02010D0670 — MT — 22.11.2017 — 002.001
Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument
|
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI tat-3 ta’ Novembru 2010 li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument numru C(2010) 7499) (ĠU L 290 6.11.2010, p. 39) |
Emendat bi:
|
|
|
Il-Ġurnal Uffiċjali |
||
|
Nru |
Paġna |
Data |
||
|
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/191 notifikata bid-dokument C(2015 tal-5 ta' Frar 2015 |
L 31 |
31 |
7.2.2015 |
|
|
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2172 notifikata bid-dokument C(2017 tal-20 ta' Novembru 2017 |
L 306 |
24 |
22.11.2017 |
|
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI
tat-3 ta’ Novembru 2010
li tistabbilixxi l-kriterji u l-miżuri għall-finanzjament ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent, kif ukoll ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli, fl-ambitu tal-iskema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità, stabbilita bid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(notifikata bid-dokument numru C(2010) 7499)
(2010/670/UE)
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi r-regoli u l-kriterji għal:
(1) l-għażla ta’ proġetti kummerċjali ta’ dimostrazzjoni li l-għan tagħhom huwa l-qbid u l-ħżin ġeoloġiku ta’ CO2, f’kundizzjonijiet ta’ sigurtà għall-ambjent (“proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS”), u proġetti ta’ dimostrazzjoni ta’ teknoloġiji innovattivi ta’ enerġija rinnovabbli (“proġetti ta’ dimostrazzjoni RES”) imsemmija fid-Direttiva 2003/87/KE;
(2) il-konverżjoni f’valur monetarju tal-kwoti msemmija fid-Direttiva 2003/87/KE għall-appoġġ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u RES, u l-ġestjoni tad-dħul relatat;
(3) it-tqassim ta’ dħul u l-implimentazzjoni ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u RES.
Din id-Deċiżjoni, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-konverżjoni tal-kwoti f’valur monetarju, għandha tkun bla ħsara għal atti ta’ implimentazzjoni oħra adottati skont id-Direttiva 2003/87/KE.
Artikolu 2
Prinċipji
1. L-għadd ta’ kwoti fir-riżerva tal-istallazzjonijiet li daħlu ġodda fis-suq imsemmija fl-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE għandu jkun 300 miljun.
2. L-għażla ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u RES għall-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandha sseħħ f’żewġ serje ta’ sejħiet għal proposti li jiġu organizzati mill-Kummissjoni u indirizzati lill-Istati Membri, li jkopru l-ekwivalenti ta’ 200 miljun kwota għall-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti, u l-ekwivalenti ta’ 100 miljun kwota flimkien mal-kwoti li jifdal mill-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti għat-tieni serje ta’ sejħiet għal proposti.
3. Mingħajr preġudizzju għar-raba’ sentenza tar-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 10a(8) tad-Direttiva 2003/87/KE, il-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jkun 50 % tal-ispejjeż rilevanti. Meta t-total tal-finanzjament pubbliku rikjest ikun inqas minn 50 % tal-ispejjeż rilevanti, it-total tal-finanzjament pubbliku rikjest għandu jiġi ffinanzjat fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni.
Madankollu, meta l-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni jiġi kkombinat ma’ finanzjament mill-Programm Ewropew tal-Enerġija għall-Irkupru (EEPR), il-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni għandu jitnaqqas bl-ammont ta’ finanzjament li jkun ġej mill-EEPR.
4. Kwalunkwe dħul mhux imqassam mill-ewwel serje ta' sejħiet għal proposti għandu jkun disponibbli biex jappoġġja proġetti li qatt ma saru qabel, innovattivi, replikabbli u lesti li juru fuq skala id-dimostrazzjoni tas-CCS u tar-RES, bl-użu tal-istrumenti finanzjarji rilevanti ġestiti mill-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment, bi prijorità mogħtija lill-Faċilità tal-EDP InnovFin u l-Istrument ta' Dejn fis-settur tat-trasport taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa.
Il-paragrafu preċedenti, l-Artikoli 6, 8, 11(1) sa (5), l-ewwel u t-tieni sottoparagrafi tal-Artikolu 11(6) u l-Artikolu 13 ma għandhomx japplikaw għall-użu ta' dan id-dħul.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta kmieni biżżejjed lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-iżvilupp tal-Ftehimiet ta' Delega rilevanti bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment, b'mod partikolari għal dak li għandu x'jaqsam mal-kriterji tal-eliġibbiltà, mal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji rilevanti, speċjalment l-iżvilupp ta' sensiela ta' proġetti, mal-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet tal-proġett u fl-aħħar nett dwar l-użu mill-ġdid tad-dħul, u għandha tikkunsidra l-fehmiet tal-Istati Membri kif xieraq.
Artikolu 3
Spejjeż rilevanti
1. Għall-finijiet tal-Artikolu 2(3), għandhom japplikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafi 2 sa 5 ta’ dan l-Artikolu.
2. L-ispejjeż rilevanti ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS għandhom ikunu dawk l-ispejjeż ta’ investiment li l-proġett iġarrab minħabba l-applikazzjoni tas-CCS, netti mill-valur nett attwali tal-aħjar stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tħaddim derivati mill-applikazzjoni tas-CCS matul l-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim.
