppi fit-titjib tal-appoġġ tal-ATM għall-avvenimenti rilevanti għas-CTBT.

L-espert tal-ATM għandu għalhekk ikollu esperjenza sostanzjali fil-fehim tal-proċessi atmosferiċi u l-fenomenu tat-trasport ta' radjonuklidi b'mod partikolari, għarfien espert tat-tbassir u t-tixrid numeriku tal-ajru, kapaċitajiet tekniċi ta' kodifikazzjoni u scripting kif ukoll ħiliet interpersonali meħtieġa biex tiġi żgurata kooperazzjoni bla xkiel u msaħħa bejn is-CTBTO, il-WMO, l-IAEA u l-Kumitat tal-Interaġenziji għar-Rispons għall-Emerġenzi Nukleari (IACRNE).

2.3.3.    Benefiċċji u Eżitu

Eżitu ta' dan il-proġett għandu jkun il-kapaċità ta' avangwardja tal-ATM li jappoġġa kemm il-missjoni tal-Kummissjoni Preparatorja kif ukoll l-applikazzjoni ċivili pertinenti. Dan għandu jiffaċilita wkoll koordinazzjoni aħjar tar-riżorsi tal-ATM bejn l-organizzazzjonijiet internazzjonali u jiffaċilita l-komunikazzjoni u l-iskambju ta' informazzjoni.

2.4.    Proġett 4: Karatterizzazzjoni u Mitigazzjoni tar-Radjukseno

2.4.1.    Sfond

Ir-radjukseno huwa indikatur ewlieni biex jiġi determinat jekk tkunx seħħet splużjoni nukleari. F'dawn l-aħħar 10-15-il sena, it-teknoloġiji ta' kejl tal-IMS tjiebu b'mod sinifikanti. Is-sensittività tan-netwerk tal-gass nobbli tal-IMS hija, b'riżultat ta' dan, dejjem aktar influwenzata mill-isfond ta' radjukseno globali emess mill-applikazzjonijiet nukleari ċivili (bħall-faċilitajiet ta' produzzjoni isotopika medika). Dan il-proġett jibni fuq l-azzjonijiet appoġġati permezz tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK.

2.4.2.    Ambitu tal-Proġett

Dan il-proġett jikkonsisti minn żewġ komponenti:

1. Komponent 1: Karatterizzazzjoni tal-isfond tar-radjukseno;

2. Komponent 2: Mitigazzjoni tar-radjukseno.

Il-Kummissjoni Preparatorja tkejjel ir-radjukseno fl-ambjent b'sistemi sensittivi ħafna bħala parti importanti mis-sistema ta' verifika tas-CTBT. Bil-kontribuzzjoni riċevuta mill-Unjoni fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK, il-Kummissjoni Preparatorja xtrat żewġ sistemi trasportabbli biex jitkejlu r-radjoisotopi, 133Xe, 135Xe, 133mXe u 131mXe. Is-sistemi ser jintużaw biex jitkejjel l-isfond tar-radjukseno fl-Indonesja u l-Kuwajt. Għal dan il-għan ġew stabbiliti l-ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-istituzzjonijiet sħab (il-BATAN, l-Indonesja u l-KISR, il-Kuwajt).

Minħabba li ż-żewġ postijiet jagħtu informazzjoni konsiderevoli dwar il-karatterizzazzjoni tal-isfond globali tar-radjukseno, l-għan ta' dan il-proġett huwa, l-ewwel nett, li testendi l-kampanji ta' kejl fl-Indonesja u l-Kuwajt b'sitt xhur sa 12-il xahar ieħor. L-estensjoni tal-kampanji ta' kejl tippermetti l-karatterizzazzjoni ta' dawn iż-żewġ postijiet matul iċ-ċiklu ta' 12-il xahar kollu, u tkopri l-kondizzjonijiet staġonali kollha.

It-tieni nett, wara t-tmiem ta' dawn il-kampanji, il-PTS qiegħed jippjana li jwettaq kejl addizzjonali fiż-żoni fejn l-isfond globali tar-radjukseno mhux magħruf bis-sħiħ u l-effetti tiegħu fuq l-IMS mhumiex magħrufin. Il-Golf Persjan u l-Amerika jitqiesu bħala l-postijiet li jmiss.

