02011L0061 — MT — 02.08.2021 — 005.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2011/61/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Ġunju 2011

dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 174 1.7.2011, p. 1)

Emendata bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA 2013/14/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-21 ta’ Mejju 2013

  L 145

1

31.5.2013

►M2

DIRETTIVA 2014/65/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-15 ta’ Mejju 2014

  L 173

349

12.6.2014

►M3

DIRETTIVA (UE) 2016/2341 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-14 ta' Diċembru 2016

  L 354

37

23.12.2016

►M4

REGOLAMENT (UE) 2017/2402 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tat-12 ta’ Diċembru 2017

  L 347

35

28.12.2017

►M5

DIRETTIVA (UE) 2019/1160 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-20 ta' Ġunju 2019

  L 188

106

12.7.2019

►M6

DIRETTIVA (UE) 2019/2034 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tas-27 ta' Novembru 2019

  L 314

64

5.12.2019




▼B

DIRETTIVA 2011/61/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-8 ta’ Ġunju 2011

dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

Din id-Direttiva tistabbilixxi regoli għall-awtorizzazzjoni, l-operat kontinwu u t-trasparenza tal-maniġers ta’ fondi ta’ investiment alternattivi (AIFMs) li jimmaniġġaw u/jew jikkummerċjalizzaw fondi ta’ investiment alternattivi (AIFs) fl-Unjoni.

Artikolu 2

Ambitu

1.  

Suġġett għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu u għall-Artikolu 3, din id-Direttiva għandha tapplika għal:

(a) 

AIFMs tal-UE, li jimmaniġġaw AIF wieħed jew iżjed irrispettivament minn jekk dawn l-AIFs humiex AIFs tal-UE jew AIFs mhux tal-UE;

(b) 

AIFMs mhux tal-UE, li jimmaniġġaw AIF wieħed jew iżjed tal-UE; u

(c) 

AIFMs tal-UE, li jikkummerċjalizzaw AIF wieħed jew iżjed fl-Unjoni irrispettivament minn jekk tali AIFs humiex AIFs tal-UE jew AIFs mhux tal-UE.

2.  

Għal finijiet tal-paragrafu, dan li ġej m’għandu l-ebda sinifikat:

(a) 

jekk l-AIF humiex tat-tip miftuħa (open-ended) jew li jagħlqu (close-ended);

(b) 

jekk l-AIF huwiex kostitwit skont il-liġi tal-kuntratti, skont il-liġi dwar it-trusts, skont statut, jew jekk għandux forma ġuridika oħra;

(c) 

l-struttura legali tal-AIFM.

3.  

Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-entitajiet li ġejjin:

(a) 

kumpaniji holding;

(b) 

istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar istituzzjonali li jkunu koperti permezz tad-Direttiva 2003/41/KE, inkluż, fejn applikabbli, l-entitajiet awtorizzati responsabbli għall-immaniġġar ta’ tali istituzzjonijiet u li jaġixxu f’isimhom imsemmijin fl-Artikolu 2(1) ta’ dik id-Direttiva jew il-maniġers ta’ investiment maħtura f’konformità mal-Artikolu 19(1) ta’ dik id-Direttiva, sakemm huma ma jimmaniġġawx AIFs;

(c) 

istituzzjonijiet sopranazzjonali, bħall-Bank Ċentrali Ewropew, il-Bank Ewropew tal-Investiment, il-Fond Ewropew tal-Investiment, l-Istituti Ewropej ta’ Finanzjament għall-Iżvilupp u banek ta’ żvilupp bilaterali, il-Bank Dinji, il-Fond Monetarju Internazzjonali, u istituzzjonijiet sopranazzjonali oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali simili, fil-każ li tali istituzzjonijiet jew organizzazzjonijiet jimmaniġġaw AIFs u sakemm dawk l-AIF jaġixxu fl-interess pubbliku;

(d) 

banek ċentrali nazzjonali;

(e) 

gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali u korpi jew istituzzjonijiet oħra li jimmaniġġaw fondi li jappoġġaw sistemi tas-sigurtà soċjali u l-pensjonijiet;

(f) 

skemi tal-parteċipazzjoni tal-impjegati jew skemi ta’ tfaddil tal-impjegati;

(g) 

entitajiet ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali.

4.  
L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiggarantixxu li l-AIFM li hemm referenzareferenza għalihom fil-paragrafu 1 huma konformi ma’ din id-Direttiva f’ kull ħin.

Artikolu 3

Eżenzjonijiet

1.  
Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għall-AIFMs sakemm huma jimmaniġġaw AIF wieħed jew iżjed li l-investituri uniċi tagħhom huma l-AIFM jew l-impriżi prinċipali jew is-sussidjarji tal-AIFM jew sussidjarji oħra ta’ dawk l-impriżi prinċipali, bil-kundizzjoni li l-ebda wieħed minn dawk l-investituri ma jkun, huwa stess, AIF.
2.  

Mingħajr preġudizzjoni għall-applikazzjoni tal-Artikolu 46, għandhom japplikaw biss il-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu għall-AIFMs li ġejjin:

(a) 

AIFMs li, sew jekk direttament jew indirettament permezz ta’ kumpanija li magħha l-AIFM huwa marbut bi mmaniġġar jew kontroll komuni, jew minn holding sostantiva diretta jew indiretta, jimmaniġġaw portafolji ta’ AIFs li l-assi mmaniġġati tagħhom, inklużi l-assi meħtieġa permezz tal-użu ta’ leverage finanzjarju, bħala total ma jaqbżux limitu massimu ta’ EUR 100 miljun; jew

(b) 

AIFMs li, sew jekk direttament jew indirettament permezz ta’ kumpanija li magħha l-AIFM ikun marbut permezz ta’ mmaniġġar jew kontroll komuni, jew permezz ta’ holding sostantiva diretta jew indiretta, jamministraw portafolji ta’ AIF li l-assi mmaniġġati tagħhom, bħala total ma jaqbżux il-limitu massimu ta’ EUR 500 miljun meta l-portafolli tal-AIFs jikkonsistu f’AIFs li mhumiex leveraged u li ma għandhomx drittijiet ta’ tifdija li jistgħu jkunu eżerċitati matul perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-investiment inizjali f’kull AIF.

3.  

L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li l-AIFM imsemmija fil-paragrafu 2 tal-anqas:

(a) 

ikunu suġġetti għal reġistrazzjoni għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom;

(b) 

jidentifikaw ruħhom kif ukoll l-AIFs immaniġġati minnhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom fil-mument tar-reġistrazzjoni;

(c) 

jipprovdu informazzjoni dwar l-istrateġiji ta’ investiment tal-AIFs immaniġġati minnhom lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom fil-mument tar-reġistrazzjoni;

(d) 

jipprovdu regolarment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom l-informazzjoni dwar l-istrumenti prinċipali li qed jikkummerċjalizzaw fihom u dwar l-espożizzjonijiet prinċipali u l-aktar konċentrazzjonijiet importanti tal-AIFs li huma jimmaniġġaw bil-għan li l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jagħmlu monitoraġġ effikaċi tar-riskju sistemiku, u

(e) 

jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom f’każ li huma ma għadhomx jilħqu l-kundizzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 2.

Dan il-paragrafu u l-paragrafu 2 għandhom japplikaw mingħajr preġudizzju għar-regoli aktar stretti adottati mill-Istati Membri fir-rigward tal-AIFMs msemmija fil-paragrafu 2.

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jiżguraw li fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fill-paragrafu 2 m’għadhomx jiġu sodisfatti, l-AIFM ikkonċernat japplika għal awtorizzazzjoni fi żmien 30 jum kalendarju f’konformità mal-proċeduri rilevanti stabbiliti f’din id-Direttiva.

4.  
L-AIFMs imsemmija fil-paragrafu 2 m’ għandhomx jibbenefikaw minn ebda drittijiet mogħtija skont din id-Direttiva, sakemm huma ma jagħżlux li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva.Fejn l-AIFMs jagħżlu li jaqgħu fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, din għandha tapplika fl-intier tagħha.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni bil-għan li tispeċifika l-proċeduri għall-AIFMs li jagħżlu li jaqgħufl-ambitu ta’ din id-Direttiva skont il-paragrafu 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 57(2).
6.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

kif jiġu kkalkulati l-limiti minimi msemmijin fil-paragrafu 2 u t-trattament tal-AIFMs li jimmaniġġaw AIFs li l-assi mmaniġġati tagħhom, inklużi assi miksuba permezz tal-użu ta’ leverage finanzjarju, okkażjonalment jaqbżu u/jew jaqgħu taħt il-limitu minimu rilevanti fl-istess sena kalendarja;

(b) 

l-obbligi ta’ reġistrazzjoni u ta’ għoti ta’ informazzjoni sabiexikun permess monitoraġġ effikaċi tar-riskju sistemiku kif stabbiliti fil-paragrafu 3 u

(c) 

l-obbligi ta’ notifika lill-aworitajiet kompetenti kif stabbilit fil-paragrafu 3.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

1.  

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“AIFs” tfisser impriżi ta’ investiment kollettiv, inkluż kompartimenti ta’ investiment tagħhom li:

(i) 

jiġġeneraw kapital minn numru ta’ investituri bil-ħsieb ta’ investiment f’konformità ma’ politika ta’ investiment definita għall-benefiċċju ta’ dawk l-investituri, u

(ii) 

ma jeħtieġux awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE;

(b) 

“AIFMs” tfisser persuni ġuridiċi li n-negozju regolari tagħhom ikun l-immaniġġar ta’ AIF wieħed jew iżjed;

(c) 

“fergħa” fir-rigward ta’ AFIM tfisser post ta’ negozju li, huwa parti minn AIFM, li ma għandha l-ebda personalità ġuridika u li, tipprovdi s-servizzi li għalihom l-AIFM ikun ġie awtorizzat; il-postijiet tan-negozju kollha stabbiliti fl-istess Stat Membru minn AIFM bl-uffiċċju reġistrat tiegħu fi Stat Membru ieħor jew f’pajjiż terz għandhom ikunu meqjusa bħala fergħa unika;

(d) 

“kumpens għal prestazzjoni” tfisser sehem fil-profitti tal-AIF dovut lill-AIFM bħala kumpens għall-immaniġġar tal-AIF u li jeskludi kwalunkwe sehem fil-profitti tal-AIF dovut lill-AIFM bħala redditu fuq kwalunkwe investiment mill-AIFM fil-AIF;

(e) 

“rabtiet mill-qrib” tfisser sitwazzjoni li fiha żewġ persuni jew aktar fiżiċi jew ġuridiċi huma marbutin permezz ta’:

(i) 

parteċipazzjoni, b’ mod partikolari, il-pussess, dirett jew permezz tal-kontroll, ta’ 20 % jew iktar tad-drittijiet tal-vot jew tal-kapital ta’ impriża,

(ii) 

kontroll, b’ mod partikolari, ir-relazzjoni bejn impriża prinċipali u sussidjarja, kif imsemmi fl-Artikolu 1 tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 dwar il-kontijiet konsolidati ( 1 ), jew relazzjoni simili bejn kull persuna fiżika jew ġuridika, u impriża; għall-iskopijiet ta’ dan il-punt, impriża sussidjarja ta’ impriża sussidjarja għandha wkoll tkun ikkunsidrata tal-impriża prinċipali fuq dawk is-sussidjarji.

Sitwazzjoni li fiha żewġ persuni jew aktar fiżiċi jew ġuridiċi huma marbutin b’mod permanenti mal-istess persuna b’relazzjoni ta’ kontroll għandha wkoll titqies bħala “rabta mill-qrib” bejn tali persuni;

(f) 

“Awtoritajiet kompetenti” tfisser l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stati Membri li għandhom is-setgħa bil-liġi jew ir-regolamentazzjoni li jissorveljaw l-AIFM;

(g) 

“Awtoritajiet kompetenti” fir-rigward tad-depożitarju tfisser:

(i) 

jekk id-depożitarju huwa istituzzjoni ta’ kreditu awtorizzata skont id-Direttiva 2006/48/KE, l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (4) tal-Artikolu 4 tagħh,

(ii) 

jekk id-depożitarju huwa ditta ta’ investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2004/39/KE, l-awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (22) tal Artikolu 4(1) tagħha,

(iii) 

jekk id-depożitarju jaqa’ f’kategorija ta’ istituzzjoni msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru ta’ domiċilju li għandhom is-setgħa permezz ta’ liġi jew regolamentazzjoni li jissorveljaw tali kategoriji ta’ istituzzjoni,

(iv) 

jekk id-depożitarju huwa entità msemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 21(3) ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet nazzjonali tal-Istat Membru li fih it-tali entità għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha u li għandhom is-setgħa permezz ta’ liġi jew regolamentazzjoni li jissorveljaw it-tali entità jew, il-korp kompetenti uffiċjali li jirreġistra jew jissorvelja t-tali entità skont ir-regoli professjonali u deontoloġiċi applikabbli għaliha,

(v) 

jekk id-depożitarju huwa maħtur bħala depożitarju għal AIF mhux tal-UE f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 21(5) ta’ din id-Direttiva, u ma’ jaqgħax fl-ambitu tal-punti (i) sa (iv) ta’ dan il-punt, l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti tal-pajjiż terz li fih id-depożitarju għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu;

(h) 

“awtoritajiet kompetenti ta’ AIF tal-UE” tfisser l-awtoritajiet nazzjonali ta’ Stat Membru li għandhom is-setgħa permezz ta’ liġi jew regolamenti li jissorveljaw l-AIFs;

(i) 

“kontroll” tfisser kontroll kif definit fl-Artikolu 1 tas-Seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE;

(j) 

“stabbilit” tfisser:

(i) 

għal AIFM, “li jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu fi”,

(ii) 

għal AIF, “awtorizzat jew reġistrat fi”, jew, jekk l-AIF huwiex awtorizzat jew reġistrat, “li jkollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu fi”,

(iii) 

għal depożitarju, “li jkollu l-uffiċċju reġistrat jew il-fergħa tiegħu fi”,

(iv) 

għar-rappreżentant legali li huwa persuna ġuridika, “li jkollu l-uffiċċju reġistrat jew il-fergħa tiegħu fi”,

(v) 

għar-rappreżentant legali li huwa persuna fiżika “domiċiljat fi”;

(k) 

“AIF tal-UE” tfisser:

(i) 

AIF li huwa awtorizzat jew reġistrat fi Stat Membru skont il-liġi nazzjonali applikabbli, jew

(ii) 

AIF li mhuwiex awtorizzat jew reġistrat fi Stat Membru, iżda għandu l-uffiċċju reġistrat u/jew l-uffiċċju prinċipali fi Stat Membru;

(l) 

“AIFM tal-UE” tfisser kwalunkwe AIFM li għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;

(m) 

“AIF ta’ alimentazzjoni” tfisser AIF li:

(i) 

jinvesti tal-anqas 85 % tal-assi tiegħu f’unitajiet jew ishma ta’ AIF ieħor (l-AIF prinċipali),

(ii) 

jinvesti tal-anqas 85 % tal-assi tiegħu f’aktar minn AIF prinċipali wieħed meta dawk l-AIF prinċipali għandhom strateġiji ta’ investiment identiċi, jew

(iii) 

inkella għandu espożizzjoni ta’ tal-anqas 85 % tal-assi tiegħu għat-tali AIF prinċipali;

(n) 

“strument finanzjarju” tfisser strument speċifikat fit-Taqsima C tal-Anness I tad-Direttiva 2004/39/KE;

(o) 

“kumpanija holding” tfisser kumpanija b’ishma f’kumpaniji oħra li l-iskop kummerċjali tagħha huwa dak li twettaq strateġija jew strateġiji ta’ negozju permezz tas-sussidjarji tagħha, tal-kumpaniji assoċjati magħha jew tal-parteċipazzjonijiet tagħha sabiex tikkontribwixxi għall-valur fit-tul tagħhom, u li tkun jew kumpanija:

(i) 

li topera akkont tagħha u li l-ishma tagħha huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolamentat fl-Unjoni, jew

(ii) 

li mhijiex stabbilita għall-iskop ewlieni li tiġġenera redditi għall-investituri tagħha permezz ta’ ċessjoni tas-sussidrjarji tagħha jew tal-kumpaniji assoċjati magħha, kif ikunu jixhdu r-rapporti annwali tagħha jew dokumenti uffiċjali oħra;

(p) 

“Stat Membru ta’ domiċilju tal-AIF” tfisser:

(i) 

l-Istat Membru li fih l-AIF huwa awtorizzat jew reġistrat skont il-liġi nazzjonali applikabbli, jew fil-każ ta’ awtorizzazzjonijiet jew reġistrazzjonijiet multipli, l-Istat Membru li fih l-AIF ikun ġie awtorizzat jew reġistrat għall-ewwel darba, jew

(ii) 

jekk l-AIF mhuwiex la awtorizzat u lanqas reġistrat fi Stat Membru, l-Istat Membru li fih l-AIF għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu u/jew l-uffiċċju prinċipali;

(q) 

“Stat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM” tfisser l-Istat Membru li fih l-AIFM għandu l-uffiċċju reġistrat tiegħu; għall-AIFMs mhux tal-UE, kull referenza għall-“Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM” f’din id-Direttiva għandha tinqara “Stat Membru ta’ referenza”, kif previst fil-Kapitolu VII;

(r) 

“Stat Membru ospitanti ta’ AIFM” tfisser waħda minn dawn li ġejjin:

(i) 

Stat Membru, differenti mill-Istat Membru ta’ domiċilju, li fih l-AIFM tal-UE jimmaniġġa ta’ AIF tal-UE,

(ii) 

Stat Membru, differenti mill-Istat Membru ta’ domiċilju, li fih l-AIFM tal-UE jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma ta’ AIF tal-UE,

(iii) 

Stat Membru, differenti mill-Istat Membru ta’ domiċilju, li fit-territorju tiegħu AIFM tal-UE jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma ta’ AIFs mhux tal-UE,

(iv) 

Stat Membru, differenti mill-Istat Membru ta’ referenza, li fih AIFM mhux tal-UE jimmaniġġa AIFs tal-UE, jew

(v) 

Stat Membru, differenti mill-Istat Membru ta’ referenza, li fih AIFM mhux tal-UE jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma ta’ AIFs tal-UE, jew

(vi) 

Stat Membru, differenti mill-Istat Membru ta’ referenza, li fih AIFM mhux tal-UE jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma ta’ AIFs mhux tal-UE, jew

▼M2

(vii) 

Stat Membru, differenti mill-Istat Membru ta’ domiċilju, li fih AIFM tal-UE jipprovdi s-servizzi msemmijin fl-Artikolu 6(4);

▼B

(s) 

“kapital inizjali” tfisser il-fondi kif imsemmija f’punt (a) u (b) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(t) 

“emittent” tfisser emittent skont it-tifisira ta’ punt (d) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2004/109/KE, fejn dak l-emittent għandu uffiċċju reġistrat fl-Unjoni, u li l-ishma tiegħu huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolamentat skont it-tifsira tal-Artikolu 4(1), punt 14, tad-Direttiva 2004/39/KE;

(u) 

“rappreżentant legali” tfisser persuna fiżika domiċiljata fl-Unjoni jew persuna ġuridika bl-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, u li, espressament maħtura minn AIFM mhux tal-UE, taġixxi f’isem tat-tali AIFM mhux tal-UE u li jistgħu jindirizzawha l-awtoritajiet, il-klijenti, il-korpi u l-kontropartijiet għall-AIFM mhux tal-UE fl-Unjoni minflok l-AIFM mhux tal-UE fir-rigward tal-obbligi tal-AIFM mhux tal-UE fl-ambitu ta’ din id-Direttiva;

(v) 

“leverage finanzjarju” tfisser kwalunkwe metodu li permezz tiegħu AIFM iżid l-espożizzjoni ta’ AIF li jimmaniġġa sew jekk permezz ta’ self ta’ flus kontanti jew titoli, jew inkella permezz ta’ leverage finanzjarju inkorporat f’pożizzjonijiet derivattivi jew permezz ta’ kwalunkwe mezz ieħor;

(w) 

“immaniġġar ta’ AIF” tfisser it-twettiq, għall-inqas, ta’ funzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ investiment imsemmijin fil-punt 1(a) jew (b) tal-Anness I għal AIF wieħed jew iżjed;

(x) 

“kummerċjalizzazzjoni” tfisser kwalunkwe offerta jew pjazzament dirett jew indirett, fuq l-inizjattiva tal-AIFM jew f’isem l-AIFM, ta’ ishma jew unitajiet ta’ AIF li jimmaniġġa lil jew ma’ investituri domiċiljati jew li għandhom uffiċju reġistrat fl-Unjoni;

(y) 

“AIF prinċipali” tfisser kwalunkwe AIF li fih AIF ieħor jinvesti jew għandu espożizzjoni f’konformità mal-punt (m);

(z) 

“Stat Membru ta’ referenza” tfisser l-Istat Membru determinat f’konformità mal-Artikolu 37(4);

(aa) 

“AIF mhux tal-UE” tfisser kwalunkwe AIF li mhuwiex AIF tal-UE;

(ab) 

“AIFM mhux tal-UE” tfisser kwalunkwe AIFM li mhuwiex AIFM tal-UE;

(ac) 

“kumpanija mhux kwotata” tfisser kumpanija li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni li l-ishma tagħha mhumiex ammessi għall-kummerċ f’suq regolamentat skont it-tifsira tal- punt 14 tal-Artikolu 4(1), tad-Direttiva 2004/39/KE;

(ad) 

“fondi proprji” tfisser il-fondi proprji kif imsemmija fit-Titolu V, Kapitolu 2, Taqsima 1 tad-Direttiva 2006/48/KE;

(ae) 

Impriża prinċipali’ tfisser impriża prinċipali skont it-tifsira tal-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE;

▼M5

(aea) 

“prekummerċjalizzazzjoni” tfisser għoti ta' informazzjoni jew komunikazzjoni, diretta jew indiretta, dwar strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment minn AIFM tal-UE, jew f'ismu, lill-investituri professjonali potenzjali ddomiċiljati jew b'uffiċċju irreġistrat fl-Unjoni biex jittestja l-interess tagħhom f'AIF jew f'kompartiment, li għadu mhuwiex stabbilit, jew li jkun stabbilit, iżda għadu mhux innotifikat għal kummerċjalizzazzjoni skont l-Artikolu 31 jew 32, f'dak l-Istat Membru fejn l-investituri potenzjali jkunu ddomiċiljati jew ikollhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom, u li f'kull każ ma jirriżultax f'offerta jew fi pjazzament lill-investitur potenzjali biex jinvestu fl-unitajiet jew fl-ishma ta' dak l-AIF jew f'kompartiment tiegħu;

▼B

(af) 

“intermedjarju ewlieni” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu, ditta ta’ investiment regolamentata jew entità oħra suġġetta għal regolamentazzjoni prudenzjali u superviżjoni kontinwa, li toffri servizzi lil investituri professjonali primarjament biex tiffinanzja jew teżegwixxi transazzjonijiet fi strumenti finanzjarji bħala kontroparti u li tista’ wkoll tipprovdi servizzi oħra bħal clearing u konklużjoni ta’ operazzjonijiet ta’ kummerċ, servizzi ta’ kustodja, self ta’ titoli, faċilitajiet personalizzati ta’ sostenn teknoloġiku u operattiv;

(ag) 

“investitur professjonali” tfisser kwalunkwe investitur li huma meqjus bħala klijent professjonali jew jista’, fuq talba, jiġi ttratat bħala klijent professjonali skont it-tifsira tal-Anness II tad-Direttiva 2004/39/KE;

(ah) 

“holding kwalifikanti” tfisser kull holding dirett jew indirett f’AIFM li jirrappreżenta 10 % jew iktar tal-kapital jew tad-drittijiet tal-vot, f’ konformita’mal-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva 2004/109/KE, b’kont meħud tal-kundizzjonijiet rigward l-aggregazzjoni tal-holding stabbiliti fl-Artikolu 12(4) u (5) tagħha, jew li jagħmilha possibbli li tiġi eżerċitata influwenza sinifikanti fuq l-immaniġġar tal-AIFM li fiha jinżamm dan il-holding;

(ai) 

“rappreżentanti tal-impjegati” tfisser ir-rappreżentanti tal-impjegati kif iddefinit fil-punt (e) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2002/14/KE;

(aj) 

“investitur bl-imnut” tfisser investitur li mhuwiex investitur professjonali;

(ak) 

“sussidjarja” tfisser impriża sussidjarja kif definit fl-Artikoli 1 u 2 tad-Direttiva 83/349/KEE;

(al) 

“Awtoritajiet ta’ superviżjoni” fir-riward ta’ AIFs mhux tal-UE tfisser l-awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiż terz li għandhom is-setgħa permezz ta’ liġi jew regolamentazzjoni li jissorveljaw l-AIFs;

(am) 

“Awtoritajiet ta’ superviżjoni” fir-riward ta’ AIFs mhux tal-UE tfisser l-awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiż terz li għandhom is-setgħa permezz ta’ liġi jew regolamentazzjoni li jissorveljaw l-AIFMs;

(an) 

“Entitajiet ta’ titolizzazzjoni b’għan speċjali” tfisser entitajiet li l-għan uniku tagħhom huma li jwettqu titolizzazzjoni jew titolizzazzjonijiet fit-tifsira tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (KE) Nru 24/2009 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Diċembru 2008 dwar statistika li tittratta l-attiv u l-passiv ta’ korporazzjonijiet vetturi finanzjarji involuti fi transazzjonijiet ta’ titolizzazzjoni ( 2 ) u attivitajiet oħra li huma adatti sabiex jintlaħaq dak l-għan;

(ao) 

“UCITS” tfisser impriża għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli awtorizzata f’konformità mal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/65/KE.

2.  
Għall-finijiet tal-punt (ad) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, Artikoli 13 sa 16 tad-Direttiva 2006/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2006 dwar l-adegwatezza tal-kapital ta’ ditti ta’ investiment u istituzzjonijiet ta’ kreditu ( 3 ) għandhom japplikaw mutatis mutandis.
3.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

il-metodi ta’ leverage finanzjarju, kif definiti fil-punt (v) tal-paragrafu 1, inkluż kwalunkwe strutturi finanzjarji u/jew ġuridiċi li jinvolvu partijiet terzi kkontrollati mill-AIF rilevanti; u

(b) 

kif il-leverage finanzjarju għandu jiġi kkalkulat.

4.  
L-Awtorità Ewropea ta’ Superviżjoni (l-Awtorità Ewropea tat-titoli u s-Swieq) (AETS) għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi u ta’ regolamentazzjoni biex tiddetermina, meta rilevanti għall-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva u biex tiggarantixxi kundizzjonijiet uniformi ta’ applikazzjoni, it-tipi ta’ AIFM.

Qiegħed jingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi u ta’ regolamentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 5

Determinazzjoni ta’ AIFM

1.  

L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li kull AIF immaniġġat fl-ambitu ta’ din id-Direttiva jkollu AIFM uniku, li għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-konformità ma’ din id-Direttiva. L-AIFM għandu jkun jew:

(a) 

maniġer estern, li jkun persuna ġuridika maħtura mill-AIF jew f’isem l-AIF u li permezz ta’ din il-ħatra huwa responsabbli għall-immaniġġar tal-AIF (AIFM estern); jew

(b) 

fejn il-forma ġuridika tal-AIF tippermetti mmaniġġar intern u fejn il-korp ta’ tmexxija tal-AIF jagħżel li ma jaħtarx AIFM estern, l-AIF innifsu, li għandu mbagħad ikun awtorizzat bħala l-AIFM.

2.  
Fil-każijiet meta AIFM estern ma jkun kapaċi jiżgura l-konformità ma’ din id-Direttiva għal liema jkun responsabbli AIF jew entità oħra f’ismu, huwa għandu jinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu u, jekk applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti tal-AIF tal-UE kkonċernat. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM għandhom jeħtieġu li l-AIFM jieħdu l-passi neċessarji biex jirrimedja din is-sitwazzjoni.
3.  
Jekk, minkejja l-passi msemmijin fil-paragrafu 2, jippersisti n-nuqqas ta’ konformità, u sakemm jikkonċerna AIFM tal-UE jew AIF tal-UE, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM għandhom jeħtieġu li l-AIFM jirriżenja minn dak l-AIF. F’dak il-każ, l-AIF m’għandux jiġi kkummerċjalizzat aktar fl-Unjoni. Jekk tikkonċerna AIFM mhux tal-UE li timmaniġġa AIF mhux tal-UE, l-AIF m’għandux jiġi kkummerċjalizzat aktar fl-Unjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.



KAPITOLU II

AWTORIZZAZZJONI TAL-AIFM

Artikolu 6

Kundizzjonijiet għall-bidu tal-attivitajiet bħala AIFM

1.  
L-Istati Membru għandhom jiżguraw li l-ebda AIFMs ma jimmaniġġaw AIFs sakemm ma jkunux ġew awtorizzati skont din id-Direttiva.

AIFMs awtorizzati skont din id-Direttiva għandhom jikkonformaw dejjem mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni stabbilita f’din id-Direttiva.

2.  
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-ebda AIFM estern ma għandu jidħol f’attivitajiet oħra għajr dawk imsemmijin fl-Anness I ta’ din id-Direttiva u l-immaniġġar addizzjonali tal-UCITS suġġett għall-awtorizzazzjoni skont id-Direttiva 2009/65/K.
3.  
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-ebda AIF immaniġġat internament ma għandu jidħol f’attivitajiet oħra għajr l-immaniġġar intern ta’ dan l-AIF f’konformità mal-Anness I.
4.  

Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 2, l-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw AIFM estern biex jipprovdi s-servizzi li ġejjin:

(a) 

l-immaniġġar ta’ portafolji ta’ investimenti, inklużi dawk li jappartjenu lil fondi tal-pensjoni u istituzzjonijiet għall-provvediment ta’ rtirar okkupazzjonali f’konformità mal-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/41/f’konformità ma’ mandati mogħtija minn investituri fuq bażi diskrezzjonali u individwalizzata;

(b) 

servizzi awżiljarji li jinkludu:

(i) 

konsulenza dwar l-investiment;

(ii) 

żamma fis-sikur u amministrazzjoni fir-rigward ta’ ishma jew unitajiet ta’ impriżi ta’ investiment kollettiv;

(iii) 

riċeviment u trasmissjoni ta’ ordnijiet f’relazzjoni ma’ strumentifinanzjarji.

5.  

L-AIFMs ma għandhomx ikunu awtorizzati fl-ambitu ta’ din id-Direttiva biex jipprovdu:

(a) 

is-servizzi msemmijin fil-paragrafu 4 biss;

(b) 

is-servizzi awżiljarji msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 4 mingħajr ma jkunu awtorizzati wkoll biex jipprovdu s-servizzi msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 4;

(c) 

l-attivitajiet imsemmijin fil-punt 2 tal-Anness I biss; jew

(d) 

is-servizzi msemmijin fil-punt 1(a) tal-Anness I mingħajr ma jipprovdu ukoll is-servizzi msemmijin fil-punt 1(b) tal-Anness I jew viċi versa.

6.  
L-Artikolu 2(2) u l-Artikoli 12, 13 u 19 tad-Direttiva 2004/39/KE għandhom japplikaw għall-provvista tas-servizzi msemmijin fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu min-naħa tal-AIFM.
7.  
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFMs jipprovdu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom l-informazzjoni li jeħtieġu għall-monitoraġġ tal-konformità mal-kundizzjonijiet imsemmijin f’din id-Direttiva f’ kull ħin.
8.  
Id-ditti ta’ investiment awtorizzati skont id-Direttiva 2004/39/KE u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu awtorizzati skont id-Direttiva 2006/48/KE ma għandhomx ikunu meħtieġa jiksbu awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva sabiex jipprovdu servizzi ta’ investiment bħal immaniġġar ta’ portafolji individwali fir-rigward ta’ AIFs. Madankollu, id-ditti ta’ investiment għandhom, direttament jew indirettament, joffru unitajiet jew ishma ta’ AIFs lil, jew jew jippjazzaw ma’, investituri fl-Unjoni, biss safejn l-unitajiet jew l-ishma jistgħu jiġu kkummerċjalizzati skont din id-Direttiva.

Artikolu 7

Applikazzjoni għal awtorizzazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFM japplikaw għal awtorizzazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.
2.  

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li AIFM li japplika għal awtorizzazzjoni għandu jipprovdi l-informazzjoni relatata mal-AIFM lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu:

(a) 

informazzjoni dwar il-persuni li effettivament jiżvolġu n-negozju tal-AIFM;

(b) 

informazzjoni dwar l-identitajiet tal-azzjonisti jew il-membri tal-AIFM, kemm jekk humiex persuni diretti jew indiretti, fiżiċi jew ġuridiċi, li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikattiva u l-ammonti ta’ dawk il-parteċipazzjonijiet;

(c) 

programm ta’ attività li jistabbilixxi l-istruttura organizzattiva tal-AIFM, inkluż informazzjoni dwar kif l-AIFM għandu l-intenzjoni jikkonforma mal-obbligi tiegħu skont il-Kapitoli II, III, IV, u fejn applikabbli, il-Kapitoli V, VI, VII u VIII;

(d) 

informazzjoni dwar il-linji politiċi u l-prattiċi ta’ rimunerazzjoni skont l-Artikolu 13;

(e) 

informazzjoni dwar l-arranġamenti għad-delega u għas-sottodelega lil partijiet terzi tal-funzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 20.

3.  

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li AIFM li japplika għal awtorizzazzjoni għandu wkoll jipprovdi l-informazzjoni li ġejja dwar l-AIF li jkun bisħiebu jimmaniġġa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu:

(a) 

informazzjoni dwar l-istrateġiji ta’ investiment inklużi t-tipi ta’ fondi sottostanti f’każ li l-AIF huwa fond ta’ fondi u l-politika tal-AIFM fir-rigward tal-użu tal-leverage finanzjarju, u l-profili tar-riskju u karatteristiċi oħra tal-AIF li jimmaniġġa jew biħsiebu jimmaniġġa, inkluża l-informazzjoni dwar l-Istati Membri jew il-pajjiżi terzi li fihom tali AIFs huma stabbiliti jew mistennija li jkunu stabbiliti;

(b) 

informazzjoni dwar il-post fejn l-AIF prinċipali huwa stabbilit jekk l-AIF huwa AIF ta’ alimentazzjoni;

(c) 

ir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni ta’ kull AIF li l-AIFM biħsiebu jimmaniġġa;

(d) 

informazzjoni dwar l-arranġamenti għall-ħatra tad-depożitarju f’konformità mal-Artikolu 21 għal kull AIF li l-AIFM bisħiebu jimmaniġġa;

(e) 

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 23(1) għal kull AIF li l-AIFM jimmaniġġa jew li biħsiebu jimmaniġġa.

4.  
Fejn kumpanija tal-immaniġġar hija awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE (“kumpanija tal-immaniġġar UCITS”) u tapplika għal awtorizzazzjoni bħala AIFM fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti ma għandhomx jeħtieġu l-kumpanija tal-immaniġġar UCITS tipprovdi informazzjoni jew dokumenti li l-kumpanija tal-immaniġġar UCITS diġà tkun ipprovdiet meta applikat għal awtorizzazzjoni fl-ambitu tad-Direttiva 2009/65/KE, bil-kundizzjoni li t-tali informazzjoni jew dokumenti jibqgħu aġġornati.
5.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-AETS fuq bażi trimestrali bl-awtorizzazzjonijiet mogħtija jew irtirati f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.

L-AETS għandha żżomm reġistru pubbliku ċentrali li jidentifika kull AIFM awtorizzat fl-ambitu ta’ din id-Direttiva, lista tal-AIF immaniġġat u/jew ikkummerċjalizzati fl-Unjoni mit-tali AIFM u l-awtoritajiet kompetenti għal kull tali AIFM. Ir-reġistru għandu jkun disponibbli f’format elettroniku.

6.  
Bil-għan li tiġi garantita armonizzazzjoni koerenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ regolamentazzjoni biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta lill-awtoritajiet kompetenti fl-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-AIFM, inkluż il-programm tal-attività.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi u ta’ regolamentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

7.  
Bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi u ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina forom, mudelli u proċeduri standard għall-provvista ta’ informazzjoni prevista fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 6.

Qiegħed jingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi u ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 8

Kundizzjonijiet għall-għoti tal-awtorizzazzjoni

1.  

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM ma għandhomx jagħtu awtorizzazzjoni ħlief jekk:

(a) 

huma jkunu sodisfatti li l-AIFM jkun jista’ jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din id-Direttiva;

(b) 

l-AIFM jiddisponi minn biżżejjed kapital inizjali u fondi proprji f’konformità mal-Artikolu 9;

(c) 

il-persuni li effettivament jmexxu n-negozju tal-AIFM ikollhom reputazzjoni tajba biżżejjed u jkollhom esperjenza biżżejjed ukoll fir-rigward tal-istrateġiji ta’ investiment segwiti mill-AIFs immaniġġati mill-AIFM, l-ismijiet ta’ dawk il-persuni u ta’ kull persuna li jiġu inkarigati warajhom ikunu kkomunikati minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM u t-tmexxija tan-negozju tal-AIFM tkun deċiża mill-inqas minn żewġ persuni li jissodisfaw dawn il-kundizzjonijiet;

(d) 

l-azzjonisti jew il-membri tal-AIFM li għandhom holdings kwalifikattivi jkunu idonei b’kont meħud tal-ħtieġa li jkun żgurat mmaniġġar tajjeb u prudenti tal-AIFM; u

(e) 

l-uffiċċju prinċipali u l-uffiċċju reġistrat tal-AIFM ikunu fl-istess Stat Membru.

L-awtorizzazzjoni għandha tkun valida għall-Istati Membri kollha.

2.  

