02010R0461 — MT — 07.05.2023 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 461/2010

tas-27 ta’ Mejju 2010

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 129 28.5.2010, p. 52)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2023/822 tas-17 ta’ April 2023

  L 102I

1

17.4.2023




▼B

REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 461/2010

tas-27 ta’ Mejju 2010

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal kategoriji ta’ akkordji vertikali u prattiċi miftiehma fis-settur tal-vetturi bil-mutur

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET KOMUNI

Artikolu 1

Definizzjonijiet

1.  

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a) 

“akkordju vertikali” tfisser akkordju jew prattika miftiehma konkluż bejn żewġ impriżi jew aktar li kull waħda minnhom topera, għall-iskopijiet tal-akkordju jew tal-prattika miftiehma, f’livell differenti tal-katina ta’ produzzjoni jew ta’ distribuzzjoni, u li jirrigwarda l-kundizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid ċerti oġġetti jew servizzi;

(b) 

“restrizzjoni vertikali” tfisser restrizzjoni tal-kompetizzjoni f’akkordju vertikali li taqa’ fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat;

(c) 

“garaxx tat-tiswija awtorizzat” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur li jopera fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita minn fornitur ta’ vetturi bil-mutur;

(d) 

“distributur awtorizzat” tfisser distributur ta’ partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur li jopera fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita minn fornitur ta’ vetturi bil-mutur;

(e) 

“garaxx tat-tiswija indipendenti” tfisser:

(i) 

fornitur ta’ servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur li ma joperax fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita mill-fornitur tal-vetturi bil-mutur li għalihom jipprovdi t-tiswija jew il-manutenzjoni,

(ii) 

garaxx tat-tiswija awtorizzat fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ fornitur speċifiku, sa fejn huwa jipprovdi servizzi ta’ tiswija jew manutenzjoni għal vetturi bil-mutur li fir-rigward tagħhom huwa mhuwiex membru tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-fornitur rispettiv,

(f) 

“distributur indipendenti” tfisser:

(i) 

distributur ta’ partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur li ma joperax fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni stabbilita mill-fornitur tal-vetturi bil-mutur li għalihom jiddistribwixxi l-partijiet tal-bdil;

(ii) 

distributur awtorizzat fi ħdan is-sistema ta’ distribuzzjoni ta’ fornitur speċifiku, sa fejn huwa jiddistribwixxi partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur li fir-rigward tagħhom huwa mhuwiex membru tas-sistema ta’ distribuzzjoni tal-fornitur rispettiv;

(g) 

“vettura bil-mutur” tfisser vettura awtomotriċi maħsuba għall-użu fuq it-toroq pubbliċi u li għandha tlieta jew aktar roti għat-triq;

(h) 

“partijiet tal-bdil” tfisser oġġetti li għandhom jiġu stallati fi jew fuq vettura bil-mutur ħalli jibdlu komponenti ta’ dik il-vettura, inklużi oġġetti bħal lubrikanti li huma neċessarji għall-użu ta’ vettura bil-mutur, bl-eċċezzjoni tal-karburant;

(i) 

“sistema ta’ distribuzzjoni selettiva” tfisser sistema ta’ distribuzzjoni fejn il-fornitur jaċċetta li jbiegħ l-oġġetti jew is-servizzi li jkunu s-suġġett tal-kuntratt, jew direttament jew indirettament, lil distributuri magħżula abbażi ta’ kriterji speċifikati biss u fejn dawn id-distributuri jobbligaw ruħhom li ma jbiegħux dawn l-oġġetti jew servizzi lil distributuri li ma jkunux awtorizzati fit-territorju rriżervat mill-fornitur sabiex jopera dik is-sistema.

2.  
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, it-termini “impriża”, “fornitur”, “manifattur” u “xerrej” għandhom jinkludu l-intrapriżi konnessi rispettivi tagħhom.

“Impriżi konnessi” tfisser:

(a) 

impriżi li fihom parti fl-akkordju, direttament jew indirettament:

(i) 

ikollha s-setgħa li teżerċita iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

(ii) 

ikollha s-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ superviżjoni, tal-bord ta’ tmexxija jew ta’ korpi li jirrappreżentaw lill-impriża legalment, jew

(iii) 

ikollha d-dritt li tiġġestixxi l-affarijiet tal-impriża;

(b) 

impriżi li direttament jew indirettament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fuq parti fl-akkordju;

(c) 

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d) 

impriżi li fihom parti fl-akkordju flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e) 

impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:

(i) 

partijiet fl-akkordju jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d), jew

(ii) 

parti waħda jew aktar fl-akkordju jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) u terz wieħed jew aktar.



