2011R1008 — MT — 25.04.2013 — 001.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1008/2011

tal-10 ta’ Ottubru 2011

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħu mibgħutin mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009

(ĠU L 268, 13.10.2011, p.1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 372/2013 tat-22 ta’ April 2013

  L 112

1

24.4.2013




▼B

REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) Nru 1008/2011

tal-10 ta’ Ottubru 2011

li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina kif estiż għal importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħu mibgħutin mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le, wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament (KE) Nru 1225/2009



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea ( 1 ) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikoli 9(4) u 11(2), (5) u (6) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta sottomessa mill-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) wara li kkonsultat mal-Kumitat Konsultattiv,

Billi:IL-PROĊEDURA Miżuri fis-seħħ

(1)

Il-Kunsill, wara investigazzjoni dwar l-anti-dumping (“l-investigazzjoni oriġinali”), impona bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 ( 2 ), dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex842790 00 u ex843120 00 (“il-miżuri tal-anti-dumping definittivi”). Il-miżuri ttieħdu f’forma ta’ dazju ad valorem li jvarja bejn 7,6 % u 46,7 %.

(2)

Il-Kunsill, wara reviżjoni ex officio tal-ambitu tal-prodott fl-interim, bir-Regolament (KE) Nru 684/2008 ( 3 ), ikklarifika l-ambitu tal-prodott fl-investigazzjoni oriġinali.

(3)

Wara investigazzjoni ex officio ta’ kontra l-evażjoni tal-liġi tal-miżuri tal-anti-dumping, il-Kunsill, permezz tar-Regolament (KE) Nru 499/2009 ( 4 ), estenda d-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha” imposti bir-Regolament (KE) Nru 1174/2005 għall- pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom mibgħutin mit-Tajlandja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le.

It-talba għal reviżjoni tal-iskadenza

(4)

Wara l-pubblikazzjoni ta’ avviż ta’ skadenza imminenti ( 5 ) tal-miżuri tal-anti-dumping definittivi fis-seħħ, fil-21 ta’ April 2010 il-Kummissjoni rċeviet talba għall-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza ta’ dawn il-miżuri skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku. It-talba ġiet ippreżentata minn żewġ produtturi tal-Unjoni: BT Products AB u Lifter S.r.l. (“l-applikanti”) jirrappreżentaw proporzjon prinċipali, f’dan il-każ kważi l-produzzjoni kollha tal-Unjoni ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom.

(5)

It-talba kienet ibbażata fuq ir-raġuni li l-iskadenza tal-miżuri probabbli tirriżulta f’kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ dumping u ħsara lill-Industrija tal-Unjoni.

L-inizjazzjoni ta’ reviżjoni tal-iskadenza

(6)

Wara li ddeterminat, wara kosultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza, il-Kummissjoni ħabbret nhar l-20 ta’ Lulju 2010, permezz ta’ avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ( 6 ) (“in-Notifikazzjoni tat-tnedija”), l-bidu ta’ reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku.

L-investigazzjoni Il-perjodu ta’ investigazzjoni

(7)

L-investigazzjoni tal-kontinwazzjoni jew tar-rikorrenza tad-dumping kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2009 sat-30 ta’ Ġunju 2010 (“il-perjodu tal-investigazzjoni tar-reviżjoni” jew il-“PIR”). L-eżami tat-tendenzi rilevanti għall-valutazzjoni tal-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza ta’ ħsara kopra l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni tar-reviżjoni (“il-perjodu meqjus”).

Il-partijiet milquta mill-investigazzjoni

(8)

Il-Kummissjoni avżat uffiċjalment lill-applikanti, lill-produtturi esportaturi, lill-importaturi, lill-utenti magħrufa li huma kkonċernati, u lir-rappreżentanti tal-pajjiż esportatur dwar il-bidu tar-reviżjoni tal-iskadenza. Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jesprimu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu seduta ta’ smigħ fil-limitu taż-żmien stabbilit fin-Notifikazzjoni tat-tnedija.

(9)

Il-partijiet kollha interessati, li talbu dan u wrew li kien hemm raġunijiet partikolari għaliex għandhom jinstemgħu, ingħataw seduta ta’ smigħ.

(10)

Minħabba l-għadd apparentament kbir ta’ importaturi mhux relatati, kien meqjus xieraq, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, li jiġi eżaminat jekk għandux jittieħed kampjun. Sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiddeċiedi jekk hux neċessarju li jittieħed kampjun u, jekk ikun il-każ, tagħżel kampjun, il-partijiet imsemmija hawn fuq intalbu, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku, jippreżentaw irwieħhom fi żmien 15-il jum mill-inizjazzjoni tar-reviżjonijiet u biex jipprovdu lill-Kummissjoni bl-informazzjoni mitluba fin-Notifikazzjoni tat-tnedija. Madankollu, l-ebda importatur ma resaq il-quddiem biex jikkowopera. It-teħid ta’ kampjun għalhekk ma kienx neċessarju.

(11)

Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji lill-partijiet kollha magħrufa kkonċernati u lil dawk li ppreżentaw ruħhom fl-iskadenzi stabbiliti fin-Notifikazzjoni tat-tnedija. Waslu risposti miż-żewġ gruppi ta’ produtturi tal-Unjoni, li huma l-applikanti. L-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi magħrufa fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (“RPĊ”) ma kkopera fir-reviżjoni. L-ebda wieħed mill-importaturi ma ppreżenta ruħu matul l-eżerċizzju tat-teħid ta’ kampjuni u l-ebda importatur jew utent ieħor ma pprovda informazzjoni lill-Kummissjoni jew ippreżenta ruħu matul il-perjodu ta’ investigazzjoni.

(12)

Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li qieset li kienet neċessarja għad-determinazzjoni tal-probabbiltà tal-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza ta’ dumping u l-ħsara li tirriżulta minnu u tal-interess tal-Unjoni. Twettqu żjarat ta’ verifika fuq il-post tal-partijiet interessati li ġejjin:

Il-produtturi tal-Unjoni

 Lifter SRL, Casole d’Elsa, l-Italja;

 BT Products AB, Mjölby, l-Isvezja.

IL-PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

(13)

Il-prodott milqut minn din ir-reviżjoni huwa l-istess bħal dak fl-investigazzjoni oriġinali u ċċarat mir-reviżjoni interim tal-ambitu tal-prodott, jiġifieri pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom, jiġifieri x-xażi u l-ħajdroliks, li joriġinaw mir-RPĊ u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex842790 00 u ex843120 00. Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, pallet trucks tal-idejn għandhom ikun trakkijiet b’roti li jirfdu l-lifting fork arms għat-tqandil tal-pallets, iddisinjati biex jiġu mbuttati, miġbuda u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operatur pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. Il- pallet trucks tal-idejn, huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompjaw il-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għadhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, pereżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew biex jgħin fil-ħżin tat-tagħbija (“highlifters”),(ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (“stackers”), (iii) biex jerfgħu t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (“scissorlifts”) jew (iv) biex jerfgħu u jiżen it-tagħbija (“weighing trucks”).

