2011D0077 — MT — 13.12.2011 — 004.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Diċembru 2010

dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

(2011/77/UE)

(ĠU L 030, 4.2.2011, p.34)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  No

page

date

►M1

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Mejju 2011

  L 147

17

2.6.2011

►M2

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tat-2 ta’ Settembru 2011

  L 240

11

16.9.2011

►M3

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tal-11 ta’ Ottubru 2011

  L 269

31

14.10.2011

►M4

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL tat-30 ta’ Novembru 2011

  L 329

7

13.12.2011




▼B

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

tas-7 ta' Diċembru 2010

dwar l-għoti ta' assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-Irlanda

(2011/77/UE)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 122(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 407/2010 tal-11 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi mekkaniżmu Ewropew ta' stabbilizzazzjoni finanzjarja ( 1 ) u b’mod partikolari l-Artikolu 3(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Irlanda, reċentement, kienet taħt pressjoni dejjem akbar fir-rigward tas-swieq finanzjarji, li tirrefletti t-tħassib li qed jiżdied dwar is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tal-Irlanda fid-dawl tal-miżuri komprensivi ta' appoġġ pubbliku lis-settur finanzjarju mdgħajjef. Minħabba l-esponiment eċċessiv għall-proġetti ta' proprjetà immobbli u ta' kostruzzjoni, is-sistema bankarja domestika ġarrbet telf kbir wara l-kollass ta' dawn is-setturi. Il-kriżi attwali fis-setturi ekonomiċi u bankarji kellha wkoll impatt drammatiku fuq il-finanzi pubbliċi tal-Irlanda, u b’hekk aggravat l-impatt tar-reċessjoni. It-tnaqqis fid-dħul fiskali kif ukoll iż-żieda fin-nefqa ċiklika, partikolarment, minħabba ż-żieda fil-qgħad, kollha kkontribwew għad-defiċit għoli tal-amministrazzjoni pubblika u għal żieda qawwija fid-dejn meta mqabbla mal-pożizzjonijiet favorevoli tagħhom qabel il-kriżi u dan minkejja l-implimentazzjoni, min-nofs l-2008, ta' ħames pakketti importanti ta' konsolidazzjoni fiskali. Miżuri ta' appoġġ għas-settur bankarju, inkluż injezzjonijiet kapitali sinifikanti, ikkontribbwew, b’mod qawwi, lejn id-deterjorazzjoni tal-pożizzjoni tal-finanzi pubbliċi. It-tħassib attwali dwar is-suq jirrefletti, primarjament, il-ħolqa inseparabbli bejn is-solvenza tas-sovran Irlandiz u s-sistema bankarja f’din il-kriżi; din wasslet għal żieda qawwija fir-rendiment mill-bonds sovrani, filwaqt li s-sistema bankarja domestika hija effettivament maqtugħa mill-finanzjament mis-suq internazzjonali.

(2)

Fid-dawl ta' dan it-tfixkil ekonomiku u finanzjarju gravi kkawżat minn okkorrenzi eċċezzjonali lil hinn mill-kontroll tal-gvern, l-awtoritajiet Irlandiżi talbu uffiċjalment assistenza finanzjarja mill-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) fil-21 ta' Novembru 2010 bl-għan li jiġi appoġġat ir-ritorn tal-ekonomija għal tkabbir sostenibbli, jiġi żgurat funzjonament tajjeb tas-sistema bankarja u tiġi mħarsal-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni u fiż-żona euro. Fit-28 ta' Novembru 2010, intlaħaq ftehim fuq livell tekniku rigward pakkett komprensiv ta' politika għall-perjodu 2010-2013.

(3)

L-abbozz tal-programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) li ġie mressaq lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għandu l-għan li jerġa jikseb il-kunfidenza tas-suq finanzjarju fis-settur bankarju Irlandiż u s-sovran, u b’hekk jippermetti lill-ekonomija terġa’ lura għal tkabbir sostenibbli. Sabiex jintlaħqu dawn il-miri, il-programm jinkludi tliet elementi ewlenin. L-ewwel, strateġija għas-settur finanzjarju li tinkludi tnaqqis fundamentali fid-daqs, diżingranar kif ukoll riorganizzazzjoni tas-settur bankarju, flimkien ma' rikapitalizzazzjoni xierqa sal-livell meħtieġ. It-tieni, strateġija ambizzjuża ta' konsolidazzjoni fiskali, imsejsa fuq il-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru 2011-2014 ippubblikat mill-awtoritajiet Irlandiżi fl-24 ta' Novembru 2010. Il-pjan ifassal miżuri dettaljati ta' konsolidazzjoni fiskali bl-għan li d-dejn gross pubbliku jaqbad, b’mod deċiż, perkors li jwassal għat-tnaqqis tiegħu fuq perjodu medju ta' żmien. L-awtoritajiet huma impenjati li jnaqqsu d-defiċit għal inqas minn 3 % tal-PDG sal-2015, l-iskadenza riveduta stabbilita mill-Kunsill fis-7 ta' Diċembru 2010. It-tielet, imsejjes ukoll fuq il-Pjan Nazzjonali ta' Rkupru, il-programm jistabbilixxi aġenda ambizzjuża ta' riforma strutturali, l-aktar għas-suq tax-xogħol, bl-għan li jiġi ffaċilitat l-aġġustament u jissaħħaħ il-potenzjal ta' tkabbir tal-ekonomija. L-awtoritajiet qed jitolbu assistenza finanzjarja mill-Unjoni, mill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-euro, u self bilaterali mir-Renju Unit, l-Isvezja u d-Danimarka kif ukoll mill-FMI bħala appoġġ għal dan il-pakkett ta' politika ambizzjuż.

