02010L0040 — MT — 09.01.2018 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DIRETTIVA 2010/40/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2010

dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(ĠU L 207 6.8.2010, p. 1)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DIRETTIVA (UE) 2017/2380 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL Test b'rilevanza għaż-ŻEE tat-12 ta' Diċembru 2017

  L 340

1

20.12.2017




▼B

DIRETTIVA 2010/40/UE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tas-7 ta’ Lulju 2010

dwar il-qafas għall-varar ta’ Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti fil-qasam tat-trasport bit-triq u għall-interkonnessjonijiet ma’ modi oħrajn ta’ trasport

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)



Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.  Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas ta’ appoġġ għall-varar u l-użu kkoordinati u koerenti tas-Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (sistemi STI) fl-Unjoni, b’mod partikolari bejn il-fruntieri bejn l-Istati Membri, u tistipula l-kondizzjonijiet ġenerali meħtieġa għal dak l-iskop.

2.  Din id-Direttiva tipprevedi l-iżvilupp ta’ speċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet fl-oqsma ta’ prijorità msemmijin fl-Artikolu 2, kif ukoll l-iżvilupp, fejn ikun il-każ, tal-istandards meħtieġa.

3.  Din id-Direttiva għandha tapplika għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI fil-qasam tat-trasport bit-triq u l-interkonnessjonijiet tagħhom ma’ modi oħra ta’ trasport mingħajr preġudizzju għal kwistjonijiet rigward is-sigurtà nazzjonali jew meħtieġa fl-interess tad-difiża.

Artikolu 2

Oqsma ta’ prijorità

1.  Għall-fini ta’ din id-Direttiva dawn li ġejjin għandhom ikunu l-oqsma ta’ prijorità għall-iżvilupp u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards:

— I. użu ottimali tad-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar;

— II. kontinwità tas-servizzi tas-sistemi STI ta’ ġestjoni tat-traffiku u l-merkanzija;

— III. applikazzjonijiet tas-sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq;

— IV. kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport.

2.  L-ambitu tal-oqsma ta’ prijorità hu speċifikat fl-Anness I.

Artikolu 3

Azzjonijiet ta’ prijorità

Dawn li ġejjin għandhom ikunu azzjonijiet ta’ prijorità għall-oqsma ta’ prijorità imsemmijin fl-Artikolu 2 għall-iżvilupp u l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards, kif stabbilit fl-Anness I:

(a) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha;

(b) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali fl-UE kollha;

(c) data u proċeduri għall-forniment, fejn ikun possibbli, ta’ informazzjoni minima universali dwar it-traffiku relatata mas-sikurezza fit-toroq mingħajr ħlas għall-utenti;

(d) il-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha;

(e) il-forniment ta’ servizzi ta’ informazzjoni għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali;

(f) il-forniment ta’ servizzi ta’ rriżervar għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali.

Artikolu 4

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1) “Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti” jew “sistemi STI” tfisser sistemi li fihom ikunu applikati teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni fis-settur tat-trasport bit-triq, inklużi l-infrastruttura, il-vetturi u l-utenti, u fil-ġestjoni tat-traffiku u l-ġestjoni tal-mobbiltà, kif ukoll għal interkonnessjonijiet ma’ modi oħra tat-trasport;

(2) “interoperabbiltà” tfisser il-kapaċità tas-sistemi, u tal-proċessi industrijali li dawn is-sistemi jissejsu fuqhom, li jiskambjaw id-data u jikkondividu l-informazzjoni u l-konoxxenza;

(3) “applikazzjoni tas-sistemi STI” tfisser strument operattiv għall-applikazzjoni tas-sistemi STI;

(4) “servizzi tas-sistemi STI” tfisser il-forniment ta’ applikazzjoni tas-sistemi STI permezz ta’ qafas organizzattiv u operattiv definit sew bl-għan li jikkontribwixxi għas-sikurezza tal-utenti, l-effiċjenza, il-kumdità u/jew il-faċilitazzjoni jew is-sostenn tal-operat tat-trasport u l-ivvjaġġar;

(5) “fornitur tas-servizzi tas-sistemi STI” tfisser kwalunkwe fornitur ta’ servizz tas-sistemi STI, kemm jekk pubbliku jew privat;

(6) “utent tas-sistemi STI” tfisser kwalunkwe utent tal-applikazzjonijiet jew is-servizzi tas-sistemi STI fosthom il-vjaġġaturi, l-utenti vulnerabbli tat-toroq, l-utenti u l-operaturi tal-infrastruttura tat-trasport bit-triq, il-ġesturi tal-flotot u l-operaturi tas-servizzi tal-emerġenza;