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra involuti għandhom jiġu kkonsultati minn qabel tingħata l-awtorizzazzjoni lill AIFMs li ġejjin:

(a) 

sussidjarja ta’ AIFM ieħor, ta’ kumpanija tal-immaniġġar UCITS ta’ ditta ta’ investiment, ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata fi Stat Membru ieħor;

(b) 

sussidjarja tal-impriża prinċipali ta’ AIFM ieħor, ta’ kumpannija tal-immaniġġar UCITS, ta’ ditta ta’ investiment, ta’ istituzzjoni ta’ kreditu jew ta’ impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata fi Stat Membru ieħor; u

(c) 

kumpanija kkontrollata mill-istess persuni fiżiċi jew ġuridiċi bħal dawk li jikkontrollaw AIFM ieħor, kumpanija tal-immaniġġar UCITS, ditta ta’ investiment, istituzzjoni ta’ kreditu jew impriża tal-assigurazzjoni awtorizzata fi Stat Membru ieħor.

3.  

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jirrifjutaw l-awtorizzazzjoni fejn l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet superviżorji tagħhom jiġi ostakolat minn kwalunkwe minn dawk li ġejjin:

(a) 

rabtiet mill-qrib bejn l-AIFM u persuni fiżiċi jew ġuridiċi oħra;

(b) 

il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz li jirregolaw persuni fiżiċi jew ġuridiċi li l-AIFM għandu rabtiet mill-qrib magħhom;

(c) 

diffikultajiet involuti fl-infurzar ta’ dawk il-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi.

4.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM jistgħu jirrestrinġu l-ambitu tal-awtorizzazzjoni, partikolarment fir-rigward tal-istrateġiji ta’ investiment ta’ AIF li l-AIFM għandu l-permess jimmaniġġa.
5.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw bil-miktub lill-applikant, fi żmien tliet xhur mis-sottomissjoni tal-applikazzjoni mimlija, tkunx ingħatat l-awtorizzazzjoni jew le. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprorogaw dan il-perijodu sa tliet xhur addizzjonali oħra, jekk dan iqisuh neċessarju minħabba ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u wara li jkunu nnotifikaw lill-AIFM f’dan is-sens.

Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, applikazzjoni titqies kompleta jekk l-AIFM ikun ippreżenta mill-inqas l-informazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 7(2) u fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 7(3).

L-AIFM jista’ jibda jimmaniġġa AIFs bl-istrateġiji ta’ investiment imsemmijin fil-applikazzjoni f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 7(3) fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħhom malli tingħata l-awtorizzazzjoni, iżda mhux qabel xahar wara li jkun ippreżenta kwalunkwe informazzjoni nieqsa kif imsemmi fil-punt (e) tal-Artikolu 7(2) u fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 7(3).

6.  

Bil-għan li tiġi garantita armonizzazzjoni koerenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ regolamentazzjoni biex tispeċifika:

(a) 

ir-rekwiżiti applikabbli għall-AIFMs skont il-paragragu 3;

(b) 

ir-rekwiżiti applikabbli għall-azzjonisti u għall-membri b’holdings kwalifikattivi msemmijin fil-punt (d) tal-paragrafu 1,

(c) 

l-ostakli li jafu jipprevjenu l-eżerċizzju effettiv tal-funzjonijiet ta’ superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi u ta’ regolamentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 9

Kapital inizjali u fondi proprji

1.  
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li AIFM li huwa AIF immaniġġat internament ikollu kapital inizjali ta’ mill-inqas EUR 300 000 .
2.  
Fejn AIFM huwa maħtur bħala maniġer estern ta’ AIFs, l-AIFM għandu jkollu kapital inizjali ta’ mill-inqas EUR 125 000 .
3.  
Fejn il-valur tal-portafolji tal-AIFs immaniġġati mill-AIFM jeċċedi EUR 250 miljun, l-AIFM għandu jipprovdi ammont addizzjonali mill-fondi proprji. Dak l-ammont addizzjonali ta’ fondi proprji għandu jkun ugwali għal 0.02 % tal-ammont li bih il-valur tal-portafolji tal-AIFM jeċċedi EUR 250 miljun iżda t-total rikjest tal-kapital inizjali u l-ammont addizzjonali, madankollu, ma għandhomx jeċċedu EUR 10 miljun.
4.  
Għall-finijiet tal-paragrafu 3, l-AIF immaniġġat mill-AIFM, inkluż AIF li għalih l-AIFM iddelega funzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 20 iżda esklużi l-portafolji tal-AIF li l-AIFM qed jimmaniġġa taħt delega, għandhom jitqiesu li huma l-portafolji tal-AIFM;

▼M6

5.  
Irrispettivament mill-paragrafu 3, il-fondi proprji tal-AIFM ma għandhom qatt ikunu anqas mill-ammont meħtieġ skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 4 ).

▼B

6.  
L-Istati Membri jistgħu jawtorizzaw lill-AIFMs biex ma jipprovdux sa 50 % tal-ammont addizzjonali ta’ fondi proprji msemmijin fil-paragrafu 3 jekk huma jibbenefikaw minn garanzija tal-istess ammont mogħtija minn istituzzjoni ta’ kreditu jew minn impriża tal-assigurazzjoni li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fi Stat Membru, jew f’pajjiż terz fejn tkun suġġetta għal regoli prudenzjali kkunsidrati mill-awtoritajiet kompetenti bħala ekwivalenti għal dawk stabbiliti mil-liġi tal-Unjoni.
7.  

Biex ikopru r-riskji potenzjali ta’ responsabbiltà professjonali li jirriżultaw minn attivitajiet li l-AIFM jista’ jmexxi skont din id-Direttiva, kemm AIFs immaniġġati internament kif ukoll AIFMs esterni għandhom jew:

(a) 

ikunu jiddisponu minn fondi proprji li huwa xierqa biex ikopru riskji potenzjali ta’ responsabbiltà li jirriżultaw minn negliġenza professjonali; jew

(b) 

ikunu fil-pussess ta’ assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali xierqa kontra r-responsabbiltà li tirriżuta minn negliġenza professjonali li tkun xierqa għar-riskji koperti.

8.  
Il-fondi proprji, inkluż kull fond proprju addizzjonali msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 7, għandhom ikunu investiti f’attiv likwidu jew attiv li jista’ jinqaleb fil-pront f’kontanti f’terminu qasir u ma għandhomx jinkludu pożizzjonijet spekulattivi.
9.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri fir-rigward tal-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu:

(a) 

ir-riskji li għandhom ikunu koperti minn fondi proprji addizzjonali jew mill-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali;

(b) 

il-kundizzjonijiet għad-determinazzjoni tal-idoneità tal-fondi proprji addizzjonali jew il-kopertura tal-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali; u

(c) 

il-mod ta’ determinazzjoni tal-adegwamenti li għaddejjin tal-fondi proprji addizzjonali jew tal-kopertura tal-assigurazzjoni ta’ indennizz professjonali.

10.  
Bl-eċċezzjoni tal-paragrafi 7 u 8 u tal- atti ddelegati adottati skont il-paragrafu 9, dan l-Artikolu ma għandux japplika għal AIFMs li huma wkoll awtorizzati bħala kumpaniji tal-immaniġġar UCITS.

Artikolu 10

Bidliet fl-ambitu tal-awtorizzazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFMs, qabel l-implimentazzjoni, jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju bi kwalunkwe bidla materjali tal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali, partikolarment il-bidliet materjali tal-informazzjoni pprovduta f’konformità mal-Artikolu 7.
2.  
Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jiddeċiedu li jimponu restrizzjonijiet jew jirrifjutaw dawk il-bidliet, huma għandhom, fi żmien xahar minn meta tasal in-notifika, jinfurmaw lill-AIFM. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jipprorogaw dan il-perijodu sa xahar, jekk jikkundraw li dan huwa neċessarju minħabba ċirkostanzi speċifiċi tal-każ u wara li jkunu nnotifikaw lill-AIFM f’dan is-sens. Dawn il-bidliet għandhom jiġu implimentati Jekk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti ma jopponux il-bidliet fi żmien il-perijodu ta’ valutazzjoni.

Artikolu 11

Irtirar tal-awtorizzazzjoni

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ domiċilju tal-AIFM jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni maħruġa lil AIFM fejn l-AIFM:

(a) 

ma jagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, jirrinunzja espressament għall-awtorizzazzjoni jew ikun waqqaf l-attività koperta minn din id-Direttiva għas-sitt xhur preċedenti, sakemm l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx ippreveda li l-awtorizzazzjoni tiskadi f’każijiet bħal dawn;

(b) 

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c) 

ma jibqax jissodisfa l-kundizzjonijiet li skonthom ikun ingħatat l-awtorizzazzjoni;

(d) 

ma jibqax jikkonforma mad-Direttiva 2006/49/KE f’każ li l-awtorizzazzjoni tiegħu tkopri wkoll is-servizz diskrezzjonali ta’ mmaniġġar tal-portafolji msemmi fil-punt (a) tal- Artikolu 6(4) ta’ din id-Direttiva;

(e) 

ikun kiser serjament jew sistematikament id-dispożizzjonijiet adottati skont din id-Direttiva; jew

(f) 

jaqa’ taħt kwalunkwe wieħed mill-każijiet fejn il-liġi nazzjonali, rigward materji barra mill-ambitu ta’ din id-Direttiva, jipprevedi l-irtirar.



KAPITOLU III

KUNDIZZJONIJIET OPERATTIVI GĦALL-AIFMS



TAQSIMA 1

Rekwiżiti ġenerali

Artikolu 12

Prinċipji ġenerali

1.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, l-AIFMs f’ kull ħin:

(a) 

jaġixxu onestament, bil-kapaċità, attenzjoni u diliġenza dovuta u f’mod ġust fit-tmexxija tal-attivitajiet tagħhom;

(b) 

jaġixxu fl-aħjar interessi tal-AIFs jew tal-investituri tal-AIFs li huma jimmaniġġaw u l-integrità tas-suq;

(c) 

ikollhom u jużaw b’mod effikaċi r-riżorsi u l-proċeduri li huma neċessarji għall-prestazzjoni tajba tal-attivitajiet tan-negozju tagħhom;

(d) 

jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jevitaw il-kunflitti ta’ interessi u, meta dawn ma jistgħux jiġu evitati, biex jidentifikaw, jimmaniġġaw u jissorveljaw, u meta japplika, jiżvelaw, dawk il-kunflitti ta’ interess bil-għan li jipprevjenuhom milli jolqtu negattivament l-interessi tal-AIFs u l-investituri tagħhom u biex jiggarantixxu li l-AIFs li huma jimmaniġġaw huma ttrattati b’mod ġust;

(e) 

jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ regolamentazzjoni kollha applikabbli għat-tmexxija tal-attivitajiet tan-negozju tagħhom sabiex jippromwovu l-aħjar interessi tal-AIF jew tal-investituri tal-AIF li huma jimmaniġġaw u tal-integrità tas-suq;

(f) 

jittratta l-investituri kollha tal-AIF b’mod ġust.

L-ebda investitur f’AIF m’ għandu jikseb trattament preferenzjali, sakemm tali trattament preferenzjali ma jiġix żvelat fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF rilevanti.

2.  

Kull AIFM li l-awtorizzazzjoni tiegħu tkopri wkoll is-servizz ta’ mmaniġġar diskrezzjonali ta’ portafolji msemmi fil-punt (a) tal-Artikolu 6(4):

(a) 

ma għandhux jingħata l-permess jinvesti l-portafoll kollu ta’ klijent, jew parti minnu, f’unitajiet jew ishma tal-AIF li jimmaniġġa, sakemm ma jirċevix approvazzjoni ġenerali minn qabel mill-kijent;

(b) 

għandu, fir-rigward tas-servizzi msemmija fl-Artikolu 6(4) jkun suġġett għad- Direttiva 97/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Marzu 1997 dwar skemi ta’ kumpens għall-investitur ( 5 ).

3.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw il-kriterji li jridu jintużaw mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti biex jivvalutaw jekk l-AIFMs jikkonformawx mal-obbligi tagħhom skont il-paragrafu 1.

Artikolu 13

Rimunerazzjoni

1.  
L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFMs ikollhom linji politiċi u prattiċi ta’ rimunerazzjoni għal dawk il-kategoriji ta’ persunal, inkluż il-kapijiet fl-amministrazzjoni, il-persuni li jieħdu r-riskju, funzjonijiet ta’ kontroll, u kwalunkwe impjegat li jirċievi rimunerazzjoni totali li jpoġġihom fl-istess ammonti ta’ rimunerazzjoni bħall-kapijiet fl-amministrazzjoni u l-persuni li jieħdu r-riskju, li l-attivitajiet professjonali tagħhom ikollhom impatt materjali fuq il-profili tar-riskju tal-AIFMs jew tal-AIFs li huma jimmaniġġaw, li jkunu konsistenti ma’ u jippromwovu mmaniġġar effikaċi u soda tar-riskji u li ma jħeġġux it-teħid ta’ riskji li ma jkunx konsistenti mal-profili tar-riskju, ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIFs li huma jimmaniġġaw.

L-AIFMs għandhom jiddeterminaw il-linji politiċi u l-prattiċi ta’ rimunerazzjoni f’konformità ma’ dak li hemm stabbilit fl-Anness II.

2.  
L-AETS għandha tiżgura l-eżistenza ta’ linji gwida dwar linji politiċi ta’ rimunerazzjoni sodi li jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. Il-linji gwida għandhom iqisu l-prinċipji dwar linji politiċi ta’ rimunerazzjoni sodi stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2009/384/KE dwar il-linji politiċi ta’ rimunerazzjoni fis-settur tas-servizzi finanzjarji, id-daqs tal-AIFM u d-daqs tal-AIF li jimmaniġġaw, l-organizzazzjoni interna tagħhom kif ukoll in-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom. L-AETS għandha tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Ewropea ta’ Superviżjoni (Awtorità Bankarja Ewropea) (ABE).

Artikolu 14

Kunflitti ta’ interess

1.  

L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-AIFMs jieħdu l-passi raġonevoli kollha biex jidentifikaw il-kunflitti ta’ interess li jinbtu matul l-immaniġġar ta’ AIFs bejn:

(a) 

l-AIFM, inkluż il-maniġers tagħhom, l-impjegati jew kwalunkwe persuna direttament jew indirettament konnessa mal-AIFM permezz tal-kontroll, u l-AIF immaniġġati mill-AIFM jew investituri f’dak l-AIF;

(b) 

AIF wieħed jew l-investituri ta’ dan l-AIF u AIF ieħor jew l-investituri f’dak l-AIF,

(c) 

l-AIF jew l-investituri f’dak l-AIF u klijent ieħor tal-AIFM;

(d) 

l-AIF jew l-investituri f’dak l-AIF u UCITS immaniġġata mill-AIFM jew mill-investituri f’dak l-UCITS; jew

(e) 

żewġ klijenti tal-AIFM.

L-AIFMs għandhom iżommu u joperaw arranġamenti organizzattivi u amministrattivi effikaċi bl-għan li jieħu l-passi raġonevoli kollha maħsuba biex jidentifikaw, jimpedixxu, jimmaniġġaw u jissorveljaw il-kunflitti ta’ interess bil-għan li jevita li jkollhom effett negattiv fuq l-interessi tal-AIFs u l-investituri tagħhom.

L-AIFMs għandhom jissegregaw, fl-ambjent operattiv tagħhom, il-kompiti u r-responsabbiltajiet li jistgħu jitqiesu bħala inkompatibbli ma’ xulxin jew li potenzjalment jistgħu jiġġeneraw kunflitti ta’ interess sistemiċi. L-AIFMs għandhom jivvalutaw jekk il-kundizzjonijiet tal-operat tagħhom jistgħux jinvolvu kwalunkwe kunflitti ta’ interess materjali u jiżvelahom lill-investituri tal-AIFs.

2.  
Fejn l-arranġamenti organizzattivi li jsiru mill-AIFM għall-identifikazzjoni, għall-prevenzjoni, għall-immaniġġar u għall-monitoraġġ tal-kunflitti ta’ interess ma jkunux biżżejjed biex jiżguraw, b’kunfidenza raġonevoli, li r-riskji ta’ ħsara għall-interessi tal-investituri jiġu impediti, l-AIFM għandu jiżvela l-għamla ġenerali jew is-sorsi tal-kunflitti ta’ interess tal-investituri qabel ma jidħol f’negozju f’isimhom, u jiżviluppa politika u proċeduri xierqa.
3.  
Fejn l-AIFM f’isem l-AIF juża s-servizzi ta’ intermedjarju ewlieni, il-kundizzjonijiet għandhom ikunu stabbiliti f’kuntratt bil-miktub. Partikolarment, kwalunkwe possibbiltà ta’ trasferiment u użu mill-ġdid tal-assi tal-AIF għandha tkun prevista f’dak il-kuntratt u għandha tikkonforma mar-regoli tal-AIF jew strumenti ta’ inkorporazzjoni. Il-kuntratt għandu jiddisponi li d-depożitarju jkun informat bil-kuntratt.

L-AIFMs għandhom jeżerċitaw ħila, attenzjoni u diliġenza dovuti fl-għażla u l-ħatra ta’ intermedjarji ewlenin li magħhom jiġi konkluż kuntratt.

4.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

it-tipi ta’ kunflitti ta’ interessi msemmija fil-paragrafu 1;

(b) 

il-passi raġonevoli li l-AIFMs huma mistennija li jieħdu fit-termini ta’ strutturi u tal-proċeduri organizzattivi u amministrattivi sabiex jidentifikaw, jimpedixxu, jimmaniġġaw, jissorveljaw u jiżvelaw il-kunflitti ta’ interess.

Artikolu 15

L-immaniġġar tar-riskji

1.  
L-AIFMs għandhom jisseparaw mil-lat funzjonali u ġerarkiku l-funzjonijiet tal-immaniġġar tar-riskji mill-unitajiet operattivi, anke mill-funzjonijiet ta’ mmaniġġar ta’ portafolji.

Is-separazzjoni mil-lat funzjonali u ġerarkiku tal-funzjonijiet tal-immaniġġar tar-riskji f’konformità mal-ewwel subparagrafu għandha tiġi riveduta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM f’ konformita’ mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, bil-ħsieb l-AIFM fi kwalunkwe każ għandu jkun kapaċi juri li s-salvagwardji speċifiċi kontra l-kunflitti ta’ interess jippermettu l-prestazzjoni indipendenti tal-attivitajiet ta’ mmaniġġar tar-rikju u li l-proċess ta’ mmaniġġar tar-riskju jissodisfa r-rekwiżiti ta’ dan l-Artikolu u huwa effikaċi konsistentement.

▼M1

2.  
L-AIFMs għandhom jimplimentaw sistemi adegwati ta’ ġestjoni tar-riskji sabiex jidentifikaw, ikejlu, jiġġestixxu u jimmonitorjaw kif xieraq ir-riskji kollha rilevanti għal kull strateġija ta’ investiment tal-AIF u li għalihom huwa jew jista’ jkun espost kull AIF. B’mod partikolari, l-AIFMs ma għandhomx jiddependu esklużivament jew mekkanistikament fuq gradazzjonijiet tal-kreditu maħruġa mill-aġenziji li jiggradaw il-kreditu kif definiti fl- Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1060/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar aġenziji li jiggradaw il-kreditu ( 6 ), għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-AIFs.

▼B

L-AIFMs għandhom jirrivedu s-sistemi tal-immaniġġar tar-riskju bi frekwenza xierqa, tal-lanqas minn darba fis-sena, u fejn neċessarju, jadattahom.

3.  

L-AIFMs għandhom tal-lanqas:

(a) 

jimplimentaw proċess ta’ diliġenza dovuta xieraq, dokumentat u aġġornat regolarment meta jinvesti f’isem l-AIF, skont l-istrateġija tal-investiment, l-għanijiet u l-profil tar-riskju tal-AIF;

(b) 

jiżguraw li r-riskji assoċjati ma’ kull pożizzjoni tal-investiment tal-AIF u l-effett totali tagħhom fuq il-portafoll tal-AIF jistgħu jiġu identifikati, imkejla, immaniġġati u sorveljati kif jixraq fuq bażi kontinwa anke billi jintużaw proċeduri xierqa ta’ simulazzjoni ta’ kriżi;

(c) 

jiżguraw li l-profil tar-riskju tal-AIF jikkorrispondi mad-daqs, l-istruttura tal-portafoll u l-istrateġiji u l-objettivi tal-investiment tal-AIF kif stabbiliti fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni, fil-prospetti u d-dokumenti tal-offerta tal-AIF.

▼M1

3a.  
Filwaqt li jqisu n-natura, id-daqs u l-kumplessità tal-attivitajiet tal-AIFs, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jimmonitorjaw l-adegwatezza tal-proċessi ta’ valutazzjoni tal-keditu tal-AIFMs, jivvalutaw l-użu tar-referenzi għall-gradazzjonijiet tal-kreditu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, fil-politika ta’ investiment tal-AIFs u, fejn ikun xieraq, jinkoraġġixxu l-mitigazzjoni tal-impatt ta’ referenzi bħal dawn, bil-ħsieb li titnaqqas id-dipendenza esklużiva u mekkanistika fuq tali gradazzjonijiet tal-kreditu.

▼B

4.  

L-AIFMs għandhom jistabbilixxu livell massimu ta’ leverage finanzjarju li huma jistaw jimpjegaw f’isem kull AIF li jimmaniġġaw, kif ukoll il-punt sa fejn id-dritt tal-użu mill-ġdid tal-kollaterali jew garanzija li jistgħu jingħataw taħt l-arranġament ta’ leverage finanzjarju, waqt li jittieħed kont, inter alia ta’:

(a) 

it-tip tal-AIF;

(b) 

l-istrateġija tal-AIF;

(c) 

is-sorsi tal-leverage finanzjarju tal-AIF;

(d) 

kull interkonnessjoni jew relazzjonijiet rilevanti oħra ma’ istituzzjonijiet oħrajn ta’ servizzi finanzjarji, li jistgħu joħolqu riskju sistemiku;

(e) 

il-bżonn li jiġi limitat l-esponiment għal kwalunkwe kontroparti individwali;

(f) 

il-punt sa kemm il-leverage finanzjarju hi kollateralizzata;

(g) 

il-proporzjon bejn l-attiv u l-passiv;

(h) 

id-daqs u n-natura tal-attività tal-AIFM fis-swieq ikkonċernati.

5.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

is-sistemi tal-immaniġġar tar-riskji li għandhom jintużaw mill-AIFMs relattivament għar-riskji li huma jġarrbu f’isem l-AIFs li jimmaniġġaw;

(b) 

il-frekwenza xierqa għar-rieżami tas-sistema ta’ mmaniġġar tar-riskju;

(c) 

il-mod kif il-funzjoni ta’ mmaniġġar tar-riskju għandha tkun separata mil-lat funzjonali u ġerarkiku mill-unitajiet operattivi, inkluża l-funzjoni ta’ mmaniġġar ta’ portafolji;

(d) 

is-salvagwardji speċifiċi kontra l-kunflitti ta’ interessi msemmijin fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1;

(e) 

ir-rekwiżiti msemmijin fil-paragrafu 3.

▼M1

Il-miżuri li jispeċifikaw is-sistemi ta’ ġestjoni tar-riskji msemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiżguraw l-prevenzjoni tal-AIFMs milli jiddependu esklużivament jew mekkanistikament fuq gradazzjonijiet tal-kreditu, kif imsemmi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, għall-valutazzjoni tal-affidabbiltà kreditizja tal-assi tal-AIFs.

▼B

Artikolu 16

L-immaniġġar tal-likwidità

1.  
L-AIFMs, għal kull AIF li jimmaniġġaw li mhijiex tat-tip magħluq mingħajr leverage finanzjarju, għandhom jużaw sistema xierqa tal-immaniġġar tal-likwidità u jadottaw proċeduri li jippermettulhom jissorvelja r-riskju ta’ likwidità tal-AIF u jiżguraw li l-profil tal-likwidità tal-investiment tal-AIF jikkonforma mal-obbligi sottostanti tagħhom.

L-AIFMs għandhom iwettqu regolarment simulazzjonijiet ta’ kriżi, taħt kundizzjonijiet ta’ likwidità normali u eċċezzjonali, li jippermettulhom jivvalutaw ir-riskju ta’ likwidità tal-AIFs u jissorveljaw r-riskju ta’ likwidità tal-AIFs b’mod konformi.

2.  
L-AIFMs għandhom jiżguraw li għal kull AIF li jimmaniġġaw l-istrateġija ta’ investiment, il-profil tal-likwidità u l-politika ta’ tifdija jkunu konsistenti.
3.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

is-sistemi u l-proċeduri ta’ mmaniġġar tal-likwidità; u,

(b) 

l-allinjament tal-istrateġija ta’ investiment, tal-profil tal-likwidità u tal-politika ta’ tifdija stipulati fil-paragrafu 2.

▼M4

Artikolu 17

Meta AIFMs jiġu esposti għal titolizzazzjoni li m’għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti previsti fir-Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 7 ), għandhom, fl-aħjar interess tal-investituri fl-AIFs rilevanti, jaġixxu u jieħdu azzjoni korrettiva, jekk ikun xieraq.

▼B



TAQSIMA 2

Rekwiżiti għall-organiżżazzjoni

Artikolu 18

Prinċipji ġenerali

1.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-AIFMs għandhom f’kull ħin jużaw riżorsi umani u tekniċi adegwati u xierqa li huma neċessarji għall-immaniġġar xieraq tal-AIF.

B’mod partikulari, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, waqt li jieħdu kont ukoll in-natura tal-AIFs immaniġġati mill-AIFM, għandhom jirrikjedu li l-AIFM ikollu proċeduri amministrattivi u ta’ kontabilità sodi, arranġamenti ta’ kontroll u salvagwardja għall-ipproċessar elettroniku tad-data u mekkaniżmi adegwati ta’ kontroll intern li jinkludu, b’mod partikolari, regoli għat-tranżazzjonijiet personali mill-impjegati tiegħu jew għall-pussess jew l-immaniġġar ta’ investimenti sabiex jinvesti għalih innifsu u waqt li jiżguraw li, għall-inqas, kull transazzjoni li tinvolvi l-AIF tista’ tiġi rikostruwita skont l-oriġini tagħha, il-partijiet għaliha, in-natura tagħha, u l-ħin u l-post meta twettqet u li l-assi tal-AIF immaniġġati mill-AIFM jiġu investiti f’konformita’ mar-regoli tal-AIF jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni u d-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ.

2.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw il-proċeduri u l-arranġamenti kif imsemmi fil-paragrafu 1.

Artikolu 19

Valutazzjoni

1.  
L-AIFMs għandhom jiżguraw li, għal kull AIF li jimmaniġġaw, jiġu stabbiliti proċeduri xierqa u konsistenti sabiex tkun tista’ ssir valutazzjoni xierqa u indipendenti tal-assi tal-AIF, f’konformità ma’ dan l-Artikolu, r-regoli nazzjonali applikabbli u r-regli tal-AIF jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni.
2.  
Ir-regoli applikabbli għall-valutazzjoni tal-assi u l-kalkolu tal-valur nett tal-assi għal kull unità jew sehem tal-AIF għandhom jiġu stipulati fil-liġi tal-pajjiż fejn l-AIF huwa stabbilit u/jew fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF.
3.  
L-AIFMs għandhom jiżguraw ukoll li l-valur nett tal-assi għal kull unità jew sehem tal-AIF jiġi kkalkulat u żvelat lill-investituri f’konformità ma’ dan l-Artikolu, mal-liġi nazzjonali applikabbli u mar-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF.

Il-proċeduri ta’ valutazzjoni li jintużaw għandhom jiżguraw li l-assi jiġu vvalutati u l-valur nett tal-assi għal kull unità jew sehem jiġi kkalkulat u ppubblikat mill-inqas darba fis-sena.

Jekk l-AIF huwa tat-tip miftuħ il-valtuazzjonijiet u l-kalkoli ta’ dan it-tip għandhom jitwettqu wkoll bi frekwenza li tkun xierqa kemm għall-assi miżmuma mill-AIF u kemm għall-frekwenza ta’ ħruġ u tifdija tiegħu.

Jekk l-AIF huwa tat-tip magħluq, il-valtuazzjonijiet u l-kalkoli ta’ dan it-tip għandhom jitwettqu wkoll fil-każ ta’ żieda jew tnaqqis tal-kapital mill-AIF rilevanti.

L-investituri għandhom jiġu infurmati dwar il-valtuazzjonijiet u l-kalkoli kif stabbilit fir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni rilevanti tal-AIF.

4.  

L-AIFMs għandhom jiżguraw li l-funzjoni tal-valutazzjoni titwettaq:

(a) 

minn valutatur estern, li jkun persuna ġuridika jew fiżika indipendenti mill-AIF, l-AIFM u kull persuna oħra b’rabtiet mill-qrib mal-AIF jew l-AIFM; jew

(b) 

mill-AIFM innifsu, sakemm il-kompitu il-valtuazzjoni jkun funzjonalment indipendenti mill-immaniġġar tal-portafoll u l-politika ta’ remunerazzjoni u miżuri oħra jiżguraw il-mitigazzjoni tal-kunflitti ta’ interess u l-prevenzjoni ta’ influwenza mhux xierqa fuq l-impjegati.

Id-depożitarju maħtur għal AIF m’għandux jinħatar bħala valutatur estern tal-AIF, sakemm ma jkunx funzjonalment u ġerarkikament issepara t-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu bħala depożitarju mill-kompiti tiegħu ta’ valutatur estern u sakemm il-kunflitti ta’ interess potenzjali ikunu ġew identifikati, immaniġġati, sorveljati u żvelati kif jixraq lill-investituri tal-AIF.

5.  

Fejn valutatur estern ikun iwettaq il-funzjoni il-valtuazzjoni, l-AIFM għandu juri li:

(a) 

il-valutatur estern hu suġġett għal reġistrazzjoni professjonali obbligatorja rikonoxxuta bil-liġi jew suġġett għal dispożizzjonijiet ġuridiċi jew ta’ regolamentazzjoni jew regoli professjonali u deontoloġiċi; u

(b) 

il-valutatur estern jista’ jipprovdi biżżejjed garanziji professjonali biex ikun jista’ jiżvolġi b’mod effikaċi l-funzjonijiet ta’ valtuazzjoni rilevanti f’konformità mal-paragrafi 1, 2 u 3; u

(c) 

il-ħatra tal-valutatur estern tikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 20(1) u (2) u l-miżuri ta’ implimentazzjoni tagħhom permezz ta’ atti ddelegati adottati skont l-Artikolu 20(7).

6.  
Il-valutatur estern maħtur ma għandux jiddelega l-funzjoni ta’ valtuazzjoni lil parti terza.
7.  
L-AIFM għandu jinnotifika l-ħatra ta’ valutatur estern lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu li jistgħu jirrikjedu li jinħatar valutatur estern ieħor minflok, fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 5 ma jiġux jew ma jibqgħux sodisfatti.
8.  
Il-valtuazzjoni għandha titwettaq b’mod imparzjali u bil-ħila, attenzjoni u diliġenza dovuti kollha.
9.  
Fejn il-funzjoni ta’ valtuazzjoni ma titwettaqx minn valutatur estern indipendenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jirrikjedu li l-proċeduri ta’ valtuazzjoni u/jew il-valutazzjonijiet tal-AIFM jiġu vverifikati minn valutatur estern jew, fejn ikun xieraq, minn awditur.
10.  
L-AIFMs huma responsabbli għall-valtuazzjoni xierqa tal-assi tal-AIF, il-kalkolu tal-valur nett tal-assi u l-pubblikazzjoni ta’ dak il-valur nett tal-assi. Ir-responsabilità tal-AIFM għall-AIF u l-investituri tiegħu, għaldaqstant, fl-ebda każ, m’għandha tiġi affettwata mill-fatt li l-AIFM ħatar valutatur estern.

Minkejja l-ewwel subparagrafu u irrispettivament minn kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali li jipprevedu mod ieħor, il-valutatur estern għandu jkun responsabbli lejn l-AIFM għal kwalunkwe telf li jbati l-AIFM bħala riżultat tan-negliġenza jew nuqqas intenzjonali tal-valutatur estern li jwettaq il-kompiti tiegħu.

11.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

il-kriterji rigward il-proċeduri għall-valtuazzjonixierqa tal-assi u l-kalkolu tal-valur nett tal-assi għal kull unità jew sehem;

(b) 

il-garanziji professjonali li l-valutatur estern għandu jkun jista’ jipprovdi biex iwettaq il-funzjoni ta’ stimar b’mod effikaċi.

(c) 

il-frekwenza tal-valtuazzjoni imwettqa mill-AIFs tat-tip miftuħ li tkun xierqa kemm għall-assi miżmuma mill-AIF u kemm għall-politika tiegħu ta’ ħruġ u tifdija.



TAQSIMA 3

Delega tal-funzjonijiet tal-AIFM

Artikolu 20

Delega

1.  

L-AIFMs li jkollhom l-intenzjoni li jiddelegaw lil partijiet terzi l-kompitu li jeżegwixxu funzjonijiet f’isimhom għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom qabel ma jsiru effettivi l-arranġamenti ta’ delega. Għandu jkun hemm konformità mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-AIFM jrid ikun jista’ jiġġustifika l-istruttura ta’ delega kollha kemm hi tiegħu b’raġunijiet oġġettivi;

(b) 

id-delegat jrid ikollu għad-dispożizzjoni tiegħu biżżejjed riżorsi biex iwettaq il-kompiti rispettivi u l-persuni li effettivament jiżvolġu n-negozju tad-delegat jrid ikollhom reputazzjoni tajba biżżejjed u biżżejjed esperjenza;

(c) 

meta d-delega tikkonċerna l-immaniġġar tal-portafolji jew l-immaniġġar tar-riskji, din għandha tingħata biss lill-impriżi li huma awtorizzati jew reġistrati għall-iskop ta’ mmaniġġar ta’ assi u suġġett għal superviżjoni jew, fejn dik il-kundizzjoni ma tistax tkun sodisfatta, suġġett għall-approvazzjoni minn qabel biss mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM;

(d) 

meta d-delega tikkonċerna l-immaniġġar tal-portafolji jew l-immaniġġar tar-riskji, din għandha tingħata biss lill-impriża ta’ pajjiż terz, minbarra r-rekwiżiti fil-punt (c), għandha tiġi żgurata l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM u l-awtorità superviżorja tal-impriża;

(e) 

id-delega ma għandhiex tipprevjeni l-effikaċja tas-superviżjoni tal-AIFM, u partikolarment ma tridx tipprevjeni lill-AIFM milli jaġixxi, jew lill-AIF milli tiġi mmaniġġata, fl-aħjar interessi tal-investituri tiegħu;

(f) 

l-AIFM irid ikun jista’ juri li d-delegat huwa kwalifikat u kapaċi jeżegwixxi l-funzjonijiet konċernati, li ntagħżel bl-attenzjoni dovuta kollha u li l-AIFM huwa f’pożizzjoni li jissorvelja effikaċement u fi kwalunkwe ħin l-attività ddelegata, li jagħti fi kwalunkwe ħin istruzzjonijiet ulterjuri lid-delegat u li jirtira d-delega b’effett immedjat meta dan ikun fl-interess tal-investituri.

L-AIFM għandu jirrieżamina s-servizzi pprovduti minn kull delegat fuq bażi kontinwa.

2.  

L-ebda delega ta’ mmaniġġar ta’ portafolji jew immaniġġar ta’ riskji ma għandha tingħata:

(a) 

lid-depożitarju jew lil delegat tad-depożitarju, jew

(b) 

kwalunkwe entità oħra li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ dawk tal-AIFM jew l-investituri tal-AIF, sakemm din l-entità tkun isseparat funzjonalment u ġerarkikament l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha ta’ mmaniġġar ta’ portafolji u mmaniġġar tar-riskji minn kompiti oħra li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ kunflitt, u l-kunflitti ta’ interess potenzjali jiġu identifikati, immaniġġati, sorveljati u żvelati kif jixraq lill-investituri tal-AIF.

3.  
Ir-responsabbiltà tal-AIFM lejn l-AIF u l-investituri tiegħu m’ għandhiex tiġi affettwata mill-fatt li l-AIFM ikun iddelega l-funzjonijiet tiegħu lil parti terza, jew minn kwalunkwe sottodelega ulterjuri, lanqas ma għandu l-AIFM jiddelega l-funzjonijiet tiegħu, safejn, essenzjalment, ma jkunx jista’ jibqa’ jitqies bħala l-maniġer tal-AIF u safejn jsir entità li sservi biss bħala kaxxa tal-ittri.
4.  

Il-parti terza tista’ tissottodelega kwalunkwe mill-funzjonijiet iddelegati lilha sakemm jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-AIFM ikun ta l-kunsens tiegħu qabel is-sottodelega;

(b) 

l-AIFM ikun innotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu qabel ma jsiru effettivi l-arranġamenti ta’ sottodelega;

(c) 

il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 1, sakemm jinftiehem li r-referenzi kollha għad-“delegat” jinqraw bħala referenza għas-“sottodelegat”.

5.  

L-ebda sottodelega ta’ mmaniġġar ta’ portafolji jew immaniġġar ta’ riskji ma għandha tingħata:

(a) 

lid-depożitarju jew lil delegat tad-depożitarju; jew

(b) 

kwalunkwe entità oħra li l-interessi tagħha jistgħu jkunu f’kunflitt ma’ dawk tal-AIFM jew l-investituri tal-AIF, sakemm din l-entità tkun isseparat funzjonalment u ġerarkikament l-eżekuzzjoni tal-kompiti tagħha ta’ mmaniġġar ta’ portafolji u mmaniġġar tar-riskji minn kompiti oħra li potenzjalment jistgħu jkunu ta’ kunflitt, u l-kunflitti ta’ interess potenzjali jiġu identifikati, immaniġġati, sorveljati u żvelati kif jixraq lill-investituri tal-AIF.

Id-delegat rilevanti għandu jirrieżamina s-servizzi pprovduti minn kull sottodelegat fuq bażi kontinwa.

6.  
Fejn is-sottodelegat jiddelega ulterjurment kwalunkwe waħda mill-funzjonijiet iddelegati lilu, għandhom japplikaw mutatis mutandis il-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 4.
7.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

il-kundizzjonijiet biex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafi 1, 2, 4 u 5;

(b) 

il-kundizzjonijiet skont liema l-AIFM għandu jiġi meqjus li ikun iddelega l-funzjonijiet tiegħu safejn isir entità li sservi biss bħala kaxxa tal-ittri u ma jkunx jista’ jibqa’ jitqies bħala l-maniġer tal-AIF kif stabbilit fil-paragrafu 3.