3. L-ispejjeż rilevanti ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni RES għandhom ikunu dawk l-ispejjeż ta’ investiment addizzjonali li l-proġett iġarrab b’riżultat tal-applikazzjoni ta’ teknoloġija innovattiva ta’ enerġija rinnovabbli, netti mill-valur nett attwali tal-aħjar stima tal-ispejjeż u l-benefiċċji tat-tħaddim derivati matul l-ewwel ħames snin, imqabbla ma’ produzzjoni konvenzjonali tal-istess kapaċità, f’termini ta’ produzzjoni effettiva ta’ enerġija.
4. L-ispejjeż ta’ investiment imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikopru l-ispejjeż ta’ investiment f’artijiet, impjanti u tagħmir.
L-ispejjeż ta’ investiment jistgħu jirreferu wkoll għal investiment fi trasferiment ta’ teknoloġija u liċenzji tat-tħaddim ta’ knowhow (minn hawn ‘il quddiem, “assi intanġibbli”), meta jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) l-assi intanġibbli jista’ jitqies bħala assi deprezzabbli;
(b) l-assi intanġibbli jinxtara b’kundizzjonijiet tas-suq bl-aktar prezz baxx possibbli;
(c) l-assi intanġibbli jibqa’ fl-istabbilment tal-benefiċjarju għal mill-inqas ħames snin.
Jekk l-assi intanġibbli jinbiegħ qabel l-iskadenza tal-perjodu ta’ ħames snin imsemmi fil-punt (c) tat-tieni subparagrafu, ir-rendiment tal-bejgħ għandu jitnaqqas mill-ispejjeż rilevanti.
5. L-ispejjeż u benefiċċji netti tat-tħaddim imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom ikunu bbażati fuq l-aħjar stima tal-ispejjeż tat-tħaddim imġarrba mill-proġett fir-rigward tal-ispejjeż tal-produzzjoni u jqisu l-benefiċċji addizzjonali kollha derivati minn skemi ta’ appoġġ anke jekk ma jikkostitwixxux għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-Trattat, l-ispejjeż evitati u l-miżuri ta’ inċentiva fiskali eżistenti.
Artikolu 4
Rwol tal-BEI
Il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) għandu jwettaq l-impenji tiegħu fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni fuq talba ta’, f’isem u għall-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tkun responsabbli fil-konfront ta’ partijiet terzi.
Il-BEI għandu jingħata rimbors għat-twettiq ta’ dawk l-impenji mill-flus li jinkisbu permezz tal-ġestjoni tad-dħul.
Il-Kummissjoni u l-BEI għandhom jidħlu fi ftehim li jistabbilixxi t-termini u kundizzjonijiet speċifiċi li l-BEI għandu jirrispetta fit-twettiq tal-impenji tiegħu.
Artikolu 5
Proċedura tal-għażla
1. Is-sejħiet għal proposti għandhom jiġu ppubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2. L-Istati Membri għandhom jiġbru l-applikazzjonijiet għall-finanzjament tal-proġetti li huma mistennija li jitwettqu fit-territorju tagħhom.
Madankollu, fil-każ li proġett ikun intiż li jitwettaq fit-territorju ta’ diversi Stati Membri (minn hawn ‘il quddiem, “proġett transkonfinali”), l-Istat Membru li jirċievi l-applikazzjoni għall-finanzjament għandu jinforma b’dan lill-Istati Membri l-oħra konċernati u għandu jikkoopera mal-Istati Membri l-oħra sabiex tintlaħaq deċiżjoni komuni dwar is-sottomissjoni tal-proġett mill-Istat Membru li jirċievi l-applikazzjoni għall-finanzjament.
3. L-Istati Membri għandhom jivvalutaw jekk proġett jissodisfax il-kriterji ta’ eliġibbiltà msemmija fl-Artikolu 6. Meta dan ikun il-każ u meta l-Istat Membru jappoġġa l-proġett, dak l-Istat Membru għandu jissottometti l-proposta lill-BEI u jinforma lill-Kummissjoni dwarha.
Meta jissottometti proposti għall-finanzjament, l-Istat Membru għandu jipprovdi l-informazzjoni segwenti għal kull proġett:
(a) l-ispejjeż rilevanti, f’euro, imsemmija fl-Artikolu 2(3);
(b) it-total ta’ finanzjament pubbliku rikjest, f’euro, li huwa l-ispejjeż rilevanti wara li minnhom jitnaqqas kwalunkwe kontribut tal-operatur għal dawk l-ispejjeż;
(c) l-aħjar stima tal-valur nett attwali tal-benefiċċji addizzjonali derivati minn skemi ta’ appoġġ kif ikkalkulat skont l-Artikolu 3(5);
(d) għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, l-ammont totali previst ta’ CO2 maħżun fl-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim, jew, għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES, l-ammont totali previst ta’ enerġija prodotta fl-ewwel ħames snin ta’ tħaddim.
L-Istati Membri għandhom ukoll jinnotifikaw lill-Kummissjoni kwalunkwe finanzjament għall-proġett li jinvolvi għajnuna mill-Istat skont l-Artikolu 108(3) tat-Trattat sabiex tkun tista’ ssir il-koordinazzjoni tal-proċedura tal-għażla mal-valutazzjoni tal-għajnuna mill-Istat.