(14)

L-investigazzjoni kkonfermat li, bħal fl-investigazzjoni oriġinali, il-prodott ikkonċernat u l-prodotti manifatturati u mibjugħin fis-suq domestiku fir-RPĊ, kif ukoll dawk immanifatturati u mibjugħin fl-UE mill-produtturi tal-Unjoni, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi u huma, għalhekk, meqjusin bħala prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku.

IL-PROBABBILTÀ TA’ KONTINWAZZJONI JEW RIKORRENZA TAD-DUMPING

(15)

Skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk huwiex probabbli li l-iskadenza tal-miżuri eżistenti twassal għall-kontinwazzjoni jew ir-rikorrenza tad-dumping.

Il-kummenti preliminari

(16)

Mil-bidu ġew ikkuntattjati 19-il produttur esportatur Ċiniż. Inizjalment, kumpanija waħda biss, Crown Equipment (Suzhou), ippreżentat lilha nnifisha u qablet li tiġi inkluża fil-kampjun, iżda sussegwentement irtirat il-kooperazzjoni tagħha. Konsegwentement, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ ma kkoopera fl-investigazzjoni u s-sejbiet dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping kellhom jiġu bbażati fuq il-fatti disponibbli, partikolarment fuq l-informazzjoni sottomessa mill-applikanti, inkluża l-informazzjoni fit-talba għal reviżjoni, data mill-Eurostat, kif ukoll statistika uffiċjali dwar l-esportazzjoni tar-RPĊ.

Id-dumping ta’ importazzjonijiet matul il-PIR Il-pajjiż analogu

(17)

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi ddeterminat abbażi tal-prezz jew tal-valur normali kostruwit miksub f’pajjiż terz b’ekonomija tas-suq xierqa (“il-pajjiż analogu”), jew il-prezz mill-pajjiż analogu għal pajjiżi oħra, inkluża l-Unjoni, jew, fejn dan ma kienx possibbli, fuq kwalunkwe bażi oħra raġonevoli, inkluż il-prezz imħallas realment jew li għandu jitħallas fl-Unjoni għall-prodott simili, aġġustat b’mod xieraq jekk meħtieġ biex jinkludi marġni ta’ profitt raġonevoli.

(18)

Fl-istħarriġ oriġinali, il-Kanada ntużat bħala pajjjiż analogu sabiex jiġi stabbilit il-valur normali. Minħabba li l-produzzjoni fil-Kanada kienet naqset, il-Brażil kien previst bħala l-pajjiż analogu fin-notifikazzjoni tat-tnedija għar-reviżjoni preżenti. Madankollu, l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Brażiljani magħrufa ma qabel li jikkoopera. Alternattivament, tfittxet il-kooperazzjoni ta’ 27 produttur Indjan u żewġ produtturi mit-Tajwan, iżda bħal fil-każ ta’ fuq ma ngħatat l-ebda kooperazzjoni. Il-partijiet interessati ma ressqu l-ebda suġġeriment ieħor għal pajjiż analogu.

(19)

Wiehed mil-produttur esportatur li ma ikkoperax iddikjara li l-Kummissjoni ma wrietx li l-użu ta’ data mill-pajjiż analogu kien impossibbli fil-każ kurrenti. Is-suġġerimenti li ngħataw mill-kumpanija ġew iċċekkjati. F’ċerti każijiet il-kumpaniji ssuġġeriti mill-esportatur li ma kkooperax, jidher li ma kinux produtturi tal-prodott ikkonċernat. Il-kumpanija ssuġġeriet ukoll li l-Vjetnam seta’ ntuża bħala pajjiż analogu. Madankollu, il-Vjetnam meta setax jitqies billi mhuwiex meqjus bħala pajjiż b’ekonomija tas-suq. Kif inhu spjegat fil-premessi (17) u (18) hawn fuq, il-Kummissjoni kkuntattjat għadd kbir ta’ kumpaniji fi tliet pajjiżi analogi potenzjali: il-Brażil, l-Indja u t-Tajwan. Minkejja dawn l-isforzi ma nstabet l-ebda kooperazzjoni. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiż analogu, skont l-Artikolu 2(7)(a) tar-Regolament bażiku, il-valur normali kellu jiġi bbażat fuq il-prezz li attwalment jitħallas jew li hu pagabbli fl-Unjoni Ewropea għall-prodott simili, aġġustat kif xieraq jekk huwa neċessarju biex jiġi inkluż marġni ta’ profitt raġonevoli. Għalhekk it-talba kellha tiġi rrifjutata.

Il-valur normali

(20)

Fid-dawl tan-nuqqas ta’ kooperazzjoni minn pajjiż analogu fir-reviżjoni preżenti, il-prezz li jitħallas attwalment jew li hu pagabbli fl-Unjoni għall-prodott simili aġġustat jekk meħtieġ biex jiġi inkluż marġni ta’ profitt, kien użat bħala bażi għall-istabbiliment tal-valur normali. L-istess metodoloġija kienet użata kemm għall-kumpanija li ngħatat l-MET fl-investigazzjoni oriġinali u kemm għall-kumpaniji li ma ngħatawx l-MET fl-investigazzjoni oriġinali.

Il-prezz tal-esportazzjoni

(21)

Fid-dawl tal-fatt li l-ebda wieħed mill-produtturi esportaturi Ċiniżi ma kkoopera, il-prezz tal-esportazzjoni kien stabbilit abbażi tal-fatti disponibbli. Sabiex jiġi stabbilit il-prezz tal-esportazzjoni ġew ikkonsultati diversi sorsi ta’ informazzjoni: data tal-Eurostat, offerti ta’ produtturi esportaturi Ċiniżi kif sottomessi mill-applikanti u fatturi tal-esportazzjoni miġbura mill-awtoritajiet doganali fl-Istati Membri.

It-tqabbil

(22)

Il-medja differenzjata tal-valur normali tqabbel mal-medja differenzjata tal-prezz ta’esportazzjoni, fuq bażi tal-prezz ex-fabbrika u fuq l-istess livell tal-kummerċ. Skont l-Artikolu 2(10) tar-Regolament bażiku, u biex jiġi żgurat tqabbil ġust, tqiesu d-differenzi fil-fatturi li jaffettwaw il-prezz u l-paragunabbiltà tal-prezzijiet. Saru xi aġġustamenti għat-trasport tal-merkanzija bl-oċean u domestiku fil-pajjiż esportatur, kif ukoll assigurazzjoni.

Il-marġni tad-dumping

(23)

Skont l-Artikolu 2(11) tar-Regolament bażiku, il-marġni tad-dumping kien stabbilit fuq bażi ta’ tqabbil bejn il-medja differenzjata tal-valur normalu u l-medja differenzjata tal-valur ta’esportazzjoni. Dan it-tqabbil wera l-eżistenza ta’ dumping sinifikanti tul il-PIR li kien ivarja minn 97 % sa 224 %. Id-differenza sinifikanti fil-marġni tad-dumping tirriżulta mid-data differenti użata għall-istabbiliment tal-prezz tal-esportazzjoni.

