2011D0492 — MT — 16.07.2012 — 001.001
Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu
|
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL tat-18 ta’ Lulju 2011 dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 203, 6.8.2011, p.2) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
No |
page |
date |
||
|
L 187 |
1 |
17.7.2012 |
||
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
tat-18 ta’ Lulju 2011
dwar il-konklużjoni tal-proċedura ta’ konsultazzjoni mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra
(2011/492/UE)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 ( 1 ) u rivedut f’Ouagadougou, Burkina Faso, fit-22 ta’ Ġunju 2010 ( 2 ) (minn issa “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u partikolarment l-Artikolu 96 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-ftehim intern dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu u l-proċeduri li għandhom ikunu segwiti għall-applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE ( 3 ), u b’mod partikolari l-Artikolu 3 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Bi ftehim mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:|
(1) |
L-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE, imsemmija fl-Artikolu 9 tiegħu kienu miksura. |
|
(2) |
Skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE, kien hemm konsultazzjonijiet fid-29 ta’ Marzu 2011 mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw, fil-preżenza ta’ rappreżentanti tal-grupp tal-Istati tal-Afrika, tal-Karibew u tal-Paċifiku, li jinkludu l-Unjoni Afrikana, l-ECOWAS (Il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent) u s-CPLP (Il-Komunità tal-Pajjiżi tal-Lingwa Portugiża), li fihom ir-rappreżentanti tal-gvern tal-Ginea Bissaw ippreżentaw proposti ta’ impenn sodisfaċenti. |
|
(3) |
Għaldaqstant il-konsultazzjonijiet li nbdew abbażi tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE għandhom jitwaqqfu u għandhom jiġu adottati miżuri xierqa biex jiġu eżegwiti dawn l-impenji, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-konsultazzjonijiet li nbdew mar-Repubblika tal-Ginea Bissaw skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE huma b’dan konklużi.
Artikolu 2
Il-miżuri stabbiliti fl-ittra li tinsab fl-Anness huma adottati bħala miżuri xierqa skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija tal-AKP-KE.
Artikolu 3
Din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Hija tiskadi fid- ►M1 19 ta’ Lulju 2013 ◄ .
Hi ser terġa’ tkun eżaminata mill-ġdid b’mod regolari minn tal-anqas kull 6 xhur, preferibbilment fuq il-bażi tal-missjonijiet ta’ sorveljanza tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, bl-assoċjazzjoni tal-Kummissjoni
ANNESS
ABBOZZ TA’ ITTRA
Eċċellenza,
Onorevoli Prim Ministru,
L-Unjoni Ewropea tqis li l-ammutinament tal-1 ta’ April 2010 u l-ħatra sussegwenti tal-instigaturi ewlenin tagħha għal pożizzjonijiet għolja fil-ġerarkija militari huma vjolazzjoni partikolarment gravi u evidenti tal-elementi essenzjali msemmija fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, min-naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, iffirmat f’Cotonou fit-23 ta’ Ġunju 2000 (minn issa “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”). Hija esprimiet bosta drabi t-tħassib tagħha fir-rigward tan-nuqqas ta’ rispett għas-supremazija tad-dritt ċivili u tal-prinċipji ta’ governanza demokratika tajba fil-Ginea Bissaw.
B’hekk, skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, impenjat ruħha fi djalogu politiku mal-gvern sabiex tiġi eżaminata s-sitwazzjoni u s-soluzzjonijiet possibbli. Wara li aċċetta l-Gvern tal-Ginea Bissaw, il-konsultazzjonijiet bdew fid-29 ta’ Marzu 2011 fi Brussell.
Matul il-laqgħa, il-parteċipanti ddiskutew dwar il-miżuri neċessarji biex tiġi żgurata is-supremazija tal-awtorità ċivili, it-titjib tal-governanza demokratika, il-garanzija tar-rispett tal-ordni kostituzzjonali u l-Istat tad-Dritt kif ukoll għall-ġlieda kontra l-impunità u l-kriminalità organizzata. Matul it-tħejjija tal-konsultazzjonijiet, il-parti tal-Ginea Bissaw kienet ippreżentat memorandum li jinkludi proposti għar-rimedju tal-preokkupazzjonijiet espressi fl-ittra ta’ stedina tal-Unjoni Ewropea.