KAPITOLU II

AKKORDJI VERTIKALI DWAR IX-XIRI, IL-BEJGĦ JEW IL-BEJGĦ MILL-ĠDID TA’ VETTURI BIL-MUTUR ĠODDA

Artikolu 2

Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1400/2002

Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat, mill-1 ta’ Ġunju 2010 sal-31 ta’ Mejju 2013, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali relatati mal-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, jbiegħu jew jbiegħu mill-ġdid vetturi bil-mutur ġodda li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal eżenzjoni taħt ir-Regolament (KE) Nru 1400/2002 li huma relatati speċifikament ma’ akkordji vertikali dwar ix-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda.

Artikolu 3

L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 330/2010

B’effett mill-1 ta’ Ġunju 2013, ir-Regolament (UE) Nru 330/2010 għandu japplika għal akkordji vertikali relatati max-xiri, il-bejgħ jew il-bejgħ mill-ġdid ta’ vetturi bil-mutur ġodda.



KAPITOLU III

AKKORDJI VERTIKALI DWAR IS-SUQ TA’ WARA L-BEJGĦ TAL-VETTURI BIL-MUTUR

Artikolu 4

Eżenzjoni

Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat ma għandux japplika għal akkordji vertikali relatati mal-kondizzjonijiet li taħthom il-partijiet jistgħu jixtru, ibiegħu jew ibiegħu mill-ġdid partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur jew jipprovdu servizzi ta’ tiswija u manutenzjoni għall-vetturi bil-mutur li jissodisfaw ir-rekwiżiti għal eżenzjoni taħt ir-Regolament (UE) Nru 330/2010 u ma fihomx kwalunkwe klawżola fundamentali elenkata fl-Artikolu 5 ta’ dan ir-Regolament.

Din l-eżenzjoni għandha tapplika sa fejn dawn l-akkordji jkunu jinkludu restrizzjonijiet vertikali.

Artikolu 5

Restrizzjoniijet li jneħħu l-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija - restrizzjonijiet fundamentali

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 4 ma għandhiex tapplika għal akkordji vertikali li, direttament jew indirettament, waħedhom jew flimkien ma’ fatturi oħra taħt il-kontroll tal-partijiet, ikollhom bħala għan:

(a) 

ir-restrizzjoni tal-bejgħ ta’ partijiet tal-bdil għall-vetturi bil-mutur minn membri ta’ sistema ta’ distribuzzjoni selettiva lil garaxxijiet tat-tiswija indipendenti li jużaw dawk il-partijiet għat-tiswija jew manutenzjoni ta’ vettura bil-mutur;

(b) 

ir-restrizzjoni, miftiehma bejn fornitur ta’ partijiet tal-bdil, għodda tat-tiswija jew tagħmir dijanjostiku jew ieħor u manifattur ta’ vetturi bil-mutur, tal-kapaċità tal-fornitur li jbiegħ dawk l-oġġetti lil distributuri awtorizzati jew indipendenti jew lil garaxxijiet tat-tiswija awtorizzati jew indipendenti jew lill-utenti finali;

(c) 

ir-restrizzjoni, miftiehma bejn manifattur ta’ vetturi bil-mutur li juża komponenti għall-immuntar inizjali ta’ vetturi bil-mutur u l-fornitur ta’ tali komponenti, tal-kapaċità tal-fornitur li jpoġġi t-trejdmark jew il-logo tiegħu b’mod effettiv u faċilment viżibbli fuq il-komponenti forniti jew fuq il-partijiet tal-bdil.



KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 6

Nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament

Skont l-Artikolu 1a tar-Regolament Nru 19/65/KEE, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ regolament, tiddikjara li, fejn netwerks paralleli ta’ restrizzjonijiet vertikali simili jkunu jkopru aktar minn 50 % ta’ suq rilevanti, dan ir-Regolament ma għandux japplika għal akkordji vertikali li jkunu jinkludu restrizzjonijiet speċifiċi relatati ma’ dak is-suq.

▼M1

Artikolu 7

Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-operat ta’ dan ir-Regolament u twettaq evalwazzjoni tiegħu qabel l-31 ta’ Mejju 2028.

▼B

Artikolu 8

Perijodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ Ġunju 2010.

▼M1

Għandu jiskadi fil-31 ta’ Mejju 2028.

▼B

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.