4. Abbażi tal-proposti sottomessi skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, il-BEI għandu jwettaq valutazzjoni tal-vijabbiltà finanzjarja u teknika (id-diliġenza finanzjarja u teknika dovuta) tal-proġett skont l-Artikolu 7.
Meta din il-valutazzjoni titlesta b’riżultat pożittiv, skont l-Artikolu 8 l-BEI għandu jagħmel rakkomandazzjonijiet, lill-Kummissjoni, għad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament.
5. Abbażi tar-rakkomandazzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 4, wara li l-Istati Membri rilevanti jerġgħu jiġu kkonsultati biex jikkonfermaw, meta jkun xieraq, il-valur u l-istruttura tal-kontribut totali tal-finanzjament pubbliku, u wara li tingħata l-opinjoni tal-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima skont l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE ( 1 ), il-Kummissjoni għandha tadotta deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament indirizzati lill-Istati Membri rilevanti, fejn tindika l-finanzjament, f’euro, li jingħata lill-proġġetti konċernati.
Artikolu 6
Kriterji ta’ eliġibbiltà
1. Proġett għandu jkun eliġibbli għall-finanzjament, meta jiġu sodisfatti dawn il-kriterji:
(a) il-proġett għandu jaqa’ taħt waħda mill-kategoriji stipulati fil-Parti A tal-Anness I;
(b) il-proġett għandu jkun konformi mar-rekwiżiti stipulati fil-Parti B tal-Anness I;
(c) il-proġetti elenkati fil-Parti A.II tal-Anness I għandhom ikunu ta’ natura innovattiva. Teknoloġiji eżistenti u rikonoxxuti mhumiex eliġibbli.
2. Meta Stat Membru ma jkunx f’pożizzjoni li jissottometti lill-BEI skont l-Artikolu 5(3) proposti għal proġetti li jaqgħu taħt xi waħda mis-subkategoriji speċifikati fil-Parti A.II tal-Anness I li jissodisfaw il-limiti rilevanti, dak l-Istat Membru jista’ jissottometti proposti għal proġetti li ma jilħqux il-limiti rilevanti għal xi waħda mis-subkategoriji kkonċernati u dawn jitqiesu bħala eliġibbli għall-finanzjament b’deroga mill-paragrafu 1.
Artikolu 7
Diliġenza finanzjarja u teknika dovuta
Il-BEI għandu jwettaq il-valutazzjoni tad-diliġenza dovuta ta’ kwalunkwe proġett propost skont l-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fis-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 5(1), li mill-inqas għandha tkopri l-aspetti li ġejjin:
(1) ambitu tekniku;
(2) spejjeż;
(3) finanzjament;
(4) implimentazzjoni;
(5) tħaddim;
(6) impatt fuq l-ambjent;
(7) proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti.
Artikolu 8
Għażla tal-proġetti
1. Għandhom jiġu ffinanzjati tmien proġetti li jaqgħu taħt il-Parti A.I tal-Anness I u proġett wieħed f’kull waħda mis-subkategoriji tal-proġetti speċifikati fil-Parti A.II tal-Anness I.
Madankollu, meta jkun hemm biżżejjed riżorsi, jistgħu jiġu ffinanzjati aktar proġetti, filwaqt li jinżamm il-bilanċ bejn proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS u dawk RES.
Meta, f’subkategorija partikolari, jitressqu mhux aktar minn żewġ proposti, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-impatt possibbli tan-numru limitat ta’ proposti fuq il-kompetizzjoni għall-għażla fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni, u tista’, fejn ikun xieraq, tiddeċiedi li tipposponi d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament fis-subkategorija rilevanti għat-tieni serje ta’ sejħiet għal proposti.
2. Il-proġetti għandhom jiġu kklassifikati f’ordni tal-ispiża tagħhom għal kull unità ta’ rendiment, mill-inqas għall-ogħla. Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS għandhom jiġu kklassifikati bħala grupp wieħed. Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES għandhom jiġu kklassifikati f’kull waħda mis-subkategoriji speċifikati fil-Parti A.II tal-Anness I.
Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu, l-ispiża għal kull unità ta’ rendiment għandha tiġi kkalkulata bħala t-total tal-ammonti speċifikati fl-Artikolu 5(3)(b) u (c), diviż bl-ammont totali previst ta’ CO2 maħżun fl-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, jew, l-ammont totali previst ta’ enerġija prodotta fl-ewwel ħames snin ta’ tħaddim għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES.
Meta l-Istati Membri rilevanti jikkonfermaw, skont l-Artikolu 5(5), li hemm finanzjament pubbliku suffiċjenti għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, għandhom jintgħażlu l-proġetti kklassifikati bħala l-ogħla fl-ordni ta’ klassifikazzjoni tagħhom, sakemm jiġu sodisfatti l-kriterji kollha li ġejjin:
(a) f’kull kategorija ta’ proġetti jintgħażlu tal-anqas proġett wieħed iżda mhux aktar minn tliet proġetti;
(b) jintgħażlu tal-anqas tliet proġetti bil-ħżin f’depożiti ta’ idrokarburi; u
(c) jintgħażlu tal-anqas tliet proġetti bil-ħżin f’akwifer tal-ilma mielaħ.