TAQSIMA 4

Depożitarju

Artikolu 21

Depożitarju

1.  
Għal kull AIF li jimmaniġġa, l-AIFM għandu jiżgura li jinħatar depożitarju uniku f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
2.  
Il-ħatra tad-depożitarju għandha tinxtehed minn kuntratt bil-miktub. Il-kuntratt, fost affarijiet oħra, għandu, inter alia, jirregola l-fluss ta’ informazzjoni meqjusa neċessarja biex id-depożitarju jkun jista’ jwettaq il-funzjonijiet tiegħu għall-AIF li għalih ikun inħatar bħala depożitarju, kif stabbilit f’din id-Direttiva u fil-liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti l-oħra.
3.  

Id-depożitarju għandu jkun:

(a) 

istituzzjoni ta’ kreditu li għandha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni u li hi awtorizzata skont id-Direttiva 2006/48/KE;

(b) 

ditta ta’ investiment li jkollha l-uffiċċju reġistrat tagħha fl-Unjoni, suġġett għar-rekwiżiti ta’ adegwatezza tal-kapital skont l-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 2006/49/KE inkluż ir-rewiżit ta’ kapital għar-riskji operattivi u li tkun awtorizzata skont id-Direttiva 2004/39/KE u li tipprovdi wkoll is-servizz anċillari ta’ salvagwardja u amministrazzjoni tal-istrumenti finazjarji għall-kont ta’ klijent skont il-punt (1) tat-Taqsima B tal-Anness I għad-Direttiva 2004/39/KE; ditta ta’ investiment ta’ dan it-tip, fi kwalunkwe każ, għandu jkollha fondi proprji mhux inqas mill-ammont ta’ kapital inizjali msemmi fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/49/KE; jew

(c) 

kategorija oħra ta’ istituzzjoni li tkun suġġetta għal regolamentazzjoni prudenzjali u superviżjoni kontinwa u li, fil-21 ta’ Lulju 2011 taqa’ fl-ambitu tal-kategoriji ta’ istituzzjoni li l-Istati Membri jkunu stabbilixxew bħala eliġibbli sabiex ikunu depożitarji taħt l-Artikolu 23(3) tad-Direttiva 2009/65/KE.

Għall-AIF mhux tal-UE biss, u bla ħsara għal punt (b) tal-paragrafu 5, id-depożitarju jista’ wkoll ikun istituzzjoni ta’ kreditu jew kwalunkwe entità oħra tal-istess natura bħal dik tal-entitajiet imsemmijin fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu sakemm il-kundizzjonijiet fil-punt (b) tal-paragrafu 6 ikunu sodisfatti.

Barra minn dan, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li fir-rigward ta’ AIFs li ma jiddisponu minn ebda drittijiet ta’ tifdija eżerċitabbli matul perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-investimenti inizjali u li, f’konformità mal-politika tal-investiment ewlenija tagħhom, ġeneralment ma jinvestux f’assi li jridu jinżammu f’kustodja skont il-punt (a) tal-paragrafu 8 jew ġeneralment jinvestu f’emittenti jew f’kumpaniji mhux kwotati bil-għan li potenzjalment jiksbu kontroll fuq it-tali kumpaniji skont l-Artikolu 26, id-depożitarju jista’ jkun entità li tiżvolġi funzjonijiet depożitarji bħala parti mill-attivitajiet professjonali jew kummerċjali tagħha li fir-rigward tagħhom hija suġġetta għal reġistrazzjoni professjonali obbligatorja rikonoxxuta midl-liġi jew għal dispożizzjonijiet ġuridiċi jew regolatorji jew regoli ta’ mġiba professjonali u li jistgħu jipprovdu biżżejjed garanziji finanzjarji u professjonali li jippermettulha li twettaq b’mod effikaċi l-funzjonijiet depożitarji rilevanti u tonora l-impenji inerenti f’dawk il-funzjonijiet.

4.  

Sabiex jiġu evitati kunflitti ta’ interessi bejn id-depożitarju, l-AIFM u/jew l-AIF u/jew l-investituri tiegħu:

(a) 

AIFM m’għandux jaġixxi bħala depożitarju;

(b) 

intermedjarju ewlieni li jaġixxi bħala kontroparti għal AIF m’għandux jaġixxi bħala depożitarju għal dak l-AIF, sakemm ma jkunx funzjonalment u ġerarkikament issepara t-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu bħala depożitarju mill-kompiti tiegħu ta’ intermedjarju ewlieni u sakemm il-kunflitti ta’ interess potenzjali ikunu ġew identifikati, immaniġġati, sorveljati u żvelati kif jixraq lill-investituri tal-AIF. Id-delega mid-depożitarju lil tali intermedjarju ewlieni tal-kompiti ta’ kustodja tiegħu skont il-paragrafu 11 hi permessa biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet rilevanti.

5.  

Id-depożitarju għandu jkun stabbilit f’wieħed mill-postijiet li ġejjin:

(a) 

għal AIFs tal-UE, fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIF;

(b) 

għall-AIFs mhux tal-UE, fil-pajjiż terz fejn ikun stabbilit l-AIF, jew fl-Istat Membru tal-AIFM li qed jimmaniġġa l-AIF, jew, fl-Istat Membru ta’ referenza tal-AIFM li jimmaniġġa l-AIF.

6.  

Bla ħsara għar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 3, il-ħatra ta’ depożitarju stabbilit f’pajjiż terz għandha tkun dejjem suġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn hu intenzjonat li se jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, u, jekk differenti, tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, ikunu ffirmaw arranġamenti ta’ koperazzjoni u skambju ta’ informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tad-depożitarju;

(b) 

id-depożitarju huwa suġġett għal regolamentazzjoni, inklużi r-rekwiżiti ta’ kapital minimu, u superviżjoni prudenzjali effikaċi li għandhom l-istess effett tal-liġi tal-Unjoni u li huma effettivament infurzati;

(c) 

il-pajjiż terz fejn hu stabbilit id-depożitarju ma jkunx elenkat bħala Pajjiż u Territorju mhux Kooperattivi mill-FATF;

(d) 

l-Istati Membri fejn hu intenzjonat li se jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, u, fil-każ li jkun differenti, l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, ikunu ffirmaw ftehim mal-pajjiż terz fejn ikun stabbilit id-depożitarju li jikkonforma kompletament mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tal-OKŻE u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effikaċi fil-kwestjonijiet fiskali, inklużi, jekk hemm, il-ftehimiet fiskali multilaterali.

(e) 

id-depożitarju, kuntrattwalment, għandu jkun responsabbli lill-AIF, jew lill-investituri tal-AIF, b’mod konsistenti mal-paragrafi 12 u 13 ta’ dan l-Artikolu u għandu jaqbel espressament li jikkonforma mal-paragrafu 11.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor ma taqbilx mal-valutazzjoni li tkun saret dwar l-applikazzjoni tal-punti (a), (c) jew (e) tal-ewwel subparagrafu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Abbażi tal-kriterji msemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 17, il-Kummissjoni għandha tadotta, atti ta’ implimentazzjoni li jiddikjaraw li r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali ta’ pajjiż terz għandhom l-istess effett bħad-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-dritt tal-Unjoni Ewropea u huma effettivament infurzati. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(2).

7.  
Id-depożitarju għandu, b’mod ġenerali, jiżgura li l-flussi tal-likwidità tal-AIF huma sorveljati kif suppost u għandu, b’mod partikulari, jiżgura li l-ħlasijiet kollha li jsiru minn investituri jew f’isimhom malli tkun waslet is-sottoskrizzjoni tal-unitajiet jew l-ishma tal-AIF u li l-flus kollha tal-AIF ikunu ġew reġistrati f’ kontijiet f’kontanti miftuħa f’isem l-AIF jew f’isem l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF jew f’isem id-depożitarju li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF għand entità msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 18(1) tad-Direttiva 2006/73/KE, jew entità oħra tal-istess natura, fis-suq rilevanti fejn ikun rikjesti l-kontijiet f’kontanti sakemm tali entità tkun suġġetta għal regolamentazzjoni u superviżjoni prudenzjali effikaċi li għandhom l-istess effett bħal-liġi tal-Unjoni u li huma effettivament infurzati, u f’konformità mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE.

Fejn il-kontijiet f’kontanti jinfetħu f’isem id-depożitarju li jaġixxi f’isem l-AIF, l-ebda flus tal-entità msemmija fl-ewwel subparagrafu u l-ebda flus minn dawk tad-depożitarju nnifsu m’għandhom jiġu reġistrati f’tali kontijiet.

8.  

L-assi tal-AIF, jew, tal-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, għandhom jiġu fdati lid-depożitarju bħala salvagwardja, skont kif ġej:

(a) 

għal strumenti finanzjarji li jistgħu jinżammu f’kustodja:

(i) 

id-depożitarju għandu jżomm f’kustodja l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu reġistrati f’kont ta’ strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tad-depożitarju u l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu forniti fiżikament lid-depożitarju,

(ii) 

għal din il-fini, id-depożitarju għandu jiżgura li dawk l-istrumenti finanzjarji kollha li jistgħu jiġu reġistrati f’kont ta’ strumenti finanzjarji miftuħ fil-kotba tad-depożitarju jiġu reġistrati fil-kotba tad-depożitarju f’kontijiet segregati f’konformità mal-prinċipji stipulati fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/73/KE, miftuħin f’isem l-AIF jew, skont ma jista’ jagħti l-każ, f’isem l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, sabiex, f’kull ħin, ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala appartenenti għall-AIF f’konformità mal-liġi applikabbli;

(b) 

għall-assi oħrajn:

(i) 

id-depożitarju għandu jivverifika s-sjieda tal-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, ta’ tali assi u għandu jżomm rekord ta’ dawk l-assi li għalihom ikun sodisfatt li l-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, ikollu s-sjieda ta’ tali assi,

(ii) 

il-valutazzjoni jekk l-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, ikollux is-sjieda għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni jew dokumenti pprovduti mill-AIF jew l-AIFM u, fejn tkun disponibbli, fuq evidenza esterna,

(iii) 

Iid-depożitarju għandu jżomm ir-rekord tiegħu aġġornat.

9.  

Minbarra l-kompiti msemmija fil-paragrafi 7 u 8, id-depożitarju għandu:

(a) 

jiżgura li l-bejgħ, l-emissjoni, ix-xiri mill-ġdid, it-tifdija u t-tħassir tal-unitajiet jew tal-ishma tal-AIF jitwettqu f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF;

(b) 

jiżgura li l-valur tal-unitajiet jew tal-ishma tal-AIF jiġi kkalkulat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF u l-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 19;

(c) 

iwettaq l-istruzzjonijiet tal-AIFM, sakemm ma jkunux f’kunflitt mal-liġi nazzjonali applikabbli jew ir-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF;

(d) 

jiżgura li, fit-tranżazzjonijiet li jinvolvu l-assi tal-AIF, kull konsiderazzjoni tinbagħat lill-AIF fil-limiti taż-żmien tas-soltu;

(e) 

jiżgura li d-dħul ta’ AIF jiġi applikat f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli u r-regoli tal-AIF jew strumenti ta’ inkorporazzjoni.

10.  
Fil-kuntest tar-rwoli rispettivi tagħhom, l-AIFM u d-depożitarju għandhom jaġixxu b’mod onest, ġust, professjonali, indipendenti u fl-interess tal-AIF jew l-investituri tal-AIF.

Depożitarju m’ għandux iwettaq attivitajiet fir-rigward tal-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, li jistgħu joħolqu kunflitti ta’ interess bejn l-AIF, l-investituri tal-AIF, l-AIFM jew id-depożitarju nnifsu, sakemm id-depożitarju ma jkunx funzjonalment u ġerarkikament issepara t-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu bħala depożitarju mill-kompiti l-oħra tiegħu li potenzjalment joħolqu kunflitt u sakemm il-kunflitti ta’ interess potenzjali ikunu ġew identifikati, immaniġġati, sorveljati u żvelati kif jixraq lill-investituri tal-AIF.

L-assi msemmijin fil-paragrafu 8 ma jistgħux jerġgħu jintużaw mid-depożitarju mingħajr il-kunsens minn qabel tal-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF.

11.  
Id-depożitarju m’għandux jiddelega lil partijiet terzi l-funzjonijiet tiegħu kif deskritti f’dan l-Artikolu, apparti dawk imsemmijin fil-paragrafu 8.

Id-depożitarju jista’ jiddelega lil partijiet terzi l-funzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 8, suġġett għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

il-kompiti ma jiġux delegati bl-intenzjoni li jiġu evitati r-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva;

(b) 

id-depożitarju jista’ juri li hemm raġuni oġġettiva għad-delega;

(c) 

id-depożitarju jkun eżerċita kull ħila, attenzjoni u diliġenza dovuta fl-għażla u l-ħatra tal-parti terza li lilha jrid jiddelega partijiet mill-kompiti tiegħu u se jkompli jeżerċità kull ħila, attenzjoni u diliġenza dovuta fir-rieżami perjodiku u s-sorveljanza kontinwa ta’ kull parti terza li lilha jkun iddelega partijiet mill-kompiti tiegħu u tal-arranġamenti tal-parti terza fir-rigward tal-kompiti delegati lilha; u

(d) 

id-depożitarju żgura li l-parti terza tissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin f’ kull ħin matul l-iżvolġiment tal-kompiti delegati lilha:

(i) 

il-parti terza jkollha l-istrutturi u l-kompetenza li huma xierqa u proporzjonati għan-natura u l-kumplessità tal-assi tal-AIF jew tal-AIF li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF li jkunu ġew fdati lilha,

(ii) 

fir-rigward ta’ kompiti ta’ kustodja msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 8, il-parti terza hi suġġetta għal regolamentazzjoni, inklużi r-rekwiżiti ta’ kapital minimu, u superviżjoni prudenzjali effikaċi fil-ġurisdizzjoni kkonċernata u, il-parti terza hi suġġetta għal verifika esterna perjodika sabiex jiġi żgurat li l-istrumenti finanzjarji huma fil-pussess tagħha,

(iii) 

il-parti terza tissegrega l-assi tal-klijenti tad-depożitarju mill-assi tagħha stess u mill-assi tad-depożitarju b’tali mod li, fi kwalunkwe ħin, ikunu jistgħu jiġu identifikati bħala appartenenti għall-klijenti ta’ depożitarju partikulari,

(iv) 

il-parti terza ma tagħmilx użu mill-assi mingħajr il-kunsens minn qabel tal-AIF, jew l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, u mingħajr ma d-depożitarju jkun notifikat minn qabel, u

(v) 

il-parti terza tikkonforma mal-obbligi u l-projbizzjonijiet ġenerali stipulati fil-paragrafi 8 u 10.

Minkejja l-punt (d)(ii) tat-tieni subparagrafu, meta l-liġi ta’ pajjiż terz tirrikjedi li ċerti strumenti finanzjarji jinżammu f’kustodja minn entità lokali u ma jeżistu ebda entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ delega stabbiliti f’dak il-punt, id-depożitarju jista’ jiddelega l-funzjonijiet tiegħu lil tali entità lokali sal-punt biss rikjest mid-dritt tal-pajjiż terz u sakemm biss ma jkunx hemm entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ delega, suġġetta għar-rikjesti li ġejjin:

(a) 

l-investituri tal-AIF rilevanti jridujkunu ġew informati kif dovut li tali delega hi rikjesta minħabba l-limitazzjonijiet legali fil-liġi tal-pajjiż terz u minħabba ċ-ċirkustanzi li jiġġustifkaw id-delega qabel l-investiment tagħhom; u

(b) 

l-AIF jew l-AIFM f’isem l-AIF ta istruzzjonijiet lid-depożitarju biex jiddelega l-kustodja tat-tali strumenti finanzjarji lil tali entità lokali.

Il-parti terza tista’, min-naħa tagħha, tissottodelega dawk il-funzjonijiet, suġġett għall-istess kundizzjonijiet. F’ tali każ, il-paragrafu 13 għandu japplika mutatis mutandis lill-partijiet rilevanti.

Għall-iskopijiet ta’ dan il-paragrafu, il-provvista ta’ servizzi kif speċifikat mid-Direttiva 98/26/KE jew il-provvista ta’ servizzi analogi minn sistemi ta’ pajjiżi terzi ta’ settlement ta’ titoli ma għandux jitqies bħala delega tal-kompiti ta’ funzjonijiet tiegħu.

12.  
Id-depożitarju għandu jkun responsabbli lill-AIF lill-investituri tal-AIF għat-telf mid-depożitarju jew minn parti terza li lilha ġiet iddelegata l-kustodja tal-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja skont il-punt (a) tal-paragrafu 8.

Fil-każ ta’ tali telf ta’ strument finanzjarju miżmum f’kustodja, id-depożitarju għandu jirritorna strument finanzjarju tat-tip identiku jew l-ammont korrispondenti lill-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, mingħajr dewmien mhux dovut. Id-depożitarju ma għandux ikun responsabbli jekk jista’ jipprova li t-telf ikun irriżulta mnn avveniment estern li raġonevolment ma setax jikkontrolla, li l-konsegwenzi tiegħu kienu se jkunu inevitabbli minkejja kull sforz raġonevoli għall-kuntrarju.

Id-depożitarju għandu jkun ukoll responsabbli lill-AIF, jew, lill-investituri tal-AIF għal kull telf ieħor li jbatu bħala riżultat tal-falliment negliġenti jew intenzjonat tad-depożitarju li jissodisfa kif suppost l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva.

13.  
Ir-responsabilità tad-depożitarju ma għandhiex tiġi affettwata minn kwalunkwe delega msemmija fil-paragrafu 11.

Minkejja l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, fil-każ ta’ telf tal-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja minn parti terza skont il-paragrafu 11, id-depożitarju jista’ jinħall mir-responsabilità tiegħu jekk ikun jista’ jipprova:

(a) 

li r-rekwiżiti kollha għad-delega tal-kompiti ta’ kustodja tiegħu, kif stipulati fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 11, huma sodisfatti,

(b) 

li jeżisti kuntratt bil-miktub bejn id-depożitarju u l-parti terza li jittrasferixxi espliċitament ir-responsabbiltà tad-depożitarju lil dik il-parti terza u jagħmilha possibbli għall-AIF, jew l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, iressaq ilment kontra l-parti terza fir-rigward tat-telf tal-istrumenti finanzjarji jew għad-depożitarju li jagħmel it-tali lment f’isimhom;u

(c) 

kuntratt bil-miktub bejn id-depożitarju u l-AIF, jew, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, li espliċitament jippermetti tħollija tar-responsabilità tad-depożitarju u jistabbilixxi r-raġuni oġġettiva li tħollija ta’ dan it-tip tiġi kkuntrattata.

14.  

Barra minn hekk, meta l-liġi ta’ pajjiż terz tirrikjedi li ċerti strumenti finanzjarji jinżammu f’kustodja minn entità lokali u ma jeżistu ebda entitajiet lokali li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ delega stabbiliti fil-punt (d)(ii) tal-paragrafu 11, id-depożitarju jista’ jinħall mir-responsabbiltà tiegħu sakemm ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

ir-regoli jew strumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF ikkonċernat jippermettu espliċitament tali tħollija taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’dan il-paragrafu;

(b) 

l-investituri tal-AIF rilevanti ġew debitament infurmati dwar din it-tħollija u dwar iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikaw it-tħollija qabel l-investiment tagħhom;

(c) 

l-AIF jew l-AIFM f’isem l-AIF ta istruzzjonijiet lid-depożitarju biex jiddelega l-kustodja tat-tali strumenti finanzjarji lil entità lokali;

(d) 

jeżisti kuntratt bil-miktub bejn id-depożitarju u l-AIF, jew, skont ma jista’ jagħti l-każ, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, li jippermetti espliċitament tali rilaxx; u

(e) 

jeżisti kuntratt bil-miktub bejn id-depożitarju u l-parti terza li jittrasferixxi espressament ir-responsabbiltà tad-depożitarju lil dik l-entità lokali u jagħmilha possibbli għall-AIF, jew skont ma jista’ jagħti l-każ, l-AIFM li jkun qed jaġixxi f’isem l-AIF, iressaq klejm kontra dik l-entità lokali fir-rigward tat-telf tal-istrumenti finanzjarji jew għad-depożitarju li jagħmel it-tali klejm f’isimhom.

15.  
Ir-responsabbiltà lejn l-investituri tal-AIF tista’ tiġi invokata direttament jew indirettament permezz tal-AIFM, skont in-natura legali tar-relazzjoni bejn id-depożitarju, l-AIFM u l-investituri.
16.  
Id-depożitarju għandu, fuq talba, jagħmel disponibbli lill-awtoritajiet kompetenti tiegħu l-informazzjoni kollha li jkun kiseb filwaqt il-qadi tad-dmirijiet tiegħu u li tista’ tkun meħtieġa għall-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jew l-AIFM. Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jew l-AIFM huma differenti minn dawk tad-depożitarju, l-awtoritajiet kompetenti tad-depożitarju għandhom jaqsmu l-informazzjoni li jirċievu bla dewmien mal-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jew l-AIFM.
17.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

il-partikularitajiet li hemm bżonn jiġu inklużi fil-kuntratt bil-miktub kif imsemmi fil-paragrafu 2;

(b) 

kriterji ġenerali biex jiġi vvalutat jekk ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni prudenzjali tal-pajjiżi terzi kif imsemmijin fil-punt (b) tal-paragrafu 6 għandhomx l-istess effett bħal-liġi tal-Unjoni u humiex infurzati effettivament;

(c) 

il-kundizzjonijiet biex jitwettqu l-funzjonijiet ta’ depożitarju skont il-paragrafi 7, 8 u 9, inklużi:

(i) 

it-tip tal-istrumenti finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fl-ambitu tad-dmirijiet ta’ kustodja tad-depożitarju skont il-punt (a) tal-paragrafu 8,

(ii) 

il-kundizzjonijiet skont liema d-depożitarju jista’ jeżerċita d-dmirijiet ta’ kustodja tiegħu fuq l-istrumenti finanzjarji reġistrati ma’ depożitarju ċentrali, u

(iii) 

il-kundizzjonijiet skont liema d-depożitarju għandu jissalvagwardja, l-istrumenti finanzjarji maħruġa f’forma nominattiva u reġistrati ma’ emittent jew reġistrar, skont il-punt (b) tal-paragrafu 8;

(d) 

id-dmirijiet ta’ diliġenza dovuta tad-depożitarji skont il-punt (c) tal-paragrafu 11;

(e) 

l-obbligu ta’ segregazzjoni skont il-punt (d)(iii) tal-paragrafu 11;

(f) 

il-kundizzjonijiet skont liema u ċ-ċirkostanzi li taħthoml-istrumenti finanzjarji miżmuma f’kustodja għandhom jitqiesu bħala mitlufa;

(g) 

x’għandu jitqies bħala avveniment estern barra mill-kontroll raġonevoli, li l-konsegwenzi tiegħu kienu jkunu inevitabbli minkejja kull sforz raġonevoli kollha għall-kuntrarju skont il-paragrafu 12;

(h) 

il-kundizzjonijiet skont liema u ċ-ċirkostanzi li taħthom ikun hemm raġuni oġġettiva għal kuntratt ta’ tħollija skont il-paragrafu 13.



KAPITOLU IV

REKWIŻITI TAT-TRASPARENZA

Artikolu 22

Rapport annwali

1.  
L-AIFM għandu, għal kull AIF tal-UE li jimmaniġġa, u għal kull AIF li jikkummerċjalizza fl-Unjoni, jagħmel disponibbli rapport annwali għal kull sena finanzjarja mhux aktar tard minn sitt xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja. Ir-rapport annwali għandu jkun ipprovdut lill-investituri fuq talba. Ir-rapport annwali għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, u, fejn ikun applikabbli, tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIF.

Fejn l-AIF ikun rikjest jagħmel pubbliku rapport finanzjarju annwali f’konformità mad-Direttiva 2004/109/KE, dik l-informazzjoni addizzjonali imsemmija fil-paragrafu 2 biss jeħtieġ tkun ipprovduta lill-invesituri fuq talba, jew b’mod separat jew bħala parti addizzjonali tar-rapport finanzjarju annwali. Fil-każ tal-aħħar ir-rapport finanzjarju annwali għandu jsir pubbliku mhux aktar tard minn erba’ xhur wara t-tmiem tas-sena finanzjarja.

2.  

Ir-rapport annwali għandu jkun fih mill-anqas dan li ġej:

(a) 

karta tal-bilanċ jew rendikont tal-attiv u l-passiv;

(b) 

rendikont tad-dħul u l-infiq għas-sena finanzjarja;

(c) 

rapport dwar l-attivitajiet tas-sena finanzjarja;

(d) 

kwalunkwe bidla materjali fl-informazzjoni elenkata fl-Artikolu 20 waqt is-sena finanzjarja koperta mir-rapport;

(e) 

l-ammont totali tar-remunerazzjoni għas-sena finanzjarja, maqsum f’remunerazzjoni fissa u varjabbli mħallsa mill-AIFM lill- persunal tiegħu, u l-għadd ta’ benefiċjarji, u, meta jkun rilevanti, l-imgħax riportat mħallsa mill-AIF;

(f) 

l-ammont aggregat ta’ remunerazzjoni b’rendikont dettaljat skont il-maniġment ta’ livell għoli u l-membri tal-persunal li l-azzjonijiet tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-AIF.

3.  
L-informazzjoni dwar il-kontijiet ippubblikata fir-rapport annwali għandha titħejja f’konformità mal-istandards ta’ kontabilità tal-Istat Membru tad-domiċilja tal-AIF, jew, f’konformità mal-istandards ta’ kontabilità tal-pajjiż terz fejn l-AIF ikun reġistrat u mar-regoli dwar il-kontabilità stabbiliti fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF.

L-informazzjoni dwar il-kontijiet ippubblikata fir-rapport annwali għandha tkun ivverifikata minn persuna waħda jew iżjed mogħtija s-setgħa bil-liġi biex jivverifikaw il-kontijiet f’konformità mad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati ( 8 ). Ir-rapport tal-awditur, inkluż kwalunkwe kwalifikazzjonijiet, għandu jiġu riprodott bis-sħiħ fir-rapport annwali.

Bħala deroga mit-tieni subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li AIFMs li jikkummerċjalizzaw AIFs mhux tal-UE jagħmel ir-rapporti annwali ta’ dawk l-AIF suġġetti għal verifika li tissodisfa l-istandards internazzjonali dwar il-verifiki fis-seħħ fil-pajjiż fejn l-AIF ikollu l-uffiċċju reġistrat tiegħu.

4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw il-kontenut u l-format tar-rapport annwali. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adattati għat-tip ta’ AIF li għalihom ikunu applikabbli.

Artikolu 23

Żvelar lill-investituri

1.  

L-AIFM għandu, għal kull AIF tal-UE li jimmaniġġa, u għal kull AIF li jikkummerċjalizza fl-Unjoni Ewropea, jagħmel disponibbli lill-investituri tal-AIF, b’mod kif stipulat fir-regoli tal-fond jew l-strumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF l-informazzjoni li ġejja qabel ma jinvestu fl-AIF, kif ukoll kwalunkwe bidliet materjali li jsirulha:

(a) 

deskrizzjoni tal-istrateġija tal-investiment u l-objettivi tal-AIF, informazzjoni dwar fejn hu stabbiliti kull AIF prinċipali u fejn huma stabbiliti l-fondi sottostanti jekk l-AIF hu fond ta’ fond, deskrizzjoni tat-tipi tal-assi kollha li l-AIF jista’ jinvesti fihom, it-tekniki li jista’ juża u r-riskji kollha assoċjati, kwalunkwe restrizzjonijiet tal-investiment applikabbli, iċ-ċirkustanzi li fihom l-AIF jista’ juża leverage finanzjarju, it-tipi u s-sorsi ta’ leverage finanzjarju permessi u r-riskji assoċjati, kwalunkwe restrizzjoni fuq l-użu tal-leverage finanzjarju u kwalunkwe arranġamenti dwar l-użu mill-ġdid ta’ kollaterali u assi, u l-livell massimu ta’ leverage finanzjarju li l-AIFM ikun intitolat għalih biex jista’ juża f’isem l-AIF;

(b) 

deskrizzjoni tal-proċeduri li bihom l-AIF jista’ jibdel l-istrateġija tal-investiment jew il-politika tal-investiment tiegħu, jew it-tnejn li huma;

(c) 

deskrizzjoni tal-implikazzjonijiet legali prinċipali tar-relazzjoni kuntrattwali li jkun daħal fiha għall-fini tal-investiment, inkluż informazzjoni dwar ġurisdizzjoni, dwar il-liġi applikabbli u l-eżistenza jew in-nuqqas ta’ kwalunkwe strument legali li jipprovdi għar-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi fuq it-territorju fejn l-AIF ikun stabbilit;

(d) 

l-identità tal-AIFM, tad-depożitarju tal-AIF, l-awditur u kwalunkwe fornitur ta’ servizz ieħor u deskrizzjoni tad-dmirijiet tagħhom u d-drittijiet tal-investituri;

(e) 

deskrizzjoni ta’kif l-AIFM qed jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Artikolu 9(7);

(f) 

deskrizzjoni ta’ kwalunkwe funzjonijietmaniġerjali kif imsemmija fl-Anness I mill-AIFM u ta’ kwalunkwe funzjonijietta’ salvagwardja delegati mid-depożitarju, l-identifikazzjoni tad-delegat u kull kunflitt ta’ interess li jista’ jirriżulta minn tali delegi;

(g) 

deskrizzjoni tal-proċedura ta’ valtuazzjoni tal-AIF u tal-metodoloġija tal-ipprezzar għall-valtuazzjoni tal-assi, inklużi l-metodi użati fil-valtuazzjoni tal-assi mhux faċilment stimabbli skont l-Artikolu 19;

(h) 

deskrizzjoni tal-immaniġġar tar-riskji tal-likwidità tal-AIF, inklużi d-drittjiet tat-tifdija kemm f’ċirkostanzi normali kif ukoll eċċezzjonali u l-arranġamenti ta’ tifdija eżistenti mal-investituri;

(i) 

deskrizzjoni tat-tariffi, l-imposti u l-ispejjeż kollha u tal-ammonti massimi ta’ dawn li jiġġarrbu direttament jew indirettament mill-investituri;

(j) 

deskrizzjoni ta’ kif l-AIFM jiżgura trattament ġust għall-investituri u, kull meta investitur jirċievi trattament preferenzjali jew id-dritt li jikseb trattament preferenzjali, deskrizzjoni ta’ dak it-trattament preferenzjali, it-tip ta’ investituri li jiksbu tali trattament preferenzjali, kif ukoll, meta jkun rilevanti, ir-rabtiet legali jew ekonomiċi tagħhom mal-AIF jew l-AIFM;

(k) 

l-aħħar rapport annwali msemmi fl-Artikolu 22;

(l) 

il-proċedura u l-kundizzjonijiet għall-ħruġ u l-bejgħ ta’ unitajiet jew ishma;

(m) 

l-aħħar valur nett tal-assi tal-AIF jew l-aħħar prezz tas-suq tal-unità jew is-sehem tal-AIF, skont l-Artikolu 19;

(n) 

meta disponibbli, il-prestazzjoni storika tal-AIF;

(o) 

l-identità tal-intermedjarju ewlieni u deskrizzjoni ta’ kull arranġament materjali tal-AIF mal-intermedjarji ewlenin tiegħu u l-mod kif inhuma ġestiti l-kunflitti ta’ interessi li għandhom x’jaqsmu magħhom, u id-dispożizzjoni fil-kuntratt mad-depożitarju dwar il-possibilità tat-trasferiment jew l-użu mill-ġdid tal-assi tal-AIF, u informazzjoni dwar kwalunkwe trasferiment ta’ responsabilità lill-intermedjarju ewlieni li tista’ teżisti;

(p) 

deskrizzjoni ta’ kif u meta se tiġi żvelata l-informazzjoni rikjesta mill-paragrafi 4 u 5.

2.  
L-AIFM għandhom jinfurmaw lill-investituri qabel ma jinvestu f’AIF b’kwalunkwe arranġament magħmul mid-depożitarju biex kuntrattwalment jinħall mir-responsabilità f’konformità mal-Artikolu 21(13). L-AIFM għandhom jinfurmaw ukoll lill-investituri dwar kull tibdil fir-rigward tar-responsabilità tad-depożitarju mingħajr dewmien.
3.  
Fejn l-AIF hu meħtieġ jippubblika prospett f’konformità mad-Direttiva 2003/71/KE jew f’konformità mal-liġi nazzjonali, l-informazzjoni imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 li hija addizzjonali għal dik li tinsab fil-prospett biss jeħtieġ li tkun żvelata b’mod separat jew bħala informazzjoni addizzjonali fil-prospett.
4.  

L-AIFMs għandhom, għal kull AIF tal-UE li jimmaniġġaw, u għal kull AIF li jikkummerċjalizzaw fl-Unjoni, jiżvelaw perjodikament lill-investituri:

(a) 

il-persentaġġ tal-assi tal-AIF li huma suġġetti għal arranġament speċjali minħabba n-natura illikwida tagħhom;

(b) 

kwalunkwe arranġament ġdid għall-immaniġġar tal-likwidità tal-AIF;

(c) 

il-profil tar-riskju kurrenti tal-AIF u s-sistemi tal-immaniġġar tar-riskji użati mill-AIFM biex jimmaniġġa dawk ir-riskji.

5.  

AIFMs li jimmaniġġaw AIFs tal-UE li jużaw il-leverage finanzjarju jew li jikkummerċjalizzaw fl-Unjoni AIFs li jużaw l-leverage finanzjarju, għandhom, għal kull AIF ta’ dan it-tip, jiżvelaw fuq bażi regolari:

(a) 

kull tibdil għal-livell massimu ta’ leverage finanzjarju li l-AIFM jista’ juża f’isem l-AIF, kif ukoll kwalunkwe dritt ta’ użu mill-ġdid ta’ kollaterali jew kwalunkwe garanzija mogħtija skont l-arranġament tal-leverage finanzjarju;

(b) 

l-ammont totali ta’ leverage finanzjarju użat minn dak l-AIF.

6.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw l-obbligi tal-iżvelar tal-AIFM imsemmijin fil-paragafi 4 u 5, inkluża l-frekwenza tal-iżvelar msemmija fil-paragrafu 5. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adattati għat-tip ta’ AIFM li għalihom ikunu applikabbli.

Artikolu 24

Obbligi ta’ rapportar lill-awtoritajiet kompetenti

1.  
L-AIFM għandu jirrapporta regolarment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu dwar is-swieq u l-istrumenti prinċipali li fihom jinnegozja f’isem l-AIF li jimmaniġġa.

Dan għandu jipprovdi informazzjoni dwar l-istrumenti prinċipali li jinnegozja fihom, dwar is-swieq li huwa membru tagħhom jew li jinnegozja attivament fihom, u l-esponimenti prinċipali u l-konċentrazzjonijiet l-aktar importanti ta’ kull AIF li jimmaniġġa.

2.  

AIFM għandu, għal kull AIF tal-UE li jimmaniġġa, u għal kull AIF li jikkummerċjalizza fl-Unjoni Ewropea, jipprovdi dan li ġej lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu:

(a) 

il-persentaġġ tal-assi tal-AIF li huma suġġetti għal arranġament speċjali minħabba l-għamla illikwida tagħhom;

(b) 

kwalunkwe arranġament ġdid għall-immaniġġar tal-likwidità tal-AIF;

(c) 

il-profil tar-riskju kurrenti tal-AIF u s-sistemi tal-immaniġġar tar-riskji użati mill-AIFM għall-immaniġġar tar-riskji tas-suq, ir-riskji tal-likwidità, ir-riskji tal-kontropartijiet u riskji oħrajn inklużi r-riskju operattiv;

(d) 

informazzjoni dwar il-kategoriji prinċipali tal-assi li fihom investa l-AIF; u

(e) 

ir-riżultati tas-simulazzjonijiet ta’ krizi mwettqa f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 15(3) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 16(1).

3.  

L-AIFM għandu, fuq talba, jipprovdi d-dokumenti li ġejjin lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu:

(a) 

rapport annwali ta’ kull AIF tal-UE mmaniġġat mill-AIFM u, għal kull AIF li jikkummerċjalizza minnu fl-Unjoni għal kull sena finanzjarja, skont l-Artikolu 22(1);

(b) 

għal kull tmiem ta’ kull kwart ta’ sena lista dettaljata tal-AIFs kollha li l-AIFM jimmaniġġa.

4.  
L-AIFM li qed jimmaniġġa AIFs li jużaw il-leverage finanzjarju fuq bażi sostanzjali għandu jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, informazzjoni dwar il-livell totali ta’ leverage finanzjarju użat minn kull AIF li jimmaniġġa, rendikont dettaljat tal-leverage finanzjarju li jokkorri mill-ksib ta’ flus jew titoli b’self u l-leverage finanzjarju inkorporata f’derivattivi finanzjarji u sa liema punt reġgħu intużaw l-assi tal-AIF skont arranġamenti ta’ leverage finanzjarju.

Dik l-informazzjoni għandha tinkludi l-identità tal-ħames l-ikbar sorsi ta’ flus jew titoli missellfa għal kull AIF immaniġġat mill-AIFM, u l-ammonti tal-leverage finanzjarju li jkun rċieva minn kull waħda minn dawk is-sorsi għal kull wieħed minn dawk l-AIFs.

Għall-AIFMs mhux tal-UE, l-obbligi ta’ rapportar msemmija f’dan il-paragrafu huma limitati għall-AIFs tal-UE mmaniġġati minnhom u l-AIFs mhux tal-UE kkumerċjalizzati minnhom fl-Unjoni.

5.  
Fejn meħtieġ għall-monitoraġġ effettiv tar-riskju sistemiku, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jistgħu jirrikjedu informazzjoni oħra minbarra dik deskritta f’dan l-Artikolu, fuq bażi perjodika, kif ukoll fuq bażi ad-hoc. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-AETS dwar ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali.