L-iżvilupp tal-importazzjonijiet jekk jiġu revokati l-miżuri

(24)

Minbarra l-analiżi tal-eżistenza ta’ dumping matul il-PIR, ġiet investigata l-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping jekk jiġu revokati l-miżuri. Minħabba l-fatt li l-ebda produttur esportatur fir-RPĊ ma kkoopera f’din l-investigazzjoni, il-konklużjonijiet ta’ hawn taħt huma msejsa fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, jiġifieri l-informazzjoni mogħtija fit-talbiet għal reviżjoni kif ukoll id-dataa mogħtija mill-applikanti, id-data tal-Eurostat u l-istatistika uffiċjali dwar l-esportazzjoni tar-RPĊ.

(25)

F’dan ir-rigward, l-elementi li ġejjin ġew analizzati: l-iżvilupp tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, il-kapaċità żejda tal-esportaturi u kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni, il-prezzijiet domestiċi taċ-Ċina u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi.

L-iżvilupp tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

(26)

Il-produtturi esportaturi Ċiniżi baqgħu jfornu volumi sinifikanti ta’ pallettrucks tal-idejn lis-suq tal-Unjoni wara l-impożizzjoni tal-miżuri fl-2005. Il-volum tal-importazzjonijiet mir-RPĊ lejn l-UE waqt il-PIR, kważi 400 000 unità, li jikkorrespondi għal 99 % tal-importazzjonijiet totali tal-UE, qabeż b’mod konsiderevoli l-livelli li ġew irreġistrati qabel l-impożizzjoni tal-miżuri (li kienu jvarjaw minn 118 000 unità fis-sena 2000 sa 280 000 unità fil-PI oriġinali).

Il-kapaċità żejda tal-esportaturi

(27)

Fin-nuqqas ta’ informazzjoni oħra li tirrigwarda l-produzzjoni u l-kapaċità fir-RPĊ, l-analiżi saret skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku fuq il-bażi tal-informazzjoni sottomessa mill-applikanti. L-informazzjoni tas-suq li tinsab fit-talba għal reviżjoni, li ma ġietx ikkuntestata mill-partijiet interessati, turi li hemm kapaċità kbira fir-RPĊ. Il-livelli ta’ produzzjoni fl-2008 u l-2009, rispettivament 1,5 miljun unità u 800 000 unità, diġà kienu iktar mid-doppju tad-daqs tas-suq kollu tal-Unjoni. Barra minn hekk, proporzjon limitat biss tal-produzzjoni Ċiniża (14 % fl-2008 u 23 % fl-2009) inbiegħ fis-suq domestiku Ċiniż.

(28)

Il-livelli ta’ produzzjoni jenfasizzaw biċ-ċar il-konklużjoni li fin-nuqqas ta’ miżuri, kwantitajiet addizzjonali sinifikanti ta’ pallet trucks tal-idejn miċ-Ċina jistgħu jintbagħtu lejn is-suq tal-Unjoni.

Kemm hu attraenti s-suq tal-Unjoni, il-prezzijiet domestiċi Ċiniżi u l-prezzijiet tal-esportazzjoni lejn pajjiżi terzi

(29)

Is-suq tal-Unjoni jibqa’ attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi fir-rigward ta’ prezzijiet. L-importazzjonijiet mir-RPĊ daħlu fl-UE b’madwar terz tal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni għall-klijenti tagħha tal-UE li mhumiex relatati.

(30)

Abbażi tal-istatistika dwar l-esportazzjoni taċ-Ċina, instab li tul il-PIR l-Unjoni kienet id-destinazzjoni ta’ 40 % tal-esportazzjoni kollha miċ-Ċina ta’ pallettrucks tal-idejn. L-Istati Uniti jikkostitwixxu t-tieni l-ikbar suq tal-esportazzjoni ta’ pallettrucks tal-idejn miċ-Ċina, li jammonta għal 20 % tal-esportazzjonijiet kollha miċ-Ċina, filwaqt li l-bqija tal-volumi huma mifruxa fuq destinazzjonijiet differenti.

(31)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni taċ-Ċina lejn l-UE, huma b’mod ġenerali f’konformità mal-prezzijiet tal-esportazzjoni medji taċ-Ċina lejn il-pajjiżi terzi kollha minbarra l-Istati Uniti. Madankollu, jista’ jiġi konkluż li tal-inqas parti mill-esportazzjonijiet taċ-Ċina lejn il-pajjiżi terzi minbarra l-UE jew l-Istati Uniti (40 % tal-esportazzjonijiet kollha miċ-Ċina) jistgħu potenzjalment jintbagħtu lejn l-UE minflok fid-destinazzjoni oriġinali jekk il-miżuri jiġu revokati. Żvilupp bħal dan huwa probabbli, mhux biss minħabba li jistgħu jintlaħqu prezzijiet ogħla fl-assenza tal-miżuri iżda notevolment minħabba l-frammentazzjoni ta’ dawk l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Minħabba l-importanza tas-suq tal-Unjoni u ta’ mezzi ta’ bejgħ li huma diġà stabbiliti, ikun iktar faċli li wieħed jikkontrolla destinazzjoni waħda tal-esportazzjonijiet milli diversi pajjiżi.

(32)

Il-prezzijiet tal-esportazzjoni miċ-Ċina lejn l-UE, huma konsiderevolment ogħla mill-prezzijiet tal-esportazzjoni miċ-Ċina lejn l-Istati Uniti (17 % ogħla tul il-PIR). Minħabba n-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-esportaturi Ċiniżi, ma jistax jiġi ddeterminat sa liema punt din id-differenza tista’ tiġi spjegata mid-differenza fit-taħlita ta’ prodotti. Madankollu, abbażi tad-data disponibbli dwar l-esportazzjoni, ma jistax jiġi eskluż li pallet trucks tal-idejn esportati lejn l-Istati Uniti bi prezzijiet iktar baxxi jiġu (parzjalment) mibgħuta lejn l-Unjoni jekk il-miżuri jiġu revokati. Żvilupp bħal dan jista’ jiġi spjegat mir-raġunijiet imsemmija fil-premessa (31) hawn fuq.

(33)

It-tqabbil tal-prezzijiet ta’ hawn fuq juri li l-UE tibqa’ destinazzjoni tassew attraenti għall-produtturi esportaturi Ċiniżi, li huwa tassew probabbli li jkomplu jesportaw kwantitajiet kbar ta’ pallet trucks tal-idejn bi prezzijiet baxxi.

Il-konklużjoni dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni jew rikorrenza tad-dumping

(34)

L-analiżi ta’ hawn fuq turi li l-importazzjonijiet Ċiniżi komplew jidħlu fis-suq tal-Unjoni bi prezzijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping b’marġni tad-dumping għoli ħafna. Minħabba notevolment, l-analiżi tal-livelli tal-prezzijiet fis-suq tal-UE u fis-swieq ta’ pajjiżi terzi oħra kif ukoll tal-kapaċitajiet disponibbli fir-RPĊ, jista’ jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ tkomplija ta’ dumping jekk il-miżuri jitneħħew.