Meta dawk il-kriterji ma jiġux sodisfatti, il-proġett li jkun qed jitqies għall-għażla ma għandux jintagħżel, u għandu jitqies għall-għażla l-proġett ikklassifikat warajh. Din il-proċedura għandha tiġi ripetuta sakemm jintgħażlu tmien proġetti.
Meta l-Istati Membri rilevanti jikkonfermaw, skont l-Artikolu 5(5), li hemm finanzjament pubbliku suffiċjenti għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES, għandu jintagħżel il-proġett ikklassifikat bħala l-ogħla f’kull waħda mis-subkategoriji. Meta f’ebda waħda miż-żewġ serje ta’ sejħiet għal proposti ma jkun hemm proġetti eliġibbli u li jkunu finanzjarment u teknikament vijabbli f’waħda jew aktar mis-subkategoriji ta’ proġetti, għandu jiġi ffinanzjat għadd korrispondenti ta’ proġetti addizzjonali f’subkategoriji oħra tal-istess kategorija ta’ proġett. Id-dettalji għandhom jiġu speċifikati fis-sejħa għalproposti skont l-Artikolu 5(1).
Il-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS magħżula għandhom jikkostitwixxu kollettivament “il-grupp CCS” u l-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES magħżula għandhom jikkostitwixxu kollettivament “il-grupp RES”.
3. B’deroga mill-paragrafu 1, meta t-talba totali għall-finanzjament fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni tkun ogħla mill-fondi disponibbli, l-għadd ta’ proġetti magħżula għandu jitnaqqas sabiex it-talba għall-finanzjament tonqos bl-istess proporzjon f’kull wieħed mill-gruppi msemmija fit-tielet u fil-ħames subparagrafi tal-paragrafu 2.
Għal kull wieħed mill-gruppi, għandu jitneħħa mill-għażla l-ewwel dak il-proġett li jkun jirrappreżenta l-ogħla spiża għal kull unità ta’ rendiment, filwaqt li wara għandu jitneħħa mill-għażla dak il-proġett li jkun jirrappreżenta l-ogħla spiża għal kull unità ta’ rendiment f’kategorija oħra. Il-proċedura għandha tiġi ripetuta sakemm il-finanzjament rikjest ikun kopert mill-fondi disponibbli.
4. Suġġett għad-disponibbiltà tal-proposti sottomessi lill-BEI skont l-Artikolu 5(3) u rakkomandati mill-BEI lill-Kummissjoni għal deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament skont l-Artikolu 5(4), għandhom jiġu ffinanzjati tal-anqas proġett wieħed iżda mhux aktar minn tliet proġetti fi kwalunkwe Stat Membru.
Madankollu, l-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għall-proġetti transkonfinali.
Artikolu 9
Deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament
Id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament għandhom isiru bil-kundizzjoni li jinħarġu l-permessi nazzjonali rilevanti kollha skont ir-rekwiżiti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li tinkiseb l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ proġett, u li jittieħdu d-deċiżjonijiet finali ta’ investiment min-naħa tal-isponsors, fi żmien ►M1 48 xahar ◄ mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament.
Fir-rigward ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, bil-ħżin f’akwifer tal-ilma mielaħ, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament għandhom isiru bil-kundizzjoni li jinħarġu l-permessi nazzjonali rilevanti kollha skont ir-rekwiżiti rilevanti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, li tinkiseb l-approvazzjoni mill-Kummissjoni ta’ kwalunkwe għajnuna mill-Istat fir-rigward ta’ proġett, u li jittieħdu d-deċiżjonijiet finali ta’ investiment min-naħa tal-isponsors, fi żmien ►M1 60 xahar ◄ mill-adozzjoni tad-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament.
F’każ li l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel jew fit-tieni paragrafi ma jiġux sodisfatti, id-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament ma jibqax ikollhom effett legali.
Artikolu 10
Konverżjoni tal-kwoti f’valur monetarju u ġestjoni tad-dħul
1. Għall-finijiet tal-konverżjoni tal-kwoti f’valur monetarju u l-ġestjoni tad-dħul, il-Kummissjoni għandha taġixxi f’isem l-Istati Membri.
2. L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jiżguraw li t-300 miljun kwota msemmija fl-Artikolu 2(1) jiġu ttrasferiti lill-BEI sabiex dan iwettaq il-konverżjoni tagħhom f’valur monetarju u l-ġestjoni tad-dħul.
3. Il-BEI għandu jbigħ il-kwoti għall-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti qabel ma jiġu adottati d-deċiżjonijiet dwar l-għoti ta’ finanzjament mill-Kummissjoni għal kull serje ta’ sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 5(1).
Il-BEI għandu jiġġestixxi d-dħul u jgħaddih lill-Istati Membri kif meħtieġ għat-tqassim skont l-Artikolu 11.
Artikolu 11
Tqassim tad-dħul u użu ta’ dħul mhux imqassam
1. L-Istati Membri għandhom iqassmu d-dħul lill-isponsors ta’ proġetti abbażi ta’ strumenti legalment vinkolanti li mill-inqas, għandhom jistipulaw l-elementi li ġejjin:
(a) il-proġett u l-finanzjament mogħti f’euro;
(b) id-data ta’ meta jibda t-tħaddim;
(c) ir-rekwiżiti għall-qsim tal-għarfien skont l-Artikolu 12;
(d) ir-rekwiżiti li jikkonċernaw it-tqassim tad-dħul skont il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu;
(e) ir-rekwiżiti ta’ rappurtar skont l-Artikolu 13;
(f) l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet ta’ applikabbiltà tad-deċiżjoni msemmija fl-Artikolu 9.