Sabiex jitkomplew dawn il-kampanji ta' kejl, jinħtieġu fondi għat-trasport tas-sistemi mobbli ta' Gass Nobbli lejn postijiet ġodda, u għall-operat taż-żewġ sistemi għal perijodu ta' preferibbilment mill-inqas 12-il xahar f'kull post, inkluża l-manutenzjoni perjodika.

Wara dawn il-kampanji ta' kejl, is-sistemi ser ikunu disponibbli biex jintużaw mill-PTS għal studji ta' segwitu tal-isfond tar-radjukseno u/jew bħala sistemi ta' taħriġ.

Dan il-komponent jinvolvi studju pilota li jeżamina l-possibbiltajiet ta' assorbiment tal-isotopi tar-radjukseno minn materjali u metodi differenti u jiżviluppa sistema ta' filtrazzjoni. Dan għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità ta' rilevament tal-IMS u l-affidabbiltà u l-kwalità tad-data tal-IDC.

Dan il-komponent għandu l-għan li jiżviluppa sistema żgħira u versatili, li tista' tintuża faċilment fi stadji differenti tal-proċess ta' produzzjoni sabiex jiġi determinat il-post ottimali tas-sistema ta' tnaqqis fl-istabbiliment ta' faċilità. Il-versatilità tas-sistema ta' tnaqqis ser tiffaċilita wkoll l-użu ġewwa faċilitajiet ta' produzzjoni tal-isotopi oħrajn.

Filwaqt li l-attivitajiet tal-passat appoġġati mill-Unjoni ppermettew li l-kwistjoni tal-emissjonijiet tal-gassijiet nobbli tiġi mmappjata, dan l-istudju pilota jagħmel pass ulterjuri u jaħseb f'soluzzjonijiet konkreti biex jinsab rimedju għall-problema. Dan il-komponent ser jibni fuq studju preliminari li twettaq miċ-Ċentru Belġjan tar-Riċerka Nukleari (SCK•CEN, il-Belġju) u l-Laboratorju Paċifiku Nazzjonali tal-Majjistral (Stati Uniti tal-Amerika).

Dan il-komponent jikkonsisti minn tliet elementi:

Element 1: esperimenti ta' assorbiment tar-radjukseno: kostruzzjoni ta' stabbiliment sperimentali u ttestjar ta' diversi materjali ta' assorbiment (żeolit tal-fidda, passatur molekolari tal-karbonju) taħt kondizzjonijiet differenti (temperatura, fluss, gass trasportatur).

Element 2: tfassil ta' sistema portabbli ta' filtrazzjoni bbażata fuq l-analiżi tal-esperimenti ta' assorbiment imwettqa fil-fażi 1.

Element 3: kostruzzjoni ta' sistema portabbli ottimizzata ta' filtrazzjoni u ttestjar fuq skala ta' laboratorju. Wara dan il-pass, is-sistema portabbli ta' filtrazzjoni ser tkun lesta biex tiġi ttestjata fil-faċilitajiet radjofarmaċewtiċi ta' produzzjoni fl-Istitut Nazzjonali Belġjan għar-Radjoelementi (IRE, il-Belġju). Is-sistema ser tinkludi strumenti ta' rilevament tar-radjazzjoni biex jiġi determinat il-fattur ta' tnaqqis tar-radjukseno li nkiseb fil-qasam.

Wara kull stadju t-tagħlim kollu miksub ser jinġabar f'rapport dettaljat.

Il-ħidma ta' implimentazzjoni ta' dan il-komponent ser titwettaq mill-kuntratturi. Il-Kummissjoni Preparatorja ser tipprovdi l-kompetenza esperta tagħha dwar il-qbid tal-kseno, kif meħtieġ.

Il-Kummissjoni Preparatorja ser tkompli wkoll tissorvelja l-emissjonijiet tar-radjukseno kif rilevati mill-istazzjonijiet fil-qrib. It-tnaqqis tal-emissjonijiet għandu jkollu effett imminenti fuq il-livelli ta' radjukseno identifikati. L-użu tal-kejl ta' emissjonijiet fil-faċilità fil-Belġju (jiġifieri stack monitoring) jista' wkoll jipprovdi informazzjoni dwar is-suċċess tat-tnaqqis, u l-Kummissjoni Preparatorja tista' tassisti fl-analiżi ta' din id-data.