(4)

Fl-ambitu tal-projezzjonijiet attwali tal-Kummissjoni għat-tkabbir nominali tal-PDG (1,4 % fl-2011, 2,7 % fl-2012 u 3,8 % fl-2013), il-perkors għall-aġġustament fiskali speċifikat fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2010 bil-ħsieb li ġġib fi tmiema s-sitwazzjoni ta' defiċit eċċessiv fl-Irlanda, huwa konsistenti mal-perkors għal proporzjon ta' dejn mal-PDG ta' 98,9 % fl-2010, 113,5 % fl-2011, 120,0 % fl-2012 u 121,8 % fl-2013. Għaldaqstant, il-proporzjon tad-dejn mal-PDG ikun stabbilizzat fl-2013 u, minn hemm ‘il quddiem, jaqbad perkors biex jitnaqqas, dejjem jekk ikun hemm progress ulterjuri fit-tnaqqsis tad-defiċit. Id-dinamiki tad-dejn huma effettwati minn bosta operazzjonijiet “barra mill-baġit”, fejn huwa pprojettat li se jżidu l-proporzjon tad-dejn mal-PDG b’5,3 punti perċentwali (pps.) fl-2011 u 0,8 pps. tal-PDG fl-2012 u jnaqqsuh b’1,3 pps. tal-PDG fl-2013. Dawn jinkludu injezzjoni kapitali fil-banek ipprojettata għall-2011, tnaqqis fir-riservi ta' flus u d-differenzi bejn il-pagamenti ta' mgħax abbażi tad-dovuti u abbażi ta' xi tħallas.

(5)

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni, b’koordinazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), hija li l-Irlanda teħtieġ finanzjament b’ammont totali ta' EUR 85 biljun (85 000 miljun) għall-perjodu bejn Diċembru 2010 sa tmiem l-2013. Minkejja l-aġġustament fiskali sinifikanti, id-distakk fil-finanzjament għas-sovran jista’ jammonta għal EUR 50 biljun matul il-perjodu tal-Programm. Dan jassumi li d-dejn fit-tul se jiġġedded b’rata ta' 0 % sal-aħħar tal-2011, 20 % fl-2012 u 80 % fl-2013. Qed isiru wkoll ipoteżi konservattivi dwar tiġdid ta' dejn fuq perjodu ta' żmien qasir. L-istrateġija għas-settur finanzjarju inkluża fil-programm biex tinkiseb lura l-kunfidenza fis-sistema bankarja Irlandiża fuq bażi sostenibbli tinkludi skema ta' appoġġ bankarju sa EUR 35 biljun. Din tinkludi injezzjoni kapitali immedjata sa EUR 10 biljun fil-banek magħżula sabiex il-proporzjon tal-kapital ewlieni Tier-1 tagħhom jilħaq livell ta' 12 %, filwaqt li jiġu ffinanzjati miżuri bikrija ta' appoġġ għat-diżingranar u jitqies telf impost fuq self addizzjonali li għandu jiġi trasferit lill-Aġenzija Nazzjonali ta' Ġestjoni tal-Assi (National Asset Management Agency (NAMA). Il-provvisti ulterjuri ta' kapital kontinġenti ta' EUR 25 biljun għandhom jiżguraw li l-banek huma kapaċi li jissodisfaw rekwiżiti attwali u futuri ta' kapital. Madankollu, ħtiġijiet attwali ta' finanzjament jistgħu jkunu sostanzjalment inqas, b’mod partikolari, jekk il-kundizzjonijiet tas-suq jitjiebu b’mod sinifikanti u ma jseħħ l-ebda telf bankarju gravi mhux mistenni waqt il-perjodu tal-Programm.

(6)

