02011L0035 — MT — 02.07.2014 — 002.004
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
DIRETTIVA 2011/35/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL tal-5 ta’ April 2011 dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (kodifikazzjoni) (ĠU L 110 29.4.2011, p. 1) |
Emendat bi:
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
Nru |
Paġna |
Data |
||
L 158 |
365 |
10.6.2013 |
||
L 173 |
190 |
12.6.2014 |
Ikkoreġut b'
DIRETTIVA 2011/35/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tal-5 ta’ April 2011
dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata
(kodifikazzjoni)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
KAPITOLU I
KAMP TA’ APPLIKAZZJONI
Artikolu 1
1. Il-miżuri ta’ koordinazzjoni stabbiliti f’din id-Direttiva m’għandhomx japplikaw għal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li jirrigwardaw it-tipi ta’ kumpanniji li ġejjin:
— Belġju:
—
— la société anonyme/de naamloze vennootschap;
— Bulgarija:
—
— акционерно дружество;
— Repubblika Ċeka:
—
— akciová společnost;
— Danimarka:
—
— aktieselskaber;
— Ġermanja:
—
— die Aktiengesellschaft;
— Estonja:
—
— aktsiaselts;
— Irlanda:
—
— public companies limited by shares, u public companies limited by guarantee having a share capital;
— Greċja:
—
— η ανώνυμη εταιρία;
— Spanja:
—
— la sociedad anónima;
— Franza:
—
— la société anonyme;
— Il-Kroazja:
—
— dioničko društvo;
— Italja:
—
— la società per azioni;
— Ċipru:
—
— Δημόσιες εταιρείες περιορισμένης ευθύνης με μετοχές, δημόσιες εταιρείες περιορισμένης ευθύνης με εγγύηση που διαθέτουν μετοχικό κεφάλαιο;
— Latvja:
—
— akciju sabiedrība;
— Litwanja:
—
— akcinė bendrovė;
— Lussemburgu:
—
— la société anonyme;
— Ungerija:
—
— nyilvánosan működő részvénytársaság;
— Malta:
—
— kumpannija pubblika ta' responsabbiltà limitata/public limited liability company;
— Pajjiżi l-Baxxi:
—
— de naamloze vennootschap;
— Awstrija:
—
— die Aktiengesellschaft;
— Polonja:
—
— spółka akcyjna;
— Portugall:
—
— a sociedade anónima;
— Rumanija:
—
— societate pe acțiuni;
— Slovenja:
—
— delniška družba;
— Slovakkja:
—
— akciová spoločnosť;
— Finlandja:
—
— julkinen osakeyhtiö/publikt aktiebolag;
— Svezja:
—
— aktiebolag;
— Renju Unit:
—
— public companies limited by shares, u public companies limited by guarantee having a share capital.
2. L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw din id-Direttiva għal kooperattivi inkorporati bħala wieħed mit-tipi ta’ kumpanniji elenkati fil-paragrafu 1. Sa fejn il-liġijiet tal-Istati Membri jagħmlu użu minn din l-għażla, huma għandhom jeħtieġu li dawn il-kumpanniji jinkludu l-kelma “kooperattiva” fid-dokumenti kollha msemmijin fl-Artikolu 5 tad-Direttiva 2009/101/KE.
3. L-Istati Membri m’għandhomx għalfejn japplikaw din id-Direttiva fil-każijiet fejn il-kumpannija jew kumpanniji li qed ikunu jiġu akkwistati jew li ser itemmu l-eżistenza tagħhom huma s-suġġett ta’ proċeduri ta’ falliment, proċeduri li għandom x’jaqsmu mal-istralċ ta’ kumpanniji falluti, arranġamenti ġudizzjali, komposizzjonijiet u proċedimenti analogi.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li din id-Direttiva ma tapplikax għall-kumpannija jew kumpanniji li huma s-suġġett tal-użu ta’ għodod, setgħat u mekkaniżmi ta’ riżoluzzjoni previsti fit-Titolu IV tad-Direttiva 2014/59/UE, u tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( 1 ).
KAPITOLU II
REGOLAMENTAZZJONI TA’ MERGERS PERMEZZ TAL-AKKWIST TA’ KUMPANNIJA WAĦDA JEW AKTAR MINN KUMPANNIJA OĦRA U TA’ MERGERS PERMEZZ TAL-FORMAZZJONI TA’ KUMPANNIJA ĠDIDA
Artikolu 2
L-Istati Membri għandhom, fejn għandhom x’jaqsmu kumpanniji regolati bil-liġijiet nazzjonali tagħhom, jiddisponu għal regoli dwar il-mergers permezz tal-akkwist ta’ kumpannija waħda jew aktar minn kumpannija oħra u l-mergers permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida.
Artikolu 3
1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, “merger permezz tal-akkwist” għandha tfisser l-operazzjoni li biha kumpannija waħda jew aktar jiġu stralċjati mingħajr ma’ jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu lil xi oħra l-attiv u l-passiv kollu tagħhom bi skambju għall-ħruġ lill-azzjonisti tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati ta’ ishma fil-kumpannija li qed takkwista u pagament fi flus, jekk ikun il-każ, li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali tal-ishma hekk maħruġa jew, meta m’għandhomx valur nominali, tal-parità kontabbli tagħhom.
2. Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li merger permezz tal-akkwist tista’ tkun effettwata wkoll meta kumpannija waħda jew aktar li qed jiġu akkwistati huma fi stat ta’ likwidazzjoni, dejjem jekk din l-għażla hi ristretta għal kumpanniji li għadhom ma’ bdewx jiddistribwixxu l-attiv tagħhom lill-azzjonisti.
Artikolu 4
1. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, “merger permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida” għandha tfisser l-operazzjoni li biha bosta kumpanniji huma stralċjati mingħajr ma jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu lil xi kumpannija li jkunu ffurmaw l-attiv u l-passiv kollu tagħhom bi skambju għall-ħruġ lill-azzjonisti tagħhom ta’ ishma fil-kumpannija l-ġdida u pagament fi flus, jekk ikun il-każ, li ma jeċċedix l-10 % tal-valur nominali tal-ishma hekk maħruġa jew, meta m’għandhomx valur nominali, tal-valur tal-parità kontabbli tagħhom.
2. Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li merger permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida tista’ tkun effettwata wkoll meta kumpannija waħda jew aktar li qed itemmu l-eżistenza tagħhom ikunu fi stat ta’ likwidazzjoni, dejjem jekk din l-għażla hi ristretta għal kumpanniji li għadhom ma bdewx jiddistribwixxu l-attiv tagħhom lill-azzjonisti.
KAPITOLU III
MERGER PERMEZZ TAL-AKKWIST
Artikolu 5
1. Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għandhom ifasslu abbozz bil-miktub tat-termini tal-merger.
2. L-abbozz tat-termini tal-merger għandu jispeċifika għall-inqas:
(a) it-tip, isem u uffiċċju reġistrat ta’ kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger;
(b) il-proporzjon tal-iskambju tal-ishma u l-ammont ta’ kull pagament fi flus;
(c) it-termini li għandhom x’jaqsmu mat-tqassim tal-ishma fil-kumpannija li qed takkwista;
(d) id-data li minnha l-pussess ta’ dawn l-ishma jagħti d-dritt lid-detenturi li jipparteċipaw fil-profitti u kwalunkwe kondizzjoni speċjali li taffettwa dak id-dritt;
(e) id-data li minnha t-transazzjonijiet tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandhom ikunu meqjusa għal skopijiet ta’ kontijiet bħala dawk tal-kumpannija li qed takkwista;
(f) id-drittijiet mogħtija mill-kumpannija li qed takkwista lid-detenturi ta’ ishma li magħhom hemm drittijiet speċjali u lid-detenturi ta’ titoli barra ishma, jew il-miżuri proposti dwarhom;
(g) kull vantaġġ speċjali mogħti lill-esperti msemmijin fl-Artikolu 10(1) u l-membri tal-korpi amministrattivi, ta’ tmexxija, ta’ sorveljanza jew ta’ kontroll tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger.
Artikolu 6
L-abbozz tat-termini ta’ merger għandu jkun pubblikat skont kif stabbilit fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE, għal kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger, għall-inqas xahar qabel id-data ffissata għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar dan.
Kwalunkwe waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għandha tkun eżentata mir-rekwiżit tal-pubblikazzjoni stabbilit fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE jekk, għal perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz ta’ termini tal-merger u li jispiċċa mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, hija tagħmel disponibbli l-abbozz tat-termini ta’ din il-merger fuq il-websajt tagħha mingħajr ħlas għall-pubbliku. L-Istati Membri m’għandhomx jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għal xi rekwiżiti jew restrizzjonijiet minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun żgurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti, u jistgħu jimponu rekwiżiti jew restrizzjonijiet bħal dawn biss sal-punt li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
B’deroga mit-tieni paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-pubblikazzjoni ssir permezz tal-bażi elettronika ċentrali msemmija fl-Artikolu 3(5) tad-Direttiva 2009/101/KE. L-Istati Membri jistgħu b’mod alternattiv jeħtieġu li din il-pubblikazzjoni ssir fuq kwalunkwe websajt oħra magħżula minnhom għal dak il-għan. Meta l-Istati Membri jagħmlu użu minn waħda minn dawk il-possibilitajiet, huma għandhom jiżguraw li l-kumpanniji ma jintalbux tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.
Meta tintuża websajt oħra minbarra l-bażi elettronika ċentrali, referenza li tagħti aċċess għal dik il-websajt għandha tiġi ppubblikata fuq il-bażi elettronika ċentrali mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgha ġenerali. Dik ir-referenza għandha tinkludi d-data tal-pubblikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-merger fuq il-websajt u għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku mingħajr ħlas. Il-kumpanniji m’għandhomx jintalbu tariffa speċifika għal din il-pubblikazzjoni.
Il-projbizzjoni li teżenta lill-kumpanniji milli jħallsu tariffa speċifika għall-pubblikazzjoni, stabbilità fit-tielet u r-raba’ paragrafi, m’għandhiex taffettwa l-kapaċità tal-Istati Membri li jgħaddu lill-kumpanniji l-ispejjeż li għandhom x’jaqsmu mal-bażi elettronika ċentrali.