2.4.3.    Benefiċċji u Eżitu

F'konformità mal-objettivi ta' nonproliferazzjoni tal-Unjoni, dan il-proġett ser jikkontribwixxi biex il-monitoraġġ u s-sistema ta' verifika tas-CTBT isiru aktar robusti, u għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tal-Kummissjoni Preparatorja biex ir-radjukseno jiġi ssorveljat b'mod aktar preċiż. Bil-mitigazzjoni tal-emissjonijiet tar-radjukseno minn applikazzjonijiet ċivili, l-emissjonijiet futuri - li jibqgħu indikatur ewlieni għall-monitoraġġ u l-verifika tal-attività nukleari - ikunu attribwiti b'mod aktar affidabbli għall-isplużjonijiet nukleari.

Il-bini u l-manutenzjoni ta' reġim ta' verifika robusta jirrinfurzaw il-kapaċitajiet u l-kredibbiltà tas-CTBT, li min-naħa tiegħu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-argumenti favur id-dħul fis-seħħ u l-universalizzazzjoni tiegħu.

Filwaqt li l-attivitajiet tal-passat fil-qafas tal-Azzjoni Konġunta 2008/588/PESK u d-Deċiżjoni 2010/461/PESK ppermettew tal-problema tal-emissjonijiet tal-gass nobbli tiġi mmappjata, il-finanzjament addizzjonali jikkomplementa l-finanzjament preċedenti tal-Unjoni u jippermetti li tibda tiġi rimedjata l-problema tal-emissjonijiet tal-gass nobbli. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Kummissjoni Preparatorja u l-istituzzjonijiet assenjati (SCK•CEN u IRE) tiżgura kontinwità fil-ħidma li saret, u tottimizza r-riżorsi ta' għarfien u kompetenza esperta eżistenti.

2.5.    Proġett 5: Appoġġ għall-Eżerċizzju Integrat fil-Post għall-2014 (IFE14): Żvilupp ta' Impjant Multispettrali Integrat

2.5.1.    Sfond

Dan il-proġett għandu l-għan li jappoġġa l- IFE14 permezz tal-iżvilupp ta' impjant multispettrali integrat bl-użu ta' tagħmir mixtri u ta' kontribuzzjoni in natura.

Il-Kummissjoni Preparatorja għandha l-mandat li tkompli l-attivitajiet tagħha relatati mal-teknoloġija tal-Multispettri u Infra-aħmar (MSIR) biex tiġi determinata l-ispeċifikazzjoni tat-tagħmir u l-proċeduri operattivi għal OSI.

Id-Deċiżjoni 2010/461/PESK ffinanzjat il-Laqgħa tal-Esperti dwar l-Immaġni Multispettrali u l-Infra-aħmar għall-Ispezzjonijiet Fuq il-Post (MSEM-11) li saret bejn it-30 ta' Marzu u l-1 ta' April 2011 f'Ruma, l-Italja, li kkonkludiet li l-istrumenti tal-Prodott Kummerċjalment Disponibbli (COTS) għandhom jiġu kkunsidrati għal użu fl-OSI minħabba li dawn jirrappreżentaw l-aktar għażla kost-effettiva għal din it-teknoloġija. Il-valur tat-teknoloġija tal-MSIR għall-OSI ġie rinfurzat matul it-test tal-MSIR fl-Ungerija f'Settembru 2011.

Ġew identifikati karatteristiċi relevanti għall-OSI bl-użu ta' matriċi integrat tas-sensuri tal-MSIB. L-Ungerija offriet bħala kontribuzzjoni in natura l-użu ta' żewġ sensuri tal-ajru, li jirrilevaw fl-infra-aħmar viżibbli/viċin (VNIR) u l-infra-aħmar b'mewġa qasira (SWIR). It-telerilevament bl-ajru li juża teknoloġija MSIB joffri opportunitajiet konsiderevoli għal OSI imma sistemi differenti jinkludu attwalment diversi sensuri individwali b'rutini ta' proċessar diskret u individwali bl-użu ta' pakketti ta' software apposta differenti. Bħala tali, ftit huma s-sistemi integrati tal-MSIB li jistgħu jiksbu data simultanja tul il-medda spettrali ta' interess għall-OSI.