Il-Programm ikun iffinanzjat permezz ta' kontribuzzjonijiet minn sorsi esterni u l-użu tal-ilqugħ finanzjarji Irlandiżi. L-assistenza tal-Unjoni lill-Irlanda tista’ tilħaq sa EUR 22,5 biljun fl-ambitu tal-mekkaniżmu Ewropew għall-istabbilizzazzjoni finanzjarja (EFSM) stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 407/2010. Din tkun parti mill-appoġġ totali pprovdut mill-isħab Ewropej tal-Irlanda li jammonta għal EUR 45 biljun. Flimkien mal-appoġġ mogħti mill-EFSM, is-self lill-Irlanda mill-pajjiżi sħab tal-Unjoni jinkludi kontribuzzjonijiet mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EUR 17,7 biljun), u appoġġ ta' self bilaterali mir-Renju Unit, l-Isvezja u d-Danimarka (total ta' EUR 4,8 biljun). Flimkien ma' dan, l-Irlanda talbet self mill-FMI ta' 19.5 biljun fi Drittijiet Speċjali ta' Kreditu (ekwivalenti għal EUR 22.5 biljun) fl-ambitu tal-Faċilità ta' Fond Estiż. Il-kontribuzzjoni Irlandiża tkun ta' EUR 17,5 biljun li se tiġi ffinanzjata minn kontribuzzjoni Irlandiża permezz tar-riserva ta' flus eżistenti tat-Teżor u kontribuzzjonijiet mill-Fond ta' Riserva Nazzjonali għall-Pensjonijiet (NPRF). L-appoġġ mill-EFSM irid jiġi pprovdut fuq termini u kundizzjonijiet simili għal dawk tal-FMI.

(7)

Il-Kunsill għandu jirrevedi fuq bażi regolari l-politika ekonomika implimentata mill-Irlanda, b’mod partikolari, fil-kuntest tar-reviżjonijiet annwali tal-aġġornament mill-Irlanda tal-programm ta' stabbiltà u l-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma, kif ukoll fl-ambitu tal-proċedura ta' żbilanċ eċċessiv.

(8)

L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkun ġestita mill-Kummissjoni. Il-kundizzjonijiet ekonomiċi speċifiċi miftehma mal-Irlanda għandhom jiġu stipulati f’Memorandum ta' Ftehim dwar Kondizzjonalità Ekonomika Speċifika (“il-Memorandum ta' Ftehim”). It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stabbiliti mill-Kummissjoni fil-Ftehim dwar Faċilità ta' Self.

(9)

Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari li l-kundizzjonijijet ta' politika ekonomika marbutin mal-assistenza jiġu ssodisfati permezz ta' missjonijiet u rappurtar regolari mill-awtoritajiet Irlandiżi kull tliet xhur.

(10)

Matul l-implimentazzjoni tal-Programm, il-Kummissjoni għandha tipprovdi konsulenza politika addizzjonali kif ukoll assistenza teknika f’oqsma speċifiċi.

(11)

L-operazzjonijiet li l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni tgħin fil-finanzjament tagħhom għandhom ikunu kompattibbli mal-politika tal-Unjoni u jkunu konformi mal-liġi tal-Unjoni. Interventi ta' appoġġ għall-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jitwettqu skont ir-regoli tal-Unjoni dwar il-kompetizzjoni.

(12)

L-assistenza għandha tiġi pprovduta bl-għan li tiġi appoġġata l-implimentazzjoni b’suċċess tal-Programm.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

▼M3

1.  L-Unjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Irlanda self ta’ ammont massimu ta’ EUR 22,5 biljun, b’maturità medja massima ta’ 12,5 snin. Kull wieħed mill-ħlasijiet individwali tal-faċilità ta’ self jista’ jkollu maturità ta’ mhux aktar minn 30 sena.

▼B

2.  L-assistenza finanzjarja għandha tkun disponibbli għal tliet snin, li jibdew mill-ewwel jum wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

▼M2

3.  L-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha ssir disponibbli mill-Kummissjoni lill-Irlanda f’massimu ta’ 13-il ħlas parzjali. L-iżborż ta’ kull ħlas parzjali jista’ jsir f’segment wieħed jew aktar. Il-maturitajiet tas-segmenti taħt l-ewwel u t-tielet ħlas parzjali jistgħu jkunu itwal mill-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1. F’każijiet bħal dawn, il-maturitajiet ta’ segmenti oħrajn għandhom ikunu stabbiliti b’tali mod li l-maturità medja massima msemmija fil-paragrafu 1 tintlaħaq ladarba jsir l-iżborż tal-ħlasijiet parzjali kollha.

▼B

4.  L-ewwel ħlas parzjali għandu jiġi rilaxxat suġġett għad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar is-Self u l-Memorandum ta' Ftehim. Kwalunkwe rilaxx ta' self sussegwenti għandu jkun fuq kundizzjoni ta' evalwazzjoni ta' fuq tlett xhur favorevoli mill-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, tal-konformità tal-Irlanda mal-kundizzjonijiet tal-politika ekonomika ġenerali kif definiti b’din id-Deċiżjoni u bil-Memorandum ta' Ftehim.

▼M3

5.  Għal kull ħlas individwali, l-Irlanda għandha tħallas l-ispiża tal-finanzjament tal-Unjoni.

▼B

6.  Flimkien ma' dan, l-ispejjeż imsemmija fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 407/2010 għandhom jitħallsu mill-Irlanda.

7.  Jekk meħtieġ sabiex jiġi ffinanzjat is-self, għandu jkun permess l-użu prudenti ta' skambji tar-rata tal-interess ma' kontropartijiet tal-ogħla kwalità ta' kreditu.

8.  Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi fuq id-daqs u r-rilaxx ta' ħlasijiet parzjali ulterjuri. Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar id-daqs ta' kull parti.

