2011D0235 — MT — 23.03.2012 — 002.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/235/PESK

tat-12 ta’ April 2011

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran

(ĠU L 100, 14.4.2011, p.51)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL 2011/670/PESK tal-10 ta' Ottubru 2011

  L 267

13

12.10.2011

►M2

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2012/168/PESK tat-23 ta’ Marzu 2012

  L 87

85

24.3.2012




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL 2011/235/PESK

tat-12 ta’ April 2011

dwar miżuri restrittivi diretti kontra ċerti persuni, entitajiet u korpi fil-kuntest tas-sitwazzjoni fl-Iran



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

Billi:

(1)

Fil-21 ta’ Marzu 2011, il-Kunsill tenna t-tħassib kbir tiegħu rigward id-deterjorazzjoni tas-sitwazzjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

(2)

Il-Kunsill enfasizza b’mod partikolari ż-żieda drammatika tal-esekuzzjonijiet fix-xhur reċenti u r-ripressjoni sistematika taċ-ċittadini Iranjani, li qed jiffaċċjaw vessazzjoni u arresti għax ikunu qed jeżerċitaw id-drittijiet leġittimi tagħhom tal-libertà ta’ espressjoni u l-assemblea paċifika. L-UE tenniet il-kundanna qawwija tagħha għall-użu tat-tortura u ta’ trattament ieħor krudili, inuman u degradanti.

(3)

F’dan il-kuntest, il-Kunsill irriafferma d-determinazzjoni tiegħu li jibqa’ jindirizza l-abbużi dwar id-drittijiet tal-bniedem fl-Iran u ddikjara li huwa lest jintroduċi miżuri restrittivi immirati lejn dawk responsabbli għall-vjolazzjonijiet gravi tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran.

(4)

Il-miżuri restrittivi għandhom ikunu diretti lejn persuni, entitajiet u kopri kompliċi fi jew responsabbli għall-ordni jew l-implimentazzjoni ta’ ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem matul it-trażżin ta’ dimostraturi paċifiċi, ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, studenti jew persuni oħra li jesprimu ruħhom b’difiża għad-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluż l-libertà tal-espressjoni, kif ukoll persuni kompliċi fi jew responsabbli għall-ordni jew l-implimentazzjoni ta’ ksur serju tad-dritt għal proċess xieraq, tortura, trattament krudili, inuman u degradanti, u l-applikazzjoni indiskriminata, eċċessiva u li qed tiżdied tal-piena tal-mewt, inklużi l-eżekuzzjonijiet pubbliċi, it-taħġir, it-tagħliq jew l-eżekuzzjonijiet ta’ delinkwenti minorenni bi ksur tal-obbligi internazzjonali tal-Iran rigward id-drittijiet tal-bniedem.

(5)

Hija meħtieġa aktar azzjoni mill-Unjoni sabiex jiġu implimentati ċerti miżuri,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa għall-prevenzjoni tad-dħul fi, jew it-transitu minn ġewwa, it-territorji tagħhom tal-persuni responsabbli għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u l-persuni assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness.

2.  Il-paragrafu 1 m’għandux jobbliga Stat Membru biex jiċħad id-dħul fit-territorju tiegħu liċ-ċittadini tiegħu stess.

3.  Il-paragrafu 1 għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-każijiet fejn Stat Membru jkun marbut minn obbligu taħt id-dritt internazzjonali, jiġifieri:

(a) bħala pajjiż ospitanti għal organizzazzjoni intergovernattiva internazzjonali;

(b) bħala pajjiż ospitanti għal konferenza internazzjonali msejħa min-Nazzjonijiet Uniti, jew taħt l-awspiċji tagħha;

(c) taħt ftehim multilaterali li jikkonferixxi privileġġi u immunitajiet; jew

(d) taħt it-Trattat ta’ Konċiljazzjoni tal-1929 (il-Patt Lateran) konkluż mis-Santa Sede (Stat tal-Belt tal-Vatikan) u l-Italja.

4.  Il-paragrafu 3 għandu jiġi kkunsidrat bħala applikabbli wkoll f’każijiet fejn Stat Membru jkun pajjiż ospitanti għall-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE).

5.  Il-Kunsill għandu jkun infurmat debitament fil-każijiet kollha fejn Stat Membru jagħti eżenzjoni skont il-paragrafu 3 jew 4.

6.  L-Istati Membri jistgħu jagħtu eżenzjonijiet mill-miżuri imposti taħt il-paragrafu 1 fejn l-ivvjaġġar ikun ġustifikat minħabba ħtieġa umanitarja urġenti, jew minħabba attendenza f’laqgħat intergovernattivi, inklużi dawk promossi mill-Unjoni, jew ospitati minn Stat Membru li jkollu l-Presidenza kurrenti tal-OSKE, fejn isir djalogu politiku li jippromwovi direttament id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fil-Iran.

7.  Stat Membru li jixtieq jagħti eżenzjonijiet kif imsemmija fil-paragrafu 6 għandu jinnotifika lill-Kunsill bil-miktub. L-eżenzjoni għandha titqies bħala mogħtija sakemm Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill ma joġġezzjonax bil-miktub fil-jumejn ta’ xogħol wara li tiġi rċevuta l-eżenzjoni proposta. Fil-każ li Membru wieħed jew aktar tal-Kunsill iqajmu oġġezzjoni, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, jista’ madanakollu jiddeċiedi li jagħti l-eżenzjoni proposta.

8.  Fil-każijiet fejn skont il-paragrafi 3, 4, 6 jew 7, Stat Membru jawtorizza d-dħul fi, jew it-transitu minn ġewwa, it-territorju tiegħu tal-persuni elenkati fl-Anness, l-awtorizzazzjoni għandha tkun limitata għall-fini li għaliha tkun ingħatat u għall-persuni kkonċernati minnha.

Artikolu 2

1.  Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni responsabbli għall-vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, u l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà ta’, miżmuma jew ikkontrollati minn persuni, entitajiet u korpi assoċjati magħhom, kif elenkati fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.

2.  L-ebda fond jew riżorsa ekonomika ma għandha ssir disponibbli, b’mod dirett jew indirett, lil jew għall-benefiċċju tal-persuni, l-entitajiet u l-korpi elenkati fl-Anness.

3.  L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru tista’ tawtorizza r-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jew li ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi jsiru disponibbli, taħt tali kondizzjonijiet li hi tikkunsidra adatti, wara li tkun iddeterminat li l-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi kkonċernati huma:

(a) meħtieġa biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni elenkati fl-Anness u l-membri tal-familja dipendenti minnhom, inklużi pagamenti għal ikel, kera jew ipoteki, mediċini u kura medika, taxxi, premiums tal-assigurazzjoni, u ħlasijiet ta’ servizzi pubbliċi;

(b) maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ onorarji professjonali raġjonevoli u għar-rimborż ta’ spejjeż magħmula assoċjati mal-forniment ta’ servizzi legali;

(c) maħsubin esklussivament għall-pagament ta’ miżati jew ħlasijiet għal servizzi fiż-żamma jew manteniment ta’ rutina ta’ fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati; jew

(d) meħtieġa għal spejjeż straordinarji, dment li l-awtorità kompetenti tkun innotifikat lill-awtorità kompetenti tal-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni bir-raġunijiet li għalihom tikkunsidra li għandha tingħata awtorizzazzjoni speċifika mill-inqas ġimgħatejn qabel l-awtorizzazzjoni.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija taħt dan il-paragrafu.