(7) “utenti vulnerabbli tat-toroq” tfisser utenti tat-toroq mingħajr vettura bil-mutur, bħal pereżempju n-nies mexjin fit-triq u ċ-ċiklisti, kif ukoll is-sewwieqa tal-muturi u l-persuni b’diżabbiltà jew persuni b’mobbiltà u orjentament limitati;

(8) “apparat nomadiku” tfisser apparat tal-komunikazzjoni jew tal-informazzjoni li jista’ jinġarr ġo vettura b’appoġġ għall-kompitu tas-sewqan u/jew l-operazzjonijiet tat-trasport;

(9) “pjattaforma” tfisser unità ta’ abbord jew mhux ta’ abbord li tippermetti l-varar, il-forniment, l-isfruttar u l-integrazzjoni ta’ applikazzjonijiet u servizzi tas-sistemi STI;

(10) “arkitettura” tfisser id-disinn kunċettwali li jiddefinixxi l-istruttura, l-imġiba u l-integrazzjoni ta’ sistema speċifika fil-kuntest ta’ madwarha;

(11) “interkonnessjoni” tfisser faċilità bejn sistemi li tipprovdi l-mezzi li bihom jistgħu jikkollegaw u jaġixxu ma’ xulxin;

(12) “kompatibbiltà” tfisser il-kapaċità ġenerali ta’ apparat jew sistema li taħdem ma’ apparat jew sistema oħra mingħajr modifika;

(13) “kontinwità tas-servizzi” tfisser il-kapaċità li jkunu żgurati servizzi mingħajr interruzzjoni fin-netwerks tat-trasport fl-Unjoni kollha;

(14) “data it-toroq” tfisser data dwar il-karatteristiċi tal-infrastruttura tat-toroq, inklużi s-sinjali tat-traffiku mwaħħlin jew l-attributi regolatorji tagħhom tas-sikurezza;

(15) “data dwar it-traffiku” tfisser data storika u f’ħin reali dwar il-karatteristiċi tat-traffiku fit-toroq;

(16) “data dwar l-ivvjaġġar” tfisser data bażika, bħal skedi tal-ħin tat-trasport pubbiku u tariffi, meħtieġa biex tingħata informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali qabel u waqt il-vjaġġ biex tiffaċilita l-ippjanar, l-irriżervar u l-adattament tal-ivvjaġġar;

(17) “speċifikazzjoni” tfisser miżura li torbot li tistipula dispożizzjonijiet li fihom rekwiżiti, proċeduri jew kwalunkwe regola oħra rilevanti;

(18) “standard” tfisser standard kif definit fl-Artikolu 1(6) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u r-regolamenti tekniċi ( 1 ).

Artikolu 5

Varar tas-sistemi STI

1.  L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw li l-ispeċifikazzjonijiet adottati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 jiġu applikati fir-rigward tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI, meta dawn ikunu varati, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II. Dan huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ kull Stat Membru li jiddeċiedi dwar il-varar min-naħa tiegħu ta’ dawn l-applikazzjonijiet u s-servizzi fit-territorju tiegħu. Dan id-dritt huwa mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe att leġislattiv adottat taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(2).

2.  L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu sforz sabiex jikkooperaw fir-rigward tal-oqsma ta’ prijorità, safejn ma jkunux ġew adottati speċifikazzjonijiet.

Artikolu 6

Speċifikazzjonijiet

1.  Il-Kummissjoni għandha l-ewwel tadotta l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa biex tiżgura l-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-sistemi STI għall-azzjonijiet ta’ prijorità.

2.  Il-Kummissjoni għandha timmira li tadotta speċifikazzjonijiet għal waħda jew aktar mill-azzjonijiet ta’ prijorità sas-27 ta’ Frar 2013.

Sa mhux aktar tard minn 12-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għal xi azzjoni ta’ prijorità, il-Kummissjoni għandha, fejn ikun il-każ, wara li twettaq stima tal-impatt inkluża analiżi tal-benefiċċju mqabbel mal-ispiża, tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill f’konformità mal-Artikolu 294 tat-TFUE dwar il-varar ta’ dik l-azzjoni ta’ prijorità.

3.  Ladarba jkunu ġew stabbiliti l-ispeċifikazzjonijiet meħtieġa għall-azzjonijiet ta’ prijorità, il-Kummissjoni għandha tadotta speċifikazzjonijiet li jiżguraw il-kompatibbiltà, l-interoperabbiltà u l-kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-sistemi STI għal azzjonijiet oħra fl-oqsma ta’ prijorità.