ID-DEFINIZZJONI TAL-INDUSTRIJA TAL-UNJONI Il-produzzjoni tal-Unjoni

(35)

Fl-Unjoni, il-prodott simili huwa mmanifatturat miż-żewġ gruppi ta’ kumpaniji li huma l-applikanti, kif ukoll minn produttur terz tal-Unjoni ta’ pallet trucks tal-idejn. Il-produzzjoni ta’ dawn il-kumpaniji tikkostitwixxi l-produzzjoni totali tal-Unjoni tal-prodott simili fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku.

L-industrija tal-Unjoni

(36)

Billi dawn il-produtturi huma responsabbli għall-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ pallet trucks tal-idejn, huma meqjusin li jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku u minn hawn ’il quddiem se jissejaħ “l-industrija tal-Unjoni”.

(37)

Esportatur li ma kkooperax iddikjara li l-Kummissjoni użat definizzjoni mhix preċiża tal-industrija tal-Unjoni minħabba li inkludiet produttur tal-Unjoni li ma kkooperax skont id-definizzjoni tal-industrija tal-Unjoni u fl-ambitu tal-analiżi tal-ħsara tagħha. Dawn argumentaw li dan sar bi ksur tal-Artikolu 5(4) tar-Regolament bażiku. Madankollu, skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament bażiku, l-industrija tal-Unjoni tinkludi l-produtturi tal-Unjoni tal-prodott simili b’mod ġenerali. Il-produttur li ma kkooperax għalhekk jagħmel parti mill-industrija tal-Unjoni skont ir-Regolament bażiku. Kif inhu spjegat fil-premessa (42), id-data għall-produttur tal-Unjoni li ma kkooperax ġiet inkluża biss fir-rigward tal-analiżi tal-volumi tal-bejgħ lil klijenti mhux relatati u ishma mis-suq tal-industrija tal-Unjoni. Huwa nnutat ukoll li fil-każ li l-produttur tal-Unjoni li ma kkooperax ġie eskluż mill-analiżi, is-sejbiet tal-investigazzjoni jibqgħu l-istess.

IS-SITWAZZJONI FIS-SUQ TAL-UNJONI Il-kumment preliminari

(38)

Minħabba li l-ebda produttur esportatur Ċiniż tal-prodott ikkonċernat ma kkoopera f’din l-investigazzjoni, id-data relatata mal-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat fl-Unjoni Ewropea li joriġinaw mir-RPĊ (“il-pajjiż ikkonċernat”) hija bbażata fuq iċ-ċifri tal-Eurostat.

Il-konsum fis-suq tal-Unjoni

(39)

Il-konsum tal-Unjoni ġie stabbilit abbażi tal-volumi tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, u data tal-importazzjoni mill-Eurostat.

(40)

Bejn l-2007 u l-PIR, il-konsum tal-Unjoni naqas b’40 % u bit-tnaqqis ewlieni sseħħ bejn l-2008 u l-2009.



Tabella 1

 

2007

2008

2009

PIR

Il-konsum totali tal-UE (biċċiet)

783 330

654 843

385 410

468 557

Indiċi (2007 = 100)

100

84

49

60

Il-volum, is-sehem tas-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ

(41)

Il-volum tal-importazzjonijiet li joriġinaw mir-RPĊ naqas b’37 % tul il-perjodu kkunsidrat u laħaq livell ta’ 387 907 biċċa waqt il-PIR. Madankollu, minkejja t-tnaqqis sinifikanti fid-domanda tal-Unjoni, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied tul il-perjodu kkunsidrat billi l-importazzjonijiet Ċiniżi ma naqsux bl-istess rata bħall-konsum tal-Unjoni. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat għalhekk żdied b’mod sinifikanti bejn l-2007 u l-PIR, meta laħaq il-livell ta’ madwar 83 %. Il-prezz medju tal-importazzjonijiet taċ-Ċina varjaw kemxejn tul il-perjodu kkunsidrat.



Tabella 2

 

2007

2008

2009

PIR

Volum ta’ importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat

(biċċiet) (1)

612 222

522 573

300 222

387 907

Indiċi (2007 = 100)

100

85

49

63

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (1)

78 %

80 %

78 %

83 %

Il-prezz tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat (EUR/biċċa) (1)

96

92

100

97

Indiċi (2007 = 100)

100

96

104

101

(1)   Data mill-Eurostat. Fl-2007 u l-2008, parti mill-prodotti Ċiniżi ġew iddikjarati li huma ta’ oriġini Tajlandiża, sal-impożizzjoni tal-miżuri ta’ kontra l-evażjoni tal-liġi fuq l-importazzjonijiet mit-Tajlandja fl-2008. Għalhekk dawk l-importazzjonijiet mit-Tajlandja ġew miżjuda mal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat, u affettwaw kemxejn id-data għall-2007 u l-2008 fit-Tabella 2 hawn fuq.

Is-sitwazzjoni ekonomika tal-industrija tal-Unjoni

(42)

Skont l-Artikolu 3(5) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat il-fatturi u l-indiċijiet ekonomiċi kollha rilevanti li jaffettwaw l-istat tal-industrija tal-Unjoni. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità (żewġ produtturi biss – l-applikanti – ikkooperaw fir-reviżjoni) l-indiċijiet biss huma żvelati hawn taħt. Fir-rigward tal-volum tal-bejgħ totali tal-UE lil klijenti mhux relatati kif ukoll tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni muri f’Tabelli 6 u 7, sabiex ikun hemm konsistenza mat-Tabelli 1 u 2 ta’ hawn fuq (il-konsum u s-sehem mis-suq Ċiniż), id-data hija bbażata fuq it-tliet produtturi tal-Unjoni, jiġifieri bl-inklużjoni taż-żewġ gruppi ta’ applikanti u t-tielet manifattur li ma kkooperax fir-reviżjoni (iċ-ċifri tal-volum tal-bejgħ ta’ dan tal-aħħar huma bbażati fuq l-informazzjoni sottomessa mill-applikanti).

Il-produzzjoni

(43)

Fil-PIR, il-produzzjoni naqset b’35 % meta mqabbla mal-2007.



Tabella 3

 

2007

2008

2009

PIR

Il-produzzjoni (biċċiet)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

84

55

65

Il-kapaċità u rati tal-użu tal-kapaċità

(44)

Il-kapaċità tal-produzzjoni baqgħet stabbli bejn l-2007 u l-PIR. Waqt li l-użu tal-kapaċità kien diġà f’livell baxx fl-2007, it-tnaqqis fil-produzzjoni bejn l-2007 u l-PIR wassal għal iktar tnaqqis sinifikanti fl-użu tal-kapaċità b’20 punt perċentwali bejn l-2007 u l-PIR, meta l-użu tal-kapaċità kien f’livell baxx ħafna.