L-Unjoni Ewropea ħadet nota tal-impenji tal-parti tal-Ginea Bissaw matul il-konsultazzjonijiet, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda:
— it-twettiq u l-konklużjoni, b’mod kompletament indipendenti u f’kundizzjonijiet materjali u ta’ sigurtà xierqa, ta’ inkjesti u proċeduri ġudizzjarji rigward l-qtil li saru f’Marzu u Ġunju 2009;
— l-implimentazzjoni effettiva tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, abbażi tal-istrateġija approvata mill-Parlament nazzjonali u mill-pakkett leġiżlattiv imħejji bl-appoġġ tal-missjoni PSDK tal-Unjoni Ewropea;
— it-tiġdid tal-ġerarkija militari, biex tiġi żgurata l-ħatra għall-karigi għolja ta’ kmand ta’ persuni mhux involuti f’imġiba antikostituzzjonali, illegali jew f’atti ta’ vjolenza, skont il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-pjan ta’ riforma tal-ECOWAS għas-settur tas-sigurtà;
— l-approvazzjoni u l-iffaċilitar ta’ missjoni ta’ esperti bħala appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-protezzjoni ta’ personalitajiet politiċi, li għandha ssir bl-għajnuna tal-ECOWAS, tas-CPLP u/jew imsieħba oħra;
— it-tħejjija, l-adozzjoni u l-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet operazzjonali nazzjonali għall-implimentazzjoni tar-riforma tas-settur tas-sigurtà u għall-ġlieda kontra t-traffikar tad-drogi;
— it-titjib tal-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-impjegati ċivili u militari kif ukoll miżuri għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.
Permezz tal-konklużjonijiet wara l-konsultazzjonijiet, l-Unjoni Ewropea stiednet lir-rappreżentanti tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw biex iniedu minnufih l-inkjesti u l-proċeduri ġudizzjarji relatati mal-avvenimenti tal-1 ta’ April 2010, sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-impunità, u biex jiġi propost kalendarju iktar dettaljat għall-implimentazzjoni tal-impenji, skont l-iskadenzi stabbiliti fil-pjan tal-ECOWAS.
L-Unjoni stmat li l-impenji meħuda mill-parti tal-Ginea Bissaw kienu ġeneralment inkoraġġanti. Għalhekk, iddeċidiet li tagħlaq il-konsultazzjonijiet u li tapprova miżuri xierqa skont l-Artikolu 96(2)(c) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.
It-tkomplija progressiva tal-kooperazzjoni sabiex ikun hemm ritorn għar-rispett tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, għandha jssegwi dawn il-fażijiet, skont l-Anness I hawn mehmuż (skeda tal-impenji);
1. Bħalissa, l-Unjoni Ewropea se tkompli tiffinanzja kuntratti għaddejjin u azzjonijiet ta’ natura umanitarja, ta’ urġenza, ta’ appoġġ dirett għall-poplu, relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali u ta’ appoġġ għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija. Il-Ginea Bissaw hija eliġibbli għall-iniżjattiva MDG tal-FEŻ. L-għoti ta’ finanzjamenti għall-proġetti reġjonali li jkopru l-Ginea Bissaw u fuq faċilitajiet oħra tal-FEŻ (ilma, enerġija eċċ) kif ukoll it-tnedija ta’ attivitajiet ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni ta’ proġetti futuri, u inkluż il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet futuri mill-Bank Ewropew għall-Investiment se jkunu eżaminati każ b’każ.
2. Is-sospensjoni tal-proġetti u programmi tas-settur fokali “Prevenzjoni ta’ kunflitti” (ħlief il-PROJUST, il-PARACEM u l-iżbursar tal-kontribuzzjoni għall-Fond ta’ pensjonijiet RSS tal-programm PARSS), tas-settur fokali “Ilma u enerġija” (Il-Proġett għall-elettriku tal-Bissau) u minbarra s-setturi fokali (Il-Proġett ta’ appoġġ għall-ġestjoni sostenibbli tat-trasport bit-toroq u l-Programm ta’ appoġġ għas-settur privat) se tieqaf meta:
(i) jiġi ppreżentat kalendarju dettaljat għall-implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, skont il-pjan tal-ECOWAS,
(ii) il-finalizzazzjoni, l-adozzjoni, il-promulgazzjoni u l-pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, imħejjija bl-għajnuna tal-missjoni PSDK tal-UE (UE RSS),
(iii) l-approvazzjoni u l-iffaċilitar ta’ missjoni ta’ esperti bħala appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-protezzjoni ta’ personalitajiet politiċi, li għandha ssir bl-għajnuna tal-ECOWAS, tas-CPLP u/jew imsieħba oħra kif ukoll
(iv) it-tħejjija, l-adozzjoni u l-bidu ta’ implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet operazzjonali nazzjonali ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà kif ukoll il-ġlieda kontra d-drogi u l-ħasil tal-flus.