Għall-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 5(1), id-data ta’ meta jibda t-tħaddim imsemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu għandha tkun mhux aktar tard mill- ►M1 31 ta' Diċembru 2017 ◄ ħlief meta d-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ finanzjament rispettiva tkun adottata wara l-31 ta’ Diċembru 2011, f’liema każ id-data ta’ meta jibda t-tħaddim għandha tkun mhux aktar tard minn ►M1 sitt snin ◄ mid-data tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ finanzjament.
Meta l-proġett ma jkunx daħal fis-seħħ sad-data tad-dħul fis-seħħ stabbilita għal dak il-proġett, dik id-data tiġi awtomatikament estiża b'sena.
Id-deċiżjonijiet tal-għoti ta' finanzjament ma jibqgħalhomx effett legali meta l-proġett ma jkunx daħal fis-seħħ sad-data ta' dħul fis-seħħ applikabbli skont it-tielet subparagrafu. F'dan il-każ, kull finanzjament żburżjat jew irċevut għall-iskop ta' żborż għandu jingħata lura.
2. It-tqassim għandu jsir kull sena. L-ammont li jitqassam għandu jkun, għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, l-ammont ta’ CO2 maħżun fis-sena rilevanti kif immonitorjat, irrappurtat u vverifikat skont l-Artikoli 14 u 15 tad-Direttiva 2003/87/KE mmultiplikat bir-rata tal-finanzjament, u għall-proġetti ta’ dimostrazzjoni RES, l-ammont ta’ enerġija prodotta mmultiplikat bir-rata tal-finanzjament.
Ir-rata tal-finanzjament għandha tiġi kkalkulata billi l-finanzjament mogħti jiġi diviż b’75 % tal-ammont totali previst ta’ CO2 maħżun fl-ewwel għaxar snin ta’ tħaddim fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, jew, b’75 % tal-ammont totali previst ta’ enerġija prodotta fl-ewwel ħames snin ta’ tħaddim fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni RES.
3. It-tqassim għal sena partikolari għandu jsir biss meta, għal dik is-sena, ir-rekwiżiti għall-qsim tal-għarfien ikunu ġew sodisfatti.
4. It-tqassim għandu jiġi limitat għal perjodu ta’ għaxar snin mid-data msemmija fil-paragrafu 1(b) fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS, u għal perjodu ta’ ħames snin minn dik id-data fil-każ ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni RES. It-total tal-fondi mqassma ma għandux jeċċedi l-finanzjament mogħti msemmi fil-paragrafu 1(a).
5. Meta l-Istat Membru konċernat jiggarantixxi li kwalunkwe finanzjament li jeċċedi l-finanzjament stabbilit skont il-paragrafi 2, 3 u 4 jkun se jingħata lura lill-BEI, parti mill-finanzjament għal proġett jew il-finanzjament kollu għalih jista’ jitqassam qabel ma dak il-proġett jibda jitħaddem skont l-ispeċifikazzjonijiet stipulati fid-deċiżjoni dwar l-għoti ta’ finanzjament.
6. Mingħajr preġudizzju għat-tieni paragrafu tal-Artikolu 4, id-dħul li ma jitqassamx lill-proġetti u l-flus li jinkisbu mill-ġestjoni tad-dħul, għandhom jintużaw għall-kofinanzjament ta’ aktar proġetti ta’ dimostrazzjoni fl-ambitu ta’ din id-Deċiżjoni sal-31 ta’ Diċembru 2015.
L-Istati Membri għandhom jagħtu lura lill-BEI kwalunkwe dħul li ma jkunx tqassam.
Wara l-31 ta’ Diċembru 2015, il-fondi kollha li jista’ jkun fadal għandhom jingħataw lill-Istati Membri skont il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 10a(7) tad-Direttiva 2003/87/KE.
Artikolu 12
Qsim tal-għarfien
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-operaturi ta’ proġetti, il-membri ta’ konsorzji, il-fornituri u s-subappaltaturi kollha li jirċievu benefiċċji sostanzjali għall-iżvilupp tal-prodott jew servizz tagħhom permezz tal-finanzjament pubbliku pprovdut, jaqsmu l-informazzjoni dwar l-elementi stipulati fl-Anness II ma’ operaturi ta’ proġetti oħra, awtoritajiet pubbliċi, istituzzjonijiet tar-riċerka, organizzazzjonajiet mhux governattivi u l-pubbliku skont l-ispeċifikazzjonijiet supplementari stipulati fis-sejħiet għal proposti msemmija fl-Artikolu 5(1).
Il-qsim tal-informazzjoni għandu jseħħ fuq bażi annwali u għandu jinkludi l-informazzjoni kollha li tiġi ġġenerata u pproċessata f’sena partikolari.
Artikolu 13
Rappurtar mill-Istati Membri
Matul il-perjodi msemmija fl-Artikolu 11(4), l-Istati Membri għandhom, sal-31 ta’ Diċembru ta’ kull sena, jissottomettu rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-proġetti lill-Kummissjoni.