Artikolu 2

1.  L-assistenza għandha tiġi ġestita mill-Kummissjoni b’mod konsistenti mal-impenji tal-Irlanda u ma' rakkomandazzjonijiet mill-Kunsill, b’mod partikolari r-Rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Irlanda fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Programm Nazzjonali ta' Riforma kif ukoll fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-Patt dwar l-Istabbiltà u t-Tkabbir.

2.  Il-Kummissjoni, b’konsultazzjoni mal-BĊE, għandha taqbel mal-awtoritajiet Irlandiżi dwar il-kundizzjonijiet speċifiċi ta' politika ekonomika marbutin mal-assistenza finanzjarja, kif stipulati fl-Artikolu 3. Dawk il-kundizzjonijiet għandhom jiġu stipulati fil-Memorandum ta' Ftehim konsistenti mal-impenji u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1. It-termini finanzjarji dettaljati għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar Faċilità ta' Self li jiġi miftiehem mal-Kummissjoni.

3.  Il-Kummissjoni, b'konsultazzjoni mal-BĊE, għandha tivverifika f’intervalli regolari li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijijet ta' politika ekonomika marbuta mal-assistenza. Għal dan il-għan, l-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jikkooperaw bis-sħiħ mal-Kummissjoni u mal-BĊE, u għandhom ipoġġu kull tagħrif meħtieġ għad-dispożizzjoni tagħhom. Il-Kummissjoni għandha żżomm lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju infurmat dwar il-possibbiltà ta' rifinanzjament tas-self jew ir-ristrutturar tal-kundizzjonijiet finanzjarji.

4.  L-Irlanda għandha tadotta u timplimenta miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni biex tiżgura l-istabbiltà makrofinanzjarja, jekk ikun il-każ li dawn il-miżuri jkunu neċessarji matul il-programm ta' assistenza. L-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni qabel jadottaw xi miżuri addizzjonali bħal dawn.

Artikolu 3

1.  Il-programm ta' aġġustament ekonomiku u finanzjarju (“il-Programm”) ippreparat mill-awtoritajiet Irlandiżi huwa hawnhekk approvat.

2.  L-iżborż ta' kull ħlas parzjali ulterjuri għandu jsir fuq il-bażi ta' implimentazzjoni sodisfaċenti tal-Programm li ser jiġi inkluż fil-Programm ta' Stabbiltà tal-Irlanda, fil-Programm Nazzjonali ta' Riforma u, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet speċifiċi ta' politika ekonomika stabbiliti fil-Memorandum ta' Ftehim. Dawn għandhom jinkludu, inter alia, il-miżuri pprovduti fil-paragrafi 4 sa 9 ta' dan l-Artikolu.

3.  Id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika m’għandhux jaqbeż l-10,6 % tal-PDG ipprojettat għall-2011, 8,6 % tal-PDG fl-2012 u 7,5 % tal-PDG fl-2013, sabiex l-Irlanda titqiegħed fuq il-perkors li jwassal għal tnaqqis fid-defiċit għal taħt it-3 % tal-PDG sal-2015. Il-perkors ipprojettat għad-defiċit annwali ma jinkludix l-effett dirett possibbli ta' miżuri potenzjali ta' appoġġ lill-banek fil-kuntest tal-istrateġija tal-gvern għas-settur finanzjarju kif stabbilita fil-Memorandum ta' Politika Ekonomika u Finanzjarja u speċifikata fil-Memorandum ta' Ftehim li għandu jiġi ffirmat mill-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi. Minbarra dan, il-perkors huwa konsistenti mal-opinjoni preliminari tal-Kummissjoni (Eurostat) dwar it-trattament kontabilistiku taż-żmien ta' reġistrazzjoni (ESA 95) tal-pagamenti ta' imgħax fuq ċedoli pagabbli lill-Anglo-Irish Bank ( 2 ), b’tali mod li reviżjoni ta' dik l-opinjoni tirriżulta f’reviżjoni tal-perkors għad-defiċit.

4.  L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri speċifikati fil-paragrafi 7 sa 9 qabel tmiem is-sena indikata, bl-iskadenzi eżatti għas-snin 2011-2013 speċifikati fil-Memorandum ta' Ftehim li għandu jiġi iffirmat bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet Irlandiżi. L-Irlanda għandha tkun lesta li twettaq miżuri addizzjonali ta' konsolidazzjoni biex tnaqqas id-defiċit għal inqas minn 3 % tal-PDG sal-2015 f’każ li jseħħu riskji negattivi għall-miri għad-defiċit imsemmija fil-paragrafu 3 ta' dan l-Artikolu.