3. L-iżburżar tal-ewwel kontribut tal-FEŻ għall-Fond tal-pensjonijiet biex ikunu jistgħu jirtiraw l-impjegati anzjani żejda tas-settur tas-sigurtà (il-Programm PARSS, id-9 FEŻ), suġġett għall-allokazzjoni effettiva tiegħu mill-Gvern u mill-ECOWAS:
(i) it-twettiq u l-konklużjoni, b’mod kompletament indipendenti u f’kundizzjonijiet materjali u ta’ sigurtà xierqa, ta’ inkjesti u proċeduri ġudizzjarji rigward l-qtil li saru f’ Marzu u Ġunju 2009; u
(ii) it-titjib tal-ġestjoni amministrattiva u finanzjarja tal-impjegati pubbliċi, ċivili u militari tal-Ginea Bissaw.
4. L-Unjoni Ewropea se tqis ir-ritorn għall-Appoġġ Baġitarju tagħha, it-tnedija mill-ġdid tal-programm il-ġdid ta’ appoġġ għas-settur tal-ġustizzja (PROJUST, is-settur fokali “Prevenzjoni ta’ kunflitti”) u t-tħejjija ta’ programm ġdid ta’ appoġġ għar-riformi ċivili u militari (PARACEM, settur fokali “Prevenzjoni ta’ kunflitti”), wara:
(i) li tkompli l-implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet operazzjonali nazzjonali ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà kif ukoll il-ġlieda kontra d-drogi u l-ħasil tal-flus,
(ii) li jibdew l-inkjesti u l-proċeduri ġudizzjarji dwar l-avvenimenti li seħħew fl-1 ta’ April 2010 kif ukoll
(iii) it-tiġdid tal-ġerarkija militari, billi tiġi żgurata l-ħatra għall-karigi għolja ta’ kmand tal-Forzi Armati ta’ persuni mhux involuti f’imġiba antikostituzzjonali, illegali jew f’atti ta’ vjolenza, skont il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-pjan ta’ riforma tal-ECOWAS għas-settur tas-sigurtà.
L-Unjoni Ewropea tirriserva d-dritt li temenda dawn il-miżuri skont il-progress fis-sitwazzjoni politika u l-implimentazzjoni tal-impenji.
Fil-qafas tal-proċedura skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, l-Unjoni Ewropea se tibqa’ tissorvelja mill-viċin is-sitwazzjoni fil-Ginea Bissaw waqt perjodu ta’ 12-il xahar. Matul dan il-perjodu, se jinżamm djalogu msaħħaħ fil-qafas tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE sabiex jassisti fil-proċess ta’ ritorn għar-rispett tal-elementi essenzjali tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE. Se jsiru verifiki regolari tas-sitwazzjoni mill-Unjoni Ewropea; l-ewwel missjoni ta’ sorveljanza se sseħħ fi żmien li m’għandux jaqbeż sitt xhur.
Fil-qafas tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, iż-żewġ partijiet jimpenjaw ruħhom li jkomplu djalogu politiku regolari dwar ir-riformi fil-qasam tal-governanza politika, ġudizzjarja u ekonomika, billi jagħtu attenzjoni partikolari għar-riforma tas-settur tas-sigurtà, il-ġlieda kontra l-impunità u għall-fenomenu tal-kriminalità organizzata, b’mod partikolari t-traffikar tad-drogi.
Dejjem tiegħek,
L-ANNESS I: SKEDA TAL-IMPENJI
|
Impenji tal-imsieħba: |
|
|
Impenji tal-parti Ginea Bissaw |
Impenji tal-Unjoni Ewropea |
|
IL-QAGĦDA PREŻENTI |
Ikompli l-finanzjament tal-kuntratti għaddejjin u azzjonijiet ta’ natura umanitarja, ta’ urġenza, ta’ appoġġ dirett għall-poplu, relatati mal-ġlieda kontra l-kriminalità transnazzjonali u ta’ appoġġ għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija. Twaqqif tal-programmi u azzjonijiet soġġetti għal miżuri xierqa. Pajjiż eliġibbli għall-inizjattiva MDG. L-għoti ta’ finanzjamenti għall-proġetti reġjonali li jkopru l-Ginea Bissaw u fuq faċilitajiet oħra tal-FEŻ (ilma, enerġija eċċ) kif ukoll it-tnedija ta’ attivitajiet ta’ tħejjija għall-implimentazzjoni ta’ proġetti futuri, u inkluż il-preparazzjoni u l-eżekuzzjoni ta’ tranżazzjonijiet futuri mill-Bank Ewropew għall-Investiment se jkunu eżaminati każ b’każ mis-servizzi kompetenti tal-Unjoni Ewropea. |
|