L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kumpanniji jżommu l-informazzjoni għal perijodu speċifiku wara l-laqgħa ġenerali fil-websajt tagħhom jew, fejn ikun applikabbli, fil-bażi elettronika ċentrali jew il-websajt l-ieħor magħżul mill-Istat Membru konċernat. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporananja tal-aċċess għall-websajt jew għall-bażi elettronika ċentrali, ikkawżati minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.
Artikolu 7
1. Merger għandha teħtieġ għall-anqas l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger. Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jiddisponu li din id-deċiżjoni ta’ approvazzjoni għandha tkun teħtieġ maġġoranza ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-voti relatati jew mal-ishma jew mal-kapital rappreżentat sottoskritt.
Il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu, iżda, jiddisponu li maġġoranza sempliċi tal-voti speċifikati fl-ewwel subparagrafu għandhom ikunu biżżejjed meta għall-anqas nofs il-kapital sottoskritt huwa rappreżentat. Barra hekk, fejn xieraq, ir-regoli dwar bidliet fil-memorandum u l-artikoli ta’ assoċjazzjoni għandhom japplikaw.
2. Meta jkun hemm aktar minn klassi waħda ta’ ishma, id-deċiżjoni dwar merger għandha tkun suġġetta għal vot separat ta’ għall-anqas kull klassi ta’ azzjonisti li d-drittijiet tagħhom huma effettwati bit-transazzjoni.
3. Id-deċiżjoni għandha tkopri kemm l-approvazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-merger u kemm kull bdil fil-memorandum u l-artikoli tal-assoċjazzjoni li jkun meħtieġ bil-merger.
Artikolu 8
Il-liġijiet ta’ Stat Membru m’għandhomx għalfejn jeħtieġu l-approvazzjoni tal-merger mil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija li qed takkwista jekk il-kondizzjonijiet li ġejjin ikunu mħarsa:
(a) il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 għandha tkun effettwata, għall-kumpannija li qed takkwista, għall-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-merger;
(b) għall-anqas xahar qabel id-data speċifikata fil-punt (a), l-azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista għandu jkollhom id-dritt li jispezzjonaw id-dokumenti speċifikati fl-Artikolu 11(1) fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija li qed takkwista;
(c) wieħed jew aktar mill-azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista u li għandha perċentwal minimu tal-kapital sottoskritt għandu jkollhom id-dritt jitolbu li laqgħa ġenerali tal-kumpannija li qed takkwista tkun imsejħa biex tiddeċiedi jekk għandhiex tapprova l-merger; dan il-perċentwal minimu ma jistax jiġi ffissat għal aktar minn 5 %. l-Istati Membri jistgħu, madankollu, jiddisponu għall-esklużjoni ta’ ishma bla vot minn din il-kalkolazzjoni.
Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.
Artikolu 9
1. Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija ta’ kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għandhom ifasslu rapport dettaljat bil-miktub li jispjega l-abbozz tat-termini tal-merger u jagħti r-raġunijiet legali u ekonomiċi tagħhom, b’ mod partikolari l-proporzjon tal-iskambju tal-ishma.
Dak ir-rapport għandu jiddeskrivi wkoll kwalunkwe diffikultajiet speċjali ta’ valutazzjoni li jkunu nqalgħu.
2. Il-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija ta’ kull waħda mill-kumpanniji involuti għandhom jinfurmaw lil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija tagħhom u lill-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpanniji l-oħra involuti biex dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jinfurmaw il-laqgħat ġenerali rispettivi tagħhom b’kwalunkwe bidla materjali fl-attiv u l-passiv bejn id-data ta’ preparazzjoni tal-abbozz ta’ termini tal-merger u d-data tal-laqgħat ġenerali li għandhom jiddeċiedu l-abbozz ta’ termini tal-merger.
3. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li r-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 u/jew l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 m’għandhomx ikunu meħtieġa kemm-il darba l-azzjonisti kollha u d-detenturi ta’ titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot ta’ kull kumpannija involuta fil-merger hekk ftiehmu.
Artikolu 10
1. Espert wieħed jew aktar, li jaġixxu f’isem kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger imma independentement minnhom, maħtura jew approvati minn awtorità ġudizzjali jew amministrattiva, għandhom jeżaminaw l-abbozz tat-termini ta’ merger u jħejju rapport bil-miktub lill-azzjonisti. Madankollu, l-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu għall-ħatra ta’ espert wieħed jew aktar indipendenti għal kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger, jekk dik il-ħatra ssir minn awtorità ġudizzjali jew amministrattiva fuq talba konġunta ta’ dawk il-kumpanniji. Dawn l-esperti jistgħu, skont il-liġijiet ta’ kull Stat Membru, ikunu persuni fiżiċi jew ġuridiċi jew kumpanniji jew ditti kummerċjali.
2. Fir-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 l-esperti għandhom fi kwalunkwe każ jgħidu jekk fl-opinjoni tagħhom il-proporzjon tal-iskambju tal-ishma huwiex ġust u raġonevoli. L-istqarrija tagħhom għandha tal-anqas:
(a) tindika l-metodu jew metodi użati li jwasslu għall-proporzjon ta’ skambju tal-ishma propost;
(b) tgħid jekk dan il-metodu jew metodi humiex adegwati fil-każ inkwistjoni, tindika l-valuri li wasslu għalihom bl-użu ta’ kull wieħed minn dawn il-metodi u tagħti opinjoni dwar l-importanza relattiva attribwita għal dawn il-metodi biex wasslu għall-valur li jkun ġie deċiż.