5.  Bl-għan li tinkiseb lura l-kunfidenza fis-settur finanzjarju, l-Irlanda għandha tirrikapitalizza b’mod xieraq, twettaq diżingranar malajr u tirristruttura bir-reqqa s-sistema bankarja kif stabbilit fil-Memorandum ta' Ftehim. F’dak ir-rigward, l-Irlanda għandha tiżviluppa u taqbel mal-Kummissjoni Ewropea, l-BĊE u l-FMI stateġija għall-istruttura, il-funzjonament u l-vijabbiltà futura tal-istituzzjonjiet ta' kreditu Irlandiżi li ser tidentifika kif ser jiġi assigurat li huma kapaċi joperaw mingħajr għajnuna tal-istat ulterjuri. B’mod partikolari, l-Irlanda għandha:

▼M1

(a) tieħu azzjoni sabiex tiżgura li l-banek domestiċi huma kapitalizzati b’mod adegwat fil-forma ta' ekwità, jekk meħtieġ, sabiex jiġi żgurat li dawn jirrispettaw ir-rekwiżit regolatorju minimu ta’ proporzjon tal-kapital ewlieni Tier 1 ta’ 10,5 % matul il-programm ta’ assistenza finanzjarja tal-UE kollu, filwaqt li jsir proċess ta’ tnaqqis lejn il-mira tal-proporzjon tas-self relatat mad-depożiti ta’ 122,5 % sal-aħħar tal-2013;

▼B

(b) timplimenta fl-iqsar żmien possibbli d-diżvestiment tal-partiċipazzjonijiiet fil-banek li nkisbu matul il-kriżi, b’tali mod li jkun kompatibbli mal-istabbiltà finanzjarja u mal-kunsiderazzjonijiet dwar il-finanzi pubbliċi;

(c) timplimenta pjan speċifiku għar-riżoluzzjoni tal-Anglo Irish Bank u l-Irish Nationwide Building Society, li jipprova jiminimizza t-telf ta' kapital b’konsegwenza tat-tħaddim ta' dawn l-istituzzjonijiet ta' kreditu li mhumiex vijabbli.

(d) sa tmiem l-2010, tissottometti abbozz leġiżlattiv lill-Oireachtas (Parlament) dwar l-istabilizzazzjoni finanzjarja u r-ristrutturar tal-istituzzjonijiet ta' kreditu li ser, inter alia, tindirizza l-qsim tal-piż minn detenturi ta' bonds ta' dejn subordinat.

(e) sa tmiem ta' Marzu 2011, tissottometti abbozz leġiżlattiv lill-Oireachtas dwar reġim ta' riżoluzzjoni speċjali għall-banek u s-soċjetajiet tal-bini, u kundizzjonijet imtejba għall-intervent kmieni f’banek li jkunu jinsabu f’diffikultà mill-Bank Ċentrali Irlandiż.

6.  L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin qabel tmiem l-2010:

L-adozzjoni ta' baġit għall-2011 li jinkludi miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali b’ammont totali ta' EUR 6 biljun bl-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fil-qafas ta' żmien imsemmi fil-paragrafu 3. Il-baġit għandu jinkludi miżuri ta' dħul sabiex jinġabru, mill-inqas, EUR 1,4 biljun fl-2011, u li għandhom jinkludu t-tnaqqis tal-faxex tat-taxxa fuq l-introjtu u krediti jew miżuri ekwivalenti li jrendu EUR 945 000 000 fl-2011; tnaqqis fil-ħelsien mit-taxxa fuq il-pensjoni u tnaqqis ieħor marbut mal-pensjoni li jrendu EUR 155 000 000 fl-2011; tnaqqis fl-infiq ġenerali fuq it-taxxa li jrendi EUR 220 000 000 fl-2011; żieda fis-sisa u miżuri fiskali mixxellanji li jrendu EUR 80 000 000 fl-2011. Flimkien ma' dawn, il-baġit għandu jispeċifika li l-gvern se jfassal metodi biex irendi, mill-inqas, EUR 700 000 000 f’miżuri ta' darba u miżuri oħra matul l-2011. Il-baġit se jinkludi wkoll tnaqqis fin-nefqa kurrenti fl-2011 ta' mill-inqas, EUR 2,09 biljun, inkluż: tnaqqis fin-nefqa għal protezzjoni soċjali; tnaqqis fl-impjiegi mas-servizz pubbliku; tnaqqis fil-pensjonijiet eżisteni għas-servizz pubbliku fuq bażi progressiva b’medja li taqbeż l-4 %; tfaddil fuq infiq ieħor inkluż tnaqqis fl-infiq fuq oġġetti u servizzi u f’pagamenti oħra ta' trasferiment; tnaqqis ta' mill-inqas EUR 1,8 biljun fin-nefqa kapitali pubblika meta mqabbla mal-pjanijiet għall-2011. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, għandhom jiġu kkunsidrati miżuri oħra li jżidu tfaddil komparabbli, b’konsultazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni.