Għal kull proġett, dawn ir-rapporti għandhom jinkludu mill-inqas l-informazzjoni li ġejja:
(1) l-ammont ta’ CO2 maħżun jew ta’ enerġija nadifa prodotta;
(2) il-fondi mqassma;
(3) kwalunkwe problemi sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-proġett.
Artikolu 14
Rappurtar mill-Kummissjoni
Wara li titlesta l-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Kumitat tat-Tibdil fil-Klima dwar l-implimentazzjoni ta’ dik is-serje ta’ sejħiet għal proposti, fejn tindika jekk tkunx meħtieġa xi emenda għal din id-Deċiżjoni bl-għan li jiġi żgurat bilanċ mil-lat ġeografiku u dak tekniku fit-tieni serje ta’ sejħiet għal proposti.
Il-Kummissjoni għandha tirrapporta regolarment lill-Kumitat dwar it-Tibdil fil-Klima dwar l-użu tad-dħul imsemmi fl-Artikolu 2(4), inkluż informazzjoni bil-quddiem dwar l-appoġġ ippjanat għal proġetti u l-parti mill-appoġġ li għandha tkun disponibbli fil-forma ta' għotjiet, id-distribuzzjoni ġeografika tal-proġetti, l-iskala tal-proġetti u l-kopertura teknoloġika, l-informazzjoni ex-post dwar il-progress fit-twettiq ta' proġetti, l-evitar ta' emissjonijiet tas-CO2, l-ingranaġġ finanzjarju, is-sensibilizzazzjoni u t-tagħlimiet meħuda, kif xieraq.
Artikolu 15
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
ANNESS I
KRITERJI TA’ ELIĠIBBILTÀ
A. KATEGORIJI TAL-PROĠETTI
I. Kategoriji ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS (b’limiti minimi ta’ kapaċità ( 2 ))
— il-produzzjoni tal-enerġija: qabel il-kombustjoni 250 MW;
— il-produzzjoni tal-enerġija: wara l-kombustjoni 250 MW;
— il-produzzjoni tal-enerġija: oxyfuel 250 MW;
— applikazzjonijiet industrijali li jimplimentaw (a) it-teknoloġija CCS f’raffineriji b’500 kilotunnellati fis-sena (kt/y) ta’ CO2 maħżuna minn sors wieħed jew aktar ġewwa r-raffinerija; (b) l-applikazzjoni tat-teknoloġija CCS fi fran tas-siment b’500 kt/y ta’ CO2 maħżuna; (c) l-applikazzjoni tat-teknoloġija CCS għal metodi ta’ produzzjoni primarja ta’ ħadid u azzar, b’500 kt/y ta’ CO2 maħżuna; jew (d) l-applikazzjoni tat-teknoloġija CCS għal metodi ta’ produzzjoni primarja ta’ aluminju, b’500 kt/y ta’ CO2 maħżuna;
II. Kategoriji ta’ proġetti ta’ dimostrazzjoni RES innovattivi (b’limiti minimi ta’ kapaċità)
— Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-bijoenerġija:
—
— Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’vetturi bijoenerġetiċi intermedji solidi, likwidi jew semilikwidi permezz ta’ piroliżi, b’kapaċità ta’ 40 kt/y tal-prodott finali;
— Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’vetturi bijoenerġetiċi intermedji solidi, likwidi jew semilikwidi permezz ta’ torrefazzjoni, b’kapaċità ta’ 40 kt/y tal-prodott finali;
— Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’Gass Naturali Sintetiku jew gass ta’ sinteżi u/jew f’enerġija permezz tal-gassifikazzjoni, b’kapaċità ta’ 40 miljuni ta’ metri kubi normali fis-sena (M Nm3/y) tal-prodott finali jew 100 GWh/y ta’ enerġija elettrika;
— Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’bijofjuwils jew bijolikwidi u/jew f’enerġija inkluż permezz ta’ gassifikazzjoni b’tisħin dirett b’kapaċità ta’ 15-il miljun litru fis-sena (Ml/y) tal-prodott finali jew 100 GWh/y ta’ enerġija elettrika. Il-produzzjoni ta’ Gass Naturali Sintetiku hija eskluża minn din is-subkategorija;
— Konverżjoni ta’ materja prima linjoċelluloża, bħalma huma likur iswed u/jew prodotti ta’ piroliżi jew torrefazzjoni, permezz ta’ gassifikazzjoni ta’ fluwidi li jġorru partikuli, fi kwalunkwe bijofjuwil b’kapaċità ta’ 40 Ml/y tal-prodott finali;
— Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’enerġija elettrika b’effiċjenza ta’ 48 % abbażi ta’ valur kalorifiku inferjuri (umdità ta’ 50 %) b’kapaċità ta’ 40 MWe jew ogħla;
— Konverżjoni ta’ linjoċelluloża f’etanol u alkoħols superjuri permezz ta’ proċessi kimiċi u bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 40 Ml/y tal-prodott finali;
— Konverżjoni ta’ linjoċelluloża u/jew ta’ skart tad-djar f’bijogass, f’bijofjuwils jew bijolikwidi permezz ta’ proċessi kimiċi u bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 6 MNm3/y ta’ Metanu jew 10 Ml/y tal-prodott finali
— Konverżjoni ta’ alka u/jew mikro-organiżmi f’bijofjuwils u bijolikwidi permezz ta’ proċessi kimiċi u/jew bijoloġiċi, b’kapaċità ta’ 40 Ml/y tal-prodott finali;
—
Nota: Għall-bijofjuwils u l-bijolikwidi skont it-tifsira tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (
3
), għandhom jiġu sodisfatti l-kriterji ta’ sostenibbiltà kif stipulati f’dik id-Direttiva.