Tabella 4

 

2007

2008

2009

PIR

Il-kapaċità tal-produzzjoni (biċċiet)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

100

100

100

L-użu tal-kapaċità

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

84

55

65

L-istokks

(45)

Il-livell tal-istokks tal-għeluq tal-industrija tal-Unjoni naqas b’56 % bejn l-2007 u l-PIR.



Tabella 5

 

2007

2008

2009

PIR

L-istokks tal-għeluq (biċċiet)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

131

59

156

Il-volum tal-bejgħ

(46)

Il-bejgħ mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni lil klijenti mhux relatati naqas b’50 % matul il-perjodu kkunsidrat bl-ikbar tnaqqis bejn l-2008 u l-2009.



Tabella 6

 

2007

2008

2009

PIR

Il-volum tal-bejgħ tal-UE lil klijenti mhux relatati (biċċiet)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

79

55

50

Is-sehem mis-suq

(47)

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni naqas minn livell li diġà kien baxx fl-2007 b’tnaqqis iehor ta’16 % bejn l-2007 u l-PIR. Tnejn mill-erba’ produtturi tal-Unjoni tal-investigazzjoni oriġinali waqfu jimmanifatturaw pallet trucks tal-idejn. Wieħed jista’ josserva li ż-żewġ avvenimenti rriżultaw mill-pressjoni miżjuda li l-importazzjonijiet Ċiniżi li kienu l-oġġett ta’ dumping qed jeżerċitaw fuq is-suq tal-Unjoni, liema pressjoni nħasset anki iktar mill-industrija tal-Unjoni f’sitwazzjoni ta’ konsum li kien qed jonqos b’rata mgħaġġla.



Tabella 7

 

2007

2008

2009

PIR

Is-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

95

111

84

It-tkabbir

(48)

Bejn l-2007 u l-PIR, il-konsum tal-Unjoni naqas b’40 %. L-industrija tal-Unjoni tilfet kważi 3,2 punti perċentwali ta’ sehem mis-suq, filwaqt li l-importazzjonijiet konċernati kisbu 5 punti perċentwali ta’ sehem mis-suq.

L-impjiegi

(49)

Il-livell tal-impjiegi tal-industrija tal-Unjoni naqas bi 17 % bejn l-2007 u l-PIR. Dan juri l-isforzi tal-industrija tal-Unjoni biex tirrazzjonalizza l-produzzjoni f’sitwazzjoni ta’ domanda li kienet qed tonqos b’pass mgħaġġel.



Tabella 8

 

2007

2008

2009

PIR

Il-prodott tal-impjiegi kkonċernat (persuni)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

84

76

83

Il-produttività

(50)

Il-produttività tal-forza tax-xogħol tal-industrija tal-Unjoni, imkejla bħala prodott għal kull persuna impjegata kull sena, naqset bi 22 % bejn l-2007 u l-PIR.



Tabella 9

 

2007

2008

2009

PIR

Il-produttività (biċċiet għal kull impjegat)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

103

74

78

Il-prezzijiet tal-bejgħ u l-fatturi li jaffettwaw il-prezzijiet domestiċi

(51)

Il-prezzijiet tal-bejgħ għal kull unità mill-industrija tal-Unjoni żdiedu b’4 % bejn l-2007 u l-PIR.



Tabella 10

 

2007

2008

2009

PIR

Il-prezz unitarju tas-suq tal-UE (EUR/biċċa)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

101

103

104

Il-pagi

(52)

Bejn l-2007 u l-PIR, il-paga medja għal kull impjegat naqset b’29 %. Dan juri wkoll l-isforzi li rnexxew li saru mill-industrija tal-Unjoni biex jitrażżnu l-ispejjeż, minkejja l-problemi kkawżati mit-tnaqqis drastiku fil-volum tal-produzzjoni.



Tabella 11

 

2007

2008

2009

PIR

L-ispejjeż annwali tax-xogħol għal kull impjegat (‘000 EUR)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

91

63

71

L-investimenti

(53)

Bejn l-2007 u l-PIR, il-fluss annwali ta’ investimenti fil-prodott ikkonċernat li għamlet l-industrija tal-Unjoni naqas b’91 %.



Tabella 12

 

2007

2008

2009

PIR

L-investiment nett (EUR)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

58

27

9

'Il-profittabbiltà u redditu mill-investimenti

(54)

Il-profittabbiltà tal-industrija tal-Unjoni naqset sostanzjalment b’66 % bejn l-2007 u l-PIR.

(55)

Ir-redditu mill-investimenti (“ROI”) ukoll naqas sinifikattivament, b’57 % tul il-perjodu kkunsidrat.



Tabella 13

 

2007

2008

2009

PIR

Il-Profitt Nett tal-bejgħ tal-UE lil klijenti mhux relatati (% ta’ bejgħ nett)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

68

–2

34

ROI (profitt nett f’% tal-valur nett skont il-kotba tal-investimenti)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

80

–2

43

Il-fluss ta’ flus u l-kapaċità ta’ ġbir ta’ kapital

(56)

Il-fluss ta’ flus nett mill-attivitajiet operattivi jidher fit-tabella 14 hawn taħt. Ma kienx hemm indikazzjonijiet li l-industrija tal-Unjoni ffaċċjat diffikultajiet fil-ġbir tal-kapital, l-aktar minħabba li wħud mill-produtturi huma inkorporati fi gruppi akbar.



Tabella 14

 

2007

2008

2009

PIR

Il-fluss ta’ flus (EUR)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

84

65

73

Id-daqs tal-marġni tad-dumping

(57)

Minħabba l-volum, is-sehem mis-suq u l-prezzijiet tal-importazzjonijiet mir-RPĊ, l-impatt fuq l-industrija tal-Unjoni tal-marġni attwali tad-dumping ma jistax jitqies li hu negliġibbli.

L-irkupru mill-effetti tad-dumping li sar fil-passat

(58)

L-indikaturi li ġew eżaminati hawn fuq juru li, minkejja l-impożizzjoni tal-miżuri tal-anti-dumping fl-2005, is-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni baqgħet sostanzjalment fraġli, minħabba preżenza kbira ħafna ta’ prodotti miċ-Ċina bi prezzijiet baxxi fis-suq tal-Unjoni. Il-prekarjetà tas-sitwazzjoni kompliet toħroġ biċ-ċar fi stampa ta’ ħsara tul l-2009 u l-PIR, meta tnaqqis sostanzjali fil-konsum tal-Unjoni enfasizza l-estent sħiħ tal-pressjoni negattiva eżerċitata mill-importazzjonijiet miċ-Ċina li kienu l-oġġett ta’ dumping. Tul dak il-perjodu fil-fatt, l-industrija tal-Unjoni esperjenzat tnaqqis fil-volumi tagħha tal-produzzjoni u l-bejgħ b’rata iktar mgħaġġla mill-konsum tal-Unjoni u għalhekk esperjenzat telf addizzjonali fl-ishma mis-suq. Tul l-istess perjodu, u minkejja l-miżuri, is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi żdied u l-prodotti Ċiniżi baqgħu jiġu importati bi prezzijiet sostanzjalment iżjed baxxi minn dawk tal-industrija tal-Unjoni. Tul il-PIR, il-profitti komplew jonqsu għall-industrija tal-Unjoni. Għalhekk, l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tirkupra mill-effetti tad-dumping u s-sitwazzjoni tagħha kompliet tiddeterjora tul il-PIR.

