02010D0146 — MT — 17.12.2016 — 001.001


Dan it-test hu maħsub purament bħala għodda ta’ dokumentazzjoni u m’għandu l-ebda effett legali. L-istituzzjonijiet tal-Unjoni m'għandhom l-ebda responsabbiltà għall-kontenut tiegħu. Il-verżjonijiet awtentiċi tal-atti rilevanti, inklużi l-preamboli tagħhom, huma dawk ippubblikati fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u disponibbli f’EUR-Lex. Dawk it-testi uffiċjali huma aċċessibbli direttament permezz tal-links inkorporati f’dan id-dokument

►B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Marzu 2010

skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni pprovduta mill-Att tal-Gżejjer Faroe dwar l-Ipproċessar ta’ Dejta Personali

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1130)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/146/UE)

(ĠU L 058 9.3.2010, p. 17)

Emendat bi:

 

 

Il-Ġurnal Uffiċjali

  Nru

Paġna

Data

►M1

DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2295 Test b'rilevanza għaż-ŻEE tas-16 ta' Diċembru 2016

  L 344

83

17.12.2016




▼B

DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

tal-5 ta’ Marzu 2010

skont id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni pprovduta mill-Att tal-Gżejjer Faroe dwar l-Ipproċessar ta’ Dejta Personali

(notifikata bid-dokument numru C(2010) 1130)

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

(2010/146/UE)



Artikolu 1

Għall-finijiet ta’ Artikolu 25(2) tad-Direttiva 95/46/KE, il-Gżejjer Faroe huma meqjusa li jipprovdi livell adegwat ta’ protezzjoni għad-dejta personali ttrasferita mill-Unjoni Ewropea lid-destinatarji suġġetti għall-Att dwar l-Ipproċessar tad-Dejta Personali (‘l-Att tal-Gżejjer Faroe’).

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-adegwatezza tal-protezzjoni pprovduta fil-Gżejjer Faroe bl-Att tal-Gżejjer Faroe bil-ħsieb li tissodisfa l-ħtiġiet ta’ Artikolu 25(1) tad-Direttiva 95/46/KE u ma taffettwax il-kondizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet l-oħra li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet l-oħra ta’ dik id-Direttiva li għandhom x’jaqsmu mal-ipproċessar ta’ dejta personali ġewwa l-Istati Membri.

▼M1

Artikolu 3

Kull meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jeżerċitaw is-setgħat tagħhom skont l-Artikolu 28(3) tad-Direttiva 95/46/KE li jwasslu għas-sospensjoni jew il-projbizzjoni definittiva ta' flussi ta' dejta lil riċevitur fil-Gżejjer Faroe li l-attivitajiet tagħhom jaqgħu taħt l-ambitu tal-Att tal-Gżejjer Faroe dwar l-Ipproċessar tad-Dejta Personali sabiex jiġu protetti l-individwi fir-rigward tal-ipproċessar tad-dejta personali tagħhom, l-Istati Membri kkonċernati għandhom, mingħajr dewmien, jgħarrfu lill-Kummissjoni li tgħaddi l-informazzjoni lill-Istati Membri l-oħra.

Artikolu 4

1.  Il-Kummissjoni għandha, fuq bażi kontinwa, timmonitorja żviluppi fl-ordni ġuridiku tal-Gżejjer Faroe li jistgħu jaffettwaw il-funzjonament ta' din id-Deċiżjoni, inklużi l-iżviluppi dwar l-aċċess għal dejta personali minn awtoritajiet pubbliċi, bl-għan li jiġi evalwat jekk il-Gżejjer Faroe ikomplu jiżguraw livell adegwat ta' protezzjoni tad-dejta personali.

2.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinfurmaw lil xulxin bil-każijiet fejn l-azzjoni tal-korpi responsabbli li jiżguraw il-konformità mal-istandard ta' protezzjoni tal-Gżejjer Faroe tonqos milli tiżgura din il-konformità.

3.  L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jinformaw lil xulxin bi kwalunkwe indikazzjoni li l-interferenzi mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Gżejjer Faroe responsabbli għas-sigurtà nazzjonali, l-infurzar tal-liġi jew interessi pubbliċi oħra mad-dritt tal-individwi għall-protezzjoni tad-dejta personali tagħhom imorru lil hinn minn dak li huwa strettament neċessarju, jew li ma hemm l-ebda protezzjoni legali effettiva kontra tali interferenzi.

4.  Jekk l-evidenza turi li livell adegwat ta' protezzjoni m'għadux żgurat, inkluż f'sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Gżejjer Faroe u, jekk ikun meħtieġ, tipproponi abbozz ta' miżuri skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 31(2) tad-Direttiva 95/46/KE bil-għan li din id-Deċiżjoni tiġi rrevokata jew sospiża jew li jiġi limitat l-iskop tagħha.

▼B

Artikolu 5

Il-Kummissjoni għandha ssegwi t-tħaddim ta’ din id-Deċiżjoni u tirrapporta kwalunkwe informazzjoni relevanti lill-Kumitat imwaqqaf bl-Artikolu 31 tad-Direttiva 95/46/KE inkluż kull evidenza li tista’ taffettwa l-konklużjoni fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni, illi l-protezzjoni fil-Gżejjer Faroe hija adegwata skont it-tifsira tal-Artikolu 25 tad-Direttiva 95/46/KE u kwalunkwe evidenza illi din id-Deċiżjoni qed tkun implimentata b’mod diskriminatorju.

Artikolu 6

L-Istati Membru għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni l-iktar tard sa tmiem perjodu ta’ 90 jum mid-dejta tan-notifika tagħha lill-Istati Membri.

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tibda tapplika mill-15 ta’ Ġunju 2010.

Artikolu 8

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.