F’ċirkustanzi eċċezzjonali u meta jkun rikjest sabiex tiġi żgurata l-istabilità u l-integrità tas-sistema finanzjarja, jew għall-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli fit-tul, l-AETS tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju jimponu rekwiżiti ta’ rapportar addizzjonali.

6.  

Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw:

(a) 

fejn il-leverage finanzjarju għandu jkun ikkunsidrat li qed tintuża fuq bażi sostanzjali għall-finijiet tal-paragrafu 4; u

(b) 

l-obbligi li tiġi rrapportata u pprovduta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi minn 1 sa 5.

Dawk l-atti ddelegati għandhom iqisu l-ħtieġa li jiġi evitat piż amministrattiv eċċessiv fuq l-awtoritajiet kompetenti.



KAPITOLU V

AIFMS LI JIMMANIĠĠAW TIPI SPEĊIFIĊI TA’ AIFS



TAQSIMA 1

AIFMs li jimmaniġġaw AIFs b’leverage

Artikolu 25

Użu tal-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti, kooperazzjoni superviżorja u limiti għal-livell tal-leverage

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM jużaw l-informazzjoni li trid tinġabar skont l-Artikolu 24 għall-finijet tal-identifikazzjoni tal-punt safejn l-użu tal-leverage jikkontribwixxi għall-akkumulu ta’ riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja, riskji ta’ swieq diżordinati jew riskji għat-tkabbir fit-tul tal-ekonomija.
2.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jiżguraw li l-informazzjoni kollha miġbura skont l-Artikolu 24, fir-rigward tal-AIFM kollha li jissorveljaw u l-informazzjoni miġbura skont l-Artikolu 7, issir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri rilevanti l-oħra, l-AETS u l-BERS permezz tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 50 dwar il-kooperazzjoni superviżorja. Dawn għandhom, mingħajr dewmien, jipprovdu ukoll informazzjoni permezz ta’ dawk il-proċeduri, u bilateralment lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra li jkunu direttament ikkonċernati, jekk AIFM taħt ir-responsabbilta tagħhom, jew AIF immaniġġata minn dak l-AIFM ikunu potenzjalment jikkostitwixxu sors importanti ta’ riskju ta’ kontropartijiet lil istituzzjoni ta’ kreditu jew istituzzjonijiet oħra sistemikament rilevanti fi Stati Membri oħra.
3.  
L-AIFM għandu juri li l-limiti għal-leverage għal kull AIF li jimmaniġġa huma raġonevoli u li jikkonforma ma’ dawk il-limiti stabbiliti minnu, f’kull ħin. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw ir-riskji li jista’ jkollu l-użu tal-leverage minn AIFM fir-rigward tal-AIFs li jimmaniġġa u meta jitqies li hu meħtieġ sabiex tiġi ggarantita l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, wara li jkunu nnotifikaw lill-AETS, lill-BERS u, lill-awtoritajiet kompetenti tal-AIF rilevanti, għandhom jimponu limiti fuq il-livell tal-leverage li AIFM ikun intitolat li juża jew restrizzjonijiet oħrajn fuq l-immaniġġar tal-AIF fir-rigward tal-AIF li qed jimmaniġġa sabiex jiġi limitat il-punt sa fejn l-użu tal-leverage finanzjarju jikkontribwixxi għall-akkumulu ta’ riskju sistemiku fis-sistema finanzjarja jew riskji ta’ swieq diżordinati. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw kif dovut lill-AETS, l-BERS u, lill-awtoritajiet kompetenti tal-AIF, dwar l-azzjonijiet li ttieħdu f’dan ir-rigward, permezz tal-proċeduri stabbiliti fl-Artikolu 50.
4.  
In-notifika msemmija fil-paragrafu 3 għandha ssir mhux inqas minn għaxart ijiem tax-xogħol qabel ma jkun maħsub li l-miżura proposta tidħol fis-seħħ jew tiġġedded. In-notifika għandha tinkludi d-dettalji tal-miżuri proposta, ir-raġunijiet għall-miżura u meta jkun maħsub li l-miżura tidħol fis-seħħ. F’ċirkustanzi eċċezzjonali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM jistgħu jiddeċiedu li l-miżura proposta tidħol fis-seħħ fiż-żmien tal-perijodu mesmmi fl-ewwel sentenza.
5.  
L-AETS għandha twettaq rwol ta’ faċilitazzjoni u kkoordinazzjoni, u b’mod partikulari, tipprova tiżgura li jittieħed approċċ konsistenti mill-awtoritajiet kompetenti, fir-rigward tal-miżuri proposti mill-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 3.
6.  
Wara li tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 3, l-AETS għandha toħroġ parir lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM dwar il-miżura li qed tiġi proposta jew li tkun ittieħdet. Il-parir jista’ jindirizza, b’mod partikulari, jekk jidhirx li l-kundizzjonijiet biex tittieħed azzjoni humiex qed jiġu sodisfatti, jekk il-miżuri humiex xierqa u t-tul tal-miżuri.
7.  
Fuq il-bażi tal-informazzjoni li tirċievi skont il-paragrafu 2, u wara li tqis kwalunkwe parir tal-BERS, l-AETS tista’ tikkonstata li l-leverage finanzjarju użat minn AIFM, jew minn grupp ta’ AIFM, hu riskju sostanzjali għall-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja u tista’ toħroġ parir lill-awtoritajiet kompetenti li jispeċifika l-miżuri ta’ rimedju li għandhom jittieħdu, inklużi limiti għal-livell tal-leverage finanzjarju li dik l-AIFM, jew dak il-grupp ta’ AIFMs, ikunu intitolati li jużaw. L-AETS għandha tinforma minnufih lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, lill-BERS u lill-Kummissjoni dwar kull konstatazzjoni ta’ dan it-tip.
8.  
Jekk awtorità kompetenti tipproponi li tieħu azzjoni li tmur kontra l-parir tal-AETS imsemmi fil-paragrafi 6 jew 7, għandha tinforma lill-AETS, waqt li tiddikjara r-raġunijiet tagħha. L-AETS tista’ tippubblika l-fatt li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew mhix bi ħsiebha tikkonforma mal-parir tagħha. L-AETS tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ individwali, li tippublika r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti biex ma tikkonformax mal-parir tagħha. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jirċieva preavviż dwar tali publikazzjoni.
9.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jistabbilixxu l-prinċipji li jispeċifikaw iċ-ċirkostanzi li fihom l-awtoritajiet kompetenti japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3, waqt li jitqiesu l-istrateġiji differenti tal-AIF, il-kundizzjonijiet differenti tas-suq li fihom joperaw AIFs u l-effetti proċikliċi potenzjali li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.



TAQSIMA 2

Obbligi għall-aifms li jimmaniġġaw aifs li jakkwistaw kontroll ta’ kumpanniji u emittenti mhux ikkwotati

Artikolu 26

Ambitu

1.  

Din it-Taqsima għandha tapplika għal dan li ġej:

(a) 

AIFMs li jimmaniġġaw AIF wieħed jew iżjed li individwalment jew b’mod konġunt fuq il-bażi ta’ ftehim immirat lejn il-ksib ta’ kontroll, jakkwistaw kontroll ta’ kumpanija mhux ikkwotata f’konformità mal-paragrafu 5;

(b) 

AIFMs li jikkoperaw ma’ AIFM wieħed jew iżjed oħrajn fuq il-bażi ta’ ftehim skont liema l-AIF immaniġġati minn dawn l-AIFMs b’mod konġunt jakkwistaw kontroll ta’ kumpanija mhux ikkwotata f’konformità mal-paragrafu 5;

2.  

Din it-Taqsima ma għandhiex tapplika fejn il-kumpaniji mhux ikkwotati konċernati jkunu:

(a) 

intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju skont it-tifsira tal-Artikolu 2(1) tal-anness tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE tas-6 ta’ Mejju 2003 li tikkonċerna d-definizzjoni ta’ mikrointrapriżi u l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju ( 9 ); jew

(b) 

mezzi b’għan speċjali bl-iskop li jixtru, iżommu jew jamministraw beni immobiljari.

3.  
Bla ħsara għall-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, il-paragrafu 1 tal-Artikolu 27(1) għandu japplika wkoll għal AIFMs li jimmaniġġaw AIFs li jakkwistaw parteċipazzjoni mhux ta’ kontroll f’kumpanija mhux ikkwotata.
4.  
L-Artikolu 28(1), (2) u (3) u l-Artikolu 30 għandhom japplikaw ukoll fir-rigward ta’ AIFMs li jimmaniġġaw AIFs li jakkwistaw kontroll tal-emittenti. Għall-finijiet ta’ dawk l-Artikoli, il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw mutatis mutandis.
5.  
Għall-finijiet ta’ din it-Taqsima, għall-kumpaniji mhux ikkwotati, kontroll għandu jfisser aktar minn 50 % tad-drittijiet tal-vot tal-kumpanija.

Meta jkun qed jiġi kkalkulat il-persentaġġ tad-drittijiet tal-vot li jkollu l-AIF rilevanti, minbarra id-drittijiet tal-vott li jkollu direttament l-AIF rilevanti għandhom jitqiesu d-drittijiet tal-vot ta’ dawn li ġejjin, sakemm il-kontroll, kif stipulat fl-ewwel subparagrafu, ikun ġie stabbilit:

(a) 

impriża kkontrollata mill-AIF; u

(b) 

persuna fiżika jew ġuridika li taġixxi f’isimha proprju imma akkont tal-AIF jew akkont ta’ kwalunkwe impriża kkontrollata mill-AIF.

Il-persentaġġ tad-drittijiet tal-vot għandu jiġi kkalkulat fuq il-bażi tal-ishma kollha li magħhom hemm marbuta drittijiet tal-vot anke jekk l-eżerċitar tagħhom hu sospiż.

Minkejja il-punt (i) tal-Artikolu 4(1), għall-finijiet tal-Artikolu 28(1), (2) u (3) u l-Artikolu 30 fir-rigward tal -emittenti, il-kontroll għandu jiġi detereminat skont l-Artikolu 5(3) tad-Direttiva 2004/25/KE.

6.  
Din it-Taqsima għandha tapplika suġġetta għall-kundizzjonijiet u r-restrizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 tad-Direttiva 2002/14/KE.
7.  
Din it-Taqsima għandha tapplika bla ħsara għal kwalunkwe regoli aktar stretti adottati mill-Istati Membri fir-rigward tal-akkwiżizzjoni ta’ holdings f’emittenti u kumpaniji mhux ikkwotati fit-territorji tagħhom.

Artikolu 27

Notifika tal-akkwiżizzjoni ta’ holdings ewlenin u ta’ kontroll f’kumpaniji mhux ikkwotati

1.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta AIF jakkwista, jiddisponi minn jew ikollu f’idejh ishma ta’ kumpanija mhux ikkwotata, l-AIFM li jimmaniġġa tali AIF jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu dwar il-proporzjoni tad-drittijiet tal-vot tal-kumpanija mhux ikkwotata li l-AIF ikollu fi kwalunkwe ħin meta dak il-proporzjon jilħaq, jaqbeż jew jinżel anqas mil-limiti minimi ta’ 10 %, 20 %, 30 %, 50 % u 75 %.
2.  

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta AIF jakkwista, b’mod individwali jew konġunt, kontroll fuq kumpanija mhux ikkwotata skont l-Artikolu 26(1), flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu, l-AIFM li jimmaniġġa tali AIF għandu jinnotifika wara l-akkwist ta’ kontroll mill-AIF:

(a) 

lill-kumpanija mhux ikkwotata;

(b) 

lill-azzjonisti li l-identitajiet u l-indirizzi tagħhom huma disponibbli għall-AIFM jew li jistgħu jsiru disponibbli mill-kumpanija mhux ikkwotata jew permezz ta’ reġistru li jkollu l-AIFM jew li jista’ jikseb aċċess għalih; u

(c) 

lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM.

3.  

In-notifika rikjesta skont il-paragrafu 2 għandu jkun fiha l-informazzjoni addizzjonali li ġejja:

(a) 

is-sitwazzjoni li tirriżulta fit-termini tad-drittijiet tal-vot;

(b) 

il-kundizzjonijiet skont liema ġie akkwistat il-kontroll, inkluża l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti differenti involuti, kull persuna fiżika jew entità ġuridika intitolata li teżerċita d-drittijiet tal-vot f’isimha u, jekk ikun applikabbli, il-katina ta’ impriżi li permezz tagħhom effettivament jinżammu d-drittijiet tal-vot;

(c) 

id-data li fiha ġie akkwistat il-kontroll.

4.  
Fin-notifika tiegħu lill-kumpanija mhux ikkwotata, l-AIFM għandu jitlob lill-bord tad-diretturi tal-kumpanija jinformaw lir-rappreżentanti tal-impjegati jew, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant ta’ dan it-tip, lill-impjegati nnifishom, mingħajr dewmien mhux dovut, dwar l-akkwiżizzjoni ta’ kontroll mill-AIF immaniġġat mill-AIFM u dwar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 t’hawn fuq. L-AIFM għandu juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jiżgura li r-rappreżentanti tal-impjegati jew, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant ta’ dan it-tip, l-impjegati nnifishom, jiġu informati kif dovut mill-bord tad-diretturi f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
5.  
In-notifiki msemmijin fil-paragafi 1, 2 u 3 għandhom isiru kemm jista’ jkun malajr, iżda mhux aktar tard minn għaxart ijiem ta’ xogħol, wara d-data meta l-AIF ikun laħaq, qabeż jew waqa’ taħt il-limitu minimu rilevanti, jewikun akkwista kontroll fuq il-kumpanija mhux ikkwotata.

Artikolu 28

Żvelar fil-każ ta’ akkwiżizzjoni ta’ kontroll

1.  

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta AIF jakkwista, b’mod individwali jew konġunt, kontroll fuq kumpanija mhux ikkwotata jew emittent skont l-Artikolu 26(1) flimkien mal-paragrafu (5) ta’ dak l-Artikolu, l-AIFM li jimmaniġġa tali AIF għandu jqiegħed l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għad-dispożizzjoni ta’:

(a) 

il-kumpanija kkonċernata;

(b) 

l-azzjonisti tal-kumpanija li l-identitajiet u l-indirizzi tagħhom huma disponibbli għall-AIFM jew li jistgħu jsiru disponibbli mill-kumpanija jew permezz ta’ reġistru li jkollu l-AIFM jew li jista’ jikseb aċċess għalih; u

(c) 

l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM.

L-Istati Membri jistgħu jirrikjedu li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 issir disponibbli wkoll għall-awtoritajiet kompetenti tal-kumpanija mhux ikkwotata li l-Istati Membri jistgħu jindikaw f’dak is-sens.

2.  

L-AIFM għandu jagħmel disponibbli:

(a) 

l-identità tal-AIFMs li jew individwalment jew inkella bi ftehim ma’ AIFMs oħra jimmaniġġaw l-AIF li jkunu akkwistaw kontroll;

(b) 

il-politika għall-prevenzjoni u l-immaniġġar tal-kunflitti ta’ interess, partikolarment bejn l-AIFM, l-AIF u l-kumpanija, inkluża l-informazzjoni dwar is-salvagwardji speċifiċi stabbiliti biex jiġi żgurat li kwalunkwe ftehim bejn l-AIFM u/jew l-AIF u l-kumpanija jkun konkluż bejn partijiet indipendenti u pari; u

(c) 

il-politika għall-komunikazzjoni esterna u interna relatata mal-kumpanija, partikolarment f’dak li għandu x’jaqsam mal-impjegati.

3.  
Fin-notifika tiegħu lill-kumpanija skont il-punt (a) tal-paragrafu 1, l-AIFM għandu jitlob lill-bord tad-diretturi tal-kumpanija jinforma lir-rappreżentanti tal-impjegati jew, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant ta’ dan it-tip, lill-impjegati nnifishom, mingħajr dewmien mhux dovut, dwar l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. L-AIFM għandu juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jiżgura li r-rappreżentanti tal-impjegati jew, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant ta’ dan it-tip, l-impjegati nnifishom, jiġu informati kif dovut mill-bord tad-diretturi f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
4.  

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta AIF jakkwista, b’mod individwali jew konġunt, kontroll fuq kumpanija mhux ikkwotata skont l-Artikolu 26(1) flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu, l-AIFM li jimmaniġġa tali AIF jiżvela jew għandu jiżgura li l-AIF jiżvela, l-intenzjonijiet ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-negozju futur tal-kumpanija mhux ikkwotata u r-riperkussjonijiet probabbli fuq l-impjiegi, inkluża kull bidla materjali fil-kundizzjonijiet tal-impjieg:

(a) 

lill-kumpanija mhux ikkwotata; u

(b) 

lill-azzjonisti tal-kumpanija mhux ikkwotata li l-identitajiet u l-indirizzi tagħhom huma disponibbli għall-AIFM jew li jistgħu jsiru disponibbli mill-kumpanija mhux ikkwotata jew permezz ta’ reġistru li jkollu l-AIFM jew li jista’ jikseb aċċess għalih.

Barra minn hekk, l-AIFM li qed jimmaniġġa l-AIF rilevanti għandu jitlob u juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jiżgura li l-bord tad-diretturi tal-kumpanija mhux ikkwotata tqiegħed għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati, jew, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant ta’ dan it-tip, l-impjegati nnifishom, l-informazzjoni stipulata fl-ewwel subparagrafu.

5.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta AIF jakkwista kontroll fuq kumpanija mhux ikkwotata skont l-Artikolu 26(1) flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu, l-AIFM li jimmaniġġa tali AIF jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu u lill-investituri tal-AIF bl-informazzjoni dwar il-finanzjament tal-akkwiżizzjoni.

Artikolu 29

Dispożizzjonijiet speċifiċi dwar ir-rapport annwali ta’ AIF li jeżerċita kontroll fuq kumpaniji mhux ikkwotati

1.  

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta AIF jakkwista, b’mod individwali jew konġunt, kontroll fuq kumpanija mhux ikkwotata skont l-Artikolu 26(1), flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu, l-AIFM li jimmaniġġa tali AIF għandu:

(a) 

jew jitlob u juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jiżgura li r-rapport annwali tal-kumpanija mhux ikkwotata li jitfassal f’konformità mal-paragrafu 2 isir disponibbli mill-bord tad-diretturi tal-kumpanija lir-rappreżentanti kollha tal-impjegati jew, fejn ma jkun hemm l-ebda rappreżentant ta’ dan it-tip, l-impjegati nnifishom, fi żmien il-perijodu meta tali rapport annwali jrid jitfassal f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli; jew

(b) 

għal kull AIF ta’ dan it-tip jinkludi fir-rapport annwali previst fl-Artikolu 22 l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 relatata mal-kumpanija mhux ikkwotata rilevanti.

2.  

L-informazzjoni addizzjonali li trid tiġi inkluża fir-rapport annwali tal-kumpanija, jew l-AIF, f’konformità mal-paragrafu 1, għandu jinkludi tal-anqas eżami ġust tal-iżvilupp tan-negozju tal-kumpanija li jirrappreżenta s-sitwazzjoni fi tmiem il-perijodu kopert mir-rapport annwali. Ir-rapport għandu jagħti wkoll indikazzjoni ta:

(a) 

kwalunkwe avveniment importanti li jkun seħħ mit-tmiem tas-sena finanzjarja;

(b) 

l-iżvilupp futur probabbli tal-kumpanija; u

(c) 

l-informazzjoni dwar akkwiżizzjoni ta’ ishma proprji prevista mill-Artikolu 22(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE ( 10 ).

3.  

L-AIFM li jimmaniġġa l-AIF rilevanti għandu jew:

(a) 

jitlob u juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jiżgura li l-bord tad-diretturi tal-kumpanija mhux ikkwotata iqieħed l-informazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 relatata mal-kumpanija kkonċernata għad-dispożizzjoni tar-rappreżentanti tal-impjegati tal-kumpanija kkonċernata, jew, fejn ma jkunx hemm, lill-impjegati nnifishom fi żmien il-perijodu msemmi fl-Artikolu 22(1); jew,

(b) 

iqieħed l-informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 għad-dispożizzjoni tal-investituri tal-AIF, sa fejn tkun diġà disponibbli, fi żmien il-perijodu msemmi fl-Artikolu 22(1) u fi kwalunkwe każ sa mhux aktar tard mid-data meta r-rapport annwali tal-kumpanija mhux ikkwotata jkun tfassal f’konformità mal-liġi nazzjonali applikabbli.

Artikolu 30

Asset stripping

1.  

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li meta AIF jakkwista, b’mod individwali jew konġunt, kontroll fuq kumpanija mhux ikkwotata jew emittent skont l-Artikolu 26(1), flimkien mal-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu, l-AIFM li jimmaniġġa tali AIF għandu, għal perijodu ta’ 24 xahar wara l-akwiżizzjoni tal-kontroll tal-kumpanija mill-AIF:

(a) 

ma jitħalliex jiffaċilita, jappoġġa jew jordna kull distribuzzjoni, tnaqqis tal-kapital, tifdija tal-ishma u/jew akkwiżizzjoni tal-ishma proprji mill-kumpanija kif deskritt fil-paragrafu 2;

(b) 

sakemm l-AIFM huwa awtorizzat jivvota f’isem l-AIF fil-laqgħat tal-korpi ta’ tmexxija tal-kumpanija, ma jivvotax favur distribuzzjoni, tnaqqis tal-kapital, tifdija ta’ ishma u/jew akwiżizzjoni ta’ ishma proprji min-naħa tal-kumpanija kif deskritt fil-paragrafu 2; u

(c) 

fi kwalunkwe każ juża l-aħjar sforzi tiegħu biex jipprevjeni d-distribuzzjonijiet, it-tnaqqis tal-kapital, it-tifdija tal-ishma u/jew l-akkwiżizzjoni tal-ishma proprji mill-kumpanija kif deskritt fil-paragrafu 2.

2.  

L-obbligi imposti fuq l-AIFM skont il-paragrafu 1 għandhom jirrelataw ma’ dan li ġej:

(a) 

kull distribuzzjoni lill-azzjonisti li ssir meta fid-data tal-għeluq tal-aħħar sena finanzjarja l-assi netti stipulati fil-kontijiet annwali tal-kumpanija jkunu, jew wara tali distribuzzjoni jsiru, anqas mill-ammont tal-kapital sottoskritt flimkien ma’ dawk ir-riżervi li ma jistgħux jiġu distribwiti skont il-liġi jew l-istatuti, fil-fehim li fejn il-parti tal-kapital sottoskritt li ma tħallsitx mill-azzjonisti ma tkunx inkluża fl-assi li jidhru fil-bilanċ, dan l-ammont għandu jitnaqqas mill-ammont tal-kapital sottoskritt;

(b) 

kull distribuzzjoni lill-azzjonisti li l-ammont tagħha jaqbeż l-ammont tal-profitti fi tmiem l-aħħar sena finanzjarja flimkien ma kull profitt li jiġi trasferit għas-sena ta’ warau s-somom misluta mir-riżervi disponibbli għal dan l-iskop, mingħajr kull telf trasferit għas-sena ta’ wara u s-somom imqiegħda fir-riżerva f’konformità mal-liġi jew l-istatuti;

(c) 

safejn ikunu permessi l-akwiżizzjonijiet tal-ishma proprji, l-akwiżizzjonijiet mill-kumpanija, inklużi l-ishma akwiżiti minn qabel mill-kumpanija u miżmuma minnha, u l-ishma akwiżiti minn persuna li jaġixxi f’ismu imma għall-kumpanija, li jkollhom l-effett li jnaqqsu l-assi netti l-isfel mill-ammont imsemmi fil-punt (a).

3.  

Għall-finijiet tal-paragrafu 2:

(a) 

il-kelma “distribuzzjoni” msemmija fil-paragrafu 2 tinkludi b’mod partikulari l-ħlas ta’ dividendi u ta’ mgħax relatati mal-ishma;

(b) 

id-dispożizzjonijiet dwar it-tnaqqis tal-kapital m’ għandhomx japplikaw għal tnaqqis fil-kapital sottoskritt, li l-iskop tiegħu hu li jagħmel tajjeb għal telf imġarrab jew li jinkludi somom ta’ flus f’riżerva mhux distribwibbli sakemm, wara dik l-operazzjoni, l-ammont ta’ tali riżerva ma jkunx aktar minn 10 % tal-kapital sottoskritt imnaqqas; u

(c) 

ir-restrizzjoni stabbilita fil-punt (c) tal-paragrafu 2 għandha tkun suġġetta għall-punti (b) sa (h) tal-Artikolu 20(1) tad-Direttiva 77/91/KEE.



KAPITOLU VI

ID-DRITTIJIET TAL-AIFM TAL-UE LI JIKKUMERĊJALIZZAW U JIMMANIĠĠAW AIF TAL-UE FL-UNJONI

▼M5

Artikolu 30a

Kundizzjonijiet għall-prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni minn AIFM tal-UE

1.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE awtorizzat ikun jista' jwettaq prekummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni, għajr meta l-informazzjoni ppreżentata lill-investituri professjonali potenzjali:

(a) 

hi suffiċjenti biex tippermetti lill-investituri jintrabtu li jixtru unitajiet jew ishma ta' AIF partikolari;

(b) 

tikkostitwixxi formoli ta' sottoskrizzjoni jew dokumenti simili sew jekk f'forma ta' abbozz jew f'forma finali; jew

(c) 

tammonta għal dokumenti kostituzzjonali, prospett jew dokumenti ta' offerta ta' AIF li għadu mhuwiex stabbilit f'forma finali.

Meta jiġi pprovdut abbozz ta' prospett jew dokumenti ta' offerta, dawn ma għandhomx ikun fihom informazzjoni suffiċjenti li tippermetti lill-investituri jieħdu deċiżjoni ta' investiment, u għandhom jiddikjaraw b'mod ċar li:

(a) 

ma jikkostitwux offerta jew stedina għal sottoskrizzjoni għal unitajiet jew ishma ta' AIF; u

(b) 

l-informazzjoni ppreżentata fihom ma għandhiex tintuża bħal likieku hija affidabbli peress li mhijiex kompleta u tista' tkun soġġetta għal tibdil.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE ma jkunx meħtieġ jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kontenut jew id-destinatarji ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew li jissodisfa kwalunkwe kundizzjoni jew rekwiżit għajr dawk stabbiliti f'dan l-Artikolu, qabel ma jagħmel prekummerċjalizzazzjoni.

2.  
L-AIFMs tal-UE għandhom jiżguraw li l-investituri ma jakkwistawx unitajiet jew ishma f'AIF permezz ta' prekummerċjalizzazzjoni u li l-investituri kkuntattjati bħala parti mill-prekummerċjalizzazzjoni jkunu jistgħu biss jakkwistaw unitajiet jew ishma f'dak l-AIF permezz ta' kummerċjalizzazzjoni permessa skont l-Artikolu 31 jew 32.

Kwalunkwe sottoskrizzjoni minn investituri professjonali, fi żmien 18-il xahar mill-AIFM tal-UE jkun beda prekummerċjalizzazzjoni, għal unitajiet jew għal ishma ta' AIF imsemmija fl-informazzjoni pprovduta fil-kuntest ta' prekummerċjalizzazzjoni, jew ta' AIF stabbilit b'riżultat tal-prekummerċjalizzazzjoni, għandha titqies li hi r-riżultat ta' kummerċjalizzazzjoni, u għandha tkun soġġetta għall-proċeduri ta' notifika applikabbli msemmija fl-Artikoli 31 u 32.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jibgħat, fi żmien ġimgħatejn wara li jkun beda l-prekummerċjalizzazzjoni, ittra informali, f'forma stampata jew b'mezzi elettroniċi, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tiegħu. Dik l-ittra għandha tispeċifika l-Istati Membri li fihom u l-perjodi li matulhom ser issir jew saret il-prekummerċjalizzazzjoni, deskrizzjoni qasira tal-prekummerċjalizzazzjoni inkluż informazzjoni dwar l-istrateġiji tal-investiment ippreżentati u, fejn rilevanti, lista tal-AIFs u kompartimenti tal-AIFs li huma jew kienu s-suġġett ta' prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE għandhom jinformaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li fihom l-AIFM tal-UE huwa jew kien involut f'prekummerċjalizzazzjoni. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li fih tkun qed sisir jew tkun saret il-prekummerċjalizzazzjoni jistgħu jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM tal-UE sabiex jipprovdu aktar informazzjoni dwar il-prekummerċjalizzazzjoni li tkun qed issir jew li tkun saret fit-territorju tiegħu.

3.  
Parti terza għandha twettaq biss prekummerċjalizzazzjoni f'isem AIFM tal-UE awtorizzat fejn hija awtorizzata bħala ditta tal-investiment skont id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 11 ), bħala istituzzjoni ta' kreditu skont id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 12 ), bħala kumpanija maniġerjali tal-UCITS skont id-Direttiva 2009/65/KE, bħala AIFM skont din id-Direttiva, jew taġixxi bħala aġent marbut skont id-Direttiva 2014/65/UE. Tali parti terza għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.
4.  
AIFM tal-UE għandhom jiżguraw li l-prekummerċjalizzazzjoni tkun dokumentata adegwatament.

▼B

Artikolu 31

Kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma ta’ AIFs tal-UE fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM awtorizzat tal-UE jista’ jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma ta’ AIF li huwa jimmaniġġa lil investituri professjonali fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM hekk kif jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Fejn l-AIF huwa AIF ta’ alimentazzjoni, id-dritt għall-kummerżjalizzazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-AIF prinċipali jkun stabbilit fi Stat Membru u mmaniġġat minn AIFM tal-UE awtorizzat.

2.  
L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF tal-UE li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizza.

Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kif stipulati fl-Anness III.

3.  
Fi żmien 20 jum tax-xogħol minn meta jirċievu fajl ta’ notifika komplut skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw lill-AIFM jekk jistax jibda jikkummerċjalizza l-AIF identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jipprevjenu biss il-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF jekk l-immaniġġar tal-AIF mill-AIFMs ma jikkonformax jew mhuwiex se jikkonforma ma’ din id-Direttiva jew, l-AIFM ma jikkonformax jew mhuwiex se jikkonforma ma’ din id-Direttiva. Fil-każ ta’ deċiżjoni pożittiva, l-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu mid-data tan-notifika mill-awtoritajiet kompetenti li tikkonferma li l-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF.

Jekk ikunu differenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-AIF li l-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF.

4.  
Fil-każ ta’ bidla materjali f’kwalunkwe mid-dettalji kkomunikati f’konformità mal-paragrafu 2, l-AIFM għandu jagħti avviż bil-miktub ta’ dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidla fir-rigward ta’ kull bidla ppjanata mill-AIFM, jew immedjatament wara li tkun seħħet bidla mhux ippjanata.

Jekk, skont bidla pjanata, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità ma’ din id-Direttiva jew b’ xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinformaw lill-AIFM mingħajr dewmien mhux dovut li m’ għandux jimplimenta l-bidla.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni paragrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux pjanata skont liema l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità din id-Direttiva jew, b’xi mod l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji dovuti kollha f’konformità mal-Artikolu 46, inkluża, jekk ikun hemm bżonn il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF.

5.  

Bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi biex tistabbilixxi:

(a) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għall-ittra ta’ notifika msemmija fil-paragrafu 2; u

(b) 

il-forma tal-avviż bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 4.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

6.  
Bla ħsara għall-Artikolu 43(1), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-AIF immaniġġati u kkumerċjalizzati mill-AIFM jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

Artikolu 32

Kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma ta’ AIFs tal-UE fi Stati Membri li mhux l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM awtorizzat tal-UE jista’ jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma ta’ AIF li huwa jimmaniġġa lil investituri professjonali fi Stat Membru ieħor apparti mill-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM hekk kif jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

Fejn l-AIF huwa AIF ta’ alimentazzjoni, id-dritt għall-kummerżjalizzazzjoni msemmi fl-ewwel subparagrafu huwa suġġett għall-kundizzjoni li l-AIF prinċipali jkun stabbilit fi Stat Membru u mmaniġġat minn AIFM tal-UE awtorizzat.

2.  
L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF tal-UE li jkollu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza.

Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kif stipulati fl-Anness IV.

3.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara d-data minn meta jirċievu l-fajl komplut ta’ notifika msemmi fil-paragrafu 2, jittrażmettu l-fajl komplut ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikun intiż li l-AIF jiġi kkummerċjalizzat. Tali trażmissjoni għandha sseħħ biss jekk l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF huwa u se jkompli jkun f’konformità ma’ din id-Direttiva u jekk, b’xi mod, l-AIFM jikkonforma ma’ din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-AIFM ikkonċernat hu awtorizzat jimmaniġġa AIFs bi strateġija ta’ investiment partikulari.

4.  
Malli jittrażmettu l-fajl ta’ notifika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw lill-AIFM dwar it-trażmissjoni. L-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF fl-Istat Membru ospitanti tal-AIFM mid-data ta’ dik in-notifika.

Jekk jkunu differenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-AIF li l-AIFM jista’ jibda jikkumerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF fl-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.

5.  
L-arranġamenti imsemmija fil-punt (h) tal-Anness IV għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet u s-superviżjoni tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.
6.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ittra ta’ notifika mill-AIFM msemmija fil-paragrafu 2 u d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 jiġu pprovduti f’lingwa li hi komuni fl-isfera tal-finanzi internazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trażmissjoni elettronika u l-iffajljar tad-dokumenti imsemmija fil-paragrafu 3 jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

7.  
Fil-każ ta’ bidla materjali ta’ kwalunkwe mill-partikulari kkomunikati f’konformità mal-paragrafu 2, l-AIFM għandu jagħti avviż bil-miktub ta’ dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidla ppjanata, jew immedjatament wara li tkun seħħet bidla mhux ippjanata.

▼M5

Jekk, wara bidla ppjanata, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil. F'dak il-każ, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM skont il-każ.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafi, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b' xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46, inkluża, jekk ikun hemm bżonn il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF u għandhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif xieraq mingħajr dewmien żejjed.

Jekk it-tibdiliet ma jinfluwenzawx il-konformità tal-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma' din id-Direttiva, jew, b'xi mod ieħor, il-konformità mill-AIFM ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw fi żmien xahar lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM dwar dawn it-tibdiliet.

▼B

8.  

Bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi biex tistabbilixxi:

(a) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għall-ittra ta’ notifika msemmija fil-paragrafu 2;

(b) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 3;

(c) 

il-forma tat-trażmissjoni msemmija fil-paragrafu 3; u

(d) 

il-forma tal-avviż bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 7.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 AETS.

9.  
Bla ħsara għall-Artikolu 43(1), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-AIFs immaniġġati u kkumerċjalizzati mill-AIFM jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

▼M5

Artikolu 32a

Denotifika tal-arranġamenti li jkunu saru għall-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew tal-ishma ta' AIFs tal-UE fi Stati Membri li mhumiex l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM

1.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jkun jista' jiddenotifika l-arranġamenti magħmula għall-kummerċjalizzazzjoni fir-rigward ta' unitajiet jew ta' ishma ta' xi AIFs jew kollha fi Stat Membru fejn tkun intbagħtet notifika skont l-Artikolu 32, meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a) 

ħlief fil-każ ta' AIFs tat-tip magħluq u fondi regolati mir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 13 ), issir offerta ġenerali għar-riakkwist jew għat-tifdija, mingħajr ebda imposta jew tnaqqisa, tal-unitajiet jew l-ishma tal-AIF kollha bħal dawn miżmuma minn investituri f'dak l-Istat Membru, li tkun pubblikament disponibbli għal mill-inqas 30 jum ta' xogħol, u tiġi indirizzata, direttament jew permezz ta' intermedjarji finanzjarji, individwalment lill-investituri kollha f'dak l-Istat Membru li l-identità tagħhom tkun magħrufa;

(b) 

l-intenzjoni li jtemmu l-arranġamenti magħmula għall-unitajiet tal-kummerċjalizzazzjoni jew ishma ta' xi AIFs tagħha jew kollha f'dak l-Istat Membru tiġi ppubblikata permezz ta' mezz disponibbli pubblikament, inkluż permezz ta' mezzi elettroniċi, li tipikament jintuża għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs u li huwa xieraq għal investitur tipiku tal-AIF;

(c) 

kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali ma' intermedjarji jew delegati finanzjarji huma modifikati jew terminati b'effett mid-data ta' denotifika sabiex jipprevjenu kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, ta' unitajiet jew ishma identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

Sa mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu, l-AIFM għandu jwaqqaf kwalunkwe offerta ġdida jew ulterjuri, diretta jew indiretta, ta' unitajiet jew ishma tal-AIF li jimmaniġġja fl-Istat Membru li fir-rigward tiegħu huwa jkun ippreżenta notifika skont il-paragrafu 2.

2.  
L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu li tikkontjeni l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jivverifikaw jekk in-notifika sottomessa mill-AIFM f'konformità mal-paragrafu 2 hijiex kompluta. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 15-il jum ta' xogħol wara r-riċevuta tan-notifika sħiħa msemmija, jibagħtu dik in-notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, u lill-ESMA.

Kif tintbagħat in-notifika skont l-ewwel subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinnotifikaw minnufih lill-AIFM dwar din it-trażmissjoni.

Għal perjodu ta' 36 xahar mid-data msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1, l-AIFM ma għandux jagħmel prekummerċjalizzazzjoni ta' unitajiet jew ishma tal-AIFs tal-UE msemmija fin-notifika, jew fir-rigward ta' strateġiji ta' investiment jew ideat ta' investiment simili, fl-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2.

4.  
l-AIFM għandu jipprovdi lill-investituri li jibqgħu investiti fl-AIF tal-UE kif ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM bl-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 22 u 23.
5.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jittrażmettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2, informazzjoni dwar kwalunkwe bidla fid-dokumentazzjoni u l-informazzjoni msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-Anness IV.
6.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu għandu jkollhom l-istess drittijiet u obbligi bħall-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kif stabbilit fl-Artikolu 45.
7.  
Mingħajr preġudizzju għal setgħat superviżorji oħra msemmija fl-Artikolu 45(3), sa mid-data tat-trażmissjoni taħt il-paragrafu 5 ta' dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru identifikat fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 ta' dan l-Artikolu, ma għandhomx jeħtieġu li l-AIFM ikkonċernat juri konformità mal-liġijiet, mar-regolamenti u mad-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jirregolaw ir-rekwiżiti tal-kummerċjalizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 14 ).
8.  
L-Istati Membri għandhom jippermettu li jintuża kwalunkwe mezz ta' komunikazzjoni elettronika jew mezz ieħor ta' komunikazzjoni mill-bogħod għall-finijiet tal-paragrafu 4.