— Enerġija solari konċentrata – subkategoriji ta’ proġetti:
—
— Sistema parabolika-ċilindrika jew sistema Fresnel li tuża mluħ imdewba jew likwidi oħra ta’ trasferiment tas-sħana li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, b’kapaċità nominali ta’ 30 MW;
— Sistema parabolika-ċilindrika jew sistema Fresnel ibbażata fuq il-Produzzjoni Diretta ta’ Fwar, b’kapaċità nominali ta’ 30 MW. It-temperatura tal-fwar prodott direttament għandha tkun ogħla minn 500 °C;
— Sistema ta’ torri li tuża ċiklu ta’ fwar b’temperatura għolja (jew sistema ta’ torrijiet multipli, jew taħlita ta’ kolletturi linjari u torri wieħed), b’kapaċità nominali ta’ 50 MW;
— Sistema ta’ torri li tuża l-arja miżmuma fi pressjoni atmosferika ogħla minn dik ambjentali b’temperatura ogħla minn 750 °C u turbina ibrida solari u tal-gass, b’kapaċità nominali ta’ 30 MW;
— Impjanti tal-enerġija ta’ daqs kbir b’dixx Stirling b’effiċjenza ta’ konverżjoni tal-enerġija solari f’enerġija elettrika ta’ aktar minn 20 % u b’kapaċità nominali ta’ mill-inqas 25 MW;
—
Nota: L-impjanti ta’ dimostrazzjoni jistgħu jinkludu sistemi ta’ dry cooling u sistemi ibridi, kif ukoll sistemi (avvanzati) ta’ ħżin tas-sħana.
— Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur fotovoltajku:
—
— Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta’ daqs kbir, b’kapaċità nominali ta’ 20 MW;
— Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta’ daqs kbir li jużaw multi-junction Si-thin-film, b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;
— Impjanti tal-enerġija fotovoltajka ta’ daqs kbir li jużaw ċelloli tal-Copper indium gallium (di)selenide (CIGS), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;
— Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur ġeotermiku:
—
— Sistemi ġeotermiċi mtejba fil-qasam tas-stress tat-tensjoni, b’kapaċità nominali ta’ 5 Mwe;
— Sistemi ġeotermiċi mtejba fil-qasam tas-stress tal-kompressjoni, b’kapaċità nominali ta’ 5 Mwe;
— Sistemi ġeotermiċi mtejba f’żoni bi blat, sedimentarju u granit, kumpatt u fond u strutturi kristallini oħra, b’kapaċità nominali ta’ 5 Mwe;
— Sistemi ġeotermiċi mtejba f’żoni ta’ ġebla franka fil-fond, b’kapaċità nominali ta’ 5 Mwe;
—
Nota: L-applikazzjonijiet ta’ Sħana u Enerġija Kombinata (CHP) bl-istess limiti ta’ enerġija elettrika huma eliġibbli wkoll
— Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-enerġija mir-riħ:
—
— Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini: 6 MW), b’kapaċità nominali ta’40 MW;
— Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini: 8 MW), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;
— Enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut (l-iżgħar daqs tat-turbini: 10 MW), b’kapaċità nominali ta’ 40 MW;
— Sistemi ta’ enerġija mir-riħ lil hinn mix-xtut li jżommu f’wiċċ il-baħar, b’kapaċità nominali ta’ 25 MW;
— Turbini tar-riħ fuq l-art adattati għall-aħjar użu fuq terreni kumplessi (bħalma huma terreni bl-imsaġar, żoni muntanjużi): b’kapaċità nominali ta’ 25 MW;
— Turbini tar-riħ fuq l-art adattati għall-aħjar użu fi klima kiesħa (kumpatibbli ma’ kundizzjonijiet ta’ temperatura aktar baxxa minn – 30 °C u ma’ kundizzjonijiet ta’ silġ qawwi) b’kapaċità nominali ta’ 25 MW;
— Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-enerġija oċeanika:
—
— Mezzi li jużaw l-enerġija tal-mewġ, b’kapaċità nominali ta’ 5 MW;
— Mezzi li jużaw l-enerġija tal-ibħra/tal-kurrent, b’kapaċità nominali ta’ 5 MW;
— Konverżjoni ta’ enerġija termika (OTEC) b’kapaċità nominali ta’ 10 MW;
— Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-enerġija idroelettrika:
—
— Produzzjoni tal-enerġija permezz ta’ Ġeneraturi Superkondutturi ta’ Temperatura għolja: 20 MW;
— Subkategoriji ta’ proġetti fis-settur tal-Ġestjoni Deċentralizzata ta’ Enerġiji Rinnovabbli (netwerks intelliġenti):
—
— Ġestjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f’żoni rurali, li l-enerġija li l-aktar jiġġeneraw hi dik solari: 20 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Medju;
— Ġestjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f’żoni rurali, li l-enerġija li l-aktar jiġġeneraw hi dik mir-riħ: 20 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Medju;
— Ġestjoni ta’ enerġiji rinnovabbli u l-aħjar użu għall-Ġeneraturi Distribwiti fuq skala żgħira u medja f’żoni urbani: 20 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Baxx + 50 MW fuq in-netwerk ta’ Vultaġġ Medju.