4.  Permezz ta’ deroga mill-paragrafu 1, l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, dment li jintlaħqu l-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi huma soġġetti ta’ garanzija ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrarja stabbilita qabel id-data li fiha l-persuna jew l-entità msemmija fil-paragrafu 1 ġiet inkluża fl-Anness, jew ta’ sentenza ġudizzjarja, amministrattiva jew arbitrarja mogħtija qabel dik id-data;

(b) il-fondi jew ir-riżorsi ekonomiċi ser jintużaw esklussivament sabiex jintlaħqu l-pretensjonijiet żgurati minn tali garanzija jew rikonoxxuti bħala validi f’tali sentenza, fil-limiti stabbiliti mil-liġijiet u r-regolamenti applikabbli li jirregolaw id-drittijiet ta’ persuni li jkollhom tali pretensjonijiet;

(c) il-garanzija jew is-sentenza mhix għall-benefiċċju ta’ persuna jew entità elenkata fl-Anness; u

(d) ir-rikonoxximent tal-garanzija jew tas-sentenza ma jmurx kontra l-linji politiċi pubbliċi fl-Istat Membru kkonċernat.

L-Istat Membru kkonċernat għandu jinforma lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni bi kwalunkwe awtorizzazzjoni mogħtija skont dan il-paragrafu.

5.  Il-paragrafu 1 ma għandux jipprevjeni lil persuna,jew entità elenkata milli tagħmel ħlas dovut taħt kuntratt li daħal fis-seħħ qabel id-data li fiha tali persuna jew entità tkun ġiet elenkata fl-Anness, dment li l-Istat Membru kkonċernat ikun iddetermuna li l-ħlas ma jiġix riċevut direttament jew indirettament minn persuna jew entità msemmija fil-paragrafu 1.

6.  Il-paragrafu 2 ma għandux japplika għaż-żieda ma’ kontijiet iffriżati ta’:

(a) imgħax jew dħul ieħor fuq dawk il-kontijiet; jew

(b) pagamenti dovuti taħt kuntratti, ftehimiet jew obbligi li ġew konklużi jew irriżultaw qabel id-data li fiha dawk il-kontijiet saru soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafi 1 u 2,

dment li kwalunkwe tali imgħax, dħul ieħor u pagamenti jibqgħu soġġetti għall-miżuri previsti fil-paragrafu 1.

▼M2

Artikolu 2a

Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir jew software intenzjonati primarjament biex jintuża fil-monitoraġġ jew l-interċettazzjoni mir-Reġim Iranjan, jew għan-nom tiegħu, tal-Internet u tal-komunikazzjoni bit-telefon fuq networks mobbli jew fissi fl-Iran u l-provvediment ta' assistenza għall-installazzjoni, it-tħaddim jew l-aġġornament ta' tali tagħmir jew software għandhom jiġu pprojbiti.

L-Unjoni għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiddetermina l-elementi rilevanti li għandhom ikunu koperti b’dan l-Artikolu.

Artikolu 2b

1.  Il-bejgħ, il-forniment, it-trasferiment jew l-esportazzjoni ta' tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna lill-Iran minn ċittadini ta' Stati Membri jew mit-territorji tal-Istati Membri jew bl-użu tal-bastimenti jew tal-ajruplani li jtajru l-bandiera tagħhom, għandhom ikunu pprojbiti, kemm jekk joriġinaw u kif ukoll jekk ma joriġinawx fit-territorji tagħhom.

2.  Huwa wkoll ipprojbit:

(a) il-forniment, dirett jew indirett, ta’ assistenza teknika, servizzi ta’ senserija jew servizzi oħra relatati mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 jew relatati mal-forniment, il-manifattura, il-manutenzjoni u l-użu ta’ tali oġġetti, lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu, fl-Iran.

(b) il-forniment, dirett jew indirett, ta’ finanzjament jew assistenza finanzjarja, relatata mal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1, inklużi b’mod partikolari għotjiet, self u assigurazzjoni ta’ kreditu għall-esportazzjoni, għal kwalunkwe bejgħ, provvista, trasferiment jew esportazzjoni ta’ tali oġġetti, jew għall-forniment ta’ assistenza teknika relatata, servizzi ta' senserija jew servizzi oħra lil kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, entità jew korp fi, jew għall-użu, fl-Iran.

▼B

Artikolu 3

1.  Il-Kunsill, waqt li jaġixxi fuq proposta minn Stat Membru jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, għandu jistabbilixxi u jemenda l-lista fl-Anness.

2.  Il-Kunsill għandu jikkomunika d-deċiżjoni tiegħu, inklużi r-raġunijiet għall-elenkar, lill-persuna jew l-entità kkonċernata, jew direttament, jekk l-indirizz ikun magħruf, jew permezz tal-pubblikazzjoni ta’ avviż, sabiex tali persuna jew entità tingħata l-opportunità li tippreżenta osservazzjonijiet.

3.  Fejn jiġu ppreżentati osservazzjonijiet, jew fejn jiġu ppreżentati provi sostanzjali ġodda, il-Kunsill għandu jirrieżamina d-deċiżjoni tiegħu u jinforma lill-persuna jew l-entità kkonċernata kif adatt.

Artikolu 4

1.  L-Anness għandu jinkludi r-raġunijiet għall-elenkar tal-persuni u l-entitajiet ikkonċernati.

2.  L-Anness għandu jinkludi wkoll, fejn disponibbli, l-informazzjoni meħtieġa sabiex jiġu identifikati l-persuni jew l-entitajiet ikkonċernati. Fir-rigward tal-persuni, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, inklużi l-psewdonimi, id-data u l-post tat-twelid, in-nazzjonalità, in-numri tal-passaport u tal-karta tal-identità, is-sess, l-indirizz jekk magħruf, u l-funzjoni jew il-professjoni. Fir-rigward tal-entitajiet, tali informazzjoni tista’ tinkludi ismijiet, il-post u d-data tar-reġistrazzjoni, in-numru tar-reġistrazzjoni u l-post tan-negozju.

▼M2

Artikolu 4a

Il-parteċipazzjoni, konxjament u bi ħsieb, f’attivitajiet li għandhom l-għan jew l-effett li jevitaw il-miżuri mesmmija fl-Artikoli 2a u 2b għandha tiġi pprojbita.

▼B

Artikolu 5

Sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-miżuri, l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi Stati terzi sabiex jadottaw miżuri restrittivi simili.