▼B

Artikolu 33

▼M2

Kundizzjonijiet għall-immaniġġjar ta’ AIF tal-UE stabbiliti fi Stati Membri oħra u biex jipprovdu servizzi fi Stati Membri oħra

1.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE awtorizzat jista’, direttament jew billi jistabbilixxi fergħa:

(a) 

jimmaniġġja AIF tal-UE stabbiliti fi Stat Membru ieħor, sakemm l-AIFM ikun awtorizzat biex jimmaniġġja dak it-tip ta’ AIF;

(b) 

jipprovdi fi Stat Membru ieħor is-servizzi msemmijn fl-Artikolu 6(4) li għalihom ikun ġie awtorizzat.

2.  

AIFM li bi ħsiebu jipprovdi l-attivitajiet u s-servizzi msemmija fil-paragrafu 1 għall-ewwel darba għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu:

(a) 

l-Istat Membru fejn ikun bi ħsiebu jimmaniġġja l-AIF direttament jew jistabbilixxi fergħa, u/jew jipprovdi s-servizzi msemmija fl-Artikolu 6(4);

(b) 

programm ta’ operazzjonijiet li jiddikjara b’mod partikolari s-servizzi li bi ħsiebu jwettaq u/jew li jidentifika l-AIF li bi ħsiebu jimmaniġġja.

▼B

3.  

Jekk l-AIFM għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi fergħa, dan għandu jipprovdi, l-informazzjoni li ġejja minbarra dik imsemmija fil-paragrafu 2:

(a) 

l-istruttura organizzattiva tal-fergħa;

(b) 

l-indirizz fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIF li minnu jistgħu jinkisbu d-dokumenti;

(c) 

l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni responsabbli għall-immaniġġar tal-fergħa.

4.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, fi żmien xahar minn meta jirċievu d-dokumentazzjoni kompleta, f’konformità mal-paragrafu 2 jew fi żmien xahrejn minn meta jirċievu d-dokumentazzjoni kompleta msemmija fil-paragrafu 3, jittrażmettu din id-dokumentazzjoni kompleta lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM. Tali trażmissjoni għandha sseħħ biss jekk l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF huwa u se jkompli jkun f’konformità ma’ din id-Direttiva u jekk l-AIFM jikkonforma ma’ din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-AIFM ikkonċernat hu awtorizzat minnhom.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-AIFM dwar it-trażmissjoni.

Malli jirċievi n-notifika tat-trażmissjoni l-AIFM jista’ jibda jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat Membru ospitanti.

5.  
L-Istat Membru ospitanti tal-AIFM ma għandhux jimponi kwalunkwe rekwiżit addizzjonali fuq l-AIFM konċernat fir-rigward tal-kwistjonijiet koperti minn din id-Direttiva.
6.  
Fil-każ ta’ bidla ta’ kwalunkwe mill-informazzjoni kkomunikata f’konformità mal-paragrafu 2, u fejn rilevanti, il-pargrafu 3, l-AIFM għandu jagħti avviż bil-miktub ta’ dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidliet ippjanati mill-AIFM, jew immedjatament wara li tkun seħħet bidla mhux ippjanata.

▼M5

Jekk, wara tibdil ippjanat, l-amministrazzjoni tal-AIF mill-AIFM ma tibqax f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jibqax jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti rilevanti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM fi żmien 15-il jum ta' xogħol minn meta jirċievu l-informazzjoni kollha msemmija fl-ewwel subparagrafu li hu ma għandux jimplimenta t-tibdil.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa' f'konformità ma' din id-Direttiva jew, b'xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa' jikkonforma ma' din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri dovuti kollha f'konformità mal-Artikolu 46 u għandhom jinnotifikaw kif xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM mingħajr dewmien żejjed.

▼B

Jekk il-bidliet ikunu aċċettabbli għax ma jinfluwenzawx l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF f’konformità ma’ din id-Direttiva, jew, b’xi mod, il-konformità mill-AIFM ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien mhux dovut jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i ospitanti tal-AIFM dwar dawn il-bidliet.

7.  
Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi notifikata f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi u ta’ regolamentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.  
Bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi forom, mudelli u proċeduri standard għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.



KAPITOLU VII

REGOLI SPEĊIFIĊI FIR-RIGWARD TA’ PAJJIŻI TERZI

Artikolu 34

Kundizzjonijiet għall-AIFMs tal-UE li jimmaniġġaw AIFs mhux tal-UE li ma jiġux kummerċjalizzati fl-Istati Membri

1.  

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM awtorizzat tal-UE jista’ jimmaniġġa AIFs mhux tal-UE li ma jkunux ikkummerċjalizzati fl-Unjoni sakemm:

(a) 

L-AIFM jikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva ħlief għall-Artikoli 21 u 22 fir-rigward ta’ dawk l-AIFs; u

(b) 

Ikunu stabbiliti arranġamenti ta’ koperazzjoni konformi mal-istandards internazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM u l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE sabiex jiġi żgurat tal-anqas skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM iwettqu dmirijiethom f’konformità ma’ din id-Direttiva.

2.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jitfassal qafas komuni li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ dawk l-arranġamenti ta’ koperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
3.  
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa linji gwida biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 35

Kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni b’passaport ta’ AIF mhux tal-UE mmaniġġat minn AIFM tal-UE

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM tal-UE jista’ jikkummerċjalizza lil investituri professjonali fl-Unjoni unitajiet jew ishma tal-AIF mhux tal-UE li huwa jimmaniġġa u tal-AIF ta’ alimentazzjoni tal-UE li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1) hekk kif jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  

L-AIFM għandu jikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu VI. Barra minn hekk, għandhom ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

arranġamenti ta’ koperazzjoni konformi mal-istandards internazzjonali għandhom ikuni stabbiliti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM u l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE sabiex jiġi żgurat tal-anqas skambju effiċjenti ta’ informazzjoni, waqt li jitqies l-Artikolu 50(4) li jippermetti l-awtoritajiet kompetenti jwettqu dmirijiethom f’konformità ma’ din id-Direttiva;

(b) 

il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE ma jkunx elenkat bħala Pajjiż u Territorju mhux Kooperattivi mill-FATF;

(c) 

il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM awtorizzat u ma kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, li jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tal-OKŻE u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effikaċi fil-kwestjonijiet fiskali, inklużi l-ftehimiet fiskali multilaterali, jekk ikun hemm.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor ma taqbilx mal-valutazzjoni li tkun saret dwar l-applikazzjoni tal-punti (a) u (b) tal-ewweil subparagrafumill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.  
Fejn l-AIFM ikollu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIFs mhux tal-UE fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, l-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF mhux tal-UE li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizza.

Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kif stipulati fl-Anness III.

4.  
Mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol minn meta jirċievu fajl ta’ notifika komplut skont il-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw lill-AIFM jekk jistax jibda jikkummerċjalizza l-AIF identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 3 fit-territorju tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM jistgħu jipprevjenu biss il-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF jekk l-immaniġġar tal-AIF mill-AIFM mhuwiex jew mhux se jkun f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’xi mod, l-AIFM ma jikkonformax jew mhuwiex se jikkonforma ma’ din id-Direttiva. Fil-każ ta’ deċiżjoni pożittiva, l-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF fl-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu mid-data tan-notifika mill-awtoritajiet kompetenti dwar dan.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw ukoll lill-AETS li l-AIFM jista’ jibda jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM.

5.  
Jekk AIFM ikollu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF mhux tal-UE fi Stati Membri apparti l-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu, l-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF mhux tal-UE li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizza.

Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kif stipulati fl-Anness IV.

6.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara d-data minn meta jirċievu l-fajl komplut ta’ notifika msemmi fil-paragrafu 5, jittrażmettu dak l-fajl komplut ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun intiż li l-AIF jiġi kkummerċjalizzat. Tali trażmissjoni għandha sseħħ biss jekk l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF jikkonforma u se jkompli jikkonforma ma’ din id-Direttiva u jekk, b’xi mod, l-AIFM jikkonforma ma’ din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-AIFM ikkonċernat hu awtorizzat jimmaniġġa AIF b’dik l-istrateġija ta’ investiment partikulari.

7.  
Malli jittrażmettu l-fajl ta’ notifika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw lill-AIFM dwar it-trażmissjoni. L-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF fl-Istat(i) Membru/i ospitanti rilevanti tal-AIFM mid-data ta’ dik in-notifika mill-awtoritajiet kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jinfurmaw ukoll lill-AETS li l-AIFM jista’ jibda jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF fl-Istati Membri ospitanti tal-AIFM.

8.  
L-arranġamenti imsemmija fil-punt (h) tal-Anness IV għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet u s-superviżjoni tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.
9.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ittra ta’ notifika tal-AIFM imsemmija fil-paragrafu 5 u d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 jiġu pprovduti f’lingwa li hi komuni fid-dimensjoni tal-finanzi internazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trażmissjoni elettronika u l-iffajljar tad-dokumenti imsemmija fil-paragrafu 6 jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

10.  
Fil-każ ta’ bidla materjali ta’ kwalunkwe mill-partikulari kkomunikati f’konformità mal-paragrafi 3 jew 5, l-AIFM għandu jagħti avviż bil-miktub ta’ dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tiegħu tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta bidla ppjanata jew immedjatament wara li tkun seħħet bidla mhux ippjanata.

Jekk, skont bidla pjanata, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’xi mod, l-AIFM mhuwiex se jibqa’ jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jinformaw lill-AIFM mingħajr dewmien mhux dovut li ma jistax jimplimenta l-bidla.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja dan t’hawn fuq, jew, jekk ikun seħħ fatt mhux pjanat li jqanqal bidla skont liema l-l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jkunx se jibqa’ f’konformità ma’ din id-Direttiva jew b’xi mod, l-AIFM ma jkunx se jibqa’ jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji dovuti kollha f’konformità mal-Artikolu 46, inkluża jekk ikun hemm bżonn il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF.

Jekk il-bidliet ikunu aċċettabbli, jiġifieri ma jinfluwenzawx l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF f’konformità ma’ din id-Direttiva, jew, b’xi mod, il-konformità mill-AIFM ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien jinformaw lill-AETS safejn il-bidliet jikkonċenaw it-terminazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti AIF jew AIF addizzjonali li qed jiġu kkummerċjalizzati u, jekk applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i ospitanti tal-AIFM dwar dawn il-bidliet.

11.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2 sabiex jitfassal qafas komuni li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
12.  
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa linji gwida biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2.
13.  
L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tistabbilixxi l-kontenut minimu tal-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmijin fil-punt (a) tal-paragrafu 2sabiex tiżgura li kemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u kemm dawk tal-Istat Membru ospitanti jirċievu biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u investigatorji tagħhom skont din id-Direttiva.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

14.  
Sabiex tiġi garantita armonizzazzjoni konsistenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-proċeduri għall-koordinament u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju u dawk tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

15.  
Fil-każ li awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tirrifjuta talba biex tiskambja informazzjoni f’konformità ma’ dak li hu stabbilit fl-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 14, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
16.  

Bil-għan li jiġu żgurati kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi biex tistabbilixxi:

(a) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għall-ittra ta’ notifika msemmija fil-paragrafu 3;

(b) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għall-ittra ta’ notifika msemmija fil-paragrafu 5;

(c) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 6;

(d) 

il-forma tat-trażmissjoni msemmija fil-paragrafu 6;

(e) 

il-forma tal-avviż bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 10.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

17.  
Bla ħsara għall-Artikolu 43(1), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-AIF immaniġġati u kkumerċjalizzati mill-AIFM jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

Artikolu 36

Kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Istati Membri mingħajr passaport ta’ AIFs mhux tal-UE mmaniġġat minn AIFM tal-UE

1.  

Bla ħsara għall-Artikolu 35, l-Istati Membri jistgħu jippermettu li AIFM awtorizzat tal-UE jikkummerċjalizza lil investituri professjonali, fit-territorju tagħhom biss, unitajiet jew ishma tal-AIF mhux tal-UE li jimmaniġġaw u tal-AIF ta’ alimentazzjoni li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 31(1), sakemm:

(a) 

l-AIFM jikkonforma mar-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 21. Dak l-AIFM għandhu madankollu jiżgura li jinħatru jew waħda jew aktar entitajiet biex iwettqu d-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 21(7), (8) u (9). L-AIFM m’għandhomx iwettqu dawk il-funzjonijiet. L-AIFM għandu jipprovdi lill-awtoritajiet superviżorji tiegħu bl-informazzjoni dwar l-identità ta’ dawk l-entitajiet responsabbli għat-twettiq ta’ dawk id-dmirijiet imsemmija fl-Artikolu 21(7), (8) u (9);

(b) 

ikunu stabbiliti arranġamenti ta’ koperazzjoni xierqa għall-fini ta’ sorveljanza tar-riskju sistemiku u konformi mal-istandards internazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM u l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE sabiex jiġi żgurat skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIFM iwettqu dmirijiethom f’konformità ma’ din id-Direttiva;

(c) 

il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE ma jkunx elenkat bħala Pajjiż u Territorju mhux Kooperattivi mill-FATF.

2.  
L-Istati Membri jistgħu jimponu regoli aktar stretti fuq l-AIFM fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew l-ishma tal-AIFs mhux tal-UE lill-investituri fit-territorju tagħhom għall-fini ta’ dan l-Artikolu.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jitfassal qafas komuni li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
4.  
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa linji gwida biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 37

Awtorizzazzjoni ta’ AIFMs mhux tal-UE bl-intenzjoni li jimmaniġġaw AIFs tal-UE u/jew jikkummerċjalizzaw AIFs immaniġġati minnhom fl-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 39 jew 40

1.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li AIFMs mhux tal-UE intenzjonati li jimmaniġġaw AIF tal-UE u/jew jikkummerċjalizzaw AIF immaniġġati minnhom fl-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 39 jew 40 jiksbu awtorizzazzjoni minn qabel mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ referenza tagħhom f’konformità ma’ dan l-Artikolu.
2.  

AIFM mhux tal-UE intenzjonat li jikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel msemmija fil-paragrafu 1, irid jikkonforma ma’ dik id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Kapitolu VI. Jekk u safejn il-konformità ma’ dispożizzjoni ta’ din id-Direttiva tkun inkompatibbli mal-konformità mal-leġislazzjoni li għalihom hu suġġett l-AIFM mhux tal-UE u/jew, l-AIF mhux tal-UE kkummerċjalizzat fl-Unjoni, l-AIFM mhux obbligat li jikkonforma ma’ dik id-dispożizzjoni tad-Direttiva jekk jista’ juri li:

(a) 

hu impossibbli li jagħqad tali konformità mal-konformità ma’ dispożizzjoni obbligatorja fil-leġiżlazzjoni li għaliha hu suġġett l-AIFM mhux tal-UE u/jew, l-AIF mhux tal-UE kkummerċjalizzat fl-Unjoni;

(b) 

il-leġislazzjoni li għaliha hu suġġett l-AIFM mhux tal-UE u/jew l-AIF mhux tal-UE tipprevedi regola ekwivalenti li jkollha l-istess fini regolatorju u li toffri l-istess livell ta’ protezzjoni għall-investituri tal-AIF rilevanti; u

(c) 

l-AIFM mhux tal-UE u/jew l-AIF mhux tal-UE jikkonformaw mar-regola ekwivalenti msemmija fil-punt (b).

3.  
AIFM mhux tal-UE intenzjonat li jikseb l-awtorizzazzjoni minn qabel msemmija fil-paragrafu 1, għandu ikollu rappreżentant legali stabbilit fl-Istat Membru ta’ referenza tiegħu. Ir-rappreżentant legali għandu jkun il-punt ta’ kuntatt tal-AIFM fl-Unjoni u kull korrispondenza uffiċjali bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AIFM u bejn l-investituri tal-UE tal-AIF rilevanti u l-AIFM kif stipulat f’din id-Direttiva għandha sseħħ permezz ta’ dak ir-rappreżentant legali. Ir-rappreżentant legali għandu jwettaq il-funzjoni ta’ konformità relatata mal-attivitajiet ta’ mmaniġġar u kummerċjalizzazzjoni mwettqa mill-AIFM skont din id-Direttiva flimkien mal-AIFM.
4.  

L-Istat Membru ta’ referenza ta’ AIFM mhux tal-UE għandu jiġi determinat kif ġej:

(a) 

jekk l-AIFM mhux tal-UE bi ħsiebu jimmaniġġa AIF tal-UE waħda biss, jew diversi AIF tal-UE stabbiliti fl-istess Stat Membru u mhux bi ħsiebu jikkummerjċalizza kwalunkwe AIF f’konformità mal-Artikoli 39 jew 40 fl-Unjoni, l-Istat Membru tad-domiċilju ta’ dak jew dawk l-AIF hu meqjus li jkun l-Istat Membru ta’ referenza u l-awtoritajiet kompetenti ta’ dan l-Istat Membru għandhom ikunu responsabbli għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni tal-AIFM;

(b) 

jekk l-AIFM mhux tal-UE bi ħsiebu jimmaniġġa diversi AIF tal-UE stabbiliti fi Stati Membri differenti u mhux bi ħsiebu jikkummerċjalizza kwalunkwe AIF f’konformità mal-Artikoli 39 jew 40 fl-Unjoni, l-Istat Membru ta’ referenza se jkun jew:

(i) 

l-Istat Membru fejn il-biċċa l-kbira tal-AIF tkun stabbilita, jew

(ii) 

l-Istat Membru fejn l-akbar ammont ta’ assi jkun qed jiġi mmaniġġat;

(c) 

jekk l-AIFM mhux tal-UE jkun bi ħsiebu jikkummerċjalizza AIF tal-UE wieħed biss fi Stat Membru wieħed biss tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ referenza huwa determinat kif ġej:

(i) 

jekk l-AIF ikun awtorizzat jew reġistrat fi Stat Membru, l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIF jew l-Istat Membru fejn l-AIFM ikun bi ħsiebu jikkummerċjalizza l-AIF,

(ii) 

jekk l-AIF ma jkunx awtorizzat jew reġistrat fi Stat Membru, l-Istat Membru fejn l-AIFM ikun bi ħsiebu jikkummerċjalizza l-AIF;

(d) 

jekk l-AIFM mhux tal-UE ikun bi ħsiebu jikkummerċjalizza AIF mhux tal-UE wieħed biss fi Stat Membru wieħed biss tal-Unjoni, l-Istat Membru ta’ referenza huwa dak l-Istat Membru;

(e) 

jekk l-AIFM mhux tal-UE ikun bi ħsiebu jikkummerċjalizza AIF tal-UE wieħed biss, imma fi Stati Membri differenti, l-Istat Membru ta’ referenza huwa determinat kif ġej:

(i) 

jekk l-AIF ikun awtorizzat jew reġistrat fi Stat Membru, l-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIF jew l-Istat Membru fejn l-AIFM ikun bi ħsiebu jiżviluppa effettivament il-kummerċjalizzazzjoni, jew

(ii) 

jekk l-AIF ma jkunx awtorizzat jew reġistrat fi Stat Membru, l-Istat Membru fejn l-AIFM ikun bi ħsiebu jiżviluppa effettivament il-kummerċjalizzazzjoni;

(f) 

jekk l-AIFM mhux tal-UE ikun bi ħsiebu jikkummerċjalizza AIF mhux tal-UE wieħed biss, imma fi Stati Membri differenti, l-Istat Membru ta’ referenza jkun wieħed minn dawk l-Istati Membri;

(g) 

jekk l-AIFM mhux tal-UE ikun bi ħsiebu jikkummerċjalizza AIFs tal-UE fl-Unjoni, l-Istat Membru ta’ referenza huwa determinat kif ġej:

(i) 

safejn dawk l-AIFs ikunu kollha reġistrati jew awtorizzati fl-istess Stat Membru, l-Istat Membru tad-domiċilju ta’ dawk l-AIF jew l-Istat Membru fejn l-AIFM bi ħsiebu jiżviluppa effettivament il-kummerċjalizzazzjoni għall-biċċa l-kbira ta’ dawk l-AIF,

(ii) 

safejn dawk l-AIF ma jkunux kollha reġistrati jew awtorizzati fl-istess Stat Membru, l-Istat Membru fejn l-AIFM bi ħsiebu jiżviluppa effettivament il-kummerċjalizzazzjoni għall-biċċa l-kbira ta’ dawk l-AIFs;

(h) 

jekk l-AIFM mhux tal-UE bi ħsiebu jikkummerċjalizza diversi AIFs tal-UE u mhux, jew diversi AIF mhux tal-UE fl-Unjoni, l-Istat Membru ta’ referenza jkun l-Istat Membru fejn bi ħsiebu jiżviluppa effettivament il-kummerċjalizzazzjoni għall-biċċa l-kbira ta’ dawk l-AIFs.

F’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-punti (b), (c)(i),(e), (f) u (g)(i) tal-ewwel subparagrafu, hu possibbli li jkun hemm diversi Stati Membri ta’ referenza. F’ tali każi, l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-AIFM mhux tal-UE li bi ħsiebu jimmaniġġa AIFs tal-UE mingħajr ma jikkummerċjalizzahom u/jew jikkummerċjalizza AIFs immaniġġati minnu fl-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 39 jew 40 iressaq talba lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha li huma Stati Membri ta’ referenza possibbli f’konformità mal-kriterji stabbiliti f’dawk il-punti, biex jistabbilixxu l-Istat Membru ta’ referenza tiegħu bejniethom. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jiddeċiedu b’mod konġunt fi żmien xahar mir-riċezzjoni ta’ tali talba liema minnhom se jkun l-Istat Membru ta’ referenza għat-tali AIFM mhux tal-UE. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li finalment jinħatar bħala l-Istat Membru ta’ referenza għandhom bla dewmien mhux dovut jinformaw lill-AIFM mhux tal-UE dwar din il-ħatra. Jekk l-AIFM mhux tal-UE ma jiġix informat kif dovut dwar id-deċiżjoni li tkun saret mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti fi żmien sebat ijiem wara d-deċiżjoni jew jekk l-awtoritajiet kompetenti rilevanti ma jkunux iddeċidew fil-perijodu ta’ xahar, jista’ jagħżel Stat Membru ta’ referenza hu nnifsu skont il-kriterji stipulati f’dan il-paragrafu.

L-AIFM għandu jkun jista’ jipprova l-intenzjoni tiegħu li jiżviluppa effettivament il-kummerċjalizzazzjoni fi’Stat Membru partikolari billi jiżvela l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru indikat minnu.

5.  
L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li AIFM mhux tal-UE li bi ħsiebu jimmaniġġa AIF tal-UE mingħajr ma jikkummerċjalizzahom u/jew jikkummerċjalizza AIFs immaniġġat minnu fl-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 39 jew 40 għandu jressaq talba għal awtorizzazzjoni lill-Istat Membru ta’ referenza tiegħu.

Wara li jirċievu l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jivvalutaw jekk il-mod kif l-AIFM ikun stabbilixxa l-Istat Membru ta’ referenza tiegħu jikkonformawx mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4. Jekk l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li dan ma jkunx il-każ, għandhom jirrifjutaw it-talba għal awtorizzazzjoni tal-AIFM mhux tal-UE, waqt li jispjegaw ir-raġunijiet għar-rifjut tagħhom. Jekk l-awtoritajiet kompetenti jikkunsidraw li l-kriterju tal-paragrafu 4 jkunu ġew rispettati, għandhom jinnotifikaw lill-AETS u jitolbu parir dwar il-valutazzjoni tagħhom. Fin-notifika tagħhom lill-AETS, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu lill-AETS bil-ġustifikazzjoni mill-AIFM għall-valutazzjoni tiegħu rigward l-Istat Membru ta’ referenza u bl-informazzjoni dwar l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-AIFM.

Fi żmien xahar minn meta tkun irċiviet in-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu, l-AETS għandha toħroġ parir lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti dwar il-valutazzjoni tagħhom dwar l-Istat Membru ta’ referenza f’konformità mal-kriterji stipulati fil-paragrafu 4. L-AETS għandha tagħti parir negattiv biss fil-każ li tikkunsidra li l-kriterji tal-paragrafu 4 ma jkunux ġew rispettati.

It-terminu msemmi fl-Artikolu 8(5) għandu jiġi sospiż waqt id-deliberazzjoni mill-AETS f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jipproponu li jagħtu awtorizzazzjoni li tmur kontra l-parir tal-AETS imsemmi fit-tielet subparagrafu għandhom jinformaw lill-AETS, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom. L-AETS għandha tippubblika l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ma jikkonformawx jew mhux bi ħsiebhom tikkonformaw mal-parir tagħha. L-AETS tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ individwali, li tippublika r-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti biex ma tikkonformawx ma’ dak il-parir. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jirċievu preavviż dwar publikazzjoni ta’ dan it-tip.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jipproponu li jagħtu awtorizzazzjoni li tmur kontra l-parir tal-AETS imsemmi fit-tielet subparagrafu u l-AIFM ikun bi ħsiebu jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIFs immaniġġati minnu fi Stati Membri oħra li mhumiex l-Istat Membru ta’ referenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ referenza għandhom jinformaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri dwar dan, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom. Safejn ikun applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ referenza għandhom jinformaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIF immaniġġat mill-AIFM dwar dan, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom.

6.  
Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma taqbilx mad-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ riferenza mill-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat konferiti lilha a tenur tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
7.  

Mingħajr ħsara għal dak li stipulat fil-paragrafu 8, ma għandha tingħata l-ebda awtorizzazzjoni sakemm ma jiġux sodisfatti l-kundizzjonijiet addizzjonali segwenti:

(a) 

l-Istat Membru ta’ riferenza huwa indikat mill-AIFM skont il-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4 u appoġġjat mill-iżvelar tal-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni, u l-proċedura stabbilita fil-paragrafu 5 ġiet segwita mill-awtoritajiet kompetenti;

(b) 

l-AIFM ħatar rappreżentant legali stabbilit fl-Istat Membru ta’ domiċilju tagħha;

(c) 

ir-rappreżentant legali għandu, flimkien mal-AIFM, ikun il-persuna li magħha jsir kuntatt għall-AIFM non-UE għall-investituri tal-AIF relevanti, għall-AETS u għall-awtoritajiet kompetenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-attivitajiet li għalihom l-AIFM huwa awtorizzat fl-Unjoni u għandu jkun tal-anqas ekwipaġġat biżżejjed ħalli jaqdi l-funzjoni ta’ konformità skont din id-Direttiva;

(d) 

ikunu jeżistu arranġamenti ta’ koperazzjoni xierqa bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ referenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIF kkonċernat fl-UE, u l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE sabiex jiġi żgurat tal-anqas skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu dmirijiethom f’konformita’ ma’ din id-Direttiva;

(e) 

il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIFM mhux tal-UE ma jkunx elenkat bħala Pajjiż u Territorju mhux Kooperattivi mill-FATF;

(f) 

il-pajjiż terz fejn l-AIFM mhux-UE huwa stabbilit ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru ta’ riferenza, li jkun konformi mal-istandards stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kaptial tal-OECD u jiżgura skambju effettiv ta’ informazzjoni f’materji fiskali, inklużi, jekk ikun hemm, il-ftehimiet fiskali multilaterali;

(g) 

l-eżerċizzju effettiv mill-awtoritajiet kompetenti tal-funzjonijiet tagħhom ta’ superviżjoni skont din id-Direttiva ma huwa mfixkel mil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz dwar l-AIFM, u lanqas mil-limitazzjonijiet fis-setgħat ta’ superviżjoni u ta’ investigazzjoni tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ dak il-pajjiż terz.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor ma taqbilx mal-valutazzjoni li tkun saret dwar l-applikazzjoni tal-punti (a) sa (e) u (g) ta’ dan il-paragrafu mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ taġixxi skont it-termini tas-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Fejn awtorità kompetenti ta’ AIFM tal-UE ma tidħolx fl-arranġament rikjest ta’ kooperazzjoni kif stabbilit fil-punt (d) ta’ dan il-paragrafu fi żmien raġonevoli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ taġixxi skont is-setgħat ikkonferiti lilha fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.  

L-awtorizzazzjonijiet għandhom iseħħu skont id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu II li għandhom japplikaw mutatis mutandis suġġett għall-kundizzjoniiet li ġejjin:

(a) 

l-informazzjoni li għaliha hemm referenza fl-Artikolu 7(2) għandha tkun supplimentata b’dan li ġej:

(i) 

ġustifikazzjoni mill-AIFM tal-valutazzjoni li tkun għamlet dwar l-Istat Membru ta’ riferenza f’konformità mal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4 bl-informazzjoni dwar l-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni,

(ii) 

elenku ta’ dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li l-AIFM ma jistax jottempera ruħu magħhom billi tali ottemperanza tkun, skont il-paragrafu 2, inkompatibbli mal-ottemperanza ma’ dispożizzjoni mandatorja fil-liġi li huma suġġetti għaliha l-AIFM mhux tal-UE jew l-AIF tal-UE kkumerċjaliżżat fl-Unjoni,

(iii) 

evidenza bil-miktub imsejsa fuq l-istandards tekniċi żviluppati mill-AETS li l-liġi tal-pajjiż terz relevanti tipprovdi għal regoli ekwivalenti għad-dispożizzjonijiet li l-konformità magħhom tkun impossibbli, li għandha l-istess skop regolatorju u toffri l-istess livell ta’ protezzjoni lill-investituri tal-AIF relevanti u li l-AIFM jikkonforma ma’ dik ir-regola ekwivalenti; tali evidenza bil-miktub tkun appoġġjata minn opinjoni ġuridika dwar l-eżistenza ta’ dispożizzjoni relevanti mandatorja inkompatibbli fil-liġi tal-pajjiż terz u tkun tinkludi deskrizzjoni tal-iskop regolatorju u n-natura tal-protezzjoni tal-investitur li tkun tipprefiġġi li tikseb, u

(iv) 

l-isem tar-rappreżentant legali tal-AIFM u l-post fejn ikun stabbilit;

(b) 

l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 7(3) tista’ tkun limitata għall-AIFs tal-UE li l-AIFM ikollu intenzjoni jimmaniġġa u, għal dawk l-AIFs immaniġġati mill-AIFM li jkollu intenzjoni jikkumerċjaliżża fl-Unjoni mingħajr passaport;

(c) 

il-punt (a) tal-Artikolu 8(1) għandu jkun mingħajr ħsara għall-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu;

(d) 

il-punt (e) tal-Artikolu 8(1) ma japplikax;

(e) 

it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8(5) għandu jinqara bħala referenza għall-“informazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 37(8)”.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma taqbilx mal-awtorizzazzjoni mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza mill-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat konferiti lilha mill-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

9.  
Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza jikkunsidraw li l-AIFM jista’ joqgħod biss fuq il-paragrafu 2 għaliex ikun eżenti mill-konformità ma’ ċerti dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, dawn għandhom mingħajr dewmien mhux ġustifikat jinnotifikaw lill-AETS b’dan. Għandhom isaħħu din il-valutazzjoni bl-informazzjoni mogħtija mill-AIFM skont il-punti (a)(ii) u (iii) tal-paragrafu 8.

Fi żmien xahar mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fl-ewwel s-subparagrafu, l-AETS għandha toħroġ parir lill-awtoritajiet kompetenti dwar l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-konformità mad-Direttiva kkwawżata mill-inkompatbilità skont il-paragrafu 2. Il-parir jista’ b’mod partikolari jindirizza jekk il-kundizzjonijiet għal tali eżenzjoni jidhrux li huma sodisfatti skont l-informazzjoni mogħtija mill-AIFM skont il-punti (a)(ii) u (iii)tal-paragrafu 8 u skont l-istandards tekniċi regolatorji dwar l-ekwivalenza. L-AETS għandha tfittex li tibni kultura u prattiċi superviżorji konsistenti Ewropej komuni, u għandha tiżgura li jkun hemm approċċi konsistenti bejn l-awtoritjiet kompetenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

It-terminu msemmi fl-Artikolu 8(5) għandu jiġi sospiż waqt l-eżami mill-AETS f’konformità ma’ dan il-paragrafu.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ta’ riferenza jipproponu li jagħtu awtorizzazzjoni li tmur kontra l-parir tal-AETS imsemmi fit-tieni subparagrafu għandhom jinformaw lill-AETS, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom. L-AETS għandha tippubblika l-fatt li l-awtoritajiet kompetenti ma tikkonformawx jew mhux bi ħsiebhom jikkonformaw ma’ dak il-parir. L-AETS tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ individwali, li tippublika r-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti biex ma tikkonformax ma’ dak il-parir. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jirċievu preavviż dwar tali publikazzjoni.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti jipproponu li jagħtu awtorizzazzjoni li tmur kontra l-parir tal-AETS imsemmi fit-tieni subparagrafu u l-AIFM ikun bi ħsiebu jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIFs immaniġġati minnu fi Stati Membri oħra apparti l-Istat Membru ta’ referenza, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ referenza għandhom jinformaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri dwar dan, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma taqbilx mal-valutazzjoni magħmula mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza mill-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat konferiti lilha a tenur tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

10.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza għandu mingħajr dewmien mhux ġustifikat jinforma lill-AETS dwar l-eżitu tal-proċess inizjali ta’ awtorizzazzjoni, dwar kull bidla fl-awtorizzazzjoni tal-AIFM u kull irtirar tal-awtorizzazzjoni.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-AETS dwar l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni li jkunu rriġettaw, billi jagħtu d-data dwar l-AIFM li tkun talbet l-awtorizzazzjoni u r-raġunijiet għar-riġett. L-AETS għandha żżomm reġistru ċentrali ta’ dik id-data, li għandu jkun disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti, meta jagħmlu talba għalih. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jittrattaw din l-informazzjoni bħala kunfidenzjali.

11.  
Id-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ riferenza ma għandux jintlaqat mill-iżvilupp ulterjuri tan-negozju tal-AIFM fl-Ewropa. Madanakollu, fejn, l-AIFM jibdel l-istrateġija tiegħu ta’ kummerċjalizzazzjoni fi żmien sentejn mill-awtorizzazzjoni inizjali u dik il-bidla tkun affettwat id-determinazzjoni tal-Istat Membru ta’ riferenza jekk l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni modifikata kien fl-istrateġija inizjali ta’ kummerċjalizzazzjoni, l-AIFM għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali bil-bidla qabel ma jeżegwiha u għandu jindika lill-Istat Membru tiegħu ta’ riferenza f’konformità mal-kriterji msemmija fil-paragrafu 4 u msejsin fuq l-istrateġija l-ġdida. L-AIFM għandu jiġġustifika l-valutazzjoni tiegħu billi jiżvela l-istrateġija l-ġdida tiegħu tal-kummerċjalizzazzjoni lill-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali tiegħu. Fl-istess waqt, l-AIFM għandu jagħti informazzjoni dwar ir-rappreżentant legali tiegħu, inkluż l-isem u l-post fejn ikun reġistrat. Ir-rappreżentant legali għandu jkun stabbilit fl-Istat Membru ta’ riferenza.

L-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali għandu jivvaluta jekk id-determinazzjoni tal-AIFM skont it-termini tal-ewwel subparagrafu hijiex korretta u għandu jinnotifika lill-AETS b’ dan. L-AETS għandha toħroġ parir fuq il-valutazzjoni magħmula mill-awtoritajiet kompetenti. Fin-notifika tagħhom lill-AETS, l-awtoritajiet kompetenit għandhom jipprovdu l-ġustifikazzjoni mill-AIFM għall-valutazzjoni tiegħu dwar l-Istat Membru ta’ referenza u b’ informazzjoni dwar l-istrateġija l-ġdida ta’ kummerċjalizzazzjoni tal-AIFM.

Fi żmien xahar mir-riċezzjoni tan-notifika msemmija fit-tieni subparagrafu, l-AETS għandha toħroġ parir lill-awtoritjiet kompetetnti relevanti dwar il-valutazzoni tagħha. L-AETS għandha tagħti parir negattiv biss fejn tikkunsidra li l-kriterji msemmija fil-paragrafu 4 ma jkunux ġew rispettati.

Wara li jkunu rċevew il-parir tal-AETS skont it-tielet subparagrafu, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali għandhom jinfurmaw lill-AIFM mhux tal-UE, lir-rappreżentant legali oriġinali u lill-AETS dwar id-deċiżjoni tagħha.

Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali jaqbel mal-valutazzjoni magħmula mill-AIFM, għandu mbagħad jgħarraf ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza l-ġdid dwar il-bidla. L-Istat Membru oriġinali ta’ riferenza għandu mingħajr dewmien mhux ġustifikat jittrasferixxi kopja tal-awtorizzazzjoni u l-faxxiklu ta’ superviżjoni tal-AIFM lill-Istat Membru ta’ riferenza l-ġdid. Mill-mument tat-trażmissjoni tal-awtorizzazzjoni u l-faxxiklu ta’ superviżjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ referenza l-ġdid ikunu kompetenti għall-proċedura ta’ awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni tal-AIFM.

Fejn il-valutazzjoni finali tal-awtoritajiet kompetenti tkun kontra l-parir tal-AETS imsemmi fis-subparagrafu 3:

(a) 

l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-AETS dwar l-istess, u jagħtu r-raġunijiet. L-AETS għandha tippubblika l-fatt li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew mhix bi ħsiebha tikkonforma mal-parir tagħha. L-AETS tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ individwali, li tippublika r-raġunijiet mogħtija mill-awtoritajiet kompetenti biex ma tikkonformax ma’ dak il-parir. L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom jirċieva preavviż dwar publikazzjoni ta’ dan it-tip;

(b) 

fejn l-AIFM jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF immaniġġat minnu fi Stati Membri oħra apparti l-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali għandhom jinformaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri dwar dan, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom. Safejn ikun applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ referenza għandhom jinformaw ukoll lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-riferenza tal-AIF immaniġġat mill-AIFM dwar dan, waqt li jiddikjaraw ir-raġunijiet tagħhom.