4.  Fejn ikun rilevanti, u skont il-qasam kopert mill-ispeċifikazzjoni, l-ispeċifikazzjoni għandha tinkludi wieħed jew aktar mit-tipi ta’ dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a) dispożizzjonijiet funzjonali: jiddeskrivu r-rwoli tad-diversi partijiet interessati u l-fluss ta’ informazzjoni bejniethom;

(b) dispożizzjonijiet tekniċi li jipprovdu għall-mezzi tekniċi biex jissodisfaw id-dispożizzjonijiet funzjonali;

(c) dispożizzjonijiet organizzattivi li jiddeskrivu l-obbligi proċedurali tad-diversi partijiet interessati;

(d) dispożizzjonijiet dwar servizzi li jiddeskrivu d-diversi livelli ta’ servizzi u l-kontenut tagħhom għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI.

5.  Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri skont id-Direttiva 98/34/KE l-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, jistipulaw il-kondizzjonijiet li bihom l-Istati Membri jistgħu, wara li jinnotifikaw lill-Kummissjoni, jistabbilixxu regoli addizzjonali għall-forniment ta’ servizzi tas-sistemi STI fit-territorju kollu tagħhom jew f’parti minnu, sakemm dawk ir-regoli ma jostakolawx l-interoperabbiltà.

6.  L-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, ikunu bbażati fuq kwalunkwe standard imsemmi fl-Artikolu 8.

L-ispeċifikazzjonijiet għandhom, fejn ikun il-każ, jipprevedu valutazzjoni tal-konformità skont id-Deċiżjoni Nru 768/2008/KE.

L-ispeċifikazzjonijiet għandhom jikkonformaw mal-prinċipji stabbiliti fl-Anness II.

7.  Il-Kummissjoni għandha twettaq stima tal-impatt inkluża analiżi tal-benefiċċju mqabbel mal-ispiża qabel l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet.

Artikolu 7

Atti delegati

1.  Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward ta’ speċifikazzjonijiet. Fl-adozzjoni ta’ dawn l-atti delegati l-Kummissjoni għandha taġixxi f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Direttiva, b’mod partikolari l- mal-Artikolu 6 u mal-Anness II.

2.  Għandu jiġi adottat att delegat separat għal kull azzjoni ta’ prijorità.

3.  Għall-atti delegati msemmijin f’dan l-Artikolu, għandha tapplika l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 12, 13 u 14.

Artikolu 8

Standards

1.  L-istandards meħtieġa biex ikunu pprovduti interoperabbiltà, kompatibbiltà u kontinwità għall-varar u l-użu operattiv tas-sistemi STI għandhom jiġu żviluppati fl-oqsma ta’ prijorità u għall-azzjonijiet ta’ prijorità. Għal dak l-għan, il-Kummissjoni, wara li tkun ikkonsultat il-kumitat imsemmi fl-Artikolu 15, għandha titlob lill-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni f’konformità mal-proċedura stabbilita fid-Direttiva 98/34/KE biex iwettqu kull sforz meħtieġ biex jadottaw dawn l-istandards mill-aktar fis.

2.  Meta jinħareġ mandat lill-korpi tal-istandardizzazzjoni, għandhom ikunu rrispettati l-prinċipji stabbiliti fl-Anness II kif ukoll kull dispożizzjoni funzjonali mdaħħla fi speċifikazzjoni adottata f’konformità mal-Artikolu 6.

Artikolu 9

Miżuri mhux vinkolanti

Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida u miżuri mhux vinkolanti oħra biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni tal-Istati Membri rigward l-oqsma ta’ prijorità f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).

Artikolu 10

Regoli dwar il-privatezza, is-sigurtà u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tat-tħaddim tas-sistemi STI jitwettaq f’konformità mar-regoli Komunitarji li jipproteġu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, b’mod partikolari d-Direttiva 95/46/KE u d-Direttiva 2002/58/KE.

2.  B’mod partikolari, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-data personali tkun protetta kontra l-użu skorrett, fosthom aċċess mhux awtorizzat, tibdil jew telf.

3.  Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1, sabiex tkun żgurata l-privatezza, għandu jkun inkoraġġit l-użu ta’ data anonima, fejn ikun il-każ, għat-twettiq tal-applikazzjonijiet u servizzi tas-sistemi STI.

Mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 95/46 id-data personali għandha tkun ipproċessata biss safejn tali pproċessar huwa meħtieġ għat-twettiq tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI.

4.  Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 95/46/KE u b’mod partikolari fejn ikunu involuti kategoriji speċjali ta’ data personali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dispożizzjonijiet dwar il-kunsens għall-ipproċessar ta’ din id-data personali jkunu rrispettati.