Il-konklużjonijiet

(59)

Bejn l-2007 u l-PIR, u minkejja l-eżistenza tal-miżuri tal-anti-dumping, żviluppaw għadd ta’ indikaturi negattivi importanti: il-profittabbiltà naqset b’4,9 punti perċentwali, il-volumi tal-produzzjoni u tal-bejgħ naqsu b’35 % u 50 % rispettivament, l-użu tal-kapaċità niżel b’35 % u dan ġie segwit minn tnaqqis fl-impjieg. Għalkemm parti minn dawn l-iżviluppi negattivi tista’ tiġi spjegata mit-tnaqqis qawwi fil-konsum, li naqas b’40 % matul il-perjodu kkunsidrat, it-tnaqqis tas-sehem mis-suq tal-industrija tal-Unjoni li kompla jiggrava (niżel b’4 punti perċentwali bejn l-2007 u l-PIR) u ż-żieda kostanti fis-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet mir-RPĊ huma sinjali ċari tal-pressjoni li qed tiżdied u li tirriżulta mill-importazzjonijiet miċ-Ċina li huma l-oġġett ta’ dumping. Minħabba li l-importazzjonijiet miċ-Ċina kważi jgawdu monopolju tas-suq tal-Unjoni, kwalunkwe żieda oħra fl-importazzjonijiet miċ-Ċina, anki minħabba l-prezzijiet tagħhom li huma baxxi b’mod sinifikanti, tista’ twaqqa’ l-livell tal-użu tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni għal inqas mill-minimu neċessarju biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tiegħu. F’dan ir-rigward, jiġi mfakkar li ż-żewġ produtturi tal-Unjoni ġew sfurzati li jabbandunaw in-negozju ta’ pallet trucks tal-idejn matul il-perjodu kkunsidrat, kif diġà ssemma fil-premessa (47) hawn fuq.

(60)

Fil-kummenti tiegħu wara l-iżvelar, produttur esportatur Ċiniż qal li ċerti indikaturi inklużi l-produzzjoni, il-volum tal-bejgħ, il-profittabbiltà, l-użu tal-kapaċità u l-impjieg, fil-fatt ma juru l-ebda żvilupp negattiv għall-industrija tal-Unjoni. Madankollu, il-kumpanija kienet qieset biss l-iżvilupp bejn l-2009 u l-PIR, filwaqt li għall-valutazzjoni tal-ħsara l-iżvilupp ġenerali tal-industrija tal-Unjoni tul il-perjodu meqjus, jiġifieri bejn l-2007 u l-PIR għandu jiġi vvalutat. Kif inhu spjegat fuq (ara l-premessi (43) sa (49)), l-indikaturi kollha tal-ħsara msemmija mill-esportatur Ċiniż, żviluppaw f’direzzjoni negattiva tul il-perjodu meqjus.

(61)

Barra minn hekk, l-istess esportatur qal li l-Kummissjoni ma għamlitx distinzjoni bejn l-effett ta’ ħsara kkawżat mill-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping u effetti oħra, partikolarment it-tnaqqis drastiku fid-domanda minħabba l-kriżi ekonomika, Madankollu, filwaqt li huwa minnu li l-konsum tal-Unjoni naqas b’40 % tul il-perjodu meqjus, l-esportaturi Ċiniżi rnexxielhom jakkwistaw sehem mis-suq sinifikanti għad-detriment tal-industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, kif inhu spjegat fil-premessa (58) fuq, huwa mfakkar li l-impatt tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping kien fil-fatt iktar ta’ ħsara tul il-perjodu fejn id-domanda kienet baxxa.

Għalhekk ġie konkluż li, minkejja l-eżistenza tal-miżuri tal-anti-dumping, l-industrija tal-Unjoni sofriet minn ħsara materjali tul il-PIR.

L-impatt tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping u fatturi oħra L-impatt tal-importazzjonijiet li kienu l-oġġett ta’ dumping

(62)

Minkejja żieda fil-konsum fl-Unjoni Ewropea tul il-perjodu kkunsidrat, il-volum tal-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat ma żdiedx bl-istess rata u dan wassal biex l-importazzjonijiet miċ-Ċina jgawdu sehem ikbar mis-suq. Fin-nuqqas ta’ kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi Ċiniżi, it-twaqqigħ tal-prezzijiet u l-bejgħ bi prezzijiet iktar baxxi ġew ikkalkolati abbażi tal-aħjar fatti disponibbli, li kienu jinkludu diversi sorsi ta’ informazzjoni jiġifieri data mill-Eurostat, offerti mill-produtturi esportaturi Ċiniżi kif sottomessi mill-applikanti, u fatturi tal-esportazzjoni miġburin mill-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri. Instab li l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat iwaqqgħu b’mod ċar il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni b’madwar 43 % u 78 %, skont is-sorsi ta’ informazzjoni użati.

L-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

(63)

L-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra jinsabu f’livell baxx ħafna u komplew jonqsu b’79 % bejn l-2007 u l-PIR. Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra naqas tul il-PIR ukoll. Għal raġunijiet ta’ kunfidenzjalità (żewġ produtturi jikkostitwixxu l-industrija tal-Unjoni) l-indiċijiet biss huma żvelati hawn taħt.



Tabella 15

 

2007

2008

2009

PIR

Il-volum ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi oħra (biċċiet)

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

60

6

21

Is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet minn pajjiżi oħra

 
 
 
 

Indiċi (2007 = 100)

100

71

12

34

Il-konklużjoni

(64)

Kif jidher fil-premessa (41) l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu fir-rigward ta’ sehem mis-suq tul il-perjodu kkunsidrat, u dan minkejja tnaqqis sinifikanti fil-konsum tal-Unjoni. Dan żied is-sehem mis-suq tal-importazzjonijiet Ċiniżi għal 83 % tal-konsum tal-Unjoni tul il-PIR. Din iż-żieda fil-pressjoni fir-rigward ta’ volumi, minkejja t-tnaqqis ġenerali fid-domanda, kienet konnessa ma’ prezzijiet tal-importazzjoni miċ-Ċina lejn l-Unjoni li huma b’mod sinifikanti baxxi, li ġegħlu jwaqqaw il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni konsiderevolment. Għalhekk ġie konkluż li hemm rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet li kienu oġġett ta’ dumping mir-RPĊ u l-ħsara materjali li batiet l-industrija tal-Unjoni tul il-PIR.

IL-PROBABBILTÀ TAL-KONTINWAZZJONI TAL-ĦSARA Il-kummenti preliminari

(65)

Kif intwera diġà, minħabba l-impożizzjoni tal-miżuri tal-anti-dumping l-industrija tal-Unjoni ma setgħetx tirkupra mill-ħsara li batiet.