Ir-rapport għandu jiddeskrivi wkoll kwalunkwe diffikultajiet speċjali ta’ valutazzjoni li jkunu nqalgħu.
3. Kull espert għandu jkollu d-dritt li jikseb mill-kumpanniji li jiġu inkorporati l-informazzjoni u d-dokumenti kollha rilevanti u biex iwettaq l-investigazzjonijiet kollha neċessarji.
4. M’għandu jintalab la eżami tal-abbozz tal-klawsoli tal-merger u lanqas rapport tal-esperti jekk l-azzjonisti kollha u d-detenturi tat-titoli l-oħra li jagħtu d-dritt għall-vot ta’ kull wieħed mill-kumpanniji involuti fil-merger jaqblu dwar dan.
Artikolu 11
1. L-azzjonisti kollha għandu jkollhom id-dritt li jispezzjonaw għall-inqas id-dokumenti li ġejjin fl-uffiċċju reġistrat għall-inqas xahar qabel id-data fissata għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-merger:
(a) l-abbozz tat-termini tal-merger;
(b) il-kontijiet annwali u r-rapport annwali tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger għat-tliet snin finanzjarji ta’ qabel;
(c) fejn hu applikabbli, dikjarazzjoni ta’ kontijiet mfassla f’data li ma tistax tkun aktar kmieni mill-ewwel jum tat-tielet xahar li jippreċedi d-data tal-abbozz tat-termini tal-merger, jekk l-aħħar kontijiet annwali jirrelataw għal sena finanzjarja li tkun intemmet aktar minn sitt xhur qabel dik id-data;
(d) fejn hu applikabbli, ir-rapporti tal-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger previsti fl-Artikolu 9;
(e) fejn applikabbli, ir-rapporti msemmija fl-Artikolu 10(1).
Għall-fini ta’ punt (c) tal-ewwel subparagrafu, dikjarazzjoni ta’ kontijiet m’għandhiex tkun meħtieġa kemm-il darba l-kumpannija tippubblika rapport finanzjarju ta’ kull sitt xhur skont l-Artikolu 5 tad-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta’ trasparenza f’dak li għandu x’jaqsam ma’ informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f’suq regolat ( 2 ) u tagħmlu disponibbli għall-azzjonijsti b’konformità ma’ dan il-paragrafu. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li dikjarazzjoni ta’ kontijiet m’għandhiex tkun meħtieġa kemm-il darba l-azzjonisti kollha u d-detenturi ta’ titoli oħra li jagħtu d-dritt tal-vot ta’ kull waħda mill-kumpanniji involuti fil-merger ikunu qablu dwar dan.
2. Id-dikjarazzjoni tal-kontijiet prevista fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 għandha tkun imfassla billi jintużaw l-istess metodi u l-istess għamla kif hemm użati fl-aħħar karta tal-bilanċ annwali.
Madankollu, il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu jiddisponu li:
(a) m’huwiex meħtieġ li jsir inventarju fiżiku ġdid;
(b) il-valutazzjonijiet murija fl-aħħar karta tal-bilanċ għandhom jinbidlu biss biex jirriflettu annotazzjonijiet fil-kotba tal-kontijiet; dawn li ġejjin, madankollu, għandhom jiġu kkunsidrati:
— deprezzament u riżervi interim,
— tibdil materjali fil-valur attwali li ma jidhirx fil-kotba.
3. Kull azzjonist għandu jkun intitolat li jikseb, wara talba u bla ħlas, kopji sħaħ jew, jekk hekk ikun mixtieq, kopji parzjali tad-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1.
Fejn azzjonista jkun ta l-kunsens tiegħu li tħalli lill-kumpannija tuża mezzi elettroniċi biex twassal l-informazzjoni, tali kopji ta’ din l-informazzjoni jistgħu jiġu fornuti permezz tal-posta elettronika.
4. Kumpannija għandha tkun eżentata mill-ħtieġa li tagħmel id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1 disponibbli fl-indirizz tal-uffiċċju rreġistrat tagħha kemm-il darba, għal perijodu kontinwu ta’ żmien li jibda mill-inqas xahar qabel il-jum stabbilit għal-laqgħa ġenerali li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-merger u li jintemm mhux qabel il-konklużjoni ta’ dik il-laqgħa, tagħmilhom disponibbli fuq il-websajt tagħha. L-Istati Membri m’għandhom jissoġġettaw dik l-eżenzjoni għall-ebda rekwiżit jew restrizzjoni minbarra dawk li huma meħtieġa biex tkun assigurata s-sigurtà tal-websajt u l-awtentiċità tad-dokumenti u jistgħu jimponu dawn ir-rekwiżiti jew ir-restrizzjonijiet biss sal-punt li jkunu proporzjonati sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet.
Il-paragrafu 3 m’għandux japplika kemm-il darba l-websajt joffri lill-azzjonijisti l-possibbiltà, matul il-perijodu msemmi fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, li jniżżlu elettronikament u jistampaw id-dokumenti msemmijin fil-paragrafu 1. Madankollu, f’dak il-każ, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-kumpannija għandha tagħmel dawn id-dokumenti disponibbli fl-uffiċċju reġistrat tagħha biex jiġu kkonsultati mill-azzjonisti.