7.  L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2011, skont l-ispeċifikazzjoni fil-Memorandum ta' Ftehim:

(a) tnaqqis ta' 10 % fil-paga ta' impjegati ġodda mas-servizz pubbliku. Il-gvern Irlandiż għandu jikkunsidra wkoll aġġustament xieraq, li jinkludi l-kost tal-pagi tas-servizz pubbliku, sabiex jiġu kkumpensati nuqqasijiet potenzjali fit-tfaddil ipprojettat bħala riżultat ta' ineffiċjenzi amministrattivi u tnaqqis fin-numri tas-servizz pubbliku;

(b) l-adozzjoni ta' baġit għall-2012 li jinkludi miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali li jammontaw għal tal-anqas EUR 3,6 biljun bl-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fil-qafas ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 3(3). L-abbozz tal-baġit għandu, b’mod partikolari, jinkludi miżuri ta' dħul li jrendu EUR 1,5 biljun f’sena sħiħa inkluż, inter alia, tnaqqis fil-faxex tat-taxxa fuq l-introjtu personali u krediti; tnaqqis fil-ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet privati; tnaqqis fl-infiq ġenerali fuq it-taxxa; taxxa ġdida dwar il-proprjetà; riforma fit-taxxa fuq il-qligħ kapitali u t-taxxa fuq l-akkwisti kapitali; u, żieda fit-taxxa fuq il-karbonju. Dan il-baġit għandu jipprovdi għal tnaqqis fl-infiq fl-2012 ta' EUR 2,1 biljun, inkluż tnaqqis fin-nefqa soċjali; tnaqqis fl-impjiegi mas-settur pubbliku; aġġustamenti fil-pensjonijiet tas-settur pubbliku u f’nefqa oħra stipulata fil-Programm; u tnaqqis fl-infiq kapitali. ►M1  F’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-FMI u l-BĊE, l-Irlanda tista' tintroduċi bidliet baġitarji għal dawn il-miżuri speċifikati hawn fuq biex tirrealizza kompletament l-effiċjenzi li għandhom jiġu identifikati mir-Reviżjoni Komprensiva tan-Nefqa li għaddejja u l-prijoritajiet tal-Programm għall-Gvern, konsistenti mal-għan ġenerali biex ikun żgurat li l-baġit għall-2012 irendi konsolidazzjoni fiskali ta’ mill-inqas EUR 3,6 biljun; ◄

(c) il-finalizzazzjoni ta' valutazzjoni indipendenti tat-trasferiment tar-responsabbiltà tal-provvista tas-servizzi tal-ilma mill-awtoritajiet lokali lil entità għall-provvista tal-ilma, u l-preparazzjoni ta' proposti għall-implimentazzjoni bl-għan li tibda tkun responsabbli għall-iffatturar mill-2012-2013;

(d) l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni sabiex tiżdied l-età tal-pensjoni tal-istat għal 66 sena fl-2014, 67 fl-2021, u 68 fl-2028, bl-għan li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Minbarra dan, id-drittijiet għall-pensjoni għall-impjegati ġodda mas-servizz pubbliku għandhom jiġu riformati b’effett mill-2011. Dan għandhu jinkludi reviżjoni tal-irtirar aċċellerat għal ċerti kategoriji ta' impjegati pubbliċi u indiċjar tal-pensjonijiet għall-prezzijiet tal-konsumatur. Il-pensjonijiet għandhom ikunu bbażati fuq introjti medji matul il-karriera. L-età tal-irtirar għal impjegati ġodda għandha tkun marbuta mal-età tal-irtirar għall-pensjoni tal-istat;

▼M4 —————

▼B

(f) L-Irlanda għandha tadotta bidliet leġiżlattivi biex jitneħħew restrizzjonijiet fuq il-kummerċ u l-kompetizzjoni f’setturi protetti inklużi, il-professjoni legali, is-servizzi mediċi u l-professjonijiet relatati mal-farmaċewtika;

▼M4

(g) ir-rikapitalizzazzjoni tal-banek domestiċi sal-aħħar ta’ Lulju 2011 (suġġetta għall-aġġustament xieraq għal eżerċizzji mistennija dwar il-ġestjoni tal-bejgħ u l-obbligazzjonijiet tal-assi fil-każijiet tal-Irish Life & Permanent u l-Bank of Ireland) f’konformità mas-sejbiet tal-2011 tal-Analiżi Prudenzjali tal-Valutazzjoni tal-Likwidità (PLAR) u tal-Analiżi Prudenzjali tal-Valutazzjoni tal-Kapital (PCAR), kif imħabbar mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda fil-31 ta’ Marzu 2011. Sabiex il-piż ikompli jinqasam aktar, il-pass finali ta’ EUR 0,35 biljun fir-rikapitalizzazzjoni tal-Bank of Ireland għandu jitlesta sa tmiem l-2011 u kwalunkwe rikapitalizzazzjoni ulterjuri tal-Irish Life & Permanent għandha titlesta wara l-bejgħ tas-settur tal-assigurazzjoni;

▼B

(h) l-introduzzjoni ta' leġiżlazzjoni li tirriforma l-paga minima b’tali mod li tkattar il-ħolqien tal-impjiegi and taġixxi b’mod li tipprevjeni distorsjonijiet ikkaġunati minn pagi minimi settorjali, u impenn, bi ftehim mal-Kummissjoni, li titwettaq reviżjoni indipendenti tal-qafas ta' Ftehimiet ta' Impjiegi Reġistrati u l-Ordnijiet ta' Regolamentazzjoni ta' Impjiegi;