L-iżvilupp probabbli tal-esportazzjonijiet miċ-Ċina jekk il-miżuri jiġu revokati

(66)

Kif imsemmi fil-premessa (27) hawn fuq, ir-RPĊ għandha kapaċitajiet kbar ta’ produzzjoni. Il-livelli ta’ produzzjoni fl-2008 u l-2009, 1,5 miljun unità u 800 000 unità rispettivament, diġà kienu iktar mid-doppju tad-daqs tas-suq kollu tal-Unjoni. Barra minn hekk, proporzjon limitat biss tal-produzzjoni Ċiniża (14 % fl-2008 u 23 % fl-2009) inbiegħ fis-suq domestiku Ċiniż. Fin-nuqqas ta’ miżuri, għalhekk, kwantitajiet addizzjonali sinifikanti ta’ pallet trucks tal-idejn miċ-Ċina jistgħu jintbagħtu lejn is-suq tal-Unjoni.

(67)

Kif imsemmi fuq fil-premessa (31), il-prezzijiet tal-esportazzjoni taċ-Ċina lejn l-UE, huma b’mod ġenerali f’konformità mal-prezzijiet tal-esportazzjoni medji taċ-Ċina għall-pajjiżi terzi kollha. Madankollu, jista’ jiġi konkluż li tal-inqas parti mill-esportazzjonijiet taċ-Ċina lejn il-pajjiżi terzi minbarra l-UE jew l-Istati Uniti (40 % tal-esportazzjonijiet kollha miċ-Ċina) jistgħu potenzjalment jintbagħtu lejn l-UE minflok fid-destinazzjoni oriġinali jekk il-miżuri jiġu revokati. Żvilupp bħal dan huwa probabbli, mhux biss minħabba li jistgħu jintlaħqu prezzijiet ogħla fin-nuqqas ta’ miżuri iżda, notevolment, minħabba l-frammentazzjoni ta’ dawk l-esportazzjonijiet lejn pajjiżi terzi. Minħabba l-importanza tas-suq tal-Unjoni u ta’ mezzi ta’ bejgħ li huma diġà stabbiliti, ikun iktar faċli li wieħed jikkontrolla destinazzjoni waħda tal-esportazzjonijiet milli ħafna pajjiżi.

Il-konklużjoni

(68)

Fid-dawl tas-sejbiet imsemmija fil-premessi (66) u (67) hawn fuq, huwa konkluż li hemm probabbiltà li l-ħsara materjali li nstabet tul il-PIR se tkompli teżisti jekk il-miżuri jiġu revokati. Dan x’aktarx li jwassal għal iktar deterjorament tas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja tal-industrija tal-Unjoni, li tul żmien medju jista’ jwassal biex jikkomprometti l-eżistenza tagħha.

L-INTERESS TAL-UNJONI Introduzzjoni

(69)

Skont l-Artikolu 21 tar-Regolament bażiku, ġie eżaminat jekk iż-żamma tal-miżuri tal-anti-dumping eżistenti tmurx kontra l-interess tal-Unjoni bħala entità. Id-determinazzjoni tal-interess tal-Unjoni kienet ibbażata fuq apprezzament tal-interessi differenti involuti, jiġifieri dawk tal-industrija tal-Unjoni, tal-importaturi, u tal-utenti.

(70)

Għandu jiġi mfakkar ukoll li, fl-investigazzjoni oriġinali, l-adozzjoni tal-miżuri kienet ikkunsidrata li ma tmurx kontra l-interess tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-fatt li l-investigazzjoni preżenti hija reviżjoni, li b’hekk tanalizza sitwazzjoni li fiha l-miżuri tal-anti-dumping diġà kienu fis-seħħ, jippermetti l-valutazzjoni ta’ kwalunkwe impatt negattiv mhux xieraq fuq il-partijiet ikkonċernati mill-miżuri tal-anti-dumping eżistenti.

(71)

Fuq din il-bażi kien eżaminat, jekk, minkejja l-konklużjonijiet dwar il-probabbiltà ta’ kontinwazzjoni ta’ dumping li jagħmel il-ħsara, jista’ jkun konkluż b’mod ċar li mhuwiex fl-interess tal-Unjoni li jinżammu l-miżuri f’dan il-każ partikolari.

L-interess tal-industrija tal-Unjoni

(72)

L-industrija tal-Unjoni tilfet b’mod konsistenti s-sehem mis-suq filwaqt li l-importazzjonijiet mill-pajjiż ikkonċernat żdiedu sostanzjalment matul il-perjodu kkunsidrat. Tnejn mill-erba’ produtturi oriġinali tal-Unjoni waqqfu l-produzzjoni tal-prodott investigat. Barra minn hekk, l-industrija tal-Unjoni batiet ħsara materjali tul il-perjodu kkunsidrat. Mingħajr l-eżistenza tal-miżuri, l-industrija tal-Unjoni probabbli tkun f’sitwazzjoni anki agħar.

L-interessi tal-importaturi u l-utenti

(73)

L-ebda wieħed mill-importaturi u l-utenti mhux relatati li ġew ikkuntattjati ma kkoopera. Ta’ min ifakkar li, fl-investigazzjoni oriġinali, instab li l-impatt tal-impożizzjoni tal-miżuri ma kellux ikun sinifikanti għall-utenti. Minkejja l-eżistenza tal-miżuri għal ħames snin, l-importaturi/utenti fl-Unjoni komplew jakkwistaw il-provvisti tagħhom mir-RPĊ. Kif ukoll ma tressqet l-ebda indikazzjoni li kien hemm diffikultajiet biex jinstabu sorsi oħra. Barra minn hekk, huwa mfakkar li fl-investigazzjoni oriġinali l-utenti li kkooperaw baqgħu newtrali fir-rigward tal-impożizzjoni tal-miżuri u ġie konkluż li l pallet trucks tal-idejn kien ta’ importanza trivjali fin-negozju tagħhom. L-ebda indikazzjoni tal-kuntrarju ma nstabet waqt din ir-reviżjoni. Għalhekk ġie konkluż li huwa improbabbli li ż-żamma tal-miżuri tal-anti-dumping jkollha effett serju fuq l-importaturi/utenti fl-Unjoni. Fil-fatt, mingħajr il-miżuri l-importazzjonijiet miċ-Ċina li huma l-oġġett ta’ dumping jistgħu jimmonopolizzaw is-suq tal-Unjoni ta’ pallet trucks tal-idejn.

Il-konklużjoni

(74)

Fid-dawl ta’ dak li ntqal fuq, ma jistax jiġi konkluż b’mod ċar li ż-żamma tal-miżuri tal-anti-dumping eżistenti ma tkunx fl-interess tal-Unjoni.

IL-MIŻURI TAL-ANTI-DUMPING

(75)

Il-partijiet kollha ġew mgħarrfa dwar il-fatti essenzjali u l-kunsiderazzjonijiet li abbażi tagħhom kien previst li jiġi rakkomandat li jinżammu l-miżuri eżistenti. Dawn ingħataw ukoll perjodu biex jibagħtu l-kummenti tagħhom wara dak l-iżvelar. Is-sottomissjonijiet u l-kummenti ngħataw il-kunsiderazzjoni dovuta fejn kien ġustifikat.