▼M2

Artikolu 6

1.  Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

2.  Din id-Deċiżjoni għandha tapplika sat-13 ta' April 2013. Hija għandha tinżamm taħt rieżami kostanti. Għandha tiġġedded, jew tiġi emendata kif adatt, jekk il-Kunsill iqis li l-objettivi tagħha ma ntlaħqux.

▼B




ANNESS

Lista ta' persuni u entitajiet imsemmija fl-Artikoli 1 u 2



Persuni

 

Isem

Informazzjoni identifikattiva

Raġunijiet

Data tal-elenkar

1.

AHMADI-MOQADDAM Esmail

Post tat-twelid: Teħeran (Iran) - Data tat-twelid: 1961

Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran. Il-forzi taħt il-kmand tiegħu wettqu attakki brutali fuq protesti paċifiċi, u attakk vjolenti mal-lejl fuq id-dormitorji tal-Università ta' Teħeran fil-15 ta' Ġunju 2009.

 

2.

ALLAHKARAM Hossein

 

Kap tal-Ansar-e Hezbollah u Kurunell fl-IRGC Huwa kien ko-fondatur tal-Ansar-e Hezbollah. Din il-forza paramilitari kienet responsabbli għall-vjolenza eċċessiva waqt ir-repressjoni kontra l-istudenti u l-universitajiet fl-1999, l-2002 u fl-2009.

 

3.

ARAGHI (ERAGHI) Abdollah

 

Viċi Kap tal-Forzi tal-Art tal-IRGC

Huwa kellu responsabblità diretta u personali għar-repressjoni tal-protesti matul is-sajf kollu tal-2009.

 

4.

FAZLI Ali

 

Viċi Kmandant tal-Basij, ex Kap tal-Korpi Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta' Teħeran (sa Frar 2010). Il-Korpi Seyyed al-Shohada huma inkarigati bis-sigurtà fil-provinċja ta' Teħeran u kellhom rwol prinċipali fir-repressjoni brutali ta' dawk li pprotestaw fl-2009.

 

5.

HAMEDANI Hossein

 

Kap tal-Korpi Rassoulollah tal-IRGC inkarigat minn Greater Tehran minn Novembru 2009. Il-Korpi Rassoulollah huma inkarigati mis-sigurtà fi Greater Tehran u kellhom rwol prinċipali fit-trażżin vjolenti ta' persuni li ħadu sehem fi protesti fl-2009. Responsabbli għar-repressjoni tal-protesti matul l-avvenimenti ta' Ashura (Diċembru 2009) u sa issa.

 

6.

JAFARI Mohammad-Ali

(magħruf ukoll bħala “Aziz Jafari”)

Post tat-twelid: Yazd (Iran) - Data tat-twelid: 01.09.1957

Kmandant Ġeneral tal-IRGC. L-IRGC u l-Bażi ta' Sarollah taħt il-kmand tal-Ġeneral Aziz Jafari kellhom rwol prinċipali fl-indħil illegali tal-Elezzjonijiet Presidenzjali tal-2009, bl-arrest u ż-żamma ta' attivisti politiċi, kif ukoll bil-konfrontazzjonijiet kontra persuni li ħadu sehem fi protesti fit-toroq.

 

7.

KHALILI Ali

 

Ġeneral tal-IRGC, Kap tat-Taqsima Medika fil-Bażi ta' Sarollah. Huwa ffirma ittra li ntbagħtet lill-Ministeru tas-Saħħa fis-26 ta' Ġunju 2009 li tipprojbixxi l-preżentazzjoni ta' dokumenti jew records mediċi lil persuni li ndarbu jew ġew ospitalizzati matul avvenimenti li seħħew wara l-elezzjonijiet.

 

8.

MOTLAGH Bahram Hosseini

 

Kap tal-Korpi ta' Seyyed al-Shohada tal-IRGC, Provinċja ta' Teħeran. Il-Korpi ta' Seyyed al-Shohada kellhom rwol prinċipali fl-organizzazzjoni tar-repressjoni tal-protesti.

 

9.

NAQDI Mohammad-Reza

Post tat-twelid: Najaf (Iraq) – Data tat-twelid: Madwar 1952

Kmandant tal-Basij. Bħala kmandant tal-Forzi tal-Basij tal-IRGC, Naqdi kien responsabbli għal, jew kompliċi fl-abbużi tal-Basij li seħħew tard fl-2009, inkluż għar-reazzjoni vjolenti għall-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009, li wasslet għall-mewt ta' madwar 15-il persuna u l-arrest ta' mijiet ta' persuni li pprotestaw.

Qabel il-ħatra tiegħu bħala kmandant tal-Basij f'Ottubru 2009, Naqdi kien il-kap tal-Unità tal-Intelligence tal-Basij responsabbli għall-interrogazzjoni ta' dawk li ġew arrestati matul ir-repressjoni li seħħet wara l-elezzjonijiet.

 

10.

RADAN Ahmad-Reza

Post tat-twelid: Isfahan (Iran) - Data tat-twelid:1963

Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran. Bħala Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali mill-2008, Radan kien responsabbli għal swat, qtil u arresti u detenzjonijiet arbitrarji ta' persuni li ħadu sehem fi protesti, imwettqa mill-forzi tal-pulizja.

 

11.

RAJABZADEH Azizollah

 

Ex Kap tal-Pulizija ta' Teħeran (sa Jannar 2010). Bħala Kmandant tal-Forzi ta' Infurzar tal-Liġi fi Greater Tehran, Azizollah Rajabzadeh huwa l-akkużat bl-aktar kariga għolja fil-kawża tal-abbużi fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak.

 

12.

SAJEDI-NIA Hossein

 

Kap tal-Pulizija ta' Teħeran, ex Viċi Kap tal-Pulizija Nazzjonali tal-Iran responsabbli għall-Operazzjonijiet tal-Pulizija. Huwa inkarigat, mill-Ministeru tal-Intern, bil-koordinazzjoni ta' operazzjonijiet ta' repressjoni fil-belt kapitali Iranjana.

 

13.

TAEB Hossein

Post tat-twelid: Teħeran - Data tat-twelid: 1963

Ex Kmandant tal-Basij (sa Ottubru 2009). Fil-preżent viċi kmandant tal-IRGC għall-Intelligence. Forzi taħt il-kmand tiegħu ħadu sehem fi swat tal-massa, qtil, detenzjonijiet u torturi ta' persuni li pprotestaw b'mod paċifiku.

 

14.

SHARIATI Seyeed Hassan

 

Kap tal-Ġudikatura ta' Mashhad. Proċessi taħt is-superviżjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati, u kienu bbażati fuq stqarrijiet li ġew akkwistati bl-użu ta' pressjoni u tortura. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

 

15.