L-Istati Membri jistgħu jeħtieġu li l-kumpanniji jżommu l-informazzjoni fil-websajt tagħhom għal perijodu speċifiku wara l-laqgħa ġenerali. L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu l-konsegwenzi ta’ interruzzjoni temporananja ta’ aċċess għall-websajt ikkawżata minn fatturi tekniċi jew fatturi oħrajn.
Artikolu 12
Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-impjegati ta’ kull waħda mill-kumpanniji li qed jiġu inkorporati għandha tkun regolata skont id-Direttiva 2001/23/KE.
Artikolu 13
1. Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jiddisponu għal sistema adegwata ta’ protezzjoni tal-interessi tal-kredituri tal-kumpanniji li qed jiġu inkorporati li l-pretensjonijiet tagħhom kienu saru qabel il-publikazzjoni tal-abbozz tat-termini tal-merger u li ma’ kienux jagħlqu fil-ħin ta’ dik il-pubblikazzjoni.
2. Għal dak il-għan, il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jipprevedu li dawn il-kredituri għandhom ikunu intitolati jiksbu salvagwardji adegwati meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger tagħmel din il-protezzjoni neċessarja u meta dawk il-kredituri m’għandhomx diġà dawn is-salvagwardji.
L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-protezzjoni prevista fil-paragrafu 1 u fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu. Fi kwalunkwe każ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kredituri jkunu awtorizzati li japplikaw lill-awtorità amministrattiva jew ġudizzjarja kompetenti għal salvagwardji adegwati bil-kondizzjoni li jkunu jistgħu juru b’mod kredibbli li minħabba fil-merger qed jiġu mhedda l-pretensjonijiet tagħhom u li ma nkisbu ebda salvagwardji adegwati mill-kumpannija.
3. Din il-protezzjoni tista’ tkun differenti għall-kredituri tal-kumpannija li qed takkwista u għal dawk tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata.
Artikolu 14
Bla ħsara għar-regoli dwar l-eżerċizzju kollettiv tad-drittijiet tagħhom, l-Artikolu 13 għandu japplika għad-detenturi ta’ obbligazzjonijiet tal-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger, ħlief fejn il-merger kienet approvata minn laqgħa tad-detenturi tal-obbligazzjonijiet, jekk laqgħa bħal din hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew mid-detenturi tal-obbligazzjonijiet individwalment.
Artikolu 15
Id-detenturi ta’ titoli, għajr ishma, li għandhom magħhom drittijiet speċjali għandhom jkunu mogħtija drittijiet fil-kumpannija li qed takkwista tal-anqas ekwivalenti għal-dawk li kellhom fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata, sakemm il-bidla ta’ dawk id-drittijiet ġiet approvata permezz ta’ laqgħa tad-detenturi ta’ dawk it-titoli, jekk laqgħa bħal din ikun hemm dispożizzjoni għaliha fil-liġijiet nazzjonali, jew mid-detenturi ta’ dawk it-titoli individwalment, jew sakemm id-detenturi jkollhom il-jedd għax-xiri mill-ġdid tat-titoli tagħhom mill-kumpannija li qed takkwista.
Artikolu 16
1. Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru ma jiddisponux għal sorveljanza preventiva ġudizzjali jew amministrattiva tal-legalità ta’ mergers, jew meta din is-sorveljanza ma testendix ukoll għall-atti legali kollha meħtieġa għal merger, il-minuti tal-laqgħat ġenerali li jiddeċiedu dwar il-merger u, fejn xieraq, il-kuntratt tal-merger ta’ wara dawn il-laqgħat ġenerali għandhom jitħejjew u jiġu ċertifikati f’għamla legali kif suppost. F’każijiet meta merger m’ għandhiex għalfejn tkun approvata mill-laqgħat ġenerali tal-kumpanniji kollha li huma l-oġġett ta’ merger, l-abbozz tat-termini tal-merger għandu ikun imħejji u ċċertifikat f’għamla legali kif suppost.
2. In-nutar jew l-awtorità kompetenti biex tħejji u tiċċertifika d-dokument f’għamla legali kif suppost għandha tiċċekkja u tiċċertifika l-eżistenza u l-validità tal-atti legali u l-formalitajiet meħtieġa mil-kumpannija li għaliha n-nutar jew l-awtorità qed jaġixxu u tal-abbozz tat-termini tal-merger.
Artikolu 17
Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom jiddeterminaw id-data li fiha merger tieħu effett.
Artikolu 18
1. Merger għandha tingħata pubbliċità bil-mod stabbilit fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru, skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE, fir-rigward ta’ kull waħda mill-kumpanniji li qed jiġu inkorporati.
2. Il-kumpannija li qed takkwista tista’ hi nnifisha twettaq il-formalitajiet ta’ pubblikazzjoni li għandhom x’jaqsmu mal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati.
Artikolu 19
1. Merger għandu jkollha l-konsegwenzi li ġejjin ipso jure u fl-istess ħin:
(a) it-trasferiment, kemm bejn il-kumpannija li qed tiġi akkwistata u l-kumpannija li qed takkwista u fejn għandhom x’jaqsmu terzi persuni, lill-kumpannija li qed takkwista tal-attiv u l-passiv kollu tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata;
(b) l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata jsiru azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista;
(c) il-kumpannija li qed tiġi akkwistata ma tibqax teżisti.