Eżekuzzjoni tal-impenji li ġejjin: — Preżentazzjoni ta’ kalendarju dettaljat għall-implimentazzjoni tal-impenji fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, skont il-pjan direzzjonali tal-ECOWAS — Finalizzazzjoni, adozzjoni, promulgazzjoni u pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni qafas (1) tar-riforma tas-settur tas-sigurtà, imħejjija bl-għajnuna tal-missjoni PSDK tal-UE — Approvazzjoni u ffaċilitar ta’ missjoni ta’ esperti bħala appoġġ għar-riforma tas-settur tas-sigurtà u l-protezzjoni ta’ personalitajiet politiċi, li għandha ssir bl-għajnuna tal-ECOWAS, tas-CPLP u/jew imsieħba oħra — Tħejjija, adozzjoni u bidu ta’ implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet operazzjonali nazzjonali ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà kif ukoll il-ġlieda kontra d-drogi u l-ħasil tal-flus |
Jerġgħu jibdew il-proġetti u l-programmi: — tas-settur fokali “Prevenzjoni ta’ Kunflitti” (ħlief PROJUST, tal-PARACEM u tal-iżbursar tal-kontribuzzjoni għall-Fond ta’ Pensjonijiet RSS tal-PARSS) — tas-settur fokali “Ilma u enerġija” (Proġett ta’ elettriku tal-Bissau) — minbarra setturi fokali (Proġett ta’ appoġġ għall-ġestjoni sostenibbli tat-trasport bit-triq u l-Programm ta’ Appoġġ għas-Settur Privat) (ammont attwali ta’ referenza finanzjarja: EUR 23,2 miljun) |
|
Eżekuzzjoni tal-impenji li ġejjin: — Twettiq u konklużjoni, b’mod kompletament indipendenti u f’kundizzjonijiet materjali u ta’ sigurtà xierqa, ta’ inkjesti u proċeduri ġudizzjarji rigward l-qtil li saru f’ Marzu u Ġunju 2009 — Titjib tal-ġestjoni amminsitrattiva u finanzjarja tal-impjegati pubbliċi, ċivili u militari tal-Ginea Bissaw |
— Żbursar tal-kontribuzzjoni għall-Fond għall-Pensjonijiet sabiex l-impjegati anzjani żejda jkunu jistgħu jirtiraw skont il-Programm ta’ Appoġġ għar-riforma tas-Settur tas-Sigurtà - PARSS (is-settur fokali “Prevenzjoni tal-Kunflitt”), suġġett għall-allokazzjoni effettiva mill-Gvern u mill-ECOWAS (ammont attwali ta’ referenza finanzjarja: EUR 3 miljuni) |
|
Eżekuzzjoni tal-impenji li ġejjin: — Implimentazzjoni effettiva tal-pjanijiet operazzjonali nazzjonali ta’ riforma tas-settur tas-sigurtà kif ukoll il-ġlieda kontra d-drogi u l-ħasil tal-flus — Bidu tal-inkjesti u l-proċeduri ġudizzjarji dwar l-avvenimenti li seħħew fl-1 ta’ April 2010 — Tiġdid tal-ġerarkija militari għolja, billi tiġi żgurata l-ħatra għall-karigi għolja ta’ kmand tal-Forzi Armati ta’ persuni mhux involuti f’imġiba antikostituzzjonali, illegali jew f’atti ta’ vjolenza, skont il-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-pjan ta’ riforma tal-ECOWAS għas-settur tas-sigurtà |
Ikomplu l-programmi: — ta’ appoġġ għas-settur tal-ġustizzja - PROJUST (settur fokali “Prevenzjoni ta’ Kunflitti”) — ta’ appoġġ għar-riforma tal-amministrazzjoni ċivili u militari - PARACEM (settur fokali “Prevenzjoni ta’ Kunflitti”) — ta’ Appoġġ Baġitarju (ammont attwali ta’ referenza finanzjarja: EUR 46 miljun) |
|
(1) Il-Leġiżlazzjoni qafas tar-riforma tas-settur tas-sigurtà (lista indikativa): Il-Kunċett Strateġiku tad-Difiża Nazzjonali, il-Liġi Organika tad-Difiża Nazzjonali, il-Liġi Organika Bażika tal-Organizzazzjoni tal-Forzi Armati, il-Liġi Organika tal-Kmandant tal-Forzi Armati, il-Liġi Organika tal-Armata tal-Art, il-Liġi Organika tal-Marina, il-Liġi Organika tal-Forzi tal-Ajru, il-Liġi Organika tal-Ministeru tad-Difiża Nazzjonali, il-Liġi tal-Kundizzjoni Militari (reviżjoni tal-Liġi Nru 3/99), Il-Liġi tas-Servizz Militari (reviżjoni tal-Liġi Nru 4/99), il-Liġi Organika tal-Ministeru tal-Intern. |
|
( 1 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3.
( 2 ) ĠU L 287, 28.10.2005, p. 4.
( 3 ) ĠU L 317, 15.12.2000, p. 376.