(76)

Fil-kummenti tagħha wara l-iżvelar, l-industrija tal-Unjoni enfasizzat li d-dumping u l-livelli ta’ twaqqigħ fil-prezz misjuba fir-reviżjoni huma ħafna ogħla milli fl-investigazzjoni oriġinali u li kien hemm pressjoni li dejjem kienet qed tiżdied minn importazzjonijiet Ċiniżi li kienu l-oġġett ta’ dumping. L-industrija tal-Unjoni għalhekk iddikjarat li l-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-valutazzjoni mill-ġdid tal-livell tad-dazji anti-dumping. Fid-dawl ta’ dawn il-kummenti, kif ukoll tas-sejbiet ta’ din ir-reviżjoni, qed tiġi kkunsidrata l-possibbiltà li tinfetaħ reviżjoni sħiħa interim li tiffoka biss fuq id-dumping.

(77)

Minn dak li ntqal hawn fuq jirriżulta li, kif stipulat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku, il-miżuri tal-anti-dumping applikabbli għall-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tagħhom li joriġinaw mir-RPĊ għandhom jinżammu. Huwa mfakkar li dawn il-miżuri jikkonsistu f’dazju ad valorem b’rati differenti.

(78)

Huwa mfakkar li l-miżuri soġġetti għar-reviżjoni attwali ġew estiżi bir-Regolament (KE) Nru 499/2009 għal importazzjonijiet tal-istess prodott, mibgħuta mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le. Ma tressaq l-ebda element ġdid f’dan ir-rigward fil-qafas ta’ din ir-reviżjoni. Id-dazju tal-anti-dumping definittiv ta’ 46,7 % u applikabbli “għall-kumpaniji l-oħra kollha” għal importazzjonijiet li joriġinaw fir-RPĊ għandu, għaldaqstant, jiġi estiż għal importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħuta mit-Tajlandja, sew jekk dikjarati li joriġinaw fit-Tajlandja u sew jekk le.

(79)

Ir-rati tad-dazju tal-anti-dumping tal-kumpaniji individwali speċifikati f’dan ir-Regolament japplikaw biss għall-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat immanifatturat minn dawn il-kumpaniji u għalhekk mill-entitajiet legali speċifiċi msemmija. L-importazzjonijiet tal-prodott konċernat immanifatturat minn kwalunkwe kumpanija oħra mhux imsemmija speċifikament fil-parti operattiva ta’ dan ir-Regolament bl-isem u l-indirizz tagħha, inklużi l-entitajiet relatati ma’ dawk imsemmija speċifikament, ma jistgħux jibbenefikaw minn dawn ir-rati u għandhom ikunu soġġetti għar-rata tad-dazju applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.

(80)

Kwalunkwe pretensjoni li titlob l-applikazzjoni ta’ dawn ir-rati ta’ dazju tal-anti-dumping individwali (eż. wara bidla fl-isem tal-entità jew wara t-twaqqif ta’ entitajiet ġodda tal-produzzjoni jew bejgħ) għandha tiġi indirizzata lill-Kummissjoni ( 7 ) flimkien mal-informazzjoni kollha rilevanti, b’mod partikolari kwalunkwe bidla fl-attivitajiet tal-kumpanija marbuta mal-produzzjoni, bejgħ domestiku u għall-esportazzjoni assoċjata ma’, bħal, dik il-bidla fl-isem jew dik il-bidla fl-entitajiet tal-produzzjoni jew bejgħ. Jekk xieraq, ir-Regolament għandu jiġi emendat kif meħtieġ billi tiġi aġġornata l-lista tal-kumpaniji li jibbenefikaw mir-rati tad-dazju individwali,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:



Artikolu 1

1.  Dazju tal-anti-dumping definittiv huwa hawnhekk impost fuq importazzjonijiet li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħhom, jiġifieri x-xażi u lħajdroliks, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex842790 00 (kodiċi TARIC 8427900011 u 8427900019) u ex843120 00 (kodiċi TARIC 8431200011 u 8431200019). Għall-għan ta’ dan ir-Regolament, pallet trucks tal-idejn għandhom jkun trakkijiet b’roti li jirfdu l-lifting fork arms għat-tqandil tal-pallets, iddisinjat biex jiġi mbuttat, miġbud u mmexxija bl-idejn, fuq wiċċ lixx, invell u iebes, minn operaturi pedonali bl-użu ta’ laċċ artikulat. Il-pallet trucks tal-idejn, huma ddisinjati biss biex jgħollu t-tagħbija, billi jippompja l-laċċ, sa għoli biżżejjed għall-ġarr u ma għandhom l-ebda funzjoni jew użu addizzjonali ieħor bħal, pereżempju, (i) biex iġorru u jerfgħu t-tagħbija biex ipoġġuha aktar fl-għoli jew jgħinu fil-ħżin tat-tagħbija (“highlifters”),(ii) biex jistivaw pallet wieħed fuq l-ieħor (“stackers”), (iii) biex jerfa’ t-tagħbija għal livell fejn isir ix-xogħol (“scissorlifts”) jew (iv) biex jerfgħu u jiżnu it-tagħbija (“weighing trucks”).

▼M1

2.  Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, għall-prodotti deskritti fil-paragrafu 1 u manufatturati mill-kumpaniji elenkati hawn taħt għandha tkun kif ġej:



Kumpanija

Rata ta’ dazju

(%)

TARIC kodiċi addizzjonali

Zhejiang Noblelift Equipment Joint Stock Co. Ltd, 58, Jing Yi Road, Economy Development Zone, Changxing, Zhejiang Province, 313100, PRĊ

70,8

A603

Il-kumpaniji l-oħra kollha

70,8

A999

▼B

3.  Id-dazju tal-anti-dumping definittiv applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”, kif stabbilit fil-paragrafu 2 hawnhekk qed jiġi estiż għall-importazzjonijiet ta’ pallet trucks tal-idejn u l-partijiet essenzjali tiegħu, jiġifieri x-xażi u l-ħajdroliks, kif ikompli jelabora l-paragrafu 1, li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex842790 00 u ex843120 00 (kodiċi TARIC 8427900011 u 8431200011) u mibgħuta mit-Tajlandja, sew jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja u sew jekk le.

4.  Sakemm ma jiġix speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ li jikkonċernaw id-dazji.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.



( 1 ) ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51.

( 2 ) ĠU L 189, 21.7.2005, p. 1.

( 3 ) ĠU L 192, 19.7.2008, p. 1.

( 4 ) ĠU L 151, 16.6.2009, p. 1.

( 5 ) ĠU C 70, 19.3.2010, p. 29.

( 6 ) ĠU C 196, 20.7.2010, p. 15.

( 7 ) Il-Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ, Direttorat H, B-1049 Brussell, il-Belġju.