2. L-ebda ishma fil-kumpannija li qed takkwista m’għandhom jinbidlu ma’ ishma fil-kumpannija li qed tiġi akkwistata li jkunu jew:
(a) f’idejn il-kumpannija li qed takkwista innifisha jew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha iżda għan-nom tagħha; jew
(b) mill-kumpannija stess li qed tiġi akkwistata jew permezz ta’ persuna li taġixxi f’isimha iżda għan-nom tagħha.
3. Dan ta’ hawn fuq m’għandux jaffettwa l-liġijiet ta’ Stati Membri li jeħtieġu l-kompletar ta’ formalitajiet speċjali għat-trasferiment ta’ ċerti assi, drittijiet u obbligazzjonijiet mill-kumpannija li qed tiġi akkwistata li jkunu effettivi kontra partijiet terzi. Il-kumpannija li qed takkwista tista’ twettaq dawn il-formalitajiet hi stess; iżda, il-liġijiet tal-Istati Membri jistgħu jippermettu lill-kumpannija li qed tiġi akkwistata li tkompli twettaq dawn il-formalitajiet għal perijodu limitat li ma’ jistax, ħlief f’każijiet eċċezzjonali, ikun iffissat għal aktar minn sitt xhur mid-data li fiha tieħu effett il-merger.
Artikolu 20
Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili lejn l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata tal-membri tal-korpi amministrattivi jew ta’ tmexxija ta’ dik il-kumpannija dwar imġieba ħażina min-naħa tal-membri ta’ dawk il-korpi waqt il-preparazzjoni u l-implimentazzjoni tal-merger.
Artikolu 21
Il-liġijiet tal-Istati Membri għandhom tal-anqas jistabbilixxu regoli dwar ir-responsabbiltà ċivili lejn l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata tal-esperti responsabbli għat-tħejjija f’isem dik il-kumpannija tar-rapport imsemmi fl-Artikolu 10(1) dwar imġieba ħażina min-naħa ta’ dawk l-esperti fit-twettiq tad-dmirijiet tagħhom.
Artikolu 22
1. Il-liġijiet tal-Istati Membri jistgħu jagħmlu regoli ta’ annullament ta’ mergers skont il-kondizzjonijiet li ġejjin biss:
(a) annullament għandu ikun ordnat f’sentenza ta’ xi qorti;
(b) mergers li ħadu effett skont l-Artikolu 17 jistgħu jiġu dikjarati nulli biss jekk ma kienx hemm sorveljanza preventiva ġudizzjali jew amministrattiva tal-legalità tagħhom, jew jekk ma ġewx imħejjija u ċertifikati fl-għamla legali kif suppost, jew jekk ikun jidher li d-deċiżjoni tal-laqgħa ġenerali hi invalida jew tista’ tkun invalidata taħt liġi nazzjonali;
(c) proċedimenti ta’ annullament ma’ jistgħux jinbdew aktar minn sitt xhur wara d-data li fiha tkun seħħet il-merger kontra l-persuna li qed tallega annullament jew jekk is-sitwazzjoni ġiet irranġata;
(d) meta jkun possibbli li jissewwa difett li tista’ tagħmel merger mhux valida, il-qorti kompetenti għandha tagħti lill-kumpanniji involuti perijodu ta’ żmien li fih tkun tista’ tiġi rranġata s-sitwazzjoni;
(e) sentenza li tiddikjara merger mhux valida għandha tiġi pubblikata kif stabbilit fil-liġijiet ta’ kull Stat Membru skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/101/KE;
(f) meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu li parti terza tisfida sentenza bħal din, dik il-parti tista’ tagħmel hekk biss fi żmien sitt xhur mill-publikazzjoni tas-sentenza kif stabbilit fid-Direttiva 2009/101/KE;
(g) sentenza li tiddikjara merger mhux valida m’għandhiex fiha nnifisha taffettwa l-validità ta’ obbligazzjonijiet dovuti minn, jew relatati ma’, l-kumpannija li qed takkwista u li kienu hemm qabel is-sentenza ġiet ippubblikata u wara d-data li fiha l-merger tieħu effett;
(h) kumpanniji li kienu parti f’merger għandhom ikunu responsabbli in solidum fejn għandhom x’jaqsmu l-obligazzjonijiet tal-kumpannija li qed takkwista msemmija fil-punt (g).
2. B’deroga mill-punt (a) tal-paragrafu 1, il-liġijiet ta’ Stat Membru jistgħu ukoll jiddisponu biex annullament ta’ merger ikun ordnat minn awtorità amministrattiva jekk appell kontra deċiżjoni bħal din jiġi quddiem qorti. Il-punti (b) u l-punti (d) sa (h) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw b’analoġija għall-awtorità amministrattiva. Proċedimenti ta’ annullament bħal dawn ma’ jistgħux jinbdew aktar min sitt xhur wara d-data li fiha l-merger tieħu effett.
3. Il-liġijiet tal-Istati Membri dwar l-annullament ta’ merger dikjarat wara xi sorveljanza għajr sorveljanza preventiva ġudizzjali jew amministrattiva ta’ legalità m’għandhomx jiġu affettwati.