—
Nota: Ma għandux ikun eskluż l-użu ta’ tagħbijiet attivi (mezzi elettriċi ta’ tisħin/heat pumps, eċċ).
B. REKWIŻITI GĦALL-PROĠETTI
I. Rekwiżiti komuni:
— Għandhom jiġu sodisfatti l-limiti tal-kapaċità stabbiliti fil-Parti A;
— Fir-rigward tal-ewwel serje ta’ sejħiet għal proposti, il-proġetti jridu juru li għandhom aspettattiva raġonevoli li jibdew jitħaddmu sal-31 ta’ Diċembru 2015 abbażi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni rispettiva dwar l-għoti ta’ finanzjament sal-31 ta’ Diċembru 2011;
— Għandhom jinħarġu l-permessi nazzjonali rilevanti kollha għall-proġett u jkunu konformi mar-rekwiżiti rilevanti skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, jew il-proċeduri għall-ħruġ tal-permessi rilevanti għandhom ikunu għaddejjin u waslu fi stadju avvanzat biżżejjed biex jiġi żgurat li t-tħaddim kummerċjali tal-proġett ikun jista’ jibda jseħħ sal-31 ta’ Diċembru 2015, għall-ewwel fażi a bażi tal-adozzjoni tad-deċiżjoni rispettiva dwar l-għoti ta’ finanzjament sal 31 ta’ Diċembru 2011;
— L-operatur tal-proġett għandu jintrabat b’mod vinkolanti li jaqsam l-għarfien kif jeżiġu r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 12;
— Il-proġetti għandhom jitwettqu f’siti ġewwa t-territorji tal-Istati Membri, fiż-żoni ekonomiċi esklużivi tagħhom u fil-pjattaformi kontinentali tagħhom.
II. Proġetti ta’ dimostrazzjoni CCS:
— Kull proġett għandu jimplimenta l-katina kollha (il-qbid, it-trasport, il-ħżin);
— Kull proġett ta’ dimostrazzjoni għandu jimplimenta l-integrazzjoni termika għall-komponent tal-proċess li jirrigwarda l-qbid;
— Ir-rata tal-qbid għandha tkun mill-inqas 85 % tas-CO2 mill-gassijiet ta’ kombustjoni li għalihom japplika l-qbid;
— Kull proġett għandu jinkludi blokka ta’ riċerka indipendenti li tikkonċerna s-sikurezza tas-siti tal-ħżin u t-titjib tat-teknoloġiji tal-monitoraġġ, speċjalment fl-ambitu tal-migrazzjoni tal-ilma mielaħ, il-passaġġi possibbli tiegħu u l-impatti tiegħu.
ANNESS II
REKWIŻITI GĦALL-QSIM TAL-GĦARFIEN
A. Struttura u rendiment tekniċi
— affidabbiltà,
— CO2 maqbud,
— rendiment f’livelli differenti, inklużi differenzi bejn ir-rendiment mistenni u dak reali,
— żieda fid-domanda għall-fjuwil; domanda għall-elettriku, tisħin u tkessiħ,
— inputs u outputs ewlenin u disinn,
— identifikazzjoni ta’ problemi ta’ Riċerka u Żvilupp fil-ġejjieni.
B. Livell tal-ispejjeż
— spejjeż kapitali u ta’ tħaddim,
— spejjeż totali u spejjeż għal kull unità ta’ rendiment (tunnellata ta’ CO2 maħżun, MWh nadif prodott).
C. Ġestjoni tal-proġett
— leġiżlazzjoni/awtorizzazzjoni,
— ġestjoni tal-partijiet interessati, inkluża l-interazzjoni mal-Gvernijiet,
— pjanar,
— organizzazzjoni tal-proġett.
D. Impatt ambjentali
— effikaċja: tnaqqis ta’ emissjonijiet ta’ CO2 għal kull unità ta’ enerġija,
— impatti ambjentali oħra f’każ ta’ tħaddim mingħajr tfixkil.
E. Saħħa u sikurezza
— inċidenti li seħħew u li kważi seħħew (tħaddim imfixkel),
— sistemi għall-monitoraġġ u s-soluzzjoni ta’ problemi ta’ sikurezza,
— problemi tas-saħħa f’każ ta’ tħaddim mingħajr tfixkil.
F. Rendiment tas-sit tal-ħżin CCS
— mudelli u simulazzjonijiet (żvilupp ta’ plume ta’ CO2 – front ta’ pressjoni),
— riżultati ta’ kollazzjoni fl-imgħoddi u aġġustamenti (valutazzjoni li trid issir: normali f’medda ta’ valuri ta’ devjazzjoni jew irregolarità sinifikanti li teħtieġ it-teħid ta’ azzjoni),
— mġiba tal-ilma mielaħ spostat permezz ta’ injezzjoni ta’ CO2.
( 1 ) ĠU L 184, 17.7.1999, p. 23.
( 2 ) Il-limiti ta’ enerġija CCS huma indikati bħala produzzjoni elettrika grossa qabel il-qbid.
( 3 ) ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.