DORRI-NADJAFABADI Ghorban-Ali

Post tat-twelid: Najafabad (Iran) - Data tat-Twelid: 1945

Ex Prosekutur Ġenerali tal-Iran sa Settembru 2009 (ex Ministru tal-Intelligence matul il-Presidenza ta' Khatami). Bħala Prosekutur Ġenerali tal-Iran, huwa ordna u ssorvelja l-proċessi spettaklu b'segwitu għall-ewwel protesti ta' wara l-elezzjonijiet, fejn l-akkuzati kienu miċħuda d-drittijiet tagħhom, avukat. Huwa responsabbli wkoll għall-abbużi ta' Kahrizak.

 

16.

HADDAD Hassan

(magħruf ukoll bħala Hassan ZAREH DEHNAVI)

 

Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 26. Huwa kien inkarigat mill-każijiet tad-detenuti relatati mal-kriżijiet ta' wara l-elezzjoni u hedded regolarment familji ta' detenuti sabiex jissilenzjahom. Huwa kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni għaċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak.

 

17.

Hodjatoleslam Seyed Mohammad SOLTANI

 

Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Mashhad, Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

 

18.

HEYDARIFAR Ali-Akbar

 

Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran. Huwa ħa sehem fil-proċessi ta' persuni li pprotestaw. Huwa ġie interrogat mill-Ġudikatura dwar atroċitajiet ta' Kahrizak. Huwa kien strumentali fil-ħruġ ta' ordnijiet ta' detenzjoni biex detenuti jintbagħtu fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak.

 

19.

JAFARI-DOLATABADI Abbas

 

Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran minn Awwissu 2009. L-uffiċċju ta' Dolatabadi akkuża numru kbir ta' persuni li pprotestaw, inklużi individwi li ħadu sehem fil-protesti ta' Jum l-Ashura f'Diċembru 2009. Huwa ordna l-għeluq tal-uffiċċju ta' Karroubi f' Settembru 2009 u l-arrest ta' diversi politiċi riformisti, u pprojbixxa żewġ partiti politiċi riformisti f'Ġunju 2010. L-uffiċċju tiegħu akkuża lil persuni li pprotestaw bl-akkuża tal-Muharebeh, jew mibegħda kontra Alla, li ġġorr sentenza kapitali, u caħad proċess dovut lil dawk li kienu qed jiffaccjaw sentenza kapitali. L-uffiċċju tiegħu fittex u arresta wkoll riformisti, attivisti tad-drittjitiet tal-bniedem, u membri tal-midja, bħala parti minn repressjoni wiesgħa tal-oppożizzjoni politika.

 

20.

MOGHISSEH Mohammad

(magħruf ukoll bħala NASSERIAN)

 

Imħallef, Kap tal-Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 28. Huwa inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni. Huwa ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul proċessi inġusti għal attivisti u ġurnalisti soċjali, politiċi, u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw u attivisti soċjali u politiċi.

 

21.

MOHSENI-EJEI Gholam-Hossein

Post tat-twelid: Ejiyeh - Data tat-twelid: madwar 1956

Prosekutur Ġenerali tal-Iran minn Settembru 2009 u kelliem għall-Ġudikatura (ex Ministru tal-Intelligence matul l-elezzjonijiet tal-2009). Waqt li kien Ministru tal-Intelligence matul l-elezzjoni, aġenti tal-intelligence taħt il-kmand tiegħu kienu responsabbli għad-detenzjoni, tortura u l-akkwist ta' stqarrijiet foloz bl-użu ta' pressjoni mingħand mijiet ta' attivisti, ġurnalisti, dissidenti u riformisti politiċi. Barra minn hekk, figuri politiċi kienu mġiegħla jagħmlu stqarrijiet foloz taħt interrogazzjonijiet insapportabbli li kienu jinkludu tortura, abbuż, rikatti, u t-theddid ta' membri tal-familja.

 

22.

MORTAZAVI Said

Post tat-twelid: Meybod, Yazd (Iran) - Data tat-twelid: 1967

Kap tat-Task Force tal-Iran kontra l-Kuntrabandu, ex Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran sa Awwissu 2009. Bħala Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran, huwa kien ħareġ ordni ġenerali għad-detenzjoni ta' mijiet ta' attivisti, ġurnalisti u studenti. Huwa ġie sospiż mill-kariga f'Awwissu 2010 wara investigazzjoni mill-ġudikatura Iranjana dwar ir-rwol tiegħu fl-imwiet ta' tliet irġiel miżmuma fuq l-ordinijiet tiegħu wara l-elezzjoni.

 

23.

PIR-ABASSI Abbas

 

Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħat 26 u 28. Huwa inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni, ħareġ sentenzi ta' priġunierija fit-tul matul il-proċessi inġusti kontra attivisti għad-drittijiet tal-bniedem u diversi sentenzi kapitali għal persuni li pprotestaw.

 

24.

MORTAZAVI Amir

 

Viċi Prosekutur ta' Mashhad. Proċessi taħt il-prosekuzzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

 

25.

SALAVATI Abdolghassem

 

Imħallef, Kap tal-Qorti Revoluzzjonarja ta' Teħeran, fergħa 15. Inkarigat bil-każijiet ta' wara l-elezzjoni, huwa kien l-Imħallef li ppresieda l-“proċessi spettaklu” fis-sajf 2009, huwa kkundanna għall-mewt żewġ monarkisti li dehru fil-proċessi spettaklu. Huwa kkundanna aktar minn mitt priġunier politiku, attivisti għad-drittijiet tal-bniedem, u dimostranti għal sentenzi ta' priġunerija fit-tul.

 

26.

SHARIFI Malek Adjar

 

Kap tal-Ġudikatura tal-Lvant tal-Ażerbajġan. Huwa kien responsabbli għll-proċess ta' Sakineh Mohammadi-Ashtiani.

 

27.

ZARGAR Ahmad

 

Imħallef, Qorti ta' Appell ta' Teħeran, fergħa 36. Huwa kkonferma mandati ta' priġunerija fit-tul u mandati kapitali kontra persuni li pprotestaw.

 

28.

YASAGHI Ali-Akbar

 

Imħallef, Qorti Revoluzzjonarja ta' Mashhad. Proċessi taħt il-ġurisdizzjoni tiegħu tmexxew b'mod sommarju u f'sessjonijiet magħluqa, mingħajr konformità mad-drittijiet bażiċi tal-akkużati. Peress li sentenzi ta' eżekuzzjoni nħarġu bil-massa, inħarġu pieni kapitali mingħajr osservanza tajba ta' proċeduri ta' smigħ ġust.

 

29.

BOZORGNIA Mostafa

 

Kap tas-Sala 350 fil-Ħabs ta' Evin. F'diversi okkażjonijiet uża vjolenza sproporzjonata fuq il-priġunieri.

 

30.

ESMAILI Gholam-Hossein

 

Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Iran. F'din il-kariga, huwa kien kompliċi għad-detenzjoni massiva ta' persuni li pprotestaw għal raġunijiet politiċi u għal ħabi ta' abbużi mwettqa fis-sistema ta' priġunerija.

 

31.

