2010D0412 — MT — 13.07.2010 — 000.001


Dan id-dokument ġie magħmul bil-ħsieb li jintuża bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u l-istituzzjonijiet ma jassumu l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2010

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

(2010/412/UE)

(ĠU L 195, 27.7.2010, p.3)


Ikkoreġut b'

►C1

Rettifika, ĠU L 202, 4.8.2010, p. 16  (412/2010)




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Lulju 2010

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu

(2010/412/UE)



IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 87(2)(a) u 88 (2), flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Billi:

(1)

Bid-deċiżjoni tal-11 ta’ Mejju 2010, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea bejn l-Unjoni u l-Istati Uniti biex titqiegħed għad-dispożizzjoni tad-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti d-data dwar messaġġi finanzjarji għall-prevenzjoni u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(2)

B’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/411/UE tat-28 ta’ Ġunju 2010 ( 1 ) l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (“il-Ftehim”) ġie ffirmat fit-28 ta’ Ġunju 2010, suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard.

(3)

Il-Ftehim għandu jiġi konkluż.

(4)

Il-Ftehim jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, speċjalment id-dritt għal ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta, u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali rikonoxxut fl-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Ftehim għandu jiġi applikat skont dawk id-drittijiet u prinċipji.

(5)

Skont l-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, ir-Renju Unit innotifika x-xewqa tiegħu li jieħu sehem fl-adozzjoni u fl-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

(6)

F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-Pożizzjoni tar-Renju Unit u tal-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja anness għat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u għat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha.

(7)

B’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-Pożizzjoni tad-Danimarka anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-Danimarka mhijiex qiegħda tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, u mhijiex marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:



Artikolu 1

Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta’ Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea lejn l-Istati Uniti tal-Amerika għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (“il-Ftehim”) huwa b’dan approvat f’isem l-Unjoni ( 2 ).

It-test tal-Ftehim huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Il-Kummissjoni hija mistiedna tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, mhux aktar tard minn sena mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, qafas legali u tekniku għall-estrazzjoni tad-data fit-territorju tal-UE.

Fi żmien tlett snin mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, il-Kummissjoni hija mistiedna sabiex tippreżenta rapport tal-progress dwar l-iżvilupp ta’ sistema ekwivalenti tal-UE fir-rigward tal-Artikolu 11 tal-Ftehim.

Jekk, ħames snin wara d-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim, is-sistema ekwivalenti tal-UE ma tkunx ġiet stabbilita, l-Unjoni għandha tikkunsidra jekk iġġeddidx il-Ftehim skont l-Artikolu 21(2) tiegħu.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna(i) li jkollha s-setgħa li tipproċedi, f’isem l-Unjoni, għall-iskambju tal-istrumenti ta’ approvazzjoni previsti fl-Artikolu 23 tal-Ftehim, sabiex jesprimi l-kunsens tal-Unjoni li tintrabat.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.



( 1 ►C1  Ara paġna 1 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali. ◄

( 2 ) Id-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim għandha tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.