12.  
Jekk ikun jidher mill-kors kurrenti tal-iżvilupp tan-negozju tal-AIFM fl-Unjoni fi żmien sentejn mill-awtorizzazzjoni relattiva li l-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni kif ippreżentata mill-AIFM fil-mument tal-awtorizzazzjoni relattiva ma kinitx segwita, jew li min-naħa tal-AIFM saru dikjarazzjonijiet foloz dwarha, jew li l-AIFM ma kienx f’konformita’ mal-paragrafu 11 meta bidel l-istrateġija tal-kummerċjalizzazzjoni, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali għandhom jitlobu lill-AIFM jindika l-Istat Membru ta’ riferenza abbażi tal-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni kurrenti. Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 11 għandha tapplika mutatis mutandis. Jekk min-naħa tal-AIFM ma jkunx hemm ottemperanza mar-rikjesta tal-awtoritajiet kompetenti, allura dawn għandhom jirtiraw l-awtorizzazzjoni relattiva.

Jekk min-naħa tal-AIFM ikun hemm bidla fl-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni wara t-terminu msemmi fil-paragrafu 11, u jkun irid jibdel l-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu abbażi tal-istrateġija ta’ kummerċjalizzazzjoni l-ġdida tiegħu, l-AIFM ikun jista’ jippreżenta rikjesta li jibdel l-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza oriġinali. Il-proċedura msemmija fil-paragrafu 11 għandha tapplika mutatis mutandis.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma taqbilx mal-valutazzjoni tal-Istat Membru ta’ riferenza skont il-paragrafu 11 jew skont dan il-paragrafu, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat konferiti lilha a tenur tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

13.  
Kull tilwima li jista’ jkun hemm bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM u l-AIFM għandha tiġi riżolta f’konformità mal-liġi u suġġett għall-ġurisdizzjoni tal-Istat Membru ta’ riferenza.

Kull tilwima bejn l-AIFM jew l-AIF u l-investituri tal-UE tal-AIF relevanti għandha tkun riżolta f’konformità mal-liġi u suġġett għall-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru.

14.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni bl-iskop li tispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita mill-Istat Membru ta’ riferenza possibbli hi u tiddetermina liema għandu jkun l-Istat Membru ta’ riferenza dawk l-Istati Membri l-oħra skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 4. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(2).
15.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 56 u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 7 sabiex jitfassal qafas komuni li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
16.  
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa linji gwida biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 7.
17.  
L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tistabbilixxi l-kontenut minimu tal-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmijin fil-punt (d) tal-paragrafu 7sabiex tiżgura li kemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza u kemm dawk tal-Istat Membru ospitanti jirċievu biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u investigatorji tagħhom skont din id-Direttiva.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformita’ mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

18.  
Bil-għan li tiġi garantita armonizzazzjoni konsistenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-proċeduri għall-koordinament u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza u dawk tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont it-termini tal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

19.  
Fil-każ li awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tirrifjuta talba biex tiskambja informazzjoni f’konformità ma’ dak li hu stabbilit fl-istandards tekniċi stipulati fil-paragrafu 17, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
20.  
F’konformità mal-Artikolu 29 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, l-AETS għandha tippromwovi skambju bilaterali u multilaterali effikaċi ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM mhux tal-UE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti tal-AIFM li jkun, b’rispett sħiħ lejn id-dispożizzjoni applikabbli ta’ kunfidenzjalità u protezzjoni tad-data msemmijin fil-leġiżlazzjoni relevanti tal-Unjoni.
21.  

F’konformita’ mal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010), l-AETS għandha twettaq ir-rwol ta’ kordinament ġenerali bejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM mhux tal-UE u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti tal-AIFM li jkun. B’mod partikolari, l-AETS tista’:

(a) 

tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti konċernati;

(b) 

tiddetermina l-ambitu tal-informazzjoni li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti kkonċernati;

(c) 

tieħu l-miżuri kollha xierqa f’każ ta’ żviluppi li għandu mnejn jipperikolaw l-funzjonament tas-swieq finanzjarji bl-iskop li jkun iffaċilitat il-kordinament tal-azzjonijiet meħudin mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ referenza u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti b’relazzjoni mal-AIFMs mhux tal-UE.

22.  
Bl-iskop li tkun żgurata l-uniformità fil-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ eżekuzzjoni ħalli jkunu ddeterminati l-forma u l-kontenut tar-rikjesta msemmija fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 12.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

23.  

Bl-iskop li tkun żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji dwar dan li ġej:

(a) 

il-mod li bih l-AIFM għandha tottempera ruħha mar-rekwiżiti msemmijin f’din id-Direttiva, billi tqis li l-AIFM hija stabbilita f’pajjiż terz. B’mod partikolari, il-preżentazzjoni tal-informazzjoni rikjesta fl-Artikoli 22 sa 24.

(b) 

il-kundizzjonijiet taħt liema l-liġi li għaliha l-AIFM mhux tal-UE u/jew l-AIF mhux tal-UE jkunu suġġetti tkun ikkunsidrata li tipprovdi għal regola ekwivalenti bl-istess skop ta’ regolamentazzjoni u li toffri l-istess livell ta’ protezzjoni għall-investituri tal-AIF rilevanti;

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformita’ mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 38

Analiżi ta’ rieżami bejn il-pari tal-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-AIFM mhux tal-UE

1.  
L-AETS għandha tagħmel analiżi ta’ rieżami bejn il-pari tal-attivitajiet ta’ superviżjoni tal-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-awtorizzazzjoni u tas-superviżjoni tal-AIFMs mhux tal-UE l-Artikoli 37, 39, 40, u 41, biex tkompli tiżdied il-konsistenza fl-eżiti superviżorji, skont it-termini tal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
2.  
Sat-22 ta’ Lulju 2013, l-AETS għandha tiżviluppa metodi li jippermettu l-valutazzjoni u l-paragun oġġettivi bejn l-awtoritajiet f’diżamina.
3.  

B’mod partikolari, l-analiżi tar-rieżami bejn il-parigħandha tinkludi valutazzjoni ta’ dan li ġej:

(a) 

il-grad ta’ konverġenza fil-prattiċi superviżorji miksub fl-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-AIFMs mhux tal-UE;

(b) 

kemm il-prattika superviżorja jirnexxielha tikseb l-objettivi prefissi f’din id-Direttiva;

(c) 

l-effikaċja u l-grad ta’ konverġenza miksubin f’dak li għandu x’jaqsam mal-eżekuzzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u tal-miżuri ta’ eżekuzzjoni tagħha u l-istandards tekniċi regolatorji u ta’ eżekuzzjoni żviluppati mill-AETS f’konformità ma’ din id-Direttiva, inklużi l-miżuri u penali amministrattivi imposti kontra l-AIFM mhux tal-UE fejn ma jkunx hemm konformità ma’ din id-Direttiva.

4.  
Abbażi tal-konklużjonijiet tal-eżami, l-AETS tkun tista’ toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet a tenur tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, bl-iskop li tistabbilixxi prattiċi konsistenti, effikaċi u effettivi ta’ superviżjoni tal-AIFMs mhux tal-UE.
5.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz ħalli jikkonformaw ma’ dawk il-linji gwida u rakkomandazzjonijiet.
6.  
Fi żmien xahrejn mill-ħruġ ta’ linja gwida jew rakkomandazzjoni, kull awtorità kompetenti għandha tikkonferma jekk tikkonfomrax jew għandhiex il-ħsieb tikkonforma ma’ dak il-linja gwida jew rakkomdanazzjoni. Fil-każ li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew ma jkollhiex l-intenzjoni tikkonfomra, għandha tinforma b’dan lill-AETS, u tagħti r-raġunijiet l-għala.
7.  
L-AETS għandha tippubblika l-fatt li awtorità kompetenti ma tikkonformax jew mhix bi ħsiebha tikkonforma ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. L-AETS tista’ tiddeċiedi wkoll, skont il-każ individwali, li tippublika r-raġunijiet mogħtija mill-awtorità kompetenti biex ma tikkonformax ma’ dik il-linja gwida jew rakkomandazzjoni. L-awtorità kompetenti kkonċernata għandha jirċieva preavviż dwar publikazzjoni ta’ dan it-tip.
8.  
Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010AETS, l-AETS għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li jinħarġu skont it-termini ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li tgħid liema awtorità kompetenti ma ottemperawx ruħhom magħhom, u tiddelinea kif l-AETS beħsiebha tiżgura li dawk l-awtoritajiet jikkonformaw mar-rakkomandazzjonijiet u l-linji gwida tagħha fil-futur.
9.  
Il-Kummissjoni għandha tieħu kont xieraq ta’ dawk ir-rapporti fir-rieżami li tagħmel ta’ din id-Direttiva skont it-termini tal-Artikolu 69 u kull valutazzjoni sussegwenti li tista’ twettaq.
10.  
L-AETS għandha tagħmel pubblikament disponibbli l-aqwa prattiċi li jistgħu jiġu identifikati minn dawn l-analiżijiet mill-parir. Barra minhekk, kull riżultat ieħor tal-analiżijiet mill-pari jistgħu isiru pubbliċi, suġġett għall-qbil tal-awtorità kompetenti li tkun l-oġġett tal-analiżi mill-pari.

Artikolu 39

Kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni b’passaport ta’ AIF tal-UE mmaniġġat minn AIFM mhux tal-UE

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM debitament awtorizzat tal-UE jista’ jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma ta’ AIF li huwa jimmaniġġa lil investituri professjonali fl-Unjoni b’passaport hekk kif jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  
Fil-każ li l-AIFM ikollu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF mhux tal-UE fl-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu, l-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF mhux tal-UE li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizza.

Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kif stipulati fl-Anness III.

3.  
Mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol minn meta jirċievu fajl ta’ notifika komplut skont il-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinfurmaw lill-AIFM jekk jistax jibda jikkummerċjalizza l-AIF identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 2 fit-territorju tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM jistgħu jipprevjenu biss il-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF biss jekk l-immaniġġar tal-AIF mill-AIFM mhuwiex jew mhux se jkun f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’xi mod, l-AIFM mhuwiex se jikkonforma jew ma jikkonformax ma’ din id-Direttiva. Fil-każ ta’ deċiżjoni pożittiva, l-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF fl-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu mid-data tan-notifika mill-awtoritajiet kompetenti dwar dan.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom ukoll jinfurmaw lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jekk l-AIFM jistax jibda l-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew ishma tal-AIF fl-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM.

4.  
Fil-każ li l-AIFM ikollu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF mhux tal-UE fl-Istati Membri ta’ riferenza li ma jkunux l-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu, l-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF mhux tal-UE li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizza.

Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kif stipulati fl-Anness IV.

5.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara d-data minn meta jirċievu l-fajl komplut ta’ notifika msemmi fil-paragrafu 4, jittrażmettu l-fajl komplut ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn qed jiġi propost li l-unitajiet jew ishma tal-AIF jiġu kkummerċjalizzati. Tali trażmissjoni għandha sseħħ biss jekk l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF jikkonforma u se jkompli jikkonformama’ din id-Direttiva u jekk, b’xi mod, l-AIFM jikkonforma ma’ din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-AIFM ikkonċernat hu awtorizzat jimmaniġġa AIF b’dik l-istrateġija ta’ investiment partikulari.

6.  
Malli jittrażmettu l-fajl ta’ notifika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw lill-AIFM dwar it-trażmissjoni. L-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF fl-Istat(i) Membru/i relevanti tal-AIFM mid-data ta’ dik in-notifika.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom ukoll jinfurmaw lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-AIF jekk l-AIFM jistax jibda l-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew ishma tal-AIF fl-Istat(i) Membru/i ta’ riferenza tal-AIFM.

7.  
L-arranġamenti imsemmija fil-punt (h) tal-Anness IV għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet u s-superviżjoni tal-Istati Membri ospitanti tal-AIFM.
8.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ittra ta’ notifika mill-AIFM msemmija fil-paragrafu 4 u d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 5 jiġu pprovduti f’lingwa li hi komuni fid-dimensjoni tal-finanzi internazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trażmissjoni elettronika u l-iffajljar tad-dokumenti imsemmija fil-paragrafu 6 jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

9.  
Fil-każ ta’ bidla materjali fi kwalunkwe mill-partikulari kkomunikati f’konformità mal-paragrafi 2 u/jew 4, l-AIFM għandu jagħti avviż bil-miktub ta’ dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta l-bidla għal kull bidla ppjanata mill-AIFM, jew immedjatament wara li tkun seħħet bidla mhux ippjanata.

Jekk, skont il-bidla pjanata, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’ xi mod, l-AIFM mhuwiex se jibqa’ jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza għandhom jinformaw lill-AIFM mingħajr dewmien mhux dovut li ma jistax jimplimenta l-bidla.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni paragrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux ippjanata li minħabba fiha l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’xi mod, l-AIFM mhuwiex se jibqa’ jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji dovuti kollha f’konformità mal-Artikolu 46, inkluża, jekk ikun hemm bżonn il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF.

Jekk il-bidliet jkunu aċċettabbli, jiġifieri ma jkunux jaffettwaw il-komformita’ tal-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma’ din id-Direttiva, jew, b’xi mod, il-konformità mill-AIFM ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien jinformaw lill-AETS safejn l-bidliet jikkonċenaw it-terminazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti AIFs jew AIFs addizzjonali li qed jiġu kkummerċjalizzati u, safejn ikun applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membrui ospitanti tal-AIFM dwar dawk il-bidliet.

10.  

Bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi biex tistabbilixxi:

(a) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għall-ittra ta’ notifika msemmija fil-paragrafi 2 u 4;

(b) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 5;

(c) 

il-forma tat-trażmissjoni msemmija fil-paragrafu 5; u

(d) 

il-forma tal-avviż bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 9.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

11.  
Bla ħsara għall-Artikolu 43(1), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-AIF immaniġġati u kkumerċjalizzati mill-AIFM jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

Artikolu 40

Kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni b’passaport ta’ AIFs mhux tal-UE mmaniġġat minn AIFM mhux tal-UE

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM mhux tal-UE debitament awtorizzat tal-UE jista’ jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma ta’ AIF li huwa jimmaniġġa lil investituri professjonali fl-Unjoni b’passaport hekk kif jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  

Addizzjonalment mar-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva rigward l-AIFMs tal-UE, għall-AIFMs mhux tal-UE għandom ikunu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

arranġamenti ta’ koperazzjoni xierqa stabbiliti bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM u l-awtorità superviżorja tal-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE sabiex jiġi żgurat tal-anqas skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru jwettqu dmirijiethom f’konformità ma’ din id-Direttiva;

(b) 

il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE ma jkunx elenkat bħala Pajjiż u Territorju mhux Kooperattivi mill-FATF;

(c) 

il-pajjiż terz fejn hu stabbilit l-AIF mhux tal-UE ikun iffirma ftehim mal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM awtorizzat u ma kull Stat Membru ieħor fejn ikun intiż li jiġu kkummerċjalizzati l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF mhux tal-UE, li jikkonforma kompletament mal-istandards stipulati fl-Artikolu 26 tal-Mudell ta’ Konvenzjoni dwar it-Taxxa fuq id-Dħul u fuq il-Kapital tal-OKŻE u li jiżgura skambju ta’ informazzjoni effikaċi fil-kwestjonijiet fiskali, inklużi, ftehimiet fiskali multilaterali.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ma taqbilx mal-valutazzjoni magħmula bl-applikazzjoni tal-punti (a) u (b) ta’ dan il-paragrafu 2 mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza mill-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat konferiti lilha a tenur tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.  
L-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF tal-UE li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizza fl-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu.

Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kif stipulati fl-Anness III.

4.  
Mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol minn meta jirċievu fajl ta’ notifika komplut skont il-paragrafu 3, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinfurmaw lill-AIFM jekk jistax jibda jikkummerċjalizza l-AIF identifikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 3 fit-territorju tiegħu. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM jistgħu jipprevjenu biss il-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF biss jekk l-immaniġġar tal-AIF mill-AIFM mhuwiex jew mhux se jkun f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’xi mod, l-AIFM mhuwiex se jikkonforma jew ma jikkonformax ma’ din id-Direttiva. Fil-każ ta’ deċiżjoni pożittiva, l-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF fl-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu mid-data tan-notifika dwar dan mill-awtoritajiet kompetenti.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinfurmaw ukoll lill-AETS li l-AIFM jista’ jibda jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF fl-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM.

5.  
Jekk l-AIFM ikollu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF mhux tal-UE fl-Istati Membri ta’ riferenza li ma jkunux l-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu, l-AIFM għandu jissottometti notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu fir-rigward ta’ kull AIF mhux tal-UE li jkollu l-intenzjoni jikkummerċjalizza.

Dik in-notifika għandha tinkludi d-dokumentazzjoni u l-informazzjoni kif stipulati fl-Anness IV.

6.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom, mhux aktar tard minn 20 jum tax-xogħol wara d-data minn meta jirċievu l-fajl komplut ta’ notifika msemmi fil-paragrafu 5, jittrażmettu l-fajl komplut ta’ notifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn ikun intiż li l-unitajiet jew ishma tal-AIF jiġu kkummerċjalizzati. Tali trażmissjoni għandha sseħħ biss jekk l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF jikkonforma u se jkompli jikkonforma ma’ din id-Direttiva u jekk, b’xi mod, l-AIFM jikkonforma ma’ din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-AIFM ikkonċernat hu awtorizzat jimmaniġġa AIF b’dik l-istrateġija ta’ investiment partikulari.

7.  
Malli jittrażmettu l-fajl ta’ notifika, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien jinnotifikaw lill-AIFM dwar it-trażmissjoni. L-AIFM jista’ jibda jikkummerċjalizza l-AIF fl-Istati Membri ospitanti fl-Istat(i) Membru/i relevanti tal-AIFM mid-data ta’ dik in-notifika.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinfurmaw ukoll lill-AETS li l-AIFM jista’ jibda jikkumerċjalizza unitajiet jew ishma tal-AIF fl-Istati Membri ospitanti tal-AIFM.

8.  
L-arranġamenti imsemmija fil-punt (h) tal-Anness IV għandhom ikunu suġġetti għal-liġijiet u s-superviżjoni tal-Istati Membri ospitanti tal-AIFM, safejn dawk l-Istati Membri jkunu differenti mill-Istat Membru ta’ riferenza.
9.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ittra ta’ notifika mill-AIFM msemmija fil-paragrafu 5 u d-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 6 jiġu pprovduti f’lingwa li hi komuni fid-dimensjoni tal-finanzi internazzjonali.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trażmissjoni elettronika u l-iffajljar tad-dokumenti imsemmija fil-paragrafu 6 jiġu aċċettati mill-awtoritajiet kompetenti tagħhom.

10.  
Fil-każ ta’ bidla materjali ta’ kwalunkwe mill-partikulari kkomunikati f’konformità mal-paragrafi 3 jew 5, l-AIFM għandu jagħti avviż bil-miktub ta’ dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu tal-anqas xahar qabel ma bidla ppjanata, jew immedjatament wara li tkun seħħet bidla mhux ippjanata.

Jekk, skont il-bidla pjanata, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’ xi mod, l-AIFM mhuwiex se jibqa’ jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza għandhom jinformaw lill-AIFM mingħajr dewmien mhux dovut li ma jistax jimplimenta l-bidla.

Jekk il-bidla pjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla mhux pjanata li minħabba fiha l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’xi mod, l-AIFM mhuwiex se jibqa’ jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji dovuti kollha f’konformità mal-Artikolu 46, inkluża jekk ikun hemm bżonn, il-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF.

Jekk il-bidliet jkunu aċċettabbli għax ma jaffettwawx il-konformita’ tal-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma’ din id-Direttiva, jew, b’xi mod, il-konformità mill-AIFM ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien jinformaw lill-AETS safejn l-bidliet jikkonċenaw it-terminazzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ ċerti AIF jew AIF addizzjonali li qed jiġu kkummerċjalizzati u, safejn jkun applikabbli, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat(i) Membru/i ospitanti tal-AIFM dwar dawn il-bidliet.

11.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 2sabiex jitfassal qafas komuni li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
12.  
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa linji gwida biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil- punt (a) tal-paragrafu 2.
13.  
L-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tistabbilixxi l-kontenut minimu tal-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmijin fil- punt (a) tal-paragrafu 2 sabiex tiżgura li kemm l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza u kemm dawk tal-Istat Membru ospitanti jirċievu biżżejjed informazzjoni biex ikunu jistgħu jeżerċitaw is-setgħat superviżorji u investigatorji tagħhom skont din id-Direttiva.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont it-termini tal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

14.  
Sabiex tiġi garantita armonizzazzjoni konsistenti ma’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-proċeduri għall-koordinament u l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza u dawk tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont it-termini tal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

15.  
Fil-każ li awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tirrifjuta talba biex tiskambja informazzjoni f’konformità mal-istandards tekniċi regolatorji msemmija fil-paragrafu 14, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ tieħu azzjoni skont is-setgħat mogħtija lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.
16.  

Bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi biex tistabbilixxi:

(a) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għall-ittra ta’ notifika msemmija fil-paragrafi 3 u 5;

(b) 

il-forma u l-kontenut ta’ mudell għad-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 6;

(c) 

il-forma tat-trażmissjoni msemmija fil-paragrafu 6;

(d) 

il-forma tal-avviż bil-miktub imsemmi fil-paragrafu 10.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

17.  
Bla ħsara għall-Artikolu 43(1), l-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-AIF immaniġġati u kkumerċjalizzati mill-AIFM jiġu kkummerċjalizzati biss lil investituri professjonali.

Artikolu 41

Il-kundizzjonijiet għall-immaniġjjar tal-AIF stabbilit fl-Istati Membri li ma jkunux l-Istat Membru ta’ riferenza minn AIFMs mhux tal-UE

1.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM awtorizzat mhux tal-UE jista’ jimmaniġġa AIF tal-UE stabbilit fi Stat Membru li ma jkunx l–Istat Membru ta’ riferenza kemm direttament kemm permezz tal-istabbiliment ta’ fergħa, sakemm l-AIFM ikun awtorizzat biex jimmaniġġa dak it-tip ta’ AIF.
2.  

Kwalunkwe AIFM mhux tal-UE intiż li jimmaniġġa AIF tal-UE stabbilit fi Stat Membru li ma jkunx l-Istat Membru ta’ riferenza għall-ewwel darba għandu jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu:

(a) 

l-Istat Membru li fih għandu l-intenzjoni li jimmaniġġa AIFs direttament jew jistabbilixxi fergħa;

(b) 

programm ta’ operazzjonijiet li jiddikkjara partikolarment is-servizzi li għandu l-intenzjoni li jeżegwixxi u li jidentifika l-AIFs li għandu l-intenzjoni li jimmaniġġa.

3.  

Jekk l-AIFM mhux tal-UE għandu l-intenzjoni li jistabbilixxi fergħa, dan għandu jipprovdi, b’żieda mal-informazzjoni rikjesta fil-paragrafu 2, l-informazzjoni li ġejja:

(a) 

l-istruttura organizzattiva tal-fergħa;

(b) 

l-indirizz fl-Istat Membru tad-domiċilju tal-AIF li minnu jistgħu jinkisbu d-dokumenti;

(c) 

l-ismijiet u d-dettalji ta’ kuntatt tal-persuni responsabbli għall-immaniġġar tal-fergħa.

4.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza għandhom, fi żmien xahar minn meta jirċiedu d-dokumentazzjoni kompleta, f’konformità mal-paragrafi 2 jew fi żmien xahrejn minn meta jirċievu d-dokumentazzjoni kompleta msemmija fil-paragrafu 3, jittrażmettu dik id-dokumentazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM. Tali trażmissjoni għandha sseħħ biss jekk l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF jikkonforma u se jkompli jikkonforma ma’ din id-Direttiva u jekk l-AIFM jikkonforma ma’ din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinkludu dikjarazzjoni li l-AIFM ikkonċernat hu awtorizzat minnhom.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinnotifikaw immedjatament lill-AIFM dwar it-trażmissjoni. Malli jirċievi n-notifika tat-trażmissjoni l-AIFM jista’ jibda jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza għandhom ukoll jinformaw lill-AETS li l-AIFM jista’ jibda jimmaniġġa l-AIF fl-Istati/i Membru/i ospitanti tal-AIFM.

5.  
L-Istat Membru ospitanti tal-AIFM ma għandhux jimponi rekwiżiti addizzjonali fuq l-AIFM konċernat fir-rigward tal-kwestjonijiet koperti minn din id-Direttiva.
6.  
Fil-każ ta’ bidla ta’ kwalunkwe mill-informazzjoni kkomunikata f’konformità mal-paragrafu 2, u jekk rilevanti, il-pargrafu 3, l-AIFM għandu jagħti avviż bil-miktub ta’ dik il-bidla lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tiegħu tal-anqas xahar qabel ma jimplimenta bidla ppjanata, immedjatament wara li tkun seħħet bidla mhux ippjanat.

Jekk, skont il-bidla ppjanata, l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’xi mod, l-AIFM mhuwiex se jibqa’ jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom jinformaw lill-AIFM mingħajr dewmien mhux dovut li ma jistax jimplimenta l-bidla.

Jekk il-bidla ppjanata tiġi implimentata minkejja l-ewwel u t-tieni subparagrafu, jew, jekk tkun seħħet bidla skont liema l-l-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma jibqax f’konformità ma’ din id-Direttiva jew, b’xi mod, l-AIFM mhuwiex se jibqa’ jikkonforma ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza għandhom jieħdu l-miżuri regolatorji dovuti kollha f’konformità mal-Artikolu 46, kif ukoll, jekk meħtieġa, l-projbizzjoni espressa tal-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF.

Jekk il-bidliet jkunu aċċettabbli, għax ma jkunux jaffettwaw il-konformità tal-immaniġġar mill-AIFM tal-AIF ma’ din id-Direttiva, jew, b’xi mod, il-konformità mill-AIFM ma’ din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM għandhom mingħajr dewmien mhux dovut jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti tal-AIFM dwar dawn il-bidliet.

7.  
Sabiex tiżgura armonizzazzjoni konsistenti ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji biex tispeċifika l-informazzjoni li għandha tiġi notifikata f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

Qiegħda tiġi ddelegata s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont it-termini tal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

8.  
Bil-għan li jiġu garantiti kundizzjonijiet uniformi tal-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi forom, mudelli u proċeduri standard għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 42

Kundizzjonijiet għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Istati Membri mingħajr passaport ta’ AIFs mhux tal-UE mmaniġġati minn AIFM mhux tal-UE

1.  

Mingħajr ħsara għall-Artikoli 37, 39 u 40, l-Istati Membri jistgħu jippermettu AIFMs mhux tal-UE li jikkummerċjalizzaw lil investituri professjonali, fit-territorju tagħhom biss, unitajiet jew ishma tal-AIF li jimmaniġġaw suġġett għal, mill-anqas il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

l-AIFM mhux tal-UE jikkonforma mal-Artikoli 22, 23 u 24 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kull AIF kummerċjalizzat minnu skont dan l-Artikolu u l-Artikoli 26 sa 30 fejn AIF kummerċjalizzat minnha skont it-termini ta’ dan l-Artikolu jaqa’ fl-ambitu tad-deskrizzjoni tal-Artikolu 26(1. L-awtoritajiet kompetenti u l-investituri tal-AIF msemmija f’dawk l-Artikoli għandhom jitqiesu dawk tal-Istati Membri fejn l-AIFs huma kkumerċjalizzati;

(b) 

arranġamenti xierqa għal koperazzjoni xierqa għall-iskop tas-sorveljanza tar-riskji sistemiċi u skont l-istandards internazzjonali huma aċċettabbli l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-AIFs huma kummerċjalizzati, safejn applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti tal-AIF tal-UE kkonċernat u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiż terz fejn l-AIFM mhux tal-UE jkun stabbilit u, safejn applikabbli, l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiż terz fejn l-AIF mhux tal-UE jkun stabbilit bl-iskop li jkun żgurat skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jkun jippermetti lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri relevanti li jwettqu dmirijiethom skont din id-Direttiva;

(c) 

il-pajjiż terz li fih l-AIFM mhux tal-UE, jew l-AIF mhux tal-UE huwa stabbilit mhux elenkat bħala Pajjiż u Territorju mhux Kooperattivi mill-FATF.

Fejn awtorità kompetenti ta’ AIFM tal-UE ma tidħolx fl-arranġament rikjest ta’ kooperazzjoni kif stipulat fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu fi żmien raġonevoli, allura l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ikun hemm l-intenzjoni li ssir il-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF jista’ jirriferi l-kwestjoni lill-AETS li tista’ taġixxi skont is-setgħat ikkonferiti lilha fl-Artikolu 19 ta’ dan ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.  
L-Istati Membri jistgħu jimponu regoli aktar stretti fuq l-AIFM mhux tal-UE fir-rigward tal-kummerċjalizzazzjoni tal-unitajiet jew l-ishma tal-AIF lill-investituri fit-territorju tagħhom għall-fini ta’ dan l-Artikolu.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati skont l-Artikolu 56, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, il-miżuri rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 sabiex jitfassal qafas komuni li jiffaċilita l-istabbiliment ta’ dawk l-arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi.
4.  
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, l-AETS għandha tiżviluppa linji gwida biex tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-miżuri adottati mill-Kummissjoni rigward l-arranġamenti ta’ koperazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.



KAPITOLU VIII

KUMMERĊJALIZZAZZJONI LIL INVESTITURI MHUX PROFESSJONALI

Artikolu 43

Kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs minn AIFMs lil investituri mhux professjonali

1.  
Mingħajr preġudizzju għal strumenti oħra tal-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-AIFMs jikkumerċjalizzaw ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom unitajiet jew ishma tal-AIFs li huma jamministraw, irrispettivament ta’ jekk l-AIFs humiex kumerċjalizzati fuq bażi domestika jew transkonfinali jew jekk ikunux AIF tal-UE jew mhux tal-UE.

F’każijiet bħal dawn, l-Istati Membri jistgħu jimponu rekwiżiti aktar stretti fuq l-AIFMs jew l-AIF minn dawk ir-rekwiżiti applikabbli għall-AIF ikkumerċjalizzati ma’ investituri fit-territorju tagħhom skont it-termini ta’ din id-Direttiva. Madankollu, l-Istati Membri m’ għandhomx jimponu rekwiżiti aktar stretti jew addizzjonali fuq AIF tal-UE stabbiliti fi Stat Membru ieħor u kkumerċjalizzati fuq bażi transkonfinali milli fuq AIFs ikkummerċjalizzati domestikament.

2.  

L-Istati Membri li jippermettu l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom, għandhom, sat-22 ta’ Lulju 2014, jinfurmaw lill-Kummissjoni u lill-AETS dwar:

(a) 

it-tipi ta’ AIF li l-AIFMs jistgħu jikkummerċjalizzaw ma’ investituri bl-imnut fit-territorju tagħhom;

(b) 

kwalunkwe rekwiżit addizzjonali li l-Istat Membru jimponi għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs ma’ investituri mhux professjonali.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw ukoll lill-Kummissjoni u lill-AETS dwar kwalunkwe bidla sussegwenti fir-rigward tal-ewwel subparagrafu.

▼M5

Artikolu 43a

Faċilitajiet disponibbli għall-investituri fil-livell tal-konsumatur

1.  

Mingħajr ħsara għall-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2015/760, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li AIFM iqiegħed għad-dispożizzjoni, f'kull Stat Membru fejn ikun biħsiebu jikkummerċjalizza unitajiet jew ishma ta' AIF lil investituri fil-livell tal-konsumatur, faċilitajiet li jwettqu l-kompiti li ġejjin:

(a) 

jipproċessaw l-ordnijiet tal-investituri ta' sottoskrizzjoni, ta' pagament, ta' riakkwist u ta' tifdija relatati mal-unitajiet jew mal-ishma tal-AIF, f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dokumenti tal-AIF;

(b) 

jipprovdu lill-investituri b'informazzjoni dwar kif l-ordnijiet imsemmija fil-punt (a) jistgħu jsiru u kif jitħallas ir-rikavat mir-riakkwist u mit-tifdija;

(c) 

jiffaċilitaw it-trattament ta' informazzjoni relatata mal-eżerċizzju tad-drittijiet tal-investituri li jirriżultaw mill-investiment tagħhom fil-AIF fl-Istat Membru fejn hu kkummerċjalizzat l-AIF;

(d) 

jagħmlu l-informazzjoni u d-dokumenti meħtieġa skont l-Artikolu 22 u 23 disponibbli għall-investituri għall-finijiet ta' spezzjoni u l-kisba ta' kopji tagħhom;

(e) 

jipprovdu lill-investituri informazzjoni rilevanti għall-kompiti li huma mwettqa mill-faċilitajiet f'mezz durabbli kif definit fil-punt (m) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2009/65/KE; u

(f) 

jaġixxu bħala punt ta' kuntatt għall-komunikazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti.

2.  
L-Istati Membri m'għandhomx jeżiġu li AIFM ikollu preżenza fiżika fl-Istat Membru ospitanti jew li jaħtar parti terza għall-finijiet tal-paragrafu 1.
3.  

L-AIFM għandu jiżgura li l-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1, inkluż elettronikament, ikunu pprovduti:

(a) 

bil-lingwa uffiċjali jew b'waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Istat Membru li fih ikun ikkummerċjalizzat l-AIF jew b'lingwa approvata mill-awtoritajiet kompetenti ta' dak l-Istat Membru;

(b) 

mill-AIFM stess, minn parti terza li hija soġġetti għal regolament u għal superviżjoni li jirregolaw il-kompiti li għandhom jitwettqu, jew mit-tnejn.

Għall-finijiet tal-punt (b), meta l-kompiti għandhom jitwettqu minn parti terza, il-ħatra ta' dik il-parti terza għandha tkun evidenzjata minn kuntratt bil-miktub, li jispeċifika liema mill-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhomx jitwettqu mill-AIFM u li l-parti terza ser tirċievi l-informazzjoni u d-dokumenti rilevanti kollha mingħand l-AIFM.

▼B



KAPITOLU IX

AWTORITAJIET KOMPETENTI



TAQSIMA 1

Ħatra, setgħat u proċeduri ta’ riparazzjoni

Artikolu 44

Ħatra tal-awtoritajiet kompetenti

L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti li għandhom iwettqu d-dmirijiet stipulati f’din id-Direttiva.

Huma għandhom jinfurmaw lill-AETS u lill-Kummissjoni dwar dan, filwaqt li jindikaw kwalunkwe diviżjoni tad-dmirjiet.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu awtoritajiet pubbliċi.

L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistabbilixxu metodi xierqa biex jimmonitorjaw li l-AIFM jottemperaw ruħhom mal-obbligi imposti fuqhom bis-saħħa ta’ din id-Direttiva fejn ikunu relevanti fuq il-bażi tal-linji gwida żviluppati mill-AETS.

Artikolu 45

Ir-responsabilità tal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri

1.  
Is-superviżjoni prudenzjali tal-AIFM għandha tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM, kemm jekk l-AIFM jiġġestixxi u/jew jikkumerċjalizza l-AIFs fi Stat Membru ieħor kemm jekk le, mingħajr ħsara għal dawk id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva li jagħtu r-responsabbiltà għas-superviżjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.
2.  
Is-superviżjoni tal-konformità tal-AIFM mal-Artikoli 12 u 14 għandha tkun ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM meta l-AIFM jiġġestixxi u/jew jikkummerċjalizza l-AIFs permezz ta’ fergħa f’dak l-Istat Membru.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM jistgħu jirrikjedu AIFM li jkun jiġġestixxi jew jikkummerċjalizza l-AIFs fit-territorju tiegħu, kemm jekk dan isir permezz ta’ fergħa u kemm jekk le, jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa għas-superviżjoni tal-konformità tal-AIFM mar-regoli applikabbli li għalihom dawk l-awtoritajiet kompetenti huma responsabbli.

Dawk ir-rekwiżiti m’ għandhomx ikunu aktar stretti minn dawk li l-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM jimponi fuq l-AIFMs li għalihom huwa l-Istat Membri ta’ domiċilju għall-finijiet ta’ monitoraġġ tal-konformità tagħhom mal-istess regoli.

4.  
Fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jaċċertaw li l-AIFM li jimmaniġġa u/jew jikkumerċjalizza AIFs fit-territorju tiegħu, kemm jekk dan isir permezz ta’ fergħa u kemm jekk le, qed jikser waħda mir-regoli li għalihom huma responsabbli għas-superviżjoni tal-konformità, dawk l-awtoritajiet għandhom jeħtieġu li l-AIFM ikkonċernat itemm dak il-ksur u jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti b’dan.
5.  

Jekk l-AIFM ikkonċernat jirrifjuta li jipprovdi lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti l-informazzjoni li taqa’ fir-responsabbiltà tagħhom, jew jonqos milli jieħu l-passi meħtieġa biex itemm il-ksur imsemmi fil-paragrafu 4, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini dwar dan. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM għandu, mal-ewwel opportunità:

(a) 

jieħu l-miżuri kollha xierqa ħalli jiżgura li l-AIFM ikkonċernat jagħti l-informazzjoni kollha rikjesta mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti skont it-termini tal-paragrafu 3, jew itemm dak il-ksur msemmi fil-paragrafu 4;

(b) 

jitlob l-informazzjoni neċessarju mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti f’ pajjiżi terzi.

In-natura tal-miżuri msemmija fil-punt (a) għandha tkun ikkomunikata lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM.