SEDAQAT Farajollah

 

Assistent Segretarju tal-Amministrazzjoni Ġenerali tal-Ħabsijiet f'Teħeran - Ex Kap tal-ħabs ta' Evin, Teħeran sa Ottubru 2010, perijodu li matulu twettqet it-tortura. Huwa kien gwardjan u hedded u għamel pressjoni fuq il-priġunieri bosta drabi.

 

32.

ZANJIREI Mohammad-Ali

 

Bħala Viċi Kap tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Iran, responsabbli għall-abbużi u ċ-ċaħda tad-drittijiet fiċ-ċentru ta' detenzjoni. Huwa ordna t-trasferiment ta' ħafna ħabsin għal detenzjoni solitarja.

 

▼M1

33.

ABBASZADEH-MESHKINI, Mahmoud

 

Direttur politiku tal-Ministeru tal-Intern.

Bħala Kap tal-Kumitat tal-Artikolu 10 tal-Liġi dwar Attivitajiet ta' Partiti u Gruppi Politiċi huwa jieħu ħsieb l-awtorizzazzjoni ta' dimostrazzjonijiet u avvenimenti pubbliċi oħra u r-reġistrazzjoni ta' partiti politiċi.

Fl-2010, huwa ssospenda l-attivitajiet ta' żewġ partiti politiċi riformisti marbuta ma' Mousavi - il-Front Iżlamiku għall-Parteċipazzjoni tal-Iran u l-Organizzazzjoni ta' Mujahedeen għar-Rivoluzzjoni Iżlamika.

Mill-2009 'l quddiem huwa rrifjuta b'mod konsistenti u kontinwu l-laqgħat kollha mhux governattivi, u b'hekk ċaħħad dritt kostituzzjonali għall-protesta u wassal għal ħafna arresti ta' dimostraturi paċifiċi bi ksur tad-dritt għal-libertà ta' assemblea.

Fl-2009 huwa ċaħħad ukoll l-oppożizzjoni minn permess għal ċerimonja biex tibki t-telfa tan-nies maqtula fi protesti matul l-elezzjonijiet Presidenzjali.

10.10.2011

34.

AKBARSHAHI Ali-Reza

 

Kmandant tal-Pulizija ta' Teħeran.

Il-forza tal-pulizija hija responsabbli għall-użu ta' vjolenza extraġudizzjarja fuq suspetti matul l-arrest u d-detenzjoni ta' qabel il-qorti, kif irrappurtat minn xhieda tal-Human Rights Watch (HRW).

Il-pulizija ta' Teħeran kienet implikata fi tfittxijiet fid-dormitorji tal-università ta' Teħeran f'Ġunju 2009, meta skont kummissjoni Iranjana ta' Majlis, aktar minn 100 student ġie mweġġa' mill-pulizija u Basiji.

10.10.2011

35.

AKHARIAN Hassan

 

Gwardjan ta' Sala 1 tal-ħabs ta' Radjaishahr, Karadj.

Diversi ex-detenuti ddenunzjaw l-użu ta' tortura minnu, kif ukoll ordnijiet li ta biex il-priġunieri ma jirċevux għajnuna medika. Skont traskrizzjoni ta' detenut irrappurtat fil-ħabs ta' Radjaishahr, il-gwardjani sawtuh bil-qawwa, u Akharian kien jaf b'dak kollu li kien qed jiġri.

Hemm ukoll mill-inqas każ wieħed irrappurtat tal-mewt ta' detenut, Mohsen Beikvand, taħt il-gwardja ta' Akharian.

10.10.2011

36.

AVAEE Seyyed Ali-Reza (Magħruf ukoll bħala: AVAEE Seyyed Alireza)

 

President tal-Ġurisdizzjoni ta' Teħeran.

Bħala President tal-Ġurisdizzjoni ta' Teħeran huwa kien responsabbli għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem, arresti arbitrarji, ċaħdiet tad-drittijiet tal-priġunieri u żieda fl-eżekuzzjonijiet.

10.10.2011

37.

BANESHI Jaber

 

Prosekutur ta' Shiraz.

Huwa responsabbli għall-użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt billi qata' tużżani ta' sentenzi għall-mewt. Prosekutur matul il-każ tal-ibbumbardjar ta' Shiraz fl-2008, li ntuża mir-reġim biex jagħtu l-piena tal-mewt lil diversi opponenti tar-reġim.

10.10.2011

38.

FIRUZABADI Maj-Gen Dr Seyyed Hasan (Margħuf ukoll bħala: FIRUZABADI Maj-Gen Dr Seyed Hassan; FIROUZABADI Maj-Gen Dr Seyyed Hasan; FIROUZABADI Maj-Gen Dr Seyed Hassan)

Post tat-Twelid: Machhad.

Data tat-Twelid: 3.2.1951

Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati Konġunti tal-Iran.

Membru wkoll tal-Kunsill Suprem tas-Sigurtà Nazzjonali (SNSC). L-ogħla kmand militari responsabbli mit-tmexxija tad-diviżjonijiet u l-politiki kollha militari, fosthom il-Korpi tal-Gwardji tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) u l-pulizija. Il-forzi taħt il-katina ta' kmand formali tiegħu wettqu ripressjoni brutali tad-dimostraturi paċifiċi kif ukoll detenzjonijiet tal-massa.

10.10.2011

39.

GANJI Mostafa Barzegar

 

Prosekutur Ġenerali ta' Qom.

Huwa responsabbli għad-detenzjoni u l-maltrattament arbitrarji ta' bosta offensuri f'Qom. Huwa kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut li jikkontribwixxi għall-użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt u li wassal għal żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet mill-bidu tas-sena 'l hawn.

10.10.2011

40.

HABIBI Mohammad Reza

 

Viċi Prosekutur ta' Isfahan.

Kompliċi fi proċedimenti li jċaħħdu l-imputati minn smigħ ġust - bħal Abdollah Fathi li ngħata l-mewt f'Mejju 2011 wara li d-dritt li jiġi proċessat u l-kwistjonijiet ta' saħħa mentali tiegħu ġew injorati minn Habibi matul is-smigħ tiegħu f'Marzu 2010.

Huwa għalhekk kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut li jikkontribwixxi għall-użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt u li wassal għal żieda qawwija fl-eżekuzzjonijiet mill-bidu tas-sena 'l hawn.

10.10.2011

41.

HEJAZI Mohammad

Post tat-Twelid: Ispahan

Data tat-Twelid: 1956

Kap tal-Korpi ta' Sarollah tal-IRGC f'Teħeran, dak li qabel kien Kap tal-Forzi ta' Basij.

Il-Korpi ta' Sarollah kellhom rwol ċentrali fir-ripressjoni ta' wara l-elezzjoni.

Mohammed HEJAZI kien l-awtur ta' ittra mibgħuta lill-Ministeru tas-Saħħa fis-26 ta' Ġunju 2009 li pprojbixxiet milli jiġu żvelati dokumenti jew reġistri mediċi ta' kull min indarab jew iddaħħal l-isptar matul l-avvenimenti ta' wara l-elezzjoni, u dan jimplika ħabi.