(i) riforma tas-sistema tal-benefiċċju tal-qgħad sabiex jissaħħu l-inċentivi għal ħruġ bikri mill-qgħad. Miżuri ta' attivazzjoni għandhom jiġu msaħħa billi jiġu identifikati aħjar il-ħtiġijiet ta' dawk li qegħdin ifittxu mpjieg, u jiġu żviluppati sanzjonijiet biex jiġu żgurati t-tfittxija għal impjieg u t-taħriġ min-naħa tal-benefiċarji; din għandha tkun appoġġata minn monitoraġġ aktar effettiv. Il-mekkaniżmu tas-sanzjonijiet għandu jkun stabbilit b’tali mod li jwassal għal telf effettiv fl-introjtu mingħajr ma jippenalizza b’mod eċċessiv;

(j) il-pubblikazzjoni ta' reviżjoni bir-reqqa tas-sistema ta' dejn personali u l-bidu tal-ħidma fuq riforma ta' leġiżlazzjoni li se tibbilanċja l-interessi kemm tal-kredituri kif ukoll tad-debituri;

(k) il-preparazzjoni ta' rapport li jipprovdi valutazzjoni indipendenti tas-setturi tal-elettriku u tal-gass sabiex jassiti l-bżonnijiet ta' finanzjament pubbliku kif ukoll sabiex tiżdied il-kompetizzjoni. L-awtoritajiet Irlandiżi għandhom jikkonsultaw lill-Kummissjoni dwar ir-riżultat ta' din il-valutazzjoni bl-għan li jiġu stabbiliti miri xierqa;

▼M1

(l) biex titjieb il-kompetizzjoni fis-swieq miftuħa. Għal dan il-għan, il-leġislazzjoni għandha tiġi rriformata biex tiġġenera deterrenza aktar kredibbli billi tiżgura d-disponibbiltà ta’ sanzjonijiet effettivi għall-ksur tal-liġi Irlandiża tal-kompetizzjoni u l-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat kif ukoll tiżgura l-funzjonament effettiv tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni. Barra minn hekk, sakemm idum il-programm, l-awtoritajiet għandhom jiżguraw li ma jingħatawx eżenzjonijiet ulterjuri għall-qafas tal-liġi tal-kompetizzjoni sakemm ma jkunux kompletament konsistenti mal-miri tal-programm ta’ assistenza finanzjarja tal-Unjoni u l-ħtiġijiet tal-ekonomija;

▼B

(m) jiġi mħeġġeġ it-tkabbir fis-settur tal-bejjiegħa; il-gvern se jwettaq studju biex jeżamina l-impatt ekonomiku tal-eliminazzjoni tad-distakk attwali fid-daqs tas-siti tal-bejgħ bl-għan li tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jonqsu l-prezzijiet għall-konsumaturi. L-implimentazzjoni tal-politika tal-istudju se tiġi diskussi mal-Kummissjoni;

▼M1

(n) isir proċess ta’ diżingranar lejn il-mira tal-proporzjonijiet tas-self relatat mad-depożitu stabbilit skont il-PLAR tal-2011;

(o) il-preparazzjoni ta’ pjan biex isostni s-solvenza u l-vijabbiltà tal-istituzzjonijiet mhux kapitalizzati biżżejjed fis-settur tal-unjoni tal-kreditu, inkluż billi l-Bank Ċentrali tal-Irlanda jingħata l-poteri meħtieġa biex jippromwovi grad ogħla ta’ konsolidazzjoni tas-settur permezz ta’ fużjonijiet fejn jixraq, b’appoġġ finanzjarju mill-gvern jekk ġustifikat;

▼M4 —————

▼M2

(q) il-preżentazzjoni lid-Dáil, sal-aħħar ta’ Ottubru, ta’ Perspettiva ta’ Qabel il-Baġit li tistipula pjan ta’ konsolidazzjoni fiskali fuq perijodu medju ta’ żmien għall-2012–2015 li jispjega l-kompożizzjoni ġenerali tal-aġġustamenti ta’ dħul u nfiq għal kull sena, konsistenti mal-miri stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta’ Diċembru 2010;

(r) it-tħabbir, sa jum il-Baġit tal-2012 (kmieni f’Diċembru 2011), ta’ limiti massimi vinkolanti ta’ nfiq ta’ flus fuq perjodu medju ta’ żmien u l-istipular ta’ miżuri ta’ dħul u nfiq biex iwasslu għall-aġġustament meħtieġ matul il-perijodu 2012–2015;

(s) il-ħruġ mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda, sal-aħħar ta’ Diċembru 2011, ta’ gwida lill-banek għar-rikonoxximent ta’ telf kontabbli imġarrab fil-ktieb tad-djun tagħhom;

(t) il-pubblikazzjoni mill-Bank Ċentrali tal-Irlanda, sal-aħħar ta’ Diċembru 2011, ta’ linji gwida ġodda għall-valutazzjoni tal-kollateral għas-self mill-banek;

(u) il-preparazzjoni u d-diskussjoni, sal-aħħar ta’ Diċembru 2011, ta’ abbozz ta’ programm ta’ disponiment tal-assi, inkluża l-identifikazzjoni ta’ assi potenzjali għad-disponiment, kwalunkwe bidla regolatorja meħtieġa u skeda taż-żmien għall-implimentazzjoni.