6.  
Jekk, minkejja l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domċilju tal-AIFM skont it-termini tal-paragrafu 5 jew minħabba li dawn il-miżuri jirriżultaw li huma inadegwati jew mhumiex disponibbli fl-Istat Membru kkonċernat, l-AIFM ikompli jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti skont il-paragrafu 3, jew jippersisti fil-ksur tad-dispożizzjonijiet legali jew regolatorji, imsemmija fil-paragrafu 4, fis-seħħ fl-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM jistgħu, wara li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini, jieħdu miżuri adatti, inklużi dawk stabbiliti fl-Artikoli 46 u 48, sabiex jevitaw jew jippenalizzaw iktar irregolaritajiet u, safejn ikun neċessarju, biex jevitaw lil AIFM milli jibda transazzjonijiet ulterjuri fl-Istat Membru ta’ domiċilju tiegħu. Fejn il-funzjoni mwettqa fl-Istat Membru ospitanti tal-AIFM hija l-ġestjoni tal-AIFs, l-Istat Membru ospitanti jista’ jitlob lill-AIFM biex jieqaf jamministra dawk l-AIFs.
7.  
Fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti ta’ AIFM għandhom bażijiet ċari u dimostrabbli sabiex jemmnu li l-AIFM ikun fi ksur tal-obbligi tiegħu taħt ir-regoli li għalihom ma jkunux responsabbli għas-sorveljanza tal-konformità, huma għandhom jirriferu dawk is-sejbiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM li għandu jieħu l-miżuri xierqa, inkluż, jekk ikun neċessarju, it-talba ta’ informazzjoni addizzjonali mill-awtoritajiet superviżorji rilevanti f’pajjiżi terzi.
8.  
Jekk, minkejja l-miżuri meħudin mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM jew minħabba li tali miżuri jirriżulta li ma jkunux adegwati, jew minħabba li l-Istat Membru ta’ domċilju tal-AIFM jonqos li jaġixxi f’qafas raġonevoli, l-AIFM jippersisti li jaġixxi b’mod li jkun kjarament preġudizzjevoli għall-interessi tal-investituri tal-AIF relevanti, l-istabilità finanzjarja jew l-integrità tas-suq fl-Istat Membru ospitanti tal-AIFM, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM jistgħu, wara li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM, jieħdu l-miżuri kollha xierqa meħtieġa ħalli jipproteġu lill-investituri tal-AIF relevanti, l-istabilità finanzjarja u l-integrità tas-suq fl-Istat Membru ospitanti, inkluża l-possibilità ta’ prevenzjoni li l-AIFM ikkonċernat jikkommerċjalizza ulterjorment l-unitajiet jew ishma tal-AIF rilevanti fl-Istat Membru ospitanti.
9.  
Il-proċedura mniżżla fil-paragrafi 7 u 8 għandha tapplika wkoll fil-każ li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollhom bażijiet ċari u dimostrabbli għal nuqqas ta’ qbil mal-awtorizzazzjoni ta’ AIFM mhux tal-UE mill-Istat Membru ta’ riferenza.
10.  
Fejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati ma jaqblux ma’ xi waħda mill-miżuri meħudin mill-awtorità kompetenti skont it-termini tal-paragrafi 4 sa 9 għandhom iġibu l-kwistjoni għall-attenzjoni tal-ASE (AETS), li tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat ikkonferiti lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095./2010.
11.  
Fejn applikabbli, l-AETS għandha tiffaċilita n-negozzjazzjoni u l-konklużjoni tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni rikjesti minn din id-Direttiva bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u l-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi.

Artikolu 46

Setgħat tal-awtoritajiet kompetenti

1.  

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jingħataw is-setgħat superviżorji u investigattivi kollha li huma meħtieġa għat-twettiq tal-funzjonijiet tagħhom. Tali setgħat għandhom jiġu eżerċitati fi kwalunkwe mod li ġej:

(a) 

direttament;

(b) 

b’kollaborazzjoni ma’ awtoritajiet oħrajn;

(c) 

taħt ir-responsabbiltà tagħhom b’delega lill-entitajiet li lilhom ġew iddelegati l-kompiti;

(d) 

permezz ta’ applikazzjoni lill-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti.

2.  

L-awtoritajiet kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li:

(a) 

ikollhom aċċess għal kwalunkwe dokument f’kwalunkwe forma u li jirċievu kopja tiegħu;

(b) 

jeħtieġu informazzjoni minn kwalunkwe persuna relatata mal-attivitajiet tal-AIFMs jew l-AIF u fejn meħtieġ iħarrku u jinterrogaw persuna bl-għan li jiksbu l-informazzjoni;

(c) 

iwettqu spezzjonijiet fuq il-post b’notifika minn qabel jew mingħajrha;

(d) 

jeħtieġu reġistrazzjonijiet telefoniċi eżistenti u tat-traffiku eżistenti tal-informazzjoni;

(e) 

jeħtieġu l-waqfien ta’ kull prattika li tkun kontra d-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva;

(f) 

jitolbu l-iffriżar jew is-sekwestru ta’ assi;

(g) 

jitolbu l-projbizzjoni temporanja ta’ attività professjonali;

(h) 

jeħtieġu lill-AIFM, depożitarji, jew awdituri awtorizzati jipprovdu informazzjoni;

(i) 

jadottaw kull tip ta’ miżura sabiex jiżguraw li l-AIFMs jew id-depożitarji jkomplu jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva applikabbli għalihom;

(j) 

jeħtieġu s-sospensjoni tal-ħruġ, tax-xiri mill-ġdid jew tat-tifdija ta’ unitajiet fl-interess tat-titolari tal-unitajiet jew tal-pubbliku;

(k) 

jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija lil ġestur tal-AIF jew lil depożitarju;

(l) 

jirriferu materji għall-prosekuzzjoni kriminali;

(m) 

jirrikjedu li awdituri jew esperti jwettqu verifiki jew investigazzjonijiet.

3.  
Fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ta’ riferenza tqis li AIFM mhux tal-UE awtorizzat ikun kiser l-obbligi tiegħu skont din id-Direttiva, għandha tinnotifika dan lill-AETS mill-aktar fis possibbli.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jkollhom is-setgħat neċessarji biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw il-funzjonament xieraq tas-swieq f’dawk il-każijiet fejn l-attività ta’ AIF wieħed jew iżjed fis-suq għal strument finanzjarju tkun tista’ tippreġudika l-funzjonament xieraq ta’ dak is-suq.

Artikolu 47

Setgħat u kompetenzi tal-AETS

1.  
L-AETS tista’ tiżviluppa u regolarment tirrivedi l-linji gwida għall-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom ta’ awtorizzazzjoni u fuq l-obbligi tagħhom ta’ rapportaġġ mill-awtoritajiet kompetenti kif impost bis-saħħa ta’ din id-Direttiva.

Barra minn hekk, l-AETS għandu jkollha s-setgħat meħtieġa, inklużi dawk enumerati fl-Artikolu 43(3), biex twettaq il-kompiti attribwita lilha b’din id-Direttiva.

2.  
L-obbligu tas-segretezza professjonali għandu japplika għall-persuni kollha li jaħdmu jew li jkunu ħadmu għall-AETS, u għall-awtoritajiet kompetenti jew għal kwalunkwe persuna oħra li l-AETS tkun iddelegatilha xi kompiti, inklużi awdituri u esperti b’kuntratt mal-AETS. L-informazzjoni koperta bis-segretezza professjonali m’għandhiex tinkixef lil persuna jew awtorità oħra għajr fejn it-tali żvelar ikun meħtieġ għal proċedimenti legali.
3.  
L-informazzjoni kollha skambjata taħt din id-Direttiva bejn l-AETS, l-awtoritajiet kompetenti, l- ASE(ABE), l-Awtorita’ Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea dwar l-Assigurazzjoni u l-Pensjonjiet tax-Xogħol) stabbilit mir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 15 ) u l-BERS għandha titqies kunfidenzjali, għajr fejn l-AETS jew l-awtorità kompetenti jew awtorità jew entità oħra kkonċernata titstqarr fil-waqt tal-komunikazzjoni li t-tali informazzjoni tkun tista’ tinkixef jew fejn it-tali kxif ikun meħtieġ għal proċedimenti legali.
4.  

F’konformità mal-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, ASE (AETS) tista’, fejn ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha fil-paragrafu 5, titlob lill-awtorità kompetenti jew lill-awtoritajiet kompetenti biex tieħu jew jieħdu kwalunkwe miżura minn dawn li ġejjin, kif ikun f’loku:

(a) 

projbizzjoni tal-kummerċjalizzazzjoni fl-Unjoni tal-unitajiet jew tal-ishma ta’ AIF ġestit minn AIFMs mhux tal-UE jew ta’ AIFs mhux tal-UE ġestiti minn AIFMs tal-UE mingħajr l-awtorizzazzjoni rikjesta fl-Artikolu 37 jew mingħajr in-notifika rekwiżita fl-Artikoli 35, 39 u 40, jew, mingħajr ma tingħata permess tagħmel hekk mill-Istat Membru rilevanti skont l-Artikolu 42;

(b) 

l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq AIFMs mhux tal-UE relatati mal-ġestjoni ta’ AIF fil-każ ta’ konċentrazzjoni eċċessiva tar-riskju f’suq speċifiku fuq bażi transkonfinali;

(c) 

l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq AIFMs mhux tal-UE relatati mal-ġestjoni ta’ AIF fejn l-attivitajiet tagħha potenzjalent jikkostitwixxu sors importanti ta’ riskju tal-kontroparti għal istituzzjoni ta’ kreditu jew għal istituzzjonijiet oħra ta’ rilevanza sistemika.

5.  

L-AETS tista’ tieħu deċiżjoni taħt il-paragrafu 4 u suġġett għar-rekwiżiti stipulati fil-paragrafu 6 jekk ikunu ssodisfati ż-żewġ kundizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

fejn tkun teżisti theddida sostanzjata, li tkun toriġina jew tkun aggravata mill-attivitajiet rispettivi tal-AIFM, għall-funzjonament ordinat u għall-integrità tas-suq finanzjarju jew għall-istabilità tas-sistema finanzjarja kollha kemm hi jew in parti fl-Unjoni u fejn ikun hemm implikazzjonijiet bejn il-fruntieri; u

(b) 

l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet komeptenti ma jkunux ħadu miżuri ħalli jindirizzaw it-theddia jew il-miżuri li jkunu ttieħdu ma jkunux jindirizzaw suffiċjentement it-theddida.

6.  

Il-miżuri meħudin minn awtorità kompetenti jew awtoritajiet kompetenti skont it-termini tal-paragrafu 4 għandhom:

(a) 

jindirizzaw b’mod effettiv it-theddid għall-funzjonament ordinat u għall-integrità tas-suq finanzjarju jew għall-istabilità tas-sistema finanzjarja kollha jew in parti fl-Unjoni jew li jtejjeb b’mod sinifikattiv l-ħila tal-awtoritajiet kompetenti li jimmonitorjaw it-theddida;

(b) 

ma joħolqux riskju ta’ arbitraġġ regolatorju;

(c) 

ma jkollhomx effett detrimentali fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji, inkluża r-riduzzjoni fil-likwidità ta’ dawk is-swieq jew il-ħolqien tal-inċertezza għall-parteċipanti fis-suq, b’mod li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tal-miżuri.

7.  
Qabel ma jintalab lill-awtorità kompetenti li tieħu jew iġġedded miżuri li għaliha hemm referenza fil-paragrafu 4, l-AETS għandha tikkonsulta, fejn ikun xieraq, il-BERS u awtoritajiet rilevanti oħrajn.
8.  

L-AETS għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM mhux tal-UE u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membru ospitanti tal-AIFM mhux tal-UE kkonċernat dwar id-deċiżjoni li tirrikjedi mill-awtorità kompetenti jew awtoritajiet kompetenti li jimponu jew iġeddu kull miżuri li għaliha hemm referenza fil-paragrafu 4. In-notifika għandha mill-anqas tispeċifika d-dettalji li ġejjin:

(a) 

l-AIFM u l-attivitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri u d-durata tagħhom;

(b) 

ir-raġunijiet għaliex l-AETS tkun tal-fehma li hu neċessarju li jkunu imposti miżuri skont it-termini tal-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti msemmija f’dan l-Artikolu, inkluża l-evidenza li tkun ssaħħaħ tali raġunijiet.

9.  
L-AETS għandha tirrivedi l-miżuri li l-awtorità kompetenti jew l-awtoritajiet kompetenti jkunu imponew skont it-termini tal-paragrafu 4 f’intervalli xierqa u fi kwalunkwe każ mill-anqas darba kull tliet xhur. Jekk miżura ma tkunx imġedda wara l-perijodu ta’ tliet xhur, għanda tiskadi awtomatikament. Il-paragrafi 5 sa 8 għandhom japplikaw għal tiġdid tal-miżuri.
10.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ riferenza tal-AIFM mhux tal-UE kkonċernat jistgħu jirrikjedu li l-AETS tirrikunsidra d-deċiżjoni tagħha. Il-proċedura msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 għandha tapplika.

Artikolu 48

Penali amministrattivi

1.  
L-Istati Membri għandhom jistipulaw ir-regoli dwar il-miżuri u l-pieni applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li dawk ir-regoli jiġu infurzati. Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri għall-irtirar tal-awtorizzazzjoni jew għad-dritt tal-Istati Membri li jimponu penali kriminali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw, f’konformità mal-liġi nazzjonali tagħhom, li jistgħu jittieħdu l-miżuri amministrattivi adatti jew li jiġu imposti penali amministrattivi kontra l-persuni responsabbli fejn ma jkunx hemm konformità mad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-miżuri jkunu effiċjenti, proporzjonati u disważivi.
2.  
L-Istati Membri għandhom jagħmlu provvediment biex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jiżvelaw lill-pubbliku kwalunkwe miżura jew penali li għandha tiġi imposta għal ksur tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, sakemm tali żvelar ma jippreġudikax b’mod serju s-swieq finanzjarji, ikun ta’ detriment għall-interessi tal-investituri jew jikkawża dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti.
3.  
L-AETS għandha tipproduċi rapport ta’ kull sena dwar l-applikazzjoni tal-miżuri amministrattivi u l-impożizzjoni ta’ penali f’kaz ta’ ksur tad-dispożizzjonijiet adottati fl-eżekuzzjoni ta’ din id-Direttiva fl-Istati Membri differenti. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu l-AETS bl-informazzjoni neċessarja għal dak l-iskop.

Artikolu 49

Dritt għal appell

1.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu r-raġunijiet bil-miktub għal kwalunkwe deċiżjoni għar-rifjut jew l-irtirar tal-awtorizzazzjoni ta’ AIFMs li jimmaniġġa u/jew jikkummerċjalizza AIFs, jew kwalunkwe deċiżjoni negattiva meħuda fl-implementazzjoni tal-miżuri adottati fl-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, u jikkomunikawhom lill-applikanti.
2.  
L-Istati Membri għandhom jipprovdu li kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati f’konformità ma’ din id-Direttiva tkun irraġunata sew u tkun is-suġġett tad-dritt għal appell lill-qrati.

Dak id-dritt għal appell lill-qrati għandu japplika wkoll meta, fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa, ma tittieħed l-ebda deċiżjoni fi żmien sitt xhur mill-preżentazzjoni tal-applikazzjoni.



TAQSIMA 2

Kooperazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti differenti

Artikolu 50

Obbligu ta’ kooperazzjoni

1.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-AETS u mal-BERS fejn huwa neċessarju sabiex jeżegwixxu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva jew jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva jew skont il-liġi nazzjonali.
2.  
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-kooperazzjoni prevista f’din it-taqsima.
3.  
L-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw is-setgħat tagħhom għall-fini tal-kooperazzjoni, anki f’każijiet fejn il-kondotta li tkun qed tiġi investigata ma tkunx tikkostitwixxi ksur ta’ xi regolament fis-seħħ fl-Istat Membru tagħhom stess.
4.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom immedjatament jipprovdu lil xulxin u lill-AETS bl-informazzjoni rikjesta għall-iskop tat-twettiq ta’ dmirijiethom skont din id-Direttiva.

L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jgħaddu kopja tal-arranġamenti relevanti ta’ kooperazzjoni li jkunu ssottoskrivew għalihom skont it-termini tal-Artikoli 35, 37, u/jew 40 lill-Istati Membri ospitanti tal-AIFM kkonċernat. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom, f’konformità mal-proċeduri rigward l-istandards tekniċi regolatorji applikabbli msemmijin fl-Artikoli 35(14), 37(17) u 40(14), jgħaddu l-informazzjoni li jkunu rċevew mill-awtoritajiet superviżorji ta’ pajjiżi terzi f’konformità mal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni ma’ tali awtoritajiet superviżorji f’dak li għandu x’jaqsam ma’ AIFM, jew fejn rilevanti, skont l-Artikolu 45(6) jew (7), lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kkonċernat.

Fejn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ospitanti tqis li l-kontenut ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni sottoskritt mill-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIFM kkonċernat skont it-termini tal-Artikoli 35, 37 u/jew 40 ma jkunx ottemperanti mar-rikjest f’konformità mal-istandards tekniċi regolatorji applikabbli, l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jistgħu jirriferu l-kwestjoni lill-AETS li tista’ taġixxi f’konformità mas-setgħat konferiti lilha skont it-termini tal-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.  
Fejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jkollhom raġunijiet ċari u dimostrabbli sabiex jissuspettaw li jkunu qegħdin jitwettqu jew twettqu atti kontra d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva, minn AIFM li mhux suġġetti għas-superviżjoni ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti, huma għandhom jinnotifikaw lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u tal-Istat Membru ospitanti tal-AIFM kkonċernat b’mod kemm jista’ jkun speċifiku. L-awtoritajiet riċeventi għandhom jieħdu azzjoni xierqa, għandhom jinfurmaw lill-AETS u lill-awtoritajiet kompetenti notifikanti bl-eżitu ta’ dik l-azzjoni u, safejn ikun possibbli, bl-iżviluppi interim siewja. Dan il-paragrafu għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi tal-awtorità kompetenti li tinnotifika.
6.  
Sabiex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta’ din id-Direttiva f’dak li għandu x’jaqsam mal-iskambju ta’ informazzjoni, l-AETS tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi li jeżegwixxu ħalli jkunu ddeterminati l-kundizzjonijiet ta’ applikazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċeduri għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti u l-AETS.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 51

It-trasferiment u r-retenzjoni tad-data personali

1.  
F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasferiment tad-data personali bejn l-awtoritajiet kompetenti, l-awtoritajiet kompetenti għandhom japplikaw id-Direttiva 95/46/KE. F’dak li għandu x’jaqsam mat-trasferiment tad-data personali mill-AETS lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jew ta’ pajjiż terz, l-AETS għandha tottempera ruħha mar-Regolament (KE) Nru 45/2001.
2.  
Id-data għandha tiġi ritenuta għal perijodu massimu ta’ ħames snin.

Artikolu 52

Żvelar ta’ informazzjoni lil pajjiżi terzi

1.  
L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tittrasferixxi lejn pajjiż terz id-data u l-analiżi tad-data abbażi ta’ każ b’każ fejn il-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 25 jew 26 tad-Direttiva 95/46/KE huma sodisfatti u fejn l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru huma sodisfatti li t-trasferiment huwa neċessarju għall-iskop ta’ din id-Direttiva. Il-pajjiż terz m’għandux jittrasferixxi d-data lejn pajjiż terz ieħor mingħajr l-awtorizzazzjoni espressa bil-miktub tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru.
2.  
L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru għandha tiżvela biss l-informazzjoni rċevuta minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor lil awtorità superviżorja ta’ pajjiż terz fejn l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat ikun akkwista ftehim espress tal-awtorità kompetenti li tkun ittrasferixxiet l-informazzjoni u, fejn hu applikabbli, l-informazzjoni tkun żvelata biss għar-raġunijiet li għalihom l-awtorità kompetenti tkun qablet magħhom.

Artikolu 53

Skambju ta’ informazzjoni relatata mal-konsegwenzi sistemiċi potenzjali tal-attività ta’ AIFM

1.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri responsabbli għall-awtorizzazzjoni u/jew is-superviżjoni tal-AIFM skont din id-Direttiva għandhom jikkomunikaw l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħra fejn din hija rilevanti għall-monitoraġġ u r-reazzjoni għall-implikazzjonijiet potenzjali tal-attivitajiet ta’ AIFMs individwali jew ta’ AIFMs kollettivament għall-istabbiltà ta’ istituzzjonijiet finanzjarji rilevanti sistemikament u l-funzjonament regolat tas-swieq li huma attivi fihom l-AIFMs. L-AETS u l-BERS għandhom jiġu infurmati wkoll u għandhom jibagħtu din l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra.
2.  
Suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010AETS, l-informazzjoni aggregata relatata mal-attivitajiet tal-AIF taħt ir-responsabbiltà tagħhom għandha tiġi kkomunikata mill-awtoritajiet kompetenti tal-AIFMs lill-AETS u l-BERS.
3.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56 u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, miżuri li jispeċifikaw il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata f’konformità mal-paragrafu 1.
4.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jispeċifikaw il-modalitajiet u l-frekwenza tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata f’konformità mal-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 59(2).

Artikolu 54

Kooperazzjoni f’attivitajiet superviżorji

1.  
L-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru wieħed jistgħu jitolbu l-kooperazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ieħor f’attività superviżorja jew għal verifika fuq il-post jew f’investigazzjoni fit-territorju ta’ dan tal-aħħar fi ħdan il-qafas tas-setgħat tagħhom skont din id-Direttiva.

Fejn l-awtoritajiet kompetenti jirċievu talba fir-rigward ta’ verifika fuq il-post jew investigazzjoni, dawn għandhom jagħmlu dan li ġej:

(a) 

iwettqu l-verifika jew l-investigazzjoni nfisha;

(b) 

jippermettu lill-awtorità rikjedenti li twettaq il-verifika jew l-investigazzjoni;

(c) 

jippermettu lill-awdituri jew lill-esperti jwettqu l-verifika jew l-investigazzjoni.

2.  
Fil-każ imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1 l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li tkun talbet il-kooperazzjoni, tista’ titlob li l-membri tal-personal tagħha jassistu lill-personal li qed jagħmel il-verifika jew l-investigazzjoni. Il-verifika jew l-investigazzjoni għandha, madankollu, tkun suġġetta għall-kontroll ġenerali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu din tkun qed issir.

Fil-każ imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 1 l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed issir il-verifika jew l-investigazzjoni tista’ titlob li l-membri tal-persunal tagħha jassistu lill-persunal li qed jagħmel il-verifika jew l-investigazzjoni.

3.  

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrifjutaw l-iskambju ta’ informazzjoni jew li jaġixxu fuq talba għal kooperazzjoni fit-twettiq ta’ investigazzjoni jew verifika fuq il-post fil-każijiet li ġejjin biss:

(a) 

l-investigazzoni, il-verifika fuq il-post jew l-iskambju ta’ informazzjoni jista’ jkollhom effett negattiv fuq is-sovranità, is-sigurtà jew l-ordni pubbliku tal-Istat Membru indirizzat;

(b) 

diġà jkunu nbdew proċedimenti ġudizzjarji fir-rigward tal-istess azzjonijiet u l-istess persuni quddiem l-awtoritajiet tal-Istat Membru indirizzat;

(c) 

diġà tkun ingħatat sentenza finali fl-Istat Membru indirizzat fir-rigward tal-istess persuni u l-istess azzjonijiet.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti rikjedenti dwar kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed skont l-ewwel subparagrafu, u jiddikjaraw ir-raġunijiet għal dan.

4.  
Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta’ dan l-Artikolu, AETS tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi implimentattivi biex jiġu stabbiliti proċeduri komuni għall-awtoritajiet kompetenti biex jikkooperaw f’verifiki u investigazzjonijiet fuq il-post.

Il-Kummissjoni qiegħda tingħata s-setgħa biex tadotta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 55

Riżoluzzjoni ta’ disputi

Fil-każ ta’ nuqqas ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri dwar il-valutazzjoni, l-azzjoni jew it-tħollija barra ta’ awtorità kompetenti waħda f’oqsma fejn din id-Direttiva teħtieġ kooperazzjoni jew koordinazzjoni bejn awtoritajiet kompetenti minn aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirriferu l-kwistjoni lill-AETS li tista’ taġixxi bi qbil mas-setgħat konferiti lilha skont l-Artikolu 19 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.



KAPITOLU X

DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻIZZJONALI U FINALI

Artikolu 56

Eżerċizzju tad-delega

1.  
Is-setgħat biex jiġu adottati atti ddelegati msemmija fl-Artikoli 3, 4, 9, 12, 14 sa 25, 34 sa 37, 40, 42, 53, 67 u 68 għandhom jiġu konferiti lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mill-21 ta’ Lulju 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu ta’ erba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhiex f’konformità mal-Artikolu 57.
2.  
Hekk kif tadotta att iddelegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifika simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan.
3.  
Is-setgħa li tadotta atti ddelegati hija b’dan konferita lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 57 u 58.

Artikolu 57

Revoka tad-delega

1.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3, 4, 9, 12, 14 sa 25, 34 sa 37, 40, 42, 53, 67 u 68 tista’ tiġi rrevokata f’kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.
2.  
L-istituzzjoni li tkun bdiet il-proċedura interna għad-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi rrevokata d-delega tas-setgħa, għandha timpenja ruħha biex tinforma lill-istituzzjoni l-oħra u lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli qabel ma tittieħed deċiżjoni finali, b’indikazzjoni tad-delega tas-setgħa li tista’ tkun suġġetta għal revoka u r-raġunijiet possibbli għal dan.
3.  
Id-deċiżjoni għal revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha tidħol fis-seħħ minnufih jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti ddelegati diġà fis-seħħ. Id-Deċiżjoni għandha tkun ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 58

Oġġezzjonijiet għal atti ddelegati

1.  
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għall-att iddelegat fi żmien perijodu ta’ 3 xhur mid-data ta’ notifika. Fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill dak il-perjodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur.
2.  
Jekk, meta jiskadi l-perjodu msemmi fil-paragrafu 1, la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jkunu oġġezzjonaw għall-att iddelegat, dan għandu jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandu jidħol fis-seħħ fid-data msemmija fih.

L-att iddelegat jista’ jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jidħol fis-seħħ qabel ma jiskadi dak il-perjodu jekk wara talba ġustifikata mill-Kummissjoni, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll l-Kunsill ikunu infurmaw lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħhom li ma jressqux oġġezzjonijiet.

3.  
Jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għall-att iddelegat adottat fi żmien il-perijodu msemmi fil-paragrafu 1, dan m’għandux jidħol fis-seħħ. Skont l-Artikolu 296 TFUE, l-istituzzjoni li toġġezzjona għandha tiddikjara r-raġunijiet għaliex oġġezzjonat għall-att iddelegat.

Artikolu 59

Miżuri ta’ implimentazzjoni

1.  
Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat tat-Titoli Ewropej stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/528/KE ( 16 ). Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fi ħdan it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011,
2.  
Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 60

Żvelar ta’ derogi

Fejn Stat Membru juża deroga jew għażla prevista fl-Artikoli 6, 9, 21, 22, 28, 43 u l-Artikolu 61(5), għandu jinforma lill-Kummissjoni dwarha kif ukoll dwar kull bidla sussegwenti. Il-Kummissjoni għandha tagħmel l-informazzjoni pubblika fuq website jew permezz ta’ mezzi oħra faċilment aċċessibbli.

Artikolu 61

Dispożizzjonijiet tranżizzjonali

1.  
AIFMs li jkunu bdew joperaw skont id-Direttiva qabel it-22 ta’ Lulju 2013 għandhom jadottaw il-miżuri kollha neċessarji biex jikkonformaw mal-liġi nazzjonali mnissla minn din id-Direttiva u għandhom jissottomettu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni fi żmien sena minn dik id-data.
2.  
L-Artikoli 31, 32 u 33 ta’ din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ unitajiet jew ishma tal-AIF li huma suġġetti għal offerta attwali lill-pubbliku skont prospett li tfassal u ġie ppubblikat f’konformità mad-Direttiva 2003/71/KE qabel it-22 ta’ Lulju 2013 matul il-perijodu ta’ validita’ ta’ dan il-prospett.
3.  
L-AIFMs sakemm jamministraw AIFs tat-tip magħluq qabel it-22 ta’ Lulju 2013 li ma jagħmlu l-ebda investiment addizzjonali wara t-22 ta’ Lulju 2013 jistgħu madankollu jkomplu jamministraw tali AIFs mingħajr awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva.
4.  
L-AIFMs sakemm jamministraw AIF tat-tip magħluq li l-perijodu ta’ sottoskrizzjoni tagħhom għal investuri jkun għalaq qabel id-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva u li huma kkostitwiti għal perijodu ta’ żmien li jiskadi mhux aktar tard minn tliet snin wara t-22 ta’ Lulju 2013, jistgħu madankollu jibqgħu jimmaniġġaw tali AIF bla ma jkollhom għalfejn jikkonformaw ma’ din id-Direttiva ħlief għall-Artikolu 22 u, meta jkun rilevanti, mal-Artikoli 26 sa 30, jew iressqu applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont din id-Direttiva.
5.  
L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-AIF jew fil-każ meta l-AIF mhuwiex regolat l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ oriġini tal-AIFMs jistgħu jippermettu l-istituzzjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 21(3) u stabbiliti fi Stat Membru ieħor li jinħatru bħala depożitarji sat-22 ta’ Lulju 2017. Din id-dispożizzjoni għandha tkun bla ħsara għall-applikazzjoni sħiħa tal-Artikolu 121, ħlief għall-punt (a) tal-paragrafu 5 ta’ dak l-Artikolu dwar il-post fejn id-depożitarju ser ikun stabbilit.

▼M3 —————

▼B

Artikolu 63

Emendi għad-Direttiva 2009/65/KE

Id-Direttiva 2009/65/KE hija emendata kif ġej:

(1) 

Jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 50a

Sabiex tiġi żgurata konsistenza transsettorjali u jitneħħa l-allinjament ħażin bejn l-interess tal-kumpanniji li jbiddlu s-self f’titoli li jistgħu jiġu kkummerċjalizzati u strumenti finanzjarji oħra (oriġinaturi) u l-UCITS li jinvestu f’dawk it-titoli jew strumenti finanzjarji oħra, il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 112a, u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 112b u 112c, miżuri li jistabbilixxu r-rekwiżiti fl-oqsma li ġejjin:

(a) 

ir-rekwiżiti li jeħtieġ jiġu ssodisfati mill-oriġinatur sabiex UCITS (impriża għall-investiment kollettiv fit-titoli trasferibbli) tkun tista’ tinvesti f’titoli jew strumenti finanzjarji oħra ta’ dan it-tip maħruġa wara l-1 ta’ Jannar 2011, inkluż rekwiżiti li jiżguraw li l-oriġinatur iżomm interess ekonomiku nett ta’ mhux anqas minn 5 %;

(b) 

rekwiżiti kwalitattivi li jridu jiġu ssodisfati minn UCITS li tinvesti f’dawk it-titoli jew strumenti finanzjarji oħra.”;

(2) 

L-Artikolu 112(2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.  
Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikoli 12, 14, 23, 33, 43, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 hija kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ erba’ snin li jibda mill-4 ta’ Jannar 2011. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti ddelegati msemmija fl-Artikolu 50a hija kkonferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta’ erba’ snin mill-21 ta’ Lulju 2011. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tas-setgħat delegati mhux aktar tard minn sitt xhur qabel it-tmiem ta’ kull perijodu ta’ erba’ snin. Id-delega tas-setgħa għandha tiġġedded awtomatikament għal perijodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jirrevokawhomx skont it-termini mal-Artikolu 112a.”;
(3) 

L-Artikolu 112a(1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.  
Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 12, 14, 23, 33, 43, 50a, 51, 60, 61, 62, 64, 75, 78, 81, 95 u 111 tista’ tiġi revokata f’kull mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”.

Artikolu 64

Emenda għar-Regolament (KE) Nru 1060/2009

Fir-Regolament (KE) Nru 1060/2009, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.  
Istituzzjonijiet tal-kreditu kif definiti fid-Direttiva 2006/48/KE, ditti ta’ investiment kif definiti fid-Direttiva 2004/39/KE, impriżi tal-assigurazzjoni suġġetti għall-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 73/239/KEE tal-24 ta’ Lulju 1973 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi li jirrigwardaw il-bidu u t-twettiq tan-negozju tal-assigurazzjoni diretta barra mill-assigurazzjoni tal-ħajja ( *1 ), impriżi tal-assigurazzjoni fuq il-ħajja kif definiti fid-Direttiva 2002/83/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Novembru 2002 li tikkonċerna l-assigurazzjoni fuq il-ħajja ( *2 ), impriżi ta’ riassigurazzjoni kif definiti fid-Direttiva 2005/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2005 dwar ir-riassigurazzjoni ( *3 ), l-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (il-UCITS) kif definiti fid-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinament ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) ( *4 ), istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali kif definiti fid-Direttiva 2003/41/KE u fondi ta’ investiment alternattivi kif definiti fid-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi ( *5 ) jistgħu jużaw il-klassifikazzjonijiet tal-kreditu għal finijiet regolatorji biss jekk dawn jinħarġu minn aġenziji ta’ klassifikazzjoni tal-kredituaġenziji li jiggradaw il-kreditu stabbiliti fl-Unjoni u rreġistrati skont dan ir-Regolament.

Artikolu 65

Emenda għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

Fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010, il-kliem “kull leġislazzjoni futura fil-qasam tal-AIFM” għandu jiġi sostitwit bil-kliem “Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi ( *6 ).

Artikolu 66

Traspożizzjoni

1.  
Sat-22 ta’ Lulju 2013, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippublikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-disposizzjonijiet u tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawn id-disposizzjonijiet ma’ din id-Direttiva.
2.  
L-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija fil-paragrafu 1 mit-22 ta’ Lulju 2013.
3.  
Minkejja l-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom japplikaw il-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għall-ottemperanza mal-Artikoli 37 sa 41 f’ konformita’ mal-att iddelegat adottat mill -Kummissjoni skont it-termini tal-Artikolu 67(6) u mid-data speċifikata fih.
4.  
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi adottati minnhom f’konformita’mal-Artikoli 36 u 42 ma jibqgħux japplikaw skont it-termini tal-att iddelegat adottat mill -Kummissjoni skont it-termini tal-Artikolu 68(6) u mid-data speċifikata fih.
5.  
Fejn l-Istati Membri jadottaw il-miżuri imsemmija fil-paragrafu 1, huma għandu jkun fihom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom jiġu akkompanjati minn tali referenza meta jiġu ppubblikati uffiċjalment.
6.  
L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni it-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 67

Att iddelegat dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 35, 37 sa 41

1.  

Sat-22 ta’ Lulju 2015, l-AETS għandha tagħti lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill:

(a) 

opinjoni dwar il-funzjonament tal-passaport għal AIFM tal-UE li jkun jimmaniġġa u/jew jikkummerċjalizza AIFs tal-UE skont it-termini tal-Artikoli 32 u 33 u dwar il-funzjonament tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIF mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Istati Membri u l-ġestjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni tal-AIF minn AIFM mhux tal-UE fl-Istati Membri f’konformità mar-reġimi nazzjonali applikabbli stipulati fl-Artikoli 36 u 42; u

(b) 

parir dwar l-applikazzjoni tal-passaport għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Istati Membri u l-ġestjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni ta’ AIF minn AIFM mhux tal-UE fl-Istati Membri f’konformità mar-regoli stipulati fl-Artikolu 35, u l-Artikoli 37 sa 41.

2.  

L-AETS għandha tibbaża l-opinjoni u l-parir tagħha fuq l-applikazzjoni tal-passaport Ewropew għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Istati Membri u l-ġestjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs minn AIFMs mhux tal-UE fl-Istati Membri inter alia dwar:

(a) 

f’dak li għandu x’jaqsam mal-funzjonament tal-passaport Ewropew għal AIFMs tal-UE li jkun jimmaniġġa u/jew jikkumerċjalizza AIFs tal-UE;

(i) 

l-użu li sar mill-passaport,

(ii) 

il-problemi misjubin f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

— 
Kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti,
— 
Funzjonament effettiv tas-sistema ta’ notifika,
— 
Il-protezzjoni tal-investitur,
— 
Medjazzjoni mill-AETS, inkluż il-għadd ta’ każijiet u l-effikaċja tal-medjazzjoni,
(iii) 

L-effikaċja tal-ġbir u l-qsim tal-informazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, mill-AETS u mill-BERS;

(b) 

f’dak li għandu x’jaqsam mal-funzjonament tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Istati Membri u l-ġestjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni ta’ AIF minn AIFM mhux tal-UE fl-Istati Membri f’konformità mar-reġimi nazzjonali applikabbli:

(i) 

L-ottemperanza tal-AIFMs mar-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 21,

(ii) 

il-konformità ta’ AIFM mhux tal-UE mal-Artikoli 22, 23 u 24 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kull AIF ikkummerċjalizzat mill-AIFM, u fejn ikun il-każ, mal-Artikoli 26 sa 30,

(iii) 

l-eżistenza u l-effikaċja tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni għall-iskop ta’ sorveljanza tar-riskji sistemiċi u in linja mal-istandards internazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-AIFs huwa kkumerċjalizzat, safejn dan ikun applikabbli, l-awtoritajiet komeptenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIF tal-UE u l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn l-AIFM mhux tal-UE jkun stabbilit u, safejn dan ikun applikabbli, l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn l-AIF mhux tal-UE jkun stabbilit,

(iv) 

kull kwestjoni marbuta mal-protezzjoni tal-investitur li seta’ kien hemm,

(v) 

kull karatteristika tal-qafas regolatorju u superviżorju ta’ pajjiż terz li jista’ jipprevjeni l-eżerċizzju effettiv mill-awtoritajiet kompetenti tal-funzjonijiet superviżorji skont din id-Direttiva.

(c) 

f’dak li għandu x’jaqsam mal-funzjonament taż-żewġ sistemi, it-tħarbit u d-distorsjonijiet potenzjali tas-suq fil-konkorrenza (opportunitajiet indaqs għal kulħadd). jew kull diffikultà ġenerali jew speċifika li l-AIFMs tal-UE jistaw jiltaqaw magħha fl-istabbilment jew kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs mmanniġġjat mill-istess AIFMs f’pajjiż terz.