10.10.2011

42.

HEYDARI Nabiollah

 

Kap tal-Awtorità tal-Pulizija tal-Ajruport Iranjana.

Huwa kien strumentali, minn Ġunju 2009, għall-arrest fl-Ajruport Internazzjonali Imam Khomeini ta' dimostraturi Iranjani li kienu qed jippruvaw jitilqu mill-pajjiż wara li bdiet ir-ripressjoni - inkluż ġewwa ż-żona internazzjonali.

10.10.2011

43.

JAVANI Yadollah

 

Kap tal-Uffiċċju Politiku tal-IRGC.

Huwa kien wieħed mill-ewwel uffiċjali għoljin li talab għall-arrest ta' Moussavi, Karroubi u Khatami. Huwa appoġġja aktar minn darba l-użu ta' vjolenza u tattiċi ta' interrogazzjoni ħorox fuq dimostraturi ta' wara l-elezzjoni (li jiġġustifikaw stqarrijiet irrekordjati għat-televiżjoni) inkluż l-għoti ta' struzzjonijiet għal maltrattament extraġudizzjarju ta' dissidenti permezz ta' pubblikazzjonijiet iċċirkolati lill-IRGC u Basij.

10.10.2011

44.

JAZAYERI Massoud

 

Viċi Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati Konġunti tal-Iran, responsabbli għall-affarijiet kulturali (magħrufin ukoll bħala l-Kwartieri Ġenerali tal-Pubbliċità tad-Difiża tal-Istat).

Huwa kkollabora b'mod attiv fir-ripressjoni bħala viċi kap tal-persunal. Huwa wissa f'intervista f'Kayhan li ħafna dimostraturi ġewwa u barra l-Iran ġew identifikati u ser jiġu trattati fil-mument opportun. Huwa talab pubblikament għar-ripressjoni ta' kanali tal-mezzi tax-xandir barranin u tal-oppożizzjoni Iranjana. Fl-2010, huwa talab lill-gvern jgħaddi liġijiet aktar iebsin kontra l-Iranjani li jikkooperaw ma' sorsi tal-mezzi tax-xandir barranin.

10.10.2011

45.

JOKAR Mohammad Saleh

 

Kmandant tal-Forzi tal-Istudenti ta' Basij.

F'dan ir-rigward huwa kien involut b'mod attiv fit-trażżin ta' protesti fl-iskejjel u l-universitajiet u d-detenzjoni extraġudizzjarja ta' attivisti u ġurnalisti.

10.10.2011

46.

KAMALIAN Behrouz

Post tat-Twelid: Teħeran

Data tat-Twelid: 1983

Kap tal-grupp ċibernetiku marbut mal-IRGC “Ashiyaneh”.

Is-Sigurtà Diġitali “Ashiyaneh”, imwaqqfa minn Behrouz Kamalian hija responsabbli għal ripressjoni ċibernetika intensiva kemm fuq opponenti u riformisti domestiċi kif ukoll istituzzjonijiet barranin. Fil-21 ta' Ġunju 2009, is-sit elettroniku tal-Kmand tad-Difiża Ċibernetika 32 tal-Gwardjan Rivoluzzjonarju ppubblika ritratti tal-uċuh ta' 26 persuna, li allegatament ittieħdu matul id-dimostrazzjonijiet ta' wara l-elezzjoni. Mehmuż kien hemm appell lill-Iranjani biex “jidentifikaw lil dawk li ħadu sehem fl-irvellijiet”.

10.10.2011

47.

KHALILOLLAHI Moussa (Magħruf ukoll bħala: KHALILOLLAHI Mousa)

 

Prosekutur ta' Tabriz.

Huwa involut fil-każ ta' Sakineh Mohammadi-Ashtani u oppona l-ħelsien tagħha f'diversi okkażjonijiet u huwa kompliċi fi ksur serju tad-dritt għal proċess dovut.

10.10.2011

48.

MAHSOULI Sadeq (Magħruf ukoll bħala: MAHSULI, Sadeq)

Post tat-twelid: Oroumieh (Iran)

Data tat-Twelid: 1959/60

Dak li qabel kien Ministru tal-Intern sa Awwissu 2009

Bħala Ministru tal-Intern, Mahsouli kelli awtorità fuq il-forzi tal-pulizija, l-aġenti tas-sigurtà tal-ministeru tal-intern, u l-aġenti pajsana kollha. Il-forzi taħt it-tmexxija tiegħu kienu responsabbli għall-attakki fuq id-dormitorji tal-Università ta' Teħeran fl-14 ta' Ġunju 2009 u t-tortura tal-istudenti fil-kantina tal-Ministeru (il-livell ta' taħt l-art magħruf nru 4). Dimostranti oħrajn ġew abbużati b'mod sever fiċ-Ċentru ta' Detenzjoni ta' Kahrizak, li kien operat mill-pulizija taħt il-kontroll ta' Mahsouli.

10.10.2011

49.

MALEKI Mojtaba

 

Prosekutur ta' Kermanshah.

Responsabbli għal żieda drammatika fis-sentenzi tal-mewt inklużi sebgħa f'jum wieħed fit-3 ta' Jannar 2010, mgħallqin fil-ħabs ċentrali ta' Kermanshah, wara akkuża mill-Imħallef Maleki. Għaldaqstant huwa responsabbli għall-użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt.

10.10.2011

50.

OMIDI Mehrdad

 

Kap tat-Taqsima tar-Reati Kriminali bil-Kompjuter tal-Pulizija Iranjana.

Huwa responsabbli għal eluf ta' investigazzjonijiet u akkużi ta' riformisti u opponenti politiċi li jużaw l-Internet. Għaldaqstant huwa responsabbli għad-direzzjoni ta' ksur gravi ta' drittijiet tal-bniedem fir-ripressjoni ta' persuni li jitkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni.

10.10.2011

51.

SALARKIA Mahmoud

 

Deputat għall-Prosekutur Ġenerali ta' Teħeran għall-Affarijiet tal-Ħabs.

Direttament responsabbl għal ħafna mill-mandati għall-arrest kontra dimostranti u attivisti innoċenti u paċifiċi. Ħafna rapporti minn difensuri tad-drittijiet tal-bniedem juru li virtwalment dawk kollha arrestati huma, fuq struzzjonijiet tiegħu, miżmuma f'iżolament mingħajr aċċess għall-avukat jew il-familji tagħhom, u mingħajr akkuża, għal tul ta' żmien li jvarja, spiss f'kondizzjonijiet li jammontaw għal għajbien sfurzat. Il-familji tagħhom ħafna drabi ma jiġux notifikata dwar l-arrest.

10.10.2011

52.

SOURI Hojatollah

 

Bħala kap tal-ħabs ta' Evin, għandu responsabbiltà għal abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem li għaddejjn f'dan il-ħabs, bħal swat, u abbużi mentali u sesswali.