2.5.2.    Ambitu tal-Proġett

Biex tiġi ottimizzata l-applikazzjoni ta' teknoloġija ta' telerilevament mill-ajru tal-MSIB fi ħdan OSI, dan il-proġett ifittex li jiġbor flimkien sistema li tinkludi matriċi kompatta ta' sensuri magħżula rilevanti għall-OSI b'katina predefinita ta' postproċessar bl-użu ta' rutini speċifiċi ta' software OSI li jħaffu l-analisi kwantitattiva tad-data u jgħaġġlu d-disponibbiltà tal-outputs għat-Tim ta' Spezzjoni.

Dan l-approċċ kaxxa waħda/software wieħed għandu l-potenzjal li jsaħħaħ bil-kbir il-ħidma tat-Tim ta' Spezzjoni.

Is-sistema MSIB tista' titqies li hi modulari, bil-possibbiltà li jiżdiedu sensuri addizzjonali għall-matriċi meta l-fondi jippermettu.

Idealment, is-sistema tkun tinkludi:

(a) sensur multi/iperspettrali li jirrileva fil-VNIR għal identifikazzjoni ta' karatteristiċi bħas-superfiċji antropoġeniċi, xejriet ta' veġetazzjoni u tensjoni;

(b) sensur multi/iperspettrali li jirrileva fis-SWIR għall-identifikazzjoni ta' xejriet u bidliet b'kontenut ta' ndewwa fid-distribuzzjoni ta' materjali inorganiċi differenti;

(c) kamera diġitali RGB (użata flimkien mal-LIDAR) għall-ġenerazzjoni ta' ritratt ortofotografiku taż-żona ta' spezzjoni sabiex tippermetti l-orjentament tat-timijiet fil-post u tingħata informazzjoni kuntestwali;

(d) strument LIDAR sabiex jippermetti l-ġenerazzjoni ta' mudell topografiku għall-ortorettifika tal-immaġini u użat bħala mezz ta' rilevament ta' karatteristiċi taħt kanupew;

(e) kamera diġitali termali li tippermetti r-rilevament ta' xejriet termali kkawżati minn movimenti ta' vettura u ilma sħun u kiesaħ fis-superfiċji jew qribu.

(f) filmat minn fuq, li ser jipprovdi fly-through taż-żona ta' spezzjoni għat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni (IT);

(g) GPS u t-tagħmir anċillari kollu inklużi monitors u kaxxa ċertifikata tal-istrument għall-operazzjoni simultanja tas-sensuri.

L-oġġetti (a), (b) u parti minn (g) huma offruti bħala kontribuzzjoni in natura mill-Ungerija, u dan jifforma l-qalba tas-sistema MSIB. Sensuri addizzjonali u oġġetti anċillari għandhom jiżdiedu mas-sistema abbażi tal-ġerarkija li ġejja skont il-fondi disponibbli: (c), (e), (d) u (f).

Fl-ewwl fażi tal-iżvilupp ix-xiri ta' oġġetti (c), (e) u (d) huwa desiderabbli peress li dawn għandhom il-potenzjal li joffru l-akbar dixxerniment lit-Tim ta' Spezzjoni.

Barra mill-hardware, l-iżvilupp ta' pjattaforma għas-software tipprovdi katina predefinita u ottimizzata ta' postproċessar bl-użu ta' rutini spċeifiċi OSI biex titħaffef l-analisi kwantitattiva tad-data telerilevata mill-ajru.

2.5.3.    Benefiċċji u Eżitu

Dan il-proġett jintrabat mal-objettivi tal-politika ta' nonproliferazzjoni tal-Unjoni u jippromwoviha, u jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta' rilevament u verifika tal-Kummissjoni Preparatorja. Dan il-proġett joħloq ukoll element ta' innovazzjoni u ħidma ta' żvilupp.