KAPITOLU IV
MERGER PERMEZZ TAL-FORMAZZJONI TA’ KUMPANNIJA ĠDIDA
Artikolu 23
1. L-Artikoli 5, 6 u 7 u l-Artikolu 9 sa 22 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw, bla ħsara għall-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2009/101/KE, għal merger permezz tal-formazzjoni ta’ kumpannija ġdida. Għal dan l-iskop, “kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger” u “kumpannija li qed tiġi akkwistata” għandhom ifissru l-kumpanniji li ma jibqgħux jeżistu iktar u “kumpannija li qed takkwista” għandha tfisser il-kumpannija l-ġdida.
Il-punt (a) tal-Artikolu 5(2) ta’ din id-Direttiva għandu japplika wkoll għall-kumpannija l-ġdida.
2. L-abbozz tat-termini tal-merger u, jekk dan ikun f’dokument separat, il-memorandum jew l-abbozz tal-memorandum ta’ assoċjazzjoni u l-artikoli jew l-abbozz tal-artikoli ta’ assoċjazzjoni tal-kumpannija l-ġdida għandhom ikunu approvati f’laqgħa ġenerali ta’ kull waħda mill-kumpanniji li mhux se jibqgħu jeżistu.
KAPITOLU V
AKKWIST TA’ KUMPANNIJA WAĦDA MINN KUMPANNIJA OĦRA LI GĦANDHA 90 % JEW AKTAR MILL-ISHMA TAGĦHA
Artikolu 24
L-Istati Membri għandhom jagħmlu dispożizzjonijiet, dwar kumpanniji regolati mil-liġijiet tagħhom, għall-operazzjoni li biha kumpannija waħda jew aktar jiġu stralċjati mingħajr ma jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil kumpannija oħra li jkollha l-ishma u t-titoli l-oħra kollha tagħhom li jagħtu d-dritt tal-vot f’laqgħat ġenerali. Operazzjonijiet bħal dawn għandhom ikunu regolati mid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III. Madanakollu, l-Istati Membri m’għandhomx jimponu r-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 5(2), l-Artikoli 9 u 10, u l-punti (d) u (e) tal-Artikolu 11(1), il-punt (b) tal-Artikolu 19(1) u l-Artikoli 20 u 21.
Artikolu 25
L-Istati Membri m’għandhomx japplikaw l-Artikolu 7 għall-operazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 24 kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kondizzjoniet li ġejjin:
(a) il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 għandha tkun effettwata, fir-rigward ta’ kull kumpannija involuta fl-operazzjoni, tal-anqas xahar qabel ma l-operazzjoni tieħu effett;
(b) tal-anqas xahar qabel l-operazzjoni tieħu effett, l-azzjonisti kollha tal-kumpannija li qed takkwista għandu jkollhom il-jedd li jispezzjonaw id-dokumenti msemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-Artikolu 11(1) fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija;
(c) il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 għandu japplika.
Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.
Artikolu 26
L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikoli 24 u 25 għal operazzjonijiet li bihom kumpannija waħda jew aktar jiġu stralċjati mingħajr ma jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil xi kumpannija oħra, jekk l-ishma u t-titoli l-oħra kollha speċifikati fl-Artikolu 24 tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati ikunu tal-kumpannija li qed takkwista u/jew ta’ persuni li jżommu dawn l-ishma u titoli f’isimhom imma mhux għan-nom ta’ dik il-kumpannija.
Artikolu 27
Fejn issir merger b’akkwist minn kumpannija li jkollha 90 % jew aktar, iżda mhux it-total kollu, tal-ishma u titoli oħra li jagħtu d-dritt għall-vot fil-laqgħat ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji akkwistati, l-Istati Membri m’għandhomx jeħtieġu l-approvazzjoni tal-merger mil-laqgħa ġenerali tal-kumpannija akkwerenti jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) il-pubblikazzjoni prevista fl-Artikolu 6 għandha tkun effettwata, fejn għandha x’taqsam il-kumpannija li qed takkwista, tal-anqas xahar qabel id-data stabbilita għal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati li għandha tiddeċiedi dwar l-abbozz tat-termini tal-merger;
(b) tal-anqas xahar qabel id-data speċifikata fil-punt (a), l-azzjonisti kollha tal-kumpannija li qed takkwista jridu jkunu intitolati li jispezzjonaw id-dokumenti speċifikati fil-punti (a), (b) u, fejn hu applikabbli, (c), (d) u (e) tal-Artikolu 11(1) fl-uffiċċju reġistrat tal-kumpannija;
(c) il-punt (c) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 8 għandu japplika.
Għall-finijiet tal-punt (b) tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-Artikolu, l-Artikolu 11(2), (3) u (4) għandu japplika.
Artikolu 28
L-Istati Membri m’għandhomx jimponu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 9, 10 u 11 fil-każ ta’ merger fit-tifsira tal-Artikolu 27 kemm-il darba jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-azzjonijisti f’minoranza tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata għandu jkollhom id-dritt li jkollhom l-ishma tagħhom akkwistati mill-kumpannija li qed takkwista;
(b) jekk jeżerċitaw dak id- dritt, għandu jkollhom id-dritt li jirċievu konsiderazzjoni li tikkorrispondi għall-valur tal-ishma tagħhom;
(c) fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil dwar din il-konsiderazzjoni, għandu jkun possibbli li l-valur tal-konsiderazzjoni ikun determinat minn qorti jew minn awtorità amministrattiva maħtura mill-Istat Membru għal dak il-għan.