5.  Id-Direttiva 2003/98/KE għandha tapplika.

Artikolu 11

Regoli dwar ir-responsabbiltà

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltà, dwar il-varar u l-użu tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet adottati f’konformità mal-Artikolu 6, ikunu indirizzati f’konformità mal-liġi eżistenti tal-Unjoni, inkluża b’mod partikolari d-Direttiva tal-Kunsill 85/374/KEE tal-25 ta’ Lulju 1985 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar responabbiltà għall-prodotti difettużi ( 2 ), kif ukoll il-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti.

▼M1

Artikolu 12

Eżerċizzju tad-delega

1.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' tti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f'dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta' adozzjoni ta' atti delegati msemmija fl-Artikolu 7 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu ta' ħames snin mis-27 ta' Awwissu 2017. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta' setgħa mhux iktar tard minn disa' xhur qabel it-tmiem tal-perijodu ta' ħames snin. Id-delega ta' setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perijodi ta' żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjona għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta' kull perijodu.

3.  Id-delega ta' setgħa msemmija fl-Artikolu 7 tista' tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta' setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f'data aktar tard speċifikata fih. M'għandhiex taffettwa l-validità ta' kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta' April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 7 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perijodu ta' xahrejn min-notifika ta' dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perijodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b'xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

▼M1 —————

▼B

Artikolu 15

Proċedura ta’ kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat Ewropew tas-sistemi STI (EIC).

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu għandhom japplikaw l-Artikolu 3 u l-Artikolu 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE, b’kont meħud tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tagħha.

Artikolu 16

Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI

Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp Konsultattiv Ewropew dwar is-sistemi STI biex jagħtiha pariri dwar l-aspetti kummerċjali u tekniċi tal-varar u l-użu tas-sistemi STI fl-Unjoni. Il-grupp għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, l-assoċjazzjonijiet tal-utenti, l-operaturi tat-trasport u tal-faċilitajiet, l-industrija tal-manifattura, is-sieħba soċjali, l-assoċjazzjonijiet professjonali, l-awtoritajiet lokali u fora oħra rilevanti.

Artikolu 17

Rappurtar

1.  L-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Awwissu 2011 rapport dwar l-attivitajiet u l-proġetti nazzjonali tagħhom dwar l-oqsma ta’ prijorità.

2.  L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni sas-27 ta’ Awwissu 2012 b’informazzjoni dwar l-azzjonijiet nazzjonali għas-sistemi STI previsti tul il-ħames snin segwenti.

Il-linji gwida għar-rappurtar mill-Istati Membri għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2).

3.  Konsegwentement għall-ewwel rapport, l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw kull tliet snin dwar il-progress li jkun sar fil-varar tal-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1.

4.  Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport kull tliet snin lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva. Ir-rapport għandu jkun flimkien ma’ analiżi dwar il-funzjonament u l-implimentazzjoni, inklużi r-riżorsi finanzjarji użati u meħtieġa, tal-Artikoli 5 sa 11 u tal-Artikolu 16, u għandu jivvaluta l-ħtieġa li din id-Direttiva tiġi emendata, fejn ikun il-każ.

▼M1

5.  F'konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 15(2), il-Kummissjoni għandha tadotta programm ta' ħidma, sas-27 ta' Frar 2011. Il-programm ta' ħidma għandu jinkludi objettivi u dati għall-implimentazzjoni tiegħu kull sena u jekk ikun meħtieġ għandu jipproponi l-adattamenti meħtieġa.

Il-Kummissjoni għandha taġġorna il-programm ta' ħidma relatat mal-azzjonijiet taħt l-Artikolu 6(3) sal-10 ta' Jannar 2019 u qabel kull estensjoni sussegwenti ta' ħames snin tas-setgħa li jiġu adottati atti delegati skont l-Artikolu 12(2).

▼B

Artikolu 18

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sas-27 ta’ Frar 2012.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-metodi kif issir tali referenza, u t-test tagħha, għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

2.  L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 19

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 20

Indirizzati

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.




ANNESS I

OQSMA U AZZJONIJIET TA’ PRIJORITÀ

(kif imsemmijin fl-Artikoli 2 u 3)

—    Qasam ta’ prijorità I: Użu ottimali tad-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għal użu ottimali tad-data dwar it-toroq, it-traffiku u l-ivvjaġġar għandhom jinkludu dan li ġej:

1.   Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (a)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex is-servizzi ta’ informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali fl-UE kollha jsiru preċiżi u disponibbli transkonfinalment għall-utenti tas-sistemi STI, abbażi ta’:

 id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data eżistenti u preċiża dwar it-toroq u t-traffiku f’ħin reali użata għall-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali għall-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet tas-sikurezza u l-ġestjoni tat-trasport;

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet interessati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-sistemi STI, transkonfinalment;

 l-aġġornament f’waqtu tad-data disponibbli dwar it-toroq u t-traffiku għall-informazzjoni dwar l-ivvjaġġar multimodali mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet interessati;

 l-aġġornament f’waqtu tal-informazzjoni dwar l-ivjaġġar multimodali mill-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI.