2.6.    Proġett 6: Sostenn tal-Istazzjonijiet Sismiċi Awżiljarji Ċertifikati tal-IMS

2.6.1.    Sfond

Dan il-proġett għandu l-għan li jibni fuq il-progress miksub permezz tal-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni 2010/461/PESK. Il-fokus prinċipali ta' dik id-Deċiżjoni kien li jiġu indirizzati l-istazzjonijiet li fallew li kellhom bżonn urġenti ta' azzjoni ta' manutenzjoni, li jiġi indirizzat it-tagħmir obsolet u li jittejbu l-livelli ta' rikambju tat-tagħmir fi stazzjonijiet magħżula.

L-għan ta' dan il-proġett huwa li jibni fuq t-tagħlimiet mislutin u jiffoka fuq it-tisħiħ tal-istrutturi ta' sostenn għal dawn l-istazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu jibbenefikaw fit-tul, bl-istabbiliment ta' sostenn baġitarju "żero/baxx" li jippermetti kuntratti mal-Operaturi tal-Istazzjon. Dan il-proġett għandu wkoll komponent ta' forniment/sostituzzjoni ta' mezzi meħtieġa ta' trasport li huwa neċessarju għall-Operaturi tal-Istazzjon biex iwettqu l-kompiti tagħhom b'mod effiċjenti u f'waqtu.

2.6.2.    Ambitu tal-proġett

Dan il-proġett jimmira li jimplimenta sostenn ta' "valur żero/valur baxx" li jippermetti kuntratt mal-istituzzjoni nominata tal-Operatur tal-Istazzjon tal-pajjiżi ospitanti li urew ir-rieda tagħhom li jimplimentaw l-istruttura meħtieġa ta' appoġġ f'pajjiżhom għall-istazzjonijiet tagħhom, sabiex tiġi ffaċilitata l-ħidma kontraenti tal-PTS f'dawn l-istazzjonijiet.

Sakemm jiġi żgurat livell ta' sostenn għall-istazzjonijiet fil-mira, tista' tkun meħtieġa żjara ta' assistenza teknika annwali mill-PTS sabiex ikun żgurat livell ta' manutenzjoni tal-istazzjon. Ix-xiri tal-vetturi (jew mezzi xierqa ta' trasport) għas-sostenn fil-postijiet ivvalutati teknikament jista' jkun meħtieġ. Bħala parti mill-istabbiliment ta' diversi stazzjonijiet sismiċi awżiljarji, kienu ġew ipprovvduti vetturi għall-Operaturi tal-Istazzjon sabiex jippermettu reazzjoni fil-pront f'każ ta' ħsarat u sabiex ikunu żgurati mezzi ta' trasport għall-operazzjoni u manutenzjoni ta' rutina. Ħafna minn dawn il-vetturi issa laħqu t-tmiem taċ-ċiklu tal-użu tagħhom u għandhom jiġu sostitwiti. Ħafna Operaturi tal-Istazzjoni u pajjiżi ospitanti, madankollu, m'għandhomx ir-riżorsi neċessarji għal tali sostituzzjoni ppjanata. Il-fondi ser jintużaw ukoll biex jiġu kkuntrattjati servizzi tal-esperti.

Il-Kummissjoni Preparatorja tipprevedi attivitajiet b'appoġġ għall-akbar numru ta' stazzjonijiet possibbli sabiex jiġu inklużi wkoll pajjiżi li jappartjenu għar-reġjuni li ġejjin: l-Ewropa tal-Lvant, l-Asja tan-Nofsinhar, il-Paċifiku, l-Amerika Latina u l-Karibew u l-Lvant Nofsani. L-istabbiliment ta' stazzjonijiet li jibbenefikaw ser ikunu soġġetti għal valutazzjoni minn qabel ta' fattibbiltà mill-Kummissjoni Preparatorja skont il-kondizzjonijiet lokali li jipprevalu f'dak il-mument.