Stat Membru m’għandux għalfejn japplika l-ewwel paragrafu jekk il-liġijiet ta’ dak l-Istat Membru jintitolaw lill-kumpannija li qed takkwista, mingħajr offerta preċedenti ta’ akkwiżizzjoni pubblika, li teħtieġ li d-detenturi kollha tal-bqija tat-titoli tal-kumpannija jew kumpanniji li ser ikunu akkwistati jbigħulha dawk it-titoli qabel il-merger bi prezz ġust.
Artikolu 29
L-Istati Membri jistgħu japplikaw l-Artikoli 27 u 28 għal operazzjonijiet li bihom kumpannija waħda jew aktar jkunu stralċjati mingħajr ma jispiċċaw f’likwidazzjoni u jittrasferixxu l-attiv u l-passiv kollu tagħhom lil xi kumpannija oħra jekk 90 % jew iktar, iżda mhux it-total kollu, tal-ishma u t-titoli msemmijin fl-Artikolu 27 tal-kumpannija jew kumpanniji li qed jiġu akkwistati jkunu tal-kumpannija li qed takkwista u/jew minn persuni li għandhom dawn l-ishma u titoli f’isimhom imma mhux għan-nom tal-kumpannija.
KAPITOLU VI
OPERAZZJONIJIET OĦRA MEQJUSA BĦALA MERGERS
Artikolu 30
Meta fil-każ ta’ xi waħda mill-operazzjonijiet imsemmijin fl-Artikolu 2 il-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu li pagament fi flus jeċċedi l-10 %, il-Kapitoli III u IV u l-Artikoli 27, 28 u 29 għandhom japplikaw.
Artikolu 31
Meta l-liġijiet ta’ Stat Membru jippermettu xi waħda mill-operazzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 2, 24 u 30, mingħajr ma l-kumpanniji għaddejjin minn trasferiment ma jibqgħux jeżistu, il-Kapitolu III, ħlief għall-punt (c) tal-Artikolu 19(1), il-Kapitolu IV jew il-Kapitolu V għandhom japplikaw kif xieraq.
KAPITOLU VII
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI
Artikolu 32
Id-Direttiva 78/855/KEE, kif emendata mill-atti mniżżla fl-Anness I, Parti A, hija b’dan imħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi mniżżla fl-Anness I, Parti B.
Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness II.
Artikolu 33
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2011.
Artikolu 34
Din id-Direttiva hija ndirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
PARTI A
Direttiva mħassra flimkien mal-lista tal-emendi suċċessivi tagħha
(imsemmi fl-Artikolu 32)
Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE (ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36) |
|
Anness I, punt III.C, tal-Att ta’ Adeżjoni 1979 (ĠU L 291, 19.11.1979, p. 89) |
|
Anness I, punt II. d), tal-Att ta’ Adeżjoni 1985 (ĠU L 302, 15.11.1985, p. 157) |
|
Anness I, Punt XI.A.3., tal-Att ta’ Adeżjoni 1994 (ĠU C 241, 29.8.1994, p. 194) |
|
Anness II, punt 4.A.3., tal-Att ta’ Adeżjoni 2003 (ĠU L 236, 23.9.2003, p. 338) |
|
Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE (ĠU L 363, 20.12.2006, p. 137) |
Kif jirrigwarda biss ir-referenza għad-Direttiva 78/855/KEE fl-Artikolu 1 ul- Anness, Taqsima A. 3. |
Direttiva 2007/63/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 300, 17.11.2007, p. 47) |
Artikolu 2 biss |
Direttiva 2009/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 259, 2.10.2009, p. 14) |
Artikolu 2 biss |
PARTI B
Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali
(imsemmi fl-Artikolu 32)
Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
78/855/KEE |
13 ta’ Ottubru 1981 |
2006/99/KEE |
fl-1 ta’ Jannar 2007. |
2007/63/ΚΕΕ |
fil-31 ta’ Diċembru 2008. |
2009/109/ΚΕΕ |
fit-30 ta’ Ġunju 2011. |
ANNESS II
Tabella ta’ Korrelazzjoni
Directive 78/855/KEE |
Din id-Direttiva |
Artikolu 1 |
Artikolu 1 |
Artikoli 2 - 4 |
Artikoli 2 - 4 |
Artikoli 5 - 22 |
Artikoli 5 - 22 |
Artikolu 23(1) |
Artikolu 23(1), l-ewwel subparagrafu |
Artikolu 23(2) |
Artikolu 23(1), it-tieni subparagrafu |
Artikolu 23(3) |
Artikolu 23(2) |
Artikoli 24 - 29 |
Artikoli 24 - 29 |
Artikoli 30 - 31 |
Artikoli 30 - 31 |
Artikolu 32 |
— |
— |
Artikolu 32 |
— |
Artikolu 33 |
Artikolu 33 |
Artikolu 34 |
— |
Anness I |
— |
Anness II |
( 1 ) Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 82/891/KEE, u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE u 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).
( 2 ) ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38.