▼B

8.  L-Irlanda għandha tadotta l-miżuri li ġejjin matul l-2012, skont l-ispeċifikazzjonjijiet fil-Memorandum ta' Ftehim:

(a) l-adozzjoni ta' baġit għall-2013, inkluż miżuri ta' konsolidazzjoni fiskali li jammontaw, mill-inqas, għal EUR 3,1 biljun bl-għan li jitnaqqas id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika fil-qafas ta' żmien imsemmi fl-Artikolu 3(3). B’mod partikolari, il-baġit għandu jinkludi miżuri ta' dħul sabiex jinġabar, mill-inqas, EUR 1,1 biljun (li jinkludi r-riport mill-2012), inkluż: tnaqqis fil-faxex ta' taxxa fuq l-introjtu personali u krediti; tnaqqis fil-ħelsien mit-taxxa fuq pensjonijiet privati; tnaqqis fl-infiq ġenerali fuq it-taxxa u l-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-proprjetà. Il-baġit għandu jinkludi wkoll tnaqqis fin-nefqa fl-2013 ta' mill-inqas, EUR 2 biljun, inkluż: tnaqqis fin-nefqa għal protezzjoni soċjali; tnaqqis fl-impjiegi mas-servizz pubbliku; aġġustament fil-pensjonijiet tas-servizz pubbliku; tnaqqis fin-nefqa stipulata fil-Programm; u tnaqqis fl-infiq kapitali. ►M1  F’konsultazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-FMI u l-BĊE, l-Irlanda tista' tintroduċi bidliet baġitarji f’dawn il-miżuri speċifikati hawn fuq biex tirrealizza kompletament l-effiċjenzi li għandhom jiġu identifikati mir-Reviżjoni Komprensiva tan-Nefqa li għaddejja u l-prijoritajiet tal-Programm għall-Gvern, konsistenti mal-għan ġenerali biex ikun żgurat li l-baġit għall-2013 irendi konsolidazzjoni fiskali ta’ mill-inqas EUR 3,1 biljun; ◄

(b) it-tressiq ta' leġiżlazzjoni lill-Oireachtas sabiex issir riforma tas-sistema tad-dejn personali bl-għan li jiġi żgurat bilanċ aħjar bejn l-interessi tal-kredituri kif ukoll tad-debituri;

▼M1

(c) Isir proċess ta' diżingranar tal-banek domestiċi lejn il-miri tal-proporzjon tas-self relatat mad-depożitu stabbiliti skont il-PLAR tal-2011;

▼M4

(d) is-sottomissjoni ta’ leġiżlazzjoni lill-Oireachtas biex jassistu lill-unjins tal-kreditu b’qafas regolatorju msaħħaħ inkluża amministrazzjoni aktar effettiva u rekwiżiti regolatorji;

(e) l-adozzjoni ta’ miżuri li jinfurzaw strateġija baġitarja kredibbli u jsaħħu l-qafas baġitarju. L-Irlanda għandha tadotta u timplimenta r-regola fiskali li kwalunkwe dħul addizzjonali mhux ippjanat bejn l-2011-2015 se jiġi allokat għat-tnaqqis tad-defiċit u d-dejn. L-Irlanda għandha tintroduċi Liġi dwar ir-Responsabbiltà Fiskali li tinkludi dispożizzjonijiet għal qafas baġitarju ta’ terminu medju b’limiti multiannwali vinkolanti fuq l-infiq f’kull qasam, b’regoli fiskali u li tassigura l-indipendenza tal-Kunsill Fiskali Konsultattiv. Din għandha ssir billi jitqiesu r-riformi dwar governanza ekonomika riveduta fuq il-livell tal-Unjoni u tibni fuq ir-riformi eżistenti.

▼B

9.  Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni bla xkiel tal-kundizzjonalità tal-Programm u sabiex l-iżbilanċi jerġgħu lura f’livelli sostenibbli, il-Kummissjoni għandha tipprovdi pariri u gwida kontinwi dwar riformi fiskali, dawk tas-suq finanzjarju kif ukoll dawk strutturali. F il-qafas tal-assistenza li ser iġi provduta lill-Irlanda, flimkien mal-FMI u b’koordinazzjoni mal-Bank Ċentrali Ewropew, hija għandha tirrevedi perjodikament l-effikaċja u l-impatt ekonomiku u soċjali tal-miżuri miftiehma, u għandha tirrakkomanda korrezzjonijiet meħtieġa bl-għan li jissaħħu t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi, tiġi żgurata l-konsolidazzjoni fiskali meħtieġa u jiġu minimizzati impatti soċjali li jagħmlu ħsara, b’mod partikolari, fir-rigward tal-aktar membri vulnerabbli tas-soċjetà Irlandiża.

Artikolu 4

L-Irlanda għandha tiftaħ kont speċjali mal-Bank Ċentrali tal-Irlanda għall-ġestjoni tal-assistenza finanzjarja tal-Unjoni.

Artikolu 5

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Irlanda.

Artikolu 6

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.



( 1 ) ĠU L 118, 12.5.2010, p. 1.

( 2 ) Ara http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/government_finance_statistics/methodology/advice_member_states