2.   Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (b)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex is-servizzi ta’ informazzjoni f’ħin reali dwar it-traffiku fl-UE kollha jsiru preċiżi u disponibbli transkonfinalment għall-utenti tas-sistemi STI, abbażi ta’:

 id-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tad-data eżistenti u preċiża dwar it-toroq u t-traffiku f’ħin reali użata għall-informazzjoni dwar it-traffiku f’ħin reali għall-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI mingħajr preġudizzju għal-limitazzjonijiet tas-sikurezza u l-ġestjoni tat-trasport;

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet interessati u l-fornituri rilevanti tas-servizzi tas-sistemi STI, transkonfinalment;

 l-aġġornament f’waqtu tad-data disponibbli dwar it-toroq u t-traffiku użata għall-informazzjoni f’ħin reali dwar it-traffiku mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet interessati;

 l-aġġornament f’waqtu tal-informazzjoni f’ħin reali dwar it-traffiku mill-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI.

3.   Speċifikazzjonijiet għall-azzjonijiet ta’ prijorità (a) u (b)

3.1. Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa għall-ġbir mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew, fejn hu rilevanti, mis-settur privat tad-data dwar it-toroq u t-traffiku (jiġifieri l-pjani taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rotot rakkomandati, speċjalment għall-vetturi kbar tal-merkanzija) u għall-għoti ta’ dawn lill-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, ibbażata fuq:

 id-disponibbiltà, għall-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, ta’ data eżistenti dwar it-toroq u t-traffiku (jiġifieri l-pjani taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u rotot rakkomandati) miġbura mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew mis-settur privat;

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI;

 l-aġġornament f’waqtu, mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u/jew, fejn rilevanti, is-settur privat, ta’ data dwar it-toroq u t-traffiku (jiġifieri l-pjani taċ-ċirkulazzjoni tat-traffiku, ir-regolamenti tat-traffiku u r-rotot rakkomandati);

 l-aġġornament f’waqtu, mill-fornituri tas-servizzi tas-sistemi STI, tas-servizzi u l-applikazzjonijiet tas-sistemi STI bl-użu ta’ din id-data dwar it-toroq u t-traffiku.

3.2. Id-definizzjoni tar-rekwiżiti meħtieġa biex id-data dwar it-toroq, it-traffiku u s-servizzi tat-trasport użata għall-mapep diġitali ssir preċiża u disponibbli, fejn ikun possibbli, għall-produtturi u l-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali, abbażi ta’:

 id-disponibbiltà ta’ data eżistenti dwar it-toroq u t-traffiku użata għall-mapep diġitali għall-produtturi u l-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali;

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn l-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u l-partijiet interessati u l-produtturi u l-fornituri privati tal-mapep diġitali;

 l-aġġornament f’waqtu tad-data dwar it-toroq u t-traffiku għall-mapep diġitali mill-awtoritajiet pubbliċi rilevanti u mill-partijiet interessati;

 l-aġġornament f’waqtu tal-mapep diġitali mill-produtturi u l-fornituri tas-servizzi tal-mapep diġitali.

4.   Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (c)

Id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi, ta’ ‘informazzjoni universali dwar it-traffiku’ relatati mas-sikurezza fit-toroq, mogħtija, fejn ikun possibbli, mingħajr ħlas għall-utenti kollha tat-toroq, kif ukoll il-kontenut minimu tagħhom, abbażi ta’:

 l-identifikazzjoni u l-użu ta’ lista standardizzata ta’ avvenimenti tat-traffiku relatati mas-sikurezza (‘messaġġi universali dwar it-traffiku’) li għandhom jiġu kkomunikati lill-utenti tas-sistemi STI mingħajr ħlas;

 il-kompatibbiltà u l-integrazzjoni tal-‘messaġġi universali dwar it-traffiku’ fis-servizzi tas-sistemi STI għall-informazzjoni f’ħin reali dwar it-traffiku u l-ivvjaġġar multimodali.