Skont informazzjoni konsistenti minn sorsi differenti, it-tortura hija prassi komuni fil-ħabs ta' Evin. Fis-Sala 209, qed jinżammu bosta attivisti għall-attivitajiet paċifiċi tagħhom f'oppożizzjoni għall-partit fil-gvern.

10.10.2011

53.

TALA Hossein (magħruf bħala: TALA Hosseyn)

Kap tal-Kumpannija Iranjana tat-Tabakk.

Viċi Gvernatur Ġenerali (“Farmandar”) tal-Provinċja ta' Teħeran sa Settembru 2010, b'mod partikolari responsabbli għall-intervent tal-forzi tal-pulizija u għalhekk għar-ripressjoni tad-dimostrazzjonijiet.

F'Diċembru 2010 huwa rċieva premju għar-rwol tiegħu fir-ripressjoni ta' wara l-elezzjoni.

10.10.2011

54.

TAMADDON Morteza (magħruf bħala: TAMADON Morteza)

Post tat-twelid: Shahr Kord-Ispahan

Data tat-Twelid: 1959

Gvernatur Ġenerali tal-IRGC tal-Provinċja ta' Teħeran, kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta' Teħeran.

Fil-kapaċità tiegħu bħala gvernatur u kap tal-Kunsill tas-Sigurtà Pubblika provinċjali ta' Teħeran, għandu responsabbiltà ġenerali għall-attivitajiet kollha ta' ripressjoni, inkluż ir-ripressjoni ta' protesti politiċi minn Ġunju 2009. Huwa magħruf għall-involviment personali tiegħu fil-molestja tal-mexxejja tal-oppożizzjoni Karroubi u Moussavi.

10.10.2011

55.

ZEBHI Hossein

 

Deputat għall-Prosekutur Ġenerali tal-Iran.

Huwa għandu f'idejh diversi każi ġudizzjarji marbutin mal-protesti ta' wara l-elezzjoni.

10.10.2011

56.

BAHRAMI Mohammad-Kazem

 

Kap tal-fergħa ġudizzjarja tal-forzi armati.

Huwa kompliċi fir-ripressjoni ta' dimostranti paċifiċi.

10.10.2011

57.

HAJMOHAMMADI Aziz

 

Imħallef anzjan fl-ewwel sezzjoni tal-qorti ta' Evin, u issa imħallef fil-fergħa 71 tal-Qorti Penali fil-provinċja ta' Teħeran.

Huwa mexxa diversi kawżi ta' proċess kontra d-dimostranti, b'mod partikolari dik ta' Abdol-Reza Ghanbari, għalliem arrestat f'Jannar 2010 u kkundannat għall-mewt għall-attivitajiet politiċi tiegħu. It-tribunal tal-prim istanza ta' Evin inħoloq reċentament fil-ħabs ta' Evin u l-ħolqien tiegħu ġie ġustifikat minn Jafari Dolatabadi f'Marzu 2010. F'dan il-ħabs, ċerti akkużati jkunu iżolati, maltrattati u kostretti li jagħmlu dikjarazzjonijiet foloz.

10.10.2011

58.

BAGHERI Mohammad-Bagher

 

Viċi president tal-amministrazzjoni ġudizzjarja tal-provinċja tan-Nofsinhar ta' Khorasan, responsabbli għall-prevenzjoni tal-kriminalità.

Barra mir-rikonoxximent minn dan tal-aħħar, f'Ġunju 2011, ta' 140 eżekuzzjoni kapitali bejn Marzu 2010 u Marzu 2011, madwar mitt eżekuzzjoni oħra setgħu seħħew bil-moħbi matul l-istess perijodu u fl-istess provinċja tan-Nofsinhar ta' Khorasan, mingħajr ma ġew notifikati l-familji u l-avukati tagħhom.

Għaldaqstant huwa kompliċi fi ksur gravi tad-dritt għal proċess debitu li jikkontribwixxi għall-użu eċċessiv u dejjem jiżdied tal-piena tal-mewt.

10.10.2011

59.

BAKHTIARI Seyyed Morteza

Post tat-twelid: Mashad (Iran)

Data tat-Twelid: 1952

Ministru tal-Ġustizzja, dak li kien gvernatur ġenerali tal-Isfahan u direttur tal-Organizzazzjoni tal-Ħabsijiet tal-Istat (sa Ġunju 2004).

Bħala Ministru tal-Ġustizzja, huwa kellu rwol ewlieni fit-theddid u l-molestja tad-diaspora Iranjana billi ħabbar l-istabbiliment ta' qorti speċjali biex titratta speċifikament Iranjani li jgħixu barra mill-pajjiż. Bl-isforzi tal-Prosekutur ta' Teħeran, żewġ fergħat tal-qorti tal- prim istanza u dik tal-appelli u diversi fergħat tal-qrati tal-maġistrati ser jiġu assenjati biex jindirizzaw affarijiet ta' dawk li jgħixu barra mill-pajjiż.

10.10.2011

60.

HOSSEINI Dr Mohammad (magħruf bħala: HOSSEYNI, Dr Seyyed Mohammad; Seyed, Sayyed u Sayyid)

Data tat-twelid: 1961

Post tat-twelid: Rafsanjan, Kerman

Ministru tal-Kultura u l-Gwida Iżlamika minn Settembru 2009.

Ex-IRGC, kompliċi fir-ripressjoni tal-ġurnalisti.

10.10.2011

61.

MOSLEHI Heydar (magħruf bħala: MOSLEHI Heidar; MOSLEHI Haidar)

Post tat-twelid: Isfahan (Iran)

Data tat-Twelid: 1956

Ministru tal-Intelligence.

Taħt it-tmexxija tiegħu, il-Ministeru tal-Intelligence kompla l-prassi ta' detenzjoni arbitrarja u persekuzzjoni mifruxin ta' dimostranti u dissidenti. Il-Ministeru tal-Intelligence għadu jmexxi s-Sala 209 tal-Ħabs ta' Evin, fejn ħafna attivisti qed jinżammu għall-attivitajiet paċifiċi tagħhom f'oppożizzjoni għall-gvern. Interrogaturi mill-Ministeru tal-Intelligence ssoġġettaw lill-ħabsin tas-Sala 209 għal swat u abbużi mentali u sesswali. Bħala l-Ministru tal-Intelligence, Moslehi huwa responsabbli għall-abbużi kontinwi.

10.10.2011

▼M2

62.

ZARGHAMI Ezzatollah

 

Bħala Kap tal-Islamic Republic of Iran Broadcasting (IRIB), huwa responsabbli mid-deċiżjonijiet kollha dwar l-ipprogrammar. IRIB xandar konfessjonijiet furzati ta' priġunieri u serje ta' “simulazzjonijiet ta' proċessi” f'Awwissu 2009 u f'Diċembru 2011. Dawn jikkostitwixxu ksur ċar tad-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar proċess ġust u d-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

63.