3.  
Għal dak il-fini, mid-dħul fis-seħħ tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali neċessarju għall-konformità ma’ din id-Direttiva u sakemm ikun hemm il-ħruġ tal-opinjoni tal-AETS kif msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri għandhom jagħtu lill-AETS kull bażi ta’ kull kwart ta’ sena l-informazzjoni dwar l-AIFMs li qed jimmaniġġaw u/jew jikkumerċjalizzaw l-AIFs taħt is-superviżjoni tagħhom, kemm bl-applikazzjoni tar-reġim tal-passaport previst f’din id-Direttiva, kemm tar-reġimi nazzjonali tagħhom u bl-informazzjoni meħtieġa għall-valutazzjoni tal-elementi msemmija fil-paragrafu 2.
4.  
Fejn l-AETS tqis li ma hemm l-ebda ostaklu sinifikattiv għar-rigward tal-protezzjoni tal-investituri, tat-tħarbit tas-suq, tal-konkorrenza u tal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi, li jimpedixxu l-applikazzjoni tal-passaport għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Istati Membri u l-ġestjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs minn AIFMs mhux tal-UE fl-Istati Membri skont it-termini tar-regoli stipulati fl-Artikoli 35, 37 sa 41, għandha toħroġ parir pożittiva f’dan ir-rigward.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56 u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, il-miżuri li jispeċifikaw il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata f’konformità mal-paragrafu 2.
6.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat fi żmien tliet xhur wara li tkun irċeviet il-parir u l-opinjoni pożittivi tal-AETS u b’kunsiderazzjoni tal-kriterji elenkati fil-paragrafu 2, u l-objettivi ta’ din id-Direttiva, bħalma huma relatati mas-suq intern, il-protezzjoni tal-investituri u l-monitoraġġ effikaċi tar-riskju sistemiku, skont l-Artikolu 56u suġġett għall-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 57 u 58, billi tispeċifika d-data meta r-regoli stabbiliti fl-Artikoli 35, 37 sa 41 għanhom jibdew japplikaw fl-Istati Membri kollha.

Fejn ikun hemm oġġezzjoni għall-att iddelegat msemmi fl-ewwel subparagrafu skont it-termini tal-Artikolu 58, il-Kummissjoni għandha tadotta mill-ġdid l-att iddelegat li fl-ambitu tiegħu r-regoli stipulati fl-Artikoli 35, 37 sa 41 għandhom isiru applikabbli fl-Istati Membri kollha, skont l-Artikolu 56 u suġġett għall-kundizzjonijiet msemmijn fl-Artikoli 57 u 58, u fi stadju ulterjuri li jkun xieraq, billi jitqiesu l-kriterji elenkati fil-paragrafu 2 u l-objettivi ta’ din id-Direttiva, bħalma huma dawk relatati mas-suq intern, il-protezzjoni tal-investituri u l-monitoraġġ effettiv tar-riskji sistemiċi.

7.  
Jekk l-AETS ma tkunx ħarġet il-parir tagħha fit-terminu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li l-parir jingħata f’terminu ġdid.

Artikolu 68

Att iddelegat dwar it-terminazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikoli 36 u 42

1.  

Tliet snin wara d-dħul fis-seħħ tal-att iddelegat li għalihom hemm referenza fil-paragrafu 6 tal-Artikolu 67(6) li skont it-termini tiegħu, r-regoli stipulati fl-Artikoli 35, 37 sa 41 jkunu saru applikabbli fl-Istati Membri kollha, l-AETS għandha tagħti lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni:

(a) 

opinjoni dwar il-funzjonament tal-passaport għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFMs tal-UE minn AIFs mhux tal-UE fl-Unjoni skont it-termini tal-Artikolu 35 u għall-AIFMs mhux tal-UE li jimmaniġġaw u/jew jikkummerċjalizzaw l-AIF fl-Unjoni skont it-termini tal-Artikoli 37 sa 41, u fil-funzjonament tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Istati Membri u l-ġestjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs minn AIFMs mhux tal-UE fl-Istati Membri f’konformità mar-reġimi nazzjonali applikabbli kif stipulat fil-Artikoli 36 u 42; u

(b) 

parir dwar it-terminazzjoni tal-eżistenza tar-reġimi nazzjonali kif stipulat fl-Artikoli 36 u 42 b’mod parallel mal-eżistenza tal-passaport Ewropew kif stipulat fir-regoli stipulatifl-Artikoli 35, 37 sa 41.

2.  

L-AETS għandha tibbaża l-opinjoni u l-parir tagħha dwar it-terminazzjoni tal-eżistenza tar-reġimi nazzjonali kif stipulat fl-Artikoli 36 u 42 inter alia fuq:

(a) 

rigward il-funzjonament tal-passaport għall-kummerċjalizzazzjoni minn AIFMs tal-UE ta’ AIFs mhux tal-UE fl-Unjoni u għall-AIFMs mhux tal-UE li jimmaniġġa u/jew jikkumerċjalizza AIF fl-Unjoni;

(i) 

L-użu li sar mill-passaport,

(ii) 

Il-problemi fir-riward ta’:

— 
kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti,
— 
funzjonament effettiv tas-sistema ta’ notifika,
— 
l-indikazzjoni tal-Istat Membru ta’ riferenza,
— 
L-eżerċizzju effettiv mill-awtoritajiet kompetenti tal-funzjonijiet tagħhom ta’ superviżjoni skont it-termini ta’ din id-Direttiva ma huwa mfixkel mil-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ pajjiż terz dwar l-AIFMs, u lanqas mil-limitazzjonijiet fis-setgħat ta’ superviżjoni u ta’ investigazzjoni tal-awtoritajiet ta’ superviżjoni ta’ pajjiż terz,
— 
il-protezzjoni tal-investitur,
— 
l-aċċess għall-investituri fl-Unjoni,
— 
l-impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżvilppaw,
— 
medjazzjoni mill-AETS, inkluż il-għadd ta’ każijiet u l-effikaċja tal-medjazzjoni,
(iii) 

In-negozjazzjoni, il-konklużjoni, l-eżistenza u l-effikaċja tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni rikjesti,

(iv) 

l-effikaċja tal-ġbir u l-qsim tal-informazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam mal-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, mill-AETS u mill-BERS,

(v) 

ir-riżultati tal-analiżi msemmija fl-Artikolu 38;

(b) 

f’dak li għandu x’jaqsam mal-funzjonament tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Istati Membri u l-ġestjoni u/jew kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs minn AIFMs mhux tal-UE fl-Istati Membri f’konformità mar-reġimi nazzjonali applikabbli:

(i) 

l-ottemperanza tal-AIFMs mar-rekwiżiti kollha stabbiliti f’din id-Direttiva, bl-eċċezzjoni tal-Artikolu 21,

(ii) 

il-konformità ta’ AIFMs mhux tal-UE mal-Artikoli 22, 23 u 24 f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kull AIF ikkummerċjalizzat mill-AIFM, u fejn ikun il-każ, mal-Artikoli 26 sa 30,

(iii) 

l-eżistenza u l-effikaċja tal-arranġamenti ta’ kooperazzjoni għall-iskop ta’ sorveljanza tar-riskji sistemiċi u in linja mal-istandards internazzjonali bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn l-AIF huwa kkumerċjalizzat, safejn dan ikun applikabbli, l-awtoritajiet komeptenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tal-AIF tal-UE kkonċernat u l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn l-AIFM mhux tal-UE jkun stabbilit u, safejn dan ikun applikabbli, l-awtoritajiet superviżorji tal-pajjiż terz fejn l-AIF mhux tal-UE jkun stabbilit,

(iv) 

kull kwestjoni marbuta mal-protezzjoni tal-investitur li seta’ kien hemm,

(v) 

kull karatteristika tal-qafas regolatorju u superviżorju ta’ pajjiż terz li jista’ jipprevjeni l-eżerċizzju effettiv mill-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni tal-funzjonijiet superviżorji skont din id-Direttiva;

(c) 

fir-rigward tal-funzjonament taż-żewġ sistemi, it-tħarbit u d-distorsjonijiet potenzjali tas-suq fil-konkorrenza (opportunitajiet indaqs għal kulħadd) u kull effett negattiv potenzjali fuq l-aċċess għall-investituri jew l-investimetn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew għall-benefiċċju tagħhom;

(d) 

valutazzjoni kwantitattiva li tidentifika l-għadd ta’ ġurisdizzjonijiet ta’ pajjiżi terzi li fihom hemm stabbilit AIFM li jikkummerċjalizza AIF fi Stat Membru jew bl-applikazzjoni tar-reġim tal-passaport stipulat fl-Artikolu 40 jew tar-reġimi nazzjonali stipulati fl-Artikolu 42.

3.  
Għal dak il-fini, minn mindu jkun hemm id-dħul fis-seħħ tal-att iddelegat li għalih hemm referenza fl-Artikolu 67(6) u sakemm ikun hemm il-ħruġ tal-opinjoni tal-AETS msemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti għandhom, kull kwart ta’ sena, jagħtu lill-AETS l-informazzjoni dwar l-AIFMs li qed jimmaniġġa u/jew jikkumerċjalizza l-AIFs taħt is-superviżjoni tagħhom, kemm bl-applikazzjoni tar-reġim tal-passaport stipulat f’din id-Direttiva, kemm tar-reġimi nazzjonali tagħhom.
4.  
Fil-każ li l-AETS tqis li ma hemmx ostakli sinifikattivi dwar il-protezzjoni tal-investituri, it-tħarbit tas-suq, il-konkorrenza u l-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi, l-impediment tat-terminazzjoni tar-reġimi nazzjonali skont it-termini tal-Artikoli 36 u 42 u ż-żamma l-passaport Ewropew għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs mhux tal-UE minn AIFMs tal-UE fl-Unjoni u l-ġestjoni u/jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs minn AIFM mhux tal-UE fl-Unjoni skont ir-regoli kontenuti fl-Artikolu 35 u l-Artikoli 37 sa 41 bħala l-uniku reġim possibbli għal tali attivitajiet mill-AIFM relevanti fl-Unjoni, għandha toħroġ parir pożittiv f’dan ir-rigward.
5.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta permezz ta’ atti ddelegati, f’konformità mal-Artikolu 56 u suġġett għall-kundizzjonijiet tal-Artikoli 57 u 58, il-miżuri li jispeċifikaw il-kontenut tal-informazzjoni li għandha tiġi skambjata f’konformità mal-paragrafu 2.
6.  
Il-Kummissjoni għandha tadotta att iddelegat fi żmien tliet xhur wara li tkun irċeviet parir u opinjoni pożittivi mill-AETS u billi tqis il-kriterji elenkati fil-paragrafu 2 u l-objettivi ta’ din id-Direttiva, bħalma huma dawk relatati mas-suq intern, il-protezzjoni tal-investituri u l-monitoraġġ effettiv tar-riskji sistemiċi, skont it-termini tal-Artikolu 56 u suġġett għall-kundizzjonijiet li jinsabu fl-Artikoli 57 u 58, billi tkun speċifikata d-dat meta r-reġimi nazzjonali msemmijin fl-Artikoli 36 u 42 għandhom ikunu tterminati, u r-reġim tal-passaport previst fl-Artikoli 35, 37 sa 41 għandha jsir l-uniku reġim tassattiv applikabbli fl-Istati Membri.

Jekk ikun hemm oġġezzjoni għall-att iddelegat msemmi fl-ewwel subparagrafu skont it-termini tal-Artikolu 58, il-Kummissjoni għandha tadotta mill-ġdid att iddelegat li fl-ambitu tiegħu r-reġimi nazzjonali msemmijin fl-Artikoli 36 u 42 għandhom ikunu tterminati u r-reġim tal-passaport previst fl-Artikoli 35, 37 sa 41 għandhom isiru l-uniku reġim tassattiv applikabbli fl-Istati Membri kollha, skont l-Artikolu 56 u suġġett għall-kundizzjonijiet msemmijn fl-Artikoli 57 u 58, u fi stadju ulterjuri li jkun xieraq, billi jitqiesu l-kriterji elenkati fil-paragrafu 2 u l-objettivi ta’ din id-Direttiva, bħalma huma dawk relatati mas-suq intern, il-protezzjoni tal-investituri u l-monitoraġġ effettiv tar-riskji sistemiċi.

7.  
Jekk l-AETS ma tkunx ħarġet il-parir tagħha fit-terminu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tirrikjedi li l-parir jingħata f’terminu ġdid.

Artikolu 69

Reviżjoni

1.  

Sat-22 ta’ Lulju 2017, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ konsultazzjoni pubblika u fid-dawl tad-diskussjonijiet ma’ awtoritajiet kompetenti, tirrivedi l-applikazzjoni u l-ambitu ta’ din id-Direttiva. Dik ir-reviżjoni għandha tanalizza l-esperjenza miksuba fl-applikazzjoni tad-Direttiva, l-impatt tagħha fuq l-investituri, l-AIF jew l-AIFMs, fl-Unjoni pajjiżi terzi, u l-punt sa liema ntlaħqu l-objettivi ta’ din id-Direttiva kif ukoll, jekk hu meħtieġ, tipproponi emendi xierqa. L-eżami għandu jinkludi valutazzjoni ġenerali tal-funzjonament tar-regoli f’din id-Direttiva u l-esperjenza miksub fl-applikazzjoni tagħhom.

(a) 

il-kummerċjalizzazzjoni minn AIFMs tal-UE ta’ AIsF mhux tal-UE fl-Istat Membru li fih iseħħ permezz ta’ reġimi nazzjonali;

(b) 

il-kummerċjalizzazzjoni minn AIFMs mhux tal-UE ta’ AIFs tal-UE fl-Istat Membru li fih iseħħ permezz ta’ reġimi nazzjonali;

(c) 

il-ġestjoni u kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFMs awtorizzat skont it-termini ta’ din id-Direttiva ta’ AIFs fl-Unjoni li jseħħ permezz ta’ reġimi ta’ passaport previsti f’din id-Direttiva;

(d) 

il-kummerċjalizzazzjoni ta’ AIFs fl-Unjoni minn jew f’isem persuni jew entitajiet oħrajn li ma jkunux l-AIFM;

(e) 

l-investiment fl-AIFs minn jew f’isem l-investituri professjonali Ewropej;

(f) 

l-impatt tar-regoli fuq id-depożitarji stipulati fl-Artikolu 21 dwar is-suq tad-depożitarji fl-Unjoni;

(g) 

l-impatt tar-rekwiżiti ta’ trasparenza u rapportaġġ stipulati fl-Artikoli 22 sa 24, 28 u 29, dwar il-valutazzjoni tar-riskju sistemiku;

(h) 

l-impatt avvers potenzjali fuq l-investituri mhux professjonali;

(i) 

l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq il-funzjonament u l-fattibilità tal-fondi ta’ ekwità privata u venture capital;

(j) 

l-impatt ta’ din id -Direttiva fuq l-aċċess għall-investituri fl-Unjoni;

(k) 

l-impatt ta’ din id -Direttiva fuq l-investimenti fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jew għall-benefiċċju tagħhom;

(l) 

l-impatt ta’ din id-Direttiva fuq il-protezzjoni tal-kumpanniji jew emittenti mhux kwotati kif stipulat fl-Artikoli 26 sa 30 ta’ din id-Direttiva u dwar opportunitajiet indaqs għal kulħadd bejn l-AIFs u investituri oħrajn wara l-akkwiżizzjoni ta’ azzjonijiet jew kontroll maġġoritarji f’tali kumpaniji jew emittenti mhux kwotati.

Meta jsir rieżami tal-kummerċjalizzazzjoni u/jew ġestjoni tal-AIF msemmijin fil-punti (a), (b) u (c) tal-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tanalizza jekk ikunx xieraq li l-AETS tkun fdata b’aktar responsabbiltajiet superviżorji f’dan il-qasam.

2.  
Għal finijiet tar-rieżami msemmi fil-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-Kummissjoni kull sena, informazzjoni dwar l-AIFMs li qed jimmaniġġaw u/jew kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs li jkun taħt is-superviżjoni tagħhom, kemm taħt ir-reġim tal-passaport previst f’din id-Direttiva, kemm taħt ir-reġimi nazzjonali tagħom, b’indikazzjoni tad-data li fiha r-reġim tal-passaport ġie traspost u, jekk rilevanti, applikat fil-ġurisdizzjoni tagħhom.

L-AETS għandha tagħti lill-Kummissjoni l-informazjzoni dwar l-AIFM kollha mhux tal-UE li jkunu ġew awtorizzati jew talbu awtorizzazzjoni skont it-termini tal-Artikolu 37.

L-informazzjoni msemmija fl-ewwel u fit-tieni subparagrafi għandha tinkludi:

(a) 

l-informazzjoni dwar fejn huwa stabbilit l-AIFMs konċernat;

(b) 

jekk ikun applikabbli, l-identifikazzjoni tal-AIFs tal-UE mmaniġġat jew kkumerċjalizzat minnhom;

(c) 

jekk ikun applikabbli, l-identifikazzjoni tal-AIFs mhux tal-UE mmaniġġat minn AIFMs tal-UE imma mhux kkummerċjalizzat fl-Unjoni;

(d) 

jekk ikun applikabbli, l-identifikazzjoni ta’ AIF mhux tal-UE mmaniġġat fl-Unjoni;

(e) 

l-informazzjoni tar-reġim applikabbli, kemm nazzjonali u kemm tal-Unjoni li fl-ambitu tiegħu l-AIFMs relevanti jkunu qed jiżvolġu l-attivitajiet tagħhom; u

(f) 

kull informazzjoni oħra relevanti għall-komprensjoni ta’ kif il-ġestjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-AIFs mill-AIFMs fl-Unjoni topera fil-prattika.

3.  
Ir-rieżami msemmi fil-paragrafu 1,għanu jqis b’mod dovut ukoll l-iżviluppi fil-livell internazzjonali u d-diskussjonijiet ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali.
4.  
Wara l-finalizzazzjoni ta’ dan ir-rieżami, il-Kummissjoni għandha mingħajr dewmien mhux ġustifikat tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jekk ikun xieraq, il-Kummissjoni għandha tagħmel proposti, inklużi emendi għal din id-Direttiva b’ kont meħud tal-objettivi tad-Direttiva, l-effetti tagħha fuq il-protezzjoni tal-investituri, it-tħarbit tas-suq u l-konkorrenza, il-monitoraġġ tar-riskji sistemiċi u l-impatti potenzjali fuq l-investituri, l-AIFs jew l-AIFMs, fl-Unjoni u f’pajjiżi terzi.

▼M5

Artikolu 69a

Valutazzjoni tar-reġim tal-passaport

Qabel id-dħul fis-seħħ tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 67(6) li skonthom ir-regoli stipulati fl-Artikolu 35 u l-Artikoli 37 sa 41 isiru applikabbli, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, filwaqt li tqis ir-riżultat ta' valutazzjoni tar-reġim tal-passaport ipprovdut f'din id-Direttiva inkluża l-estensjoni ta' dak ir-reġim għall-AIFMs mhux tal-UE. Dak ir-rapport għandu jkun akkumpanjat, fejn xieraq, bi proposta leġiżlattiva.

▼B

Artikolu 70

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 71

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

1. Funzjonijiet ta’ mmaniġġar tal-investimenti li AIFM għandu tal-anqas iwettaq meta jimmaniġġa AIF:

(a) 

l-immaniġġar tal-portafoll;

(b) 

l-immaniġġar tar-riskju.

2. Funzjonijiet oħrajn li AIFM jista’ jaqdi addizzjonalment matul il-kors tal-ġestjoni kollettiva ta’ AIF:

(a) 

Amministrazzjoni:

(i) 

servizzi legali u ta’ kontabilità fir-rigward tal-amministrazzjoni tal-fondi;

(ii) 

servizz ta’ informazzjoni għall-klijenti;

(iii) 

valutazzjoni u pprezzar, inklużi l-formoli tat-taxxa;

(iv) 

monitoraġġ regolatorju tal-konformità;

(v) 

żamma tar-reġistru tat-titolari tal-unità/azzjonisti;

(vi) 

distribuzzjoni tad-dħul;

(vii) 

ħruġ u tifdija ta’ unitajiet/ishma;

(viii) 

riżoluzzjonijiet ta’ kuntratti, inkluża l-kunsinna taċ-ċertifikat;

(ix) 

żamma ta’ rekords;

(b) 

Kummerċjalizzazzjoni;

(c) 

Attivitajiet relatati mal-assi tal-AIFs, jiġifieri servizzi meħtieġa biex jiġu sodisfatti d-dmirijiet fiduċjarji tal-AIFM, immaniġġar tal-faċilitajiet, attivitajiet amministrattivi ta’ proprjetà immobbli, konsulenza lil impriżi dwar struttura ta’ kapital, strateġija industrijali u materji relatati, konsulenza u servizzi relatati ma’ amalgamazzjonijiet u x-xiri ta’ impriżi u servizzi oħra konnessi mal-immaniġġar tal-AIF u l-kumpaniji u assi oħra li jkunu investew fihom.




ANNESS II

POLITIKA DWAR IR-RIMUNERAZZJONI

1. Meta jistabbilixxu u japplikaw il-linji politiċi ta’ rimunerazzjoni totali, inklużivi ta’ salarji u benefiċċji diskrezzjonali ta’ pensjoni, għal dawk il-kategoriji tal-persunal, inklużi l-management l-għoli, dawk li jieħdu r-riskji, li jikkontrollow il-funzjonijiet u kull impjegat li jirċievi rimunerazzjonali totali li ddaħħalhom fl-istess faxxa retributtiva bħall-management l-għoli u dawk li jieħdu r-riskji, li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tar-riskju tal-AIFMs jew tal-AIFs li jimmaniġġaw, l-AIFMs għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin b’mod u safejn jkun xieraq għad-daqs, organizzazzjoni u natura interna, ambitu u komplessità tal-attivitajiet, tagħhom:

(a) 

il-politika dwar ir-rimunerazzjoni hija konsistenti ma’ u tippromwovi ġestjoni tajba u effettiva tar-riskju u ma tinkoraġġixxix teħid ta’ riskji li huwa inkonsistenti mal-profili tar-riskju, ir-regoli dwar il-fondi jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tal-AIF li huma jimmaniġġjaw;

(b) 

il-politika dwar ir-rimunerazzjoni hija f’konformità mal-istrateġija tan-negozju, l-objettivi, il-valuri u l-interessi tal-ġestur tal-AIF u l-AIF li huwa jamministra jew l-investituri tal-AIsF, u tinkludi miżuri sabiex jiġu evitati konflitti ta’ interess;

(c) 

il-korp amministrattiv tal-AIFM, fil-funzjoni superviżorja tiegħu jadotta u jirrieżamina perjodikament il-prinċipji ġenerali tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni u jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tagħha;

(d) 

l-implimentazzjoni tal-politika dwar ir-rimunerazzjoni tkun, tal-anqas darba fis-sena, suġġetta għal rieżami intern ċentrali u indipendenti dwar il-konformità mal-linji politiċi u l-proċeduri għar-rimunerazzjoni adottati mill-korp amministrattiv fil-funzjoni superviżorja tiegħu;

(e) 

il-persunal involut fil-funzjonijiet ta’ kontroll jiġi kkumpensat skont kemm jinkisbu l-objettivi marbutin mal-funzjonijiet tagħhom, indipendentement mill-prestazzjoni tal-oqsma tan- negozju li huma jikkontrollaw;

(f) 

ir-rimunerazzjoni tal-uffiċjali l-għoljin fil-ġestjoni tar-riskju u l-funzjonijiet ta’ ottemperanza hija direttament sorveljata mill-kumitat tar-rimunerazzjoni;

(g) 

fejn ir-rimunerazzjoni tkun marbuta mal-prestazzjoni, l-ammont totali tar-rimunerazzjoni jkun ibbażat fuq taħlita tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-individwu u tal-unità tan-negozju kkonċernata jew tal-AIF ikkonċernat u tar-riżultati globali tal-AIFM, u meta tkun qed tiġi vvalutata l-prestazzjoni individwali, jittieħed kont ta’ kriterji finanzjarji kif ukoll ta’ dawk mhux finanzjarji;

(h) 

il-valutazzjoni tal-prestazzjoni tkun stabbilita f’qafas pluriennali adatt għaċ-ċiklu tal-ħajja tal-AIFs amministrati mill-AIFM sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta’ valutazzjoni jkun ibbażat fuq prestazzjoni aktar fit-tul u li l-ħlas attwali tal-komponenti tar-rimunerazzjoni bbażati fuq il-prestazzjoni jkun mifrux fuq perijodu li jieħu kont tal-politika dwar it-tifdija tal-AIFs li huwa jamministra u r-riskji kummerċali tagħhom;

(i) 

rimunerazzjoni varjabbli garantita tkun eċċezzjonali u sseħħ biss fil-kuntest tar-reklutaġġ ta’ persunal ġdid u tkun limitata għall-ewwel sena;

(j) 

il-komponenti fissi u varjabbli tar-rimunerazzjoni totali jkunu bbilanċjati b’mod adatt u il-komponent fiss ikun jirrappreżenta proporzjon għoli biżżejjed tar-rimunerazzjoni totali sabiex jippermetti t-tħaddim ta’ politika kompletament flessibbli dwar il-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni, inkluża l-possibbiltà li ma jitħallas l-ebda komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni;

(k) 

il-ħlasijiet marbuta mat-terminazzjoni bikrija ta’ kuntratt jirriflettu l-prestazzjoni miksuba maż-żmien u huma mfassla b’mod li ma jippremjawx il-falliment;

(l) 

il-kejl tal-prestazzjoni li jintuża sabiex jiġu kkalkulati l-komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni jew gruppi ta’ komponenti varjabbli tar-rimunerazzjoni jkun jinkludi mekkaniżmu ta’ aġġustament li jintegra t-tipi kollha ta’ riskji preżenti u futuri rilevanti;

(m) 

suġġett għall-istruttura ġuridika tal-AIF u r-regoli jew l-istrumenti ta’ inkorporazzjoni tiegħu, porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ, mill-anqas 50 % ta’ kwalunkwe rimunerazzjoni varjabbli, jikkonsisti f’unitajiet jew ishma tal-AIF kkonċernat, jew interessi ekwivalenti ta’ sjieda, jew strumenti marbutin mal-ishma jew strumenti ekwivalenti li ma jkunux fi flus, sakemm il-ġestjoni tal-AIFs tkun tlaħħaq anqas minn 50 % tal-portafoll totali mmaniġġat mill-AIFM, f’liema każ il-minimu ta’ 50 % ma japplikax.

L-istrumenti msemmijia f’dan il-punt għandhom ikunu suġġetti għal politika ta’ retenzjoni xierqa maħsuba li tallinja l-inċentivi mal-interessi tal-AIFM u tal-AIF li timmaniġġah u l-investituri ta’ tali AIFs. L-Istati Membri jew l-awtoritajiet kompetenti tagħhom jistgħu jqiegħdu restrizzjonijiet fuq it-tipi u t-tifsil ta’ dawk l-istrumenti jew jipprojbixxu ċerti strumenti, skont ma jkun xieraq. Dan il-punt għandu jkun applikat kemm għall-porzjon tal-komponent tar-rimunerazzjoni varjabbli differit in linja mal-punt (n) u l-porzjon tal-komponent tar-rimunerazzjoni varjabbli mhux differit;

(n) 

porzjon sostanzjali, u fi kwalunkwe każ, mill-anqas 40 % tal-komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni jkun differit fuq perijodu li jkun adatt fid-dawl taċ-ċiklu tal-ħajja u l-politika dwar it-tifdija tal-AIF ikkonċernat u jkun allinjat b’mod korrett man-natura tar-riskji tal-AIF inkwistjoni.

Il-perijodu msemmi f’dan il-punt għandu jkun mill-anqas ta’ tlieta sa ħames snin sakemm iċ-ċiklu tal-ħajja tal-AIF kkonċernat ma jkunx aqsar; ir-rimunerazzjoni pagabbli skont l-arranġamenti ta’ differiment m’għandhiex tkun akkwistata aktar malajr minn fuq bażi pro-rata; fil-każ ta’ komponent varjabbli tar-rimunerazzjoni ta’ ammont partikolarment għoli, tal-anqas 60 % tal-ammont huwa differit;

(o) 

ir-rimunerazzjoni varjabbli, inkluż il-porzjon differit, titħallas jew tkun dovuta biss jekk tkun sostenibbli skont is-sitwazzjoni finanzjarja tal-AIFM fl-intier tagħha, u tkun iġġustifikata skont il-prestazzjoni tal-unità tan-negozju, l-AIF u l-individwu kkonċernati.

Ir-rimunerazzjoni varjabbli totali għandha ġeneralment tiġi kkontrattata b’mod konsiderevoli meta jkun hemm il-performance finanzjarja mnaqqsa jew negattiva tal-AIFM jew tal-AIF kkonċernati, u jitqiesu kemm il-kumpensazzjoni u r-riduzzjonijiet kurrenti fil-pagamenti ta’ ammonti maqlugħin preċedentement, inkluż permezz ta’ arranġamenti malus jew claw back;

(p) 

il-politika tal-pensjonijiet tkun in linja mal-istrateġija, l-objettivi, il-valuri u l-interessi fit-terminu t-twil tan-negozju tal-AIFM u l-AIFs li jimmaniġġa.

Jekk l-impjegat jitlaq mill-AIFM qabel l-età li fiha wieħed jirtira, allura l-benefiċċji diskrezzjonali tal-pensjoni għandhom jinżammu mill-AIFM għal perijodu ta’ ħames snin fil-forma ta’ strumenti bħalma hu definit fil-punt (m). F’każ li impjegat jasal sal-irtirar, il-benefiċċji diskrezzjonali tal-pensjoni għandhom jitħallsu mill-impjegat fil-forma ta’ strumenti definiti fil-punt (m) suġġett għal perijodu ta’ retenzjoni ta’ ħames snin;

(q) 

il-persunal ikun meħtieġ jaċċetta li ma jużax strateġiji personali ta’ hedgings jew assigurazzjoni relatata mar-rimunerazzjoni u r-responsabbiltà biex idgħajjef l-effetti tal-allinjament tar-riskju integrat fl-arranġamenti ta’ rimunerazzjoni tiegħu;

(r) 

ir-rimunerazzjoni varjabbli ma tithallasx permezz ta’ veikoli jew metodi li jiffaċilitaw l-evitar tar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.

2. Il-prinċipji msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom japplikaw għar-rimunerazzjoni ta’ kull tip imħallsa mill-AIFM, għal kull ammont imħallas mill-AIF innifsu, inkluż il-carried interest, u għal kull trasferiment ta’ unitajiet jew ishma tal-AIF, li jsiru għall-benefiċċji ta’ dawk il-kategoriji tal-persunal, inkluż il-management l-għoli, dawk li jieħdu r-riskji, jiżvolġu funzjonijiet ta’ kontroll u kull impjegat li jirċievi rimunerazzjoni totali li ddaħħalhom fl-istess faxxa retributtiva bħall-management l-għoli u dawk li jieħdu r-riskji, li l-attivitajiet professjonali tagħhom għandhom impatt materjali fuq il-profil tagħhom tar-riskju jew il-profili ta’ riskju tal-AIF li jimmaniġġaw.

3. L-AIFMs li huma sinifikanti fid-daqs tagħhom jew id-daqs tal-AIFs li jamministraw, l-organizzazzjoni interna u n-natura, l-ambitu u l-kumplessità tal-attivitajiet tagħhom għandhom jistabbilixxu kumitat dwar ir-rimunerazzjoni. Il-kumitat dwar ir-rimunerazzjoni għandu jkun magħmul b’mod li jkun jista’ jeżerċita ġudizzju kompetenti u indipendenti dwar il-linji politiċi u l-prassi tar-rimunerazzjoni u l-inċentivi maħluqa għall-ġestjoni tar-riskju.

Il-kumitat dwar ir-rimunerazzjoni għandu jkun responsabbli għat-tħejjija ta’ deċiżjonijiet rigward ir-rimunerazzjoni, inklużi dawk li jkollhom implikazzjonijiet għar-riskju u l-ġestjoni tar-riskju tal-AIFMs jew l-AIF ikkonċernati u li jkollhom jittieħdu mill-korp amministrattiv fil-funzjoni superviżorja tiegħu. Il-kumitat dwar ir-rimunerazzjoni għandu jkun ippresedut minn membru tal-korp amministrattiv li ma jwettaqx funzjonijiet eżekuttivi fost l-AIFMs ikkonċernat. Il-membri tal-kumitat dwar ir-rimunerazzjoni għandhom ikunu membri tal-korp ta’ management li ma jwettaqx funzjonijiet eżekuttivi fost l-AIFM ikkonċernat.




ANNESS III

DOKUMENTAZZJONI U INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA F’KAŻ LI TKUN INTIŻA L-KUMMERĊJALIZZAZZJONI FL-ISTAT MEMBRU TA’ DOMIĊILJU TAL-AIFM

(a) 

ittra ta’ notifika, inkluż programm tal-operazzjonijiet li jidentifika l-AIFs li l-AIFM għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza u l-informazzjoni dwar fejn hu stabbilit l-AIF;

(b) 

ir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF;

(c) 

l-identifikazzjoni tad-depożitarju tal-AIF;

(d) 

deskrizzjoni ta’, jew kwalunkwe informazzjoni dwar, l-AIF disponibbli għall-investituri;

(e) 

informazzjoni dwar il-post fejn l-AIF prinċipali huwa stabbilit jekk l-AIF huwa AIF ta’ alimentazzjoni;

(f) 

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 23(1) għal kull AIF li l-AIFM jimmaniġġa jew li biħsiebu jikkumerċjalizza;

(g) 

meta jkun rilevanti, informazzjoni dwar l-arranġamenti stabbiliti biex jevitaw li l-ishma jew l-unitajiet tal-AIF jiġu kkummerċjalizzati ma’ investituri bl-imnut, inkluż fil-każ fejn il-ġestur tal-AIF jiddipendi fuq attivitajiet ta’ entitajiet indipendenti biex jipprovdi servizzi ta’ investiment fir-rigward tal-AIF.




ANNESS IV

DOKUMENTAZZJONI U INFORMAZZJONI LI GĦANDHA TINGĦATA F’KAŻ LI TKUN INTIŻA L-KUMMERĊJALIZZAZZJONI FI STATI MEMBRI OĦRAJN LI MA JKUNUX L-ISTAT MEMBRU TA’ DOMĊILJU TAL-AIFM

(a) 

ittra ta’ notifika, inkluż programm tal-operazzjonijiet li jidentifika l-AIFs li l-AIFM għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza u l-informazzjoni dwar fejn hu stabbilit l-AIF;

(b) 

ir-regoli jew l-istrumenti tal-inkorporazzjoni tal-AIF;

(c) 

l-identifikazzjoni tad-depożitarju tal-AIF;

(d) 

deskrizzjoni ta’, jew kwalunkwe informazzjoni dwar, l-AIF disponibbli għall-investituri;

(e) 

informazzjoni dwar il-post fejn l-AIF prinċipali huwa stabbilit jekk l-AIF huwa AIF ta’ alimentazzjoni;

(f) 

kwalunkwe informazzjoni addizzjonali msemmija fl-Artikolu 23(1) għal kull AIF li l-AIFM jimmaniġġa jew li biħsiebu jikkumerċjalizza.

(g) 

l-indikazzjoni tal-Istati Membri li fihom għandu l-intenzjoni li jikkummerċjalizza l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF ma’ investituri professjonali;

(h) 

informazzjoni dwar l-arranġamenti li saru għall-kummerċjalizzazzjoni tal-AIF u, fejn rilevanti, informazzjoni dwar l-arranġamenti stabbiliti biex jevitaw li l-unitajiet jew l-ishma tal-AIF jiġu kkummerċjalizzati ma’ investituri bl-imnut, inkluż fil-każ fejn il-ġestur tal-AIF jiddipendi fuq attivitajiet ta’ entitajiet indipendenti biex jipprovdi servizzi ta’ investiment fir-rigward tal-AIF;

▼M5

(i) 

id-dettalji meħtieġa, inkluż l-indirizz għall-fatturazzjoni jew għall-komunikazzjoni ta' kwalunkwe tariffa jew ħlas regolatorji applikabbli mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti;

(j) 

informazzjoni dwar il-faċilitajiet għat-twettiq tal-kompiti msemmija fl-Artikolu 43a.



( 1 ) ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.

( 2 ) ĠU L 15, 20.1.2009, p. 1.

( 3 ) ĠU L 177, 30.6.2006, p. 201.

( 4 ) Ir-Regolament (UE) 2019/2033 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta ’Novembru 2019, dwar is-superviżjoni prudenzjali tad-ditti tal-investiment u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 (UE) Nru 575/2013, (UE) Nru 600/2014 u (UE) Nru 806/2014 (ĠU L 314, 5.12.2019, p. 1).

( 5 ) ĠU L 84, 26.3.1997, p. 22.

( 6 ) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 1.

( 7 ) Regolament (UE) 2017/2402 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jistabbilixxi qafas ġenerali għat-titolizzazzjoni u li joħloq qafas speċifiku għal titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata, u li jemenda d-Direttivi 2009/65/KE, 2009/138/KE u 2011/61/UE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 35).

( 8 ) ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87.

( 9 ) ĠU L 124, 20.5.2003, p. 36.

( 10 ) ĠU L 26, 31.1.1977, p. 1.

( 11 ) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

( 12 ) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).

( 13 ) Ir-Regolament (UE) 2015/760 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-Fondi ta' Investiment Ewropej fuq Terminu Twil (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 98).

( 14 ) Ir-Regolament (UE) 2019/1156 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2019 dwar l-iffaċilitar tad-distribuzzjoni transfruntiera ta' fondi ta' investiment kollettiv u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 345/2013, (UE) Nru 346/2013 u (UE) Nru 1286/2014 (ĠU L 188, 12.7.2019, p. 55).

( 15 ) ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48.

( 16 ) ĠU L 191, 13.7.2001, p. 45.

( *1 ) ĠU L 228, 16.8.1973, p. 3.

( *2 ) ĠU L 345, 19.12.2002, p. 1.

( *3 ) ĠU L 323, 9.12.2005, p. 1.

( *4 ) ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32.

( *5 ) ĠU L 174, 1.07.2011, p. 1”.

( *6 ) ĠU L 174, 1.07.2011, p. 1”.