—    Qasam ta’ prijorità II: Kontinwità tas-sistemi STI ta’ ġestjoni tat-traffiku u tal-merkanzija

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għall-kontinwità u l-interoperabbiltà tas-servizzi ta’ ġestjoni tat-traffiku u l-merkanzija, b’mod partikolari dwar in-netwerk TEN-T, għandhom jinkludu dan li ġej:

1.   Speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra

1.1. Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-iżvilupp tal-Arkitettura Qafas tal-UE tas-sistemi STI, li jindirizzaw speċifikament l-interoperabbiltà, il-kontinwità tas-servizzi u l-aspetti multimodali relatati mas-sistemi STI, inkluż pereżempju t-tikkettjar interoperabbli multimodali, fejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom f’kooperazzjoni mas-settur privat jistgħu jiżviluppaw l-arkitettura tas-sistemi STI tagħhom għall-mobbiltà fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali.

1.2. Id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi meħtieġa għall-kontinwità tas-servizzi tas-sistemi STI, b’mod partikolari għas-servizzi transkonfinali, għall-ġestjoni tat-trasport tal-passiġġieri permezz ta’ modi differenti ta’ trasport, abbażi ta’:

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku għal data dwar it-traffiku u l-informazzjoni transkonfinali, u fejn ikun il-każ, ir-reġjuni, jew bejn iż-żoni urbani u dawk interurbani, bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku u l-partijiet interessati differenti;

 l-użu ta’ flussi tal-informazzjoni jew interkonnessjonijiet tat-traffiku standardizzati bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku u partijiet interessati differenti.

1.3. Id-definizzjoni tar-rekwiżiti minimi meħtieġa għall-kontinwità tas-servizzi tas-sistemi STI għall-ġestjoni tal-merkanzija tul il-kurituri tat-trasport u b’modi differenti ta’ trasport, abbażi ta’:

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku għal data dwar it-traffiku u l-informazzjoni transkonfinali, u fejn ikun il-każ, ir-reġjuni, jew bejn iż-żoni urbani u dawk interurbani, bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku u l-partijiet interessati differenti;

 l-użu ta’ flussi tal-informazzjoni jew interkonnessjonijiet tat-traffiku standardizzati bejn iċ-ċentri rilevanti tal-informazzjoni/kontroll tat-traffiku u partijiet interessati differenti.

1.4. Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa fit-twettiq tal-applikazzjonijiet tas-sistemi STI (b’mod partikolari l-lokalizzazzjoni u t-traċċar tal-merkanzija tul il-vjaġġ tagħha u fil-modi kollha ta’ trasport) għal-loġistika tat-trasport tal-merkanzija (‘eFreight’), ibbażata fuq:

 id-disponibbiltà tat-teknoloġiji rilevanti tas-sistemi STI u l-użu tagħhom mill-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet tas-sistemi STI;

 l-integrazzjoni tar-riżultati tal-pożizzjonament fl-għodod u ċ-ċentri tal-ġestjoni tat-traffiku.

1.5. Id-definizzjoni tal-interkonnessjonijiet meħtieġa biex jiġu żgurati l-interoperabbiltà u l-kompatibbiltà bejn l-arkitettura urbana tas-sistemi STI u l-arkitettura Ewropea tas-sistemi STI, abbażi ta’:

 id-disponibbiltà tad-data dwar it-trasport pubbliku, l-ippjanar tal-vjaġġi, id-domanda għat-trasport, it-traffiku u l-parkeġġ għaċ-ċentri u l-fornituri tas-servizzi tal-kontroll urbani;

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku tad-data bejn iċ-ċentri u l-fornituri tas-servizzi differenti tal-kontroll urbani għat-trasport pubbliku jew privat u bejn il-modi kollha possibbli ta’ trasport;

 l-integrazzjoni tad-data u l-informazzjoni kollha rilevanti f’arkitettura waħda.

—    Qasam ta’ prijorità III: Applikazzjonijiet tas-sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards tal-applikazzjonijiet tas-sistemi STI għas-sikurezza u s-sigurtà fit-toroq għandhom jinkludu dan li ġej:

1. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (d)

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-forniment armonizzat ta’ eCall interoperabbli fl-UE kollha, li jinkludu:

 id-disponibbiltà tad-data obbligatorja tas-sistemi STI fil-vetturi li trid tiġi skambjata;

 id-disponibbiltà tat-tagħmir meħtieġ fiċ-ċentri ta’ rispons għal sejħiet ta’ emerġenza li jirċievu d-data li tkun ntbagħtet mill-vetturi;

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku ta’ data bejn il-vetturi u ċ-ċentri ta’ rispons għal sejħiet ta’ emerġenza.

2. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (e)

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jipprovdu servizzi ta’ informazzjoni bbażati fuq is-sistemi STI għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali, b’mod partikolari f’żoni ta’ servizz u serħan fit-toroq, abbażi ta’:

 id-disponibblità tal-informazzjoni dwar il-parkeġġ fit-toroq għall-utenti;

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku ta’ data bejn is-siti tal-parkeġġ fit-toroq, iċ-ċentri u l-vetturi.

3. Speċifikazzjonijiet għall-azzjoni ta’ prijorità (f)

Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jipprovdu servizzi ta’ rriżervar ibbażati fuq is-sistemi STI għal postijiet ta’ parkeġġ bla periklu u sikuri għal trakkijiet u vetturi kummerċjali abbażi ta’:

 id-disponibblità tal-informazzjoni dwar il-parkeġġ fit-toroq għall-utenti;

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju elettroniku ta’ data bejn is-siti tal-parkeġġ fit-toroq, iċ-ċentri u l-vetturi;

 l-integrazzjoni tat-teknoloġiji rilevanti tas-sistemi STI kemm fil-vetturi kif ukoll fil-faċilitajiet tal-parkeġġ fit-toroq biex tiġi aġġornata l-informazzjoni dwar l-ispazji ta’ parkeġġ disponibbli għall-finijiet ta’ rriżervar.

4. Speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra

4.1. id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa għall-appoġġ tas-sikurezza tal-utenti tat-toroq fir-rigward tal-Interkonnessjoni bejn il-Magni u l-Bniedem abbord il-vetturi u l-użu ta’ apparat nomadiku biex jappoġġja l-attività tas-sewqan u/jew l-operazzjoni ta’ trasport, kif ukoll is-sigurtà tal-komunikazzjonijiet fil-vetturi;

4.2. id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jittejbu s-sikurezza u l-kumdità tal-utenti vulnerabbli tat-toroq għall-applikazzjonijiet rilevanti kollha tas-sistemi STI;

4.3. id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa biex jintegraw is-sistemi tal-informazzjoni avvanzati tal-appoġġ għas-sewwieqa fl-infrastruttura tat-toroq u l-vetturi li mhumiex fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 2007/46/KE, 2002/24/KE u 2003/37/KE.

—    Qasam ta’ prijorità IV: Kollegament tal-vettura mal-infrastruttura tat-trasport

L-ispeċifikazzjonijiet u l-istandards għall-kollegament ta’ vetturi mal-infrastruttura tat-trasport għandhom jinkludu dawn li ġejjin:

1. Speċifikazzjonijiet għal azzjonijiet oħra:

1.1. Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex jiġu integrati l-applikazzjonijiet differenti tas-sistemi STI fi pjattaforma miftuħa fil-vetturi, ibbażata fuq:

 l-identifikazzjoni tar-rekwiżiti funzjonali tal-applikazzjonijiet eżistenti jew ippjanati tas-sistemi STI;

 id-definizzjoni ta’ arkitettura b’sistema miftuħa li tiddefinixxi l-funzjonalitajiet u l-interkonnessjonijiet meħtieġa għall-interoperabbiltà/interkonnessjoni mas-sistemi u l-faċilitajiet tal-infrastruttura;

 l-integrazzjoni tal-applikazzjonijiet tas-sistemi STI ġodda jew aġġornati fil-futur b’sistema ta’ ‘qabbad u uża’ fi pjattaforma miftuħa fil-vetturi;

 l-użu tal-proċess tal-istandardizzazzjoni għall-adozzjoni tal-arkitettura, u l-ispeċifikazzjonijiet miftuħa fil-vetturi.

1.2. Id-definizzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex isir aktar progress fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ sistemi kooperattivi (vettura-vettura, vettura-infrastruttura, infrastruttura-infrastruttura), ibbażata fuq:

 il-faċilitazzjoni tal-iskambju ta’ data jew informazzjoni bejn vetturi, infrastruttura u bejn il-vettura u l-infrastruttura;

 id-disponibbiltà tad-data jew l-informazzjoni rilevanti li ser tiġi skambjata għall-partijiet rispettivi tal-vetturi jew tal-infrastruttura tat-toroq;

 l-użu ta’ format standardizzat tal-messaġġi għal dan l-iskambju tad-data jew informazzjoni bejn il-vetturi u l-infrastruttura;

 id-definizzjoni ta’ infrastruttura tal-komunikazzjoni għall-iskambju ta’ data jew informazzjoni bejn vetturi, infrastrutturi u bejn il-vetturi u l-infrastruttura;

 l-użu ta’ proċessi ta’ standardizzazzjoni għall-adozzjoni tal-arkitetturi rispettivi.