2.6.3.    Benefiċċji u Eżitu

Peress li riżultati dejjiema ta' dan il-proġett jiddependu bil-kbir fuq il-parteċipazzjoni tal-pajjiżi ospitanti tal-faċilitajiet tal-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji mmirati u ċċertifikati tal-IMS, l-esperjenza attwali turi li l-livell tagħhom ta' respons ta' spiss huwa baxx u huwa meħtieġ sforz konsiderevoli f'termini ta' informazzjoni, taħriġ u edukazzjoni. Dan il-proġett jappoġġa dawk l-isforzi u jsaħħaħ il-fehim rigward dak li huwa meħtieġ li jidħol fis-seħħ u sabiex jiġu sostnuti tali stazzjonijiet.

Dan il-proġett għandu jenfasizza r-rwol tal-pajjiż ospitanti, l-Awtoritajiet Nazzjonali u l-Missjonnijiet Permanenti rispettivi u l-ħtieġa li jiġi stabbilit ftehim ta' faċilità u jiġi nnominat Operatur ta' Stazzjon sabiex eventwalment jintlaħaq livell ta' disponibbiltà ta' data aċċettabbli għal dawn l-istazzjonijiet.

Dan il-proġett ser jikkontribwixxi għal żieda fid-disponibbiltà tad-data tan-netwerk tal-istazzjonijiet sismiċi awżiljarji bħala riżultat ta' Operaturi tal-Istazzjon imħarrġa aħjar, strutturi ta' sostenn imsaħħa, żieda fir-rikambju u aktar viżibbiltà għall-Unjoni.

3.   DURATA

▼M1

Id-durata totali għall-implimentazzjoni tal-proġetti hija stmata għal 36 xahar.

▼B

4.   BENEFIĊJARJI

Il-benefiċjarji tal-proġetti li għandhom jiġu appoġġati skont din id-Deċiżjoni huma l-Istati Firmatarji kollha tas-CTBT, kif ukoll il-Kummissjoni Preparatorja.

5.   ENTITÀ IMPLIMENTATTIVA

Il-Kummissjoni Preparatorja ser tiġi fdata bl-implementazzjoni teknika tal-proġetti. Il-proġetti ser jiġu implementati direttament mill-persunal tal-Kummissjoni Preparatorja, mill-esperti mill-Istati Firmatarji tas-CTBT u mill-kuntratturi.

Huwa previst li l-finanzjament ser jintuża biex jiġi kkuntrattjat konsulent tal-ġestjoni tal-proġetti li ser ikun responsabbli li jassisti lill-Kummissjoni Preparatorja fl-implimentazzjoni ta' din id-Deċiżjoni; għall-obbligi tar-rappurtar matul il-perijodu sħiħ ta' implimentazzjoni, inkluż ir-rapport narrattiv finali u r-rapport finanzjarju finali; li jinżamm arkivju tad-dokumenti kollha relatati ma' din id-Deċiżjoni, speċjalment fid-dawl ta' missjonijiet ta' verifika possibbli; li jiżgura l-viżibbiltà tal-Unjoni fl-aspetti kollha tagħha; li jiżgura li l-attivitajiet kollha li jinvolvu l-finanzi, il-liġi u l-ambjent ikunu konformi mal-Ftehim Qafas Finanzjarju u Amministrattiv (FQFA) u li jiżgura li l-informazzjoni kollha, inkluża informazzjoni baġitarja, tkun kompleta, preċiża u pprovduta f'waqtu.

L-implimentazzjoni tal-proġetti ser tkun f'konformità mal-FQFA u l-ftehim ta' finanzjament li għandu jiġi konkluż bejn il-Kummissjoni u l-Kummissjoni Preparatorja.

6.   PARTEĊIPANTI TERZI

Il-proġetti ser jiġu ffinanzjati fl-intier tagħhom minn din id-Deċiżjoni. L-esperti mill-Kummissjoni Preparatorja u mill-Istati Firmatarji tas-CTBT jistgħu jitqiesu bħala parteċipanti terzi. Huma ser jaħdmu skont ir-regoli ta' ħidma standard għall-esperti tal-Kummissjoni Preparatorja.



( 1 ) ĠU L 302, 20.11.2003, p. 34.

( 2 ) ĠU L 88, 25.3.2006, p. 68.

( 3 ) ĠU L 176, 6.7.2007, p. 31.

( 4 ) ĠU L 189, 17.7.2008, p. 28.

( 5 ) ĠU L 219, 20.8.2010, p. 7.