TAGHIPOUR Reza

Post tat-Twelid: Maragheh (Iran)

Data tat-Twelid: 1957

Ministru tal-Informazzjoni u l-Komunikazzjoni. Bħala Ministru tal-informazzjoni, huwa wieħed mill-ogħla uffiċjali responsabbli miċ-ċensura u l-kontroll tal-attivitajiet fuq l-internet u anke kwalunkwe tip ta' komunikazzjoni (partikolarment it-telefons ċellulari). Matul l-interrogazzjonijiet ta' priġunieri politiċi, l-interrogaturi jużaw id-data, l-emails u l-komunikazzjonijiet personali tagħhom.

F'diversi okkażjonijiet mill-aħħar elezzjoni presidenzjali u matul id-dimostrazzjonijiet fit-toroq, il-linji tat-telefons ċellulari u s-servizzi tal-sms inqatgħu, il-kanali tat-televiżjoni satellitari ġew iġġamjati, l-internet ġie sospiż lokalment jew mill-anqas, tnaqqsitlu r-rapidità tiegħu.

23.3.2012

64.

KAZEMI Toraj

 

Kurunell tal-pulizija tat-teknoloġija u l-komunikazzjoni, dan l-aħħar nieda kampanja ta' reklutaġġ ta' hackers tal-gvern sabiex jikkontrolla aħjar l-informazzjoni fuq l-internet u jkun ta' preġudizzju għal siti elettroniċi “li jagħmlu ħsara”.

23.3.2012

65.

LARIJANI Sadeq

Post tat-Twelid: Najaf (Iraq)

Data tat-Twelid: 1960 jew Awwissu 1961

Kap tal-Ġudikatura. Il-Kap tal-Ġudikatura huwa mitlub li jagħti l-kunsens tiegħu għal u jirreġistra kull kastig għal qisas (retribut), hodoud (reat kontra Alla) u ta'zirat (reat kontra l-istat). Dan jinkludi sentenzi li jġibu magħhom il-piena tal-mewt, is-swat u l-amputazzjonijiet. F'dan ir-rigward, hu personalment awtorizza bosta sentenzi ta' piena tal-mewt, bi ksur tal-istandards internazzjonali, inkluż bi tħaġġir (attwalment 16-il persuna qegħdin taħt sentenza ta' tħaġġir), eżekuzzjonijiet bit-tgħalliq, eżekuzzjonijiet ta' minuri, u eżekuzzjonijiet pubbliċi bħal dawk fejn il-priġunieri kienu mgħallqa mill-pontijiet quddiem folol ta' eluf ta' nies. Huwa ppermetta wkoll sentenzi ta' kastigi korporali bħal amputazzjonijiet u t-taqtir tal-aċtu f'għajnejn l-ikkundanati. Minn meta Sadeq Larijani ħa l-kariga, l-arresti arbitrarji ta' priġunieri politiċi, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-minoranzi żdiedu konsiderevolment. L-eżekuzzjonijiet żdiedu ferm mill-2009. Sadeq Larijani huwa responsabbli wkoll mill-fallimenti sistemiċi fil-proċess ġudizzjarju Iranjan għar-rispett tad-dritt għal proċess ġust.

23.3.2012

66.

MIRHEJAZI Ali

 

Viċi Kap tal-Uffiċċju tal-Mexxej Suprem u Kap tas-Sigurtà. Parti miċ-ċirku intern tal-Mexxej Suprem responsabbli mit-tfassil tas-supressjoni tal-protesti li ilha tkun implimentata mill-2009.

23.3.2012

67.

SAEEDI Ali

 

Rappreżentant tal-Mexxej fost il-Pasdaran mill-1995 wara li żvolġa l-karriera kollha tiegħu fl-istituzzjoni militari, eżattament fis-Servizzi tal-Informazzjoni tal-Pasdaran. Permezz ta' din il-funzjoni uffiċjali huwa ċ-ċinga ta' trasmissjoni indispensabbli bejn l-ordnijiet ġejjin mill-Uffiċċju tal-Mexxej u l-apparat ta' repressjoni tal-Pasdaran.

23.3.2012

68.

RAMIN Mohammad-Ali

Post tat-Twelid: Dezful (Iran)

Data tat-Twelid: 1954

Responsabbli ewlieni miċ-ċensura bħala Viċi Ministru responsabbli mill-Istampa sa Diċembru 2010, kien direttament responsabbli mill-għeluq ta' bosta fergħat tal-istampa riformaturi (Etemad, Etemad-e Melli, Shargh, etc), mill-għeluq tal-Union Indipendenti tal-Istampa, u mill-intimidazzjoni u l-arrest tal-ġurnalisti.

23.3.2012

69.

MORTAZAVI Seyyed Solat

Post tat-Twelid: Meibod (Iran)

Data tat-Twelid: 1967

Viċi Ministru tal-Intern għall-Affarijiet Politiċi. Responsabbli mill-istruzzjoni ta' ripressjoni ta' persuni li jitkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni.

23.3.2012

70.

REZVANI Gholomani

 

Viċi Gvernatur ta' Rasht. Responsabbli minn ksur gravi tad-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

71.

SHARIFI Malek Ajdar

 

Kap tal-ġudikatura fil-Lvant tal-Ażerbajġan. Responsabbli minn ksur gravi tad-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

72.

ELAHI Mousa Khalil

 

Prosekutur ta' Tabriz. Responsabbli mill-istruzzjoni ta' ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem tad-dritt għal proċess legali.

23.3.2012

73.

FAHRADI Ali

 

Prosekutur ta' Karaj. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem billi talab il-piena tal-mewt għal minuri.

23.3.2012

74.

REZVANMANESH Ali

 

Prosekutur. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem billi talab il-piena tal-mewt għal minuri.

23.3.2012

75.

RAMEZANI Gholamhosein

 

Kmandant tal-IRGC Intelligence. Responsabbli mill-ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem fuq persuni li jitkellmu biex jiddefendu d-drittijiet leġittimi tagħhom, inkluża l-libertà tal-espressjoni. Imexxi d-Dipartiment responsabbli għall-arrest u t-tortura ta' bloggers/ġurnalisti.

23.3.2012

76.

SADEGHI Mohamed

 

Kurunell u Deputat tal-intelligence teknika u ċibernetika tal-IRGC. Responsabbli għall-arresti u t-tortura ta' bloggers/ġurnalisti.

23.3.2012

77.

JAFARI Reza

 

Kap tal-prosekuzzjoni speċjali taċ-ċiberkriminalità. Responsabbli mill-arresti, id-detenzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet ta' bloggers u ġurnalisti.

23.3.2012

78.

RESHTE-AHMADI Bahram

 

Viċi Prosekutur f'Tehran. Imexxi ċ-ċentru ta' prosekuzzjoni ta' Evin. Responsabbli miċ-ċaħda ta' drittijiet, inklużi drittijiet ta' żjara u drittijiet oħrajn tal-priġunieri, ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u priġunieri politiċi oħrajn.

23.3.2012