ANNESS II

PRINĊIPJI GĦALL-ISPEĊIFIKAZZJONIJIET U L-VARAR TAS-SISTEMI STI

(kif imsemmijin fl-Artikoli 5, 6 u 8)

L-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet, il-ħruġ tal-mandati għall-istandards u l-għażla u l-varar tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI għandhom ikunu bbażati fuq evalwazzjoni tal-ħtiġijiet li tinvolvi l-partijiet kollha interessati, u għandhom jikkonformaw mal-prinċipji li ġejjin. Dawn il-miżuri għandhom:

a)

Ikunu effettivi — jagħtu kontribut tanġibbli għas-soluzzjoni tal-isfidi prinċipali li jaffettwaw it-trasport bit-triq fl-Ewropa (pereżempju t-tnaqqis tal-konġestjoni, it-tnaqqis tal-emissjonjiet, it-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, il-ksib ta’ livelli ogħla ta’ sikurezza u sigurtà inkluż għall-utenti vulnerabbli tat-toroq);

b)

Ikunu effettivi vis-à-vis l-ispiża — jottimizzaw il-proporzjon ta’ prestazzjoni relattivament għall-ispejjeż fir-rigward tal-objettivi milħuqa;

c)

Ikunu proporzjonati — jipprevedu, fejn ikun il-każ, livelli differenti ta’ kwalità u varar tas-servizz li jistgħu jinkisbu, b’kont meħud tal-ispeċifiċitajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropej;

d)

Jappoġġaw il-kontinwità tas-servizzi — jiżguraw servizzi mingħajr interruzzjoni fl-Unjoni kollha, b’mod partikolari fuq in-netwerk trans-Ewropew, u fejn ikun possibbli fil-fruntieri esterni tagħha, meta jiġu varati is-servizzi tas-sistemi STI. Il-kontinwità tas-servizzi għandha tkun żgurata, f’livell adattat għall-karatteristiċi tan-netwerks tat-trasport li jikkollegaw pajjiżi ma’ pajjiżi, u fejn ikun il-każ, reġjuni ma’ reġjuni u bliet ma’ żoni rurali;

e)

Jipprovdu interoperabbiltà — jiżguraw li s-sistemi u l-proċessi tan-negozju sottostanti jkollhom il-kapaċità li jagħmlu skambju ta’ data u jikkondividu informazzjoni u konoxxenza sabiex ikun jista’ jiġi pprovdut servizz effettiv tas-sistemi STI;

f)

Jirrispettaw il-kompatibbiltà b’lura — jiżguraw, fejn ikun il-każ, il-kapaċità għas-sistemi tas-sistemi STI li jaħdmu mas-sistemi eżistenti li jikkondividu għan komuni, mingħajr ma jostakolaw l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda;

g)

Jirrispettaw il-karatteristiċi nazzjonali tal-infrastruttura u tan-netwerk — iqisu d-differenzi li hemm fil-karatteristiċi tan-netwerks tat-trasport, b’mod partikolari fid-daqsijiet tal-volumi tat-traffiku u fil-kondizzjonijiet tat-temp fit-toroq;

h)

Jippromwovu l-ugwaljanza tal-aċċess — la jimpedixxu u lanqas jiddiskriminaw kontra l-aċċess għall-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI mill-utenti vulnerabbli tat-toroq;

i)

Jappoġġaw il-maturità — juru, wara valutazzjoni tar-riskju adatta, ir-robustezza tas-sistemi STI innovattivi, permezz ta’ livell suffiċjenti ta’ żvilupp tekniku u esplojtazzjoni operattiva;

j)

Jipprovdu kwalità fil-kronometraġġ u l-pożizzjonament — jużaw infrastrutturi li jiddipendu mis-satelliti, jew kwalunkwe teknoloġija li tipprovdi livelli ekwivalenti ta’ preċiżjoni għall-finijiet tal-applikazzjonijiet u s-servizzi tas-sistemi STI li jeħtieġu servizzi ta’ kronometraġġ u pożizzjonament globali, kontinwi, preċiżi u ggarantiti;

k)

Jiffaċilitaw l-intermodalità — iqisu l-koordinament tad-diversi modi ta’ trasport, fejn ikun il-każ, waqt il-varar tas-sistemi STI;

l)

Jirrispettaw il-koerenza — iqisu r-regoli, il-politika u l-attivitajiet eżistenti tal-Unjoni li jkunu rilevanti fil-qasam tas-sistemi STI, b’mod partikolari fil-qasam tal-istandardizzazzjoni.



( 1 ) ĠU L 204, 21.7.1998, p. 37 (MT: Edizzjoni Speċjali, Kap 13, Vol 020, p. 337).

( 2 ) ĠU L 210, 7.8.1985, p. 29, (Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Volum 1, p. 257).